Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2052(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0268/2015

Testi mressqa :

A8-0268/2015

Dibattiti :

PV 27/10/2015 - 14
CRE 27/10/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 28/10/2015 - 7.11
CRE 28/10/2015 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0385

Testi adottati
PDF 457kWORD 108k
L-Erbgħa, 28 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu
Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda
P8_TA(2015)0385A8-0268/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda: linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (2015/2052(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ma' governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (COM(2014)0494) (minn hawn 'il quddiem "il-Linji gwida"),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni"),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 23, inkluża fid-Dikjarazzjonijiet marbuta mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar l-effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-ksib tal-objettivi ta' Lisbona u tal-UE2020(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba' u t-tmien rapporti ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014(6),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bit-titolu "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-iżvilupp u govenanza tajba fir-reġjunijiet u bliet tal-UE, tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport strateġiku tal-Kummissjoni tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013, tat-18 ta' April 2013 (COM(2013)0210),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Frar 2015 dwar linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (FSIE) ma' governanza ekonomika soda,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament ta' Jannar 2014 bit-titolu "Il-Governanza Ekonomika Ewropea u l-Politika ta' Koeżjoni" (Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-Parlament ta' Diċembru 2014 bit-titolu "Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda: linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni "(Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0268/2015),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni hi politika bbażata fuq it-TFUE, u hija espressjoni ta' solidarjetà Ewropea, intiża biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u, b'mod partikolari, tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni, filwaqt li tippromwovi żvilupp soċjoekonomiku bilanċjat u armonjuż; billi hija wkoll politika ta' investiment li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

B.  billi l-qafas leġiżlattiv attwali għall-politika ta' koeżjoni, filwaqt li jistabbilixxi rabtiet mal-Istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, is-Semestru Ewropew u l-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet relevanti speċifiċi għall-pajjiż u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, huwa madankollu soġġett għal missjonijiet, objettivi u prinċipji orizzontali speċifiċi ħafna;

C.  billi l-qafas legali attwali tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) għandu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra tal-UE;

D.  billi teżisti evidenza li governanza tajba u istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti huma essenzjali għal tkabbir ekonomiku fit-tul u sostenibbli, għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp soċjali u territorjali, għalkemm teżisti inqas evidenza fir-rigward tal-fatturi makroekonomiċi li jolqtu l-mod ta' kif taħdem il-politika ta' koeżjoni;

E.  billi l-imprevedibilità ekonomika u finanzjarja u l-inċertezza legali jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis fil-livelli ta' investiment pubbliku u privat, u jpoġġu f'riskju l-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni;

F.  billi l-Linji Gwida jirrigwardaw l-ewwel taqsima ta' miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; billi dan jirreferi għal programmar mill-ġdid u sospensjoni ta' pagamenti li mhumiex obbligatorji, kontrarjament għat-tieni taqsima tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jirrikjedi s-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti meta l-Istati Membri jonqsu milli jieħdu azzjoni korrettiva fil-kuntest tal-proċess ta' governanza ekonomika;

G.  billi, fil-passat, il-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż min-naħa tal-Istati Membri kien baxx, skont dak li jidher mill-evidenza tal-valutazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni fir-rigward ta' 279 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa fl-2012 u l-2013, li uri li 28 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż ġew indirizzati għalkollox jew li deher progress sostanzjali fihom (10 %) u li 136 (48.7 %) kienu kisbu xi progress, iżda għal 115 (41.2 %) ġie reġistrat progress limitat jew inkella ebda progress;

Rabta bejn l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda

1.  Jenfasizza l-importanza tal-istrumenti u r-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni biex jinżamm il-livell ta' investiment b'valur miżjud Ewropew fl-Istati Membri u r-reġjuni bil-għan li jissaħħaħ il-ħolqien tal-impjiegi u jittejbu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, speċjalment fejn l-investiment naqas b'mod sinifikanti minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja;

2.  Jemmen li l-mekkaniżmi ta' governanza ekonomika m'għandhomx ixekklu l-ksib tal-objettivi u l-għanijiet tal-politika tal-Fondi ESI, u fl-istess waqt jirrikonoxxi r-rilevanza tagħhom fil-kontribut għal ambjent makroekonomiku stabbli u politika ta' koeżjoni effiċjenti, effettiva u orjentata lejn ir-riżultati;

3.  Iqis li l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għandu jintuża biss bħala l-aħħar alternattiva biex jikkontribwixxi għal implimentazzjoni effiċjenti tal-Fondi ESI;

4.  Jenfasizza li l-programmi u l-objettivi tal-Fondi SIE huma ta' natura pluriennali u fit-tul, għall-kuntrarju taċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew; jindika, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni ta' dan tal-aħħar, u jappella għal koordinazzjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ proċessi u bejn il-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni rispettiva tagħhom;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tippreżenta White Paper li tqis l-effetti tal-investiment pubbliku fit-tul u tistabbilixxi tipoloġija ta' investimenti ta' kwalità, sabiex dawk li jipproduċu l-aqwa effetti fit-tul ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar;

6.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni kellha rwol vitali u wriet kapaċità ta' reazzjoni sinifikanti għar-restrizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali fil-kuntest tal-kriżi attwali, permezz tal-ipprogrammar mill-ġdid ta' aktar minn 11 % tal-baġit disponibbli bejn l-2007 u l-2012, bil-għan li tagħti sostenn lill-ħtiġijiet l-aktar urġenti u ssaħħaħ ċerti interventi; jisħaq, f'dan ir-rigward, li f'diversi Stati Membri, il-politika ta' koeżjoni rrappreżentat aktar minn 80 % tal-investiment pubbliku tul il-perjodu 2007-2013;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar data analitika dwar l-impatt u l-importanza tal-mekkaniżmi makroekonomiċi għall-iżvilupp reġjonali, għall-effettività tal-politika ta' koeżjoni u għall-interazzjoni bejn il-qafas ta' governanza ekonomika Ewropea u l-politika ta' koeżjoni, kif ukoll biex tipprovdi informazzjoni speċifika dwar kif il-politika ta' koeżjoni tikkontribwixxi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill relevanti;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-flessibilità eżistenti taħt ir-regoli tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir;

Programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

9.  Ifakkar li kwalunkwe deċiżjoni rigward l-ipprogrammar mill-ġdid jew sospensjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jeħtieġ tintuża biss f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, u trid tkun ikkunsidrata tajjeb, iġġustifikata bir-reqqa u implimentata b'mod kawt, b'indikazzjoni tal-programmi jew il-prijoritajiet ikkonċernati bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza u tkun tista' ssir verifika u rieżami; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn id-deċiżjonijiet m'għandhomx iżidu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni u l-Istati Membri minħabba l-ambjent soċjoekonomiku jew il-pożizzjoni ġeografika u l-ispeċifiċitajiet tagħhom fis-sens tal-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE;

10.  Iqis li l-ftehimiet u l-programmi ta' sħubija adottati fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali kkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relevanti u r-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kunsill, biex b'hekk żguraw li jkun hemm raġunijiet tajbin biex jiġi evitat kwalunkwe programmar mill-ġdid fuq perjodu ta' żmien medju, dment li l-kundizzjonijiet ekonomiċi ma jmorrux sostanzjalment għall-agħar;

11.  Jisħaq li l-ipprogrammar mill-ġdid frekwenti jkun kontroproduttiv u għandu jiġi evitat bil-għan li ma jxekkilx il-ġestjoni tal-fond jew idgħajjef l-istabilità u l-prevedibilità tal-istrateġija ta' investiment pluriennali u biex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv, inkluż fuq l-assorbiment tal-Fondi SIE;

12.  Jilqa' l-approċċ kawt tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ipprogrammar mill-ġdid, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li żżommu għall-minimu meħtieġ; jitlob li jkun hemm approċċ ta' 'twissija bikrija' bil-għan li l-Istati Membri kkonċernati jiġu infurmati dwar it-tnedija tal-proċedura ta' programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u jenfasizza li kwalunkwe talba għal programmar mill-ġdid għandha tiġi ppreċeduta minn konsultazzjoni tal-kumitat ta' monitoraġġ;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, analiżi komprensiva tal-għażliet kollha li huma disponibbli għajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni biex tindirizza kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal talba għal programmar mill-ġdid;

14.  Jiddeplora kwalunkwe żieda sproporzjonata fil-piż amministrattiv u l-ispejjeż sussegwenti għal kull livell tal-amministrazzjoni kkonċernat, minħabba l-iskadenzi qosra u l-kumplessità tal-proċedura ta' programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; iwissi kontra kwalunkwe trikkib bejn il-proċeduri ta' programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u ċ-ċikli tas-Semestru Ewropew sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tivvaluta mill-ġdid l-applikazzjoni tal-iskadenzi skont ir-rieżami previst fl-Artikolu 23(16) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

Il-prinċipji orizzontali skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Linji Gwida ma jagħmlux referenza espliċita għall-prinċipji ġenerali u orizzontali stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u jfakkar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni trid tikkunsidra u tkun konformi ma' dawn il-prinċipji, b'mod partikolari mal-prinċipji ta' sħubija u governanza f'diversi livelli, u mar-Regolament u l-Qafas Strateġiku Komuni b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tiċċara kif dawn il-prinċipji se jitqiesu b'mod speċifiku fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

Id-dimensjoni sottonazzjonali tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

16.  Jenfasizza li ż-żieda fid-dejn pubbliku toriġina prinċipalment mill-politiki li jsegwu l-gvernijiet tal-Istati Membri, u jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' kapaċità li kwistjonijiet makroekonomiċi jiġu indirizzati kif jixraq fil-livell nazzjonali jaf jippenalizza lill-awtoritajiet sottonazzjonali u lill-benefiċjarji u l-applikanti tal-Fondi SIE;

17.  Ifakkar li r-regoli dwar il-konċentrazzjoni tematika previsti fil-politika ta' koeżjoni tal-perjodu 2014-2020 jippermettu ċertu livell ta' flessibilità fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri u r-reġjuni, u jinnota li l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni taf tillimita din il-flessibilità; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-isfidi territorjali ewlenin, kif ukoll il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u s-sħab kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, l-impatt u l-kosteffiċjenza fil-livelli reġjonali u lokali ta' kull miżura adottata skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

19.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti b'mod attiv fi kwalunkwe programmar mill-ġdid, u huwa tal-fehma li peress li l-Fondi SIE huma marbuta ma' governanza ekonomika soda, is-Semestru Ewropew għandu jingħata dimensjoni territorjali bl-involviment ta' dawk l-awtoritajiet ukoll;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni taqra l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni f'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, billi tqis is-sitwazzjoni ta' dawk l-Istati Membri u reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet soċjoekonomiċi u fejn il-Fondi SIE jikkostitwixxu sehem sinifikanti tal-investiment, li huwa aktar evidenti fil-kuntest ta' kriżi; jisħaq li l-Istati Membri u r-reġjuni, b'mod partikolari dawk li baqgħu lura, m'għandhomx jintlaqtu ulterjorment;

Koordinazzjoni istituzzjonali, trasparenza u responsabilità

21.  Ifakkar li koordinazzjoni istituzzjonali soda hija essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-komplementarjetajiet u s-sinerġiji tal-politika tajba, kif ukoll interpretazzjoni xierqa u stabbli tal-qafas ta' governanza ekonomika soda u l-interazzjoni tagħha mal-politika ta' koeżjoni;

22.  Jitlob li jkun hemm fluss adegwat ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, u li jsir dibattitu pubbliku fil-livell politiku xieraq bil-għan li jiġi żgurat fehim komuni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill iddedikata għall-politika ta' koeżjoni inkarigata mid-deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

23.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità billi l-Parlament jingħata sorveljanza demokratika tas-sistema ta' governanza fil-kuntest tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li jintroduċi limitazzjonijiet importanti fl-approċċ minn isfel għal fuq, li huwa aspett importanti tal-politika ta' koeżjoni;

Sospensjoni tal-pagamenti

24.  Ifakkar li s-sospensjoni tal-pagamenti hija kwistjoni deċiża mill-Kunsill abbażi ta' proposta li l-Kummissjoni tista' tadotta fil-każ li l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jieħu azzjoni effettiva; jissottolinja s-salvagwardji legali importanti stabbiliti mill-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni bil-għan li tiġi żgurata l-eċċezzjonalità tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni;

25.  Jenfasizza n-natura penalizzanti ta' kwalunkwe sospensjoni tal-pagamenti, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tipproponi s-sospensjoni tal-pagamenti bl-akbar kawtela u b'konformità stretta mal-Artikolu 23(6) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, wara li tkun ivvalutat kif jixraq l-informazzjoni u l-elementi relevanti kollha li jirriżultaw mid-djalogu strutturat, kif ukoll l-opinjonijiet espressi permezz tiegħu;

26.  Jilqa', fil-kuntest tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-programmi li għandhom jiġu sospiżi u l-livell ta' sospensjoni skont l-ewwel taqsima, l-approċċ kawt adottat fil-Linji Gwida fejn ser jitqiesu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri billi jiġu kkunsidrati fatturi mitiganti simili għal dawk previsti fis-sospensjonijiet skont l-Artikolu 23(9) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenza għat-tneħħija tas-sospensjoni skont l-Artikolu 23(8) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

Ir-rwol tal-Parlament fil-qafas tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

28.  Jiddispjaċih li l-Linji Gwida ma jagħmlu l-ebda referenza għar-rwol tal-Parlament, minkejja l-fatt li r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u minkejja l-appelli konsistenti tal-Parlament biex tissaħħaħ ir-responsabilità u l-kontroll demokratiċi fil-kuntest tal-governanza ekonomika;

29.  Iqis li l-involviment tal-Parlament, bħala l-garanti demokratiku ewlieni għall-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 23(15) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, għandu jiġi formalizzat permezz ta' proċedura ċara li tippermetti lill-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat fl-istadji kollha fir-rigward tal-adozzjoni ta' talbiet għal programmar mill-ġdid jew ta' kwalunkwe proposta jew deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti;

30.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm kollaborazzjoni kostanti, ċara u trasparenti fil-livell interistituzzjonali, u jqis li tali proċedura għandha tinkludi, minn tal-inqas, dawn il-passi li ġejjin:

   il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill li huma relevanti fil-kuntest tal-Fondi SIE, kif ukoll dwar il-programmi ta' assistenza finanzjarja, jew modifiki rispettivi, li jistgħu jwasslu għal talba għal programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;
   il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament dwar kwalunkwe talba għal programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jew dwar kwalunkwe proposta għal deċiżjoni li jiġu sospiżi l-pagamenti skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, biex b'hekk tippermetti lill-Parlament jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu fil-forma ta' riżoluzzjoni qabel ma tieħu passi ulterjuri;
   il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament u kwalunkwe element li jirriżulta mid-djalogu strutturat skont l-Artikolu 23(15) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jew opinjonijiet espressi permezz ta' tali djalogu;
   il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna mill-Parlament biex tispjega jekk l-opinjonijiet tal-Parlament ġewx ikkunsidrati fil-proċess, kif ukoll jekk sarx xi segwitu ieħor għad-djalogu strutturat;
   il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandhom jiġu infurmati u jinstemgħu dwar talbiet għal programmar mill-ġdid;
   Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu djalogu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, billi jiżguraw koordinazzjoni interistituzzjonali u fluss xieraq ta' informazzjoni, waqt li jingħata lok għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' kwalunkwe proċedura skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-impatt u r-riżultati miksuba fl-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, fil-kuntest tar-rieżami tal-applikazzjoni tiegħu f'konformità mal-paragrafu 17 ta' dan l-Artikolu, fosthom billi tagħti dettalji dwar sa liema punt kull talba għal programmar mill-ġdid kienet ibbażata fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill relevanti, jew safejn saħħet l-impatt tat-tkabbir u l-kompetittività tal-Fondi SIE disponibbli għall-Istati Membri taħt programmi ta' assistenza finanzjarja, kif ukoll billi tipprovdi d-data dwar kwalunkwe ammont sospiż u l-programmi kkonċernati;

o
o   o

32.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU C 375, 20.12.2013, p. 2.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0401.
(4) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 120.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0132.
(6) Testi adottati, P8_TA(2014)0038.

Avviż legali - Politika tal-privatezza