Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2635(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1092/2015

Testi mressqa :

B8-1092/2015

Dibattiti :

PV 28/10/2015 - 13
CRE 28/10/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 29/10/2015 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0388

Testi adottati
PDF 395kWORD 133k
Il-Ħamis, 29 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu
Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljaza tal-massa elettronika ta' ċittadini tal-UE
P8_TA(2015)0388B8-1092/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar is-Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE (2015/2635(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-qafas legali stabbilit mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6, 7, 10 u 21 tiegħu, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 6, 7, 8, 10, 11, 20, 21, 42, 47, 48 u 52 tiegħu, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 8, 9, 10 u 13 tiegħu u l-ġurisprudenza tal-Qrati Ewropej dwar is-sigurtà, il-privatezza u l-libertà tal-espressjoni;

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(1) (ir-Riżoluzzjoni);

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tad-19 ta' Jannar 2015 bl-isem "Dwar is-Segwitu għall-Inkjesta mill-Kumitat LIBE dwar is-Sorveljanza Elettronika tal-Massa taċ-Ċittadini tal-UE" (2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari għall-Kunsill tal-Ewropa tal-21 ta' April 2015 dwar is-Sorveljanza tal-Massa;

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-Sorveljanza tal-Massa Elettronika taċ-Ċittadini Ewropej (O-000114/2015 – B8-0769/2015 u O-000115/2015 – B8-0770/2015),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fir-Riżoluzzjoni l-Parlament stieden lill-awtoritajiet Amerikani u lill-Istati Membri tal-UE jipprojbixxu l-attivitajiet ġenerali ta' sorveljanza tal-massa u l-ipproċessar tal-massa ta' data personali taċ-ċittadini u ddenunzja l-azzjonijiet rappurtati mis-servizzi tal-intelligence li serjament affettwaw il-fiduċja u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; billi r-Riżoluzzjoni rrimarkat l-eżistenza possibbli ta' motivazzjonijiet oħra bħal spjunaġġ politiku u ekonomiku, meta titqies il-kapaċità tal-programmi rappurtati ta' sorveljanza tal-massa;

B.  billi r-Riżoluzzjoni nediet "Habeas Corpus diġitali Ewropew – għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-era diġitali" bi tmien azzjonijiet speċifiċi u talbet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jindirizza lill-Parlament fi żmien sena bl-għan li jevalwa sa liema punt ġew segwiti r-rakkomandazzjonijiet;

C.  billi d-dokument ta' ħidma tad-19 ta' Jannar 2015 jirrapporta dwar l-iżviluppi sa mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni, filwaqt li kompla fluss ta' rivelazzjonijiet ta' attivitajiet allegati ta' sorveljanza elettronika tal-massa, u dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-"Habeas Corpus Diġitali Ewropew" propost, fejn indika r-rispons limitat tal-istituzzjonijiet, tal-Istati Membri u tal-partijiet interessati li ntalbu jaġixxu;

D.  billi fir-Riżoluzzjoni tiegħu l-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji l-oħra tal-UE biex jaġixxu b'rabta mar-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 265 tat-TFUE ("nuqqas ta' aġir");

E.  billi l-Wikileaks reċentement irrivelaw is-sorveljanza mmirata ta' komunikazzjonijiet tal-aħħar tliet Presidenti Franċiżi kif ukoll tal-ministri tal-kabinett Franċiż u tal-Ambaxxatur Franċiż fl-Istati Uniti; billi dan l-ispjunaġġ strateġiku u ekonomiku seħħ fuq skala kbira tul l-aħħar għaxar snin mill-NSA, fir-rigward tal-istrutturi statali Franċiżi kif ukoll l-akbar kumpaniji Franċiżi;

F.  billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni jiddikjara li l-kriptaġġ u l-anonimità jipprovdu l-privatezza u s-sigurtà meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni fl-era diġitali; billi r-rapport jiddikjara wkoll li kwalunkwe restrizzjoni fuq il-kriptaġġ u l-anonimità għandhom jiġu strettament limitati skont il-prinċipji tal-legalità, il-ħtieġa, il-proporzjonalità u l-leġittimità;

1.  Jilqa' l-inkjesti tal-Bundestag Ġermaniż, tal-Kunsill tal-Ewropa, tan-Nazzjonijiet Uniti u tas-Senat Brażiljan, id-dibattiti f'bosta Parlamenti nazzjonali oħra u l-ħidma ta' bosta protagonisti tas-soċjetà ċivili, li kkontribwew għas-sensibilizzazzjoni ġenerali fir-rigward tas-sorveljanza elettronika tal-massa;

2.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE sabiex jirtiraw kwalunkwe akkuża kriminali miġjuba kontra Edward Snowden, jagħtuh protezzjoni u konsegwentement jipprevjenu l-estradizzjoni jew il-konsenja minn partijiet terzi, b'rikonoxximent tal-istatus tiegħu bħala informatur u difensur internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Huwa madankollu diżappuntat ħafna min-nuqqas ġenerali ta' sens ta' urġenza u ta' rieda murija mill-parti l-kbira tal-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet imqajma fir-Riżoluzzjoni u sabiex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet konkreti li kien fiha, kif ukoll dwar in-nuqqas ta' trasparenza lejn u d-djalogu mal-Parlament Ewropew;

4.  Jinsab imħasseb dwar xi wħud mil-liġijiet riċenti f'xi Stati Membri li jestendu l-kapaċitajiet ta' sorveljanza ta' korpi ta' intelligence, inkluż, fi Franza, permezz tal-liġi l-ġdida tal-Intelligence Franċiża adottata mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża fl-24 ta' Ġunju 2015, li diversi dispożizzjonijiet tagħha, skont il-Kummissjoni, iqajmu kwistjonijiet legali importanti, fir-Renju Unit bl-adozzjoni tal-Att dwar iż-Żamma tad-Data u s-Setgħat Investigattivi (Data Retention and Investigatory Powers Act) 2014, u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti li ċerti artikoli kienu illegali u li m'għandhomx jiġu applikati, u l-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida fin-Netherlands biex taġġorna l-Att għall-Intelligence u s-Sigurtà tal-2002; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li l-oqfsa leġiżlattivi attwali u futuri tagħhom u l-mekkaniżmi ta' sorveljanza li jirregolaw l-attivitajiet tal-aġenziji ta' intelligence ikunu konformi mal-istandards tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-Unjoni;

5.  Jilqa' l-inkjesta tal-Bundestag Ġermaniż dwar is-sorveljanza tal-massa; jinsab ferm imħasseb dwar ir-rivelazzjonijiet tas-sorveljanza tal-massa tat-telekomunikazzjonijiet u t-traffiku tal-internet fi ħdan l-Unjoni mill-aġenzija Ġermaniża tal-intelligence barranija BND, b'kooperazzjoni mal-NSA; iqis li dan huwa ksur tal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE;

6.  Jitlob lill-President tiegħu biex jistieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa jniedi l-proċedura tal-Artikolu 52 li tipprevedi li "meta tirċievi talba mingħand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, kull Parti Għolja Kontraenti għandha tipprovdi spjegazzjoni ta' kif il-liġi interna tagħha tassigura l-implementazzjoni effettiva ta' kwalunkwe dispożizzjoni tal-Konvenzjoni";

7.  Iqis li r-reazzjoni tal-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni s'issa ma kienet xejn adegwata, meta titqies il-portata tar-rivelazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq it-talbiet magħmula fir-Riżoluzzjoni sa mhux aktar tard minn Diċembru 2015; jirriżerva d-dritt li jieħu azzjoni għal nuqqas ta' aġir jew li jqiegħed ċerti riżorsi baġitarji għall-Kummissjoni f'riżerva sakemm jiġu indirizzati kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet kollha;

8.  Jenfasizza s-sinifikat tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tat-8 ta' April 2014 li tiddikjara invalida d-Direttiva 2006/24/KE dwar iż-Żamma tad-Data; ifakkar li l-Qorti stipulat li l-interferenza ta' dan l-istrument mad-dritt fundamentali għall-privatezza għandha tkun limitata għal dak li hu strettament meħtieġ; jenfasizza l-fatt li din is-sentenza tippreżenta aspett ġdid sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi speċifikament għal korp partikolari ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward il-kwistjoni ta’ “programmi ġenerali ta’ sorveljanza” u issa inkorporat effettivament l-istess prinċipji, li jirriżultaw minn dik l-istess ġurisprudenza partikolari tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fid-dritt tal-UE fl-istess qasam; jenfasizza li għalhekk huwa mistenni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġejjieni, tapplika l-istess raġunament meta teżamina l-validità, fil-qafas tal-Karta, ta’ atti leġiżlattivi oħra tal-UE u tal-Istati Membri fl-istess qasam ta’ “programmi ġenerali ta’ sorveljanza”;

Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data

9.  Jilqa' l-ftuħ ta' negozjati interistituzzjonali informali dwar l-abbozz tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-adozzjoni mill-Kunsill ta' approċċ ġenerali dwar l-abbozz tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data; itenni l-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi n-negozjati dwar il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-2015;

10.  Ifakkar lill-Kunsill dwar l-impenn tiegħu li jirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-emendi tiegħu għall-proposti tal-Kummissjoni; itenni b'mod partikolari li l-livell ta' protezzjoni offrut m'għandux ikun aktar baxx minn dak diġà stabbilit mid-Direttiva 95/46/KE;

11.  Jenfasizza li kemm ir-Regolament għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data huma meħtieġa biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-individwi, u li t-tnejn li huma għandhom għaldaqstant jiġu ttrattati bħala pakkett biex jiġu adottati fl-istess ħin, sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data fl-UE jagħtu livell għoli ta' protezzjoni fiċ-ċirkostanzi kollha; jissottolinja li l-objettiv tat-tisħiħ tad-drittijiet u l-protezzjonijiet ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom għandu jintlaħaq meta jiġi adottat il-pakkett;

Ftehim komprensiv UE-Stati Uniti

12.  Jinnota li mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni, in-negozjati mal-Istati Uniti dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi trasferita u proċessata għal finijiet ta' infurzar tal-liġi (minn issa 'l quddiem il-"ftehim komprensiv") ġew konklużi u l-abbozz ta' ftehim ġie inizjalat;

13.  Jilqa' l-isforzi mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex terġa' tinbena fiduċja permezz tal-ftehim komprensiv, u partikolarment jilqa’ l-fatt li l-Att ta' Rimedju Ġudizzjarju ("Judicial Redress Act") tal-2015ġie adottat b’suċċess mill-Kamra tar-Rappreżentanti fl-20 ta’ Ottubru 2015, billi ġew sottolinjati l-passi sostanzjali u pożittivi meħuda mill-Istati Uniti biex iwieġbu għat-tħassib tal-UE; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li jiġu żgurati, meta ċ-ċirkostanzi kollha jkunu identiċi, l-istess drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju effettiv għaċ-ċittadini tal-UE jew individwi li d-data personali tagħhom hija pproċessata fl-UE u trasferita lejn l-Istati Uniti mingħajr ebda diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-UE u dawk tal-Istati Uniti; jistieden lis-Senat tal-Istati Uniti jgħaddi leġiżlazzjoni li tiżgura dan; jissottolinja li wieħed mill-prerekwiżiti għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim komprensiv huwa l-adozzjoni tal-Att ta' Rimedju Ġudizzjarju ("Judicial Redress Act") fil-Kungress tal-Istati Uniti;

Żona ta' Sikurezza

14.  Ifakkar li r-Riżoluzzjoni titlob sospensjoni immedjata tad-"Deċiżjoni taż-Żona ta' Sikurezza", peress li din ma tipprovdix protezzjoni adegwata tad-data personali għaċ-ċittadini tal-UE;

15.  Ifakkar li kwalunkwe ftehim internazzjonali konkluż mill-UE jieħu preċedenza fuq il-liġi sekondarja tal-UE, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ftehim komprensiv ma jirrestrinġix id-drittijiet u s-salvagwardji tas-suġġetti tad-data appplikabbli għat-trasferiment ta’ data f’konformità mad-dritt tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, teżamina fid-dettall preċiżament kif il-ftehim komprensiv jinteraġixxi mal-qafas legali għall-protezzjoni tad-data, u jkollu effett fuqu, inkluż, rispettivament, id-deċiżjoni qafas attwali tal-Kunsill, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (95/46/KE) u d-direttiva u r-regolament futuri dwar il-protezzjoni tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni legali dwar din il-kwistjoni lill-Parlament qabel ma tibda l-proċedura ta’ ratifika;

16.  Ifakkar li l-Kummissjoni indirizzat 13-il rakkomandazzjoni lill-Istati Uniti fil-Komunikazzjonijiet tagħha tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-funzjonament taż-"Żona ta' Sikurezza" sabiex tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni;

17.  Jilqa' li fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 il-QtĠ-UE ddikjarat invalida d-Deċiżjoni ta' Idoneità tal-Kummissjoni 2000/520/KE dwar iż-"Żona ta' Sikurezza" tal-Istati Uniti; jenfasizza li din id-deċiżjoni kkonfermat il-pożizzjoni li ilu jħaddan il-Parlament rigward in-nuqqas ta' livell adegwat ta' protezzjoni skont dan l-istrument; jistieden lill-Kummissjoni biex immedjatament tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li d-data personali kollha trasferita lejn l-Istati Uniti tkun soġġetta għal livell effettiv ta' protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit fi ħdan l-UE;

18.  Joġġezzjona għall-fatt li l-Parlament ma rċieva ebda komunikazzjoni formali mill-Kummissjoni dwar l-istat ta' implimentazzjoni tat-13-il rakkomandazzjoni minkejja t-tħabbira tal-Kummissjoni li tagħmel dan sas-sajf tal-2014; jissottolinja li wara d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE li tinvalida d-Deċiżjoni 2000/520/KE issa huwa urġenti li l-Kummissjoni tagħti aġġornament approfondit dwar in-negozjati s'issa u l-impatt tas-sentenza dwar negozjati ulterjuri li tħabbru; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti immedjatament dwar alternattivi għaż-"Żona ta' Sikurezza" u dwar l-impatt tas-sentenza dwar kwalunkwe strument ieħor għat-trasferiment ta' data personali lejn l-Istati Uniti u biex tirrapporta dwar dan sa tmiem l-2015;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt legali u l-implikazzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2015 fil-kawża Schrems (C-362/14) fir-rigward ta’ kwalunkwe ftehim ma’ pajjiżi terzi li jippermettu t-trasferiment ta’ data personali, bħall-Ftehim dwar il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-ftehimiet dwar reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR), il-ftehim komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti u strumenti oħra skont id-dritt tal-UE li jinvolvu l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali;

Sorveljanza Demokratika

20.  Filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ li l-parlamenti nazzjonali għandhom kompetenza sħiħa fis-sorveljanza ta' servizzi ta' intelligence nazzjonali, jistieden lill-parlamenti nazzjonali kollha li għadhom m'għamlux dan biex jevalwaw bir-reqqa u jinstallaw sorveljanza sinifikanti tal-attivitajiet ta' intelligence u biex jiżguraw li dawn il-kumitati/korpi ta' sorveljanza jkollhom biżżejjed riżorsi, kompetenza teknika u mezzi legali u aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha biex ikunu jistgħu b'mod effettiv u indipendenti jissorveljaw is-servizzi ta' intelligence u skambji ta' informazzjoni ma' servizzi ta' intelligence barranin oħra; jesprimi mill-ġdid l-impenn tiegħu li jikkoopera mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali biex jiżgura li mekkaniżmi effikaċi ta' sorveljanza jkunu fis-seħħ, inkluż permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u standards komuni;

21.  Bi ħsiebu jsegwi l-konferenza dwar is-Sorveljanza Demokratika ta' Servizzi ta' Intelligence fl-Unjoni Ewropea tat-28 u d-29 ta' Mejju 2015 u jissokta bl-isforzi tiegħu biex jiżgura l-qsim tal-aħjar prattiki dwar is-sorveljanza tal-intelligence, b'koordinazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali; jilqa' r-rimarki konkludenti konġunti tal-kopresidenti ta' din il-konferenza li ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jlaqqgħu konferenza ta' segwitu fi żmien sentejn;

22.  Iqis li l-għodod eżistenti ta' kooperazjoni fost il-korpi ta' sorveljanza, pereżempju n-Netwerk Ewropew tar-Reviżuri tal-Intelligence Nazzjonali ("European Network of National Intelligence Reviewers") (ENNIR), għandhom jingħataw appoġġ u għandu jiżdied l-użu tagħhom, possibilment billi jsir użu mill-potenzjal tal-IPEX għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali, bi qbil mal-kamp ta' applikazzjoni u l-kapaċità teknika tiegħu;

23.  Itenni t-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-Ftehim fuq il-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP);

24.  Jenfasizza li definizzjoni komuni ta' "sigurtà nazzjonali" hi meħtieġa għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex tiġi żgurata ċertezza legali; jinnota li n-nuqqas ta' definizzjoni ċara jippermetti li jkun hemm arbitrarjetà u abbużi tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt mill-komunitajiet eżekuttivi u tal-intelligence fl-UE;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu dispożizzjonijiet ta' skadenza u ta' estensjoni fil-leġiżlazzjoni li jippermettu l-ġbir ta' data personali jew is-sorveljanza taċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li d-dispożizzjonijiet ta' skadenza u ta' estensjoni huma salvagwardji essenzjali biex jiġi żgurat li strument li jkun invażiv għall-privatezza jiġi skrutinizzat regolarment fir-rigward tan-neċessità u l-proporzjonalità tiegħu f'soċjetà demokratika;

Bini mill-ġdid tal-fiduċja

26.  Jenfasizza li relazzjoni b'saħħitha bejn l-UE u l-Istati Uniti tibqa' assolutament essenzjali għaż-żewġ sħab; jinnota li r-rivelazzjonijiet dwar is-sorveljanza affettwaw l-appoġġ pubbliku għal dik ir-relazzjoni u jenfasizza li jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li dik il-fiduċja terġa' tinbena, b'mod partikolari fid-dawl tal-bżonn attwali urġenti għal kooperazzjoni dwar għadd kbir ta' kwistjonijiet ġeopolitiċi ta' tħassib komuni; jenfasizza f'dan il-kuntest li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni nnegozjata bejn l-Istati Uniti u l-UE fit-totalità tagħha, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali;

27.  Jilqa' d-deċiżjonijiet leġiżlattivi u ġudizzjarji reċenti meħuda mill-Istati Uniti biex jillimitaw is-sorveljanza tal-massa mill-NSA, inkluża l-adozzjoni tal-"USA Freedom Act" fil-Kungress mingħajr ebda emenda bħala riżultat ta' kompromess bikamerali u bipartitiku, u s-sentenza tal-Qorti tal-Appell tat-Tieni Istanza ("Second Circuit Court of Appeals") fil-programm tal-ġbir ta' rekords telefoniċi tal-NSA; jiddispjaċih, madankollu, li dawn id-deċiżjonijiet jiffukaw primarjament fuq persuni tal-Istati Uniti waqt li s-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-UE tibqa' l-istess;

28.  Iqis li kwalunkwe deċiżjoni biex tintuża teknoloġija ta' sorveljanza għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni approfondita tan-neċessità u l-proporzjonalità; jilqa' r-riżultati tal-proġett ta' riċerka SURVEILLE li joffri metodoloġija għal valutazzjoni ta' teknoloġiji ta' sorveljanza billi jitqiesu kunsiderazzjonijiet legali, etiċi u teknoloġiċi;

29.  Jenfasizza li l-UE għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' standards/prinċipji internazzjonali, fil-livell tan-NU, bi qbil mal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, sabiex jinħoloq qafas globali għall-protezzjoni tad-data, inklużi limiti speċifiċi fir-rigward tal-ġbir għal skopijiet ta' sigurtà nazzjonali;

30.  Jinsab konvint li huwa biss jekk jiġu stabbiliti regoli kredibbli fil-livell globali li tista' tiġi evitata "tellieqa għall-armi ta' sorveljanza";

Kumpaniji privati

31.  Jilqa' l-inizjattivi tas-settur privat tal-ICT biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għas-sigurtà kriptografika u servizzi tal-Internet li jtejbu l-privatezza; iħeġġeġ l-iżvilupp kontinwu ta' parametri tal-applikazzjoni li jintużaw faċilment mill-utenti li jgħinu lill-konsumaturi jikkontrollaw liema informazzjoni jridu jaqsmu ma' min u b'liema mod; jinnota li bosta kumpaniji ħabbru wkoll pjanijiet biex jippermettu kriptaġġ "end-to-end" b'rispons għar-rivelazzjonijiet dwar is-sorveljanza tal-massa;

32.  Itenni li skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE l-Istati Membri m'għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri ta' servizzi tat-trażmissjoni, ħżin tad-data u hosting biex jissorveljaw l-informazzjoni li jitrażmettu jew jaħżnu, u lanqas obbligu ġenerali biex attivament ifittxu fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali; ifakkar b'mod partikolari li l-QtĠ-UE fis-Sentenzi tagħha C-360/10 u C-70/10 ċaħdet miżuri għas-"sorveljanza attiva" tal-utenti kważi kollha tas-servizzi konċernati (fornituri tal-aċċess għall-internet f'każ minnhom, netwerk soċjali fl-ieħor) u speċifikat li kwalunkwe inġunzjoni li tirrikjedi li l-fornitur tas-servizz tal-hosting iwettaq sorveljanza ġenerali tkun prekluża;

33.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' rapporti ta' trasparenza mill-kumpaniji tal-IT u tat-telekomunikazzjonijiet dwar it-talbiet tal-gvern għal data tal-utenti; jistieden lill-Istati Membri biex jippubblikaw statistiċi dwar it-talbiet tagħhom lil kumpaniji privati għal informazzjoni privata tal-utenti;

Il-ftehim TFTP

34.  Huwa diżappuntat li l-Kummissjoni injorat it-talba ċara tal-Parlament għas-sospensjoni tal-Ftehim TFTP, peress li ma ngħatat l-ebda informazzjoni ċara dwar jekk id-data SWIFT kinitx tkun aċċessata lilhinn mit-TFTP minn kwalunkwe korp ieħor tal-Gvern tal-Istati Uniti; biħsiebu jqis dan meta jkun qed jiddibatti jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu għal ftehimiet internazzjonali futuri;

Skambju ieħor ta' data personali ma' pajjiżi terzi

35.  Jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu li l-ftehimiet, mekkaniżmi u deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza kollha għal skambji ma' pajjiżi terzi li jinvolvu d-data personali jeħtieġu monitoraġġ rigoruż u azzjoni ta' segwitu immedjata mill-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati;

36.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Riga bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' Ġunju 2015 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transatlantika fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, li fiha l-firmatarji ħadu l-impenn li jtejbu l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Istati Uniti u l-UE ("US-EU Mutual Legal Assistance Agreement") (MLAT), biex jikkonkludu r-rieżami tiegħu kif previst fil-Ftehim, u jmexxu workshops biex jiddiskutu l-kwistjonijiet ikkonċernati mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; jissottolinja li l-MLATs huma l-istrument li abbażi tagħhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi; f'dan ir-rigward jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Gvern tal-Istati Uniti jaderixxu mal-impenji msemmija hawn fuq għall-konklużjoni rapida tar-rieżami tal-MLAT bejn l-Istati Uniti u l-UE;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament sa tmiem l-2015 dwar in-nuqqasijiet identifikati fid-diversi strumenti użati għat-trasferimenti internazzjonali tad-data fir-rigward tal-aċċess mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence ta' pajjiżi terzi, u dwar il-mezzi biex dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-protezzjoni adegwata meħtieġa tad-data personali tal-UE trasferita lejn pajjiżi terzi;

Protezzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE / titjib tal-protezzjoni għall-informaturi u l-ġurnalisti

38.  Iqis li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għadhom jinsabu f'periklu, u li sar ftit wisq biex tiġi żgurata l-protezzjoni sħiħa tagħhom f'każ ta' sorveljanza elettronika tal-massa; jiddispjaċih dwar il-progress limitat biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-whistleblowers u l-ġurnalisti;

39.  Jiddeplora l-fatt li bosta programmi ta' intelligence tal-massa u fuq skala kbira jidhru motivati wkoll minn interessi ekonomiċi ta' kumpaniji li jiżviluppaw u joperaw dawn il-programmi, bħal fil-każ tat-tmiem tal-programm immirat tal-NSA "Thinthread" u s-sostituzzjoni tiegħu bi programm ta' sorveljanza fuq skala kbira, "Trailblazer", li ġie esternalizzat lil SAIC fl-2001;

40.  Itenni t-tħassib serju tiegħu b'rabta mal-ħidma fi ħdan il-Kumitat tal-Konferenza dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001 (Konvenzjoni ta' Budapest) dwar l-aċċess transkonfinali għal data informatika maħżuna b'approvazzjoni jew fejn pubblikament disponibbli, u jopponi kwalunkwe konklużjoni ta' protokoll jew gwida addizzjonali maħsuba biex jestendu l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni lil hinn mir-reġim attwali stabbilit minn din il-Konvenzjoni, li diġà hija eċċezzjoni maġġuri għall-prinċipju ta' territorjalità għaliex dan jista' jwassal għal aċċess mill-bogħod mingħajr ebda xkiel mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'servers u kompjuters li jinsabu f'ġurisdizzjonijiet oħra mingħajr rikors għal ftehimiet MLA u strumenti oħra ta' kooperazzjoni ġudizzjarja implimentati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-individwu, inkluża l-protezzjoni tad-data u l-proċess ġust; jissottolinja li l-UE eżerċitat il-kompetenza tagħha fil-qasam taċ-ċiberkriminalità u għaldaqstant għandhom jiġu rispettati il-prerogattivi kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Parlament;

41.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma weġbitx għat-talba tal-Parlament li twettaq eżami dwar programm ta' protezzjoni komprensiv Ewropew għall-whistleblowers, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa mhux iktar tard minn tmiem l-2016, komunikazzjoni dwar dan is-suġġett;

42.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni adottata fit-23 ta' Ġunju 2015 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar "It-titjib tal-protezzjoni tal-informaturi", u b'mod partikolari l-punt 9 tagħha dwar l-importanza tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta ("whistleblowing") sabiex jiġi żgurat li l-limiti legali imposti fuq is-sorveljanza jiġu rispettati, u l-punt 10 tagħha li jistieden lill-UE tippromulga liġijiet ta' protezzjoni tal-informaturi li jkopru wkoll impjegati ta' servizzi ta' sigurtà nazzjonali jew ta' intelligence u impriżi privati li jaħdmu f'dan il-qasam, u li jingħata l-asil, sa fejn ikun possibbli skont il-liġi nazzjonali, lill-informaturi mhedda minn ritaljazzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, sakemm id-divulgazzjonijiet tagħhom ikunu jikkwalifikaw għall-protezzjoni skont il-prinċipji mħaddna mill-Assemblea;

43.  Jenfasizza li s-sorveljanza tal-massa timmina serjament il-privileġġ tal-kunfidenzjalità professjonali tal-professjonijiet regolati, inklużi t-tobba, il-ġurnalisti u l-avukati; jissottolinja b'mod partikolari d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li għandhom jiġu protetti kontra kull sorveljanza ta' komunikazzjonijiet kunfidenzjali mal-avukati tagħhom peress li dan ikun bi ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 47 u 48 tagħha, u d-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta' aċċess għal avukat; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet kunfidenzjali fil-professjonijiet li għandhom privileġġ professjonali legali sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji linji gwida għall-Istati Membri dwar kif kull strument ta' ġbir ta' data personali għall-iskopijiet ta' prevenzjoni, detezzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż terroriżmu, jinġiebu f'konformità mas-sentenzi tal-QtĠ-UE tat-8 ta' April 2014 dwar iż-żamma tad-data (il-kawżi C-293/12 u C-594/12) u tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-Isfera ta’ Sikurezza (il-kawża C-362/14); jirrimarka b'mod partikolari għall-paragrafi 58 u 59 tas-sentenza dwar iż-żamma tad-data u għall-paragrafi 93 u 94 tas-sentenza dwar l-Isfera ta' Sikurezza, li jitlobu b'mod ċar approċċ immirat għall-ġbir tad-data, minflok ġbir ġeneralizzat ("full take");

45.  Jenfasizza l-fatt li l-ġurisprudenza l-aktar reċenti, u b’mod partikolari s-sentenza tal-QtĠ-UE tat-8 ta’ April 2014 dwar iż-żamma tad-data, tistabbilixxi b’mod ċar bħala rekwiżit legali l-prova tan-neċessità u l-proporzjonalità għal kwalunkwe miżura li tinvolvi l-ġbir u l-użu ta’ data personali li potenzjalment tista’ tinterferixxi fid-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja u d-dritt tal-protezzjoni tad-data; jemmen li huwa ta’ dispjaċir li kunsiderazzjonijiet politiċi spiss jimminaw il-konformità ma’ dawn il-prinċipji ġuridiċi fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, bħala parti mill-aġenda tagħha ta’ Regolazzjoni Aħjar, li l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE tkun ta’ kwalità għolja, tkun konformi mal-istandards legali kollha u mal-ġurisprudenza, u tkun f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jirrakkomanda li l-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri kollha ta’ infurzar tal-liġi u ta’ sigurtà li jinvolvu l-użu u l-ġbir ta’ data personali dejjem tkun tinkludi test ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità;

Strateġija Ewropea għal aktar indipendenza tal-IT

46.  Jinsab diżappuntat dwar in-nuqqas ta' azzjoni meħuda mill-Kummissjoni bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati magħmula fir-Riżoluzzjoni biex tiżdied s-sikurezza tal-IT u tal-privatezza onlajn fl-UE;

47.  Jilqa' l-passi magħmula s'issa biex tissaħħaħ is-sikurezza tal-IT fil-Parlament, kif deskritt fil-pjan ta' azzjoni dwar is-Sikurezza ICT tal-PE maħruġ mid-DĠ ITEC; jitlob li jissoktaw dawn l-isforzi u li r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Riżoluzzjoni jiġu implimentati bis-sħiħ u mingħajr dewmien; jitlob li jkun hemm ideat ġodda u, jekk ikun meħtieġ, bidla leġiżlattiva fil-qasam tal-akkwist pubbliku sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-IT tal-Istituzzjonijiet tal-UE; jitlob li jkun hemm sostituzzjoni sistematika ta' software proprjetarju b'wieħed open-source verifikabbli fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u biex jiġu introdotti kriterji obbligatorji ta' selezzjoni tal-"open-source" fil-proċeduri kollha ta' akkwist pubbliku tal-ICT u għad-disponibilità effiċjenti tal-għodda ta' kriptaġġ;

48.  Itenni bis-saħħa t-talba tiegħu biex, fi ħdan il-qafas ta' inizjattivi ġodda bħas-Suq Uniku Diġitali, tiġi żviluppata Strateġija Ewropea għal aktar indipendenza tal-IT u privatezza onlajn li jagħtu spinta lill-industrija tal-IT fl-UE;

49.  Biħsiebu jressaq rakkomandazzjonijiet ulterjuri f'dan il-qasam wara l-konferenza tiegħu "Nipproteġu l-privatezza onlajn permezz ta' tisħiħ fis-sikurezza tal-IT u tal-awtonomija tal-IT fl-UE", skedata għal tmiem l-2015 li se tibni fuq ir-riżultati tal-istudju STOA reċenti dwar is-sorveljanza tal-massa tal-utenti tal-IT;

Governanza tal-internet demokratika u newtrali

50.  Jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tagħmel mezz li l-UE tkun punt ta' riferiment f'dak li għandu x'jaqsam mal-governanza tal-internet kif ukoll il-viżjoni tagħha ta' mudell b'diversi partijiet interessati għall-governanza tal-internet, li ġiet imtennija matul il-Laqgħa Globali tad-Diversi Partijiet Interessati dwar il-Ġejjieni tal-Governanza tal-Internet (NETMundial) li saret fil-Brażil f'April 2014; jistenna b'ħerqa r-riżultat tal-ħidma internazzjonali li għadha qed issir f'dan il-qasam, inkluż fil-kuntest tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet;

51.  Iwissi dwar id-deterjorament ovvju tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali meta kull biċċa informazzjoni dwar il-komportament uman titqies bħala ta' użu potenzjali fil-ġlieda kontra atti kriminali futuri, u dan neċessarjament jirriżulta f'kultura ta' sorveljanza tal-massa fejn kull ċittadin huwa trattat bħala suspettat potenzjali, u jwassal biex jiddgħajfu l-koerenza soċjetali u l-fiduċja;

52.  Biħsiebu jqis ir-riżultati tar-riċerka profonda tal-Aġenzija tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tas-sorveljanza, u b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ġuridika attwali ta' individwi fir-rigward tar-rimedji li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-prattiki kkonċernati;

Segwitu

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jibqa' jimmonitorja l-iżviluppi f'dan il-qasam u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Riżoluzzjoni;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0230.
(2) PE546.737v 01-00

Avviż legali - Politika tal-privatezza