Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015 (WRC-15), tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet (2015/2857(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-punt il-ġdid dwar ir-rintraċċar waqt it-titjira fl-aġenda tal-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-15) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma intitolat 'Aircraft Tracking and Localisation Options', ippreżentat mill-UE lil-Laqgħa Multidixxiplinari tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) rigward ir-Rintraċċar Globali tat-12 u t-13 ta' Mejju 2014,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mil-Laqgħa Multidixxiplinari tal-ICAO msemmija hawn fuq rigward ir-Rintraċċar Globali,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2014 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-5 ta' Mejju 2014, intitolata 'Amendment of requirements for flight recorders and underwater locating devices',
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza maħruġa minn diversi awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni dwar is-sikurezza bl-għan li tiżdied is-sikurezza billi jiġi ffaċilitat l-irkupru ta' informazzjoni għall-finijiet ta' investigazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u billi jittejbu l-prestazzjoni u l-ġestjoni tar-reġistraturi tat-titjira kif ukoll il-lokalizzazzjoni ta' ajruplani wara inċident fuq l-ilma(1),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-reġistraturi tat-titjira, l-apparat ta' lokalizzazzjoni taħt l-ilma u s-sistemi ta' rintraċċar tal-ajruplani(2),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015 (WRC-15), tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet (O-000118/2015 – B8‑1101/2015),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-traġedji tat-titjira AF447 tal-Air France (1 ta' Ġunju 2009) u t-titjira MH370 tal-Malaysia Airlines (8 ta' Marzu 2014) enfasizzaw il-ħtieġa li jiddaħħlu fis-seħħ sistemi ġodda biex tiġi determinata l-pożizzjoni ta' ajruplani tal-passiġġieri f'kull ħin, anke f'postijiet remoti;
B. billi tali sistemi ta' sorveljanza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) jagħmluha aktar faċli biex tiġi determinata l-pożizzjoni ta' ajruplan f'każ ta' mġiba mhux tas-soltu, emerġenza jew inċident;
C. billi, fid-dawl tat-traġedji tat-titjiriet AF447 u MH370, tali sistemi m'għandhomx jiġu affettwati mit-telf ta' enerġija elettrika normali abbord u m'għandu jkun hemm ebda possibbiltà li dawn jiġu diżattivati matul it-titjira;
D. billi tali sistemi jtejbu l-effikaċja ta' operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ u ta' investigazzjonijiet, peress li s-sistemi attwali ta' rintraċċar tat-titjiriet ikopru d-dinja b'mod parzjali biss;
E. billi dawn is-sistemi jistgħu jkunu wkoll għodda importanti biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ATM filwaqt li tittejjeb b'mod sinifikanti s-sikurezza tal-avjazzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż infrastrutturali;
F. billi l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-partijiet ikkonċernati, bdiet tistudja diversi opzjonijiet tekniċi, abbażi tal-prestazzjoni tagħhom, u pproponiet regoli dwar ir-rintraċċar tal-ajruplani b'implimentazzjoni gradwali;
G. billi fost l-opzjonijiet possibbli li qed jitħaddmu u/jew jiġu studjati attwalment (pereżempju, is-Sorveljanza Dipendenti Awtomatika – Kuntratt (ADS-C), is-Sistema fl-Ajruplani ta' Komunikazzjoni, ta' Indirizzar u ta' Rapportar (ACARS), il-Link ta' Data bi Frekwenza Għolja), jidher li t-teknoloġija ta' Sorveljenza Dipendenti Awtomatika – Xandir (ADS-B), appoġġata minn komunikazzjonijiet satellitari, hija promettenti ħafna;
H. billi t-teknoloġija ADS-B tista' tassisti s-sorveljanza tal-ATM barra ż-żoni bl-aktar densità għolja ta' popolazzjoni, fejn il-kopertura tar-radar hija limitata, impossibbli jew estremament għalja (inklużi l-oċeani u żoni terrestri mhux abitati);
I. billi t-teknoloġija ADS-B b'appoġġ satellitari tiddependi fuq komunikazzjonijiet bejn l-ajruplani u kostellazzjoni ta' satelliti biex tingħata kapaċità ta' sorveljanza lill-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, u billi għal dan il-fini tista' teħtieġ l-allokazzjoni ta' banda tal-ispettru tar-radju speċifika protetta mill-interferenza;
J. billi l-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-15), skedata għal Novembru tal-2015 u organizzata mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), hija l-forum biex jiġi determinat liema servizzi tar-radju huma allokati lil baned tal-ispettru tar-radju speċifiċi;
K. billi għandha tittieħed azzjoni biex ikun żgurat li l-iżvilupp tat-teknoloġija ADS-B ma jiġix ostakolat minn nuqqas ta' allokazzjoni f'waqtha ta' banda tal-ispettru tar-radju adatta;
1. Jappoġġa l-azzjoni tal-Kummissjoni bl-għan li tiżviluppa malajr sistema globali ta' rintraċċar tat-titjiriet ibbażata fuq il-prestazzjoni li tagħti lill-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru l-possibbiltà li jiddeterminaw il-pożizzjoni ta' ajruplani tal-passiġġieri f'kull ħin, anke f'postijiet remoti;
2. Jenfasizza li tali sistema għandha tibqa' effikaċi anke f'każ ta' telf tal-enerġija elettrika normali abbord, u m'għandu jkun hemm ebda possibbiltà li din tiġi diżattivata matul it-titjira;
3. Jemmen li l-iżvilupp ta' tali sistema għandu jinkiseb permezz ta' kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-partijiet ikkonċernati kollha (eż. l-industrija, il-linji tal-ajru, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, is-servizzi tas-sikurezza u s-salvataġġ, l-awtoritajiet ta' investigazzjoni dwar is-sikurezza u organizzazzjonijiet internazzjonali);
4. Jinnota li t-teknoloġija ADS-B b'appoġġ satellitari, ibbażata fuq komunikazzjonijiet bejn l-ajruplani u s-satelliti, hija waħda mill-opzjonijiet promettenti għall-iżvilupp ta' sistema globali ta' sorveljanza tal-ATM;
5. Jenfasizza li meta tiġi implimentata t-teknoloġija ADS-B huwa essenzjali li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru u li tiġi żgurata l-interoperabilità bejn teknoloġiji alternattivi sabiex jiġi evitat ksur tas-sikurezza u s-sigurtà;
6. Jinnota li l-iżvilupp ta' teknoloġija ADS-B b'appoġġ satellitari jista' jeħtieġ l-allokazzjoni ta' banda tal-ispettru tar-radju adatta sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa – fid-dawl tal-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni li jmiss (WRC-15), li se ssir f'Ġinevra f'Novembru 2015 – rigward l-allokazzjoni tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' sistema globali bbażata fuq is-satelliti ta' rintraċċar tat-titjiriet;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.