Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1146/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.2
CRE 11/11/2015 - 16.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0394

Testi adottati
PDF 359kWORD 97k
L-Erbgħa, 11 ta' Novembru 2015 - Brussell Verżjoni finali
Pakkett futur dwar l-avjazzjoni
P8_TA(2015)0394RC-B8-1146/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015 dwar l-avjazzjoni (2015/2933(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007(1) dwar l-istabbiliment ta' żona Ewropea ta' avjazzjoni komuni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/12/KE tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur(3),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (Riformulazzjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015, tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġja l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet(6),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u b'mod partikolari l-Artikoli 90, 100(2) u (218) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv mistenni tal-Kummissjoni "Pakkett dwar l-Avjazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2012 l-ekonomija tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa sostniet direttament 2,6 miljun impjieg u kkontribwiet aktar minn 2,4 % tal-PDG tal-UE;

B.  billi fl-2014 l-għadd ta' passiġġieri li vvjaġġaw bl-ajru fl-UE ammonta għal 849,4 miljun, żieda ta' 4,4 % meta mqabbel mal-2013 u ta' 16,9 % meta mqabbel mal-2009;

C.  billi mill-2012 'l hawn il-linji tal-ajru Ewropej implimentaw u skedaw tnaqqis ta' aktar minn 20 000 impjieg;

D.  billi l-linji tal-ajru tal-UE qed joperaw f'ambjent li jinbidel malajr u dejjem aktar kompetittiv, kemm fis-swieq interni kif ukoll f'dawk esterni;

E.  billi jeħtieġ li l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-UE u l-Istati Membri tagħha jtejbu għadd ta' regolamenti ġuridiċi u finanzjarji, bħall-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) fi ħdan l-UE, id-drittijiet estiżi tal-passiġġieri, l-imposti u t-taxxi nazzjonali, it-tnaqqis tal-istorbju fl-ajruporti u r-restrizzjoni tas-sigħat ta' tħaddim;

F.  billi t-trasport tal-ajru jiżvolġi rwol fit-tibdil fil-klima, b'tali mod li jirrappreżenta xi 13 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport fl-UE, kif ukoll emissjonijiet oħra bħall-NOx;

G.  billi sa tmiem l-2015 il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Pakkett dwar l-Avjazzjoni intiż biex jidentifika u jindirizza l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-avjazzjoni tal-UE;

It-titjib tal-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni

1.  Iqis li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni mistenni jagħti spinta tant meħtieġa għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea aktar sostenibbli u kompetittiva, isaħħaħ il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-industrija ajrunawtika, jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq globali, u jfassal strateġija fit-tul għall-industrija tal-avjazzjoni tal-Ewropa;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis u tinkludi l-punti fundamentali tal-pożizzjonijiet tal-Parlament fl-ewwel qari dwar l-Ajru Uniku Ewropew 2+ (SES2+) u dwar l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni matul l-abbozzar tal-Pakkett dwar l-Avjazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-industrija tal-ajrunawtika hija kontributriċi ewlenija għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u hija marbuta mill-qrib mal-kompetittività fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE (pereżempju, bilanċ pożittiv tal-esportazzjoni, teknoloġiji aktar nodfa għall-inġenji tal-ajru Ewropej, l-użu tas-SESAR, is-SES, katina ta' manutenzjoni) peress li tiġġenera fatturat ta' madwar EUR 100 biljun fis-sena u ssostni madwar 500 000 impjieg dirett; jitlob għaldaqstant li jitfasslu politiki proattivi maħsuba biex jappoġġjaw u jiżviluppaw l-industrija tal-ajrunawtika;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għal industrija Ewropea tal-avjazzjoni kompetittiva; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tqis u tappoġġja l-innovazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (kontroll awtomatizzat tat-traffiku tal-ajru (ATC), ippjanar liberu ta' rotot), is-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), soluzzjonijiet alternattivi għall-fjuwil, l-inġenji tal-ajru u d-disinn tal-magni (aktar effiċjenza, anqas storbju), is-sigurtà tal-ajruporti (soluzzjonijiet mingħajr kuntatt (touchless) u kontroll ta' sigurtà uniku), id-diġitizzazzjoni u s-soluzzjonijiet multimodali (servizzi ta' groundhandling kompjuterizzati); jirrakkomanda wkoll li tappoġġja soluzzjonijiet ambjentali globali, bħal miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali, u li tallinja skemi reġjonali, bħall-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-avjazzjoni, bl-għan li jinġabru fi skema globali, ajruporti aktar ekoloġiċi u mudelli kummerċjali ġodda (bħall-Kapaċità Ġdida ta' Distribuzzjoni (NDC) tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), l-awtokonnessjoni jew il-ħruġ ta' biljetti integrat);

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan il-kompetenzi tagħha, tibda tneħħi l-piżijiet nazzjonali u tal-UE minn fuq il-linji tal-ajru Ewropej sabiex issaħħaħ il-kompetittività fis-settur tat-trasport bl-ajru Ewropew;

6.  Jenfasizza t-telf ta' kompetittività tal-linji tal-ajru u ajruporti tal-UE fil-konfront tat-trasportaturi u l-ajruporti ssussidjati ta' pajjiżi terzi; jitlob, f'dan il-kuntest, politika proattiva biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fuq is-sjieda, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jtejbu l-infrastruttura nazzjonali tagħhom biex jippermettu lil-linji tal-ajru tagħhom jikkompetu fuq termini aktar favorevoli;

7.  Jiddeplora l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 868/2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru fil-fatt irriżulta inadegwat u ineffikaċi f'dak li hu l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ analiżi tal-kawżi tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tiegħu sa mhux aktar tard minn Novembru 2015; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 868/2004 bil-għan li tissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tal-UE u ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, tipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta b'mod aktar effikaċi, tiżgura r-reċiproċità u telimina l-prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mogħtija mill-istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li joħolqu distorsjoni fis-suq; jenfasizza li l-għan għandu jkun li tittejjeb l-istrateġija politika fil-livell Ewropew sabiex dan il-kunflitt jiġi solvut malajr, prinċipalment abbażi tal-applikazzjoni ta' klawżola trasparenti ta' "kompetizzjoni ġusta"; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tindirizza l-kunċett ta' "kontroll effettiv" tal-linji tal-ajru;

8.  Jirrimarka li l-ajruporti Ewropej qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet kompetittivi sinifikanti – kemm mil-linji tal-ajru kif ukoll minn ajruporti li jikkompetu ma' xulxin; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tqis dawn l-iżviluppi meta tkun qed timplimenta d-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti u tipprovdi benefiċċji lill-partijiet interessati u lill-passiġġieri kollha;

9.  Jitlob li jsiru sforzi akbar fi ħdan il-Kunsill biex tiġi approvata l-proposta għal regolament dwar is-slots bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tal-ajruporti u t-trasport bl-ajru fl-Ewropa jkun jista' jitħaddem bla xkiel, fil-kuntest li t-traffiku mistenni li jirdoppja sal-2030;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-ajruporti żgħar u reġjonali fl-Unjoni għall-konnettività reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tippreżenta pjan strateġiku fit-tul tal-UE li jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għall-ajruporti reġjonali fil-kuntest tal-UE, inklużi r-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għall-infrastruttura tat-trasport, peress li r-rwol tagħhom fl-iżgurar tal-koeżjoni fost ir-reġjuni tal-UE għandu jiġi promoss u għandu jsir wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi;

Id-dimensjoni internazzjonali

11.  Jenfasizza li n-negozjar ta' ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE għandu jkun għan strateġiku u li tali negozjati għandhom jiġu varati jew aċċellerati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex mandati komprensivi mill-Istati Membri mill-aktar fis, filwaqt li tagħti prijorità lill-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, bil-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għal-linji tal-ajru u l-ajruporti Ewropej, tiżgura r-reċiproċità u tinkludi klawżola effikaċi tal-kompetizzjoni ġusta; jinsisti li, bil-għan li dawn il-ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni jsiru effikaċi fil-prattika, jeħtieġ li tiġi inkluża klawżola ta' salvagwardja li tiddefinixxi reat u l-konsegwenzi ġuridiċi f'każ li din il-klawżola tinkiser;

12.  Jinnota li s-settur tat-trasport bl-ajru mhuwiex regolat fuq bażi dinjija peress li mhuwiex suġġett tad-WTO; jenfasizza l-importanza ta' regoli li jkun sar qbil globali dwarhom fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni u l-impatt fuq il-klima. jirrikonoxxi li l-ICAO hija impenjata għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew permezz tal-adozzjoni tal-pakkett tal-SES2+, minħabba li l-frammentazzjoni attwali tal-ispazju tal-ajru Ewropew hija piż kbir fuq it-trasportaturi tal-ajru Ewropej;

14.  Jistenna li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jindirizza u jiżgura l-integrazzjoni sħiħa tal-ajruporti fin-netwerk Ewropew tat-trasport; ifakkar fil-ħtieġa li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni attwali u futura dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, filwaqt li jħeġġeġ lill-Kunsill iressaq il-pożizzjoni tiegħu, peress li kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru jixtiequ ċarezza dwar ir-regoli;

L-aġenda soċjali fis-settur tal-avjazzjoni

15.  Jissottolinja l-fatt li ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni jista' jkollhom impatt fuq is-sikurezza tat-titjiriet; jirrakkomanda li DĠ MOVE u DĠ EMPL jaħdmu flimkien u li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet soċjali u jipprovdi s-salvagwardji meħtieġa, kif diskuss waqt il-konferenza ta' livell għoli "Aġenda soċjali għat-trasport" li ġiet organizzata fl-4 ta' Ġunju 2015 mill-Kummissjoni;

16.  Jitlob it-titjib u l-armonizzazzjoni tal-katina ta' sikurezza billi jiġu attirati u jinżammu ħaddiema tas-sengħa u mħarrġa sew;

17.  Jenfasizza li l-industrija tal-avjazzjoni hija rikonoxxuta bħala settur li qed jikber u li attira u pprovda professjonisti ikkwalifikati u motivati ħafna, u li sabiex tkompli din ix-xejra, għandhom jinżammu d-dispożizzjonijiet regolatorji attwali tal-UE dwar l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-istandards u l-prattiki, inklużi l-prattiki ta' negozjar kollettiv;

18.  Jirrakkomanda li jiġi definit il-kunċett ta' "post prinċipali ta' negozju" sabiex il-liċenzja ta' tħaddim tingħata minn stat jekk il-volum ta' trasport bl-ajru fih ikun sostanzjali u anke, fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u d-dritt tax-xogħol, l-allinjament tad-definizzjoni ta' "Bażi tas-Servizz" skont ir-Regolament (UE) Nru 83/2014 u r-Regolament (UE) Nru 465/2012; jenfasizza l-ħtieġa li jitqassar il-perjodu tranżitorju u li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi tal-ajru li jkollhom bażijiet ta' servizz multipli;

19.  Jinnota l-isfidi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija (2008/104/KE) u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistudja l-applikazzjoni attwali tagħha fis-settur u abbażi ta' dan tiddeċiedi kif tindirizza dawk l-isfidi;

20.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda ta' prattiki kummerċjali soċjalment problematiċi bħall-"bnadar ta' konvenjenza" u tal-użu ta' forom atipiċi ta' impjieg bħal impjieg indipendenti fittizju, skemi pay-to-fly u kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti, li jista' jkollhom implikazzjonijiet għas-sikurezza; huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-istandards soċjali jiġu rispettati fl-attivitajiet kollha tal-avjazzjoni;

L-iżgurar ta' livell għoli ta' sikurezza fl-ispazju tal-ajru tal-UE

21.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-programm SESAR, li jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, il-linji tal-ajru u l-ajruporti, kif ukoll impenn finanzjarju min-naħa tagħhom; jappella għalhekk għal approċċ ta' sistema totali fl-oqsma kollha tal-avjazzjoni li jkopri l-fażijiet kollha tat-titjira, ibda minn fuq l-art, bi rwol aktar b'saħħtu tal-EASA fi ħdan l-ambjent tas-SES-SESAR ta' sistema UE-EASA li tirregola s-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u l-prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-tlestija tal-baġit oriġinali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), li ġie affettwat mill-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni li jiżdiedu r-responsabilitajiet tal-EASA u għalhekk jistenna li r-Regolament Bażiku (KE) Nru 216/2008 emendat jiżgura l-istabbiliment ta' Sistema ta' Ġestjoni tas-Sikurezza komprensiva u li l-EASA tiġi fdata bl-aspetti ta' sikurezza tal-miżuri ta' sigurtà tal-UE u tat-trasport spazjali kummerċjali u tal-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-EASA l-istatus ta' awtorità tal-avjazzjoni unika fl-Ewropa, skont il-firxa wiesgħa ta' responsabilitajiet li għandhom jiġu assenjati mil-leġiżlatur;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm rappreżentanza b'saħħitha madwar it-tmien siġġijiet kollha li jirrappreżentaw l-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tal-ICAO, issaħħaħ, mill-aktar fis possibbli, ir-rwol tal-EASA fix-xena internazzjonali u tiżgura r-rikonoxximent uffiċjali tagħha fi ħdan l-ICAO, sabiex tiġi stabbilita vuċi unika tal-UE li se tiżgura livell ogħla ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE madwar id-dinja, filwaqt li tissalvagwardja l-kompetittività u l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji għas-sorveljanza satellitari tat-traffiku tal-ajru sabiex tippermetti servizzi tas-salvataġġ tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni biex tagħmel l-allokazzjoni tal-ispettru meħtieġ, peress li l-ICAO identifikat is-satellita ADS-B bħala dik it-teknoloġija li tista' tgħin it-traċċar tat-titjiriet, anke għal skopijiet ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) barra miż-żoni l-aktar popolati, fejn forom oħra ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ATM terrestri huma limitati; jenfasizza li, meta tiġi implimentata t-teknoloġija ADS-B, jeħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru u li trid tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn teknoloġiji alternattivi sabiex jiġi evitat ksur tas-sikurezza u s-sigurtà; jenfasizza li tista' tkun ta' għajnuna għall-gvernijiet, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs) u l-linji tal-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja li jiżdiedu l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, biex b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u tittejjeb b'mod sinifikanti s-sikurezza tal-avjazzjoni, u dan kollu filwaqt li l-ispazju tal-ajru Ewropew jingħatalu saff ieħor ta' sorveljanza li jista' jsaħħaħ lil dak attwali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bil-għan li ttejjeb il-valutazzjoni medika tal-bdoti u l-proċeduri tas-sigurtà, tad-dħul u tal-ħruġ fir-rigward tal-bibien tal-kabina tal-pilota, wara l-valutazzjoni tar-riskju fir-rapport tat-Task Force tal-EASA;

26.  Jappella għal approċċ "ta' sigurtà bbażata fuq ir-riskju" għat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija minflok il-miżuri attwali bbażati fuq ir-reazzjoni, u għal approċċ ġust u bilanċjat għall-kwistjoni sensittiva tas-sigurtà tal-avjazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-Istati Membri fuq naħa u tillimita l-iskuntentizza tal-passiġġieri fl-ajruporti minn naħa oħra, u li ssaħħaħ is-Servizz ta' Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC) u s-sistema tal-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni (SAGAS); iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, fid-dawl ta' esperjenzi ta' suċċess f'reġjuni oħra, twettaq studju ta' fattibbiltà dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontrolli minn qabel u ta' dħul fl-Ewropa;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jżommu baġit kompetittiv għall-EASA, billi jqisu dawk ir-responsabbiltajiet ġodda, sabiex ikollhom għodod flessibbli u effikaċi disponibbli għall-manifatturi tal-UE u l-linji tal-ajru biex jikkompetu fid-dinja, filwaqt li jinnota li l-industrija tikkontribwixxi 70 % tal-baġit tal-EASA;

28.  Jirrimarka li għadd ta' fajls leġiżlattivi tal-avjazzjoni huma pendenti fil-Kunsill, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tfittex soluzzjoni biex titranġa s-sitwazzjoni attwali;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fil-Pakkett Leġiżlattiv dwar l-Avjazzjoni tagħha li għandu jiġi ppreżentat sa tmiem l-2015;

o
o   o

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 658.
(2) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 5
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0290.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0220.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0221.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0392.

Avviż legali - Politika tal-privatezza