Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros, ippreżentata minn Franza) (COM(2015)0068 – C8-0058/2015 – 2015/2056(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0068 – C8-0058/2015),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0124/2015),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill tiżdied billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;
D. billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 2 513-il sensja fl-impriża Mory-Ducros SAS li topera fid-diviżjoni 49 ta' NACE Rev. 2 ("Trasport bl-art u transport permezz ta' sistemi ta' pajpijiet"), b'sensji mifruxin fuq 84 sit fit-territorju kollu ta' Franza kontinentali;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, Franza hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-6 ta' Ottubru 2014 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-23 ta' Frar 2015; jilqa' l-evalwazzjoni rapida li ħadet anqas minn ħames xhur;
3. Jinnota li l-ispiża totali hija ta' EUR 10 087 000, li minnhom EUR 35 000 huma allokati għall-kontroll u ċ-ċertifikazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 6 052 200, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;
4. Iqis li s-sensji fl-impriża Mory-Ducros SAS huma marbuta mat-tnaqqis ġenerali ta' produzzjoni fiżika fl-Ewropa, li wassal għal tnaqqis fil-volum ittrasportat u għal gwerra tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, fatturi li wasslu għal deterjorament kostanti fil-marġnijiet ta' operazzjoni u telf fuq ieħor għas-settur fi Franza mill-2007 'l hawn; jinnota li wara dan kien hemm mewġa ta' fallimenti, inkluż dak ta' Mory-Ducros; jikkonkludi li dawk l-avvenimenti huma direttament marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
5. Jenfasizza li b'riżultat tal-ftehim wara l-għeluq ta' Mory-Ducros SAS, entità ġdida bl-isem ta' MORY Global kisbet 50 aġenzija minn total ta' 84 u impjegat mill-ġdid 2 107 ħaddiema minn fost 4 911, u b'hekk fir-realtà kien hemm 2 804 ħaddiema li ngħataw is-sensja;
6. Jenfasizza li aktar minn 17 % tal-benefiċjarji li mistennija li jkunu fil-mira tal-azzjonijiet proposti għandhom bejn 55 u 64 sena, u li l-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn il-miżuri ta' appoġġ proposti se tgħinhom jevitaw il-qgħad fit-tul u l-esklużjoni soċjali;
7. Jinnota li, sal-lum, is-settur tat-"Trasport bl-art u t-trasport permezz ta' sistemi ta' pajpijiet" kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra għall-FEG (EGF/2011/001 AT/Nieder- und Oberoesterreich), li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;
8. Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-24 ta' Frar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra qabel l-applikazzjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
9. Jinnota li s-servizzi personalizzati li jridu jiġu offruti jikkonsistu f'azzjoni waħda biss li trid tiġi implimentata minn punt uniku ta' servizz (Cellule de reclassement) li huwa mmexxi minn tliet aġenziji kuntrattwali; jinnota li Franza qed titlob biss il-finanzjament ta' dan il-punt uniku ta' servizz mill-FEG; jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jridu jsiru permezz ta' ħlas bin-nifs u abbażi tar-riżultati miksuba;
10. Jinnota li t-tliet kuntratturi li joperaw is-Cellule de reclassement intgħażlu mill-amministratur ġudizzjarju wara konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, bl-objettiv li jiġi kopert kemm jista' jkun it-territorju ta' Franza kontinentali u li tiġi żgurata r-riintegrazzjoni tal-akbar numru possibbli ta' ħaddiema fil-mira;
11. Iqis li l-monitoraġġ tal-attività tal-aġenziji permezz ta' rapporti regolari bil-miktub jiżgura l-użu xieraq tal-finanzjament mill-FEG biex il-parteċipanti jiġu offruti mappa tal-karriera personalizzata, numru suffiċjenti ta' offerti ta' xogħol u konsulenza għall-ħolqien ta' negozju fil-qafas tas-sistema ta' punt uniku ta' servizz;
12. Ifakkar li l-finanzjament mill-FEG għandu l-għan li jgħin lill-ħaddiema jsibu impjieg ġdid permezz ta' taħriġ u li fl-ebda każ m'għandu jintuża biex jappoġġja lill-aġenziji u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom;
13. Jinnota li l-kompitu tal-kuntratturi huwa li jassistu u jiggwidaw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet li jippermettulhom jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jidħlu f'impjiegi ġodda;
14. Iqis li l-ħaddiema li għandhom bejn il-55 u l-64 sena jinsabu f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u esklużjoni mis-suq tax-xogħol; iqis għaldaqstant li dawn il-ħaddiema għandhom bżonnijiet speċifiċi biex jiġu pprovduti b'approċċ personalizzat;
15. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;
16. Jilqa' l-użu tal-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew għal miżuri attivi ulterjuri (pereżempju korsijiet ta' taħriġ itwal), li mhumiex inklużi fl-applikazzjoni ppreżentata minn Franza;
17. Jiddeplora n-nuqqas ta' fondi dedikati għall-miżuri ta' komunikazzjoni u promozzjoni rigward il-FEG; iqis li l-pubbliċità u l-informazzjoni rigward dawn l-azzjonijiet jiżvolġu rwol importanti mhux biss biex jiġbdu lill-benefiċjarji, iżda wkoll biex jenfasizzaw l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam soċjali;
18. Jistenna li l-awtoritajiet Franċiżi se jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG fir-rigward tal-forniment ta' informazzjoni u l-pubbliċità dwar l-azzjonijiet finanzjati, minkejja li dawn ma talbux il-finanzjament ta' attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità.
19. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jrid jiġi finanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha bil-għan li jkun żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi finanzjati mill-Unjoni;
20. Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni fil-ħin li jġib magħha l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;
21. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros ippreżentata minn Franza)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/738.)
Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali *
289k
59k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/689/KE (05126/2015 – C8-0025/2015 – 2015/0802(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (05126/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 160 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0025/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0066/2015),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill kif emendat;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa ' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz tiegħu b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Abbozz tal-Kunsill
Emenda
Emenda 1 Abbozz ta' deċiżjoni Premessa 3
(3) Fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar it-tisħiħ tal-koperazzjoni għall-immodernizzar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali2, il-Kunsill appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għal koperazzjoni msaħħa, maħluqa bix-xogħol tal-grupp ta’ uffiċjali ta’ livell għoli, għall-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni. Il-Kunsill saħaq li din it-tip ta' koperazzjoni għandha tkopri kull forma ta' protezzjoni soċjali u, fejn ikun meħtieġ, tgħin lill-Istati Membri biex itejbu u jsaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom skond il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom. Fakkar ukoll il-kompetenza tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-protezzjoni soċjali u approva l-erba' objettivi wiesa', li huma parti mill-isfida ġenerali tal-immodernizzar tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali kif identifikati mill-Kummissjoni: jiġifieri li jagħmlu x-xogħol irendi u jipprovdi dħul assigurat, li jassiguraw il-pensjonijiet u jagħmlu s-sistemi ta' pensjoni sostenibbli, li jippromovu l-inklużjoni soċjali u biex jiżguraw ħarsien tas-saħħa ta’ kwalità għolja u sostenibbli għal kulħadd; huwa saħaq ukoll li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi integrata fl-attivitajiet kollha li jimmiraw għat-twettiq ta' dawn l-erba' objettivi. Fl-aħħar, il-Kunsill irrikonoxxa li l-aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-finanzi huma komuni għall-objettivi kollha. (3) Fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar it-tisħiħ tal-koperazzjoni għall-immodernizzar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali, il-Kunsill appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għal koperazzjoni msaħħa, maħluqa bix-xogħol tal-grupp ta’ uffiċjali ta’ livell għoli, għall-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni. Il-Kunsill saħaq li din it-tip ta' koperazzjoni għandha tkopri kull forma ta' protezzjoni soċjali u, fejn ikun meħtieġ, tgħin lill-Istati Membri biex itejbu u jsaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom skond il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom. Fakkar ukoll il-kompetenza tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-protezzjoni soċjali u approva l-erba' objettivi wiesa', li huma parti mill-isfida ġenerali tal-immodernizzar tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali kif identifikati mill-Kummissjoni: jiġifieri li jagħmlu x-xogħol irendi u jipprovdi dħul assigurat, li jassiguraw il-pensjonijiet u jagħmlu s-sistemi ta' pensjoni sostenibbli, li jippromovu l-inklużjoni soċjali u biex jiżguraw li l-ħarsien tas-saħħa jkun ta’ kwalità għolja u sostenibbli; huwa saħaq ukoll li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi integrata fl-attivitajiet kollha li jimmiraw għat-twettiq ta' dawn l-erba' objettivi. Fl-aħħar, il-Kunsill irrikonoxxa li l-aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-finanzi huma komuni għall-objettivi kollha.
__________________
__________________
2 ĠU C 8, 12.1.2000, p. 7.
2 ĠU C 8, 12.1.2000, p. 7.
Emenda 2 Abbozz ta' deċiżjoni Premessa 7
(7) Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju tal-2013, il-Kunsill Ewropew iddikjara li għandha tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UEM. Bħala l-ewwel pass, huwa importanti li jiġu segwiti u meqjusa aħjar is-sitwazzjoni soċjali u dik tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-UEM, partikolarment permezz tal-użu ta' indikaturi soċjali u dwar l-impjiegi adatti fis-Semestru Ewropew. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-politika dwar l-impjiegi u dik soċjali, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali.
(7) Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju tal-2013, il-Kunsill Ewropew iddikjara li għandha tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UEM. Bħala l-ewwel pass, huwa importanti li jiġu segwiti u meqjusa aħjar is-sitwazzjoni soċjali u dik tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-UEM, partikolarment permezz tal-użu ta' indikaturi soċjali u dwar l-impjiegi adatti fis-Semestru Ewropew. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar tal-politika dwar l-impjiegi, dik soċjali u dik soċjoekonomika, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali.
Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Impjiegi *
209k
48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kumitat tal-Impjiegi u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/98/KE (05125/2015 – C8-0026/2015 – 2015/0801(CNS)
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (05125/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 150 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0026/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0065/2015),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b' mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014/2020 (05479/2015 – C8-0047/2015 – 2015/0010(APP))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill (05479/2015),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C8-0047/2015),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar in-negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 86 u l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0125/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 kif stabbilit fl-anness ta' din ir-riżoluzzjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
(UE, Euratom) 2015/....
li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013
li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/623.)
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 dwar soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(2),
– wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istabbiliment ta’ Relazzjonijiet Diplomatiċi bejn ir-Repubblika tal-Armenja u r-Repubblika tat-Turkija u l-Protokoll dwar l-Iżvilupp tar-Relazzjonijiet bejn ir-Repubblika tal-Armenja u r-Repubblika tat-Turkija ffirmati f’Zurich fl-10 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġsiku tat-12 ta' April 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-2015 taħbat għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen li twettaq fl-Imperu Ottoman;
B. billi għadd dejjem akbar ta' Stati Membri u parlamenti nazzjonali jirrikonoxxu l-Ġenoċidju Armen li twettaq fl-Imperu Ottoman;
C. billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment ta' unifikazzjoni Ewropea hija r-rieda li ma nħallux li gwerer u delitti kontra l-umanità jerġgħu jseħħu fl-Ewropa;
D. billi t-Turkija u l-Armenja bdew proċess ta’ normalizzazzjoni diplomatika, billi ffirmaw protokolli fl-2009 Zurich dwar l-istabbiliment u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet;
E. billi huwa tal-akbar importanza li l-memorji tal-passat jinżammu ħajjin, peress li l-ebda rikonċiljazzjoni ma tista’ sseħħ mingħajr verità u tifkira;
1. Jagħti ġieħ, lejliet għeluq il-mitt sena, lill-memorja tal-miljun u nofs vittma innoċenti Armena li tilfu ħajjithom fl-Imperu Ottoman; jingħaqad fil-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen fi spirtu ta' solidarjetà u ġustizzja Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jissieħbu fil-kommemorazzjoni taċ-ċentenarju;
2. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987, li fiha, inter alia, irrikonoxxa li l-ġrajjiet traġiċi li seħħew bejn l-1915 u l-1917 kontra l-Armeni fit-territorju tal-Imperu Ottoman jirrappreżentaw ġenoċidju kif definit fil-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju tal-1948; jikkundanna l-okkorrenzi kollha ta' delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, u jiddeplora bil-qawwa kull tentattiv ta' ċaħda tagħhom;
3. Jagħti ġieħ lill-memorja tal-vittmi innoċenti tal-ġenoċidji u tad-delitti kontra l-umanità kollha kemm huma; jipproponi li jiġi stabbilit Jum Internazzjonali ta' Tifkira tal-Ġenoċidji, bil-għan li jerġa' jitfakkar id-dritt tal-popli kollha u tan-nazzjonijiet kollha madwar id-dinja għall-paċi u d-dinjità;
4. Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u l-ikkastigar effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-komunità internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea;
5. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-President tar-Repubblika tat-Turkija, Recep Tayyip Erdoğan, u tal-Prim Ministru tar-Repubblika tat-Turkija, Ahmet Davutoğlu, li fihom offrew kondoljanzi u rrikonoxxew atroċitajiet kontra l-Armeni Ottomani, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba; iħeġġeġ lit-Turkija tuża l-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen bħala opportunità importanti biex tissokta bl-isforzi tagħha, inkluż permezz tal-ftuħ tal-arkivji, bil-għan li taċċetta l-imgħoddi tagħha, tirrikonoxxi l-Ġenoċidju Armen u b’hekk twitti t-triq għal rikonċiljazzjoni ġenwina bejn il-popli tat-Turkija u tal-Armenja;
6. Ifaħħar il-messaġġ mogħti mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku li jagħti ġieħ liċ-ċentenarju tal-ġenoċidju Armen fit-12 ta' April 2015 fi spirtu ta' paċi u rikonċiljazzjoni;
7. Jistieden lit-Turkija tirrispetta u twettaq bis-sħiħ l-obbligi legali li assumiet rigward il-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, tagħmel b’bonafidi inventarju integrat tal-wirt kulturali Armen u ta' oriġini oħra li safa meqrud jew mgħarraq tul is-seklu li għadda fil-ġurisdizzjoni tagħha;
8. Jistieden lill-Armenja u lit-Turkija jużaw eżempji ta' rikonċiljazzjoni li rnexxiet bejn nazzjonijiet Ewropej, u jiffukaw fuq aġenda li tqiegħed fl-ewwel post il-kooperazzjoni bejn il-popli; huwa fiduċjuż li dan jikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni storika bejn il-poplu Armen u dak Tork, fi spirtu ta’ verità u rispett; jappoġġja inizjattivi tas-soċjetà ċivili bejn it-Turkija u l-Armenja li jaħdmu favur in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet; iħeġġeġ lit-Turkija u lill-Armenja jipproċedu għal normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom billi jirratifikaw u jimplimentaw, mingħajr prekundizzjonijiet, il-protokolli dwar l-istabbiliment ta' relazzjonijiet diplomatiċi, billi jiftħu l-fruntiera u billi jtejbu r-relazzjonijiet bejniethom b'mod attiv, b'riferiment partikolari għall-kooperazzjoni transfruntiera u għall-integrazzjoni ekonomika;
9. Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Armenja, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.
Jum Internazzjonali tar-Rom - l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija
241k
72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 fil-Jum Internazzjonali tar-Rom - l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija (2015/2615(RSP))
– wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,
– wara li kkunsidra, fost l-oħrajn, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(3), it-tieni inċiż, u l-Artikoli 6 u 7 TUE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (minn hawn 'l isfel imsejħa "il-Karta"), ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom(1), il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020 (COM(2011)0173), il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' April 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (COM(2014)0209), u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri effettivi ta' integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ pilota dwar ir-Rom tal-2011, imwettaq mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iż-żieda fl-anti-Żingariżmu u l-vjolenza razzista kontra r-Rom fl-Ewropa, adottata fl-1 ta' Frar 2012,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Politika Ġenerali Nru 13 tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) dwar il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni komprensiv, adottat mill-Istati parteċipanti tal-OSKE, fosthom l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati, li hu ffukat fuq it-titjib tal-qagħda tar-Rom u s-Sinti fiż-żona tal-OSKE, li bih l-Istati jintrabtu fost l-oħrajn li jsaħħu l-isforzi tagħhom bil-għan li jiġi żgurat li r-Rom u s-Sinti jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ u ndaqs fis-soċjetajiet tagħna, kif ukoll biex tinqered id-diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Rom, b'popolazzjoni stmata li tilħaq bejn l-10 u t-12-il miljun persuna fl-Ewropa, hija l-ikbar minoranza etnika fl-Ewropa;
B. billi l-kelma "Rom" tintuża f'din ir-riżoluzzjoni bħala terminu ġenerali li jinkludi gruppi differenti relatati fl-Ewropa kollha, kemm sedentarji kif ukoll mhux, bħar-Rom, Travellers, Sinti, Manouches, Kalés, Romanichels, Boyash, Ashkali, Eġizzjani, Yenish, Doms u Loms, li jistgħu jkunu differenti f'termini ta' kultura u ta' stil ta' ħajja;
C. billi l-anti-Żingariżmu, it-tip speċjali ta' razziżmu dirett lejn ir-Rom, huwa ideoloġija bbażata fuq is-superjorità razzjali, forma ta' diżumanizzazzjoni u razziżmu istituzzjonali fuq sfond ta' diskriminazzjoni storika, li fost modi oħrajn, huma espressi permezz tal-vjolenza, l-inċitament għall-mibegħda, l-isfruttament, l-istigmatizzazzjoni u l-iktar tip sfaċċat ta' diskriminazzjoni;
D. billi l-anti-Żingariżmu huwa wieħed mill-ikbar kawżi ta' diskriminazzjoni u emarġinazzjoni li sofrew il-popli Rom storikament f'bosta pajjiżi Ewropej;
E. billi bosta Rom għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet fqar ħafna u jħabbtu wiċċhom ma' livelli estremi ta' esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni;
F. billi s-sitwazzjoni tar-Rom Ewropej, li storikament kienu parti mis-soċjetà f'bosta pajjiżi Ewropej, mingħajr stat uniku ta' appartenenza, u kkontribwixxew fl-Ewropa bħala ċittadini, tvarja bejn il-minoranzi nazzjonali fl-Ewropa, u dan jiġġustifika miżuri speċifiċi fil-livell Ewropew; billi r-Rom huma parti mill-kultura u mill-valuri tal-Ewropa;
G. billi n-nisa Rom spiss jaffrontaw diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali abbażi tas-sess u l-oriġini etnika u aċċess limitat għall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi soċjali u t-teħid tad-deċiżjonijiet, billi d-diskriminazzjoni tista' sseħħ fi ħdan soċjetà integrata f'kuntest ta' razziżmu kontra r-Rom li dejjem qiegħed jikber, iżda wkoll fi ħdan il-komunitajiet tan-nisa dovut għas-sess tagħhom;
H. billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma talbet lill-Istati Membri jadottaw jew jiżviluppaw ulterjorment approċċ komprensiv għall-integrazzjoni tar-Rom u jappoġġaw għadd ta' għanijiet komuni; billi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 tistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri politiċi effikaċi biex jiżguraw trattament indaqs tar-Rom u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-assistenza tas-saħħa u l-alloġġi;
I. billi d-data tas-27 ta' Jannar, jum il-liberazzjoni tal-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz-Birkenau, intgħażlet min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-Jum Internazzjonali ta' Tifkira tal-Olokawst;
J. billi skont l-istimi, mill-inqas 500 000 Rom inqatlu matul it-Tieni Gwerra Dinjija min-Nazisti u mir-reġimi l-oħrajn u mill-alleati tagħhom, u billi f'xi pajjiżi 'l fuq minn 80 % tal-popolazzjoni Rom ġew sterminati; billi mill-inqas 23 000 Rom inqatlu bil-gass fil-Zigeunerlager (kamp taż-żingari) ta' Auschwitz-Birkenau matul it-Tieni Gwerra Dinjija u, f'lejla waħda, mit-2 sat-3 ta' Awwissu 1944, 2 897 Rom - il-biċċa l-kbira nisa, tfal u anzjani - inqatlu f'dak il-kamp; billi għalhekk, it-2 ta' Awwissu ntgħażel mill-organizzazzjonijiet Rom bħala l-jum għall-kommemorazzjoni tal-vittmi kollha Rom ta' dan il-ġenoċidju;
K. billi l-ġenoċidju tar-Rom min-Nazisti u mir-reġimi l-oħrajn u mill-alleati tagħhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija huwa fatt li għadu injorat mill-parti l-kbira, u għalhekk mhuwiex rikonoxxut mill-pubbliku ġenerali, u spiss mhuwiex rikonoxxut jew mgħallem fl-iskejjel, u b'hekk il-popli Rom jinsabu fost il-vittmi "injorati" tal-ġenoċidju matul it-Tieni Gwerra Dinjija;
L. billi l-kommemorazzjoni tad-delitti kontra l-umanità u tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem hija fundamentali bil-għan li jiġu promossi l-kawżi tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa; billi l-ġenoċidju tar-Rom fl-Ewropa jistħoqqlu rikonoxximent sħiħ proporzjonat għall-gravità tad-delitti kommessi min-Nazisti u mir-reġimi l-oħra li kienu elaborati biex jeliminaw fiżikament ir-Rom mill-Ewropa, kif ukoll il-Lhud u l-gruppi l-oħrajn fil-mira;
M. billi r-rikonoxximent u l-kommemorazzjoni tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija huma importanti biex lir-Rom jingħatalhom, meta jkun xieraq, riżarċiment għall-atroċitajiet kommessi kontrihom min-Nazisti u mir-reġimi l-oħra u mill-alleati tagħhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija;
N. billi r-rikonoxximent tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-istabbiliment ta' Jum Ewropew ta' tifkira jkun jirrappreżenta għalhekk pass simboliku importanti 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u jikkontribwixxi għall-għarfien ġenerali tal-istorja tar-Rom fl-Ewropa;
1. Jesprimi tħassib kbir għaż-żieda fl-anti-Żingariżmu, kif tidher fost oħrajn mir-retorika anti-Rom u mill-attakki vjolenti kontra r-Rom fl-Ewropa, fosthom omiċidji, li huma inkompatibbli man-normi u mal-valuri tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu ostaklu gravi għas-suċċess tal-integrazzjoni soċjali tar-Rom u għall-garanzija tar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
2. Jenfasizza li d-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni mhuma qatt ikkawżati mid-dgħufija inerenti ta' individwu jew ta' grupp li jġarrab tali diskriminazzjoni u emarġinazzjoni, iżda jirriżultaw fil-biċċa l-kbira mill-inkapaċità tas-soċjetà ġenerali li tirrikonoxxi d-drittijiet tal-individwi u mill-inkapaċità li jiġu fornuti l-istrutturi neċessarji għall-individwi biex jinvokaw tali drittijiet;
3. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, bil-għan li jipprevjenu u jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra r-Rom, partikolarment fl-impjiegi, fl-edukazzjoni u fl-aċċess għall-alloġġi;
4. Jissottolinja l-bżonn ta' ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu f'kull livell u b'kull mezz, u jenfasizza li tali fenomenu huwa forma ta' razziżmu partikolarment persistenti, vjolenti, rikorrenti u komuni; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu bħala parti mill-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom li jippromwovu l-aħjar prattiki;
5. Jilqa' pożittivament l-involviment tal-komunitajiet Rom u tal-NGOs fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jappella għall-involviment ulterjuri tagħhom fid-disinn, fil-monitoraġġ, fl-evalwazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;
6. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi garantit li l-miżuri speċifiċi għad-drittijiet tan-nisa u tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jkunu inklużi fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ annwali jqisu l-perspettiva relatata mad-drittijiet tan-nisa u mal-ugwaljanza tal-ġeneri f'kull sezzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;
7. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu lit-tfal bħala prijorità huma u jimplimentaw il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tal-aċċess indaqs għall-alloġġi, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u għall-kundizzjonijiet ta' ħajja dinjitużi għat-tfal Rom;
8. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, bil-għan li jirnexxilhom jikkumbattu l-anti-Żingariżmu, ir-retorika anti-Rom u l-attakki vjolenti kontrihom, kif ukoll l-apoloġija, iċ-ċaħda jew il-minimizzazzjoni goffa tal-ġenoċidju tar-Rom;
9. Ifakkar li r-Rom jagħmlu parti mill-kultura u mill-valuri kondiviżi tal-Ewropa, u jinkoraġġixxi għalhekk lill-Istati Membri u lill-pajjiżi Ewropej l-oħra jaffrontaw l-istorja tar-Rom permezz ta' djalogu maċ-ċittadini u maż-żgħażagħ, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija;
10. Jikkundanna totalment u inekwivokabbilment il-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li tagħhom huma vittma r-Rom, u jissottolinja l-bżonn li jiġi miġġieled b'mod effikaċi l-anti-Żingariżmu jekk irridu li l-miżuri adottati f'oqsma oħra jkunu effikaċi;
11. Jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ u tivvaluta b'mod effikaċi r-rispett min-naħa tal-Istati Membri tal-valuri fundamentali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt ikunu rispettati fl-Istati Membri kollha, tagħmel monitoraġġ effikaċi tar-rispett min-naħa tal-Istati Membri ta' dawn il-valuri, u tiżgura reazzjoni tagħha għall-eventwali ksur sistematiku ta' tali valuri;
12. Jirrikonoxxi għalhekk b'mod solenni l-fatt storiku tal-ġenoċidju tar-Rom li sar matul it-Tieni Gwerra Dinjija;
13. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu uffiċjalment dan il-ġenoċidju u forom oħrajn ta' persekuzzjoni tar-Rom, bħad-deportazzjoni u l-internament li saru matul it-Tieni Gwerra Dinjija;
14. Jiddikjara li għandu jiġi stabbilit jum Ewropew għall-kommemorazzjoni tal-vittmi tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija u li dan il-jum għandu jissemma Jum tat-Tifkira tal-Olokawst tar-Rom Ewropej;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lin-Nazzjonijiet Uniti.