Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 30 ta' April 2015 - Strasburgu
Miżuri kummerċjali eċċezzjonali għall-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina ***I
 Il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab
 Il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh
 Is-sitwazzjoni fil-Maldive
 Rapport ta' Progress tal-2014 dwar l-Albanija
 Rapport ta' Progress 2014 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina
 Ir-Rapport Annwali 2013 tal-Bank Ewropew tal-Investiment
 Expo Milano  2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja
 Is-sitwazzjoni fin-Niġerja
 Il-każ ta’ Nadiya Savchenko
 Is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati ta’ Yarmouk fis-Sirja
 L-inkarċerazzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema fl-Alġerija

Miżuri kummerċjali eċċezzjonali għall-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina ***I
PDF 532kWORD 100k
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-30 ta' April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina (COM(2014)0386 – C8-0039/2014 – 2014/0197(COD))(1)
P8_TA(2015)0177A8-0060/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 2
(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma jipprovdi l-ebda possibbiltà biex temporanjament tiġi sospiża l-għotja ta’ miżuri kummerċjali eċċezzjonali f’każ ta’ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt mill-benefiċjarji tagħha. Huwa xieraq li tkun introdotta din il-possibbiltà, sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tittieħed azzjoni malajr f’każ li jseħħ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f’wieħed mill-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, jew li huma marbutin miegħu.
(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 ma jipprovdi l-ebda possibbiltà biex temporanjament tiġi sospiża l-għotja ta’ miżuri kummerċjali eċċezzjonali f’każ ta’ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt mill-benefiċjarji tagħha. Huwa xieraq li tkun introdotta din il-possibbiltà, sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tittieħed azzjoni malajr f’każ li jseħħ ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f’wieħed mill-pajjiżi u t-territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, jew li huma marbutin miegħu. Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi huma meħtieġa biex isir progress fil-proċess ta' adeżjoni.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 5
(5)  Minn meta tnieda l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, ġew konklużi Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-pajjiżi kollha kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, bl-eċċezzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo.3 F’Ġunju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tibda n-negozjati għal Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo.
(5)  Minn meta tnieda l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, ġew konklużi Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-pajjiżi kollha kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, bl-eċċezzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo.3 F’Mejju 2014, intemmu n-negozjati għal Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo u l-Ftehim ġie inizjalat f'Lulju 2014.
______________
_______________
3 Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
3 Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 7
(7)  Madankollu, il-Bosnja-Ħerzegovina għadha ma aċċettatx li tadatta l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija skont il-Ftehim Interim sabiex tqis il-kummerċ tradizzjonali preferenzjali bejn il-Kroazja u l-Bosnja-Ħerzegovina skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). F'każ li, sal-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, ma jkunx ġie ffirmat u applikat provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali stipulati fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-Ftehim Interim mill-Unjoni Ewropea u l-Bosnja-Ħerzegovina, il-preferenzi mogħtija lill-Bosnja-Ħerzegovina għandhom jiġu sospiżi mill-1 ta’ Jannar 2016. Ladarba l-Bosnja-Ħerzegovina u l-Unjoni Ewropea jiffirmaw u japplikaw provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali fil-Ftehim Interim, dawn il-preferenzi jiġu stabbiliti mill-ġdid.
(7)  Madankollu, il-Bosnja-Ħerzegovina għadha ma aċċettatx li tadatta l-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija skont il-Ftehim Interim sabiex tqis il-kummerċ tradizzjonali preferenzjali bejn il-Kroazja u l-Bosnja-Ħerzegovina skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA). F'każ li, sal-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, ma jkunx ġie ffirmat u applikat provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali stipulati fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-Ftehim Interim mill-Unjoni Ewropea u l-Bosnja-Ħerzegovina, il-preferenzi mogħtija lill-Bosnja-Ħerzegovina għandhom jiġu sospiżi mill-1 ta’ Jannar 2016. Ladarba l-Bosnja-Ħerzegovina u l-Unjoni Ewropea jiffirmaw u japplikaw provviżorjament ftehim dwar l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali fil-Ftehim Interim, dawn il-preferenzi jiġu stabbiliti mill-ġdid. L-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kummissjoni għandhom jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex, qabel l-1 ta' Jannar 2016 u bi qbil mal-Ftehim Interim, isibu soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ transfruntier.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 7a (ġdida)
(7a)  Jeħtieġ li jitqies il-progress kostanti lejn sħubija mal-Unjoni Ewropea mill-pajjiżi u t-territorji kkonċernati tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni u l-ħtieġa konsegwenti li l-Ftehim Interim mal-Bosnja-Ħerzegovina jiġi adattat. F'dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll li jitqies l-impenn ċar tal-Unjoni favur il-prospettiva tal-UE tal-Bosnja-Ħerzegovina, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Diċembru 2014. F'dawk il-konklużjonijiet, ġiet imtennija l-ħtieġa li l-mexxejja politiċi tal-Bosnja-Ħerzegovina jankraw ir-riformi meħtieġa għall-integrazzjoni fl-UE fil-ħidma tal-istituzzjonijiet relevanti kollha, u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-funzjonalità u l-effiċjenza fil-livelli kollha tal-gvern sabiex il-Bosnja-Ħerzegovina tkun tista' tħejji għal sħubija futura mal-UE.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 7b (ġdida)
(7b)  L-Unjoni Ewropea għadha impenjata li tappoġġa l-prospettiva Ewropea tal-Bosnja-Ħerzegovina u tistenna li t-tmexxija politika tal-pajjiż iddaħħal riformi bl-għan li jippromwovu istituzzjonijiet funzjonali kif ukoll li jiżguraw drittijiet indaqs għat-tliet popli kostitwenti u għaċ-ċittadini kollha tal-Bosnja-Ħerzegovina.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt –1 (ġdid)
Regolament (KE) Nru 1215/2009
Premessa 14a (ġdida)
(-1) Tiddaħħal il-premessa li ġejja:
"(14a) Sabiex tkun tista' ssir sorveljanza demokratika xierqa tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti b'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi u l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa għall-Annessi I u II wara l-emendi għall-kodiċijiet CN u għas-sottodiviżjonijiet TARIC, fir-rigward tal-aġġustamenti meħtieġa wara l-għoti ta' preferenzi kummerċjali skont ftehimiet oħra bejn l-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji koperti b'dan ir-Regolament, u fir-rigward tas-sospensjoni tal-benefiċċji skont dan ir-Regolament f'każ ta' nonkonformità mal-kundizzjoni ta' kooperazzjoni amministrattiva effettiva sabiex tiġi evitata l-frodi, il-kundizzjoni tar-rispett għall-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt kif ukoll il-kundizzjoni tal-parteċipazzjoni f'riformi ekonomiċi effettivi u f'kooperazzjoni reġjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi kull tagħrif u dokumentazzjoni dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ atti delegati. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament jiġi involut kif xieraq, billi tibbaża ruħha fuq l-aħjar prattiki miksuba minn esperjenza preċedenti f'oqsma ta' politiki oħra sabiex toħloq l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-iskrutinju futur tal-atti delegati mill-Parlament Ewropew;"
Emenda 7
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)
Regolament (KE) Nru 1215/2009
Artikolu 2 – paragrafu 3
(1a)  Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:
3.  Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ pajjiż jew territorju mal-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni tista', permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tissospendi, totalment jew parzjalment, id-dritt tal-pajjiż jew it-territorju kkonċernat għall-benefiċċji ta' dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(4).
3.  Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ pajjiż jew territorju mal-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista', permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tissospendi, totalment jew parzjalment, id-dritt tal-pajjiż jew it-territorju kkonċernat għall-benefiċċji ta' dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(4).
Emenda 8
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 1b (ġdid)
Regolament (KE) Nru 1215/2009
Artikolu 7 – punt c (ġdid)
(1b)  Fl-Artikolu 7, jiżdied il-punt li ġej:
(c)  is-sospensjoni, sħiħa jew parzjali, tal-intitolament ta' pajjiż jew territorju kkonċernat għal benefiċċji skont dan ir-Regolament, f'każ ta' nonkonformità minn dak il-pajjiż jew territorju mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu (2)(2) ta' dan ir-Regolament.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 1c (ġdid)
Regolament (KE) Nru 1215/2009
Artikolu 10 – paragrafu 1 – subparagrafu 1 – parti introduttorja
(1c)  Fl-Artikolu 10(1), il-parti introduttorja għandha tinbidel b’dan li ġej:
1.  Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm evidenza suffiċjenti ta’ frodi jew nuqqas ta’ koperazzjoni amministrattiva kif meħtieġ għall-verifika tal-evidenza ta’ oriġini, jew li hemm żieda sostanzjali ta’ esportazzjonijiet ġewwa l-Komunità 'l fuq mil-livell ta’ produzzjoni normali u kapaċità ta’ esportazzjoni jew nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) minn pajjiżi u territorji msemmija fl-Artikolu 1, din tkun tista’ tieħu miżuri biex tissospendi għal kollox jew in parti l-arranġamenti stabbiliti f’dan ir-Regolament għal perjodu ta’ tliet xhur, sakemm hi l-ewwel:
1.  Fejn il-Kummissjoni ssib li hemm evidenza suffiċjenti ta’ frodi jew nuqqas ta’ koperazzjoni amministrattiva kif meħtieġ għall-verifika tal-evidenza ta’ oriġini, jew li hemm żieda sostanzjali ta’ esportazzjonijiet ġewwa l-Komunità 'l fuq mil-livell ta’ produzzjoni normali u kapaċità ta’ esportazzjoni jew nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) minn pajjiżi u territorji msemmija fl-Artikolu 1, din tkun tista’ tieħu miżuri biex tissospendi għal kollox jew in parti l-arranġamenti stabbiliti f’dan ir-Regolament għal perjodu ta’ tliet xhur, sakemm hi l-ewwel:

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 61(2), it-tieni subparagrafu (A8-0060/2015).


Il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab
PDF 284kWORD 96k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab (2015/2661(RSP))
P8_TA(2015)0178RC-B8-0382/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kenja,

–  wara li kkunsidra t-tieni Ftehim ta' Sħubija rivedut bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), b'mod partikolari l-Artikoli 8, 11, 26 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-23 ta' Novembru 2014 dwar il-massakru ta' 28 vjaġġatur ċivili, u tat-3 ta' April 2015 dwar l-attakk brutali tal-Università ta' Garissa fil-Kenja,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa magħmula mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA), fl-497 laqgħa tiegħu li saret fid-9 ta’ April 2015, dwar l-attakk terroristiku mwettaq f’Garissa, il-Kenja,

–  wara li kkunsidra l-attakk tal-forzi tal-ajru Kenjani fuq il-kampijiet tat-taħriġ ta' Al-Shabaab fis-Somalja bħala reazzjoni għall-massakru li sar fl-Università ta' Garissa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aktar attakk terroristiku riċenti f'Garissa, fil-Kenja, kellu fil-mira tiegħu iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u għaldaqstant, il-ġejjieni tal-pajjiż; billi ż-żgħażagħ jirrappreżentaw it-tama u l-paċi, u huma d-difensuri futuri tal-iżvilupp tal-pajjiż; billi l-edukazzjoni hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu vjolenti;

B.  billi l-għadd ta' attakki fuq minoranzi reliġjużi, b'mod partikolari il-gruppi reliġjużi, inklużi l-Insara, madwar id-dinja żdied ħafna f'dawn l-aħħar xhur; billi persuni Nsara qed jinqatlu brutalment, jissawwtu u jiġu arrestati kuljum l-aktar f’xi partijiet tad-dinja Għarbija minn terroristi ġiħadisti;

C.  billi l-Insara huma l-aktar grupp reliġjuż ippersegwitat; billi l-estremiżmu u l-persekuzzjoni ta’ dan it-tip qed jitfaċċaw bħala fattur sinifikanti fil-fenomenu dejjem jikber ta’ migrazzjoni tal-massa; billi skont data, l-għadd ta' Nsara maqtula kull sena hu akbar minn 150 000;

D.  billi fil-15 ta’ Frar 2015, il-grupp ISIS/Da’esh iddekapita 21 persuna Nsara Kopti Eġizzjani fil-Libja;

E.  billi l-mira intenzjonata tal-attakk ta' Garissa kienu l-persuni mhumiex Musulmani, u l-Insara kienu magħżula biex jinqatlu brutalment; billi Al-Shabaab iddikjara apertament u pubblikament li se jagħmel gwerra kontra l-Insara fir-reġjun;

F.  billi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ, u t-tisħiħ tal-ħiliet, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, huma essenzjali biex jittejbu l-opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom u biex isaħħu l-iżvilupp tal-pajjiż;

G.  billi Al-Shabaab regolarment kellu fil-mira lil studenti, skejjel u faċilitajiet edukattivi oħra; billi fost l-oħrajn, f'Diċembru 2009 attakk suwiċida qatel 19-il persuna waqt ċerimonja tal-għoti tal-lawrji lill-istudenti tal-mediċina f'Mogadixu, fis-Somalja, u f'Ottubru 2011, il-grupp terroristiku ħa r-responsabbiltà ta' attakk bil-bombi li qatel 70 ruħ, fosthom student li kienu qed jistennew ir-riżultati tal-eżamijiet fil-Ministeru tal-Edukazzjoni tas-Somalja f'Mogadixu;

H.  billi fil-25 ta' Marzu 2015, tal-inqas 15-il persuna tilfu ħajjithom f'attakk imwettaq minn Al-Shabaab fuq lukanda f'Mogadixu, u billi Yusuf Mohamed Ismail Bari-Bari, ir-rappreżentant permanenti tas-Somalja fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra, l-Iżvizzera, kien fost dawk maqtula fl-attakk;

I.  billi l-Kenja ilha tħabbat wiċċha ma' għadd ikbar ta' attakki kontra ċ-ċivili sa minn Ottubru 2011, meta t-truppi tagħha daħlu fin-nofsinhar tas-Somalja biex jieħdu sehem f'operazzjoni koordinata mal-armata tas-Somalja kontra żona kkontrollata minn Al-Shabaab wara li l-grupp terroristiku ħa erba' ostaġġi;

J.  billi sa minn Novembru 2011, it-truppi Kenjani ħadu sehem fil-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), stabbilita fid-19 ta' Jannar 2007 mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u awtorizzata fl-20 ta’ Frar 2007 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (riżoluzzjoni 1744 (2007)), li reċentement ta approvazzjoni lill-UA biex tkompli l-missjoni tagħha sat-30 ta’ Novembru 2015 (riżoluzzjoni 2182 (2014));

K.  billi wieħed mill-kontributuri ewlenin tal-ġlieda kontra l-grupp terroristiku Al Shabaab kienet l-armata Etjopjana kif ukoll, u b'mod aktar limitat, l-armata tal-Uganda;

L.  billi Al-Shabaab ifforma rabtiet ma’ gruppi Iżlamisti oħra fl-Afrika, bħall-Boko Haram fin-Niġerja u l-Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku;

M.  billi l-grupp terroristiku Al-Shabaab regolarment jattakka bil-bombi, u joqtol, fil-parti kbira lil persuni ċivili, fis-Somalja u f’pajjiżi ġirien, bħal pereżempju f’Kampala, l-Uganda, f’Lulju 2010, u ħafna aktar ta’ sikwit fil-Kenja, fejn l-azzjonijiet fuq skala kbira biss kisbu l-attenzjoni internazzjonali, filwaqt li attakki iżgħar kienu karatteristika kostanti;

N.  billi l-grupp Al-Shabaab ħa r-responsabbiltà tal-attakki li saru f’Lulju 2014 fuq l-irħula ta’ Hindi, Gama, Lamu u Tana River mal-kosta tal-Kenja, li fihom inqatlu aktar minn mitt persuna, kif ukoll ta' żewġ attakki f’Mandela County fl-2014, li fihom inqatlu 64 persuna;

O.  billi wara l-attakk terroristiku fuql-Università ta' Garissa l-Gvern ta' Kenja hedded lill-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab fi żmien tliet xhur; billi l-UNHCR wissiet li dan l-għeluq kien ikollu "konsegwenzi umanitarji u prattiċi estremi"; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati tipprojbixxi li rifuġjati jiġu mġiegħla jmorru lura f'żoni fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom tkun mhedda;

P.  billi l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) għadha mhijiex operattiva, u billi l-UE ddikjarat ir-rieda tagħha li tappoġġa l-kapaċitajiet Afrikani taż-żamma tal-paċi bħala parti mill-Istrateġija għas-Sigurtà tagħha għall-Afrika;

Q.  billi skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u l-AKP, "l-attivitajiet fil-qasam tal-ħolqien tal-paċi, u tal-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, għandhom b'mod partikolari jinkludu sostenn għall-ibbilanċjar ta' opportunitajiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali f'kull qasam tas-soċjetà, biex jissaħħu l-leġittimità demokratika u l-effettività tal-governanza, biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi għal konċiljazzjoni paċifika tal-interessi tal-gruppi, [...] biex jingħelbu l-firdiet bejn diversi oqsma tas-soċjetà kif ukoll biex tigi sostnuta soċjetà ċivili attiva u organizzata";

1.  Jikkundanna bl-aktar termini qawwija l-attakk terroristiku deliberat imwettaq minn Al-Shabaab fit-2 ta’ April 2015 f’Garissa, li fih inqatlu 147 student u studenta universitarji żgħażagħ innoċenti, filwaqt li 79 oħra ndarbu; jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment meta l-persuni jinqatlu minħabba r-reliġjon, it-twemmin jew l-oriġini etnika tagħhom;

2.  Jikkundanna għal darb'oħra l-attakki mwettqa minn Al-Shabaab fis-sajf tal-2014 fuq bosta rħula tax-xatt tal-Kenja, inkluż Mpeketoni, li fih inqatlu 50 ruħ; jikkundanna bil-qawwa l-attakk fil-Westgate Shopping Centre f'Nairobi fl-24 ta' Settembru 2013, li ħalla 67 katavru; jikkundanna l-attakk ta' Al-Shabaab tal-25 ta' Marzu 2015 f'Mogadixu, li fih tilef ħajtu l-Ambaxxatur Yusuf Mohamed Ismail Bari-Bari, ir-rappreżentant permanenti tas-Somalja fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra;

3.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi u lill-poplu u l-Gvern tar-Repubblika tal-Kenja; jappoġġja lill-poplu Kenjan fil-konfront ta' dawn l-atti ta' aggressjoni deplorevoli;

4.  Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta’ vjolenza jew diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon;

5.  Jikkundanna l-attakki riċenti fuq komunitajiet Insara f'diversi pajjiżi, partikolarment fir-rigward tat-tfigħ fil-baħar ta' 12-il persuna Nisranija waqt vjaġġ reċenti mill-Libja u l-massakru ta' 30 persuna Nsara Etjopjani fid-19 ta' April 2015, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-qraba tal-vittmi;

6.  Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu atti terroristiċi f’diversi nħawi tad-dinja, u t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta’ episodji ta’ intolleranza, repressjoni u vjolenza kontra l-Insara,b'mod partikolari f'xi partijiet tad-dinja Għarbija; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f’diversi kunflitti; jikkundanna l-għadd dejjem jiżdied ta’ attakki fuq knejjes madwar id-dinja, b’mod partikolari l-attakk li qatel 14-il persuna fil-Pakistan fil-15 ta’ Marzu 2015; jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' priġunerija, għajbien, tortura, skjavitù u ġġustizzjar pubbliku tal-Insara fil-Korea ta' Fuq; jikkonferma u jappoġġa d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-Insara, li jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali tagħhom f'kundizzjonijiet ta' dinjità, ugwaljanza u sikurezza; jinnota li għal sekli sħaħ, il-gruppi reliġjużi differenti f'dan ir-reġjun kienu jgħixu flimkien b'mod paċifiku;

7.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 17 tat-TFUE li jagħmlu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes u ma' organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali, biex jiżguraw li l-kwistjoni tal-persekuzzjoni ta' komunitajiet Insara u komunitajiet reliġjużi oħra tkun prijorità għall-UE;

8.  Jikkundanna l-użu ta' liġi antika ('patt dhimmi') mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq għall-estorsjoni tal-Insara permezz ta' obbligi fiskali reliġjużi u restrizzjonijiet, bit-theddida tal-mewt;

9.  Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-Insara kollha ppersegwitati f’diversi partijiet tal-Afrika, b’kunsiderazzjoni speċjali tal-atroċitajiet ġiħadisti reċenti fil-Libja, in-Niġerja u s-Sudan;

10.  Jikkundanna u jiċħad kwalunkwe miżinterpretazzjoni tal-messaġġ tal-Iżlam biex tinħoloq ideoloġija vjolenti, krudili, totalitarja, oppressiva u espansiva li tagħti lok ta' leġittimizzazzjoni tal-esterminazzjoni ta' minoranzi Nsara; iħeġġeġ lill-mexxejja Musulmani jikkundannaw għalkollox l-attakki terroristiċi kollha, inklużi l-attakki kontra komunitajiet u minoranzi reliġjużi, u b'mod partikolari l-Insara;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet iwettqu investigazzjoni bir-reqqa, imparzjali u effikaċi mill-iktar fis possibbli sabiex jiġu identifikati u jitressqu quddiem il-ġustizzja lil min wettaq, organizza, iffinanzja jew sponsorja dawn l-atti ta’ terroriżmu kundannabbli;

12.  Jirrikonoxxi li t-tweġiba reali jeħtieġ tkun organizzata madwar pajjiżi Afrikani oħra, u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall- Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà u l-Kunsill jindirizza t-theddidiet għas-sigurtà u theddidiet terroristiċi f'din iż-żona reġjonali b'kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, b'appoġġ tal-isforzi kruċjali biex il-grupp Al-Shabaab jiġi miġġieled permezz tal-AMISOM; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tappoġġa bil-qawwa l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi kontinentali u reġjonali għall-ġestjoni tal-kunflitti, prinċipalment il-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF);

13.  Jistieden lill-Gvern Kenjan jassumi r-responsabbiltà u jindirizza kemm il-vjolenza ta’ Al-Shabaab kif ukoll il-kawżi ewlenin tagħha; iqis li s-sigurtà tista’ tinkiseb biss jekk il-qasmiet fis-soċjetajiet politiċi u ċivili tal-Kenja u l-iżbilanċi reġjonali fl-iżvilupp ikunu indirizzati b’mod xieraq; iqis li hi ta’ dispjaċir ir-reazzjoni tardiva tal-forzi tal-pulizija; b’mod partikolari, iħeġġeġ lill-gvern jibqa' lura milli juża l-attakki terroristiċi bħala pretest għat-trażżin tal-libertajiet ċivili; jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jinsisti dwar il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki ta' kontra t-terroriżmu;

14.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani jiżguraw li kwalunkwe diviżjoni bejn ir-reliġjonijiet, kif ukoll il-paralleli magħmula bejn il-komunità Musulmana u l-grupp Al-Shabaab jiġu prevenuti, u li jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li tinżamm l-għaqda fil-pajjiż, għall-ġid tat-tkabbir u l-istabbiltà soċjali u ekonomiċi u d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu tiegħu; jistieden lill-Gvern tal-Kenja, lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lill-mexxejja reliġjużi biex jindirizzaw l-ilmenti storiċi ta' marġinalizzazzjoni, diviżjonijiet reġjonali fil-pajjiż u diskriminazzjoni istituzzjonali, u biex jiżguraw li l-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu jimmiraw biss fuq l-awturi u mhux fuq il-komunitajiet etniċi u reliġjużi usa';

15.  Ifakkar lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom, skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat f’Ġunju 2012, li jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jitqajmu f'kull djalogu kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi;

16.  Jistieden lill-UE timplimenta programm ta' missjoni ta' taħriġ militari fil-Kenja u tipprovdi tagħmir modern, filwaqt li tikkollabora mal-forzi militari u tal-pulizija Kenjani u tħarriġhom sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u jipprevjenu l-espansjoni ta' Al-Shabaab;

17.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kenjan jagħmel l-isforzi kollha biex jikkonforma mal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-libertajiet fundamentali, u jitlob lill-UE biex tmexxi lis-sieħeb internazzjonali tagħha f’din id-direzzjoni, u tiġbor kontribuzzjoni finanzjarja biex isaħħaħ il-programmi tal-governanza eżistenti, sabiex tiżgura s-sigurtà nazzjonali u ġġib il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun; jinsisti li l-vjolenza ta' Al-Shabaab, li qed tkompli tiżdied, għandha tiġi indirizzata flimkien mal-pajjiżi ġirien; jitlob lill-UE tipprovdi l-appoġġ finanzjarju, loġistiku u espert kollu meħtieġ f'dan ir-rigward, inkluża l-possibbiltà li jintużaw il-Faċilità tal-Paċi Afrikana u l-istrumenti tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE;

18.  Jistieden lill-forzi tas-sigurtà Kenjani jiżguraw risponsi legali fil-ġlieda kontra t-theddida terroristika; jistieden lill-Gvern Kenjan jiżgura s-sigurtà u l-protezzjoni tal-kampijiet tar-rifuġjati fit-territorju tiegħu, skont id-dritt internazzjonali;

19.  Jenfasizza li t-terroriżmu internazzjonali hu ffinanzjat minn attivitajiet illegali bħall-ħasil tal-flus, ir-riskatti, it-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn jidħol l-iskambju ta’ intelligence rigward il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

20.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha għall-promozzjoni tad-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi u komunitajiet oħra; jappella lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

21.  Jiddenunzja l-użu ta' istituzzjonijiet u binjiet edukattivi bħala mira għal attakki terroristiċi, li huwa mezz biex tiddgħajjef l-edukazzjoni u d-dinjità taċ-ċittadini kollha filwaqt li jikkawża nuqqas ta' fiduċja u sens ta' diviżjoni bejn il-komunitajiet; ifakkar il-ħtif u l-għajbien tal-bniet Insara fil-belt Niġerjana ta' Chibok mill-grupp terroristiku ġiħadista Boko Haram fl-2014, li ġew ikkundannati mid-dinja kollha;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE.


Il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh
PDF 368kWORD 104k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh (2015/2649(RSP))
P8_TA(2015)0179RC-B8-0375/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet għal tweġiba orali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh (O-000031/2015 – B8-0115/2015 u O‑000032/2015 – B8-0116/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistipula li "l-azzjoni tal-Unjoni għandu jkollha l-mira li tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri", b'mod partikolari fil-qasam tal-"konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew sinifikanti" u li "l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura",

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2013 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2465/96(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1332/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja(3), adottati abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/760/PESK tat-13 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 11c tiegħu dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasferiment ta', oġġetti ta' proprjetà kulturali Sirjana,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2001/555/PESK tal-20 ta' Lulju 2001 dwar it-twaqqif ta' Ċentru tas-Satelliti tal-Unjoni Ewropea(5), emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/834/PESK(6),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Ottubru 2012 dwar il-ħolqien ta' netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET) (14232/2012),

–  wara li kkunsidra t-tieni Protokoll għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Konflitt Armat, tal-1999,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-14 ta' Novembru 1970,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali u Naturali Dinji tas-16 ta' Novembru 1972,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tas-17 ta' Ottubru 2003,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment tal-1995,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi minn Al-Qaida(7),

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Venezja tal-1964 għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti li tipprovdi qafas internazzjonali għall-preservazzjoni u r-restawr ta' binjiet antiki,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fis-17 ta' Lulju 1998, u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2)(b)(ix) tiegħu, li jirrikonoxxi bħala delitt tal-gwerra l-att ta' "twettiq ta' attakki intenzjonati fuq binjiet iddedikati għar-reliġjon, l-edukazzjoni, l-arti, ix-xjenza jew skopijiet ta' karità, monumenti storiċi, sptarijiet u postijiet fejn jinġabru l-morda u l-midruba, dment li dawn ma jkunux objettivi militari",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(8), li jistqarr fil-paragrafu 211 li "forom intenzjonati ta' qerda tal-wirt kulturali u artistiku, kif qed jiġri bħalissa fl-Iraq u fis-Sirja, għandha ssirilhom prosekuzzjoni bħala delitti tal-gwerra u bħala delitti kontra l-umanità",

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' Frar 2015, intitolata "Elementi għal strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh" (JOIN(2015)0002), li fiha l-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà rrikonoxxew is-serjetà tal-qerda u tas-sakkeġġ tal-wirt kulturali huma u jindirizzaw il-kriżijiet fis-Sirja u fl-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da'esh,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bosta siti arkeoloġiċi, reliġjużi u kulturali fis-Sirja u fl-Iraq, dan l-aħħar kienu soġġetti għal qerda intenzjonata mwettqa minn gruppi ta' estremisti marbuta partikolarment mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u s-Sirja (ISIS/Da'esh), u billi dawn l-attakki sistematiċi kontra l-wirt kulturali ġew deskritti mid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Irina Bokova, bħala 'tindif kulturali';

B.  billi, skont l-UNESCO, it-terminu 'tindif kulturali' jirreferi għal strateġija intenzjonata li tipprova teqred id-diversità kulturali permezz ta' mmirar intenzjonat fuq individwi identifikati abbażi tal-isfond kulturali, etniku jew reliġjuż tagħhom, flimkien ma' attakki intenzjonati fuq il-postijiet ta' qima, ta' tifkira storika u ta' tagħlim tagħhom, u billi l-istrateġija ta' tindif kulturali li nistgħu nosservaw fl-Iraq u fis-Sirja hija riflessa f'attakki kontra l-wirt kulturali li huma fl-istess waqt diretti kontra espressjonijiet tal-kultura fiżiċi, tanġibbli u mibnija, bħal monumenti u binjiet, u kontra l-minoranzi u espressjonijiet kulturali intanġibbli, bħal drawwiet, tradizzjonijiet u twemmin(9);

C.  billi xi atti ta' qerda tal-wirt kulturali ġew ikkunsidrati, taħt ċerti kundizzjonijiet, bħala delitti kontra l-umanità(10); billi, b'mod partikolari, meta dawn l-atti jkunu diretti lejn membri ta' grupp reliġjuż jew etniku, jistgħu jiġu assimilati mad-delitt ta' persekuzzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 7(1)(h) tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

D.  billi dawn l-atti ta' qerda ta' siti kulturali u storiċi u oġġetti mhumiex ġodda u mhumiex limitati biss għall-Iraq u s-Sirja; billi skont l-UNESCO, "il-wirt kulturali huwa komponent importanti tal-identità kulturali ta' komunitajiet, gruppi u individwi, u tal-koeżjoni soċjali, b'tali mod li l-qerda intenzjonata tiegħu jista' jkollu konsegwenzi negattivi fuq id-dinjità tal-bniedem u fuq id-drittijiet tal-bniedem"(11); filwaqt li, kif iddikjaraw l-UNESCO u oħrajn, il-prodotti tas-sakkeġġ u l-kuntrabandu, mill-ISIS/Da'esh, ta' siti u oġġetti kulturali u reliġjużi fl-Iraq u fis-Sirja qed jintużaw biex jgħinu fil-finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi tal-ISIS/Da'esh, bir-riżultat li oġġetti artistiċi u kulturali qed isiru 'armi tal-gwerra';

E.  billi, bis-saħħa tal-finanzjament ipprovdut mill-Unjoni Ewropea, l-UNESCO u sħab strateġiċi oħra fl-1 ta' Marzu 2014 varaw proġett ta' tliet snin imsejjaħ 'Salvagwardja ta' Emerġenza għall-Wirt Sirjan', intiż, b'mod partikolari, biex jiżgura l-protezzjoni ta' emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan;

F.  billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta' Espressjonijiet Kulturali adottata fl-20 ta' Ottubru 2005, l-ewwel strument internazzjonali li rrikonoxxa n-natura doppja, ekonomika u kulturali, ta' oġġetti kulturali, li "għaldaqstant ma jridux jiġu ttrattati bħala oġġetti li għandhom biss valur kummerċjali";

G.  billi l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Trasferiment ta' Sjieda tal-Proprjetà Kulturali adottata fis-17 ta' Novembru 1970 u tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment adottata fl-24 ta' Ġunju 1995 huma strumenti essenzjali li bihom tissaħħaħ il-protezzjoni tal-wirt kulturali globali;

H.  billi l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali issa huwa t-tielet l-aktar kummerċ illegali sinifikanti, wara d-drogi u l-armi, billi dan il-kummerċ illeċitu huwa ddominat minn netwerks kriminali organizzati, u billi l-mekkaniżmi nazzjonali u internazzjonali tal-lum la għandhom riżorsi adegwati u lanqas mhuma sostnuti b'mod adegwat biex jittrattaw din il-kwistjoni(12);

I.  billi, minkejja li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali mhijiex kompetenza speċifika tal-Unjoni Ewropea, inkwantu li mhijiex stabbilita bħala tali fit-trattati, madankollu taqa' fi ħdan diversi oqsma ta' kompetenza tal-UE, bħas-suq intern, l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (SLSĠ), il-kultura u l-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK);

J.  billi hemm ħtieġa urġenti li nikkoordinaw aħjar il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' prodotti kulturali u naħdmu flimkien mill-qrib sabiex nippromwovu s-sensibilizzazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, u biex jinkiseb tisħiħ tal-oqfsa legali; ifakkar, f'dan il-kuntest, li fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda fil-konfront tal-kriminalità rigward beni kulturali ġie rrakkomandat, inter alia, li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kulturali u organizzazzjonijiet privati;

K.  billi, f'Ottubru 2012, riżoluzzjoni tal-Kunsill ħolqot netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta' kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET), li l-objettiv prinċipali tiegħu hu li jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni marbuta mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu f'beni kulturali u li jidentifika u jikkondividi informazzjoni dwar netwerks kriminali ssuspettati li huma involuti f'kummerċ illeċitu;

L.  billi nhar is-Sibt 28 ta' Marzu 2015, id-Direttur Ġenerali Irina Bokova nediet f'Bagdad il-kampanja #Unite4Heritage, li għandha l-għan li timmobilizza l-appoġġ globali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, bl-użu tas-setgħa tan-netwerks soċjali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qerda intenzjonata ta' siti kulturali, arkeoloġiċi u reliġjużi mwettqa mill-ISIS fis-Sirja u fl-Iraq;

2.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tieħu azzjoni xierqa fil-livell politiku, bi qbil mar-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015, sabiex jintemm il-kummerċ illegali fi proprjetà kulturali mit-territorji tas-Sirja u tal-Iraq tul perjodi ta' kunflitt f'dawk it-territorji, biex b'hekk ma jitħallewx jintużaw bħala sors ta' finanzjament;

3.  Jistieden lill-VP/RGħ tħaddem id-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali bħala għodda f'dak l jirrigwarda r-rikonċiljazzjoni tal-komunitajiet differenti u r-rikostruzzjoni tas-siti meqruda;

4.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw miżuri ta' sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE sabiex jipprevjenu l-kuntrabandu ta' oġġetti kulturali mis-Sirja u mill-Iraq lejn l-Unjoni, u jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod effikaċi f'azzjoni konġunta kontra l-kummerċ ta' oġġetti ta' oriġini Sirjana u Iraqina fl-Ewropa, minħabba li konċentrazzjoni għolja ta' kummerċ tal-arti tal-Lvant Nofsani hija ddestinata għas-suq tal-Ewropa, flimkien ma' dawk tal-Istati Uniti tal-Amerika u tar-reġjun tal-Golf;

5.  Jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni, bi qbil mal-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 2199 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-12 ta' Frar 2015, jiffukaw fuq il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali, b'mod speċifiku fir-rigward ta' oġġetti ta' wirt kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq wara s-6 ta' Awwissu 1990 u mis-Sirja wara l-15 ta' Marzu 2011; jistieden lill-Kummissjoni tfassal approċċ koordinat għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali, f'ħidma flimkien ma' dawk responsabbli fil-livell nazzjonali fis-servizzi ta' investigazzjoni, u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM), il-Kumitat Internazzjonali tal-'Blue Shield' (ICBS) tal-ICOM, il-Europol, l-Interpol, il-Unidroit (Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata), id-WCO (l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali), l-ICOMOS (il-Kunsill Internazzjonali dwar il-Monumenti u s-Siti) u l-ICCROM (iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudju tal-Preservazzjoni u r-Restawr ta' Beni Kulturali);

6.  Jistieden lill-VP/RGħ tinvolvi ċ-Ċentru Satellitari ta' Torrejón tal-Unjoni Ewropea, li jirfed it-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Unjoni fil-kuntest tal-PESK billi jipprovdi materjal li jirriżulta mill-analiżi tal-immaġini satellitari, għall-fini ta' monitoraġġ u elenkar ta' siti arkeoloġiċi u kulturali fis-Sirja u fl-Iraq u s-sostenn tal-attivitajiet ta' arkeologi Sirjani, bl-għan li ma jitħalliex isir aktar sakkeġġ u titħares il-ħajja tal-persuni ċivili;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skambju rapidu u sigur tal-informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri biex il-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mill-Iraq u mis-Sirja jiġi miġġieled b'mod effikaċi, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw għodod internazzjonali għall-użu mill-pulizija u mill-uffiċjali tad-dwana kontra t-traffikar illeċitu ta' beni kulturali, bħad-database speċifiku tal-Interpol 'I-24/7' dwar opri tal-arti misruqa u l-għodda ta' komunikazzjoni online tal-programm ARCHEO tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO);

8.  Jitlob li tiġi kkunsidrata l-implimentazzjoni ta' programmi Ewropej ta' taħriġ għal imħallfin, pulizija u uffiċjali tad-dwana, amministrazzjonijiet tal-gvern u atturi tas-suq b'mod aktar ġenerali, biex b'hekk dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi prodotti kulturali jkunu jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-għarfien espert tagħhom, kif ukoll li jingħata appoġġ għal inizjattivi bħall-kors b'mezzi elettroniċi għall-Professjonisti tal-Wirt Sirjani, promoss mill-ICOMOS f'Jannar 2013, informazzjoni ta' tagħlim dwar il-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri, miżuri tal-ewwel għajnuna għall-kollezzjonijiet kulturali u t-teknika tad-dokumentazzjoni;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tingħaqad ma' proġetti internazzjonali mis-soċjetà ċivili dwar il-protezzjoni u r-rappurtar dwar oġġetti kulturali f'periklu, bħall-proġett tat-teknoloġiji ġeospazjali AAAS, u jitlobha tkompli tappoġġja l-attivitajiet tal-komunitajiet ta' riċerka bħall-Proġett Mosul, żviluppat min-Netwerk ta' Taħriġ Inizjali għall-Wirt Kulturali Diġitali (iffinanzjati permezz ta' għotja tal-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie);

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi appoġġ aktar b'saħħtu għall-Osservatorju Internazzjonali dwar it-Traffikar Illeċitu f'Oġġetti Kulturali tal-ICOM, li pproduċa lista ħamra ta' emerġenza dwar antikitajiet Sirjani u Iraqini f'riskju, imfassla bħala għodda għal mużewijiet, uffiċjali tad-dwana, uffiċjali tal-pulizija, negozjanti u kolletturi tal-opri tal-arti, u li biħsiebu juża immaġni satellitari biex jissorvelja s-sitwazzjoni fil-post, b'kooperazzjoni ma' UNITAR;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni intiżi biex jiskoraġġixxu x-xiri u l-bejgħ ta' beni kulturali ħerġin mill-kummerċ illeċitu minn żoni ta' gwerra;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jinvolvu universitajiet, entitajiet ta' riċerka u istituzzjonijiet kulturali, inter alia permezz ta' kodiċi ta' etika, fil-ġlieda kontra l-kummerċ fil-beni kulturali minn żoni ta' gwerra;

13.  Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja l-kampanja #Unite4Heritage tal-UNESCO billi tibda kampanja ta' informazzjoni ffukata fuq l-Iraq u s-Sirja, bil-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-wirt kulturali tagħhom, dwar il-mod kif il-prodott tas-sakkeġġ qed jintuża biex jiffinanzja l-attivitajiet terroristiċi, u dwar il-pieni possibbli assoċjati mal-importazzjoni illegali ta' oġġetti kulturali li ġejjin minn dawn il-pajjiżi, jew minn pajjiżi terzi oħra;

14.  Jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ u ttejjeb il-funzjonament ta' netwerk informali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ta' għarfien espert fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET), maħluq mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Ottubru 2012, li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-iskambju ta' informazzjoni relatata mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu f'beni kulturali, kif ukoll li tikkunsidra l-ħolqien ta' strument addizzjonali biex jikkontrolla l-importazzjoni ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mis-Sirja u mill-Iraq u miġjuba fl-UE;

15.  Jistieden lill-Kunsill isaħħaħ l-unitajiet tal-Eurojust u tal-Europol iddedikati għas-sostenn ta' investigazzjonijiet li jkunu għaddejja, għall-prevenzjoni u għall-iskambju ta' informazzjoni rigward kummerċ kulturali f'beni kulturali;

16.  Jinkoraġġixxi r-rilanċ tal-azzjonijiet tal-Kumitat Internazzjonali tal-'Blue Shield' tal-ICOM;

17.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tieħu l-passi meħtieġa, f'kollaborazzjoni mal-UNESCO u mal-Qorti Kriminali Internazzjonali, biex il-kategorija tad-dritt internazzjonali ta' delitti kontra l-umanità tiġi estiża b'tali mod li tħaddan atti intenzjonati li jagħmlu ħsara jew jeqirdu l-wirt kulturali tal-umanità fuq skala kbira;

18.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali tal-1970. il-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995, u l-Konvenzjoni tal-Aja għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat tal-1954 u t-Tieni Protokoll tagħha tal-1999;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà, lid-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1.
(2) ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.
(3) ĠU L 335, 14.12.2013, p. 3.
(4) ĠU L 335, 14.12.2013, p. 50.
(5) ĠU L 200, 25.7.2001, p. 5.
(6) ĠU L 297, 13.11.2009, p. 18.
(7) http://www.refworld.org/docid/54ef1f704.html
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0076.
(9) http://www.unesco.org/new/en/media-services/single-view/news/conference_report_heritage_and_cultural_diversity_at_risk_in_iraq_and_syria/
(10) It-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Jugoslavja, Kordić & Čerkez, is-26 ta' Frar 2001, IT-95-14/2; paragrafi 207-8.
(11) Id-Dikjarazzjoni tal-UNESCO dwar il-Qerda Intenzjonata tal-Wirt Kulturali, 2003.
(12) http://www.africa-eu-partnership.org/newsroom/all-news/morocco-africa-eu-workshop-fight-against-illegal-trafficking-cultural-goods


Is-sitwazzjoni fil-Maldive
PDF 296kWORD 83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))
P8_TA(2015)0180RC-B8-0392/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldive,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżviluppi reċenti fil-Maldive, inkluż l-arrest ta' mħallef tal-qorti kriminali, tal-20 ta' Jannar 2012,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea rigward Theddid għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Maldive tat-30 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt fil-Maldive tal-24 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attivazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Maldive, tat-30 ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-kundanna tal-eks President tal-Maldive Mohamed Nasheed, tal-14 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra’ ad Al Hussein dwar il-proċess tal-eks President Mohamed Nasheed, tat-18 ta’ Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati Gabriela Knaul, li l-ebda demokrazija mhi possibbli mingħajr ġustizzja ġusta u indipendenti fil-Maldive, tad-19 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Elezzjonijiet Parlamentari fir-Repubblika tal-Maldive, tat-22 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Maldive hija stat parti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta' Marzu 2015, l-eks President tal-Maldive Mohamed Nasheed ingħata sentenza ta' 13-il sena ħabs fuq akkużi ta' terroriżmu minħabba l-arrest f'Jannar 2012 tal-Prim Imħallef tal-qorti kriminali ta' dak iż-żmien, arrest li l-UE kienet esprimiet tħassib dwaru;

B.  billi l-proċess kontroversjali naqas milli jissodisfa l-istandards nazzjonali u internazzjonali tal-ġustizzja, minkejja l-appell tan-Nazzjonijiet Uniti u l-UE għal ġustizzja u trasparenza fil-proċedimenti ġuridiċi kontra l-eks President Nasheed;

C.  billi Mohamed Nasheed, li għandu rekord twil personali ta' azzjoni mhux vjolenti għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija pluralistika, intefa' l-ħabs bosta drabi matul it-30 sena dittatorjat tal-President Maumoon Abdul Gayoon u ħalla l-poter f'ċirkostanzi kontroversjali erba' snin wara li sar l-ewwel president demokratikament elett tal-Maldive;

D.  billi n-nuqqas ta' indipendenza politika u taħriġ tal-ġudikatura tal-Maldive jimmina l-kredibilità domestika u internazzjonali tas-sistema tal-ġudikatura tal-pajjiż;

E.  billi l-eks Ministri tad-Difiża Tholhath Ibrahim u Mohamed Nazim reċentement weħlu sentenza ta' 10 snin u 11-il sena ħabs rispettivament, u l-eks Deputat Speaker tal-Majlis Ahmed Nazim ġie kkundannat 25 sena ħabs fil-Maldive; billi dawn il-proċessi wkoll kienu vizzjati bl-irregolaritajiet;

F.  billi l-politiċi fl-oppożizzjoni qed ikomplu jiġu intimidati fuq bażi regolari, u billi rapport reċenti tal-Kumitat tal-Unjoni Interparlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri Parlamentari jidentifika lill-Maldive bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għal attakki, tortura u intimidazzjoni kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni;

G.  billi fit-30 ta' Marzu 2015 il-Parlament tal-Maldive adotta emenda għall-Att tal-Maldive dwar il-Ħabs u l-Libertà Kondizzjonata, li jiskwalifika lil dawk li qed jiskontaw sentenza ta' ħabs milli jkunu membri f'partit politiku, u billi dan de facto se jneħħi lil Mohamed Nasheed mill-politika attiva u jżommu milli jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2018;

H.  billi minn Frar 2015 'l hawn, ġew arrestati mill-inqas 140 dimostrant paċifiku, u dawn ġew meħlusa biss fuq kundizzjonijiet li jillimitaw bil-kbir id-dritt li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet oħra;

I.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma' fastidji, theddid u attakki, inkluża l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive (HRCM), li tressqet quddiem il-Qorti Suprema fuq akkużi ta' tradiment tal-pajjiż u li mminat il-kostituzzjoni talli ressqet rapport dwar l-istat tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għar-Rieżami Perjodiku Universali; billi l-NGOs ġew mhedda li jitneħħew mir-reġistru;

J.  billi l-libertà tal-istampa trażżnet bil-kbir f'dawn l-aħħar snin, ġew arrestati tliet ġurnalisti waqt li kienu qed jirrapurtaw dwar dimostrazzjonijiet politiċi għall-ħelsien ta' Mohamed Nasheed u Ahmed Rilwan, ġurnalist kritiku tal-gvern li għeb f'Awwissu 2014 u għadu ma nstabx u maħsub li mejjet;

K.  billi t-taqlib politiku qed ifeġġ fi żmien ta' tħassib dwar spirtu militanti Iżlamiku li qed jiżdied fil-Maldive u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel radikalizzati li allegatament issieħbu mal-ISIS;

L.  billi fis-27 ta' April 2014, il-Parlament tal-Maldive vvota sabiex itemm moratorju dwar il-piena kapitali stabbilita mill-1954, u b'hekk tippermetti s-sentenza ta' minuri fl-età żgħira ta' seba' snin, li jistgħu jinżammu responsabbli u jirċievu l-piena tal-mewt hekk kif jagħlqu t-18 u jinżammu mifnija fil-ħabs sa dak iż-żmien; billi dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive bħala stat parti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

M.  billi l-ħaddiema immigranti jbatu minħabba xogħol furzat, il-konfiska tad-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar, iż-żamma tas-salarji jew in-nuqqas ta' ħlas tagħhom u rbit ta' dejn, u ġew mhedda mill-awtoritajiet tal-Maldive li jitkeċċew minħabba li pprotestaw kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza wara sensiela ta' attakki fuq ħaddiema immigranti;

N.  billi għadd żgħir ta' nisa mis-Sri Lanka, it-Tajlandja, l-Indja, iċ-Ċina, il-Filippini, l-Ewropa tal-Lvant, il-pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika, il-Bangladexx u l-Maldive huma soġġetti għal traffikar għal raġunijiet ta' sess fil-Maldive u xi tfal Maldivjani qed jiġu allegatament soġġetti għal abbuż sesswali u jistgħu jkunu vittmi ta' xogħol furzat;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fit-tendenza lejn tmexxija awtoritarja fil-Maldive, il-persekuzzjoni ta' opponenti politiċi u l-intimidazzjoni tal-midja u s-soċjetà ċivili, li jistgħu jipperikolaw il-kisbiet li saru f'dawn l-aħħar snin biex jiġu stabbiliti d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ taggrava aktar il-kriżi, u biex jirrispettaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2.  Jiddeplora l-irregolaritajiet serji fil-proċess tal-eks President Mohamed Nasheed; jinsisti li dan għandu jinħeles minnufih u li f'każ li s-sentenza tiegħu tiġi appellata, id-drittijietu għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ skont l-obbligi internazzjonali tal-Maldive, il-kostituzzjoni tagħha stess u l-garanziji kollha rikonoxxuti internazzjonalment għal proċess ġust; iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u l-Maldive tinsisti li tingħata permess issegwi mill-qrib il-proċess ta' appell;

3.  Jenfasizza l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, id-dritt ta' proċess ġust, proċess ġuridiku adegwat u l-indipendenza tal-ġudikatura, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ICCPR, huma elementi ċentrali tal-proċess demokratiku; jenfasizza li kull ċittadin tal-Maldive, inkluż l-eks President Nasheed, għandu jiġi ttrattat skont dawn il-prinċipji, li minnhom infushom huma importanti għal soċjetà pluralistika;

4.  Jitlob li jkun hemm proċess politiku kredibbli u inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-forzi demokratiċi kollha, bil-għan li tinġieb lura u tinżamm l-istabbiltà fil-Maldive u biex il-pajjiż jitpoġġa lura fit-triq tat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija; jitlob li tintemm immedjatament l-intimidazzjoni ta’ avversarji politiċi; jistieden lill-Gvern tal-Maldive jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fl-impenn tiegħu lejn id-demokrazija, l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, u r-rispett ta' proċess adegwat;

5.  Jitlob li jintemm immedjatament l-indħil politiku fis-sistema ġudizzjarja tal-Maldive, u jitlob li ma tibqax politiċizzata; jitlob li jsiru riformi urġenti biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura tal-Maldive bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja domestika u internazzjonali fil-funzjonament tagħha; jenfasizza li dawn ir-riformi għandhom jiġu approvati u implimentati mingħajr aktar dewmien;

6.  Ifakkar lill-Gvern tal-Maldive li l-kostituzzjoni tal-pajjiż tiggarantixxi d-dritt għal dimostrazzjoni, u li l-kundizzjonijiet ta' ħelsien li jżommu lill-persuni milli jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma illegali;

7.  Jitlob li jintemmu immedjatament il-forom kollha ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi, u jfakkar lill-forzi tas-sigurtà fid-dmir li għandhom li jipproteġu lid-dimostranti paċifiċi kontra gruppi vjolenti; jistieden lill-Gvern tal-Maldive jtemm l-impunità għall-vigilantes li użaw il-vjolenza kontra persuni li jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, id-dimostranti paċifiċi, il-midja kritika u s-soċjetà ċivili; jitlob li min iwettaq dan it-tip ta' attakki vjolenti jitressaq quddiem il-ġustizzja;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldive jippermetti li ssir investigazzjoni adegwata dwar l-għajbien ta' Ahmed Rilwan;

9.  Jikkundanna l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena kapitali fil-Maldive, u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldive jerġgħu jistabbilixxu moratorju għall-piena kapitali;

10.  Iħeġġeġ lill-atturi kollha fil-Maldive jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv fl-oqsma kollha, speċjalment dwar is-suġġett tat-tibdil fil-klima li għandu l-potenzjal li jiddestabbilizza l-pajjiż;

11.  Jitlob lill-awtoritajiet lokali jikkonformaw kompletament mal-istandards minimi għall-eliminazzjoni tat-traffikar; ifaħħar l-isforzi li għaddejjin biex tiġi indirizzata l-problema u l-progress li sar, iżda jinsisti li d-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra t-traffikar tal-bnedmin għandhom jiġu implimentati malajr peress li għad fadal problemi serji fl-infurzar ta' din il-liġi u l-protezzjoni tal-vittmi;

12.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri joħorġu twissijiet dwar ir-rekords tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive fil-websajts tagħhom dwar il-pariri tal-ivvjaġġar;

13.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u s-SEAE jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni politika fil-Maldive u jwettqu rwol proattiv fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż u fil-fora multilaterali internazzjonali sabiex tinkiseb l-istabbiltà, jissaħħu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u jkun żgurat rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-parlament u l-gvern tar-Repubblika tal-Maldive.


Rapport ta' Progress tal-2014 dwar l-Albanija
PDF 293kWORD 115k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar l-Albanija (2014/2951(RSP))
P8_TA(2015)0181B8-0358/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 u tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Albanija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea tad-9 ta' Novembru 2010 u r-Rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Il-progress tal-Albanija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata u r-Riforma tas-Sistema Ġudizzjarja" (COM(2014)0331),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-2015" tat-8 ta' Ottubru 2014 (COM(2014)0700), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2014)0304) bit-titolu "Rapport ta' Progress tal-2014 dwar l-Albanija", kif ukoll d-Dokument ta' Strateġija Indikattiv dwar l-Albanija (2014-2020) adottat fit-18 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Albaniż tal-24 ta' Diċembru 2014 dwar il-ftehim politiku bejn il-maġġoranza fil-gvern u l-oppożizzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Knut Fleckenstein bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Albanija għamlet progress impressjonanti matul dawn l-aħħar snin fit-triq tagħha lejn l-adeżjoni mal-UE u għalhekk ingħatat l-istatus ta' pajjiż kandidat f'Ġunju 2014; billi għad fadal sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod rapidu u effiċjenti ħalli jsir aktar progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE;

B.  billi l-adozzjoni konsistenti u l-implimentazzjoni effikaċi ta' riformi sostenibbli dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin qed jgħinu t-trasformazzjoni demokratika tal-Albanija u jwittu t-triq biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-UE; billi l-proċess tal-adeżjoni mal-UE sar xprun għar-riformi relatati mal-UE fl-Albanija, u billi l-iskeda ta' żmien tiegħu se tiġi determinata mir-rapidità u l-kwalità ta' dawn ir-riformi; billi l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni se jkun inċentiv li jagħti spinta 'l quddiem għal riformi ulterjuri billi joffri perspettiva tanġibbli u kredibbli tal-UE;

C.  billi l-adeżjoni mal-UE hija proċess inklużiv li jappartjeni lill-pajjiż kollu u liċ-ċittadini kollha tiegħu; billi djalogu politiku konstruttiv u sostenibbli dwar riformi relatati mal-UE, imwettaq fi spirtu ta' kooperazzjoni u kompromess bejn forzi politiċi kbar, huwa kruċjali għal aktar progress fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; billi hemm kunsens politiku u appoġġ pubbliku wiesa' għall-proċess tal-integrazzjoni mal-UE; billi s-suċċess tal-aġenda tar-riforma jiddependi bis-sħiħ fuq l-eżistenza ta' ambjent politiku demokratiku;

D.  billi l-Parlament Ewropew żvolġa rwol importanti fl-isforzi għall-istabbiliment ta' klima politika b'saħħitha fil-pajjiż;

E.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha; billi progress tanġibbli fl-indipendenza tal-ġudikatura u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huwa essenzjali biex javvanza l-proċess ta' integrazzjoni mal-UE; billi appoġġ politiku b'saħħtu huwa essenzjali biex isir progress f'dawn l-oqsma;

F.  billi jeħtieġ li jsiru passi sinifikanti fir-riforma u fl-implimentazzjoni tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja; billi, minkejja l-progress miksub, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għadha sfida serja; billi l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja għad iridu jiġu garantiti;

G.  billi l-eżistenza ta' amministrazzjoni pubblika professjonali, effikaċi u meritokratika hija s-sinsla tal-proċess ta' integrazzjoni għal kwalunkwe pajjiż li għandu l-aspirazzjoni li jsir membru tal-UE;

H.  billi r-relazzjonijiet tal-Albanija mal-ġirien tagħha huma kostruttivi u l-allinjament tagħha mal-politika barranija tal-UE huwa eżemplari;

1.  Jifraħ lill-Albanija talli kisbet l-istatus ta' pajjiż kandidat; jenfasizza li dan għandu jitqies bħala inkoraġġiment biex il-pajjiż jintensifika aktar l-isforzi tar-riforma; jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għall-proċess ta' integrazzjoni tal-Albanija fl-UE; jemmen li miżuri konkreti u impenn politiku sostnut li jiġu implimentati huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' konsolidazzjoni b'suċċess tat-trasformazzjoni demokratika u jiġu segwiti riformi relatati mal-UE; iħeġġeġ lill-Albanija tistabbilixxi riżultati konkreti f'tali riformi;

2.  Iqis li huwa essenzjali li tiġi sostnuta u appoġġata kooperazzjoni politika ġenwina fost il-partiti politiċi kollha, li tinkludi kompetizzjoni ġusta għal ideat u kunċetti politiċi aħjar, kif ukoll li ssir ħidma lejn kultura ta' politika demokratika bbażata fuq il-fehma li proċessi politiċi demokratiċi huma mibnija fuq id-djalogu u l-abbiltà li wieħed ifittex u jaċċetta kompromessi; huwa konvint li dan se jqawwi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi; iħeġġeġ lill-koalizzjoni fil-gvern tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tal-kontroll demokratiku tal-oppożizzjoni, u jħeġġeġ lill-oppożizzjoni teżerċita dan id-dritt b'mod sħiħ u responsabbli;

3.  Jilqa' l-ħolqien ta' gruppi ta' ħidma konġunti fid-Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Prijoritajiet Ewlenin bil-għan li tinbena pjattaforma komprensiva għat-twettiq bla xkiel ta' riformi u l-monitoraġġ tal-progress dwar il-ħames prijoritajiet ewlenin, b'mod partikolari r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, it-tisħiħ tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jintensifikaw ħidmithom dwar dawn il-prijoritajiet u jistabbilixxu riżultati konkreti għall-implimentazzjoni tagħhom;

4.  Jappella għat-twaqqif fil-pront ta' Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea inklużiv, li jinkludi wkoll rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-istituzzjonijiet indipendenti bil-għan li jiġi żgurat kunsens nazzjonali wiesa' dwar riformi relatati mal-UE u fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jistieden lill-korpi xierqa jinfurmaw lill-partijiet interessati u lill-pubbliku inġenerali b'mod sħiħ u f'waqtu dwar il-progress tal-proċess tal-integrazzjoni mal-UE;

5.  Jenfasizza r-rwol tal-parlament bħala istituzzjoni demokratika ewlenija u għalhekk jitlob li jissaħħaħ ir-rwol superviżorju tiegħu u li jiġi żgurat proċess aktar istituzzjonalizzat ta' konsultazzjoni dwar abbozzi ta' leġiżlazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni riveduta "Dwar ir-rwol tal-Parlament fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-Albanija" fil-5 ta' Marzu 2015, kif ukoll ir-riżoluzzjoni parlamentari konsenswali tal-24 ta' Diċembru 2014 fejn sar qbil li l-oppożizzjoni tirritorna għall-ħidma parlamentari, filwaqt li l-maġġornaza governattiva għandha tfittex il-kunsens tal-oppożizzjoni dwar riformi importanti, li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali (QK) jiġu rispettati, u li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' persuni bi preċedenti penali li jokkupaw jew iridu jokkupaw kariga pubblika; jappella għall-implimentazzjoni tagħha f'waqtha b'mod xieraq u kostruttiv; jistieden lill-partiti politiċi kollha jtejbu l-bini ta' kunsens demokratiku, li huwa l-element ewlieni biex il-proċess tal-adeżjoni jimxi 'l quddiem; iqis li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, il-midja u ċ-ċittadini tal-Albanija jżommu lill-mexxejja tagħhom responsabbli għar-riżultati tal-politiki speċifiċi;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-polarizzazzjoni politika kontinwa fl-Albanija, li tista' tipperikola l-isforzi ulterjuri tal-integrazzjoni mal-UE; ifakkar lill-koalizzjoni fil-gvern u lill-oppożizzjoni dwar ir-responsabbiltà komuni tagħhom fil-konfront taċ-ċittadini għal djalogu politiku sostenibbli, kostruttiv u inklużiv, li jippermetti l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi ewlenin; jistieden lill-maġġoranza li qed tiggverna kif ukoll lill-oppożizzjoni jagħmlu aktar sforzi biex jistabbilixxu djalogu politiku ġenwin u jikkooperaw b'mod kostruttiv;

7.  Jenfasiżża li amministrazzjoni pubblika professjonali hija strumentali għall-implimentazzjoni b'suċċess tar-riformi l-oħra kollha; jilqa' għalhekk il-fatt li l-liġi dwar is-Servizz Pubbliku bdiet tiġi implimentata, u jappella biex tiġi segwita l-implimentazzjoni korretta tagħha bil-għan li jittejbu l-kapaċitajiet amministrattivi, tiġi depolitiċizzata l-amministrazzjoni pubblika u miġġielda l-korruzzjoni fis-servizz pubbliku, tissaħħaħ il-meritokrazija fil-ħatriet, fil-promozzjonijiet u fit-tkeċċijiet, tiżdied l-effiċjenza, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-professjonalità u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-servizz pubbliku, kif ukoll tissaħħaħ il-governanza tajba fil-livelli kollha; jappella għat-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, għal sistema ta' evalwazzjoni tal-impjegati taċ-ċivil u għal monitoraġġ indipendenti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-servizz pubbliku; iħeġġeġ biex tiġi ffinalizzata strateġija komprensiva għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-promozzjoni kontinwa tad-depolarizzazzjoni u tal-għarfien tad-dritt u tal-proċessi deċiżjonali tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-integrità pubblika tissaħħaħ, li s-servizzi pubbliċi jittejbu u li r-riżorsi pubbliċi jiġu amministrati b'mod aktar effikaċi; jitlob titjib fl-aċċess pubbliku għas-servizzi u għall-informazzjoni; jilqa' f'dan ir-rigward il-liġi l-ġdida dwar l-aċċess għall-informazzjoni; jitlob għat-tisħiħ tal-istituzzjoni tal-Ombudsman billi jingħata segwitu adegwat għall-konklużjonijiet u għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sistema frammentata tal-gvern lokali u li tinħoloq sistema ta' governanza lokali funzjonali li kapaċi twieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini permezz tal-forniment effiċjenti tas-servizzi pubbliċi; jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-gvernijiet lokali, li tippermettilhom li jeżerċitaw l-awtorità tagħhom u li jimplimentaw leġiżlazzjoni b'mod li jkun finanzjarjament sostenibbli; jitlob li jiġu infurzati t-trasparenza, l-effikaċja u l-inklussività tal-gvernijiet lokali; jinnota s-sentenza tal-QK dwar il-kontestazzjoni legali tar-riforma amministrattiva u d-diviżjoni territorjali tal-pajjiż;

9.  Jenfasizza l-importanta tal-elezzjonjiet lokali li ġejjin, u jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali; jappella għat-tisħiħ tal-indipendenza u tal-kapaċitajiet tal-korpi elettorali;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-istat tad-dritt u r-riforma tal-ġudikatura jissaħħu sabiex titrawwem il-fiduċja taċ-ċittadini u tal-komunità tan-negozju fis-sistema ġudizzjarja; jilqa' l-impenn tal-Albanija għar-riformi ġudizzjarji iżda xorta waħda jiddeplora nuqqasijiet persistenti fil-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, bħall-politiċizzazzjoni u obbligu limitat ta' rendikont, livell għoli ta' korruzzjoni, nuqqas ta' riżorsi u kumulu ta' xogħol pendenti; itenni l-ħtieġa li jsiru aktar sforzi sostanzjali biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura u biex titjieb is-sistema tal-ħatriet, tal-promozzjoni u tad-dixxiplina tal-imħallfin, tal-prosekuturi u tal-avukati; jistieden lill-awtoritajiet isegwu riformi b'kooperazzjoni kostruttiva mal-partijiet interessati kollha rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), u b'involviment mal-Kummissjoni ta' Venezja jelaboraw u jimplimentaw strateġija ta' riforma ġudizzjarja fit-tul;

11.  Ifakkar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Albaniż ta' Novembru 2013 dwar l-integrazzjoni Ewropea tal-Albanija, li approvat għadd ta' miżuri importanti, l-aktar dwar l-istat tad-dritt; jissottolinja l-importanza ta' rispett kbir lill-istat tad-dritt u l-indipendenza u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji bħall-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm konformità mad-deċiżjonijiet tal-QK dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jippromwovu l-integrità u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi ewlenin u d-depolitiċizzazzjoni tal-ġudikatura; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jipproċedi mingħajr dewmien bla bżonn biex issir ġustizzja mal-vittmi tal-ġrajjiet tal-21 ta' Jannar 2011;

12.  Jirrimarka li s-sistema tal-ġustizzja tal-minorenni tinsab fi stat mhux sodisfaċenti; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jressqu pjanijiet biex itejbu s-sitwazzjoni;

13.  Jinsab imħasseb li l-korruzzjoni, inkluż fis-sistema ġudizzjarja, għadha problema serja; iħeġġeġ lill-Albanija ssaħħaħ l-isforzi tagħha b'mod serju biex tiġġieled il-korruzzjoni f'kull livell u ttejjeb il-qafas leġiżlattiv, il-kapaċità istituzzjonali u l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni interistituzzjonali; jilqa' l-ħatra ta' Koordinatur Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, li se jikkoordina l-isforzi u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni fil-livell ċentrali, u jitlob l-adozzjoni ta' strateġija kontra l-korruzzjoni komprensiva u preċiza, u ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-perjodu 2014-2020; itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas kontra l-korruzzjoni aktar b'saħħtu, li għandu jinkludi firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet; jinnota b'mod pożittiv il-passi lejn aktar trasparenza, fosthom il-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-assi minn uffiċjali għolja kif ukoll it-twaqqif ta' punti fokali kontra l-korruzzjoni għall-ministeri kollha;

14.  Itenni l-ħtieġa li jiġu żviluppati riżultati konkreti ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni fil-livelli kollha, inkluż f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm titjib fl-effiċjenza tal-investigazzjonijiet u li jiġu pprovduti biżżejjed riżorsi, taħriġ u persunal speċjalizzat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, is-saħħa, it-tassazzjoni, l-edukazzjoni, il-pulizija, id-dwana u l-amministrazzjoni lokali; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni u r-rwol ta' monitoraġġ tal-OSĊ fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jappella għall-użu sistematiku ta' sekwestru ta' assi kriminali, għal kundanni għall-ħasil ta' flus u għall-użu sistematiku tal-investigazzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

15.  Huwa mħasseb li, minkejja xejra pożittiva fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-produzzjoni ta' narkotiċi, din il-ġlieda għadha sfida importanti; filwaqt li jirrikonoxxi s-suċċess tal-operazzjonijiet reċenti tal-pulizija, jistieden lill-Albanija, tiżviluppa approċċ strateġiku komprensiv u tadotta miżuri biex tneħħi l-ostakli għall-effiċjenza tal-investigazzjonijiet bil-ħsieb li tikseb riżultati konkreti fl-investigazzjonijiet, fil-prosekuzzjonijiet u fil-kundanni fl-oqsma u fil-livelli kollha; iħeġġeġ żvilupp ulterjuri tal-koordinament bejn l-aġenziji, inkluż fuq livell lokali, u tal-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali tal-pulizija u dik ġudizzjarja; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi ma' aġenziji sħab fil-Balkani tal-Punent u mas-servizzi tal-Istati Membri tal-UE;

16.  Ifaħħar l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin li għadha sfida serja; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżviluppaw approċċ komprensiv u orjentat lejn il-vittmi, itejbu l-koordinament interistituzzjonali, u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-prosekuturi, tal-imħallfin u tal-pulizija; itenni l-ħtieġa għal attivitajiet ta' taħriġ speċjalizzat konġunti u kontinwi li jinvolvu prosekuturi, imħallfin u uffiċjali tal-pulizija; jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-uffiċċju tal-prosekutur Albaniżi mal-Istati Membri tal-UE, li wasslet għal riżultati tajbin;

17.  Ifaħħar lill-Ombudsman għax-xogħol tiegħu fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-atteġġjament miftuħ tiegħu lejn persuni vulnerabbli u l-kooperazzjoni tiegħu mal-OSĊ; jiddeplora l-fatt li r-rapporti annwali u speċjali tal-Ombudsman ma ġewx diskussi fil-parlament, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu ppubblikati u mhumiex rikonoxxuti b'mod uffiċjali; jistieden lill-Gvern u lill-Parlament isaħħu l-indipendenza, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, itejbu l-kooperazzjoni mal-uffiċċju tal-Ombudsman u jappoġġawh aktar politikament u finanzjarjament;

18.  Jissottolinja t-tħassib dwar is-sigurtà minħabba r-ritorn ta' ġellieda barranin; jilqa' miżuri li jimpedixxu r-radikalizzazzjoni li jindirizzaw il-fenomenu tal-ġellieda barranin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-persunal fl-unità tal-pulizija kontra t-terroriżmu u jinkoraġġixxi intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa' l-ftehim operattiv ġdid iffirmat mal-Europol u jitlob għall-implimentazzjoni effiċjenti tiegħu;

19.  Jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika fil-ħajja pubblika u fit-tfassil u t-teħid tal-politika kif ukoll fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea sabiex jitrawwem kunsens nazzjonali wiesa' dwar ir-riformi u dwar il-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jirrakkomanda żvilupp akbar ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni ma' (u bejn) is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali; huwa mħasseb li l-politiċizzazzjoni tal-OSĊ tista' tnaqqas il-potenzjal tar-rwol tagħhom fit-tisħiħ tal-kultura tad-demokrazija;

20.  Ifaħħar l-armonija reliġjuża u l-klima ta' tolleranza reliġjuża, u r-relazzjonijiet ġeneralment tajbin bejn il-gruppi etniċi fil-pajjiż; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jtejbu l-klima ta' inklużjoni u ta' tolleranza għall-minoranzi kollha fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern jadotta, wara proċess ta' konsultazzjoni wiesa', liġi komprensiva dwar il-minoranzi sabiex jirrimedja lakuni legali eżistenti f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Minoranzi Nazzjonali, u jimplimenta b'mod effiċjenti l-Liġi dwar il-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni, u jibni ġurisprudenza soda kontra d-diskriminazzjoni; ifaħħar il-kontribut tal-Kummissarju għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inkluża dik fuq bażi tal-ġeneru, speċjalment fl-impjiegi, fl-edukazzjoni u fl-aċċess għas-servizzi soċjali; iħeġġeġ li jittieħdu aktar miżuri biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom billi jtejbulhom l-aċċess għas-servizzi tal-insinwa, id-djar, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol u s-servizzi soċjali u ta' kura tas-saħħa; jenfasizza li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Rom jeħtieġ ukoll li jittejbu permezz ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-gvern ċentrali u lokali u kooperazzjoni interministerjali;

21.  Jilqa' t-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-ħatra ta' koordinaturi dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru għall-ministeri kollha; jappella għal aktar miżuri biex jiġu indirizzati l-vjolenza domestika, il-każijiet ta' aċċess inadegwat tan-nisa għall-ġustizzja, u l-preġudizzju sessista fl-impjiegi; jilqa' l-inklużjoni tal-komunità LGBTI fl-istrateġija 2015-2020 dwar l-inklużjoni soċjali, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u l-ftuħ tal-ewwel xelter residenzjali għall-persuni LGBTI; ifaħħar l-emendi għall-Kodiċi Kriminali li jippenalizzaw reati u diskorsi ta' mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

22.  Barra minn hekk, jinkoraġġixxi lill-gvern sabiex jaħdem fuq abbozz dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru, u jiżgura li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-ġeneru jilħqu l-istandards stipulati fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010) tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru; jemmen li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI aktarx li jkunu aktar imħarsa jekk huma jkollhom aċċess għal istituzzjonijiet legali bħall-koabitazzjoni, sħubija reġistrata jew żwieġ, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Albaniżi jqisu dawn l-għażliet;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jwieġbu għat-talba tan-Nazzjonijiet Uniti u għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman sabiex joħolqu bażi ta' data omoġenja u affidabbli, li tattiva l-Kunsill ta' Koordinament għall-Ġlieda Kontra l-Vendetti li Jintirtu stabbilit fl-2005 u jiżviluppaw pjan ta' azzjoni li jiffoka fuq l-aspettu tal-istat tad-dritt fil-ġlieda kontra l-vendetti li jintirtu;

24.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li s-servizz tax-xandir pubbliku jkun professjonali, indipendenti u pluralistiku, u l-midja privata bħala pilastru tad-demokrazija; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' indipendenza ġenwina tal-midja u n-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjament tal-midja; iħeġġeġ lill-Albanija tiżgura lill-ġurnalisti ambjent tax-xogħol ħieles; jenfasizza li aktar sforzi huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità regolatorja tal-midja u tax-xandir pubbliku; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' trasparenza tas-sjieda u tal-finanzjament tal-midja, il-polarizzazzjoni tal-midja u l-awtoċensura; jitlob li jissaħħu l-istandards etiċi u professjonali tal-ġurnalisti; iħeġġeġ l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar il-malafama; jinnota li l-elezzjoni tal-president u tal-membri tal-bord il-ġodda tal-Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva (AMA) ġiet ikkontestata mill-oppożizzjoni; iħeġġeġ lill-gvern jiggarantixxi l-indipendenza u l-appoġġ tiegħu, sabiex l-AMA tkun tista' tassumi l-funzjonijiet tagħha b'mod sħiħ, inkluż fir-rigward tal-iffaċilitar tal-proċess tal-bidla diġitali u tal-implimentazzjoni effiċjenti tal-Liġi tal-Midja Awdjoviżiva;

25.  Jilqa' t-titjib fil-klima kummerċjali u t-twettiq ta' ekonomija tas-suq li taħdem, iżda jappella lill-gvern ikompli jindirizza d-dgħufijiet fl-infurzar tal-kuntratti u tal-istat tad-dritt, kif ukoll jindirizza l-ekonomija informali kbira; jappella għal aktar riformi sabiex l-Albanija tkampa mal-pressjoni kompetittiva tas-suq komuni Ewropew; jistieden lill-gvern isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà u jħaffef il-pass tal-ħolqien ta' politika sostenibbli u koerenti tal-leġiżlazzjoni, r-restituzzjoni u l-kumpens tal-proprjetà; jissottolinja l-importanza li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tas-settur privat u l-investiment dirett barrani;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-edukazzjoni u t-taħriġ jittejbu biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tiżdied l-impjegabbiltà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-gvern biex jindirizzaw il-punti dgħajfin fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż żieda fil-qgħad, u bil-għan li jipprovdu soluzzjonijiet f'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020; jilqa' d-Dokument ta' Strateġija Indikattiv għall-Albanija 2014-2020, li għaraf li l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-politiki soċjali jeħtieġu appoġġ permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA);

27.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jfasslu strateġija nazzjonali għall-enerġija b'enfasi partikolari fuq l-enerġiji rinnovabbli u s-sigurtà tal-enerġija, inkluż d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija; huwa tal-fehma li l-Albanija għandha tinvesti aktar fi proġetti ta' enerġija rinnovabbli u f'infrastruttura relatata; jistieden lill-Albanija tqis l-impatt ekoloġiku ta' proġetti tal-idroenerġija fuq il-wirt naturali nazzjonali; jitlob li jkun hemm konformità mad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, li għandha l-għan li tikseb status ekoloġiku u kimiku tajjeb tal-korpi tal-ilmijiet tal-wiċċ naturali kollha;

28.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jiżviluppaw pjanijiet komprensivi għall-immaniġjar tal-parks nazzjonali eżistenti f'konformità mal-linji gwidi tal-kwalità u l-immaniġġjar taż-żoni protetti ta' kategorija II tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali tal-Kummissjoni Dinjija għaż-Żoni Protetti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jabbandunaw kwalunkwe pjan ta' żvilupp li jimmina n-netwerk taż-żoni protetti tal-pajjiiż u jitlob li jiġu abbandunati l-pjanijiet għal bini ta' impjanti idroelettriċi żgħar u kbar, b'mod partikolari fil-parks nazzjonali kollha; jitlob, b'mod partikolari, li l-pjanijiet għall-bini ta' impjanti idroelettriċi tul ix-xmara Vjosa u t-tributarji tagħha jiġu kkunsidrati, peress li dawn il-proġetti se jkunu ta' dannu għall-aħħar ekosistema estensiva ta' xmajjar li għadha intatta u kważi naturali;

29.  Jilqa' l-attitudni kontinwament kostruttiva u proattiva tal-Albanija fil-kooperazzjoni reġjonali u bilaterali; jenfasizza r-rwol strumentali tagħha fit-tisħiħ tal-istabbiltà reġjonali; ifaħħar ir-rieda politika li jittejbu r-relazzjonijiet mas-Serbja; jinkoraġġixxi lill-Albanija u lis-Serbja jieħdu aktar azzjonijiet u jagħmlu dikjarazzjonijiet li jippromwovu stabbiltà u kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien; jinsab skunċertat bid-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Albaniż fejn huwa spekula dwar l-unifikazzjoni tal-Albaniżi mill-Albanija u l-Kosovo; jinkoraġġixxi lill-Albanija żżomm il-pożizzjoni kostruttiva tagħha fir-reġjun u taqsam ma' pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul il-proċess tal-adeżjoni tagħhom mal-UE, bil-għan li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni u l-istabbiltà ulterjuri fir-reġjun; jilqa' l-allinjament sħiħ tal-Albanija mal-pożizzjonijiet tal-UE dwar il-politika barranija, inklużi l-miżuri restrittivi tal-UE fil-konfront tar-Russja, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-Albanija fl-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-PSDK; jinnota l-ambizzjonijiet tagħha, bħala l-President fil-Kariga attwali tal-Proċess ta' Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, biex tkompli tippromwovi djalogu bejn il-pajjiżi parteċipanti; jistieden lill-Albanija tipparteċipa b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Adrijatika-Jonika tal-Unjoni Ewropea;

30.  Jitlob li l-kooperazzjoni interparlamentari bejn il-PE u l-Albanija tissaħħaħ; jirrakkomanda l-armonizzazzjoni, kemm jista' jkun, tal-kalendarju futur tal-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija u dak tad- Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Prijoritajiet Ewlenin, sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari tal-proċess tal-adeżjoni mal-UE;

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.


Rapport ta' Progress 2014 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina
PDF 314kWORD 134k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress 2014 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina (2014/2952(RSP))
P8_TA(2015)0182B8-0359/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa waħda u l-Bosnja-Ħerzegovina (BiH) min-naħa l-oħra, iffirmat fis-16 ta' Ġunju 2008 u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Bosnja-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: nimxu lejn l-integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru, is-17-18 ta' Novembru, il-15 u s-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-2015" tat-8 ta' Ottubru 2014 (COM(2014)0700), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2014)0305 bit-titolu "Bosnja-Ħerzegovina: Rapport ta' Progress 2014", kif ukoll id-Dokument ta' Strateġija Indikattiv dwar il-Bosnja-Ħerzegovina (2014-2017), adottat fil-15 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Impenn bil-Miktub għall-Integrazzjoni tal-UE adottat mill-Presidenza tal-BiH fid-29 ta' Jannar 2015 u approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-BiH fit-23 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Jannar 2015 li taħtar lil Lars-Gunnar Wigemark bħala Rappreżentant Speċjali tal-UE u Kap tad-Delegazzjoni għall-Bosnja-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Cristian Dan Preda bħala rapporteur permanenti dwar il-Bosnja-Ħerzegovina tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE ddikjarat ripetutament l-impenn inekwivoku tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-BiH u l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha;

B.  billi l-UE offriet opportunità ġdida lill-BiH ibbażata fuq approċċ ikkoordinat imfassal biex jgħin lill-pajjiż ikompli bil-proċess ta' riforma tiegħu, itejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tiegħu u joqrob aktar lejn l-Unjoni Ewropea; billi issa qed jintalbu impenn u rabta ugwalment inekwivoċi mill-klassi politika tal-pajjiż; billi l-adeżjoni mal-UE hija proċess inklużiv li jappartjeni lill-pajjiż kollu u liċ-ċittadini kollha tiegħu, u teħtieġ kunsens nazzjonali dwar l-aġenda ta' riforma;

C.  billi l-istruttura istituzzjonali tant kumplessa u ineffiċjenti, in-nuqqas ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni suffiċjenti bejn il-mexxejja politiċi tal-BiH u l-livelli kollha ta' gvern, in-nuqqas ta' viżjoni komuni u rieda politika, u l-attitudnijiet etnoċentriċi fixklu serjament il-progress fil-pajjiż; billi nuqqas ta' qbil dwar linji politiċi u etniċi kellhom effett negattiv kbir fuq il-ħidma tal-assemblej fil-livell statali;

D.  billi l-perjodu estiż ta' staġnar politiku jirrappreżenta impediment serju għall-istabilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż u qiegħed iċaħħad liċ-ċittadini minn futur sigur u prosperuż; billi l-apatija politika, il-qgħad, il-livelli għoljin ħafna ta' korruzzjoni u n-nuqqas ta' kuntentizza bil-klassi politika wasslu għal inkwiet ċivili, li nfirex minn Tuzla għal mal-pajjiż kollu fi Frar 2014;

E.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha; billi appoġġ politiku b'saħħtu huwa essenzjali sabiex jinkiseb progress f'dawn l-oqsma;

F.  billi l-korruzzjoni hija mifruxa, l-amministrazzjoni pubblika frammentata, il-ħafna sistemi legali differenti joħolqu sfida, il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għadhom dgħajfa, ix-xena tal-midja hija polarizzata, u l-ugwaljanza tad-drittijiet mhix żgurata għall-popli u ċ-ċittadini kostituttivi kollha;

G.  billi aktar minn 50 % tad-dħul tal-istat tal-BiH jintefaq fuq iż-żamma tal-amministrazzjoni f'diversi livelli; billi skont l-indikaturi tal-Bank Dinji, il-BiH hija l-pajjiż Ewropew bl-iktar klassifikazzjoni baxxa għal faċilità biex isir il-kummerċ u wieħed mill-pajjiżi li jinsab l-aktar fil-baxx fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni; billi l-BiH għandha l-ogħla rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (59 % tal-popolazzjoni attiva għandha bejn il-15 u l-24 sena);

1.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill wieġeb għas-sejħa tiegħu biex jerġa' jiġi kkunsidrat l-approċċ tal-UE lejn il-BiH; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda tal-BiH jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ ħalli jwettqu r-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali meħtieġa biex itejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-BiH u jippermettu li jsir progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE; jindika li biex l-applikazzjoni għas-sħubija tiġi kkunsidrata, se jkun meħtieġ li jsir progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-aġenda għar-riformi, inkluż il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi; jenfasizza l-fatt li l-BiH, bħal pajjiżi kandidati (potenzjali) l-oħra kollha, għandha tiġi ġġudikata fuq il-merti tagħha stess, u li r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa għandhom jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien għall-adeżjoni tagħha;

2.  Jisħaq li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni Sejdić-Finci meta mistoqsija mill-Kunsill biex tipprepara opinjoni dwar l-applikazzjoni għal sħubija mal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkun lesta tiffaċilita ftehim dwar l-implimentazzjoni tagħha ħalli tiggarantixxi drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u tkun strumentali fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-aġenda tal-UE, inklużi sistema funzjonali ta' governanza tajba, żvilupp demokratiku u prosperità ekonomika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jappoġġja bil-qawwa l-integrazzjoni Ewropea tal-BiH u jemmen li l-involviment rinforzat tal-UE għandu jiffoka, fost l-oħrajn, fuq kwistjonijiet soċjoekonomiċi, l-ambjent tan-negozju, il-qafas istituzzjonali, l-istat tad-dritt u l-governanza, il-politika ta' infurzar tal-liġi, ġudikatura indipendenti, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ, filwaqt li jżomm kif inhi l-kondizzjonalità tal-UE għall-adeżjoni; jistieden lill-VP/RGħ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iżommu pożizzjoni tal-UE kkoordinata, konsistenti u koerenti u juru li l-integrazzjoni tal-BiH fl-UE hija prijorità għall-politika barranija tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha tfittex li tiġbor flimkien id-donaturi finanzjarji kollha sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni effiċjenti tal-approċċ imġedded tal-UE u l-Impenn bil-Miktub;

4.  Jilqa' l-Impenn bil-Miktub għall-Integrazzjoni tal-UE, adottat mill-Presidenza tal-BiH, iffirmat mill-mexxejja tal-partiti politiċi kollha u approvat mill-Parlament tal-BiH fit-23 ta' Frar 2015, dwar miżuri li jistabbilixxu l-funzjonalità u l-effiċjenza istituzzjonali, iniedu riformi fil-livelli kollha ta' governanza, jaċċelleraw il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva; jirrikonoxxi li l-Impenn witta t-triq għal qbil fil-Kunsill fis-16 ta' Marzu 2015 biex jipproċedi bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA); jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-FSA skedat għall-1 ta' Ġunju 2015, li se jippermetti lill-BiH u lill-UE jaħdmu flimkien aktar mill-qrib u japprofondixxu r-relazzjoni tagħhom; jitlob li jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa tal-mexxejja politiċi kollha fl-implimentazzjoni bir-reqqa u effiċjenti ta' dan l-Impenn, speċjalment fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; ifakkar li l-impenn politiku u s-sjieda ġenwina tal-proċess tar-riforma huma kruċjali; jistieden lill-mexxejja l-ġodda tal-BiH jaqblu mal-UE dwar pjan direzzjonali konkret għal aġenda ta' riforma wiesgħa u inklużiva biex il-pajjiż javvanza fit-triqtu lejn l-UE; jitlob li jkun hemm trasparenza fil-proċess tar-riformi tal-ippjanar u l-implimentazzjoni u jħeġġeġ lis-soċjetà ċivili tkun inkluża fil-proċess ta' riforma;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward id-dikjarazzjoni adottata fil-25 ta' April 2015 mill-kungress tal-Alleanza tad-Demokratiċi Soċjali Indipendenti (SNSD) fil-Lvant ta' Sarajevo, filwaqt li jitlob inter alia li jsir referendum dwar l-indipendenza tar-Repubblika Srpska fl-2018; jissottolinja l-fatt li skont il-Ftehim ta' Dayton, ir-Repubblika Srpska m'għandhiex dritt għal seċessjoni; ifakkar li, bl-adozzjoni tal-Impenn bil-Miktub, il-forzi politiċi kollha, inkluża l-SNSD, impenjaw ruħhom biex jirrispettaw is-"sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-Bosnja-Ħerzegovina"; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi l-ġodda ma jużawx retorika nazzjonalista u seċessjonista ta' firda li tippolarizza lis-soċjetà u biex jimpenjaw ruħhom serjament f'riformi li jtejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-BiH, joħolqu stat demokratiku, inklużiv u li jiffunzjona u jressqu l-pajjiż eqreb lejn l-UE;

6.  Jistieden lill-mexxejja politiċi biex jagħtu prijorità lill-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinament tal-UE effikaċi, li jorbot l-istituzzjonijiet fil-livelli kollha ta' governanza b'mod effiċjenti, ħalli jiżgura allinjament mal-acquis tal-UE u l-infurzar tiegħu mal-pajjiż kollu fl-interess tal-prosperità ġenerali taċ-ċittadini tiegħu; jisħaq li mingħajr tali mekkaniżmu, il-proċess ta' adeżjoni mal-UE se jibqa' mwaħħal, peress li l-organizzazzjoni attwali tal-pajjiż hi wisq ineffiċjenti u ma tiffunzjonax; jenfasizza li l-istabbiliment ta' tali mekkaniżmu se jiftaħ it-triq għall-BiH biex tibbenefika b'mod sħiħ mill-finanzjament disponibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi konkreti ta' riforma u li l-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu jingħataw direzzjoni ċara;

7.  Jenfasizza li l-indirizzar tal-ħtiġijiet soċjoekonomiċi taċ-ċittadini għandhom ikunu prijorità; iqis li huwa wkoll kruċjali, madankollu, li tkompli għaddejja l-ħidma, b'mod parallel, fuq ir-riformi politiċi u d-demokratizzazzjoni tas-sistema politika; jenfasizza l-fatt li l-prosperità ekonomika hija possibbli biss jekk tkun ibbażata fuq soċjetà u stat demokratiċi u inklużivi; jenfasizza wkoll li l-BiH mhix se tkun kandidat b'suċċess għal sħubija fl-UE sa ma jkunu ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet istituzzjonali xierqa; jinnota li r-riforma kostituzzjonali mmirata lejn il-konsolidazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tibqa' kruċjali għat-trasformazzjoni tal-BiH fi stat effikaċi, inklużiv u kompletament funzjonali; ifakkar li r-riforma kostituzzjonali futura għandha tieħu wkoll kont tal-prinċipji tal-federaliżmu, id-deċentralizzazzjoni, is-sussidjarjetà u r-rappreżentanza leġittima sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni effiċjenti u bla xkiel tal-BiH fl-UE; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha biex jaħdmu fuq l-introduzzjoni tal-bidliet meħtieġa;

8.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tgħaġġel l-implimentazzjoni ta' proġetti taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u ssaħħaħ il-governanza ekonomika; jiddispjaċih li n-nuqqas ta' azzjoni jista' jkollu implikazzjonijiet fuq l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku taħt l-IPA-II; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jaqblu fuq strateġiji tas-setturi madwar il-pajjiż kollu, b'mod partikolari fl-oqsma ta' prijorità tat-trasport, l-enerġija, l-ambjent u l-agrikoltura bħala rekwiżiti ewlenin biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-finanzjament tal-IPA;

9.  Ifaħħar l-andament organizzat tal-elezzjonijiet ta' Ottubru 2014; jinnota, madankollu, li għat-tieni darba konsekuttiva l-proċess elettorali seħħ mingħajr ma kull ċittadin seta' jikkontesta għal kull kariga; jenfasizza l-importanza kruċjali tat-twaqqif tal-organi parlamentari ġodda kollha u l-gvernijiet fil-livelli kollha bħala kwistjoni ta' urġenza; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda josservaw il-prinċipju ta' vot universali, ugwali u dirett, iżommu kuntatt man-nies, jinvolvu ruħhom mas-soċjetà ċivili u jipprovdu tweġibiet responsabbli u immedjati għat-tħassib leġittimu tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw allegazzjonijiet serji ħafna kontra l-Prim Ministru tar-Repubblika Srpska (RS) dwar l-involviment tagħha fix-xiri tal-voti ta' żewġ MPs li ma jappartjenux mal-partit tagħha sabiex tikseb maġġoranza fl-Assemblea Nazzjonali tal-RS (RSNA);

10.  Jilqa' s-solidarjetà nazzjonali u internazzjonali ferm kbira, inkluż fi ħdan il-Programm ta' Rkupru għall-Għargħar tal-UE, bħala rispons għad-diżastri naturali tal-2014; jilqa' l-fatt li l-UE ħadet miżuri ta' salvataġġ u sokkors immedjati u sostanzjali, fuq talba tal-BiH, u organizzat konferenza tad-donaturi li saret f'Lulju 2014, li kienet ospitata mill-Kummissjoni u organizzata b'mod konġunt ma' Franza u s-Slovenja; jenfasizza li l-Kummissjoni stiednet lill-BiH biex tissieħeb fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; jitlob għal miżuri preventivi effikaċi u kkoordinati fil-livelli kollha biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tad-diżastri attwali u biex jiġu evitati diżastri bħal dawn fil-futur; jilqa' l-ħafna eżempji pożittivi ta' kooperazzjoni interetnika mill-qrib ħafna u appoġġ wara l-għargħar bħala sinjal li r-rikonċiljazzjoni hija possibbli; jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet mill-qrib ma' pajjiżi ġirien huma fatturi essenzjali fir-rispons għal diżastri bħal dawn fil-futur;

11.  Ifakkar li amministrazzjoni pubblika professjonali, effikaċi u bbażata fuq il-mertu hija s-sinsla tal-proċess ta' integrazzjoni tal-BiH u ta' kwalunkwe pajjiż li jaspira li jsir Stat Membru tal-UE; jinsab imħasseb serjament dwar il-fatt li l-amministrazzjoni pubblika, li mistennija tgħin lill-BiH tavvanza lejn is-sħubija mal-UE u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini tagħha, għadha frammentata, politiċizzata u ma tiffunzjonax sew; jibqa' mħasseb dwar is-sostenibbiltà finanzjarja tagħha u l-fatt li n-nuqqas ta' rieda politika li tirriforma l-amministrazzjoni jista' jkollu impatt fuq l-għoti tas-servizzi pubbliċi; iħeġġeġ l-atturi kompetenti kollha jadottaw strateġija ġdida għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u pjan ta' azzjoni lil hinn mill-2014 sabiex jissimplifikaw l-istruttura istituzzjonali kumplessa, jiġu razzjonalizzati n-nefqiet u jagħmlu l-istat aktar funzjonali;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħmlu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni prijorità assoluta, peress li għadha ma rriżultatx f'titjib sodisfaċenti u li l-korruzzjoni taffettwa s-setturi kollha, inklużi s-saħħa u l-edukazzjoni, tisfrutta l-aktar persuni vulnerabbli, u żżid il-pessimiżu, bir-riżultat li aktar u aktar ċittadini jitilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħhom; jitlob għal mekkaniżmi effikaċi kontra l-korruzzjoni, segwitu ġudizzjarju indipendenti u konsultazzjonijiet inklużivi mal-partijiet interessati kollha li għandhom jiggarantixxu l-adozzjoni fil-ħin ta' qafas strateġiku mġedded għall-2015-2019; jitlob, b'mod ġenerali, għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-miżuri kontra l-korruzzjoni; jilqa' l-adozzjoni ta' sett ta' liġijiet kontra l-korruzzjoni, inkluż dwar il-promozzjoni tal-ħarsien tal-informaturi fil-livell statali u l-ħolqien ta' entitajiet preventivi fil-livell ta' federazzjoni; jikkundanna t-tentattivi biex jiddgħajfu l-prinċipji eżistenti tal-istat tad-dritt u jinsab imħasseb li l-liġi l-ġdida dwar il-kunflitti ta' interess iddgħajjef il-qafas legali u tirrappreżenta pass lura fil-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess billi żżid ir-riskju ta' interferenza politika u ma toffri l-ebda inċentiv għall-uffiċjali biex jikkonformaw; jitlob għat-tisħiħ tal-korpi parlamentari għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu ir-rekord rigward l-investigazzjoni effikaċi, il-prosekuzzjoni u l-kundanni f'każijiet ta' korruzzjoni ta' profil għoli, speċjalment fil-qafas tal-akkwist pubbliku u l-privatizzazzjoni;

13.  Jibqa' mħasseb serjament dwar l-ineffiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, ir-riskju ta' interferenza politika fi proċedimenti tal-qorti, il-politiċizzazzjoni ta' proċeduri ta' ħatra, il-ġudikatura u l-proċess baġitarju ta' prosekuzzjoni frammentati u r-riskju ta' kunflitti ta' interess fost il-ġudikatura; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda tal-pajjiż biex jimpenjaw ruħhom fit-twettiq ta' riformi strutturali u istituzzjonali li jindirizzaw, fost l-oħrajn, l-armonizzazzjoni tal-erba' sistemi legali differenti; jistedinhom jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħar-riforma istituzzjonali tal-ġudikatura fil-livell statali, inkluża l-adozzjoni ta' liġi dwar il-qrati tal-BiH; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ministri li jmiss biex jadotta l-Istrateġija ta' Riforma Ġudizzjarja l-ġdida diġà ppreparata; itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-uffiċċju tal-Ombudsman; jinnota li moratorju fuq il-piena kapitali għadu fis-seħħ skont il-Kostituzzjoni tal-RS u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-RS jabolixxu l-piena tal-mewt mingħajr aktar dewmien;

14.  Jinsab imħasseb li l-aċċess għal għajnuna legali bla ħlas huwa limitat ħafna u li d-dritt għall-għoti tagħha għadha regolata legalment madwar il-BiH kollha, fejn b'hekk tirrestrinġi d-dritt għall-ġustizzja għall-persuni l-aktar vulnerabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw liġi dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas fil-livell statali u jiddefinixxu b'mod ċar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-provvista tagħha;

15.  Jilqa' it-twessigħ tad-Djalogu Strutturat UE-BiH dwar il-Ġustizzja biex jinkludi kwistjonijiet addizzjonali dwar l-istat tad-dritt, speċjalment il-korruzzjoni u d-diskriminazzjoni, u l-fatt li qed iwassal xi riżultati pożittivi fil-kooperazzjoni reġjonali, l-ipproċessar tad-delitti tal-gwerra, u l-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-ġudikatura; jilqa' l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess; jinnota li l-kundizzjonijiet f'diversi qrati fl-Entitajiet marru għall-aħjar, inkluża l-protezzjoni tax-xhieda;

16.  Jinsab imħasseb li ċerti dikjarazzjonijiet tefgħu dubju fuq il-leġittimità tal-kundanni tal-ICTY, u għaldaqstant dgħajfu l-qorti fl-Aja; jitlob li jittieħdu passi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi u jtejbu l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-BiH billi jiġi rivedut l-ipproċessar tal-każijiet ta' delitti tal-gwerra tal-Kategorija II; jilqa' l-progress fit-tnaqqis tal-każijiet pendenti tad-delitti tal-gwerra; jinnota li l-prosekuzzjoni tal-każijiet ta' delitti tal-gwerra li jinvolvu vjolenza sesswali tjiebet u jitlob li dan il-proċess jitkompla fil-futur; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti jadottaw il-programm fil-livell statali li ilu ħafna pendenti ħalli jtejbu l-istatus tal-vittmi ta' tali delitti tal-gwerra, inkluż id-dritt tagħhom għal kumpens, biex jiżguraw l-aċċess effikaċi tagħhom għall-ġustizzja u jaġġornaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-BiH dwar il-vjolenza sesswali f'konformità mal-istandards internazzjonali;

17.  Jinsab imħasseb bin-numru dejjem għoli ta' persuni nieqsa u l-progress kajman f'dan ir-rigward; jistieden lill-awtoritajiet biex jibdew kooperazzjoni intensiva bejn iż-żewġ entitajiet, u jżidu l-isforzi tagħhom fit-tfittxija għall-persuni nieqsa;

18.  Jiftakar fil-vittmi kollha tal-ġenoċidju ta' Srebrenica tal-1995 u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u s-superstiti; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal organizzazzjonijiet bħall-Assoċjazzjoni tal-Ommijiet ta' Srebrenica u l-enklavi ta' Žepa minħabba fir-rwol ċentrali tagħhom biex iżidu s-sensibilizzazzjoni u jibnu bażi usa' għar-rikonċiljazzjoni fost iċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jistieden liċ-ċittadini kollha tal-BiH biex jużaw l-20 anniversarju tal-massakru ta' Srebrenica bħala opportunità biex itejbu r-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni, li huma prerekwiżiti ewlenin sabiex il-pajjiżi kollha tar-reġjun jimxu 'l quddiem fit-triq tagħhom lejn l-Ewropa;

19.  Jinnota bi tħassib li għad hemm 84 500 persuna spostati internament (IDPs) u 6 853 refuġjat fil-BiH; jinsab imħasseb dwar il-ksur tad-drittijiet ta' persuni rimpatrijati fl-RS; jilqa' madankollu l-miżuri l-ġodda adottati mill-Parlament tal-Federazzjoni li jippermettu lill-persuni rimpatrijati mill-RS jaċċessaw il-benefiċċji tal-pensjoni u l-kura tas-saħħa fil-Federazzjoni, filwaqt li jissuġġerixxi li aċċess ugwali għal benefiċċji tal-assistenza soċjali għaċ-ċittadini kollha huwa importanti; jistieden lil-livelli kollha tal-gvern, b'mod partikolari lill-awtoritajiet tal-RS, biex jiffaċilitaw u jħaffu r-ritorn tal-IDPs u r-refuġjati billi jintroduċu u jimplimentaw il-miżuri leġislattivi u amministrattivi kollha meħtieġa; iħeġġeġ li jkun hemm kooperazzjoni dwar din il-kwistjoni u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet xierqa għar-riintegrazzjoni paċifika u sostenibbli tagħhom; jitlob għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Istrateġija Riveduta dwar l-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton; jitlob għat-tkomplija ta' kooperazzjoni reġjonali tajba fil-qafas tal-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; iħeġġeġ għal approċċ komprensiv li jindirizza l-isfidi li baqgħu fir-rigward tat-tneħħija tal-mini mill-pajjiż sal-2019;

20.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal-liberalizzazzjoni tal-viża, li ġabet magħha effetti pożittivi viżibbli għaċ-ċittadini tal-BiH; itenni mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jiġi salvagwardjat id-dritt tal-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent; jappella fl-istess ħin għal miżuri fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari miżuri soċjoekonomiċi mmirati għall-gruppi aktar vulnerabbli, għal miżuri attivi mmirati lejn kooperazzjoni msaħħa u skambju ta' informazzjoni biex jitwaqqfu netwerks ta' kriminalità organizzata, għal kontrolli msaħħa fuq il-fruntieri u għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri li jżommu l-integrità tal-iskema mingħajr viża u jindirizzaw abbużi potenzjali tas-sistema tal-asil tal-UE f'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

21.  Jinnota li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex jiġu miġġielda tentattivi ta' infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi; jinnota li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; ifakkar fl-importanza li jintlaħqu r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO; jinsab imħasseb dwar rapporti ta' radikalizzazzjoni dejjem tikber fost iż-żgħażagħ fil-BiH, li minnhom numru relattivament għoli, meta mqabbel ma' pajjiżi oħra fir-reġjun, qegħdin jingħaqdu mal-ġellieda terroristiċi tal-ISIL; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jemendaw il-Kodiċi Kriminali ħalli jsaħħu l-kriminalizzazzjoni tal-iffinanzjar tat-terroriżmu; jilqa' l-emenda lill-Kodiċi Kriminali biex tiġi projbita u penalizzata s-sħubija ma' gruppi parlamentari barranin biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni reliġjuża; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġu evitati l-forom kollha ta' estremiżmu u radikalizzazzjoni vjolenti; jilqa' wkoll operazzjonijiet tal-pulizija fuq skala kbira fil-BiH kollha li rriżultaw fl-arrest ta' persuni suspettati li jorganizzaw, jappoġġjaw u jiffinanzjaw attivitajiet terroristiċi, inklużi l-ġellieda barranin; jitlob għall-inklużjoni ta' dispożizzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda fil-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni tal-BiH; ifaħħar lill-aġenziji rilevanti tal-BiH għall-professjonalità li wrew fl-isforzi u d-determinazzjoni tagħhom għall-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà li dejjem qed jikber; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti fit-trażżin tat-theddid kollu għas-sigurtà u dak terroristiku;

22.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk terroristiku mwettaq fis-27 ta' April 2015 fuq għassa tal-pulizija fil-belt ta' Zvornik fil-lvant tal-Bosnja, li ħalla pulizija mejjet u tnejn oħra feruti; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mal-familji tagħhom; jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ideoloġija vjolenti estremista wara dan l-attakk; isejjaħ lill-awtoritajiet kompetenti, lill-aġenziji ta' sigurtà responsabbli u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji sabiex jikkooperaw fit-twettiq ta' investigazzjoni malajr u fil-fond u fil-prevenzjoni ta' attakki fil-ġejjieni; jesprimi t-tama li l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Bosnja u Ħerzegovina jingħaqdu flimkien fil-ġlieda kontra t-theddida tat-terroriżmu u l-vjolenza estremista;

23.  Jinnota li l-BiH għadha pajjiż ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin; jirrakkomanda lill-awtoritajiet jieħdu miżuri effikaċi, inklużi miżuri leġiżlattivi, biex jiġġieldu t-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin u jipprovdu protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

24.  Iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili billi titħalla tartikola l-interessi taċ-ċittadini, b'mod partikolari fejn jidħlu ż-żgħażagħ, kif intwera s-sena li għaddiet matul is-sessjonijiet plenarji; ifakkar li s-soċjetà ċivili tista' tikkumplimenta l-iżvilupp ta' soċjetà soċjalment koeżiva u demokratika billi tipprovdi servizzi soċjali vitali; jinnota li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom jaqdu rwol importanti fl-iffaċilitar tal-proċess ta' adeżjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tagħmel il-fondi Ewropej aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinnota li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għadhom dgħajfa u jfixklu l-iżvilupp ta' demokrazija aktar parteċipattiva, inklużiva u li twieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom madwar il-pajjiż kollu; jitlob għaldaqstant, li jkun hemm mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika trasparenti u inklużivi li jinvolvu l-partijiet interessati pubbliċi kollha, għall-istabbiliment ta' qafas għal diskussjoni pubblika ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi importanti u għall-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għas-soċjetà ċivili; jinsab imħasseb dwar il-każijiet rapportati ta' intimidazzjoni matul l-inkwiet soċjali tas-sena li għaddiet;

25.  Iqis li huwa essenzjali li titrawwem soċjetà inklużiva u tolleranti fil-BiH, li tipproteġi u tippromwovi l-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli; ifakkar li n-nuqqas milli tiġi implimentata d-deċiżjoni ta' Sejdić-Finci, jirriżulta f'diskriminazzjoni kontra ċittadini tal-BiH; iħeġġeġ biex jittieħdu passi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem u biex tiġi żviluppata, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, strateġija fil-livell statali kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex jarmonizzaw aktar il-liġijiet tal-pajjiż mal-acquis, b'attenzjoni partikolari għad-diskriminazzjoni abbażi ta' diżabilità u età, kif enfasizzat fid-Djalogu Strutturat; jistieden lill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Refuġjati tal-BiH jistabbilixxi grupp ta' ħidma dwar l-abbozzar tal-emendi għal-Liġi Kontra d-Diskriminazzjoni tal-BiH mingħajr aktar dewmien; jinsab imħasseb dwar il-fatt li diskors ta' mibegħda, reati ta' mibegħda, theddid, fastidju u diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI għadhom mifruxa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fost il-ġudikatura, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-pubbliku ġenerali; jinsab imħasseb li għadhom jiġu rrapportati każijiet ta' diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon;

26.  Jiddeplora bil-qawwa t-tkomplija tal-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom; ifaħħar il-progress li sar fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' akkomodazzjoni għar-Rom, jinkoraġġixxi, madankollu, li jittieħdu aktar passi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom billi jittejjeb l-aċċess għall-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni;

27.  Jinnota li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali li jiggarantixxu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma fis-seħħ, sar biss progress limitat fl-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex isegwu b'mod proattiv l-isforzi tagħhom biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u l-forza tax-xogħol, biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol relatata mal-maternità, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa, biex jiġu promossi, protetti u msaħħa d-drittijiet tan-nisa u, b'mod ġenerali, biex titqajjem kuxjenza pubblika u jiżdied il-fehim tan-nies dwar id-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jadottaw strateġija għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u biex tiġi stabbilita sistema armonizzata għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data dwar każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa;

28.  Iħeġġeġ lill-BiH tinkorpora l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-liġi dwar ir-reati ta' mibegħda mill-aktar fis possibbli u b'hekk tagħmilha possibbli biex jiġu arrestati persuni li jimpenjaw ruħhom f'diversi forom ta' oppressjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;

29.  Jinnota li jinsabu fis-seħħ dispożizzjonijiet legali dwar il-libertà tal-espressjoni; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-pressjoni politika u finanzjarja fuq il-midja u każijiet ta' theddid u intimidazzjoni kontra ġurnalisti u edituri, inkluż matul il-perjodu ta' qabel l-elezzjoni; jikkundanna t-tentattivi li jdgħajfu r-regoli eżistenti, li jista' jkollhom implikazzjonijiet ta' ħsara għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, inkluż dik online; jenfasizza li avvenimenti bħar-rejd tal-pulizija fuq l-uffiċċji ta' Klix.ba f'Sarajevo u l-adozzjoni reċenti mir-RSNA tal-Liġi kontroversjali dwar l-Ordni u l-Paċi Pubbliċi jqajmu tħassib serju dwar il-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, inkluż fil-midja soċjali; jisħaq li l-abbiltà tal-midja li topera mingħajr biża' hi essenzjali għal demokrazija b'saħħitha; iħeġġeġ li l-libertà ta' espressjoni u tal-midja tkun rispettata bis-sħiħ u li l-ġurnalisti jkunu permessi jiksbu informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku; jenfasizza li l-finanzjament stabbli u sostenibbli, l-indipendenza editorjali, ix-xandir fil-lingwi uffiċjali kollha u l-pluraliżmu huma essenzjali għall-midja tas-servizz pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet biex jagħlqu l-lakuni leġiżlattivi kollha li sistematikament ifixklu t-trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-midja u biex iħejju regolament biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda influwenza politika żejda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jissalvagwardjaw l-indipendenza politika, istituzzjonali u finanzjarja tax-xandara tas-servizz pubbliku u biex jarmonizzaw il-liġijiet tal-entità dwar ix-xandir pubbliku mal-leġiżlazzjoni fuq il-livell statali; iħeġġeġ il-ħatra, abbażi ta' mertu, tad-Direttur tal-Kunsill tal-Aġenzija Regolatorja tal-Komunikazzjoni tal-BiH;

30.  Jibqa' mħasseb dwar is-segregazzjoni li għaddejja tat-tfal fl-iskejjel pubbliċi abbażi ta' etniċità; jinnota li tliet kurrikula differenti jimpedixxu studju komuni, inklużiv u oġġettiv tal-istorja komuni u l-avvenimenti storiċi reċenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jimplimentaw b'mod effettiv il-prinċipji ta' edukazzjoni inklużiva, inkluż fir-rigward tat-tfal b'diżabilità; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda tal-pajjiż biex jippromwovu sistema edukattiva inklużiva u mhux diskriminatorja mingħajr aktar dewmien fiż-żewġ entitajiet u d-Distrett Brčko, biex tiġi eliminata s-segregazzjoni tal-gruppi etniċi differenti u biex tiġi avvanzata r-riforma tal-edukazzjoni li għandha l-għan li ttejjeb l-istandards tal-edukazzjoni u l-introduzzjoni ta' kurrikulu komuni; jappella wkoll biex tiġi intensifikata l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal tar-Rom u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema edukattiva;

31.  Ifakkar li l-protesti ta' Frar 2014 urew b'mod ċar it-talba popolari fost iċ-ċittadini tal-BiH għal riformi soċjoekonomiċi fil-pajjiż; jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni ta' miżuri fis-sitt oqsma ewlenin tar-riforma fil-Patt għal Tkabbir u Impjiegi se tistimula mill-ġdid riformi soċjoekonomiċi staġnati, inklużi dawk dwar tkabbir u impjiegi u riformi dwar l-akkwist pubbliku; jistieden lill-gvernijiet il-ġodda fil-livell statali, ta' entità u distrettwali jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib sabiex jagħmlu l-governanza ekonomika u l-Patt prijorità ewlenija tar-riformi; jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi żviluppat u implimentat programm ta' riforma ekonomika;

32.  Iqis li l-BiH għamlet ftit progress sabiex issir ekonomija tas-suq li tiffunzjona; jenfasizza l-importanza li tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq; jinsab imħasseb li dgħufijiet sinifikanti fl-ambjent kummerċjali jkomplu jaffettwaw b'mod negattiv l-iżvilupp tas-settur privat u l-investiment barrani dirett; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw l-infurzar dgħajjef tal-istat tad-dritt, is-settur informali kbir u l-livelli għolja ta' korruzzjoni li jxekklu l-ambjent tan-negozju; iħeġġeġ l-armonizzazzjoni mad-Direttiva tas-Solvibbiltà II;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riformati u armonizzati s-sistemi frammentati ta' protezzjoni soċjali abbażi tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini biex jipprovdu trattament ugwali għal kulħadd, itaffu l-faqar u jiżviluppaw xibka ta' sigurtà soċjali li tkuni mmirati aħjar lejn il-persuni foqra u dawk esklużi soċjalment; jenfasizza l-fatt li l-prosperità ekonomika u l-prospetti ta' impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, huma essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jimplimentaw riformi fis-suq tax-xogħol sabiex jindirizzaw ir-rata għolja ħafna ta' qgħad b'enfasi fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-qgħad fit-tul; jinnota li d-drittijiet tax-xogħol u t-trejdjunjins għadhom limitati; jistieden lill-awtoritajiet biex ikomplu jsaħħu u jarmonizzaw il-liġijiet rilevanti madwar il-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb l-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tiżdied l-impjegabbiltà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

34.  Jenfasizza l-importanza tal-armonizzazzjoni u t-titjib tad-drittijiet trejdjunjinistiċi eżistenti u r-regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, li attwalment mhumiex identiċi fis-setturi kollha; jinnota wkoll li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet mhumiex imqassma ndaqs;

35.  Jinnota li ftit li xejn sar progress fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u jistieden lill-awtoritajiet isaħħu l-protezzjoni ambjentali skont l-istandards tal-UE;jistieden lill-BiH biex tonora l-obbligi kuntrattwali kollha tagħha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u l-FSA, u tiżgura li jkun hemm approssimazzjoni adegwata u rapida lejn l-acquis ambjentali tal-UE, inkluża l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja eċċessiv mir-raffinerija taż-żejt f'Bosanski Brod; jenfasizza l-ħtieġa għal BiH biex timplimenta b'mod sħiħ l-obbligi tagħha rigward il-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (Espoo, 1991) u l-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (Kiev, 2003), inkluż fir-rigward tal-attivitajiet fil-baċir tax-xmara f'Neretva u Trebišnjica;

36.  Jilqa' l-pożizzjoni kostruttiva u proattiva tal-BiH fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali; ifaħħar il-kontrolli konġunti u frekwenti tagħha fil-fruntieri mal-pajjiżi ġirien; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat; jistieden lill-mexxejja l-ġodda biex ikomplu u jsaħħu l-isforzi tagħhom ħalli jsolvu l-kwistjonijiet pendenti dwar fruntieri u proprjetà mal-pajjiżi ġirien; iħeġġeġ lill-BiH tiffinalizza l-proċess ta' demarkazzjoni mal-Montenegro in bona fede, abbażi tal-ftehim milħuq f'Mejju 2014;

37.  Jiddispjaċih li l-politika barranija tal-BiH baqgħet soġġetta għal pożizzjonijiet diverġenti li jirriżultaw minn rata baxxa ta' allinjament mal-pożizzjonijiet tal-UE (52 %); ifakkar l-importanza kruċjali ta' politika barranija unifikata tal-BiH; jinsab imħasseb dwar l-implikazzjonijiet taċ-ċaħda tar-Russja tal-lingwa standard tal-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi dwar l-integrità territorjali tal-BiH u n-narrattiva negattiva tagħha dwar l-aspirazzjonijiet tal-UE tal-BiH; jilqa' l-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni Althea, bħala parti mill-mandat imġedded tan-NU, li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ;

38.  Jistieden lill-istituzzjonijiet eletti reċentament tal-BiH biex jużaw l-opportunità tal-approċċ imġedded tal-UE biex jikkonkludu Ftehim dwar l-adattament tal-Ftehim Interim/FSA, li jieħu kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE u ż-żamma tal-kummerċ tradizzjonali;

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-BiH, lill-Kunsill tal-Ministri tal-BiH, lill-Assemblea Parlamentari tal-BiH u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Federazzjoni tal-BiH u r-Repubblika Srpska u l-gvernijiet tal-10 kontej/distretti.


Ir-Rapport Annwali 2013 tal-Bank Ewropew tal-Investiment
PDF 414kWORD 160k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment – Rapport Annwali 2013 (2014/2156(INI))
P8_TA(2015)0183A8-0057/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività għall-2013 tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju Annwali 2013 tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2012 dwar strumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 tal-Bank Ewropew tal-Investiment(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Ġunju 2012, intitolat "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina",

–  wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-attrazzjoni tal-investimenti fl-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea (COM(2014)0168) tas-27 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012, li, b'mod partikolari, ipproponew żieda fil-kapital tal-BEI ta' EUR 10 biljuni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, li jitoblu l-ħolqien ta' pjan ġdid ta' investiment li jappoġġja l-SMEs u jagħti spinta lill-finanzjament tal-ekonomija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013, li jistabbilixxu l-objettiv li jiġu mobilizzati l-politiki kollha tal-UE b'appoġġ għall-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi: "Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' strumenti finanzjarji innovattivi" (COM(2011)0662) u "Pilota għall-Inizjattiva Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti" (COM(2011)0660),

–  wara li kkunsidra ż-żieda fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-BEI u l-BERŻ,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-BERŻ għaż-żona tal-Mediterran(6),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil il-ġdid bejn il-BEI u l-BERŻ iffirmat fid-29 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011(7) dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014)0903) tas-26 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0057/2015),

A.  billi r-risorsi kollha possibbli mill-Istati Membri u l-UE, inklużi dawk tal-BEI, jeħtieġ li jiġu mobilizzati b'mod effiċjenti mingħajr dewmien biex jitħeġġu u jitjiebu l-investimenti pubbliċi u privati, tingħata spinta lill-kompetittività, jerġa' jiġi stabbilit tkabbir sostenibbli u inklużiv u jiġu promossi l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-infrastruttura, b'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020 u filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-BEI huwa strument iddisinjat biex jappoġġa l-koeżjoni soċjali u jista' jipprovdi għajnuna siewja lill-Istati Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet fis-sitwazzjoni soċjali u ekonomika kritika li bħalissa qegħdin naffrontaw;

B.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja, flimkien mal-politiki ta' awsterità, xekklet b'mod serju t-tkabbir ekonomiku f'ħafna Stati Membri, u dan wassal għal deterjorament rapidu tal-kundizzjonijiet soċjali, inugwaljanzi u żbilanċi dejjem akbar bejn ir-reġjuni Ewropej u nuqqas milli jinkiseb l-objettiv ta' koeżjoni soċjali u konverġenza reali, fejn b'hekk ġew destabbilizzati l-integrazzjoni u d-demokrazija Ewropej;

C.  billi l-BEI mhuwiex bank kummerċjali u għandu jkompli r-rwol essenzjali ta' katalist għall-finanzjament ta' investimenti pubbliċi u privati sodi u fit-tul, filwaqt li jkompli jimplimenta l-aktar prattiki bankarji prudenzjali sabiex iżomm il-pożizzjoni kapitali ferm b'saħħitha tiegħu, b'impatti pożittivi sussegwenti fuq il-kundizzjonijiet ta' self;

D.  billi għandhom isiru sforzi partikolari favur l-espansjoni tal-interventi konġunti (bil-kombinament tal-FEI jew għodod ta' garanzija oħrajn) għall-finanzjament tal-SMEs jew ta' infrastrutturi sostenibbli tanġibbli u intanġibbli, filwaqt li jkun rikonoxxut li waħda mir-raġunijiet għat-tnaqqis fl-investiment u kreditu hija t-telf tal-kompetittività tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

E.  billi l-BEI għandu jkompli jissodisfa l-mandat tiegħu għall-finanzjament ta' proġetti li jagħmlu parti mill-azzjoni esterna tal-UE b'rispett għall-istandards soċjali u ambjentali għolja;

F.  billi l-għażla tal-investimenti tal-BEI għandha ssir b'mod indipendenti u abbażi tal-vijabbiltà, il-valur miżjud u l-impatt fuq l-irkupru ekonomiku tagħhom;

G.  billi l-BEI għandu jevolvi lejn il-mudell ta' bank tal-iżvilupp, fil-qafas ta' koordinazzjoni makroekonomika ikbar mal-Istati Membri;

H.  billi l-BEI għandu jkun bank ta' għarfien u ta' prattika tajba u mhux entità finanzjarja biss;

I.  billi s-suq relattivament żgħir u kkonċentrat ħafna ta' titolizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi titolizzazzjoni limitata tas-self lill-SMEs, kompla ċkien b'riżultat tal-kriżi;

Investiment

1.  Jinnota r-Rapport Annwali tal-BEI tal-2013, iż-żieda fl-attivitajiet ta' finanzjament tal-grupp b'37 % għal EUR 75.1 biljun u l-implimentazzjoni taż-żieda fil-kapital tal-BEI li saret fl-2013; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni attwali ta' staġnar ekonomiku fl-UE, u b'mod partikolari t-tnaqqis sinifikanti fl-investiment pubbliku u privat - madwar 18 % taħt il-livelli tal-2007 - u t-tnaqqis enormi ta' 35 % fis-self lill-SMEs bejn l-2008 u l-2013; jenfasizza li tali tnaqqis jirrappreżenta ostakolu kbir ħafna kemm għal irkupru sostenibbli kif ukoll għal progress ġenwin lejn l-objettivi tal-Ewropa 2020;

2.  Jirrimarka, f'dak ir-rigward, li l-projezzjonijiet nazzjonali juru li kważi nofs l-Istati Membri kollha mhux se jilħqu l-objettivi nazzjonali tagħhom dwar l-iskemi edukattivi u t-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2020 u li t-tendenzi fir-rigward tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar huma saħansitra agħar;

3.  Jikkonkludi li t-tisħiħ tal-istrumenti ta' finanzjament tal-BEI mhux sostitut għal politika ekonomika nazzjonali u riformi strutturali orjentati lejn it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

4.  Jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014)0903) li jinvolvi fondi eżistenti u jfittex li jkollu effett ta' lieva fuq il-kapital mis-settur privat bi proporzjon ta' 1:15; jinnota l-għan li jingħata nifs ġdid lill-ekonomija tal-UE permezz tal-mobilizzazzjoni ta' EUR 315 il-biljun matul it-tliet snin li ġejjin taħt il-Fond Ewropew il-ġdid għal Investimenti Strateġiċi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment se tkun teħtieġ li l-BEI jkollu riżorsi umani addizzjonali sabiex jissodisfa l-mandat tiegħu;

5.  Jinnota, f'dak il-kuntest, it-twaqqif ta' Task Force, immexxija mill-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, u jinnota l-proposti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja biex jiġi stabbilit il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI); jenfasizza l-ħtieġa li f'dawn il-proposti leġiżlattivi jiġu speċifikati governanza u proċess tal-għażla ta' kwalità għolja kif ukoll qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni responsabbli demokratikament li jirfed il-fond, li għandha tkun trasparenti kemm jista' jkun fl-istabbiliment tal-kriterji li għandha tuża biex tiddetermina l-proġetti li għandhom jitqiesu xierqa għall-inklużjoni fil-pjanijiet li jkunu qed jitħejjew;

6.  Jistenna li l-pjan ta' investiment tal-Kummissjoni jrawwem u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi fl-Istati Membri u r-reġjuni; ifakkar li hu essenzjali li l-BEI jikkoopera mal-fondi Ewropej speċjalment f'dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li qed jesperjenzaw problemi sabiex investimenti pubbliċi produttivi u proġetti infrastrutturali essenzjali jkunu jistgħu jitwettqu;

7.  Jemmen li għandhom jiġu prijoritizzati l-proġetti b'valur miżjud Ewropew u b'analiżi pożittiva tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta' proġetti li jista' jkollhom impatt massimu fir-rigward tal-ġenerazzjoni tal-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq proġetti b'riskju ogħla li mhux faċli li jikkwalifikaw għal finanzjament mill-banek; iwissi li t-Task Force tista' tiffaċċja pressjoni politika biex trawwem proġetti li huma ta' vantaġġ għal gruppi ta' interess speċjali, u dan iwassal għal allokazzjoni ħażina tal-fondi f'investimenti mhux profitabbli li mhumiex ta' interess pubbliku;

8.  Jenfasizza li l-garanziji li tipprevedi l-Kummissjoni għall-EFSI ma jikkorrispondux għal flus ġodda, imma għal riżorsi riallokati; jenfasizza li hija ta' importanza kbira li jiġu identifikati l-kostijiet tal-għażla ta' din ir-riallokazzjoni u għalhekk li jiġi stabbilit b'mod espliċitu sa liema punt ir-redditi globali mill-investimenti addizzjonali previsti li għandhom jiġu kofinanzjati mill-EFSI huma mistennija jkunu iżjed minn dak li kien jirriżulta kieku r-riżorsi riallokati jkunu ġew allokati kif ippjanat oriġinarjament;

9.  Jirrimarka li l-proċess tal-għażla tal-proġetti għandu jkollu l-għan li jevita l-effetti tas-soppressjoni u tat-tqassim mill-ġdid u għandu għalhekk jiffoka fuq proġetti ta' valur miżjud Ewropew b'potenzjal qawwi bbażat fuq l-innovazzjoni li jissodisfa l-kriterju ta' addizzjonalità; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies il-potenzjal tal-impjiegi tal-proġetti magħżula f'dawk il-pajjiżi tal-UE li qed isofru minn qgħad tal-massa;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tivvaluta bir-reqqa fil-proposta leġiżlattiva tagħha li jmiss il-partijiet mill-qafas tal-baġit tal-UE li mistennija jipprovdu garanziji lill-EFSI, bl-għan li jiġu mminimizzati l-kostijiet tal-għażla relatati mat-tqassim mill-ġdid ta' dawn ir-riżorsi; jitlob ukoll lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI biex jivvalutaw kif xieraq l-effetti tar-ridistribuzzjoni li jinvolvi l-pjan ta' investiment, jiġifieri l-possibbiltà ta' żieda fil-profitti għall-investituri għall-ispejjeż tal-klijenti li jkollhom iħallsu għall-użu ta' infrastruttura ġdida sabiex jiżguraw redditu xieraq fuq l-investiment; jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni biex jivvalutaw aktar id-differenza fl-investiment fl-UE f'termini tal-kompożizzjoni tiegħu, jiġifieri jekk investimenti privati jew pubbliċi huma nieqsa, u li jiġi speċifikat liema tip ta' investimenti, privati jew pubbliċi, huma maħsuba li jkunu s-suġġett ta' appoġġ u l-iskala mistennija tal-effetti produttivi tal-investiment;

11.  Jinnota li l-Bank Ċentrali Ewropew esprima d-disponibbiltà tal-BĊE biex jixtri, fis-suq sekondarju, bonds maħruġa mill-FEIS, jekk il-Fond joħroġ tali bonds hu stess jew jekk il-BEI jagħmel hekk f'ismu;

12.  Jirrimarka li jeħtieġ li jinstab bilanċ ġdid bejn evalwazzjoni aħjar u l-aħjar investiment possibbli, u li l-ekonomija titmexxa lejn perkors ta' tkabbir sostenibbli u ta' rkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi;

13.  Ifakkar fl-importanza tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li l-"pakkett" futur ta' investimenti għandu jqis aħjar l-objettivi ġenerali tal-politika ta' koeżjoni, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Gvernaturi tal-BEI biex isaħħu l-indikaturi tal-prestazzjoni tagħhom għal investimenti ta' kwalità b'dik il-perspettiva;

14.  Jenfasizza li l-BEI qed jintalab jieħu rwol strumentali fil-finanzjament tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa billi jimpenja EUR 5 biljuni għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew ġdid għal Investimenti Strateġiċi; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI biex jivvalutaw il-konsistenza bejn il-kompiti l-ġodda assenjati lill-BEI b'tali pjan u r-riżorsi tal-BEI;

15.  Huwa tal-fehma li, f'dan ir-rigward, l-involviment xieraq tal-BEI fil-Pjan ta' Investiment se jirrikjedi żieda sostanzjali fil-limiti massimi ta' għoti u teħid ta' self mill-BEI fil-ħames snin li ġejjin bl-għan li jiżdied b'mod sinifikanti d-daqs tal-karta tal-bilanċ tiegħu; jemmen li livell eċċessiv ta' ingranaġġ ixekkel l-objettivi tal-pjan ta' investiment;

16.  Jemmen li promozzjoni tal-qafas istituzzjonali għall-operat tas-suq uniku tal-kapital se tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-implimentazzjoni aktar mgħaġġla tal-pjan ta' investiment;

17.  Jinnota, madankollu, li l-pjan korporattiv tal-operat attwali tal-BEI jipprevedi tnaqqis fil-flussi ta' self għal EUR 67 biljun fl-2014 u l-2015, filwaqt li nofs il-medda fil-mira għall-2016 mistennija li tkun EUR 58.5 biljun;

18.  Jenfasizza li l-kapaċità ta' self żejda li tirriżulta miż-żieda kapitali reċenti tal-BEI ta' EUR 10 biljuni ma ntużatx biżżejjed; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati involuti biex kemm jista' jkun jippromwovu azzjonijiet biex jestendu s-self tal-BEI;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi kooperazzjoni multilaterali bejn il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali sabiex irawmu sinerġiji, jikkondividu r-riskji u l-ispejjeż, u jiżguraw self xieraq għall-proġetti tal-UE b'impatt pożittiv fuq il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi, il-protezzjoni ambjentali u l-kwalità tal-ħajja;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI irawmu l-inklużjoni tal-investiment b'benefiċċju soċjali ċar, inklużi livelli ogħla ta' impjieg, fi ħdan l-ambitu ta' azzjoni, biex permezz tas-self tingħata spinta lill-attivitajiet imfassla biex jitnaqqas il-qgħad, b'enfasi partikolari fuq il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg għaż-żgħażagħ, u biex jappoġġjaw investimenti pubbliċi u produttivi u proġetti ta' infrastruttura indispensabbli, speċjalment fl-Istati Membri b'livelli għoljin ta' qgħad u b'PDG taħt il-medja;

21.  Itenni l-appoġġ kawt tiegħu għall-iżvilupp ta' sħubiji pubbliċi privati (PPPs) li, jekk ikunu ddisinjati tajjeb, jista' jkollhom rwol importanti fl-investiment fit-tul, l-ekonomija diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kapital uman, kif ukoll in-netwerks Ewropej tat-trasport, tal-enerġija jew tat-telekomunikazzjoni; jiddispjaċih li PPPs difettużi nbidlu f'sistema għolja ta' finanzjament pubbliku tas-settur privat li tiġġenera d-dejn pubbliku; jindika, barra minn hekk, li dawn l-operazzjonijiet spiss jiffaċċjaw problemi ta' opaċità kif ukoll ta' informazzjoni asimmetrika fil-klawżoli tal-eżekuzzjoni bejn l-aġenti pubbliċi u privati, normalment favur is-settur privat;

22.  Jissuġġerixxi li l-BEI jsaħħaħ il-kapaċitajiet analitiċi settorjali tiegħu kif ukoll ix-xogħol tiegħu ta' analiżi makroekonomika;

Strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji u bonds tal-proġetti

23.  Jirrimarka li l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji li finalment jinvolvu l-għoti ta' sussidji pubbliċi għandhom jiġu previsti biss meta jkun hemm fallimenti tas-suq li jiġġeneraw kosti esterni jew biex jitwettqu missjonijiet ta' interess ġenerali bħalma hu l-għoti ta' beni pubbliċi u servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, billi jitqies li dan l-approċċ dejjem iġorr ir-riskju tas-soċjalizzazzjoni tat-telf u l-privatizzazzjoni tar-redditi; jinnota li f'każ ta' falliment dan iwassal biex is-settur pubbliku jkollu jkopri t-telf;

24.  Jirrimarka li kwalunkwe involviment ta' riżorsi pubbliċi fl-istrumenti ta' kondiviżjoni tar-riskji u b'mod iktar speċifiku fis-segmenti tal-ewwel telf ta' veikoli ta' investiment għandu jkun marbut b'mod espliċitu mat-tnaqqis ta' kosti esterni negattivi miżurabbli, il-ġenerazzjoni ta' kosti esterni pożittivi miżurabbli jew l-implimentazzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku u servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali; jirrimarka li l-Artikolu 14 tat-TFUE jipprovdi bażi ġuridika biex tiġi stabbilita din ir-rabta permezz ta' proposta leġiżlattiva ordinarja;

SMEs

25.  Jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u għaldaqstant għandhom ikunu mira prinċipali tal-investiment; jinsab imħasseb li l-aċċess għal finanzjament jibqa' wieħed mid-diffikultajiet l-iżjed strinġenti li qed jiffaċċjaw l-SMEs fl-Ewropa; jenfassiza l-bżonn ta' allokazzjoni aktar effiċjenti ta' finanzjament lill-SMEs bi spettru wiesa' ta' investituri privati għall-provvediment ta' tali finanzjament;

26.  Iħeġġeġ lill-BEI biex janalizza bis-sħiħ it-tnaqqis fil-finanzjament lill-SMEs u biex iressaq pjan komprensiv biex jiżgura li l-SMEs madwar l-Ewropa jkunu mħeġġa japplikaw għall-finanzjament taħt l-awspiċi tal-BEI kull fejn possibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jivvalutaw l-effett tal-kriżi ekonomika fuq is-sistema bankarja u r-riċevituri finali tal-finanzjament tal-BEI, b'mod partikolari rigward l-SMEs, is-settur tal-ekonomija soċjali u l-kumpaniji pubbliċi; jitlob lill-BEI biex jivvaluta u jirrapporta fid-dettall dwar l-impatti tal-appoġġ tiegħu fuq l-SMEs fl-Ewropa dwar l-ekonomija reali u r-riżultati għas-snin 2010-2014;

27.  Jiġbed l-attenzjoni għall-proporzjon għoli ta' mikrointrapriżi fl-ekonomija Ewropea u jilqa' l-passi meħuda mill-BEI lejn self ta' mikrofinanzjament fl-Ewropa; jitlob għal aktar investiment f'dan is-settur fid-dawl tal-importanza tal-mikrointrapriżi fil-ħolqien tax-xogħol;

28.  Jenfasizza, b'mod partikolari, il-benefiċċji reali li jintużaw mekkaniżmi ta' kondiviżjoni tar-riskju fil-promozzjoni ta' finanzjament għall-SMEs u innovazzjoni fl-Ewropa;

29.  Jieħu nota taż-żieda fl-appoġġ għall-SMEs fl-Unjoni Ewropea li kien jammonta għal EUR 21.9 biljun, li b'hekk jipprovdi aċċess għall-finanzjament għal iżjed minn 230 000 SME;

30.  Jitlob lill-BEI iżid iżjed il-kapaċitajiet tas-self tiegħu lill-SMEs u impriżi innovattivi li għadhom jibdew; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ ta' strumenti oħra tal-BEI, bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress;

31.  Jilqa' l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda fil-qasam tal-finanzjament tal-kummerċ fil-pajjiżi li ntlaqtu mill-kriżi ekonomika, speċjalment il-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kummerċ għall-SMEs jew soluzzjonijiet finanzjarji mfasslin apposta bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress iddedikati għall-inklużjoni finanzjarja; iħeġġeġ lill-BEI jestendi l-benefiċċji ta' dawn l-istrumenti l-ġodda għal benefiċjarji ġodda fil-livell Ewropew;

32.  Jinsisti li l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni f'Diċembru 2014 tqis kemm l-impatti negattivi kif ukoll dawk pożittivi ta' proġetti fil-Fażi Pilota tal-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI); iqis li huwa ta' dispjaċir li l-BEI appoġġja xi proġetti infrastrutturali li la huma vijabbli u lanqas sostenibbli; iqis li l-BEI għandu jinvesti fi proġetti li jġibu benefiċċji ekonomiċi tanġibbli, huma tajba għall-klima u jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-interessi tal-popolazzjoni li huma maħsuba biex iservu;

33.  Jiddispjaċih fir-rigward tar-rwol tal-BEI u tal-Kummissjoni fil-proġett Castor, li huwa ffinanzjat fil-qafas tal-PBI, u jinvolvi valutazzjoni tar-riskju li ma qisitx ir-riskju ta' żieda fl-attività sismika assoċjata mal-injezzjoni ta' gass, minkejja li jeżistu studji li jwissu b'mod ċar dwar il-perikli potenzjali(8); iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BEI biex jieħdu azzjoni sabiex jevitaw li permezz ta' defiċit pubbliku ogħla jew billi jiżdiedu l-ispejjeż tal-enerġija, iċ-ċittadini Spanjoli jkollhom iħallsu EUR 1 300 miljun f'kumpens minħabba proġett li ġie vvalutat b'mod diżastruż; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew u tinvestiga jekk id-deċiżjonijiet tal-Gvern Spanjol dwar Castor jistgħux jitqiesu għajnuna mill-Istat ipprojbita;

34.  Jiddispjaċih li l-BEI iffinanzja l-awtostrada ċirkomferenzjali "Passante di Mestre", wara li l-awtoritajiet Taljani pubblikament ħabbru l-arrest tas-CEO tas-sottokuntrattur ewlieni tagħha minħabba frodi fiskali; fid-dawl tal-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin mill-awtoritajiet Taljani dwar l-iskandlu ta' korruzzjoni relatat mal-kostruzzjoni u l-ġestjoni ta' "Passante di Mestre", jistieden lill-BEI biex ma jiffinanzjax il-proġett "Passante di Mestre" permezz tal-PBI jew kwalunkwe strument finanzjarju ieħor, u biex jiżgura li jimplimenta l-politika kontra l-frodi b'tolleranza żero meta jqis l-użu tal-bonds tal-proġetti;

35.  Jistieden lill-BEI biex iżid il-kapaċità tiegħu li jieħu riskji billi jippromwovi s-self lil dawk is-setturi tal-ekonomija li għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi imma li għandhom diffikultajiet biex jiksbu l-finanzjament mingħajr garanziji xierqa;

36.  Jitlob, għalhekk, evalwazzjoni komprensiva tal-proġetti pilota abbażi ta' proċess ta' konsultazzjoni inklużiv u miftuħ li jinvolvi korpi pubbliċi, nazzjonali u lokali; jenfasizza wkoll il-bżonn ta' proġetti ffinanzjati li jkunu vvalutati f'termini ta' valur miżjud, l-ambjent, il-produttività u l-impjiegi; jirrimarka li l-PBI għadha biss fl-istadju pilota; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tippreżenta, permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, proposta leġiżlattiva li tinkwadra aħjar l-istrateġija futura tal-bonds tal-proġetti, inkluż tisħiħ tal-qafas ta' indikaturi tal-prestazzjoni tal-BEI għal investiment ta' kwalità, sabiex jiġu identifikati u mkejla kemm l-impatt tal-proġetti ffinanzjati f'termini ta' kosti esterni kif ukoll ir-redditi soċjali u ambjentali tagħhom;

37.  Huwa mħasseb minħabba l-ġeneralizzazzjoni potenzjali tal-PBIs bħala mezz ta' kif jitnaqqsu l-ispejjeż għall-investiment privat, permezz ta' rati tal-imgħax iżjed baxxi jew is-soċjalizzazzjoni tat-telf, aktar milli l-kamp ta' applikazzjoni iżjed limitat li jipprovdu appoġġ lill-investimenti ta' interess pubbliku fejn jista' jintwera li l-investiment privat jipprovdi kompetenza jew l-għarfien indispensabbli li mhumiex disponibbli fis-settur pubbliku;

Enerġija u klima

38.  Jistieden lill-BEI biex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-kriterji tiegħu dwar is-self għall-enerġija u jirrapporta perjodikament u pubblikament dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

39.  Jistieden lill-BEI biex iżid l-isforzi ta' investiment tiegħu bl-għan li jnaqqas b'mod sinifikanti l-marka tal-karbonju tiegħu, u biex jaħdem fuq politiki li jgħinu lill-Unjoni tilħaq il-miri klimatiċi tagħha; jilqa' l-fatt li l-BEI se jkun qed iwettaq u jitlob il-pubblikazzjoni ta' valutazzjoni klimatika u eżami mill-ġdid tal-attivitajiet kollha tiegħu fl-2015, li jistgħu jwasslu għal politika ta' protezzjoni klimatika ġdida; jittama li l-politika tal-BEI dwar l-enerġija tkun appoġġjata b'mod konkret mill-Istandard ta' Rendiment għall-Emissjonijiet tiegħu, li għandu jiġi applikat għall-proġetti kollha tal-ġenerazzjoni tal-karburanti fossili sabiex jiġu eliminati l-investimenti b'emissjonijiet ta' ammont ta' karbonju li jaqbżu livell limitu; jistieden lill-BEI iżomm l-Istandard ta' Rendiment għall-Emissjonijiet taħt eżami u japplika impenji iżjed stretti;

40.  Jilqa' l-ewwel passi tal-BEI lejn bidla favur l-enerġija rinnovabbli; jitlob ir-rettifika tal-iżbilanċi reġjonali fis-self għall-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari bl-għan li jiġu appoġġjati l-proġetti fi Stati Membri li huma dipendenti fuq sorsi tal-enerġija mhux rinnovabbli u jittieħed kont tad-differenzi fl-ekonomija tal-Istati Membri, u biex fil-futur tingħata iktar attenzjoni fir-rigward ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzati mhux kollegati mal-grilja u fuq skala iżgħar li jinvolvu ċ-ċittadini u l-komunitajiet; jikkunsidra li dawn is-sorsi tal-enerġija jnaqqsu l-livell għoli tal-Ewropa ta' dipendenza esterna kbira fuq l-enerġija, itejbu s-sikurezza tal-forniment u jistimolaw il-ħolqien tat-tkabbir ekoloġiku u l-impjiegi; jisħaq fuq l-importanza ta' finanzjament għal effiċjenza enerġetika, netwerks tal-enerġija u R&Ż relatati;

41.  Jistieden lill-BEI biex iżid il-volum ta' għoti ta' self tiegħu għal proġetti ta' effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha, b'mod speċjali b'rabta mal-ottimizzazzjoni tal-proċessi, l-SMEs, il-bini u l-ambjent urban; jistieden lill-BEI biex jagħti prijorità akbar liż-żoni l-aktar fil-bżonn f'konformità mal-politika ta' koeżjoni;

42.  Iħeġġeġ lill-BEI jippreżenta evalwazzjoni tal-possibbiltà li gradwalment jitneħħa s-self għall-proġetti tal-enerġija mhux rinnovabbli;

Infrastruttura

43.  Jenfasizza li l-investiment fi proġetti sostenibbli tal-infrastruttura huwa ewlieni għat-titjib fil-kompetittività u biex jerġa' jkun hemm it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa; jistieden, għaldaqstant, biex il-finanzjament tal-BEI jkun iddirezzjonat lejn iż-żoni l-aktar affettwati minn qgħad għoli; jirrimarka li l-finanzjament tal-BEI għandu jiffoka primarjament fuq dawk il-pajjiżi li qegħdin jaqgħu lura f'termini ta' kwalità u żvilupp tal-infrastruttura;

44.  Iħeġġeġ aktar attenzjoni fuq is-sostenibbiltà soċjali fl-attivitajiet dwar l-investiment urban tal-BEI; jirrikonoxxi t-titjib fil-finanzjament tal-BEI għall-akkomodazzjoni soċjali iżda jenfasizza l-ħtieġa għal żvilupp ulterjuri fir-riċerka u l-attività dwar is-sostenibbiltà soċjali fil-kuntest tar-riġenerazzjoni urbana sostenibbli;

Riċerka u innovazzjoni

45.  Jilqa' t-tnedija tal-ewwel operazzjonijiet tal-Inizjattiva ta' Finanzjament għat-Tkabbir (GFI) u jisħaq fuq l-importanza ta' finanzjament adegwat għall-proġetti ta' riċerka u innovazzjoni u impriżi innovattivi li għadhom jibdew;

Impjiegi u affarijiet soċjali

46.  Jinnota t-tnedija tal-inizjattiva "Ħiliet u impjiegi - Ninvestu fiż-Żgħażagħ" u jħeġġeġ lill-BEI jħaffef l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u jikkunsidra t-twessigħ tagħha;

Governanza, trasparenza u kontabilità

47.  Jistieden lill-BEI biex jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-proġetti b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jiġu żgurati effiċjenza ikbar u ġestjoni soda tar-riżorsi allokati;

48.  Jirrimarka li d-distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament mogħti mill-BEI jiżvela diskrepanzi sinifikanti bejn is-self lil diversi Stati Membri; jistieden, għalhekk, lill-BEI biex jivvaluta r-raġunijiet għal dawn id-diskrepanzi u biex jiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri kollha jkunu kompletament kapaċi jimmaniġġjaw u jimplimentaw il-programmi tal-BEI; jitlob, barra minn hekk, li jsiru kampanji ta' informazzjoni speċifiċi fl-Istati Membri kollha bl-għan li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-programmi speċifiċi tal-BEI; barra minn hekk, jitlob li jkun hemm kooperazzjoni iżjed b'saħħitha bejn il-BEI u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-ostakoli li jfixklu l-iffirmar u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-BEI;

49.  Ifakkar li l-Kunsill u l-Parlament qablu li wasal iż-żmien biex tiġi studjata r-razzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi Ewropej(9);

50.  Iħeġġeġ lill-BEI biex isaħħaħ l-indipendenza u l-effikaċja tal-Uffiċċju tiegħu tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti; jistieden lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-BEI biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet ta' dak l-uffiċċju; jistieden lill-BEI biex jaġixxi fuq l-opinjonijiet tal-Ombudsman Ewropew u biex jeżerċita kooperazzjoni ikbar sabiex jevita sitwazzjonijiet bħall-inkjesta dwar l-ilment 178/2014AN kontra l-Bank Ewropew tal-Investiment(10);

51.  Jemmen li għad hemm marġini konsiderevoli għall-immanuvrar fit-titjib tat-trasparenza, u l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tas-self u l-effikaċja fl-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta; itenni t-talba tiegħu lill-Bank biex jipprovdi dettalji dwar l-approċċ tiegħu biex jitħaffu l-miżuri li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u jitlob lista strinġenti ta' kriterji għall-għażla ta' dawn l-intermedjarji finanzjarji li għandha tkun stabbilita b'mod konġunt mill-BEI u l-Kummissjoni u li tkun disponibbli għall-pubbliku;

52.  Jiddispjaċih mir-riżultat tar-rieżami tal-politika ta' trasparenza tal-BEI; il-politika l-ġdida tat-trasparenza hija aktar dgħajfa mill-politika oriġinali u ma tegħlibx b'mod sħiħ il-kultura ta' segretezza tal-passat tal-BEI, u jħeġġeġ lill-BEI sabiex jopera abbażi tal-"preżunzjoni ta' divulgazzjoni" minflok bil-"preżunzjoni ta' konfidenzjalità"; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-BEI huwa obbligat jiżgura li l-politika dwar it-trasparenza tiegħu tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni; jiddispjaċih mill-fatt li l-indiċi tat-trasparenza tal-għajnuna għall-2013(11) juri li l-BEI sejjer ħażin fir-rigward tat-trasparenza u l-kontabilità;

53.  Jistieden lill-BEI biex joqgħod lura milli jikkoopera ma' intermedjarji finanzjarji b'passat negattiv f'termini ta' trasparenza, evażjoni tat-taxxa jew prattiki aggressivi ta' evitar tat-taxxa, jew użu ta' prattiki tat-taxxa oħrajn ta' ħsara bħal "deċiżjonijiet dwar it-taxxa" u l-ipprezzar tat-trasferiment abużiv, frodi, korruzzjoni jew impatti ambjentali u soċjali jew li ma jkollhom l-ebda sjieda lokali sostanzjali, u biex jaġġorna l-politiki tiegħu dwar il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jenfasizza l-ħtieġa ta' iktar trasparenza komprensiva rigward is-self globali, biex jiġi żgurat skrutinju bir-reqqa tal-impatt ta' dan it-tip ta' self indirett; iħeġġeġ lill-BEI biex jagħmel kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji kontinġenti fuq id-divulgazzjoni kemm ta' data rilevanti għat-taxxa pajjiż b'pajjiż fuq il-linji tad-dispożizzjoni tas-CRD IV għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja; għal dan il-għan, jistieden lill-BEI biex jistabbilixxi politika ġdida dwar tassazzjoni responsabbli, li tibda bir-rieżami tal-politika tiegħu dwar ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx (politika NCJ) fl-2015;

54.  Iħeġġeġ lill-BEI biex ma jikkooperax ma' entitajiet li joperaw minn ġurisdizzjonijiet ta' segretezza "kkaratterizzati notevolment min-nuqqas ta' taxxi jew taxxi nominali, nuqqas ta' skambju effettiv ta' informazzjoni ma' awtoritajiet fiskali barranin u nuqqas ta' trasparenza f'dispożizzjonijiet leġislattivi, ġuridiċi jew amministrattivi jew kif identifikata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi jew it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja"(12);

55.  Iħeġġeġ lill-BEI biex jieħu rwol ta' tmexxija u eżemplari dwar kwistjonijiet ta' trasparenza u responsabbiltà fiskali; jistieden b'mod partikolari lill-BEI biex jiġbor data preċiża dwar il-ħlasijiet tat-taxxa li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tiegħu ta' investiment u self, b'mod speċjali dwar it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji u b'mod partikolari f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex janalizza u jippubblika din id-data fuq bażi annwali;

56.  Jilqa' l-ħolqien ta' reġistru pubbliku ta' dokumenti fl-2014, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1367/2006;

57.  Jiddispjaċih mill-fatt li fil-kuntest ta' każ riċenti (Mopani/Glencore), il-BEI qed jirrifjuta li jippubblika r-riżultati tal-inkjesta interna tiegħu; jinnota b'attenzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fl-ilment 349/2014/OV(13) biex il-BEI jqis mill-ġdid ir-rifjut tiegħu li jagħti aċċess għar-rapport dwar l-investigazzjoni fl-allegata evażjoni tat-taxxa minn Glencore fir-rigward tal-finanzjament tal-minjiera tar-ram ta' Mopani fiż-Żambja; jitlob lill-BEI biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew;

58.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' diversità fil-kumitat ta' ġestjoni, il-bord tal-gvernaturi u l-bord tad-diretturi tal-BEI, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġeneru; jistieden lill-BEI biex jimplimenta l-ispirtu tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital, l-Artikolu 88(2) li jobbliga lill-banek jiddeċiedu "dwar mira għar-rappreżentazzjoni tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp ta' ġestjoni u jħejji politika dwar kif jiżdied l-għadd tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp ta' ġestjoni sabiex tintlaħaq dik il-mira. Il-mira, il-politika u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu ppubblikati";

59.  Ifakkar li kien sar qbil li l-Gvernatur tal-BERŻ għall-Unjoni għandu jiżgura rapportar annwali lill-Parlament dwar l-użu tal-kapital, dwar miżuri li jiżguraw it-trasparenza fir-rigward ta' kif il-BERŻ ikkontribwixxa għall-objettivi tal-Unjoni, dwar it-teħid ta' riskju, u dwar il-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-BERŻ barra mill-Unjoni; jiddispjaċih li l-Gvernatur u l-Kummissjoni ma kinux proattivi rigward l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ġuridika(14);

60.  Jilqa' l-fatt li l-BEI ffirma l-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI) u beda jiddivulga informazzjoni skont dan il-qafas dwar is-self tiegħu barra mill-Unjoni Ewropea;

Politiki esterni

61.  Ifakkar li l-politika esterna tal-BEI, u b'mod partikolari l-linji gwida operazzjonali tekniċi reġjonali, għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta' azzjoni esterna tal-UE kif definiti fl-Artikolu 21 tat-TUE; jitlob rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji;

62.  Jilqa' t-twaqqif tal-Qafas għall-Kejl tar-Riżultati (REM) għal attivitajiet barra mill-UE u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

63.  Jistieden lill-BEI jivvaluta l-possibbiltà li jiżdied il-finanzjament estern għall-viċinat tal-Lvant u n-Nofinshar tal-Mediterran tal-UE fi ħdan il-mandat attwali;

64.  Jilqa' l-fatt li l-Mandat ta' Self Estern il-ġdid għall-2014-2020 jirrikjedi li l-BEI jippubblika r-rapporti dwar it-tlestija tal-proġetti; jistenna li l-BEI jissodisfa dan ir-rekwiżit mill-2015;

65.  Itenni t-talba tiegħu lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) biex twettaq rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI, kif ukoll biex tqabbel il-valur miżjud tagħhom fir-rigward tar-riżorsi proprji użati mill-BEI; jitlob, barra minn hekk, lill-QEA tagħmel distinzjoni fl-analiżi tagħha bejn il-garanziji mogħtija mill-baġit tal-UE, il-faċilità ta' investiment garantita mill-FEŻ, id-diversi forom ta' taħlit użati fil-fond fiduċjarju infrastrutturali bejn l-UE u l-Afrika, il-fond tal-investiment tal-Karibew u l-faċilità ta' investiment għall-Paċifiku, u l-użu ta' rimborżi għal dawn l-investimenti; jitlob ukoll lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tinkludi fl-analiżi tagħha l-ġestjoni mill-BEI tal-fondi derivati mill-baġit tal-UE fil-kuntest tal-faċilità ta' investiment permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u permezz tad-diversi forom ta' taħlit permezz tal-faċilitajiet tat-taħlit tal-UE, u l-użu tar-rimborżi għal dawn l-investimenti;

Aktar rakkomandazzjonijiet

66.  Jistieden lill-BEI u lill-Parlament biex jistabbilixxu pjattaforma għad-djalogu bejn il-BEI u l-Kumitati rilevanti tal-Parlament; jitlob, abbażi ta' dan, biex il-BEI jersaq lejn il-Parlament biex jirrapporta u jiddiskuti dwar il-progress u l-attivitajiet tal-BEI fuq bażi trimestrali; jipproponi li jitwaqqaf djalogu strutturat regolari bejn il-President tal-BEI u l-Parlament, simili għad-djalogu monetarju trimestrali bejn il-BĊE u l-Parlament, biex jiżgura li tiżdied is-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-BEI u jiffaċilita l-kooperazzjoni msaħħa u l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet;

67.  Jinnota li jippersistu lmenti, speċjalment min-negozji żgħar, rigward in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzjament li ġej mill-kapaċitajiet esterni ta' self tal-BEI u għal finanzjament appoġġjat mill-FEI; jitlob, għaldaqstant, li jsir stħarriġ annwali dwar kemm SMEs, u b'mod partikolari mikrointrapriżi, ibbenefikaw minn dawn il-faċilitajiet u x'miżuri ħa l-BEI fir-rigward tal-politiki tal-intermedjarji użati mill-BEI biex itejbu l-aċċess effikaċi għall-finanzjament għall-SMEs;

68.  Jappella għal valutazzjoni bir-reqqa u rapport dwar ir-riskji u s-sistemi ta' kontroll assoċjati mal-finanzjament imħallat flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jitqies l-impatt tal-attivitajiet tat-taħlit mhux biss fir-rigward tas-sorveljanza, iżda wkoll fir-rigward tal-għażliet ta' governanza;

69.  Jilqa' l-fatt li l-BEI huwa kkaratterizzat minn assi b'saħħithom, b'rata ta' self li jiddeterjora qrib iż-0 % (0.2 %) tal-portafoll totali tas-self; iqis li huwa kruċjali li jkun żgurat li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA sabiex iżomm l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta' finanzjament, b'impatti pożittivi sussegwenti fuq il-ħajja tal-proġett u għall-partijiet ikkonċernati, kif ukoll għall-mudell ta' negozju tal-BEI;

70.  Jinnota li l-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-metodi għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti dwar l-attività tal-BEI fl-immaniġġjar tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, huwa lest biex jiġġedded fl-2015; jistieden lill-BEI jaġġorna l-mandat tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'dan ir-rigward, billi jinkludi kwalunkwe faċilità ġdida tal-BEI li tinvolvi fondi pubbliċi mill-UE jew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

71.  Jilqa' l-approvazzjoni min-naħa tal-Bord tal-BEI ta' politika kontra l-frodi aġġornata fl-2013, li tikkonferma l-approċċ tal-bank ta' tolleranza żero;

72.  Jitlob effikaċja akbar, inqas regolamentazzjoni u flessibbiltà akbar fl-allokazzjoni tal-fondi tal-BEI;

73.  Jistieden lill-BEI jinvolvi ruħu fi proċess ta' komunikazzjoni strutturat mal-parlamenti, il-gvernijiet u s-sħab soċjali sabiex jindika fuq bażi regolari dawk l-inizjattivi li joħolqu l-impjiegi u li jistgħu jgħinu biex tinkiseb żieda sostenibbli fil-kompetittività tal-Ewropa;

74.  Jilqa' l-appoġġ provdut lill-SMEs f'oqsma li fihom ir-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ huma 'l fuq minn 25 %;

75.  Jilqa' l-enfasi li tpoġġiet fuq il-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (kumpaniji b'bejn 250 u 3 000 impjegat), permezz tal-Inizjattiva Mid Cap u tal-Inizjattiva għat-Tkabbir Finanzjarju, li t-tnejn li huma jistimolaw is-self, b'mod partikolari għal Mid Caps innovattivi;

76.  Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida tal-BEI "Ħiliet u Impjiegi - Investiment fiż-Żgħażagħ", li tiffoka fuq faċilitajiet ta' finanzjament għat-taħriġ vokazzjonali u l-mobilità tal-istudenti/apprendisti sabiex tipprovdi liż-żgħażagħ b'opportunitajiet ta' impjieg dejjiemi, u jitlob li tingħata aktar attenzjoni lit-taħriġ vokazzjonali u ż-żieda fl-investimenti f'dan il-programm ta' self fis-snin li ġejjin; jemmen, madankollu, li dan il-programm m'għandux jiddevja l-finanzjament lil hinn minn sistema ta' għotjiet kurrenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-programm Erasmus+; jenfasizza li l-mobilità għandha titqies bħala opportunità u tibqa' volontarja, u ma ssirx strument li jikkontribwixxi għad-depopolazzjoni u l-marġinalizzazzjoni taż-żoni affettwati mill-qgħad; jitlob li tingħata attenzjoni lil dawk il-proġetti li jippermettu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, b'enfasi speċjali fuq proġetti relatati mal-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ, filwaqt li jiżdied is-sehem tas-suq tax-xogħol min-nisa, jitnaqqas il-qgħad fit-tul u jittejbu l-possibbiltajiet għall-gruppi żvantaġġati biex jiżguraw impjieg;

77.  Jilqa' l-esperjenza estensiva tal-BEI fil-finanzjament tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta' operazzjonijiet ta' self lill-istudenti mwettqa fl-Ewropa, speċjalment fid-dawl tal-Garanziji ta' Self għall-Istudenti Mobbli tal-Erasmus Master li se jibdew jitħaddmu mill-Grupp tal-BEI fl-2015; jenfasizza l-importanza ta' regoli ta' rifużjoni vantaġġjużi sabiex is-self ikun kompletament aċċessibbli mill-istudenti, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika li ġejjin minnha;

78.  Jistieden lill-BEI jagħti attenzjoni speċjali lill-kriterju tal-ewwel pilastru tal-kontribut għat-tkabbir u l-impjiegi, u b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ, meta jagħżel il-proġetti tiegħu skont il-metodu ta' valutazzjoni tat-tliet pilastri; jenfasizza l-importanza tal-impjiegi, it-taħriġ u l-apprendistati għaż-żgħażagħ bħala parti minn azzjoni lejn mudell sostenibbli li joħloq l-impjiegi;

79.  Ifakkar fl-impenn tal-Viċi President Katainen li jiżdied il-potenzjal tal-BEI fir-rigward mhux biss tal-infrastruttura iżda wkoll fir-rigward tal-impjiegi u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u jitlob lill-BEI jirrapporta l-progress li sar f'dan il-qasam fir-rapport annwali tiegħu li jmiss; jemmen li l-miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ li diġà nbdew għandhom ikunu implimentati aktar malajr u jkunu estiżi progressivament;

80.  Jemmen li l-BEI għandu jinvesti sostanzjalment f'miżuri li joħolqu impjiegi sostenibbli għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, minbarra dawk li diġà tnedew taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 51.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0057.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0201.
(4) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 27.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0161.
(6) ĠU L 177, 7.7.2012, p. 1.
(7) ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1.
(8) Ara: Observatori de l'Ebre (CSIC, URLL). Evaluación de Impacto Ambiental (SGEA/SHG; Ref.: GAD/13/05) -"Almacenamiento subterráneo de gas natural Amposta (Permiso Castor) Tarragona); IAM 2109-07 - Estudio elaborado por la Dirección General de Política Ambiental y Sostenibilidad del Departamento de Medio Ambienta y Vivienda de la Generalitat de Catalunya sobre el estudio de impacto ambiental del Proyecto de almacén subterráneo de gas natural Castor"; u Simone Cesca, Francesco Grigoli, Sebastian Heimann, Álvaro González, Elisa Buforn, Samira Maghsoudi, Estefania Blanch u T orsten Dahm (2014): "The 2013 September–October seismic sequence offshore Spain: a case of seismicity triggered by gas injection?", Geophysical Journal International, 198, 941–953.
(9) Premessa 8 tad-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar is-sottoskrizzjoni mill-Unjoni Ewropea f'ishma addizzjonali fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) bħala riżultat tad-deċiżjoni li jiżdied dan il-kapital (ĠU L 313, 26.11.2011, p. 1).
(10) Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta dwar l-ilment 178/2014/AN kontra l-Bank Ewropew tal-Investiment - http://www.ombudsman.europa.eu/cases/decision.faces/en/58171/html.bookmark
(11) http://newati.publishwhatyoufund.org/2013/index-2013/results/
(12) Premessa 13 tad-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE.
(13) http://www.ombudsman.europa.eu/cases/draftrecommendation.faces/en/58471/html.bookmark
(14) L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 1219/2011/UE.


Expo Milano  2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja
PDF 301kWORD 121k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar l-Expo Milano  2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja (2015/2574(RSP))
P8_TA(2015)0184B8-0360/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju Internazzjonali dwar l-Esibizzjonijiet sabiex tiġi organizzata esibizzjoni universali f'Milan mill-1 ta' Mejju sat-30 ta' Ottubru 2015 dwar it-tema "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-ħajja",

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2013 dwar il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fl-Expo Dinjija 2015 f'Milan (C(2013)2507),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Mejju 2013 bit-titolu "Il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Expo Dinjija 2015 f'Milan "Ikel għall-Pjaneta: Enerġija għall-ħajja" (COM(2013)0255),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku ta' Tmexxija tal-Unjoni Ewropea, appoġġata mill-Kummissjoni u mill-Parlament u mnedija fil-21 ta' Marzu 2014 biex tingħata konsulenza esperta dwar l-isfidi tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u tan-nutrizzjoni u tingħata gwida dwar il-programm ta' avvenimenti għall-Expo 2015,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) adottati min-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2000 u l-abbozz tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li għandu jiġi adottat fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li ġejja f'Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) "World agriculture towards 2030/2050: the 2012 revision",

–  wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tal-FAO tal-Biedja Familjari tal-2014,

–  wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali tal-FAO tal-Ħamrija tal-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar kif nevitaw il-ħela tal-ikel: strateġiji għal katina tal-ikel aktar effiċjenti fl-UE(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha, li jirrikonoxxi d-dritt għall-ikel bħala parti mid-dritt għal livell ta' għajxien adegwat,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-Expo Milano 2015: Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja (O-000016/2015 – B8-0109/2015),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  billi t-tema tal-Expo Milano 2015 hija "Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja" u l-avveniment jistgħu jagħtu spinta qawwija lid-dibattiti dwar it-titjib fil-produzzjoni u fid-distribuzzjoni tal-ikel, inkwatu jittrattaw il-ħela tal-ikel, jippromwovu u jiżviluppaw l-approċċi eżistenti diġà pożittivi biex tiġi affrontata l-isfida tal-insigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni insuffiċjenti u d-dieti fqar u jsibu bilanċ bejn l-offerta u l-konsum;

B.  billi t-tema tal-Expo Milano 2015 toffri opportunità biex jiġu kkunsidrati u diskussi d-diversi approċċi lejn ir-riżoluzzjoni tal-paradossi ta' dinja globalizzata fejn, skont id-data tal-FAO, minn naħa, 898 miljun ruħ ma għandhomx nutrizzjoni suffiċjenti u huma bil-ġuħ mentri, min-naħa l-oħra, 1,4 biljun ruħ għandhom piż żejjed, li minnhom 500 miljun ibatu minn obeżità, sitwazzjoni li qiegħda tikkawża ħsarat soċjali u ekonomiċi u li, f'ċerti każijiet, għandha impatt drammatiku fuq saħħet il-bniedem;

C.  billi l-perjodu tal-Expo Milano  2015 jaħbat mas-sena mira kemm għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) kif ukoll tas-Sena Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Ħamrija, u għandha tkun ta' ispirazzjoni għad-dibattitu dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, li l-abbozz finali tagħhom għaddej mill-fażi tan-negozjati, u billi l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni jinsabu fil-qalba ta' dan l-eżerċizzju;

D.  billi fost it-temi tal-Milano Expo 2015, li prinċipalment jirrigwardaw l-ikel, hemm ukoll is-sajd li, bħall-agrikoltura, huwa marbut mal-kwistjonijiet alimentari, mal-awtonomija alimentari u mas-sostenibbiltà;

E.  billi l-Expo 2015 qiegħda tfassal il-"Karta ta' Milan", dokument li se jitressaq lis-Segretarju Ġenerali tan-NU bħala wirt l-Expo 2015 u kontribut għad-dibattitu internazzjonali dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju;

F.  billi t-temi tal-Expo 2015 jirrigwardaw primarjament is-settur agrikolu, settur li jibqa' fattur importanti għall-ekonomija tal-Unjoni, minkejja li l-esportazzjonijiet agrikoli jirrappreżentaw żewġ terzi tal-kummerċ estern totali tagħha, li l-Unjoni għadha l-akbar esportatur agrikolu fid-dinja u li s-settur alimentari tal-UE jiġġenera fatturat annwali ta' kważi EUR 1 triljun u jimpjega aktar minn 4 miljun persuna;

G.  billi s-sajd, bħall-agrikoltura, huwa element fundamentali tal-ekonomija, l-ewwel nett f'termini ta' importazzjonijiet, peress li l-UE hija l-importatur prinċipali ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dinja u li l-valur tal-esportazzjonijiet jammonta għal EUR 4,1 biljun fis-sena, u t-tieni nett, għaliex 116 094 ruħ jaħdmu fil-qasam tas-sajd, 85 000 fl-akkwakultura u 115 651 fis-settur tal-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd;

H.  billi t-tema "Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja" hija tema globali, li tħaddan l-attivitajiet ekonomiċi u produttivi kollha u tikkontribwixxi biex tiggarantixxi nutrizzjoni u sostenibbiltà;

I.  billi s-settur tas-sajd jeħtieġ ikun involut fid-dibattitu dwar kif il-pjaneta tintema' sal-punt li dan iforni prodotti tal-ħut, u jsib bilanċ bejn l-offerta u l-konsum ta' riżorsi;

J.  billi l-Kumitat Xjentifiku tat-Tmexxija tal-UE għall-Expo 2015 jipprevedi l-ħtieġa li jfittex li jikseb għarfien ġdid f'ċerti oqsma speċifiċi u jippromwovi fehim pubbliku aħjar tal-ikel u tal-produzzjoni alimentari fi ħdan is-settur agrikolu, tal-ekonomija blu u tas-sajd permezz tal-edukazzjoni u l-komunikazzjoni, sabiex in-nies jirrikonoxxu l-impatt globali ta' għażliet tal-ikel individwali tagħhom;

K.  billi l-esperjenza tas-soċjetà ċivili u l-kontribut tagħha lid-dibattitu dwar il-kwistjonijiet tal-Expo 2015 huma kruċjali u l-esperjenza u l-inizjattivi tagħha jmisshom ikunu inkoraġġiti biex jiżviluppaw dibattitu internazzjonali sostanzjali u linji gwida mmirati lejn it-taffija tal-kriżijiet globali relatati mal-ikel u man-nutrizzjoni;

L.  billi l-artijiet fertili mhumiex biss rekwiżit fundamentali għall-produzzjoni ta' ikel, fjuwil, fibri u mediċini, iżda huma wkoll essenzjali għall-ekosistemi tagħna, peress li jiżvolġu rwol fundamentali fiċ-ċiklu tal-karbonju, filwaqt li jaħżnu u jiffiltraw l-ilma u jgħinu kontra l-għargħar u n-nixfa;

M.  billi l-oċeani tagħna, l-ibħra tagħna u l-ilmijiet interni tagħna huma prezzjużi biex tkun garantita nutrizzjoni tajba għas-saħħa, u li l-ħarsien tagħhom huwa essenzjali għas-sopravivenza tagħna; billi s-sajd u l-akkwakultura jiggarantixxu s-susteniment ta' 10-12 % tal-popolazzjoni dinjija;

N.  billi l-pjattaforma Open Expo, sabiex tiżgura t-trasparenza totali tal-Expo 2015, tippubblika b'mod miftuħ l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni, l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-avveniment b'hekk sservi ta' eżempju tajjeb ta' trasparenza;

O.  billi skont l-istimi tal-FAO, it-tkabbir demografiku dinji minn 7 biljun għal 9,1 biljun ruħ se jeħtieġ, sas-sena 2050, żieda ta' 70 % fil-provvista tal-ikel, filwaqt li l-istess projezzjonijiet jagħtu x'tifhem li ż-żieda fil-produzzjoni biss ma tkunx suffiċjenti biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel għal kulħadd;

P.  billi skont il-FAO, in-numru ta' persuni li qegħdin ibatu l-ġuħ fl-2010 jammonta għal 925 miljun ruħ; u aktar minn terz tal-imwiet ta' tfal taħt l-età ta' ħames snin huwa attribwibbli għal nutrizzjoni insuffiċjenti;

Q.  billi l-FAO tistima żieda ta' 4,3 % biss f'raba' użat fl-2050;

R.  billi t-tkabbir fl-introjtu per capita fil-pajjiżi emerġenti iwassal għal bidla fid-dieta lejn prodotti b'livell ogħla ta' proteini, inklużi l-proteini tal-annimali u l-prodotti pproċessati, b'hekk jiġi promoss proċess ta' konverġenza tad-dieta fid-dinja kollha li esperjenzaw il-popolazzjonijiet aktar għonja;

S.  billi l-produzzjoni ta' proteini hija waħda mill-isfidi prinċipali għas-sigurtà tal-ikel, u billi s-sajd jiżvolġi għaldaqstant rwol fundamentali f'dan ir-rigward, bħal anki l-ekonomija blu fl-assjem tagħha, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka dwar l-algi;

T.  billi l-ħut huwa għajn essenzjali ta' proteini u mikronutrijenti alimentari għall-komunitajiet li waqgħu fil-faqar li x'aktarx ma għandhomx aċċess pront għal għejun ta' nutrizzjoni oħrajn; billi f'bosti nħawi tad-dinja s-susteniment u l-benefiċċji nutrizzjonali li ġejjin mir-riżorsi tal-baħar jinkisbu f'livell lokali, fi ħdan il-komunitajiet li jistadu fl-ilmijiet mal-kosta u interni qrib darhom;

U.  billi d-dieti li jinkludu proporzjon kbir ta' prodotti ta' oriġini mill-annimali jeħtieġu l-konsum ta' konsiderevolment aktar riżorsi minn dieti li huma kkaratterizzati minn proporzjon kbir ta' prodotti veġetali;

V.  billi l-agrikoltura tagħti impjieg u għajxien lil aktar minn 70 % tal-forza tax-xogħol, il-biċċa l-kbira minnhom nisa, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi l-Bank Dinji jistima li t-tkabbir fis-settur agrikolu huwa darbtejn aktar effikaċi biex inaqqas il-faqar milli hu t-tkabbir f'setturi oħrajn;

W.  billi, skont il-FAO, fl-2012 madwar 58,3 miljun ruħ kienu okkupati fis-settur primarju tas-sajd tal-qbid u tal-akkwakultura; billi n-nisa kienu jirrappreżentaw aktar minn 15 % tal-persuni okkupati direttament fis-settur primarju tal-attivitajiet tas-sajd fl-2012; billi kumplessivament is-sajd u l-akkwakultura jiggarantixxu s-susteniment ta' 12 % tal-popolazzjoni dinjija;

X.  billi fl-UE jeżistu żoni ta' insigurtà tal-ikel u 79 miljun ruħ fl-UE għadhom jgħixu taħt is-soll tal-faqar, filwaqt li 124,2 miljun ruħ, jew 24,8 % jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, meta mqabbel mal-24,3 % fl-2011;

Y.  billi huwa biss in-nofs tal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw (62 minn 118) li jinsab fit-triq it-tajba biex jilħqu l-objettiv MDG;

Z.  billi d-dritt universali għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba huwa essenzjali biex jintlaħqu l-MDGs; billi n-nutrizzjoni hija marbuta ma' ħafna mill-MDGs, jekk mhux ma' kollha, li huma stess minsuġin bejniethom mill-qrib;

AA.  billi bosta strumenti ġuridiċi internazzjonali jorbtu d-dritt għall-ikel ma' drittijiet tal-bniedem oħrajn, inklużi d-dritt għall-ħajja, għall-għajxien, għas-saħħa, għall-proprjetà, għall-edukazzjoni u għall-ilma;

AB.  billi sehem l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) allokat għall-agrikoltura fil-livell internazzjonali waqa' drastikament matul dawn l-aħħar tliet deċennji;

AC.  billi l-kunċett il-ġdid ta' sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni (FNS) ma jfissirx biss id-disponibilità ta' provvisti tal-ikel, iżda wkoll jinkludi d-dritt għall-ikel, għall-informazzjoni akkurata dwar dak li nieklu, għall-aċċess sostenibbli għan-nutrizzjoni tajba għas-saħħa, li jinkludi fatturi oħrajn bħas-sanità, l-iġjene, it-tilqim u t-terapija antielmintika (eliminazzjoni ta' parassiti);

AD.  billi l-ġuħ u n-nutrizzjoni ħażina huma l-kawżi prinċipali tal-mortalità umana, kif ukoll l-ikbar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà tad-dinja;

AE.  billi l-prezzijiet volatili tal-ikel għandhom konsegwenzi negattivi fuq is-sigurtà tal-ikel u l-katina tal-provvista tal-ikel;

AF.  billi t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku dinji u ż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil aggravaw s-sitwazzjoni tal-ikel f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-inqas żviluppati, u b'hekk ikkawżaw waqfa parzjali tal-progress li sar għat-tnaqqis tal-faqar fl-aħħar deċennju;

AG.  billi s-swieq agrikoli u tal-prodotti tal-ħut fraġli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jagħmlu l-provvisti tal-ikel eċċessivament vulnerabbli għad-diżastri naturali, il-kunflitti u l-kriżijiet tas-saħħa pubblika;

AH.  billi s-sistema tal-ikel tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima u hija affettwata minnu b'implikazzjonijiet fuq id-disponibilità tar-riżorsi naturali u l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni agrikola, tas-sajd u industrijali;

AI.  billi d-diżastri naturali kkawżati mit-tibdil fil-klima għandhom impatt sever fuq l-Istati Membri tal-UE u lil hinn mill-UE, peress li jheddu s-sigurtà tal-ikel u s-sovranità fil-qasam tal-ikel speċjalment f'sitwazzjonijiet li diġà jkunu vulnerabbli;

AJ.  billi l-Kummissjoni tistima li 30 % tal-ikel fid-dinja kolha jintilef jew jinħela u li l-ħela tal-ikel annwali sal-2020 fl-Unjoni Ewropea, attwalment madwar 89 miljun tunnellata (jew 179 kg per capita), se tiżdied għal bejn wieħed u ieħor 126 miljun tunnellata, żieda ta' 40 %, sakemm ma jittiħdux azzjonijiet jew miżuri preventivi;

AK.  billi ġestjoni aħjar tal-katina tal-ikel tkun tfisser użu aktar effiċjenti tal-artijiet, ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma u effetti pożittivi fuq is-settur agrikolu, u tas-sajd sħiħ mad-dinja kollha, kif ukoll it-tkomplija tal-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti u d-dieti inadegwati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

AL.  billi l-iskartar ta' ħut fil-baħar jikkostitwixxi ħela insensata ta' riżorsi bijoloġiċi prezzjużi u jiżvolġi rwol importanti fl-eżawriment tal-popolazzjonijiet tal-baħar; billi l-iskartar jista' jkollu għadd ta' effetti ekoloġiċi avversi fuq l-ekosistemi tal-baħar kaġun tal-bidliet fl-istruttura kumplessiva tax-xibka trofika u tal-ħabitats, li min-naħa tagħhom jafu jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-attivitajiet ta' sajd attwali;

AM.  billi l-ġuħ, id-dieti inadegwati u n-nutrizzjoni insuffiċjenti jikkoeżistu ma' livelli paradossali ta' obeżità u ta' mard li jirriżulta minn dieta żbilanċjata, li għandhom riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali, u b'impatt kultant drammatiku fuq is-saħħa tal-bniedem;

AN.  billi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investimenti jista' jkollhom effett detrimentali fuq is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni ħażina jekk il-kiri u l-bejgħ tar-raba' lill-investituri privati twassal sabiex il-popolazzjonijiet lokali jiċċaħħdu mill-aċċess għar-riżorsi produttivi indispensabbli għall-għajxien tagħhom jew li jiġu esportati jew jinbiegħu porzjonijiet kbar tal-ikel fis-swieq internazzjonali, u b'hekk il-pajjiż ospitanti jsir jiddependi aktar mill-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fis-swieq internazzjonali u jsir aktar vulnerabbli għalihom;

AO.  billi l-ġuħ ma jistax jintemm b'mod sostenibbli permezz tas-sempliċi provvista ta' ikel għal kulħadd; billi dan jista' jintlaħaq biss jekk il-bdiewa li jaħdmu fuq skala żgħira u s-sajjieda artiġġjanali jitħallew iżommu ilmijiethom u artijiethom u li jaħdmuhom, u jżommu sistemi ta' kummerċ ġust kif ukoll jaqsmu l-għarfien, l-innovazzjoni u l-prattiki sostenibbli;

AP.  billi huwa opportun li jiġi rikonoxxut ir-rwol fundamentali tal-bdiewa u tas-sajjieda u b'mod partikolari dawk tal-biedja u tas-sajd familjari sabiex tiġi żgurata s-sigurtà globali tal-ikel;

AQ.  billi huwa partikolarment importanti li jiġi rikonoxxut ir-rwol essenzjali tas-sajjieda u tal-pixxikulturi fil-gżejjer tagħna u fit-territorji mal-kosta tal-Ewropa;

AR.  billi huwa opportun li jiġi rikonoxxut l-aspett multifunzjonali tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd li, minbarra li jipproduċu ikel, jiżvolġu rwol importanti fil-produzzjoni tal-prodotti ta' utilità pubblika, bħall-kwalità tal-pajsaġġi, il-bijodiversità, l-istabilità tal-klima, il-kwalità tal-oċeani u l-kapaċità li jittaffu d-diżastri naturali bħal għargħar, nixfa u nirien;

1.  Jenfasizza li dawn li ġejjin huma vitali biex tintlaqa' l-isfida tas-sigurtà tal-ikel: settur agrikolu u tas-sajd b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha, ekonomija rurali li tirnexxi u diversifikata, ambjent nadif u azjendi agrikoli familjari, appoġġati minn politika agrikola komuni soda, aktar ġusta, sostenibbli f'termini internazzjonali u ffinanzjata b'mod adegwat;

2.  Jissottolinja l-importanza li tiġi implimentata politika komuni tas-sajd (PKS) sostenibbli u adegwatament finanzjata, kif ukoll tkun garantita l-koerenza bejn il-politiki kummerċjali u tas-sajd tal-UE;

3.  Iqis li s-sostenibilità ambjentali tista' tkun possibbli u l-isforzi ta' adattament u ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jistgħu jirnexxu biss f'kundizzjonijiet ta' sostenibbiltà ekonomika għall-azjendi agrikoli u li jiffavorixxu l-bdiewa fl-aċċess għall-artijiet, għall-kreditu u għat-taħriġ;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżerċitaw effett ta' lieva fuq it-tema tal-Expo Milano  2015 "Ikel għall-Pjaneta, Enerġija għall-Ħajja" biex jistabbilixxu impenji ħalli jissodisfaw id-dritt għall-konsum adegwat, tajjeb għas-saħħa, sostenibbli u infurmat ta' ikel;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-"padiljun UE" fl-Expo 2015 jissensibilizza dwar il-bżonn li l-problemi jiġu affrontati fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha, inklużi s-sostenibilità fit-tul tal-produzzjoni alimentari, id-distribuzzjoni u l-konsum, tiġi affrontata l-ħela tal-ikel u miġġielda l-problema tan-nutrizzjoni ħażina, tad-dieti inadegwati u tal-obeżità;

6.  Jenfasizza li d-dritt għall-ikel huwa dritt tal-bniedem bażiku u jinkiseb biss meta kulħadd, ikollu aċċess għal ikel xieraq, sikur u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;

7.  Jissottolinja l-fatt li l-aċċess għall-ikel jirrappreżenta rekwiżit preliminari għat-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza u għall-ilħuq tal-MDGs;

8.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti u l-forniment ta' aċċess universali għal ikel nutrittiv u adegwat għandha tibqa' waħda mill-iktar objettivi importanti tal-aġenda għal wara l-2015 taħt l-objettiv li jintemm il-ġuħ, b'appell speċifiku biex jintemmu l-forom kollha ta' nutrizzjoni ħażina sal-2030;

9.  Jemmen li ż-żieda fil-volatilità tas-swieq tal-ikel toħloq problemi għas-sostenibilità u tirrikjedilna nintensifikaw il-miżuri ħalli nagħtu spinta lis-sigurtà tal-provvista tal-ikel u lis-sostenibilità tal-produzzjoni alimentari billi tiġi affrontata l-iskarsezza tar-riżorsi naturali u jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u fis-sajd;

10.  Jemmen li oqfsa istituzzjonali, regolatorji u ta' monitoraġġ xierqa jistgħu jippromwovu ambjent għall-iżvilupp ta' sistemi tas-suq agrikolu u tas-sajd sodi, sostenibbli, ekwi, diversifikati u bi prezzijiet aċċessibbli;

11.  Jinsisti biex il-Kummissjoni tiggarantixxi l-koerenza bejn id-deċiżjonijiet politiċi tad-Direttorati Ġenerali tagħha għall-kummerċ, l-agrikoltura u s-sajd, bil-għan li tiġi żgurata r-reċiproċità fl-istandards fil-qasam tal-iġjene u tas-sostenibbiltà;

12.  Huwa tal-fehma li l-biedja fuq skala żgħira u l-biedja organika, ta' Valur Natural Għoli (HNV) jew ibbażata fuq is-siġar għandhom jiġu promossi bħala mudelli partikolarment effikaċi għall-provvista tas-sostenibilità fil-produzzjoni alimentari globali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi prattiki agronomiċi aktar efficjenti, bħall-approċċi agroekoloġiċi u ta' diversifikazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi agrikoli sostenibbli mtejba, sabiex: jonqsu l-ispejjeż tal-input tal-produzzjoni agrikola u tal-ħela ta' nutrijenti, jiżdiedu l-għarfien u t-trasferiment tal-innovazzjoni, titrawwem effiċjenza fir-riżorsi u tiżdied id-diversità tal-għelejjel u s-sostenibilità fis-sistemi tal-biedja;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni ssostni r-riċerka dwar il-kwalità tal-ilmijiet mal-kosta, il-ġestjoni tal-artijiet u l-intensifikazzjoni sostenibbli billi tippromwovi użu aktar effiċjenti ta' nutrijenti, ilma u enerġija; iżżid l-enfasi fuq il-konservazzjoni tal-ilma u tar-riżorsi tal-ħamrija; tkompli tadatta l-miżuri bijoloġiċi għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara (il-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara, jew IPM); u tippromwovi r-riċerka bil-għan li jitjieb il-ħsad u jonqos l-impatt ambjentali;

15.  Huwa preokkupat dwar il-fatt li nibet il-fenomenu tal-akkapparrar tal-art u dwar l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-futur tal-agrikoltura u tal-bdiewa;

16.  Jinsab imħasseb bil-fatt li qegħdin jinbtu attivitajiet ta' sajd illegali fid-dinja kollha, b'konsegwenzi ta' ħsara kbira għall-ambjent, għall-bijodiversità u għall-ekonomija;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tissensibilizza u tħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw ir-"riżorsa" tal-art f'termini ta' sostenibilità, għaliex hija neċessarja għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni korretta, għall-adattament u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli inġenerali;

18.  Jissottolinja l-importanza li jiġi ttrattat id-degrad tal-artijiet, li jkompli jaggrava l-faqar u l-insigurtà tal-ikel;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni fid-dinja kollha tal-Linji Gwida Volontarji tan-NU-FAO dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti kemm min-naħa tal-investituri kif ukoll min-naħa tal-pajjiżi fil-mira;

20.  Jistieden lill-Gvern Taljan jipproponi u jiżviluppa proġetti għal użu mill-ġdid u sostenibbli tas-siti tal-Expo 2015;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffavorixxi t-twettiq fuq livell globali tal-għanijiet tal-FAO maħsubin biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' politiki agrikoli, ambjentali u soċjali favur biedja familjari sostenibbli;

22.  Jenfasizza li l-iżbilanċi attwali fil-katina tal-provvista tal-ikel jheddu s-sostenibilità tal-produzzjoni alimentari, u jappella għal iżjed trasparenza u korrettezza fil-katina u fl-eliminazzjoni ta' prattiki kummerċjli inġusti u tgħawwiġ ieħor tas-suq ħalli jiġi żgurat redditu ġust lill-bdiewa, profitti ġusti u ffissar korrett ta' prezzijiet tul il-katina tal-provvista tal-ikel u settur agrikolu vijabbli li se jiżgura sigurtà tal-ikel; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tieħu kull provvediment neċessarju biex tiżgura li dawn l-għanijiet jintlaħqu mill-aktar fis possibbli;

23.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromwovu politiki li jikkuntrastaw il-prattiki inġusti li l-eżistenza tagħhom ġiet rikonoxxuta fil-qasam tal-Forum ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Titjib fil-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel;

24.  Jenfasizza li sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel huwa neċessarju li jiġi miġġieled bil-qawwa t-telfien ta' artijiet u l-abbandun taż-żoni agrikoli marġinali;

25.  Jissottolinja li biex tkun garantita s-sigurtà tal-ikel, huwa neċessarju li jiġu miġġielda bis-saħħa l-attivitajiet ta' sajd illegali;

26.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-iżvilupp rurali għat-tkabbir ekonomiku u soċjali tat-territorji u jħeġġeġ l-appoġġ tal-bdiewa żgħażagħ;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur ftehim internazzjonali ambizzjuż li jiġbor fih il-kunċett ta' "ikel għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima", invista tad-diskussjonijiet internazzjonali tal-21 Sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f'Pariġi fl-2015;

28.  Jistieden lill-Kunsill jirrikonoxxi r-rwol tas-settur agrikolu kollu kemm hu kemm fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll fl-adattament għalih;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-ħela tal-ikel b'għanijiet ambizzjużi, definiti b'mod ċar u vinkolanti biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra l-ħela tal-ikel f'kull livell tal-katina tal-provvista tal-ikel, mill-għalqa sal-mejda tal-konsumatur;

30.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jedukaw liċ-ċittadini, jippromwovi u jxerrdu l-aħjar prattiki, iwettqu analiżijiet u jibdew kampanji soċjali u edukattivi fl-iskejjel dwar il-ħela tal-ikel u l-importanza ta' dieta tajba għas-saħħa, ibbilanċjata u jagħtu prijorità lill-produzzjoni agrikola lokali kif ukoll billi jinnominaw lill-2016 bħala s-Sena Ewropea kontra l-Ħela tal-Ikel;

31.  Iqis li huwa importanti li jinbeda djalogu mal-partijiet interessati sabiex ikun żgurat li l-ikel li ma jinbiegħx, li jkun sikur u jista' jittiekel isir disponibbli sistematikament għall-organizzazzjonijiet tal-karità;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jippromwovi, ibda mill-ewwel snin tal-iskola, l-ikel tajjeb għas-saħħa, nutrizzjoni konxja u standards kwalittattivi u ta' sostenibilità fin-nutrizjoni f'termini ta' riċerka u edukazzjoni – billi jinkoraġġixxu stili ta' ħajja responsabbli u tajbin għas-saħħa – u jkomplu jiżviluppaw politika mmirata biex teqred in-nutrizzjoni ħażina u d-dieti inadegwati u tipprevjeni l-obeżità;

33.  Jisħaq fuq l-importanza li tiġi inkoraġġita l-edukazzjoni dwar nutrizzjoni tajba għas-saħħa u bbilanċjata kif ukoll li ssir sensibilizzazzjoni dwar il-prodotti lokali kif ukoll id-dieti tradizzjonali u li dawn ikunu promossi;

34.  Jissuġġerixxi enerġikament li s-sistema alimentari kollha kemm hi, li tagħha tifforma parti l-agrikoltura, flimkien mal-kummerċ, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-klima u l-politiki enerġetiċi, taħdem fl-ambitu ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, li għandu jiġi sostnut mill-Unjoni;

35.  Jitlob, għaldaqstant, l-inklużjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u l-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa fil-politiki kollha mmirati lejn il-ġlieda kontra l-insigurtà tal-ikel;

36.  Itenni l-importanza tal-promozzjoni tal-agrikoltura u tas-sajd fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-importanza li jiġi allokat sehem xieraq tal-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp barrani (ODA) għall-iżvilupp tas-settur agrikolu; iqis deplorevoli l-fatt li kien hemm tnaqqis drastiku fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin 'l hawn u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel;

37.  Iqis li huwa importanti li jitjiebu l-kundizzjonijiet tan-nisa fl-agrikoltura, speċjalment fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), peress li l-emanċipazzjoni tan-nisa rurali u l-investiment fihom urew li kien hemm żieda sinifikanti fil-produttività, u tnaqqis fil-ġuħ u fin-nutrizzjoni ħażina;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-programmi ta' kooperazzjoni msejsa fuq il-mikrokreditu mmirati għall-appoġġ tal-azjendi agrikoli żgħar sostenibbli mil-lat ambjentali u maħsubin biex jipprovdu l-ikel lill-popolazzjonijiet lokali;

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-kummissarji tal-Istati Membri parteċipanti responsabbli mill-Expo 2015 ta' Milan.

(1) ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 8.
(2) ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 25.


Is-sitwazzjoni fin-Niġerja
PDF 289kWORD 104k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2015/2520(RSP))
P8_TA(2015)0185RC-B8-0370/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u b'mod partikolari l-aktar dibattitu reċenti tiegħu dwar din il-kwistjoni fis-sessjoni plenarja tal-14 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, id-19 ta' Jannar, il-31 ta' Marzu u l-14 u l-15 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-9 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2014 tat-28 ta' Mejju 2014(1) li żied lill-Boko Haram mal-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi,

–  wara li kkunsidra l-ħames djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar f'Abuja fis-27 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE u tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konferenza reġjonali dwar is-sigurtà li saret fl-20 ta' Jannar 2015 fi Niamey,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar il-vjolenza kontinwa u d-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Grigal tan-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b'delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, adottata fid-29 ta' Mejju 1999, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-protokoll fakultattiv tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (Il-Ftehim ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattament dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi filwaqt li jqis il-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp fil-politiki esterni kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-Niġerja hija l-aktar pajjiż popolat u l-aktar wieħed b'varjetà etnika fl-Afrika, u hija kkaratterizzata minn qasma reġjonali u reliġjuża u diviżjoni tat-Tramunata u n-Nofsinhar b'differenzi ekonomiċi u soċjali serji;

B.  billi n-Niġerja hija l-akbar ekonomija fil-kontinent Afrikan u msieħba kummerċjali ewlenija tal-UE, iżda minkejja r-riżorsi kbar tagħha, in-Niġerja hija fost l-aktar pajjiżi kkaratterizzati mill-inugwaljanzi fid-dinja, b'aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tagħha tgħix b'anqas minn USD 1,25 kuljum u b'10 % tal-popolazzjoni tal-pajjiż tikkontrolla 'l fuq minn 90 % tal-ġid u r-riżorsi tagħha;

C.  billi l-attakki li twettqu mill-Boko Haram bejn it-3 u t-8 ta' Jannar 2015 kellhom fil-mira lil Baga u lil 16-il belt u raħal tal-madwar fejn, skont immaġni mis-satellita, inqerdu kważi 3 700 struttura u nqatlu eluf ta' persuni;

D.  billi l-Boko Haram ħataf u żamm għadd ta' bliet fil-Grigal tan-Niġerja u għadu jkompli jirrekluta bil-forza persuni ċivili fl-iskjeramenti tiegħu, inklużi ħafna tfal; billi l-vjolenza kkawżata mill-Boko Haram irriżultat fil-mewt ta' aktar minn 22 000 ruħ mill-2009 'l hawn, u kienet immirata b'mod indiskriminat lejn l-Insara, il-Musulmani u kull min ma jaderixxix mat-twemmin dogmatiku u estrem tiegħu; billi, f'Marzu 2015, il-Boko Haram wiegħed l-alleanza tiegħu mall-grupp tal-Istat Iżlamiku; billi, fis-27 ta' Marzu 2015, mijiet ta' iġsma nstabu fil-belt ta' Damasak, fil-Grigal tan-Niġerja, li apparentement kienu vittmi tar-ribelljoni tal-Boko Haram;

E.  billi f'April 2014 aktar minn 270 tifla nħatfu minn skola tal-gvern f'Chibok (fl-Istat ta' Borno); billi l-biċċa l-kbira ta' dawn għadhom nieqsa u jinsabu f'riskju serju ta' vjolenza sesswali, tjassir u żwieġ furzat; billi minn dak iż-żmien 'l hawn, mijiet ta' persuni oħra sfaw maħtufa mill-Boko Haram; billi, fit-28 ta' April 2015, kważi 300 tifla u mara ġew salvati mill-Foresta Sambisa;

F.  billi, skont l-istimi tan-NU, il-vjolenza fl-Istati ta' Borno, Yobe u Adamawa kkawżat iċ-ċaqliq sfurzat ta' 1.5 miljun persuna, inklużi 800 000 tifel u tifla, filwaqt li aktar minn tliet miljun persuna ntlaqtu mir-ribelljoni;

G.  billi aktar minn 300 000 Niġerjan ħarbu lejn il-Majjistral tal-Kamerun u l-Lbiċ tan-Niġer biex jaħarbu mill-vjolenza, u billi mijiet ta' Niġerjani qed jissugraw ħajjithom fuq ir-rotot migratorji lejn l-UE bit-tama li jsibu kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ta' għajxien u ta' sigurtà aħjar;

H.  billi l-għan tal-Boko Haram hu t-twaqqif ta' Stat Iżlamiku totali fit-Tramuntana tan-Niġerja, fosthom bl-implimentazzjoni ta' qrati kriminali tax-Xarija, u l-projbizzjoni tal-edukazzjoni tal-Punent;

I.  billi minħabba nuqqas dejjem akbar ta' sigurtà, il-bdiewa m'għadhomx jistgħu jikkultivaw arthom jew jaħsdu l-prodotti tagħhom għax jibżgħu li jiġu attakkati mill-Boko Haram, u b'hekk qed tkompli tiżdied l-insigurtà tal-ikel;

J.  billi l-għadd ta' attakki, inkluż l-użu tat-tfal bħala qattiela suwiċidi bil-bombi, qed jiżdied, u billi l-attakki qed jitwettqu f'territorji kbar, kif ukoll fil-pajjiżi ġirien taċ-Chad u l-Kamerun;

K.  billi r-rispons inizjali tal-awtoritajiet Niġerjani kien estremament insuffiċjenti u qajjem sentiment ta' sfiduċja fost il-popolazzjoni lejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż; billi taħt il-gvern preċedenti, l-awtoritajiet Niġerjani wettqu inkarċerazzjonijiet u detenzjonijiet tal-massa, kif ukoll qtil extraġudizzjarju u għadd kbir ta' każijiet ta' ksur tad-dritt internazzjonali;

L.  billi t-tifrix tar-ribelljoni tal-Boko Haram fil-pajjiżi ġirien jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni u rispons reġjonali akbar;

M.  billi n-Niġerja għandha rwol ewlieni fil-politika reġjonali u Afrikana, u hija forza mexxejja tal-integrazzjoni reġjonali permezz tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS);

N.  billi d-dħul miż-żejt qiegħed dejjem jonqos u u qed titfaċċa kriżi ekonomika, u billi skont xi stimi, ta' kull sena qed jinsteraq valur ta' bejn USD 3 biljun u USD 8 biljun f'żejt Niġerjan; billi għexieren ta' snin ta' ġestjoni ekonomika ħażina, instabbiltà u korruzzjoni xekklu l-investiment fis-sistemi edukattivi u tas-servizzi soċjali Niġerjani;

O.  billi l-edukazzjoni, il-litteriżmu, id-drittijiet tan-nisa, il-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tal-introjtu statali fis-soċjetà permezz tas-sistemi fiskali, it-tnaqqis fl-inugwaljanza, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa huma essenzjali għall-ġlieda kontra l-fundamentaliżmu, il-vjolenza u l-intolleranza;

P.  billi t-terroriżmu jikkostitwixxi theddida globali, iżda billi l-isforzi tal-komunità globali biex taħdem aktar kontra l-Boko Haram fin-Niġerja kienu jiddependu sa ċertu punt mill-kredibbiltà, ir-responsabilità, u t-trasparenza sħiħa tal-elezzjoni;

Q.  billi n-Niġerja għadha demokrazija żagħżugħa u fraġli, li ħabtet wiċċha ma' vjolenza estrema wara r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2011 u l-akkużi ta' tbagħbis tal-voti;

R.  billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (INEC) ipposponiet l-elezzjonijiet mill-14 u t-28 ta' Frar 2015 għat-28 ta' Marzu u l-11 ta' April sabiex tippermetti lill-Gvern iniedi azzjoni militari kontra l-Boko Haram, u billi f'Marzu 2015 ingħata bidu għal rispons reġjonali;

S.  billi l-armata taċ-Ċad, flimkien man-Niġer u l-Kamerun, hija l-forza prinċipali li qed tiġġieled kontra l-Boko Haram, u billi li l-involviment sħiħ tagħha kontra t-terroristi tal-Boko Haram f'Gamboru Ngala, Malam Fatori, u Kangalam fin-Niġerja huwa rikonoxxut; billi l-prezz għoli li ħallset din l-armata fil-gwerra kontra t-terroriżmu huwa rikonoxxut; billi l-Parlament Ewropew jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-midruba u l-familji tal-vittmi;

T.  billi l-kampanja elettorali saret f'ambjent ta' tensjoni kbira, u ġew irrappurtati inċidenti ta' vjolenza relatata mal-elezzjonijiet fil-partijiet kollha tal-pajjiż, speċjalment fin-Nofsinhar u fil-Lbiċ, kif ukoll attakki mill-Boko Haram biex jaqtgħu qalb il-votanti, ksur tar-regolamenti tal-kampanja u inċitament fil-konfront tal-votanti;

U.  billi l-osservaturi lokali u internazzjonali, inklużi l-osservaturi tal-UE, innotaw nuqqasijiet sistematiċi, b'mod partikolari fil-fażi tal-ġbir, kif ukoll l-użu ħażin tal-kariga u l-użu ta' vjolenza; billi, madankollu, ma ġiet osservata l-ebda manipulazzjoni sistematika;

V.  billi l-UE, fuq stedina tal-Gvern, skjerat missjoni ta' osservazzjoni elettorali fit-tul, li inkludiet delegazzjoni mill-Parlament Ewropew; billi l-Unjoni Afrikana, il-Commonwealth tan-Nazzjonijiet u l-ECOWAS skjeraw missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali;

W.  billi fil-31 ta' Marzu 2015 il-kandidat presidenzjali tal-oppożizzjoni All Progressives Congress (APC), il-Ġeneral Muhammadu Buhari, ġie ddikjarat ir-rebbieħ tal-elezzjonijiet, u l-president fil-kariga ammetta t-telfa b'mod paċifiku; billi l-oppożizzjoni APC rebħet il-maġġoranza tal-voti tal-presidenza, tas-Senat u tal-Kamra tar-Rappreżentanti f'erba' mis-sitt żoni ġeopolitiċi;

X.  billi ġew eletti anqas nisa mill-2011, meta diġà kienet evidenti xejra negattiva;

Y.  billi 17 % tal-bniet jiżżewġu qabel ma jagħlqu l-15-il sena, u ċ-ċifri taż-żwieġ tat-tfal jilħqu s-76 % fir-reġjun tal-Majjistral; billi n-Niġerja għandha l-akbar għadd assolut ta' mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) fid-dinja, li jikkostitwixxi madwar kwart tal-115-130 miljun vittma fid-dinja;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza inkwetanti li għaddejja u dejjem tiżdied, inkluża l-mewġa kontinwa ta' attakki bil-pistoli u l-bombi, attakki suwiċida bil-bombi, tjassir sesswali u vjolenza sesswali oħra, ħtif u atti vjolenti oħra mwettqa mis-setta terroristika Boko Haram kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gvern u l-miri militari fin-Niġerja, li wasslu għal eluf ta' mwiet u korrimenti u kkawżaw iċ-ċaqliq sfurzat ta' mijiet ta' eluf ta' persuni, u li jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

2.  Jiddeplora l-massakru ta' rġiel, nisa u tfal innoċenti, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tan-Niġerja fid-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu l-forom kollha ta' terroriżmu f'pajjiżhom; ifaħħar il-ħidma tal-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha talli qed jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni tad-dinja lejn l-estremiżmu tal-Boko Haram u l-vittmi innoċenti tal-vjolenza tiegħu;

3.  Ifakkar li għaddiet sena mindu nħatfu 276 tifla fi skola barra Chibok, u li skont gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ittieħdu minn tal-anqas 2 000 tifla u mara oħra; jitlob lill-gvern u lill-komunità internazzjonali jagħmlu dak kollu li hu fis-setgħa tagħhom biex isibu l-persuni maħtufa u jeħilsuhom;

4.  Jitlob lill-president li għadu kemm ġie elett biex iżomm il-wegħdiet li għamel waqt il-kampanja elettorali tiegħu li jiddedika r-riżorsi kollha biex tintemm il-vjolenza tal-Boko Haram, tiġi stabbilita mill-ġdid l-istabbiltà u s-sigurtà fil-pajjiż kollu u jiġu indirizzati l-kawżi ta' dan it-terroriżmu, u b'mod partikolari tittieħed azzjoni aktar soda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni interna, il-ġestjoni ħażina u l-ineffiċjenzi fi ħdan l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-armata, li minħabba fihom il-pajjiż mhuwiex kapaċi jaffronta l-problema tal-Boko Haram fit-Tramuntana tal-pajjiż, u barra minn hekk jadotta miżuri li jċaħdu lill-Boko Haram mis-sorsi ta' introjtu illegali tiegħu, permezz ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;

5.  Jitlob lill-awtoritajiet u l-mexxejja reliġjużi tan-Niġerja jikkooperaw b'mod attiv mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġġieldu l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni;

6.  Jistieden ukoll lill-awtoritajiet Niġerjani ġodda jadottaw pjan direzzjonali dwar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-istati tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' faqar u inugwaljanza, l-opportunitajiet edukattivi u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, biex b'hekk jippromwovu d-distribuzzjoni ġusta tad-dħul miż-żejt, fil-kuntest tad-deċentralizzazzjoni, li huma kawża tal-vjolenza li kulma jmur qiegħda tiżdied; jappella wkoll lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu azzjoni serja bil-għan li jtemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal; jistieden lill-UE tuża l-għodod kollha tagħha biex tippromowovi dawn il-miżuri u biex tiġġieled b'mod effiċjenti l-flussi finanzjarji illeċiti, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali demokratika fi kwistjonijiet fiskali;

7.  Jilqa' d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta' Niamey fl-20 u l-21 ta' Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipanti, b'mod partikolari l-impenn militari taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun, in-Niġer u n-Niġerja, fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram; iħeġġeġ it-tisħiħ ta’ dan ir-rispons reġjonali, bl-użu tal-għodod eżistenti kollha u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-ECOWAS, b'mod partikolari, ikompli jiżgura l-operabilità tal-Istrateġija l-ġdida tagħha Kontra t-Terroriżmu, billi tagħti attenzjoni partikolari lil-limitazzjoni tal-flussi transfruntiera illeċiti ta' armamenti, armi, ġellieda u kontrabandu; jinsisti ulterjorment li mingħajr tali kooperazzjoni, il-vjolenza x'aktarx se tkompli, u twassal biex il-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu jiġu mminati; jinnota, f'dan ir-rigward, il-wegħda ta' alleanza magħmula mill-Boko Haram lill-Istat Iżlamiku, u l-ħtieġa li tiġi impedita kwalunkwe koordinazzjoni jew kooperazzjoni ulterjuri bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet terroristiċi u li titwaqqaf l-espansjoni ta' din it-theddida;

8.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, u jitlob lill-Unjoni Afrikana timpenja ruħha b'urġenza f'azzjoni konkreta, flimkien mal-pajjiżi kollha involuti, biex tikkoordina l-ġlieda kontra l-gruppi terroristiċi fir-reġjun tas-Saħel; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tagħti sostenn lill-iżvilupp ta' mekkaniżmi reġjonali għall-ġestjoni tal-kunflitt, bħall-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront, kif ukoll il-possibilità li jintużaw l-għodod tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżi u l-Fond għall-Paċi fl-Afrika;

9.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħmel aktar biex tgħin lill-Gvern Niġerjan fil-ġlieda kontra l-Boko Haram, u tindirizza l-kawżi tat-terroriżmu, peress li l-vjolenza u l-fundamentaliżmu jistgħu jintemmu b'mod permanenti biss permezz ta' rispons globali;

10.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu firxa komprensiva ta' appoġġ politiku, ta' żvilupp u umanitarju lin-Niġerja u l-poplu tagħha fil-ġlieda kontra t-theddida tal-Boko Haram u jiġi żgurat l-iżvilupp tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-UE tkompli d-djalogu politiku tagħha man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, u biex f'dak il-kuntest tindirizza kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u n-nondiskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, kif minquxa fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tgħin ukoll lir-refuġjati Niġerjani fil-pajjiżi ġirien; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri tal-UE jwaqqfu minnufih sistema Ewropea kredibbli u olistika għall-ġestjoni tar-rotot migratorji mill-Afrika sub-Saħarjana għall-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, joffru soluzzjonijiet ta' żvilupp sostenibbli lill-pajjiżi ta' oriġini, bħan-Niġerja, u jtemmu t-traġedji umani li qed jiżvolġu f'dawn ir-rotot;

12.  Iħeġġeġ lill-UE tinvestiga l-finanzjament tal-Boko Haram u tindirizza t-trasparenza tal-kummerċ tar-riżorsi naturali kollha, inkluż iż-żejt, sabiex jiġi evitat kwalunkwe fattur li jista' jqanqal il-kunflitti min-naħa ta' xi kumpanija; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-kumpaniji barranin jgħinu fit-tisħiħ tal-governanza fl-industrija estrattiva billi jżommu mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u jippubblikaw il-ħlasijiet li l-kumpaniji jgħaddu lill-Gvern Niġerjan;

13.  Jemmen li l-Gvern Niġerjan għandu d-dritt u r-responsabilità li jiddefendi l-poplu tiegħu mit-terroriżmu, iżda jinsisti li dawn l-azzjonijiet għandhom jitmexxew b'rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

14.  Jitlob li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa dwar l-allegazzjonijiet tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil extraġudizzjarju, it-tortura, l-arresti arbitrarji u l-abbużi relatati mal-estorsjoni, u jemmen li tali azzjonijiet ma jistgħux jiġu ġustifikati bħala mezz għall-ġlieda kontra t-theddida li jirrappreżenta l-Boko Haram jew organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn; jemmen li r-riformi tas-sistema ġudizjarja tan-Niġerja huma meħtieġa b'mod urġenti sabiex jipprovdu ġustizzja kriminali effikaċi bil-għan li jiġġieldu t-terroriżmu, bħalma huma meħtieġa r-riformi b'rabta mal-forzi tas-sigurtà statali Niġerjani;

15.  Jeżorta biex is-suldati midruba jirċievu t-trattament xieraq, u li l-bniet u n-nisa li huma vittmi ta' stupru fl-isfond tal-kunflitt armat jiġu offruti il-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva f'faċilitajiet umanitarji ffinanzjati mill-UE, f'konformità mal-Artikolu 3 komuni għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, li jiggarantixxi l-kura medika kollha neċessarja għall-midruba u l-morda, mingħajr ma jsiru distinzjonijiet sfavorevoli;

16.  Jifraħ lill-Ġeneral Muhammadu Buhari bħala l-kandidat presidenzjali rebbieħ għall-All Progressives Congress (APC), u lil dawk kollha li kisbu siġġijiet fis-Senat jew fil-Kamra tar-Rappreżentanti, jew ġew ivvotati bħala Gvernaturi jew membri tal-assemblej statali, mill-partiti kollha; ifaħħar lill-kandidati li aċċettaw it-telfa b'mod paċifiku, ibda mill-kandidat presidenzjali fil-kariga Goodluck Jonathan, u jilqa' l-impenn kontinwu tal-partiti politiċi kollha u l-kandidati għal elezzjonijiet paċifiċi u jħeġġiġhom ikomplu jaċċettaw ir-riżultati mingħajr ebda vjolenza;

17.  Jifraħ lill-poplu Niġerjan tal-entużjażmu demokratiku tiegħu u l-mobilizzazzjoni tul il-proċess elettorali kollu, u jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jsaħħu l-governanza tajba u jippromwovuistituzzjonijiet demokratiċi aktar responsabbli; jemmen li t-tranżizzjoni tal-poter permezz tal-kaxxa tal-voti turi approfondiment tad-demokrazija fin-Niġerja, li tista' sservi bħala mudell għal nazzjonijiet Afrikani oħra;

18.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti fl-impenn tagħha biex (kemm jista' jkun possibbli) toħloq proċess elettorali raġonevolment kredibbli, trasparenti u ġust, minkejja l-limitazzjonijiet interni u esterni u l-pressjoni li tħabbat wiċċha magħhom, b'mod partikolari l-inklużjoni min-naħa tagħha ta' persuni b'diżabilità;

19.  Iħeġġeġ lill-vittmi biex jindirizzaw l-ilmenti tagħhom permezz ta' mekkaniżmi uffiċjali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, u jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jwieġbu għal kull waħda minnhom permezz ta' investigazzjoni u rimedju sħaħ u kredibbli skont il-liġi; jitlob lill-UE tappoġġa l-iżvilupp ta' mekkaniżmi bħal dawn;

20.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan jippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u politika;

21.  Itenni l-appell tiegħu għat-tneħħija tal-liġi kontra l-omosesswalità u tal-piena tal-mewt;

22.  Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jieħdu miżuri ta' emerġenza fid-Delta tan-Niġer, inklużi azzjonijiet biex itemmu l-attivitajiet illegali b'rabta maż-żejt u biex jgħinu lil dawk esposti għat-tniġġis; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu għarfien espert tekniku u riżorsi biex jgħinu fir-restawr taż-żona; jitlob lill-kumpaniji kollha li joperaw fir-reġjun biex jikkonformaw mal-ogħla standards internazzjonali u jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li jaf ikollha impatt fuq l-ambjent u l-komunitajiet lokali;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-Gvern u l-Parlament tan-Niġerja, ir-rappreżentanti tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent u l-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU L 160, 29.5.2014, p. 27.


Il-każ ta’ Nadiya Savchenko
PDF 259kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-każ ta’ Nadiya Savchenko (2015/2663(RSP))
P8_TA(2015)0186RC-B8-0406/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukraina, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja(1) u tal-15 ta’ Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta’ Marzu 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar iż-żamma taħt arrest li għadha għaddejja ta' Nadiya Savchenko,

–  wara li kkunsidra l-“Kumpless ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Minsk”, adottati u ffirmati f'Minsk fit-12 ta’ Frar 2015 u approvati uffiċjalment f’daqqa bir-riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tas-17 ta’ Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tas-16 ta’ April 2015 dwar il-ħtif u d-detenzjoni illegali ta’ ċittadini Ukraini mill-Federazzjoni Russa,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali u, b’mod partikolari, it-Tielet Konvenzjoni ta’ Ġinevra relattiva għat-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra tat-12 ta’ Awissu 1949,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Ukraina, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea b’riżultat tas-17-il Samit UE-Ukraina, li titlob għall-ħelsien urġenti tal-ostaġġi kollha u ta’ dawk il-persuni kollha li jinsabu miżmuma illegalment taħt arrest, inkluża Nadiya Savchenko,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-militanti ta’ favur ir-Russja tal-hekk imsejħa "Repubblika Popolari ta' Luhansk" fit-territorju tal-Ukraina tal-Lvant ħatfu b'mod illegali l-Logutenent Nadiya Savchenko, pilota militari u ex-uffiċjal tal-forzi armati Ukraini, fuq it-territorju tal-Ukraina fit-18 ta' Ġnju 2014, żammewha taħt arrest, u mbagħad illegalment ittrasferewha lejn il-Federazzjoni Russa;

B.  billi s-Sa Savchenko, imwielda fl-1981, għandha karriera militari distinta warajha, peress li kienet l-unika suldata mara fit-truppi taż-żamma tal-paċi Ukraini fl-Iraq u l-ewwel mara li nkitbet fl-Akkademja tal-Forza tal-Ajru tal-Ukraina, u b’mod volontarju offriet li tieħu sehem fil-ġlied fl-Ukraina tal-Lvant bħala parti mill-Battaljun Aidar, fejn imbagħad ġiet maqbuda;

C.  billi l-Kumitat Investigattiv tar-Russja ressaq akkużi finali kontra Nadiya Savchenko fl-24 ta’ April 2015 (li għinet fl-omiċidju ta' żewġ persuni jew aktar, li għinet attentat fuq il-ħajja ta' żewġ persuni jew aktar u li qasmet illegalment il-fruntiera tal-Federazzjoni Russa);

D.  billi Nadiya Savchenko hija membru tal-Verkhovna Rada u tad-delegazzjoni tal-Ukraina għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE); billi l-Kumitat tal-APKE għar-regoli ta’ proċedura, l-immunitajiet u l-affarijiet istituzzjonali ikkonferma l-immunità tagħha; billi l-Federazzjoni Russa tirrifjuta l-immunità diplomatika mogħtija lil Nadiya Savchenko bħala membru tal-Verkhovna Rada; billi l-komunità internazzjonali wettqet għadd kbir ta' sforzi biex tiżgura l-ħelsien ta' Nadiya Savchenko, inkluża r-Riżoluzzjoni tal-APKE 2034 (2015) li titlob li tingħata l-ħelsien b’mod immedjat u li l-immunità parlamentari tagħha bħala membru tad-delegazzjoni tal-Ukraina għall-APKE tiġi rispettata;

E.  billi l-Federazzjoni Russa qablet li tiskambja lill-ostaġġi politiċi kollha u lill-persuni kollha li huma illegalment miżmuma taħt arrest skont il-Ftehimiet ta' Minsk abbażi tal-prinċipju ta’ “kollha għal kollha”, liema skambju suppost li kellu jitlesta għalkollox mhux aktar tard mill-ħames jum wara l-irtirar tal-armamenti tqal; billi Nadiya Savchenko, f’għadd kbir ta’ okkażjonijiet, ġiet offruta amnestija bil-kundizzjoni li tammetti l-ħtija tagħha;

F.  billi Nadiya Savchenko ilha fuq strajk tal-ġuħ għal aktar minn tliet xhur bi protesta kontra ż-żamma taħt arrest illegali tagħha; billi ġiet suġġetta għal eżamijiet prikjatriċi u trattament mingħajr ir-rieda tagħha; billi l-qrati bbażati f’Moska ċaħdu l-appelli li ressqet Nadiya Savchenko kontra ż-żamma taħt arrest tagħha ta’ qabel il-proċess; billi sadattant, l-istat tas-saħħa tagħha ddeterjora; billi l-UE u għadd ta’ Stati Membri esprimew tħassib umanitarju ġenwin f’dan ir-rigward; billi saru għadd ta’ appelli lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u mis-Salib l-Aħmar Internazzjonali biex jiġi żgurat il-ħelsien ta’ Nadiya Savchenko;

1.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ Nadiya Savchenko; jikkundanna lill-Federazzjoni Russa għall-ħtif illegali, iż-żamma taħt arrest fil-ħabs għal kważi sena u l-investigazzjoni ta’ Nadiya Savchenko; jitlob b’insistenza li l-awtoritajiet Russi jirrispettaw l-impenn internazzjonali tagħhom fil-qafas tal-Ftehimiet ta’ Minsk u b’mod partikolari l-“Kumpless ta’ miżuri għall-implimentazzjon tal-Ftehimiet ta’ Minsk” li sar qbil dwarhom; iqis li r-Russja ma għandha l-ebda bażi ġuridika jew ġurisdizzjooni biex tieħu xi azzjoni kontra Nadiya Savchenko, bħalma huma ż-żamma taħt arrest, l-investigazzjoni jew li jinġiebu akkużi kontra tagħha;

2.  Hu tal-fehma li ż-żamma taħt arrest ta’ Nadiya Savchenko bħala priġuniera tal-gwerra ġo ħabs fir-Russja huwa vjolazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra; jenfasizza li dawk responsabbli għaż-żamma taħt arrest illegali tagħha fir-Russja jistgħu jiffaċċjaw sanzjonijiet internazzjonali jew proċedimenti ġuridiċi għall-azzjonijiet tagħhom;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li s-Sa Savchenko għadha tinsab fi stat ta’ saħħa estremament fraġli u li huma direttament responsabbli għas-sikurezza u l-benesseri tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Russi jippermettu lil tobba internazzjonali imparzjali aċċess għas-Sa Savchenko, filwaqt li jiżguraw li kwalunkwe eżami mediku jew psikoloġiku jsir biss bil-kunsens tas-Sa Savchenko u filwaqt li jitqiesu l-konsegwenzi tal-fatt li ilha fuq strajk tal-ġuħ għal żmien twil ħafna; jistieden lir-Russja tippermetti lill-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali jkollhom aċċess permanenti għaliha;

4.  Jitlob il-ħelsien immedjat taċ-ċittadini Ukraini l-oħra kollha, inkluż id-direttur tal-films Ukren Oleg Sentsov u Khaizer Dzhemilev, li qed jinżammu illegalment taħt arrest fir-Russja;

5.  Iħeġġeġ lill-President ta’ Franza u lill-Kanċillier tal-Ġermanja, kif ukoll lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin rilevanti, iqajmu l-kwistjoni tal-ħelsien ta’ Nadiya Savchenko waqt il-laqgħat li jmiss tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk fil-format tan-Normandija; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkomplu jsegwu mill-qrib il-każ ta’ Nadiya Savchenko, iqajmu l-każ f’formati u laqgħat differenti mal-awtoritajiet Russi, u jżommu lill-Parlament mgħarraf bl-eżitu ta’ dawn l-isforzi;

6.  Jirrimarka li l-ħelsien ta' Nadiya Savchenko mhux biss huwa pass meħtieġ lejn it-titjib tar-relazzjonijiet ta’ bejn l-Ukraina u r-Russja, iżda wkoll se juri rispett għall-għarfien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem min-naħa tal-awtoritajiet Russi;

7.  Ifakkar li Nadiya Savchenko ġiet eletta bħala membru tal-Parlament Ukren fl-elezzjoni parlamentari ġenerali ta' Ottubru 2014 u hija parti mid-delegazzjoni tal-Ukraina għall-APKE, u bħala tali ingħatat immunità internazzjonali; ifakkar lir-Russja fl-obbligu internazzjonali tagħha li tirrispetta l-immunità ta’ Nadiya Savchenko bħala membru tal-APKE;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0074.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0011.


Is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati ta’ Yarmouk fis-Sirja
PDF 270kWORD 84k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati ta’ Yarmouk fis-Sirja (2015/2664(RSP))
P8_TA(2015)0187RC-B8-0373/2015

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra d-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-10 ta’ April 2015, dwar is-sitwazzjoni f’Yarmouk fis-Sirja,

—  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ f’isem l-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ April 2015, dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta’ Yarmouk fis-Sirja,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2139 (2014), 2165 (2014) u 2191 (2014),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-IS/Daesh attakka l-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta’ Yarmouk fis-Sirja fl-1 ta’ April 2015; billi r-reġim ta’ Assad kompla l-bumbardament u l-attakki mill-ajru tal-kamp b’reazzjoni għall-attakk tal-IS u battalji fit-toroq intensivi bejn il-gruppi ta’ oppożizzjoni armata kontra Assad, jiġifieri Aknaf Beyt el Makdis u l-IS/Daesh, u Jabhat al-Nusra li seħħew madwar il-kamp; billi fis-16 ta’ April 2015 unitajiet militari Palestinjani, bl-għajnuna tar-ribelli Sirjani, ġagħlu lill-ġellieda tal-IS/Daesh jirtiraw mill-kamp; billi l-irtirar tad-Daesh iħalli lill-affiljat tal-al Qaeda Jabhat al-Nusra f’kontroll ġenerali tal-kamp;

B.  billi Yarmouk, l-akbar kamp Palestinjan tar-refuġjati fis-Sirja, iffurmat fl-1957 biex jakkomoda persuni li jkunu qed jaħarbu mill-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżrael, inħakem minn ġlied bejn il-Gvern Sirjan u gruppi armati bħal Jabhat al-Nusra u l-Armata Libera Sirjana; billi qabel il-kunflitt Sirjan iktar minn 160 000 persuna ċivili kienu qed jgħixu fil-kamp, filwaqt li llum fadal biss 18 000;

C.  billi 480 000 refuġjat Palestinjan għadu grupp partikolarment vulnerabbli fil-kriżi fis-Sirja; billi huma mifruxa f’aktar minn 60 kamp madwar ir-reġjun; billi 95 % tar-refuġjati Palestinjani attwalment jiddependu fuq l-UNRWA għall-ħtigijiet ta’ kuljum tagħhom tal-ikel, l-ilma u l-kura tas-saħħa;

D.  billi l-popolazzjoni ċivili fil-kamp ta’ Yarmouk ġiet assedjata minn Diċembru 2012 u ġiet soġġettata għal attakk bil-bombi indiskriminat u bumbardament mir-reġim ta’ Assad u għadha maqbuda fil-kamp, billi skont l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Għajnuna u Xogħol għar-Refuġjati tal-Palestina (UNRWA), 18 000 ċivil Palestinjan u Sirjan f’Yarmouk, inklużi 3 500 tifel u tifla, jeħtieġu għajnuna umanitarja mill-aktar bażika;

E.  billi hemm kriżi ta’ saħħa permanenti fil-kamp, b’epidemija tat-tifojde fl-2014, l-Epatite A u mard relatat mal-ilma li huma endemiċi, kif ukoll malnutrizzjoni bil-konsegwenzi magħrufa kollha;

F.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU talab lill-partijiet kollha fil-gwerra ċivili Sirjana aċċess umanitarju għall-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta’ Yarmouk u biex jippermettu li l-għajnuna umanitarja tilħaq mingħajr ostakli l-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta’ Yarmouk;

G.  billi l-Kummissjoni rrilaxxat fondi ta’ emerġenza immedjata ta’ EUR 2,5 miljun għal operazzjonijiet tal-UNRWA li jagħtu assistenza vitali lir-refuġjati Palestinjani fis-Sirja permezz ta’ flus u oġġetti ta’ għajnuna ta’ emerġenza;

H.  billi barra minn hekk, u bħala parti mill-finanzjament umanitarju tal-UE għas-Sirja għall-2015, l-appoġġ se jiffaċilita rispons umanitarju rapidu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ familji vulnerabbli; billi dan il-finanzjament jestendi għall-partijiet kollha tas-Sirja affettwati mill-kunflitt, b’fokus speċifiku fuq il-vjolenza reċenti f’Yarmouk, Idlib, Dara’a u Aleppo;

I.  billi ċaħda ta’ aċċess umanitarju li għadha għaddejja mir-reġim Sirjan u ġellieda oħrajn lir-refuġjati li jgħixu fil-Kamp ta’ Yarmouk huwa kontra l-liġi umanitarja internazzjonali; billi l-kapaċità tal-UNRWA biex issostni l-interventi vitali ta’ emerġenza, b’reazzjoni għal żviluppi urġenti bħal dak li għandu impatt fuq Yarmouk, hija serjament mhedda minn sottofinanzjament kroniku għal interventi umanitarji fis-Sirja;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni umanitarja u ta’ sigurtà fis-Sirja u b’mod partikolari fil-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta’ Yarmouk u f’kampijiet Palestinjani oħra; itenni l-impenn qawwi tiegħu fl-appoġġ għall-vittmi tal-kunflitt Sirjan;

2.  Jikkundanna l-akkwiżizzjoni tal-kamp ta’ Yarmouk u atti ta’ terroriżmu mwettqa mill-IS/Daesh u Jabhat al-Nusra, kif ukoll tal-assedju impost mir-reġim ta’ Assad fuq Yarmouk u l-bumbardament tal-kamp, inkluż permezz ta’ bombi f’forma ta' bittija, li jikkawżaw tbatija orribbli fuq il-popolazzjoni milquta; jitlob it-tmiem immedjat tal-assedju u t-tmiem tal-attakki kollha fuq il-popolazzjoni ċivili;

3.  Jesprimi tħassib għad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem detenuti fil-kamp ta’ Yarmouk u dawk li huma attwalment miżmuma fil-kustodja tal-forzi tas-sigurtà Sirjani; jistieden lill-gruppi armati kollha fil-kamp ta’ Yarmouk biex itemmu l-immirar tagħhom tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ ir-rispett tal-istatus newtrali ta’ Yarmouk u l-protezzjoni ta’ persuni ċivili ġewwa l-Kamp, partikolarment nisa u tfal, u s-salvagwardja tal-faċilitajiet mediċi, l-iskejjel u l-postijiet ta’ rifuġju;

5.  Jenfasizza li l-gwerra li għaddejja fis-Sirja u t-theddida mill-IS/Daesh jikkostitwixxu periklu serju għall-poplu tas-Sirja, u għal-Lvant Nofsani usa’; jitlob lill-UE tikkontribwixxi għal sforzi konġunti biex ittaffi l-kriżi umanitarja u jkollha rwol fl-għajnuna tal-pajjiżi ġirien biex jipprovdu rifuġju lir-rifuġjati li qed jaħarbu l-kunflitt fis-Sirja, li ħafna minnhom qed jitilfu ħajjithom fuq dgħajjes fil-Baħar Mediterran;

6.  Jitlob l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU 2139 (2014), 2165 (2014) u 2191 (2014) madwar it-territorju tas-Sirja; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt sabiex jagħtu lill-UNRWA, lill-KISA u organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali oħra aċċess mingħajr xkiel għall-kamp tar-refjuġati f’Yarmouk, biex jippermettu aċċess umanitarju immedjat u mingħajr kundizzjonijiet, biex jevakwaw persuni midruba u jipprovdu passaġġ sikur liċ-ċivili kollha li jixtiequ jitilqu mill-kamp ta’ Yarmouk; jitlob l-istabbiliment ta’ kurituri umanitarji li la huma kkontrollati mir-reġim Sirjan u lanqas minn IS/Daesh u Jabhat al-Nusra, fid-dawl tal-ksur serju u kontinwu tagħhom tad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.  Jilqa’ l-ħelsien mill-Kummissjoni Ewropea ta’ fondi ta’ emerġenza immedjati ta’ EUR 2.5 miljun għal operazzjonijiet tal-UNRWA li jagħtu assistenza vitali lir-refuġjati Palestinjani fis-Sirja; ifaħħar l-UNRWA għax-xogħol importanti li qed tagħmel u jesprimi l-impenn qawwi tiegħu biex ikomplu jaħdmu flimkien mal-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA Pierre Krähenbühl u s-sħab l-oħra kollha sabiex jgħinu biex itaffu t-tbatija tan-nies l-aktar fil-bżonn; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom għall-UNRWA għall-isforz għal għajnuna ta’ emerġenza għaċ-ċivili f’Yarmouk, u partijiet oħrajn tas-Sirja, li jiżgura li r-Refuġjati kollha tal-Palestina, il-komunitajiet ospitanti u oħrajn ikollhom l-assistenza li jeħtieġu; iħeġġeġ lill-UE biex tipparteċipa fil-finanzjament ta’ USD 30 miljun għall-appell ta’ emerġenza tal-UNRWA u biex tipprovdi appoġġ diplomatiku u politiku għall-UNRWA;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi kontra t-tfal, il-massakru, it-tortura, il-qtil u l-vjolenza sesswali, li tagħhom il-popolazzjoni Sirjana hija vittma; jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi xierqa biex tkun żgurata s-sikurezza ta’ ċivili innoċenti, fosthom nisa u tfal; Jirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet huma vittmi frekwenti ta’ stupru fil-gwerra fil-kunflitt tas-Sirja, inkluż fil-ħabsijiet tar-reġim; jissottolinja li l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra jiggarantixxi lill-midruba u lill-morda kollha l-kura medika meħtieġa għall-kundizzjoni tagħhom mingħajr distinzjoni sfavorevoli; iħeġġeġ lill-fornituri tal-għajnuna umanitarja biex jipprovdu l-firxa sħiħa ta’ servizzi tas-saħħa, f’faċilitajiet umanitarji ffinanzjati mill-UE;

9.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja Staffan de Mistura fl-objettivi tiegħu ta’ perjodi ta’ tregwa lokali u l-implimentazzjoni ta’ pawżi umanitarji min-naħat kollha sabiex jippermettu l-għoti ta’ għajnuna umanitarja; itenni t-talbiet tiegħu lill-UE biex tieħu l-inizjattiva għal sforzi diplomatiċi għal dak l-għan;

10.  Itenni t-talba tiegħu għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt Sirjan permezz ta’ proċess politiku inklusiv u mmexxi mis-Sirjani abbażi tal-Komunikat ta’ Ġinevra ta’ Ġunju 2012 li jwassal għal tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tippermettilu b’mod indipendenti u demokratiku li jiddetermina l-futur tiegħu stess; Jilqa’ t-tħabbir ta’ taħdidiet ta’ Ġinevra mġedda, li għandhom isiru f’Mejju bejn ir-reġim ta’ Assad, l-oppożizzjoni, il-membri tal-KSNU u s-setgħat reġjonali inkluż l-Iran;

11.  Jibqa’ konvint li ma jista’ jkun hemm l-ebda paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed ir-responsabilità tad-delitti li jkunu twettqu min-naħat kollha matul il-kunflitt, inkluż fir-rigward tal-kamp ta’ Yarmouk; itenni t-talba tiegħu għar-referenza tas-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jikkunsidraw serjament ir-rakkomandazzjoni reċenti tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU biex jesploraw l-istabbiliment ta’ tribunal speċjali għar-reati li twettqu fis-Sirja;

12.  Jistieden lill-Parlament Ewropew biex iwettaq żjara ad hoc fil-kamp tar-refuġjati ta’ Yarmouk biex b’mod indipendenti jevalwa s-sitwazzjoni umanitarja, hekk kif il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà jippermettu, f’koordinazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u b’mod indipendenti mir-reġim ta’ Assad jew kwalunkwe parti oħra fil-kunflitt;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU u tal-Lega Għarbija għas-Sirja, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.


L-inkarċerazzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema fl-Alġerija
PDF 282kWORD 93k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-priġunerija ta' ħaddiema u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija (2015/2665(RSP))
P8_TA(2015)0188RC-B8-0418/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Alġerija, partikolarment dawk tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar il-libertà tal-istampa fl-Alġerija(1) u tal-10 ta' Ottubru 2002 dwar il-konklużjoni ta' ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Alġerija(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja tal-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar 'Il-Politika Ewropea tal-Viċinat, ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha: Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta’ progress 2012'(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' April 2015 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta' Mejju 2014 wara t-tmien laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Alġerija,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-15 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat " (JOIN(2012)0014),

–  wara li kkunsidra l-memorandum tal-Kummissjoni dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) 2013 ta' Marzu 2014 dwar l-Alġerija,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġunju 2011 tal-Kunsill Ewropew dwar il-Viċinat tan-Nofsinhar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, matul iż-żjara tagħha fl-Alġerija f’Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Alġerija, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-istess Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jistipula li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa biex jispira l-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet, u għandu jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dak il-Ftehim,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Alġerija adottata permezz ta' referendum fit-28 ta' Novembru 1996, speċjalment l-Artikoli 34-36, 39, 41 u 43 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-5 ta' Awwissu 2012 maħruġ mill-Missjoni tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet dwar l-elezzjonijiet parlamentari fl-Alġerija,

–  wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali, Kulturali, li tagħhom l-Alġerija hija firmatarja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt li Torganizza tal-1948 u l-Konvenzjoni Nru 98 tal-ILO dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv tal-1949,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi reċentement seħħew protesti kontra l-qgħad fl-Alġerija; billi l-awtoritajiet Alġerini jirrikonoxxu li t-talbiet tad-dimostranti huma leġittimi; billi, madankollu, f’dawn l-aħħar erba’ snin, u b’aktar intensità mill-bidu tal-2015, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, speċjalment fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Alġerija, ġew mhedda, abbużati verbalment u soġġetti għal trattament ħażin u fastidju ġudizzjarju f’kuntest ta’ żieda fil-protesti ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

B.  billi Mohamed Rag, attivist tad-drittijiet tax-xogħol mill-Kumitat Nazzjonali għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Persuni Qiegħda (Comité National pour la Défense des droits des chômeurs, CNDDC) fil-belt ta’ Laghouat, ġie arrestat fit-22 ta' Jannar 2015 u ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs u multa ta’ 20 000 DZD għaliex "attakka aġent tal-forza tas-sigurtà waqt il-qadi ta’ dmirijietu", u billi s-sentenza tiegħu ġiet ikkonfermata wara appell fit-18 ta' Marzu 2015;

C.  billi fit-28 ta' Jannar 2015 fil-belt ta’ Laghouat, tmien attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, membri tas-CNDDC — Khencha Belkacem, Brahimi Belelmi, Mazouzi Benallal, Azzouzi Boubakeur, Korini Belkacem, Bekouider Faouzi, Bensarkha Tahar u Djaballah Abdelkader — ġew arrestati meta nġabru quddiem il-qorti tal-belt biex jitolbu li Mohamed Rag jiġi meħlus; billi dawn it-tmien attivisti ġew sussegwentement ikkundannati f’Marzu li għadda għal sena ħabs b’sentenza sospiża għal 6 xhur u multa ta’ 5 000 DZD għaliex ‘kienu parti minn grupp illegali/mhux awtorizzat” u għaliex “eżerċitaw pressjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-maġistrati';

D.  billi, f’Laghouat, matul is-seduta msemmija hawn fuq tal-attivisti CNDDC, li saret fil-11 ta' Marzu 2015, kienu skjerati għadd akbar mis-soltu ta’ uffiċjali tal-pulizija, u minħabba hekk il-pubbliku u xhieda tad-difiża ma setgħux jidħlu fl-awla tal-qorti, u billi barra l-awla tal-qorti l-pulizija arrestat u sussegwentement ħelset kważi 50 dimostrant paċifiku li kienu qegħdin jesprimu s-solidarjetà tagħhom mad-disa’ priġunieri;

E.  billi, minkejja li tneħħa l-istat ta’ emerġenza fi Frar 2011 b’reazzjoni għal mewġa ta’ protesti tal-massa favur id-demokrazija, baqgħu fis-seħħ restrizzjonijiet, fil-liġi u fil-prattika, dwar il-libertà ta' assemblea paċifika, b’mod partikolari, digriet tat-18 ta' Ġunju 2001 li kompla jipprojbixxi dimostrazzjonijiet pubbliċi fil-belt ta’ Alġeri, kif ukoll il-Liġi 91-19 tat-2 ta' Diċembru 1991 dwar laqgħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet, li tagħmel kwalunkwe avveniment pubbliku suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel; billi l-Ministeru tal-Intern rari jawtorizza laqgħat pubbliċi;

F.  billi kull min jieħu sehem fi protesti mhux awtorizzati jista' jitressaq il-qorti u jista' jeħel sentenza ta’ ħabs li tvarja minn xahrejn sa ħames snin, skont l-Artikoli 99 u 100 tal-Kodiċi Penali Alġerin; billi f’Jannar 2014 — id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet ġodda — l-assoċjazzjonijiet kollha li ma ġewx aċċettati saru illegali; billi protesti paċifiċi bil-forza tal-pulizija kienet tferrex il-massa, kultant b’mod vjolenti, u billi dimostranti paċifiċi jistgħu jiġu arrestati qabel id-dimostrazzjonijiet biex jimpedixxu li dawn iseħħu;

G.  billi fl-2014 il-Gvern Alġerin introduċa reviżjonijiet kostituzzjonali favur id-demokrazija u wiegħed aktar riformi li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-riformi s’issa ma kinitx sodisfaċenti;

H.  billi f’Marzu 2015 erba’ attivisti oħra tad-drittijiet tal-ħaddiema, Rachid Aouine, Youssef Sultani, Abdelhamid Brahimi u Ferhat Missa, membri CNDDC fil-belt ta’ El Oued, ġew arrestati u akkużati li instigaw tlaqqigħ ta' grupp ta' persuni; billi tnejn minnhom ġew meħlusa, iżda Rachid Aouine ġie kkundannat u Youssef Sultani jinsab ħieles u qed jistenna l-proċess;

I.  billi f’Jannar 2012 daħlet fis-seħħ liġi ġdida dwar l-assoċjazzjonijiet (12-06) li timponi restrizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi u gruppi tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-ħolqien tagħhom, il-funzjonament, ir-reġistrazzjoni u l-aċċess għal finanzjament barrani; billi din tikkriminalizza l-membri ta' assoċjazzjonijiet li mhumiex irreġistrati, sospiżi jew xolti, u dawn jistgħu jkunu soġġetti għal sitt xhur priġunerija u multa għolja, u b’hekk qed tiġi mfixkla l-libertà ta’ assoċjazzjoni;

J.  billi, għalkemm il-Liġi 90-14 tat-2 ta' Ġunju 1990 dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tad-drittijiet tat-trade unions tippermetti lill-ħaddiema jiffurmaw unions mingħajr ma jfittxu permess iżda billi jinnotifikaw l-awtoritajiet bil-miktub, l-awtoritajiet irrifjutaw f'diversi każijiet li joħorġu rċevuta li mingħajrha l-union ma tistax legalment tirrappreżenta l-ħaddiema;

K.  billi l-Alġerija, li qed tiġi eżaminata minħabba l-applikazzjoni tagħha tal-Konvenzjoni 87 tal-ILO f’Ġunju 2014, f’bosta rapporti ġiet analizzata bir-reqqa minn esperti tal-ILO għall-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema li jagħmlu strajk u li jiffurmaw unions tal-għażla tagħhom;

L.  billi n-negozjati dwar il-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u l-Alġerija fil-qafas tal-PEV bdew fl-2012; billi, filwaqt li tirrikonoxxi l-interess li għandhom iż-żewġ naħat li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet ta’ sigurtà u kwistjonijiet reġjonali, f’Marzu 2014 il-Kummissjoni madankollu esprimiet tħassib dwar in-nuqqas ta’ indipendenza ġudizzjarja u d-deterjorament tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta' assemblea u ta’ espressjoni fl-Alġerija;

M.  billi l-Alġerija ilha membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti sa minn Jannar 2014;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest u d-detenzjoni tal-attivisti Rachid Aouine, Mohamed RAG, Khencha Belkacem, Brahimi Belelmi, Mazouzi Benallal, Azzouzi Boubakeur, Korini Belkacem, Bekouider Faouzi, Bensarkha Tahar, Djaballah Abdelkader, peress li dawn qed jinżammu minkejja l-fatt li l-attivitajiet tagħhom huma kompletament permissibbli taħt il-liġi Alġerina u huma konformi mal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Alġerija rratifikat;

2.  Ifakkar li l-Alġerija hi marbuta bl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jistipula li element essenzjali tiegħu huwa r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u li l-Alġerija għalhekk hija obbligata tirrispetta d-drittijiet universali tal-bniedem, inkluż il-libertà ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni;

3.  Iqis li l-fastidju u l-intimidazzjoni ta’ attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-livell ġudizzjarju, mhijiex prattika konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.  Iqis li d-dritt għal proċess ġust u l-iżgurar ta' garanzija minima għad-drittijiet tad-difiża għad-detenuti kollha, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, f’konformità mal-Artikolu 14(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), ratifikat mill-Alġerija;

5.  Jistieden ukoll lill-awtoritajiet Alġerini biex jiżguraw u jiggarantixxu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, assoċjazzjoni u assemblea paċifika, u biex jieħdu passi xierqa ħalli jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza ta’ attivisti tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tagħhom li jwettqu attivitajiet paċifiċi u leġittimi;

6.  Ifakkar fir-rakkomandazzjoni lill-Gvern Alġerin mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni biex jirrevoka d-Digriet tat-18 ta' Ġunju 2001 li jipprojbixxi dimostrazzjonijiet paċifiċi u l-forom kollha ta’ dimostrazzjoni pubblika f’Alġeri u jistabbilixxi sistema ta’ notifika sempliċi minflok awtorizzazzjoni minn qabel għal dimostrazzjonijiet pubbliċi;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Alġerini jirrevokaw il-Liġi 12-06 dwar l-assoċjazzjonijiet u biex jidħlu fi djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex titfassal liġi ġdida li tkun f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-Kostituzzjoni Alġerina;

8.  Jilqa’ l-fatt li mill-2012, 12-il organizzazzjonijiet tat-trade unions irċevew il-liċenzji tagħhom; ifakkar li l-manuvri amministrattivi m’għandhomx ikunu ddisinjati biex ma jagħtux l-istatus legali lil unions indipendenti li jippruvaw joperaw barra l-organizzazzjoni tat-trade unions eżistenti; jistieden lill-awtoritajiet Alġerini jippermettu lit-trade unions ġodda jirreġistraw b’mod legali u jikkonformaw mal-konvenzjonijiet implimentati mill-ILO li ġew ratifikati mill-Alġerija, partikolarment il-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni u l-Konvenzjoni Nru 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv;

9.  Japprezza li l-Alġerija rratifikat il-biċċa l-kbira tat-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi aktar impenn u kooperazzjoni mtejba mill-awtoritajiet Alġerini man-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Alġerini biex jikkooperaw mal-Proċeduri Speċjali tan-NU, inkluż billi jistiednu Rapporteurs Speċjali biex iżuru l-Alġerija, u biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jistieden ukoll lill-Alġerija biex tikkoopera b’mod attiv mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Afrikana, b’mod partikolari tar-Rapporteur Speċjali għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

10.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP / RGħ) u lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li jkun hemm politika tal-UE ċara u bbażata fuq il-prinċipji vis-à-vis l-Alġerija li tinkludi djalogu tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija; jistieden lill-VP / RGħ u lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-djalogu politiku, ta’ sigurtà u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Alġerija jkun ta' sustanza fit-tliet dimensjonijiet kollha u jitlob, għalhekk, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jistabbilixxi punti ta’ riferiment u indikaturi ċari biex jimmonitorja l-għanijiet tal-UE u jivvaluta l-progress fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-impunità, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta' assemblea u ta’ espressjoni, l-istat tad-dritt u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Alġerini, lill-VP / RGħ u s-SEAE sabiex jinkludu kapitolu b’saħħtu dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Pjan ta’ Azzjoni futur bejn l-UE u l-Alġerija, li jesprimi rieda politika soda biex javvanzaw konġuntament de jure u de facto l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mal-Kostituzzjoni Alġerina u t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti reġjonali Afrikani dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom l-Alġerija hija parti; huwa tal-fehma li l-objettivi speċifiċi tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu adottati fil-pjan ta’ azzjoni UE-Alġerija, flimkien ma’ skeda għal riformi li għandhom jitwettqu mill-Alġerija, b’involviment sinifikanti tas-soċjetà ċivili indipendenti; jappella biex ikun definiti indikaturi għal valutazzjoni objettiva u regolari tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija;

12.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jissorveljaw mill-qrib il-proċessi u l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema permezz tal-preżenza ta’ rappreżentanti tad-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri f’Alġeri u biex jgħaddu rapport lill-Parlament dwar il-kwistjoni;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Delegazzjoni tal-UE f'Alġeri, lill-Gvern tal-Alġerija, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 567.
(2) ĠU C 279 E, 20.11.2003, p. 115.
(3) Testi Adottati, P8_TA(2015)0076.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2013)0446

Avviż legali - Politika tal-privatezza