Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar medjazzjoni fl-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (COM(2012)0360 – C7-0180/2012 – 2012/0175(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0360),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0180/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2012(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali(2),
– wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta’ Novembru 2012 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tat-22 ta’ Lulju 2015 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 104, 59 u 61(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0085/2014),
– wara li kkunsidra l-emendi li adotta waqt is-seduta tiegħu tas-26 ta’ Frar 2014(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta’ Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba’ leġiżlatura parlamentari,
– wara li kkunsidra r-rapport supplimentari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0315/2015),
A. billi, skont il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma’ dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti mingħajr ebda tibdil fis-sustanza;
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Novembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)