Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija (2015/2104(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-UE u n-NU, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar "l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-ambitu tal-organizzazzjonijiet multilaterali"(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-70 Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti(3), li tagħti d-dritt lill-UE tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u teżerċita d-dritt ta' replika,
– wara li kkunsidra l-ewwel dikjarazzjoni tax-xorta tagħha tal-14 ta' Frar 2014, mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar ir-rwol li l-UE kellha fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali(4),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Dinija ta' Durban tal-2001 kontra r-Razziżmu, id-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ksenofobija u l-Intolleranza Relatata,
– wara li kkunsidra l-istudju ppublikat f'Marzu 2015 mid-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għall-Politiki Esterni tal-Unjoni, "Reforming the United Nations: Sate of Play, Ways Forward" (Ir-Riforma tan-Nazzjonijiet Uniti:is-sitwazzjoni attwali, kif nistgħu nimxu 'l quddiem),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0308/2015),
L-objettivi tal-UE u l-punti globali fejn l-UE hija b'saħħitha
A. billi l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea huwa marbut mal-paċi, mas-sigurtà u mal-iżvilupp globali, kif ukoll mad-drittijiet tal-bniedem; billi l-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-UE jeħtieġu soluzzjonijiet globali, u l-kwistjonijiet globali jeħtieġu azzjoni Ewropea;
B. billi l-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE huma minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u huma interkonnessi mill-qrib ma' dawk tan-NU; billi l-Artikolu 21 tat-TUE jappella b'mod espliċitu għar-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali;
C. billi l-UE għandha potenzjal uniku li timmobilizza r-riżorsi mal-firxa kollha tal-istrumenti diplomatiċi, tas-siġurtà, tad-difiża, dawk ekonomiċi u umanitarji, f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU; billi l-użu ta' dawn l-istrumenti abbażi ta' approċċ komprensiv jippermetti l-UE flessibbiltà unika hija u tindirizza b'mod effikaċi l-objettivi tas-sigurtà li huma l-aktar ta' sfida;
D. billi l-UE tipparteċipa b'mod attiv, taħt l-awspiċi tan-NU, fil-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà u tal-progress, permezz tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);
E. billi l-UE tissalvagwarda l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha u taġixxi għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU u tal-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, u mal-għanijiet tal-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida, adottata fl-1990; billi l-UE hija parti mis-sistema ta' sigurtà kollettiva tan-NU, ukoll bħala wieħed mill-arranġamenti reġjonali previsti skont il-Kapitolu VIII tal-Karta tan-NU;
F. billi l-UE trawwem il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, bl-għanijiet primarji li jinqered il-faqar, jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà fit-tul u miġġielda l-inugwaljanzi soċjali, u billi tagħti għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni kkonfrontati b'kull tip ta' kriżijiet, naturali jew provokati mill-bniedem;
G. billi l-UE hija attur ewlieni fl-oqsma ta' politika differenti u interkonnessi: il-kummerċ, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem;
H. billi l-UE taħdem għas-sostenibbiltà ambjentali billi tippromwovi miżuri u azzjonijiet internazzjonali għall-preservazzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;
I. billi l-UE tiżvolġi wkoll rwol ewlieni fil-politiki ambjentali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, mhux biss billi tadotta pożizzjoni avangardista u tistabbilixxi hija stess miri ambizzjużi, iżda wkoll billi fin-negozjati globali tiddefendi bla heda arranġamenti vinkolanti u azzjonijiet konkreti u li jistgħu jitkejlu;
J. billi l-UE ssaħħaħ il-pedament tas-sostenibbiltà soċjali u governanza tajba, billi tikkonsolida, tappoġġa u tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;
K. billi, skont it-Trattati tagħha, l-UE tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq kooperazzjoni multilaterali aktar b'saħħitha u governanza globali tajba, u hija impenjata għal multilateraliżmu effikaċi bin-NU fil-qalba tiegħu; billi dan l-impenn għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li, biex tkun kapaċi twieġeb b'suċċess għall-kriżijiet, l-isfidi u t-theddidiet globali, il-komunità internazzjonali teħtieġ sistema multilaterali effiċjenti, mibnija fuq drittijiet u valuri universali;
L. billi l-enfasi prinċipali tal-politika esterna tal-UE hija fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, il-kooperazzjoni u s-sħubijiet ma' pajjiżi, gruppi ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħra madwar id-dinja kollha; billi matul l-aħħar għexieren ta' snin ingħatat attenzjoni speċjali lill-objettivi ġeopolitiċi u lit-tħassib fil-viċinat tal-UE tal-Lvant u tan-Nofsinhar; billi l-UE għandha relazzjonijiet speċjali mal-pajjiżi Afrikani, u fl-azzjonijiet tagħha tagħti attenzjoni partikolari lill-isfidi li huma jaffaċċaw;
M. billi, f'kuntest ta' interdipendenza globali dejjem tiżdied, l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ ir-rwol tagħha kemm fir-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll fil-fora multilaterali;
N. billi l-UE hija involuta, u għandha rwol importanti, fin-negozjati u medjazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-każijiet tal-E3/EU3+3 u n-negozjati mal-Iran u tal-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani;
O. billi, bħala l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, l-UE għandha rwol b'saħħtu f'arranġamenti kummerċjali bilaterali u multilaterali, u żviluppat miżuri attivi ta' politika kummerċjali għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħarsien tal-ambjent u tar-riżorsi naturali;
P. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar kontributuri finanzjarji għall-baġit ġenerali tan-NU, kif ukoll għall-għajnuna umanitarja tagħha, għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u għall-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi; billi l-politiki tal-UE tal-iżvilupp huma ta' importanza kbira minħabba li jippromwovu b'mod attiv it-tnaqqis tal-faqar u s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, b'hekk isaħħu l-paċi u s-sigurtà; billi l-UE hija firmatarja ta' aktar minn 50 ftehim u konvenzjoni multilaterali tan-NU, bħala l-unika parteċipant li mhuwiex Stat;
Q. billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi dispożizzjonijiet fir-rigward ta' dawk il-prinċipji huma inklużi fis-sħubijiet bilaterali kollha tagħha u għandhom pożizzjoni ċentrali fil-politika multilaterali tagħha; billi l-UE minn dejjem kienet tappoġġa b'mod qawwi l-ġustizzja internazzjonali;
R. billi l-UE għandha rwol importanti fl-appoġġ għall-operazzjonijiet tan-NU fl-oqsma ta' tħassib reċiproku, b'mod partikolari l-protezzjoni ta' persuni ċivili u speċjalment in-nisa u t-tfal affettwati mill-kunflitti armati;
S. billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur bażiku tal-UE li huwa rikonoxxut fit-Tratti u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħha; billi l-UE assumiet ir-responsabbiltà għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet u fl-oqsma ta' politika kollha tagħha, inkluż fil-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;
T. billi l-bnedmin għandhom valuri u interessi komuni; billi għandu jkun hemm qsim ġust tal-piż u tal-benefiċċji meta jiġu solvuti problemi komuni u meta jiġu promossi objettivi u valuri komuni;
Is-Sistema tan-Nazzjonijiet Uniti
U. billi s-sistema tan-NU hija l-forum globali ewlieni għat-titjib tal-governanza globali, u għalhekk tirrappreżenta l-aqwa forum fejn jiġu promossi l-valuri u l-interessi tal-UE;
V. billi l-objettiv ewlieni wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà; billi l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem kellha post ċentrali fil-Karta; billi t-tħassib ambjentali kien fuq l-aġenda tan-NU sa mill-bidu tas-snin sebgħin; billi fl-1987, ir-rapport Brundtland "Il-Futur Komuni Tagħna" ddefinixxa l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli bħala żvilupp li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma jikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess; billi fil-Konferenza ta' Rio (UNCED) fl-1992, il-politiki tal-iżvilupp u tal-ambjent ġew amalgamati f'taħlita ta' miżuri effikaċi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja kollha;
W. billi s-sistema tan-NU tkopri l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni, u billi fil-qalba tagħha għandha l-Kunsill tas-Sigurtà li huwa primarjament responsabbli għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, megħjun f'dan ir-rigward minn korpi sussidjarji u konsultattivi;
X. billi s-Sistema tan-NU hija magħmula minn 19-il aġenzija speċjalizzata, fosthom il-FAO, l-IFAD, l-ILO, l-FMI, il-UNESCO, il-UNIDO, id-WHO u l-Grupp tal-Bank Dinji, flimkien ma' 11-il fond u programm, fosthom il-UNCTAD, il-UNDP, il-UNEP, il-UNFPA, il-UNHCR, il-UNICEF, il-UN Women u d-WFP,(5) kif ukoll 9 kummissjonijiet funzjonali, 5 kummissjonijiet reġjonali u għadd ta' korpi oħra tal-istess tip; billi organizzazzjonijiet bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) huma marbutin ukoll mas-Sistema tan-NU;
Y. billi l-biċċa l-kbira ta' dawn l-aġenziji, fondi, programmi, kummissjonijiet u kumitati jaħdmu taħt l-awspiċi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali u tal-Assemblea Ġenerali, li huma responsabbli għal xi wħud minnhom;
Z. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-prinċipji u l-objettivi tan-NU u fis-soluzzjoni tal-problemi komuni tal-umanità; billi, mill-banda l-oħra, l-Ewropa teħtieġ sħab globali biex issolvi l-problemi tagħha stess f'oqsma bħas-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, is-salvagwardja tad-dritt għall-asil, u tal-instabbiltà finanzjarji;
AA. billi l-UE għandha responsabbiltà speċjali fiż-żamma tal-paċi, fl-iżvilupp u fid-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-viċinat tagħha;
AB. billi huwa fundamentali li l-azzjonijiet meħuda fi ħdan il-qafas tan-NU jirrispettaw id-dritt internazzjonali; billi d-delitti mwettqa taħt mandat tan-NU huma ta' dannu kbir ħafna għall-kredibbiltà tal-organizzazzjoni u m'għandhomx igawdu minn impunità;
AC. billi l-pajjiżi huma maqsuma f'żoni ġeografiċi, u dan ħafna drabi jwassal lill-pajjiżi biex jivvutaw b'mod kollettiv; billi l-Istati li huma membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) ħafna drabi huma stess jiksru d-drittijiet tal-bniedem b'mod sistematiku, b'hekk jimminaw l-effikaċja u l-kredibbiltà tal-UNHRC b'mod ġenerali;
AD. billi l-profitti mill-attivitajiet ta' sakkeġġ u ta' kuntrabandu fir-rigward ta' siti u oġġetti kulturali u reliġjużi fl-Iraq u s-Sirja min-naħa tal-ISIS/Da'esh qegħdin jintużaw biex jgħinu l-finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi tal-ISIS/Da'esh; billi l-UNESCO u l-Konvenzjoni tagħha dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali għandhom rwol ċentrali biex tiġi żgurata protezzjoni ta' emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan u Iraqi;
AE. billi l-UE u n-NU jieħdu sehem f'kooperazzjoni mill-qrib f'xenarji ta' kriżijiet l-aktar delikati, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani u fit-Tramuntana tal-Afrika; billi l-isforzi tagħhom għandhom jissaħħu aktar bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet politiċi paċifiċi għal dawn il-kriżijiet;
AF. billi d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum ta' Governanza tal-Internet (IGF) huma skedati għall-2015 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU; billi l-Parlament appella lill-Assemblea biex iġġedded il-mandat tal-IGF u ssaħħaħ kemm ir-riżorsi tiegħu kif ukoll il-mudell ta' partijiet ikkonċernati multipli tal-governaza tal-internet;
L-UE fi ħdan is-sistema tan-NU
1. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkondividu valuri u prinċipji tal-Karta tan-NU kif iddikjarat fl-Artikolu 21(1) tat-TUE u għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji kif ukoll tal-objettivi tan-NU, permezz tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; iqis li l-UE teħtieġ is-sħab globali jekk hija trid tikseb b'suċċess l-objettivi tal-politika barranija tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tal-paċi u s-sigurtà, tat-terroriżmu, tal-kriminalità organizzata, tal-kunflitti reġjonali, tal-fallimenti tal-Istati u tat-tixrid tal-armi ta' qerda massiva;
2. Iqis li l-ambjent ta' sigurtà tal-UE qiegħed isir dejjem aktar instabbli u volatili minħabba għadd kbir ta' sfidi ta' sigurtà fuq żmien twil jew emerġenti; iqis li l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna, il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq u l-qawmien tal-organizzazzjoni terroristika ISIS, il-kriżi Libjana u t-theddida terroristika fl-Afrika (b'mod partikolari fis-Saħel, il-Libja u l-Qarn tal-Afrika) huma theddid globali serju li jeħtieġ reazzjonijiet globali; iqis li l-UE ma tistax tindirizza dan it-theddid waħedha iżda teħtieġ l-appoġġ tas-sħab internazzjonali;
3. Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom sehem attiv u jikkontribwixxu għall-ħidma tas-sistema tan-NU b'modi u strutturi differenti, li għandhom ikunu aktar viżibbli;
4. Jilqa' wkoll il-kontribut ewlieni tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja madwar id-dinja; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar kontributuri tal-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja fid-dinja;
5. Ifakkar li l-UE saret attur internazzjonali reali u għaldaqstant għandha status ta' "osservatur privileġġat" fin-NU, bid-dritt li tipparteċipa fid-dibattiti waqt il-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU flimkien ma' rappreżentanti ta' gruppi maġġuri u Stati individwali, bid-dritt li tressaq proposti u emendi, bid-dritt ta' replika, u bid-dritt li tqajjem punti ta' ordni u tiċċirkola dokumenti;
6. Ifakkar, barra minn hekk, li l-UE hija rrappreżentata minn bosta atturi fi ħdan in-NU: il-President tal-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kummissjoni Ewropea u d-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll mit-28 Stat Membru tagħha, li tnejn minnhom (Franza u r-Renju Unit) huma membri permanenti bid-dritt tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC); jinsisti fuq il-fatt li skont it-Trattat, l-Istati Membri tal-UE għandhom l-obbligu li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-fora internazzjonali kollha;
Kif l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija jistgħu jinkisbu aħjar fi ħdan in-NU
7. Jinsab konvint li, sabiex tilħaq b'mod aħjar l-objettivi tagħha tal-politika barranija, kif minquxa fit-Trattat, l-UE għandha tfittex li ssaħħaħ il-governanza globali fi ħdan is-sistema tan-NU u żżid l-influwenza tagħha u tal-Istati Membri tagħha f'dik is-sistema; ifakkar l-impenji tal-UE li tappoġġa b'mod attiv riforma komprensiva tas-sistema tan-NU sabiex tissaħħaħ il-leġittimità, ir-rappreżentanza reġjonali, u t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effikaċja tagħha meta twieġeb għall-isfidi kumplessi u pluridimensjonali tal-lum il-ġurnata; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li tingħata spinta lill-ħidma tal-Assemblea Ġenerali;
8. Jenfasizza li, fi ħdan l-Assemblea Ġenerali, l-UE għandu jkollha rwol imsaħħaħ li jimplika biżżejjed viżibbiltà u influwenza fuq il-politika, li jippermettulha tesegwixxi b'mod aħjar l-obbligi internazzjonali, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali msemmija hawn fuq, tat-3 ta' Mejju 2011;
9. Itenni l-appoġġ tiegħu għar-rwol tal-parlamenti u l-assemblej reġjonali fis-sistema tan-NU;
10. Jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jirrieżaminaw u jirrevedu, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Assemblea Ġenerali, il-proċess mhux trasparenti tal-għażla tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u jiżguraw opportunitajiet ekwi bejn il-kandidati rġiel u nisa għal din il-kariga; jistieden lill-korpi kollha tan-NU, b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà, jagħtu attenzjoni xierqa lill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fi ħdan in-NU, u lill-Istati Membri tal-UE biex ikunu minn ta' quddiem f'dan l-isforz billi jinkoraġġixxu u jippromwovu kandidati femminili; jesprimi x-xewqa tiegħu li tiġi eletta mara bħala s-Segretarju Ġenerali tan-NU li jmiss; jistieden lill-UE tappoġġa lill-UN Women meta tqis id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;
11. Jenfasizza l-prijoritajiet attwali tal-UE stabbiliti għas-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jtennu t-talba, li l-Unjoni ilha tisħaq fuqha, li n-NU għandha tissemplifika l-istrutturi, il-baġit u l-metodi ta' ħidma tagħha, mingħajr ma żżomm lura milli tindirizza kwistjonijiet diffiċli bħar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà;
12. Jenfasizza li l-Assemblea Ġenerali, li tirrappreżenta lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri kollha, għandu jkollha l-mezzi meħtieġa biex tagħti direzzjoni lis-sistema tan-NU u tikkoordina l-attivitajiet kollha tagħha;
13. Jinsab konvint li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu jiġi riformat sabiex jirrifletti b'mod aħjar ir-realtà l-ġdida tad-dinja u biex jilħaq b'mod aktar effikaċi l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tas-sigurtà; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li għandhom id-dritt tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jżommu lura milli jużaw il-veto f'sitwazzjonijiet ta' ġenoċidju u delitti kontra l-umanità;
14. Ifakkar, filwaqt li jqis il-kontribut tal-UE għall-artikettitura għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja u l-objettiv tat-Trattat ta' Lisbona li tissaħħaħ il-politika barranija Ewropea, l-objettiv fuq terminu twil tal-UE li jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà estiż, u jtenni l-appell tiegħu għal dibattitu madwar l-Ewropa dwar ir-riforma tiegħu; itenni l-istedina tiegħu lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex tfittex pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar kwistjonijiet fir-rigward tal-kompetenza tal-Kunsill tas-Sigurtà, u ttejjeb il-mekkaniżmi eżistenti ta' kooperazzjoni bl-għan li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jiddefendu pożizzjonijiet komuni tal-UE f'dak il-forum; ifakkar li, skont l-Artikolu 34 tat-TUE, l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-UNSC għandhom iżommu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Rappreżentant Għoli għal kollox informati, u jiddefendu l-pożizzjonijiet u l-interessi tal-UE; ifakkar ukoll li fejn l-UE għandha pożizzjoni ċara dwar kwistjoni fuq l-aġenda tal-UNSC, dawk l-Istati għandhom jitolbu li r-Rappreżentant Għoli tkun mistiedna tippreżenta l-pożizzjoni tal-Unjoni;
15. Ifakkar li l-Kapitolu VIII tal-Karta tan-NU jipprevedi rwol imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fi ħdan in-NU, u jistieden lill-UE u lill-OSKE jimmiraw li l-organizzazzjonijiet reġjonali tagħhom u organizzazzjonijiet oħra jkollhom involviment akbar fil-governanza globali;
16. Iqis li, permezz ta' aktar kooperazzjoni man-NU, l-UE għandha tieħu vantaġġ akbar minn sħubijiet mal-aġenziji speċjalizzati, mal-fondi, mal-programmi, mal-kummissjonijiet u mal-kumitati tan-NU; jappella għal tisħiħ tal-koordinament tal-UE fil-bordijijet ta' dawn il-korpi sabiex jiġi żgurat li l-UE titkellem b'vuċi waħda;
17. Jenfasizza li, minbarra dawn ir-riformi meħtieġa li għandhom jitwettqu fi ħdan in-NU, it-titjib fl-ilħiq tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluż il-promozzjoni tal-valuri fundamentali, jippresupponi koordinament aktar effikaċi tad-diversi dimensjonijiet tal-politika esterna kollha tagħha, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali; itenni l-appell tiegħu għal viżibbiltà aktar b'saħħitha tal-azzjoni u l-għajnuna tal-UE fil-fora multilaterali kollha u fuq il-post;
18. Jistieden lill-UE tikkoordina b'mod aktar effikaċi l-ħidma tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, pereżempju permezz tad-DĠ ECHO, flimkien mal-aġenziji rispettivi tan-NU, sabiex toħloq effiċjenzja ottima b'riżorsi limitati u tevita it-trikkib li mhuwiex meħtieġ;
19. Jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u tan-NU jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA); jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-FAFA u l-linji gwida relatati, u tidentifika l-oqsma li jeħtieġu titjib u tressaq proposti rilevanti f'dan ir-rigward;
20. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-UNDP dwar l-effikaċja tal-għajnuna; jissottolinja l-impenn tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp u jinkoraġġixxi lill-Istati kollha kif ukoll lill-atturi tas-settur privat jimpenjaw ruħhom għaliha;
21. Jemmen li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkontribwiet b'suċċess għall-progress li l-Ewropa għamlet fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u b'hekk tista' sservi bħala eżempju għal reġjuni oħra;
22. Jappella għal titjib tal-għodod ta' prevenzjoni u ta' twissija bikrija u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' medjazzjoni tan-NU, b'mandati koerenti u li jistgħu jintlaħqu għall-operazzjonijiet tal-bini tal-paċi u taż-żamma tal-paċi li jinkludu komponent dwar id-drittijiet tal-bniedem u strateġiji ta' ħruġ ċari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jagħtu appoġġ aktar sostanzjali għall-operazzjonijiet tal-bini tal-paċi u taż-żamma tal-paċi u jistieden lill-UE ssaħħaħ l-isforzi ta' medjazzjoni tagħha fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; iqis l-atroċitajiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bnidem reċenti mwettqa minn xi gruppi estremisti u terroristi, kif ukoll il-vjolenza sesswali fil-kunflitti li għaddejja, inkluż l-istupru bħala arma ta' gwerra; iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà, f'konformità mad-duttrina "Responsabbiltà ta' Protezzjoni", biex jiddefenixxi sett ambizzjuż ta' għodod u mezzi sabiex jiżgura l-prevenzjoni effikaċi ta' dawn l-atroċitajiet u r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-dritt umanitarju internazzjonali, u jġiegħel lill-Istati Membri tan-NU jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u jrażżnu r-reklutaġġ u l-finanzjament tal-gruppi terroristiċi permezz tal-prevenzjoni u s-soppressjoni tar-reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport u l-forniment ta' ġellieda barranin u l-finanzjament tal-ivvjaġġar u l-attivitajiet tagħhom;
23. Jistieden lill-UE tappoġġa t-tisħiħ tal-koerenza, tas-sinerġiji u tal-komplementarjetajiet bejn ir-reviżjonijiet tal-operazzjonijiet ta' paċi, tal-arkitettura tan-NU tal-bini tal-paċi u tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-KSNU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni ugwali u sħiħa tan-nisa bħala aġenti attivi fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti, fin-negozjati għall-paċi, il-bini tal-paċi, iż-żamma tal-paċi, ir-rispons umanitarju u r-rikostruzzjoni ta' wara konflitt; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kummissjoni rrevediet il-politika tagħha dwar l-għajnuna umanitarja, li issa tiddikjara li d-dritt umanitarju internazzjonali u/jew il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiġġustifikaw abort sikur lil nisa vittmi ta' stupru waqt gwerra;
24. Jinkoraġġixxi lill-UE tippromwovi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' sigurtà umana, filwaqt li torbot dan aktar mill-qrib mad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp tal-bniedem;
25. Jinsab konvint li l-UE għandha turi appoġġ b'saħħtu u impenjat lill-Qorti Kriminali Internazzjoni, b'mod partikolari billi ssaħħaħ u tkabbar ir-relazzjoni tagħha man-NU, speċjalment mal-Kunsill tas-Sigurtà, u billi tiżgura ratifikazzjoni ta' malajr mill-Istati Membri tal-UE tal-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma li jiddefenixxu d-delitt ta' aggressjoni; ifakkar li l-Istati nnifishom għandhom ir-responsabbiltà primarja li jressqu lill-offensuri quddiem il-ġustizzja, u jappoġġa li l-QKI teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha meta l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jew ma jixtiequx jipproċedu ġenwinament kontra l-aktar reati ta' tħassib serji għall-komunità internazzjonali;
26. Jappoġġa t-tisħiħ tal-koperazzjoni operattiva bejn l-UE u n-NU fl-immaniġġar ta' kriżijiet, kif ukoll billi l-UE taħdem flimkien man-NU kemm fir-rigward tal-kondiviżjoni ta' analiżi (sabiex tintlaħaq analiżi konġunta) kif ukoll fl-ippjanar ta' operazzjonijiet ta' paċi u sigurtà (sabiex jiġu ffaċilitati l-aspetti operattivi);
27. Iqis li għandu jsir aktar biex jiġi żgurat li l-Istati Membri tan-NU jonoraw il-wegħdiet tagħhom li jagħtu għajnuna umanitarja billi jiġu ppublikati fuq bażi regolari ħarsiet ġenerali fir-rigward tal-konformità mal-obbligi;
28. Jilqa' l-impenn tal-UE għal responsabbiltà u trasparenza akbar fil-kummerċ tal-armi, u jappoġġa l-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-eżitu tal-Ewwel Konferenza tal-Istati Partijiet; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), bħala l-pedament tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, u b'hekk il-bażi essenzjali biex jinkiseb id-diżarm skont l-Artikolu VI tal-imsemmi Trattat; jitlob ukoll lill-UE biex b'mod attiv tieħu passi lejn id-diżarm globali;
29. Jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jilqa' l-ewwel laqgħa tax-xorta tagħha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI, li saret fl-24 ta' Awwissu 2015, li kkundannat l-attakki u l-qtil mill-ISIS tal-persuni LGBTI fil-Lvant Nofsani; jinkoraġġixxi lill-Kunsill tas-Sigurtà jqis ulterjorment il-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI;
30. Ifakkar il-pożizzjoni tal-UE ta' tolleranza żero għall-piena tal-mewt; jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tavvanza l-moratorju dwar il-piena tal-mewt;
31. Jinsab konvint li d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tal-iżvilupp tas-sistema tan-NU għandhom jissaħħu b'mod sostanzjali billi jiġi żgurat li l-korpi tan-NU jieħdu approċċ aktar politiku u jtejbu l-kooperazzjoni bejniethom, u billi jiġi żgurat użu aktar effikaċi u trasparenti tar-riżorsi disponibbli; jemmen li l-ewwel nett dan għandu jintlaħaq permezz ta' riforma strutturali u funzjonali tal-organu prinċipali responsabbli għal dan l-inkarigu skont il-Karta tan-NU, jiġifieri l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jqisu l-possibbiltà li jsaħħu r-rwol tagħhom fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali billi dan jiġi żviluppat f'Kunsill għall-Iżvilupp Sostenibbli;
32. Jilqa' l-ħolqien ta' Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li għandu r-rwol li jagħti tmexxija politika, gwida u rakkomandazzjonijiet dwar il-politika tal-iżvilupp fir-rigward tat-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli (dak soċjali, ekonomiku u ambjentali); jinsab konvint li l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għandu jkun il-korp deċiżjonali ewlieni għall-politika kollha tal-iżvilupp, b'hekk tiġi żgurata valutazzjoni koordinata u effiċjenti tal-ħtiġijiet, u adozzjoni ta' pjanijiet direzzjonali, deċiżjonijiet u miżuri vinkolati meħtieġa fir-rigward tal-qafas tal-iżvilupp sostenibbli ta' wara l-2015; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati b'mod effikaċi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli adottati fis-Summit tan-NU f'Settembru 2015;
33. Jinsab konvint, fid-dawl tal-kriżijiet umanitarji rikorrenti marbuta mar-refuġjati u l-migranti li qegħdin jikkawżaw ħafna tbatija umana, u filwaqt li jqis li, l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi ta' oriġini jista' fl-aħħar mill-aħħar jagħti soluzzjoni għall-kriżi umanitarja, li għandha tiġi koordinata l-ħidma tal-aġenziji kollha relatati ma' dan it-tħassib;
34. Huwa tal-fehma li l-isfidi ppreżentati mill-kriżi umanitarja marbuta mar-refuġjati huma kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu mmanniġġjati b'mod komprensiv, fi spirtu ta' solidarjetà fi ħdan l-UE u b'kooperazzjoni mill-qrib man-NU u l-aġenziji tagħha;
35. Jistieden lill-UE u lin-NU jżidu l-isforzi konġunti tagħhom bl-għan li jintlaħaq ftehim ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti fil-Konferenza tan-NU tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Pariġi, u biex jiżguraw li jkun hemm l-implimentazzjoni ta' malajr tal-COP21;
36. Huwa tal-fehma li l-ħidma tal-Grupp tal-Bank Dinji, tal-Fond Monetarju Internazzjoni u tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ukoll tista' tkun koordinata bħala parti mis-sistema tan-NU, filwaqt li jinżammu l-istrutturi deċiżjonali attwali tagħhom, sabiex jiġi żgurat li jittieħdu d-deċiżjonijiet rispettivi u jitwettqu l-azzjonijet tagħhom b'mod responsabbli, effiċjenti, koerenti u effikaċi;
37. Jappoġġa l-objettiv li, fil-livell multilaterali, jiġi stabbilit reġim ta' protezzjoni tal-investiment, b'sistema ġdida fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali tkun rispettata, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dan l-objettiv fl-aġenda ta' negozjar tagħha waqt l-abbozzar tal-ftehimiet dwar l-investiment; huwa tal-fehma li, fl-eventwalità li tinħoloq qorti internazzjonali permanenti għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment, din tista' tiddaħħal fis-sistema tan-NU, u għandha tkun ibbażata fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li huma suġġetti għall-qorti, b'enfasi fuq il-prinċipji tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u l-prinċipji tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li s-sistema tan-NU toffri mudelli utli għal tali sistema, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet ta' finanzjament;
38. Iqis li huwa meħtieġ li ċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tad-WTO jasal għal konklużjoni, u jemmen li n-NU tista' tuża l-pożizzjoni unika tagħha sabiex tiżgura li tali diskussjonijiet jkunu ta' suċċess għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jemmen li, f'dan ir-rigward, in-NU għandha taħdem flimkien mad-WTO, kif ukoll tagħti pariri u gwida lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tippromwovi strateġija għall-kummerċ u l-investiment bl-involviment tal-UE bħala attur ewlieni;
39. Jinsab konxju tal-ħtieġa li jissaħħu u jiġu implimentati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi biex ix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Korporazzjonijiet Transnazzjonali jkollu eżitu ta' suċċess.
40. Jemmen li n-NU għandha saħħaħ il-materji kollha relatati mal-benessri tal-bniedem; huwa tal-fehma li dawn jinkludu s-sostenibbiltà kulturali u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjoni kulturali, billi l-edukazzjoni, it-turiżmu, id-diplomazija kulturali, il-protezzjoni tal-wirt, is-settur kreattiv u r-riċerka xjentifika jiġu integrati fl-approċċ tat-tfassil tal-politika;
41. Jirrakkomanda li tiġi żgurata l-kooperazzjoni għall-edukazzjoni bejn l-UE u n-NU fi programmi ta' emerġenzi f'każ ta' kriżijiet umanitarji, kunflitti armati u diżastri naturali, billi jibqgħu jiġu appoġġati programmi bħal Edukazzjoni f'Emerġenzi u Tranżizzjoni Wara Kriżi tal-UNICEF, programm ta' edukazzjoni ta' kwalità fil-kampijiet tar-refuġjati tal-UNHCR u x-xogħol edukattiv tal-UNRWA;
42. Jilqa' l-organizzazzjoni fi gruppi tal-ħidma tal-Kummissjoni li ġiet maħtura fl-2014, li tagħti lill-VP/RGħ ir-responsabbiltà msaħħa li tikkoordina l-politika esterna tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijet l-oħra tal-UE; jenfasizza li l-politiki ta' dimensjoni globali jridu jkunu fil-qalba tal-ħidma ta' dan il-grupp speċifiku;
43. Jistieden lill-VP/RGħ tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar il-PESK taqsima komprensiva dwar il-promozzjoni tal-objettivi globali tal-politika barranija tal-UE;
44. Huwa tal-fehma li l-Parlament jeħtieġ li jkun f'pożizzjoni li jindirizza l-isfidi globali bl-istess mod komprensiv u globali bħall-Kummissjoni, u li jorganizza l-ħidma tiegħu b'mod li jirrifletti dan; jinkoraġġixxi lill-kumitati kollha tal-Parlament li l-kompetenza tagħhom tkopri politiki li għandhom dimensjoni estera u globali biex iressqu l-opinjonijiet tagħhom dwar it-taqsima rilevanti tar-rapport tal-VP/RGħ lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, li huwa responsabbli għal dan ir-rapport;
o o o
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
S/PRST/2014/4 tal-14 ta' Frar 2014 - dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijet reġjonali u subreġjonali fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali