Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020 (2015/2107(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-preambolu u l-Artikoli 3 u 6 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 6, 9, 20, 151, 152, 153, 154, 156, 159 u 168 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 27, 31, 32 u 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tat-3 ta’ Mejju 1996, b’mod partikolari l-Parti I u l-Parti II, l-Artikolu 3 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Philadelphia tal-10 ta’ Mejju 1944 dwar il-miri u l-għanijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali 2014-2020 (6535/15) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2015 dwar aġenda ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol biex tippromwovi kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol(2) (direttiva qafas) u d-direttivi individwali tagħha,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, id-Direttivi partikulari tagħha kif ukoll id-Direttivi tal-Kunsill 83/477/KEE, 91/383/KEE, 92/29/KEE u 94/33/KE, bil-ħsieb li jiġu simplifikati u razzjonalizzati r-rapporti dwar l-implimentazzjoni prattika(5),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020 (COM(2014)0332),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: Strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol" (COM(2007)0062),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2008)0412),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas dwar l-istress fuq il-post tax-xogħol adottat mis-sħab soċjali (SEC(2011)0241),
– wara li kkunsidra "EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), u l-objettiv ewlieni tagħha li żżid il-livelli ta’ impjieg sa 75 % sal-aħħar tad-deċennju fl-Unjoni Ewropea, inkluż permezz ta’ aktar involviment tan-nisa, tal-ħaddiema akbar fl-età u integrazzjoni aħjar tal-migranti fil-forza tax-xogħol,
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata "Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli" (COM(2012)0055),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2014)0130),
– wara li kkunsidra l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2015 (COM(2014)0902 finali) u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (COM(2014)0906),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol(6),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament li tittrażmetti l-ftehim dwar il-qafas Ewropew fuq il-fastidju u vjolenza fuq ix-xogħol (COM(2007)0686),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ħarsien tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa Ewropej minn infezzjonijiet ġejjin mid-demm minħabba korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta’ nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar theddid għas-saħħa okkupazzjonali marbut mal-asbestos u prospettivi għall-eliminazzjoni tal-asbestos eżistenti kollu(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa(14),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2014 u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta’ Frar 2015 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (2014-2020),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,
– wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali mnedija fl-2013,
– wara li kkunsidra l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" u l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-kampanja attwali tal-Aġenzija UE-OSHA’ intitolata "Healthy Workplaces Manage Stress" (Inqas Stress għal iktar Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0312/2015),
A. billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba li jipproteġu s-saħħa fiżika u mentali huma dritt fundamentali(15) tal-ħaddiema individwali li għandu valur pożittiv fih innifsu;
B. billi l-kriżi ekonomika wasslet għal żieda fl-insigurtà tax-xogħol u impjiegi atipiċi kif ukoll għal inqas qligħ tal-kumpaniji, speċjalment għall-SMEs; billi dan ma jfissirx li ma nibqgħux inżommu quddiem għajnejna l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol kif ukoll l-ispejjeż soċjali u individwali għolja ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità;
C. billi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma ta’ importanza fundamentali għas-soċjetà kif ukoll bħala investiment li għandu effett pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività tal-kumpaniji u jtejjeb ukoll is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u jippermetti lin-nies biex jaħdmu f’saħħa tajba sal-età tal-irtirar statutorja; billi inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol huma ta’ piż ferm kbir għas-soċjetà, u t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol madwar l-Ewropa jista’ jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-ilħuq tal-objettivi tal-Ewropa 2020, fejn s'issa ftit li xejn sar progress biex tintlaħaq il-mira ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % għal persuni li għandhom bejn 20 u 64 sena;
D. billi l-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u b'hekk tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema, li min-naħa tagħha tagħti benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostanzjali lill-ħaddiem ikkonċernat u lis-soċjetà kollha kemm hi; billi 9 minn 10 stabbilimenti fl-UE-28 li jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolari jqisuhom bħala mezz utli biex jiġġestixxu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(16);
E. billi l-Artikolu 153 tat-TFUE jgħid li l-Unjoni se tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fit-titjib b'mod partikolari tal-ambjent tax-xogħol biex tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;
F. billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE hija waħda mill-isfidi ewlenin tal-Istati Membri; billi hemm inugwaljanzi fl-istennija tal-għomor bejn il-kategoriji soċjoprofessjonali u d-diffikultà fix-xogħol; billi, minbarra l-problemi muskoloskeletali (MSDs), il-ħaddiema ta' 'l fuq minn 55 sena huma partikolarment sensittivi għall-kanċer, il-mard tal-qalb, il-problemi respiratorji u l-problemi tal-irqad(17); billi l-indikatur dwar is-snin ta’ ħajja f’saħħitha mar lura b'1.1 sena għan-nisa u b'0.4 sena għall-irġiel bejn l-2010 u l-2013, u dan jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied l-aspettattiva ta’ ħajja f’saħħitha, li din tkun tippermetti wkoll li aktar nies jibqgħu fis-suq tax-xogħol sakemm effettivament jilħqu l-età tal-irtirar statutorja;
G. billi l-kanċers huma l-kawża primarja tal-imwiet relatati max-xogħol(18), segwiti minn mard kardjovaskulari u respiratorju, filwaqt li l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol huma biss minoranza żgħira ħafna tal-imwiet; billi problemi kroniċi ta’ saħħa, bħal pereżempju mard muskoloskeletali (MSD), huma mifruxa sew fl-UE u jistgħu jillimitaw l-abilità tal-persuni biex jidħlu jew jibqgħu f’impjieg bi ħlas(19), u billi huwa vitali li jiġu identifikati minn kmieni l-ħaddiema li jinsabu f'riskju;
H. billi l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż diretti mġarrba mill-kumpaniji bħala riżultat tal-politiki tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) li jippromwovu l-benessri tas-saħħa, ambjent ta' xogħol ta' kwalità tajba u produttività huma aktar baxxi b’mod sinifikanti minn dawk assoċjati ma’ mard ikkaġunat mix-xogħol u aċċidenti li l-qafas regolatorju tal-UE jimmira li jipprevjeni(20); billi xi studji jissuġġerixxu li għall-kumpaniji "ritorn fuq il-prevenzjoni" jista' jkun sinifikanti(21);
I. billi r-rata tal-korriment fatali fuq il-post tax-xogħol u l-proporzjon ta’ ħaddiema, li jirrapportaw li s-saħħa fiżika u mentali u s-sigurtà tagħhom jinsabu f’riskju minħabba x-xogħol tagħhom, tvarja b’mod sinifikanti madwar l-Istati Membri(22) u setturi ta’ attività ekonomika, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm fokus aktar qawwi fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-OSH bħala element importanti tal-ħarsien tas-saħħa u l-produttività tal-ħaddiema;
J. billi l-istress fuq il-post tax-xogħol b’mod partikolari, u r-riskji psikosoċjali b’mod ġenerali, huma problema li dejjem qed tikber għall-impjegati u l-impjegaturi madwar l-UE u kważi nofs il-ħaddiema kollha jqisu din il-problema preżenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom; billi l-istress fuq il-post tax-xogħol jikkontribwixxi għall-assenteiżmu, iħalli impatt negattiv fuq il-produttività u jammonta għal kważi nofs in-numru ta’ jiem ta’ xogħol mitlufa kull sena; billi l-azzjonijiet meħuda biex jimmaniġġjaw ir-riskji psikosoċjali jvarjaw madwar l-Istati Membri(23);
K. billi leġiżlazzjoni dwar l-OSH qawwija, implimentata tajjeb u infurzata hija prekondizzjoni importanti għal konformità ma’ rekwiżiti tal-OSH, li tissalvagwardja s-saħħa u l-produttività tal-ħaddiema matul il-ħajja tax-xogħol; billi l-ispezzjonijiet tax-xogħol għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ politiki tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-livell reġjonali u lokali, u billi l-issodisfar tal-obbligi legali hija r-raġuni ewlenija għal ħafna kumpaniji biex jimmaniġġjaw l-OSH u jistabbilixxu miżuri preventivi ġenerali(24);
L. billi l-involviment, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza komprensivi tal-ħaddiema fil-livell tal-kumpaniji u impenn min-naħa tal-maniġment huma importanti ħafna għall-prevenzjoni b'suċċess tar-riskju fuq il-post tax-xogħol(25) u billi postijiet tax-xogħol organizzati mit-trade unions għandhom rati aktar baxxi ta’ aċċidenti u mard;
M. billi l-ġlieda kontra l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol tista' tirnexxi biss bil-promozzjoni ta' approċċ iffokat fuq il-persuna, f'kull aspett tal-proċess ta' produzzjoni;
N. billi huma meħtieġa riżorsi suffiċjenti biex jittrattaw b’mod xieraq ir-riskji tal-OSH kemm ġodda u emerġenti kif ukoll dawk tradizzjonali, fosthom ir-riskji tal-asbestos, in-nanomaterjali u dawk psikosoċjali; billi ħafna ħaddiema, inklużi ħaddiema tal-kostruzzjoni, huma potenzjalment esposti għall-asbestos;
O. billi l-impjieg prekarju għandu effetti negattivi fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u qed idgħajjef l-istrutturi eżistenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; billi l-impjieg prekarju jista' jeskludi l-ħaddiema minn taħriġ u aċċess għal servizzi tal-OSH u huwa assoċjat ma’ stress mentali minħabba fl-insigurtà tax-xogħol(26); billi d-Direttiva Qafas 89/391/KEE tpoġġi r-responsabbiltà fuq l-impjegaturi biex tiġi stabbilita politika ta' prevenzjoni sistematika li tikkonċerna r-riskji kollha; billi l-esternalizzazzjoni tax-xogħol permezz ta’ sottokuntrattar u aġenzija tax-xogħol temporanju jistgħu jagħmluha aktar diffiċli li tiġi identifikata r-responsabbiltà fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-OSH; billi x-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju jikkostitwixxu sfida serja għall-implimentazzjoni ta’ miżuri OSH u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;
P. billi s-sħab soċjali għandhom rwol importanti fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-OSH f’livell nazzjonali, internazzjonali u tal-UE; billi l-Artikoli 153 sa 155 tat-TFUE jistabbilixxu l-kamp ta' applikazzjoni u l-awtorità tas-sħab soċjali biex jinnegozjaw u jsaħħu ftehimiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
Q. billi l-qafas regolatorju tal-UE għandu l-għan li jipprevjeni aċċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema kollha; billi aktar ma tkun żgħira l-kumpanija anqas ma l-ħaddiema jiġu infurmati dwar ir-riskji tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; billi ġie ppruvat li ma teżisti l-ebda rabta bejn in-numru ta' aċċidenti u d-daqs tal-kumpanija; billi r-rati ta’aċċidenti tassew jiddependu fuq it-tip ta’ produzzjoni u s-settur ta’ operat(27);
R. billi d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-data dwar il-mard ikkaġunat mix-xogħol fil-livell tal-UE mhumiex biżżejjed(28);
S. billi l-fastidju sesswali fuq ix-xogħol, u s-sens ta' insigurtà li dan joħloq, għandhom jiġu miġġielda;
T. billi s-segregazzjoni fuq il-post tax-xogħol, id-differenza bejn il-pagi, il-ħin tax-xogħol, il-postijiet tax-xogħol, il-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni sesswali, kif ukoll id-differenzi assoċjati mal-aspetti fiżiċi partikolari tal-maternità, huma fatturi li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa;
U. billi jeżisti l-isterjotip li n-nisa għandhom impjiegi b'anqas riskju, billi l-opinjoni ġenerali fl-Ewropa hi li t-tqassim tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa qatt ma jkun newtrali, u billi, ġeneralment, il-fatt li t-tqassim joskura l-problemi tas-saħħa, u bħala riżultat ta' dan tittieħed azzjoni anqas preventiva b'rabta mal-impjiegi tan-nisa;
V. billi fl-UE, l-impjieg tan-nisa huwa konsiderevolment ogħla fis-settur tas-servizzi milli fl-industrija, u n-nisa spiss huma impjegati fis-setturi soċjali u tas-saħħa, kif ukoll bl-imnut, il-manifattura, l-edukazzjoni u l-attivitajiet tan-negozju b’konċentrazzjoni dejjem akbar ta’ nisa li jaħdmu part-time u f’impjiegi prekarji, u dan għandu implikazzjonijiet sinifikanti għall-OSH;
W. billi n-nisa jistgħu jiffaċċjaw riskji speċifiċi, fosthom disturbi muskoloskeletali jew ċerti tipi ta’ kanċer, bħall-kanċer tas-sider jew il-kanċer tal-endometriju minħabba n-natura ta’ ċerti impjiegi fejn huma rrappreżentati żżejjed(29);
X. billi n-nisa jirrappurtaw livell ogħla ta’ problemi tas-saħħa relatati max-xogħol mill-irġiel irrispettivament mit-tip ta’ impjieg(30) u huma partikolarment vulnerabbli għal mard marbut mal-età; billi, għalhekk, il-miżuri ta' saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol jeħtieġu approċċ ibbażżat fuq is-sess u ċ-ċiklu tal-ħajja;
Y. billi l-kapaċità riproduttiva tista' tkun f'periklu minħabba problemi ta' saħħa li jistgħu jinħolqu meta ġenituri futuri jew trabi li għadhom fil-ġuf ikunu esposti għall-effetti tat-tniġġis ambjentali u fatturi ta' riskju preżenti fl-ambjent tax-xogħol;
Z. billi riċerka empirika tissuġġerixxi li n-nisa huma inqas rappreżentati fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurtà;
AA. billi n-nisa f'żoni rurali għandhom aktar diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tax-xogħol u tas-saħħa tagħhom u huma mċaħħda aktar minn aċċess għal servizzi tas-saħħa pubblika bażika, trattament mediku speċjali u eżamijiet biex ikun hemm għarfien bikri tal-kanċer;
Il-qafas strateġiku EU-OSH
1. Jisħaq li l-impjegati kollha, inklużi dawk fis-settur pubbliku, għandhom dritt għall-ogħla livell ta’ protezzjoni rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li jrid ikun garantit irrispettivament mid-daqs tal-impjegatur, it-tip ta' xogħol, il-kuntratt sottostanti jew l-Istat Membru fejn qiegħed l-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji speċifiċi tax-xogħol li jkopru l-forom kollha ta’ impjieg taħt il-qafas regolatorju EU-OSH; jenfasizza l-ħtieġa għal regoli ċari u effiċjenti fil-qasam tal-OSH;
2. Jilqa’ l-fatt li bosta oqsma importanti ta’ azzjoni huma identifikati fil-qafas strateġiku tal-EU-OSH; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kummissjoni ma stabbilietx miri speċifiċi fil-qafas; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li, fejn appoġġat b’evidenza xjentifika u r-riżultati minn evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni EU-OSH, miżuri leġiżlattivi u/jew mhux leġiżlattivi aktar konkreti kif ukoll l-implimentazzjoni u l-għodod ta’ infurzar għandhom ikunu inklużi fil-qafas, wara r-rieżami tal-2016;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu miri kwantitattivi ta’ tnaqqis fil-livell tal-UE għal mard u aċċidenti fuq il-post tax-xogħol wara r-rieżami tal-2016 tal-qafas strateġiku tal-OSH u biex jiddependu fuq is-sejbiet tar-riċerka l-aktar riċenti u rieżaminati mill-pari meta jirrieżaminaw il-qafas; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità speċjali lil dawk is-setturi fejn il-ħaddiema huma esposti għall-akbar riskji u tiżviluppa gwida u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-OSH;
4. Jiddispjaċih għad-dewmien fl-istabbiliment tal-qafas strateġiku attwali tal-EU-OSH; jemmen li l-bosta sfidi li jiffaċċjaw il-ħaddiema, in-negozji u s-swieq tax-xogħol Ewropej, inklużi dawk identifikati mill-Kummissjoni, jeħtieġu li l-miżuri jiġu applikati f’waqthom u b’mod effikaċi;
5. Jenfasizza li huwa fundamentali li jiġi żgurat ambjent tax-xogħol sikur u b’saħħtu, fiżikament u mentalment, tul il-ħajja tax-xogħol tal-persuna sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tixjiħ attiv u b’saħħtu għall-ħaddiema kollha; iqis li l-prevenzjoni ta’ inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol u li tingħata aktar attenzjoni lill-effetti kumulattivi ta’ riskji fuq ix-xogħol joħolqu valur miżjud għall-ħaddiema u għas-soċjetà kollha kemm hi;
6. Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri speċifiċi biex jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi billi jassistu kumpaniji li qed ifittxu li jtejbu s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;
Strateġiji nazzjonali
7. Jenfasizza li l-istrateġiji nazzjonali tal-OSH huma essenzjali u jikkontribwixxu għat-titjib tal-OSH fl-Istati Membri; jenfasizza li rappurtar regolari dwar il-progress li jkun sar għandu jiġi inkoraġġit; iqis li huwa essenzjali li l-politiki jkomplu jingħataw bidu u jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE filwaqt li ssir enfasi aktar b’saħħitha fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-OSH bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema kollha; huwa tal-fehma li l-politiki dwar l-OSH, fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, għandhom isiru konsistenti ma’ politiki pubbliċi oħrajn u li r-rekwiżiti ta’ konformità għandhom ikunu ċari, sabiex ikun aktar faċli għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, biex jikkonformaw; jemmen li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi implimentata sabiex tirrifletti aħjar ir-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw il-ħaddiema rġiel u nisa;
8. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-istrateġiji nazzjonali tal-OSH jirriflettu Qafas Strateġiku EU-OSH u jkunu kompletament trasparenti u miftuħa għall-input mingħand is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-partijiet interessati mill-qasam tas-saħħa, skont id-drawwiet u l-prattiki tal-Istati Membri; iqis il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki kif ukoll id-djalogu soċjali bħala mezz importanti għat-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
9. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkorporaw miri li jkunu xierqa għall-kuntest u li jistgħu jitkejlu u jitqabblu fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom; jemmen li mekkaniżmi ta’ rappurtar regolari u trasparenti dwar il-progress miksub għandu jiġi inkoraġġit; jenfasizza l-importanza ta’ data affidabbli;
Implimentazzjoni u konformità
10. Jirrikonoxxi l-importanza li jitqiesu s-sitwazzjoni, il-ħtiġiet speċifiċi u n-nuqqas ta’ konformità mill-intrapriżi mikro u żgħar kif ukoll minn ċerti setturi tas-servizzi pubbliċi, bħall-pulizija, fl-implimentazzjoni tal-miżuri tal-OSH fil-livell tal-kumpanija; jenfasizza li s-sensibilizzazzjoni, l-iskambju ta’ prattiki tajbin, konsultazzjoni, gwidi għall-utent li jinftiehmu faċilment u pjattaformi onlajn huma ta’ importanza kbira biex jgħinu lill-SMEs u l-mikrointrapriżi jikkonformaw b’mod aktar effettiv ma’ rekwiżiti regolatorji tal-OSH; jistieden lill-Kummissjoni, l-EU-OSHA u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw għodod u linji gwida prattiċi, li se jiffaċilitaw il-konformità tal-SMEs u tal-mikrointrapriżi mar-rekwiżiti tal-OSH;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tqis in-natura speċifika u s-sitwazzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi meta tirrevedi l-qafas strateġiku sabiex tgħinu lil dawn il-kumpaniji jilħqu l-objettivi stabbiliti fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li l-kunċett tal-SMEs ikopri madwar 99 % tal-kumpaniji kollha fil-forma attwali tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi biex jiġbru data affidabbli dwar l-implimentazzjoni tal-OSH attwali f’intrapriżi mikro u żgħar;
12. Jilqa’ l-introduzzjoni tal-Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Online (OiRA) tal-EU-OSHA kif ukoll għodod elettroniċi oħra fl-Istati Membri li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tar-riskju u għandhom l-għan li jippromwovu l-konformità u kultura ta’ prevenzjoni, b’mod partikolari f’intrapriżi mikro u żgħar; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi Ewropej għal azzjonijiet tal-OSH b’mod ġenerali u l-iżvilupp ta’ għodod elettroniċi b’mod partikolari bil-għan li jappoġġjaw lill-SMEs; jenfasizza l-importanza ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, bħalma huma l-Kampanja dwar il-Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu, fil-qasam tal-OSH u jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni fost min iħaddem u l-impjegati dwar id-drittijiet u l-obbligi bażiċi dwar l-OSH;
13. Jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jieħdu inizjattivi biex itejbu l-ħiliet tar-rappreżentanti tas-saħħa u tas-sigurtà u tal-maniġers skont id-drawwiet u t-tradizzjonijiet nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw l-involviment attiv tal-impjegati fl-implimentazzjoni tal-miżuri preventivi tal-OSH u jiżguraw li r-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà jistgħu jirċievu taħriġ lil hinn mill-moduli bażiċi;
14. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ kultura ta’ fiduċja reċiproka, kunfidenza u tagħlim, fejn l-impjegati jkunu mħeġġa biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa u sikur, li jippromwovi wkoll l-inklużjoni soċjali tal-ħaddiema u l-kompetittività tal-kumpaniji; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-ħaddiema m’għandhom isofru l-ebda detriment biex iqajmu tħassib dwar is-saħħa u s-sigurtà;
15. Jirrimarka li elementi ewlenin ta’ ġestjoni u prestazzjoni tajba tal-OSH huma implimentati sew u leġiżlazzjoni infurzabbli kif ukoll valutazzjoni tar-riskju dokumentata bis-sħiħ bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li tippermetti li jiġu stabbiliti miżuri preventivi xierqa fuq il-post tax-xogħol;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi kollha meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-OSH fl-Istati Membri; jemmen li l-evalwazzjoni ex post tal-implimentazzjoni prattika tad-direttivi tal-EU-OSH fl-Istati Membri tal-UE tipprovdi opportunità tajba biex jitwettaq dan l-eżerċizzju u jistenna li riżultati relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti jiġu kkunsidrati bħala parti mir-rieżami tal-qafas strateġiku;
Infurzar
17. Jemmen li l-iżgurar ta' kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE u l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni inġusta u d-dumping soċjali huma kruċjali; jenfasizza li l-ispettorati tax-xogħol għandhom rwol ewlieni fl-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema għal ambjent tax-xogħol fiżikament u mentalment sikur u b'saħħtu fl-għoti ta’ konsultazzjoni u gwida lil min iħaddem, b’mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isegwu l-istandards tal-ILO u l-linji gwida dwar l-ispezzjoni tax-xogħol, jiżguraw li jkunu disponibbli riżorsi adegwati ta’ persunal u l-ispettorati tax-xogħol u biex itejbu t-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol, kif rakkomandat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(31); jilqa’ l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-ispettorati tax-xogħol fil-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC);
18. Jenfasizza l-problema li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fir-rigward tal-ħaddiema li jwettqu attivitajiet mhux iddikjarati; ifakkar li l-ispettorati tax-xogħol għandhom rwol importanti biex jiskoraġġixxu x-xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu spezzjonijiet stretti u jimponu pieni xierqa fuq l-impjegaturi li jħaddmu ħaddiema mhux iddikjarati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat; jenfasizza li maġġoranza ta’ aċċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol isseħħ f’setturi ta’ xogħol intensiv, li fihom xogħol mhux iddikjarat huwa aktar prevalenti milli f’setturi oħra;
19. Iqis li l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-OSH tiddependi wkoll, fil-biċċa l-kbira, fuq l-ispezzjonijiet tax-xogħol; jemmen li r-riżorsi għandhom jiġu mmirati lejn dawk is-setturi li ġew identifikati li jippreżentaw l-ogħla riskju għall-ħaddiema; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti, filwaqt li xorta jwettqu spezzjonijiet każwali, biex iwettqu superviżjoni bbażata fuq ir-riskju u jimmiraw awturi ta’ reati ripetuti sabiex l-impjegaturi li ma jikkonformawx ma’ rekwiżiti tal-OSH jinzammu responsabbli; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw l-iskambju ta’ informazzjoni u jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol sabiex titjieb il-kooperazzjoni transfruntiera;
Qafas regolatorju
20. Jilqa’ l-isforzi li saru sabiex titjieb il-kwalità tal-qafas regolatorju u jistenna aktar progress f’dan il-qasam; ifakkar lill-Kummissjoni, madankollu, li l-preżentazzjoni tad-direttivi tal-OSH lir-REFIT u l-modifiki tal-leġiżlazzjoni għandhom ikunu demokratiċi u trasparenti, jinvolvu s-sħab soċjali u m’għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jirriżultaw fi tnaqqis fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-bidliet fuq il-post tax-xogħol li jirriżultaw mill-iżvilupp teknoloġiku għandhom jiġu kkunsidrati; jinnota li l-Istati Membri huma ħielsa li jadottaw standards ogħla mir-rekwiżiti minimi tal-OSH; jemmen, madankollu, li r-regoli eżistenti għandhom ikunu mtejba, fost l-oħrajn, billi tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiġi promossa integrazzjoni aħjar tal-OSH ma’ oqsma oħra ta’ politika, filwaqt li tiġi ppreservata u mmirata ż-żieda tal-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;
21. Jenfasizza li l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u s-sħab soċjali fil-livelli kollha, skont il-liġi u l-prattiki nazzjonali, huwa prerekwiżit għall-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar l-OSH u li l-involviment tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE jista' jiżgura li l-qafas strateġiku tal-OSH ikun rilevanti għall-impjegaturi u l-impjegati; jistieden lis-sħab soċjali u lill-Kummissjoni biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv dwar kif jista’ jittejjeb il-qafas regolatorju eżistenti u jemmen li huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tas-sħab soċjali;
Il-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol u riskji ġodda u emerġenti
22. Jinnota l-importanza tal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-esponiment għal karċinoġeni, mutaġeni u sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li n-nisa jiġu ta’ spiss esposti għal taħlita ta’ sustanzi, li jistgħu jżidu r-riskji tas-saħħa, inkluż għall-vijabbiltà ta’ wliedhom; itenni bil-qawwa t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal reviżjoni tad- Direttiva 2004/37/KE fuq il-bażi ta’ evidenza xjentifika u żżid valuri tal-limiti tal-espożizzjoni għal sustanzi kimiċi fuq ix-xogħol aktar stretti fejn meħtieġ u biex tiżviluppa sistema ta’ valutazzjoni f’kooperazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol li hija bbażata fuq kriterji ċari u espliċiti; jemmen li duplikazzjonijiet possibbli li jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonata għandhom jiġu indirizzati f’dan il-kuntest;
23. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti regoli aktar stretti għall-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu mhux biss il-perjodi ta’ esponiment iżda wkoll it-taħlita ta’ sustanzi kimiċi u/jew sustanzi tossiċi li huma esposti għalihom; jirrimarka li ħafna ħaddiema tal-kura tas-saħħa huma esposti għal sustanzi kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni fuq il-fatturi ta' riskju tas-sustanzi kimiċi fis-settur tal-kura tas-saħħa, u biex fil-qafas strateġiku tal-OSH tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-esponiment tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa għal drogi perikolużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ħaddiema kollha direttament jew indirettament involuti fl-użu jew ir-rimi ta’ tagħmir mediku li jaqta' jkunu protetti b’mod adegwat; jirrimarka li, jekk ikun meħtieġ, tista' tiġi inkluża reviżjoni tad-Direttiva 2010/32/UE dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa;
24. Jirrimarka li bosta ħaddiema għadhom esposti għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-UE biex taħdem mill-qrib mas-sħab soċjali u mal-Istati Membri biex jippromwovu u jikkoordinaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw pjanijiet tal-azzjoni nazzjonali, jipprovdu finanzjament adegwat u jieħdu azzjoni xierqa għall-ġestjoni u t-tneħħija sigura tal-asbestos;
25. Itenni t-talba tiegħu(32) lill-Kummissjoni biex tfassal u timplimenta mudell għall-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tal-asbestos, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/148/KE; jitlob li ssir kampanja Ewropea dwar l-asbestos, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkumpensaw lill-ħaddiema esposti għall-asbestos;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwar waħda mill-aktar problemi tas-saħħa relatati max-xogħol prevalenti fl-Ewropa u tippreżenta mingħajr dewmien proposta għal strument legali komprensiv dwar diżordnijiet muskoloskeletali (MSDs) biex ittejjeb il-prevenzjoni effettiva u tindirizza l-kawżi ta’ MSDs, b’kunsiderazzjoni tal-problema tal-multikażwalità u r-riskji speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa; jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tistipula r-rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema minn esponiment għal fatturi ta’ riskju ergonomiku jistgħu jgawdu minnha kemm il-ħaddiema kif ukoll l-impjegaturi billi tagħmel il-qafas regolatorju aktar faċli biex jiġi implimentat u biex jikkonformaw miegħu; jenfasizza wkoll l-importanza tal-iskambju ta’ prattiki tajba u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu aktar konxji u infurmati aħjar dwar il-fatturi ta’ riskju ergonomiku;
27. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw kemm jista’ jkun malajr id-Direttiva 2002/44/KE tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-esponiment tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi;
28. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-importanza li titjieb il-prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol għal interferenti endokrinali, li għandhom bosta effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-ħaddiema rġiel u nisa u t-trabi tagħhom(33); jistieden lill-Kummissjoni tfassal mingħajr dewmien strateġija komprensiva dwar l-interferenti endokrinali li tista', fejn meħtieġ, tinkludi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-pestiċidi u l-bijoċidi u tagħmel aktar stretti r-regoli dwar il-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza li l-appoġġ tal-UE għal riċerka f’alternattivi aktar sikuri huwa essenzjali fir-rigward tal-applikazzjoni taprinċipju ta' prekawzjoni u ta’ sostituzzjoni;
29. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni fil-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol 2014-2020 sabiex titjieb il-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol, speċjalment fl-oqsma tan-nanoteknoloġija u l-bijoteknoloġija; jenfasizza l-inċertezza potenzjali dwar id-distribuzzjoni u l-użu tan-nanomaterjali u jemmen li tinħtieġ aktar riċerka dwar ir-riskji potenzjali tal-OSH assoċjati man-nanoteknoloġija; jemmen, f’dan ir-rigward, li għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni sabiex jitnaqqsu r-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jimmaniġġjaw in-nanoteknoloġija;
30. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn l-għadd dejjem qed jikber ta’ ħaddiema affettwati minn mard kroniku fil-forza tax-xogħol; huwa tal-fehma li għandhom ikunu disponibbli impjiegi aċċessibbli u siguri għal persuni affettwati b’mard terminali, kundizzjonijiet kroniċi u għal żmien twil u diżabilità; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq iż-żamma u l-integrazzjoni ta’ nies affettwati minn mard kroniku kif ukoll biex jappoġġaw l-adattament raġonevoli tal-postijiet tax-xogħol, li se tiżgura ritorn f’waqtu lejn ix-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-integrazzjoni u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni għall-persuni b’diżabilità u biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri billi tqajjem kuxjenza u tidentifika u taqsam l-aħjar prattiki dwar l-akkomodazzjonijiet u l-aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Eurofound biex tkompli teżamina u tanalizza l-opportunitajiet ta’ impjieg u l-livell tal-impjegabbiltà ta’ persuni b’mard kroniku;
31. Jinnota li l-innovazzjoni teknoloġika tista' tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà inġenerali; jinsab imħasseb, madankollu, dwar ir-riskji ġodda li jirriżultaw b’konsegwenza ta’ dawn il-bidliet; jilqa’, f'dan il-kuntest, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi netwerk ta’ professjonisti u xjentisti tal-OSH biex l-isfidi futuri jiġu ttrattati aħjar; jenfasizza ż-żieda fl-użu tar-robots kollaborattivi intelliġenti, pereżempju, fil-produzzjoni industrijali, il-manifattura, l-isptarijiet u d-djar tal-anzjani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jidentifikaw ir-riskji potenzjali tal-OSH li jirriżultaw mill-innovazzjoni teknoloġika u jieħdu miżuri xierqa biex jegħlbuhom;
32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw programm għal monitoraġġ sistematiku, ġestjoni u appoġġ għall-ħaddiema affettwati minn riskji psikosoċjali, inklużi stress, dipressjoni u "burnout" sabiex, fost l-oħrajn, ifasslu rakkomandazzjonijiet u linji gwida effettivi għall-ġlieda kontra dawn ir-riskji; jenfasizza li l-istress fuq il-post tax-xogħol huwa rikonoxxut bħala ostaklu ewlieni għall-produttività u għall-kwalità tal-ħajja; jinnota, f’dan ir-rigward, li s-saħħa mentali u r-riskji psikosoċjali jistgħu jiġu influwenzati minn bosta fatturi, li mhux kollha huma marbuta max-xogħol; jirrimarka, madankollu, li r-riskji psikosoċjali u l-istress relatat max-xogħol huma problema strutturali marbuta mal-organizzazzjoni tax-xogħol u li l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u l-istress fuq il-post tax-xogħol huma possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu studji, titjieb il-prevenzjoni u jitqiesu miżuri ġodda bbażati fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-għodod għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, meta ssir ir-reviżjoni tal-qafas strateġiku tal-OSH fl-2016;
33. Jilqa’ l-kampanja Inqas Stress għal Iktar Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; jenfasizza li inizjattivi biex jiġi indirizzat l-istress marbut max-xogħol għandhom jinkludu d-dimensjoni tal-ġeneru, b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol tan-nisa;
34. Jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-fastidju morali u l-konsegwenzi possibbli tiegħu fuq is-saħħa psikosoċjali; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, tikkunsidra li tippreżenta proposta għal att legali bbażat fuq il-ftehim qafas dwar fastidju u vjolenza fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol;
35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ immirat biex jeliminaw ix-xogħol prekarju u jqisu l-effetti negattivi li x-xogħol prekarju għandu fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jissottolinja li l-ħaddiema b’kuntratti atipiċi jista' jkollhom aktar diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal servizzi ta’ taħriġ u tal-OSH; jenfasizza li huwa essenzjali li jittejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha f’kull forma ta’ impjieg, inklużi dawk li jistgħu jkunu vulnerabbli bħaż-żgħażagħ u persuni li qabel kienu ġew affettwati minn qgħad fit-tul; jistieden lill-Istati Membri biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 96/71/KE biex jiġi miġġieled id-dumping soċjali u biex f’dan il-kuntest jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw u jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema ppostjati għal trattament ugwali fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
36. Jenfasizza li għandu jitqies ix-xogħol fis-settur domestiku meta jiġu kkunsidrati l-modi ta' kif jistgħu jitjiebu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; iħeġġeġ lill-impjegaturi u dawk li jfasslu l-politika biex jiżguraw u jiffaċilitaw bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja, u biex iqisu l-għadd li dejjem qed jikber ta’ impjegati li għandhom bżonn jikkumbinaw ix-xogħol u l-kura; jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tas-sigħat tax-xogħol eċċessivi biex jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2003/88/KE u jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar in-numru massimu ta’ sigħat ta’ xogħol;
37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu politiki xierqa biex jindirizzaw it-tixjiħ tal-forza tax-xogħol; jemmen li qafas regolatorju tal-OSH għandu jippromwovi ħajja tax-xogħol sostenibbli u tixjiħ b’saħħtu; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-miżuri għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età billi jimplimentaw ir-riżultati tal-proġett pilota tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema aktar avvanzati fl-età;
38. Jenfasizza l-importanza ta’ miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju sesswali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali biex jiżguraw li n-nisa u l-irġiel ikunu rappreżentati b’mod ugwali fil-proċessi kollha tad-djalogu soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala parti mir-rieżami tal-qafas strateġiku tal-OSH tal-2016; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija Ewropea biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa fuq il-post tax-xogħol u bħala parti minn dan il-proċess biex tevalwa jekk id-Direttiva 2006/54/KE għandhiex tiġi riveduta biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva sabiex tkopri forom ġodda ta’ vjolenza u fastidju; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 92/131/KEE sabiex tippromwovi l-għarfien dwar il-fastidju sesswali u forom oħra ta’ reati sesswali;
39. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għar-rwol li l-kumitati tad-djalogu soċjali settorjali jista’ jkollhom fl-indirizzar tar-riskji tal-OSH speċifiċi għas-settur u toħloq valur miżjud potenzjali permezz ta' ftehmiet bejn is-sħab soċjali bl-użu tal-aħjar għarfien tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tas-settur tagħhom;
40. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiġbor data, tipprovdi riċerka u tiżviluppa metodi statistiċi speċifiċi skont is-sess u l-età li jevalwaw il-prevenzjoni bil-għan li jintlaħqu l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, fuq il-post tax-xogħol;
41. Jenfasizza l-importanza ta’ aktar investiment fil-politiki ta’ prevenzjoni tar-riskji kif ukoll il-promozzjoni, l-iżvilupp u l-appoġġ ta’ kultura ta’ prevenzjoni fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu s-sensibilizzazzjoni u jagħtu prominenza akbar lill-prevenzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol fil-kurrikuli tal-iskola fil-livelli kollha, inkluż matul l-apprendistati; iqis li huwa importanti li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess tal-produzzjoni u li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta’ programmi sistematiċi ta’ prevenzjoni bbażati fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju li jinkoraġġixxu l-impjegaturi u l-impjegati biex jikkontribwixxu għal ambjent tax-xogħol sikur u san; jindika li, f’ħafna Stati Membri, il-kwalità tas-servizzi preventivi hija ċentrali għall-appoġġ ta’ kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, biex titwettaq valutazzjoni tar-riskju u jittieħdu miżuri preventivi adegwati; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-kompiti u r-rekwiżiti ta’ taħriġ ta’ servizzi preventivi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri;
42. Jenfasizza li n-nisa jridu jkunu inklużi fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp ta' prattiki aħjar dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-ambjenti tax-xogħol tagħhom;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tħallix barra l-kwistjoni tal-iżvilupp ta' kanċers relatati max-xogħol, bħal tumuri fil-kanal nasali, li l-inċidenza tiegħu hi ogħla f'każijiet fejn is-sistemi respiratorji tal-ħaddiema mhumiex protetti biżżejjed kontra tipi ta' trab li huma relattivament komuni, bħal dawk li jkun hemm meta jiġi proċessat l-injam, il-ġilda, id-dqiq, it-tessili, in-nikil u materjali oħra;
44. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw opportunitajiet indaqs fl-eżerċizzju tad-drittijiet tax-xogħol u ta' aċċess ugwali għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha, speċjalment għan-nisa f'żoni rurali u gruppi oħra ta' ċittadini vulnerabbli;
Data statistika
45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-ġbir ta’ data affidabbli u komparabbli dwar mard ikkaġunat mix-xogħol, esponimenti u perikli fis-setturi kollha, inkluż is-settur pubbliku, bil-għan li jidentifikaw l-aħjar prattiki, jippromwovu t-tagħlim komparattiv u joħolqu bażi tad-data komuni dwar l-esponimenti fuq il-post tax-xogħol, mingħajr ma jwasslu għal spejjeż sproporzjonati; jenfasizza l-importanza li jiġu involuti esperti nazzjonali u li l-bażi tad-data tinżamm aġġornata; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiġbru aktar data dwar ir-riskji assoċjati mad-diġitalizzazzjoni, ix-xogħol relatat mas-sigurtà fit-toroq u l-effetti li l-kriżi setgħet kellha fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
46. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru data statistika ta’ kwalità għolja speċifika għas-sess u l-età b’rabta ma’ mard relatat max-xogħol sabiex itejbu u jadattaw kontinwament, fejn meħtieġ, il-qafas leġiżlattiv, skont ir-riskji ġodda u emerġenti;
47. Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu studji, maqsumin skont il-ġeneru, l-età u l-qasam tal-attività ekonomika, dwar l-inċidenza ta’ mard muskoloskeletali fost il-popolazzjoni attiva fil-livell nazzjonali, bil-ħsieb li jiġi evitat li jitfaċċa dan il-mard u li jingħeleb;
48. Jenfasizza l-importanza tal-aġġornament u l-provvediment ta' indikaturi tas-saħħa komuni u definizzjonijiet ta’ mard relatat max-xogħol, inkluż l-istress fuq il-post tax-xogħol, u d-data statistika għall-UE kollha bil-ħsieb li jiġu stabbiliti miri biex titnaqqas l-inċidenza ta’ mard relatat max-xogħol;
49. Jissottolinja l-problemi li jeżistu f'diversi Stati Membri biex tinġabar id-data; jitlob sabiex il-ħidma ta’ EU-OSHA u Eurofound tissaħħaħ; Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol jiġu rrappurtati mill-impjegaturi;
Sforzi internazzjonali
50. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-ftehimiet tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi jtejbu l-ambjent tax-xogħol sabiex iħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;
51. Jenfasizza li l-UE għandha interess u obbligu li tgħolli l-istandards tax-xogħol, inklużi livelli ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol madwar id-dinja;
52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-OSH ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-ILO, l-OECD, il-G20 u d-WHO;
53. Jiddeplora l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 187 dwar il-Qafas Promozzjonali għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol; jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw il-konvenzjoni;
o o o
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(1): Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.
Evalwazzjoni tal-istrateġija Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol 2007-2012, KE (2013) u Spejjeż soċjoekonomiċi ta’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard relatat max-xogħol, KE (2012).
Berechnung des internationalen „Return on Prevention“ für Unternehmen: Kosten und. Nutzen von Investitionen in den betrieblichen Arbeits- und Gesundheitsschutz, DGUV (2013).
Flexible forms of work: "very atypical" contractual arrangements, Eurofound (2010) and Health and well-being at work: A report based on the fifth European Working Conditions Survey, Eurofound (2012).
Ir-riskji tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema l-aktar vulnerabbli, Dipartiment Tematiku A tal-PE, Politika Ekonomika u Xjentifika, 2011, p. 40