Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul (2015/2968(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan(1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp(2),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Lokali tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afganistan fl-2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tal-20 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra l-Konferenza dwar l-Implimentazzjoni u s-Sostenn tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (UNSCR 1325) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fl-20 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs is-sena tal-UNAMA OHCHR ta' Awwissu 2015 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Afganistan għall-2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-26 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Novembru 2015 mill-missjoni tan-NU li tikkundanna "l-qtil bla sens" ta' seba' ostaġġi ċivili f'Zabul,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi qed jikber it-tħassib dwar il-persekuzzjoni etnika u settarja fl-Afganistan, minħabba li l-inċidenti ta' ħtif u attakki li ilhom iseħħu għal xhur sħaħ huma mmirati fuq il-Hazara, grupp etniku li jitqies bħala t-tielet l-akbar fil-pajjiż, u l-uniku wieħed li huwa kompost b'mod predominanti minn Xiiti;
B. billi seba' persuni ċivili nħatfu f'Ottubru 2015 u ġew ġustizzjati bejn is-6 u t-8 ta' Novembru 2015 fid-distrett ta' Arghandab, u billi ġie rrappurtat li hemmhekk seħħew skontri armati bejn żewġ gruppi rivali ta' persuni li huma kontra l-gvern;
C. billi x-Xiiti tal-komunità Hazara huma fost il-minoranzi etniċi rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Afganistan;
D. billi, fil-21 ta' Novembru 2015, sa 30 persuna Hazara ġew attakkati bl-armi tan-nar waqt li kienu qed jivvjaġġaw fi grupp f'awtostrada fin-Nofsinhar; billi tal-anqas ħames persuni Hazara oħra li kienu rekbin fuq karozz tal-linja sejra lejn Kabul ġew salvati minn vjaġġaturi oħra li għenuhom jaħbu min kienu wara li militanti waqqfu l-kowċ fi triqtha;
E. billi l-każijiet ta' qtil f'Zabul jissottolinjaw il-perikli partikolari li l-Hazara qed jiffaċċjaw; billi passiġġieri Hazara rekbin fuq karozzi tal-linja sfaw separati mill-passiġġieri l-oħra, maħtufa, u f'xi każijiet, maqtula f'għadd ta' inċidenti tul dawn l-aħħar sentejn;
F. billi l-każijiet ta' qtil jenfasizzaw it-theddida terroristika kontinwa li t-Taliban u l-gruppi sussidjarji tagħhom, li wħud minnhom, skont rapporti, wegħdu l-lealtà tagħhom lid-Da'esh/ISIL;
G. billi l-Unjoni Ewropea ilha sa mill-2002 tappoġġja r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-Afganistan u hija impenjata favur Afganistan paċifiku, stabbli u sigur;
H. billi l-missjoni EUPOL, imnedija fl-2007 biex tappoġġja t-taħriġ tal-forzi tal-pulizija Afgani, tgħin biex tiġi stabbilita sistema penali / ġudizzjarja taħt amministrazzjoni Afgana; billi l-Kunsill f'Diċembru 2014 iddeċieda li jestendi l-missjoni sal-31 ta' Diċembru 2016;
I. billi l-missjoni tal-Forza Internazzjonali ta' Assistenza tas-Sigurtà (ISAF) ġiet ikkompletata fi tmiem l-2014; billi l-missjoni l-ġdida "Resolute Support Mission" (Missjoni ta' Appoġġ Deċiż) tnediet f'Jannar 2015 bil-għan li tagħti aktar taħriġ, pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani;
J. billi l-qtil ta' persuni ċivili, kif ukoll il-ħtif ta' ostaġġi ċivili, huma vjolazzjonijet tad-dritt umanitarju internazzjonali, li l-partijiet kollha fil-kunflitti armati – inklużi l-elementi kollha kontra l-gvern – għandhom l-obbligu li jirrispettawh;
K. billi s-sigurtà fl-Afganistan kollu kemm hu għadha tikkawża tħassib serju minħabba l-attivitajiet terroristiċi tat-Taliban;
L. billi għadhom iseħħu danni kollaterali li jwasslu għal għadd drammatiku ta' mwiet u ferimenti ta' persuni ċivili innoċenti, ta' membri tal-persunal umanitarju u saħansitra ta' suldati li jkunu qed iwettqu missjonijiet taż-żamma tal-paċi;
M. billi s-sejħa li għamel dan l-aħħar il-mexxej ta' al-Qaeda, al- Zawahiri, biex il-ġellieda tal-ISIL jagħmlu gwerra kontra l-koalizzjoni internazzjonali hija theddida oħra kontra l-forzi tan-NATO li jinsabu fl-Afganistan, u kontra s-sigurtà tal-pajjiż;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil u d-dekapitazzjoni barbara ta' seba' persuni Hazara (żewġ nisa, erba' rġiel u tifla żgħira) fil-provinċja ta' Zabul, li tinsab fix-Xlokk tal-Afganistan fuq il-fruntiera mal-Pakistan;
2. Jikkundanna l-attakki mit-Taliban, minn al-Qaeda, mill-ISIL u minn gruppi terroristiċi oħra fuq persuni ċivili Afgani, fuq il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà, fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi u fuq is-soċjetà ċivili, attakki li qed jikkawżaw għadd rekord ta' mwiet u ferimenti; jenfasizza li l-protezzjoni tal-komunità Hazara, bħala grupp partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza terroristika tat-Taliban u ta' Da'esh / ISIL, għandha tkun prijorità għall-Gvern Afgan;
3. Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji milquta, partikolarment lil dawk tal-vittmi reċenti tal-każijijet terribbli ta' qtil fil-komunità Hazara;
4. Jitlob li l-awtoritajiet Afgani jingħataw appoġġ ħalli jkunu jistgħu jieħdu azzjoni rapida u xierqa bil-għan li jiżguraw li l-qattiela ta' persuni ċivili innoċenti jinġiebu quddiem il-ġustizzja, u jerġgħu jaffermaw l-istat tad-dritt fil-pajjiż;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jiżguraw li l-membri tal-forzi tas-sigurtà li jkunu implikati f'każijiiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li għandhom responsabbiltà ta' kmand fuq forzi li jwettqu abbużi, jiġu investigati b'mod kredibbli u imparzjali, u jiġu dixxiplinati jew jittellgħu quddiem il-qrati, skont ma jkun f'loku;
6. Jemmen li l-każijiet ta' qtil ta' ostaġġi ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal, iridu jiġu ttrattati bħala delitti tal-gwerra; jenfasizza li l-qtil ta' persuni ċivili innoċenti huwa projbit mid-Dritt Umanitarju Internazzjonali; itenni li dan id-Dritt irid jiġi rrispettat mill-partijiet kollha fil-kunflitt, inklużi l-gruppi sekondarji;
7. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward is-sitwazzjoni gravi tas-sigurtà, iż-żieda kostanti tal-vjolenza, l-atti terroristiċi li qed iwasslu għal qabża fl-għadd ta' vittmi u t-theddidet kostanti kontra popolazzjoni li qed tinġiegħel tgħix fi klima ta' tkattir tal-biża' u tal-intimidazzjoni;
8. Iqis li s-sigurtà nazzjonali hija bażi essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, għall-istabbiltà politika u għall-ġejjieni tal-Afganistan;
9. Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan jintensifika l-kooperazzjoni mal-Gvern tal-Pakistan; jenfasizza li kollaborazzjoni aktar stretta fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u governanza tkun ta' vantaġġ reċiproku, u tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà fir-reġjun;
10. Jitlob li l-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jibqgħu involuti bis-sħiħ, u jappoġġjaw lill-Gvern Afgan fil-ġlieda kontra r-ribelli;
11. Iġedded l-impenn tiegħu favur kull sforz intiż biex jeħles lill-Afganistan mit-terroriżmu u mill-estremiżmu, u jemmen li dawn l-isforzi huma ta' importanza vitali għas-sigurtà reġjonali u dinjija, biex jinbena pajjiż inklussiv, stabbli, demokratiku u aktar ta' risq;
12. Jibqa' kommess li jappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex iwettaq riformi ewlenin, itejjeb aktar il-governanza u l-istat tad-dritt, jippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-drittijiet tan-nisa, jikkumbatti l-korruzzjoni, irażżan in-narkotiċi, itejjeb is-sostenibbiltà fiskali u jrawwem tkabbir ekonomiku inklussiv; jieħu nota tal-intenzjoni tal-President Ashraf Ghani li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jagħmilha waħda mill-prijoritajiet tiegħu;
13. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-gvern Afgan u għall-poplu tiegħu f'din il-fażi kritika; jiġbed l-attenzjoni lejn l-għadd ta' vittmi fost il-Forzi Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà mindu spiċċat il-missjoni tal-ISAF fi tmiem fl-2014; jinkoraġġixxi lill-Gvern ikompli l-isforzi biex ikattar l-effiċjenza u l-effikaċja operazzjonali tal-forzi ta' difiża u ta' sigurtà, bil-għan li l-popolazzjoni ġenerali tgawdi s-sigurtà u l-istabbiltà;
14. Għad għandu tħassib profond quddiem id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fl-Afganistan, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet li dan jista' jkollu għad-drittijiet tan-nisa, għall-minoranzi reliġjużi u etniċi, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ġurnalisti;
15. Ifakkar li l-Liġi tal-2009 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Fuq in-Nisa kienet pass importanti ferm, u jitlob li l-awtoritajiet jikkonċentraw aktar attenzjoni u fondi fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jiġu mhedda jew attakkati;
16. Jitlob li l-Gvern tal-Afganistan jadotta pjan ta' implimentazzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 1325, li jinkludi rekwiżit li n-nisa jkunu parteċipanti sħaħ f'kull stadju tan-negozjati tal-paċi;
17. Ifakkar fl-impenn li l-Gvern Afgan għamel lill-komunità internazzjonali f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-minoranzi etniċi, lingwistiċ, reliġjużi jew ta' tip ieħor, u l-protezzjoni ta' dawn il-minoranzi;
18. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti tat-Taliban f'Kunduz, u l-imwiet u l-ferimenti li kkawżaw fost il-popolazzjoni ċivili u fost il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà; jappoġġja investigazzjoni indipendenti dwar l-attakk fuq l-isptar tal-Médecins Sans Frontières f'Kunduz, u jitlob li n-newtralità tal-isptarijiet u tal-faċilitajiet mediċi tiġi rrispettata;
19. Itenni li hija ħaġa mill-aktar urġenti li l-Gvern tal-Afganistan u s-sħab kollha fir-reġjun jinvolvu ruħhom b'mod kredibbli biex itemmu l-kunflitt u jiżguraw ambjent stabbli; itenni li proċess tal-paċi mmexxi mill-Afgani u ta' sjieda tagħhom għadu prerekwiżit għal kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli u dejjiema;
20. Jilqa' d-deċiżjoni li fl-2016 titlaqqa' fi Brussell Konferenza Ministerjali komprensiva dwar l-Afganistan bħala turija tal-impenn kontinwu tal-komunità internazzjonali favur l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż; jistenna li l-Konferenza tistabbilixxi l-qafas għall-Gvern tal-Afganistan u għad-donaturi sal-2020, mirfud minn impenji konkreti sew mill-Gvern tal-Afganistan kif ukoll mill-komunità internazzjonali;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.