Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2969(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1263/2015

Dibattiti :

PV 26/11/2015 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2015 - 11.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0413

Testi adottati
PDF 268kWORD 81k
Il-Ħamis, 26 ta' Novembru 2015 - Strasburgu
Il-Kambodja
P8_TA(2015)0413RC-B8-1263/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja (2015/2969(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Kambodja',

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwibbli għall-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Kambodja, tas-17 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa fit-30 ta' Ottubru 2015 mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ravina Shamdasani',

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, il-Professur Rhona Smith, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, tat-23 ta' Novembru 2015 u tal-24 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, tal-20 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Kambodja, tat-2 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fil-15 ta' Lulju 2015 mill-kelliem tas-SEAE dwar il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs fil-Kambodja',

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fit-22 ta' Ġunju 2015 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tas-27 ta' April 2015 mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tieni rapport perjodiku tal-Kambodja',

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' parteċipazzjoni attiva fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali tan-nazzjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċeura tiegħu,

A.  billi, fit-13 ta' Novembru 2015, l-awtoritajiet tal-Kambodja ħarġu mandat għall-arrest ta' Sam Rainsy, il-mexxej tal-grupp ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP), li attwalment jinsab barra mill-pajjiż, u billi fis-16 ta' Novembru 2015 l-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja rtirat is-sħubija tiegħu, neħħietlu l-immunità parlamentari bil-possibbiltà li jiġi arrestat meta jirritorna lejn il-pajjiż, b'konnessjoni ma' każ ta' malafama li ilu għaddej seba' snin;

B.  billi, fl-20 ta' Novembru 2015, Sam Rainsy ġie mħarrek minn qorti biex ikun interrogat fl-4 ta' Diċembru 2015 fir-rigward ta' entrata ppubblikata fuq il-Facebook pubbliku tiegħu minn Senatur tal-oppożizzjoni, Hong Sok Hour, li ilu taħt arrest sa minn Awwissu 2015 fuq akkużi ta' falsifikazzjoni u inċitament wara li inserixxa fuq il-Facebook ta' Sam Rainsy filmat li fih dokument allegatament falz relatat mat-trattat tal-fruntiera mal-Vjetnam tal-1979;

C.  billi, fis-26 ta' Ottubru 2015, grupp ta' dimostranti favur il-gvern fi Phnom Penh attakkaw brutalment żewġ MP tal-oppożizzjoni (CNRP), Nhay Chyamrouen u Kong Sakphea, u heddew is-sigurtà tar-residenza privata tal-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali; billi rapporti ssuġġerew li l-pulizija u forzi tas-sigurtà oħra ma intervenewx waqt li kienu qed iseħħu l-attakki;

D.  billi, fit-30 ta' Ottubru 2015, id-deputat mexxej tal-partit tal-oppożizzjoni Kem Sokha tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu bħala l-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali mill-Partit tal-Poplu tal-Kambodja (CPP) li jinsab fil-gvern matul sessjoni bbojkottjata mis-CNRP; billi l-għoti tal-kariga ta' Viċi President lis-CNRP kienet waħda mill-konċessjonijiet ewlenin li l-partit CPP fil-gvern ta lis-CNRP f'Lulju 2014 biex jintemm il-bojkott ta' sena tal-Parlament wara l-elezzjonijiet tal-2013;

E.  billi l-Prim Ministru Hun Sen ilu fil-poter għal aktar minn 30 sena filwaqt li l-forzi tas-sigurtà tiegħu qed igawdu minn impunità għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi 11-il attivist tal-oppożizzjoni kienu qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs ta' bejn seba' snin u 20 sena għal parteċipazzjoni f'"rewwixta" jew fit-tmexxija tagħha;

G.  billi ż-żewġ partiti politiċi, is-CPP u s-CNRP, kienu laħqu ftehim politiku fl-2014 li kien qajjem it-tama għall-bidu ta' fażi ġdida li fiha d-differenzi politiċi jissolvew b'mod kostruttiv; billi, minkejja l-ftehim, l-ambjent politiku fil-Kambodja għadu wieħed ta' tensjoni;

H.  billi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa minqux fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja, u d-dritt ta' parteċipazzjoni politika fl-Artikolu 35 tagħha;

I.  billi, minkejja kritika mifruxa mis-soċjetà ċivili u l-komunità internazzjonali, il-promulgazzjoni riċenti tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs (LANGO) tat setgħat arbitrarji lill-awtoritajiet tal-Istat biex jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u diġà bdew jiskoraġġixxu l-ħidma tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u jostakolaw is-soċjetà ċivili;

J.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni ddikkjara li s-soċjetà ċivili fil-Kambodja ġiet eskluża mill-proċess ta' tfassil tal-LANGO;

K.  billi l-Gvern tal-Kambodja approva l-abbozz ta' Liġi dwar it-Trade Unions fit-13 ta' Novembru 2015;

L.  billi l-UE hija l-ikbar sieħba tal-Kambodja f'termini ta' assistenza għall-iżvilupp, b'allokazzjoni ġdida għall-perjodu 2014-2020 ta' EUR 410 miljun; billi l-UE tappoġġa firxa wiesgħa ta' inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) tal-Kambodja u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; billi l-Kambodja hija ferm dipendenti fuq l-għajnuna għall-iżvilupp;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-klima li qed teħżien dejjem aktar għall-politiċi u l-attivisti tal-oppożizzjoni u għall-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, għall-attivisti soċjali u għal dawk ambjentali fil-Kambodja u jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza u l-akkużi politikament motivati, il-kundanni u s-sentenzi kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni, u kontra l-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja jirrevokaw il-mandat ta' arrest u jwaqqgħu l-akkużi kollha maħruġa kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u l-membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat, inkluż is-Senatur Hong Sok Hour u l-attivisti u l-organizzaturi tas-CNRP, iħallu lil dawn jaħdmu b'mod ħieles mingħajr biża' ta' arrest jew persekuzzjoni, u jtemmu l-użu politiku tal-qrati biex jipproċessaw persuni fuq akkużi motivati politkament u akkużi foloz;

3.  Jistieden lill-Assemblea Nazzjonali biex immedjatament terġa' tagħti lura d-drittijiet lil Sam Rainsy u biex tagħtih lura l-immunità parlamentari;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi l-irwol leġittimu u utli li għandhom is-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-oppożizzjoni politika biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u politiku globali tal-Kambodja;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż li jikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni;

6.  Ifakkar li ambjent ta' djalogu demokratiku ħieles mit-theddid huwa essenzjali għall-istabbiltà politika, għad-demokrazija u għal soċjetà paċifika fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-gvern jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura s-sigurtà tar-rappreżentanti kollha eletti demokratikament fil-Kambodja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom;

7.  Jinnota li "l-kultura ta' djalogu" bejn il-mexxejja tas-CPP u s-CNRP ġabet tama li d-demokrazija fil-Kambodja kienet qabdet rotta pożittiva; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja u l-oppożizzjoni jimpenjaw ruħhom fi djalogu serju u sinifikattiv;

8.  Jistieden lill-gvern jiżgura investigazzjoni sħiħa u imparzjali bil-parteċipazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li twassal għall-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għall-aħħar attakk brutali reċenti fuq iż-żewġ membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali minn membri tal-forzi armati u għall-użu ta' forza eċċessiva militari u tal-pulizija biex irażżnu dimostrazzjonijiet, strajks, u inkwiet soċjali;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern jirrevoka l-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, il-promulgazzjoni reċenti li tat lill-awtoritajiet tal-istat setgħat arbitrarji li jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u li diġà bdew jiskoraġġixxu l-ħidma tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament jiżguraw konsultazzjoni ġenwina u serja ma' dawk kollha affettwati mill-abbozz ta' leġiżlazzjoni bħal Liġijiet dwar it-Trade Union, iċ-Ċiberkriminalità, u t-Telekomunikazzjonijiet u jiżguraw li t-testi jkunu konformi mal-obbligi u l-impenji tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kambodja skont id-dritt nazzjonali u dak internazzjonali;

11.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja itemm l-arresti arbitrarji u l-atti suspettużi ta' għajbien u jħalli li organizzazzjonijiet volontarji u tad-drittijiet tal-bniedem joperaw liberament; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jinvestiga bis-serjetà l-għajbien ta' Khem Sapath;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet governattivi relevanti jwaqqgħu l-prosekuzzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem skont liġijiet oħrajn fis-seħħ li qed jintużaw biex dawn jiġu ppersegwitati minħabba l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, u jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma l-ħabs fuq akkużi politikament motivati u akkużi foloz;

13.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mal-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex iqajmu immedjatament mal-awtoritajiet tal-Kambodja l-preokkupazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarjat tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja.

Avviż legali - Politika tal-privatezza