Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/3005(RSO)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1335/2015

Testi mressqa :

B8-1335/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 02/12/2015 - 13.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0420

Testi adottati
PDF 276kWORD 80k
L-Erbgħa, 2 ta' Diċembru 2015 - Brussell
Twaqqif ta’ kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAXE 2)
P8_TA(2015)0420B8-1335/2015

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAXE 2), is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu (2015/3005(RSO))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti,

—  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinvestiga l-prattika tal-għoti ta' deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat fl-Istati Membri kollha,

—  wara li kkunsidra l-obbligu li għandhom l-Istati Membri kollha, skont ir-regoli tat-tassazzjoni tal-UE, li jikkomunikaw lil Stati Membri oħra, permezz ta' skambju spontanju, l-informazzjoni dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, b'mod partikolari jekk jista' jkun hemm xi telf ta' taxxi fi Stat Membru ieħor jew jekk iffrankar tat-taxxa jista' jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi ħdan gruppi ta' intrapriżi,

—  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015(1) dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (il-"Kumitat Speċjali TAXE 1"), is-setgħat, is-saħħa numerika u t-tul tal-mandat tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(2),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 197 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jistabbilixxi Kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAXE 2) biex jeżamina l-prattika fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat u t-tassazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili mogħtija mill-Istati Membri, jekk tali prattika tidher li hija l-att ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, u dwar skemi u prattiki tat-taxxa korporattiva dannużi fil-livell Ewropew u internazzjonali, li għandu:

   (a) jibni bis-sħiħ fuq ix-xogħol imwettaq mill-kumitat speċjali TAXE 1 u jikkompletah, b'mod partikolari jindirizza l-kwistjonijiet mhux riżolti msemmija fir-riżoluzzjoni imsemmija hawn fuq tal-25 ta' Novembru 2015, , jaċċedi għad-dokumenti rilevanti għal ħidmitu, inklużi l-minuti tal-laqgħat tal-Grupp tal-Kodiċi ta' Mġiba, u jagħmel il-kuntatti meħtieġa u jorganizza seduti ta' smigħ ma' istituzzjonijiet u fora internazzjonali, Ewropej u nazzjonali, mal-parlamenti nazzjonali u mal-gvernijiet tal-Istati membri u ta' pajjiżi terzi, kif ukoll ma' rappreżentanti tal-komunità akkademika, tan-negozji u tas-soċjetà ċivili, inkluż l-imsieħba soċjali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitati permanenti;
   (b) isegwi l-implimentazzjoni mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet Ewropej kompetenti tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni imsemmija hawn fuq tal-25 ta' Novembru 2015 , u jsegwi x-xogħol li qed jagħmlu l-istituzzjonijiet internazzjonali, inklużi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp u l-G20, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji rigward kwistjonijiet ta' tassazzjoni;

2.  Għal dak il-għan, jiddeċiedi li l-Kumitat speċjali TAXE 2 għandu jingħata s-setgħat li ġejjin:

   (a) li janalizza u jeżamina l-prattika fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) rigward id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili mogħtija mill-Istati Membri mill-1 ta' Jannar 1991 'il hawn;
   (b) li janalizza u jivvaluta l-prattika tal-Kummissjoni li żżomm taħt rieżami kostanti, skont l-Artikolu 108 tat-TFUE, is-sistemi kollha tal-għajnuna li jeżistu fl-Istati Membri, li tipproponi lill-Istati Membri miżuri xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq intern, li tikkontrolla jekk għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz tar-riżorsi ta' Stat tkunx kompatibbli mas-suq intern u mhix użata ħażin, li tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat għandu jabolixxi jew jimmodifika tali għajnuna f’terminu ta’ żmien, u li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk l-Istat ikkonċernat ma jirrispettax id-deċiżjoni, liema prattika allegatament irriżultat f'għadd kbir ta' deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa li huma inkompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat;
   (c) li janalizza u jeżamina r-rispett min-naħa tal-Istati Membri mill-1 ta' Jannar 1991 'il hawn tal-obbligi stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funjonament tal-Unjoni Ewropea(3), rigward l-obbligu tal-kooperazzjoni u tal-għoti tad-dokumenti kollha meħtieġa ;
   (d) li janalizza u jeżamina r-rispett tal-obbligi stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums ta' l-assigurazzjoni(4) u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE(5) , rigward il-komunikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri,lil Stati Membri oħra mill-1 ta' Jannar 1991 'il hawn, permezz ta' skambju spontanju, ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;
   (e) li janalizza u jivvaluta l-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni xierqa tad-Direttivi 77/799/KEE u 2011/16/UE rigward il-komunikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri lil Stati Membri oħra permezz ta' skambju spontanju, ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa;
   (f) li janalizza u jivvaluta r-rispett min-naħa tal-Istati Membri tal-prinċipji tal-kooperazzjoni leali stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bħalma huma t-twettiq tal-obbligi li jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Unjoni u li joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista' tqiegħed f' periklu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni, minħabba l-allegata skala kbira ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa ffaċilitat mill-Istati Membri, u l-konsegwenzi sinifikanti li dan x'aktarx kellu fuq il-finanzi pubbliċi tal-UE u fi ħdanha;
   (g) li janalizza u jivvaluta l-ippjanar aggressiv tat-taxxa mwettaq minn kumpaniji stabbiliti jew inkorporati fl-Istati membri, ukoll rigward id-dimensjoni ta' pajjiżi terzi, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni ma' pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;
   (h) li jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li tidhirlu meħtieġa f'din il-kwistjoni;

3.  Jiddeċiedi li l-Kumitat speċjali TAXE 2 għandu jkun magħmul minn 45 membru (bħalma kellu l-Kumitat speċjali TAXE 1);

4.  Iqis li huwa xieraq li l-istruttura tal-Kumitat speċjali TAXE 1 tinżamm fil-Kumitat speċjali TAXE 2;

5.  Jiddeċiedi li t-tul tal-mandat tal-Kumitat speċjali TAXE 2 għandu jkun ta' 6 xhur, li jibdew mit-2 ta' Diċembru 2015.

6.  Iqis li huwa xieraq li l-Kumitat speċjali TAXE 2 jippreżenta riżoluzzjoni jew rapport imfassal minn żewġ korapporteurs bħala sunt tax-xogħol li jkun wettaq.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0039.
(2) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0408.
(3) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.
(4) ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.
(5) ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza