Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2242(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0319/2015

Testi mressqa :

A8-0319/2015

Dibattiti :

PV 02/12/2015 - 12
CRE 02/12/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 02/12/2015 - 13.5
CRE 02/12/2015 - 13.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0423

Testi adottati
PDF 506kWORD 163k
L-Erbgħa, 2 ta' Diċembru 2015 - Brussell
Mobilità urbana sostenibbli
P8_TA(2015)0423A8-0319/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar mobilità urbana sostenibbli (2014/2242(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" (COM(2013)0913),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-"Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar "L-Aġenda Urbana Ewropea u l-futur tagħha fil-politika ta' koeżjoni"(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana" (COM(2009)0490),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE" (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2007 bl-isem "Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana" (COM(2007)0551),

—  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 406 tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2013 dwar "L-attitudnijiet tal-Ewropej lejn il-mobilità urbana",

–  wara li kkunsidra t-tnedija min-naħa tal-Kummissjoni ta' Pjattaforma Ewropea dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 1995 bit-titolu "In-Netwerk taċ-Ċittadini: it-twettiq tal-potenzjal tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fl-Ewropa" (COM(1995)0601),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 1998 bit-titolu "It-trasport u s-CO2 – l-iżvilupp ta' approċċ tal-Komunità" (COM(1998)0204),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Il-Protokoll ta' Pariġi – Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020" (COM(2015)0081),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa(3),

—  wara li kkunsidra r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007(4) u (KE) Nru 595/2009(5) fir-rigward tat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa minn vetturi tat-triq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa" (COM(2013)0918),

—  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-kwalità tal-arja u l-Għodda għall-Valutazzjoni Ekonomika tal-Benefiċċji għas-Saħħa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bit-titolu "Il-piż tal-mard li ġej mill-istorbju ambjentali – kwantifikazzjoni ta' snin ta' ħajja b'saħħitha mitlufa fl-Ewropa",

–  wara li kkunsidra r-rapport TERM tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Ħarsa aktar mill-qrib lejn it-trasport urban",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar "is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar il-korrimenti"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 1988 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jimxu fit-triq u l-karta Ewropea dwar id-drittijiet tal-persuni mixjin fit-triq(8),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa" (COM(2012)0636),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar "CARS 2020: lejn industrija tal-karozzi Ewropej b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli"(9),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali(10),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi(11),

—  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 1/2014 dwar "L-effettività tal-proġetti għat-trasport urban pubbliku appoġġati mill-UE",

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Patt tas-Sindki,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l- Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0319/2015),

A.  billi l-istimi jagħtu x'wieħed jifhem li sal-2050 82 % taċ-ċittadini tal-UE se jkunu qed jgħixu f'żoni urbani;

B.  billi, minħabba ż-żieda kbira mistennija fil-popolazzjoni urbana, iċ-ċentri urbani se jħabbtu wiċċhom ma' sfidi marbuta mas-soċjetà, il-kwalità tal-ħajja u l-iżvilupp sostenibbli, sfidi li ser jirrikjedu miżuri ta' ppjanar olistiku;

C.  billi l-mobilità urbana għadha tiddependi ħafna mill-użu ta' karozzi li jaħdmu b'mod konvenzjonali, u billi t-trasport fl-UE jiddependi, konsegwentement, miż-żejt u mill-prodotti taż-żejt għal aktar minn 96 % tal-bżonnijiet tal-enerġija tiegħu, jew għal madwar terz tat-total tal-konsum enerġetiku;

D.  billi t-trasport urban jikkostitwixxi madwar 25 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 u madwar 70 % tal-emissjonijiet kollha fiż-żoni urbani li huma responsabbli għat-tibdil fil-klima, u huwa l-uniku settur fl-UE fejn l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra qed ikomplu jiżdiedu;

E.  billi, skont id-data tal-Ewrobarometru Speċjali 406 tal-2013, madwar 50 % taċ-ċittadini Ewropej jużaw kuljum il-karozza privata, 16 % biss jużaw it-trasport pubbliku u 12 % jużaw ir-rota;

F.  billi, skont l-istess rapport, iċ-ċittadini tal-UE jqisu li t-tnaqqis fin-nollijiet tat-trasport pubbliku (59 %), it-titjib tas-servizzi tat-trasport pubbliku (56 %) u t-titjib tal-faċilitajiet għaċ-ċiklisti (33 %) huma mezzi effikaċi sabiex titjieb il-mobilità urbana;

G.  billi madwar 50 % tal-vjaġġi fiż-żoni urbani huma iqsar minn 5 km u f'ħafna bliet dak li jkun jista' għaldaqstant jivvjaġġa bil-mixi, bir-rota, permezz tal-mezzi pubbliċi/kollettivi jew kwalunkwe mezz ta' trasport ieħor, bħall-qsim tal-vjaġġ ma' persuna/i oħra (ride-sharing);

H.  billi l-użu mifrux tad-diżil fit-trasport, speċjalment f'vetturi aktar antiki u dawk mingħajr filtri tal-partikuli, huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tal-konċentrazzjoni għolja ta' partikuli fil-bliet tal-UE u billi, għaldaqstant, fil-mezzi ta' trasport urban għandu jiġi promoss l-użu ta' fjuwils alternattivi u, barra minn hekk, għandu jinbidel il-mod kif imdorrijin nużaw dawn il-mezzi, mingħajr ma nikkompromettu l-mobilità urbana;

I.  billi, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, fl-2011 aktar minn 125 miljun ċittadin Ewropew kienu esposti għal tniġġis akustiku ogħla mil-limitu ta' sigurtà ta' 55 dB, bil-kawża prinċipali jkun it-traffiku fit-toroq;

J.  billi s-servizzi tat-trasport ta' kwalità għolja huma ta' importanza fundamentali għan-nies li jgħixu f'żoni urbani sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' mobilità fil-ħajja professjonali tagħhom u t-taħriġ, it-turiżmu u attivitajiet rikreattivi; billi l-mobilità urbana sostenibbli tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konsum enerġetiku, tat-tniġġis atmosferiku u akustiku, tan-numru tal-inċidenti, tal-konġestjoni tat-traffiku, tal-użu tal-art u tal-issiġillar tal-ħamrija;

K.  billi miżuri mmirati lejn mobilità urbana sostenibbli huma possibbli u meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE u tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni marbuta mat-trasport u l-ambjent;

L.  billi, b'kont dovut għas-sussidjarjetà, l-UE għandha tiżviluppa, b'sostenn għall-azzjonijiet lokali, approċċ fit-tul u integrat għall-mobilità urbana, li jnaqqas it-tniġġis mit-traffiku, il-konġestjoni, l-istorbju u l-inċidenti fit-toroq, jipprovdi appoġġ xieraq lill-bliet u jiżgura informazzjoni, koordinament u kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri tal-UE;

M.  billi huwa importanti li tiġi enfasizzata l-importanza tat-trasport pubbliku għall-ekonomiji urbani, inklużi ż-żoni żvantaġġati, u li jiġu rrikonoxxuti l-benefiċċji soċjali tiegħu, bħall-kontribut li jagħti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex jiġi żgurat l-aċċess għall-impjieg għaċ-ċittadini kollha;

N.  billi trasport pubbliku kollettiv tajjeb u faċli huwa l-aħjar mezz biex jiskoraġġixxi t-trasport privat u wieħed mill-aħjar modi biex itaffi l-konġestjoni tat-traffiku;

O.  billi 73 % taċ-ċittadini Ewropej iqisu li s-sikurezza fit-toroq hija problema serja fil-bliet, u billi aktar minn 30 % tal-imwiet u l-korrimenti serji fit-toroq iseħħu f'żoni urbani u spiss jinvolvu utenti vulnerabbli tat-toroq u persuni mixjin fit-triq;

P.  billi 38 % tal-fatalitajiet kollha jseħħu f'żoni urbani u 55 % f'toroq interurbani, billi l-vittmi spiss ikunu ċiklisti u utenti tat-toroq li wkoll huma vulnerabbli, u billi l-inċidenti huma marbuta ma' konċentrazzjonijiet għoljin ta' vetturi u veloċità;

Q.  billi t-trasport urban sostenibbli huwa wieħed mill-aspetti tal-politiki ta' ġestjoni territorjali usa', filwaqt li ż-żoni ħodor urbani jistgħu jtaffu parzjalment l-impatt tat-tniġġis tat-traffiku fit-toroq;

R.  billi l-użu ta' propellenti u mezzi ta' trasport alternattivi jinvolvi l-iżvilupp ta' infrastruttura neċessarja, flimkien ma' sforzi li jbiddlu l-imġiba tan-nies fil-konfront tal-mobilità;

S.  billi, bħala ċentri importanti ta' attività ekonomika u innovazzjoni, il-bliet u żoni urbani kbar bix-xieraq ġew rikonoxxuti bħala nodi kruċjali fl-istrateġija TEN-T il-ġdida u huma r-rabta ewlenija fil-katina tat-trasport għall-passiġġieri u għall-merkanzija;

T.  billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi differenti u servizzi ta' trasport fiż-żoni urbani u 'l barra minnhom huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

U.  billi l-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet, meta ltaqgħu waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) fl-2012, impenjaw ruħhom li jappoġġaw l-iżvilupp ta' netwerks ta' trasport sostenibbli(12);

V.  billi għaz-żoni urbani ma teżistix soluzzjoni universali, u l-bliet fl-Unjoni Ewropea qed iħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjonijiet u ħtiġijiet speċifiċi, marbuta b'mod partikolari mal-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi, l-istruttura demografika, it-tradizzjonijiet kulturali, u fatturi oħra;

W.  billi l-mobilità urbana u l-ġestjoni tat-trasport urban huma responsabilità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jfasslu u jimplimentaw dawn il-politiki pubbliċi fit-territorju tagħhom, b'rabta mal-qafas nazzjonali fis-seħħ u l-aġenda urbana tal-UE;

X.  billi jinsab imħasseb li l-Kummissjoni qiegħda titkellem f'termini li tfasssal kunċetti tat-trasport fuq livell Ewropew, li mbagħad għandhom jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri; billi, minflok ma jiġi adottat dan l-approċċ minn fuq għal isfel u fid-dawl tan-neċessità ta' regoli u standards komuni, ikun preferibbli li jiġi segwit approċċ minn isfel għal fuq li jinvolvi l-isperimentazzjoni parallela fuq il-post, biex b'hekk tiġi promossa l-innovazzjoni; billi, għaldaqstant, huwa jappoġġa bis-sħiħ il-ħolqien ta' pjattaformi għal skambji ta' esperjenzi fost il-partijiet interessati lokali bil-għan li l-mudelli ta' suċċess li jiġu ppubbliċizzati b'mod usa';

1.  Jissottolinja li l-ħidma li saret s'issa fil-livell Ewropew u f'ħafna bliet kienet pożittiva u għandha titkompla, u għaldaqstant jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-mobilità urbana;

Ir-restituzzjoni tal-ispazju u l-infrastruttura liċ-ċittadini kollha u t-titjib tal-aċċessibilità

2.  Josserva li l-ippjanar tal-art huwa l-aktar fażi importanti għall-ħolqien ta' netwerks ta' trasport mingħajr xkiel u mingħajr riskji dejjiema u li jkollhom impatt reali fuq il-volum u d-distribuzzjoni tat-traffiku; jisħaq li s-sikurezza għandha dejjem titqies bħala element ewlieni ta' pjanar urban sostenibbli;

3.  Jinsab konvint li l-għoti ta' informazzjoni u l-konsultazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, il-bejjiegħa bl-imnut, l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija u partijiet ikkonċernati oħra involuti fil-mobilità urbana huma kruċjali sabiex isir pjanar, żvilupp, u teħid ta' deċiżjonijiet aktar trasparenti; jisħaq li din l-informazzjoni għandha tkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li teżisti l-ħtieġa li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-atturi relevanti u bejn il-bliet fil-livell tal-UE bil-għan li jsir skambju ta' soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli;

4.  Jinsab konvint li Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli li joperaw fit-tul appoġġati mit-teknoloġiji tal-ICT huma għodod importanti biex jipprovdu soluzzjonijiet ta' mobilità adegwati u mingħajr riskji għaċ-ċittadini kollha; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex fil-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli jieħdu kont tal-bżonnijiet speċjali fir-rigward tal-komunikazzjonijiet għall-persuni b'mobilità mnaqqsa; jenfasizza li huwa kruċjali li jkun hemm infrastruttura mingħajr xkiel għall-mobilità ta' persuni b'mobilità mnaqqsa; jisħaq li huwa neċessarju li l-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli jinkludu strateġiji speċifiċi fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq u jipprovdu infrastruttura sikura bi spazju adegwat għall-utenti tat-toroq l-aktar vulnerabbli;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għall-ksib tal-objettivi tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis akustiku u t-tniġġis tal-arja u t-tnaqqis tal-inċidenti; iqis li l-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għandu jkun element importanti li għandu jiġu kkunsidrat fil-finanzjament ta' proġetti tal-UE fil-qasam tat-trasport urban, u li l-finanzjament u s-sostenn mill-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni jistgħu jipprovdu inċentivi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet bħal dawn; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti l-pariri u l-appoġġ tekniku meħtieġa fl-iżvilupp tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli, b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet fl-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli li jagħtu prijorità lil mezzi ta' trasport b'emissjonijiet baxxi, inklużi t-trazzjoni elettrika u l-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, u li jinkludu sistemi ta' trasport intelliġenti; jappoġġa l-istabbiliment ta' żoni ta' traffiku u pjattaformi intermodali, fejn tingħata prijorità lill-użu tat-trasport pubbliku;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-bliet Ewropej jieħdu azzjoni biex jiżviluppaw politika tal-parkeġġi (il-provvista ta' spazji għall-parkeġġ, l-użu ta' sistemi ta' parkeġġ intelliġenti u prezzijiet xierqa) li tista' tkun parti minn politika urbana integrata u fl-istess ħin tħeġġeġ sforzi akbar lejn l-iżvilupp ta' diversi ċentri intermodali funzjonali, li jipprovdu servizzi ta' trasport varjati u jippermettu t-tlaqqigħ flimkien u mingħajr xkiel ta' diversi soluzzjonijiet ta' trasport, bħat-trasport kollettiv, it-trasport kondiviż, iċ-ċikliżmu u s-servizzi ta' kiri; jappella għal konnettività aħjar tal-ispazji għall-parkeġġ suburbani mas-servizzi ferrovjarji u tat-trasport pubbliku permezz, pereżempju, ta' opzjonijiet ta' "park and ride"; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu eliminati n-nuqqasijiet fil-provvista tas-servizzi liċ-ċittadini b'diżabilità;

8.  Jenfasizza li, meta titqies il-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent tad-dipendenza tas-sistema tat-trasport tal-UE fuq iż-żejt (kważi totalment fuq iż-żejt u l-prodotti sekondarji tiegħu), il-Fondi SIE għandhom jintużaw sistematikament għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli komprensivi u integrati li b'mod komplementari u reċiproku jsaħħu l-miżuri ta' mobilità urbana f'kuntest usa' tal-ġestjoni tat-territorju mingħajr ma jiġu ġġenerati ħtiġijiet addizzjonali tat-trasport għall-użu eċċessiv tal-karozzi, u dan billi ssir enfasi fuq sistema integrata tat-trasport bbażata fuq il-kooperazzjoni bejn tipi ta' trasport individwali;

9.  Jemmen bis-sħiħ li l-Pjattaforma tal-Kummissjoni dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għandha tipprovdi appoġġ qawwi għall-bliet u r-reġjuni għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu kkunsidrati l-bliet kollha, irrispettivament mid-daqs, għall-investiment fil-mobilità urbana u għar-rwol ewlieni li l-ibliet u r-reġjuni Ewropej iridu jaqdu fit-tisħiħ u l-promozzjoni ta' mobilità urbana sostenibbli; jitlob l-involviment tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' daqsijiet differenti u rappreżentanti tal-partijiet interessati differenti (eż. assoċjazzjonijiet taċ-ċiklisti) fil-Pjattaforma Ewropea u l-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Mobilità Urbana u t-Trasport;

10.  Jenfasizza li l-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli għandhom ikunu konsistenti mal-aġenda u l-għanijiet attwali tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar il-bidla modali mit-triq għall-ferrovija stabbiliti fil-White Paper tal-2011;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jivvalutaw u jagħmlu awditjar tal-Pjanijiet ta' Mobilità Urbana f'konformità mal-objettivi u l-għanijiet tal-istrateġija Trasport 2050;

It-titjib tal-ambjent, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa

12.  Jindika b'mod partikolari l-ħafna effetti ta' ħsara tal-mudell tat-trasport attwali fuq l-elementi fundamentali tal-ambjent naturali, inklużi l-arja, l-ilma u l-ħamrija, u fuq l-ekosistemi varji;

13.  Huwa konvint li t-tniġġis tal-arja għandu dimensjoni lokali, reġjonali, nazzjonali u transfruntiera, u jeħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livelli ta' governanza kollha; jitlob, għaldaqstant, li jissaħħaħ l-approċċ ta' governanza f'diversi livelli, fejn l-atturi kollha jieħdu r-responsabilità għall-miżuri li jistgħu u għandhom jittieħdu f'dak il-livell;

14.  Jistieden lill-bliet jevalwaw b'attenzjoni l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji u l-ispeċifiċitajiet tal-mezzi tat-trasport, sabiex il-mobilità sostenibbli tkun żgurata fil-bliet, u jistedinhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-bliet, fost l-oħrajn billi jrawmu bidla modali lejn mezzi sostenibbli ta' trasport, inklużi l-mixi u ċ-ċikliżmu, integrati, intermodali u jippromwovu politika integrata ta' trasport intermodali u/jew komodali;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali jqisu l-benesseri taċ-ċittadini tagħhom meta jfasslu pjanijiet ta' mobilità sostenibbli; jistieden, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri biex jitnaqqas l-istorbju relatat mat-traffiku fil-bliet;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri preventivi, skont il-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità, biex itejbu l-kwalità tal-arja fil-bliet u jiżguraw li l-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu ma jaqbżux il-livelli stabbiliti fil-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jappoġġa, għal dan il-għan, il-ħolqien fil-livell lokali ta' żoni b'emissjonijiet baxxi; jisħaq li hija r-responsabilità tal-awtoritajiet kompetenti li joffru soluzzjonijiet ta' mobilità sikuri u mingħajr riskji għas-saħħa taċ-ċittadini tagħhom; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq sistemi tat-trasport pubbliku bi prezz li jintlaħaq, intelliġenti, affidabbli u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex, meta jkun hemm riskju li ma jiġux segwiti l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa msemmija hawn fuq, dawn jieħdu miżuri ħalli jtejbu l-aċċess għat-trasport pubbliku, pereżempju billi jalternaw it-traffiku;

17.  Josserva li jeħtieġ li jittieħed approċċ olistiku għat-tniġġis tal-arja fil-bliet Ewropej; Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tressaq miżuri effikaċi li jippermettu lill-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (2008/50/KE), b'mod partikolari billi jistabbilixxu limiti effikaċi u ambizzjużi għall-emissjonijiet għall-2025 u l-2030 skont id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali ta' Emissjonijiet, u billi jiżguraw koordinament aħjar tal-miżuri taħt id-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali ta' Emissjonijiet u d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent, billi jistabbilixxu standards ambizzjużi ta' rendiment għall-emissjonijiet mill-karozzi għall-2025 u l-2030 f'rieżami f'waqtu tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 dwar is-CO2 u l-karozzi, u billi jistabbilixxu skeda ta' żmien ċara għall-implimentazzjoni tal-Ittestjar għall-Emissjonijiet Reali tas-Sewqan għall-vetturi privati;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjonijiet, fi ħdan id-diversi pjanijiet individwali tal-Istati Membri, dwar il-pożizzjonament tal-istazzjonijiet użati għall-kejl u l-kontroll tat-tniġġis tal-arja fl-agglomerazzjonijiet urbani prinċipali li għandhom problemi ta' kwalità tal-arja, peress li ħafna drabi l-pożizzjonament mhux daqstant tajjeb tagħhom iwassal li d-data miġbura tista' ma tkunx preċiża u għaldaqstant tista' toħloq riskju għas-saħħa pubblika;

19.  Jinnota l-bidliet fl-imġiba fil-qasam tas-sjieda tal-vetturi u l-użu tagħhom (il-kondiviżjoni tal-karozzi (car-sharing) u l-qsim tal-vjaġġ b'karozza waħda (car-pooling)); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa u tappoġġa sistemi tat-trasport li jinvolvu forom kollettivi u pubbliċi ta' mobilità;

20.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tivvaluta kif is-soċjetà x'aktarx tintlaqat minn forom ġodda ta' mobilità bbażati fuq il-mudell tal-ekonomija kollaborattiva, inkluż il-qsim tal-vjaġġ ma' persuna/i oħra (ride-sharing); huwa tal-fehma li, fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom isegwu l-kunċett ta' "belt li tista' tiġi kondiviża" f'dak li jikkonċerna l-mobilità u t-trasport, peress li dan jista' jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini, b'mod speċjali fl-irħula u l-bliet żgħar u medji, fejn in-netwerk tat-trasport pubbliku huwa iżgħar, u bis-saħħa ta' dan jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' mobilità kollaborattiva;

21.  Jenfasizza li trasport pubbliku li huwa żviluppat ħafna, effiċjenti, bi prezz li jista' jintlaħaq, sikuri u aċċessibbli huwa parti integrali mill-iżvilupp urban sostenibbli; huwa konvint li servizzi ta' trasport pubbliku affidabbli jaf jaqdu rwol importanti fit-tnaqqis tal-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja u l-istorbju fil-bliet; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jippromwovu t-trasport pubbliku bil-għan li sal-2030 ikun żdied l-użu tiegħu; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali jippromwovu d-disponibilità tas-servizzi diġitali u l-istazzjonijiet tat-trasport pubbliku, jappoġġaw l-iżvilupp ta' forom innovattivi ta' mobilità u jimplimentaw soluzzjonijiet ta' trasport intelliġenti u teknoloġiji oħrajn tal-ogħla livell; jisħaq li s-servizzi tal-kondiviżjoni tal-karozzi (car-sharing), tal-qsim tal-vjaġġ b'karozza waħda (car-pooling) u tal-qsim tal-vjaġġ ma' persuna/i oħra (ride-sharing) jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi eżistenti u jgħinu biex jonqos l-għadd ta' karozzi fil-bliet; jirrikonoxxi l-importanza tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita - Galileo u EGNOS - u n-netwerks mobbli b'veloċità għolja; Jappoġġa l-ħolqien ta' qafas regolatorju li jippermetti l-użu ta' forom ġodda ta' mobilità u mudelli ġodda ta' kondiviżjoni li jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi eżistenti;

22.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm informazzjoni pubblika dwar l-offerti ta' trasport pubbliku urban, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet lingwistiċi tat-turisti u l-benefiċċji ta' politika ta' turiżmu sostenibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jipprovdu informazzjoni f'ħin reali fuq l-internet u għadd suffiċjenti ta' skrins fil-bliet; jistieden lill-awtoritajiet u lill-operaturi tat-trasport itejbu d-disponibilità tas-servizzi diġitali mingħajr ħlas fuq it-trasport pubbliku u fl-istazzjonijiet;

23.  Jenfasizza li l-benefiċċji soċjali tat-trasport pubbliku ferrovjarju f'dak li jikkonċerna l-aċċessibilità taż-żoni urbani, ir-riġenerazzjoni urbana, l-inklużjoni soċjali u t-titjib tal-immaġini tal-bliet;

24.  Jirrikonoxxi l-kwalità u d-diversità tal-impjiegi offruti mill-operaturi tat-trasport pubbliku u l-benefiċċji relatati għall-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta l-kontribuzzjoni tat-trasport pubbliku għall-impjiegi ekoloġiċi u l-istrateġiji ta' tkabbir ekoloġiku fil-livell nazzjonali u Ewropew;

25.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effikaċi biex jiżguraw is-sigurtà fit-trasport pubbliku, filwaqt li jirrispettaw is-setgħat fil-livell lokali;

26.  Ifakkar li l-mobilità individwali mhux motorizzata, bħall-mixi u ċ-ċikliżmu, toffri l-aħjar potenzjal għan-newtralità f'dak li jikkonċerna s-CO2;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom sabiex itejbu trasport mhux motorizzat bil-ħsieb li jissodisfaw l-interessi konverġenti għat-tijib tal-mobilità u l-ambjent urban; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu, fejn xieraq, l-użu tar-roti, fosthom permezz tal-istabbiliment ta' miri ambizzjużi għar-rati taċ-ċikliżmu sal-2030 u billi jtejbu l-kundizzjonijiet għall-mixi u ċ-ċikliżmu;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar iċ-ċikliżmu u l-modi ta' trasport alternattivi, li jikkontribwixxu għal bidla modali lejn mezzi ta' trasport sostenibbli, u jkomplu jappoġġaw il-Kampanja favur Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità; jistieden lill-bliet jorganizzaw is-sistemi tal-kondiviżjoni tar-roti b'rabta mat-trasport pubbliku; jilqa' l-inizjattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għall-promozzjoni u l-organizzazzjoni tal-"Ħdud Ewropej Mingħajr Karozzi" u l-"Jum Ewropew tar-Roti" bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità tal-arja fil-bliet;

29.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji privati, l-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE jkomplu jtejbu l-ġestjoni tas-servizzi ta' mobilità għall-membri u l-persunal tagħhom u l-viżitaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki mmirati sabiex iħeġġu lill-kumpaniji biex inaqqsu l-vjaġġi minn u lejn il-postijiet tax-xogħol, fost l-oħrajn billi jippermettu u jippromwovu t-teleworking u jħeġġu l-użu ta' teknoloġiji tal-ICT u t-telekonferenzi; iqis li l-miżuri ta' mobilità, bħal dawk ikkoordinati mill-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġestjoni tal-Mobilità (EPOMM), għandhom potenzjal kbir biex isolvu l-konġestjoni urbana u jipprovdu aċċessibilità għal kulħadd;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiddefinixxu r-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, b'mod partikolari għax-xiri ta' vetturi għat-trasport pubbliku jew vetturi użati mill-awtoritajiet pubbliċi;

L-iffrankar tal-enerġija u l-ħarsien tal-klima

31.  Iqis li l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju huma essenzjali biex tinkiseb mobilità urbana sostenibbli, u fl-istess ħin jittejbu l-kundizzjonijiet ambjentali, u li n-newtralità tat-teknoloġija għandha tiġi rispettata meta jkunu qed jiġu adottati miżuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għall-emissjonijiet tas-CO2 u l-iffrankar tal-enerġija;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw l-għanijiet tal-White Paper dwar it-Trasport li sal-2030 jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta' karozzi li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali fit-trasport urban u li dawn jitneħħew gradwalment mill-bliet sal-2050; jistieden lill-bliet jippromwovu u jappoġġaw il-bidliet lejn mezzi alternattivi ta' trasport u vetturi li jniġġsu anqas, filwaqt li jqisu l-marka tal-karbonju reali tagħhom bil-ħsieb li jilħqu l-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'60 % sal-2050; jilqa' l-inċentivi għall-vjaġġaturi li jikkumbinaw mezzi differenti ta' trasport;

33.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-użu ta' vetturi elettriċi u vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi (bijofjuwils tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, idroġenu bbażat fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, gass naturali kkompressat (CNG) u gass naturali likwifikat (LNG) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-bliet; ifakkar fid-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/94/UE dwar l-użu ta' fjuwils alternattivi u jħeġġeġ lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-industrija kkonċernata, biex minnufih jiżviluppaw infrastruttura bħal din, b'mod partikolari mal-kurituri tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T); jistieden lis-settur pubbliku u lis-settur privat jippromwovu l-installazzjoni ta' faċilitajiet tal-iċċarġjar fil-parkeġġi kollettivi;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex, fejn possibbli, jippromwovu n-navigazzjoni interna bħala soluzzjoni ta' mobilità integrata fil-bliet;

35.  Jissottolinja l-importanza ta' approċċ 'minn isfel għal fuq'; għaldaqstant jappoġġa bil-qawwa, pereżempju, il-Patt tas-Sindki, b'aktar minn 6 000 firmatarju, dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u jilqa' l-appell li l-Kummissarju Canete għamel fit-13 ta' Ottubru 2015 fi Brussell biex issir Konvenzjoni aktar ambizzjuża; jappoġġa lill-Kummissjoni biex ikollha rwol pożittiv bħala katalizzatur attiv għal inizjattivi bħal dawn;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ambizzjużi fir-rigward tal-"Mobilità Urbana Sostenibbli" bħala prijorità fuq l-aġenda tas-COP 21 li għandha ssir f'Pariġi f'Diċembru 2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti appoġġ attiv lill-inizjattivi tal-Aġenda ta' Azzjoni dwar il-mobilità urbana sostenibbli integrata;

L-innovazzjoni meqjusa bħala l-qalba tal-politika ta' riċerka mmirata lejn approċċi ta' mobilità intelliġenti

37.  Ifakkar li, bis-saħħa tas-sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), il-mobilità hija aktar sikura, aktar effiċjenti, ekoloġika u fluwida, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fuq is-sistemi ta' trasport intelliġenti, inklużi l-innovazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom fl-oqsma tal-għoti tal-informazzjoni f'ħin reali dwar il-vjaġġi, il-vetturi awtomatizzati ħafna, l-infrastruttura intelliġenti u s-sistemi intelliġenti tas-sinjali tat-traffiku; ifakkar fl-importanza tas-sistemi ta' trasport intelliġenti fl-għoti ta' data preċiża u f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni biex il-mobilità urbana tiġi introdotta bħala prijorità fl-Aġenda Diġitali; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jikkooperaw mill-qrib fl-iżvilupp ta' servizzi interoperabbli u integrati ta' mobilità, bħat-trasport pubbliku multimodali, il-mobilità kondiviża u faċilitajiet intermodali għall-ħruġ integrat tal-biljetti; jitlob lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi u teknoloġiji ġodda li jippermettu lill-utenti tat-triq sabiex jieħdu rwol aktar proattiv bħala żviluppaturi u produtturi tad-data fis-sistema tat-trasport, bil-għan li jikkontribwixxu fil-pjattaformi għas-servizzi ta' mobilità, f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

38.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jużaw b'mod sħiħ il-possibilitajiet tad-data u d-diġitalizzazzjoni u jużaw id-deregolamentazzjoni biex jippromwovu mudelli ġodda ta' negozju;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw programmi ta' riċerka dwar it-teknoloġiji ġodda, il-mudelli ġodda ta' negozju, u l-prattiki ġodda ta' mobilità urbana sostenibbli integrata u l-loġistika urbana; Jappoġġa l-prijoritajiet ta' Orizzont 2020 fir-rigward tal-isfidi soċjetali għat-trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat u l-mobilità urbana, kif ukoll l-iżvilupp ta' inizijattivi ta' "Mobilità bħala Servizz" fl-Ewropa; jemmen li Orizzont 2020 jeħtieġ li jagħti spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-kwalità tal-ħajja, l-impjiegi sostenibbli, id-demografija, it-tibdil fil-qasam tal-mobilità attiva, l-ambjent u l-azzjoni dwar il-klima; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' dawn il-prijoritajiet, tiżgura li jkun hemm biżżejjed fondi tal-UE ddedikati għal attivitajiet futuri ta' riċerka u żvilupp fis-sistemi ferrovjarji urbani u ttejjeb il-prestazzjoni tas-soluzzjonijiet ta' trasport sostenibbli;

Ħidma biex il-mobilità urbana ssir aktar sostenibbli, sigura u mingħajr riskji

40.  Jinnota li prekundizzjonijiet għas-sikurezza stabbiliti bir-reqqa kif ukoll ġestjoni avvanzata tat-traffiku u l-veloċità jwasslu għal tnaqqis drastiku fl-għadd ta' mwiet u korrimenti serji fit-toroq tal-bliet; josserva li forza tas-sigurtà li jkollha l-kompitu li tiġġestixxi u tikkontrolla t-traffiku u twettaq kontrolli konsistenti għal reati li jpoġġu f'riskju s-sikurezza tat-traffiku, bħas-sewqan b'eċċess ta' veloċità, is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, id-drogi u l-mediċini u l-użu tal-mowbajl u apparat ta' komunikazzjoni u informazzjoni oħrajn waqt is-sewqan, tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inċidenti tat-traffiku fit-toroq tal-bliet;

41.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jaħsbu mill-ġdid dwar il-ġestjoni tal-veloċità sal-2020, filwaqt li jqisu l-kundizzjonijiet lokali, sabiex jiżguraw is-sikurezza, fosthom f'żoni residenzjali u madwar l-iskejjel u faċilitajiet edukattivi u soċjali, u biex jikkunsidraw l-iżvilupp u d-disinn ta' infrastruttura tat-toroq aktar sikura; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jużaw is-soluzzjonijiet moderni kollha, inkluża ġestjoni tat-traffiku intelliġenti u avvanzata, sabiex jipprovdu sigurtà għall-utenti kollha tat-toroq, inklużi l-persuni mixjin fit-triq; iħeġġeġ lill-bliet Ewropej jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rigward tal-ġestjoni tas-sikurezza;

L-innovazzjoni fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija sostenibbli

42.  Jemmen li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' loġistika urbana li huma sostenibbli, innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u li jinvolvu atturi pubbliċi u privati, huwa ta' importanza kbira biex jiġu solvuti l-problemi ambjentali u l-konġestjoni fil-bliet; Huwa tal-opinjoni li l-loġistika għandha tkun ibbażata fuq mezzi ta' trasport sostenibbli; jitlob li ssir ottimizzazzjoni aħjar tal-katina tal-provvista fiż-żoni urbani, ibbażata fuq tipi ta' operazzjonijiet, teknoloġiji u mudelli ta' negozji ġodda u kosteffikaċi; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli li jinkludu strateġiji loġistiċi komodali, u jenfasizza li, fejn xieraq, it-trasport ferrovjarju, in-navigazzjoni interna nadifa u l-portijiet jeħtieġ li jiġu integrati fi strateġiji loġistiċi u pjanijiet ta' mobilità urbana sostenibbli; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jnaqqsu, fejn possibbli, it-traffiku ta' vetturi tqal f'inħawi ċentrali tal-bliet;

43.  Josserva li żoni b'densità għolja u żoni oħra, bħalma huma ċ-ċentri fejn isir ix-xiri u l-bejgħ, qed iħabbtu wiċċhom ma' aktar traffiku stradali u problemi ta' konġestjoni, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' politiki ta' ppjanar effikaċi u komprensivi li jgħaqqdu flimkien dawn ż-żoni bi trasport pubbliku effiċjenti u servizzi intelliġenti ta' konsenja sad-dar;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politiki li jħeġġu lill-industrija tat-trasport biex tibdel il-flotta tagħha f'waħda ekoloġika, u biex tħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jipprovdu appoġġ u/jew inċentivi lill-operaturi biex it-trasport urban tal-merkanzija jagħmluh aktar sostenibbli; Ifakkar li t-trasport ferrovjarju u mezzi oħra ta' trasport aktar sostenibbli, flimkien ma' interkambju u loġistika ppjanati tajjeb, jista' jkollhom rwol importanti billi jwasslu l-prodotti fil-periferija urbana;

Il-minimizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u investimenti ta' kwalità aħjar

45.  Jisħaq li valutazzjonijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-investimenti għandhom ikunu diretti għall-massimizzazzjoni tal-benefiċċji soċjetali esterni u l-minimizzazzjoni tal-ispejjeż esterni li jirriżultaw minn, pereżempju, it-tibdil fil-klima, l-inċidenti, is-saħħa, l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u l-użu tal-ispazju;

46.  Jisħaq li l-mobilità urbana għandha tkun integrata għalkollox u tikkontribwixxi fil-ksib tal-objettivi tal-UE fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ekonomija ċirkolari;

47.  Ifakkar li l-ipprezzar tat-toroq urbani u l-ipparkjar ibbażat fuq in-nondiskriminazzjoni, l-interoperabilità u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" jistgħu jkunu parti minn politika dwar il-mobilità urbana integrata;

48.  Ifakkar fil-prinċipju ta' "l-użu tad-dħul" f'dak li għandu x'jaqsam mal-iċċarġjar stradali u, fejn adatt, jitlob li proporzjon mid-dħul mill-użu tal-infrastruttura stradali (il-pedaġġ tat-triq u/jew l-Eurovignette) jiġi ddedikat biex tittejjeb il-mobilità urbana sostenibbli;

49.  Jemmen li l-mobilità urbana għandha tkun riflessa fil-miżuri tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa/Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), fejn xieraq u f'konformità mal-leġiżlazzjoni tat-TEN-T, inkluż is-sostenn għan-nodi urbani u l-integrazzjoni ta' pjanijiet għall-mobilità għal bliet f'żoni transfruntiera, peress li din tistimola l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u tappoġġa aċċessibilità aħjar; jemmen li interkonnessjoni effiċjenti bejn id-diversi mezzi ta' trasport u bejn in-netwerks tat-trasport, inklużi n-netwerks periurbani u interreġjonali, ittejjeb il-mobilità taċ-ċittadini; jappoġġa l-iżvilupp ta' sistemi integrati ta' ħruġ tal-biljetti, li potenzjalment jaf itejbu l-aċċessibilità għat-trasport pubbliku;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jagħmlu użu minn din il-possibilità ġdida ta' finanzjament ta' proġetti urbani fi ħdan il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fin-nodi urbani; ifakkar li huwa possibbli li l-Faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" tiffinanzja proġetti ta' sinerġija b'rata ta' extrakofinanzjament ta' proġetti ta' trasport mal-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, u dan jimplika potenzjal enormi għall-proġetti urbani; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra finanzjament tal-UE adegwat għall-proġetti ta' mobilità sostenibbli meta tirrevedi l-baġits tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti jiżguraw li jkun hemm relazzjoni b'saħħitha bejn il-politika ta' mobilità urbana sostenibbli u intelliġenti u l-proġetti ta' mobilità urbana ffinanzjati mill-fondi tal-UE, u li jistabbilixxu miri u indikaturi sabiex dawn jintużaw b'mod ċar bil-għan li jevitaw li l-proġetti ma jintużawx biżżejjed u b'hekk idgħajfu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tagħhom; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal forom ġodda ta' finanzjament sostenibbli għat-trasport pubbliku li jippermettu s-sostenibilità ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibilità, jistimulaw l-ekonomija taż-żoni urbani u joħolqu impjiegi ġodda;

51.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) li ġie adottat dan l-aħħar u josserva l-attenzjoni partikolari li ngħatat, fil-kuntest ta' dan l-istrument, lill-prijoritajiet orizzontali u l-proġetti urbani intelliġenti u sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-proġetti ta' mobilità urbana sostenibbli, jiżguraw is-sinerġiji meħtieġa bejn id-diversi sorsi u programmi ta' finanzjament, u jiżviluppaw rabtiet bejn il-mobilità urbana, l-Aġenda Diġitali l-ġdida u l-Unjoni tal-Enerġija;

52.  Jisħaq fuq l-importanza tal-bini tal-kapaċità fi ħdan l-awtoritajiet lokali u fiż-żoni periurbani għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' żvilupp integrati sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn it-territorji differenti, u konsegwentement tiġi mrawma l-interdipendenza u l-kumplimentarjetà;

53.  Iqis li l-investiment fit-trasport pubbliku sostenibbli mhux biss huwa rispons għall-problemi ta' mobilità urbana, iżda jinkludi wkoll "elementi ta' rinnovazzjoni urbana" li għandhom impatt fuq is-sistema ekonomika ġenerali tal-belt u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' ambjent urban ekoloġiku, kif ukoll aċċess għaċ-ċentri ta' attivitajiet imħalltin (kummerċjali, residenzjali, rikreattivi, kulturali, edukattivi); jisħaq li l-koordinament xieraq tal-mobilità u tal-ippjanar urban huwa kruċjali sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti;

54.  Jitlob li l-inizjattivi favur l-impjieg taż-żgħażagħ kif ukoll Fondi SIE oħra jintużaw għall-promozzjoni tal-impjiegi f'oqsma li jistimulaw l-iżvilupp ta' mobilità urbana sostenibbli; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-proġetti ta' mobilità urbana għandha impatt pożittiv fuq ir-reġjuni kollha u l-popolazzjonijiet tagħhom, billi tippromwovi l-opportunitajiet ta' impjieg eżistenti u innovattivi fl-oqsma rilevanti, inklużi l-professjonijiet fejn hemm nuqqas ta' forza tax-xogħol;

55.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti deskrizzjonijiet ġeneriċi faċilment aċċessibbli tal-programmi ta' mobilità urbana kkofinanzjati mill-UE; jitlob, barra minn hekk, li tiġi pprovduta informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar l-opportunitajiet ta' kofinanzjament tal-UE għall-proġetti tat-trasport urban; jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tiġġestixxi proġetti ta' mobilità urbana kkofinanzjati mill-UE, tiżgura li: (a) jiġu stabbiliti strumenti ta' ġestjoni biex jissorveljaw il-kwalità tas-servizz u l-livell ta' sodisfazzjon tal-utenti ladarba l-proġetti jkunu qed jitħaddmu, (b) jiġu inklużi proġetti ta' mobilità urbana f'politika ta' mobilità soda, u (c) jiġu indirizzati l-punti msemmija hawn fuq mill-awtoritajiet tal-Istati Membri wkoll; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tal-appoġġ tal-politika ta' koeżjoni għal mobilità urbana sostenibbli meta tkun qed twettaq ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-FSIE;

L-integrazzjoni tan-netwerks ta' sistemi ta' mobilità effiċjenti u t-trawwim tal-kooperazzjoni

56.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-governanza f'diversi livelli biex irawmu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej fl-iżvilupp tal-politiki, inkluż fid-disinn, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki Ewropej li għandhom impatt ċar fuq iż-żoni urbani;

57.  Jirreferi għall-inizjattiva tal-Kummissjoni bl-isem ta' "In-Netwerk taċ-Ċittadini" bħala bażi tajba għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-ktajjen ta' mobilità sostenibbli intermodali bbażati fuq il-mixi / iċ-ċikliżmu / is-sistema ewlenija tat-trasport pubbliku-kollettiv, flimkien mal-kondiviżjoni tal-karozzi / il-qsim tal-vjaġġ b'karozza waħda / taxis;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki u gwida sabiex tindirizza l-isfidi tal-mobilità urbana u tiffaċilita t-trasferiment ta' kapaċitajiet u teknoloġiji fil-qasam tal-mobilità sostenibbli, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli u tas-settur tal-kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet mutwi u mingħajr skop ta' qligħ; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Netwerk ta' Mobilità Sostenibbli ta' eżempji tal-aħjar prattiki ta' ġestjoni tat-territorju u użu tal-ispazju; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jħeġġu lill-bliet jieħdu sehem fi "Bliet u komunitajiet intelliġenti – sħubija Ewropea għall-innovazzjoni"; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika biex jippromwovu mobilità effiċjenti, sostenibbli u anqas dipendenti fuq l-użu ta' karozzi privati li jaħdmu bi fjuwil konvenzjonali;

59.  Jappoġġa l-ħidma tal-Osservatorju tal-Mobilità Urbana (Eltis) u jemmen li għandha tittejjeb il-komunikazzjoni madwar din l-inizjattiva, inkluż il-portal tagħha;

60.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkoordina u tikkonsolida inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-mobilità urbana, bħal pereżempju CIVITAS 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-Osservatorju tal-Mobilità Urbana għall-iskambju tal-aħjar prattika u esperjenza, u l-Pjattaforma dwar Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-frammentazzjoni u n-nuqqas ta' koordinament bejn l-inizjattivi u l-programmi rilevanti tal-UE u biex tqis is-suċċess ta' programmi bħal URBAN u URBACT; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet fl-Istati Membri biex joħolqu netwerks ta' eċċellenza fil-qasam tal-mobilità urbana, tkompli l-isforzi tal-inizjattiva CIVITAS 2020 u tħeġġeġ aktar ċittadini tal-UE biex jissieħbu f'dan il-proġett;

61.  Huwa konvint li għandhom isiru sforzi addizzjonali biex jitfassal netwerk u jiġu kkoordinati l-proġetti pilota tal-UE, pereżempju għal Civitas, Polis u Eltis, u biex il-bliet jiġu integrati bl-esperjenza prattika u l-għarfien tagħhom meta tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-politiki ta' mobilità futuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, biex tagħti deskrizzjonijiet ġeneriċi faċilment aċċessibbli dwar il-programmi ta' mobilità urbana kkofinanzjati mill-UE; jitlob, barra minn hekk, li jiġi ċċarat – b'mod li jista' jinftiehem mingħajr problemi – kif jista' jinkiseb kofinanzjament tal-UE għall-proġetti ta' mobilità urbana; jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħata finanzjament mhux biss għall-infrastruttura, iżda wkoll għas-servizzi tal-IT, il-proċessi ta' monitoraġġ u l-proġetti interreġjonali, u li jiġu stabbiliti sħubijiet strateġiċi bejn l-industrija u l-bliet Ewropej bil-għan li jiġu żviluppati s-sistemi urbani ta' għada;

62.  Jappoġġa rabta b'saħħitha bejn il-pjanijiet ta' mobilità u s-sostenibilità urbana, u inizjattivi oħra bħal Bliet Intelliġenti u l-Patt tas-Sindki li huma orjentati lejn bliet aktar sostenibbli u awtosuffiċjenti; iqis li l-impenn volontarju stabbilit fil-Patt tas-Sindki jista' jservi bħala xprun għall-indirizzar tal-partijiet kollha inkwistjoni bil-ħolqien ta' pjanijiet ta' mobilità u sostenibilità li jistgħu jiġu reklamati b'mod kosteffikaċi; jilqa' l-inizjattiva bl-isem "CiTIEs: Il-Bliet ta' Għada: Ninvestu fl-Ewropa" (Cities of Tomorrow: Investing in Europe), u jistieden lill-Kummissjoni tuża l-pjattaformi eżistenti biex jiġu żviluppati għodod ta' komunikazzjoni li għandhom l-għan li jgħaqqdu flimkien lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli;

o
o   o

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU 168 E, 14.6.2013, p. 72.
(2) ĠU 390 E, 18.12.2012, p. 10.
(3) ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.
(4) ĠU L 171, 29.6.2007, p.1.
(5) ĠU L 188, 18.7.2009, p.1.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0375,
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0314.
(8) ĠU C 290, 14.11.1988, p. 51.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0547.
(10) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.
(11) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(12) Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 66/288 "The future we want" (Il-futur li rridu), il-paragrafu 135.

Avviż legali - Politika tal-privatezza