Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/0204(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0357/2015

Testi mressqa :

A8-0357/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2015 - 4.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0435

Testi adottati
PDF 271kWORD 77k
It-Tlieta, 15 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu
Il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u l-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti *
P8_TA(2015)0435A8-0357/2015

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (COM(2015)0447 – C8-0277/2015 – 2015/0204(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0447),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0277/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0357/2015),

A.  billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom(1) mistennija tidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2016;

B.  billi d-Deċiżjoni hija akkumpanjata mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014(2), li se jidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-Deċiżjoni;

C.  billi l-leġiżlazzjoni korrispondenti attwalment fis-seħħ marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom(3) kellha tiġi riveduta lejn l-aħħar tal-2014 minħabba ammonti eċċezzjonalment kbar ta' aġġustamenti bbażati fuq il-VAT u l-ING għal ċerti Stati Membri;

D.  billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 ukoll jeħtieġ li jiġi rivedut fid-dawl tal-esperjenzi tal-aġġustamenti tal-2014;

E.  billi l-għoti u l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni m'għandhomx ikunu soġġetti għal negozjar politiku iżda għandhom jieħdu l-forma ta' proċess tekniku biex jintlaħqu l-ħtiġijiet fi flus kontanti;

F.  billi, bħala regola ġenerali, l-Istati Membri sa issa kienu qed iħallsu l-ammonti sħaħ tal-kontribuzzjonijiet tagħhom ibbażati fuq il-VAT u l-ING lill-baġit tal-Unjoni mingħajr dewmien sinifikanti, anke fi żminijiet ta' kriżi u pressjoni fiskali qawwija;

G.  billi, għal finijiet ta' trasparenza, għandu jiġi ppreżentat kull sena rapport dwar il-kalkoli u d-data sottostanti għall-aġġustamenti tal-bilanċ tal-VAT u l-ING lill-Parlament, kif ukoll id-dati u l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet trasferiti mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni;

H.  billi l-proposta tal-Kummissjoni barra minn hekk fiha modifiki fir-rigward tar-regoli dwar l-interessi, u għadd ta' kwistjonijiet ta' natura aktar teknika u kjarifiki;

I.  billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan;

1.  Jenfasizza l-ħtieġa għal regoli effiċjenti dwar kif l-Istati Membri jagħmlu l-kontribuzzjonijiet tagħhom f'waqthom lill-baġit tal-Unjoni disponibbli, biex b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tamministra t-teżor tagħha b'mod effikaċi;

2.  Jappoġġja l-għażla mogħtija lill-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri jħallsu t-tielet pagament minn parti minn tnax tar-riżors tal-VAT u tal-ING fl-ewwel semestru, biex b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tnaqqas parti aktar importanti mill-arretrati tal-pagamenti tas-sena ta' qabel fil-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (u fil-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment), u biex jitnaqqas l-imgħax ta' inadempjenza;

3.  Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa għall-għoti f'waqtu tal-pagamenti lill-benefiċjarji tal-baġit tal-Unjoni; jilqa' f'dan il-kuntest l-emenda proposta għall-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, li għandha l-għan mhux biss li żżid l-inċentiv li jkun hemm ħlas fil-ħin billi tagħmel kwalunkwe ħlas tard aktar oneruż, iżda wkoll li tiżgura l-proporzjonalità, billi tistabbilixxi limitu massimu ta' żieda fir-rata tal-imgħax ta' 20 punt perċentwali;

4.  Jenfasizza li l-modifiki proposti għall-metodi applikabbli għal aġġustamenti ta' kontribuzzjonijiet għandhom l-għan li jevitaw li jerġa' jseħħ inċident simili għal dak tal-2014;

5.  Jenfasizza li dawk l-aġġustamenti tal-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrattati b'mod l-aktar awtomatiku possibbli biex jiġi evitat indħil politiku fil-modi miftiehma ta' finanzjament tal-baġit tal-Unjoni u biex id-diskrezzjoni f'idejn l-Istati Membri fir-rigward ta' meta jagħmlu l-kontribuzzjonijiet addizzjonali tagħhom li jirriżultaw mill-aġġustamenti tal-ING għall-baġit tal-Unjoni tiġi limitata għall-minimu;

6.  Jaqbel għalhekk mal-proposta tal-Kummissjoni li tbiddel it-termini taż-żmien għall-komunikazzjoni u speċjalment id-data ta' skadenza għad-disponibilità tal-aġġustamenti għall-bidu tas-sena minflok għall-1 ta' Diċembru, biex b'hekk tkun aktar faċli għat-teżori nazzjonali li jamministraw il-finanzjament ta' aġġustamenti possibbli;

7.  Jappoġġja barra minn hekk il-proposta tal-Kummissjoni li, sabiex jiġi evitat telf għall-baġit tal-Unjoni, kull Stat Membru jiżgura li l-ammonti li jkun ikkredita fil-kont tar-riżorsi proprji ma jitnaqqsux minn ebda mgħax negattiv jew tariffa oħra għaż-żmien li jkun se jibqa' fil-kont;

8.  Jinnota l-livell għoli ta' diversità f'dak li jirrigwarda l-mod li bih l-Istati Membri jittrattaw il-kontabilità nazzjonali tagħhom ta' kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni u jistieden lill-Kummissjoni tistudja rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward sabiex tippermetti tqabbil aktar faċli bejn l-Istati Membri;

9.  Jenfasizza l-fatt li s-sistema tar-riżorsi proprji għadha kumplessa wisq u jeħtieġ li tiġi riformata radikalment mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; jenfasizza f'dan il-kuntest ir-rwol kruċjali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji li jippreżenta proposti li jegħlbu n-nuqqasijiet tas-sistema preżenti;

10.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika;

12.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

13.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 4
Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014
Artikolu 10b – paragrafu 5 – subparagrafu 3
Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta' Frar tas-sena ta' wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl- Artikolu 9 fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tal-istess sena.
Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta' Frar tas-sena ta' wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl- Artikolu 9 fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tal-istess sena.

(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

Avviż legali - Politika tal-privatezza