Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2239(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0356/2015

Testi mressqa :

A8-0356/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2015 - 4.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0437

Testi adottati
PDF 255kWORD 70k
It-Tlieta, 15 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Stelios Kouloglou
P8_TA(2015)0437A8-0356/2015

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Stelios Kouloglou (2015/2239(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Stelios Kouloglou, imressqa fis-7 ta' Awwissu 2015 mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Greċja b'rabta ma' akkużi ta' libell u diffamazzjoni(1) u li tħabbret fis-seduta plenarja tad-9 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-fatt li Stelios Kouloglou irrinunzja għad-dritt tiegħu ta' smigħ bi qbil mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru. 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri b´suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u tal-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0356/2015),

A.  billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Stelios Kouloglou, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta mal-possibilità ta' azzjoni legali rigward allegazzjoni ta' reat;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru. 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;

C.  billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika jistipula li, matul il-mandat parlamentari tagħhom, il-membri tal-parlament ma jistgħux jiġu akkużati, arrestati, mixħuta l-ħabs jew ristretti bi kwalunkwe mod ieħor mingħajr permess minn qabel mogħti mill-parlament;

D.  billi Stelios Kouloglou jinsab akkużat b'libell u diffamazzjoni tal-persunal tal-ħabs f'Patras;

E.  billi l-akkuża titratta dikjarazzjonijiet fejn Stelios Kouloglou qed jingħad li għamel lill-istampa fl-2010 dwar l-integrità ta' ċerti membri tal-persunal tal-ħabs f'Patras, fi żmien meta hu kien ġurnalist li fil-parti l-kbira kien jipproduċi rappurtar għat-televiżjoni;

F.  billi jidher assolutament ċar li r-reat allegat ma għandu xejn x'jaqsam mal-kariga ta' Stelios Kouloglou bħala Membru tal-Parlament Ewropew iżda minflok hi marbuta aktar mal-kariga preċedenti tiegħu bħala ġurnalist televiżiv;

G.  billi l-prosekuzzjoni ma titrattax l-opinjonijiet espressi jew il-voti mitfugħa fit-twettiq tad-doveri tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew in kwistjoni skont il-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru. 7 li jikkonċerna l-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jaħseb li l-għan aħħari tal-proċedimenti kriminali hu li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), speċjalment meta l-prosekuzzjoni tnediet numru ta' snin qabel il-Membru ħa l-kariga;

I.  billi l-awtoritajiet Griegi talbu reazzjoni mill-Parlament Ewropew sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ottubru 2015, għaliex inkella l-akkuża tal-prosekuzzjoni taqa' taħt preskrizzjoni, iżda r-rekwiżiti tal-Parlament Ewropew ma jippermettux li tittieħed deċiżjoni f'limitu ta' żmien daqstant qasir;

J.  billi, madankollu, fil-fehma kkunsidrata tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li, fid-dawl tas-Sentenza Nru. 1126/1994 tal-Qorti Suprema tal-Greċja, il-limitu ta' żmien, fi kwalunkwe każ hu sospiż għal massimu ta' tliet snin sakemm Stelios Kouloglou jibqa' Membru tal-Parlament Ewropew;

1.  Iddeċieda li jneħħi l-immunità ta' Stelios Kouloglou;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi.

(1) Dokument ta' referenza ABM:IΓ/2011/11882.
(2) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C‑200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza