Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2298(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0362/2015

Testi mressqa :

A8-0362/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2015 - 4.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0438

Testi adottati
PDF 433kWORD 87k
It-Tlieta, 15 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2015/005 FI/Computer Programming
P8_TA(2015)0438A8-0362/2015
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/005 - FI/Computer Programming, ippreżentata mill-Finlandja) (COM(2015)0553 – C8-0332/2015 – 2015/2298(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0553 – C8-0332/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0362/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

D.  billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/005 FI/Computer Programming għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 603 sensji f'69 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Reviżjoni 2 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati)(4) f'bosta reġjuni tal-livell NUTS 2 li jkopru l-Finlandja kollha, u billi huwa mistenni li se jipparteċipaw mal-1 200 ħaddiem f'dawn il-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 623 200 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-kost totali ta' EUR 4 372 000 għall-1 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-12 ta' Ġunju 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fis-6 ta' Novembru 2015 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess; jilqa' l-evalwazzjoni rapida li ħadet perjodu ta' anqas minn ħames xhur;

3.  Jinnota li f'dawn l-aħħar snin, id-distribuzzjoni ta' impjiegi fis-settur tal-ICT bejn l-Unjoni u ekonomiji oħra żviluppat b'detriment għall-Unjoni u jissottolinja li filwaqt li fl-2008 l-industrija tat-teknoloġija kienet timpjega total ta' 326 000 persuna fil-Finlandja, in-numru ta' persuni impjegati minn dawn il-kumpaniji fl-2014 kien ta' 276 000, li jfisser li l-għadd ta' ħaddiema naqas b'madwar 3 % (10 000 impjegat) fis-sena; jirrimarka li l-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma l-iżviluppi li affettwaw lill-kumpanija Nokia f'dawn l-aħħar snin, li kellhom impatt kbir fuq is-settur tal-ICT fil-Finlandja; billi l-iżvilupp u t-tfassil ta' sistemi operattivi għat-telefons ċellulari Nokia kienu jimpjegaw eluf ta' Finlandiżi, filwaqt li issa dawn il-funzjonijiet ġew trasferiti lejn pajjiżi barra mill-Ewropa; jirrimarka li dawn is-sensji se jaggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad fis-settur tal-ICT fir-reġjuni milquta minn rata għolja ta' qgħad;

4.  Jinnota li s-sensji fis-settur tal-ICT qegħdin jaffettwaw b'mod partikolari lir-reġjun ta' Oulu fl-Ostrobothnia tat-Tramuntana fejn is-settur tal-ICT kien is-sinsla tal-ekonomija għal bosta snin; jiddispjaċih li fir-rebbiegħa tal-2015, kien hemm madwar 1 500 persuna qiegħda li qed ifittxu impjieg fis-settur tal-ICT fl-Ostrobothnia tat-Tramuntana u li f'ħafna każijiet il-perjodu tal-qgħad qiegħed jitwal, fejn terz tal-persuni qiegħda li għandhom lawrja ta' edukazzjoni għolja ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn sena;

5.  Jinnota li, sal-lum, NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 (''Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati'') kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra tal-FEG, li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali(5); jinnota li filwaqt li l-volum ta' dan il-qasam kien qed jiżdied fil-livell dinji, dan naqas fl-Ewropa hekk kif in-negozji u s-servizzi ttieħdu lejn iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajwan u postijiet oħra barra l-Ewropa.

6.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Awwissu 2014, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost, u li, għalhekk, dawn is-servizzi li diġà bdew jingħataw għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ mill-FEG;

7.  Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana seba' tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' kowċing u miżuri oħra ta' tħejjija, (ii) servizzi tal-impjieg u tan-negozju, (iii) taħriġ, (iv) sussidju tal-paga, (v) għotja għal negozji ġodda, (vi) direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda, u (vii) provvedimenti għall-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr;

8.  Jilqa' l-miżuri li jappoġġaw l-intraprenditorjat, fil-forma ta' għotjiet għal negozji ġodda u miżuri ta' direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda; iqis li dawn il-miżuri jkunu aktar utli jekk jingħataw f'forma kombinata lill-parteċipanti;

9.  Jilqa' b'mod partikolari l-miżuri proposti li għandhom l-għan li joħolqu negozji ġodda u li se jrawmu l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda;

10.  Jirrimarka li s-sussidju tal-pagi preferibbilment għandu jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biss meta l-impjiegi offruti lill-parteċipanti jikkonformaw ma' rekwiżiti ta' kwalità xierqa f'termini ta' livell ta' ħiliet u t-tul taż-żmien tal-kuntratt; jappella li għandu jkun hemm enfasi fuq it-tqabbil bejn il-ħiliet tal-persuna li qed tfittex impjieg u l-kariga sussidjata, meta ssir id-deċiżjoni dwar l-għoti tas-sussidju tal-pagi u jiġi determinat il-perċentwal tal-ispejjeż tal-pagi li għandhom jiġu koperti;

11.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi pproponew varjetà kbira ta' miżuri lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

12.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġati mill-FEG għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

14.  Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

15.  Ifakkar li l-għan tal-miżuri ffinanzjati għandu jkun li jitjiebu l-opportunitajiet għal min qed ifittex impjieg sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu impjegati fis-suq tax-xogħol;

16.  Jinnota li skont l-istimi tal-awtoritajiet 18,31 % tal-kostijiet se jintużaw għal benefiċċji u inċentivi, li huwa ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-kostijiet kollha;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tispeċifika fi proposti futuri, f'liema setturi huwa probabbli li l-ħaddiema jsibu impjieg u jekk it-taħriġ offrut huwiex allinjat mal-prospetti ekonomiċi futuri u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fir-reġjuni milqutin mis-sensji;

18.  Jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa l-użu tal-flus mogħtija u li tuża din l-informazzjoni f’applikazzjonijiet futuri biex tkompli torjenta l-użu tal-FEG b'mod li jkun allinjat mal-prinċipji ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;

19.  Jieħu nota tal-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

20.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jieħu nota tal-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5)EGF/2011/016 IT/Agile (COM(2013)0120)


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(applikazzjoni mill-Finlandja — EGF/2015/005 FI/Computer Programming)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/2457.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza