Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2108(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0330/2015

Testi mressqa :

A8-0330/2015

Dibattiti :

PV 14/12/2015 - 12
CRE 14/12/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2015 - 4.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0445

Testi adottati
PDF 457kWORD 120k
It-Tlieta, 15 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu
Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020
P8_TA(2015)0445A8-0330/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020 (2015/2108(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020" (COM(2015)0082),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Marzu 2002,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-"Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk għal Għaxar Snin 2014" tal-ENTSO-E,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Madrid tas-Summit fuq l-Interkonnessjonijiet tal-Enerġija bejn Spanja, Franza, il-Portugall, il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI tal-4 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) (ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0330/2015),

Il-benefiċċji tal-interkonnessjoni

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni u l-istrateġija tal-Kummissjoni bħala pass pożittiv biex tintlaħaq il-mira ta' 10 % ta' interkonnessjoni tal-elettriku u jitjieb il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku fl-UE;

2.  Jirrikonoxxi li l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u taħlita sostenibbli ta' enerġija li jwasslu għall-iffrankar tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li jippermetti fluss liberu tal-enerġija huma mezz importanti għal sistema tal-enerġija stabbli, sigura, indipendenti, inklussiva, trasparenti u kompetittiva għall-UE, li jiġġenera impjiegi ta' kwalità u ġid fi ħdan ekonomija sostenibbli orjentata lejn il-futur; jissottolinja l-fatt li grad ogħla ta' interkonnettività tal-elettriku, grilji intelliġenti u disinn ġdid għas-suq huma meħtieġa għall-iżvilupp ta' sistema bħal din; jemmen li l-ħolqien ta' sistema bħal din u t-tmiem tal-gżejjer tal-enerġija għandhom ikunu prijorità politika ewlenija għall-Unjoni tal-Enerġija;

3.  Jirrikonoxxi li interkonnessjoni tal-elettriku hija waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin għat-tlestija tas-suq intern tal-elettriku integrat, li, jekk tkun iddisinjata tajjeb, se tgħin biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tagħna, inkluż l-għan tal-UE li tkun il-mexxej fl-enerġija rinnovabbli, u ttejjeb il-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE permezz ta' aktar sigurtà u indipendenza tal-enerġija, kif ukoll tnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija u l-possibbiltà ta' perturbazzjonijiet fis-sistema tal-enerġija; jenfasizza li l-interkonnetturi tal-elettriku jeħtieġ li jiġu wkoll indirizzati, ippjanati u mibnija permezz ta' kooperazzjoni reġjonali koordinata u b'saħħitha li tirrispetta l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali biex tiġi ddeterminata t-taħlita tal-enerġija filwaqt li jiġu rrispettati l-għanijiet fit-tul tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-benefiċċji ta' żieda sostanzjali fl-interkonnettività tan-netwerk Ewropew jmorru lil hinn mid-dimensjonijiet ekonomiċi u ġeopolitiċi; dan huwa prinċipju strateġiku li għandu jwassal għal netwerk aktar reżiljenti u robust, imħejji aħjar biex jindirizza kull tip ta' alterazzjoni u interruzzjoni; u jippermetti s-sehem dejjem jikber tal-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli biex jitħallat b'mod effiċjenti man-netwerk Ewropew;

5.  Ifakkar li peress li l-ICT għandhom rwol li dejjem qiegħed jikber fin-netwerks tal-elettriku, is-sigurtà tas-sistema tal-elettriku hija aktar vulnerabbli fir-rigward tat-theddid ċibernetiku; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa r-riskji tas-sigurtà tas-sistema tal-elettriku u, jekk meħtieġ, tifformula pjan biex dawn jiġu miġġielda;

6.  Jenfasizza li suq intern tal-elettriku kompletament integrat jiffaċilita l-kummerċ tal-elettriku u s-servizzi ta' bbilanċjar, u jżid is-sigurtà u jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-elettriku għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-kompetittività tal-industrija u tal-kummerċ tal-Ewropa f'ekonomija globali, peress li huwa stmat li EUR 12-40 biljun jistgħu jiġu ffrankati kull sena sal-2030 minn konsumaturi Ewropej;

7.  Jinnota li, skont in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), investimenti fil-proġetti meħtieġa ta' interkonnessjoni ta' sinifikat pan-Ewropew jistgħu jistgħu jilħqu sa EUR 150 biljun sal-2030, u jinnota b'interess li, permezz ta' investiment bħal dan fl-interkonnettività, il-prezzijiet tal-elettriku jistgħu jitnaqqsu b'minimu ta' EUR 2 /MWh, u li dawn l-investimenti jippermettu lill-Ewropa tkopri sehem kbir tal-karga elettrika tagħha minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; ifakkar li s-suq intern tal-elettriku għandu jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi kollha tal-UE; jitlob li l-istituzzjonijiet rilevanti jimmonitorjaw li l-unitajiet domestiċi, l-SMEs u konsumaturi bl-imnut oħra jiksbu benefiċċju reali, li m'għandux jibqa' limitat għal prezzijiet bl-ingrossa biss;

8.  Jenfasizza li t-tneħħija gradwali tal-prezzijiet tal-enerġija regolati għall-konsumaturi għandha tikkunsidra l-livell reali tal-kompetizzjoni fis-suq; jinnota, barra minn hekk, li l-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija għandha tassigura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prezzijiet tal-enerġija affordabbli, siguri u sostenibbli;

Il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika

9.  Jirrikonoxxi l-mira ta' 10 % — li trid tintlaħaq sal-2020 — bħala mira ta' valur u pass importanti fid-direzzjoni t-tajba; jiddispjaċih li tnax-il Stat Membru, prinċipalment fil-periferija tal-UE, għadhom taħt il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku u għalhekk jinsabu fil-biċċa l-kbira tagħhom iżolati mis-suq intern tal-elettriku; jenfasizza, għalhekk, li għandu jsir iżjed biex jiġu mgħejjuna dawk l-Istati Membri li l-livell baxx ta' konnettività tagħhom ifixkel it-tlestija tas-suq intern tal-elettriku, biex tintlaħaq il-mira; jikkunsidra, madankollu, li, waħedha, il-mira ta' 10 % mhux dejjem tirrifletti s-sitwazzjoni tas-suq u ma ġietx stabbilita fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika; ifakkar li l-mira ta' 10 % ġiet stabbilita l-ewwel fl-2002 fuq il-bażi ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku installata li kienet teżisti dak iż-żmien; jirrikonoxxi li, għalkemm il-mira ta' 10 % hija importanti, la tiddeskrivi l-kwantità tal-elettriku li għaddej bejn il-pajjiżi u lanqas il-kwalità, bħal dak li għandu x'jaqsam mad-disponibbiltà tal-interkonnessjoni eżistenti tal-infrastruttura jew tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti bejn l-interkonnetturi; jemmen, għalhekk, li mira unika għall-interkonnessjoni bbażata fuq il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku installata, fiha nnifisha, mhix xierqa għall-Istati Membri kollha; huwa għalhekk konvint li hemm il-ħtieġa fuq terminu medju, u ċertament fl-orizzont 2030, li jkun hemm qbil dwar miri għall-interkonnessjoni komplementari, ambizzjużi u bbażati fuq l-evidenza, maqbula bejn ir-reġjuni; iqis li miri bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' varjetà ta' parametri; jitlob lill-Kummissjoni tniedi, mill-aktar fis possibbli, id-diskussjoni teknika dwar it-tali parametri; jenfasizza li, flimkien mal-mira kwantitattiva, aċċess miftuħ u d-disponibbiltà tal-interkonnetturi huma wkoll imperattivi biex jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-funzjonament tas-suq Ewropew tal-elettriku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u lir-regolaturi nazzjonali biex jiżguraw it-trasparenza u l-monitoraġġ mill-qrib tal-aċċessibbiltà tal-interkonnetturi b'tali mod li jiġu evitati l-punti ta' konġestjoni li jfixklu l-funzjonament tas-suq tal-elettriku biex tiġi żgurata operazzjoni sigura tas-sistemi tal-elettriku;

10.  Josserva li l-kapaċità limitata tat-trażmissjoni, pereżempju, fiż-żona tal-operazzjoni tan-Nord Pool Spot tagħti lok għal differenzi fil-prezzijiet reġjonali, minkejja l-fatt li l-mira tal-interkonnessjoni bejn il-pajjiżi tinqabeż b'marġni sinifikanti;

Approċċ olistiku

11.  Jinnota li l-konġestjoni frekwenti tan-netwerks ta' trażmissjoni jistgħu jkunu marbuta ma' linji transfruntiera, iżda jista' jkunu r-riżultat ta' grilji interni dgħajfa, skaduti u disponibbiltà limitata fin-netwerks nazzjonali; jenfasizza li t-tisħiħ tal-grilji nazzjonali huwa essenzjali jekk l-interkonnessjonijiet se jintużaw f'kapaċità sħiħa; jinsisti li għandu jittieħed approċċ olistiku meta tiġi vvalutata l-ħtieġa għal tisħiħ jew estensjoni tal-konnessjonijiet transfruntiera u nazzjonali, bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli ta' linji ta' interkonnessjoni eżistenti u l-kapaċità ta' infrastruttura nazzjonali eżistenti;

12.  Jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni taħt it-tielet pakkett dwar l-enerġija bħala gwardjan ta' suq tal-elettriku disassoċjat u aċċessibbli u faċilitatur ta' sistema tal-enerġija deċentralizzata, li fih l-Istati Membri għandhom jippermettu lil fornituri iżgħar, b'mod partikolari prosumaturi li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli biex ikollhom aċċess għall-grilja skont ir-regoli ġusti tas-suq u skont l-aħjar prattika għall-awtokonsum;

13.  Jinnota li x-xenarju tal-enerġija tagħna qed isir iżjed deċentralizzat minħabba l-importanza dejjem tikber tal-prosumaturi tal-enerġija; jinnota, għalhekk, l-importanza ta' grilja intelliġenti ddisinjata tajjeb għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni; jenfasizza r-rwol dejjem jikber u kruċjali tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (DSOs) bħala faċilitaturi tas-suq, peress li l-maġġoranza kbira ta' installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli huma konnessi man-netwerks tad-distribuzzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li, meta nippruvaw insolvu l-punt ta' konġestjoni fil-grilja, hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi ddefinit liema kombinazzjoni ta' azzjonijiet - inkluż il-bini ta' linji ġodda tat-trażmissjoni, l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti lokali, u l-integrazzjoni tal-effiċjenza u l-flessibbiltà fis-sistema - hija l-iżjed ottimali, meta titqies is-sitwazzjoni speċifika;

14.  Jenfasizza li l-benefiċċji ta' żieda fil-livell ta' interkonnessjoni ma jistgħux jitwettqu mingħajr livell għoli ta' akkoppjament tas-suq u trażmissjoni tal-operaturi tas-sistema (TSOs); jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-isforzi kollha biex tevita li jiġi stabbilit akkoppjament fil-livell ta' gruppi tal-Istati Membri u biex tippromwovi l-akkoppjament fil-livell tal-UE li jinkludi l-Istati Membri kollha u l-ġirien, b'mod partikolari l-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);

15.  Ifakkar li l-proġetti ta' interess komuni (PCIs) huma evalwati mill-Gruppi Reġjonali, stabbiliti mill-Kummissjoni u jikkonsistu minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ANR), l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku u l-promoturi tal-proġetti, l-ENTSO-E, l-ACER, il-Kummissjoni u partijiet interessati ewlenin oħra;

16.  Jenfasizza l-fatt li l-lista tal-PCIs trid tiġi żviluppata b'mod aktar trasparenti u responsabbli; jinnota li l-ENTSO-E, it-TSOs u l-promoturi tal-proġetti għandhom ir-rwol predominanti fl-iżvilupp ta' metodoloġija ta' analiżi kostijiet-benefiċċji armonizzata, fil-preparazzjoni tal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għal għaxar snin u l-kodiċijiet tan-netwerk, u fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kull proġett; ifakkar il-ħtieġa li jiġu pprovduti valutazzjonijiet sħaħ, inklużi impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jitlob, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-valutazzjonijiet jitwettqu minn esperti kkwalifikati li huma kompletament indipendenti mill-promoturi tal-proġetti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ottimizzat il-proċess globali billi jiġi promoss iżjed involviment tal-Parlament u partijiet interessati oħra, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni, lill-ACER u lir-regolaturi nazzjonali biex jaqdu rwol aktar proattiv ħalli jiġi żgurat proċess konsultattiv aktar newtrali, trasparenti, traċċabbli u inklussiv; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjonijiet li fihom l-użu tal-aħjar teknoloġija disponibbli (BAT) jista' jiġi stabbilit bħala parametru sinifikanti għall-għoti ta' fondi tal-UE għal proġetti;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tispjega aħjar il-proċess ta' klassifikazzjoni għall-PCIs; ifakkar li sabiex jiġu kkunsidrati, il-PCIs għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet tal-iżvilupp tan-netwerk fuq għaxar snin tal-ENTSO-E iżda li d-deċiżjoni finali għall-finanzjament hija tal-Kummissjoni abbażi tal-kriterji ta' valutazzjoni tagħha stess għall-għażla tal-proġetti; jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod espliċitu tikkunsidra dawn il-kriterji;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-PCIs u dwar il-progress biex tintlaħaq il-mira ta' 10 %, bħala parti mir-rendikont komprensiv ta' kull sena previst fil-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija;

Il-proċess tal-għoti tal-permessi

19.  Jenfasizza li l-proċedura twila tal-għoti tal-permessi hija sfida ewlenija għal linji ġodda b'vultaġġ għoli fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw proċessi aktar imħaffa filwaqt li jżommu livell adegwat ta' garanziji għall-interess pubbliku, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi effikaċi;

20.  Ifakkar li l-proġetti dwar il-lista tal-PCIs jibbenefikaw minn trattament regolatorju preferenzjali, ippjanar rapidu, limitu ta' żmien vinkolanti ta' tliet snin u nofs għall-għoti ta' permess u proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali aktar imħaffa, u jistgħu wkoll ikunu eliġibbli għal finanzjament addizzjonali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dwar kif dan l-ippjanar rapidu jiġi implimentat u jkun hemm konformità miegħu fl-Istati Membri kollha;

21.  Jirrikonoxxi li l-għarfien pubbliku u l-appoġġ huma essenzjali biex jiżguraw implimentazzjoni rapida ta' proġetti ta' interkonnetturi; jirrikonoxxi li l-proċessi trasparenti u inklużivi, u l-ogħla standards ambjentali, ma għandhomx jiddgħajfu waqt il-bini ta' linji ġodda tal-enerġija; jistieden lill-promoturi tal-proġetti biex jużaw il-BAT għal interkonnetturi ġodda bil-għan li titjieb il-koerenza bejn l-investimenti tal-proġett fil-grilji, is-sostenibbiltà ambjentali u l-aċċettazzjoni lokali;

22.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' approċċ ta' "punt uniku ta' servizz" ("one-stop shop") tikkontribwixxi biex jitqassru l-proċeduri tal-għoti tal-permessi; ifakkar li r-Regolament TEN-E jeħtieġ li kull Stat Membru jaħtar Awtorità Nazzjonali Kompetenti responsabbli għall-iffaċilitar, it-tqassir u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-permess fil-livell nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-approċċ ta' "punt uniku ta' servizz" mill-Kummissjoni li għandha titwettaq fl-2017, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'dan il-qafas, tivvaluta l-potenzjal ta' "punt uniku ta' servizz" uniku fil-livell tal-UE;

Ir-rwol tal-ACER

23.  Jinnota n-nuqqas ta' persunal u n-nuqqas ta' riżorsi tal-ACER; jitlob lill-awtoritajiet baġitarji tal-UE biex jipprovdu lill-aġenzija bir-riżorsi meħtieġa, b'mod partikolari b'persunal tagħha suffiċjenti, sabiex l-aġenzija tkun tista' twettaq il-kompiti mogħtija lilha permezz tal-leġiżlazzjoni b'mod adegwat u f'waqtu; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-ACER, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam l-ENTSO-E u fir-rigward tat-titjib fil-koordinazzjoni u l-arbitraġġ fost l-ARN kif ukoll il-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet regolatorji transfruntiera;

24.  Jenfasizza l-importanza ta' persunal ikkwalifikat ta' regolaturi nazzjonali tal-enerġija, bil-kompetenza esperta meħtieġa u speċjalizzazzjoni u indipendenza; jistieden lill-Kummissjoni twettaq verifika indipendenti sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016 dwar ir-riżorsi disponibbli għar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u l-grad ta' indipendenza miksuba minnhom, inkluża l-identifikazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni;

25.  Jinnota li għad hemm nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċitajiet transfruntiera disponibbli fis-suq u l-frekwenza, il-kobor u r-raġunijiet ta' tnaqqis fuq l-interkonnetturi; jiddubita, f'dan il-kuntest, li l-biċċa l-kbira tat-tnaqqis sinifikanti jiġi indirizzat bis-sħiħ; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-ACER bil-kompetenzi adegwati u s-setgħat biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar kull kapaċità individwali ta' trażmissjoni transfruntiera sabiex jiġi permess lill-ACER tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha ta' monitoraġġ b'mod effikaċi; jitlob biex informazzjoni bħal din tkun fornuta lill-ACER, flimkien mal-informazzjoni kuntestwali neċessarja dwar id-disinn u l-funzjonament tan-netwerk nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-konklużjoni mħaffa tal-kodiċijiet tan-netwerk għall-elettriku; jinnota l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tespandi l-mandat, l-ambitu u l-poteri tal-ACER, u r-riflessjonijiet tagħha dwar x'jista' dan jinvolvi, kif ippreżentat mill-komunikazzjoni riċenti tagħha "Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija"; jistieden lill-Kummissjoni tressaq 'il quddiem suġġerimenti konkreti f'dan ir-rigward, biex issostni t-twettiq ta' suq intern tal-enerġija reali; jinnota li kwalunkwe responsabbiltà ġdida assenjata lill-ACER għandha tkun appoġġjata b'riżorsi adegwati;

L-istrumenti finanzjarji

26.  Jinnota l-istima tal-Kummissjoni li hemm bżonn finanzjament ta' EUR 35 biljun biex tintlaħaq il-mira ta' 10 % sal-2020 fl-Istati Membri kollha; ifakkar li, skont ir-Regolament tas-CEF ((UE) Nru 1316/2013), il-parti l-kbira tal-għajnuna finanzjarja fil-pakkett tal-enerġija tas-CEF għandha tkun disponibbli għal proġetti tal-elettriku u jinsisti li l-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni xierqa lil dak il-fatt; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li s-CEF għandu jkun ikkonċentrat fuq ftit proġetti ewlenin; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal proġetti li jindirizzaw l-iżjed lakuni sinifikanti fis-suq integrat tal-elettriku tal-UE u n-nuqqas ta' interkonnettività suffiċjenti; iqis li għandu jitkompla jkun disponibbli finanzjament adegwat mill-UE anke wara l-2020 biex tiġi appoġġata l-kostruzzjoni ta' proġetti ta' konnessjoni tal-elettriku mhux kummerċjalment vijabbli meħtieġa biex jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-operazzjoni tas-sistemi tal-elettriku; jenfasizza l-importanza tal-BEI fl-appoġġ lill-investituri fi proġetti ta' infrastruttura tal-elettriku kummerċjalment vijabbli; jinnota t-twaqqif tal-FEIS, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li l-fond jiġbed l-investimenti fl-interkonnessjoni tal-elettriku b'mod effikaċi;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex: 1) tħeġġeġ investimenti bl-aħjar teknoloġija disponibbli, li tista' tkun aktar għalja imma toffri ħafna vantaġġi finanzjarji fiċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll iffrankar ta' ħin u vantaġġi tat-tmexxija teknoloġika fuq terminu twil; 2) twettaq reviżjoni tar-regoli ta' finanzjament bil-għan li jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi eżistenti; u 3) issaħħaħ inċentivi għal aktar investimenti fil-grilja billi, inter alia, tinkoraġġixxi profitti magħmula mill-kera tal-konġestjoni tat-trażmissjoni biex jiġu investiti mill-ġdid f'infrastrutturi u teknoloġiji li jsaħħu n-netwerks, inklużi interkonnetturi addizzjonali;

Kooperazzjoni reġjonali

Ir-reġjun Baltiku

28.  Jinnota li l-interkonnetturi ppjanati huma mistennija jippermettu lill-Istati Baltiċi jilħqu l-għan ta' 10 % sal-aħħar tal-2015; huwa mħasseb li n-netwerks tal-Istati Baltiċi għadhom sinkronizzati ma', u dipendenti fuq, is-sistema tal-elettriku Russa, li huwa ostaklu għal suq tal-elettriku Ewropew verament integrat u li jiffunzjona tajjeb; jitlob li jkun hemm sinkronizzazzjoni rapida tan-netwerks tal-elettriku tal-Istati Baltiċi man-Netwerk Kontinentali Ewropew sabiex tiġi żgurata integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-elettriku, aktar sigurtà fil-provvista tal-elettriku u l-operazzjoni sigura tas-sistema; jitlob lill-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-passi meħtieġa biex jibdew, u lill-ENTSO-E biex iniedi, proċedura formali għall-estensjoni tan-Netwerk Kontinentali Ewropew sinkroniku lejn l-Istati Baltiċi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett; jenfasizza s-suq tal-elettriku komuni Nordiku bħala l-aħjar prattika għal kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jinħoloq u jiġi żviluppat is-suq intern tal-elettriku; jirrikonoxxi l-importanza ta' interkonnettività ogħla bejn il-Polonja u s-suq tal-elettriku Nordiku bil-għan li l-Polonja tilħaq il-mira tagħha ta' 10 %; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil dwar Pjan imsaħħaħ ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP); jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-BEMIP għandha tkompli u li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-PCIs hija msaħħa aktar;

Ir-Reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana

29.  Jirrikonoxxi li r-riħ lil hinn mill-kosta fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana għandu l-potenzjal li jiġġenera madwar 8 % tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa sal-2030; jinnota wkoll li l-koordinazzjoni tal-ippjanar u l-bini ta' infrastruttura tal-grilja lil hinn mill-kosta reġjonali, l-aċċess għas-suq u l-kondiviżjoni tar-riservi fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana jistgħu jwasslu għal iffrankar fl-ispejjeż ta' EUR 5-13-il biljun kull sena sal-2030 permezz ta' suq reġjonali integrat aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri rilevanti biex japprovaw dawn il-potenzjali meta jiżviluppaw l-istruttura ta' governanza għall-2030 u l-ippjanar sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ politiku qawwi u japprovaw il-Grilja Lil Hinn mill-Kosta fil-Baħar tat-Tramuntana bħala pass ewlieni fil-bini ta' Unjoni tal-Enerġija effikaċi; iħeġġeġ lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE li ġejjin biex iħejju u jaqblu dwar qafas legali matul il-Presidenza Olandiża 2016 f'forma ta' Ftehim Intergovernattiv bejn l-Istati Membri rilevanti li jiddefinixxi strateġija komuni tal-elettriku fl-Ibħra tat-Tramuntana;

L-Ewropa tal-Punent Ċentrali

30.  Jenfasizza li s-suq tal-elettriku kondiviż bejn l-Awstrija u l-Ġermanja qed ikompli l- implimentazzjoni ta' suq Ewropew tal-enerġija integrat; jirrikonoxxi li ż-żona tal-offerti komuni - li ġiet introdotta fl-2002 - tfisser li l-istess prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa f'dawn iż-żewġ pajjiżi huma l-istess, u tiżgura l-kummerċ tal-elettriku illimitat u s-sigurtà tal-provvista ta' kważi 100 %; jinnota li ż-żona tal-offerti Awstrijaka-Ġermaniża hija l-unika żona relattivament kbira fl-Ewropa kondiviża bejn żewġ pajjiżi; jinnota li żoni tal-offerti akbar għandhom il-karatteristiċi meħtieġa ta' suq tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb u likwidu, li jkunu kkwalifikati biex inaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ, jipprovdu sinjali tal-prezzijiet reżiljenti għal deċiżjonijiet ta' investiment u jrawmu aktar kompetizzjoni; jitlob li jkun hemm żvilupp rapidu ta' grilji biex tiġi permessa l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq tal-elettriku, u tiġi ggarantita l-istabbiltà tal-grilja, b'mod speċjali fin-Nofsinhar tal-Ġermanja; jitlob għaż-żamma ta' dan il-mudell ta' suċċess u t-tkabbir ulterjuri taż-żona tal-offerti.

L-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

31.  Jenfasizza li l-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CSEE) hija mogħnija b'potenzjal kbir - u l-biċċa kbira minnu mhux sfruttat - f'termini ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jinnota li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar l-ippjanar fit-tul u l-bini ta' infrastruttura tal-grilja reġjonali fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk għandhom imorru lil hinn mill-UE biex jinkludu pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li mhumiex fl-UE u lit-Turkija; jitlob għat-twaqqif ta' pjattaforma ġdida fejn il-partijiet interessati ewlenin kollha fir-reġjun jistgħu jiddiskutu u jipprovdu appoġġ politiku lill-proġetti konġunti mfassla sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-elettriku tar-reġjun; jirrikonoxxi li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE, stabbilit fi Frar 2015, jista' jsir pjattaforma ta' dan it-tip, sakemm il-mandat tiegħu jiġi estiż biex jinkludi l-qasam tal-elettriku u l-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE tas-CSEE; jirrikonoxxi li l-pjattaforma tippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi tmexxija u appoġġ politiku;

32.  Jinnota li d-dipendenza għolja tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija tfisser li huwa vitali li tiżdied il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku transfruntiera, li għandha tgħin biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tar-reġjun u, fuq terminu twil, tgħin biex jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl tan-nies;

33.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-prospetti ta' interkonnessjonijiet tal-elettriku ġodda fir-reġjun tal-Mediterran u bejn is-swieq tal-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Afrika ta' Fuq fid-dawl ta' żieda fis-sigurtà tal-provvista u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli fiż-żewġ reġjuni;

Il-Peniżola Iberika

34.  Jenfasizza l-importanza ta' żieda sinifikanti fl-interkonnessjonijiet bejn Spanja u Franza biex jiġu appoġġati l-enerġiji rinnovabbli fir-reġjun u biex il-Peniżola Iberika tkun tista' tipparteċipa bis-sħiħ fis-suq intern tal-elettriku; iqis id-Dikjarazzjoni ta' Madrid, iffirmata fl-4 ta' Marzu 2015, u l-istabbiliment ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Interkonnessjonijiet għall-Ewropa tal-Lbiċ, bħala passi importanti biex tiżdied l-interkonnettività tar-reġjun; jirrikonoxxi li l-kapaċità tal-interkonnessjoni attwali bejn il-Peniżola Iberika u l-Ewropa kontinentali hija baxxa wisq, u li l-proġetti inklużi l-ewwel lista tal-PCIs ma kinux biżżejjed biex tinkiseb il-mira tal-interkonnessjoni fl-2020; jistieden lill-pajjiżi tar-reġjun biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-potenzjal konsiderevoli ta' enerġija rinnovabbli tagħhom u biex jiffaċilitaw l-aċċess tas-settur għas-suq Ewropew integrat;

35.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twettaq studju tal-benefiċċji tal-interkonnessjoni tal-Peniżola Iberika ma' Franza, ir-Renju Unit, l-Italja u l-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

Lil hinn mill-2020

36.  Jinnota li s-sistema tal-enerġija tal-Ewropa evolviet mill-2002, meta kienet stabbilita oriġinarjament il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku - b'mod partikolari, sorsi ta' enerġija rinnovabbli ġew żviluppati madwar il-kontinent; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li l-mira ta' 15 % ibbażata fuq il-kapaċità installata għall-2030, ma għandhiex tibqa waħedha, u li għandha tiġi vvalutata bir-reqqa u fid-dettall biex ikun żgurat li hija adatta għall-iskop tagħha u li hija pertinenti u fattibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tivvaluta l-iffissar ta' miri reġjonali, komplementari u ssib punti ta' riferiment kwantitattivi u kwalitattivi aħjar, bħal flussi kummerċjali, l-ogħla flussi u l-punti ta' konġestjoni, li jenfasizzaw kemm l-interkonnessjoni hija meħtieġa;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb mira futura ta' interkonnessjoni tal-elettriku abbażi tal-għanijiet dwar il-klima fuq terminu twil tal-UE, u tas-sistema tal-enerġija sostenibbli li l-UE qed tfittex; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-grad ta' interkonnessjoni meħtieġ se jiddependi fuq diversi parametri, li jinkludu: a) l-applikazzjoni tal-politika nazzjonali u tal-UE tal-prinċipju ta' "l-ewwel l-effiċjenza fl-enerġija" u aktar miżuri ta' rispons fuq in-naħa tad-domanda; b) l-iżvilupp ta' elettriku deċentralizzat ibbażat fuq enerġija rinnovabbli u l-grilji intelliġenti korrelatati; c) deċiżjonijiet nazzjonali dwar it-taħlita tal-enerġija, b'kont meħud tal-miri dwar il-klima fuq terminu twil u tal-enerġija tal-UE; d) l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-ħażna tal-enerġija — inkluż fuq livell muniċipali u tad-dar; e) l-użu tal-aħjar teknoloġiji disponibbli fejn xieraq; f) ir-rikonoxximent ta' persuni bħala "prosumaturi" fis-sistema tal-enerġija; u g) il-ħolqien ta' inċentivi ċari għal investimenti fil-grilji;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza