Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar il-proroga tal-mandat tal-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) (C8-0313/2015 – 2015/0903(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tat-8 ta' Settembru 2015 biex jiġi estiż il-mandat tal-President tal-EBA b'ħames snin oħra (C8-0313/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(1),
– wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0347/2015),
A. billi l-ewwel President tal-EBA ġie maħtur mill-Bord tas-Superviżuri tal-EBA fl-2011, wara proċedura tal-għażla miftuħa, għal mandat ta' ħames snin, f'konformità mal-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;
B. billi l-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jipprovdi li l-Bord tas-Superviżuri tal-EBA, fid-dawl tal-valutazzjoni riferuta f'dik id-dispożizzjoni, jista' jestendi għal darba l-mandat tal-President tal-EBA, soġġett għal konferma mill-Parlament Ewropew;
C. billi, fit-8 ta' Settembru 2015, il-Bord tas-Superviżuri tal-EBA ppropona l-estensjoni tal-mandat ta' Andrea Enria, il-President fil-kariga tal-EBA, b'ħames snin oħra, u informa lill-Parlament Ewropew kif xieraq;
D. billi, fis-17 ta' Novembru 2015, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji organizza seduta ta' smigħ ma' Andrea Enria, il-President fil-kariga tal-EBA, li fiha huwa għamel dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-Kumitat;
1. Japprova l-proposta għall-estensjoni tal-mandat ta' Andrea Enria bħala President tal-EBA b'ħames snin oħra;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-EBA u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.