Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 10 ta' Ġunju 2015 - Strasburgu
Il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto ***
 Ftehim UE-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto ***
 L-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali *
 L-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta' uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-UE *
 L-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja
 Rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF
 Is-sitwazzjoni fl-Ungerija
 Rapport ta' Progress 2014 dwar it-Turkija

Il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto ***
PDF 265kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-abbozz ta' proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (10400/2014 – C8-0029/2015 – 2013/0376(NLE))
P8_TA(2015)0221A8-0167/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10400/2014),

–  wara li kkunsidra l-Emenda għall-Protokoll ta' Kyoto adottata fit-tmien sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto, li saret f'Doha, il-Qatar f'Diċembru 2012 (l-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto),

—  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0029/2015),

—  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0167/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.


Ftehim UE-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto ***
PDF 254kWORD 63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (10883/2014 – C8-0088/2015 – 2014/0151(NLE))
P8_TA(2015)0222A8-0166/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (10883/2014),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (10941/2014);

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0088/2015),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0166/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Islanda.


L-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali *
PDF 246kWORD 61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000, stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll tiegħu tas-16 ta' Ottubru 2001 (COM(2014)0685 – C8-0275/2014 – 2014/0321(NLE))
P8_TA(2015)0223A8-0156/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2014)0685),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(4) u 3(5) tal-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C8-0275/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0156/2015),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


L-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta' uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-UE *
PDF 246kWORD 61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1997, imfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (COM(2014)0661 – C8-0274/2014 – 2014/0322(NLE))
P8_TA(2015)0224A8-0157/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2014)0661),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(4) u (5) tal-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C8-0274/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8‑0157/2015),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


L-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja
PDF 304kWORD 127k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja (2015/2001(INI))
P8_TA(2015)0225A8-0162/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-Ftehim ġdid UE-Russja(1), tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f'Vilnjus)(2), tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja(3) u tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet UE-Russja(4) u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja,(5)

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill Affarijiet Barranin u tal-mexxejja tal-G7 matul dawn l-aħħar 18-il xahar dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u dwar ir-relazzjonijiet mar-Russja,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet milħuqa f'Minsk fil-5 u fid-19 ta' Settembru 2014 u fit-12 ta' Frar 2015(6) ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Settembru 2014 tas-Summit tan-NATO f'Wales,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta' Marzu 2014(7) u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fis-17 ta' Frar 2015(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0162/2015),

A.  billi l-UE ilha għal għexieren ta' snin tistinka biex tibni sħubija strateġika ta' benefiċċju reċiproku mar-Russja bbażata fuq valuri u prinċipji kondiviżi, bħad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u fuq interessi komuni; billi l-UE tibqa' miftuħa għal tali relazzjoni u għal djalogu li jwassal għaliha, u tixtieq tirritorna għal relazzjoni kooperattiva mar-Russja, kemm-il darba l-awtoritajiet Russi jissodisfaw l-obbligi ġuridiċi u internazzjonali tagħhom;

B.  billi, b'reazzjoni għal u minkejja l-vjolazzjoni min-naħa tar-Russja tal-integrità territorjali Ġeorġjana fl-2008, l-okkupazzjoni kontinwa tar-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, kif wkoll in-nuqqas ta' osservanza min-naħa tar-Russja tal-obbligi kollha tagħha skont il-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied tal-2008, l-UE għażlet mudell ta' kooperazzjoni akbar bħala mod kif jitkompla l-involviment mar-Russja, għall-benefiċċju reċiproku tagħhom; billi, minflok ma ttieħdu miżuri restrittivi, tnedew jew issaħħew sensiela ta' inizjattivi għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha – bħalma huma l-ispazji komuni, is-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, in-negozjati dwar Ftehim Ġdid UE-Russja u d-djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

C.  billi r-Russja – minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea, azzjoni li ġiet ikkundannata bil-qawwa mill-UE u li mhux ser tkun rikonoxxuta, u minħabba l-kunflitt armat kontra l-Ukraina, bil-parteċipazzjoni diretta u indiretta tas-servizzi militari u tas-sigurtà, u billi qiegħda deliberatament tiddestabbilizza dan il-pajjiż ġar sovran u indipendenti – qiegħda tagħmel ħsara kbira lir-relazzjoni tagħha mal-UE, inkwantu qiegħda tipperikola l-prinċipji bażiċi tas-sigurtà tal-Ewropa, ma tirrispettax il-fruntieri u tikser l-impenji internazzjonali tagħha, b'mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Memorandum ta' Budapest, il-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-1990, u t-Trattat bilaterali ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija; billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Krimea u fl-Ukraina tal-Lvant marret għall-agħar b'mod konsiderevoli, b'diversi eluf ta' mwiet;

D.  billi r-Russja hija direttament jew indirettament, involuta f'għadd ta' "kunflitti ffriżati" fil-viċinat tagħha – fit-Transnistrija, fl-Ossezja tan-Nofsinhar, fl-Abkażja u f'Nagorno-Karabakh – li jikkostitwixxu impediment gravi għall-iżvilupp u għall-istabbiltà tal-pajjiżi ġirien kkonċernati u għall-avviċinament tagħhom mal-Unjoni Ewropea;

E.  billi l-Federazzjoni Russa għadha kemm niżżlet fuq lista sewda 89 politiku tal-UE – fosthom ex Membri jew Membri attwali tal-Parlament Ewropew – u uffiċjali, u ċaħditilhom id-dħul għar-Russja;

F.  billi r-Russja – kontra l-ispirtu ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat, u bi ksur tad-dritt, tar-regoli u tal-istandards internazzjonali – abbażi ta' duttrina li skontha tikkunsidra ruħha li għandha d-dritt li tipproteġi l-kompatrijotti Russi barra l-pajjiż, ħadet deliberatament azzjonijiet immirati lejn id-destabbilizzazzjoni tal-ġirien tagħha permezz ta' embargi kummerċjali illegali jew konklużjoni ta' trattati ta' integrazzjoni ma' separatisti u reġjuni seċessjonisti;

G.  billi, b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u għall-gwerra ibrida mnedija mir-Russja kontra l-Ukraina, l-UE adottat serje gradwali ta' miżuri restrittivi; billi għadd ta' pajjiżi oħra adottaw sanzjonijiet simili b'reazzjoni għall-aggressjoni tar-Russja;

H.  billi relazzjoni kostruttiva bejn l-UE u r-Russja għandha tinstab fuq medda twila ta' żmien, fl-interess taż-żewġ partijiet u bil-għan li jiġu ffaċċjati sfidi globali komuni, bħat-tibdil fil-klima, żviluppi teknoloġiċi ġodda u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità organizzata; billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja għandha riżultati pożittivi f'ċerti oqsma bħal pereżempju d-dimensjoni tat-Tramuntana u l-kooperazzjoni transkonfinali; billi r-Russja adottat atteġġjament kostruttiv fin-negozjati reċenti mal-Iran;

I.  billi dawn il-miżuri restrittivi u speċifiċi mhumiex diretti kontra l-poplu Russu iżda kontra ċerti individwi u impriżi konnessi mat-tmexxija Russa, li qegħdin jieħdu vantaġġ dirett mill-kriżi attwali mal-Ukraina, fis-settur ekonomiku u dak tad-difiża, u l-għan tagħhom huwa li jistimulaw bidla fil-politiki tal-gvern Russu lejn il-viċinat komuni, u azzjonijiet fih; billi s-sanzjonijiet relatati mad-destabbilizzazzjoni fl-Ukraina tal-Lvant għandhom jitneħħew malli r-Russja timplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta' Minsk; billi dawn is-sanzjonijiet għandhom jiġu msaħħa kemm-il darba li r-Russja tagħżel li tkompli tiddestabbilizza, direttament jew indirettament, lill-Ukraina u li tippreġudika l-integrità territorjali tagħha; billi s-sanzjonijiet relatati mal-annessjoni illegali tal-Krimea se jibqgħu fis-seħħ sakemm il-peniżola tkun irritornata lill-Ukraina;

J.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-UE tappoġġa bis-sħiħ l-adeżjoni u l-parteċipazzjoni tar-Russja f'diversi organizzazzjonijiet u fora internazzjonali, bħall-G8, il-G20 u d-WTO; billi l-inklużjoni tar-Russja f'dawn l-organi ħolqot tensjonijiet minħabba vjolazzjonijiet ripetuti ta' regoli min-naħa tar-Russja, pereżempju n-nuqqas ta' konformità mal-istandards u l-obbligi tad-WTO (bl-introduzzjoni ta' għadd ta' miżuri diskriminatorji kontra Stati Membri individwali tal-UE u pajjiżi oħra fil-viċinat tagħha), u n-nuqqas tagħha li timplimenta aktar minn elf sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li tiggarantixxi drittijiet bażiċi tal-bniedem; billi l-konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem mhumiex konklużivi jew ma wasslux għal riżultati konkreti;

K.  billi l-istat tad-dritt, bħala wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE, jimplika mhux biss rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll konformità mad-dritt internazzjonali, garanzija li l-liġi tiġi applikata u eżegwita b'mod ġust, kif ukoll l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura; billi dawn il-kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti fir-Russja, fejn l-awtoritajiet jonqsu milli jiddefendu l-istat tad-dritt u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, u fejn id-drittijiet politiċi, il-libertajiet ċivili u l-libertà tal-midja ddeterjoraw f'dawn l-aħħar snin; billi reċentement ġiet adottata leġiżlazzjoni b'dispożizzjonijiet ambigwi li qegħdin jintużaw sabiex jiżdiedu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili; billi l-adozzjoni reċenti tal-liġi li tikkriminalizza l-hekk imsejħa "propaganda omosesswali" wasslet għal żieda fi vjolenza u diskors ta' inċitament għall-mibegħda omofobika u kontra persuni LGBTI, li l-awtoritajiet naqsu milli jindirizzaw; billi, wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, iddeterjora b'mod serju fil-peniżola tal-Krimea, bil-komunità tat-Tatari partikolarment affettwata;

L.  billi Alexei Navalny, mexxej prominenti tal-oppożizzjoni, ġie akkużat u kkundannat abbażi ta' provi ffalsifikati, u huwa sottopost għal intimidazzjoni u fastidju fuq bażi kontinwa, inkluż bil-priġunerija ta' ħuh; billi l-Partit tal-Progress li huwa jippresjedi qiegħed jinżamm milli jipparteċipa fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss; billi Nadiya Savchenko, Membru tar-Rada tal-Ukraina, tinsab detenuta illegalment fir-Russja, bi ksur tad-dritt internazzjonali;

M.  billi l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tikklassifika lill-Federazzjoni Russa fil-136 post fost 175 li jfisser li r-Russja tqajjem tħassib serju rigward il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus internazzjonali, li hija theddida għall-ekonomiji Ewropej u għall-integrità tagħhom;

N.  billi r-Russja tuża b'mod attiv armi ibridi, iċċajpar deliberatament il-linji ta' bejn attività militari/paramilitari u l-attiviżmu politiku;

O.  billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Midja tal-2014 tikklassifika lill-Federazzjoni Russa fil-148 post fost 180; billi twessa' u żdied b'mod sinifikanti l-finanzjament tal-mezzi tal-midja kkontrollati mill-Istat; billi l-inizjattivi u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, l-avversarji politiċi, il-midja indipendenti u ċ-ċittadini ordinarji ta' spiss jiġu ristretti jew imxekkla; billi l-ispazju għal espressjoni ta' opinjonijiet indipendenti u pluralistiċi naqas u huwa kontinwament mhedded; billi l-Fond Ewropew għad-Demokrazija qiegħed jikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-pluralità tal-midja Russa, u billi, flimkien mas-sħab tiegħu, huwa mistieden jiżviluppa inizjattivi ġodda tal-midja;

P.  billi azzjonijiet irresponsabbli ta' ġettijiet tal-gwerra Russi qrib l-ispazju tal-ajru tal-UE u l-Istati Membri tan-NATO jikkompromettu s-sikurezza ta' titjiriet ċivili u jistgħu jkunu ta' theddida għas-sigurtà tal-ispazju tal-ajru Ewropew; billi manuvri provokattivi militari fuq skala kbira twettqu mir-Russja fil-viċinanza immedjata tal-UE, filwaqt li theddid ta' attakki militari u saħansitra nukleari mir-Russja saru pubbliċi; billi r-Russja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati dwar it-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa, u tinsab fi ksur tat-Trattat għall-Eliminazzjoni tal-Missili b'Medda Medja (Trattat INF);

Q.  billi l-enerġija, li għandha rwol ċentrali u strateġiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, hija strument fundamentali tal-politika barranija Russa; billi r-reżiljenza tal-UE għal pressjonijiet esterni tista' tinkiseb permezz ta' diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u tnaqqis fid-dipendenza mir-Russja; billi l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà interna b'saħħitha fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija tagħha;

R.  billi l-Federazzjoni Russa ppromoviet b'mod attiv l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika; billi dan il-proġett ta' integrazzjoni ekonomika ma għandhiex titqies bħala kompetizzjoni għall-Unjoni Ewropea;

1.  Itenni li l-involviment dirett u indirett tar-Russja fil-kunflitt armat fl-Ukraina u l-annessjoni illegali tal-Krimea, kif ukoll il-vjolazzjoni min-naħa tar-Russja tal-integrità territorjali tal-Ġeorġja, u l-koerċizzjoni ekonomika u d-destabbilizzazzjoni politika tal-ġirien Ewropej tagħha, jikkostitwixxu vjolazzjoni deliberata tal-prinċipji demokratiċi u l-valuri fundamentali u tad-dritt internazzjonali; f'dan il-kuntest, l-UE ma tistax tipprevedi li tirritorna għaż-"żamma tal-istatus quo" u ma għandha l-ebda għażla ħlief li tipproċedi għal rivalutazzjoni kritika tar-relazzjonijiet tagħha mar-Russja, li tinkludi l-abbozzar, kemm jista' jkun malajr, ta' pjan ta' kontinġenza bis-setgħa tal-persważjoni u sabiex jikkumbatti l-politiki aggressivi u diviżivi tar-Russja, u ta' pjan komprensiv dwar ir-relazzjonijiet futuri tagħha ma' dak il-pajjiż u s-sħab Ewropej tal-Lvant tagħha; jissottolinja li r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina tista' tkun biss ta' natura politika;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li f'dan il-punt, ir-Russja, minħabba azzjonijietha fil-Krimea u fl-Ukraina tal-Lvant, ma tistax tibqa' tiġi ttrattata, jew ikkunsidrata, bħala "sieħba strateġika"; jirrimarka li sħubijiet strateġiċi għandhom ikunu msejsa fuq il-fiduċja reċiproka u r-rispett tad-dritt internazzjonali, li huwa bbażat fuq id-demokrazija, is-sovranità statali u l-libertà tal-għażla tal-ordinament kostituzzjonali intern u l-orjentamenti ta' politika barranija, l-integrità territorjali tal-Istat, u r-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u l-prinċipji tad-diplomazija u l-kummerċ internazzjonali;

3.  Jinsab serjament imħasseb dwar il-fatt li r-Russja issa apertament ħadet pożizzjoni u taġixxi bħala rivali tal-komunità demokratika internazzjonali u l-ordinament ġuridiku tagħha, b'mod partikolari billi tfittex li tirridefinixxi bil-forza l-fruntieri fi ħdan l-Ewropa; jinsab allarmat biż-żieda ta' atmosfera ta' mibegħda diretta kontra l-attivisti tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-minoranzi u l-pajjiżi tal-viċinat, u d-deterjorament fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-Russja; jikkundanna l-intimidazzjoni fuq vuċijiet kritiċi permezz ta' vjolenza, proċessi, priġuneriji u miżuri oħra użati mill-Istat;

4.  Jikkundanna l-miżura arbitrarja li politiċi u uffiċjali tal-UE huma pprojbiti milli jidħlu fit-territorju Russu u jenfasizza li t-tmexxija Russa qiegħda tikser ripetutament id-dritt internazzjonali u qiegħda tikser l-istandards universali u timpedixxi t-trasparenza; iqis dan l-att bħala kontroproduċenti u ta' ħsara għall-kanali ta' komunikazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja li diġà huma dgħajfa; jenfasizza li l-politiċi u l-uffiċjali tal-UE milquta mill-miżura għandhom jiġu infurmati bir-raġunijiet għala huma mċaħħda milli jidħlu fit-territorju Russu u għandu jkollhom id-dritt li jirrikorru f'appell ta' din id-deċiżjoni quddiem qorti indipendenti;

5.  Huwa tal-opinjoni li, fuq terminu twil, relazzjoni kostruttiva u prevedibbli bejn l-UE u r-Russja hija possibbli u mixtieqa għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, speċjalment fid-dawl tar-relazzjonijiet eżistenti politiċi, kummerċjali, fit-trasport u fl-enerġija, kuntatti interpersonali inkluż permezz tal-Erasmus+ u l-Passi Komuni(9), kooperazzjoni transkonfinali, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, u kooperazzjoni settorjali, meta jitqies li sanzjonijiet reċiproċi huma ta' ħsara għaż-żewġ ekonomiji, li sfidi u interessi komuni fix-xena dinjija għandhom jiġu indirizzati, u li n-natura diviżiva tal-perċezzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa tista' tingħeleb permezz ta' aktar djalogu; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżitu pożittiv tal-kooperazzjoni UE-Russja f'diversi oqsma, bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu u l-kriminalità organizzata, is-sħubija tad-dimensjoni tat-Tramuntana, it-taħdidiet nukleari mal-Iran, u l-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani; jistieden lir-Russja tipparteċipa b'mod kostruttiv sabiex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fis-Sirja;

6.  Jissottolinja li r-relazzjonijiet UE-Russja għandhom minn issa 'l quddiem ikunu bbażati fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali u djalogu, li permezz tiegħu l-UE tkun lesta li timpenja ruħha u tniedi mill-ġdid kooperazzjoni mal-awtoritajiet f'Moska f'għadd ta' oqsma speċifiċi ta' interess komuni; jissottolinja li l-issoktar ta' kooperazzjoni għandha tiġi prevista bil-kundizzjoni li r-Russja tirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukraina, inkluża l-Krimea, timplimenta bis-sħiħ il-Ftehimiet ta' Minsk (li jinkludu kontroll sħiħ tal-fruntieri mill-awtoritajiet Ukraini, irtirar mingħajr kundizzjonijiet ta' truppi u armi Russi, u waqfien immedjat tal-għoti ta' għajnuna lill-gruppi ribelli, u tieqaf milli tiddestabbilizza attivitajiet militari u ta' sigurtà fuq il-fruntieri tal-Istati Membri tal-UE; jenfasizza li l-OSKE wriet li hija struttura kapaċi tagħti kontribut lir-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jenfasizza li tali kooperazzjoni potenzjalment imġedda ma għandhiex issir għad-detriment ta' prinċipji internazzjonali, valuri Ewropej, standards u impenji internazzjonali; jenfasizza li l-UE għandha tiddefinixxi b'mod ċar kemm x'tistenna mir-Russja, speċjalment fir-rigward tar-rispett tad-dritt internazzjonali u tal-impenji kuntrattwali kif ukoll li taġixxi bħala sieħba prevedibbli, u dwar il-miżuri li se jittieħdu wara l-31 ta' Diċembru 2015, jekk ir-Russja tonqos milli tonora l-impenji tagħha (jew qabel dik id-data f'każ ta' żviluppi serji fuq il-post), u l-issoktar tal-kooperazzjoni li hija tkun lesta li toffri f'każ ta' konformità; jenfasizza li kooperazzjoni bħal din għandha taderixxi għalkollox mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Ifaħħar is-solidarjetà u l-għaqda murija mill-Istati Membri fil-kuntest tal-annessjoni illegali Russa tal-Krimea u l-involviment dirett fil-gwerra fl-Ukraina, li tippermetti l-adozzjoni u estensjoni ulterjuri ta' miżuri ta' risposta, u l-konnessjoni tagħhom mal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk; jistieden lill-Istati Membri jqisu il-preservazzjoni ta' din l-għaqda bħala prijorità assoluta u sabiex jastjenu minn relazzjonijiet u ftehimiet bilaterali li jistgħu jkunu ta' dannu għal din l-għaqda jew jiġu interpretati b'dan il-mod; itenni li l-għaqda fl-azzjoni u s-solidarjetà fost l-Istati Membri u mal-pajjiżi kandidati hija essenzjali biex tkun żgurata l-kredibilità, il-leġittimità u l-effikaċja tal-politiki tal-UE u l-kapaċità tagħha li tirreżisti l-isfidi u l-pressjonijiet esterni, filwaqt li fl-istess ħin trawwem relazzjoni aktar profonda u kooperattivi mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

8.  Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-approfondiment tal-integrazzjoni tal-UE u l-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha hija essenzjali għal politika esterna u ta' sigurtà tal-UE aktar koerenti, effikaċi u ta' suċċess, inkluż fil-konfront tar-Russja; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jkomplu u jintensifikaw l-isforzi tagħhom, għall-eliminazzjoni effikaċi tan-nuqqas ta' qbil fit-teħid ta' deċiżjonijiet u, kif ukoll flimkien ma' pajjiżi kandidati, għall-konsolidament ta' politiki komuni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kummerċ, tas-servizzi u tranżazzjonijiet finanzjarji, tal-migrazzjoni, tal-enerġija, tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, tal-informazzjoni u taċ-ċibersigurtà;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet u mill-istrumenti tat-Trattat ta' Lisbona, bil-ħsieb li tiġi msaħħa n-natura strateġika li tħares 'il quddiem tal-politika estera u ta' sigurtà komuni Ewropea; jinsab konvint bil-qawwa, barra minn hekk, li r-rwol ċentrali tad-drittijiet tal-bniedem f'kull aspett tal-azzjoni esterna tal-UE huwa prerekwiżit għall-garanzija tar-rwol rispettat u kredibbli tagħha bħala attur globali;

10.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-politika dwar l-enerġija hija element sinifikanti tal-politika esterna tal-UE; jappoġġa bis-sħiħ, għalhekk, il-ħolqien malajr ta' Unjoni tal-Enerġija Ewropea b'saħħitha, b'mod speċifiku l-interkonnessjoni ta' netwerks nazzjonali tal-enerġija sabiex titnaqqas b'mod konsiderevoli d-dipendenza ta' Stati Membri individwali mill-fornituri ta' enerġija esterni, b'mod partikolari r-Russja; jinsab konvint bil-qawwa li l-isfidi għas-solidarjetà Ewropea, u l-vulnerabbiltà tagħha, u l-esponiment tal-Istati Membri individwali u l-pajjiżi kandidati, għall-użu tal-enerġija bħala pedina fin-negozjati politiċi u diplomatiċi jista' jiġi miġġieled biss b'mod effikaċi permezz tal-applikazzjoni sħiħa ta' leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija, u b'mod partikolari l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett dwar l-enerġija u t-tlestija ta' suq intern tal-enerġija liberu, trasparenti, integrat u sinkronizzat, effiċjenti fl-użu tal-enerġija – bi proporzjon adegwat ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli — u reżiljenti, bi provvista diversifikata, f'liema każ il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni għandha tapplikaw mingħajr ebda ekwivoku; jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ adegwat lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija li impenjaw ruħhom biex jimplimentaw l-acquis tal-UE dwar l-enerġija, bil-ħsieb li jsaħħu l-pożizzjoni ta' negozjati tagħhom fil-konfront tal-fornituri esterni tal-enerġija;

11.  Jisħaq fuq il-ħtieġa u r-rilevanza tas-sospensjoni tal-kooperazzjoni mar-Russja fis-settur tad-difiża fid-dawl tal-attitudni aggressiva tagħha, u jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati jastjenu milli jieħdu kwalunkwe deċiżjoni li tista' tikkomprometti din il-pożizzjoni unanima; huwa għalhekk tal-fehma li, minkejja n-natura bilaterali tagħhom, il-ftehimiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tad-difiża mar-Russja għandhom ikunu vvalutati bir-reqqa fil-livell tal-UE, bil-għan li jiġi definit approċċ konsistenti u xieraq; jikkonstata l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO f'dan ir-rigward;

12.  Jinsab mħasseb ħafna bir-restrizzjonijiet li qegħdin jiżdiedu fuq il-libertà tal-midja u tal-internet, iż-żieda fil-kontroll tal-midja online, l-użu tal-koerċizzjoni biex jitrażżan ir-rappurtar imparzjali u t-tgħawwir tal-istandards ġurnalistiċi fir-Russja, kif ukoll iż-żieda tal-monopolju fl-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku Russofonu barra mill-pajjiż mill-midja statali; jikkundanna l-projbizzjoni fuq ix-xandir ta' stazzjonijiet televiżivi Ukraini u tat-Tatari fil-Krimea;

13.  Iġedded l-appell tiegħu għal żvilupp ta' kapaċitajiet analitiċi u ta' monitoraġġ imsaħħa tal-propoganda Russa, speċjalment bil-lingwa Russa, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jirreaġixxu malajr u b'mod xieraq, kontra informazzjoni deliberatament partiġjana mifruxa f'diversi lingwi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni talloka mingħajr dewmien finanzjament adegwat għal proġetti konkreti li għandhom l-għan li jiġġieldu l-propoganda Russa u d-diżinformazzjoni fi ħdan l-UE u barra minnha, u li jipprovdu informazzjoni oġġettiva għall-pubbliku ġenerali fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u biex tiżviluppa strumenti xierqa għal komunikazzjoni strateġika; jilqa', f'dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Marzu 2015 dwar pjan ta' azzjoni kontra kampanji ta' diżinformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu wkoll mekkaniżmu koordinat għat-trasparenza u għall-ġbir, monitoraġġ u rappurtar tal-għajnuna finanzjarja, politika jew teknika pprovduta mir-Russja lill-partiti politiċi u lill-organizzazzjonijiet oħra fi ħdan l-UE, bil-ħsieb li jivvaluta l-involviment u l-influwenza tagħha fuq il-ħajja politika u l-opinjoni pubblika fl-UE u fil-pajjiżi ġirien fil-Lvant, u sabiex tieħu miżuri xierqa;

14.  Huwa mħasseb ħafna dwar it-tendenza reċenti tal-midja Russa, ikkontrollata mill-Istat, li terġa' tikteb u tinterpreta avvenimenti storiċi tas-seklu XX, bħalma huma l-iffirmar tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-protokolli sigrieti tiegħu, kif ukoll r-rikors għal narrativa storika selettiva għal finijiet ta' propaganda politika attwali;

15.  Jinsab imħasseb ħafna bil-kuntatti intensivi u bil-kooperazzjoni, ittollerati mit-tmexxija Russa, bejn partiti populisti, faxxisti u tal-lemin estrem Ewropej minn naħa, u gruppi nazzjonalistiċi fir-Russja min-naħa l-oħra; jirrikonoxxi li din tirrappreżenta periklu għall-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt fl-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra din it-theddida emerġenti ta' "Internazzjonali Nazzjonalista";

16.  Jinsab mħasseb ħafna bl-appoġġ tar-Russja u bil-finanzjament ta' partiti estremisti u radikali fl-Istati Membri tal-UE; iqis il-laqgħa reċenti f'San Pietruburgu tal-partiti tal-lemin estrem bħala insult għall-memorja ta' miljuni ta' Russi li ssagrifikaw ħajjithom sabiex isalvaw id-dinja min-Nażiżmu;

17.  Jistieden lill-UE tagħti appoġġ lill-proġetti mmirati biex jippromwovu u jiżviluppaw standards ġurnalistiċi għoljin, libertà tal-midja u informazzjoni imparzjali u affidabbli fir-Russja, u li jikkumbattu l-propaganda fi ħdan l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli finanzjament adegwat għall-inizjattivi li qegħdin jiżviluppaw midja Russofona alternattiva għall-midja Russa kkontrollata mill-Istat, sabiex jipprovdu lill-pubbliku Russofonu b'sorsi ta' informazzjoni kredibbli u indipendenti;

18.  Itenni li rispett bla kompromessi għall-istat tad-dritt huwa prinċipju ewlieni u fundamentali tal-UE, u jappella għall-applikazzjoni stretta, rapida u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu f'każ ta' kwalunkwe ksur tar-regoli; jistieden lill-Kummissjoni tapplika bl-istess determinazzjoni l-prinċipju ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq uniku, inkluż fil-proċedimenti kontra Gazprom; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri jridu jagħmlu aktar enfasi fuq il-ħtieġa li r-Russja tindirizza is-sħubija tagħha fid-WTO b'mod kostruttiv u sabiex tikkonforma bis-sħiħ mal-impenji sussegwenti, inkluż billi ttemm restrizzjonijiet inġustifikati għall-kummerċ u tipprovdi aċċess mhux diskriminatorju għas-swieq tagħha;

19.  Jistieden lir-Russja tikkoopera bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali dwar l-investigazzjoni dwar it-twaqqigħ tat-titjira MH17, u jikkundanna kwalunkwe tentattiv jew deċiżjoni sabiex tingħata amnestija jew iddewwem il-prosekuzzjoni ta' dawk identifikati bħala responsabbli; itenni l-istedina tiegħu lir-Russja tagħti lura minnufih il-fdalijiet u l-kaxxi s-suwed kollha tal-ajruplan tal-Gvern Pollakk li kkraxxja fi Smolensk; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jqajmu dawn it-talbiet f'kull kuntatt bilaterali mal-awtoritajiet Russi;

20.  Jistieden lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jirrikonoxxi l-portata u l-gravità tal-problema ta' vjolenza u fastidju kontra persuni LGBTI fir-Russja, u li jimpenja ruħu li jieħdu passi biex jintemmu dawn l-abbużi u li jħassar id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 135-FŻ tad-29 ta' Ġunju 2013 (il-liġi dwar il-"propaganda omosesswali") li jipprojbixxu d-distribuzzjoni ta' informazzjoni dwar relazzjonijiet LGBTI; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jqajmu l-kwistjoni tal-omofobija u l-vjolenza kontra persuni u attivisti LGBTI f'laqgħat ma' uffiċjali Russi rilevanti, inkluż fl-ogħla livell; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE – f'konformità mal-linji gwida tal-UE ta' Ġunju 2013 – jippromwovu u jipproteġu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI, jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra persuni LGBTI billi jfittxu għajnuna u rimedju għal vittmi ta' tali vjolenza, u billi jappoġġaw inizjattivi tas-soċjetà ċivili u governattivi għall-monitoraġġ ta' każijiet ta' vjolenza, u billi jedukaw il-persunal inkarigat mill-eżekuzzjoni tal-liġi;

21.  Filwaqt li jqis l-arrikkiment ta' soċjetà permezz tal-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti, jesprimi tħassib serju dwar l-istat tad-drittijiet tal-bniedem li dejjem qed immur għall-agħar, inklużi d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda u d-drittijiet ta' persuni LGBTI, u l-istat tad-dritt fir-Russja u fil-Krimea wara l-annessjoni illegali tagħha; jikkundanna bil-qawwa t-trażżin kontinwu tal-gvern ta' fehmiet dissidenti billi jimmira lejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti permezz tal-hekk imsejħa "liġi tal-aġenti barranin" u t-trażżin persistenti u multiformi ta' attivisti, avversarji politiċi u ta' dawk li jikkritikaw ir-reġim; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-qtil ta' Anna Politkovskaya, Natalya Estemirova, Boris Nemtsov u Sergey Magnitsky, Alexander Litvinenko u oħrajn; jitlob li kull qtil ta' attivisti politiċi, ġurnalisti u infurmaturi jiġi investigat kif suppost u indipendentement, li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja bħala sinjal tal-ġlieda kontra l-impunità mingħajr kompromessi, u li jitqiesu miżuri restrittivi mmirati jekk l-investigazzjonijiet imwettqa mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jonora l-impenn tiegħu li jiddefendi dawn il-prinċipji, u li jadotta, fuq proposta li għandha tiġi ppreżentata mingħajr dewmien mill-VP/RGħ, miżuri restrittivi għall-uffiċjali involuti fil-każ dokumentat sew ta' Magnitsky; jissottolinja li l-obbligu tar-Russja li tikkonforma mad-drittijiet tal-bniedem u mal-istandards tal-istat tad-dritt joħroġ direttament mis-sħubija tagħha man-NU, mal-Kunsill tal-Ewropa u mal-OSKE;

22.  jenfasizza l-importanza ta' appoġġ kontinwu politiku u finanzjarju għall-attivisti tas-soċjetà ċivili indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers, il-midja indipendenti, akkademiċi li jikkritikaw u personaġġi pubbliċi u NGOs, bil-għan li jiġu promossi l-valuri demokratiċi, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fil-Krimea okkupata; jistieden lill-Kummissjoni tipprogramma għajnuna finanzjarja lis-soċjetà ċivili Russa aktar ambizzjuża mill-istrumenti finanzjarji esterni eżistenti; iħeġġeġ lill-UE tiddjaloga mal-uffiċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi li huma lesti jiżviluppaw viżjoni tar-relazzjonijiet politiċi u diplomatiċi mal-UE bbażati fuq sħubija u kooperazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jkunu promossi, kemm jista' jkun, kuntatti interpersonali u sabiex jinżammu, minkejja l-istat attwali tar-relazzjonijiet, djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn l-UE u l-istudenti u r-riċerkaturi Russi, bejn is-soċjetajiet ċivili u bejn l-awtoritajiet lokali, bil-ħsieb li tittaffa t-tensjoni u ttejjeb il-fehim reċiproku;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li tiżgura t-trasparenza sħiħa tal-finanzjament politiku u l-finanzjament tal-partiti politiċi fl-UE skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew fir-rigward b'mod partikolari ta' partijiet interessati politiċi jew ekonomiċi esterni għall-UE;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

(1)1 Testi adottati, P7_TA(2012)0505.
(2)2 Testi adottati, P7_TA(2013)0383.
(3)3 Testi adottati, P7_TA(2014)0101.
(4)4 Testi adottati, P8_TA(2014)0025.
(5)5 Testi adottati, P8_TA(2015)0074.
(6) "Protokoll dwar ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta' Kuntatt Tripartitiku", iffirmat fil-5 ta' Settembru 2014, u "Pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk", adottat fit-12 ta' Frar 2015.
(7) Riżoluzzjoni A/RES/68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-integrità territorjali tal-Ukraina.
(8) Riżoluzzjoni S/RES/2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
(9) Passi Komuni lejn vjaġġar għal żmien qasir mingħajr bżonn ta' viża, taċ-ċittadini Russi u tal-UE.


Rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF
PDF 271kWORD 89k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rapport annwali tal-2014 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF (2015/2699(RSP))
P8_TA(2015)0226RC-B8-0539/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi(2),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, Taqsima III – Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 dwar Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività 2014 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF (minn issa 'l quddiem "il-KS"),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 4/2014 tal-KS, bl-isem "Kontroll tad-dewmien tal-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi",

–  wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għall-Opinjoni Nru 4/2014 tal-KS,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 5/2014 tal-KS, bl-isem " Ir-rappurtar estern tal-OLAF dwar id-dewmien tal-investigazzjonijiet",

–  wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għall-Opinjoni Nru 5/2014 tal-KS,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Nru 1/2014 tal-KS, bl-isem "Is-salvagwardja tal-indipendenza investigattiva tal-OLAF",

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2014 tal-KS, bl-isem "L-implimentazzjoni mill-OLAF tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Sorveljanza",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Nru 3/2014 tal-KS, bl-isem "Ftuħ ta’ każijiet fl-OLAF fl-2012",

–  wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-OLAF għar-Rapport Nru 3/2014 tal-KS,

–  wara li kkunsidra n-Nota tal-KS dwar l-Analiżi tal-Abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF għall-2015 tal-Kumitat ta' Sorveljanza,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività 2013 tal-KS,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2013 tal-KS, bl-isem "It-twaqqif ta’ proċedura interna tal-OLAF għall-ilmenti",

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 1/2014 tal-KS, bl-isem "Il-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF",

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2014 tal-KS, bl-isem "L-għażla tal-każijiet fl-OLAF",

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet tal-KS dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni fl-OLAF,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-2012 tal-KS,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-KS bl-isem "Missjoni, kompetenzi u objettivi tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi – Reviżjoni ta' nofs il-perjodu (2014-2015)",

–  wara li kkunsidra l-Arranġamenti ta' Ħidma tal-KS mal-OLAF,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-rapport annwali 2014 tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF (O-000060/2015 – B8-0553/2015, O-000061/2015 – B8-0554/2015 u O-000066/2015 – B8-0555/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 128(5) u l-Artikolu 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fir-Rapport Annwali tal-Attività 2014 tiegħu l-Kumitat ta’ Sorveljanza (KS) tal-OLAF innota li waqt ir-riorganizzazzjoni tal-OLAF (fl-1 ta’ Frar 2012), infetħu 423 każ fl-istess jum permezz ta’ deċiżjoni unika tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF (DĠ tal-OLAF); billi, abbażi tal-analiżi tiegħu, il-KS ikkonkluda li (i) l-OLAF ma mexxa l-ebda valutazzjoni xierqa tal-informazzjoni li daħlet għall-ebda wieħed mill-każijiet analizzati mill-KS, (ii) fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet ma kien hemm l-anqas ħjiel ta’ xi attività ta' valutazzjoni, u (iii) id-DĠ tal-OLAF fetaħ il-każijiet kollha inkwistjoni mingħajr ma stabbilixxa minn qabel li kien hemm suspett serju biżżejjed li kienu twettqu frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni – u dan imur kontra r-rekwiżit ġuridiku għall-ftuħ ta' investigazzjoni tal-OLAF li kien fis-seħħ f’dak iż-żmien;

B.  billi l-KS, fil-komunikazzjonijiet tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE, irrimarka li minkejja l-obbligu ċar stabbilit fl-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, id-DĠ tal-OLAF ma rrappurtax lill-KS fl-2014 dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet għall-OLAF li ma ġewx implimentati;

C.  billi fl-ewwel nofs tal-mandat tiegħu l-KS ħareġ 50 rakkomandazzjoni lill-OLAF, li minnhom tmienja biss ġew implimentati għalkollox, sitta ġew implimentati parzjalment, waħda hija pendenti, 20 ma ġewx implimentati, u billi fi 15-il każ il-KS ma kienx f’pożizzjoni li jivverifika l-implimentazzjoni minħabba li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni sostantiva;

D.  billi l-KS – fin-nota tiegħu dwar l-abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni tal-OLAF għall-2015 – osserva li l-OLAF ma kienx qies it-tliet rakkomandazzjonijiet li saru fl-Opinjoni tal-KS Nru 1/2014: (i) id-DĠ tal-OLAF ma kienx ippubblika linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-għażla li jirriżultaw mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (użu effiċjenti tar-riżorsi, proporzjonalitá, sussidjarjetà/valur miżjud) u, minflok ma eżamina mill-ġdid l-indikaturi finanzjarji biex jadattahom għar-realtà tal-programmi ta’ nfiq, kien abolixxihom kompletament; (ii) l-Abbozz tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni għall-2015 deher li kien qed jieħu inkunsiderazzjoni għadd ta' dokumenti minn partijiet ikkonċernati, iżda ma jidher li sar l-ebda djalogu mal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-indikaturi finanzjarji u rigward is-segwitu possibbli tal-każijiet li juru suspett suffiċjenti ta' frodi, iżda li kienu ġew imwarrba abbażi tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni jew il-prinċipji tal-għażla; (iii) id-DĠ tal-OLAF ma għaddiex lill-KS valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Prijoritajiet tal-Politika ta’ Investigazzjoni preċedenti jew sommarju tal-feedback mogħti mill-partijiet ikkonċernati, minkejja impenn preċedenti li jagħmel dan;

E.  billi l-KS kien irrimarka b'mod kostanti l-inabilità tiegħu li jissorvelja l-independenza tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u d-dewmien tal-investigazzjonijiet, minħabba n-nuqqas ta' aċċess għall-informazzjoni neċessarja;

F.  billi l-KS iddikjara li l-qalba tal-problema fir-rigward tal-effettività tar-rwol ta’ sorveljanza tiegħu mhix l-implimentazzjoni fqira tal-Arranġamenti ta’ Ħidma, iżda differenza fundamentali ta’ fehmiet bejn il-KS u d-DĠ tal-OLAF fil-perċezzjonijiet tagħhom tar-rwol tal-KS;

G.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet imsemmija qabel dwar ir-Rapporti Annwali 2011 u 2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – il-ġlieda kontra l-frodi, talab titjib fl-abilità tal-KS biex iwettaq ir-rwol tiegħu;

H.  billi l-KS f'għadd ta' okkażjonijiet stieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jew isaħħu l-kompetenzi tiegħu, b'mod partikolari permezz ta' aċċess sħiħ għall-fajls tal-każijiet tal-OLAF, jew biex jieħdu miżuri oħra biex jiżguraw l-obbligu ta' rendikont tal-OLAF;

I.  billi f'Marzu 2014 id-DĠ tal-OLAF impenja ruħu li jagħmel rapport lill-KS darba fis-sena dwar il-għadd ta' lmenti li jkunu ntlaqgħu, l-ipproċessar tagħhom kemm sar fil-ħin u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala jew ġustifikati jew mhumiex; billi, madankollu, il-KS jirrapporta li huwa ma kien irċieva l-ebda informazzjoni bħal din;

J.  billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 saħħaħ ir-rwol tal-KS fis-sorveljanza tad-dewmien tal-investigazzjonijiet tal-OLAF; billi, minkejja r-rispett formali tal-OLAF għall-obbligu li jirrapporta regolarment għand il-KS dwar l-investigazzjonijiet li jieħdu aktar minn 12-il xahar, il-KS ikkonkluda, fl-Opinjoni Nru 4/2014 tiegħu bl-isem "Kontroll tad-dewmien tal-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF", li l-informazzjoni mogħtija lilu ma kenitx biżżejjed biex ikun jista' jissorvelja kif xieraq u b'mod effettiv id-dewmien tal-investigazzjonijiet tal-OLAF;

K.  billi, fl-Opinjoni Nru 5/2014 tiegħu bl-isem "Ir-rappurtar estern tal-OLAF dwar id-dewmien tal-investigazzjonijiet", il-KS ikkonkluda li r-rappurtar dwar id-dewmien tal-investigazzjonijiet min-naħa tal-OLAF ma kienx ta ħarsa komprensiva tal-prestazzjoni investigattiva tiegħu; billi, filwaqt li l-OLAF iddikjara fir-rapport annwali tiegħu li "l-investigazzjonijiet qed jitlestew f'inqas żmien", il-KS ikkonkluda li t-titjib fir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-OLAF kien dovut għall-introduzzjoni ta' metodi ġodda ta' kalkolu;

L.  billi, fir-Rapport Nru 1/2014 tiegħu bl-isem "Is-salvagwardja tal-indipendenza tal-OLAF", il-KS talab għal kjarifika tar-rwol tal-OLAF fl-implimentazzjoni tal-politika ta' kontra l-frodi tal-Kummissjoni fis-settur tas-sigaretti;

M.  billi għal sentejn wara xulxin il-KS esprima, fir-Rapport Annwali tal-Attività tiegħu, it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza rigward il-parteċipazzjoni tal-OLAF fil-laqgħat tal-"Kamra tal-Ikklirjar" tal-Kummissjoni u r-riskji inerenti fir-rigward tal-indipendenza investigattiva tal-OLAF;

N.  billi l-KS ġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE lejn il-ħtieġa li jiġu implimentati r-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 rigward il-funzjonament indipendenti tas-Segretarjat tal-KS;

O.  billi l-KS identifika erba’ kundizzjonijiet bażiċi li jiżguraw il-funzjonament indipendenti tas-Segretarjat: (i) reklutaġġ, valutazzjoni u promozzjoni tal-Kap tas-Segretarjat abbażi tad-deċiżjonijiet tal-KS; (ii) klassifikazzjoni mill-ġdid tal-Kap tas-Segretarjat bħala maniger anzjan; (iii) reklutaġġ, evalwazzjoni u promozzjoni tal-persunal tas-Segretarjat mill-Kap tiegħu; (iv) sottodelegazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit tas-Segretarjat lill-Kap tiegħu;

P.  billi l-Parlament ikkunsidra r-reazzjonijiet tal-OLAF għar-rapporti u l-opinjonijiet tal-KS li ntbagħtu lill-Parlament;

1.  Jenfasizza bil-qawwa r-responsabilità li għandu l-OLAF li jirrispetta r-rekwiżiti ġuridiċi għall-ftuħ ta' investigazzjoni; ifakkar li, fir-rigward tal-423 każ li nfetħu fl-istess jum, 8.4 % biss ta' dawk li ngħalqu rriżultaw f'rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-KS jagħti segwitu għar-rispett tar-rekwiżiti ġuridiċi fuq bażi regolari;

2.  Jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu imsemmija qabel tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, u jħeġġeġ lill-OLAF, mingħajr dewmien, jagħti ġustifikazzjoni għall-każijiet li fihom ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tal-KS;

3.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-KS sabha impossibbli li jikkonkludi jekk il-Prijoritajiet tal-Politika ta' Investigazzjoni kinux identifikati korrettament u jekk l-applikazzjoni tagħhom kellhomx konsegwenzi pożittivi jew negattivi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-KS mhuwiex kapaċi jimplimenta l-mandat tiegħu għalkollox; jirreferi għar-riżoluzzjonijiet tiegħu imsemmija qabel dwar ir-Rapporti Annwali tal-2011 u l-2013 dwar Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – Il-ġlieda kontra l-frodi, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex ittejjeb l-abilità tal-KS li jissorvelja l-indipendenza tal-OLAF, il-funzjoni investigattiva tiegħu, l-applikazzjoni tal-garanziji proċedurali u d-dewmien tal-investigazzjonijiet, mingħajr, madankollu, ma jqiegħed l-indipendenza tal-OLAF f'riskju;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita n-negozjati bejn l-OLAF u l-KS billi tfassal pjan ta' azzjoni sal-31 ta' Diċembru 2015 bil-ħsieb li temenda l-Arranġamenti ta' Ħidma biex jinħoloq ambjent ta' ħidma li fih il-KS jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu; hu tal-fehma li l-Arranġamenti ta' Ħidma emendati għandhom jiċċaraw ir-rwol tal-KS lill-partijiet ikkonċernati kollha; jinnota li s-segretarjat tal-korp superviżorju jaqa' taħt il-kontroll (amministrattiv) tal-korp issorveljat;

6.  Jitlob li jitwettaq l-impenn li ta d-DĠ tal-OLAF li jagħti lill-KS il-għadd ta' lmenti li jkunu ntlaqgħu, l-ipproċessar tagħhom kemm sar fil-ħin u l-klassifikazzjoni tagħhom bħala jew ġustifikati jew mhumiex;

7.  Iħeġġeġ lill-OLAF jirrispetta r-rekwiżiti ġuridiċi ħalli l-KS jkun jista' jaqdi waħda mill-funzjonijiet ewlenin tiegħu fir-rigward tas-superviżjoni tad-dewmien tal-investigazzjonijiet tal-OLAF;

8.  Jilqa', madankollu, il-fatt li l-OLAF u l-KS bdew jaħdmu flimkien biex itejbu l-informazzjoni li l-OLAF jagħti lill-KS u biex jarrikkixxu l-kontenut tar-rapporti dwar l-investigazzjonijiet li jdumu aktar minn 12-il xahar;

9.  Jinnota li minn 134 investigatur fi tmiem l-2014, 13 (10 %) minnhom ġew assenjati lill-unità tat-tabakk u l-kontrafatti, u 44 (33 %) lill-unitajiet tal-agrikoltura u l-fondi strutturali, li kienu jikkostitwixxu 86 % tal-interessi finanzjarji involuti (EUR 1,9 biljun); jirrakkomanda, għalhekk, li l-OLAF jikkunsidra mill-ġdid l-allokazzjoni tar-riżorsi tiegħu;

10.  Jesprimi tħassib dwar it-trasparenza tal-parteċipazzjoni tal-OLAF fil-laqgħat tal-"Kamra tal-Ikklirjar" tal-Kummissjoni;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF.

(1) ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0118.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0287.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0318.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0062.


Is-sitwazzjoni fl-Ungerija
PDF 298kWORD 88k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2700(RSP))
P8_TA(2015)0227RC-B8-0532/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni premess u mir-raba' sas-seba' premessi tiegħu,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'rabta mat-tneħħija tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2012)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Diċembru 2014 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija bejn l-1 u l-4 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra s-sessjoni ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija, li saret fit-22 ta' Jannar 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa waqt id-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fil-11 ta' Frar 2015 dwar qafas tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet li sar fis-7 ta' Mejju 2015 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern wara d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' April 2015, dwar l-effetti possibbli, inkluż fuq id-drittijiet u l-istatus ta' pajjiż bħala membru tal-Unjoni Ewropea, f'każ li Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi t-tneħħija tal-piena tal-mewt hija prekundizzjoni għal sħubija mal-UE, bl-UE ssostni pożizzjoni b'saħħitha u bbażata fuq prinċipji kontra l-piena tal-mewt, li t-tneħħija tagħha hija objettiv ewlieni tal-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit, b'rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b'konformità mat-TUE u t-TFUE;

E.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ġew inkorporati kompletament fil-kostituzzjoni tal-Ungerija; billi l-iżviluppi reċenti fl-Ungerija wasslu madankollu għal tħassib fuq is-sitwazzjoni tal-pajjiż;

F.  billi wara l-avvenimenti reċenti fl-Ungerija, il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán għamel dikjarazzjoni fit-28 ta' April 2015 dwar il-ħtieġa li jkun hemm dibattitu pubbliku dwar il-piena tal-mewt; billi fit-30 ta' April 2015 il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz, ħareġ stqarrija għall-istampa li fiha ddikjara li Viktor Orbán kien żgurah li l-Gvern Ungeriż ma kellu l-ebda pjan jieħu passi biex jerġa' jdaħħal il-piena tal-mewt, u li kien se jħares u jirrispetta t-trattati Ewropej u l-leġiżlazzjoni Ewropea kollha; billi Viktor Orbán tenna dikjarazzjonijiet simili fl-1 ta' Mejju 2015, iżda matul intervista fuq ir-radju nazzjonali żied li d-deċiżjoni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt għandha tkun unikament kompetenza tal-Istati Membri, u b'hekk tbiegħed mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-UE;

G.  billi f'Mejju 2015 il-Gvern Ungeriż nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni, wara li fl-imgħoddi kien wettaq għadd ta' konsultazzjonijiet simili fuq kwistjonijiet oħra; billi l-konsultazzjoni pubblika tista' sservi ta' strument importanti u ta' valur biex il-gvernijiet jiżviluppaw politiki li jgawdu bażi soda ta' appoġġ fost il-pubbliku; billi l-kwistjonijiet ġew ikkritikati għan-natura suġġestiva u retorika tagħhom, billi jistabbilixxu rabta diretta bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà;

H.  billi matul l-iskambju ta' fehmiet fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-maġġoranza tal-gruppi politiċi kienu tal-fehma li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt u l-mistoqsijiet li saru fil-konsultazzjoni pubblika kienu inaċċettabbli;

I.  billi, fl-istqarrija tiegħu mressqa fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament Ewropew fid-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-Kunsill ma kienx ddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ungerija u għalhekk ma adotta l-ebda pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni;

J.  billi l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali fl-Ungerija ma għandhomx l-għan li jiġi individwat Stat Membru jew gvern partikolari iżda li jissodisfaw obbligu kollettiv fuq l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b'mod partikolari l-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati, li jiżguraw l-applikazzjoni u l-konformità mat-Trattati u l-Karta fl-Unjoni kollha u f'kull Stat Membru;

1.  Jinsisti li l-piena tal-mewt hija inkompatibbli mal-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u li għalhekk kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid il-piena tal-mewt ikun qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jafferma mill-ġdid bl-aktar mod riżolut, li t-tneħħija tal-piena tal-mewt hija punt importanti fl-iżvilupp tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa;

2.  Ifakkar li ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jiskatta l-proċedura tal-"Artikolu 7";

3.  Jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet ripetuti magħmula mill-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orbán li jagħtu lok għal dibattitu dwar l-introduzzjoni mill-ġdid potenzjali tal-piena tal-mewt fl-Ungerija, biex b'hekk jiġi istituzzjonalizzat u alimentat kunċett li jikser il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jinnota għalhekk id-dikjarazzjoni li saret minn Viktor Orbán li ma jerġax idaħħal il-piena tal-mewt fl-Ungerija, u jissottolinja r-responsabbiltà ta' prim ministru, bħala kap ta' gvern, li jippromwovi l-valuri tal-UE u jagħti eżempju;

4.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom id-dritt sovran li jniedu konsultazzjonijiet nazzjonali; ifakkar madankollu li l-konsultazzjonijiet għandhom jirriflettu r-rieda tal-gvernijiet li jeżerċitaw governanza responsabbli intiża biex tiżgura soluzzjonijiet politiċi demokratiċi u r-rispett għall-valuri fundamentali Ewropej;

5.  Jikkundanna l-konsultazzjoni pubblika dwar il-migrazzjoni u l-kampanja relatata fuq billboards madwar il-pajjiż kollu mnedija mill-Gvern Ungeriż, u jenfasizza li l-kontenut tal-konsultazzjoni partikolari mnedija fl-Ungerija, kif ukoll il-lingwaġġ li ntuża dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu huma ferm qarrieqa, żbilanċjati u mimlija preġudizzji, hekk kif jistabbilixxu rabta diretta u preġudikata bejn il-fenomeni migratorji u t-theddid għas-sigurtà; jindika li t-tweġibiet għall-kwestjonarju onlajn għandhom jiġu kkomplementati minn data personali, li b'hekk tiżvela l-opinjonijiet politiċi ta' dak li jkun bi ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jappella għalhekk sabiex din il-konsultazzjoni tiġi rtirata;

6.  Jiddispjaċih li l-konsultazzjoni pubblika titfa' l-ħtija fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-politiki tagħhom mingħajr ma tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dawn l-oqsma; ifakkar li l-Istati Membri huma involuti kompletament fil-proċess leġiżlattiv tal-UE;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw b'mod kostruttiv fid-diskussjoni li għaddejja dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li taffettwa ugwalment il-politiki interni, esterni u tal-iżvilupp li jridu jiġu implimentati fl-UE;

8.  Jemmen li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jottemperaw ruħhom bis-sħiħ mad-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, trid tirrifletti u tkun konformi mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

9.  Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar reċenti fl-Ungerija, u jikkundanna n-nuqqas ta' impenn mill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rispett għall-istat tad-dritt kif speċifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2014; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

10.  Jinnota li dawn l-iżviluppi reċenti wasslu għal tħassib dwar il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija matul is-sena li għaddiet, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaddem l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk biex tagħti bidu minnufih għal proċess fil-fond ta' monitoraġġ dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, billi tevalwa ksur potenzjali sistemiku serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt kombinat ta' għadd ta' miżuri li jaggravaw is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u billi tevalwa l-ħolqien ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni lill-Parlament u lill-Kunsill qabel Settembru 2015;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħala għodda għall-konformità mal-Karta u t-Trattati u l-infurzar tagħhom kif iffirmata mill-Istati Membri kollha, li tibbaża fuq indikaturi komuni u oġġettivi, u biex twettaq valutazzjoni annwali imparzjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ugwali, bl-involviment ta' evalwazzjoni mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, flimkien ma' mekkaniżmi xierqa vinkolanti u korrettivi sabiex jimtlew il-lakuni eżistenti u jkun hemm rispons awtomatiku u gradwali għall-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Istati Membri; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-elaborazzjoni ta' din il-proposta fil-forma ta' rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja li għandu jiġi adottat sa tmiem is-sena;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0315.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0173.


Rapport ta' Progress 2014 dwar it-Turkija
PDF 506kWORD 170k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (2014/2953(RSP))
P8_TA(2015)0228B8-0455/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (SWD(2014)0307),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2014 bit-titlu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-15" (COM(2014)0700),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport dwar il-progress tat-Turkija 2009(1), tad-9 ta' Marzu 2011 dwar ir-rapport ta' progress tat-Turkija għall-2010(2), tad-29 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress 2011 dwar it-Turkija(3), tat-18 ta' April 2013 dwar ir-Rapport ta' Progress 2012 dwar it-Turkija(4), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija(5), tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar it-Turkija(6), tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Tork li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru(7), u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(9),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija(10) ("is-Sħubija għall-Adeżjoni"), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2010, tal-5 ta' Diċembru 2011, tal-11 ta' Diċembru 2012, tal-25 ta' Ġunju 2013, tal-24 ta' Ottubru 2014 u tas-16 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti fih,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji tat-28 ta' Marzu 2014 bit-titlu 'Evaluation of the EU-Turkey Customs Union' (Evalwazzjoni tal-Unjoni Doganali UE-Turkija),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża (COM(2014)0646),

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Kati Piri bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għat-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 u billi l-ftuħ ta' tali negozjati huwa l-punt tat-tluq ta' proċess li jieħu ħafna żmien u li għandu eżitu miftuħ, ibbażat fuq kundizzjonalità ġusta u rigoruża u impenn favur ir-riformi;

B.  billi l-UE għadha impenjata favur tkabbir ulterjuri bħala politika fundamentali għall-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija, tas-sigurtà u tal-prosperità fl-Ewropa; billi kull pajjiż kandidat se jiġi ġġudikat fuq il-merti proprji tiegħuu, abbażi ta' dan, il-Kummissjoni ma tipprevedix xi adeżjoni ġdida fl-UEf'din il-leġislatura;

C.  billi t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta' Kopenħagen, twettaq riformi adegwati u effikaċi, iżżomm relazzjonijiet ta' bon viċinat u twettaq allinjament progressiv mal-UE; billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha u tissokta l-proċess tagħha ta' demokratizzazzjoni u modernizzazzjoni;

D.  billi, skont il-klassifikazzjoni magħmula minn Freedom House għal-libertà tal-istampa u tal-midja, it-Turkija issa qed tiġi kklassifikata bħala pajjiżi li m'għandux libertà tal-istampa u li fih il-libertà tal-internet hija biss parzjali;

E.  billi Reporters without Borders (Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri) fl-2014 ikklassifikat it-Turkija bħala pajjiż fost dawk li fihom il-ġurnalisti l-aktar li sofrew theddidiet u attakki fiżiċi;

F.  billi l-UE għandha tibqa’ l-punt ta’ riferiment għar-riformi fit-Turkija;

G.  billi l-bażi għall-adeżjoni mal-UE għadha l-konformità sħiħa mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006;

H.  billi, fil-proċess tal-adeżjoni, l-istat tad-dritt – li jinkludi, partikolarment, is-separazzjoni tal-poteri, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-libertà tal-għaqda u tal-protesta paċifika, il-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi ta' komunikazzjoni, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tar-reliġjon, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi (nazzjonali), u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni fil-konfront ta' gruppi vulnerabbli bħar-Rom u l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) – huwa ta' importanza ċentrali;

I.  billi fil-komunikazzjoni tagħha bit-titlu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-15" il-Kummissjoni kkonkludiet li t-Turkija hija sieħba strateġika għall-Unjoni Ewropea, f'termini ekonomiċi u ta' sigurtà enerġetika, u li l-kooperazzjoni mat-Turkija fi kwistjonijiet ta' politika barranija hija kruċjali, billi, fl-istess komunikazzjoni, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha rigward il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-indipendenza tal-ġudikatura, l-istat tad-dritt, id-dritt ta' għaqda u l-libertà ta' espressjoni;

J.  billi t-Turkija, għad-disa' sena konsekuttiva, għadha ma implimentatx id-dispożizzjonijiet li joħorġu mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tiegħu; billi dan ir-rifjut għadu jħalli effett negattiv profond fuq il-proċess tan-negozjati;

K.  billi, bil-ħsieb li ttejjeb l-istabbiltà u tippromwovi r-relazzjonijiet ta' bon viċinat, it-Turkija jeħtiġilha tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi obbligi ġuridiċi pendenti u tilwimiet li għadhom mhux solvuti dwar il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru mal-ġirien diretti tagħha, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u mad-dritt internazzjonali;

L.  billi l-awtoritajiet Torok ma qablux li jerġgħu jiftħu s-seminarju Ortodoss fuq il-gżira ta' Heybeliada;

Is-sitwazzjoni attwali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija

1.  Jilqa' favorevolment ir-rapport ta' progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija u jikkondividi l-konklużjoni tiegħu li t-Turkija hija sieħba strateġika għall-Unjoni Ewropea u li negozjati ta' adeżjoni attivi u kredibbli jipprovdu qafas adatt biex il-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-Turkija jiġi sfruttat bis-sħiħ; jenfasizza li l-proċess ta' riforma fil-kuntest ta' negozjati mal-UE jista' jippreżenta opportunità sinifikanti għat-Turkija biex din tiżviluppa sistema demokratika pluralista qawwija, b'istituzzjonijiet sodi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tat-Turkija, kif ukoll għal relazzjonijiet eqreb mal-UE; jitlob li l-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-mod li bih in-negozjati tmexxew s'issa u kif ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija jistgħu jittejbu u jiġu intensifikati;

2.  Jissottolinja li relazzjoni effikaċi u li tiffunzjona sewwa, ibbażata fuq id-djalogu, kooperazzjoni aktar stretta, impenn reċiproku u negozjati bejn l-UE u t-Turkija – fid-dawl tal-qrubija ġeografika tagħhom, ir-rabtiet storiċi bejniethom, il-komunità Torka kotrana li tgħix fl-UE, ir-rabtiet ekonomiċi stretti u l-interessi strateġiċi komuni tagħhom – tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet; jistieden lit-Turkija tqiegħed il-proċess ta' riforma fil-qalba tal-għażliet ta' politika nazzjonali tagħha; huwa tal-fehma li l-UE għandha taħtaf din l-opportunità li ssir l-ankra prinċipali tal-proċess tad-demokratizzazzjoni ulterjuri fit-Turkija billi tippromwovi valuri universali u l-istandards regolatorji Ewropej bħala punti ta' riferiment għall-proċess ta' riforma, u billi tappoġġa lit-Turkija fl-iżvilupp ta' istituzzjonijiet demokratiċi sodi u ta' leġiżlazzjoni effikaċi bbażati fuq ir-rispett tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li jirrappreżentaw u jiddefendu l-interessi tas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà Torka;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern Tork iħaffef il-pass tan-negozjati u jħeġġu jimpenja ruħu bla ekwivoċi li jirrispetta l-valuri u l-prinċipji demokratiċi, li huma fil-qalba tal-Unjoni Ewropea; jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tintensifika l-ħidma mat-Turkija abbażi ta' interessi kondiviżi u sfidi komuni; jieħu nota tal-ftuħ tan-negozjati dwar il-Kapitolu 22 (Politika reġjonali) f'Novembru 2013;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-elezzjoni tal-aktar parlament inklużiv u rappreżentattiv fl-istorja moderna Torka, li jirrifletti d-diversità tal-pajjiż; ifaħħar ir-reżiljenza tad-demokrazija Torka u l-ispirtu demokratiku taċ-ċittadini tagħha, kif tixhed ir-rata għolja ħafna ta' votanti li ħarġu jivvutaw u l-parteċipazzjoni impressjonanti tal-volontiera tas-soċjetà ċivili f'jum l-elezzjoni; jistieden lill-partiti politiċi kollha biex jaħdmu għat-twaqqif ta' gvern stabbli u inklużiv bil-għan li jissaħħaħ il-proċess ta' demokratizzazzjoni tat-Turkija u d-djalogu ta' riforma tagħha mal-UE;

5.  Jissottolinja l-importanza li ninvestu aktar sforzi f'kuntatti interpersonali biex jinħoloq ambjent favorevoli ta' kooperazzjoni bejn it-Turkija u l-UE; jenfasizza, għalhekk, li fl-interess ta' rabtiet aktar stretti bejn l-UE u t-Turkija, għandu jsir progress konkret fil-qasam tal-liberalizzazzjoni tal-viżi abbażi tat-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fil-pjan direzzjonali lejn reġim ta' eżenzjoni ta' viża mat-Turkija; jenfasizza li fil-perjodu intermedju, l-UE għandha tagħmilha aktar faċli li persuni tan-negozju jiksbu viża, u li programmi ta' skambju ta' studenti u akkademiċi u l-opportunitajiet ta' aċċess għas-soċjetà ċivili għandhom jiġu promossi b'mod attiv; jemmen li l-opportunitajiet ta' aċċess imtejjeb għall-UE jafu jipprovdu aktar appoġġ għall-proċess ta' riforma fit-Turkija;

L-Istat tad-Dritt u d-Demokrazija

6.  Josserva li t-Turkija kompliet timplimenta r-riformi mis-snin preċedenti; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-bidliet fil-qafas ġuridiku fil-qasam tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, li issa jippermetti li l-kampanji politiċi jsiru b'lingwi oħra u mhux biss bit-Tork, jagħti lok għall-kopresidenza tal-partiti u jiffaċilita r-regoli tal-organizzazzjoni lokali tal-partiti politiċi; itenni l-importanza li l-limitu elettorali minimu ta' 10 % jitbaxxa, b'mod li jkun jippermetti parteċipazzjoni politika tal-komponenti kollha tas-soċjetà fit-Turkija;

7.  Jenfasizza li kostituzzjoni ġdida bbażata fuq dispożizzjonijiet li jippromwovu soċjetà pluralistika, inklużiva u tolleranti tista’ ssaħħaħ il-proċess ta’ riforma u tipprovdi bażi soda għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; ifaħħar ix-xogħol li għamel il-kumitat ta' konċiljazzjoni kostituzzjonali, li, qabel ma ġie xolt, laħaq kunsens fuq 60 emenda kostituzzjonali; itenni t-talba tiegħu biex jitkompla l-proċess ta' riforma kostituzzjonali u jenfasizza l-ħtieġa li kostituzzjoni ġdida tissejjes fuq kunsens wiesa' mill-ispektrum politiku kollu u mis-soċjetà kollha kemm hi; iħeġġeġ lit-Turkija tikkonsulta mal-Kummissjoni ta’ Venezja fil-qafas tal-proċess ta’ Riforma Kostituzzjonali;

8.  Jilqa’ l-istrateġija l-ġdida mfassla mill-Gvern tat-Turkija biex il-leġiżlazzjoni l-ġdida kollha tiġi mgħoddija permezz tal-Ministeru tal-Affarijiet tal-UE, bil-għan li jiżdied ir-rwol tiegħu fir-rigward tal-koordinazzjoni u li titjieb il-konformità tal-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni mal-istandards Ewropej; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li kull meta jkun possibbli, issir konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta' Venezja kif ukoll djalogu aktar intensiv mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida li tkun qed titħejja u dwar l-implimentazzjoni tal-liġijiet eżistenti, bil-għan li tkun żgurata l-kompatibilità mal-acquis tal-UE;

9.  Jenfasizza l-importanza ta’ konsultazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili fil-proċess leġiżlattiv; jirrakkomanda, għalhekk, li għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni strutturati tas-soċjetà ċivili bħala parti mill-proċess leġiżlattiv u tat-tfassil tal-politika u fil-proċess tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida; ifaħħar il-vitalità tas-soċjetà ċivili fit-Turkija; jenfasizza li huma meħtieġa riformi konsistenti biex jiggarantixxu l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw lok joperaw liberament mingħajr restrizzjonijiet u li jtejbu l-aċċess tagħhom għall-finanzjament;

10.  Jappoġġja u jinkoraġġixxi bis-sħiħ l-isforzi min-naħa tal-Gvern tat-Turkija u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha biex tintlaħaq konklużjoni komprensiva u sostenibbli tal-proċess ta’ paċi mal-komunità Kurda abbażi ta’ negozjati mal-PKK), li jinsab fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi tal-Unjoni Ewropea, u proċess ta' integrazzjoni soċjoekonomika u politika tal-komunità Kurda; jappoġġja bil-qawwa t-tħabbira min-naħa tal-HDP ta' kungress straordinarju tal-PKK biex iċedu l-arma u li jippromwovi l-politika demokratika bħala metodu; jinkoraġġixxi b'qawwa lill-Gvern biex ikompli jagħti prijorità, u jtejjeb, id-drittijiet soċjali, kulturali u politiċi kif ukoll it-trattament indaqs, taċ-ċittidini ta' oriġini Kurda; jilqa' favorevolment il-liġi intiża li "toħloq bażi ġuridika aktar soda għall-proċess ta' riżoluzzjoni", adottata mit-TGNA fil-11 ta' Ġunju 2014, li tipprevedi miżuri li jeqirdu t-terroriżmu, isaħħu l-inklużjoni soċjali, jintegraw mill-ġdid lill-persuni li jħallu l-PKK u jċedu l-armi u jippreparaw l-opinjoni pubblika għar-ritorn tal-ex-ġellieda; huwa tal-fehma li riżoluzzjoni b'suċċess tal-kwistjoni Kurda hi importanti ħafna u tagħti kontribut pożittiv sostanzjali lid-demokrazija, il-paċi, l-istabilità u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; iħeġġeġ għaldaqstant, lill-partiti politiċi kollha biex isostnu dan il-proċess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika u tiddedika riżorsi disponibbli taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA),inter alia, għal programmi ta' integazzjoni soċjoekonomika u edukazzjoni fix-Xlokk bħala mezz għat-tisħiħ tal-proċess ta' riżoluzzjoni Kurd; josserva li n-negozjati dwar il-Kapitolu 22 (Politika Reġjonali) jistgħu jgħinu lit-Turkija fid-definizzjoni ta' programm ta' koeżjoni effikaċi għax-Xlokk tat-Turkija;

11.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni min-naħa tal-Impriża Idrawlika Statali tat-Turkija li tkompli bix-xogħlijiet fuq id-diga ta’ Ilisu, li se jkollha effetti soċjali, ambjentali u politiċi devastanti; ifakkar li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni ta' dan ir-reġjun huma Kurdi, u li l-kostruzzjoni se tolqot ħażin ħafna lill-popolazzjoni u l-kultura Kurda;

12.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Indiċi tal-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2014, maħruġ mill-organizzazzjoni Transparency International fit-3 ta' Diċembru 2014, jindika żieda qawwija fil-perċezzjoni tal-korruzzjoni fit-Turkija matul is-sena li għaddiet, u li issa l-pajjiż jinsab fl-64 post fl-indiċi; jiddispjaċih ħafna dwar il-mod ta' kif il-Gvern u l-Parlament tat-Turkija rreaġixxew fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni magħmula f'Diċembru 2013, inklużi dawk kontra persuna li qabel kienu Membri tal-Gvern, u dwar il-fatt li ma kien hemm l-ebda segwitu tal-investigazzjonijiet tal-korruzzjoni serji ħafna; jesprimi tħassib dwar il-prosekuzzjoni kriminali ta’ ġurnalisti investigattivi li segwew il-każijiet ta’ korruzzjoni; jappella għal investigazzjoni trasparenti u indipendenti tal-akkużi li saru f’Diċembru 2013; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar rieda politika għall-iżvilupp ta' qafas ġuridiku adegwat għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li mhux biss iddgħajjef il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u l-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija, iżda tista' wkoll tagħmel ħsara lill-iżvilupp ekonomiku u lil klima favorevoli għall-investimenti;

13.  Jesprimi tħassib dwar l-emendi reċenti għal-Liġi dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi u r-riassenjazzjonijiet u t-tkeċċijiet sussegwenti numerużi ta’ imħallfin u prosekuturi u l-arresti, riassenjazzjonijiet u tkeċċijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija, li qajmu tħassib serju u iġġustifikat dwar l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura u tas-separazzjoni tas-setgħat u r-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt, li għadhom il-qalba tal-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen; jinsab imħasseb dwar il-fatt li sikwit isiru tibdiliet f'leġiżlazzjoni ewlenija mingħajr konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati rilevanti; jilqa' pożittivament l-abolizzjoni tal-Artikolu 10 tal-liġi kontra t-terroriżmu; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li d-definizzjonijiet wiesgħa ħafna jagħmlu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kontra t-terroriżmu eċċessiv u jippermettu interpretazzjonijiet verament wiesgħa; ifakkar il-bżonn li ssir riforma tal-Artikolu 314 tal-kodiċi kriminali, sabiex dawk biss li huma membri ta' organizzazzjoni terroristika jew armata, jew jikkontribwixxu għall-attivatajiet ta' tali organizzazzjoni, ikun jistgħu jittellgħu quddiem il-qorti; jitlob li tiġi adottata strateġija għal riforma ġudizzjarja allinjata ma' standards Ewropej, b'kooperazzjoni mal-partijiet konċernati kollha; japprezza l-ewwel pass meħud favur it-tnaqqis tat-tul massimu ta' arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża minn 10 għal 5 snin, iżda jisħaq li jeħtieġ ikun hemm aktar tnaqqis biex ikun evitat li l-arrest preventiv qabel is-smigħ tal-kawża jsir kastig de facto; jenfasizza l-importanza li jinħolqu qrati reġjonali tal-appell u li jiġu adottati l-miżuri relevanti kollha biex jiġi żgurat proċess xieraq; iħeġġeġ lit-Turkija tkompli r-riforma tas-sistema ġudizzjarja u biex tiżgura aċċess ġust u effettiv għall-ġustizzja għat-tfal kollha;

14.  Jesprimi tħassib serju dwar il-Liġi 6532 li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ April 2014 u li żiedet b’mod drammatiku s-setgħat tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Intelligence, dgħajfet il-libertà tal-midja, il-libertà ta’ espressjoni u d-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni ta’ interess pubbliku, biex b’hekk il-persunal tal-Aġenzija saru prattikament immuni minn proċedimenti legali u l-ksur tar-regoli tal-privatezza billi tagħmilha possibbli għall-Aġenzija li takkwista data personali mingħajr ordni tal-qorti; iqis li dawk id-dispożizzjonijiet jiksru l-obbligi tat-Turkija fir-rigward tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-liġijiet nazzjonali tiegħu stess;

15.  Jilqa' pożittivament għadd ta' deċiżjonijiet importanti li ħadet il-Qorti Kostituzzjonali tat-Turkija biex tħares l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħal-libertà ta' espressjoni, fatt li wera r-reżiljenza tas-sistema kostituzzjonali; josserva, barra minn hekk, li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali enfasizzaw l-irregolaritajiet fit-twettiq tal-investigazzjonijiet u fil-proċessi sussegwenti fil-kawżi Energekon u Sledgehammer; japprezza l-fatt li l-Qorti Kostituzzjonali għadha tirċievi rikorsi individwali; jesprimi tħassib dwar emendi għall-Kodiċi Kriminali, u b’mod partikolari l-użu tat-terminu “suspett raġonevoli”, li jagħti lok għal attakki arbitrarji fuq l-oppożizzjoni; jirrimarka li dawn l-emendi ġew adottati mingħajr konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie miftiehem matul in-negozjati;

16.  Jesprimi tħassib serji dwar il-livell għoli ta' polarizzazzjoni politika fit-Turkija; ifakkar li l-pluraliżmu għandu jkun fil-qalba ta’ kwalunkwe sistema demokratika; iħeġġeġ, għalhekk, il-promozzjoni tad-djalogu fl-ispektrum politiku kollu tat-Turkija; jenfasizza li fir rigward ta' proċessi ta’ riforma ewlenin u fit-tul, kostituzzjoni ġdida u t-taħditiet dwar ftehim għall-Kurdi, djalogu ta' dan it-tip huwa indispensabbli; jistieden lill-partit fil-gvern u lill-oppożizzjoni biex jagħmlu kull sforz possibbli biex jikkooperaw u jilħqu kunsens, u biex jinkludu lis-soċjetà ċivili attivament fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

17.  Jilqa' l-adozzjoni, f'Marzu 2014, tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni ta' Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) bħala pass sinifikanti lejn l-allinjament tal-qafas ġuridiku tat-Turkija mal-ġurisprudenza tal-QEDB u jistenna li l-Gvern jadotta aktar provvedimenti biex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jenfasizza li s-sħubija tat-Turkija fil-Kunsill tal-Ewropa timpenja lit-Turkija ssegwi standards politiċi u legali għoljin u jitlob lit-Turkija timpenja ruħha b'mod sħiħ mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-proċess ta' riforma tagħha; ifakkar li l-progress fin-negozjati jiddependi mir-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali;

18.  Jinnota bi tħassib li l-maġġor parti tal-investigazzjonijiet dwar il-ġrajjiet tal-park ta' Gezi f'Mejju/Ġunju 2013 u l-allegazzjonijiet dwar ir-rikors sproporzjonat għall-forza u l-abbuż min-naħa tal-pulizija għadhom pendenti u ftit sar progress fl-identifikazzjoni tal-allegati awturi ta' dawn ir-reati; jenfasizza li wara numru ta' lmenti li waslu dwar ir-rikors għall-forza mill-uffiċjali tal-pulizija waqt il-protesti f'Gezi, l-Ombudsman ħarġet rapport fejn sabet rikors sproporzjonat għall-forza; jistieden lill-awtoritajiet Torok jagħmlu tajjeb għal dawk il-vittmi kollha, li kienu dimostranti mhux vjolenti jew li ma kinux fost id-dimostranti, iżda kienu biss fuq is-sit ta' dawn l-avvenimenti b'mod aċċidentali; jitlob itt-tlestija ta' investigazzjonijiet effikaċi u imparzjali dwar il-każijiet kollha tal-allegati maltrattatamenti min-naħa tal-uffiċjali statali u jappella sabiex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jissottolinja l-bżonn ta' adozzjoni sussegwenti ta' regoli ċari dwar ir-rikors għall-forza u r-rwol tal-pulizija f'konformità mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ bil-qawwa r-revoka tar-restrizzjonijiet għall-għaqda paċifika u jenfasizza li ma għandhomx jiġu invokati liġijiet oħrajn, bħal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, biex in-nies ma jitħallewx jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' protesta paċifika u li d-dimostrazzjonijiet paċifiċi ma jkunux raġuni għal arrest; jistieden lill-Gvern Tork biex jipprovdi kontrokontrolli adegwati, oġġettivi u trasparenti fuq is-setgħa tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jirrakkomanda li l-awtoritajiet Torok iwaqqfu mekkaniżmu indipendenti u effikaċi għall-ilmenti li jikkonċernaw lill-pulizija; jesprimi tħassib serju dwar il-pakkett tas-sigurtà domestika li jmur kontra l-prinċipju ta' sorveljanza ġudizzjarja tal-attivitajiet tal-pulizija u li huwa eċċessiv fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu;

19.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' reviżjoni tal-liġi dwar l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI) tat-Turkija bil-għan li jsir korp indipendenti, mgħammar b'riżorsi adegwati, responsabbli fil-konfront tal-pubbliku u bil-parteċipazzjoni ta' gruppi tas-soċjetà ċivili; jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport maħruġ mill-Ombudsman, inkluża t-talba għar-rikors gradwali u proporzjonat għall-forza mill-pulizija, u biss bħala l-aħħar riżorsa u taħt supeviżjoni; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ id-dritt ta' inizjattiva tal-Ombudsman, il-kapaċità tiegħu li jwettaq kontrolli u garanziji fuq il-post biex jagħti segwitu adegwat għad-deċiżjonijiet tal-Ombudsman;

20.  Ifaħħar lit-Turkija dwar soċejtà ċivili tar-Rom dejjem tikber; jittama li l-organizzazzjonijiet il-ġodda tar-Rom jingħataw l-appoġġ u l-ħin li jippermettulhom jieħdu sehem sinifikanti f'inizjattivi ta' kooperazzjoni biex ifasslu u jimplimentaw miżuri kemm fil-livell lokali kif ukoll dak nazzjonali; jirrakkomanda li l-Gvern jikkombina proġetti ta' akkomodazzjoni eżistenti ma' aspetti soċjali u fit-tul bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; jilqa' l-pjanijiet ta' azzjoni ġenerali biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni li jistgħu jagħtu lir-Rom aċċess akbar għas-suq tax-xogħol;

21.  Iħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija jiggarantixxi l-libertà tal-midja bħala kwistjoni ta' prijorità u jipprovdi qafas ġuridiku adegwat li jiggarantixxi l-pluraliżmu f'konformità mal-istandards internazzjonali; jikkundanna l-isforzi tal-Gvern Tork biex jipprojbixxi l-aċċess għall-midja soċjali u s-siti web jew jagħlaq dawn tal-aħħar mingħajr ordni tal-qorti, l-approċċ restrittiv tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u l-pressjoni fuq il-midja u l-ġurnalisti, li ħafna drabi jirriżultaw fl-intimidazzjoni, it-tkeċċija jew l-arrest ta' ġurnalisti u awtoċensura mifruxa; jirrimarka li l-vjolazzjonijiet tal-libertà ta' espressjoni żdiedu wara l-iskandlu tal-korruzzjoni ta' Diċembru 2013; iqis li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas ġuridiku li jippermetti li jkun hemm trasparenza sħiħa dwar is-sjieda tal-grupp tal-midja; itenni l-impenn tal-UE favur il-libertà ta' espressjoni f'kull forma tagħha u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għat-Turkija biex tkompli tissorvelja proċessi ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

22.  Jikkundanna r-raids reċenti tal-pulizija u d-detenzjoni ta' għadd ta' ġurnalisti u rappreżentanti tal-midja fl-14 ta' Diċembru 2014; ifakkar li stampa libera u pluralista hija komponent essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, bħalma huma proċess ġust u l-indipendenza tal-ġudikatura; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li fil-każijiet kollha (i) tingħata informazzjoni biżżejjed u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet kontra l-akkużati, (ii) l-akkużati jingħataw aċċess sħiħ għall-evidenza inkriminatorja u drittijiet sħaħ ta' difiża, u (iii) jiġi żgurat li l-każijiet jitmexxew sewwa b'tali mod li jistabbilixxu l-veraċità tal-akkużi bla dewmien u lil hinn minn kull dubju raġonevoli; jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija jeżaminaw u jindirizzaw dawn il-każijiet malajr kemm jista' jkun u jaderixxu mal-istandards internazzjonali ta' proċess ġust, f'każ li jinsistu dwar it-tkomplija tal-proċedimenti;

23.  Isostni li l-azzjoni reċenti tal-Gvern Tork kontra l-libertà tal-istampa u l-pluralità tal-opinjonijiet hija inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'hekk hi f'konflitt mal-ispirtu tal-proċess tan-negozjati;

24.  Huwa tal-fehma li, f'konformità mal-impenn tal-UE favur l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali, b'mod urġenti jinħtieġu riformi fit-Turkija fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġusitzzja, il-libertà u s-sigurtà rispettivament; jemmen ukoll li l-komunikazzjoni tal-parametri tal-ftuħ uffiċjali għall-Kapitoli 23 (ġudikatura u drittijiet fundamentali) u 24 (ġustizzja, libertà u sigurtà) hija pass importanti biex jiġu promossi riformi tassew effikaċi u kif jiġi żgurat li l-proċess ta' riforma fit-Turkija jkun imsawwar abbażi ta' valuri u standards Ewropej; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex , ladarba jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti, jibda negozjati dwar il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; jistieden lit-Turkija tikkoopera kemm jista' jkun għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi mingħajr dewmien aktar djalogu u kooperazzjoni mat-Turkija fl-oqsma koperti mill-Kapitoli 23 u 24 biex tippromwovi fehim komuni dwar ir-riformi meħtieġa;

25.  Jilqa' d-deċiżjoni li r-riformi relatati mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, mal-affarijiet interni u mas-soċjetà ċivili għandhom jirċievu aktar finanzjamenti fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) II għall-perjodu 2014-2020; jirrimarka li l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-libertajiet fundamentali huma prinċipji ewlenin li jirregolaw l-appoġġ ta' qabel l-adeżjoni; itenni l-konklużjoni tal-Kunsill ta' Diċembru 2014 li ser tiġi introdotta koerenza msaħħa bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress ġenerali li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, inkluż ir-rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-IPA II fil-pajjiżi kandidati kollha u biex tiddedika riżorsi disponibbli taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) biex tiġi appoġġjata l-libertà ta' espressjoni, inklużi l-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea, id-drittijiet relatati mat-trade unions, u l-libertà tal-ħsieb;

26.  Jieħu nota tal-fatt li t-Turkija kkontribwiet għad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Awwissu 2014, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul); jesprimi, madankollu, tħassib dwar il-livelli għolja u persistenti ta' vjolenza fuq in-nisa u n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' protezzjonijiet tal-liġi domestika għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa; jistieden lill-awtoritajiet Torok jipprovdu biżżejjed faċilitajiet ta' akkoljenza għall-protezzjoni tan-nisa u l-minuri li huma vittmi ta' vjolenza; jirrakkomanda li l-Gvern jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor; jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi rilevanti, jiffaċilita l-intraprenditorija tan-nisa u jnaqqas l-ostakli għall-aċċess tan-nisa għal attivitajiet ekonomiċi u jħeġġeġ lill-Gvern tat-Turkija, f'dan ir-rigward, biex jistabbilixxi mira ambizzjuża fejn jidħol l-aċċess tan-nisa għall-impjiegi; jirrimarka li t-Turkija qiegħda fil-125 post minn 142 pajjiż fir-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar id-Disparità Globali bejn is-Sessi tal-2014; jiddispjaċih bil-qawwi għar-rimarki li saru minn xi uffiċjali u rappreżentanti tal-Gvern dwar ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà Torka u jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-isterjotipi u l-preġudizzji fis-soċjetà kontra n-nisa;

27.  Jenfasizza l-importanza li jitkompla l-proċess ta' riforma fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon billi jingħata lok sabiex il-komunitajiet reliġjużi jiksbu personalità ġuridika, billi jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra, ir-residenza legali u s-suċċessjoni tal-kleru, u billi tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata tad-deċiżjonijiet kollha rilevanti tal-QEDB u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi promoss djalogu mal-komunità Alevi u li jingħata rikonoxximent xieraq lid-djar Cem bħala postijiet ta' qima, li jiġi permess il-ftuħ mill-ġdid tas-seminarju Grieg Ortodoss ta' Halki u jitneħħew l-ostakli kollha għall-funzjonament tajjeb tiegħu, kif ukoll li jiġi permess l-użu uffiċjali tat-titolu ekkleżjastiku tal-Patrijarka Ekumeniku; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti Torok jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha pendenti relatati mar-radd lura tal-art li kienet tappartjeni lill-monasteru ta' Mor Gabriel u r-rivendikazzjonijiet territorjali kollha l-oħra tal-Knisja Sirijaka; ifakkar fl-importanza li ssir implimentazzjoni adegwata tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar Imvros u Tenedos fir-rigward tal-protezzjoni ta' proprjetà u drittijiet relatati mal-edukazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi rispettat bis-sħiħ, f'konformità mal-valuri Ewropej, id-dritt għal stili ta' ħajja differenti, kemm sekulari kif ukoll ibbażati fuq il-fidi, u li tinżamm is-separazzjoni tal-istat mir-reliġjon; jenfasizza l-importanza li jiġu protetti d-drittijiet tal-minoranzi; jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li, wara t-tneħħija tal-liġi preċedenti sentejn ilu u minħabba lakuna ġuridika eżistenti, mhuwiex possibbli li l-fondazzjonijiet tal-karità li mhumiex Musulmani jagħżlu l-korpi ta' tmexxija tagħhom;

28.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut id-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza għas-servizz militari obbligatorju;

29.  Jistieden lit-Turkija tagħmel sforzi serji biex tipproteġi d-drittijiet tal-komunità LGBTI u huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' korp speċifiku għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda, ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-antisemitiżmu u l-intolleranza jsaħħaħ id-drittijiet individwali fit-Turkija; jistieden lit-Turkija biex tiddigrieta leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, li tinkludi l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda abbażi ta' etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, ġeneru jew identità tal-ġeneru, u biex tinkludi l-projbizzjoni ta' tali diskriminazzjoni f'kostituzzjoni ġdida; jesprimi tħassib dwar l-attakki frekwenti fuq persuni transġeneru u n-nuqqas ta' protezzjoni pprovduta lill-persuni LGBTI kontra atti ta' vjolenza; jiddispjaċih ħafna li r-reati ta' mibegħda kontra persuni LGBTI spiss jibqgħu mhux ikkastigati jew li s-sentenzi tat-trasgressuri jkunu mnaqqsa minħabba "provokazzjoni inġusta" min-naħa tal-vittma; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tat-Turkija biex jordna lill-Forzi Armati Torok jieqfu jikklassifikaw l-omosesswalità u t-transesswalità bħala "marda psikosesswali";

30.  Jesprimi dispjaċir għat-telf ta' bosta ħajjiet wara d-diżastri fil-minjieri ta' Soma u Ermenek; jilqa' r-ratifika min-naħa tat-Turkija tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar is-sikurezza u s-saħħa fil-minjieri u jitlob l-implimentazzjoni tagħha bla dewmien; jenfasizza l-importanza li jissolvew il-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fis-setturi kollha u jħeġġeġ biex il-monitoraġġ tal-inċidenti fatali fuq ix-xogħol ikun aktar trasparenti; huwa tal-fehma li l-libertà tat-trade unions, id-djalogu soċjali u l-involviment tas-sħab soċjali huma fundamentali għall-iżvilupp ta' soċjetà prospera u pluralista, u jissottolinja l-importanza ta' aktar progress fl-oqsma tal-politika soċjali u l-impjiegi, abbażi ta' implimentazzjoni adegwata u f'waqtha tal-konvenzjonijiet tal-ILO; jieħu nota tan-nuqqasijiet leġiżlattivi fil-qasam tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions; jenfasizza li d-dritt għall-organizzazzjoni, għan-negozjar kollettiv u d-dritt ta' strajk għall-impjegati tas-settur privat u għall-impjegati taċ-ċivil għandhom ikunu allinjati mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-Gvern Tork iħejji pjan direzzjonali biex itejjeb il-leġiżlazzjoni u jallinjaha mal-istandards tal-ILO; jenfasizza l-importanza li t-Turkija tissodisfa l-parametri tal-ftuħ dwar il-politika soċjali u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza teknika adegwata lit-Turkija fil-qasam tar-riforma tax-xogħol u kif jiġu promossi l-istandards tal-UE;

31.  Jistieden lit-Turkija tilleġiżla dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema part-time, pereżempju, li bħalissa huma soġġetti għal kundizzjonijiet ħżiena, nuqqas ta' sigurtà tax-xogħol u problemi biex jissieħbu fit-trade unions; jinnota li s-setturi tal-minjieri u tal-kostruzzjoni huma l-aktar industriji perikolużi fit-Turkija u jitlob investigazzjonijiet trasparenti f'inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol;

32.  Jistieden lill-Gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari Akkuyuy; jirrimarka li s-sit previst jinsab f'reġjun suxxettibbli għal terremoti severi, u għalhekk jippreżenta theddida serja mhux biss għat-Turkija iżda għar-reġjun tal-Mediterran; għaldaqstant, jitlob lill-Gvern Tork jingħaqad mal-Konvenzjoni Espoo, li qed timpenja l-partijiet jinnotifikaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar proġetti ewlenin taħt kunsiderazzjoni li x'aktarx ikollhom impatt ambjentali negattiv sinifikanti bejn il-fruntieri; għal dan il-għan, jitlob lill-Gvern Tork jinvolvi lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, li jkunu involuti jew għall-inqas ikkonsultati matul kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;

Interessi kondiviżi u sfidi komuni

33.  Jissottolinja l-benefiċċji importanti tal-Unjoni Doganali (UD) bejn l-UE u t-Turkija; ifakkar li, mill-bidu tal-UD fl-1996, il-valur tal-kummerċ bilaterali bejn it-Turkija u l-UE kiber aktar minn erba' darbiet, b'żieda sinifikanti parallela tal-investiment dirett barrani mill-UE lejn it-Turkija u integrazzjoni aktar profonda bejn l-impriżi Torok u Ewropej għall-ġid tat-tnejn li huma; jenfasizza f'dan ir-rigward, madankollu, li kwalunkwe żieda fl-impatt pożittiv tal-UD hija marbuta mill-qrib ma' konformità mar-regoli u r-rekwiżiti tagħha, u għaldaqstant huwa mħasseb ħafna dwar il-problemi dejjem jikbru għall-kumpaniji Ewropej li qegħdin jagħmlu kummerċ mat-Turkija; jirrimarka l-valutazzjoni reċenti tal-UD min-naħa tal-Bank Dinji, li jisħaq fuq il-bżonn li jiddaħħlu għadd ta' riformi biex jinżamm ambjent favorevoli għal kooperazzjoni ekonomika stretta anki fil-futur; jiġbed partikolarment l-attenzjoni fuq il-bżonn: (i) li titwessa'  l-UD biex tkopri wkoll il-prodotti agrikoli, is-servizzi u l-akkwist pubbliku, (ii) li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir kontinwu tal-kummerċ, inkluża l-faċilitazzjoni tal-viżi għal min isiefer fuq xogħol, u (iii) biex konsultazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija fir-rigward tal-impatt fuq it-Turkija tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles iffirmati mill-UE mal-pajjiżi terzi, ikunu segwiti b'aktar intensità;

34.  Huwa tal-fehma li d-djalogu politiku bejn it-Turkija u l-UE għandu jkun integrat bi djalogu ekonomiku regolari strutturat, f'livell għoli, dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, fosthom ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi terzi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-interazzjoni bejn il-funzjonament korrett tal-istat tad-dritt u l-iżvilupp ekonomiku; jemmen fl-importanza f'li jiġi żviluppat u msaħħaħ il-qafas ekonomiku, istituzzjonali u ġuridiku tat-Turkija fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, partikolarment għal dik li hija l-indipendenza tal-Bank Ċentrali,u jemmen li dan jista' jikkontribwixxi għall-allinjament tat-Turkija mal-acquis; jinnota li l-kooperazzjoni ekonomika tkun imsaħħa sewwa bit-Turkija tikkonforma b'mod suffiċjenti mal-istandards tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-impjieg u l-politika soċjali;

35.  Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Ottubru 2014, tal-ftehim ta' riammissjoni mal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ tal-progress mit-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; jilqa' l-isforzi effikaċi magħmula biex jiġu sodisfatti l-kriterji identifikati fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; ifakkar li d-djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża huwa proċess ibbażat fuq mertu u li t-Turkija għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-pjan direzzjonali tal-viża, inkluża, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tad-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' riammissjoni; itenni l-obbligu tat-Turkija biex timplimenta, bis-sħiħ u b'mod effikaċi, il-ftehim ta' riammissjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi fil-konfront tal-Istati Membri kollha inkluż aċċess mingħajr viża u nondiskriminatorju għat-territorju Tork għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE; jistieden lit-Turkija timplimenta bis-sħiħ u b'mod effikaċi l-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni eżistenti; ifakkar li t-Turkija hija waħda mill-pajjiżi ta' tranżitu ewlenin għall-migrazzjoni irregolari lejn l-UE u jappella għat-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali tat-Turkija mal-Istati Membri ġirien tal-UE f'dan ir-rigward; jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali u l-istabbiliment tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (GDMM) f'April 2014 bħala passi sostanzjali lejn allinjament mal-istandards tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-migranti regolari u irregolari; jinnota li jeħtieġ li tiżdied il-kooperazzjoni bejn it-Turkija u l-Istati Membri kollha tal-UE, bil-għan partikolari li tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri komuni mal-Istati Membri kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li t-Turkija tkompli ssaħħaħ is-sigurtà tal-fruntieri sabiex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari lejn il-pajjiżi tal-UE;

36.  Ifakkar fl-importanza strateġika tat-Turkija għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u jqis lit-Turkija bħala sieħeb importanti fis-settur tal-enerġija; jindika t-tliet proġetti ta' Kurituri tal-Gass tan-Nofsinhar, approvati fi tmiem l-2013, li se jtejbu s-sigurtà tal-provvista tal-gass għat-Turkija u l-aċċess għall-UE bħala s-suq enerġetiku ewlieni; huwa tal-fehma li, f'kuntest ta' swieq tal-enerġija dejjem aktar kompetittivi u fid-dawl tal-bżonn ta' sorsi enerġetiċi u rotot tal-provvista diversifikati, it-Turkija, bil-potenzjal notevoli tagħha ta' enerġiji rinnovabbli, tista' tagħti kontribut sinifikanti lis-sigurtà enerġetika tal-UE u lill-ambizzjonijiet tagħha rigward id-diversifikazzjoni tal-enerġija f'konformità mad-dritt internazzjonali; jinsab imħasseb dwar kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tal-enerġija bejn it-Turkija u r-Russja u għalhekk jemmen li l-UE għandha tħaffef in-negozjati dwar l-enerġija;

37.  Ifakkar fil-pożizzjoni strateġika tat-Turkija bħala sieħba tal-UE u Membru tan-NATO u għalhekk fl-importanza ġeopolitika kruċjali u r-rilevanza tagħha għal strateġija komprensiva li tfittex li tindirizza s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Viċinati tal-Lvant u tan-Nofsinhar, b'referenza partikolari għas-Sirja u l-Iraq; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżviluppi serji ħafna fir-reġjun u l-attakki mwettqa fuq art Ewropea jagħmluha kruċjali li jiżdiedu d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' politika barranija fil-qafas ta' djalogu politiku bejn l-UE u t-Turkija; jistieden lit-Turkija jkollha rwol attiv fil-koalizzjoni internazzjonali kontra gruppi terroristiċi bħall-ISIL u jistieden lit-Turkija tuża r-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni tagħha; jistieden lit-Turkija żżid miżuri biex tevita li l-hekk imsejħa ġellieda barranin, flus jew tagħmir jilħqu l-ISIL u gruppi estremisti oħrajn permezz tat-territorju tagħha; jisħaq fuq il-bżonn li d-djalogu regolari bejn l-UE u t-Turkija kontra t-terroriżmu jitkompla u jissaħħaħ u li jittieħdu miżuri konkreti u azzjoni bħala parti mill-isforzi komuni tagħna fil-ġlieda kontra kull forma ta' terroriżmu; jistieden lit-Turkija tiżgura kontroll effikaċi tal-fruntieri filwaqt li tkompli tipprovdi l-assistenza meħtieġa bis-saħħa ta' mezzi ta' għajnuna umanitarja lir-rifuġjati li jidħlu mis-Sirja u tiżgura s-sigurtà tal-vittmi tal-gwerra ċivili Sirjana; jissottolinja l-importanza ta' djalogu u konsultazzjoni f'livell għoli aktar frekwenti bejn l-UE u t-Turkija dwar kwistjonijiet marbuta mal-politika barranija u s-sigurtà sabiex jiġi żgurat li l-politiki tagħna jikkomplementaw lil xulxin u li t-Turkija tallinja b'mod progressiv il-politika barranija tagħha ma' dik tal-UE;

38.  Huwa tal-opinjoni li l-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin għandu jkun mistieden jattendi laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin kull meta jkun rilevanti; huwa tal-opinjoni li jeħtieġ qafas ta' djalogu strutturat, kooperazzjoni u koordinament fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-politika barranija ta' sigurtà u difiża;

39.  Jiddispjaċih li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali Torka kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata minkejja rekord tajjeb ta' djalogu u kooperazzjoni bejn il-Greċja u t-Turkija;

40.  Ifaħħar lit-Turkija għall-assistenza kontinwa tagħha lir-rifuġjati, stmati għal 1,6 miljun, mill-Iraq u mis-Sirja u għaż-żamma ta' politika ta' fruntieri miftuħa għal skopijiet umanitarji; jilqa' b'sodisfazzjon id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja adottata f'Ottubru 2014, li tagħti status ġuridiku sikur lir-rifuġjati u tippermettilhom jirċievu karti tal-identità u aċċess għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-UE tkompli l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-għajnuna umanitarja lir-rifuġjati tas-Sirja u tal-Iraq fit-Turkija; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kampijiet tar-rifuġjati ma jesgħux aktar nies kif ukoll għall-piż tat-tfittxija ta' alloġġ fuq il-ħajja u r-riżorsi tar-rifuġjati; huwa tal-fehma li l-UE għandha tagħti appoġġ attiv lill-Gvern Tork fid-definizzjoni ta' programmi ta' assistenza fit-tul għar-rifuġjati u fil-promozzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għall-impjieg (legali); jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-riżorsi disponibbli fl-ambitu tal-IPA-2 u tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi bil-għan li tingħata assistenza adegwata lill-komunitajiet lokali milquta minn flussi kbar ta' rifuġjati; jistieden ukoll lill-Istati Membri tal-UE jfornu (temporanjament) postijiet ta' risistemazzjoni għar-rifuġjati l-aktar vulnerabbli, fi spirtu ta' kondiviżjoni awtentika tar-responsabilitajiet;

41.  Jistieden lit-Turkija, bl-appoġġ tekniku u finanzjarju ta' sħabha, biex tipprovdi aċċess għall-edukazzjoni għall-għadd dejjem jikber ta' tfal Sirjani li jgħixu ġewwa t-Turkija;

Il-bini ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat

42.  Iħeġġeġ lill-Gvern Tork itemm il-ksur kontinwu tal-ispazju tal-ajru u l-ilmijiet territorjali Griegi kif ukoll it-titjiriet tal-inġenji tal-ajru militari Torok fuq il-gżejjer Griegi;

43.  Jistieden lill-Gvern Tork jiffirma u jirratifika mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), li ġiet iffirmata u rratifikata mill-UE u t-28 Stati Membri tagħha, u jissottolinja d-dritt leġittimu tar-Repubblika ta' Ċipru li tkun involuta fi ftehimiet bilaterali li jikkonċernaw iż-żona ekonomika esklużiva tagħha; itenni t-talbiet tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta d-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha, inklużi dawk relatati mal-esplorazzjoni u mal-isfruttament tar-riżorsi naturali meta jikkonformaw mal-acquis tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali; jistieden lit-Turkija toqgħod lura minn kwalunkwe azzjoni li tagħmel il-ħsara lir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u klima li twassal għal soluzzjoni paċifika ta' tilwim bilaterali;

44.  Jiddeplora r-rifjut tat-Turkija li tissodisfa l-obbligu tagħha li timplimenta bis-sħiħ u b'mod nondiskriminatorju l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tal-Istati Membri kollha; ifakkar li dan ir-rifjut għadu qed ikollu effett qawwi fuq il-proċess tan-negozjati;

45.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, abbażi ta' soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli għaż-żewġ komunitajiet, taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-UE għal federazzjoni bikomunali u biżonali b'sovranità unika, personalità ġuridika internazzjonali unika u ċittadinanza unika b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet u opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha tagħha; jilqa' l-aħbar mill-Mibgħut Speċjali tan-NU Espen Barth Eide li l-kapijiet taż-żewġ komunitajiet għandhom jissuktaw mill-aktar fis in-negozjati taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u jesprimi s-sostenn qawwi tiegħu għall-isforzi li għamel il-Konsulent Speċjali tan-NU għal Ċipru biex joħloq il-kundizzjonijiet għall-issoktar tat-taħditiet; jesprimi t-tama li l-messaġġ ta' riunifikazzjoni u ta' rikonċiljazzjoni mill-mexxej Ċiprijott Tork li ġie elett dan l-aħħar se jiftaħ tieqa ġdida ta' opportunità fil-proċess tan-negozjati; jitlob lit-Turkija u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jappoġġaw b'mod attiv in-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni u biex jieħdu l-passi meħtieġa lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ma' Ċipru; jistieden lit-Turkija tibda tirtira l-forzi tagħha minn Ċipru u tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU skont ir-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jistieden b'mod parallel lir-Repubblika ta' Ċipru tiftaħ il-port ta' Famagusta, taħt is-superviżjoni doganali tal-UE, sabiex tippromwovi klima pożittiva għal soluzzjoni b'suċċess tan-negozjati għar-riunifikazzjoni li għaddejjin, u tippermetti liċ-Ċiprijotti Torok jinnegozjaw mal-UE b'mod leġittimu li jkun aċċettabbli għal kulħadd;

46.  Itenni d-deċiżjonijiet rilevanti tal-QEDB u jistieden lill-Gvern Tork biex b'mod immedjat iwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini Ċiprijotti u jieqaf iċaħħadhom mit-tgawdija u l-eżerċizzju tal-proprjetà u r-reliġjon tagħhom u drittijiet tal-bniedem oħrajn li joħorġu mill-ordni kostituzzjonali tar-Repubblika ta' Ċipru u l-acquis communautaire, kif ukoll il-prinċipji fundamentali u l-valuri tal-UE;

47.  Jiddeplora l-politika ta' insedjament tat-Turkija u jistieden lit-Turkija żżomm lura minn aktar insedjamenti taċ-ċittadini tat-Turkija fiż-żoni okkupati ta' Ċipru, li tmur kontra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija ttemm l-azzjonijiet kollha li jbiddlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira u b'hekk jimpedixxu soluzzjoni futura;

48.  Jistieden lit-Turkija tippermetti lill-Kumitat għall-Persuni Neqsin aċċess sħiħ għall-arkivji rilevanti u ż-żoni militari fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru għall-eżumazzjoni u tagħti l-informazzjoni rilevanti kollha li twassal għas-sejba ta' fdalijiet rilokati; jappella għal kunsiderazzjoni speċjali fil-konfront tax-xogħol li wettaq il-Kumitat dwar il-Persuni Nieqsa;

49.  Iħeġġeġ lit-Turkija u lill-Armenja jipproċedu għal normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom billi jirratifikaw, mingħajr kundizzjonijiet preliminari, il-protokolli dwar l-istabbiliment tar-relazzjonijiet diplomatiċi, jiftħu l-fruntiera u jtejbu b'mod attiv ir-relazzjonijiet tagħhom, b'referenza partikolari għall-kooperazzjoni transkonfinali u għall-integrazzjoni ekonomika; jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu li għaddej bħalissa bejn it-Turkija u l-Armenja;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-RGħ/VP, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 59.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 98.
(3) ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 38.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0184.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0277.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0235.
(7) Testi adottati, P8_TA(2014)0052.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0014.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0094.
(10) ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.

Avviż legali - Politika tal-privatezza