Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 7 ta' Lulju 2015 - StrasburguVerżjoni finali
Ħatra ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri - Bettina Michelle Jakobsen
 L-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ ***I
 Protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta' bastimenti ***I
 Opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża ***
 Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015: is-surplus mill-2014
 Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015: mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
 Mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE: Għargħar fir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Italja
 Il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa
 Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015: Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi
 Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 - Reazzjoni għal pressjonijiet migratorji
 Prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE - Rieżami tal-implimentazzjoni tal-"Pakkett Ħalib"
 L-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati
 Is-settur tal-frott u l-ħaxix wara r-riforma tal-2007

Ħatra ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri - Bettina Michelle Jakobsen
PDF 244kWORD 62k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar in-nomina ta’ Bettina Michelle Jakobsen bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0122/2015 – 2015/0803(NLE))
P8_TA(2015)0239A8-0198/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0122/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0198/2015),

A.  billi l-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit evalwa l-kredenzjali tal-persuna nnominata, b’mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2015, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema’ lill-persuna nnominata mill-Kunsill għall-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar in-nomina tal-Kunsill ta’ Bettina Michelle Jakobsen bħala Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.


L-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ ***I
PDF 339kWORD 66k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (Kodifikazzjoni). (COM(2015)0049 – C8-0041/2015 – 2014/0174(COD))
P8_TA(2015)0240A8-0203/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0049),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0041/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0203/2015),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Lulju 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-proċeduri  tal-Unjoni  fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet  tal-Unjoni  skont ir-regoli internazzjonali tal‑kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Kummerċ (kodifikazzjoni)

P8_TC1-COD(2014)0174


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/1843.)

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(2) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta' bastimenti ***I
PDF 335kWORD 66k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta’ bastimenti (Kodifikazzjoni) (COM(2014)0605 – C8-0171/2014 – 2014/0280(COD))
P8_TA(2015)0241A8-0202/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – kodifikazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0605),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0171/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0202/2015),

A.  billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr tibdil sustanzjali,

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali;

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-7 ta' Lulju 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta' bastimenti (kodifikazzjoni)

P8_TC1-COD(2014)0280


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/1035.)

(1) ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.


Opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża ***
PDF 249kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (05420/2015 – C8-0043/2015 – 2015/0001(NLE))
P8_TA(2015)0242A8-0195/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (05420/2015),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tad-dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (05420/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0043/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0195/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal approvazzjoni tad-Dikjarazzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.


Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015: is-surplus mill-2014
PDF 334kWORD 73k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 - li jdaħħal is-surplus tas-sena finanzjarja 2014 (09765/2015 – C8-0161/2015 – 2015/2077(BUD)
P8_TA(2015)0243A8-0219/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej,(7)

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 3/2015 adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2015 (COM(2015)0160),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015, adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament fl-istess jum (09765/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0219/2015),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015 jimmira li jdaħħal fil-baġit 2015 is-surplus li jirriżulta mis-sena finanzjarja 2014, li jammonta għal EUR 1 435 miljun;

B.  billi l-komponenti ewlenin ta' dan is-surplus jikkostitwixxu eżitu pożittiv għall-introjtu ta' EUR 1 183 miljun, sottoeżekuzzjoni tan-nefqa ta' EUR 142 miljun u differenza ta' rata tal-kambju li tammonta għal EUR 110 miljun;

C.  billi fin-naħa tal-introjtu, iż-żewġ komponenti ewlenin huma l-interess fuq pagamenti tard u multi (EUR 634 miljun) u eżitu pożittiv fuq ir-riżorsi proprji (EUR 479 miljun);

D.  billi fin-naħa tan-nefqa, is-sottoeżekuzzjoni għat-Taqsima III hija partikolarment baxxa b' EUR 29 miljun għall-2014 u b'EUR 6 miljun għar-riporti tal-2013, iżda żdiedet b'EUR 101 miljun għall-istituzzjonijiet l-oħra;

E.  billi s-sottoeżekuzzjoni baxxa ħafna fit-Taqsima III tenfasizza n-nuqqas kontinwu ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li se jibqa' sfida ewlenija fl-implimentazzjoni tal-baġit 2015;

1.  Jieħu nota li l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015, kif imressaq mill-Kummissojni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tas-surplus tal-2014, għal ammont ta’ EUR 1 435 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju u tal-pożizzjoni tal-Kunsill;

2.  Ifakkar li fil-qafas tan-negozjati baġitarji tal-2015, il-Kunsill insista li jittrasferixxi l-pagamenti relatati mal-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) li jinsabu fl-abbozz ta' baġits emendatorji Nru 5/2014 u Nru 7/2014 għall-baġit 2015 għal ammont totali ta' EUR 127,7 miljun;

3.  Iqis li meta jikkunsidra s-surplus kif fl-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015 preżenti, dawk iż-żewġ Abbozzi ta' Baġits Emendatorji tal-2014, li jkopru kumplessivament 7 każijiet tal-FSUE, setgħu faċilment tħallsu mill-baġit 2014;

4.  Jiddispjaċih b'mod ġenerali b'tendenza fil-Kunsill li ma jiġux onorati l-impenji tiegħu lejn pajjiżi fil-bżonn li ssodisfaw il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE, billi ma' jimobilizzawx riżorsi addizzjonali kif provdut mill-istrumenti speċjali, iżda pjuttost billi jittieħdu flus mill-programmi eżistenti; jilqa' għalhekk il-fatt li l-Kunsill ma jsegwix dan l-approċċ għal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015;

5.  Ifakkar li l-Kummissjoni flimkien mal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015 preżentat abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2015 ieħor marbut mal-mobilizzazzjoni tal-FSUE għar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Italja għal ammont totali ta' EUR 66,5 miljun;

6.  Ifakkar li l-adozzjoni tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 3/2015 se tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet ING mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni b'EUR 1 435 miljun u għalhekk altru milli se tikkumpensa għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-finanzjament tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2015; jenfasizza għaldaqstant li ż-żewġ dossiers ikunu suġġetti għal kalendarju komuni għall-adozzjoni, billi huma marbutin strettament ma’ xulxin mill-perspettiva politika;

7.  Jenfasizza r-rieda tiegħu li jadotta ż-żewġ abbozz ta' baġits emendatorji Nru 3/2015 u Nru 4/2015 kemm jista' jkun malajr kif ippreżentati mill-Kummissjoni;

8.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 69, 13.3.2015.
(3) ĠU L 190, 17.7.2015.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(6) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(7) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.


Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015: mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
PDF 264kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 4/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Italja (09767/2015 – C8-0162/2015 – 2015/2078(BUD))
P8_TA(2015)0244A8-0220/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4) (Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jistabbilixxi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(7),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015 adottat mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 2015 (COM(2015)0161),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (għargħar fir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Italja), li l-Kummissjoni adottat fil-15 ta’ April 2015 (COM(2015)0162),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015, adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (09767/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0220/2015),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015 huwa relatat mal-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) għal ammont ta' EUR 66 505 850 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament fir-rigward tal-għargħar li seħħ darbtejn fir-Rumanija fir-rebbiegħa u fis-sajf tal-2014, li f'dan ir-rigward l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jammontaw għal EUR 8 495 950, għargħar fil-Bulgarija f'Lulju/Awwissu 2014, li f'dan ir-rigward l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jammontaw għal EUR 1 983 600 u għargħar fl-Italja f'Ottubru/Novembru 2014, li f'dan ir-rigward l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jammontaw għal EUR 56 026 300;

B.  billi l-għan tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015 huwa li dan l-aġġustament baġitarju jiddaħħal b'mod formali fil-baġit tal-2015;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja mill-FSUE għall-pajjiżi affettwati minn dawn id-diżastri naturali, filwaqt li jitqies li l-FSUR juri solidarjetà mal-popolazzjoni fir-reġjun milqut mid-diżastri;

3.  Ifakkar li fil-qafas tan-negozjati baġitarji tal-2015, il-Kunsill insista li jittrasferixxi l-pagamenti relatati mal-mobilizzazzjoni tal-FSUE li jinsabu fl-abbozz ta' baġits emendatorji Nru 5/2014 u Nru 7/2014 għall-baġit 2015 għal ammont totali ta' EUR 126,7 miljun;

4.  Iqis li meta jikkunsidra s-surplus kif preżentat fl-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015 preżenti, dawk iż-żewġ abbozzi ta' baġits emendatorji tal-2014, li jkopru kumplessivament seba' każijiet tal-FSUE, setgħu faċilment tħallsu mill-baġit 2014, filwaqt li jitqies li l-FSUE jimmira li jippermetti risposta rapida, effiċjenti u flessibbli għal tali sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

5.  Jiddispjaċih, b'mod ġenerali, għat-tendenza fil-Kunsill li ma jonorax l-impenji tiegħu lill-pajjiżi li għaddew minn diżastru kbir u għalhekk jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE, billi ma jimmobilizzawx ir-riżorsi addizzjonali kif previst mill-istrumenti speċjali, iżda pjuttost billi jieħu l-flus mill-programmi l-oħra; jilqa' pożittivament madankollu l-fatt li l-Kunsill ma segwix dan l-approċċ għall-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015;

6.  Jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sitwazzjoni kritika preżenti dwar il-pagamenti teskludi l-għażla li jintuża kwalunkwe sors ieħor ta' finanzjament minn dak propost mill-Kummissjoni kif deskritt fl-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015; ifakkar li l-FSUE huwa strument speċjali li għalih l-approprjazzjonijiet korrispondenti għandhom jiġu bbaġitjati barra mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali korrispondenti;

7.  Ifakkar li l-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2015 se jnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-ING mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni b'EUR 1 435 miljun u għalhekk altru milli se tikkumpensa għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-finanzjament tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015; jenfasizza għaldaqstant li ż-żewġ dossiers ikunu suġġetti għal kalendarju komuni għall-adozzjoni, billi huma marbutin strettament ma' xulxin mill-perspettiva politika;

8.  Jissottolinja r-rieda tiegħu li jadotta ż-żewġ abbozzi ta' baġits emendatorji kemm jista' jkun malajr kif ippreżentati mill-Kummissjoni;

9.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2015;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 4/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 69, 13.3.2015.
(3) ĠU L 190, 17.7.2015.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(6) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(7) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.


Mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE: Għargħar fir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Italja
PDF 413kWORD 66k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (għargħar fir-Rumanija, fil-Bulgarija u fl-Italja) (COM(2015)0162 – C8-0094/2015 – 2015/2079(BUD))
P8_TA(2015)0245A8-0211/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0162 – C8-0094/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0211/2015),

1.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (għargħar fir-Rumanija, fil-Bulgarija u fl-Italja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1180.)

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


Il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa
PDF 378kWORD 105k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-ħolqien ta' sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta' biljetti fl-Ewropa (2014/2244(INI))
P8_TA(2015)0246A8-0183/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 454/2011 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistema applikazzjonijiet telematiċi għal servizzi tal-passiġġieri tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni biex jiġu introdotti Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fl-Ewropa (COM(2008)0886),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti"(4),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni "Towards a roadmap for delivering EU-wide multimodal travel information, planning and ticketing services" ("Lejn pjan direzzjonali għat-twettiq ta' servizzi pan-Ewropej tal-informazzjoni, l-ippjanar u l-ħruġ ta' biljetti għall-ivvjaġġar multimodali") (SWD(2014)0194),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (COM(2009)0490),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0183/2015),

A.  billi, minkejja l-isforzi attwali, l-għan delineat fl-Inizjattiva 22 fil-White Paper(5) tal-2011, li jipprevedi l-possibilità ta' vvjaġġar multimodali mingħajr diffikultajiet "minn bieb sa bieb" b'sistemi tat-trasport intelliġenti għall-iskedar interoperabbli u multimodali, sistemi ta' bbukkjar online u ħruġ ta' biljetti intelliġenti, għadu ma ntlaħaqx;

B.  billi l-maġġoranza tal-vjaġġaturi għadhom jippreferu t-trasport individwali peress li l-ħolqien ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi madwar l-UE fih innifsu mhux se jkun biżżejjed biex tinkiseb integrazzjoni aħjar tad-diversi mezzi ta' trasport, kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' trasport jeħtieġ li jsir aktar effiċjenti, sostenibbli u aktar faċli biex jintuża, u dan il-proċess ikun assistit b'mod sinifikattiv, inter alia, mill-adozzjoni tar-Raba' Pakkett dwar il-Ferrovija sal-punt li jiżgura aċċess ugwali għall-infrastruttura anki għall-operaturi iżgħar, l-SMEs u n-negozji li għadhom jibdew, u l-adozzjoni tar-Regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u ta' strateġija dwar il-passaġġi tal-ilma Ewropej u l-proġetti ta' prijorità tat-TEN-T;

C.  billi, minkejja li l-Kummissjoni tiddefinixxi biljetti integrati bħala kombinazzjoni ta' metodi differenti tat-trasport f'biljett uniku, definizzjoni bħal din mhux dejjem hija kondiviża bejn l-intrapriżi, u uħud mill-operaturi tas-servizz għandhom l-għan biss li jipprovdu biljetti interoperabbli, li jkompli jxekkel aktar żviluppi fis-settur;

1.  Jinnota li l-informazzjoni dwar ivvjaġġar multimodali mal-UE, approċċ traskonfinali integrat rigward servizzi ta' ppjanar u ħruġ ta' biljetti, speċjalment għall-vjaġġi fuq medda twila huma parti mit-tweġiba għall-isfidi ewlenin fis-settur tat-trasport Ewropew, inklużi dawk tas-sostenibilità, il-multimodalità, it-titjib fis-sikurezza fil-mezzi kollha tat-trasport, l-effiċjenza u l-vijabilità ekonomika, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-mobilità tax-xogħol u huma għalhekk ugwalment ta' benefiċċju għas-soċjetà, l-ekonomija, l-ambjent, il-koeżjoni soċjali u l-industrija tat-turiżmu;

2.  Jenfasizza li informazzjoni dwar il-vjaġġi multimodali integrati madwar l-UE, is-servizzi ta' ppjanar u ta' ħruġ ta' biljetti jipprovdu lin-negozji Ewropej, speċjalment lill-SMEs u n-negozji l-ġodda, b'opportunitajiet għall-innovazzjoni u b'hekk jikkostitwixxu kontribut ewlieni għal suq uniku Ewropew kompetittiv fuq livell dinji u l-finalizzazzjoni ta' żona unika Ewropea tat-trasport;

3.  Jenfasizza li l-mobilità personali madwar l-UE hija prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-libertajiet bażiċi u li l-konsumaturi għalhekk għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, preċiża u newtrali kemm rigward l-iskedi tal-ħinijiet kif ukoll il-konnessjonijiet dwar it-trasport multimodali u transkonfinali għal ivvaġġjar minn bieb sa bieb mingħajr diffikultà, iffaċilitat u bi standards għolja ta' kumdità u sabiex ikun possibbli li l-vjaġġaturi jibbukkjaw u jħallsu online; jilqa' l-inizjattiva biex il-vjaġġaturi jiġu mħeġġa jikkombinaw diversi mezzi tat-trasport disponibbli; jinnota li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-possibilità li jinxtraw biljetti għal vjaġġi nazzjonali u transkonfinali fi ħdan l-UE permezz tal-internet jew applikazzjoni tal-mobile għadha nieqsa; huwa tal-fehma li l-"geo-blocking" ma għandux ikun permess;

4.  Jissottolinja l-importanza għall-utenti li jixtru biljett wieħed għal vjaġġ multimodali wieħed u jqis il-possibilità ta' aċċess ġust u ugwali għad-data dwar l-ivvjaġġar u t-traffiku multimodali u għaldaqstant l-għoti ta' informazzjoni komprensiva, faċilment aċċessibbli, newtrali, affidabbli u fil-ħin reali lill-vjaġġaturi bħala prerekwiżit għal sistemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti, u jenfasizza li, sabiex jiżgura li l-miżuri għal dak l-għan ikunu ġusti, huwa ta' importanza ewlenija li jkunu akkumpanjati mill-internalizzazzjoni ta' kostijiet esterni għall-mezzi kollha tat-trasport u minn informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali ta' dawn il-mezzi differenti;

5.  Jinnota li l-konsumaturi għandhom dejjem jingħataw informazzjoni trasparenti dwar l-ipprezzar; jenfasizza, għalhekk, li s-sistemi ta' prenotazzjoni u ta' ħlas għandhom jindikaw b'mod ċar il-prezz tal-biljett totali għal kwalunkwe vjaġġ magħżul, inklużi elementi obbligatorji bħat-taxxi u t-tariffi; jenfasizza l-importanza ta' pjattaformi innovattivi bbażati fuq l-IT li jnaqqsu t-tariffi tal-prenotazzjoni u t-tranżazzjoni b'mod ġenerali u jenfasizza l-importanza li jippermettu varjetà ta' possibilitajiet ta' ħlas għax-xiri ta' biljetti tal-ivvjaġġar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jillimitaw it-tariffi għall-użu ta' karti ta' kreditu jew forom oħra raġonevoli ta' ħlas għal servizzi tat-trasport pubbliku;

6.  Jenfasizza li l-inkompatibilità u l-inkonsistenza ta' saffi ta' data, tad-diversità u n-nuqqas ta' interoperabilità ta' formati tad-data u l-protokolli dwar l-iskambju tad-data jimminaw l-eżitenza ta' informazzjoni multimodali integrata, is-servizzi ta' ppjanar u ta' tikkettar fl-UE, u joħolqu spejjeż addizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja żżomm il-pass mal-iżviluppi mgħaġla fis-settur tat-trasport u ma toħloqx piż bla bżonn;

7.  Jilqa' l-isforzi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat biex jiġu introdotti servizzi ta' ppjanar ta' vjaġġi flimkien ma' interfaces u standards miftuħa, iżda jinnota li ħafna minn dawn is-servizzi jkopru biss reġjuni jew pajjiżi speċifiċi u li ftit huma multimodali; jitlob, għalhekk, bħala l-ewwel pass, li l-fornituri ta' servizzi tat-trasport u l-fornituri ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi jibnu fuq sinerġiji eżistenti u biex jiffokaw aktar mill-qrib fuq il-provvista ta' servizzi ta' ppjanar ta' vjaġġi multimodali u transkonfinali b'arranġamenti għall-ħruġ tal-biljetti imfassla b'mod individwali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lejn il-lingwa li fiha jiġu pprovduti s-servizzi, u filwaqt li jitqies l-użu tal-lingwi minoritarji u l-konnessjoni ta' trasport fuq distanzi twal u ta’ trasport lokali inkluż "l-ewwel u l-aħħar mil", jiġifieri billi jissaħħu s-sistemi differenti biex tiġi żviluppata l-interoperabilità tagħhom u tkun possibbli l-komunikazzjoni bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni tuża kurituri tat-TEN-T bħala proġett pilota għall-identifikazzjoni tal-flussi tal-passiġġieri u l-potenzjal għal informazzjoni multimodali, l-ippjanar tal-vjaġġi u servizzi tal-ħruġ ta' biljetti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa repożitorju ta' prattiki tajba għal proġetti mmexxija fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, biex iservi bħala bażi għall-implimentazzjoni ta' dan tal-aħħar madwar l-UE;

9.  Jenfasizza li l-faċilità u konvenjenza tax-xiri bl-użu ta' sistemi integrati ta' ħruġ ta' biljetti multimodali se jattiraw iktar passiġġieri għat-trasport pubbliku, li ser iżid is-sodisfazzjon tagħhom u jkun ta' benefiċċju għall-kumpaniji tat-trasport pubbliku;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' servizzi integrati ta' bejgħ ta' biljetti multimodali, biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex joħolqu qafas ċar, filwaqt li jiġu appoġġjati u ffaċilitati l-isforzi li qed isiru mill-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti, il-ftehimiet li diġà kkonkludew u n-natura innovattiva tal-prodotti u s-servizzi offruti u f'każ li ma jsir l-ebda progress sinifikanti fil-ħolqien ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti integrati, interoperabbli, multimodali transkonfinali sal-2020, jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tibni fuq il-progress li diġà sar u l-inizjattivi volontarji li diġà ġew introdotti, tieħu azzjoni leġiżlattiva permezz tal-introduzzjoni ta' regoli minimi u skeda ta' ħinijiet;

11.  Jissottolinja r-rwol attiv u r-responsabilità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-"ewwel u l-aħħar mil" tal-vjaġġi; iqis li huwa essenzjali li dawn jiġu involuti fl-implimentazzjoni ta' miżuri individwali, fis-superviżjoni tal-operat tagħhom u biex jiżguraw li s-sistema kollha kemm hi tiffunzjona b'mod effettiv; filwaqt li jiġu kkunsidrati l-punti msemmija hawn fuq, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri

   jintroduċu, sa mhux aktar tard mill-2020, f'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tas-settur tat-trasport, skeda nazzjonali tal-ħinijiet u sistemi ta' informazzjoni aġġornati dwar in-nollijiet abbażi ta' interfaces miftuħa li jorbtu flimkien id-data dwar il-vjaġġi għat-trasport pubbliku reġjonali u lokali urban operati kemm minn kumpaniji tas-settur privat u kif ukoll minn kumpaniji li għandhom sjieda pubblika, u biex ikomplu jaġġornaw tali sistemi fuq bażi regolari,
   jiżguraw li sal-2020 l-aktar tard, il-mezzi kollha tat-trasport pubbliku lokali jkunu mgħammra b'sistemi intelliġenti għat-trażmissjoni ta' informazzjoni fil-ħin reali dwar il-pożizzjoni tal-vettura tat-trasport u li l-inklużjoni ta' tali sistemi tkun kundizzjoni speċifika fis-sejħiet għall-offerti,
   jipprovdu li, sa mhux aktar tard mill-2024, abbażi ta' interfaces miftuħa, għall-iskeda nazzjonali tal-ħinijiet u s-sistemi ta' informazzjoni dwar in-nollijiet, b'informazzjoni fil-ħin reali dwar l-iskedi tal-ħinijiet tal-operaturi tat-trasport pubbliku lokali, ikunu konnessi f'netwerk fuq bażi transkonfinali u jkunu magħmula aċċessibbli għall-operaturi, għall-fornituri ta' servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi u għall-konsumaturi;

12.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li aċċess ġust, miftuħ u ugwali għall-fornituri ta' servizzi ta' informazzjoni, ta' ppjanar tal-vjaġġi u ta' ħruġ ta' biljetti, inklużi l-SMEs u n-negozji l-ġodda, għal data komprensiva, multimodali u fil-ħin reali dwar it-trasport u l-ivvjaġġar huwa prerekwiżit għal servizzi ta' informazzjoni dwar il-vjaġġi, servizzi ta' ppjanar u ta' ħruġ ta' biljetti multimodali mal-UE kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tiċċirkola proposta li tesiġi li l-fornituri kollha jpoġġu għad-dispożizzjoni, f'termini ġusti u ugwali, l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi aktar komprensivi, u b'hekk min jivvjaġġa jkollu l-possibilità ta' għażla ġenwina u aċċessibbli bejn il-konnessjonijiet l-aktar sostenibbli, bl-aħjar valur jew l-aktar rapidi, mingħajr preġudizzju għall-interessi tal-fornituri tas-servizz involuti;

13.  Jenfasizza li, f'konformità mal-politika ta' kompetizzjoni tal-UE, huwa kompitu tal-Kummissjoni li tidentifika u tirreaġixxi kontra kwalunkwe riskju potenzjali ta' monopolizzazzjoni ta' informazzjoni min-naħa tal-fornituri tal-biljetti multimodali u l-fornituri ta' informazzjoni multimodali; iżid li l-Kummissjoni jeħtieġ li tiżgura wkoll li s-sehem assenjat biex jitħallas is-servizz ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi ma jassumix tali proporzjonijiet li jippenalizza impriżi tat-trasport tal-passiġġieri;

14.  Iħeġġeġ biex tiġi stabbilita pjattaforma li tinvolvi lir-rappreżentanti kollha tas-settur tat-trasport u lill-awtoritajiet kompetenti fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, biex jiġu żviluppati arranġamenti għall-introduzzjoni gradwali ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi interoperabbli fl-UE kollha, filwaqt li jiġi kkunsidrat iċ-ċiklu sħiħ tal-vjaġġ u sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-problemi tad-distribuzzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-biljetti b'mod proporzjonat u tal-qsim tal-piżijiet f'każ ta' tilwim bejn il-partijiet kontraenti; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu żviluppati b'mod li jkunu mmexxija mis-suq mingħajr ma jintefa' piż fuq l-operaturi u l-passiġġieri b'kostijiet sproporzjonati; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi bil-qawwa, permezz ta' kofinanzjament mill-UE, sinerġiji f'dan il-qasam bejn in-netwerks tat-Telekomunikazzjoni u tat-Trasport Trans-Ewropew;

15.  Jinnota li d-drittijiet tal-passiġġieri Ewropej huma limitati sal-punt li japplikaw separatament għal kull kuntratt ta' ġarr individwalment, iżda meta vjaġġ jinvolvi traġitti transkonfinali jew trasport multimodali, id-drittijiet tal-passiġġieri ma jistgħux ikunu ggarantiti bil-mod normali u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twieġeb għat-talba tal-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali(6)tal-2011, għal Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri li tkopri l-forom kollha ta' trasport billi tippreżenta proposta għal tali Karta, inkluża taqsima separata dwar vjaġġi multimodali bi protezzjoni ċara u trasparenti tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest multimodali, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull mezz ta' trasport, u ħruġ ta' biljetti multimodali integrat, sa tmiem l-2017;

16.  Jenfasizza l-importanza kruċjali, f'termini ta' mobilità soċjali, u meta jitqies it-tibdil demografiku fl-Ewropa, ta' aċċess ugwali mingħajr ostakli għat-trasport għal kulħadd u b'mod partikolari għall-persuni vulnerabbli, u jitlob li tingħata iktar attenzjoni lill-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità jew tal-persuni b'mobilità mnaqqsa kif ukoll lill-bżonnijiet ta' persuni anzjani fir-rigward ta' aċċess għal informazzjoni dwar il-vjaġġi, qabel u matul il-vjaġġi, il-possibilitajiet ta' ħruġ ta' biljetti u s-sistemi ta' bbukkjar u ta' ħlas, inkluża l-kapaċità li jiġu riżervati spazji għas-siġġu tar-roti; jilqa' l-Pjan Direzzjonali ta' Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità u l-potenzjal għal azzjoni leġiżlattiva biex jitneħħew ostakli ekonomiċi u soċjali li jiffaċċjaw il-persuni b'diżabilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli għat-trasport bħala parti mill-isforzi tagħha biex ittejjeb l-aċċessibilità;

17.  Jissottolinja l-importanza li jiġu ssalvagwartjati mudelli ta' pprezzar u possbilitajiet ta' ħlas (allowances, skontijiet, eċċ.) sabiex jiġi żgurat li ċerti gruppi fis-soċjetà (il-persuni qiegħda, il-persuni rtirati, l-istudenti, il-familji numerużi, il-persuni b'introjtu baxx u gruppi soċjali żvantaġġjati oħra) ikunu jistgħu jibbenefikaw minn sistemi ta' ħruġ ta' biljetti multimodali fl-UE;

18.  Jinnota li s-sistemi ta' informazzjoni dwar it-trasport multimodali għandhom ikunu faċli biex jintużaw u għalhekk ikkomplimentati b'data tal-mapep u data ġeografika;

19.  Jitlob li l-partijiet interessati jkomplu jirċievu appoġġ fit-tentattivi tagħhom għal soluzzjonijiet innovattivi u li għalhekk mhux biss jinżammu iżda jiġu żviluppati wkoll is-sorsi relevanti ta' finanzjament tal-UE, bħal pereżempju l-Programm ta' Innovazzjoni Shift2rail 4 fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, flimkien mal-Fondi Strutturali; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew tal-Investiment jagħmel użu xieraq tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi f'dan ir-rigward;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika lista faċilment aċċessibbli b'evalwazzjoni regolari ta' proġetti kofinanzjati mill-UE dwar "Sistemi integrati intermodali";

21.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u, b'mod partikolari, is-sistema Ewropea ta' navigazzjoni bis-satellita Galileo fil-ġbir ta' data dinamika, li permezz tagħha l-vjaġġaturi kemm qabel it-tluq kif ukoll waqt il-vjaġġ tagħhom ikunu jistgħu jiġu infurmati dwar kwalunkwe interruzzjoni kif ukoll il-possibilitajiet ta' vvjaġġar alternattiv; jenfasizza li l-benefiċċji ta' sistemi satellitari jeħtiġilhom li dejjem ikunu akkumpanjati minn dispożizzjonijiet suffiċjenti dwar il-protezzjoni tad-data;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa biex jitnaqqsu l-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja f'żoni urbani u jappella għall-introduzzjoni ta' inċentivi li jinkoraġġixxu l-użu ta' mezzi ta' trasport sostenibbli fl-Ewropa kollha, bl-inklużjoni fl-informazzjoni dwar il-vjaġġi u s-servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi ta' informazzjoni dwar servizzi diversi ta' mobilità, pereżempju, il-car sharing, carpooling, sistemi ta' park-and-ride, sistemi ta' kiri tar-roti, passaġġi fit-toroq riżervati għar-roti u passaġġi għall-mixi;

23.  Jilqa' d-disponibbiltà ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti elettroniċi integrati, li dejjem qed tiżdied, fi bliet u żoni urbani oħra, bħal teknoloġiji tas-"smartcard" diġitali inklużivi li jistgħu jintużaw b'mezzi differenti tat-trasport, u anki għal vjaġġi transkonfinali, iżda jenfasizza li soluzzjonijiet tekniċi għandhom jitħallew f'idejn is-suq u ma jiġux imposti fil-livell Ewropew;

24.  Jinnota li konnessjonijiet permanentement tajba tan-netwerk huma wieħed mill-prerekwiżiti għall-ħolqien ta' sistema intelliġenti faċli għall-passiġġieri, li tkun kapaċi tipprovdi informazzjoni dinamika dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-ħin reali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-iffaċilitar, l-inkoraġġiment u l-appoġġ għad-disponibilità wiesgħa ta' infrastrutturi diġitali b'veloċità kbira, mingħajr ħlas jew bi prezzijiet baxxi, fuq il-mezzi kollha tat-trasport u l-interchanges kollha tat-trasport, permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Orizzont 2020, l-EFSI u sorsi oħra rilevanti ta' finanzjament;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data, iħeġġeġ li jkun hemm konformità mad-Direttiva 95/46/KE u jitlob kundizzjonijiet ċari għall-użu u t-trażmissjoni ta' data, b'mod partikolari fir-rigward ta' data personali, li għandha tiġi pproċessata u użata f'forma "anonimizzata" u għal skopijiet ta' ffaċilitar tal-ħruġ ta' biljetti multimodali biss; jindika li x-xiri u l-ħlas ta' biljetti permezz tal- applikazzjonijiet tal-mobile u l-internet għandhom preferibbilment ikunu disponibbli mingħajr il-ħtieġa ta' reġistrazzjoni fis-sistema;

26.  Jenfasizza l-importanza tal-ippjanar tal-vjaġġi, l-informazzjoni multimodali aċċessibbli u l-ħruġ ta' biljetti b'mod ċar u trasparenti, inkluż permezz ta' pjattaformi diġitali u online, u l-ħtieġa ta' aċċess aħjar għat-trasport pubbiku waqt vjaġġi barra mill-pajjiż fi ħdan l-UE u l-ħtieġa li tiġi inkoraġġita l-modernizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport sostenibbli sabiex jiġu attratti turisti mill-UE u minn barra l-UE, peress li dan jiffaċilita l-proċess sħiħ tal-ippjanar tal-vjaġġ; jissottolinja wkoll l-effetti pożittivi potenzjali ta' sistema integrata ta' ħruġ ta' biljetti f'termini ta' konnessjoni aħjar tar-reġjuni kollha, partikolarment ir-reġjuni l-aktar remoti, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' promozzjoni u esponiment aħjar u aktar qawwija tas-servizzi ta' ppjanar tal-vjaġġi multimodali, li minnhom diġà huma disponibbli 'l fuq minn mija fl-ibliet, fir-reġjuni u fuq livell nazzjonali fl-UE, u jitlob ukoll sforzi li jippromwovu l-interkonnessjoni ta' dawn is-servizzi;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.
(2) ĠU L 123, 12.5.2011, p. 11.
(3) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(4) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.
(5) "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (COM(2011)0144)
(6) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011dwar il-pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti (ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.)


Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015: Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi
PDF 265kWORD 77k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III – Il-Kummissjoni, li jakkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 (09876/2015 – C8-0172/2015 – 2015/2011(BUD))
P8_TA(2015)0247A8-0221/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), partikolarment l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, kif adottat definittivament fis-17 ta' Diċembru 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4) (Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta’ April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta ' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, li l-Kummissjoni adottat fit-13 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0011),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015 adottata mill-Kunsill fis-26 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħat lill-Parlament fl-istess jum (09876/2015 – C8-0172/2015),

–  wara li kkunsidra Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment u l-Portal ta' Proġetti ta' Investiment Ewropew li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0221/2015),

A.  billi l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2015 għandu l-għan li jittrasponi l-bidliet meħtieġa għan-nomenklatura tal-baġit f’konformità mal-ftehim leġiżlattiv dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) u li jipprovdi għar-riallokazzjoni meħtieġa ta’ EUR 1 360 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ EUR 10 miljun f’approprjazzjonjiet ta’ pagament;

B.  billi għall-proviżjonament tal-fond ta’ garanzija tal-UE fl-2015 qed jiġi riallokat ammont totali ta' EUR 1 350 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR 790 miljun), mill-Orizzont 2020 (EUR 70 miljun) u mill-ITER (EUR 490 miljun) f’approprjazzjonijiet ta’ impenn;

C.  billi l-Kummissjoni fi ħsiebha tikkumpensa t-tnaqqis għall-ITER b’żieda ekwivalenti matul il-perjodu 2018-2020;

D.  billi l-proviżjonament f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment, li jammonta għal EUR 10 miljun kull wieħed, huwa riallokat totalment mill-ITER (artikolu baġitarju 08 04 01 02);

E.  billi l-approprjazzjonijiet addizzjonali kollha biex jimplimentaw l-EFSI f’impenji u f’pagamenti huma totalment riallokati, u b’hekk l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament ġenerali baqgħu l-istess fil-baġit 2015;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2015 kif ippreżentat mill-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.  Jilqa’ b’sodisfazzjon li kien possibbli jintlaħaq malajr ftehim dwar l-EFSI, bis-saħħa tad-determinazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha, sabiex ikun jista’ jitnieda kemm jista’ jkun malajr; filwaqt li l-eżitu tan-negozjati huwa aħjar mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, jiddispjaċih għall-impatt negattiv fuq l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

3.  Itenni r-rwol tal-baġit tal-Unjoni fil-ħolqien ta’ valur miżjud billi jakkomuna r-riżorsi u jiżgura grad għoli ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-EFSI, filwaqt li jsaħħaħ l-effett multiplikatur tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni; jappoġġa l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi addizzjonali ta’ finanzjament privat u pubbliku biex jiġi ffinanzjat investiment favur għanijiet ta’ dimensjoni Ewropea, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati l-isfidi transkonfinali f’oqsma bħalma huma l-infrastruttura tal-enerġija, l-ambjent u dik tat-trasport;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, EUR 1 biljun addizzjonali se jkunu ffinanzjati mill-Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li joħorġu mill-marġini li tħallew disponibbli fil-baġits 2014 u 2015, u b’hekk tonqos ir-riallokazzjoni mill-programmi CEF u Orizzont 2020; ifakkar li, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament QFP, ir-riżorsi taħt il-Marġini Globali tal-QFP għall-impenji se jkunu disponibbli biss mill-2016;

5.  Jiddispjaċih, madankollu, b’mod ġenerali, bir-riallokazzjoni mill-programmi CEF u Orizzont 2020 billi dawn huma programmi essenzjali għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa; għaldaqstant fi ħsiebu jirrimedja għal dawn ir-riallokazzjonijiet fil-proċeduri baġitarji annwali li ġejjin;

6.  Jirrimarka li l-investiment fir-riċerka u fit-trasport huwa vitali sabiex jissaħħaħ ir-rwol u l-għan tal-baġit tal-Unjoni biex jistimula t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi u jagħmel progress fir-rigward tal-miri tal-"Istrateġija Ewropa 2020"; ifakkar f’dan ir-rigward li l-programmi Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) huma programmi ewlenin taħt l-Intestatura 1a "Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi";

7.  Jafferma r-rieda tiegħu li jadotta l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2015 kif modifikat mill-Kunsill f’konformità mal-ftehim leġiżlattiv dwar l-EFSI, meta jitqies l-interess tiegħu li l-EFSI jitnieda kemm jista’ jkun malajr;

8.  Japprova għalhekk il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 69, 13.3.2015.
(3) ĠU L 190, 17.7.2015.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(6) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(7) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.


Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 - Reazzjoni għal pressjonijiet migratorji
PDF 271kWORD 82k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, b'reazzjoni għal pressjonijiet migratorji (09768/2015 – C8-0163/2015 – 2015/2121(BUD))
P8_TA(2015)0248A8-0212/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(4) (Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015, adottat mill-Kummissjoni fit-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0241),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (09768/2015 – C8-0163/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bl-isem "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0212/2015),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 għandu l-għan li jsaħħaħ ir-riżorsi tal-Unjoni biex jiġu ġestiti l-flussi migratorji u tar-refuġjati, wara t-traġedji li seħħew dan l-aħħar fil-Mediterran u ż-żieda fid-dimensjoni tal-flussi migratorji;

B.  billi ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn tammonta għal EUR 75 722 000;

C.  billi ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament, li tammonta għal EUR 69 652 000, hija riallokata kollha mill-programm Galileo, li tħalli l-livell globali tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2015 l-istess;

D.  billi ż-żieda proposta għall-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) tammonta għal total ta' EUR 26,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, li parti minnha ġejja minn approprjazzjonijiet addizzjonali permezz tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 u parti oħra minn riallokazzjoni fi ħdan il-Kapitolu 18 02 (Sigurtà Interna) minħabba l-għeluq ta' fajls qodma taħt il-Fond għall-Fruntieri Esterni;

E.  billi l-piż finanzjarju relatat mal-emerġenza s’issa waqa' prinċipalment fuq il-baġits nazzjonali tal-Istati tal-kosta tan-Nofsinhar tal-Unjoni;

F.  billi fid-dawl tat-tbassir makroekonomiku għall-perijodu medju u tax-xejriet demografiċi opposti fi ħdan l-Unjoni u fiż-żoni ġirien, partikolarment fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali, iż-żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa ma tistax titqies bħala fenomenu temporanju;

G.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 iżid ukoll il-livell ta' ammont ta' persunal ta' tliet aġenziji, jiġifieri 16-il post addizzjonali għall-FRONTEX, 4 postijiet għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u 3 postijiet għall-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol);

H.  billi, jekk il-flussi migratorji ma jiġux ġestiti b’mod effettiv u f’waqtu, jistgħu jwasslu għal kosti konsiderevoli f’oqsma oħra ta’ politika;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.  Jilqa' r-rieda tal-istituzzjonijiet kollha li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet tal-baġit relatati mal-migrazzjoni u l-asil, minħabba l-ħtieġa ovvja u urġenti;

3.  Ifakkar li fil-qari tiegħu tal-baġit 2015 f'Ottubru 2014, il-Parlament kien diġà appella għal approprjazzjonijiet sostanzjalment ogħla f'dawn il-linji baġitarji u persunal addizzjonali għall-aġenziji konċernati;

4.  Jiddispjaċih madankollu għall-ammont limitat taż-żidiet proposti fl-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015, li ma jikkorrispondux mal-ħtiġijiet attwali meta wieħed jara l-kriżi li għaddejja fil-Mediterran u li probabbilment sejra għall-agħar, ir-riskju dejjem jikber li jiżdiedu r-rifuġjati mill-Ukraina u l-ħtieġa li l-isfidi migratorji jiġu indirizzati b'mod ġenerali; jenfasizza madankollu l-bżonn li jkun hemm kontroll strett fuq id-destinazzjoni ta’ dawk il-fondi u konsegwentement aktar trasparenza f'dak li jirrigwarda l-proċeduri tal-kuntratti u tas-sottokuntratti, filwaqt li jittieħed kont tad-diversi investigazzjonijiet li jikkonċernaw għadd ta’ abbużi skoperti fl-Istati Membri;

5.  Jiddispjaċih minħabba d-diviżjonijiet li tfaċċaw bejn l-Istati Membri fil-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tinsab fl-“Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”; ifakkar li, minħabba n-natura tal-fenomenu tal-migrazzjoni, l-emerġenza tista' tiġi ttrattata b’mod iżjed effettiv fil-livell tal-Unjoni;

6.  Iqis li l-aġenziji rilevanti m'għandhomx jiġu suġġetti għal tnaqqis jew ripożizzjonament tal-persunal; iqis li dawk l-aġenziji għandhom jallokaw il-persunal tagħhom b'mod xieraq bil-għan li jissodisfaw ir-responsabilitajiet dejjem akbar li għandhom;

7.  jenfasizza li, minħabba l-għadd kbir ta' persuni li jaslu fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tal-Unjoni, u r-rwol dejjem akbar li l-EASO jkollu jwettaq fil-ġestjoni tal-asil, u l-appell ċar għall-appoġġ fil-forniment minn qabel tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, il-proposta biex il-persunal tal-EASO jiżdied b'4 biss bla dubju mhijiex biżżejjed; għaldaqstant jitlob għall-ippustjar ta' persunal u baġit tal-EASO xierqa għall-2016 sabiex l-EASO ikun jista’ b’mod effettiv iwettaq il-kompiti u l-operazzjonijiet tiegħu;

8.  Jemmen li l-impatt baġitarju u l-kompiti addizzjonali tal-miżuri ppreżentati bħala parti mill-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà fir-rigward tal-Europol għandhom jiġu vvalutati fid-dettall mill-Kummissjoni ħalli l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jaġġustaw kif xieraq il-ħtiġijiet baġitarji u ta' persunal tal-Europol; jenfasizza r-rwol tal-Europol fl-appoġġ transfruntier għall-Istati Membri u fl-iskambju ta’ informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Europol ikollu baġit u livell ta’ persunal xierqa għall-2016, sabiex ikun jista’ jwettaq għalkollox b’mod effettiv il-kompiti u l-operazzjonijiet tiegħu;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, valutazzjoni, b’mod kemm jista’ jkun preċiż, tal-ħtiġijiet tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal żieda adegwata u, meta tokkorri, distribuzzjoni aġġustata tal-finanzjament bejn il-programmi differenti u l-metodi ta’ implimentazzjoni differenti tal-Fond, wara r-reviżjoni tal-prospettivi finanzjarji;

10.  Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jimmodifika n-nomenklatura tal-baġit tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fl-interess ta’ trasparenza u kontroll aħjar tal-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali bejn il-programmi u l-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-Fond, kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 516/2014(8);

11.  Jinnota barra minn hekk li l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 ma jipprevedix approprjazzjonijiet ta' pagament globali addizzjonali fil-baġit 2015, iżda sempliċement jerġa' jmur lura għar-riallokazzjoni ta' riżorsi li diġà jeżistu;

12.  Jinsisti li r-riallokazzjoni minn Galileo teħtieġ tkun ikkumpensata kif xieraq fil-baġit 2016;

13.  Jafferma madankollu r-rieda tiegħu li jadotta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 mill-aktar fis possibbli kif ippreżentat mill-Kummissjoni, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni;

14.  Japprova għalhekk il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2015;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 5/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 69, 13.3.2015.
(3) ĠU L 190, 17.7.2015.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(5) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(6) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0176.
(8) a.b.c.Skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014, l-ammont ta' riżorsi globali allokati lill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-perjodu 2014-2020 huwa ta’ EUR 3 137 miljun. Dan l-ammont għandu jitqassam kif ġej (f'EUR):EUR 2 392 miljun għal programmi nazzjonali (Artikolu 19);EUR 360 miljun għal azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II (Artikolu 16), il-programmi ta’ risistemazzjoni (Artikolu 17), it-trasferimenti (Artikolu 18);EUR 385 miljun għall-azzjoni tal-Unjoni (Artikolu 20), għajnuna ta’ emerġenza (Artikolu 21), in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (Artikolu 22), għajnuna teknika (Artikolu 23).In-nomenklatura attwali tal-baġit bl-ebda mod ma tikkorrispondi ma' din l-allokazzjoni.


Prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE - Rieżami tal-implimentazzjoni tal-"Pakkett Ħalib"
PDF 640kWORD 159k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE – rieżami tal-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-prodotti magħmula mill-Ħalib (2014/2146(INI))
P8_TA(2015)0249A8-0187/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2014 intitolat "L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib u l-operat tad-dispożizzjonijiet tal-"Pakkett tal-Ħalib"" (COM(2014)0354),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2014 dwar il-Prospetti għas-swieq u d-dħul agrikoli tal-UE 2014-2024,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2012 intitolat "L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib – it-tieni rapport ta' impatt tajjeb ("soft landing")" (COM(2012)0741),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u r-reġjuni ultraperiferiċi wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni għal problema li ilha teżisti?(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-kriżi fis-settur tat-trobbija ta' bhejjem tal-ħalib(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2014 dwar l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali inġusti fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2014)0472),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 247/2006(6), li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod ta' l-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tat-13 ta' Jannar 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (COM(2015)0010),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-futur tas-settur tal-prodotti tal-ħalib",

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil rigward il-kooperazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-UE bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment iffirmat fit-23 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0187/2015),

A.  billi l-hekk imsejjaħ "Pakkett tal-Ħalib" ġie ppubblikat fit-3 ta' Ottubru 2012 u se jibqa' japplika sat-30 ta' Ġunju 2020;

B.  billi, kif deċiż fir-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tal-PAK tal-2003, il-kwoti tal-prodotti magħmula mill-ħalib se jiskadu fil-31 ta' Marzu 2015;

C.  minħabba l-importanza u r-rilevanza tal-miżuri li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u reġjuni ultraperiferiċi wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib;

D.  billi, s-suq globali tal-prodotti magħmula mill-ħalib huwa dejjem iktar volatili, bl-ogħla prezzijiet minn meta beda jittieħed kont tagħhom milħuqa f'Jannar 2014, segwiti bi tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet matul il-bqija tal-2014; billi t-trobbija tal-annimali u l-prodotti li jidħlu użati għall-produzzjoni tal-ħalib huma partikolarment vulnerabbli għall-isfidi tal-volatilità, bir-riżultat li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola huma anqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni;

E.  billi l-biedja sostenibbli bħala sors ta' ikel ta' kwalità għolja tista' tiġi żgurata biss jekk il-bdiewa jirċievu prezz mal-ħruġ mill-azjenda agrikola li jkopri l-ispejjeż kollha ta' produzzjoni sostenibbli;

F.  billi l-projbizzjoni Russa fuq prodotti Ewropej magħmula mill-ħalib minn Awwissu 2014 'l hawn kellha impatt negattiv fuq is-suq intern tal-UE, u dan għaldaqstant juri l-ħtieġa ta' tħejjija għall-applikazzjoni ta' miżuri relatati mal-kriżi tas-suq, irrispettivament min-natura tagħhom, kif ukoll l-importanza li jiġu żgurati diversi swieq ta' esportazzjoni għal prodotti tal-UE, b'mod partikolari hekk kif id-domanda globali għall-prodotti magħmula mill-ħalib hija prevista li se tiżdied, flimkien mal-iżgurar ta' suq domestiku stabbli u solventi;

G.  billi l-Pakkett tal-Ħalib daħħal il-possibilità li l-Istati Membri jintroduċu kuntratti obbligatorji biex jgħin lill-produtturi u lill-proċessuri jippjanaw il-volumi ta' produzzjoni tagħhom, kif ukoll isaħħu l-istrutturar tal-ktajjen ta' provvista fid-dawl tat-tmiem tal-kwoti tal-ħalib, u billi ftit Stati Membri għamlu użu minn din il-prerogattiva s'issa;

H.  billi l-Pakkett tal-Ħalib obbliga lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u r-rwol kruċjali li l-kooperattivi jkomplu jkollhom, b'kont meħud tal-ħtieġa li titjieb il-konċentrazzjoni tal-provvista sabiex tagħti lill-produtturi aktar setgħa ta' negozjar;

I.  billi l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib ġie stabbilit f'April 2014 biex jittejjeb il-monitoraġġ tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija, u billi l-funzjoni tiegħu jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex jinħoloq fi ħdan is-settur sistema effiċjenti ta' twissija f'każ ta' kriżi għal irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib ta' daqsijiet differenti, f'postijiet ġeografiċi u b'metodi ta' produzzjoni u distribuzzjoni differenti;

J.  billi din ix-xibka ta' sikurezza hija baxxa wisq biex tagħti protezzjoni fil-każ ta' tnaqqis fil-prezz tal-ħalib;

K.  billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika agrikola komuni (PAK) huwa żvilupp territorjali bilanċjat, f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali; billi dan jippresupponi li l-agrikoltura se tkompli tkun produttiva u sostenibbli f'reġjuni żvantaġġjati, ultraperiferiċi, remoti jew żoni muntanjużi;

L.  billi t-tmiem tal-kwoti se jkollu impatt negattiv konsiderevoli fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari fl-Azores, fejn il-produzzjoni tal-ħalib hija l-attività ekonomika ewlenija, li tirrappreżenta madwar 46 % tal-ekonomija reġjonali;

M.  billi għal għadd kbir ta' rziezet tal-produzzjoni tal-ħalib li jinsabu f'reġjuni żvantaġġati, ultraperiferiċi, insulari, żoni remoti u muntanjużi l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-ġbir u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti magħmula mill-ħalib barra miż-żona ta' produzzjoni tagħhom huma ħafna ogħla minn dawk f'oqsma oħra, u billi dawn ma jistgħux jużaw l-opportunitajiet għat-tkabbir maħluqa mit-tneħħija tal-kwota sal-istess punt minħabba l-limitazzjonijiet naturali ta' dawn ir-reġjuni; għal dawn ir-raġunijiet, dawn il-bdiewa jistgħu jkunu mhedda minn konċentrazzjoni akbar ta' produtturi fl-oqsma ekonomiċi fl-aħjar pożizzjoni fi ħdan l-UE;

N.  billi dikjarazzjonijiet obbligatorji tal-volumi ta' ħalib forniti se japplikaw mill-1 ta' April 2015;

O.  billi t-tiġdid ġenerazzjonali, il-modernizzazzjoni u l-investiment huma kruċjali għat-tħaddim tajjeb u sostenibbli tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib Ewropew;

P.  billi l-ħalib u, b'mod partikolari, prodotti ta' "denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO), "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u "speċjalitajiet tradizzjonali garantiti" (STG) prodotti madwar l-UE jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-suċċess tal-industrija agroalimentari tal-UE u tal-prosperità tal-ekonomiji rurali fejn l-intrapriżi tal-familja żgħar u ta' daqs medju jippredominaw u fejn produzzjoni tal-ħalib estensiva għandha tinżamm, jipprovdu materja prima għal għadd kbir ta' proċessuri fis-setturi privati u kooperattivi, iħarsu l-wirt agroalimentari Ewropew, u għandhom rwol ewlieni fil-konfigurazzjoni territorjali u ambjentali tal-Ewropa, kif ukoll fil-qasam soċjali, b'effett multiplikatur fuq setturi oħra tan-negozju, bħal dak tat-turiżmu;

Q.  billi ġew imposti multi sinifikanti fuq il-bdiewa u l-produtturi tal-ħalib f'xi Stati Membri talli qabżu l-kwoti tal-ħalib matul l-aħħar sentejn tal-kwota;

1.  Ifakkar li settur tal-produzzjoni tal-ħalib vijabbli, sostenibbli u kompetittiv fl-UE, b'għodod reattivi li jippermettu remunerazzjoni ġusta tal-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, huwa l-għan tal-Pakkett tal-Ħalib; jenfasizza li l-problemi identifikati fil-Pakkett tal-Ħalib għadhom ostaklu għal suq tal-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli, kompetittiv u ekwu u għal dħul xieraq għall-bdiewa;

2.  Ifakkar ir-rwol importanti tat-trobbija ta' bhejjem tal-ħalib f'termini tal-ġestjoni tal-art, l-impjieg rurali u l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali ta' diversi reġjuni agrikoli Ewropej;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, b'mod speċjali bdiewa fuq skala żgħira, huma partikolarment vulnerabbli għal varjazzjonijiet fid-dħul u għal riskji kkawżati minn spejjeż kapitali għoljin, id-deterjorabilità tal-produzzjoni, prezzijiet volatili tal-prodott tal-ħalib bażiku, spejjeż tal-input u tal-enerġija, u li għajxien sostenibbli mill-produzzjoni tal-ħalib hija sfida kontinwa, peress li l-ispejjeż ta' produzzjoni huma ta' sikwit qrib ta' jew 'il fuq mill-prezz mal-ħruġ mill-azjenda agrikola;

4.  Jenfasizza li l-bdiewa Ewropej ikollhom ilaħħqu ma' spejjeż kbar minħabba l-prezzijiet tal-oġġetti involuti fil-produzzjoni, bħalma huma l-għalf tal-bhejjem, u li, bħala riżultat ta' regolamenti Ewropej stretti dwar il-benesseri tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel, il-kompetittività tagħhom titnaqqas meta mqabbla ma' pajjiżi oħrajn;

L-impatt tal-embargo Russu u l-kriżi attwali fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifletti dwar il-kawżi tal-kriżi u dwar il-miżuri li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ biex jipprevjenu kriżijiet futuri, kif indikat fl-Artikoli 219, 221 u 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza, b'miżuri ulterjuri immirati lejn is-suq, il-kriżi li attwalment qed tolqot is-swieq tal-produzzjoni tal-ħalib bħala riżultat ta' pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet li rriżultat minn nuqqas ta' strumenti xierqa relatati mal-kriżijiet, tnaqqis fid-domanda globali, il-volatilità globali tal-prezzijiet u l-embargo Russu, filwaqt li tirrikonoxxi l-ewwel passi li ttieħdu s'issa biex jindirizzaw l-impatt tal-embargo Russu;

7.  Jirrimarka li l-eċċess ta' prodotti magħmula mill-ħalib minn ċerti Stati Membri li għandhom relazzjonijiet kummerċjali tradizzjonali tar-Russja toħloq żbilanċi kbar fis-swieq domestiċi tagħhom, li wassal għal tnaqqis qawwi fil-prezzijiet u li kkawża li l-produtturi lokali ma baqgħux kompetittivi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tanalizza s-sitwazzjoni li għadha kif inħolqot u tieħu azzjoni prijoritarja;

8.  Ifakkar li l-kriżi tal-ħalib tal-2009 seħħet taħt l-istruttura tal-kwota u minħabba nuqqas ta' funzjonament tal-katina tal-valur tal-prodotti magħmula mill-ħalib, li tirriżulta fi pressjoni għal tnaqqis fil-prezz imħallas lill-produtturi; ifakkar lill-Kummissjoni li d-dewmien biex tirreaġixxi għall-kriżi ġiegħlet ħafna bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib iħallu n-negozju, u jesprimi tħassib dwar il-kapaċità tal-Kummissjoni biex tirrispondi rapidament u effettivament għall-kriżijiet fis-suq; jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis fil-prezzijiet mis-sors li affettwa dawk li jrabbu l-bhejjem ma kienx rifless fil-prezzijiet tal-konsumatur, li juri żbilanċ kbir bejn il-partijiet ikkonċernati differenti fil-katina tal-provvista tal-prodotti magħmula mill-ħalib;

9.  Jiddispjaċih li t-talba tal-Parlament, li kellha l-għan, fil-każ ta' kriżi serja, li tipprovdi sussidji għal bdiewa li b'mod volontarju jkunu naqqsu l-produzzjoni tagħhom, ġiet irrifjutata mill-Kunsill; jissottolinja l-importanza li jerġa' jinfetaħ id-dibattitu dwar din l-għodda tal-ġestjoni ta' kriżijiet;

10.  Jissottolinja li t-tneħħija tal-kwoti għandha r-riskju li twassal għal żieda fil-konċentrazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib l-aktar favur l-akbar bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u għad-detriment tal-iżgħar bdiewa, mingħajr garanzija ta' effiċjenza jew dħul;

Sfidi u opportunitajiet għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib

11.  Jinnota li prospetti fuq terminu medju u twil għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll dawk globali għadhom fluwidi b'domanda li tvarja, iżda fl-istess ħin jenfasizza li, bħala parti ewlenija mill-industrija agroalimentari, is-settur tal-produzzjoni tal-ħalib għandu potenzjal sinifikanti għal tkabbir fuq terminu twil u għall-ħolqien ta' impiegi li għandhom ukoll ikunu mmirati fil-Pjan ta' Investiment il-ġdid;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex il-produtturi u l-proċessuri kollha jitħallew jadattaw l-apparat u t-tekniki ta' produzzjoni tagħhom b'reazzjoni għall-aspettativi ekonomiċi, ambjentali u soċjali;

13.  Jenfasizza r-rwol importanti li t-tiġdid ġenerazzjonali għandu għall-futur tas-settur tal-ħalib u l-opportunitajiet sinifikanti għal bdiewa żgħażagħ fil-produzzjoni tal-ħalib;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi opportunitajiet ġodda ta' finanzjament għal Stati Membri, inkluż bl-għajnuna tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li permezz tiegħu l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib se tiġi riformata; iqis li l-appoġġ finanzjarju, bħal fondi ta' garanzija, fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw u investiment kapitali, huma essenzjali, flimkien ma' riżorsi mogħtija mill-BEI, sabiex jintervjenu fil-livell tal-fondi strutturali u fondi ta' investiment Ewropej, b'mod partikolari f'armonija mal-iżvilupp rurali; dan jippermetti l-ksib ta' effett multiplikatur f'termini ta' tkabbir u ta' dħul, kif ukoll l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib; jilqa' f'dan ir-rigward l-opportunitajiet ta' finanzjament preżentati lill-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib mill-fond il-ġdid tal-BEI, li joffri rati ta' interessi aktar baxxi biex jiffaċilita l-investiment u l-modernizzazzjoni fl-irziezet, filwaqt li joffri opportunitajiet ta' finanzjament lil bdiewa żgħażagħ biex ikabbru n-negozji tagħhom; jenfasizza ulterjorment in-natura komplementari tal-finanzjament mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, li għandu jgħin biex jiġi żviluppat is-settur tal-ħalib billi jattira kapital privat bil-għan ta' responsabilità fl-infiq u effettività akbar tal-investiment;

15.  Jinnota li l-livell għoli ta' volatilità fil-prezzijiet u kriżijiet rikorrenti li huma inkompatibbli ma' investimenti kbar fil-bhejjem u l-istabbiliment ta' produtturi ġodda huma l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib; iħeġġeġ lill-Kummissjoni konsegwentement sabiex tikkunsidra miżuri biex timmitiga r-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni akbar għas-suq dinji, biex tissorvelja aktar mill-qrib il-funzjonament korrett tas-suq uniku fil-ħalib u fil-prodotti magħmula mill-ħalib u li tfassal pjan ta' azzjoni sabiex turi kif għandha l-ħsieb li tnaqqas dawn ir-riskji;

Iż-żamma ta' settur tal-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli f'reġjuni żvantaġġati, muntanjużi, insulari u ultraperiferiċi

16.  Jimpenja ruħu biex tinżamm il-produzzjoni tal-ħalib, peress li l-produzzjoni tal-ħalib tagħti kontribut soċjoekonomiku importanti għall-iżvilupp agrikolu u rurali madwar l-UE, u jenfasizza l-importanza partikolari tagħha f'reġjuni żvantaġġjati muntanjużi, insulari u dawk ultraperiferiċi, fejn xi drabi huwa l-uniku tip ta' biedja possibbli; iżid li għal dawn ir-reġjuni, dan is-settur huwa responsabbli għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, l-għajxien ta' ħafna familji, l-organizzazzjoni, ix-xogħol u l-protezzjoni tat-territorju u ż-żamma ta' prattiki kulturali u tradizzjonali u l-produzzjoni tal-ħalib serviet ukoll biex sawret l-ambjent kulturali ta' sekli sħaħ f'dawn ir-reġjuni, u ħolqot bażi importanti għat-turiżmu; jenfasizza l-fatt li f'dawn ir-reġjuni l-abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib tfisser l-abbandun tal-agrikoltura;

17.  Jenfasizza li hu essenzjali li jinħoloq mekkaniżmu ta' tranżizzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi bejn l-eliminazzjoni tal-kwoti u l-liberalizzazzjoni tas-swieq li jagħmel possibbli l-protezzjoni tal-bdiewa u tas-settur f'dawn ir-reġjuni;

18.  Jitlob li jiġu attivati miżuri ta' lqugħ bħala indikaturi speċifiċi għal operazzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib u n-negozji f'reġjuni muntanjużi, fid-dawl tad-differenza fil-produzzjoni bejn reġjuni ta' produzzjoni tal-ħalib muntanjużi u territorji oħrajn;

19.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu bil-livelli baxxi ta' implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pakkett tal-Ħalib fir-reġjuni ultraperiferiċi u muntanjużi, insulari u żoni żvantaġġati, u jissottolinja li huwa indispensabbli li jinżammu rziezet tal-produzzjoni tal-ħalib bħala negozji vijabbli u kompetittivi fit-territorji kollha tal-Unjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li dawn iż-żoni jridu jkunu ċ-ċentru ta' attenzjoni speċjali u ta' studji speċifiċi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri u li l-użu ta' ktajjen tal-provvista qosra, filwaqt li jagħti preferenza lill-produzzjoni lokali f'dawn il-każijiet speċifiċi, għandu jitħeġġeġ biex jiżgura produzzjoni kontinwa f'dawn ir-reġjuni u biex jevita l-abbandun tas-settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex itejbu u jsaħħu s-sistemi ta' distribuzzjoni tal-ħalib fl-iskejjel, jiffavorixxu ktajjen ta' provvista qosra u b'hekk tkun tista' ssir id-distribuzzjoni tal-produzzjoni f'dawn ir-reġjuni; jenfasizza l-fatt li, f'dawn iż-żoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni jinsabu tipikament viċin jew ogħla mill-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola u jikkunsidra li l-inċertezzi attwali tal-katina tal-provvista huma partikolarment ta' ħsara għal dawn iż-żoni, li jkollhom l-akbar ostakli u opportunitajiet ridotti għal ekonomiji ta' skala; ifakkar li l-bdiewa f'dawn iż-żoni jiddependu direttament u esklużivament fuq numru żgħir ta' fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni u x-xerrejja għall-produzzjoni agrikola tagħhom minħabba l-iżolament ġeografiku tagħhom; jenfasizza li l-appoġġ għall-istabbiliment u l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jirriflettu aħjar ir-realtajiet ta' dawn ir-reġjuni; jenfasizza li jeħtieġ li jitwettqu politiki ambizzjużi biex jappoġġaw lil dawn ir-reġjuni bl-għajnuna tal-politika għall-iżvilupp rurali, il-Pjan ta' Investiment u l-promozzjoni u l-irfinar tal-għajnuna tal-PAK, kif permess mill-aħħar riforma; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-miżuri, biex tippermetti l-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'dawn ir-reġjuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'dawn iż-żoni u tevalwa l-impatt ekonomiku ta' tmiem il-kwoti fuq l-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib; jemmen li huwa meħtieġ li jiġu allokati riżorsi addizzjonali lill-programm POSEI sabiex il-produtturi tal-ħalib jiġu megħjuna jadattaw għall-effetti li rriżultaw mid-deregolamentazzjoni tas-swieq u li jippermettilhom li jkollhom produzzjoni tal-ħalib vijabbli u kompetittiva relattiva għall-bqija taż-żona Ewropea;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-użu tat-terminu volontarju ta' kwalità "prodotti tal-muntanji" skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa din id-deżinjazzjoni permezz tal-promozzjoni tal-bejgħ;

21.  Jenfasizza l-importanza tar-razez indiġeni bovini tal-muntanji għall-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex issaħħaħ il-promozzjoni ta' dawn ir-razez bovini tal-muntanji;

Il-volatilità tal-prezz u t-tmiem tal-kwoti tal-ħalib

22.  Huwa tal-fehma li l-politika tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE wara l-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib għandha tinkludi mezz biex isir l-aħjar użu tal-opportunitajiet ta' espansjoni għall-ekonomija tal-UE sabiex il-produzzjoni tal-ħalib issir attraenti għall-bdiewa, u jqis li kwalunkwe miżuri futuri għandhom isaħħu l-kompetittività u l-istabilità sabiex jiġi ffaċilitat it-tkabbir u l-innovazzjoni sostenibbli fis-settur agrikolu u fil-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali;

23.  Jirrikonoxxi d-deċiżjoni li l-ħlas fir-rigward ta' somom finali dovuti lill-bdiewa taħt ir-reġim tal-kwoti jinfirex fuq tliet snin, iżda jinnota li fondi sinifikanti tneħħew mis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib fl-aħħar sena tal-kwota bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-levy speċjali, u għaldaqstant jirrakkomanda li dan id-dħul jibqa' fi ħdan il-baġit tal-PAK biex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta għodda regolatorja waħda jew aktar għall-prevenzjoni u jindirizzaw b'mod effikaċi kriżijiet ġodda fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'termini tal-ġestjoni tal-provvista; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha f'taħdidiet formali mal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur sabiex jinkiseb dan;

25.  Iqis li kompetizzjoni aktar qawwija għandha tintuża bħala mezz biex jiġi żgurat il-bilanċ territorjali u remunerazzjoni aktar bilanċjata għall-produtturi tal-prodotti magħmula mill-ħalib fil-katina tal-valur;

L-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib

26.  Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib għadha fi stadju bikri; jesprimi diżappunt, madankollu, bil-livelli baxxi ta' implimentazzjoni ta' kuntratti obbligatorji, u għalhekk iħeġġeġ li dawn jiġu estiżi għall-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju fil-fond tal-ostakli għall-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib u ta' miżuri li jiżguraw l-aħjar użu tal-għodod disponibbli għall-Istati Membri;

27.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-pakkett tal-ħalib ma ġiex ikkunsidrat bħala prijorità fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2015, u jitlob li l-Kummissjoni urġentement iddaħħal din il-prijorità;

28.  Jiddispjaċih għall-fatt li mir-rapport mhuwiex ċar jekk il-Kummissjoni hijiex sodisfatta bl-implimentazzjoni tal-għodda regolatorja l-ġdida u li l-Kummissjoni ma tikkwantifikax x'għadd huwa mistenni ta' organizzazzjonijiet ġodda tal-produtturi, Stati Membri parteċipanti jew negozjati kollettivi; jinnota li lanqas mhuwa ċar l-effett li għandhom l-għodod il-ġodda fuq il-prezzijiet tal-ħalib; jitlob f'dan ir-rigward lista preċiża tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-ħalib u rekord preċiż tal-organizzazzjonijiet parteċipanti tal-produtturi;

29.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta objettivi ċari fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-kuntratti u n-negozjati kollettivi;

30.  Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiddisponi li "biex jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni u b'riżultat ta' hekk, livell tal-għajxien ġust għall-bdiewa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-qawwa ta' negozjar li għandhom il-bdiewa vis-à-vis dik ta' proċessuri għandha tissaħħaħ, u din għandha twassal għal distribuzzjoni aktar ġusta ta' valur miżjud tul il-katina tal- provvista";

31.  Jinnota li l-mudell kuntrattwali għadu ma ġiex implimentat kif previst, peress li l-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib għadhom f'pożizzjoni dgħajfa fis-suq, m'hemmx standards minimi fil-kuntratti u l-kooperattivi huma esklużi minnhom;

32.  Jenfasizza li t-tisħiħ u t-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali permezz tal-espansjoni għall-inklużjoni tas-settur kollu, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni fuq skala kbira, jgħinu għall-iżgurar ta' distribuzzjoni ġusta tad-dħul tul il-katina tal-provvista, li jirriżulta f'żieda akbar ta' valur, u t-tisħieħ tar-responsabilità tal-partijiet ikkonċernati biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni tas-suq u għal rispons adegwat; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ tal-ġestjoni tar-riskju u l-edukazzjoni bħala parti integrali tal-kurrikulu agrikolu sabiex il-bdiewa jiffaċċjaw il-volatilità u jużaw b'mod effikaċi l-għodod tal-immaniġġjar tar-riskji disponibbli;

33.  Jenfasizza r-riskju li l-industrija fi kwalunkwe Stat Membru tista' tintroduċi klawsoli inġusti f'kuntratti sabiex jikkumpensaw għall-objettiv tal-istabilità fil-kunsinni, li hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabilità tal-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib;

34.  Jinnota li s-settur jista' jesplora ulterjorment il-potenzjal offrut minn kuntratti fuq il-katina ta' provvista integrati fuq terminu twil, kuntratti forward, kuntratti b'marġni fiss, u l-opportunità li prezz tal-ħalib jiġi "inblukkat" biex jirrifletti l-ispejjeż tal-produzzjoni għal perjodu ta' żmien stabbilit; jemmen li l-għażla li jsir użu minn strumenti ġodda fir-relazzjonijiet kuntrattwali għandha tkun disponibbli u li għodod għall-medjazzjoni kuntrattwali għandhom ukoll isiru disponibbli;

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi

35.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għaż-żieda tas-setgħa tan-negozjar u l-influenza tal-produtturi fil-katina tal-provvista, kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jiddispjaċih dwar il-fatt li kien hemm biss progress limitat lejn l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda; iqis li r-regoli għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jissaħħu biex tiżdied b'mod aktar effikaċi l-influwenza tal-produtturi fin-negozjati tal-kuntratti; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju taħt il-Pilastru II u jħeġġeġ inċentivizzazzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, pereżempju billi jkun hemm aktar informazzjoni disponibbli u tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-partijiet ikkonċernati li jixtiequ joħolqu u jingħaqdu f'organizzazzjonijiet tal-produtturi u biex jipparteċipaw b'modi differenti fl-attivitajiet tagħhom u biex iwettqu attivitajiet edukattivi fost il-produtturi dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala għodda li tgħin sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista; iqis li hu meħtieġ li titjieb il-kapaċità għar-regolamentazzjoni u l-organizzazzjoni tas-suq mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

36.  Jiddefendi l-ħtieġa li jittejbu d-dispożizzjonijiet tal-Pakkett tal-Ħalib primarjament bl-għan li jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-produtturi b'kapaċità akbar ta' ġestjoni u negozjar fis-suq;

37.  Jinnota li l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jista' jiġi promoss billi jingħata appoġġ politiku proattiv biex il-bdiewa jitħeġġu biex iħarsu lejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala strumenti xierqa;

38.  Jenfasizza l-importanza li jitħaffu l-iskambji tal-informazzjoni u d-djalogu mal-produtturi u mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) sabiex ikunu jistgħu iqisu l-iżviluppi tas-suq u jantiċipaw il-kriżijiet;

39.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu ta' daqs adegwat u jkunu legalment marbuta mal-produzzjoni tal-membri tagħhom li huma bdiewa, peress li organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu sempliċement rappreżentattivi m'għandhom l-ebda kapaċità reali sabiex jiżguraw il-konformità mal-kundizzjonijiet ta' kwalità u ta' kwantità kuntrattati u jkunu nieqsa mill-interess f'li jaġixxu bħala negozjaturi serji mal-industrija;

40.  Jitlob għal appoġġ akbar għall-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet indipendenti tal-produtturi permezz ta' mekkaniżmi ta' informazzjoni aktar mifruxa u appoġġ għal attivitajiet ta' ġestjoni, sabiex jinkoraġġixxu lill-bdiewa biex jarawhom bħala strumenti effikaċi u jipparteċipaw fihom;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-għodod ta' ġestjoni interprofessjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq;

42.  Jissottolinja r-rwol tal-kooperattivi b'mod li jipprovdu stabilità fit-tul għall-membri tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika;

43.  Jinnota l-importanza tal-istabbiliment ta' Organizzazzjonijiet Interprofessjonali għall-iżgurar tat-trasparenza u tal-iskambju tal-aħjar prattiki;

44.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza tat-trasparenza matul il-katina tal-provvista kollha sabiex is-settur iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jirrispondu għas-sinjali tas-suq; jinnota l-importanza miżjuda ta' informazzjoni preċiża u fil-ħin fis-suq ta' wara t-tneħħija tal-kwota;

It-tisħiħ tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib

45.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib (MMO) u jenfasizza l-importanza tiegħu għall-firxa u għall-analiżi tad-data tas-suq u jitlob rwol akbar għall-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib; jirrakkomanda d-definizzjoni ta' indiċi tas-suq li tinkludi x-xejriet tal-kwotazzjonijiet tal-prodotti, tal-prezzijiet tal-ħalib u tal-ispejjeż ta' produzzjoni; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib jkun f'pożizzjoni li, min-naħa, jforni data preċiża f'ħin reali u, min-naħa l-oħra, jikkomunika twissijiet, l-antiċipazzjonijiet ta' kriżi u azzjonijiet rakkomandati bbażati fuq l-analiżi tas-suq u għodod ta' previżjoni aktar bikrija u aktar frekwenti, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti meta l-indiċi tas-suq jaqa' taħt ċertu livell, u meta s-sitwazzjoni fis-suq tkun teħtieġ dan; iqis li l-informazzjoni mogħtija mill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib għandha tinvolvi aġġornamenti dwar ix-xejriet tas-suq u tal-prezzijiet, data dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-interazzjonijiet bejn il-produzzjoni taċ-ċanga u tal-ħalib, il-konsum, il-qagħda tal-istokk, il-prezzijiet u l-iskambji ta' ħalib importat jew esportat fil-livell Ewropew; jinnota li hija ugwalment utli l-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tas-swieq internazzjonali sabiex jiġu identifikati kwalunkwe tendenzi u jinħatfu opportunitajiet ta' esportazzjoni; jenfasizza li d-data għandha tkun faċilment aċċessibbli u faċli biex tintuża għall-partijiet ikkonċernati kollha;

46.  Jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib u li l-istess Osservatorju jippubblika d-data li jirċievi kull xahar fil-ħin għall-ġid tal-partijiet ikkonċernati kollha, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis miżuri addizzjonali sabiex tiżgura li l-informazzjoni tasal fil-ħin; jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika r-regoli għat-trasmissjoni tad-data mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni hija komparabbli fil-livell Ewropew;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strutturi separati mgħammra b'mod komprensiv għall-akkwiżizzjoni tad-data għas-setturi agrikoli kollha;

Il-miżuri tal-PAK u l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib

48.  Jinnota li, taħt il-Pilastru I, appoġġ akkoppjat volontarju huwa għodda disponibbli sabiex jgħin lis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, filwaqt li taħt il-Pilastru II, il-produtturi jistgħu jagħmlu użu ta' servizzi ta' konsulenza li jappoġġaw id-deċiżjonijiet tan-negozju u l-ġestjoni finanzjarja soda – jekk meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jużaw miżuri ta' assigurazzjoni bħall-Għodda għall-Istabilizzazzjoni tad-Dħul u jistgħu wkoll jiddeterminaw ir-raggruppament u l-immirar fi ħdan is-settur ta' miżuri ta' żvilupp rurali b'livell ogħla ta' għajnuna;

49.  Jistieden lis-settur biex jinvestiga l-iżvilupp ta' aktar għodod ta' assigurazzjoni meta s-suq ikun b'saħħtu, sabiex titnaqqas il-volatilità tal-prezz tal-ħalib u sabiex l-irziezet Ewropej tal-produzzjoni tal-ħalib ma jiċċaħħdux mid-dħul; jenfasizza l-ħtieġa ta' studju tal-possibilità ta' integrazzjoni tal-għodod immirati lejn il-ġestjoni tar-riskju, bħal programmi bbażati fuq il-protezzjoni tal-marġini, fil-Pilastru 1 tal-PAK;

50.  Jenfasizza li, fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għadd ta' Stati Membri għażlu proċess ta' konverġenza interna mhux komplut u bil-mod li għal darb'oħra jiffavorixxi l-biedja ta' art b'altitudni baxxa li għandha kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin;

51.  Jiddefendi l-ħtieġa ta' rieżami tar-rekwiżiti għall-attivazzjoni ta' mekkaniżmu ta' stabilizzazzjoni tad-dħul disponibbli taħt l-Iżvilupp Rurali, peress li jqis li d-domanda għal telf ta' 30 % għall-aċċess għall-għajnuna Komunitarja hija eċċessiva;

Potenzjal għas-settur tal-UE tal-produzzjoni tal-ħalib fis-suq dinji

52.  Jirrimarka li d-domanda globali għall-prodotti magħmula mill-ħalib huwa mbassar li se jikber bi 2 % fis-sena, u dan joffri opportunitajiet għal prodotti li joriġinaw fl-UE, iżda jenfasizza li dawn l-opportunitajiet ta' esportazzjoni għandhom ikunu bilanċjati permezz ta' suq domestiku stabbli, peress li dan tal-aħħar jirrappreżenta iżjed minn 90 % tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib fl-Ewropa; madankollu, jinnota li s-suq huwa dejjem aktar iddominat mill-prodotti magħmula mill-ħalib imnixxef;

53.  Jirrimarka li l-UE tibqa' l-akbar importatur agrikolu fid-dinja u li t-tkabbir fil-produzzjoni tal-ħalib għall-esportazzjoni huwa dipendenti fuq l-importazzjoni ta' għalf u magħlef;

54.  Jissottolinja li negozjati kummerċjali bilaterali jistgħu jirrappreżentaw opportunitajiet strateġiċi għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE, li b'rabta magħhom huwa jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aktar fil-ftuħ ta' swieq ġodda f'pajjiżi terzi u fit-tneħħija ta' ostakli għall-kummerċ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra kif dovut it-tħassib dwar id-"denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO) jew l- "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u l-"ispeċjalità tradizzjonali garantita" (STG) matul in-negozjati kummerċjali, soġġett għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kwalità Ewropea u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà tal-produzzjoni u l-provvista ta' prodotti għall-konsumaturi;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa kontinwa tal-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' swieq ġodda, it-tkabbir tas-sehem tal-UE fis-suq globali, l-assigurazzjoni ta' aċċess ġust għall-esportaturi tal-UE u l-istimolu għat-tkabbir sostenibbli tal-esportazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu l-azzjoni meħtieġa u tipparteċipa b'mod aktar attiv fl-identifikazzjoni ta' swieq ġodda ta' esportazzjoni; huwa tal-fehma li għandhom jiġu esplorati opportunitajiet futuri permezz ta' titjib fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi u li l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib għandha tiġi dinamizzata, u jenfasizza l-importanza tal-għarfien tax-xejriet ta' konsum f'dawn is-swieq sabiex tinbena l-kapaċità għal reazzjonijiet f'waqthom għall-bidliet futuri;

56.  Jinnota, barra minn hekk, li l-kumpaniji tal-UE qed jiffaċċjaw kompetizzjoni minn ftit esportaturi globali b'saħħithom (New Zealand, l-Istati Uniti u l-Awstralja) li storikament kellhom aċċess għas-swieq Asjatiċi u li għandhom influenza deċiżiva fuq il-prezzijiet tas-suq dinji tal-prodotti magħmula mill-ħalib;

Skemi ta' promozzjoni u ta' kwalità

57.  Jirrimarka li s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib jista' jibbenefika minn inizjattivi ta' promozzjoni akbar fi swieq domestiċi u ta' pajjiżi terzi skont Miżuri Promozzjonali ġodda u jħeġġeġ lill-produtturi biex jieħdu sehem f'kampanji ġodda wara d-dħul fis-seħħ fl-2016 tar-regolamenti l-ġodda dwar il-promozzjoni, filwaqt li jitqies li żieda fl-appoġġ finanzjarju tal-UE huwa ppjanat;

58.  Jenfasizza li l-ħtieġa biex is-settur bl-akbar potenzjal għall-ħolqien ta' valur ma jinsabx biss fil-produzzjoni ta' prodotti mhux proċessati u jqis li għandu jsir użu sħiħ tal-miżuri ta' riċerka biex jiġu żviluppati prodotti magħmula mill-ħalib innovattivi fi swieq bi tkabbir għoli, bħal prodotti mediċinali nutrizzjonali u prodotti nutrizzjonali għat-trabi, għall-anzjani u għall-atleti;

59.  Jinnota li s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni: produttività u sostenibilità fil-qasam agrikolu (EIP-AGRI) taħt il-programm Orizzont 2020 jista' jappoġġa proġetti innovattivi li jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli u produttiva ħafna fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib sabiex jilħqu d-domanda globali fi prodotti magħmula mill-ħalib ta' valur għoli;

60.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-iskema ta' għajnuna għad-distribuzzjoni tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għoti ta' prijorità lill-prodotti lokali magħmula mill-ħalib u lill-ktajjen tal-provvista qosra, bil-ħsieb ta' kontribuzzjoni għall-promozzjoni ta' drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa fost il-konsumaturi Ewropej;

61.  Jinnota li s-settur s'issa mhux impenjat fl-iskemi ta' "denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO), "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u "speċjalità tradizzjonali garantita" (STG) b'mod sinifikanti u ugwali fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-aċċess u r-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni ta' dawn l-iskemi għal produtturi u negozji żgħar, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mal-proċess tal-applikazzjoni, li jinżammu bħala punt ta' riferiment tal-kwalità għal prodotti Ewropej, li qabel ma kinitx tiġi dubitata fost is-swieq tal-esportazzjoni tal-UE, u biex issir promozzjoni mmirata ta' attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni għal dawn il-prodotti;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli dwar ir-regolamentazzjoni tal-provvista tal-ġobon li għandu "denominazzjoni protetta ta' oriġini" jew "indikazzjoni ġeografika protetta", b'mod partikolari rigward il-kondizzjonijiet minimi meħtieġa għall-approvazzjoni ta' dawk l-iskemi;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippubblika malajr kemm jista' jkun ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, b'rabta mal-analiżi tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ħalib u ta' prodotti magħmula mill-ħalib; jiddispjaċih li l-Eżekuttiv tal-Komunità għadu ma ħejjiex dan ir-rapport, li kellu jiġi preżentat sal-31 ta' Diċembru 2014;

Ġestjoni tar-riskju fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib

64.  Jenfasizza li miżuri eżistenti ta' "xibka ta' sikurezza" bħal ma huma l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat biss mhumiex għodod suffiċjenti biex jindirizzaw volatilità persistenti jew kriżi fis-settur tal-ħalib; iżid li l-prezzijiet tal-intervent huma baxxi wisq, ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-prezzijiet kurrenti tas-suq u wrew li mhumiex effikaċi biex jiggarantixxu prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola adegwati u stabbli fuq perjodu twil ta' żmien;

65.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhux biss biex tindirizza t-tfixkil tas-suq attwali, iżda wkoll biex tieħu azzjoni immedjata biex tevita dan, inkluż f'każijiet fejn azzjoni tista' tipprevjeni milli tali theddid iseħħ, ikompli jew jinbidel fi tfixkil aktar serju jew imtawwal, jew fejn id-dewmien ta' azzjoni immedjata jhedded li jikkawża jew jaggrava t-tfixkil jew iwessa' l-firxa tal-miżuri li aktar tard ikunu meħtieġa biex it-theddid jew it-tfixkil jiġi indirizzat jew ikun ta' detriment għall-produzzjoni jew għall-kundizzjonijiet tas-suq;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati fis-settur u timplimenta dispożizzjonijiet ta' "xibka ta' sikurezza" aktar risponsivi u realistiċi bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, li jforni sikurezza fi kriżijiet fejn ikun hemm tnaqqis sostanzjali tal-prezzijiet tal-ħalib u żieda sostanzjali simultanja tal-prezzijiet ta' prodotti bażiċi li għandhom impatt gravi fuq il-marġni tad-dħul għall-bdiewa; jitlob intervent sabiex jiġi aġġornat biex jirrifletti l-ispejjeż tal-produzzjoni u jadatta għat-tibdil fis-suq;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta dispożizzjonijiet ta' "xibka ta' sikurezza" aktar reattivi u realistiċi, u biex il-prezz ta' intervent jirrifletti aħjar l-ispejjeż reali tal-produzzjoni u tal-prezzijiet reali tas-suq, u li jiġu adattati mat-tibdil fis-suq; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni sabiex minnufih tadatta l-prezzijiet ta' intervent; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li r-rifużjoni tal-esportazzjoni għandha tingħata lura temporanjament f'każ ta' kriżi tas-suq abbażi ta' kriterji oġġettivi;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu ffissati indikaturi dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni li jikkunsidraw l-ispejjeż tal-enerġija, il-fertilizzanti, l-għalf tal-annimali, is-salarji, il-kera u spejjeż tal-input ewlenin oħrajn, u biex jiġu riveduti l-prezzijiet ta' referenza kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex tiddefinixxi indiċi tas-suq li jinkludi x-xejra fi kwotazzjonijiet tal-prodotti, il-prezzijiet tal-ħalib u l-ispejjeż ta' produzzjoni;

69.  Jissottolinja li l-esperjenza attwali tal-embargo Russu turi li huwa mixtieq li jkun hemm linji gwida li jkunu diskussi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament u li jservu bħala gwida għall-attivazzjoni ta' miżuri;

70.  Jissottolinja l-importanza ta' strument għall-kriżijiet aktar reattiv u realistiku, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament bħala koleġiżlatur, timpenja ruħha mas-settur dwar il-possibilità tal-użu ta' strumenti ta' ġestjoni tar-riskju bħal swieq tal-futuri biex jittieħed vantaġġ tal-volatilità fis-settur sabiex tiżdied il-kompetittività tiegħu; iqis li strumenti ġodda ta' stabilizzazzjoni tal-introjtu għandhom jiġu studjati wkoll, bħal assigurazzjoni fuq id-dħul jew l-implimentazzjoni ta' Programm ta' Protezzjoni tal-Marġni tal-produzzjoni tal-ħalib;

71.  Jitlob li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u ma' parteċipanti mis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, tiżviluppa strumenti effikaċi u adegwati sabiex tissalvagwardja kontra nżul sinifikanti f'daqqa fil-prezz tal-ħalib;

Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-prodotti magħmula mill-ħalib

72.  Jenfasizza li l-produtturi tal-ħalib, b'mod partikolari tal-produtturi tal-ħalib fuq skala żgħira, huma partikolarment vulnerabbli għal żbilanċi fil-katina tal-provvista, b'mod partikolari minħabba l-fluttwazzjonijiet fid-domanda, l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola li qed jonqsu, iżda wkoll minħabba l-prijoritajiet ekonomiċi f'kull Stat Membru; iqis li l-pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet mill-bejjiegħa bl-imnut minn tikkettar ta' marka proprja u l-użu persistenti tal-ħalib likwidu għall-bejgħ b'kost mill-bejjiegħa bl-imnut, jimminaw ix-xogħol u l-investiment tal-produtturi fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u jnaqqsu l-valur tal-prodott aħħari għall-konsumatur; jiddefendi l-ħtieġa tal-introduzzjoni ta' kodiċijiet ta' prattika tajba bejn id-diversi parteċipanti fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu mekkaniżmi li b'mod effikaċi jipproteġu lill-bdiewa minn abbuż mill-industrija u mid-distributuri u mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq bl-imnut, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha dwar it-trażżin ta' prattiki kummerċjali inġusti kemm jista' jkun malajr u biex tikkunsidra approċċ speċifiku għas-settur rigward il-liġi tal-kompetizzjoni u prattiki kummerċjali inġusti;

73.  Iqis li l-prattiki kummerċjali inġusti jirrestrinġu serjament il-ħila tas-settur li jinvesti u jadatta, u li huwa neċessarju li dawn jiġu miġġielda kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri;

74.  Jinnota li l-produtturi tal-ħalib se jkunu f'pożizzjoni ferm aktar dgħajfa mingħajr programm kontra l-kriżi, filwaqt li l-industrija tal-ħalib u gruppi korporattivi kbar tal-ikel se jingħataw aktar setgħa;

75.  Jitlob għal inklużjoni akbar tal-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-organizzazzjonijiet tagħhom f'mekkaniżmi ta' ġestjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel, gruppi u inizjattivi;

o
o   o

76.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0577.
(4) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 58
(5) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 20.
(6) ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.
(7) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


L-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati
PDF 475kWORD 147k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE (2014/2233(INI))
P8_TA(2015)0250A8-0182/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet rispettivi tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011)0896), dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (COM(2011)0895), u dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (COM(2011)0897),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni bit-titolu "Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati" (COM(2009)0615), "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263), "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020" (COM(2010)0612), "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi" (COM(2012)0173) u "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija EWROPA 2020(4), tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(5), u tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati u l-liġi Komunitarja dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 tal-EIM għall-Kummissjoni intitolat "Internationalisation of European SMEs" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej),

–  wara li kkunsidra l-paragrafu 5 tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491), il-Prinċipji tal-UN Women fil-qasam tal-Emanċipazzjoni tan-Nisa varati f'Marzu 2010, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009, u l-paragrafu 46 tad-dokument finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta' Mejju 2012 bit-titolu "Principles for Public Governance of Public-Private Partnerships"(Prinċipji għal Governanza Pubblika tas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati)(7), il-Konvenzjoni tal-1997 tal-OECD dwar il-ġlieda kontra t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, aġġornati f'Mejju 2011(8),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-Guidebook on Promoting Good Governance in Public-Private Partnerships (Manwal dwar il-Promozzjoni tal-Governanza Tajba fis-Sħubijiet Pubbliċi-Privati) tal-2008 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa(9),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Legislative Guide on Privately Financed Infrastructure Projects"(Gwida Leġiżlattiva dwar il-Proġetti ta' Infrastruttura Finanzjati mis-Settur Privat) tal-2001(10)tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Dritt Kummerċjali Internazzjonali (UNCITRAL), u d-dokumenti ppreżentati matul il-Kollokwiju Internazzjonali dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati tal-UNCITRAL li ttella' fi Vjenna fit-2-3 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-CAF tal-2010 bit-titolu "Infraestructura pública y participación privada: conceptos y experiencias en América y España" (Infrastruttura Pubblika u Parteċipazzjoni Privata: Kunċetti u Esperjenzi fl-Amerika u fi Spanja),

–  wara li kkunsidral-"Public-Private Partnerships Reference Guide: Version 2.0"(Gwida ta' Riferiment għas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati: Verżjoni 2.0) ta' Lulju 2014 prodott mill-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), mill-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp (IDB), mill-Grupp tal-Bank Dinji u mill-Public-Private Infrastructure Advisory Facility (Faċilità Pubblika-Privata ta' Konsulenza dwar l-Infrastrutturi) (PPIAF)(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0182/2015),

A.  billi s-soċjetajiet u l-istrutturi ekonomiċi tal-pajjiżi, u d-dinamiżmu tagħhom, jibbenefikaw minn kuntesti li jippermettu interazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat kif ukoll kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati bis-saħħa ta', ngħidu aħna, inizjattivi u impriżi konġunti;

B.  billi, minkejja li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma strument fit-tul użat fil-politiki governattivi fil-livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali, la teżisti definizzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali u lanqas qafas ta' regolamentazzjoni komprensiv għalihom; billi, fil-prattika, bi sħubijiet pubbliċi-privati dak li jkun jifhem spettru wiesa' u varjat ta' relazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi (gvernijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali jew taħlita tagħhom) u atturi privati (kumpaniji jew entitajiet mingħajr skop ta' lukru) u s-soltu jimplikaw il-forniment min-naħa tas-settur privat tal-infrastrutturi jew l-assi normalment fornuti mill-gvernijiet;

C.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati huma importanti inkwantu mutur għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi kemm fis-suq uniku kif ukoll 'il barra minnu, u jiżvolġu rwol strateġiku fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, b'mod partikolari tal-infrastruttura enerġetika, tal-ilma, stradali u diġitali; billi l-kumpaniji tal-UE huma mgħammra sew biex jikkompetu għal tali arranġamenti u biex iwettqu l-operat tagħhom;

D.  billi l-arranġamenti tas-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jieħdu diversi forom, u l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku tistabbilixxi standards proċedurali għoljin; billi din il-leġiżlazzjoni ġiet riveduta u kkonsolidata fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku, fid-Direttiva 2014/23/UE dwar il-konċessjonijiet, u fil-qafas tal-linji gwida dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati;

E.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati għall-forniment ta' infrastruttura, beni u servizzi bażiċi huma teknikament kumplessi;

F.  billi l-kriżi ekonomika globali ilha mill-2007 tolqot b'mod gravi lill-pajjiżi kollha, kemm dawk maturi, dawk emerġenti kif ukoll dawk li qegħdin jiżviluppaw u ħalliet impatt fuq il-politiki baġitarji u fuq l-aċċess kemm tal-entitajiet istituzzjonali kif ukoll ta' dawk privati, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għall-fondi neċessarji biex isiru l-proġetti, b'effetti fuq l-iżvilupp tal-infrastrutturi u proġetti b'intensità għolja ta' kapital u l-forniment tas-servizzi bażiċi;

G.  billi, minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji pubbliċi aggravati mill-kriżi ekonomika u tad-dejn pubbliku, numru dejjem akbar ta' gvernijiet qegħdin jadottaw soluzzjonijiet innovattivi bħas-sħubijiet pubbliċi-privati li, jekk jiġu implimentati sewwa, jistgħu jgħinu biex ikun hemm titjib fl-ispejjeż, fl-effikaċja, fl-effiċjenza u fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi u jiġi żgurat il-forniment puntwali tal-infrastrutturi pubbliċi, bl-involviment adegwat tal-atturi pubbliċi u privati;

H.  billi l-impatt pożittiv tal-sħubijiet pubbliċi-privati jirriżulta minn twettiq imtejjeb ta' proġetti, proporzjon tajjeb tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż, il-possibilità għal finanzjament fit-tul tal-ispejjeż, l-istimolu previst għall-innovazzjoni u r-riċerka u ambjent ta' ġestjoni aktar flessibbli u kkwalifikat;

I.  billi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investimenti mhijiex fini fiha nnifisha iżda strument li għandu joħloq il-ġid u jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-popolazzjoni dinjija, u billi, f'dan il-kuntest, hemm opportunità li jiġu żviluppati politiki innovattivi – flimkien ma' strumenti ġodda, bħall-istrumenti finanzjarji li tfasslu reċentement u xibka ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles utli għall-gvernijiet tal-pajjiżi terzi intiżi li jiggarantixxu l-forniment ta' infrastrutturi, beni u servizzi ta' interess ġenerali – filwaqt li tkun prevista aktar parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji tal-UE, jew titwitta t-triq għaliha, fil-proġetti ta' investimenti barranin li jlaqqgħu lill-kumpaniji privati mal-entitajiet pubbliċi;

J.  billi s-sħubijiet pubbliċi-privati huma karatterizzati minn ċiklu tal-ħajja twil li kultant jestendi minn 10 sa 30 sena, u billi ċ-ċiklu tal-ħajja tas-sħubijiet pubbliċi-privati għandu jkun sinifikanti u konsistenti mal-objettivi mfittxija f'termini ta' xogħol, beni u servizzi li għandhom jiġu fornuti, mingħajr distorsjoni artifiċjali tal-kompetizzjoni jew ħolqien ta' spejjeż ogħla u piż żejjed għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-kontribwenti;

K.  billi l-politika kummerċjali tal-UE ma għandha la tinkoraġġixxi u lanqas tiskoraġġixxi d-deċiżjoni sovrana dwar ir-rikors jew le għal sħubija pubblika-privata, iżda, ladarba tittieħed id-deċiżjoni, l-UE għandha obbligu li tiżgura li l-impriżi l-kbar, ta' daqs medju u ż-żgħar kif ukoll l-impriżi mikro jkollhom l-aħjar aċċess possibbli għas-swieq tal-akkwist fil-pajjiżi sħab, b'hekk jinġieb valur miżjud għall-komunità lokali, konformement mal-prinċipji ta' ftuħ, parteċipazzjoni, obbligu ta' rendikont, effikaċja u koerenza fil-politiki;

L.  billi l-fatt li s-settur privat x'aktarx jissottovaluta l-infrastrutturi soċjali u l-kopertura li joffri, il-kostijiet konsiderevoli assoċjati mal-forniment tal-infrastrutturi, il-pożizzjoni ta' ċerti setturi inkwantu monopolji naturali jew l-importanza strateġika tagħhom ifissru li, f'bosta każijiet, il-kompetizzjoni miftuħa u l-privatizzazzjoni mhumiex l-għażla politika l-aktar adatta meta jeħtieġ li jipprevali l-interess pubbliku;

M.  billi l-iskop tas-sħubijiet pubbliċi-privati huwa għaldaqstant dak li jgħaqqad bl-aħjar mod iż-żewġ sferi – il-forniment tas-servizzi u tal-infrastrutturi ta' interess ġenerali, iżda permezz tal-parteċipazzjoni msaħħa tas-settur privat pjuttost milli permezz tal-proċessi ta' privatizzazzjoni;

N.  billi ħafna pajjiżi emerġenti u dawk li qegħdin jiżviluppaw quddiemhom għandhom skwilibriju bejn id-dinamiżmu tal-impriżi privati u n-nuqqas ta' infrastrutturi pubbliċi affidabbli; billi tali skwilibriji (li huma lampanti fl-Indja jew fil-Brażil) imminaw it-tkabbir potenzjali, peress li limitaw il-kapaċitajiet tal-esportazzjoni/importazzjoni jew fixklu l-linji tal-produzzjoni minħabba l-assenza ta' biżżejjed infrastrutturi portwarji, nuqqasijiet tat-trasport intern (ferroviji, merkanzija jew awtostradi) jew impjanti tal-ġenerazzjoni u grilji tad-distribuzzjoni tal-elettriku li ma jaħdmux sewwa; billi dawn l-iskwilibriji għandhom ukoll impatt negattiv fuq il-benesseri tal-bniedem (minħabba l-iskarsezza tad-dranaġġ u tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-ilma); billi s-sħubijiet pubbliċi-privati jippermettu soluzzjonijiet integrati li bis-saħħa tagħhom sieħeb jew konsorzju jforni l-"bini" (servizzi ta' kostruzzjoni, inġinerija u arkitettura), il-"finanzjament" (injezzjoni ta' fondi privati, almenu għall-prefinanzjament ta' proġett) u l-"isfruttament" (servizzi ta' manutenzjoni, sorveljanza u ġestjoni);

O.  billi anke l-organizzazzjonijiet intergovernattivi rrikorrew għas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jiddedikaw għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati permezz ta' sħubijiet li joperaw fil-qasam tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni: il-Bank Dinji, il-banek ta' rikostruzzjoni reġjonali, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) u oħrajn, irrikorrew għas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jattwaw l-azzjonijiet; billi, fir-rigward tal-orjentament ġeografiku, l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun, il-Malasja, Singapore, l-Emirati Għarab Magħquda u pajjiżi oħrajn tal-Asja u tal-Amerka Latina (in primis iċ-Ċilì) ilkoll għandhom esperjenza bis-sħubijiet pubbliċi-privati; billi l-pajjiżi tal-OECD (il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja) ukoll għandhom leġiżlazzjoni rilevanti; billi r-Renju Unit għandu l-aktar programm żviluppat fir-rigward tas-sħubijiet pubbliċi-privati (bl-Inizjattiva ta' Finanzjament Privat tirrappreżenta madwar 20 % tal-investiment pubbliku); billi l-UE tinsab fuq quddiem nett fis-suq tal-infrastrutturi tas-sħubijiet pubbliċi-privati, inkwantu tikkonċentra aktar minn 45 % tal-valur nominali tas-sħubijiet pubbliċi-privati;

P.  billi sar rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati fil-kuntest tal-Fondi Strutturali, tat-tkabbir, tan-netwerks trans-Ewropej, tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, tal-istrateġija Ewropa 2020, tar-R&Ż (fabbriki għall-futur, bini enerġetikament effiċjenti, l-inizjattiva għall-karozzi ekoloġiċi, industrija bi proċessi sostenibbli, il-fotonika, ir-robotika, kompjuters bi prestazzjonijiet għoljin u n-netwerks 5G), tat-tagħlim elettroniku, tal-proġetti ta' riċerka mal-universitajiet u ta' programmi oħrajn fil-qasam tas-saħħa (bħall-inizjattiva tal-mediċini innovattivi); billi l-Bank Ewropew tal-Investiment u ċ-Ċentru Ewropew għall-Konsulenza dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (European PPP Expertise Centre) wettqu proġetti fl-UE, fil-viċinat tagħha u lil hinn; billi l-UE kkontribwiet ukoll bis-saħħa tal-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli; billi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biħsiebu jsostni għadd ta' sħubijiet pubbliċi-privati fl-UE, li fihom jistgħu jieħdu sehem il-kumpaniji tas-sħab kummerċjali;

Q.  billi l-UE s'issa żammet is-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha miftuħin beraħ għall-kompetizzjoni internazzjonali u stabbiliet regoli li jimmiraw li jiggarantixxu kompetizzjoni awtentika u ġusta fis-suq uniku u li jippermettu lill-investituri internazzjonali jikkompetu f'kundizzjonijiet ta' parità; billi fi ħdan l-UE ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni abbażi tas-sjieda jew tal-kontroll barranin, u billi l-kumpaniji li ġejjin minn barra jistgħu joħolqu bażi lokali biex jieħdu sehem fis-sħubijiet pubbliċi-privati;

R.  billi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE fihom dispożizzjonijiet li jwittu t-triq għall-kumpaniji biex jitfgħu l-offerti għas-sħubijiet pubbliċi-privati permezz tal-aċċess għas-suq u l-prestabbiliment; billi t-trattament u l-possibilitajiet miftuħa fir-rigward tal-Korea, tal-Kolombja/Perù, tal-Amerka Ċentrali, ta' Singapore u tal-Kanada (kif ukoll tal-Vjetnam u tal-Ġappun) huma definiti b'mod differenti u speċifiku; billi jeħtieġ li jkun hemm approċċ relattivament flessibbli fir-rigward tan-negozjati mas-sħab differenti; billi, madankollu, l-għan għandu jibqa' jkun dak li tingħata għajnuna għat-trawwim ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, sostenibilità ambjentali, demokrazija u governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' standards ta' protezzjoni rikonoxxuti fuq livell internazzjonali kif ukoll il-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi; billi, fil-livell multilaterali, il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) jistabbilixxu wkoll għadd ta' impenji, kif ukoll strumenti plurilaterali oħrajn bħall-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA); billi l-klima fl-UE qiegħda għalhekk issir dejjem iktar kompetittiva;

Kuntest

1.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu stimolati l-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi, il-kompetittività u l-produttività fl-UE u fil-pajjiżi terzi permezz ta' politiki innovattivi u strumenti ġodda maħsuba biex jinkoraġġixxu l-attività tal-atturi ekonomiċi biex it-tkabbir sostenibbli jerġa' jiġi fuq saqajh anki bis-saħħa ta' investimenti barra mis-suq uniku; jemmen li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu – fost bosta għażliet oħrajn – għajn potenzjali ta' tkabbir għall-kumpaniji tal-UE u, kontemporanjament, utli għall-pajjiżi terzi sħabna, billi tali sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jfornu infrastrutturi, beni u servizzi ta' interess ġenerali;

2.  Ifakkar li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom joffru valur miżjud għoli liċ-ċittadini u lill-konsumaturi, jiżguraw servizzi u/jew beni ta' kwalità u jipprovdu vantaġġi kompetittivi u ekonomiċi konkreti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll f'dak lokali, filwaqt li jevitaw li joħolqu piż addizzjonali jew telf għas-settur pubbliku;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi definizzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati li tkun tista' takkwista rikonoxximent internazzjonali bħala relazzjoni fit-tul bejn l-entitajiet pubbliċi u l-investituri privati orjentata lejn il-forniment ta' servizzi u infrastrutturi pubbliċi ta' kwalità għolja u aċċessibbli abbażi ta' pattijiet u kundizzjonijiet stabbiliti b'mod ċar fil-kuntratti, li r-rispett tagħhom jista' jkun faċilment valutat bis-saħħa ta' indikaturi li jiggarantixxu li tali rispett jiġi premjat b'rimunerazzjoni ġusta u xierqa;

4.  Josserva li kemm l-SMEs kif ukoll il-kumpaniji l-kbar ilkoll jistgħu offru kompetenzi, esperjenza u prattiki tajba uniċi tas-settur privat, kif anki netwerks li jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiżi mhux membri tal-UE u li jgħinu b'mod effikaċi biex il-politiki fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli jħallu l-frott; iqis li l-SMEs jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom bl-aħjar mod jekk joħolqu netwerks u joperaw fuq livell globali kif ukoll jidħlu fi swieq barra mill-Ewropa, fost oħrajn permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippromwovi u tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' konsorzji u forom oħrajn ta' kooperazzjoni bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs bil-għan li jkun aġevolat l-aċċess ta' dawn tal-aħħar għall-proġetti ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

5.  Jenfasizza li l-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi-privati jrid jieħu kont, b'mod partikolari, tal-isfidi għall-SMEs ibbażati fl-UE li jikkompetu fis-swieq internazzjonali fil-kuntest ta' sħubija pubblika-privata kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-SMEs jiksbu aċċess konkret, ġust u reċiproku, notevolment fis-settur tas-servizzi pubbliċi, kif stabbilit fid-Direttiva 2014/25/UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' regoli speċifiċi li jippermettu offerta kollettiva (fi clusters) jew raggruppata mill-SMEs u l-użu ta' ktajjen ta' sottokuntrattar miftuħa u trasparenti;

Sfidi

6.  Iqis bħala deplorevoli li, sal-lum, l-UE żammet is-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha konsiderevolment miftuħin għall-kompetizzjoni internazzjonali, mentri l-kumpaniji tal-UE għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli sostanzjali barra mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jkun fihom strumenti biex il-kumpaniji tagħna, speċjalment l-SMEs, jikkompetu barra f'kundizzjonijiet indaqs mal-kumpaniji nazzjonali barranin; jesiġi wkoll regolamentazzjoni ċara tal-informazzjoni dwar l-appalti u l-kriterji ta' aġġudikazzjoni kif ukoll aċċess faċli għaliha, u t-tneħħija tal-ostakli kummerċjali diskriminatorji u inġustifikati fil-qasam tal-akkwist tal-gvern, tas-servizzi jew tal-investimenti (bħad-diskriminazzjoni fiskali, l-ostakli regolatorji għall-istabbiliment ta' fergħat jew sussidjarji u restrizzjonijiet tal-aċċess għall-finanzjamenti); jistieden lill-pajjiżi sħabna japplikaw il-prinċipji ta' gvern miftuħ bil-għan li tkun garantita t-trasparenza u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, u jirrikorru għall-prattika ta' sħubijiet pubbliċi-privati b'kawtela, filwaqt li jqisu mhux biss l-analiżijiet tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż u l-fattibilità tal-proġetti, iżda wkoll il-kapaċità finanzjarja u teknika tal-awtoritajiet pubbliċi biex jissorveljaw il-forniment tas-servizzi jew tal-infrastrutturi konformement mal-interess pubbliku ġenerali;

7.  Jikkonstata li l-isfidi marbuta mas-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu mvinċija bis-saħħa tal-prinċipji tal-governanza tajba, bħat-trasparenza u ċ-ċarezza tar-regoli, u dawn l-aspetti huma fundamentali f'dan ir-rigward: l-għoti, l-eżekuzzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġetti mill-fażijiet inizjali; it-tiswir u d-definizzjoni tat-trasferiment tar-riskju (partikolarment l-evalwazzjoni tal-kosteffikaċja f'terminu medju u twil); il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi; il-kapaċità finanzjarja u teknika tal-amministrazzjoni responsabbli biex tippjana u twettaq superviżjoni b'mod adegwat tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti; u t-tisħiħ taċ-ċertezza tad-dritt, fi ħdan qafas li jiggarantixxi l-eżerċizzju min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi tal-poteri leġittimi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri (li huma partijiet essenzjali f'dan ir-rigward) jippromwovu dawn il-prinċipji u l-prattiki tajba relatati lil hinn mill-fruntieri tagħna;

8.  Ifakkar li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma karatterizzati mill-valur għoli u mill-kumplessità teknika tagħhom, u mill-impenn fit-tul tal-partijiet; jinnota li, konsegwentement, jeħtieġu livelli xierqa kemm ta' flessibilità kif ukoll ta' salvagwardji proċedurali biex jiżguraw trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali;

9.  Ifakkar li hemm numru ta' riskji inerenti fil-proġetti infrastrutturali (b'mod partikolari dawk relatati mal-bini, l-ambjent, it-telekomunikazzjonijiet u n-netwerks tal-enerġija) u li l-gvern, permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati, jittrasferixxi parti mir-riskju lill-kuntrattur privat sabiex it-tnejn li huma jkunu jistgħu jiksbu l-benefiċċji iżda wkoll jaqsmu r-riskji u r-responsabilitajiet ta' tali proġetti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-qsim adegwat tar-riskju huwa essenzjali sabiex jitnaqqsu l-kostijiet ta' proġett u jiġu żgurati l-implimentazzjoni b'suċċess u l-fattibilità tiegħu;

10.  Ifakkar li l-forniment ta' servizzi ta' kwalità għolja, aċċessibbli u kosteffikaċi għall-pubbliku, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, huwa kundizzjoni essenzjali biex jiġu żgurati implimentazzjoni ta' suċċess u l-fattibilità tas-sħubijiet pubbliċi-privati; ifakkar li l-għażla kumplessa tal-mudelli u tal-kuntratti tħalli impatt fuq l-evoluzzjoni ta' proġett; iwissi li, f'ċerti fażijiet, ir-rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati sar sempliċement biex jinkiseb l-objettiv ta' konformità formali mal-objettivi tad-defiċit pubbliku; jenfasizza l-bżonn ta' qafas istituzzjonali adegwat li jgħaqqad l-impenn politiku, il-governanza tajba u l-leġiżlazzjoni adegwata sottostanti biex ikun garantit il-fatt li s-sħubijiet pubbliċi-privati joffru kwalità aħjar u kopertura wiesgħa tas-servizzi liċ-ċittadini; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' evalwazzjoni adegwata tal-profil u tal-esperjenzi tal-passat tal-kumpaniji involuti biex jiddeterminaw il-kwalità tas-servizzi fornuti u jekk ġabux ruħhom b'mod responsabbli fl-attivitajiet tagħhom;

Involviment tas-settur privat fl-iżvilupp

11.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE fil-qasam tal-kummerċ, tal-investiment u tal-iżvilupp huma interkonnessi u li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi l-prinċipju tal-politika ta' koerenza għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-politiki tal-investiment tal-UE huma orjentati lejn għażliet finanzjarji li jinkludu valutazzjoni reali tal-impatt soċjali;

12.  Jisħaq fuq il-potenzjal krexxenti tas-sħubijiet pubbliċi-privati, bħala għażla fost oħrajn, għat-trawwim tas-soluzzjonijiet innovattivi u għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjamenti privati fit-tul u r-riżorsi nazzjonali għall-ilħuq tal-objettivi ta' żvilupp, fid-dawl tal-fatt li jinħtieġu investimenti enormi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – f'termini ta' infrastrutturi, provvista tal-ilma u enerġija – li s-settur pubbliku mhuwiex se jkun kapaċi jforni waħdu, u l-maġġoranza tagħhom se jisiltu qligħ mill-involviment tas-settur privat; jemmen li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu wkoll jiġġeneraw l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli ta' negozju, u jibnu mekkaniżmi li jesiġu rendikont mis-settur privat; jiġbed l-attenzjoni iżda għall-fatt li jeżistu każijiet li fihom il-parteċipazzjoni tas-settur privat fis-sħubijiet pubbliċi-privati f'ċerti pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ma tatx ir-riżultati mistennija; josserva li, b'konsegwenza ta' dan, hemm bżonn kontribut ta' assistenza teknika bil-għan li jissaħħu l-oqfsa ġuridiċi u istituzzjonali li fihom huma żviluppati s-sħubijiet pubbliċi-privati, partikolarment fir-rigward tal-kapaċità ta' evalwazzjoni, ippjanar, superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' ċerti proġetti b'mod korrett, u joffri lis-sħab pubbliċi l-għażla li jitolbu indennizz mill-kumpaniji privati f'każ ta' nonkonformità mal-kuntratt;

13.  Josserva li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma prijorità fl-aġenda tal-iżvilupp u kulma jmur qegħdin ikunu aktar promossi bħala mezzi biex jagħlqu d-distakk fil-finanzjament tal-infrastrutturi fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qegħdin jiżviluppaw;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-prospettiva tax-xewqa tagħha li testendi b'mod konsiderevoli l-użu tal-finanzjamenti mħallta fis-snin li ġejjin, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tal-finanzjamenti mħallta u tivvaluta l-mekkaniżmu għat-taħlit tas-self u l-għotjiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, it-trasparenza u r-responsabilità;

15.  Jistieden lill-korpi tal-UE jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-UE fis-sħubijiet pubbliċi-privati fil-pajjiżi terzi, partikolarment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex jaħdmu fir-rispett tal-prinċipju tal-koerenza politika, konformement mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, bil-għan li jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-investimenti sostenibbli u tqis l-objettivi ta' żvilupp billi tagħti prijorità b'mod partikolari lill-iżvilupp fit-tul tal-ekonomiji nazzjonali u tippromwovi l-proġetti inċentrati pereżempju fuq il-ħarsien tal-ambjent, it-tnaqqis tal-faqar, l-edukazzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart jew l-użu tal-enerġiji rinnovabbli;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp, is-sħubijiet pubbliċi-privati jirrappreżentaw mod effikaċi kif jintefqu l-fondi Ewropej filwaqt li jiġu sostnuti l-prijoritajiet tal-UE u l-koerenza ma' politiki oħrajn; jappella għal aktar involviment u investiment min-naħa tal-Kummissjoni fis-sħubijiet pubbliċi-privati fil-qasam tal-iżvilupp, u biex isir rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati bħala mutur li jippermetti l-estensjoni tal-baġit limitat tal-Unjoni ddedikat għall-iżvilupp;

17.   Jissottolinja l-fatt li l-investimenti u l-finanzi privati x'aktarx huma l-mutur ewlieni għat-tkabbir sostenibbli, li fis-snin li ġejjin huwa mbassar li jkun madwar 5 % fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jirrikonoxxi li finanzjamenti privati bħal dawn jistgħu jgħinu biex jappoġġaw ekonomiji u kumpaniji lokali u jipprovdu impjiegi dinjitużi, u għalhekk iwasslu għall-qerda tal-faqar, kemm-il darba li l-investiment dirett barrani jkun regolat kif xieraq u marbut ma' titjib konkret fl-ekonomiji tal-pajjiżi sħab, eż. permezz ta' trasferimenti ta' teknoloġija u opportunitajiet ta' taħriġ għall-forza tax-xogħol lokali; jikkunsidra, f'dawn iċ-ċirkostanzi, li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-pajjiżi l-anqas żviluppati peress li r-riskju sproporzjonat tal-investiment ma jinċentivax biżżejjed lill-investimenti privati; jenfasizza li s-sħubijiet pubbliċi-privati futuri fi ħdan l-aġenda tal-iżvilupp ta' wara l-2015 għandhom ikollhom l-objettiv li jnaqqsu l-faqar u objettivi oħrajn għal żvilupp sostenibbli u għandhom jiġu allinjati mal-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab;

18.  Jikkonstata li s-sħubijiet pubbliċi-privati li jkunu strutturati sewwa u implimentati b'mod effikaċi jista' jkollhom ħafna benefiċċji, fosthom l-innovazzjoni, effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u aċċertament tal-kwalità u skrutinju; jikkonstata wkoll li s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġ li jiġu analizzati abbażi tal-kapaċità tagħhom li jagħtu riżultati ta' żvilupp, u li hemm bżonn ta' tqassim ġust tal-piż tar-riskju bejn is-settur pubbliku u dak privat; jenfasizza li s'issa s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma l-aktar ikkonċentrati fis-setturi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet, mentri l-involviment privat fl-infrastruttura soċjali għadu rari; jinkoraġġixxi għalhekk lil dawk is-sħubijiet pubbliċi-privati li għandhom il-ksib ta' għanijiet ta' żvilupp sostenibbli bħala l-għan primarju tagħhom;

19.  Jappella biex tingħata aktar assistenza teknika – inkluż it-taħriġ ta' persunal lokali u l-kondiviżjoni tat-teknoloġija – lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab sabiex jagħtu spinta lill-kapaċità tagħhom li jaffermaw s-sjieda ta' sħubijiet pubbliċi-privati u jassumu sehemhom tar-responsabilità għall-ġestjoni tal-proġetti ta' sħubijiet pubblika-privata,fost l-oħrajn billi jingħataw l-għajnuna ħalli jistabbilixxu sistemi bankarji u amministrazzjonijiet tat-taxxa kapaċi jagħtu governanza finanzjarja għall-fondi pubbliċi u privati kif ukoll il-ġestjoni tagħhom; jirrimarka li, f'xi każijiet, l-esperjenza tal-passat turi li l-kuntratti ta' sħubijiet pubbliċi-privati li mhumiex innegozjati sew jistgħu jżidu l-pożizzjoni ta' dejn tal-Istat, u jappella biex ikun stabbilit qafas regolatorju dwar il-finanzjament responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tipprovdi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw assistenza teknika u pariri dwar kif jippreparaw u jimplimentaw l-istandards tal-UE fis-swieq tagħhom;

20.  Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u 'l barra minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri politiċi u leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, anki fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja;

21.  Jenfasizza li l-aġenziji għall-iżvilupp għandhom jiżguraw li l-finanzjament għall-iżvilupp pubbliku jintuża biex jappoġġa n-netwerks ekonomiċi lokali f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ma jiġix devjat biex jippromwovi kumpaniji privati u kumpaniji multinazzjonali mill-pajjiżi donaturi; jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità ta' impriżi nazzjonali mikro, żgħar u ta' daqs medju;

22.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħha; jappella biex id-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fl-ippjanar u fit-twettiq ta' sħubijiet pubbliċi-privati, eż. bl-użu ta' data diżaggregata skont is-sessi u analiżijiet għal investimenti mmirati u billi fil-kuntratti jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal benefiċċji għan-nisa; jappella, f'dan il-kuntest, għal żieda fl-appoġġ għall-SMEs lokali, speċjalment għall-imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

Strumenti potenzjali intiżi li jippermettu lill-kumpaniji tal-UE jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati barra mill-UE

23.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tikseb impenji sostanzjali marbuta mal-aċċess għas-swieq fuq livell internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u fin-negozjati bilaterali li għaddejjin mal-pajjiżi terzi, f'approċċ pożittiv u reċiproku li jippermetti l-kompetizzjoni internazzjonali, bil-għan li jitranġaw l-asimmetriji bejn l-UE u s-sħab kummerċjali l-oħrajn fir-rigward tal-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex telimina l-ostakli amministrattivi, proċedurali u tekniċi li jimpedixxu lill-kumpaniji tal-UE milli jieħdu sehem fi sħubijiet pubbliċi-privati barranin;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, hija u tinnegozja l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment ma' pajjiżi oħra, tappoġġa t-tneħħija tal-ostakli għall-kumpaniji tal-UE, u b'mod partikolari għall-SMEs, sabiex dawn ikunu jistgħu jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati f'dawn il-pajjiżi u tappoġġa l-mobilità professjonali taċ-ċittadini tal-UE f'dawn l-Istati, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jikkompetu f'kundizzjonijiet ta' parità mal-kumpaniji nazzjonali u kumpaniji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ tal-impriżi tal-UE li joperaw barra minnha u tislet konklużjonijiet mill-każijiet li rnexxew, mill-mudelli u mill-prattiki tajba, bil-għan li tfassal linji gwida, u tikkunsidra li toħloq ċentri ta' dokumentazzjoni jew osservatorji virtwali biex tiffaċilita l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' pjattaformi u netwerks faċli biex jintużaw biex tippromwovi djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati u tforni sostenn tekniku fir-rigward tal-qafas ġuridiku u tal-isfidi mistennija; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti tal-ftehimijiet ta' kummerċ ħieles u dwar l-implimentazzjoni tagħhom fuq l-aċċess għal sħubijiet pubbliċi-privati barranin min-naħa tal-kumpaniji tal-UE; jemmen li tali studju jista' jagħti tagħrif dwar l-impatti konkreti tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-qasam tas-sħubijiet pubbliċi-privati u, fl-aħħar mill-aħħar, jippermetti l-identifikazzjoni tal-ostakli li għadhom ma ġewx indirizzati;

26.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' regoli tal-kontabilità ċari u komprensivi fuq livell internazzjonali biex jitnaqqsu l-inċertezzi assoċjati mas-sħubijiet pubbliċi-privati, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġu promossi politiki baġitarji sodi u s-sostenibilità tal-proġetti;

27.   Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-korpi appoġġati mill-UE bħall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Impriżi Żgħar u Medji (EASME) u n-Netwerk Enterprise Europe (EEN) ikunu jistgħu wkoll ikollhom aċċess u jaqsmu informazzjoni mal-SMEs dwar il-mod kif jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati fi Stati barra mill-UE u l-mod kif jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju fi sħubijiet pubbliċi-privati fil-pajjiżi terzi;

28.  Jissottolinja l-fatt li biex jinġibdu fondi transfruntieri mis-settur privat fis-sħubijiet pubbliċi-privati, huwa importantissmu li jingħataw biżżejjed garanziji li tali investimenti fit-tul se jibbenefikaw minn kuntest ċar, stabbli u sigur b'governanza tajba, ċertezza tad-dritt, trasparenza, trattament indaqs, nondiskriminazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkollaboraw għal dan il-għan fil-fora internazzjonali kompetenti kif ukoll fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ħalli jiggarantixxu l-eżistenza ta' qafas ġuridiku neċessarju f'dan il-kuntest u li jkun trasparenti, demokratiku, inklużiv, effikaċi u kosteffiċjenti;

Sħubijiet pubbliċi-privati barra mill-UE: impjiegi u opportunitajiet ta' tkabbir ġodda għall-kumpaniji tal-UE

29.  Huwa konvint li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-UE fi sħubijiet pubbliċi-privati internazzjonali fuq skala kbira taf issarraf f'benefiċċji sostanzjali f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi dinjitużi, produttività, kompetittività, kapaċitajiet teknoloġiċi u żvilupp tal-innovazzjoni fl-UE; ifakkar li l-istudju tal-Kummissjoni tal-2010 bit-titolu "Internationalisation of European SMEs" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej) jenfasizza r-rabta pożittiva bejn l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni f'termini ta' prodotti, servizzi u proċessi;

30.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ħidma f'dan il-qasam trid tqis, partikolarment, l-isfidi għall-SMEs ibbażati fl-UE involuti fil-kompetizzjoni fis-swieq internazzjonali bħala partijiet ta' sħubijiet pubbliċi-privati, u fuq il-bżonn li jiġi żgurat li l-SMEs jiksbu aċċess konkret u ġust; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' regoli speċifiċi li jippermettu offerta kollettiva (fi clusters) jew raggruppata mill-SMEs u l-użu ta' ktajjen ta' sottokuntrattar miftuħa u trasparenti; jemmen li l-SMEs għandhom jiġu inkoraġġiti jieħdu sehem bħala sottokuntratturi jew bħala parti minn konsorzji li jitfgħu offerta biex jiġu aġġudikati l-kuntratti;

31.  Ifakkar fis-suċċessi li saru fl-UE bis-saħħa tar-rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati, fl-iżvilupp tal-infrastrutturi kif ukoll fl-oqsma avvanzati tat-teknoloġija, ir-riċerka, it-tagħlim elettroniku u setturi oħrajn b'valur miżjud għoli, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tidentifika dawk il-proġetti li pproduċew l-aqwa riżultati fl-UE u tippromwovi l-parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji tal-UE, speċjalment tal-SMEs, f'tali inizjattivi barra l-UE;

o
o   o

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew għall-Investiment.

(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.
(2) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(3) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.
(4) ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 87.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0050.
(6) ĠU C 313E, 20.12.2006, p. 447.
(7) http://www.oecd.org/governance/budgeting/PPP-Recommendation.pdf.
(8) http://www.oecd.org/daf/anti-bribery/ConvCombatBribery_ENG.pdf.
(9) www.unece.org/fileadmin/DAM/ceci/publications/ppp.pdf.
(10) http://www.uncitral.org/pdf/english/texts/procurem/pfip/guide/pfip-e.pdf.
(11) http://api.ning.com/files/Iumatxx-0jz3owSB05xZDkmWIE7GTVYA3cXwt4K4s3Uy0NtPPRgPWYO1lLrWaTUqybQeTXIeuSYUxbPFWlysuyNI5rL6b2Ms/PPPReferenceGuidev02Web.pdf.


Is-settur tal-frott u l-ħaxix wara r-riforma tal-2007
PDF 337kWORD 155k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 dwar is-settur tal-frott u l-ħaxix wara r-riforma tal-2007 (2014/2147(INI))
P8_TA(2015)0251A8-0170/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operattivi fis-settur tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 'l hawn (COM(2014)0112),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-futur tas-settur tal-Ortikoltura tal-Ewropa - strateġiji għat-tkabbir(2),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Is-settur tal-frott u tal-ħaxix tal-UE: Ħarsa ġenerali u l-perspettiva ta' wara l-PAK 2013”, imwettaq taħt l-awspiċji tal-Parlament Ewropew fl-2011,

–  wara li kkunsidra żewġ studji intitolati “Lejn regoli ġodda għas-settur tal-UE tal-frott u l-ħaxix”, li twettqu mill-Assemblée des Régions Européennes Légumières et Horticoles (AREFLH) u mill-Università ta' Wageningen rispettivament għal workshop tal-Parlament Ewropew li sar fit-22 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2014)0472),

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Analiżi komparattiva tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskji taħt il-Farm Bill 2014 tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-PAK 2014-2020”, li sar taħt l-awspiċji tal-Parlament Ewropew fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0170/2015),

A.  billi peress li l-politika tal-Unjoni tas-snin 1990 għas-settur tal-frott u l-ħaxix kienet iċċentrata fuq it-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs);

B.  billi r-riforma tal-2007 kienet immirata biex issaħħaħ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix billi tipprovdi firxa aktar estensiva ta' għodda li jippermettu, fost miżuri oħra, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tas-suq, kif ukoll it-tisħiħ u l-konċentrazzjoni tal-provvista, it-titjib tal-kwalità u l-kompetittività, l-adattament tal-provvista biex tikkorrispondi għas-suq, u l-forniment ta' appoġġ tekniku għal produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;

C.  billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma soġġetti għal għadd ta' restrizzjonijiet meta mqabbla mal-kumpaniji kummerċjali privati, bħalma huma restrizzjonijiet fuq l-użu ta' investimenti relatati mal-istruttura tad-dħul jew mal-ħtieġa li jsir bejgħ;

D.  billi huwa essenzjali li s-settur tal-frott u l-ħaxix jiġi appoġġjat fit-territorju kollu tal-Unjoni, minħabba l-importanza tiegħu f'dawk li huma valur miżjud u impjiegi, u meta jitqiesu l-benefiċċji tas-saħħa li dan is-settur jippreżenta permezz ta' dieti tajba għas-saħħa u bbilanċjati;

E.  billi l-appoġġ tal-Unjoni għall-POs u għall-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) huwa mmirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur, l-appoġġ għall-innovazzjoni, iż-żieda tal-produttività, it-tisħiħ tal-promozzjoni, it-titjib tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-bdiewa u t-treġġigħ lura ta' bilanċ fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jintegra wkoll l-interessi ambjentali fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix u filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni dovuta lis-sitwazzjoni tal-produtturi individwali;

F.  billi nħolqu inċentivi biex iħeġġu fużjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs), kif ukoll kooperazzjoni transnazzjonali, bil-għan li tiġi żviluppata s-setgħa ta' negozjar tal-POs fil-katina tad-distribuzzjoni;

G.  billi, fil-livell tal-UE, il-maġġoranza tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix huma azjendi żgħar jew ta' daqs medju;

H.  billi, skont studju tal-2011 dwar ir-reġim tal-frott u l-ħaxix imwettaq għall-Parlament Ewropew, l-POs għandhom jiġu mħeġġa peress li “azzjoni kollettiva fil-livell tal-produtturi u koordinament effettiv fi ħdan il-katina jidhru li huma prekundizzjonijiet għal kull strateġija ta' suċċess biex wieħed ilaħħaq mal-prezzijiet relattivi li qed jonqsu tal-produtturi”;

I.  billi l-POs u l-APOs fis-settur tal-frott u l-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fond operattiv għall-finanzjament tal-programmi operattivi approvati mill-Istati Membri;

J.  billi tali fondi jiġu ffinanzjati bil-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-PO jew mill-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha u bl-assistenza finanzjarja tal-UE, u billi dan il-kofinanzjament irawwem l-impenn min-naħa tal-benefiċjarji u jgħin biex jiżgura li huma jagħmlu użu tajjeb mill-assistenza, minbarra li għandu effett multiplikatur;

K.  billi l-appoġġ finanzjarju taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) l-antika għall-investimenti tal-POs tal-frott u l-ħaxix li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti, kien ta' importanza kruċjali, speċjalment fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa tan-Nofsinhar, it-territorji u l-gżejjer extra-Ewropej;

L.  filwaqt li jinnota:

   (a) iż-żieda fir-rata ta' organizzazzjoni, fejn is-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE kkummerċjalizzata mill-POs u l-APOs fl-2010 kien ta' madwar 43 % (34 % fl-2004);
   (b) l-attraenza mtejba tal-POs, fejn is-sehem tal-produtturi totali ta' frott u ħaxix li huma membri ta' POs żdied minn 10,4 % fl-2004 għal 16,5 % fl-2010; u
   (c) l-attraenza akbar tal-APOs kif tixhed iż-żieda rapida fl-għadd tagħhom, flimkien maż-żieda sostanzjali fl-għadd u fis-sehem tal-POs li huma membri ta' APOs.

M.  billi dawn iċ-ċifri għall-Unjoni kollha kemm hi huma medji li jirriflettu sitwazzjonijiet diverġenti ħafna bejn l-Istati Membri – jew anki sitwazzjonijiet nettament differenti fl-Istati Membri individwali; Billi dawn is-sitwazzjonijiet, li jirriflettu punti ta' tluq differenti fl-imbuttatura lejn it-twaqqif tal-POs, huma attribwibbli għal fatturi storiċi bbażati fuq il-livell akbar jew anqas ta' rieda murija mill-bdiewa fl-istabbiliment tal-PO, għall-istruttura tal-azjendi agrikoli, għal kundizzjonijiet tas-suq u ostakli amministrattivi differenti, għall-inadegwatezza tal-appoġġ li bħalissa qed jingħata kif ukoll għall-fatt li f'ħafna Stati Membri dan is-settur huwa ddominat minn produtturi żgħar;

N.  billi mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-għażliet politiċi u l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom, imwettqa mill-Kummissjoni bejn l-4 ta' Ġunju u d-9 ta' Settembru 2012, dwar ir-rieżami tar-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix, turi li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu huma favur li r-reġim ikompli, soġġett għal xi irfinamenti speċifiċi;

O.  billi fir-reġjuni fejn il-produtturi laħqu l-ogħla livelli ta' kompetittività, il-profittabilità, l-internazzjonalizzazzjoni, il-kwalità u s-sostenibilità ambjentali huma dawk li fihom il-livell ta' organizzazzjoni tal-produzzjoni jkun l-ogħla;

P.  billi r-rata ta' organizzazzjoni fost il-produtturi tibqa' waħda baxxa bħala medja u konsiderevolment anqas mill-medja tal-UE f'ċerti Stati Membri, għalkemm din l-affermazzjoni ġenerali hija soġġetta għal kwalifika skont il-grad ta' modernizzazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' kull żona; billi s-sospensjoni u t-tneħħija tar-rikonoxximent tal-POs, fattur li joħloq inċertezza fost il-produtturi, huwa fattur li jikkontribwixxi għall-medja baxxa;

Q.  billi, minkejja li l-għajnuna finanzjarja nazzjonali (Regolament (UE) Nru 1308/2013) kienet strument finanzjarju importanti f'dak li hu l-ikkonċentrar tal-provvista, hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ l-effettività tagħha;

R.  billi r-rwol imwettaq mill-POs fil-ftuħ ta' swieq ġodda, il-promozzjoni tal-konsum jew l-investiment fl-innovazzjoni għandu impatt pożittiv ħafna fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix kollu kemm hu;

S.  billi, fl-UE, is-settur tal-frott u l-ħaxix jirrappreżenta 18 % tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola, juża biss 3 % tal-art ikkoltivata u għandu valur ta' aktar minn EUR 50 biljun;

T.  billi l-katina tal-provvista tal-frott u l-ħaxix għandha fatturat stmat ta' aktar minn EUR 120 biljun, b'madwar 550 000 impjegat u taġixxi bħala multiplikatur ekonomiku fil-livell Ewropew, peress li tistimola kemm id-domanda u kemm il-ħolqien ta' valur miżjud f'setturi ekonomiċi oħra;

U.  billi ż-żona agrikola totali tal-UE bl-għelejjel tal-frott u l-ħaxix naqset b'6 % bejn l-2003 u l-2010, li jindika li l-bdiewa qalbu għal għelejjel oħra jew, f'ħafna ħażijiet, telqu l-biedja għalkollox; billi, skont l-istudju tal-2015 tal-AREFLH, dan it-tnaqqis kien akbar fl-Ewropa tan-Nofsinhar milli fl-Ewropa tat-Tramuntana;

V.  billi l-volum tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix naqas ukoll fis-snin riċenti, filwaqt li l-valur tiegħu kellu t-tendenza li jibqa' stabbli f'termini reali, u laħaq it-EUR 48,25 biljun fl-2012, u minkejja dan ma kienx kapaċi joffri prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola skont l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-pagi;

W.  billi l-iżbilanċ fil-konsum jirrappreżenta problema mill-akbar għas-setturi tal-frott u l-ħaxix, fejn dawn l-aħħar ftit snin raw telf ta' produzzjoni; filwaqt li wieħed jiftakar fid-data minn Freshfel Europe li tindika li l-konsum tal-frott u l-ħaxix frisk fl-UE -28 kien ta' 387 g l-ġurnata per capita fl-2012, jiġifieri tnaqqis ta' 8,7 % meta mqabbel mal-medja għall-perjodu tal-2007-11; billi dan it-tnaqqis jidher li jirrifletti xejriet fit-tul lejn konsum akbar ta' ikel ipproċessat u l-impatt tal-kriżi ekonomika;

X.  billi hemm 22 miljun tifel u tifla b'piż żejjed fi ħdan l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-adoloxxenti qed jikkonsmaw bħala medja 30 % sa 50 % biss tal-ammont rakkomandat kuljum ta' frott u ħaxix;

Y.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakkomanda konsum minimu ta' 400 g ta' frott u ħaxix għall-prevenzjoni ta' mard kroniku bħalma hu l-mard tal-qalb, il-kanċer, id-dijabete u l-obeżità, fejn din tal-aħħar tinsab partikolarment fost it-tfal; billi, s'issa, erba' Stati Membri tal-UE biss issodisfaw din ir-rakkomandazzjoni;

Z.  billi fl-2012 l-UE kellha defiċit kummerċjali fil-frott u l-ħaxix, prinċipalment minħabba l-fatt li timporta wisq aktar frott milli tesporta, minħabba l-kosti għolja tal-produzzjoni;

AA.  billi l-istudju tal-2015 tal-AREFLH juri li s-suq tal-UE huwa relattivament miftuħ għall-importazzjonijiet, filwaqt li l-esportazzjonijiet Ewropej jiffaċċjaw ostakli tariffarji u non-tariffarji konsiderevoli fis-sħab kummerċjali, sitwazzjoni li żżomm lill-esportazzjonijiet milli jiddiversifikaw; billi, għalkemm l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jikkompetu direttament ma' prodotti simili tal-UE, l-istess standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel u dawk soċjali ma jiġux applikati, f'ċerti każijiet, fil-koltivazzjoni tagħhom;

AB.  billi l-kriżijiet tas-suq iseħħu ta' spiss fis-settur tal-frott u l-ħaxix minħabba li produzzjoni żejda anke f'ammonti żgħar tista' toħloq waqgħat kbar fil-prezzijiet tal-produtturi; billi l-frott u l-ħaxix huma fil-biċċa l-kbira tagħhom prodotti li jitħassru u għalhekk għandhom jinbiegħu malajr, sitwazzjoni li tħalli lill-bdiewa f'dan is-settur f'pożizzjoni ta' negozjar strutturalment dgħajfa meta mqabbla mal-bejjiegħa bl-imnut ewlenin u l-proċessuri;

AC.  billi l-kriżi kkawżata mill-projbizzjoni Russa kellha, u se jkollha fil-futur, effetti negattivi sinifikanti fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix, fejn produtturi f'dan is-settur sofrew xi wħud mill-akbar telfiet; billi l-importanza tal-eżistenza ta' POs b'saħħithom organizzati b'tali mod li jkunu kapaċi jittrattaw kollettivament sitwazzjonijiet mhux mistennija u avversi għandha tiġi enfasizzata, appoġġjata minn strumenti Komunitarji adegwati adattati għas-severità ta' kull kriżi jew, jekk meħtieġ, billi jiġu attivati l-miżuri eċċezzjonali previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

AD.  billi r-rapport tal-Kummissjoni jagħraf li l-istrumenti tal-prevenzjoni tal-kriżi tar-reġim tal-frott u l-ħaxix ftit li xejn ġew użati minn mindu saret ir-riforma tal-2007 u li huma wrew li ma kinux biżżejjed biex itaffu l-konsegwenzi ta' kriżijiet serji bħalma hi dik tal-E. coli jew dik attwali li qed tirriżulta mill-projbizzjoni Russa; billi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, minbarra l-irtirar mis-suq, dawn huma amministrattivament diffiċli biex jiġu applikati minħabba r-regolamenti mhux ċari f'dan ir-rigward;

AE.  billi l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, li taħtha jintuża għadd ta' frott u ħaxix lokali u staġjonali, attirat l-interess u għamlet suċċess;

AF.  billi l-possibilità li l-ħlas lura tal-kapital u tal-imgħax fuq is-selfiet meħuda biex jiġu ffinanzjati l-miżuri ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet isir eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja tal-UE, taħt il-programmi operattivi, kienet strument importanti għall-ġestjoni tal-inċertezza tas-suq;

AG.  billi r-rapport tal-Kummissjoni jidentifika l-kumplessità tar-regoli u n-nuqqas taċ-ċertezza tad-dritt bħala dgħufijiet tar-reġim attwali tal-frott u l-ħaxix; billi l-Kummissarju Hogan impenja ruħu li jtejjeb ir-reġim fl-ewwel sena tal-mandat tiegħu, filwaqt li jqis id-differenzi kulturali u l-kuntrasti fir-realtajiet tas-suq bejn l-Istati Membri differenti u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività u lill-qawwa innovattiva tas-settur;

AH.  billi l-istudju tal-Università ta' Wageningen jikkonkludi li l-interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tal-UE ħolqu inċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-POs, li rriżultat f'piż amministrattiv akbar u l-biża' tat-teħid tar-riskji u l-ħolqot' diżinċentivi għat-twaqqif ta' POs;

AI.  billi proċeduri tal-awditjar ċari u prevedibbli huma essenzjali għall-funzjonament tar-reġim tal-frott u l-ħaxix; billi l-irduppjar fl-awditi konsekuttivi għandu jiġi evitat u m'għandhomx jitwettqu awditi ta' segwitu qabel l-approvazzjoni tal-kontijiet tkun tat deċiżjoni definittiva dwar awditu preċedenti, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jagħmlu korrezzjonijiet akbar milli meħtieġa;

AJ.  billi r- Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli diġà ħa kont ta' għadd ta' elementi li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u billi r-regoli attwalment fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jiġu stabilizzati;

AK.  billi l-proporzjonalità għandha taqdi parti essenzjali fit-tnaqqis tal-inċertezza tad-dritt fi ħdan ir-reġim tal-frott u l-ħaxix, peress li tiżgura li PO kollha kemm hi ma tkunx preġudikata mill-infrazzjoni imwettqa minn persuni ħatja individwalment;

AL.  billi l-POs spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex isibu u jħarrġu amministraturi bil-ħiliet neċessarji għat-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali fl-ambjent kompetittiv tas-settur tal-kummerċ agrikolu; billi r-rapport tal-Kummisjoni jiddikjara li l-infiq fit-taħriġ u s-servizzi ta' konsulenza mill-POs kien wieħed baxx;

AM.  billi l-popolazzjoni tal-biedja fl-UE-28 qed tixjieħ malajr u billi, bħala medja, hemm bidwi wieħed biss taħt il-35 sena għal kull disa' bdiewa ta' età ta' aktar minn 55 sena;

1.  Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni, li jagħti stampa bilanċjata tal-evoluzzjoni tar-reġim tal-frott u l-ħaxix minn mindu saret ir-riforma tal-2007, jikkonferma l-validità tal-istruttura organizzattiva bażika għal dan is-settur u jidentifika l-oqsma fejn sar progress, bħalma huma l-konċentrazzjoni akbar ta' POs li qed ittejjeb il-pożizzjoni tas-settur fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jirreferi wkoll għall-problemi li jippersistu;

2.  Huwa tal-opinjoni li l-appoġġ għandu jikkumpensa għall-konsegwenzi negattivi – mill-perspettiva tas-suq – tar-restrizzjonijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

3.  Jilqa' l-miżuri li twettqu fir-reġim tal-frott u l-ħaxix fl-UE, maħsuba biex iżidu l-orjentament tas-suq fost il-kultivaturi tal-UE, iħeġġu l-innovazzjoni, jippromwovu l-frott u l-ħaxix, iżidu l-kompetittività tal-kultivaturi u jtejbu l-kummerċjalizzazzjoni, il-kwalità tal-prodott u l-aspetti ambjentali tal-produzzjoni, permezz ta' għotja ta' appoġġ lill-POs, assoċjazzjonijiet tal-PO u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali, anki billi jippromwovu l-formazzjoni ta' raggruppamenti li tnissel flussi ġodda ta' dħul li jissarfu f'investimenti ġodda;

4.  Jilqa' l-fatt li l-PAK il-ġdida baqgħet tħaddan fiha r-reġim tal-frott u l-ħaxix, filwaqt li jagħraf il-fatt li l-istrumenti eżistenti mhux dejjem kienu effikaċi, bħalma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tagħha bit-titolu 'Rieżami tar-Reġim tal-UE għas-Settur tal-Frott u l-Ħaxix', u għaldaqstant jappoġġja l-ħidma tal-Grupp Newcastle maħsub biex itejjeb ir-reġim tal-frott u l-ħaxix, li għandu jieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-arranġamenti ġuridiċi li jirregolaw il-kooperattivi fl-Istati Membri, sabiex ma jiġix limitat il-ħolqien ta' POs ġodda, filwaqt illi jiġi rrispettat il-fatt li l-kultivaturi jistgħu jagħżlu li ma jagħmlux parti mis-sistema tal-PO;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi biex jiġu ttrattati b'mod deċiżiv il-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel li jkollhom impatt negattiv fuq il-qligħ tal-produtturi, inaqqsu d-dħul u jheddu l-vijabbiltà u s-sostenibilità tas-settur; iqis li l-prattiki kummerċjali żleali u l-pressjoni eżerċitata fuq il-produtturi, kemm jekk huma assoċjati u kemm jekk le, mill-ktajjen kbar tal-bejgħ bl-imnut, huma l-ostaklu ewlieni biex il-bdiewa tal-frott u l-ħaxix jaqilgħu dħul diċenti; jirrimarka li d-dgħufija tal-pożizzjoni tagħhom hija aggravata mill-fatt li l-prodotti tagħhom jistgħu jitħassru; iqis li l-problemi msemmija, bħalma huma l-abbandun tal-art jew it-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-bdiewa attivi, mhux ser jisparixxu meta l-profitti mill-produzzjoni jkunu biżżejjed biex jiġi ggarantit il-futur tal-professjoni u jiġu attirati ħaddiema żgħażagħ;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli ċari tal-UE li jirregolaw il-prinċipji tal-prattika tajba fil-katina tal-provvista tal-ikel biex tiġi żgurata interpretazzjoni komuni tar-regoli fir-rigward tal-prattiki kummerċjali inġusti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri biex tiġi inkoraġġita l-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti tal-PO; jemmen li l-kummerċjalizzazzjoni diretta hija alternattiva għas-settur kbir tal-bejgħ bl-imnut u l-valuri fundamentali tiegħu rigward ir-relazzjoni mal-ikel, l-agrikoltura u l-ambjent; iqis li l-prezzijiet tal-kummerċjalizzazzjoni diretta jinżammu aktar baxxi mill-prezzijiet tas-settur kbir tal-bejgħ bl-imnut eżattament minħabba l-eliminazzjoni tal-intermedjarji u tal-kosti marbuta mal-loġistika; iqis, f'dan ir-rigward, li t-tnaqqis tal-katina jiggarantixxi dħul ġust għall-bdiewa u jagħmilha possibbli li ssir il-ġlieda lill-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ);

8.  Jinnota li bosta Stati Membri daħħlu miżuri biex jindirizzaw b'mod deċiżiv il-PKŻ u jitlob għal rispons ikkoordinat mill-UE biex jiġi msaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti agrikoli;

9.  Jenfasizza l-importanza li l-istandards Ewropej tal-kwalità għal-prodotti ta' frott u ħaxix frisk jibqgħu jinżammu kif inhuma sabiex tiġi ggarantita kwalità konsistentement għolja fil-katina tal-provvista għall-benefiċċju tal-konsumatur finali;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkjarifika kif għandha l-ħsieb li tapplika l-Artikolu 209(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, b'tali mod li tiġi promossa aktar ċertezza tad-dritt dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi spjegati fl-Artikolu 39 tat-TFUE, b'rispett strett tal-Artikolu 101 tat-TFUE fir-rigward tal-kompetizzjoni;

11.  Jinnota li l-grad ta' organizzazzjoni tas-settur, kif imkejjel mis-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix ikkummerċjalizzata mill-POs, żdied b'mod kostanti f'dawn l-aħħar snin fl-Unjoni kollha kemm hi, iżda li din iż-żieda tista' tiġi attribwita għal xi wħud mill-Istati Membri biss;

12.  Jenfasizza li, minkejja din iż-żieda, il-grad ta' organizzazzjoni fost il-produtturi jibqa' wieħed baxx bħala medja, u konsiderevolment taħt il-medja tal-UE f'ċerti Stati Membri, u li l-indirizzar ta' din il-problema huwa kruċjali għall-futur tar-reġim tal-frott u l-ħaxix, mhux l-anqas billi jitnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali sinifikanti; jenfasizza wkoll li dan il-livell baxx ta' organizzazzjoni mhuwiex megħjun mill-kumplessità tar-regoli tal-PO li rriżultat fis-sospensjoni u t-tneħħija tar-rikonoxximent tal-POs f'xi Stati Membri; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni treġġa' lura x-xejra ta' dan it-tnaqqis billi tissimplifika r-regoli tal-iskema biex l-POs jsiru aktar attraenti biex dak li jkun jissieħeb fihom;

13.  Jindika l-ħtieġa li tittejjeb ir-rata ta' organizazzjoni fis-settur, peress li hu evidenti li hi ogħla fir-reġjuni fejn il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni huma aktar modernizzati u indirizzati lejn l-esportazzjoni, filwaqt li hi l-aktar baxxa fil-pajjiżi li għal ħafna snin ma kellhomx l-opportunità li jużaw il-fondi operattivi;

14.  Iqis li huwa vitali li jiġi kkontemplat l-istabbiliment ta' strumenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet, u l-inizjattivi ta' suċċess li tnedew minn ċerti POs f'dak ir-rigward jeħtieġ li jkunu ċarament identifikabbli sabiex ikunu jistgħu jiġu replikati bnadi oħra kull meta dan ikun possibbli; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kuxjenza u l-għarfien ta' POs pijunieri bħal dawn;

15.  Ifakkar li l-POs huma għodod li jitqiegħdu għad-disponibilità tal-produtturi sabiex ikunu jistgħu kollettivament jorganizzaw lilhom infushom fis-suq ħalli jkunu jistgħu isalvagwardjaw id-dħul tagħhom, u li l-POs huma partikolarment utli f'żoni ta' produzzjoni li jibagħtu l-prodotti tagħhom lejn żoni ta' konsum, iżda mhumiex użati wisq minn ċerti produtturi jew f'ċerti swieq lokali jew speċjalizzati;

16.  Jenfasizza f'dan il-kuntest li huwa importanti li jiżdied il-livell ġenerali ta' appoġġ għall-POs u li jiġu pprovduti inċentivi iktar b'saħħithom kemm għall-fużjoni ta' POs eżistenti f'APOs u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda kemm f'kuntest nazzjonali u kemm f'dak internazzjonali, filwaqt li jitlob li l-investiment tal-għajnuna pprovduta biex jitwaqqfu POs ġodda jiġi mmonitorjat biex jiġi żgurat li qed tiġi investita b'mod effettiv b'modi li se jżidu d-dħul tal-produtturi membri;

17.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li, f'ċerti Stati Membri, ir-rata ta' organizzazzjoni f'POs huwa estremament baxx u jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprijoritizzaw l-insistenza fuq il-promozzjoni tal-assoċjazzjoni tal-produtturi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-karatteristiċi partikolari ta' dawk l-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi hija baxxa;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex terġa' tistabbilixxi l-appoġġ finanzjarju għall-investimenti tal-POs tal-frott u l-ħaxix li jkunu għadhom kemm ġew stabbiliti; iqis li, mingħajr dan l-appoġġ, huwa estremament diffiċli biex l-organizzazzjonijiet stabbiliti jiksbu r-rikonoxximent mill-istat meħtieġ għall-operazzjoni tagħhom; iqis, għalhekk, li l-appoġġ huwa wieħed mill-aktar għodod effiċjenti sabiex jiġu żviluppati l-organizzazzjonijiet u tiżdied ir-rata ta' organizzazzjoni;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mis-simplifikazzjoni tal-PAK, biex tkompli ssaħħaħ aktar l-effettività ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi f'dak li hu l-ikkonċentrar tal-provvista, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol ċentrali tagħhom fil-kummerċjalizzazzjoni fil-katina tal-provvista;

20.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu pprovduti benefiċċji għal POs li jiddeċiedu li jieħdu membri żgħażagħ; jenfasizza li l-POs jistgħu jipprovdu opportunità għall-promozzjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida u armonizzata tad-dispożizzjonijiet relatati mal-frott u l-ħaxix min naħa, u mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali min-naħa l-oħra, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

22.  Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li bħalissa huma 7,5 % biss tal-bdiewa fl-UE li huma taħt l-età ta' 35 sena u jemmen li POs li jiffunzjonaw tajjeb jiġbdu liż-żgħażagħ u jistgħu jwettqu rwol biex din ix-xejra demografika mhux sostenibbli tinqaleb bil-kontra;

23.  Jinnota l-ħtieġa li jiġu pprovduti inċentivi biex jgħollu l-livell tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-POs; iqis li aktar innovazzjoni tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jsiru aktar kompetittivi u kapaċi jittrattaw il-mardiet mortali li qed jagħmlu dannu lill-agrikoltura Ewropea;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-POs jiġu mgħejuna jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom u jkunu involuti fir-riċerkar ta' swieq barranin ġodda;

25.  Jikkunsidra li hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jsiru aktar attraenti billi titnaqqas il-burokrazija żejda u jittejjeb l-appoġġ mogħti lil dawn il-gruppi mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll billi jsir titjib fil-mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami li jmiss tagħha tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u bħala parti mill-aġenda tagħha ta' "simplifikazzjoni", iżżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, għall-POs u għall-APOs u tnaqqas il-piż amministrattiv impost fuqhom; Jenfasizza li dan ir-rieżami m'għandux ibiddel l-arkitettura bażika tar-reġim tal-frott u l-ħaxix jew ikun ta' ħsara għall-interessi jew il-qligħ tal-produtturi fis-settur;

27.  Jinnota bi tħassib li r-regoli tal-PO huma miftuħa għal interpretazzjoni wiesgħa mill-Awdituri tal-Kummissjoni, u dan iwassal għal grad għoli ta' inċertezza u jista' jħalli l-Istati Membri fir-riskju ta' projbizzjoni u ta' stħarriġ ġudizzjarju; jenfasizza wkoll li l-proċeduri tal-awditjar u l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu b'mod aktar opportun u fil-perjodu taż-żmien tal-verifika miftiehem;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni tnaqqas b'mod konsiderevoli il-perjodu ta' proċessar li matulu jsiru kontrolli tal-konformità;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni, ukoll bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt tas-sistema, tirrazzjonalizza l-kontrolli u tiffukahom fuq il-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni proprja ta' kull azzjoni jew miżura li hija approvata bħala parti mill-programm operattiv kif ukoll il-kost allokat lilhom, filwaqt li tistabbilixxi b'mod ċar x'qed jiġi kkontrollat u min huwa responsabbli biex iwettaq il-kontroll;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità b'rabta ma' penali u tiżgura li l-awditi jiġu konklużi fi ħdan perjodu stabbilit sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri tagħhom;

31.  Jindika li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat ir-reġim ta' assistenza u biex jiġu ġġustifikati l-applikazzjonijiet huma eċċessivi u mhumiex preċiżi, u huma soġġetti għal varjetà ta' verifiki minn sensiela ta' korpi amministrattivi li ta' spiss la jkunu konsistenti u lanqas preċiżi, u jwasslu biex ċerti tipi ta' sħab jabbandunaw ir-reġim u ċerti organizzazzjonijiet tal-produtturi jiddeċiedu li ma jippreżentawx programmi operattivi; jikkunsidra li, f'dan il-kuntest, hu essenzjali li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tiġi ċċarata b'mod li tiggarantixxi s-sigurtà ġuridika tar-reġim u tipprevjeni l-inċertezza fost il-produtturi;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli għat-twaqqif ta' (assoċjazzjonijiet ta') POs transnazzjonali u b'mod partikolari r-regoli dwar ir-responsabbiltà u l-obbligazzjoni, sabiex tinħoloq ċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-POs involuti;

33.  Jitlob li d-dmirijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jitwessgħu, speċjalment fl-oqsma ġeneriċi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni u f'dak tal-edukar taċ-ċittadin-konsumatur, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ikel;

34.  Jenfasizza r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fit-titjib tad-djalogu intern fi ħdan is-settur;

35.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-akbar organizzazzjonijiet tal-produtturi (madwar 18 % tal-POs kollha b'fatturat ta' aktar minn EUR 20 miljun) jirċievu madwar 70 % tal-assistenza finanzjarja tal-UE;

36.  Jikkunsidra li t-tnaqqis tal-kumplessità, inkluż fir-regoli għall-ħolqien ta' POs ġodda f'kuntest nazzjonali u internazzjonali, għandu jkun l-ewwel pass biex isiru aktar attraenti għall-bdiewa, mingħajr ma dak ikun ifisser l-iżvalutar tal-istruttura tal-PO għad-detriment tal-kapaċità tagħhom li jaġixxu b'mod effettiv fis-suq; jitlob li l-Kummissjoni tidentifika miżuri addizzjonali sabiex tiżdied l-attraenza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'livell baxx ta' organizzazzjoni;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità b'attenzjoni, billi tiżgura li l-iżbalji li jsiru minn individwi ma jiġux irkuprati mingħand il-membri kollha ta' organizzazzjoni tal-produtturi;

38.  Iqis li kwalunkwe simplifikazzjoni tal-proċedura ta' rikonoxximent m'għandhiex tkun għad-detriment ta' regolamenti nazzjonali li jiċċertifikaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-POs tal-frott u l-ħaxix, bħalma huma dawk applikati għall-koperattivi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni ħalli fir-rieżami tagħha tar-reġim tal-frott u l-ħaxix tnaqqas il-piż amministrattiv għall-POs billi tabolixxi l-valutazzjonijiet ta' nofs il-perjodu mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali; jinnota li dawn il-valutazzjonijiet spiss jidduplikaw il-mistoqsijiet li jsiru lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rappurtar annwali tagħha u ma jipprovdu l-ebda benefiċċju ovvju; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mill-għan tagħha li tnaqqas il-burokrazija żejda, tnaqqas l-ammont ta' informazzjoni li hija titlob mingħand l-awtoritajiet nazzjonali u l-POs fir-rapporti annwali, u tiżgura li tinġabar biss id-data li fil-fatt tiġi użata mill-Kummissjoni biex timmonitorja effikaċja tal-iskema;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament Delegat (UE) Nru 499/2014 tal-11 ta' Marzu 2014, li introduċa kontrolli aktar kumplessi fuq l-POs, inklużi penali sproporzjonati talli jonqsu milli jissodisfaw kriterji ta' rikonoxximent kumplessi; jenfasizza l-ħtieġa ta' proporzjonalità f'dak li għandu x'jaqsam mal-penali jekk nixtiequ ninkoraġġixxu koltivaturi ġodda jingħaqdu f'din l-iskema u nipprevjenu lill-Membri eżistenti milli jerġgħu jaħsbuha dwar il-parteċipazzjoni tagħhom;

41.  Iqis li l-kompetittività tal-POs tiddependi ħafna mill-ġestjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet eżistenti jew tistabbilixxi azzjonijiet ġodda, inklużi miżuri ta' taħriġ u inizjattivi għall-iskambju ta' prattiki tajba, li jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-POs u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel u tiżgura rwol imsaħħaħ għal imġiba orjentata lejn is-suq fi ħdan l-POs; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jiġu mmaniġġjati minn persuni b'ħiliet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkunu kapaċi jittrattaw sitwazzjonijiet ta' kriżi fis-settur agrikolu;

42.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffoka fuq mudelli ta' produzzjoni u distribuzzjoni li jkunu integrati fl-PO, u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu disponibbli appoġġ ta' loġistika u ta' punti ta' bejgħ għall-prodotti tl-PO fir-reġjuni;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bis-sħiħ bħala strumenti biex jiżdied id-dħul tal-produtturi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra testendix id-dispożizzjonijiet għall-iffinanzjar ta' miżuri ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet (l-eliġibilità tal-ħlas lura tal-kapital u tal-imgħax fuq self għal għajnuna finanzjarja) kif ukoll għall-ilħuq tal-objettivi l-oħra li qed jilħqu l-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq azzjonijiet għat-trasferiment ta' know-how amministrattiv u strutturali dwar il-mod li bih huma organizzati PO, mill-Istati Membri b'livell għoli ta' POs lill-dawk b'livell baxx ta' POs;

46.  Josserva li l-prattiki li jirrispettaw l-ambjent għandhom jiġu mwettqa kontinwament u b'mod rigoruż u għalhekk għandu jiġi inkoraġġit il-fatt li jkompli jsir il-finanzjament ta' tali prattiki minn programm operazzjonali wieħed għal ieħor, u l-ambitu tal-intervent għandu jitwessa' biex jinkludi lil dawk il-produtturi li l-biċċiet ta' art tagħhom imissu ma' dawk maħduma minn membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi;

47.  Jikkunsidra li l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) jistgħu jwettqu rwol importanti fiż-żieda tas-setgħa tan-negozjar tal-bdiewa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-inċentivi għall-istabbiliment ta' APOs, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jaġixxu minn perspettiva ġuridika, u tiddisponi għall-possibbiltà li lill-produtturi li mhumiex membri tal-POs jinġabru taħt l-umbrella tagħhom, bil-għan li jiġi previst rwol akbar għalihom fil-futur; jenfasizza li l-APOs jinsabu f'pożizzjoni mhux biss li jwettqu konċentrazzjoni u titjib effettivi tal-provvista, iżda wkoll li jagħtu prova ta' effiċjenza akbar fil-ġestjoni tal-interventi minħabba r-rwol ta' koordinazzjoni li huma mitluba jwettqu fuq il-livell operattiv;

48.  Iqis li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jeħtieġ li jiġu mħeġġa sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni aħjar tas-settur tal-frott u l-ħxejjex; iqis li tali organizzazzjonijiet jistgħu jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta' valur miżjud u l-kondiviżjoni tiegħu bejn il-partijiet differenti tas-settur, kif ukoll fir-rigward tal-kwalità, it-titjib sostenibbli tal-produzzjoni, u l-ġestjoni tas-suq u tal-kriżijiet;

49.  Jikkunsidra li l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) jistgħu jwettqu rwol importanti fl-antiċipar u l-ġestjoni ta' kriżijiet ta' tul ta' żmien qasir; jenfasizza l-benefiċċji tal-fatt li wieħed ikunu kapaċi jħajjar lill-produtturi li mhumiex membri ta' POs jissieħbu f'tali assoċjazzjonijiet b'mod volontarju, bil-għan li l-azzjonijiet kollettivi tal-produtturi jsiru aktar effiċjenti;

50.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istruttura u l-funzjonament tal-POs u APOs huma bbażati fuq il-prinċipji tal-indipendenza u d-demokrazija, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost il-produtturi u ssir il-ġlieda lill-prattiki kummerċjali inġusti u lill-imġiba opportunistika;

51.  Jinsisti bil-qawwa li l-metodi ta' produzzjoni ta' pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn l-UE jridu jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej l-istess garanziji f'dawk li huma saħħa, sikurezza tal-ikel, trattament xieraq tal-annimali, żvilupp sostenibbli u standards soċjali minimi bħal dawk meħtieġa mill-produtturi tal-UE; iqis li dan ifisser li, fi kwalunkwe ftehim iffirmat ma' pajjiżi terzi, l-UE għandha timxi skont il-kriterju ta' reċiproċità ġenwina fir-rigward tal-aċċess għas-suq u l-konformità mar-regolamenti tal-produzzjoni li jirregolaw lill-produtturi tal-UE;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir eħfef biex il-produtturi jiksbu aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġja lill-esportaturi tal-frott u l-ħaxix biex jingħeleb l-għadd dejjem jikber ta' ostakli non-tariffarji, bħalma huma xi standards fitosanitarji ta' pajjiżi terzi li jagħmlu l-esportazzjonijiet mill-UE diffiċli, jekk mhux impossibbli;

53.  Huwa tal-fehma li, sabiex tintlaħaq kompetizzjoni aktar ġusta mal-importazzjonijiet lejn is-suq tal-Komunità, u bil-għan li tiġi stabbilita reċiproċità fl-istandards tas-saħħa tal-pjanti, l-UE għandha ssaħħaħ ir-reġim ta' kontroll tal-importazzjoni sabiex tqiegħdu fuq livell ugwali ma' dak applikat mill-maġġoranza l-kbira tas-sħab kummerċjali tagħha;

54.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-regolamenti orizzontali l-ġodda għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli adottati dan l-aħħar u l-objettiv li jiżdiedu l-fondi allokati sabiex jinstabu swieq ġodda l-aktar f'pajjiżi terzi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem biex ittejjeb l-istrument ta' promozzjoni fis-snin li ġejjin;

55.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fin-negozjati kummerċjali ma' pajjiżi terzi għat-tneħħija tal-ostakli tariffarji u tas-saħħa tal-pjanti li ġew imposti fuq il-produzzjonijiet Ewropej, u b'hekk tagħmilha possibbli li jinfetħu swieq ġodda għall-frott u l-ħaxix tal-Komunità;

56.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika r-raġunijiet għall-użu minimu tal-istrumenti ta' prevenzjoni u mmaniġġar tal-kriżijiet (PMK) (16 % biss tal-POs użaw din ir-riżorsa, li rrappreżentat biss 2,8 % tal-għajnuna totali), li huma adattati biss biex jaffrontaw kriżijiet staġjonali minuri, u tikkunsidra kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżempji tal-aħjar prattika u esperjenza fost l-POs eżistenti;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni biex dejjem tuża preferenza għall-prodotti lokali bħala l-ewwel kejl tal-ġestjoni tal-kriżijiet sabiex tippromwovi u tipproteġi tas-suq uniku Ewropew u l-konsum tal-prodotti tal-Ewropa stess; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tkun preokkupata mill-qrib bil-għodod tal-ġestjoni tar-riskju, li huma assolutament meħtieġa biex tiġi żgurata l-produzzjoni agrikola ta' POs;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu koordinat aħjar għall-irtirar mis-suq f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, sabiex jiġi pprevenut li l-kriżijiet tas-suq jinbidlu fi tfixkil serju u fit-tul li jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fid-dħul għall-bdiewa tal-frott u l-ħaxix;

59.  Jenfasizza li l-użu tal-mekkaniżmu tal-irtirar rriżulta li hu limitat u jqis li miżuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet għandhom jiġu rieżaminati inkluż permezz ta': iż-żieda tal-perċentwal tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, l-aġġustar tal-prezzijiet ta' rtirar, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż tal-produzzjoni, iż-żieda fil-volumi li jistgħu jiġu rtirati, u t-titjib tal-appoġġ, f'dawk li huma trasport u ppakkjar, għad-distribuzzjoni b'xejn ta' frott u ħaxix bil-ħsieb li tiġi pprovduta l-flessibilità biex l-appoġġ jiġi adattat għall-forma u s-severità ta' kull kriżi;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra tagħmilx kontribuzzjonijiet għal fondi mutwi eliġibbbli bħala miżuri ta' PĠK bil-għan li tipprovdi protezzjoni aħjar għall-bdiewa f'każ ta' kriżijiet fis-suq li jikkawżaw tnaqqijiet sostanzjali fid-dħul, iżda jqis li dawn il-fondi m'għandhom qatt jiġu mill-partita tal-baġit allokata għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali mill-Kummissjoni meta l-kriżi hija kkawżata minn kwistjonijiet li mhumiex marbuta ma' dan is-settur, bħalma hi l-projbizzjoni Russa; jemmen li, f'tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tfittex partiti oħra tal-baġit u tallokahom għat-tnaqqis tal-effetti negattivi ta' fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix;

61.  Iqis li l-produtturi m'għandhomx iġarrbu l-ispiża tal-kriżijiet ikkawżati minn ċirkostanzi li mhumiex marbuta mas-settur agrikolu, bħalma hi l-projbizzjoni Russa fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, li affettwat b'mod serju għadd kbir ta' produtturi tal-frott u l-ħaxix u saħansitra kompliet tgħarraq sitwazzjonijiet ta' kriżi tas-suq bħalma hi dik esperjenzata mis-settur tal-frott tal-għadma; jitlob li f'ċirkustanzi bħal dawn il-miżuri ta' appoġġ tal-Komunità jinżammu kif inhuma għal kemm ikun hemm bżonn sakemm is-sitwazzjoni normali tas-suq tiġi stabbilita kompletament mill-ġdid;

62.  Jenfasizza li, permezz tal-programmi operazzjonali tagħhom, l-POs jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u jittejbu l-istandards tas-sikurezza tal-ikel; jilqa' l-objettivi ambjentali tal-iskema iżda jistieden lill-Kummissjoni tippermetti lill-POs jadattaw il-programmi operazzjonali tagħhom skont il-livell ta' maturità tagħhom kif ukoll jimmiraw il-fondi tagħhom fuq firxa usa' ta' miżuri mmirati biex iżidu l-kompetittività ġenerali tas-settur; jenfasizza li attenzjoni akbar fuq il-miżuri mmirati lejn l-innovazzjoni u l-valur miżjud għandha l-akbar potenzjal biex ittejjeb id-dħul tal-produtturi u b'hekk tagħmel lill-POs aktar attraenti biex jissieħbu fihom;

63.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskema ta' għajnuna li hemm fis-seħħ għad-distribuzzjoni ta' frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel, minħabba l-importanza tal-promozzjoni minn età żgħira ħafna ta' dieti tajba għas-saħħa u bbilanċjati, u tressaq lill-konsumaturi żgħażagħ eqreb lejn il-produtturi lokali;

64.  Iqis li huwa kruċjali li tittejjeb l-effettività tar-regolamenti Komunitarji li huma attwalment fis-seħħ għall-protezzjoni tal-pjanti kontra l-introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara li joriġinaw minn barra l-UE; jirrimarka li dawn l-organiżmi qed isiru dejjem aktar komuni fl-UE minħabba livelli dejjem ogħla ta' kummerċ u spiss qed ikollhom effett detrimentali fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix;

65.  Iqis li, bħal f'setturi oħra (bħalma hu dak tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ), l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jingħataw rwol f'li jiggarantixxu u jikkoordinaw il-komplementarjetà u l-koerenza tad-diversi skemi ta' appoġġ tal-UE, u b'hekk jiżguraw trasparenza akbar tas-sistema sabiex jiġu pprevenuti każijiet ta' finanzjament doppju;

66.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida jew regoli ta' politika li jiċċaraw il-kundizzjonijiet li taħthom l-POs jistgħu temporanjament jingħataw deroga mill- Artikolu 101(1) tat-TFUE abbażi tal-Artikolu 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jipprovdi lill-POs opportunità li jieħdu miżuri bil-għan li jistabbilizzaw is-settur matul perijodi ta' żbilanċ serju tas-swieq;

67.  Jenfasizza l-importanza ta' ktajjen tal-provvista qosra u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' swieq lokali għad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix;

68.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika r-riċerka u l-monitorjar fir-rigward tat-theddida li hemm għall-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE minn speċijiet invażivi bħalma hija d-drosophilia tal-ġwienaħ makkjettata;

69.  Jiddeplora d-dgħufijiet segwenti li ġew identifikati fit-twaqqif ta' xi strateġiji nazzjonali: għadd wisq kbir ta' objettivi, nuqqas ta' miri predefiniti preċiżi għall-objettivi differenti, u b'mod partikolari l-effikaċja operattiva baxxa ħafna tal-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet, prinċipalment b'rabta mal-assigurazzjoni tal-ħsad, il-promozzjoni u l-komunikazzjoni u l-irtirar ta' prodotti, l-aktar għax dawn iridu jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' miżuri strutturali oħra u l-għajnuna għall-irtirar f'ħafna każijiet mhijiex biżżejjed, u anke minħabba l-ammont konsiderevoli ta' burokrazija żejda involut; jiddeplora l-fatt li dawn l-istrumenti jistgħu jaffrontaw biss kriżijiet tas-suq individwali u mhumiex biżżejjed għall-ġestjoni ta' kriżijiet fuq skala kbira bħal dik attwali li qed tiġi kkawżata mill-embargo Russu;

70.  Jara l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri preventivi bħala għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jifhmu u jikkalkolaw u jużaw b'mod korrett indikaturi tal-prestazzjoni predefiniti, u jisħaq fuq il-fatt li f'ħafna każijiet hemm għadd eċċessiv ta' indikaturi tal-prestazzjoni, sitwazzjoni li tagħmel il-proċedura estremament diffiċli kemm għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u kemm għall-amministrazzjoni; jemmen li f'dan il-kuntest ikun ferm aktar utli li jkun hemm anqas indikaturi li però jkunu aktar sinifikanti;

71.  Jemmen li t-tħeġġiġ ta' drawwiet fejn nieklu b'mod aktar san imur id f'id ma' fehim akbar dwar il-biedja u dwar kif l-ikel jiġi prodott u, jappoġġja, f'dan il-kuntest, l-objettiv tat-tisħiħ tad-dimensjoni edukattiva tal-programmi tal- ħaxix , il-frott u l-ħalib għall-iskejjel u jitlob li tiġi adottata mill-aktar fis possibbli l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fl- istabbilimentiedukattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-parteċipazzjoni ftal-POs fl-iskema tal-frott għall-iskejjel bħala mezz biex tiġi inkoraġġita katina ta' provvista qasira u l-konsum mit-tfal ta' frott u ħaxix lokali u staġjonali;

72.  Iqis li l-muftieħ għall-analizzar tas-sitwazzjoni tas-settur tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix huwa l-evoluzzjoni tad-dħul tal-bdiewa tas-settur u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex twettaq studju li jiffoka fuq dan il-punt bil-għan li jiġi aċċertat jekk il-miżuri adottati, bħalma hu t-tisħiħ tal-POs, kinux verament effettivi;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan urġenti ta' impjieg taż-żgħażagħ għas-settur agrikolu biex jiġi evitat it-tixjiħ tal-professjoni u l-abbandun konsegwenti tal-art u tal-produzzjoni;

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0205.

Avviż legali - Politika tal-privatezza