Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 10 ta' Settembru 2015 - StrasburguVerżjoni finali
Ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko
 L-Angola
 L-Ażerbajġan
 Il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa
 Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani
 Is-sitwazzjoni fil-Belarussja
 L-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad
 Ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21
 It-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013)

Ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko
PDF 271kWORD 86k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każijiet ta' Eston Kohver, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko (2015/2838(RSP))
P8_TA(2015)0314RC-B8-0845/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Russa, b'mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha, li jiddikjara li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tkun amministrata mill-qrati biss, u l-Artikolu 120 tagħha, li jipprevedi li l-imħallfin huma indipendenti u subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja(1), wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexey Navalny(2), tat-30 ta' April 2015 dwar il-każ ta' Nadiya Savchenko(3), u tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar l-istat tar-relazzjonijiet UE-Russja(4),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tad-19 ta' Awwissu 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mongherini, dwar il-verdett kontra l-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-25 ta' Awwissu 2015 mill-VP/RGħ dwar is-sentenza mogħtija minn qorti Russa liċ-ċittadini Ukreni Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko,

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ Sergei Magnitsky(5), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja, tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja(6): l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(7), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħ tal-Premju Sakharov 2009) fir-Russja(8) u r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viża għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(9),

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport perjodiku tal-Federazzjoni Russa(10) kkunsidrat mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 136 laqgħa u fit-3 137 laqgħa(11), li saru fis-16 u s-17 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti, impenjat ruħha li tħares il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem; billi, minħabba l-bosta każijiet ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi tul ix-xhur li għaddew, hemm tħassib serju rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali; u billi l-Unjoni Ewropea ripetutament offriet għajnuna u għarfien addizzjonali biex tgħin lir-Russja ħalli timmodernizza u ssegwi l-ordinament kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

B.  billi l-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver inħataf f'Settembru 2014 minn territorju Estonjan mill-FSB u sussegwentement inżamm illegalment fir-Russja, att li jikkostitwixxi ksur ċar u serju tad-dritt internazzjonali;

C.  billi l-produttur tal-films Ukren Oleg Sentsov u l-attivista ċiviku Olexandr Kolchenko, li opponew l-annessjoni illegali tal-Peniżola tal-Krimea mir-Russja, ġew arrestati f'Mejju 2014 b'rabta ma' attivitajiet allegati mwettqa fil-Krimea; billi huma ġew trattati bħala ċittadini Russi minkejja l-fatt li għandhom ċittadinanza Ukrena;

D.  billi kemm fil-każ ta' Oleg Sentsov u kif ukoll fil-każ ta' Olexandr Kolchenko kien hemm allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin sever li wasslu għall-estrazzjoni illegali ta' depożizzjonijiet li għalihom ġie sussegwentement attribwit valur ġuridiku;

E.  billi Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko ttellgħu f'qorti militari għal delitti li għalihom il-qrati ċivili għandhom ġurisdizzjoni sħiħa; billi l-proċess kien imfixkel minn għadd ta' ksur proċedurali gravi;

F.  billi r-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati, Garbiela Knaul, fir-rapport tagħha ta' April 2014 wara żjara uffiċjali fil-Federazzjoni Russa, tesprimi tħassib serju dwar allegazzjonijiet ta' kemm theddid dirett u indirett lill-ġudikatura, u kif ukoll influwenza, interferenza u pressjoni fuqha mhux xierqa;

G.  billi hemm ħtieġa dejjem ikbar għal politika tal-UE soda, koerenti u komprensiva dwar ir-Russja li tiġi rispettata mill-Istati Membri kollha;

H.  billi l-Pakkett ta' Miżuri għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk kienu previsti biex jiżguraw ir-rilaxx u l-iskambju tal-ostaġġi kollha u tal-persuni kollha miżmuma illegalment, abbażi tal-prinċipju ta' "kollha għal kollha";

I.  billi diversi proċessi u proċedimenti ġudizzjarji matul l-aħħar ftit snin, inklużi l-każijiet Navalny, Magnitsky u Khodorkovsky, tefgħu dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa;

J.  billi l-UE ripetutament offriet għajnuna u kompetenza addizzjonali, permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, biex tappoġġja l-isforzi tar-Russja ħalli timmodernizza u tirrispetta l-ordinament kostituzzjonali u ġuridiku tagħha, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza mogħtija mill-qorti reġjonali ta' Pskov kif ukoll il-proċess sħiħ tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan Eston Kohver, li ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs wara li fl-2014 inħataf minn territorju Estonjan, li huwa parti mill-UE; iqis il-każ bħala ksur tad-dritt internazzjonali u tal-istandards elementari tal-ġustizzja;

2.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa taġixxi skont l-obbligi internazzjonali, tirrillaxxa b'mod immedjat lil Eston Kohver u tiggarantixxi r-ritorn sikur tiegħu lejn l-Estonja;

3.  Jesprimi t-twemmin profond tiegħu li sa mill-bidu nett, Eston Kohver ma ġiex provdut bid-dritt ta' proċess ġust, peress li ma kienx hemm smigħ pubbliku tal-każ, li l-konslu Estonjan ma tħalliex ikun preżenti waqt is-smigħ, li Eston Kohver ma ngħatax għajnuna ġuridika adegwata, li, barra minn dan, hu ġie mċaħħad minn żjarat minn martu u familtu, u ġie ordnat jissottoponi ruħu għal eżami psikjatriku mhux ġustifikat, li d-dettalji tiegħu baqgħu mhux magħrufa;

4.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza illegali u l-priġunerija ta' Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko; jistieden lill-Federazzjoni Russa biex b'mod immedjat tirrilaxxahom u tiggarantixxi r-ritorn sikur tagħhom lejn l-Ukrajna; jeżiġi li l-awtoritajiet Russi jinvestigaw b'mod immedjat, b'manjiera imparzjali u effikaċi, l-allegazzjonijiet ta' torturi kif iddikjarati mill-imputati u x-xhieda dwar il-każ, li ġew miċħuda mill-prosekutur waqt il-proċess; jitlob li din l-investigazzjoni tkun miftuħa wkoll għall-osservaturi internazzjonali;

5.  Jitlob għar-rilaxx taċ-ċittadini Ukrajni miżmuma illegalment, inkluża Nadiya Savchenko, f'konformità mal-Pakkett ta' Miżuri għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk maqbul u l-impenn għar-rilaxx tal-ostaġġi u tal-persuni detenuti kollha relatati mal-kunflitt fl-Ukrajna;

6.  Jiddeplora l-fatt li fil-Federazzjoni Russa l-liġi u l-ġustizzja huma użati bħala strumenti politiċi u bi ksur tad-dritt u l-istandards internazzjonali, li ppermettew l-għoti tas-sentenza lill-produttur tal-films Ukren Oleg Sentsov u lil Olexandr Kolchenko għal 20 sena u 10 snin ħabs rispettivament talli esprimew il-fehmiet tagħhom marbuta ma' pożizzjoni attiva favur l-Ukrajna kontra l-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa; jenfasizza, fi kwalukwe każ, li huma ma kellhomx jiġu pproċessati f'qorti militari u li x-xhieda kollha miksuba permezz ta' tortura u metodi illegali oħrajn kellha tiġi eskluża;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur sfaċċat tal-integrità territorjali tal-Ukrajna u tal-Estonja permezz tal-ħtif illegali taċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi sabiex jitressqu quddiem qorti Russa;

8.  Jissottolinja li l-qrati Russi mhumiex kompetenti biex jiġġudikaw atti mwettqa barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tar-Russja, u jirrimarka li l-proċedimenti ġudizzjarji fit-tliet każijiet kollha ma għandhomx jiġu meqjusa bħala leġittimi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jindirizzaw dawn il-każijiet fil-kuntatti tagħhom mal-awtoritajiet Russi u jirrapportaw lura lill-Parlament; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-istess fil-laqgħat bilaterali;

9.  Jissottolinja li l-awtoritajiet u l-persunal ġudizzjarju Russi jġorru r-responsabbiltà sħiħa għas-sikurezza u l-benessri tal-persuni miżmuma, u li d-dritt tagħhom għal żjarat mill-familja, li jikkuntattjaw ir-rappreżentanti diplomatiċi tagħhom, għal assistenza medika adegwata, għal konslu ġudizzjarju u konsulari u għal aċċess dettaljat kemm għalihom u kif ukoll għar-rappreżentanti ġuridiċi tagħhom għad-dokumenti u l-evidenza kollha relatata mal-akkużi kontrihom għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ;

10.  Itenni mill-ġdid il-kundanna tiegħu tat-trażżin kontinwu min-naħa tal-gvern ta' fehmiet dissidenti billi jimmira lejn NGOs indipendenti permezz tal-hekk imsejħa "liġi tal-aġenti barranin" u t-trażżin persistenti u multiformi ta' attivisti, avversarji politiċi u ta' dawk li jikkritikaw ir-reġim;

11.  Ifakkar lir-Russja dwar l-importanza ta' konformità sħiħa mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħha, u dwar il-fatt li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jittieħdu b'manjiera effikaċi u imparzjali u għandhom ikunu indipendenti, jikkonformaw bis-sħiħ mal-liġi u jkunu bbażati fuq evidenza leġittima, mingħajr ebda interferenza politika; iqis li l-Federazzjoni Russa, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, għandha tissodisfa l-obbligi li impenjat ruħha fir-rigward tagħhom;

12.  Jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi lista komuni tal-UE tal-uffiċjali responsabbli għall-ħtif, id-detenzjoni illegali u l-għoti ta' sentenzi lil Eston Kohver, Nadiya Savchenko, Oleg Sentsov u Olexandr Kolchenko, li tiġi imposta u implimentata projbizzjoni tal-viża mal-UE kollha fuq dawn l-uffiċjali, u li jiġu ffriżati l-assi finanzjarji kollha li huma, jew il-familja immedjata tagħhom, jista' jkollhom ġewwa l-Unjoni Ewropea;

13.  Jitlob li jiżdied il-monitoraġġ permanenti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u fit-territorji attwalment annessi mar-Russja; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istat li qed jiddeterjora tad-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrispettaw dawn id-drittijiet, inklużi d-dritt tal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda u l-istat tad-dritt, fir-Russja u fil-Krimea wara l-annessjoni illegali tagħha; jinnota li r-Russja għaldaqstant tkompli tikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

14.  Iħeġġeġ lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-VP/RGħ biex ifasslu strateġija politika komprensiva li tippermetti lill-UE tikseb mill-ġdid l-inizjattiva u biex isegwu politika ċara fir-rigward tar-Russja;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0074.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0006.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0186.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0225.
(5) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0284.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0253.
(8) Testi adottati, P8_TA(2014)0039.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0258.
(10) CCPR/C/RUS/7.
(11) CCPR/C/SR.3136 u 3137.


L-Angola
PDF 274kWORD 91k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar (2015/2839(RSP))
P8_TA(2015)0315RC-B8-0846/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Angola,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Mejju 2015 mill-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Angola,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta’ Ottubru 2014 wara l-ewwel Laqgħa Ministerjali Angola-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu “EU-Angola Joint Way Forward” tat-23 ta’ Lulju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar il-Libertà tal-Espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2014 fl-10 anniversarju tal-Linji Gwida tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 TUE u l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li fihom l-UE timpenja ruħha li “tkompli tappoġġa bis-sħiħ lid-difensuri tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha”,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f’dawn l-aħħar xhur il-Gvern Angolan intensifika l-azzjoni tiegħu dwar kwalunkwe suspett ta’ sfida għall-awtorità tiegħu, u b’hekk qed jikser id-drittijiet tal-bniedem imnaqqxa fil-Kostituzzjoni tal-Angola; billi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-għaqda fl-Angola jibqgħu jiġu mrażżna, u jeżisti tħassib li qed jikber li s-servizzi militari u s-servizzi sigrieti saru l-forzi tal-azzjonijiet wara l-arrest u l-prosekuzzjoni ta’ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi fl-14 ta’ Marzu 2015 l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem José Marcos Mavungo ġie arrestat mingħajr mandat, u fit-28 ta’ Awwissu 2015 l-Prosekutur António Nito talab lill-Qorti fil-provinċja Angolana ta’ Cabinda tikkundanna lil Mavungo għal 12-il sena ħabs bl-akkuża ta’ tixwix għal ribelljoni, minkejja li ebda evidenza ma ġiet ippreżentata li huwa kien wettaq xi reat;

C.  billi l-avukat Arão Bula Tempo ġie arrestat fl-istess jum fuq allegazzjoni ta’ involviment fl-organizzazzjoni tal-istess protesta; billi Arão Bula Tempo sussegwentement inħeles fit-13 ta’ Mejju 2015 waqt li l-proċess tiegħu fuq akkużi ta’ sedizzjoni għadu pendenti;

D.  billi l-ġurnalist u attivist tad-drittijiet tal-bniedem Rafael Marques ġie kkundannat fit-28 ta’ Mejju 2015 għal 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn għall-pubblikazzjoni fl-2011 tal-ktieb, “Blood Diamonds: Corruption and Torture in Angola”, li ta dettalji dwar aktar minn 100 qtil u mijiet ta’ każijiet ta’ tortura li allegatament twettqu minn gwardji tas-sigurtà u suldati fil-kampijiet għat-tiftix tad-djamanti tar-reġjun ta’ Lundas; billi l-ilmenti mressqa minn Marques lill-Prosekutur Pubbliku rigward il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun ta’ Lundas ma kinux suġġetti għal investigatzzjoni;

E.  billi 15-il attivist żagħżugħ ġew arrestati bejn l-20 u l-24 ta’ Ġunju 2015 b’konnessjoni ma’ diskussjoni politika privata; billi l-Kaptan Zenóbio Lázaro Muhondo Zumba ġie sussegwentament arrestat fit-30 ta’ Ġunju 2015 fuq raġunijiet ta’ rabtiet allegati mal-15-il attivist arrestat;

F.  billi dawk kollha detenuti ġew arrestati u akkużati illegalment u arbitrarjament li ħejjew ribelljoni u attentat ta’ kolp ta’ stat kontra l-President u membri oħra tal-gvern;

G.  billi l-15-il attivist detenuti huma miżmuma f’detenzjoni ta’ qabel il-proċess, ma ġewx mixlija formalment, huma mingħajr aċċess sħiħ għal parir legali u żjarat minn membri tal-familja li jippruvaw jipprovdu l-ikel, u qed jinżammu f’ċelel waħedhom;

H.  billi l-awtoritajiet arrestaw lill-attivisti u rrejdjawlhom djarhom ġew irrejdjati mingħajr ma ppreżentaw ebda mandat; billi ġie rrappurtat li kienu soġġetti għal tortura fiżika u psikoloġika kif ukoll theddid ta’ mewt;

I.  billi l-awtoritajiet qed jagħmlu theddid kontra l-ommijiet ta’ priġunieri żgħażagħ li qed jimmobilizzaw ruħhom, u l-partit MPLA li qed jiggverna żamm milli jsiru dimostrazzjonijiet minn persuni li jappoġġaw lill-attivisti biex jitolbu għall-ħelsien tagħhom; billi dimostrazzjoni paċifika minn qraba tal-priġunieri f’Luanda fit-8 ta’ Awwissu 2015 ntlaqgħet minn attakki u ripressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà fuq il-post;

J.  billi f’Lulju 2015 erba’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u korrispondent tad-Deutsche Welle ġew miżmuma temporanjament waqt li kienu qed iżuru attivisti oħra f’ħabs fil-provinċja ta’ Luanda fuq l-akkuża li kellhom l-intenzjoni li jagħmlu l-politika fil-ħabs;

K.  billi d-dritt tal-protesta paċifika u d-dritt ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni huma rikonoxxuti fil-kostituzzjoni Angolana;

L.  billi kien hemm rapporti ta’ massakru tas-segwaċi tas-setta reliġjuża Luz do Mundo fi Huambo f’April 2015 mill-forzi tal-pulizija; billi ċ-ċifri rrappurtati minn sorsi diverġenti jvarjaw minn tużżani għal eluf ta’ mwiet u ħafna persuni spustati; billi għal xhur il-Gvern naqas milli jindirizza l-urġenza li ssir investigazzjoni indipendenti, filwaqt li ċaħad feroċement iċ-ċifri għoljin; billi l-Ombudsman attwalment qed iħejji rapport dwar dawn l-avvenimenti;

M.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem talab li ssir inkjesta internazzjonali dwar l-inċident, li ġiegħel lill-Gvern jiftaħ investigazzjoni ġudizzjarja;

N.  billi l-Gvern tal-Angola żied ukoll kemm it-tkeċċijiet sfurzati tal-massa u kif ukoll dawk fuq skala żgħira f’Luanda u fi bliet oħra sabiex persuni li jgħixu f’insedjamenti informali jitneħħew u jiġu eliminati n-negozjanti tat-triq, inklużi nisa tqal u nisa bi tfal;

O.  billi ġiet introdotta leġiżlazzjoni ġdida f’Marzu 2015 li tiddelinja żieda fil-kontroll fuq l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

P.  billi s-soċjetà ċivili kemm-il darba ddenunzjat ir-rabta bejn il-korruzzjoni, it-tnaqqis u l-miżapproprjazzjoni tar-riżorsi naturali mill-élite li tiggverna u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra dawk li huma ta’ theddida għall-istatus quo u jiddenunzjawh;

Q.  billi, minkejja l-impenji li ħa l-Gvern tal-Angola biex jintensifika l-isforzi biex itejjeb is-sistema tiegħu ta’ kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) u l-ftit progress li sar, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja – organizzazzjoni intergovernattiva li twaqqfet fl-1989 fuq l-inizjattiva tal-G7 biex jiġu żviluppati politiki għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus – tkompli tidentifika nuqqasijiet strateġiċi fis-sistema AML/CFT tal-Angola;

R.  billi rapporti indipendenti stabbilixxew li d-dħul miż-żejt, ir-riżorsa ewlenija tal-Gvern, ma ġiex indirizzat lejn żvilupp sostenibbli jew komunitajiet lokali, filwaqt li l-élite li qed tiggverna saret aktar sinjura;

S.  billi l-Angola għandha riżervi minerali u taż-żejt vasti u hija waħda mill-ekonomiji li l-aktar qed jikbru malajr fid-dinja, b’mod speċjali minn tmiem il-gwerra ċivili; billi t-tkabbir ekonomiku tagħha huwa ferm inugwali, bil-maġġoranza tal-ġid nazzjonali kkonċentrat f’settur sproporzjonatament żgħir tal-popolazzjoni;

T.  billi l-kriżi ekonomika fil-pajjiż wara l-waqgħa drastika fid-dħul miż-żejt x’aktarx li tagħti spinta lil aktar inkwiet soċjali u protesti kontra l-gvern;

U.  billi f’Ottubru 2014 l-Angola tenniet l-impenn tagħha favur djalogu politiku u kooperazzjoni miftiehma fid-dokument EU-Angola Joint Way Forward, li fih il-governanza tajba, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma pilastri essenzjali;

V.  billi, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou bejn l-UE u l-Angola, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem iseħħ fil-qafas ta’ djalogu politiku formali mill-inqas darba fis-sena fil-qafas tad-dokument EU-Angola Joint Way Forward;

1.  Jinsab imħasseb profondament dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora malajr f’termini ta’ drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-ispazju demokratiku fl-Angola, kif ukoll l-abbużi serji mill-forzi tas-sigurtà u n-nuqqas ta’ indipendenza tal-ġudikatura;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Angola biex immedjatament u b’mod inkundizzjonat jeħilsu lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż Marcos Mavungo u l-15 + 1 attivist li ġew arrestati f’Ġunju 2015, u li jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom; jitlob ukoll għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta’ kull attivist ieħor, kull priġunier tal-kuxjenza jew kull avversarju politiku arrestat u detenut arbitrarjament unikament għall-fehmiet politiċi, ix-xogħol ġurnalistiku tiegħu jew il-parteċipazzjoni tiegħu f’attivitajiet paċifiċi;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw li ma jitwettaq l-ebda att ta’ tortura jew trattament ħażin ta’ detenuti u biex jiggarantixxu protezzjoni u aċċess sħaħ għall-familji u l-avukati tagħhom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Angola biex iwaqqfu immedjatament il-każijiet ta’ arrest arbitrarju, detenzjonijiet illegali u tortura mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà; itenni li investigazzjonijiet immedjati, imparzjali u bir-reqqa għandhom jitwettqu dwar l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża t-tortura, mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà u li dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

5.  Huwa serjament imħasseb dwar tentattivi kontinwi ta’ limitazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-midja, l-għaqda u l-assoċjazzjoni paċifika, u ż-żieda fil-vjolazzjonijiet ta’ dawn il-libertajiet mill-awtoritajiet, u jistieden lill-awtoritajiet Angolani jiżguraw ir-rispett immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta’ dawn il-libertajiet; jistedinhom ukoll jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Angola;

6.  Jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE f’Luanda sabiex tikseb riżultat mill-impenji tas-SEAE biex tappoġġja u tipproteġi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (HRDs) madwar id-dinja kollha permezz ta’ passi konkreti u viżibbli li b’mod speċjali jinkludu osservazzjoni tal-proċess, appoġġ politiku u materjali għall-HRDs, l-avukati u l-familji tagħhom u l-kooperazzjoni sistematika mill-UE u l-Istati Membri tagħha mal-awtoritajiet tal-Angola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha tar-relazzjonijiet, inkluż fl-ogħla livell; jitlob ukoll lid-delegazzjoni biex iżżid id-djalogu politiku mal-Gvern Angolan fir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali kollha kif ukoll dawk rigward l-iżvilupp, sabiex tiżgura li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem kif imwiegħed matul l-1 Laqgħa Ministerjali UE-Angola ta’ Ottubru 2014; iħeġġu biex juża kull għodda u strument xieraq, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, biex jagħmel dan;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-livell għoli ta’ korruzzjoni mill-awtoritajiet tal-Angola li timmina serjament ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp, sabiex jimplimentaw il-prinċipji tal-approċċ tas-sett ta’ għodod tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma jinnegozjaw mal-Angola, u biex jirrevedu s-setturi ċentrali tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tagħha taħt il-11-il FEŻ;

8.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li minkejja li tlesta stħarriġ nazzjonali fl-2007 u programm kbir ta’ azzjoni dwar il-mini, il-kobor tat-theddida mill-APL/ERW għadu mhux magħruf konfidenzjalment; iIħeġġeġ lill-UE sabiex tissorvelja, tikkontrolla u tevalwa l-użu effettiv tal-fondi u sabiex tiżgura li l-baġit allokat jintuża b’mod effiċjenti u mmirat sabiex l-art tkun ikklirjata kif għandu jkun;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Angolani jasserixxu l-indipendenza tagħhom minn kwalunkwe strumentalizzazzjoni politika u sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti minn strumenti legali, bħall-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern Angolan iwettaq inkjesta urġenti, trasparenti u kredibbli dwar il-massakru ta’ Huambo, u li jipprovdi appoġġ lil dawk li ħelsuha u li ġew spustati; itenni l-appelli tan-NU għal investigazzjoni internazzjonali u indipendenti komplementari;

11.  Jibqa’ mħasseb dwar il-fatt li l-miżuri biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal ma ġewx implimentati; jistieden lill-awtoritajiet biex isaħħu l-ġlieda kontra prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara, bħall-istigmatizzazzjoni ta’ tfal akkużati bis-seħer;

12.  Ifakkar fl-impenn li ħadet l-Angola fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, il-governanza tajba u t-trasparenza f'karigi politiċi; iħeġġeġ lill-Gvern Angolan jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet f’konformità mal-Artikoli 11(b), 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou u, fin-nuqqas ta' dan, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti bidu għall-proċedura rilevanti skont l-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

13.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw it-trasparenza tal-kummerċ tar-riżorsi naturali kollha, inkluż iż-żejt, u b’mod partikolari biex jimplimentaw u jimmonitorjaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar rappurtar pajjiż b’pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Angolani u lill-kumpaniji barranin jgħinu fit-tisħiħ tal-governanza fl-industrija estrattiva billi jżommu mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi u jirrevedu l-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Kimberley; jistieden ukoll lill-Gvern Angolan jippreżenta pjan biex jissieħeb fis-Sħubija ta’ Gvern Miftuħ u minn hawn ’il quddiem jistabbilixxi pjan konkret biex jiġġieled il-korruzzjoni, iżid it-trasparenza u jsaħħaħ ir-responsabilità pubblika;

14.  Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Uniti jikkooperaw u jikkoordinaw dwar l-implimentazzjoni tas-Sezzjoni 1504 tad-Dodd-Frank Act;

15.  Jistieden lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri iżidu l-viġilanza ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus inklużi l-prinċipji normattivi tad-diliġenza dovuta u analiżi tar-riskju xierqa, speċjalment bl-involviment ta’ Persuni Politikament Esposti li joriġinaw mill-Angola;

16.  Jilqa’ r-rikonoxximent min-naħa tal-Gvern Angolan ta’ problemi f’dak li jirrigwarda l-kumpens f’każijiet ta’ konfiska tal-art, u jilqa’ r-rapporti tal-midja li jindikaw li l-mekkaniżmi ta’ distribuzzjoni u kumpens qed jitjiebu; iħeġġeġ lill-Gvern ikompli bl-isforzi tiegħu f’din id-direzzjoni;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kummissjoni Afrikana għad-Drittijiet tal-bniedem u tal-Popli, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun SADC, lill-President u l-Parlament tal-Angola, lill-Gvern tal-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.


L-Ażerbajġan
PDF 283kWORD 101k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-Ażerbajġan (2015/2840(RSP))
P8_TA(2015)0316RC-B8-0856/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-relazzjoni stabbilita bejn l-UE u l-Ażerbajġan, b'effett mill-1999, kif rappreżentata bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ħolqien tas-Sħubija tal-Lvant (SL), in-negozjati dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan u l-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fl-Assemblea Parlamentari Euronest,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-pajjiż tal-PEV 2014 dwar l-Ażerbajġan tal-25 ta' Marzu 2015 (SWD(2015)0064),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV bejn l-UE u l-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tat-22 ta' Lulju 2015 tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, wara l-laqgħa tiegħu mal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev,

–  wara li kkunsidra ż-żjara f'Baku tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, mit-23 sas-26 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Settembru 2015 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein, li fiha kkundanna t-trażżin li għaddej tas-soċjetà ċivili u tal-ilħna indipendenti fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn fir-rigward tad-detenzjoni, il-priġunerija, is-sentenzjar u l-omiċidji ta' ġurnalisti ewlenin u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tad-19 ta' Awwissu 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan fil-laqgħa tal-Kunsill Permanenti Speċjali tal-OSKE Nru 1064 fi Vjenna,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar il-każ ta' Khadija Ismayilova, il-każijiet ta' Leyla Yunus, direttriċi tal-Istitut għall-Paċi u d-Demokrazija fl-Ażerbajġan, u ta' żewġha, Arif Yunus, u l-omiċidju tal-ġurnalist Ażerbajġani, Rasim Aliyev,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ħelsinki adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE fis-sessjoni annwali tagħha bejn il-5 ta' Lulju u d-9 ta' Lulju 2015, li "tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa u l-priġunerija fuq akkużi politikament motivati ta' ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'diversi Stati parteċipanti tal-OSKE u tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha dwar l-użu ħażin kontinwu ta' leġiżlazzjoni fiskali u amministrattiva biex dawn l-atti jiġu ġustifikati",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-23 ta' Ġunju 2015 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa li tiddikjara li l-emendi reċenti għal-liġi dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi "jirrestrinġu aktar l-operat tal-NGOs fl-Ażerbajġan",

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-għaxar anniversarju ta' dawn il-linji gwida,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan iddeterjorat kontinwament matul l-aħħar snin, b'intimidazzjoni akbar u repressjoni u intensifikazzjoni tal-prattika ta' prosekuzzjoni kriminali ta' mexxejja ta' NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-ġurnalista investigattiva li rebħet il-premijiet għal RFE/RL, Khadija Ismayilova ngħatat sentenza ta' seba' snin u nofs priġunerija fuq akkużi allegati ta' miżapproprjazzjoni, approprjazzjoni indebita u evażjoni tat-taxxa wara li ppubblikat diversi stejjer ta' korruzzjoni li jirrigwardaw il-familja tal-President; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Leyla u Arif Yunus, ingħataw sentenza ta' tmien snin u nofs u seba' snin priġunerija rispettivament fuq akkużi li jinkludu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fi proċess li naqas sew milli jirrispetta l-istandards internazzjonali; billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem magħruf, Rasul Jafarov, u l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem irrispettat ferm, Intigam Aliyev, ingħataw sentenza fuq akkużi simili, wara proċessi mtappna bi ksur tal-proċess ġust, u attwalment qed jiskontaw pieni ta' ħabs ta' sitt snin u tliet xhur u seba' snin u nofs rispettivament; billi bosta persuni prominenti oħra tas-soċjetà ċivili tal-Ażerbajġan għadhom il-ħabs, fosthom Anar Mammadli, Rauf Mirkadirov, Ömar Mammadov, Tofiq Yaqublu, Ilgar Mammadov, Nijat Aliyev, Araz Guliyev, Parviz Hashimli, Seymur Hezi, Hilal Mammadov u Taleh Khasmammadov, u billi s-saħħa ta' wħud minn dawn il-priġunieri sejra lura kontinwament;

C.  billi Leyla Yunus u Rasul Jafarov, qabel ma ġew arrestati, mexxew grupp ta' difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem mill-Ażerbajġan u esperti li pproduċew lista ta' kważi mitt persuna mill-Ażerbajġan li jikkwalifikaw bħala priġunieri politiċi skont id-definizzjoni adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-2012;

D.  billi ġurnalisti u mexxejja tas-soċjetà ċivili qed ikunu soġġetti għal intimidazzjoni u fastidju kontinwi, fosthom Emin Milli, Direttur of Meydan TV, li rċieva theddid ta' mewt u li membri tal-familja tiegħu ġew arrestati fuq akkużi foloz, kif ukoll ġurnalisti li jaħdmu ma' Meydan TV fl-Ażerbajġan; billi l-fundatur tal-istitut għal-Libertà u s-Sikurezza tar-Reporters (IRFS) u difensur tad-drittijiet tal-bniedem, Emin Huseynov, talab kenn fl-Iżvizzera wara li kellu jaffaċċja akkużi foloz u rtirawlu ċ-ċittadinanza Ażerbajġana;

E.  billi ħafna aktar ġurnalisti u attivisti tas-soċjetà ċivili qed jaffaċċjaw proċedimenti ġudizzjarji, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment tagħhom b'rabta mal-attivitajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Gvern Ażerbajġani qed irażżan ukoll lil gruppi indipendenti permezz ta' liġijiet restrittivi ġodda li jirregolaw lill-NGOs; billi minħabba dawn il-liġijiet ħafna gruppi ġew effettivament imġiegħla jagħlqu wara li l-kontijiet bankarji tagħhom ġew iffriżati jew is-sorsi ta' finanzjament tagħhom ġew imblukkati wara r-rifjut tal-gvern li jawtorizza għotjiet ġodda minn organizzazzjonijiet ta' donaturi barranin;

F.  billi dimostranti paċifiċi ġew effettivament ipprojbiti milli jipprotestaw fiċ-ċentru ta' Baku sa mill-2006, u reċentement ġew introdotti multi ġodda ħorox u perjodi itwal ta' detenzjoni amministrattiva għal dawk li jorganizzaw laqgħat pubbliċi mhux awtorizzati jew jipparteċipaw fihom;

G.  billi l-President tal-IRFS, il-ġurnalist Rasim Aliyev, miet fi sptar f'Baku wara li ngħata xebgħa kbira, wara theddid u intimidazzjoni kontinwi minħabba l-kritika tiegħu tal-President Aliyev permezz tal-midja soċjali;

H.  billi l-Ażerbajġan huwa wieħed mill-membri fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-mexxejja tal-UE u tal-Lvant tal-Ewropa affermaw mill-ġdid diversi drabi li s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq komunità ta' valuri u fuq il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; billi l-Ażerbajġan jaspira li jsaħħaħ u japprofondixxi r-relazzjonijiet tiegħu mal-UE, bl-għan ta' sħubija strateġika;

I.  billi fl-2014 l-UE ma setgħetx tiżborżja 11 mit-13-il għotja tagħha lill-NGOs minħabba l-leġiżlazzjoni restrittiva, u għadha ssib limitazzjonijiet kbar fl-abbiltà tagħha li tiffinanzja lil gruppi tas-soċjetà ċivili u attivisti indipendenti fl-Ażerbajġan; billi l-biċċa l-kbira tal-persuni li jirċievu l-għotjiet tal-UE jew qegħdin il-ħabs –pereżempju l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem, Intigam Aliyev– jew ħarbu mill-pajjiż u għalqu l-operazzjonijiet tagħhom;

J.  billi l-uffiċċju tal-OSKE f'Baku ngħalaq fl-4 ta' Lulju 2015 wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Ażerbajġan li jitterminaw il-Memorandum ta' Qbil bejn il-Gvern tal-Ażerbajġan u l-OSKE;

K.  billi Freedom House jikkunsidra l-Ażerbajġan bħala "mhux liberu", u jikklassifika l-istampa tiegħu bħala "mhux libera" u l-internet tiegħu bħala "parzjalment liberu"; billi l-Ażerbajġan ġarrab l-akbar deterjorament tal-governanza demokratika fil-Eurasia kollha matul l-aħħar deċennju;

L.  billi f'Novembru 2015 fl-Ażerbajġan se jsiru elezzjonijiet parlamentari; billi l-Parlament Ewropew ma bagħatx Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali, billi l-valutazzjoni kienet li l-kuntest biex isiru elezzjonijiet liberi u ġusti ma jeżistix u limitazzjonijiet fuq il-libertajiet ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni fil-pajjiż jagħmluha impossibbli li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati u li tiġi organizzata votazzjoni ġenwinament kompetittiva;

M.  billi l-kooperazzjoni settorjali hija ta' benefiċċju reċiproku, speċjalment fis-settur tal-enerġija; billi l-Ażerbajġan għandu l-potenzjal li jsir wieħed mis-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u jfakkar li l-UE torbot importanza speċjali mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-kuntest ta' kooperazzjoni bilaterali, bħala elementi kruċjali tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll bħala pilastri fundamentali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, li tagħhom it-tnejn l-Ażerbajġan huwa membru;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjoni mill-ħabs tal-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u attivisti oħra tas-soċjetà ċivili kollha, inklużi Khadija Ismayilova, Leyla Yunus u Arif Yunus, Anar Mammadli, Rasul Jafarov, Intigam Aliyev, Rauf Mirkadirov, Ömar Mammadov, Tofiq Yaqublu, Nijat Aliyev, Araz Guliyev, Parviz Hashimli, Seymur Hezi, Hilal Mammadov, Taleh Khasmammadov u Ilgar Mammadov, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom, u li jiġu restawrati totalment id-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom kif ukoll l-immaġni pubblika tagħhom;

3.  Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni bla preċedent kontra s-soċjetà ċivili fl-Ażerbajġan; itenni t-tħassib serju tiegħu għad-destin tal-kollegi ta' dawk arrestati li għadhom ħielsa iżda jinsabu taħt investigazzjoni kriminali, fid-dawl ta’ rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u NGOs nazzjonali u internazzjonali dwar l-użu allegat ta’ akkużi vvintati kontra persuni politiċi, attivisti u ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex itemmu l-prattiki ta' prosekuzzjoni kriminali selettiva u ta' priġunerija ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u oħrajn li jikkritikaw il-gvern, u biex jiżguraw li l-persuni kollha arrestati, inklużi ġurnalisti, attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, igawdu d-drittijiet kollha ta' proċess ġust, b'mod partikolari aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom u aċċess għall-familji tagħhom, u jkunu koperti minn normi oħra ta' proċess ġust;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità mogħtija mill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex tim mediku Ewropew iżur lil Leyla u Arif Yunus, u jappella għar-rilaxx tagħhom, anke għal raġunijiet umanitarji; jiġbed l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet ta’ priġunerija ta’ Leyla u Arif Yunus kif ukoll ta' Intigam Aliyev li wasslu għal deterjorament serju tas-saħħa tagħhom b'konsegwenzi li potenzjalment jipperikolawlhom ħajjithom; jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jippermettu li tim mediku Ewropew jeżamina lil Intigam Aliyev u biex jiżguraw li fejn meħtieġ il-priġunieri kollha jirċievu l-kura tas-saħħa xierqa;

5.  Jitlob għal investigazzjoni rapida dwar il-mewt tal-ġurnalist u president tal-IRFS, Rasim Aliyev; jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet imressqa minn grupp ta' ġurnalisti li s-Sur Aliyev miet għaliex ma rċeviex għajnuna xierqa mit-tobba allokati lilu l-isptar;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet fl-Ażerbajġan li l-benesseri tal-popolazzjoni, li jinkludi r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet, huwa komponent essenzjali ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli;

7.  Jistieden lill-Ażerbajġan biex jirrispetta u jimplimenta l-impenji tiegħu meħuda bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDK) rigward l-Ażerbajġan; jappella biex jiġu rrispettati s-sentenza tas-16 ta' Ġunju 2015 u s-sentenzi l-oħra kollha tal-QEDB;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ażerbajġan biex jikkoopera bis-sħiħ u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-proċeduri speċjali tan-NU fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u għaqda paċifika, il-libertà ta’ espressjoni u l-arrest arbitrarju, bil-għan li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u jadatta l-prattiki tiegħu f’konformità sħiħa mal-konklużjonijiet tal-esperti;

9.  Jistieden lill-gvern tal-Ażerbajġan biex immedjatament itemm it-trażżin tiegħu fuq is-soċjetà ċivili u l-ħidma marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiżgura li gruppi u attivisti tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu joperaw mingħajr tfixkil mhux meħtieġ jew biża' ta' persekuzzjoni, inkluż billi jitħassru liġijiet li jirrestrinġu severament is-soċjetà ċivili, ma jibqgħux iffriżati l-kontijiet bankarji ta' gruppi mhux governattivi u tal-mexxejja tagħhom u jippermettu aċċess għal finanzjament barrani;

10.  Jiddeplora l-azzjonijiet kontinwi meħuda mill-gvern Ażerbajġani biex jaqta' l-kuntatti bejn gruppi tas-soċjetà ċivili, attivisti żgħażagħ u intellettwali fl-Armenja u l-Ażerbajġan, li huma ta' importanza kbira biex titnaqqas l-ostilità twila bejn iż-żewġ pajjiżi; f' dan ir-rigward, ifakkar għal darb'oħra fil-ħidma importanti li saret f'dan il-qasam minn Leyla u Arif Yunus;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika u kemm online kif ukoll offline, sabiex jiggarantixxu l-libertà ta’ espressjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali u biex itemmu ċ-ċensura ta' kritika dwar il-gvern permezz ta' entitajiet ta' informazzjoni;

12.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Ażerbajġan; jikkundanna bil-qawwa d-diskors ta’ mibegħda kontra l-persuni LGBTI li jiġi mill-ogħla livelli; jistieden lill-gvern Ażerbajġani biex jieqaf jostakola u jintimida d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu għad-drittijiet ta’ persuni LGBTI;

13.  Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu serju u reċiprokament rispettuż bejn l-UE u l-gvern tal-Ażerbajġan, il-forzi tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili;

14.  Itenni li n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika mal-Ażerbajġan għandhom jitwaqqfu immedjatament sakemm il-gvern jonqos milli jieħu passi konkreti li bihom imexxi 'l quddiem ir-rispett għad-drittijiet universali tal-bniedem;

15.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex japplikaw b'mod strett il-prinċipju "aktar għal aktar", b'iffukar speċifiku fuq is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riformi demokratiċi u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif ukoll biex jistipulaw b'mod ċar il-konsegwenzi jekk jaqgħu lura fir-riformi; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid u tissospendi temporanjament, jekk meħtieġ, il-fondi kollha mhux relatati mad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni bejn il-persuni fil-livell bażiku mogħtija lill-Ażerbajġan permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, fid-dawl tal-inċidenti msemmija hawn fuq tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li sfaw fil-mira talli ddokumentaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu l-finanzjament għal kuntatti bejn il-persuni u l-kooperazzjoni f'ċerti oqsma bħas-soċjetà ċivili, l-edukazzjoni u l-akkedemja, kif ukoll iż-żgħażagħ u l-iskambji tal-istudenti;

16.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex joħolqu rispons qawwi u unifikat għat-trażżin li għaddej fl-Ażerbajġan, sabiex jagħmluha ċara li s-sitwazzjoni prevalenti hija totalment inaċċettabbli u li ma jistax ikun li wieħed jaġixxi qisu xejn mhu xejn sakemm il-gvern jillibera lil dawk kollha arrestati fuq akkużi motivati politikament u jtemm it-trażżin li għaddej kontra gruppi tas-soċjetà ċivili indipendenti;

17.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji Ewropej li joperaw fl-Ażerbajġan biex jitkellmu apertament meta jirrikjedu standards għolja tad-drittijiet tal-bniedem u biex jadottaw standards għolja ta' responsabilità soċjali korporattiva, b'kunsiderazzjoni għall-impatt tal-azzjonijiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

18.  Jiddispjaċih li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem l-UE u l-Ażerbajġan ma għamel ebda progress sostanzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lis-SEAE jtejjeb dan id-djalogu bil-ħsieb li jagħmlu effikaċi u orjentat lejn ir-riżultati, u jirrapporta regolarment lill-Parlament;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE biex iwettqu investigazzoni profonda tal-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-President Aliyev u membri tal-familja tiegħu li nkixfet mil-ħidma tal-ġurnalista investigattiva Khadija Ismaylova;

20.  Jistieden lill-Kunsill biex jevita standards doppji fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u biex jikkunsidra f’dan ir-rigward, sanzjonijiet immirati u projbizzjonijiet tal-viża kontra l-politiċi, l-uffiċjali u l-imħallfin kollha involuti fil-persekuzzjonijiet politiċi;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jikkooperaw u jiffaċilitaw żjarat minn rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE; jiddeplora bis-saħħa d-deċiżjoni mill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jingħalqu l-uffiċċji tal-OSKE f'Baku;

22.  Jinnota li osservaturi elettorali indipendenti, inklużi l-missjoni ta’ osservazzjoni fit-tul tal-OSKE u oħrajn nazzjonali, iddokumentaw ksur serju tal-istandards elettorali fl-Ażerbajġan għall-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari kollha mill-elezzjoni presidenzjali 'l hawn ta’ Ottubru 2003 u inkluża dik l-elezzjoni; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar jekk hemmx il-kundizzjonijiet fis-seħħ għal votazzjoni ħielsa u ġusta fl-1 ta’ Novembru 2015, minħabba li l-mexxejja tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew arrestati, il-midja u l-ġurnalisti mhumiex permessi li joperaw liberament u mingħajr intimidazzjoni, u klima ta’ biża’ hija prevalenti;

23.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri tal-UE biex jiddeżistu minn attivitajiet ta' osservazzjoni elettorali għalissa. Jinnota li missjoni tal-ODIHR hija attwalment fis-seħħ u huwa tal-ogħla importanza li wieħed ikun jaf dwar l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;

24.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jibgħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-Ażerbajġan u jenfasizza l-importanza li jibgħat din id-delegazzjoni kemm jista' jkun malajr sabiex jibda djalogu mal-awtoritajiet Ażerbajġani dwar kwistjonijiet urġenti bħad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitt f'Nagorno-Karabakh;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.


Il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa
PDF 283kWORD 99k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa (2015/2833(RSP))
P8_TA(2015)0317RC-B8-0832/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2013 dwar miżuri tal-UE u tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-fluss ta' rifuġjati b'riżultat tal-kunflitt fis-Sirja(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni f'għaxar punti dwar il-migrazzjoni adottat fil-laqgħa konġunta tal-Kunsill Affarijiet Barranin u l-Kunsill Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015 dwar il-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) bit-titolu "Lives lost in the Mediterranean Sea" (Ħajjiet mitlufa fil-Baħar Mediterran),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika, jew "il-Proċess ta' Khartoum", li l-Unjoni Afrikana u l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE adottaw fit-28 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, b'mod partikolari dak bit-titolu "Banking on mobility over a generation: follow-up to the regional study on the management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" (Fiduċja fil-mobilità għal ġenerazzjoni sħiħa: segwitu tal-istudju reġjonali dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti), ippubblikat f'Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) dwar is-Sitwazzjoni tal-Asil fl-Unjoni Ewropea 2014,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu li sar fil-Parlament fid-9 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bħala konsegwenza tal-kunflitti persistenti, l-instabbiltà reġjonali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, għadd bla preċedent ta' persuni qegħdin ifittxu protezzjoni fl-UE; billi l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil li jikkonċernaw it-tfal żdied b'75 % mis-sena l-oħra 'l hawn; billi l-perjodu tas-sajf għal darb'oħra wera li l-migrazzjoni mhijiex kwistjoni temporanja u li ż-żieda f'daqqa fl-għadd ta' rifuġjati jidher li se tkompli, u dan jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa urġenti li jsir dak kollu li huwa possibbli biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nies li qed jaħarbu minn pajjiżhom u li qegħdin fil-periklu, u l-fatt li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inklużi l-obbligi ta' salvataġġ fuq il-baħar;

B.  billi fl-2015, skont id-data tal-UNHCR, 2 800 persuna bejn nisa, irġiel u tfal ġew rappurtati mejta jew nieqsa fit-tentattiv tagħhom li jaslu f'post sikur fl-Ewropa; billi r-rifuġjati u l-migranti qegħdin ukoll jitilfu ħajjithom fil-vjaġġ tagħhom fuq l-art madwar l-Ewropa;

C.  billi t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u jpoġġu l-ħajjiet tal-immigranti f'riskju biex huma jagħmlu l-qligħ, huma responsabbli għal eluf ta' mwiet u jirrappreżentaw sfida serja għall-UE u l-Istati Membri; billi t-traffikanti jiġġeneraw profitti ta' EUR 20 biljun fis-sena permezz tal-attivitajiet kriminali tagħhom; billi, skont il-Europol, gruppi tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw b'mod attiv it-trasport tal-migranti irregolari madwar il-Baħar Mediterran għandhom konnessjonijiet mat-traffikar tal-bnedmin, id-drogi, l-armi tan-nar u t-terroriżmu;

D.  billi, skont id-data tal-FRONTEX, il-pajjiżi ewlenin li minnhom joriġinaw il-persuni li qed ifittxu asil fl-2015 huma s-Sirja, l-Afganistan, l-Eritrea u l-Iraq; billi, skont il-Eurostat, l-maġġoranza l-kbira tal-persuni li jaħarbu minn dawn il-pajjiżi lejn l-Ewropa jingħataw protezzjoni;

E.  billi l-instabbiltà u l-kunflitti reġjonali u l-espansjoni tal-IS/Da'esh fiż-żoni ta' kunflitt ġirien qed ikollhom impatt fuq l-influss massiv ta' migranti u fuq il-flussi ta' persuni spostati u, għalhekk, fuq l-għadd ta' individwi li qed jippruvaw jaslu fl-UE;

F.  billi l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew, li saret bejn il-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, u l-laqgħa sussegwenti tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-20 ta' Lulju 2015 naqsu milli jiġġeneraw ftehim dwar mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni vinkolanti għar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tal-persuni, u minflok intlaħaq qbil fuq mekkaniżmu volontarju; billi l-Istati Membri naqsu milli jilħqu ftehim biex joffru 40 000 post għar-rilokazzjoni ta' rifuġjati mill-Greċja u l-Italja u minflok impenjaw ruħhom fir-rigward ta' 32 256 post biss;

G.  billi fit-3 ta' Settembru 2015 il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk appella biex 100 000 rifuġjat, mill-inqas, jitqassmu mill-ġdid;

H.  billi, minflok it-teħid ta' deċiżjonijiet ad hoc attwali, jeħtieġ li jiġi żviluppat approċċ fuq terminu itwal fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni;

I.  billi ħafna ċittadini qed juru livell bla preċedent ta' solidarjetà mar-rifuġjati, b'akkoljenza mill-qalb u livell impressjonanti ta' appoġġ; billi b'hekk iċ-ċittadini Ewropej qegħdin juru li l-kompassjoni u l-protezzjoni ta' dawk fil-bżonn għadhom valuri Ewropej awtentiċi;

J.  billi s-sitwazzjoni attwali enfasizzat nuqqas ta' solidarjetà deplorevoli min-naħa tal-gvernijiet fil-konfront tal-persuni li qed ifittxu asil, kif ukoll azzjoni mhux koordinata u koerenti biżżejjed; billi dan qed iwassal għal sitwazzjoni kaotika u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-pożizzjonijiet differenti meħuda minn Stati Membri individwali jkomplu jenfasizzaw il-fatt li l-UE għandha 28 politika frammentata dwar il-migrazzjoni; billi n-nuqqas ta' proċeduri u standards armonizzati tal-asil fl-Istati Membri jwassal għal livelli differenti ta' protezzjoni, u f'ċerti każijiet anke għal garanziji mhux adegwati għall-persuni li jfittxu asil;

K.  billi xi Stati Membri u l-mexxejja tagħhom ħadu approċċ proattiv u wrew livell għoli ta' preparazzjoni u rieda li jilqgħu lir-rifuġjati u jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti u obbligatorju għall-allokazzjoni ta' rifuġjati fost l-Istati Membri kollha; billi Stati Membri oħrajn għandhom isegwu dan l-eżempju;

L.  billi r-rapport strateġiku dwar approċċ olistiku għall-migrazzjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern se jindirizza l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil tal-UE fl-intier tagħha;

M.  billi skont il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati (il-Konvenzjoni ta' Ġinevra) persuni jistgħu jfittxu asil irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom sakemm ikollhom biża' motivat li jiġu persegwitati minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tagħhom;

1.  Jesprimi dispjaċir u niket kbar għat-telf traġiku tal-ħajjiet ta' nies li jkunu qed ifittxu asil fl-UE; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu kulma jistgħu sabiex jimpedixxu aktar imwiet fuq il-baħar jew fuq l-art;

2.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-għadd kbir ta' rifuġjati u migranti li huma vittmi ta' kunflitti, ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, nuqqasijiet ta' governanza tanġibbli u repressjoni ħarxa;

3.  Jilqa' l-isforzi tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u ta' dawk l-individwi madwar l-Ewropa kollha li qed jorganizzaw ruħhom bi ħġarhom biex jilqgħu u jagħtu l-għajnuna lir-rifuġjati u lill-migranti; iħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej ikomplu bl-appoġġ u l-involviment tagħhom għal reazzjoni umanitarja għall-kriżi tar-rifuġjati; jemmen li azzjonijiet bħal dawn juru twemmin ġenwin fil-valuri Ewropej u huma sinjal ta' tama għall-ġejjieni tal-Ewropa;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil; itenni l-ħtieġa li l-UE tibbaża r-reazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni attwali tar-rifuġjati fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u fuq approċċ olistiku li jieħu inkonsiderazzjoni l-migrazzjoni sikura u legali u r-rispett sħiħ għad-drittijiet u l-valuri fundamentali;

5.  Itenni l-impenn tiegħu li jinfetħu l-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen, filwaqt li tiġi żgurata l-ġestjoni effikaċi tal-fruntieri esterni; jenfasizza li l-moviment liberu tal-persuni fi ħdan iż-żona Schengen kienet waħda mill-akbar kisbiet għall-integrazzjoni Ewropea;

6.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, inkluża l-inizjattiva l-ġdida għal rilokazzjoni b'emerġenza ta' numru akbar ta' persuni li qed ifittxu asil u li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, li tkopri l-Greċja, l-Italja u l-Ungerija; japprova d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li fiha ħabbret mekkaniżmu ta' rilokazzjoni permanenti li jiġi attivat f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u li jqis l-għadd ta' rifuġjati preżenti fi Stat Membru, u li huwa bbażat fuq l-Artikolu 78(2) tat-TFUE; huwa lest jittratta l-iskema l-ġdida ta' rilokazzjoni b'emerġenza fil-qafas ta' proċedura rapida u jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi bil-miżuri l-oħra kollha proposti mill-Kummissjoni b'mod parallel, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jdewmux l-iskema ta' rilokazzjoni permanenti; ifakkar lill-Kunsill li l-Parlament jaqbel bis-sħiħ ma' mekkaniżmu ta' rilokazzjoni vinkolanti li, kemm jista' jkun, iqis il-preferenzi tar-rifuġjati;

7.  Jilqa' l-appoġġ operazzjonali li l-Kummissjoni se tagħti lill-Istati Membri l-aktar esposti, bħall-Greċja, l-Italja u l-Ungerija, permezz ta' "hotspots" permezz tal-użu tal-għarfien espert tal-aġenziji tal-UE bħall-FRONTEX, l-EASO u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), biex tgħin lill-Istati Membri fir-reġistrazzjoni tal-persuni li jaslu; ifakkar lill-Istati Membri li s-suċċess ta' dawn iċ-ċentri ta' reġistrazzjoni jiddependi minn kemm ikunu lesti jirrilokaw rifuġjati mill-"hotspots" għat-territorji tagħhom; jemmen li approċċ bħal dan għandu jipprevedi biċ-ċar mekkaniżmi effikaċi biex jiġu identifikati l-persuni bi bżonnijiet speċifiċi u biex dawn jiġu riferuti għand is-servizzi adatti;

8.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li d-dispożizzjoni dwar l-hekk imsejjaħ "pajjiż ta' oriġini sikur" fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil tissaħħaħ billi titfassal lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri; jifhem li dan l-approċċ jista' jillimita d-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi; ifakkar li r-rata ta' aċċettazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-asil tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, inkluż fir-rigward ta' pajjiżi ta' oriġini partikolari; jitlob li jittieħdu passi biex jiġi żgurat li dan l-approċċ ma jimminax il-prinċipju ta' non-refoulement u d-dritt individwali għall-asil, speċjalment dak ta' persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex temenda r-Regolament ta' Dublin b'tali mod li tiddaħħal sistema permanenti u vinkolanti ta' tqassim ta' persuni li jfittxu asil fost it-28 Stat Membru, permezz ta' koeffiċjent ta' allokazzjoni ġust u obbligatorju, filwaqt li jitqiesu l-prospetti ta' integrazzjoni u l-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-persuni kkonċernati stess;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu spazju u prontezza mil-lat baġitarju fil-provvedimenti tal-baġit tal-2016 u tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), sabiex ikun jista' jingħata appoġġ aktar mgħaġġel u aktar sostanzjali lill-EASO u lill-Istati Membri fir-rigward tal-azzjonijiet tagħhom għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-rifuġjati, inkluż fil-qafas tal-iskemi ta' rilokazzjoni u risistemazzjoni;

11.  Jappella għal traspożizzjoni sħiħa u implimentazzjoni effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil min-naħa tal-Istati Membri parteċipanti kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri qegħdin jimplimentaw kif xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi żgurat li qed jiġu applikati standards komuni effikaċi, konsistenti u umani fl-UE kollha filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal;

12.  Jemmen li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għandha timxi id f'id mar-rispett għall-proċeduri u l-istandards li jippermettu lill-Ewropa tiżgura trattament uman u dinjituż tal-persuni rimpatrijati, f'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement; ifakkar li r-ritorn volontarju għandu jingħata prijorità fuq ir-ritorn furzat;

13.  Ifakkar li l-persuni li jeħtieġu protezzjoni għandhom possibbiltajiet limitati ħafna biex jidħlu legalment fl-UE, u jiddeplora l-fatt li dawn m'għandhomx għażla oħra ħlief li jirrikorru għat-traffikanti u għal rotot perikolużi biex isibu protezzjoni fl-Ewropa, minħabba, fost fatturi oħra, il-bini ta' ċnut u l-għeluq tal-fruntieri esterni; iqis, għalhekk, li huwa ta' prijorità kbira li l-UE u l-Istati Membri tagħha joħolqu mezzi sikuri u legali għar-rifuġjati, bħal "kurituri" umanitarji kif ukoll viżi umanitarji; jenfasizza li, minbarra programm ta' risistemazzjoni obbligatorju; l-Istati Membri għandhom jaqblu li jipprovdu għodod oħrajn, bħat-tisħiħ tar-riunifikazzjoni tal-familja, skemi ta' sponsorizzazzjoni privata u arranġamenti flessibbli dwar il-viżi, fosthom għal skopijiet ta' studju u xogħol; jemmen fil-ħtieġa li l-Kodiċi dwar il-Viżi jiġi emendat billi jiddaħħlu dispożizzjonijiet komuni aktar speċifiċi dwar viżi umanitarji; jitlob lill-Istati Membri jagħmluha possibbli li wieħed japplika għall-asil fl-ambaxxati u fl-uffiċċji konsulari tagħhom;

14.  Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet kriminali ħorox kontra t-traffikar tal-bnedmin, kemm lejn l-UE u kemm fi ħdanha; jistieden lill-Istati Membri jikkumbattu n-netwerks kriminali tat-traffikanti, iżda fl-istess ħin ma jippenalizzawx lil dawk li jgħinu lill-migranti b'mod volontarju għal raġunijiet umanitarji, inklużi t-trasportaturi, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE; jieħu nota tal-operazzjoni EUNAVFOR Med kontra t-traffikanti tal-persuni fil-Mediterran;

15.  Jiddeplora l-fatt li l-mexxejja ta' xi Stati Membri u tal-partiti tal-lemin estrem qegħdin jużaw is-sitwazzjoni attwali biex ikebbsu s-sentiment antimigratorju filwaqt li jagħtu t-tort lill-UE għal din il-kriżi, u l-fatt li dan qed iwassal għal għadd dejjem akbar ta' atti vjolenti kontra l-migranti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi urġenti kontra l-azzjonijiet vjolenti u l-inċitament għall-mibegħda fil-konfront tal-migranti; jistieden ukoll lill-mexxejja tal-UE u tal-Istati Membri jieħdu pożizzjoni ċara favur is-solidarjetà Ewropea u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem;

16.  Ifakkar li l-migrazzjoni hija fenomenu globali u kumpless li jeħtieġ ukoll approċċ fuq terminu twil li jindirizza l-kawżi fl-għeruq tiegħu, bħall-faqar, l-inugwaljanza, l-inġustizzja, it-tibdil fil-klima, il-korruzzjoni, il-governanza ħażina u l-kunflitt armat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiffukaw is-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru 2015 fuq dawn il-kawżi; jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv tal-UE li jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha, u b'mod partikolari l-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha kif ukoll il-politiki tagħha dwar l-iżvilupp u l-migrazzjoni; għandu riservi dwar il-pjanijiet biex l-għajnuna għall-iżvilupp tintrabat ma' aktar kontrolli fil-fruntieri jew ftehimiet ta' riammissjoni ma' pajjiżi terzi;

17.  Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lil donaturi oħra internazzjonali sabiex iwettqu b'urġenza l-impenji li ħadu waqt il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Lulju 2015 f'Addis Ababa, u jenfasizza l-bżonn li l-politika għall-iżvilupp tiġi ffukata mill-ġdid fuq il-bini ta' soċjetajiet paċifiċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni ta' governanza tajba, kif speċifikat fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 tal-qafas ta' żvilupp globali għal wara l-2015;

18.  Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jsaħħu r-rwol tagħhom fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u, b'mod partikolari, jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi sostenibbli fir-reġjuni li jinsabu f'kunflitt, bħall-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Lvant Nofsani, u jsaħħu d-djalogu politiku, inkluż mal-organizzazzjonijiet reġjonali, fir-rigward tal-elementi kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jappoġġaw istituzzjonijiet inklużivi u demokratiċi u l-istat tad-dritt, jibnu r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali u jrawmu l-iżvilupp soċjali u demokratiku fil-pajjiżi ta' oriġini u fost il-popli tagħhom; jappella, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni akbar mal-pajjiżi fir-reġjun fi ħdan il-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana għall-finijiet ta' ġestjoni, risistemazzjoni u għoti ta' asil lill-persuni li jeħtieġu protezzjoni;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jlaqqgħu konferenza internazzjonali dwar il-kriżi tar-rifuġjati, bil-parteċipazzjoni tal-UE, l-Istati Membri tagħha, l-aġenziji relatati man-NU, l-Istati Uniti, l-NGOs internazzjonali rilevanti u l-Istati Għarab, fost l-oħrajn, bil-għan li titfassal strateġija komuni u globali dwar l-għajnuna umanitarja;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0414.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0448.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0105.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0176.


Ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani
PDF 277kWORD 91k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani (2015/2685(RSP))
P8_TA(2015)0318RC-B8-0836/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015 dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet riċenti mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u l-kelliem tagħha dwar l-Iżrael, it-Territorju Palestinjan okkupat, il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u l-appoġġ tal-UE għall-Aġenzija tan-NU ta’ Fondi u tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea fuq naħa, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina li taġixxi f'isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-istrixxa ta' Gaża, fuq in-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, tal-1949,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ksib tal-paċi fil-Lvant Nofsani jibqa’ prijorità ewlenija għall-komunità internazzjonali u element indispensabbli għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali; billi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qed isiru sforzi biex il-proċess ta’ paċi jinbeda mill-ġdid;

B.  billi l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-kunflitt Għarbi-Iżraeljan; billi l-UE tqis li l-paċi fil-Lvant Nofsani tirrikjedi soluzzjoni reġjonali komprensiva; billi l-kriżi vjolenti fis-Sirja, iż-żieda fis-setgħa tad-Da’esh, ir-radikaliżmu li qed ikompli jikber u t-tixrid tat-terroriżmu fil-Lvant Nofsani qed joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sigurtà tal-Iżrael u r-reġjun sħiħ, u qed ikomplu jżidu t-tbatija tal-Palestinjani, iżda joħolqu wkoll interessi kondiviżi bejn l-istati Għarab u l-Iżrael, filwaqt li l-ftehim nukleari mal-Iran, li l-UE kellha rwol importanti fih, joffri spinta unika lill-proċess ta’ paċi, li m’għandhiex titħalla tintilef;

C.  billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael fis-sigurtà u bl-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, u appella biex jerġgħu jissuktaw it-taħditiet ta’ paċi diretti bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

D.  billi l-UE hi l-akbar sieħba kummerċjali tal-Iżrael u l-akbar fornitur ta’ għajnuna lill-Palestinjani; billi l-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, esprimiet f’bosta okkażjonijiet l-impenn tagħha li ġġedded u tintensifika r-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi f'April 2015 Fernando Gentilini ġie maħtur ir-Rappreżentant Speċjali ġdid tal-UE għall-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi l-UE, minkejja l-ambizzjoni u l-impenn tagħha li jkollha rwol effettiv f'din il-kwistjoni, għadha trid tiżviluppa viżjoni komprensiva u koerenti tal-ħidma tagħha fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, li għandu jirrifletti l-kuntest reġjonali li qed jinbidel rapidament;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-istaġnar persistenti tal-proċess ta’ paċi tal-Lvant Nofsani, u jitlob li sforzi kredibbli għal-paċi jerġgħu jinbdew mingħajr dewmien; jistieden lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani biex jevitaw passi li jistgħu jqanqlu eskalazzjoni ulterjuri, inklużi d-diskors ta’ mibegħda u t-tixwix fl-arena pubblika kif ukoll miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati u jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt tista’ tinkiseb biss f’kuntest reġjonali bl-involviment tal-partijiet konċernati reġjonali kollha u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

2.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, bi skambji ta’ art maqbula b’mod reċiproċiku u b’Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael sikur u bl-Istat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà u r-rikonoxximent reċiproku, abbażi tad-dritt ta’ awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jenfasizza li l-mezzi mhux vjolenti u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju huma l-uniku mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

3.  Jisħaq li l-ħarsien tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati permezz ta’ azzjoni konkreta, u li jiġi żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet taċ-ċivili taż-żewġ naħat, għandhom ikunu prijoritajiet immedjati għall-UE u l-komunità internazzjonali; jistenna b’ħerqa l-introduzzjoni tad-djalogu strutturat tal-UE mal-Iżrael dwar is-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent u l-ħarsien tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li għandha tkopri wkoll il-kwistjoni tal-insedjamenti;

4.  Jilqa’ r-rwol pożittiv u s-sostenn neċessarju li l-UE tixtieq tipprovdi fil-faċilitazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u l-kunflitt usa’ Għarbi-Iżraeljan permezz ta’ mezzi paċifiċi u kostruttivi, li jaqdu l-interessi tal-UE fir-rigward tas-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità fil-Lvant Nofsani; jitlob, għalhekk, li jkun hemm approċċ ġdid tal-UE li jaqdi ġenwinament l-interessi tal-paċi u tas-sigurtà tal-poplu Iżraeljan u dak Palestinjan; jilqa’ l-impenn personali tal-VP/RGħ u l-ħatra tar-Rappreżentant Speċjali l-ġdid tal-UE għall-proċess ta’ paċi tal-Lvant Nofsani, u jappoġġa l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward;

5.  Jilqa’ l-impenn tal-UE li taħdem attivament fuq approċċ multilaterali mġedded għall-proċess ta’ paċi f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, u li tappoġġa attivament lill-partijiet biex terġa’ tintrebaħ il-fiduċja u jinħoloq ambjent ta’ fiduċja meħtieġ biex jidħlu f’negozjati sinifikattivi kemm jista’ jkun malajr; jinnota li l-UE tqis li l-ħolqien ta’ grupp ta’ appoġġ internazzjonali hu mezz possibbli li jikkontribwixxi għal dan l-għan; jenfasizza li l-UE tinsab lesta biex tinvolvi ruħha f'ħidma konġunta mas-sħab reġjonali fuq il-bażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;

6.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE biex jagħmlu użu aħjar mir-relazzjonijiet politiċi u l-għarfien espert istituzzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha, ibbażati kif inhuma fuq il-prossimità ġeografika tal-Ewropa, ir-rabtiet storiċi u l-iskambji ekonomiċi intensivi mar-reġjun tal-Lvant Nofsani, għal rwol politiku ġenwin fil-proċess ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u bejn l-Istati Għarab u l-Iżrael f’kuntest usa’; ifakkar lill-Istati Membri fid-dmir tagħhom li jikkontribwixxu b’mod attiv fit-tfassil ta’ pożizzjoni Ewropea magħquda għall-indirizzar tal-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, u biex joqogħdu lura minn inizjattivi unilaterali li jdgħajfu l-azzjoni tal-UE;

7.  Jappoġġa l-isforzi fil-Kunsill tas-Siġurtà tan-NU bl-għan li jerġgħu jibdew it-taħdidiet ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; iħeġġeġ lill-UE, madankollu, biex twettaq ir-responsabilitajiet tagħha bħala attur b’influwenza u tieħu inizjattiva ta’ paċi kuraġġuża u komprensiva għar-reġjun; jemmen li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-objettivi tal-Kwartett– li għandhom ikun rifokati fuq is-sejbien ta’ soluzzjoni politika għall-kunflitt – u tal-format tiegħu;

8.  Jikkundanna l-espansjoni li għadha għaddejja tal-insedjamenti Iżraeljani, li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, ikebbsu r-riżentiment Palestinjan u jdgħajfu l-vijabilità u l-prospetti tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament itemmu u jreġġgħu lura l-politika ta’ insedjamenti tagħhom;

9.  Jilqa’ l-impenn tal-UE – fl-ispirtu tad-divrenzjar bejn l-Iżrael u l-attivitajiet tagħha fit-Territorju Palestinjan okkupat – li tiżgura li l-ftehimiet kollha bejn l-UE u l-Iżrael jindikaw b’mod inekwivoku u espliċitu l-inapplikabilità tagħhom għat-territorji okkupati mill-Iżrael fl-1967, kif imtenni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Lulju 2015; jieħu nota tal-linji gwida tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2013 dwar l-eliġibbiltà ta’ entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premji u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 ’il quddiem, l-ittra mibgħuta lill-VP/RGħ minn 16-il Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fit-13 ta’ April 2015, li tinkoraġġiha tieħu rwol mexxej fi ħdan il-Kummissjoni bl-għan li jitwettaq għalkollox ix-xogħol fuq linji gwida tal-UE kollha dwar it-tikkettar ta’ prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani;

10.  Jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet rilevanti tal-UE sabiex jiżguraw li l-ebda finanzjament tal-UE ma jkun jista’ jiġi iddevjat, direttament jew indirettament, lejn organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi;

11.  Jenfasizza li l-isparar ta' rockets dan l-aħħar minn grupp militanti lejn territorju Iżraeljan huwa inaċċettabbli, u jissottolinja l-periklu li s-sitwazzjoni teskala; jenfasizza l-ħtieġa fundamentali għall-UE li taħdem fi sħubija mal-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, l-Eġittu u l-Ġordan lejn il-prevenzjoni tar-riarmament ta’ gruppi terroristiċi fl-Istrixxa ta’ Gaża u x-Xatt tal-Punent u l-kuntrabandu tal-armi tagħhom, il-manifattura ta’ rockets u l-bini ta’ mini; jisħaq għall-darba oħra fuq il-ħtieġa kruċjali tad-diżarm tal-gruppi terroristiċi kollha f’Gaża, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta’ Lulju 2014;

12.  Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-vjolenza min-naħa tal-abitanti tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent; jilqa’ l-kundanna ġenerali min-naħa tat-tmexxija Iżraeljana tal-attakk inċendjarju riċenti kontra l-familja Dawabshah fir-raħal ta’ Duma, iżda jfakkar lill-Istat tal-Iżrael fir-responsabilità sħiħa tiegħu li jipproteġi lill-popolazzjoni Palestinjana u li jressaq lill-abitanti tal-insedjamenti kollha li jwettqu vjolenza quddiem il-ġustizzja;

13.  Jilqa’ l-ħidma li saret mill-Missjoni tal-Pulizija u l-Istat tad-Dritt (EUPOL COPPS) tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) fit-territorji Palestinjani biex jassistu lill-Awtorità Palestinjana fil-bini tal-istituzzjonijiet ta’ Stat tal-Palestina ġejjien fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali; jitlob għar-riattivazzjoni tal-Missjoni ta' Assistenza fil-Fruntiera (EUBAM Rafah) tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni b’mandat aktar ambizzjuż u b’mezzi u persunal adegwati, sabiex ikollha rwol konkret fil-kontroll tal-fruntieri tal-Istrixxa ta' Gaża mal-Eġittu u l-Iżrael;

14.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jirrapportaw lura lill-Parlament dwar il-qerda u l-ħsarat ta’ strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE fit-Territorji Palestinjani okkupati;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jipprovdu finanzjament lil NGOs fir-reġjun li l-għanijiet politiċi tagħhom huma f’konformità mal-għanijiet ġenerali tal-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-UE jimpenjaw ruħhom mal-kontropartijiet rilevanti tagħhom dwar din il-kwistjoni;

16.  Itenni t-talba tiegħu li jintemm l-imblokk tal-Istrixxa ta’ Gaża u għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni urġenti taż-żona wara l-gwerra tas-sajf tal-2014, li jeħtieġ tkun prijorità tal-għajnuna umanitarja għall-UE u l-komunità internazzjonali; ifaħħar il-ħidma erojka tal-UNRWA f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lid-donaturi biex jagħmlu disponibbli kemm jista’ jkun malajr l-impenji finanzjarji tagħhom li saru fil-Konferenza Internazzjonali tal-Kajr dwar il-Palestina (‘Nibnu Gaża mill-Ġdid’) tat-12 ta’ Ottubru 2014;

17.  Jilqa’ l-passi reċenti meħuda mill-Iżrael biex itaffu r-restrizzjonijiet fuq Gaża, iżda jiddeplora r-restrizzjonijiet li għad hemm fuq id-dħul ta’ materjali tal-bini; jenfasizza l-importanza ta’ miżuri pożittivi ulterjuri – filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib leġittimu tal-Iżrael dwar is-sigurtà – li jippermettu t-twettiq komplut tal-għajnuna umanitarja, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru ekonomiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu l-wegħdiet tagħhom li jappoġġaw il-mekkaniżmu trilaterali għall-monitoraġġ u l-verifika tal-materjali tal-bini konċernati;

18.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ taħdem favur l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tan-NU dwar il-kunflitt ta’ Gaża tal-2014, inkluża r-rakkomandazzjoni li tiġi appoġġata b’mod attiv il-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jilqa’ l-vot unanimu minn dawk l-Istati Membri tal-UE li huma parti mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU favur ir-riżoluzzjoni ta’ dan tal-aħħar tat-3 ta’ Lulju 2015 dwar ‘L-iżgurar tar-responsabbiltà u l-ġustizzja għall-ksur kollhu tad-dritt internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż il-Lvant ta’ Ġerusalemm;

19.  Jenfasizza li rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana hija element importanti għall-ksib tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, u jiddeplora n-nuqqas ta’ għaqda bejn il-Palestinjani; jappoġġa t-talba tal-UE lill-fazzjonijiet Palestinjani biex jagħmlu r-rikonċiljazzjoni u r-ritorn tal-Awtorità Palestina fl-Istrixxa ta’ Gaża prijorità ewlenija; iħeġġeġ lill-forzi Palestinjani jerġgħu jagħtu bidu għall-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni, speċjalment billi jorganizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li suppost ilhom li saru; jenfasizza li l-Awtorità Palestinjana jeħtieġ tieħu responsabbiltà akbar f’dan ir-rigward u tassumi l-funzjoni governattiva tagħha fl-Istrixxa ta’ Gaża, anke fl-oqsma tas-sigurtà u tal-amministrazzjoni ċivili u permezz tal-preżenza tagħha fil-punti ta' qsim;

20.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirrispettaw għalkollox id-drittijiet tad-detenuti u l-priġunieri, inklużi dawk li qed jagħmlu strajk tal-ġuħ;

21.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kriżi serja fil-finanzjament tal-UNRWA; jitlob li l-UE tagħti aktar sostenn finanzjarju lill-UNRWA u jħeġġeġ lid-donaturi l-oħra kollha biex iwettqu l-wegħdiet li għamlu lill-aġenzja, u jitlob lill-UNRWA biex tkompli ttejjeb il-ġestjoni tagħha, iżda jappella wkoll biex tiġi indirizzata l-kwistjoni sottostanti ewlenija tar-rifugjati Palestinjani; jagħti ġieħ lill-UNRWA u jifirħilha għall-isforzi straordinarji tagħha li ppermettew li tinfetaħ is-sena skolastika 2015/2016 għall-istudenti rifuġjati Palestinjani;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-President u l-Gvern tal-Iżrael, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Awtorità Palestinjana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-parlamenti u l-gvernijiet rispettivi tal-Eġittu, il-Ġordan u l-Libanu, u lill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA.


Is-sitwazzjoni fil-Belarussja
PDF 267kWORD 83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2015/2834(RSP))
P8_TA(2015)0319RC-B8-0866/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra s-summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga f’Mejju 2015 flimkien mad-dikjarazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja tat-28 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-ħelsien ta’ sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, segwit mid-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss fil-Belarussja skedati għall-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minkejja intensifikazzjoni evidenti tal-kuntatti bejn il-Belarussja u l-UE u l-Istati Uniti, fil-Belarussja qed ikompli jippersisti l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-raids tal-pulizija u l-konfiska tat-tagħmir tagħhom, kif ukoll l-espulsjonijiet furzati mill-Belarussja, kif ikkonfermat mir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

B.  billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 ’l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk mit-18 sad-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament Ewropew attwalment m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

C.  billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u l-midja;

D.  billi kien hemm xi progress fil-kooperazzjoni fuq xi politiki settorjali, bħall-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, progress li kellu impatt pożittiv biex jinbeda dibattitu kostruttiv fis-soċjetà Belarussa dwar ir-riformi meħtieġa u dwar sensibilizzazzjoni dwar l-UE; billi l-UE jeħtiġilha tiżgura, madankollu, li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għar-repressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti indipendenti u l-mexxejja tal-oppożizzjoni;

E.  billi, mill-1994 ’l hawn, fil-Belarussja ma saret l-ebda elezzjoni ħielsa u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali konformi mal-istandards internazzjonali, u billi l-liġi attwali tagħti vantaġġ enormi lill-president fil-kariga; billi l-OSKE/ODIHR skjerat il-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul tagħha fil-Belarussja u se tikkoordina l-ħidma ta’ osservaturi fuq perjodu qasir;

F.  billi fit-2 ta' April 2015, il-President Lukashenko ffirma d-Digriet Nru 3 "Dwar il-prevenzjoni ta' dipendenza soċjali" li jipprevedi xogħol obbligatorju għal persuni qiegħda bit-theddida ta' ħlas ta' tariffa speċjali lill-baġit tal-istat jew obbligu amministrattiv fil-forma ta' multa jew arrest amministrattiv;

G.  billi fl-1 ta’ Jannar 2015 ġiet introdotta liġi ġdida li tirregola l-forom kollha tal-midja; billi din il-liġi tippermetti lill-gvern li jagħlaq kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni tal-massa, inkluża l-midja onlajn, jekk dawn jippubblikaw kontenut li huwa jqis ‘mhux adatt’;

H.  billi l-awtoritajiet Belarussi fl-aħħar ħelsu s-sitt priġunieri politiċi kollha, inlużi ex kandidati presidenzjali, wara snin jiċħdu l-eżistenza tagħhom;

I.  billi fit-13 ta’ Lulju u fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill irreveda l-miżuri ristrettivi fil-konfront tal-Belarus u emenda l-lista tal-projbizzjoni tal-viża u tal-iffriżar tal-assi, u minnha neħħa xi uffiċjali u kumpaniji; billi 175 individwu, inkluż Alexander Lukashenko, bħalissa jinsabu soġġetti għal projbizzjoni ta' dħul u kollha kemm huma, flimkien ma’ 18-il entità ekonomika huma soġġetti għal iffriżar tal-assi fi ħdan l-UE; billi fix-xhur li ġejjin għandha ssir valutazzjoni tal-miżuri ristrettivi tal-UE, li se tkun qed tikkunsidra l-aktar żviluppi reċenti u l-fatturi l-oħra kollha li abbażi tagħhom kienu ttieħdu l-miżuri ristrettivi;

J.  billi, fit-28 ta’ Lulju 2015, l-UE u r-Repubblika tal-Belarussja kellhom djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell li ffoka fuq firxa ta' kwistjonijiet, fosthom it-twaqqif ta' Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-piena tal-mewt, il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin, u d-drittijiet tat-tfal;

K.  billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta’ ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

L.  billi l-kunflitt fl-Ukrajna kompla jżid il-biża’ tas-soċjetà Belarussa li jkun hemm destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni interna b’konsegwenza ta’ bidla fil-poter;

M.  billi l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali;

1.  Jibqa' mħassab ferm dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Belarussja, kif ukoll dwar in-nuqqasijiet irreġistrati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet preċedenti u l-persekuzzjoni attiva tal-mexxejja tal-oppożizzjoni wara l-elezzjoni;

2.  Jilqa’ l-ħelsien li ngħata reċentement lill-priġunieri politiċi li kien fadal; jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom; jisħaq li dan jista’ jkun l-ewwel pass potenzjali biex jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja; josserva, minkejja dan, li fl-imgħoddi, passi simili ma kinux ġesti sinċieri u l-ebda minnhom ma kkontribwixxa għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-soċjetà Belarussa u lanqas ma tejjeb ir-relazzjonijiet mal-UE;

3.  Jistieden lill-Belarussja tmexxi l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin f’konformità ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment, tagħti aċċess mingħajr xkiel lill-oppożizzjoni għall-mezzi ta' komunikazzjoni kollha li huma kkontrollati mill-gvern, u tħalliha wkoll tipparteċipa fl-elezzjonijiet f’kundizzjoniet ekwi, b’mod partikolari billi toħloq kummissjonijiet elettorali indipendenti u tippermettilhom ikunu rappreżentati b’mod adegwat fil-livelli kollha kif ukoll li ssir votazzjoni trasparenti;

4.  Jistenna li l-awtoritajiet iwaqqfu l-intimidazzjoni tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom jieqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22.9, Taqsima 2 tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li tillimita d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u għat-tixrid ta' informazzjoni;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni reċenti u l-prosekuzzjoni krimnali li għaddejja tal-attivisti żgħażagħ Maksim Piakarski, Vadzim Zharomski u Viachaslau Kasinerau fuq suspett ta' "ħuliganiżmu malizzjuż", miżuri li huwa jqis bħala sproporzjonati, u jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li ġarrbu;

6.  Ifakkar li mill-2010 ’l hawn ġew iġġustizzjati għaxar persuni fil-Belarussja, bi tliet eżekuzzjonijiet fl-2014 biss, u li fit-18 ta' Marzu 2015 ingħatat sentenza ġdida ta' piena tal-mewt; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Belarussja, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena tal-mewt, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali fuq l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali dwar l-abolizzjoni ta' elementi ta' xogħol furzat fil-pajjiż;

8.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-pajjiż u l-organizzazzjonijiet kulturali tiegħu, li l-mexxejja tagħhom xi drabi ġew sostitwiti minn individwi ppreferuti mill-awtoritajiet tal-istat, prattika li tikkostitwixxi ksur ta’ waħda mil-libertajiet bażiċi tal-bniedem: il-libertà ta' assoċjazzjoni;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

10.  Jinnota l-organizzazzjoni tas-sitt ċiklu ta’ konsultazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja dwar kwistjonijiet ta’ modernizzazzjoni, li sar fi Brussell fit-3 ta’ Settembru 2015, meta d-delegazzjonijiet iddiskutew l-prospetti għal kooperazzjoni fl-oqsma ewlenin, abbażi tal-ftehimiet li ntlaħqu fl-2014 u l-2015; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill biex jiżguraw li kwalunkwe parteċipazzjoni mill-awtoritajiet fid-Djalogu dwar il-Modernizzazzjoni, id f'id u f’kundizzjoijiet ekwi mal-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili, issir bir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi, bil-għan li tiġi żviluppata ekonomija kompetittiva sostenibbli u jitrawmu r-riformi domestiċi, kif ukoll soċjetà pluralistika u l-istat tad-dritt;

11.  Jappoġġa l-Kummissjoni fil-politika tagħha ta’ ‘impenn kritiku’ mal-awtoritajiet Belarussi, u jesprimi ruħu lest li jikkontribwixxi f’din il-politika anki permezz tad-Delegazzjoni tal-Parlament dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja; ifakkar, minkejja dan, li l-UE jeħtiġilha żżomm għajnejha miftuħa f’dak li jikkonċerna l-post fejn jiġu assenjati r-riżorsi tagħha, u tiżgura li dawn ma jikkontribwixxux biex ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili;

12.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġa, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Belarussa, tal-midja indipendenti u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-Belarussja biex tappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu;

13.  Jilqa' l-progress irreġistrat fil-kooperazzjoni settorjali mal-Belarussja fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, fost oħrajn;

14.  Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejjeb il-kuntatt bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa s-soċjetà ċivili; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffef il-progress f’dan ir-rigward;

15.  Jirrikonoxxi ż-żieda fl-użu tal-ilsien Belarussu fil-ħajja pubblika; jieħu nota tal-pjanijiet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li jħeġġeġ l-użu tal-ilsien Belarussu fl-edukazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' atti leġiżlattivi mill-Qorti Kostituzzjonali kemm bir-Russu kif ukoll bil-Belarussu;

16.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jsibu mezzi oħra biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jingħata sostenn lis-sorsi ta’ informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu minn barra l-pajjiż;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.


L-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad
PDF 403kWORD 135k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-Intraprenditorja Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad (2014/2236(INI))
P8_TA(2015)0320A8-0247/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 2010, bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tas-6 ta' Frar 2013, dwar ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi: imġiba responsabbli u trasparenti tan-negozji u t-tkabbir sostenibbli(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tad-19 ta' Frar 2009, dwar l-Ekonomija Soċjali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar il-kontribut tal-kooperattivi biex tingħeleb il-kriżi(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 184 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta' April 2013, dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tal-20 ta' Novembru 2012, dwar l-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta' klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill, tal-20 ta' Mejju 2014, dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Diċembru 2013, dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI"), li introduċa l-assi ta' mikrofinanzjament u intraprenditorija soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-25 ta’ Ottubru 2011, bit-titolu "Inizjattiva għall-intraprenditorija soċjali" (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 bit-titolu “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192);

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2013 bit-titolu “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020” (COM(2013)0083),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0247/2015),

A.  billi l-ekonomija soċjali u solidali timpjega aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżentaw madwar 6,5 % tal-ħaddiema fl-UE; billi hemm 2 miljun intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali fl-UE, li jirrappreżentaw 10 % tal-intrapriżi fl-Unjoni;

B.  billi, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, żdiedu kemm il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali;

C.  billi dawk l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja kienu l-aktar gruppi esklużi u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, bħall-persuni b'diżabilità, iż-żgħażagħ, l-anzjani, in-nisa, dawk qiegħda għal żmien fit-tul u l-ħaddiema żvantaġġjati;

D.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja għandha titqies bħala opportunità biex titwettaq ħidma lejn mudell ekonomiku aktar sostenibbli tal-UE li jieħu kont akbar tal-koeżjoni soċjali u territorjali u s-sostenibbiltà ambjentali; billi kwalunkwe titjib fis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja għandu jkun ikkomplementat minn appoġġ qawwi għal impjiegi inklużivi, sostenibbli u ta' kwalità; billi l-ekonomija soċjali u solidali tista' tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-għan u għandha titqies ukoll bħala sewwieq f'din it-tranżizzjoni, u kapaċi tgħin sabiex jintlaħaq bilanċ bejn il-kwistjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi;

E.  billi l-fornituri ta’ appoġġ soċjali u ta’ servizzi tas-saħħa, li ħafna minnhom huma intrapriżi soċjali, jirrappreżentaw wieħed mill-oqsma prinċipali ta’ tkabbir tal-impjieg fl-UE, li ħoloq 1.3 miljun impjieg bejn l-2009 u l-2013; billi dan juri l-kapaċità doppja tas-settur li joħloq kemm impjiegi ġodda, anki fi żminijiet ta’ kriżi, u li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali fl-Ewropa, b'mod partikolari billi jgħin sabiex l-utenti tas-servizzi jsibu impjieg;

F.  billi fil-konferenza “L-isfruttament tal-potenzjal tal-ekonomija soċjali għat-tkabbir tal-UE” li saret f'Ruma fis-17 u t-18 ta’ Novembru 2014, ġie rikonoxxut li l-ekonomija soċjali u solidali għandha rwol ewlieni fil-pajjiżi Ewropej u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ diversi għanijiet ewlenin tal-UE bħall-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, il-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni soċjali, l-iżvilupp rurali u reġjonali jew il-protezzjoni ambjentali;

G.  billi ż-żieda tar-rata ta’ xogħol tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena minn 69 % għal mill-inqas 75 % u t-tnaqqis b’25 % tan-numru ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-linja tal-faqar nazzjonali, billi jitneħħew mill-faqar iktar minn 20 miljun persuna, huma għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 li għadhom ma nkisbux;

H.  billi d-Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu ta’ Jannar 2014 tiddikjara li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom jaqdu rwol aktar importanti fil-futur tal-Ewropa;

I.  billi l-UE hija r-reġjun bl-akbar popolazzjoni anzjana u b’żieda tal-popolazzjoni l-aktar baxxa fid-dinja; billi, skont it-tbassir, sal-2050 l-età medja fl-UE se taqbeż il-50 sena; billi l-popolazzjoni li qed tixjieħ, flimkien mal-bidliet demografiċi, joħolqu sfida għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali;

J.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali mhux biss għadhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali, iżda jistgħu joffru wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol flessibbli u innovattivi u jistgħu jkunu aktar kapaċi li jadattaw ruħhom għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali;

K.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-governanza demokratika tagħhom, involviment qawwi tal-membri jew is-sħab tagħhom fil-ġestjoni tal-kumpanija, u trasparenza għolja tal-operazzjonijiet tagħhom u jirrispondu għad-domanda li dejjem tikber taċ-ċittadini għal imġiba b'etika intraprenditorjali, soċjali u li tħares l-ambjent;

L.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jkopru firxa wiesgħa ta' soċjetajiet, u ħafna minn dawn il-kumpaniji mhumiex rikonoxxuti minn qafas legali fil-livell Ewropew u huma rikonoxxuti biss fil-livell nazzjonali f'xi Stati Membri, li għandhom forom legali differenti;

M.  billi l-kooperattivi jipprovdu impjiegi ta’ kwalità li mhumiex vulnerabbli għar-rilokazzjoni, miftuħa għal kulħadd u reżiljenti għall-kriżi; billi, bis-saħħa tal-mudell kummerċjali kooperattiv tagħhom, żiedu l-qligħ u t-tkabbir waqt il-kriżi, u kellhom anqas fallimenti u sensji;

N.  billi r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) jiddefinixxi "intrapriżi soċjali" u "innovazzjonijiet soċjali" fl-Artikolu 2(1) u 2(5) tiegħu;

O.  billi l-innovazzjoni soċjali tirreferi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' ideat ġodda, kemm jekk prodotti, servizzi, jew mudelli ta' organizzazzjoni soċjali, li huma mfassla biex jissodisfaw it-talbiet u l-isfidi ġodda soċjali, territorjali u ambjentali, bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-depopolazzjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, il-ġestjoni tad-diversità, l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-integrazzjoni ta' dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

P.  billi l-investimenti soċjali huma investimenti fil-persuni mfassla biex isaħħu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom u jappoġġjawhom biex jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja tax-xogħol u soċjali; billi l-investimenti soċjali ġeneralment jirreferu għal politiki fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg u r-riabilitazzjoni;

Q.  billi n-nuqqas ta' rikonoxximent li jħabbtu wiċċhom miegħu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li xi drabi lanqas biss jiġu rikonoxxuti bħala partijiet ekonomikament interessati, jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jkollhom aċċess għal finanzi, kemm pubbliċi kif ukoll privati; billi l-Fondi Strutturali u l-programmi Ewropej għandhom jikkontribwixxu għall-immodernizzar tal-istrutturi ekonomiċi, inkluża l-ekonomija soċjali u solidali, li hija rappreżentata minn tipi u daqsijiet differenti ta' intrapriżi (kooperattivi, intrapriżi mutwi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u forom ġodda ta' intrapriżi soċjali u solidali), ħafna minnhom SMEs u mikrointrapriżi;

R.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu oqsma ta’ prijorità f'termini tal-iżvilupp tal-kultura tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ;

S.  billi d-disparità bejn is-sessi fl-intraprenditorija soċjali hija iżgħar minn dik fil-forom tradizzjonali ta’ intraprenditorija; billi l-intraprendituri soċjali nisa jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis fl-esklużjoni soċjali u għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp ġodda;

T.  billi huwa meħtieġ li jingħataw taħriġ u taħriġ mill-ġdid fis-settur soċjali għan-nies qiegħda fit-tul sabiex jingħatawlhom opportunitajiet ġodda f’ambjent innovattiv bħal dak tal-ekonomija soċjali u solidali;

U.  billi l-ekonomija soċjali u solidali, u b’mod partikolari l-intrapriżi tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema, joffru opportunitajiet ta’ xogħol speċjalment għal dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol, u li għalihom il-qgħad sikwit jinbidel f'qgħad fuq żmien fit-tul; billi l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw modi kif jiġu appoġġjati intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali li jirreklutaw nies qiegħda jew biex minnhom jibbenefikaw dawk li jirrikorru għall-għajnuna, anki, fejn ikun il-każ, permezz tat-tnaqqis fit-taxxi u tal-primjums soċjali;

V.  billi l-effett komplementari u supplimentari tal-ekonomija soċjali u solidali huwa importanti wkoll flimkien ma’ miżuri oħra li jippromwovu l-impjieg; billi għandha tiġi ffukata aktar attenzjoni għas-soluzzjonijiet li jippromwovu r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni mingħajr il-kapaċitajiet l-aktar bażiċi u l-mezzi suffiċjenti ta’ kompetittività sabiex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mis-soluzzjonijiet l-aktar innovattivi tal-ekonomija soċjali u solidali;

W.  billi d-djalogu soċjali huwa essenzjali għall-funzjonament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE u huwa kruċjali għall-promozzjoni kemm tal-kompetittività kif ukoll tal-korrettezza; billi d-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali fi ħdan it-tfassil ta’ politika tal-UE jirrappreżentaw innovazzjoni soċjali prinċipali;

X.  billi l-akkwist spiss jieħu l-forma ta’ offerti kbar ta’ darba għal servizzi jew provvisti li jistgħu jeskludu atturi iżgħar;

Introduzzjoni

1.  Jinnota li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, li m'għandhomx għalfejn ikunu organizzazzjonijiet mhux bi skop ta' profitt, huma negozji li l-objettiv tagħhom huwa li jiksbu l-għan soċjali tagħhom, li jista' jkun il-ħolqien ta' impjiegi għal gruppi vulnerabbli, li jfornu servizzi lill-membri tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, li joħolqu impatt soċjali u ambjentali pożittiv, u li jerġgħu jinvestu l-profitti tagħhom primarjament sabiex jilħqu dawk l-għanijiet; jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali huma kkaratterizzati mill-impenn tagħhom li jħarsu l-valuri li ġejjin:

   il-preċedenza tal-individwu u tal-għanijiet soċjali fuq l-interessi tal-kapital;
   il-governanza demokratika mill-membri;
   l-għaqda tal-interessi tal-membri u tal-utenti mal-interess ġenerali;
   is-salvagwardja u l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-solidarjetà u tar-responsabilità;
   l-investiment mill-ġdid ta' fondi żejda f’miri ta’ żvilupp fit-tul, jew fil-provvista ta' servizzi ta’ interess għall-membri jew ta' servizzi ta’ interess ġenerali;
   is-sħubija volontarja u miftuħa;
   il-ġestjoni awtonoma u indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi.

2.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tagħraf id-diversità tal-intrapriżi soċjali u tiżgura li jittieħdu azzjonijiet fil-livell tal-UE li jappoġġjaw l-intrapriżi soċjali u solidali ta' kull tip;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'konsistenza l-miżuri kollha stipulati fl-Inizjattiva ta' Negozju Soċjali tal-2012 mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi t-tieni stadju tal-inizjattiva mill-aktar fis possibbli, fi sħubija mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi ewlenin fl-ekonomija soċjali u solidali, biex l-ambitu tagħha jitwessa' u jsir aktar intensiv;

4.  Jinnota li l-ekonomija soċjali u solidali ma tistax tieħu post l-istat soċjali u s-servizzi pubbliċi;

5.  Jinnota li l-mudell tal-intraprenditorija soċjali sikwit jappella liż-żgħażagħ u jagħtihom l-opportunità li jipprovdu reazzjonijiet innovattivi għall-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali attwali;

6.  Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali għandhom bażi lokali u reġjonali qawwija, li tagħtihom il-vantaġġ li jkunu aktar konxji tal-bżonnijiet speċifiċi u li jistgħu joffru prodotti u servizzi, ħafna minnhom ibbażati fuq il-komunità, li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet, u b'hekk itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali; iqis li l-kooperazzjoni tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali bejn il-konfini ta' bejn il-pajjiżi u s-setturi għandha tiġi promossa, sabiex ikun jista' jseħħ skambju ta' għarfien u prattiki b'mod li jkun jista' jiġi appoġġjat b’mod partikolari t-tkabbir ta' dawn l-intrapriżi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu pjanijiet u miżuri biex itejbu l-organizzazzjoni territorjali, speċjalment f’żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi permanenti, li mhux biss jgħinu sabiex jitwaqqfu u jiżviluppaw l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u l-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija soċjali, iżda wkoll jgħinu biex isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali fl-UE u jagħmluha aktar faċli li jiġu indirizzati b'suċċess l-isfidi demografiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-għadd ta' intrapriżi konvenzjonali li japplikaw strateġiji tar-responsabilità soċjali tan-negozji fi ħdan il-programmi kummerċjali tagħhom; jenfasizza, madankollu, li l-applikazzjoni tal-istrateġiji tar-responsabbiltà soċjali tan-negozji mhijiex fiha nnifisha kundizzjoni suffiċjenti biex titqies bħala intrapriża tal-ekonomija soċjali u solidali;

9.  Jemmen li huwa importanti li jiġu determinati l-oriġini tad-disparità iżġħar bejn is-sessi fl-intraprenditorija soċjali sabiex ikun jista’ jittieħed kont ta’ dawn il-fatturi minn dawk li jfasslu l-politiki filwaqt li tiġi promossa l-intraprenditorija soċjali u tradizzjonali;

10.  Jemmen li l-innovazzjoni soċjali tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tqegħid tas-sisien għal tkabbir li jkun ta' servizz għal soċjetà aktar sostenibbli, inklużiva u li tiġġenera koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jemmen li l-innovazzjoni soċjali għandha timmira li ttejjeb il-kwalità tas-servizzi b’mod effiċjenti aktar milli sempliċement tnaqqas l-ispejjeż;

11.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni li erba’ Stati Membri tal-UE (Spanja, Franza, il-Portugall u l-Belġju) għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-ekonomija soċjali u solidali, filwaqt li l-Polonja nediet strateġija biex tiżviluppa l-ekonomija soċjali u solidali u r-Rumanija qed tiddiskuti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni biex tirregola l-ekonomija soċjali u solidali;

12.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi u tappoġġja r-rwol tal-fornituri ta’ servizzi soċjali mhux għall-profitt, kemm politikament kif ukoll finanzjarjament;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-iskambji fost intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali innovattivi, skejjel, id-dinja akkademika, u l-partijiet interessati tal-investiment soċjali, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tas-soċjetà, sabiex jiżdiedu l-ħiliet intraprenditorjali, u jissaħħew il-kundizzjonijiet li jippermettu li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jiżviluppaw u jikbru, kif ukoll jinħolqu ċentri ta’ innovazzjoni soċjali; iqis importanti li jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-mudell ta’ intraprenditorija kooperattiva;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni fost l-Istati Membri kollha sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet ta' qafas meħtieġa għal sistema ta' innovazzjoni soċjali fl-Istati Membri kollha, billi l-ekonomija soċjali u solidali waħedha ma tistax tiġġieled is-sintomi u l-kawżi tal-aktar problemi soċjali urġenti.

L-Istrateġija Ewropa 2020

15.  Jirrikonoxxi li l-UE għadha 'l bogħod milli tilħaq il-miri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment dawk relatati mal-impjiegi, l-innovazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; jinnota li l-ekonomija soċjali u solidali tikkontribwixxi mhux biss għal mudell ekonomiku aktar sostenibbli, intelliġenti u inklużiv, iżda wkoll għall-mudell soċjali Ewropew, u hija parti mis-suq uniku, u ħaqqha tkun rikonoxxuta u appoġġjata bis-sħiħ mill-UE u l-Istati Membri, kif previst fil-kostituzzjonijiet ta' xi Stati Membri u f'diversi dokumenti ewlenin tal-UE; jitlob, għalhekk, li jitqies li l-ekonomija soċjali u solidali tiġi kkunsidrata fir-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, minħabba l-kontribut sinifikanti li tista' tagħti biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija;

16.  Jirrimarka li x-xejriet demografiċi huma relatati ma’ mudelli ġodda ta’ konsum, u li t-tixjiħ tal-popolazzjoni fil-pajjiżi żviluppati qed iwassal għal żieda fid-domanda fuq is-servizzi soċjali, iżda se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex jinħolqu negozji soċjalment responsabbli;

17.  Jenfasizza li l-ekonomija soċjali u solidali, minħabba l-karattru soċjali u inklużiv tagħha, tipprovdi impjiegi għall-gruppi li fil-maġġoranza tal-każijiet huma esklużi mis-suq tax-xogħol miftuħ, biex b’hekk tagħti kontribut għas-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku;

18.  Jemmen li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jistgħu jiżviluppaw proċessi li jippermettu ġestjoni aktar effiċjenti, responsabbli u trasparenti tar-riżorsi li qed jonqsu, u jistgħu jżidu l-implimentazzjoni ta’ miżuri soċjalment responsabbli;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw aħjar l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fi pjanijiet ta' azzjoni għall-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali, kif ukoll fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, bil-għan li jiġi liberat u sfruttat il-potenzjal tagħhom ta' ħolqien ta' impjiegi u l-kontribut li jistgħu jagħtu biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020;

20.  Jilqa' l-fatt li l-baġit ta’ prefinanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ żdied bi 30 %; jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw miżuri biex jippromwovu l-intraprenditorija soċjali mal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Implimentazzjoni ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni fil-Programmi Operazzjonali nazzjonali tal-FSE; iħeġġeġ sabiex l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikunu implimentati b'mod aktar effettiv u effiċjenti;

Akkwist pubbliku

21.  Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-kuntratti pubbliċi, bħal ostakli li huma relatati mad-daqs u l-kapaċità finanzjarja tagħhom; jappella għall-implimentazzjoni rapida u effettiva tad-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta' konċessjoni (id-Direttivi 2014/24/UE, 2014/25/UE u 2014/23/UE) sabiex tintlaħaq parteċipazzjoni ikbar minn impriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fil-proċeduri ta' offerti għal kuntratti pubbliċi, titjieb l-assenjazzjoni ta' kuntratti għal dawn l-intrapriżi, jitrawwem ir-rwol tagħhom, u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali; jappella għal azzjoni li tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' dawn l-intrapriżi fl-akkwist pubbliku billi jingħataw pariri xierqa, jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitfasslu offerti b’tali mod li dawn ikunu aċċessibbli għal operaturi iżgħar; jappella li fl-akkwist pubbliku jipprevalu l-offerti li jġibu iktar valur ekonomiku u soċjali iktar mill-prezz l-aktar baxx, filwaqt li jiġu inklużi kriterji soċjali jew ambjentali fil-kuntratti ta' akkwist pubbliku;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riforma tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku u l-kuntratti ta' konċessjoni, li tinkludi klawżoli u kriterji soċjali biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-innovazzjoni soċjali, kif ukoll kuntratti maħsuba biex jippromwovu l-impjieg tal-persuni l-aktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-prinċipji ta' akkwist kif suppost fil-proċeduri kollha tal-offerti u tas-selezzjonijiet, bl-użu wiesa' tal-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, f'konformità mal-obbligi tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu klawżoli u kriterji soċjali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex issaħħu l-pożizzjoni tal-persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jissimplifikaw il-proċeduri u jieħdu miżuri aktar effettivi kontra l-korruzzjoni;

23.  Jiddispjaċih li l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa tal-Kummissjoni ma ssemmix l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u l-kontribut potenzjali tagħhom għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li dik l-istrateġija ma tqisx il-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess sħiħ, ugwali u mingħajr restrizzjonijiet għal kulħadd għat-teknoloġiji, s-swieq u t-telekomunikazzjoni diġitali ġodda, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità; jenfasizza li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali bbażati fuq it-teknoloġija jista' jkollhom rwol kruċjali fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà b'mod sempliċi u kosteffettiv;

Finanzjament

24.  Jiddispjaċih li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali saħansitra jkollhom problemi aktar mill-intrapriżi tradizzjonali biex jiffinanzjaw lilhom infushom, sew mil-lat pubbliku kif ukoll privat, u għalhekk jitlob lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri tas-servizzi finanzjarji jiżviluppaw firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji adegwati li jappoġġaw b’mod effettiv lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-istadji kollha tal-iżvilupp tan-negozju tagħhom, speċjalment waqt it-twaqqif tagħhom, u joħolqu qafas sabiex jinġiebu flimkien investituri potenzjali u fondi speċjalizzati;

25.  Jirrimarka li l-aċċess għall-finanzjament huwa mxekkel mill-fatt li l-amministraturi tal-intermedjarji finanzjarji ftit li xejn għandhom għarfien tar-realtà tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb it-taħriġ ta' dawn l-amministraturi fir-rigward ta' dawn l-intrapriżi, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; jitlob, għalhekk, li jiġi introdott siġill ta’ kwalità għall-"Intraprenditorija Soċjali", li jagħmilha aktar faċli għall-investituri sabiex jidentifikaw fondi b’portafoll li jinkludi intrapriżi tal-ekonomija soċjali, b'referenza partikolari għall-Fond ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropew;

26.  Jenfasizza l-bżonn ta’ stimolu akbar għall-ħolqien u l-appoġġ ta’ netwerks ta’ intrapriża soċjali, sabiex jiġu promossi sinerġiji fl-organizzazzjoni, l-iskambju u t-tixrid tat-teknoloġiji kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi fost il-produtturi f'reġjuni differenti;

27.  Jenfasizza l-bżonn tal-promozzjoni ta’ djalogu aktar strutturat bejn l-SMEs, l-intrapriżi soċjali u solidali u l-istituzzjonijiet finanzjarji, permezz ta’ pjattaformi onlajn iddedikati;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Fondi tal-Intraprenditorija Soċjali Ewropej;

29.  Jilqa' l-fatt li parti mill-fondi għall-programm EaSI huma maħsuba biex jgħinu sabiex jipprovdu aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jenfasizza r-rwol li għandu jkollu l-assi intraprenditorija soċjali tal EaSI, il-FSE u l-programmi kollha l-oħra rilevanti tal-UE fit-titjib tal-funzjonament ta' dawn l-intrapriżi; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sensibilizzazzjoni rigward l-opportunitajiet ta’ finanzjament; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta’ kuntatt nazzjonali jew one-stop-shops biex jgħinu lill-atturi tal-ekonomija soċjali u solidali jaċċessaw l-iskemi ta’ finanzjament tal-UE;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-limitu massimu stabbilit skont l-EaSI għas-self lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u tiddetermina jekk dan jikkorrispondix mal-kundizzjonijiet tas-suq;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali jiġu appoġġjati b’riżorsi finanzjarji suffiċjenti fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, billi jinħolqu sinerġiji fost id-diversi tipi ta' intrapriżi; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-fatt li l-finanzjament meħtieġ għandu jsir disponibbli; iqis bħala neċessarju, għalhekk, li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-ekonomija soċjali u solidali permezz ta' mezzi varji, bħall-fondi Ewropej, fondi ta' kapital ta' riskju, mikrokreditu u finanzjament kollettiv;

32.  Jitlob lill-Istati Membri jsaħħu, permezz tal-awtoritajiet lokali, is-servizzi pubbliċi (pereżempju s-saħħa u l-edukazzjoni), u jużawhom bħala forza mexxejja biex itejbu l-kwalità tas-servizzi sabiex jingħataw opportunitajiet ta’ xogħol u jgħollu l-livell tas-servizzi mogħtija bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

33.  Jindika li r-regoli dwar l-għajnuna statali ma għandhomx ikunu impediment għall-finanzjament pubbliku għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u s-servizzi soċjali; f'dan is-sens, jistieden lill-Kummissjoni tapplika flessibilità fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali għal dawn l-intrapriżi u s-servizzi, u tgħin sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jifhmu u japplikaw b'mod korrett l-għajnuna statali maħsuba għalihom;

34.  Jiddispjaċih li r-regolament li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jirreferi biss għas-settur tal-ekonomija soċjali u solidali fil-premessi tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-approċċ ta’ investiment soċjali kif ippreżentat fil-Pakkett ta’ Investiment Soċjali, kif ukoll li jiġu kkunsidrati l-proġetti relatati mal-ekonomija soċjali u solidali meta jiġu vvalutati l-proġetti tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

35.  Jikkritika l-fatt li l-intrapriżi tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema, imwaqqfa abbażi ta' sħubiji bejn intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, huma ġeneralment esklużi mill-aċċess għall-fondi għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi eċċezzjoni ġdida għad-definizzjoni legali ta' "SME", simili għal dawk li diġà japplikaw għall-korporazzjonijiet tal-investiment pubbliku, il-kumpaniji tal-kapital ta’ riskju, u l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka mingħajr skop ta’ qligħ, sabiex jingħata lok li intrapriża tat-taħriġ u tal-ippustjar tal-ħaddiema tkun kwalifikata bħala intrapriża awtonoma, anke meta intrapriża oħra jkollha, waħedha jew flimkien ma’ intrapriżi oħra, 25 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot fi ħdan il-bord amministrattiv tagħha;

Taħriġ

36.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu kultura intraprenditorjali u l-mudell ta' intrapriża kooperattiva u li jinkludu l-intraprenditorija soċjali, kif ukoll il-prinċipji tal-ekonomija soċjali u solidali, fil-kurrikuli tal-edukazzjoni u ta' taħriġ; jistedinhom ukoll jinkoraġġixxu t-twaqqif ta' inkubaturi tan-negozji fi ħdan l-universitajiet għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

37.  Jirrimarka li l-ekonomija soċjali u solidali tista’ tgħin biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni akbar tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali fil-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ sistemi ta’ taħriġ duwali;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jgħammru liċ-ċentri tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jipprovdu tagħrif effikaċi għall-persuni li jkun biħsiebhom jaħdmu fis-settur tal-intraprenditorija soċjali u solidali;

39.  Jinnota li xi intrapriżi soċjali u solidali huma kompetittivi u għandhom pożizzjoni ta' tmexxija fis-settur tagħhom, filwaqt li oħrajn jeħtieġu għarfien speċjalizzat biex iniedu, jiżviluppaw u jamministraw in-negozji tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ immirati u mfassla speċifikament għall-intraprendituri tas-settur soċjali, u b’referenza partikolari għall-gruppi b’rati ta’ impjieg aktar baxxi bħalma huma l-ħaddiema nisa, żgħażagħ u dawk żvantaġġati, bil-ħsieb li jiżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien bażiku ta’ ġestjoni tan-negozju;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u l-gwida tal-karriera għall-ħaddiema akbar fl-età, dawk li jkunu qiegħda fit-tul u l-persuni b'diżabilità, permezz ta' intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, u b'hekk jgħinuhom jidħlu fis-suq tax-xogħol;

41.  Jirrimarka li fehim tajjeb tad-drittijiet tal-bniedem huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet soċjali tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex ifasslu programmi ta’ taħriġ sabiex iħarrġu lil professjonisti fis-settur soċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni korretta tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal ta’ programmi bħal Erasmus +, u b’hekk jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ studenti u għalliema kif ukoll intraprendituri innovattivi oħra;

43.  Jirrimarka li s-setturi b’firxa wiesgħa ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi, bħas-settur "abjad" u s-settur "aħdar" huma setturi fejn l-ekonomija soċjali u solidali hija preżenti ħafna; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ f’dawk is-setturi;

Appoġġ u promozzjoni

44.  Jiddispjaċih għal-livell baxx ta' rikonoxximent tal-ekonomija soċjali u solidali fil-livell Ewropew; huwa tal-fehma li t-titjib fil-ġbir tad-data diżaggregata skont is-sess u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika fil-livell Ewropew, flimkien ma' kopertura aktar wiesgħa mill-midja tal-ekonomija soċjali u solidali u tal-kisbiet tagħha, jgħinu biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà fl-ekonomija soċjali u solidali, biex b'hekk jiġi żgurat li tinftiehem u tiġi rikonoxxuta aktar u tingħata viżibbiltà aħjar;

45.  Jaqbel mal-ħolqien ta’ pjattaforma diġitali multilingwi għall-iskambju tal-informazzjoni mmirata lejn l-intrapriżi soċjali, l-inkubaturi tan-negozji, ir-raggruppamenti kummerċjali u l-investituri fl-intrapriżi soċjali, u li jiġu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aċċess għall-appoġġ mill-programmi tal-UE; jemmen li l-iżvilupp ta’ tali pjattaforma għandu jkun ippreċedut minn konsultazzjonijiet mal-gruppi interessati;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju komparattiv tas-sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni u tikkettar tal-ekonomija soċjali u solidali u biex tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ inkubaturi tan-negozju għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali, kif ukoll biex jimplimentaw u jippromwovu b’mod effettiv il-pjattaforma tal-Internet għall-iskambju tad-data bejn investituri soċjali u intraprendituri soċjali (il-Pjattaforma għall-Innovazzjoni Soċjali tal-Ewropa ), li d-dettalji tagħha diġà hemm qbil dwarhom.

48.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-iskambju tal-aħjar prattika fir-rigward ta' mezzi possibbli ta' appoġġ għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali u tal-investiment soċjali, inklużi, fejn applikabbli, eżenzjonijiet tat-taxxa jew inċentivi għall-intrapriżi li jittrattaw ma' gruppi vulnerabbli, bħalma huma l-persuni b'diżabilità;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b’attenzjoni l-miżuri prattiċi implimentati mill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li l-persuni li jkunu għażlu t-triq tal-intraprenditorija soċjali u solidali jgawdu mill-istess drittijiet ta’ protezzjoni soċjali, protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fix-xogħol bħal ħaddiema oħrajn;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ebda miżura implimentata mill-Istati Membri ma tkun ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, u li b’hekk kull min għażel it-triq tal-intraprenditorija soċjali u solidali jkun jista’ jwettaq l-attività tiegħu fejn jixtieq fit-territorju tal-Unjoni;

51.  Jappoġġja l-idea li l-intrapriżi soċjali u solidali jistgħu jiffurmaw kategorija speċifika ta’ kumpanija bl-istatus legali proprja tagħha, iddefinita bħala waħda b'objettivi oħrajn apparti s-sempliċi qligħ għall-partijiet interessati; jistieden lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Istrateġija ta' Ruma adottata mir-rappreżentanti Ewropej tal-ekonomija soċjali u solidali, sabiex tippreżenta qafas legali għal dawn l-intrapriżi, li għandu jintlaħaq permezz tal-istatut Ewropew għas-soċjetajiet kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi mutwi;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu soċjali fl-ekonomija soċjali u solidali, sabiex tiffaċilita l-innovazzjoni soċjali u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tiżgura li jkun hemm għarfien sħiħ tal-potenzjal ta’ ħolqien tal-impjiegi tas-settur;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottat, P7_TA(2013)0049.
(2) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p.16.
(3) Testi adottat, P7_TA(2013)0301.
(4) Testi adottat, P7_TA(2012)0429.
(5) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p.187.
(6) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18.


Ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21
PDF 522kWORD 180k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi (2014/2235(INI))
P8_TA(2015)0321A8-0222/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-2014(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji l-ġodda joħolqu l-impjiegi?"(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjon tiegħu tad-29 ta’ April 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew, fir-rigward ta’ żieda fl-ammont ta’ prefinanzjament inizjali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ(3);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta’ Jannar 2014 dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra waħda mill-prijoritajiet tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26-27 ta’ Ġunju 2014: biex jiġi megħjun l-iżvilupp ta’ ħiliet, u jsir disponibbli talent u bidliet fil-ħajja għal kulħadd permezz tal-promozzjoni tal-ħiliet adattati għall-ekonomija moderna u għat-tagħlim tul il-ħajja,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2014 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol (COM(2014)0006),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim mhux formali u informali(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0222/2015),

A.  billi l-eżistenza ta’ xogħlijiet fejn il-postijiet tax-xogħol vakanti li ma jistgħux jimtlew minħabba nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor;

B.   billi, skont il-Kummissjoni(8), sa 12.4 miljun ruħ ilhom qiegħda għal aktar minn sena u, minnhom, 6 miljuni għal aktar minn sentejn; billi l-qgħad fuq terminu twil għandu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibilità ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali u tista’ ssir problema strutturali;

C.  billi r-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta’ domanda domestika u l-investiment qed ikollhom impatt negattiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li s-suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE jqis li dawn it-tliet fatturi jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri tal-impjieg u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-Ewropa 2020;

D.  billi t-talba għal ħaddiema b’livell baxx ta’ kwalifiki qiegħda tonqos filwaqt li d-domanda għal ħaddiema b’livell għoli ta’ kwalifiki qiegħda tikber b’mod konsiderevoli; billi din l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol Ewropew tirrikjedi t-teħid ta’ azzjoni fuq il-ħiliet tal-ħaddiema kif ukoll taħriġ inizjali u vokazzjonali;

E.  billi, fl-2012, wieħed minn kull tliet impjegati Ewropej kienu jew kwalifikati żżejjed jew mhux kwalifikati biżżejjed għax-xogħlijiet tagħhom(9); u billi l-impjegati żgħażagħ huma tipikament aktar probabbli li jkunu formalment kwalifikati żżejjed, filwaqt li huwa wkoll aktar probabbli li jaħdmu f’xogħlijiet anqas imqabbla mal-ħiliet tagħhom minn ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien;

F.  billi xi studji jissuġġerixxu li parti rilevanti tax-xogħlijiet eżistenti se tisparixxi jew tonqos ħafna fil-kwantità minħabba l-awtomatizzazzjoni;

G.  billi l-ispinta lejn ekonomija b’livell ogħla ta’ ħiliet tfisser li matul il-ħames snin li ġejjin, ħafna aktar negozji jistennew li jżidu n-numru ta’ impjiegi li jeħtieġu ħiliet ta' tmexxija, ta' ġestjoni u livell ogħla ta’ ħiliet;

H.  billi l-mobilità tal-ħaddiema Ewropej iżżid l-impjegabilità tagħhom u ttejjeb il-kompetittività tas-suq tax-xogħol Ewropew;

Il-kriżi ekonomika u l-konsegwenzi tagħha

1.  Jinnota li fid-dawl tal-kriżi ekonomika u l-kriżi finanzjarja Ewropea u t-tnaqqis konsegwenti fir-ritmu ekonomiku, għadd ta’ Stati Membri qed jissieltu ma’ livelli għolja ta’ qgħad (UE28: 9,8 % kif ukoll ma’ dejn pubbliku, tkabbir baxx u investiment insuffiċjenti; jinnota t-tnaqqis fin-nefqa pubblika; huwa ulterjorment ikkonċernat li f'ħafna Stati Membri r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (UE 28: 20,9 %) huma ħafna ogħla u li każijiet ta' titjib u rati aktar baxxi huma rari;

2.  Iqis li huma meħtieġa politiki ekonomiċi u soċjali u riformi tas-suq tax-xogħol ambizzjużi sabiex tingħata spinta lil tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u biex jinħolqu aktar xogħlijiet li jwasslu għal impjieg ta' kwalità u sostenibbli; jenfasizza ulterjorment il-ħtieġa għal sistemi ta' sigurtà soċjali li jinkludu t-titjib tal-ħiliet tad-diżokkupati, filwaqt li titrawwem l-impjegabilità ta' persuni nieqsa minn kwalifiki jew li għandhom kwalifiki verament baxxi, kif ukoll jingħataw inċentivi u opportunitajiet ta' xogħol;

Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-UE

3.  Jinnota li anki jekk il-provvista ta' ħaddiema hija biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda għall-ħaddiema, jista’ xorta jkun hemm nuqqasijiet kwalitattivi minħabba li dawk li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu ma jkunux adattati għall-pożizzjonijiet miftuħa, bħala riżultat ta’ diskrepanza bejn is-setturi, l-okkupazzjonijiet jew ir-rekwiżiti tal-ħiliet;

4.  Huwa mħasseb li r-rati tal-qgħad fl-UE baqgħu relattivament għolja (Marzu 2015, UE 28: 9,8 %, u naqsu b'mod sinifikanti fi ftit pajjiżi biss, u jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, bir-rati ta' qgħad l-aktar baxxi fil-Ġermanja u fl-Awstrija (madwar 5 %) u bl-ogħla fil-Greċja u fi Spanja (26 % u 23 % rispettivament(10)); billi dawn id-differenzi enormi jżidu r-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq tax-xogħol kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom u jheddu l-istabilità ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rata medja tal-impjieg tan-nisa fl-UE hija aktar minn 10 punti perċentwali anqas minn dik tal-irġiel u jenfasizza li l-kisba tal-mira ta’ rata tal-impjieg ta’ 75 % kif spjegat fl-istrateġija tal-Ewropa 2020 hija kondizzjonali fuq iż-żieda fir-rata tal-impjieg għan-nisa permezz ta’ politiki mmirati b’mod partikolari lejn ir-rikonċiljazzjoni tad-dmirijiet tax-xogħol u tad-dar;

6.  Jinnota li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ivarja b'mod sinifikanti fl-UE, b'rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tal-età ta’ bejn is-16 u l-25 sena ogħla minn 50 % f’ċerti Stati Membri; jenfasizza li livelli għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-fatt li dawn jaffettwaw ġenerazzjoni sħiħa, jheddu l-bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet;

7.  Jenfasizza li għad hemm differenza ta’ 26 % fir-rata tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità meta mqabbla mar-rata tal-impjieg medja tal-UE, b’rata tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità ta’ anqas minn 50 %;

8.  Huwa mħasseb ħafna dwar il-livelli tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa; jissottolinja f'dan ir-rigward l-importanza tal-edukazzjoni duwali bħat-taħriġ vokazzjonali u l-apprendistati fit-tqabbil tal-ħiliet taż-żgħażagħ mat-talbiet tas-suq tax-xogħol;

9.  Jenfasizza li elementi bħal forza tax-xogħol kwalifikata, il-kapaċità tal-innovazzjoni, iż-żieda fil-kapaċità tal-akkwist u l-ambjent soċjoekonomiku u politiku stabbli huma indispensabbli sabiex tinħoloqklima ta’ investiment tajba;

10.  Jinnota l-livell għoli ta’ qgħad fit-tul, u jwissi dwar il-bżonn li jiġi miġġieled immedjatament, fid-dawl tar-reżiljenza li hija assoċjata miegħu;

11.  Jinnota li bosta sfidi importanti qed jaffettwaw is-suq tax-xogħol tal-Ewropa, inklużi l-globalizzazzjoni, is-soċjetà li qed tixjieħ, bidliet teknoloġiċi rapidi bħad-diġitizzazzjoni u r-robotizzazzjoni, id-diskrepanza bejn ħiliet u impjiegi u domanda dejjem tikber għal ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet, bi provvista eċċessiva ta' ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, li jikkawżaw polarizzazzjoni fil-pagi;

12.  Jinnota madankollu r-riskji enfasizzati mis-CEDEFOP rigward il-kontinwazzjoni tad-diskrepanza fil-ħiliet u l-obsolexxenza tal-ħiliet minħabba d-domanda baxxa li twassal għal livell għoli ta’ qgħad;

13.  Jenfasizza d-differenzi konsiderevoli fl-opportunitajiet tal-impjiegi bejn l-Istati Membri, jissottolinja f’dan ir-rigward li l-opportunitajiet tal-impjiegi huma element kruċjali għal suq tax-xogħol dinamiku li jlaqqa’ l-ħiliet u l-impjiegi u li joħloq opportunitajiet u possibilitajiet għan-negozji u għall-impjegati, u huwa mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni statika fis-swieq tax-xogħol f’ċerti Stati Membri; jitlob għalhekk punt ta’ riferiment Ewropew dwar l-opportunitajiet tal-impjiegi fl-Istati Membri; data għal dan il-punt ta' riferiment tista' tinġabar kull sena permezz tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol u għandha bħala minimu tkejjel: in-numru ta' opportunitajiet tax-xogħol fi Stat Membru; id-durata medja tal-qgħad;

14.  Jinnota li l-Ewropa għandha 24 miljun persuna qiegħda, inklużi 7,5 miljun NEETs, u min-naħa l-oħra żewġ miljun post tax-xogħol vakanti, u li l-kumpaniji Ewropej huma affettwati minn nuqqas kbir ta’ persuni kwalifikati u ta' forza tax-xogħol b’ħiliet trasferibbli;

15.  Jirrimarka li, minkejja r-rati għolja ta' qgħad f'xi Stati Membri u postijiet tax-xogħol vakanti f'oħrajn, il-mobilità tax-xogħol ġewwa l-UE għadha baxxa (UE 27: 0,29 %), bħala riżultat fost l-oħrajn tal-ostakli eżistenti, u b'paragun internazzjonali, kważi 10 darbiet aktar baxxa milli fl-Istati Uniti u 5 darbiet aktar baxxa milli fl-Awstralja; jiġbed l-attenzjoni għas-seba' miljun ċittadin tal-UE li jgħixu u jaħdmu, sa mill-2013, fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom; ifakkar li attwalment fl-UE hawn aktar minn żewġ miljun post tax-xogħol vakanti; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa ta' mobilità tax-xogħol ġusta fl-Unjoni sabiex din id-diskrepanza tintemm;

16.  Jinnota li s-suq tax-xogħol tal-UE jista' jgħin fl-assorbiment ta' konċnetrazzjonijiet kbar ta' qgħad eżistenti f'għadd ta' reġjuni tal-Ewropa;

17.  Jemmen li s-suq tax-xogħol Ewropew se jadatta għall-kultura, il-mudell ta’ produzzjoni u l-istruttura tan-negozji tar-reġjuni differenti Ewropej, u li d-differenzi bejniethom se jitqiesu fl-adozzjoni ta' miżuri li jagħmlu s-suq tax-xogħol aktar flessibbli;

18.  Ifakkar li waqt perjodu ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-individwi jaffaċċjaw sfidi akbar biex isibu l-impjiegi u li xi drabi jkollhom jaċċettaw impjiegi b'rekwiżiti edukattivi aktar baxxi minn dawk li diġà jkollhom; jenfasizza li t-tkabbir permezz tal-ħolqien ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin u l-isforzi għall-istimulazzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-faċilitazzjoni tal-investiment f'setturi ġodda għaldaqstant huwa mod rilevanti biex tittaffa l-prevalenza ta' soprakwalifiki fi ħdan l-ekonomiji tal-UE;

It-trawwim ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE

19.  Jemmen li sabiex jinkiseb suq tax-xogħol kompetittiv fl-UE, riformi ambizzjużi huma meħtieġa biex tiżdied l-inklużività, il-flessibbilità intelliġenti, l-innovazzjoni u l-mobilità, jissaħħaħ ir-rwol tad-djalogu soċjali, jiġi stimulat il-ħolqien ta' aktar impjiegi li jwasslu għal impjieg ta' kwalità għolja u sostenibbli, tingħata spinta lill-produttività u kontribut lill-iżvilupp tal-kapital uman, fid-dawl tas-swieq tax-xogħol u tax-xejriet ta' produzzjoni li kontinwament qed jinbidlu;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kontinwi biex l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-swieq tax-xogħol jitlaqqgħu flimkien, u jtenni li l-ġenerazzjoni ta' tkabbir, kompetittività u ħolqien tax-xogħol intelliġenti, sostenibbli u inklużivi fl-Ewropa għandhom jinkisbu permezz ta' approċċ olistiku li jirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jappoġġa gruppi vulnerabbli permezz tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għoti ta' inċentivi;

21.  Jenfasizza li s-servizzi pubbliċi tal-impjieg għandhom rwol importanti fl-iżgurar li r-ritorn għat-tkabbir tal-impjiegi ma jseħħx għad-detriment tat-tlaqqigħ tal-ħiliet ta’ kwalità baxxa;

22.  Jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni tax-xogħol issir tinftiehem aktar għall-ħaddiema u għal min iħaddem, li jitneħħew l-ostakli għall-impjieg, li tkun promossa s-sigurtà ġuridika għall-kumpaniji u għall-impjegati;

23.  Jenfasizza li ż-żgħażagħ sikwit jesperjenzaw diffikultajiet li dejjem jikbru fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għax-xogħol u għaldaqstant sikwit ikunu aktar vulnerabbli għall-qgħad u aktarx isibu ruħhom f'impjiegi ta' kwalità baxxa jew prekarji;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO), li tidentifika u tikkategorizza ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u impjiegi rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-bniedem, tal-flessibilità tal-karriera u tal-impenn personali; ifakkar f’dan ir-rigward li l-mobilità professjonali hija fattur essenzjali u li jinħtieġ investiment sostanzjali biex tiġi appoġġata b’mod attiv l-impjegabilità u l-adattabilità u jiġi evitat l-eżawriment ta’ ħiliet fost dawk qiegħda;

26.  Jenfasizza l-importanza ta’ investimenti soċjali li jimmiraw lejn il-ħolqien ta’ stat ta’ attivazzjoni li jipprovdi lill-ħaddiema bi strumenti li jippermettulhom adattament faċli għal kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi li jinbidlu kif ukoll għad-domandi tas-swieq tax-xogħol;

27.  Jemmen li bażi tal-ħiliet internazzjonalment kompetittiva se tippermetti lill-Istati Membri biex jaqbdu segmenti ta’ valur għoli tas-suq globali;

28.  Jenfasizza li l-ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li toħloq miljuni ta’ impjiegi madwar l-UE u twassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv;

29.  Ifakkar l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema, ġeografikament u f'setturi differenti, bħala għażla għal suq tax-xogħol kompetittiv, u jenfasizza l-ħtieġa għat-tnaqqis ta' ostakli amministrattivi u lingwistiċi li jaf ikunu responsabbli għar-restrizzjoni tagħha, u biex jiġu żviluppati għodod għall-faċilitazzjoni tal-mobilità bħar-rikonoxximent rapidu ta' kwalifiki formali, mhux formali u informali bejn l-Istati Membri, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-CV Ewropew u l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, kif ukoll l-għoti ta' korsijiet tal-lingwa speċifiċi għas-settur u taħriġ dwar il-kommunikazzjoni interkulturali; jinkoraġġixxi li tiżdied is-sensibilizzazzjoni, u li jkun hemm titjib ulterjuri, tal-portal tax-xogħol EURES madwar l-UE, filwaqt li tiġi żgurata b’mod partikolari l-formazzjoni u d-dispożizzjoni ta’ numru suffiċjenti ta’ konsulenti tal-EURES, maqsuma ugwalment fuq it-territorju kollu tal-UE, sabiex il-EURES ikun għodda indispensabbli fis-suq tax-xogħol tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mtejba fost is-servizzi nazzjonali pubbliċi tal-impjieg u l-inklużjoni futura ta' servizzi privati ta' impjieg u partijiet ikkonċernati oħra fin-netwerk tal-EURES; jenfasizza l-importanza tal-inizjattivi tal-UE li jimmiraw li jagħmlu s-suq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi aktar trasparenti, jistimolaw il-mobilità u joħolqu opportunitajiet bħalma huma l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Europass-CV, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Portal għall-Mobilità tal-Impjiegi fl-Ewropa (EURES), l-Alleanzi tal-Għarfien u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jitlob promozzjoni aħjar ta' dawn l-inizjattivi sabiex jittejjeb is-suq tax-xogħol fl-Ewropa;

30.  Itenni li l-potenzjal ekonomiku kbir tan-nisa għandu jiġi sfruttat fl-Ewropa u li huwa meħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għan-nisa għal-progress fil-karriera tagħhom u biex ifittxu pożizzjonijiet ogħla f’kumpaniji jew biex jibdew in-negozji tagħhom stess; jenfasizza l-ħtieġa li tintemm id-diskrepanza bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u s-sehem u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; ifakkar l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-qerda tad-diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u ż-żieda fir-rata tal-impjieg għan-nisa, kif ukoll it-tisħiħ tal-politiki ta' bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali, bħala parti mill-kisba tal-miri għall-impjiegi tal-Ewropa 2020;

31.  Jilqa r-riżultati pożittivi miksuba mill-iskema pilota tal-mobilità tal-impjiegi "L-ewwel impjieg EURES tiegħek" (YfEj), li kapaċi tilħaq b’mod effikaċi liż-żgħażagħ u tiżviluppa servizzi mfassla kemm għal min qed ifittex impjieg kif ukoll għal min iħaddem; jenfasizza l-effetti konsegwenzjali pożittivi bejn l-iskema YfEj u l-EURES;

32.  Fil-kuntest ta' dan l-isfond, jenfasizza l-importanza tal-politiki attivi tax-xogħol, tat-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll tat-titjib tal-kapaċità tal-persuni għall-adattabilità għall-bidla teknoloġika; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-firxa u l-effiċjenza tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

33.  Iqis li strateġija koerenti u komprensiva lejn forom aktar effettivi u ta’ benefiċċju reċiproku ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, billi jsir użu sħiħ mill-potenzjal ta’ għarfien tal-ħaddiema u billi tiżdied il-kwalità tal-impjiegi tagħhom se tgħin lir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol; jistgħu jiġu żviluppati forom ta’ organizzazzjoni tax-xogħol aktar parteċipattivi u li jagħtu l-awtonomija biex isaħħu l-involviment tal-impjegati fl-innovazzjoni, jappoġġaw l-involviment tal-ħaddiema u l-iżvilupp tal-użu tal-ħiliet, u għalhekk, il-prestazzjoni tal-kumpaniji;

34.  Jenfasizza, li minħabba bidliet mgħaġġla mbassra fis-suq tax-xogħol, huwa fiż-żgħażagħ tal-lum li l-investimenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ huma meħtieġa; jenfasizza li politiki tal-ħiliet m’għandhomx ikunu mmirati biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biss, iżda biex jgħammru lill-individwi bil-kompetenzi trasversali meħtieġa biex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrispettaw il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ la huma sempliċement strument tas-suq tax-xogħol u lanqas huma maħsuba biex jedukaw il-ħaddiema tal-futur, iżda jikkostitwixxu l-ewwel u qabel kollox dritt fundamentali u għandhom valur fihom infushom;

L-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri

35.  Jemmen li, sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet għall-ġejjieni, il-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati, għandhom ikunu involuti b’mod qawwi fil-livelli kollha, b’mod partikolari fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kwalifiki vokazzjonali, li jipprovdu tranżizzjoni effettiva mill-edukazzjoni formali għat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol;

36.  Jitlob għal fehim aħjar tal-ħtiġijiet preżenti u futuri ta' ħiliet u għat-tisħiħ tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE eżistenti sabiex jiġu identifikati aħjar il-lakuni fil-ħiliet u n-nuqqasijiet f'setturi u impjiegi speċifiċi, kif ukoll f'reġjuni speċifiċi u li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar mudelli dejjem jevolvu ta' ħtiġijiet ta' ħiliet tiġi miġbura, proċessata u disseminata fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjegaturi sabiex jiġu antiċipati b'mod aktar effikaċi ix-xejriet tal-futur;

37.  Jemmen li l-edukazzjoni hija kruċjali fl-ixprunar tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni, u b'hekk tkompli żżid aktar il-possibilitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi li jitolbu livell għoli ta' ħiliet u fl-istess waqt tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

38.  Jenfasizza l-importanza ta' sħubijiet aktar integrati u ta' fiduċja bejn l-iskejjel, l-istabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla, in-negozji u awtoritajiet relevanti oħrajn bil-ħsieb li jiġu stmati l-ħtiġijiet tax-xogħol għall-futur, rieżaminati u implimentati programmi ta' taħriġ vokazzjonali ġodda u titrawwem kooperazzjoni u skambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, inkluż permezz ta' monitoraġġ tal-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol fil-livell reġjonali u lokali; ifakkar li fl-istess waqt hija meħtieġa r-responsabilità soċjali mill-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll l-involviment tagħhom fl-iżvilupp ulterjuri tal-għodod ta' monitoraġġ u previżjoni;

39.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom rwol importanti biex jiżguraw li jkun hemm provvista adegwata ta’ għalliema kemm tax-xjenza kif ukoll tal-matematika sabiex jgħammru liż-żgħażagħ b’għarfien u entużjażmu għas-suġġetti STEM;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-indirizzar tal-ħtiġijiet tat-tfal fl-iskola minn età żgħira ħafna; jirrakkomanda li l-Istati Membri jadottaw miżuri innovattivi u li jinkorporawhom fil-proċessi tat-tagħlim fl-iskola u barra minnha, u jirriformaw jew jaġġornaw l-ambjent tal-iskola, il-metodi tat-tagħlim u l-kompetenzi tal-għalliema; jissuġġerixxi li l-kurrikuli tal-iskola fl-Istati Membri jiġu adattati biex jinkludu żjarat tat-tfal f'pajjiżi oħra matul is-sena skolastika, sabiex l-edukazzjoni tmur lil hinn mill-klassi anke fi stadju bikri ħafna fl-edukazzjoni;

L-importanza ta’ edukazzjoni u taħriġ kontinwu u taħriġ għall-atturi kollha tas-suq tax-xogħol

41.  Ifakkar li d-dritt għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali u jenfasizza li l-ħtieġa li nistinkaw għal approċċ aktar flessibbli u individwali għall-iżvilupp tal-karriera u għall-edukazzjoni matul il-ħajja u t-taħriġ tul il-karriera u jirrikonoxxi r-rwol li kemm il-partijiet pubbliċi u dawk privati jista' jkollhom f'dan, filwaqt li jkun rikonoxxut li l-gwida u l-pariri li jindirizzaw il-ħtiġiet individwali u jiffokaw fuq il-valutazzjoni u l-espansjoni tal-ħiliet individwali għandhom ikunu element ċentrali tal-politiki tal-edukazzjoni u tal-ħiliet minn stadju bikri;

42.  Jirrikonoxxi l-importanza tat-trawwim ta’ apprendistati tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol bħala rotta alternattiva għall-impjieg;

43.  Jinnota li l-politiki Ewropej għall-Gwida Tul il-Ħajja kellhom impatt konsiderevoli fuq il-politiki nazzjonali ta' gwida u li gwida tul il-ħajja effettiva teħtieġ programmi f’perspettiva trasversali f’kull livell;

44.  Jinnota li jeħtieġ li jkun hemm varjetà ta’ toroq disponibbli għaż-żgħażagħ, u li d-definizzjonijiet ta’ dawn it-toroq (apprendistati) ivarjaw minn pajjiż għal ieħor fl-Ewropa;

45.  Jemmen li programmi ta’ taħriġ u ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid għal persuni qiegħda, speċjalment dawk qiegħda fit-tul, kif ukoll programmi tal-valutazzjoni tal-ħiliet, għandhom jiġu offruti lil persuni biex itejbu l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u għandhom jiġu mfassla u implimentati b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, bil-ħsieb li jkun hemm allinjament aħjar tal-ħiliet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet ta’ min iħaddem; jenfasizza li jeħtieġ li jiġu żviluppati u implimentati programmi speċjali biex jgħinu l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa biex il-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tal-Pjanijiet tal-Implimentazzjoni Nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-istabbiliment effikaċi tagħhom fil-post; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex telabora Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) lil Stati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-kwalità tal-impjieg;

47.  Jenfasizza li t-tħassib tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif espress fir-rapport tagħha "Żgħażagħ u mingħajr impjieg fl-Ewropa: ostakli għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE", b'mod partikolari dwar l-adegwatezza tal-finanzjament sħiħ għall-iskema, id-definizzjoni ta' "offerta ta' kwalità tajba", u l-mod kif il-Kummissjoni timmonitora u tirraporta dwar ir-riżultati;

48.  Ifakkar li huwa ta’ importanza kbira li jingħataw gwida u pariri mfassla apposta lil dawk li qed ifittxu x-xogħol dwar kif għandhom ifittxu impjieg jew dwar liema edukazzjoni avvanzata u taħriġ għandhom jieħdu, u biex jiġi żgurat li l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom ikunu rikonoxxuti u vvalidati permezz tal-ʻpassaporti tal-kompetenzi’ li jirriflettu l-ħiliet u l-kompetenzi miksuba kemm permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali kif ukoll informali;

49.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiżdied l-adattabilità tal-forza tax-xogħol bħala mod li bih jiġu miġġielda n-nuqqasijiet tal-futur; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi strutturali, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, għal dan il-għan;

50.  Jenfasizza li d-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ huwa ta’ importanza speċjali għall-persuni li jkunu qiegħda fit-tul; ifakkar li l-persuni qiegħda fit-tul jibbenefikaw minn approċċ li jimmiraw lejn il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u mhux minn miżuri standard; jenfasizza li l-persuni qiegħda fit-tul għandhom bżonn ikunu jafu dwar id-dritt tagħhom għat-taħriġ, li l-miżuri li huma mmirati lejhom iridu jirrispettaw l-għażliet ta' parteċipazzjoni u li t-taħriġ jeħtieġ li jkun affordabbli, deċenti u li jindirizza l-ħtiġiet attwali tagħhom; ifakkar li jekk dawn il-kundizzjonijiet jintlaħqu, il-persuni qiegħda fit-tul se jkunu kapaċi jużaw it-titjib tal-ħiliet bħala opportunità biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom;

51.  Jenfasizza l-importanza tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala għodda biex tgħin liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u biex jiksbu l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa biex isibu xogħol ta’ kwalità tajba permezz ta’ apprendistat, taħriġ prattiku jew edukazzjoni kontinwa;

52.  Jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta' opportunitajiet indaqs u l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati, u l-għoti ta' appoġġ effettiv fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u fil-faċilitazzjoni tal-aċċess għax-xogħol;

It-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni u l-impjiegi

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri jiġu msaħħa u mmirati aħjar bl-għan li jnaqqsu r-rata ta' tluq bikri mill-iskola (ESL) għal inqas minn 10 % sal-2020, kif maqbul fl-istrateġija Ewropa 2020, waqt li jitqies li t-ESL hija problema persistenti fl-UE li għandha impatt detrimentali fuq l-impjegabilità u l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ ikkonċernati;

54.  Jemmen li t-taħriġ vokazzjonali duwali permezz tal-apprendistati u sistemi tat-tagħlim simili bbażati fuq ix-xogħol għandhom jingħataw aktar konsiderazzjoni u għandhom iżommu l-kwalità bħala prijorità, mingħajr preġudizzju akkademiku, peress li għandhom it-tendenza li jiffavorixxu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tranżizzjoni iżjed faċli mill-edukazzjoni għax-xogħol u wrew li huma effettivi fit-trawwim tal-impjieg fost iż-żgħażagħ;

55.  Jemmen li s-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali li jeżistu llum huma riżultat ta’ ċerti forzi storiċi u kulturali li ġew iffurmati minn normi legali, tradizzjonijiet, prinċipji pedagoġiċi prevalenti u strutturi istituzzjonali;

56.  Jenfasizza d-data preokkupanti ħafna dwar ir-rata ta’ żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ (NEETs), li fil-maġġoranza tal-Istati Membri jeċċedu l-10 %; jenfasizza r-rabta diretta bejn il-livelli għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tluq bikri mill-iskola; jenfasizza li mingħajr azzjoni urġenti u deċiżiva kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, ġenerazzjoni sħiħa ta’ Ewropej żgħażagħ huma f’riskju li jiġu mċaħħda minn livelli suffiċjenti ta’ edukazzjoni u taħriġ u għaldaqstant li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, b’riperkussjonijiet drammatiċi fuq in-nisġa soċjali, fuq il-koeżjoni soċjali u territorjali u fuq is-sostenibilità tal-mudell ekonomiku Ewropew kollu kemm hu;

57.  Jissottolinja li kull sistema ta' taħriġ vokazzjonali nazzjonali hija għodda għall-kisba ta’ ċerti objettivi li jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor u li kull wieħed minnhom jista’ għalhekk jiġi ġġudikat biss mis-suċċess tiegħu fil-kisba ta’ dawk l-objettivi; jenfasizza li l-esportazzjoni ta’ sistema tat-taħriġ vokazzjonali minn pajjiż għal ieħor hija possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi rispettivi jkunu komparabbli jew ikunu jistgħu jiġu adattati;

58.  Itenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għat-titjib tal-impjegabilità u għat-tħaffif tal-ksib tal-kwalifiki professjonali għaż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rilevanza tal-ETV għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom parti integrali mis-sistema edukattiva u jiggarantixxu standards ta' kwalifiki għoljin u l-assigurazzjoni tal-kwalità f'dan ir-rigward;

59.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li flimkien ma' żewġ miljun post tax-xogħol vakanti fl-UE, hemm ħafna żgħazagħ kwalifikati żżejjed diżokkupati li l-ħiliet tagħhom ma jaqblux mal-eżiġenzi tas-suq tax-xogħol; jissottolinja, għaldaqstant, l-importanza ta’ sinerġiji aħjar bejn is-sistemi edukattivi u s-suq tax-xogħol, inkluża l-espożizzjoni għall-post tax-xogħol, apprendistati u l-kooperazzjoni man-negozji sabiex jiġi promoss u miżjud b'mod sinifikanti l-livell tal-impjieg u jiġu maħluqa raggruppamenti tal-innovazzjoni; jenfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollhom in-negozji billi jinvolvu ruħhom mas-sistemi edukattivi fl-Istati Membri tagħhom; jenfasizza li strateġija komprensiva fuq terminu twil, imlaqqa' ma' miżuri immedjati, hija meħtieġa għall-adattament tas-sistemi edukattivi fil-livelli kollha, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tal-impjieg;

60.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA), li għandha l-għan li ġġib flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tal-VET, ir-rappreżentanti żgħażagħ, u atturi ewlenin oħra sabiex jippromwovu l-iskemi tal-apprendistati u l-inizjattivi madwar l-Ewropa;

61.  Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni duwali u programmi ta' taħriġ li jlaqqgħu it-teorija mat-taħriġ prattiku, bħala element ewlieni fl-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintegraw programmi bħal dawn ġol-kurrikuli tagħhom sabiex jipprovdu l-esperjenza prattika meħtieġa li tħaffef tranżizzjoni bla skossi minn edukazzjoni u taħriġ għas-suq tax-xogħol;

62.  Jenfasizza l-importanza ta' orjentazzjoni tal-karriera u esperjenza tax-xogħol permezz ta' valutazzjoni u pariri għall-karriera li jiffukaw fuq ħiliet u ħtiġijiet individwali pprovduti minn konsulenti kwalifikati ta' livell għoli speċjalizzati fil-qasam tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bl-informazzjoni, il-pariri u l-gwida xierqa biex jagħmlu għażliet tal-karriera tajba;

63.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-edukazzjoni u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ għandhom fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-istudenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi ta' kwalità għolja mmirati ta' gwida fil-karriera matul iċ-ċiklu edukattiv sabiex jgħinu liż-żgħażagħ jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin għall-edukazzjoni u l-karriera tagħhom;

64.  Jinnota li għal transizzjoni b'suċċess lejn l-impjieg, huwa ta' importanza kbira li jittieħdu deċiżjonijiet infurmati, li jiġi żviluppat sens ta’ iniżjattiva u li jiżdiedu l-motivazzjoni u l-konoxxenza proprja, filwaqt li għandu jkun disponibbli wkoll appoġġ xieraq f'dan ir-rigward; jenfasizza l-importanza ta' transizzjonijiet ta' kwalità għolja, inklużi t-transizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol u bejn l-impjieg u pawżi fil-karriera;

65.  Ifakkar li l-investiment fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp ta' ħiliet li jwieġbu għad-domandi tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà huwa essenzjali għat-tkabbir u l-kompetittività, kif ukoll għas-sensibilizzazzjoni Ewropea, l-iżvilupp personali u l-awtostima; jirrimarka li l-intraprenditorija tirrikjedi l-iżvilupp ta' ħiliet trasversali bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kritiku, ix-xogħol f'tim u sens ta' inizjattiva, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw id-dħul aktar bikri tagħhom fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li tali investiment għandu jiġi appoġġat minn sinerġiji aktar qawwija bejn l-inizjattivi Ewropej u nazzjonali u s-setturi varji tal-edukazzjoni u t-taħriġ u setturi rilevanti oħra, bħall-impjieg, il-politika soċjali, il-politika taż-żgħażagħ u l-kultura u kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti bħalma huma l-imsieħba soċjali u n-negozji sabiex il-kurrikuli jibqgħu allinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

66.  Itenni l-impenn tal-Istati Membri li jinvestu fl-edukazzjoni għolja u jitlob għalhekk it-titjib gradwali tal-istandards tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-sistemi edukattivi Ewropej kollha; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-edukazzjoni bħala investiment essenzjali u jimpenjaw ruħhom li jinvestu mill-inqas 2 % tal-PDG fis-settur u jissalvagwardjaw lis-settur mit-tnaqqis fl-infiq; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ulterjorment ir-rwol tal-edukazzjoni fl-istrateġija Ewropa 2020 billi tassoċja l-objettivi ġenerali tal-qafas strateġiku Edukazzjoni u Taħriġ 2020 (ET 2020) mar-reviżjoni tal-Ewropa 2020;

67.  Jenfasizza li l-investiment tul il-ħajja fil-kapital uman u fil-ħiliet, u, b'mod partikolari, fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti u tal-ħaddiema bla sengħa, huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul u biex jiġi pprovdut aċċess aktar wiesa' għal impjiegi ta' kwalità; jistieden lill-UE tistabbilixxi objettivi ċari dwar il-metodi tat-tagħlim tul il-ħajja għall-ħiliet neqsin u biex tespandi t-taħriġ u l-edukazzjoni fil-komunikazzjoni, il-lingwi u l-ħiliet diġitali għall-ħaddiema ta' età akbar u b'mod partikolari għall-ħaddiema bi ftit kwalifiki ta' età akbar minn 30 sena u studenti li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien;

68.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament adegwat u l-adozzjoni, mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali u minn dawk li jħaddmu individwalment, ta' skemi ta' taħriġ u ta' apprendistat ta' kwalità kif ukoll ta' tagħlim ibbażat fl-iskola; ifakkar li dawn il-programmi għandhom jikkonformaw mal-istandards minimi tal-protezzjoni soċjali;

69.  Jemmen li jinħtieġu sħubijiet mill-qrib u sistematiċi fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali bejn l-awtoritajiet pubbliċi u r-rappreżentanti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, inklużi s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ sabiex jiġu żviluppati strateġiji għal żmien fit-tul għas-swieq tax-xogħol nazzjonali kkonċernati u l-aħjar modi ta' kif tiġi indirizzata l-problema ta' diskrepanza tal-ħiliet fid-dimensjonijiet kollha tagħha, u jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu tali kooperazzjoni;

70.  Jemmen li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija l-ewwel pass lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ fir-rigward tal-impjieg; ifakkar l-obbligu ta' min iħaddem biex jipparteċipa fil-proċess biex jipprovdi liż-żgħażagħ bi programmi ta' taħriġ vokazzjonali aċċessibbli u apprendistati ta' kwalità; jenfasizza li l-aspett kwalitattiv ta' xogħol deċenti għaż-żgħażagħ m'għandux ikun kompromess, u li l-istandards tax-xogħol ewlenin u standards oħra relatati mal-kwalità tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol, il-paga minima, is-sigurtà soċjali u s-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali, għandhom ikunu kunsiderazzjonijiet ċentrali fl-isforzi li jsiru;

It-trawwim tal-mobilità tax-xogħol

71.  Ifakkar li fil-preżent fl-UE, hemm iktar minn 2 miljun post tax-xogħol vakanti; jenfasizza l-ħtieġa ta' mobilità tax-xogħol fl-Unjoni sabiex jimtela dan il-vojt, u jtenni l-importanza tal-ERASMUS + u l-EURES f'dan ir-rigward;

72.  Ifakkar l-importanza tal-faċilitazzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema tal-fruntiera permezz ta' informazzjoni dwar l-eżistenza tas-sħubijiet transkonfinali tal-EURES li huma mfassla biex iħeġġu u jneħħu l-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema tal-fruntiera billi joffrulhom l-informazzjoni u pariri dwar opportunitajiet ta' xogħol u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; f'dan ir-rigward, il-EURES-T hija għodda importanti għall-kontroll aħjar tat-tqassim ta' sorsi potenzjali ta' impjiegi ġodda u lejn suq tax-xogħol tal-UE integrat aħjar;

73.  Ifakkar il-mobilità ta' ħaddiema b'ħiliet minn pajjiżi terzi bħala waħda mit-tweġibiet għall-isfidi demografiċi, nuqqasijiet u nuqqas ta' tlaqqigħ fis-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-ħtieġa li jiġu minimizzati l-effetti tal-eżodu ta' mħuħ;

74.  Jinnota li l-UE nbniet fuq il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari tal-ħaddiema; jitlob li jiġi mħeġġeg l-istudju u l-użu ta' ilsna barranin bl-għan li tiżdied il-mobilità; jinnota l-importanza li t-tagħlim tal-lingwi, b'mod partikolari dawk Ewropej, isir element tat-tagħlim tul il-ħajja li għandu jiġi mħeġġeġ bħala mezz ta' faċilitazzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema u ta' twessiegħ tal-ispettru tal-prospetti tal-impjiegi;

L-iskambju u l-validazzjoni tal-aħjar prattiki fl-UE

75.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir skambju u validazzjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll li jsir paragun bejn u tkejjil tal-effikaċja tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' edukazzjoni duwali u vokazzjonali u sistemi ta' apprendistat u traineeships u kurrikuli, riżultati tat-tagħlim ta' tagħlim mhux formali u informali, strateġiji tat-tagħlim tul il-ħajja, filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet ta' kull suq tax-xogħol u ta' kull sistema edukattiva; jindika l-pjattaform tal-Ewro Apprendistat bħala waħda mill-għodod ewlenin għall-iżvilupp ta' sħubijiet Ewropej u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-apprendistati;

76.  Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, tal-volontarjat u tat-tagħlim matul il-ħajja fl-iżvilupp ta' ħiliet u ta' kwalifiki, b'mod partikolari ħiliet trasversali bħall-ħiliet intraprenditorjali, l-ICT, u l-kompetenzi personali u ta' lingwa li huma applikabbli b'mod wiesa'; jistieden lill-UE ttejjeb l-aċċess għat-tagħlim tal-adulti u għal edukazzjoni li tagħti t-tieni opportunità; jitlob il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' tagħlim mhux formali u informali mill-impjegaturi u mill-fornituri tal-edukazzjoni;

77.  Jinnota l-importanza li jingħata impetu ġdid lill-Proċess ta' Bolonja, billi tittieħed l-opportunità mressqa mill-Konferenza Ministerjali ta' Yerevan ta' Mejju 2015 għal impenji ta' kooperazzjoni ġodda u aktar avvanzati li għandhom jitwettqu mingħajr dewmien;

78.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni xierqa tal-programm Erasmus+ bl-azzjonijiet kollha tiegħu, inkluża l-parti tal-programm dedikata għall-isport; iqis importanti s-simplifikazzjoni tal-metodi ta' aċċess sabiex il-programm jilħaq l-akbar numru possibbli ta' individwi u organizzazzjonijiet;

It-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iċ-ċittadini: L-SMEs u l-mikroimpriżi

79.  Jemmen li hemm bżonn li jittejbu t-tmexxija, il-ġestjoni finanzjarja u t-trawwim tal-edukazzjoni intraprenditorjali minn età bikrija biex jintlaħaq il-potenzjal taż-żgħażagħ biex ikunu mgħammra ħalli jsiru impjegaturi, mhux biss impjegati, u jkunu kapaċi li jibdew negozji ġodda u jieħdu vantaġġ minn swieq ġodda;

80.  Jilqa' skemi bħall-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ li għandhom l-għan li jgħinu lil imprendituri ġodda jiksbu l-ħiliet rilevanti għall-ġestjoni ta' negozju, u jemmen li programmi bħal dawn għandhom jiġu promossi ulterjorment sabiex aktar imprendituri żgħażagħ jiġu megħjuna jiżviluppaw u joħolqu l-impjiegi; jemmen li miżuri speċjali ta' appoġġ għandhom jiġu introdotti għall-intraprendituri żgħażagħ biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni kif ukoll għall-finanzi u għall-finanzjament, inklużi s-servizzi ta' 'one-stop-shop' għall-informazzjoni u l-appoġġ immirati lejn iż-żgħażagħ f'korpi intraprenditorjali eżistenti ta' appoġġ;

81.  Jemmen li edukazzjoni mhux formali, partikolarment kif żviluppata fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, trawwem il-kreattività, is-sens ta' inizjattiva u l-awtoresponsabbiltà, u tista' żżid l-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

82.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-inklużjoni ta' elementi ta' taħriġ intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, peress li t-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iż-żgħar fi stadju bikri huwa mod effettiv li bih jiġi miġġieled il-qgħad u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żagħżagħ; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, djalogu attiv u kooperazzjoni bejn il-komunità akkademika u l-komunitajiet tan-negozju immirati għall-iżvilupp ta' programmi edukattivi li jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa;

83.  Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares lejn il-ġejjieni u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tmexxi l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet għall-Impjiegi Nazzjonali filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-Pakkett tal-Impjiegi;

84.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri ta' appoġġ u inċentivar għal start-ups, SMEs, mikrointrapriżi u atturi fl-ekonomija soċjali sabiex jiġu faċilitati l-istabbiliment u l-operat tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa li jinkorporaw u li jaħdmu fuq il-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar u li jiffaċilitaw ir-reklutaġġ ta' ħaddiema kwalifikati u t-taħriġ tal-impjegati; għal dan l-għan, jenfasizza li l-piż tat-taxxa għandu jiġi trasferit mix-xogħol għal sorsi oħra ta' tassazzjoni li huma anqas detrimentali għall-impjieg u għat-tkabbir, filwaqt li tiġi mħarsa protezzjoni soċjali adegwata;

85.  Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol;

86.  Ifakkar li kważi 99 % tal-kumpaniji Ewropej huma SMEs u huma mutur ewlieni fil-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv fl-UE; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi bbażata fuq il-prinċipju ta' “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” sabiex jitneħħew l-ostakli burokratiċi li jiffaċċaw l-SMEs u jkunu jistgħu jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi;

87.  Jemmen li l-intraprendituri għandhom jinvestu fit-taħriġ u l-apprendistati għall-impjegati u li l-inċentivi għandhom jiġu introdotti u żviluppati ulterjorment fejn ikun xieraq għal dan l-għan, peress li dan jippermettilhom jespandu u joħolqu postijiet tax-xogħol ġodda; jemmen li l-iżvilupp ta' netwerks ta' min iħaddem jista' jgħin lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi biex jaċċessaw il-provvista u l-appoġġ tat-taħriġ li jeħtieġu;

L-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni: ħiliet u impjiegi ġodda

88.  Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni għat-tkabbir u għall-produttività u għal soċjetà aktar ġusta, aktar sostenibbli u inklużiva, u, f'dan ir-rigward, tal-ħtieġa li jingħataw l-għarfien, il-kreattività u l-ħiliet li huma meħtieġa, kif ukoll ta' motivazzjoni u determinazzjoni min-naħa ta' impjegati u ta' impjegati prospettivi u ta' min iħaddem bil-ħsieb li jinħolqu prodotti u servizzi diġitali innovattivi u kreattivi; jenfasizza l-ħtieġa li jintemm id-"distakk diġitali" u l-ħtieġa ta' ħiliet diġitali bħala parti mit-tagħlim matul il-ħajja u l-integrazzjoni ta' midja ġdida u teknoloġiji ġodda ġol-kurrikuli; jenfasizza, ulterjorment, il-ħtieġa tal-iżvilupp ta' modi innovattivi ta' tagħlim u l-estensjoni tad-disponibilità onlajn u ta' tagħlim mill-bogħod permezz ta' riżorsi edukattivi miftuħa (OER) li jiffaċilitaw l-aċċess indaqs għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal kulħadd;

89.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati firxa wiesgħa ta' industriji emerġenti u setturi tat-tkabbir ewlenin li l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuqhom biex jiżviluppaw il-bażi tal-ħiliet tagħhom;

90.  Jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi offrut bil-kompletar tas-suq uniku diġitali, bl-istabbiliment ta' unjoni tal-enerġija, bil-ħolqien ta' impjiegi permezz tal-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni, bil-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u l-ekonomija soċjali u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u tal-kura soċjali u bit-trawwim tan-netwerks tat-trasport;

91.  Jenfasizza t-tendenza reċenti tal-kumpaniji li qed jirritornaw il-produzzjoni u s-servizzi għall-UE u l-opportunitajiet li dan joħloq għall-ħolqien tal-impjiegi, partikolarment għaż-żgħażagħ; jemmen li l-ekonomiji tal-UE għandhom opportunità unika biex jaċċelleraw din it-tendenza tar-ritorn tal-impjiegi billi jiżguraw li l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħna taqbel mal-ħtiġiet tan-negozji;

92.  Jenfasizza l-importanza tal-istudji STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, u Matematika) u jenfasizza r-rwol li għandhom f'li jippermettu li l-Ewropa jkollha parti importanti fix-xena globali fir-rigward tal-iżviluppi tat-teknoloġija li qed javvanzaw;

93.  Jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea f'kooperazzjoni mat-Triju ta' Presidenzi biex tippromwovi mentalità intraprenditorjali fl-Ewropa u tiżviluppa ħiliet trasferibbli għall-ħajja;

94.  Jenfasizza l-fatt li l-UE qed tiltaqa' ma' nuqqas ta' ħiliet fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) waqt li għandha provvista żejda ta' gradwati fix-xjenzi soċjali; hu tal-fehma li huma meħtieġa inizjattivi supplementari fil-livell Ewropew u dak nazzjonali biex jirrispondu għall-imblokki li jeżistu fl-impjiegi u l-istudji relatati ma' suġġetti STEM; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu miżuri biex is-suġġetti STEM ikunu aktar attraenti u jikber il-valur tagħhom u jħeġġu liż-żgħażagħ, inklużi n-nisa, biex jibdew studji fis-suġġetti STEM;

95.  Jirrimarka li anke fis-seklu XXI għad hemm relevanza għall-kompetenzi tradizzjonali li joħolqu impjiegi stabbli li ma jistgħux ikunu esternalizzati u li huma l-bażi ta' numru ta' oqsma li fihom l-Ewropa teċċella; jitlob appoġġ għall-preservazzjoni ta' dawn il-kompetenzi tradizzjonali u t-trażmissjoni tagħhom lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni permezz tat-taħriġ, filwaqt li jiġu kkombinati meta possibbli ma' kompetenzi ġodda, b'mod partikolari dawk diġitali, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tagħhom;

Il-miżuri fir-rigward ta' ħaddiema iżgħar u dawk aktar imdaħħla fiż-żmien, u ħaddiema b'diżabilitajiet

96.  Jenfasizza l-ħtieġa għal, u l-importanza ta', miżuri speċjali u appoġġ għal min iħaddem, b'mod partikolari l-SMEs, biex jiġu megħjuna jtejbu l-kwalità u l-impjieg sostenibbli, jiżguraw taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol u joffru opportunitajiet għal żvilupp fil-karriera għal gruppi li jkunu żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, bħal żgħażagħ, ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, nisa, migranti, persuni b'diżabilità u dawk qiegħda fit-tul; jirrikonoxxi u jappoġġa r-rwol tas-servizzi tax-xogħol pubbliċi kif ukoll privati fil-promozzjoni ta’ swieq tax-xogħol kompetittivi u inklużivi; ifakkar fl-importanza tar-responsabilità soċjali u ekonomika min-naħa ta' min iħaddem u mill-istituzzjonijiet edukattivi, lejn l-impjegati kollha kif ukoll lejn is-soċjetà; jemmen li din ir-responsabilità soċjali għandha tkun meħtieġa wkoll mill-istituzzjonijiet responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

97.  Jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċaw iż-żgħażagħ meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, ifakkar l-importanza li jiksbu l-ewwel esperjenza tax-xogħol waqt l-istudji biex jiksbu ħiliet tal-impjegabilità u biex jagħmlu t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol aktar effiċjenti u effettiva; jirrimarka dwar il-potenzjal sottostanti għall-intraprenditorjat taż-żgħażagħ, u għaldaqstant jappella għar-responsabilità ta' min iħaddem u tal-Istati Membri biex jipprovdu liż-żgħażagħ bl-opportunità li jiksbu din l-esperjenza u li jappoġġaw liż-żgħażagħ biex jiksbu l-aħjar ħiliet; jenfasizza ulterjorment l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u dawk li jħaddmu f'dan ir-rigward, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex isiru aktar favorevoli għan-negozju u biex jappoġġaw żgħażagħ fit-trasformazzjoni tal-ideat tagħhom fi pjanijiet ta' negozju ta' suċċess;

Proposti tal-politika u Rakkomandazzjonijiet

98.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinvestu f'setturi ekonomiċi ġodda innovattivi u promettenti sabiex iħeġġu l-investiment fl-UE bl-għan li jagħtu spinta lit-tkabbir u lill-impjieg ġdid, ta' kwalità u sostenibbli li jwassal għal soċjetà aktar ġusta, sostenibbli u inklużiva; ikompli jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri ekonomiċi u finanzjarji u biex iwettqu riformi fis-suq tax-xogħol li huma bbażati fuq indikaturi ċari, ibbażati fuq id-data u li jistgħu jitkejlu li bihom tista' tiġi ppruvata l-effikaċja;

99.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-riformi fis-suq tax-xogħol ikollhom l-għan li, apparti l-promozzjoni aħjar u l-ħolqien ta' impjiegi ta’ kwalità, inaqqsu s-segmentazzjoni, itejbu l-inklużjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, inaqqsu l-faqar fost il-ħaddiema u jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema kollha, inklużi dawk li huma impjegati għal rashom;

100.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni bikrija tat-tfal, u f'tagħlim bikri ta' lingwi barranin u ta' teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni fl-edukazzjoni primarja;

101.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw bis-sħiħ l-importanza tal-awtomatizzazzjoni bħala tendenza li tista' tnaqqar mill-importanza kwantitattiva ta' ħafna impjiegi, u biex il-programmi tat-taħriġ għall-persuni qiegħda jkunu diretti lejn it-tagħlim tal-ħiliet utli f'impjiegi mhux ta' rutina;

102.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jitgħallmu dwar l-aħjar prattiki u jieħdu l-pass minn dawn l-azzjonijiet ta' politika li jżid ir-rati tal-impjieg u jnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza u jimpenjaw ruħhom għal riformi aktar ambizzjużi li jkunu jserħufuq dawn il-prattiki; jistieden ulterjorment lill-Istati Membri jikkomparaw u jkejlu l-effikaċja ta' tali prattiki, biex jiżguraw il-bilanċ xieraq bejn l-adattabilità u s-sigurtà għall-ħaddiema u għan-negozjanti u biex iqisu l-ispeċifiċitajiet tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi edukattivi fl-Istati Membri;

103.   Jistieden lill-ibliet u lir-reġjuni sabiex jiffokaw fuq edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, jiġġieldu kontra t-tluq bikri mill-iskola u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, għaliex iż-żgħażagħ jeħtieġu bʼmod urġenti prospetti ġodda u għandu jsir dak kollu possibbli sabiex jiġu appoġġati;

104.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċi kollettivi bħal netwerks ta' min iħaddem sabiex ikissru l-ostakli li jipprevjenu lil min iħaddem milli jwettaq pjanijiet aktar ambizzjużi għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol;

105.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu u jappoġġaw intrapriżi soċjali li jqisu r-responsabilità tagħhom rigward l-ambjent, il-konsumaturi u l-impjegati;

106.  Jitlob lill-Istati Membri jintroduċu pagi minimi fil-kuntest tat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fil-pagi, ibbażat fuq livell bażi għal kull Stat Membru li jiżgura dħul ta' paga diċenti permezz ta' mezzi legali jew permezz ta' ftehim b'konformità mal-prattiki nazzjonali;

107.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu t-tmexxija, il-ġestjoni u l-edukazzjoni intraprenditorjali u finanzjarja, pariri dwar start-ups tan-negozju u teknoloġiji tal-komunikazzjoni fil-programmi edukattivi tagħhom, inklużi strateġiji għat-tagħlim matul il-ħajja, u li jiġi prijoritizzat l-iżvilupp ulterjuri ta' programmi ta' taħriġ vokazzjonali u edukattiv (VET) inkluż it-titjib tal-artiġjanat Ewropew, filwaqt li jqisu d-differenzi bejn l-Istati Membri fis-suq tax-xogħol u fis-sistemi edukattivi, u jevitaw approċċ ta' "wieħed tajjeb għal kulħadd";

108.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa pjattaforma Ewropea għar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' ħiliet komuni għal attivitajiet u professjonijiet speċifiċi li tinkorpora r-rikonoxximent ta' ħiliet miksuba mix-xogħol volontarju;

109.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali bħala mod kif jirrikonoxxu l-kompetenzi miksuba permezz ta' edukazzjoni mhux formali, partikolarment fis-settur tal-volontarjat u taż-żgħażagħ, u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja;

110.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-involviment mill-qrib u sistematiku tal-partijiet ikkonċernati tas-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-impjegati, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u s-servizzi tal-impjieg pubbliċi u privati, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, inkluż l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni bejniethom, sabiex jitrawmu rabtiet eqreb bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-post tax-xogħol, biex jiġu mqabbla l-provvista u d-domanda u biex jiġu antiċipati u pjanati l-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet u tal-kwalifiki fis-suq tax-xogħol;

111.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu inċentivi finanzjarji u ekonomiċi li jappoġġaw il-parteċipazzjoni f'edukazzjoni u taħriġ kontinwi sabiex tiġi żgurata fil-futur forza tax-xogħol b'ħiliet għolja; jirrakkomanda li tali inċentivi jiġu bbażati fuq indikaturi li jistgħu jiġu mkejla u bbażati fuq id-data li l-effikaċja tagħhom tista' tiġi pruvata;

112.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ xieraq u jiżguraw żvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u tal-mexxejja tal-edukazzjoni sabiex jgħinuhom jużaw l-aktar metodi xierqa tat-tagħlim u jippermettu l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tas-seklu XXI fost iż-żgħażagħ tal-Ewropa. jenfasizza ulterjorment l-importanza li l-għalliema jiġu pprovduti b'għarfien ibbażat fuq know-how li jorbot il-prattika mat-teorija, speċjalment fir-rigward ta' teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jwasslu dan l-għarfien lill-istudenti;

113.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jieħdu passi rapidi u konkreti biex jimplimentaw politiki u leġislazzjoni attwali dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u t-titoli akkademiċi madwar l-UE, bħala mezz għat-trawwim ta' mobilità intra-UE ġusta u l-indirizzar tal-problema ta' postijiet tax-xogħol battala;

114.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu previżjonijiet dwar swieq tax-xogħol li qed jinbidlu, b'mod partikolari rigward sfidi li qed jinħolqu mill-globalizzazzjoni, kif ukoll previżjonijiet dwar impjiegi u ħiliet f'kull Stat Membru u b'mod wiesa' matul is-setturi;

o
o   o

115.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0038.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0110.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0010.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0037.
(6) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(7) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(8) Skont l-"Employment and Social situation: Quarterly Review" ta' Marzu 2015 maħruġ mill-Kummissjoni.
(9) Kummissjoni Ewropea (2013), L-iżviluppi fl-Impjieg u fis-Sitwazzjoni Soċjali fl-Ewropa
(10) Skont l-"Employment and Social situation: Quarterly Review" tat-13 ta' April 2015 tal-Kummissjoni Ewropea.


It-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013)
PDF 311kWORD 134k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2015 dwar it-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2012-2013) (2014/2253(INI))
P8_TA(2015)0322A8-0242/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-30 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2012) (COM(2013)0726),

–  wara li kkunsidra l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2013) (COM(2014)0612),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat 'Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett "EU Pilot"' (COM(2010)0070),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat 'It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot' (COM(2011)0930),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet ma' min jilmenta fir-rigward ta' ksur tal-Liġi Komunitarja (COM(2002)0141),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 intitolata 'L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni' (COM(2012)0154),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar is-27 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE (2011)(2),

–  wara li kkunsidra l-istudju: 'L-impatt tal-kriżi fuq id-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri tal-UE - Analiżi Komparattiva'(3),

–  wara li kkunsidra l-pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0242/2015),

A.  billi l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala 'gwardjan tat-Trattati';

B.  billi, skont l-Artikolu 6(1) tat-TUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha l-istess valur legali tat-Trattati, u hija intiża għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi, skont l-Artikolu 258 (1) u (2) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni motivata lil Stat Membru meta tqis li dan ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont dawn it-Trattati, u tista' tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fi żmien skadenza stabbilita mill-Kummissjoni;

D.  billi l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur kollha bbażati fuq l-avviżi ta' tqegħid fil-mora, iżda ma jkoprix il-proċedura informali tal-EU Pilot li tippreċedi l-bidu tal-proċedimenti ta' ksur formali;

E.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt ta' kull persuna li jkollha l-affarijiet tagħha indirizzati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien debitu min-naħa tal-istituzzjonijiet, u l-Artikolu 298 tat-TFUE jistipula li, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

F.  billi l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jillimita l-obbligu għall-konformità tal-Istati Membri mal-Karta f'sitwazzjonijiet fejn ikunu qed jimplimentaw id-dritt tal-UE, iżda ma jipprevedix tali limitazzjoni tal-obbligi li joriġinaw mill-Karta intiża għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji tal-UE;

G.  billi, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja reċenti, l-Istati Membri kellhom jieħdu miżuri li jikkompromettu d-dritt primarju tal-UE, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi;

1.  Jinnota li, skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, il-Kummissjoni rrappurtat liż-żewġ koleġiżlaturi dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni;

2.  Jilqa' t-30 u l-31 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, u jinnota li, skont dawn ir-rapporti, l-erba' oqsma li fihom l-Istati Membri kienu l-aktar soġġetti għal proċedimenti ta' ksur b'rabta mat-traspożizzjoni tul is-sena 2012 kienu t-trasport, il-ħarsien tas-saħħa u tal-konsumaturi, il-ħarsien tal-ambjent, u kwistjonijiet marbuta mas-suq u s-servizzi interni, filwaqt li, fl-2013, l-aktar oqsma problematiċi kienu l-ambjent, il-ħarsien tas-saħħa u tal-konsumaturi, is-suq u s-servizzi interni, u t-trasport; ifakkar, madankollu, li din l-evalwazzjoni ex post m'għandhiex tissostitwixxi d-dmir tal-Kummissjoni li twettaq monitoraġġ effikaċi u f'waqtu tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, u jinnota li l-Parlament jista' jgħin fir-rieżami tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz tal-iskrutinju tiegħu tal-Kummissjoni;

3.  Jirrimarka li, f'Unjoni Ewropea msejsa fuq l-istat tad-dritt u fuq iċ-ċertezza u l-prevedibbiltà tal-liġijiet, iċ-ċittadini Ewropej jeħtiġilhom, bi dritt, ikunu l-ewwel li jsiru jafu, b'mod ċar, aċċessibbli, trasparenti u f'waqtu (permezz tal-internet u ta' mezzi oħrajn) jekk hemmx liġijiet nazzjonali li ġew adottati u trasposti mil-liġijiet tal-UE, u jekk iva, liema huma, kif ukoll liema awtoritajiet nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tagħhom;

4.  Jinnota li ċ-ċittadini u n-negozji jistennew qafas regolatorju sempliċi, prevedibbli u affidabbli;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qiegħda tfassal u tivvaluta l-leġiżlazzjoni, tqis aktar il-piż li din tista' timponi fuq l-SMEs;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi tagħhom fi stadju aktar bikri tal-proċess leġiżlattiv bil-ħsieb li jiżguraw li r-riżultat aħħari jkun jista' jiġi implimentat b'mod aktar effikaċi;

7.  Jinnota li traspożizzjoni tardiva, traspożizzjoni inkorretta u applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE jistgħu jirriżultaw f'diskrepanzi bejn l-Istati Membri u jikkompromettu l-kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tittratta lill-Istati Membri kollha b'mod ugwali, irrispettivament mid-daqs tagħhom jew minn meta ssieħbu fl-UE;

9.  Jinnota li l-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni tad-dritt tal-UE għadhom mhux uniformi madwar l-Istati Membri; jinnota li ċittadini li jixtiequ jgħixu, jaħdmu jew jagħmlu negozju fi Stat Membru ieħor jiffaċċjaw ir-realtà ta' kuljum ta' diffikultajiet kontinwi dovuti għall-implimentazzjoni mhux uniformi tad-dritt tal-UE fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri;

10.  Ifakkar li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tat-TUE, għandha r-responsabilità li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 6(1) tat-TUE), li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji tal-Unjoni u lill-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea); ifakkar li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur skont l-Artikoli 258 sa 260 tat-TFUE bil-għan li tiżgura r-rispett tad-dritt tal-UE; Jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex lill-Parlament tiffaċilitalu l-eżerċizzju tar-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur billi tipprovdilu informazzjoni adegwata u tibqa' responsabbli għaliha;

11.  Jinnota li total ta' 731 każ ta' ksur ingħalqu peress li l-Istat Membru inkwistjoni jkun wera l-konformità tiegħu mad-dritt tal-UE; jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja tat 52 sentenza skont l-Artikolu 258 tat-TFUE fl-2013, li minnhom 31 sentenza (59.6 %) kienu mogħtija kontra Stati Membri; ifakkar, bil-għan li jqiegħed f'perspettiva din l-istatistika, li s'issa 3 274 (87.3 %) sentenza dwar ksur mogħtija mill-Qorti kienu favur il-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-infurzar attwali ta' dawn is-sentenzi kollha;

12.  Jilqa' ż-żieda fl-użu min-naħa tal-Kummissjoni ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni għal atti leġiżlattivi ġodda tal-UE indirizzati lill-Istati Membri, peress li din żżid il-probabilità għal implimentazzjoni f'waqtha u korretta, traspożizzjoni preventiva u problemi fl-applikazzjoni u, b'riżultat ta' dan, ikollhom impatt fuq l-għadd ta' petizzjonijiet rilevanti mressqa;

13.  Itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tiffoka fuq soluzzjoni effikaċi tal-problemi, il-ġestjoni effettiva u miżuri preventivi, iżda jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha taħseb f'modi ġodda, minbarra l-proċedimenti formali ta' ksur, biex jittejbu t-traspożizzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE;

14.  Isostni li l-leġiżlazzjoni tal-UE trid tiġi trasposta kif suppost u fil-pront fl-ordinament ġuridiku ta' kull Stat Membru; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jevitaw il-prattika ta' regolamentazzjoni żejda, peress li spiss tagħti lok għal diverġenzi notevoli fil-proċess ta' implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri, li, min-naħa tagħha, iddgħajjef ir-rispett lejn id-dritt tal-Unjoni peress li ċ-ċittadini jsiru konxji ta' varjazzjonijiet sinifikanti madwar l-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-kumitati għall-affarijiet Ewropej tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali; jilqa' b'sodisfazzjon l-innovazzjoni fit-Trattat ta' Lisbona li, permezz tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara talba mill-Kummissjoni, se tkun tista' timponi penali fuq l-Istati Membri minħabba traspożizzjoni tardiva mingħajr ma jkollha tistenna li toħroġ it-tieni sentenza; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE (il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-BĊE) biex jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE (it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) huma u jistabbilixxu r-regoli tad-dritt sekondarju, jew jadottaw politiki dwar kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, li jaffettwaw id-drittijiet tal-bniedem u l-ġid komuni;

15.  Jinnota l-użu, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-terminu 'gold-plating' (regolamentazzjoni żejda), li jirreferi għal obbligi li jmorru lilhinn mir-rekwiżiti tal-UE, jiġifieri, eċċess tan-normi, linji gwida u proċeduri akkumulati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali li jxekkel l-għanijiet tal-politika mistennija; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi t-terminu b'mod ċar; jisħaq li definizzjoni bħal din jeħtieġ tikkjarifika l-fatt li l-Istati Membri għandhom id-dritt jistabbilixxu standards aktar stretti fejn meħtieġ, filwaqt li jżommu f'moħħhom il-fatt li armonizzazzjoni aħjar tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE hija importanti għall-funzjonament tas-suq intern;

16.  Jinnota li t-tnaqqis fil-ksur minħabba traspożizzjoni tardiva fl-2012, meta mqabbel mas-sena ta' qabel, irriżulta minħabba l-fatt li kien hemm anqas direttivi li kellhom jiġu trasposti fl-2012 meta mqabbla mas-snin preċedenti; jirrikonoxxi, madankollu, li l-istatistika għall-2013 turi tnaqqis reali fil-każijiet ta' ksur minħabba traspożizzjoni tardiva, u li, fi tmiem is-sena, in-numru ta' tali każijiet ta' ksur laħaq minimu storiku wara ħames snin, fatt li jista' jitqies bħala eżitu pożittiv tal-introduzzjoni fl-Artikolu 260(3)tat-TFUE tal-proċedura "rapida" għal pieni f'każijiet ta' nuqqas ta' traspożizzjoni;

17.  Jinnota li t-tnaqqis fil-ksur b'rabta ma' traspożizzjoni tardiva fl-2013, l-2012 u tul l-aħħar ħames snin jista' jiġi spjegat permezz tal-użu ta' EU Pilot u mekkaniżmi oħrajn (inkluż SOLVIT 2) u permezz tal-introduzzjoni fl-Artikolu 260(3) tat-TFUE tal-proċedura "rapida"għall-penali f'każijiet ta' nuqqas ta' traspożizzjoni; jisħaq li t-traspożizzjoni f'waqtha għandha tibqa' prijorità għolja fi ħdan il-Kummissjoni, u li l-iskadenzi tat-traspożizzjoni jeħtieġ jiġu infurzati;

18.  Josserva li ż-żieda fin-numru ta' dossiers b'rabta ma' EU Pilot, relatati b'mod partikolari mal-ambjent, it-tassazzjoni, il-ġustizzja u d-dwana, tul il-perjodu eżaminat, kif ukoll it-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' ksur miftuħa, jitfgħu dawl fuq tendenza pożittiva fl-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, u juru li EU Pilot irriżulta effikaċi fil-ksib ta' riżoluzzjoni bikrija ta' ksur potenzjali; iqis, madankollu, li għandhom isiru aktar sforzi fil-qasam tal-infurzar tad-dritt tal-UE bil-għan li jissaħħu t-trasparenza u s-sorveljanza min-naħa tal-kwerelanti u l-partijiet interessati, u jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja t-talbiet imtennija tiegħu, il-Parlament għad m'għandux aċċess adegwat għall-informazzjoni dwar il-proċedura EU Pilot u l-każijiet pendenti; jinnota l-ħtieġa li jissaħħaħ l-istatus legali u l-leġittimità ta' EU Pilot, u jqis li dan jista' jinkiseb permezz ta' aktar trasparenza u parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-kwerelanti u min-naħa tal-Parlament Ewropew;

19.  Jistieden għal darba oħra, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli vinkolanti fil-forma ta' regolament taħt il-bażi legali l-ġdida tal-Artikolu 298 tat-TFUE, sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ lejn id-dritt taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba kif stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

20.  Jirrikonoxxi li r-responsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija f'idejn l-Istati Membri, u jisħaq fuq id-dmir tal-istituzzjonijiet Ewropej li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE huma u jipproduċu d-dritt sekondarju tal-UE jew jiddeċiedu, jimplimentaw u jimponu politiki soċjali, ekonomiċi jew politiki oħrajn fuq l-Istati Membri, u jenfasizza wkoll id-dmir tagħhom li jassistu l-Istati Membri bil-mezzi kollha disponibbli fl-isforzi tagħhom li jirrispettaw il-valuri demokratiċi u soċjali u biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE fi żminijiet ta' awsterità u restrizzjonijiet ekonomiċi; ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-UE huma marbuta bil-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-prerogattivi tal-Istati Membri;

21.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-miżuri ta' awsterità imposti fuq Stati Membri tal-UE li għandhom wisq djun, u li sussegwentement ġew inkorporati f'atti fl-ambitu tad-dritt sekondarju tal-UE qabel ma ġew trasposti fil-leġiżlazzjoni domestika, tul il-perjodu kopert miż-żewġ rapporti annwali li qed jiġu eżaminati, u b'mod partikolari t-tnaqqis drastiku tan-nefqa pubblika, kellhom l-impatt li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja tal-Istati Membri li jieħdu r-responsabilità tagħhom li jimplimentaw korrettament id-dritt tal-UE;

22.  Iqis li l-Istati Membri li qed isegwu programmi ta' aġġustament ekonomiku għandhom xorta waħda jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet ekonomiċi u soċjali;

23.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet tal-UE, anki meta jaġixxu bħala membri ta' gruppi ta' kredituri internazzjonali ('trojkas'), huma marbuta mit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jisħaq li huwa ta' importanza kbira li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw it-Trattati; jinnota li l-Kummissjoni jeħtiġilha tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod korrett id-dritt tal-UE, bil-għan li jissaħħaħ l-appoġġ għall-UE u l-kunfidenza fil-leġittimità tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika l-punti ta' tħassib imqajjma mill-Istati Membri tul il-proċess ta' implimentazzjoni; jisħaq li l-appoġġ tal-parlamenti nazzjonali fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni huwa essenzjali fit-titjib tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u għaldaqstant jitlob biex id-djalogu mal-parlamenti nazzjonali jissaħħaħ, anki meta jiġi espress tħassib dwar is-sussidjarjetà; jinnota r-rwol kruċjali ta' valutazzjonijiet ex post regolari u l-importanza li jintalbu l-fehmiet tal-parlamenti nazzjonali biex jiġu indirizzati kumplessitajiet jew tħassib fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li setgħu ma kinux evidenti qabel;

25.  Jinnota li d-dritt għall-petizzjoni fil-Parlament huwa wieħed mill-pilastri taċ-ċittadinanza Ewropea, kif stabbilit fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 227 tat-TFUE; jindika li dan id-dritt jagħti l-għodod meħtieġa, iżda mhux suffiċjenti, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea, u għandu rwol importanti fl-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta' lakuni u ksur potenzjali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u fl-informazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE dwarhom; jissottolinja, fid-dawl ta' dan, ir-rwol kruċjali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala l-ħolqa effikaċi bejn iċ-ċittadini tal-UE, il-Parlament, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali;

26.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol vitali tal-kwerelant biex jgħin lill-Kummissjoni tidentifika ksur tad-dritt tal-UE;

27.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari l-Kummissjoni u l-Kunsill, jeħtiġilhom japplikaw u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt u mal-ġurisprudenza tal-UE fil-qasam tat-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti; jitlob, f'dan ir-rigward, applikazzjoni effikaċi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(4) u għas-sentenzi relatati tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

28.  Jenfasizza li l-UE twaqqfet bħala Unjoni msejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 tat-TUE); itenni li monitoraġġ bir-reqqa tal-atti u l-omissjonijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE huwa ta' importanza kbira, u jenfasizza li l-għadd ta' petizzjonijiet lill-Parlament u ta' lmenti lill-Kummissjoni dwar problemi allegatament solvuti mill-Kummissjoni juri li ċ-ċittadini qed jagħtu aktar attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm applikazzjoni aħjar tad-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi aktar malajr u b'mod ċar għan-notifiki mingħand iċ-ċittadini li jkunu relatati ma' ksur tad-dritt tal-Unjoni;

29.  Jinnota l-għadd kbir ta' każijiet ta' ksur li ngħalqu fl-2013 qabel ma tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-każijiet kollha li ngħalqu permezz ta' deċiżjoni tal-qorti kienu biss madwar 6.6 %; iqis li huwa essenzjali, għaldaqstant, li jitkompla l-monitoraġġ bir-reqqa tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, filwaqt li jitqies il-fatt li ċerti petizzjonijiet għadhom jirreferu għal problemi li jippersistu anke wara li l-kwistjoni tkun ingħalqet;

30.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda kull ma jmur tagħti dejjem aktar importanza lill-petizzjonijiet bħala sors ta' informazzjoni kemm dwar l-ilmenti taċ-ċittadini kontra awtoritajiet pubbliċi, inkluża l-UE stess, kif ukoll ksur potenzjali tad-dritt tal-UE fl-implimentazzjoni konkreta tiegħu, kif muri mill-fatt li ż-żewġ rapporti annwali ddedikaw attenzjoni partikolari lill-petizzjonijiet; jinnota li dan kien akkumpanjat b'żieda korrispondenti fin-numru ta' petizzjonijiet imressqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kummissjoni flimkien ma' talbiet għal informazzjoni; jiddispjaċih, madankollu, għad-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex twieġeb meta mitluba tagħti opinjoni fil-każ ta' bosta petizzjonijiet;

31.  Jinnota wkoll il-ħtieġa għal djalogu kostruttiv mal-Istati Membri fi ħdan il-qafas tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u jitlob lill-Istati Membri kkonċernati dwar il-petizzjonijiet rilevanti jibagħtu rappreżentanti biex jindirizzaw lill-Kumitat matul il-laqgħat tiegħu;

32.  Jindika li l-petizzjonijiet imressqa minn ċittadini tal-UE jew minn residenti ta' Stat Membru jirreferu għal vjolazzjonijiet tad-dritt tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali, l-affarijiet interni, il-ġustizzja, is-suq intern, is-saħħa, il-konsumatur, it-trasport, it-tassazzjoni, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-ambjent; iqis li l-petizzjonijiet jagħtu xhieda tal-fatt li għad hemm każijiet frekwenti u mifruxin ta' traspożizzjoni mhux sħiħa u nuqqas ta' infurzar adegwat li effettivament iwassal għall-applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-UE; jisħaq li tali sitwazzjoni titlob sforzi akbar mill-Istati Membri u monitoraġġ kontinwu mill-Kummissjoni; jenfasizza, b'mod partikolari, l-għadd kbir ta' petizzjonijiet imressqa li jirrapportaw l-eżistenza ta' diskriminazzjoni u ostakli kontra persuni b'diżabilità;

33.  Jirrimarka li għad hemm diffikultajiet fi djalogu ma' ċerti Stati Membri u reġjuni li jżommu lura milli jipprovdu d-dokumenti jew l-ispjegazzjonijiet mitluba;

34.  Jilqa' l-impenn tas-servizzi tal-Kummissjoni fit-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u jixtieq itenni t-talbiet tiegħu għal:

   (a) komunikazzjoni mtejba bejn iż-żewġ partijiet, b'mod partikolari rigward il-bidu u l-progress ta' proċeduri ta' ksur mibdija mill-Kummissjoni, inkluża l-proċedura EU Pilot, sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew ikun infurmat b'mod sħiħ bl-għan li titjieb kontinwament il-ħidma leġiżlattiva tiegħu;
   (b) li jsiru sforzi biex tingħata l-informazzjoni rilevanti kollha dwar petizzjonijiet b'rabta mal-investigazzjoni u mal-proċeduri ta' ksur lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi żmien raġonevoli, biex b'hekk il-kumitat ikun jista' jwieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini b'mod aktar effikaċi;
   (c) qbil min-naħa tal-Kummissjoni li tikkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u b'mod partikolari s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fihom, hi u tfassal il-komunikazzjonijiet tagħha u meta tkun qed tħejji emendi għal-leġiżlazzjoni;

35.  Jiddeplora l-fatt li l-Parlament, li jirrappreżenta direttament liċ-ċittadini Ewropej u li issa huwa koleġiżlatur sħiħ b'involviment dejjem aktar mill-qrib fil-proċeduri ta' lmenti, b'mod partikolari permezz tal-mistoqsijiet parlamentari u l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, għadu ma jirċevix awtomatikament informazzjoni trasparenti u f'waqtha dwar l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE, minkejja l-fatt li tali informazzjoni hija essenzjali, mhux biss bħala mezz kif jissaħħu l-aċċessibbiltà u ċ-ċertezza tad-dritt għaċ-ċittadini Ewropej, iżda wkoll għall-finijiet tal-adozzjoni ta' emendi li jkollhom l-għan li jtejbu dawk il-liġijiet; iqis li komunikazzjoni mtejba bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taf tkun pass siewi f'dan ir-rigward; iħeġġeġ kooperazzjoni aktar effikaċi u effiċjenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, u jistenna li l-Kummissjoni tapplika bona fede l-klawsola tal-Ftehim Qafas rivedut dwar ir-relazzjonijiet mal-Parlament fejn timpenja ruħha biex "tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament informazzjoni fil-qosor dwar il-proċeduri kollha ta' ksur mill-ittra ta' tqegħid fil-mora, inkluż, jekk il-Parlament jitlob li jsir hekk, (...) dwar kwistjonijiet li tirrigwardahom il-proċedura ta' ksur";

36.  Jappella għall-ħolqien fi ħdan id-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Parlament (DĠ IPOL, DĠ EXPO u DĠ Riċerka) ta' sistema awtonoma għall-valutazzjoni ex post tal-impatt tal-liġijiet ewlenin tal-UE adottati mill-Parlament Ewropew skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fosthom permezz ta' kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali;

37.  Jinnota li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rrimarkat li "d-danni kkawżati minn istituzzjonijiet nazzjonali (…) jistgħu biss jagħtu lok għal responsabbiltà min-naħa ta' dawk l-istituzzjonijiet, u l-qrati nazzjonali jibqgħu l-uniċi kompetenti sabiex jordnaw kumpens għal tali danni"(5); jissottolinja, għaldaqstant, l-importanza li jissaħħu l-mezzi ta' rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali, li jippermettu lill-kwerelanti jasserixxu d-drittijiet tagħhom b'mod aktar dirett u aktar personali;

38.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-ilmenti li ġejjin minn ċittadini fil-qasam tal-ġustizzja jikkonċernaw il-libertà ta' moviment u l-ħarsien ta' data personali; itenni li d-dritt tal-libertà ta' moviment hu wieħed mill-erba' drittijiet fundamentali tal-UE minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u hu ggarantit liċ-ċittadini Ewropej kollha; ifakkar li bħala waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għal moviment ħieles u li jirrisjedu u jaħdmu fi Stati Membri oħrajn, għandu jiġi garantit u protett;

39.  Jissottolinja li t-traspożizzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni effikaċi tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil hija prijorità assoluta; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz biex jittrasponu l-Pakkett dwar l-Asil il-ġdid b'mod korrett u f'waqtu u bis-sħiħ;

40.  Jinnota li fil-qasam tal-affarijiet interni kien hemm 22 każ ta' ksur miftuħ fl-2012 u 44 fl-2013; jiddeplora l-fatt li fl-2013 il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' ksur infetħu minħabba traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jinnota li l-asil għadu qasam fejn tressqu għadd kbir ta' lmenti;

41.  Jinnota li fil-qasam tal-ġustizzja kien hemm 61 każ ta' ksur miftuħ fl-2012 u 67 fl-2013; jirrimarka li l-biċċa l-kbira ta' dawn il-każijiet ikkonċernaw iċ-ċittadinanza u l-moviment ħieles tal-persuni; jiddeplora l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' ksur minħabba traspożizzjoni tardiva nfetħu minħabba dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sinifikanti fl-għadd ta' lmenti fil-qasam tal-ġustizzja fl-2013;

42.  Jilqa' l-progress sinifikanti li sar matul dawn l-aħħar snin fit-tisħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta' persuni suspettati jew akkużati fl-UE; jissottolinja l-importanza kruċjali tat-traspożizzjoni f'waqtha, sħiħa u korretta tal-miżuri kollha stipulati fil-Pjan Direzzjonali tal-Kunsill għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali; jirrimarka li dawn il-miżuri huma kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE f'materji kriminali;

43.  Jisħaq li t-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju u jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità umana li l-Unjoni ma tistax tittollera; jiddeplora l-fatt li l-għadd ta' persuni li qed ikunu traffikati minn u lejn l-UE kulma jmur qiegħed dejjem jikber; jirrimarka li, għalkemm il-qafas legali huwa adegwat, l-implimentazzjoni konkreta tiegħu mill-Istati Membri għadha mhux biżżejjed; jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali fil-Mediterran ma tagħmel xejn ħlief iżżid ir-riskju tat-traffikar tal-bnedmin u talab lill-Istati Membri biex juru determinazzjoni qawwija fil-konfront ta' dawk responsabbli għal dawn ir-reati kriminali u tipproteġi lill-vittmi bl-aktar mod effiċjenti possibbli;

44.  Ifakkar li l-perjodu tranżitorju previst mill-Protokoll 36 għat-Trattat ta' Lisbona wasal fi tmiemu fl-1 ta' Diċembru 2014; jissottolinja li t-tmiem ta' dan il-perjodu tranżitorju jrid ikun segwit minn proċess rigoruż ta' valutazzjoni ta' dawk li kienu l-miżuri tat-tielet pilastru u l-implimentazzjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri; jirrimarka li f'April 2015 il-Parlament ma ġiex infurmat dwar is-sitwazzjoni attwali ta' kull strument legali ta' qabel it-Trattat ta' Lisbona fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f'kull Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali u biex din l-informazzjoni ssir disponibbli għall-Parlament mill-aktar fis possibbli;

45.  Ifakkar li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2014 identifikaw it-traspożizzjoni konsistenti, l-implimentazzjoni effikaċi u l-konsolidazzjoni tal-istrumenti legali u l-miżuri ta' politika fis-seħħ bħala prijorità ġenerali fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (AFSJ) għall-ħames snin li ġejjin; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel aktar enfasi fuq is-sorveljanza u tiżgura l-implimentazzjoni konkreta tad-dritt tal-UE min-naħa tal-Istati Membri; iqis li din trid tkun prijorità politika minħabba d-distakk wiesa' li spiss jiġi osservat bejn politiki adottati fil-livell tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jsiru aktar parteċipi fid-dibattitu Ewropew u fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, partikolarment fil-qasam tal-affarijiet interni;

46.  Jisħaq li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(6), il-Parlament fakkar li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni għall-fatt li, permezz tal-politiki tagħhom, xi Stati Membri u r-reġjuni qed ipoġġu fil-periklu s-sopravivenza tal-lingwi fi ħdan il-konfini tagħhom, anke jekk dawk il-lingwi ma jinsabux fil-periklu fil-kuntest Ewropew, u stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ostakli amministrattivi u leġiżlattivi li għalihom huma soġġetti l-proġetti relatati mal-lingwi li jinsabu fil-periklu minħabba ċ-ċokon tal-komunitajiet lingwistiċi kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex hija u tevalwa l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE tikkunsidra b'mod xieraq id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

47.  Jenfasizza li kemm fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja kif ukoll f'oqsma ta' politika oħra, hemm ħtieġa li jittejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar modi possibbli biex jinkiseb dan, tagħmel użu mill-għodod ta' komunikazzjoni eżistenti sabiex iżżid it-trasparenza, u tiżgura aċċess xieraq għal informazzjoni u dokumentazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi strument legalment vinkolanti dwar il-proċedura amministrattiva li tikkonċerna t-trattament tal-ilmenti taċ-ċittadini;

48.  Ifakkar li l-funzjonament bla xkiel ta' spazju Ewropew reali ta' ġustizzja msejjes fuq ir-rispett tas-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri huwa essenzjali għall-UE, u li l-implimentazzjoni sħiħa, korretta u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni tal-UE hi kundizzjoni essenzjali biex jinkiseb dan il-għan.

49.  Jenfasizza li t-titjib fl-implimentazzjoni huwa waħda mill-prijoritajiet tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali;

50.  Jiddeplora l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent u s-saħħa għadha qed tiġi affettwata minn numri kbar ta' każijiet ta' traspożizzjoni tardiva, traspożizzjoni inkorretta u applikazzjoni ħażina min-naħa tal-Istati Membri; jinnota li l-31 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE juri li, fl-2013, l-akbar kategorija ta' proċedimenti ta' ksur kienet relatata mal-ambjent; ifakkar li l-ispejjeż marbuta man-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-politika ambjentali – inklużi l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' ksur – huma għolja, stmati f'madwar EUR 50 biljun fis-sena (COWI et al., 2011); jisħaq, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali ġġib magħha ħafna benefiċċji soċjoekonomiċi li mhux dejjem jiġu reġistrati fl-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar rigoruża fir-rigward tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u twettaq investigazzjonijiet aktar rapidi u effikaċi dwar il-ksur relatat mat-tniġġis ambjentali;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni aktar b'saħħitha kontra t-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi ambjentali u tagħmel użu akbar mill-ħlas ta' penali;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta ġdida dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali u proposta dwar l-ispezzjonijiet ambjentali, jekk possibbli mingħajr ma jiżdiedu l-burokrazija u l-ispejjeż amministrattivi;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u jwissi kontra l-periklu li livelli għolja ta' ksur jiġu assoċjati mal-ħtieġa li jitnaqqas il-livell ta' ambizzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali;

55.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-politika ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tenfasizza b'mod eċċessiv id-diffikultà li teżisti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali u tas-saħħa; jenfasizza li l-istandards fil-qasam tal-ambjent, tas-sikurezza tal-ikel u tas-saħħa m'għandhomx jiddgħajfu fil-kuntest tal-programm REFIT; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' regolamentazzjoni aħjar, u huwa tal-fehma li s-simplifikazzjoni regolatorja għandha, fost l-oħrajn, tindirizza l-problemi li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni; huwa tal-fehma li REFIT għandu jiġġenera riżultati għaċ-ċittadini u n-negozji bl-inqas piżijiet żejda possibbli;

56.  Jilqa' l-prassi l-ġdida li biha l-Kummissjoni tista', f'każijiet ġustifikati, titlob lill-Istati Membri jinkludu dokumenti ta' spjegazzjoni meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom; itenni, madankollu, l-appell tiegħu għal tabelli ta' korrelazzjoni obbligatorji dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi, li għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fil-lingwi kollha tal-UE, u jiddispjaċih għall-fatt li REFIT kien ir-riżultat ta' deċiżjoni unilaterali mill-Kummissjoni, mingħajr ebda djalogu parlamentari u soċjali reali;

57.  Jirrimarka li f'dak li għandu x'jaqsam ma' REFIT, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita d-djalogu dwar l-idoneità regolatorja maċ-ċittadini, mal-Istati Membri, man-negozji u mas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali bil-għan li tiżgura li l-kwalità u l-aspetti soċjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE jkunu ppreservati u li ideal wieħed ma jipprogredix għad-detriment ta' ieħor;

58.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0051.
(3) Dipartiment Tematiku C: Id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (2015).
(4) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(5) Ara s-sentenza fil-Kawża 175/84.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0350.

Avviż legali - Politika tal-privatezza