Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 6 ta' Ottubru 2015 - Strasburgu
Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-ILO: kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ***
 Is-sottomissjoni tal-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll *
 Is-sottomissjoni tal-5-(2-amminopropil)indol għal miżuri ta' kontroll *
 Is-sottomissjoni ta' 25I-NBOMe, AH-7921, MDPV u metossetamina għal miżuri ta' kontroll *
 Is-sottomissjoni ta' 4,4'-DMAR u MT-45 għal miżuri ta’ kontroll *
 Mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE: katastrofijiet fil-Bulgarija u l-Greċja fl-2015
 L-estensjoni possibbli tal-indikazzjoni ġeografika protetta tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti mhux agrikoli
 Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: miżuri speċifiċi għall-Greċja ***I
 Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel - Ġermanja
 Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2015/003 BE/Ford Genk - Belġju
 Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia - Italja
 Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-ILO: kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ***
PDF 248kWORD 61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, tal-1930, tal-ILO fir-rigward tal-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (06731/2015 – C8-0078/2015 – 2014/0258(NLE))
P8_TA(2015)0325A8-0226/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06731/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0078/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0226/2015),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


Is-sottomissjoni tal-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll *
PDF 247kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tissottoponi l-4-metilamfetammina għal miżuri ta' kontroll (10010/2015 – C8-0182/2015 – 2013/0021(NLE))
P8_TA(2015)0326A8-0265/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10010/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0182/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0265/2015),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Is-sottomissjoni tal-5-(2-amminopropil)indol għal miżuri ta' kontroll *
PDF 245kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tissottoponi l-5-(2-amminopropil)indol għal miżuri ta' kontroll (10012/2015 – C8-0186/2015 – 2013/0207(NLE))
P8_TA(2015)0327A8-0263/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10012/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0186/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0263/2015),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Is-sottomissjoni ta' 25I-NBOMe, AH-7921, MDPV u metossetamina għal miżuri ta' kontroll *
PDF 251kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tissottoponi l-4-iodjo-2,5-dimetossi-N-(2-metossibenzil)fenetilamina (25I-NBOMe), it-3,4-dikloro-N-[[1-(dimetilamino)ċikloessil]metil]benzamida (AH-7921), it-3,4-metilenediossipirovaleron (MDPV) u t-2-(3-metossifenil)-2-(etilamino)ċikloessanon (metossetamina) għal miżuri ta' kontroll (10011/2015 – C8-0185/2015 – 2014/0183(NLE))
P8_TA(2015)0328A8-0264/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10011/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0185/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0264/2015),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Is-sottomissjoni ta' 4,4'-DMAR u MT-45 għal miżuri ta’ kontroll *
PDF 249kWORD 61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tissottoponi l-4-metil-5-(4-metilfenil)-4,5-diidroossażol-2-ammina) (4,4'-DMAR) u l-1-ċikloesil-4-(1,2-difeniletil) piperażina (MT-45) għal miżuri ta' kontroll (10009/2015 – C8-0183/2015 – 2014/0340(NLE))
P8_TA(2015)0329A8-0262/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10009/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0183/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0262/2015),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE: katastrofijiet fil-Bulgarija u l-Greċja fl-2015
PDF 413kWORD 67k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (diżastri fil-Bulgarija u l-Greċja fl-2015) (COM(2015)0370 – C8-0198/2015 – 2015/2151(BUD))
P8_TA(2015)0330A8-0253/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0370 – C8-0198/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu  10 tiegħu,

–  wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari tal-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0253/2015),

1.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni Deċiżjoni (UE) 2015/1872.)

(1) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


L-estensjoni possibbli tal-indikazzjoni ġeografika protetta tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti mhux agrikoli
PDF 388kWORD 132k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottobru 2015 dwar l-estensjoni possibbli tal-indikazzjoni ġeografika protetta tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti mhux agrikoli (2015/2053(INI))
P8_TA(2015)0331A8-0259/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPS),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni “Nagħmlu l-aħjar mill-kompetenzi tradizzjonali tal-Ewropa: il-possibilità li tiġi estiża l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-Unjoni Ewropea għal prodotti mhux agrikoli” (COM(2014)0469),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1151/2012(1)dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, “Ir-Regolament dwar il-kwalità”,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013(2)dwar prodotti tal-inbid, “Ir-Regolament dwar OKS unika”,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 110/2008(3) dwar xorb spirituż,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 251/2014(4) dwar prodotti tal-inbid aromatizzat,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta’ Frar 2015,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Frar 2015,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rigward l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

–  wara li kkunsidra l-Att ta’ Ġinevra għall-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini tal-31 ta’ Ottubru 1958, rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u fit-28 ta’ Settembru 1979, dwar il-proprjetà intellettwali u li jiżgura l-protezzjoni tal-prodotti kummerċjalizzati internazzjonalment u magħrufin għall-karatteristiċi taż-żona ġeografika speċifika ta’ oriġini tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0259/2015),

A.  billi l-prodotti agrikoli ta’ oriġini ġeografiċi partikulari li għandhom ċerti kwalitajiet jew jiġu mmanifatturati bl-użu ta’ metodi tradizzjonali jistgħu jibbenefikaw minn indikazzjoni ġeografika protetta unitarja fuq skala tal-UE;

B.  billi d-WTO tiddefinixxi l-indikazzjonijiet ġeografiċi bħala indikazzjonijiet li jidentifikaw li oġġett joriġina f’territorju ta' Membru [tad-WTO], jew f'reġjun jew lokalità ta’ dan it-territorju, fejn kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikolari tal-oġġett tkun tista' tiġi attribwita essenzjalment lil din l-oriġini ġeografika;

C.  billi l-prodotti tradizzjonali Ewropej ta' kwalità għolja bbażati fuq kompetenzi u tekniki tradizzjonali jagħmlu parti mill-wirt kulturali tal-UE, u huma element essenzjali fi ħdan l-ekonomija u s-soċjetà ta’ ħafna reġjuni Ewropej li għandu jinżamm, hekk kif dawn jiġġeneraw attivitajiet li huma marbuta direttament ma’ modi ta’ ħajja lokali, speċjalment fiż-żoni rurali, u jgħinu biex iż-żona partikolari ssir aktar attraenti b’mod ġenerali, jinżammu l-identitajiet lokali u jippromwovu l-karattru distintiv tagħhom, b'benefiċċji għat-turiżmu, il-kultura, l-imjiegi u l-kummerċ;

D.  billi tali prodotti jistgħu jgħinu jiżviluppaw strateġiji ġodda li jappoġġaw l-intraprenditorija fil-livell lokali u reġjonali u jippromwovu ż-żamma tal-infrastruttura u l-iżvilupp ta' impjiegi ġodda bi kwalifiki, b'rabtiet maż-żoni lokali, b'referenza partikolari għaż-żoni rurali, għaż-żoni żvantaġġjati u l-aktar reġjuni marġinali, fejn f'ħafna minnhom l-impjiegi jiddependu minn prodotti tipiċi magħmula lokalment, u jagħtu impetu ġdid għat-taħriġ vokazzjonali u artiġjanali marbut mill-qrib mal-iżvilupp tal-lokalitajiet u ż-żoni ta' produzzjoni, filwaqt li jinżamm u jiġi promoss ukoll il-wirt uniku u differenti ta' kull reġjun;

E.  ifakkar li l-prodotti mhux agrikoli huma parti integrali mill-identità tagħna u huma element importanti tal-wirt kulturali tal-Istati Membri; jenfasizza li waħda mill-isfidi ewlenin li qed iħabbat wiċċu magħhom dan is-settur hija l-għajbien gradwali tal-ħiliet u s-snajja' tradizzjonali, u li l-indikazzjoni ġeografika protetta għall-prodotti mhux agrikoli tista' taħdem bħala inċentiv biex jinżamm dan il-wirt kulturali u l-kompetenzi tradizzjonali, kif ukoll sabiex tiggarantixxi remunerazzjoni ġusta għall-produtturi u l-oriġinalità u l-aktar disponibbiltà wiesgħa possibbli ta' dawn il-prodotti;

F.  billi r-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika hija kwalità komuni intanġibbli, li jekk ma tkunx protetta tista’ tintuża b’libertà u mingħajr restrizzjonijiet, li jwassal għal tnaqqis fil-valur tagħha u saħansitra għat-telf tal-prodott innifsu;

G.  billi l-indikazzjonijiet ġeografiċi jista’ jkollhom potenzjal ekonomiku għoli u jekk jingħataw il-protezzjoni adegwata jista’ jkun hemm benefiċċji sinifikanti, speċjalment għall-SMEs u r-reġjuni tal-UE;

H.  billi r-reġjuni tal-UE għandhom bosta prodotti mhux agrikoli li jiddependu minn standard għoli ħafna ta’ ħiliet u artiġjanat tradizzjonali li għen sabiex jiffurmaw ir-reputazzjoni tagħhom, u jikkostitwixxu parti fundamentali mill-kultura reġjonali u lokali;

I.  billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jipproteġu, irawmu (meta mitluba mis-settur privat), u jippromwovu prodotti tradizzjonali Ewropej ta’ kwalità kif ukoll l-indikazzjoni ġeografika tagħhom;

J.  billi l-kwalità, ir-reputazzjoni u karatteristiċi oħra ta’ prodott jistgħu jiġu stabbiliti skont l-oriġini tiegħu; billi r-reputazzjoni ta’ prodott stabbilita skont l-oriġini tiegħu tista’ tiġi ppenalizzata bl-iebes minħabba ċerti prattiki li jinvolvu l-abbuż mill-isem;

K.  billi l-prodotti tradizzjonali Ewropej, għaliex huma ta’ kwalità għolja u mfittxija bħala tali, huma suġġetti għal użu abbużiv minn isimhom, b'detriment għall-konsumaturi u l-intrapriżi;

L.  billi protezzjoni xierqa fil-livell Ewropew tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-użu tagħhom u l-ġlieda kontra l-frodi, tista’ tgħin biex tipprevjeni l-falsifikazzjoni, tevita l-kompetizzjoni żleali u tipprevjeni t-tqarriq bil-konsumatur;

M.  billi l-konsumaturi qed juru interess dejjem ikbar mhux biss fis-sikurezza tal-prodotti, iżda wkoll fl-oriġini, l-awtentiċità u l-metodi ta’ produzzjoni tagħhom;

N.  billi l-konsumaturi għandhom ikunu kapaċi jagħmlu għażliet infurmati meta jkunu qed jixtru l-prodotti billi jkunu kapaċi jidentifikaw l-oriġini u l-kwalità tal-prodotti;

O.  billi l-liġijiet nazzjonali li attwalment jipproteġu l-prodotti mhux agrikoli qed joħolqu livelli differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri, li mhijiex f’konformità mal-għanijiet tas-suq intern, u qed tikkawża diffikultajiet għall-protezzjoni effikaċi tagħhom fl-Ewropa u fl-Istati Membri fejn dawn mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u dan jindika l-ħtieġa għal sistema unika ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi madwar l-UE;

P.  billi leġiżlazzjoni Ewropea armonizzata tista’ tkun biss ta’ benefiċċju għall-UE biss f’negozjati kummerċjali internazzjonali;

Q.  billi n-nuqqas ta’ sistema unitarja tal-UE għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi relatati ma’ prodotti mhux agrikoli joħloq sitwazzjoni inadegwata u frammentata ħafna fl-Ewropa, minħabba l-fatt li xi Stati Membri ma joffru l-ebda protezzjoni speċifika u oħrajn għandhom definizzjonijiet, proċeduri u livelli ta' protezzjoni differenti fi ħdan regoli nazzjonali u lokali, settorjali jew trasversali, b'effetti li jfixklu u jostakolaw l-iżvilupp armonizzat tas-suq komuni, il-protezzjoni omoġenja u l-kompetizzjoni effikaċi fuq termini ekwi, jipprevjenu lill-konsumaturi milli jkollhom informazzjoni preċiża, veritiera u komparabbli li tippermettilhom jagħmlu deċiżjonijiet infurmati aħjar, u li huma ta’ ostakolu għall-protezzjoni tal-konsumatur;

Introduzzjoni

1.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tikkonsulta lill-partijiet interessati sabiex tiddetermina jekk l-indikazzjoni ġeografika protetta tal-UE tistax tiġi estiża għal prodotti mhux agrikoli; jilqa’ wkoll l-eżitu tal-konsultazzjoni li ġiet konkluża f’Ottubru 2014 u li wriet biċ-ċar li hija favur sistema tal-UE ta’ protezzjoni bbażata fuq indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli;

2.  Jemmen li għandu jiġi stabbilit strument ta’ protezzjoni fuq livell Ewropew, bħala parti minn strateġija usa’ għall-promozzjoni ta’ prodotti tal-UE ta' kwalità għolja, ibbażata fuq impenn aktar b’saħħtu min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex l-industriji tal-manifattura u dawk artiġjanali jiġu ttrattati bħala l-ixprun tat-tkabbir u l-ikkompletar tas-suq uniku, u b’hekk jissaħħaħ il-prestiġju tal-produzzjoni tal-manifattura u l-artiġjanat b’bażi lokali, jiġi appoġġat l-iżvilupp ekonomiku lokali u l-impjiegi fl-oqsma kkonċernati, jingħata spinta lit-turiżmu, u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr dewmien proposta leġiżlattiva bil-għan li tiġi stabbilita sistema unika Ewropea ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli, b’segwitu għar-riżultati tal-konsultazzjoni li diġà twettqet mal-partijiet interessati kif ukoll għal analiżi ulterjuri, u filwaqt li jkun żgurat li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ l-effetti tas-sistema l-ġdida fuq il-produtturi, il-kompetituri tagħhom, il-konsumaturi u l-Istati Membri;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-introduzzjoni ta’ tali strument tkun akkumpanjata minn kampanji ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni bil-għan li l-produtturi u l-konsumaturi jsiru jafu b’dan it-tip ġdid ta’ indikazzjoni ġeografika;

5.  Jemmen bis-sħiħ li l-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli jista' jkollha diversi effetti pożittivi varjati għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-produtturi u kif ukoll għan-nisġa ekonomika u soċjali Ewropea sħiħa;

6.  Iqis li din is-sistema tista’ tħares partikolarment lill-konsumaturi b’mod aktar effikaċi, isaħħaħ il-fiduċja tagħhom fi prodotti ttikkettati, u tgħinhom jagħmlu għażliet infurmati aħjar dwar ix-xiri ta' prodotti billi żżid it-trasparenza u tiġi eliminata l-konfużjoni kkawżata minn ismijiet jew deskrizzjonijiet qarrieqa, partikolarment jekk l-eżistenza ta' tali sistema hija kkomunikata b'mod effiċjenti; jemmen li tista’ tikkontribwixxi wkoll biex titjieb it-traċċabilità u biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar il-kwalità, l-oriġini u l-metodi u l-kundizzjonijiet ta' produzzjoni, mhux l-inqas minħabba l-interess dejjem jikber tal-konsumatur f'dawn il-kwistjonijiet;

Il-benefiċċji ta’ protezzjoni uniformi fil-livell tal-UE

7.  Ifakkar li huwa rrakkomandat ħafna li l-UE tadotta leġiżlazzjoni dwar indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli, sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ l-effetti ekonomiċi pożittivi li jitħarsu n-natura distinta u l-kwalità ta’ prodotti bħal dawn, li l-konsumaturi jkunu pprovduti b’informazzjoni affidabbli dwar il-post u l-metodu ta’ produzzjoni tagħhom u jinżammu l-kompetenzi u l-impjiegi relatati magħhom;

8.   Iqis li tali leġiżlazzjoni tista’ trawwem l-innovazzjoni fi proċessi ta' produzzjoni tradizzjonali u l-ħolqien ta' negozji ġodda li jkunu għadhom kemm jiftħu (start-ups) għall-prodotti tradizzjonali, u tikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà ta' impjiegi maħluqa f'żoni b'livell baxx ta' żvilupp, b'mod partikolari billi tipprovdi lill-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi, li huma s-sors ta' madwar 80 % tal-prodotti tipiċi magħmula lokalment li jistgħu jiġu protetti taħt is-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, kemm b'opportunità biex tingħata spinta lill-bejgħ permezz ta' operazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni aktar effikaċi u kemm b’inċentiv biex jikkooperaw aktar mill-qrib, minħabba n-natura kollettiva tal-iskema;

9.  Jindika li dan jista’ jikkontribwixxi b'mod effikaċi biex tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni, l-użu qarrieqi tal-ismijiet tal-oriġini ġeografika, u prattiki oħra żleali li jqarrqu bil-konsumatur finali u huma ta' ħsara speċjalment għall-mikrointrapriżi u l-SMEs li jipproduċu b'mod leġittimu l-biċċa l-kbira tal-prodotti li potenzjalment jistgħu jgawdu minn protezzjoni u li fil-preżent m’għandhomx il-mezzi legali jew finanzjarji biex jiddefendu l-interessi tagħhom, fatt li għandu wkoll impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet tagħhom;

10.  Iqis li protezzjoni bħal din tippromwovi u tiffaċilita l-aċċess għas-suq komuni u għas-swieq barra l-UE għall-prodotti artiġjanali Ewropej, li huma l-frott tal-għarfien u l-ħiliet tradizzjonali li jikkontribwixxu biex jinżammu l-kompetenzi prezzjużi li jikkaratterizzaw komunitajiet soċjali u lokali sħaħ, u li jirrappreżentaw ukoll element sinifikanti tal-wirt storiku, kulturali, ekonomiku u soċjali Ewropew;

11.  Iqis li indikazzjoni ġeografika protetta uniformi għall-prodotti mhux agrikoli għandha tistimula l-iżvilupp teknoloġiku u ekonomiku fil-livell reġjonali u lokali billi żżid l-għadd ta' persuni impjegati fil-produzzjoni ta' prodotti tradizzjonali;

12.  Jissottolinja li protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi uniformi tikkontribwixxi mhux biss għall-promozzjoni ta' prodotti tradizzjonali, iżda wkoll għar-rikonoxximent tal-kwalità tal-materja prima li tintuża f'dawn il-prodotti, u l-ħtieġa tal-eċċellenza fl-istadji kollha tal-proċess ta' produzzjoni;

13.  Jirrimarka li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jipprovdu garanzija tal-kwalità tal-prodott għall-konsumaturi, kif ukoll rikonoxximent tal-kompetenzi u mezz ta' protezzjoni għall-produtturi;

14.  Jenfasizza li r-rikonoxximent ta' protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli u ta' kompetenzi tradizzjonali u ta’ kwalità għolja huwa kemm interess difensiv kif ukoll offensiv fil-qafas tal-politika kummerċjali komuni, u li jista’ jkun strument effikaċi biex jappoġġja n-negozji u l-manifatturi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), fil-ġlieda kontra prodotti ta' imitazzjoni u foloz u fl-iżgurar ta' approċċ soċjalment, ekonomikament u ambjentalment aktar sostenibbli għall-iżvilupp ekonomiku fl-UE u lil hinn minnha, kif ukoll għall-kompetizzjoni ġusta u l-ħarsien tal-konsumatur, b'mod li jsir possibbli li jiġu identifikati b’mod iktar effikaċi l-awtentiċità u l-kwalità tal-prodott; iqis li r-rikonoxximent ta’ protezzjoni unitarja ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli se jikkontribwixxi wkoll għall-bini ta’ kapital soċjali fir-reġjuni tal-produzzjoni;

15.  Iqis li sistema uniformi tal-UE tista' tagħmel il-professjonijiet marbutin mal-patrimonju aktar attraenti;

16.  Jisħaq li ż-żamma tal-kompetenzi u l-produzzjoni tradizzjonali jistgħu jgħinu biex jintemmu d-depopolazzjoni u l-qerda ta' żoni rurali u l-fluss ta' żgħażagħ li qed jitilqu minn dawn iż-żoni;

17.  Jenfasizza l-importanza tal-komponenti kulturali, edukattivi, soċjali u sostenibbli tal-prodotti mhux agrikoli li se jiġu inklużi f'dan il-proċess, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħarsu, jiġu mgħoddija u żviluppati l-kompetenzi u l-ħiliet tradizzjonali assoċjati magħhom, u biex titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-industriji kreattivi, mhux l-inqas bil-għan li tiġi enfasizzata l-kwalità tal-materjali użati u tal-prodotti finali; jitlob li l-użu tal-isem jew tal-logo jkun aċċessibbli għall-produtturi kollha miż-żona partikolari li jimmanifatturaw il-prodott bil-mod preskritt;

18.  Jisħaq li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' prodotti mhux agrikoli se tgħin jinżamm il-wirt kulturali u artistiku magħmul mit-tradizzjonijiet lokali u reġjonali Ewropej;

19.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-SMEs li jinvestu f’kompetenzi tradizzjonali ta' kwalità għolja u joffru impjiegi lokali u apprendistati għat-taħriġ ta' professjonisti kwalifikati li min-naħa tagħhom jaqdu rwol ewlieni fit-trażmissjoni tal-metodi ta' produzzjoni tradizzjonali minn ġenerazzjoni għal oħra; jirrikonoxxi l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ f'dan il-qasam, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi disponibbli tal-UE u l-programmi ta' appoġġ għat-taħriġ vokazzjonali ta' speċjalisti involuti fil-produzzjoni u l-promozzjoni ta' prodotti artiġjanali u industrijali lokali u reġjonali li jirrispettaw l-ambjent;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki fil-ħolqien u l-appoġġ ta' inizjattivi mmirati li jistimulaw is-settur artiġjanali tradizzjonali, li min-naħa tagħhom jistgħu jagħmlu lin-nies aktar konxji mill-wirt kulturali lokali u jistimulaw l-iżvilupp taż-żoni rurali;

21.  Jenfasizza l-fatt li indikazzjoni ġeografika magħrufa sew tista' tgħin biex jiġu promossi aħjar l-itinerarji kulturali Ewropej;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-kooperazzjoni transreġjonali u transnazzjonali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn il-gruppi ta' prodotti mhux agrikoli u setturi relatati;

23.  Jenfasizza l-importanza ta' indikazzjonijiet ġeografiċi fl-ispettru usa' ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali, bħala mod kif jiġi protett il-valur ta’ dak li hu lokali, inklużi l-infrastruttura u l-impjiegi, jitjieb l-iżvilupp reġjonali u tissaħħaħ it-traċċabbiltà, it-trasparenza u l-informazzjoni għall-konsumatur;

24.  Jinnota li prodotti industrijali u artiġjanali marbuta mal-oriġini tagħhom jew li għandhom għeruq fit-territorju tagħhom huma ċentrali għall-ekonomija u s-soċjetà f’ħafna reġjuni Ewropej peress li jiġġeneraw attivitajiet li ma jistgħux jiġu rilokati u huma marbutin direttament ma' modi ta’ għajxien lokali, speċjalment f’żoni rurali; jisħaq li l-adozzjoni fil-livell Ewropew ta’ sistema li tipproteġi l-prodotti industrijali u dawk artiġjanali marbuta mal-oriġini tagħhom jew li għandhom għeruq fit-territorju tagħhom tippermetti li tinżamm l-oriġinalità tal-prodotti kemm industrijali u kemm dawk artiġjanali li għandna u tevita l-istandardizzazzjoni tal-prodotti;

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

25.  Iqis li fil-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma’ pajjiżi li mhumiex Membri għandhom jiġu inkorporati listi miftuħa tal-prodotti kollha, kemm agrikoli u kemm mhux agrikoli, li huma protetti minn indikazzjonijiet ġeografiċi;

26.  Iqis li jkun hemm ukoll effetti pożittivi fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali li l-UE għandha jew li qed tinnegozja ma' pajjiżi terzi, biex b'hekk l-UE tkun tista' tikseb protezzjoni ugwali għal tali prodotti Ewropej anke fil-qafas tan-negozjati tal-kummerċ internazzjonali;

27.  Jemmen li l-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE għall-prodotti mhux agrikoli se tkun mod biex tistimula l-esportazzjonijiet Ewropej u jinkiseb sehem mis-suq filwaqt li jinkiseb rikonoxximent internazzjonali tal-prodotti kkonċernati u jiġu żviluppati l-immaġni u r-reputazzjoni ta’ kwalità għolja tagħhom permezz tal-kummerċ u n-negozjati kummerċjali;

28.  Jemmen li l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli fil-livell tal-UE se ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fi ħdan id-WTO meta titlob għal żieda fil-livell standard ta’ protezzjoni u tista’ ġġedded b’mod pożittiv id-diskussjonijiet dwar il-ħolqien ta’ reġistru tal-indikazzjonijiet ġeografiċi multilaterali fi ħdan l-Aġenda tal-Iżvilupp ta’ Doha, f’konformità sħiħa mal-Ftehim TRIPS;

29.  Jemmen li l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli għandha tkun akkumpanjata minn strateġija aktar effikaċi għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi, bil-ħsieb li jissaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra prodotti foloz jew ta’ imitazzjoni;

30.  Iqis li l-protezzjoni uniformi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli fl-UE tista’ tkun ta’ vantaġġ fin-negozjar ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi u, min-naħa l-oħra, jisħaq li wħud mis-sħab prinċipali tagħna, bħall-Indja u ċ-Ċina, diġà introduċew sistemi biex jipproteġu indikazzjonijiet ġeografiċi bħal dawn;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex fil-komunikazzjoni li ġejja tagħha dwar l-istrateġija tal-UE dwar il-kummerċ u l-investiment tinkludi strateġija koerenti u mħejjija tajjeb dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha, li tassigura li jkunu rrispettati u rikonoxxuti;

32.  Huwa tal-fehma li l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema tal-indikazzjoni ġeografika protetta biex tkopri l-prodotti mhux agrikoli tista' tgħin biex tagħmel il-pożizzjoni tal-UE f'dan il-qasam aktar b'saħħitha u aktar konsistenti, kemm fin-negozjati kummerċjali bilaterali u kemm fil-fora multilaterali, bl-għan aħħari li jingħata livell għoli ta' protezzjoni barra mill-UE għall-prodotti kollha Ewropej ta' kwalità għolja; iqis, b'mod partikolari, li kemm il-prodotti agrikoli u kemm dawk mhux agrikoli protetti mill-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu kkunsidrati bis-sħiħ matul in-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE; jemmen li sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE komprensiva tista' trawwem l-espansjoni kummerċjali u tagħmilha aktar faċli li jsiru kampanji promozzjonali konġunti barra l-UE;

Prinċipji ġenerali

33.  Jisħaq fuq l-importanza ta' indikazzjonijiet ġeografiċi bħala għodda importanti biex jissaħħu t-traċċabilità, it-trasparenza u l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi u biex jissaħħaħ il-profil tar-reġjuni u l-lokalitajiet tal-UE b'approċċ aktar soċjalment u ambjentalment sostenibbli għall-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll biex jiġi żviluppat ir-rwol ewlieni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-politika kummerċjali tal-UE;

34.  Jinsab konvint li s-sistema trid tkun ibbażata fuq l-aħjar prattiki u prinċipji trasparenti u nondiskriminatorji, u li tista' tkun għodda effettiva biex jiġu miġġielda l-imitazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-prodotti u biex jiġi żgurat approċċ soċjalment, ekonomikament u ambjentalment aktar sostenibbli għall-iżvilupp ekonomiku ġewwa u barra mill-UE, kif ukoll biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika t-tagħlimiet li nsiltu mill-esperjenza miksuba fis-setturi agrikoli u tal-ikel, bil-għan li tinħoloq sistema li hija bbażata fuq l-aħjar prattiki u prinċipji mhux diskriminatorji u li hija trasparenti, effikaċi, tagħti rispons u ħielsa minn piżijiet amministrattivi żejda u spejjeż li jiskoraġġixxu għall-produtturi li b'mod volontarju jiddeċiedu li jirreġistraw prodott taħt l-iskema tal-indikazzjoni ġeografika; huwa tal-opinjoni, barra minn hekk, li sistema bħal din għandha tiżgura kontrolli stretti u l-akbar trasparenza possibbli, u għandha tinkludi mezzi xierqa biex jiġi indirazzat il-frodi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tapplika approċċ mhux settorjali għal kwalunkwe sistema ta' protezzjoni;

36.  Iqis li s-sistema l-ġdida, bħalma ġara fil-passat fil-każ tal-prodotti agroalimentari, għandha tirrappreżenta garanzija intuwittivament perċepibbli f'għajnejn il-konsumaturi li jfittxu prodotti b'livell għoli ta' kwalità, mil-lat tal-awtentiċità u l-oriġini li għandhom rabta qawwija maż-żona ġeografika kkonċernata, u huma appoġġati minn informazzjoni affidabbli u ċara; jemmen li l-effikaċja ta' din is-sistema unika Ewropea ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi se tiddependi minn jekk l-informazzjoni kollha meħtieġa tilħaqx il-produtturi u l-konsumaturi; jenfasizza li s-sistema jeħtieġ tkun trasparenti u jeħtieġ tiżgura protezzjoni aċċessibbli, peress li dan huwa ta' importanza kruċjali għall-fiduċja tal-konsumatur u l-produttur;

37.  Huwa tal-fehma li, fl-ambitu tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid tal-UE dwar l-akkwist, sistema ta' ċertifikazzjoni dwar il-kwalità u l-oriġini tal-prodott tista' tkun utli għall-awtoritajiet kontraenti b'rabta mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, iċ-ċertifikazzjoni u l-kriterji tal-aġġudikazzjoni, b'mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali;

38.  Jappella biex prodotti bħal dawn isiru l-enfasi ċentrali tal-proġetti tal-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni reġjonali, ta’ Orizzont 2020 u l-finanzjament tal-koeżjoni;

39.  Huwa tal-fehma li sistema fil-livell tal-UE ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli li tkun koerenti, sempliċi, trasparenti u li ma fihiex ħafna piż burokratiku u finanzjarju, li b’hekk tippermetti partikolarment lill-SMEs jaċċessawha, tagħti lok sabiex l-UE tikseb protezzjoni ugwali għal prodotti Ewropej bħal dawn lil hinn mill-UE fil-qafas tan-negozjati kummerċjali internazzjonali u toħloq vantaġġ sinifikanti fin-negozjati ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles fuq livell bilaterali ma’ sħab kummerċjali tal-Unjoni u fuq livell multilaterali fi ħdan id-WTO;

40.  Huwa tal-opinjoni li l-ħolqien ta' protezzjoni unika fil-livell tal-UE ta' indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli li tinkludi definizzjonijiet, proċeduri u spejjeż ta' reġistrazzjoni komuni, l-ambitu tal-protezzjoni u l-mezzi ta' infurzar, kif ukoll l-istabbiliment ta' awtorità affidabbli responsabbli biex tiddeċiedi dwar l-għoti ta' status ta' indikazzjoni ġeografika mhux agrikola, rikonoxxuta fil-livell tal-UE, mingħajr ma jitbaxxew l-istandards ta' protezzjoni li diġà jeżistu fil-15-il Stat Membru jkun l-aħjar mod biex ikun hemm aktar effikaċja kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f'negozjati ma' pajjiżi terzi;

Kamp ta' applikazzjoni

41.  Itenni li r-rabta mat-territorju tal-produzzjoni hija essenzjali biex jiġu identifikati l-kompetenzi speċjali u jiġu indikati l-kwalità, l-awtentiċità u l-karatteristiċi tal-prodott;

42.  Jappoġġja definizzjoni wiesgħa li tippermetti li tiġi rikonoxxuta r-rabta bejn prodott u ż-żona koperta mill-indikazzjoni ġeografika; iqis li sistema ta’ protezzjoni fil-livell tal-UE għandu jkollha kamp ta’ applikazzjoni usa’ li jippermetti l-inklużjoni ta’ ismijiet li, għalkemm ma jkunux ġeografiċi huma assoċjati b’mod inekwivoku ma’ post partikolari;

43.  Jemmen li l-iskema ta’ protezzjoni għandha tinkludi sinjali u simboli mhux verbali assoċjati b’mod inekwivoku ma’ reġjun partikolari;

44.  Itenni li t-tikketta/sinjal ta' rikonoxximent/marka/logo għal indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli għandhom ikunu sempliċi u jintgħarfu faċilment, jirriflettu l-identità reġjonali/lokali tal-prodotti u għandhom jiġu espressi tal-anqas bil-lingwa tal-post tal-oriġini tal-prodott u b’dik tal-pajjiż li fih jiġi importat;

45.  Jindika li ċerti indikazzjonijiet, pereżempju termini ġeneriċi jew omonimi, għandhom jiġu esklużi mill-indikazzjoni ġeografika protetta; jinnota barra minn hekk li l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli jistgħu jservu bħala eżempju;

Proċess ta’ reġistrazzjoni

46.  Jemmen li għandu jkun hemm proċedura ta’ reġistrazzjoni obbligatorja, billi din tipprovdi aktar sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward tal-infurzar tad-drittijiet f’każ ta’ tilwim; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-aktar mekkaniżmu effiċjenti, sempliċi, utli u aċċessibbli għar-reġistrazzjoni tal-prodotti, u biex tiżgura li s-sistema tipprovdi proċeduri ta’ reġistrazzjoni, modifikazzjoni u kanċellazzjoni finanzjarjament aċċessibbli, ċari u trasparenti, filwaqt li tipprovdi garanziji legali għall-partijiet ikkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa bil-għan li jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż tax-xogħol finanzjarju u amministrattiv għall-partijiet ikkonċernati;

47.  Jenfasizza li din is-sistema jeħtieġ tkun akkumpanjata mill-ħolqien ta' reġistru uniku Ewropew standardizzat u pubbliku għall-prodotti mhux agrikoli li jibbenefikaw mill-indikazzjoni ġeografika protetta, bil-għan li jitrawmu l-prodotti artiġjanali u jiġu infurmati u mħarsa l-konsumaturi kif ukoll il-produtturi, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv żejjed;

48.  Jenfasizza barra minn hekk li tali sistema għandha tkun ikkaratterizzata minn approċċ trasversali biex jiġi massimizzat l-impatt ekonomiku u soċjali tagħha, u li għandha ssaħħaħ b'mod sinifikanti r-rabta li teżisti bejn il-prodotti u ż-żona tal-oriġini tagħhom, u ttejjeb it-trasparenza sabiex tiżdied il-kredibilità u l-awtentiċità tal-prodott, jiġi garantit l-oriġini tiegħu u tkompli titjieb it-traċċabilità tiegħu; jindika l-ħtieġa li jsiru kontrolli regolari ladarba jkun ingħata l-istatus tal-indikazzjoni ġeografika, biex jiġi żgurat li l-kriterji li fuqhom kien ibbażat dak l-istatus ikunu għadhom qed jiġu ssodisfati;

49.  Jemmen li r-reġistrazzjoni għandha ssir fuq żewġ stadji: l-ewwel nett għandhom isiru kontrolli fuq il-post mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali biex jiġi aċċertat li mhux qed isir tbagħbis fil-karatteristiċi speċifiċi; u t-tieni, għandu jkun hemm sistema ta’ reġistrazzjoni Ewropea unika biex tkun żgurata konformità mal-kriterji komuni fil-partijiet kollha tal-UE;

50.  Jipproponi li l-Kummissjoni teżamina l-possibilità li titrasferixxi wkoll f'dan il-kuntest, ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli lill-UASI; jipproponi li s-sistema msemmija hawn fuq tkun immexxija fil-livell tal-UE mill-UASI;

51.  Isostni li s-sistema għandha tillimita l-ispiża u l-piż amministrattiv għan-negozji, filwaqt li tipprovdi garanziji adegwati lill-konsumaturi u tgħinhom jagħmlu għażliet infurmati aħjar dwar ix-xiri ta' prodotti;

52.  Iqis li taħt skema tat-tip deskritta hawn fuq, l-istabbiliment ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tkun kwistjoni għan-negozji kkonċernati, li b’mod partikolari għandhom jintalbu jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkollhom jissodisfaw;

53.  Jemmen li l-kriterji inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għandhom jiġu ttrattati b’mod flessibbli sabiex ikun żgurat li l-iżviluppi fil-proċessi ta’ produzzjoni u l-innovazzjonijiet futuri altru ma jiġux evitati iżda pjuttost inkoraġġiti, sakemm ma jiġux affetwati l-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott finali;

54.  Iqis li mill-inqas il-kriterji li ġejjin għandhom jiġu inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet: il-materja prima użata, id-deskrizzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni, provi tar-rabta mat-territorju u elementi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva;

55.  Jipproponi li l-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u l-kmamar tal-kummerċ għandhom ikunu l-partijiet interessati awtorizzati prinċipalment li japplikaw għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika għall-prodotti mhux agrikoli;

56.  Jenfasizza li l-produtturi jistgħu jintalbu jħallsu kontribuzzjoni sabiex jiksbu indikazzjoni ġeografika, sakemm din tkun kontribuzzjoni ta’ darba, ġusta fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba u infurzata b’mod uniformi madwar l-UE;

Miżuri ta’ kontroll

57.  Jemmen li għandhom jiġu previsti wkoll ir-riżorsi neċessarji biex il-protezzjoni li tiġi offruta minn tali strument tkun effikaċi fil-prattika, ikunu xi jkunu l-mezzi ta’ distribuzzjoni tal-prodott f’każijiet ta’ użu ħażin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit livell ekwivalenti ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-suq diġitali;

58.  Jenfasizza r-relevanza tal-kontrolli ta’ kwalità, fid-dawl tad-differenzi sinifikanti li jeżistu bejn il-prodotti agrikoli u dawk mhux agrikoli (pereżempju l-għadd ta' produtturi);

59.  Jirrakkomanda wkoll li tiġi stabbilita skema ta’ spezzjoni, ksur u penali li timmonitorja l-indikazzjonijiet ġeografiċi fuq il-prodotti kummerċjalizzati fl-Ewropa;

60.  Iqis li, bil-għan li l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli jiġu protetti bl-aqwa mod, il-projbizzjoni tal-użu skorrett tal-indikazzjonijiet ġeografiċi m’għandhiex tapplika biss meta jkun hemm riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa jew fejn ikun hemm kompetizzjoni żleali, iżda anke fil-każ fejn l-oriġini propja tal-prodott hija indikata b'mod ċar; jipproponi għalhekk li l-protezzjoni addizzjonali prevista fl-Artikolu 23 tal-Ftehim TRIPS, li fil-bidu kienet tapplika biss għall-inbejjed u l-ispirti, tiġi estiża għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti mhux agrikoli;

61.  Jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ proċedura li fiha tista’ tiġi kkontestata r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, li tkun miftuħa għall-partijiet interessati;

62.  Iqis li din tagħmilha aktar faċli li jiġu stabbiliti proċeduri ta' sorveljanza effikaċi, biex b'hekk il-konsumaturi u l-produtturi jingħataw l-opportunità jipproteġu lilhom infushom kontra l-falsifikazzjoni, l-imitazzjoni u prattiki oħra illegali;

Il-koeżistenza ma’ drittijiet preċedenti

63.  Iqis li kull indikazzjoni ġeografika futura għandha titħalla teżisti flimkien ma’ drittijiet diġà assoċjati mal-prodott, u għandha tqis l-aħjar prattiki attwali fil-livell nazzjonali u dak lokali fl-UE;

64.  Jenfasizza li r-relazzjoni bejn il-marki kummerċjali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tkun definita b’mod ċar sabiex jiġu evitati l-kunflitti;

65.  Jissuġġerixxi li għall-indikazzjoni ġeografika protetta għall-prodotti mhux agrikoli għandhom japplikaw ir-regoli dwar ir-relazzjoni bejn il-marki kummerċjali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

66.  Jipproponi li dawk l-Istati Membri li diġà jipprovdu protezzjoni għandhom jingħataw ħin biżżejjed biex jiżguraw il-konformità, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu li jiġu applikati arranġamenti tranżizzjonali, li jipprevedu l-koeżistenza taż-żewġ sistemi qabel isir il-pass lejn mekkaniżmu tal-UE;

o
o   o

67.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(3) ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.
(4) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14.


Dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: miżuri speċifiċi għall-Greċja ***I
PDF 342kWORD 67k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fejn jikkonċerna miżuri speċifiċi għall-Greċja (COM(2015)0365 – C8-0192/2015 – 2015/0160(COD))
P8_TA(2015)0332A8-0260/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0365),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0192/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkonsulta l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits dwar il-kompatibilità finanzjarja tal-proposta,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-16 ta' Settembru 2015, li approva l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għas-Sajd,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59, l-Artikolu 50(1) u l-Artikolu 41 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0260/2015),

A.  Billi r-Regolament emendatorju propost huwa miżura eċċezzjonali, bl-għan li jipprovdi appoġġ immedjat lill-Greċja billi jippermettilha aċċess u użu qabel it-tmiem tal-2015 għall-fondi tal-Unjoni għall-politika ta' koeżjoni li jkun għad hemm disponibbli mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, u għaldaqstant l-adozzjoni tiegħu hija urġenti;

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-6 ta' Ottubru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-Greċja

P8_TC1-COD(2015)0160


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/1839.)


Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel - Ġermanja
PDF 372kWORD 93k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel, ippreżentata mill-Ġermanja) (COM(2015)0342 – C8-0249/2015 – 2015/2208(BUD))
P8_TA(2015)0333A8-0273/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0342 – C8-0249/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0273/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-2 881 sensja f'Adam Opel AG, li topera fid-diviżjoni 29 ta' NACE Rev. 2 ("Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers")(4) u fornitur 1;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 958 623 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-26 ta' Frar 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju 2015 u notifikata lill-Parlament fl-1 ta' Settembru 2015; jilqa' pożittivament il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Josserva li, fl-Ewropa tal-Punent, il-bejgħ ta' karozzi naqas drastikament u laħaq l-aktar punt baxx f'dawn l-aħħar 20 sena(5) u jenfasizza li n-numru ta' karozzi mibjugħa fl-Ewropa huwa fl-aktar livell baxx mill-1997; jikkonkludi li dawn il-ġrajjiet huma direttament marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali ttrattata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6); jissottolinja wkoll il-fatt li l-manifatturi tal-vetturi żgħar u ta' daqs medju tal-faxxa tal-prezzijiet medja ntlaqtu b'mod partikolarment iebes u li Adam Opel AG, inkwantu wieħed mill-atturi ewlenin fil-faxxa tal-prezzijiet medja ta' vetturi żgħar u ta' daqs medju, intlaqtet b'mod partikolarment iebes mill-kriżi, filwaqt li l-bejgħ ta' karozzi ekonomiċi u dak ta' karozzi ta' faxxa għolja jew ta' lussu ma tantx intlaqtu mill-kriżi;

4.  Josserva li n-numru ta' karozzi rreġistrati ġodda fl-Istati Membri tal-UE u tal-EFTA niżel b'25 % bejn l-2007 u l-2013 (minn 'il fuq minn 16-il miljun karozza rreġistrata ġdida għal 12-il miljun, skont l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej ta' Karozzi); jevidenzja f'dan ir-rigward li l-bejgħ ta' karozzi tal-marka Opel/Vauxhall fl-Ewropa niżel drastikament u waqa' b'39 % bejn l-2007 u l-2013;

5.  Josserva barra minn hekk li Adam Opel AG sofriet żvantaġġ min-naħa tal-impriża proprjetarja, General Motors, li ppermettiet lil Opel tbigħ esklużivament fl-Ewropa, b'hekk eskludiet lil Opel mis-swieq emerġenti f'kontinenti oħrajn; huwa tal-fehma li l-politiki ta' awsterità imposti fil-pajjiżi Ewropej ikkontribwew lit-tnaqqis drastiku fil-bejgħ min-naħa ta' Opel/Vauxhall;

6.  Josserva li dawn is-sensji se jħallu impatt negattiv notevoli fuq l-ekonomija lokali ta' Bochum; ifakkar li Bochum hija belt fiż-żona tar-Ruhr, li hija żona industrijali urbanizzata ħafna fl-Istat Federali tal-Ġermanja Nordrhein-Westfalen, li, bħar-reġjuni l-oħrajn tradizzjonalment speċjalizzati fl-estrazzjoni tal-faħam u fil-produzzjoni tal-azzar, ilha mis-snin Sittin tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet strutturali kbar; jissottolinja li r-rata ta' qgħad fir-Ruhr diġà turi livelli ferm ogħla mill-medja tal-Ġermanja;

7.  Ifakkar li Bochum diġà tibbenefika mill-għajnuna tal-FEG wara li l-impriża Nokia waqfet il-produzzjoni tat-telefons ċellulari u ntilfu aktar minn 1 300 impjieg; jissottolinja li Outukumpu biħsiebha tissospendi l-produzzjoni tal-azzar inossidabbli f'Bochum fi tmiem l-2015, u dan se jsarraf f'aktar deżindustrijalizzazzjoni tal-belt u f'deterjorament tas-suq tax-xogħol fil-livelli lokali u reġjonali;

8.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tad-diviżjoni 29 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) kien is-suġġett ta' 21 applikazzjoni tal-FEG, li minnhom 11 kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; ifakkar f'dan ir-rigward l-applikazzjoni EGF/2010/031 BE/Generals Motors Belgium li kienet il-konsegwenza tal-għeluq tal-impjant ta' produzzjoni tagħha ta' Opel f'Antwerp (il-Belġju);

9.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2015, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal tali appoġġ;

10.  Jinnota li l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn firxa ta' miżuri intenzjonati biex jintegrawhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; jikkunsidra li n-numru stmat ta' parteċipanti f'servizz ta' konsulenza biex jinbeda negozju huwa baxx, peress li hu stmat li l-benefiċjarji huma biss 25;

11.  Jilqa' l-fatt li l-ġestjoni u l-kontroll ta' din l-applikazzjoni se jiġu amministrati mill-istess korpi li jamministraw il-Fond Soċjali Ewropew fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali u li kienu jamministraw ukoll il-kontribuzzjonijiet preċedenti mill-FEG;

12.  Jinnota li l-Ġermanja qiegħda tippjana l-miżuri segwenti għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: miżuri ta' taħriġ vokazzjonali (Qualifizierungen), gwida dwar il-karriera (Berufsorientierung), gruppi ta' pari / gruppi ta' ħidma, servizz ta' konsulenza biex jinbeda negozju (Existenzgründerberatung), tfittxija ta' xogħol (Stellenakquise) / fieri tax-xogħol (Jobmessen), servizzi ta' mentoring u ta' konsulenza ta' segwitu (Nachbetreuung und - beratung) u benefiċċju għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld);

13.  Josserva li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali permezz tal-ħolqien ta' kumpaniji tat-trasferiment;

14.  Jinnota li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jutilizzaw il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati dwar benefiċċji u inċentivi fil-forma ta' benefiċċju għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld) li jkun jikkostitwixxi 60 % jew 67 % tal-introjtu nett preċedenti tal-ħaddiem, skont is-sitwazzjoni familjari tal-benefiċjarju;

15.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-finanzjament ipprovdut għall-benefiċċji għat-taħriġ (f'dan il-każ, it-Transferkurzarbeitergeld) ma jiħux post l-obbligu ġuridiku tal-Istat Membru jew l-impjegatur preċedenti; jappella kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri biex jipprovdu tagħrif ċar u koerenti li jispeċifika sa liema punt it-Transferkurzarbeitergeld jikkostitwixxi obbligu ġuridiku ladarba jkun ġie stabbilit it-Transfergesellschaft; jitlob koerenza kemm fil-prattika ta' finanzjament u kemm fl-informazzjoni li tingħata lill-Parlament; jistenna għaldaqstant li l-Kummissjoni tipprovdi analiżi komprensiva u koerenti u d-dettalji tal-elementi li jmorru lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tal-Istati Membri; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-finanzjament mill-FEG għandu jintużaa għat-Transferkurzarbeitergeld sabiex il-kumpanija ta' trasferiment tkun tista' tmur oltre dak li tista' tagħmel normalment għall-ħaddiema, billi tipprovdi miżuri iktar personalizzati u fil-fond milli kieku jkun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-FEG; jenfasizza li l-Parlament se jkompli jimmonitorja li l-FEG mhux qed jintuża biex jissostitwixxi l-obbligi minn Stat Membru jew kumpanija;

16.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi approċċ konsistenti fil-każ tal-applikazzjonijiet li jinkludu l-miżura "Transferkurzarbeitergeld", billi tiddefiniha b'mod konsistenti f'kull applikazzjoni u billi tivverifika bir-reqqa u tikkwota l-evidenza li l-miżura speċifika hija tassew eleġibbli għal finanzjament mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u bl-ebda mod ma tkun qed tissostitwixxi miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali, u li r-riskju ta' finanzjament doppju huwa eskluż;

17.  Jinnota li s-sħab soċjali qablu fuq il-ħolqien ta' tliet kumpaniji ta' trasferiment sabiex iwettqu l-miżuri għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, li hu konformi mal-prattika fil-Ġermanja; jilqa' l-fatt li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpanija fornitriċi (Johnson Controls Objekt Bochum GmbHCo. KG) se jkunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-miżuri mwettqa mill-kumpaniji ta' trasferiment;

18.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

19.  Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

20.  Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

21.  Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (Applikazzjoni GF/2015/002 DE/Adam Opel ippreżentata mill-Ġermanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1871.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5)Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej ta' Karozzi (ACEA), The Automobile Industry Pocket Guide 2014-2015, p. 57f.
(6) Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).


Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2015/003 BE/Ford Genk - Belġju
PDF 363kWORD 88k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/003 BE/Ford Genk, ippreżentata mill-Belġju) (COM(2015)0336 – C8-0250/2015 – 2015/2209(BUD))
P8_TA(2015)0334A8-0272/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0336 – C8-0250/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0272/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2015/003 BE/Ford Genk għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 5 111-il sensja, 3 701 minnhom minn Ford Genk, li joperaw fid-diviżjoni 29 tar-reviżjoni 2 tan-NACE ("Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers")(4) u 1 180 minn 11-il fornitur u produttur downstream, u billi huwa stmat li 4 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Belġju għandu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 268 564 mill-ispejjeż totali ta' EUR 10 447 607 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-24 ta' Marzu 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju 2015 u ġiet notifikata lill-Parlament fl-1 ta' Settembru 2015; jilqa' pożittivament il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Jinnota li l-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri naqset b'14,6 % fl-UE-27 bejn l-2007 u l-2012 u li fl-istess perjodu ċ-Ċina aktar milli rduppjat sehemha fis-suq tal-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri; jikkonkludi li dawn l-avvenimenti huma marbuta direttament ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;

4.  Ifakkar li l-ewwel mewġa ta' sensji f'Ford Genk fl-2013 tat lok għall-ewwel applikazzjoni għall-FEG ukoll abbażi tal-globalizzazzjoni, li attwalment qiegħda tiġi implimentata(5), u li din it-tieni applikazzjoni tirrigwarda s-sensji fl-impjant tal-Ford Genk li kien hemm fl-2014 sal-għeluq finali tal-impjant f'Diċembru 2014;

5.  Jinnota li l-industrija tal-karozzi Belġjana sofriet tnaqqis fil-produzzjoni ta' 15,58 % filwaqt li l-produzzjoni globali żdiedet bi 18,9 %;

6.  Ifakkar li Ford Genk kien l-impjant li l-aktar kien iħaddem nies fil-provinċja ta' Limburg; jinnota li s-sensji kkaġunaw ħsara notevoli lill-ekonomija ta' Limburg b'telf totali ta' aktar minn 8 000 impjieg (inkluż it-telf indirett ta' impjiegi), li l-parti l-kbira minnhum huma ħaddiema ċittadini tal-Unjoni bejn it-30 u l-54 sena, żieda fir-rata ta' qgħad ta' bejn 1,8 u 2 punti perċentwali, (żieda ta' massimu ta' 29,4 % fir-rata ta' qgħad tar-reġjun minn bejn 6,8 % u 8,8 %), tnaqqis fil-PDG ta' bejn 2,6 % u 2,9 % u waqgħa potenzjali fil-produttività tax-xogħol ta' 10,9 % minħabba l-importanza kbira tal-industrija awtomobilistika għall-produttività tax-xogħol fir-reġjun;

7.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tad-diviżjoni 29 tar-reviżjoni 2 tan-NACE (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) kien is-suġġett ta' 22 applikazzjoni għall-FEG, li 12 minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jirrakkomanda għalhekk li l-Kummissjoni tagħmel studju dwar is-swieq Asjatiċi u tal-Amerika t’Isfel sabiex il-manifatturi tal-UE jitgħallmu aktar dwar rekwiżiti ġodda ta' liċenzji tal-importazzjoni u kif ikunu aktar preżenti u kompetittivi f'dawn is-swieq;

8.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2015, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li l-Belġju qiegħed jippjana tliet tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) għajnuna individwali għat-tiftix ta' impjieg, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali, (ii) taħriġ u taħriġ mill-ġdid u (iii) benefiċċji u inċentivi;

10.  Jilqa' l-fatt li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn varjazzjoni kbira ta' miżuri proposti, li jinkludu numru ta' azzjonijiet ta' għajnuna individwali għat-tiftix ta' impjieg, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali; taħriġ u taħriġ mill-ġdid, anke minn min kien iħaddimhom qabel;

11.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom, mas-sħab soċjali, mal-korpi pubbliċi tal-impjiegi lokali, reġjonali u nazzjonali u mal-istituzzjonijiet tat-taħriġ kif ukoll mal-kumpanija;

12.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

13.  Jenfasizza li l-miżuri ta' taħriġ vokazzjonali għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-impjegabilità tal-ħaddiema, u għandhom jiġu adattati għat-talbiet tas-suq tax-xogħol attwali; jinnota fl-istess ħin li l-miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid għandhom jirrikonoxxu u anke jibnu fuq il-ħiliet u l-kompetenzi speċifiċi li l-ħaddiema milquta jkunu kisbu fl-industrija awtomobilistika u fl-industrija fornitriċi tagħha;

14.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

15.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jużaw l-maġġorparti tal-fondi disponibbli għas-servizzi personalizzati u li 4,94 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati biss se jintużaw għal benefiċċji u inċentivi, li jibqa' ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 %;

17.  Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, wara t-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/003 BE/Ford Genk, ippreżentata mill-Belġju)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1869.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi ta' l-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5)EGF/2013/012 BE/Ford Genk (COM(2014)0532).


Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia - Italja
PDF 363kWORD 88k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia, ippreżentata mill-Italja) (COM(2015)0397 – C8-0252/2015 – 2015/2212(BUD))
P8_TA(2015)0335A8-0274/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0397 – C8-0252/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b' mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0274/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Italja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 249 sensja fil-Gruppo Alitalia, li jopera fid-diviżjoni 51 ta' NACE Rev. 2 ("Trasport bl-ajru")(4) fir-reġjun ta' livell 2 ta' NUTS(5) tal-Lazjo, u billi hu mistenni li madwar 184 ħaddiem li ngħataw is-sensja se jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, l-Italja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 414 848 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-24 ta' Marzu 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fis-7 ta' Awwissu 2015 u ġiet notifikata lill-Parlament fl-1 ta' Settembru 2015; jilqa' pożittivament il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Josserva li t-trasport internazzjonali bl-ajru għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis mis-sehem tas-suq tal-UE u ż-żieda enormi fin-numru ta' passiġġieri li nġarru mit-trasportaturi tal-Golf u Torok li sar a skapitu tal-kumpaniji Ewropej bħal Alitalia;

4.  Ifakkar li, għalkemm l-impjiegi fil-Lazjo ġew affettwati mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja f'livell inqas mill-impjiegi fil-livell nazzjonali, kull żieda addizzjonali fil-qgħad tpoġġi taħt pressjoni s-sistema ta' benefiċċji tal-CIG(6);

5.  Josserva li, sal-lum, is-settur tad-diviżjoni 51 tan-NACE Rev. 2 (Trasport bl-ajru) kien is-suġġett ta' applikazzjoni għall-FEG oħra(7) li wkoll kienet ibbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ;

6.  Jilqa' pożittivament l-enfasi fuq il-miżuri fil-qasam tat-tiftix ta' impjiegi u tat-taħriġ proposti mill-awtoritajiet Taljani, inkluża l-iskema tal-impjieg mill-ġdid speċifika għall-ħaddiema ssensjati ta' età ta' 50 sena jew aktar;

7.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' April 2015, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

8.  Jinnota li l-azzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG - l-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, tagħrif u pubbliċità, kontroll u rappurtaġġ - jirrappreżentaw sehem relattivament għoli tal-ispejjeż totali (3,99 %);

9.  Jiddispjaċih li minn 1 249 benefiċjarju eleġibbli 184 biss (14,7 %) huma fil-mira tal-miżuri proposti - li jirrapreżenta proporzjon baxx ħafna tat-totalità tal-impjegati ssensjati;

10.  Japprezza li l-184 benefiċjarju kollha fil-mira mistennija jibbenefikaw mis-servizzi personalizzati;

11.  Jinnota li l-Italja qiegħda tippjana ħames tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) reklutaġġ u valutazzjoni tal-ħiliet, (ii) appoġġ attiv għat-tiftix ta' impjieg, (iii) taħriġ, (iv) rimborż tal-ispejjeż għall-mobilità, u (v) benefiċċji ta' reklutaġġ ta' persuni li għandhom iktar minn 50 sena;

12.  Jinnota li l-allowances u l-inċentivi huma limitati għall-ispejjeż ta' mobilità u għall-benefiċċji ta' reklutaġġ u se jibqgħu taħt l-ammont massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati, kif stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG;

13.  Jilqa' favorevolment il-benefiċċji ta' reklutaġġ għall-ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena; iqis li l-mod li bih il-benefiċċji ta' pagament huma differenzjati se jinċentiva r-reklutaġġ tal-ħaddiema kkonċernati b'kundizzjonijiet aħjar;

14.  Josserva li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, mal-aġenziji akkreditati li joffru appoġġ għat-tiftix ta' impjieg kif ukoll mal-ħaddiema;

15.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-aġenziji akkreditati li jfornu lill-ħaddiema appoġġ attiv għat-tiftix ta' impjieg jitħallsu fuq il-bażi tar-riżultati li jiksbu;

16.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

17.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

18.  Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jenfasizza li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkunx tista' tokkorri duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

19.  Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, wara t-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

20.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (Applikazzjoni EGF/2015/004 IT/Alitalia)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1870.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(6)Il-Cassa Integrazione Guadagno (CIG) hija benefiċċju maħsub biex jiżgura ċertu livell ta' dħul lill-ħaddiema li ma jkunux tħallew jwettqu l-kompiti tagħhom. Il-CIG tiġi attivata fil-każ tat-tnaqqis ta' attivitajiet ta' produzzjoni jew it-twaqqif tagħhom, minħabba ristrutturar, riorganizzazzjoni ta' impriża, kriżi korporattiva jew proċeduri ta' likwidazzjoni li għandhom konsegwenzi serji fuq is-suq tax-xogħol fil-livell lokali. Il-CIG hija għodda li tipprevjeni lill-ħaddiema milli jingħataw is-sensja billi tħalli lill-impriżi jaħarbu mill-kost lavorattiv temporanjament mhux meħtieġ, filwaqt li jistennew li jissoktaw l-attivitajiet tal-produzzjoni normali. Madankollu, il-CIG ħafna drabi hija preludju għall-mobilità.
(7)EGF/2013/014 FR Air France (COM(2014)0701).


Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp
PDF 399kWORD 126k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (2015/2004(INI))
P8_TA(2015)0336A8-0232/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Lulju 2014 mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport adottat fit-8 ta' Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra r-"Rapport dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju għall-2014" tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) li saret fil-Belt tal-Messiku, ta' April 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Dialogue on localizing the Post-2015 Development Agenda" (Djalogu dwar il-lokalizzazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015) imħejji mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), mill-Global Taskforce(2) u mill-UN-HABITAT, tal-31 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2014 tal-Grupp tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDG) bit-titolu "Delivering the Post-2015 Development Agenda: opportunities at the national and local levels" (Realizzazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015: opportunitajiet fil-livelli nazzjonali u lokali),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar l-Iżvilupp Uman tal-UNDP bit-titolu "Sustaining Human Progress: Reducing Vulnerabilities and Building Resilience" (Sostenn għall-progress uman: innaqqsu l-vulnerabbiltajiet u nibnu r-reżiljenza),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Aġenda għal wara l-2015,

–  wara li kkunsidra l-"Gender Chart 2012" tan-NU, li tkejjel it-titjib fl-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992 u r-rapport tal-Konferenza ta' segwitu tiegħu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro, il-Brażil, mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2013 tal-Grupp ta' Livell Għoli tan-NU ta' Persuni Eminenti dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2012 tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 tan-NU lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, bit-titolu, "Realising the future we want for all" (Realizzazzjoni tal-futur li rridu għal kulħadd),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan, il-Korea t'Isfel, f'Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas ġuridiku tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għall-Azzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(3) u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp" (COM(2013)0280),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(5) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jerġa' jafferma li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 bit-titolu "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva"(COM(2014)0335),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014, bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014, ġabra ta' għodda bit-titolu, "A right-based approach, encompassing all human rights for EU development Cooperation" (Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-27 ta' Frar 2013 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" (COM(2013)0092),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu, "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni "(COM(2012)0492),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' pożizzjoni tal-UE bit-titolu "Lejn Qafas tal-iżvilupp wara l-2015", li saru mill-15 ta' Ġunju sal-15 ta' Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2008, bit-titolu "L-Awtoritajiet Lokali: Atturi għall-iżvilupp" (SEC(2008)2570),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew"(6),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp f'appoġġ għal governanza lokali mnedija matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fis-16 ta' Novembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu, "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012 bit-titolu "Żieda fl-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta' Frar 2015 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "Il-Pakkett tar-Rebbiegħa: Pjan ta' Azzjoni tal-UE biex jitwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' April 2009 bit-titolu "L-Awtoritajiet Lokali: Atturi għall-Iżvilupp",

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(7),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju - definizzjoni tal-qafas wara l-2015(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta AKP-UE dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 tal-20 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0232/2015),

A.  billi l-awtoritajiet lokali (AL), inkwantu huma l-atturi statali u istituzzjonali essenzjali għall-finijiet tal-governanza lokali, tal-affermazzjoni tad-demokrazija ta' bażi, ta' żvilupp sostenibbli bbażat fuq il-parteċipazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali u l-espressjoni demokratika tagħhom, se jkollhom rwol essenzjali x'jiżvolġu fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta' wara l-2015;

B.  billi l-AL jiżvolġu rwol fundamentali fid-definizzjoni, fl-organizzazzjoni u fil-ksib tal-objettivi tal-iżvilupp;

C.  billi l-AL jirrappreżentaw ħolqa b'saħħitha bejn il-komunità u l-objettivi nazzjonali u lokali fl-aġenda għal wara l-2015;

D.  billi l-AL jiżvolġu rwol fundamentali fis-salvagwardja tal-popolazzjonijiet vulnerabbli fl-Istati fraġli fi kriżi u fil-pajjiżi b'introjtu intermedju;

E.  billi l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli globali l-ġdid joffri opportunità biex ikun żgurat l-involviment wiesa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), tal-awtoritajiet lokali u tal-parlamenti nazzjonali; billi r-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u tal-OSĊ hija assolutament essenzjali biex tkun garantita governanza korretta, trasparenti u responsabbli;

F.  billi l-UE kienet ferm involuta fis-sostenn favur l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li tagħti kontribut fit-tnaqqis tal-faqar u fil-ksib tal-MDGs iżda anki tintegra l-governanza demokratika fil-livell lokali;

G.  billi r-rappreżentanti tal-gvernijiet sottonazzjonali u tal-awtoritajiet lokali taw il-kontribut tagħhom fis-sessjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ (OWG) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u t-Taskforce Globali mexxa konġuntament mal-UNDP u l-UN-Habitat il-konsulatazzjonijiet fi ħdan in-NU dwar il-"Lokalizzazzjoni tal-Aġenda għal wara l-2015";

H.  billi r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 tenna l-bżonn li l-aġenda għall-iżvilupp il-ġdida tkun trasformattiva, universali, inċentrata fuq in-nies u mibnija fuq il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; billi s-Segretarju Ġenerali għamel appell biex is-sħubijiet innovattivi, li jinkludu lill-awtoritajiet lokali, ikunu l-atturi ewlenin li jimplimentaw din l-aġenda fl-eqreb livell taċ-ċittadini;

I.  billi l-aktar objettivi u sfidi kritiċi fl-aġenda għall-iżvilupp globali għal wara l-2015 se jiddependu mill-azzjoni lokali u minn sħubijiet b'saħħithom;

J.  billi, skont il-projezzjonijiet, il-popolazzjoni dinjija se tikber minn madwar 7 biljun ruħ sa 9,3 biljuni sal-2050, u l-maġġor parti ta' dan it-tkabbir mistenni jsir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fiż-żoni urbani; billi l-urbanizzazzjoni eċċessiva qiegħda tgħarraq is-sostenibbiltà tal-iżvilupp fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

K.  billi żewġ biljun u nofs abitanti urbani ġodda se jkollhom bżonn aċċess għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għall-impjiegi, għall-ikel, għas-sanità, għat-trasport, għall-alloġġi u għall-elettriku; billi dan jagħti lok għal sfidi kruċjali għal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-muniċipalitajiet inkarigati mill-forniment ta' dawn is-servizzi;

L.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Rio tenfasizza li l-popli indiġeni u l-komunitajiet tagħhom jiżvolġu rwol vitali fil-ġestjoni ambjentali u fl-iżvilupp; billi l-gvernijiet imisshom jirrikonoxxu u jsostnu debitament l-identità, il-kultura u l-interessi tagħhom, u jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli;

M.  billi t-tnaqqis tal-faqar mhuwiex omoġenju u l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom, li żdiedu kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, jirrappreżentaw sfida importanti għall-iżvilupp;

N.  billi l-kunflitti vjolenti u l-kriżijiet umanitarji għadhom jfixklu l-isforzi tal-iżvilupp; billi l-kategoriji vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-anzjani, ibatu aktar il-konsegwenzi tal-kunflitti militari u tal-kriżijiet u l-awtoritajiet lokali huma l-atturi fundamentali li jinsabu quddiem nett fil-prevenzjoni u fil-ġestjoni tal-kunflitti;

O.  billi għadhom meħtieġa aktar sforzi sabiex il-perċentwal ta' persuni li qed ibatu l-ġuħ jonqos bin-nofs, peress li 162 miljun tifel u tifla huma f'riskju ta' nutrizzjoni ħażina; billi l-ġuħ moħbi jista' jiġi definit bħala nuqqas ta' mikronutrijenti, li jista' jikkawża effetti irreversibbli fuq is-saħħa u konsegwenzi soċjoekonomiċi marbuta mat-tnaqqis fil-produttività tal-persuni;

P.  billi t-tibdil fil-klima u d-degrad ambjentali jpoġġu f'riskju t-tnaqqis tal-faqar u jirrappreżentaw sfida ċentrali għall-awtoritajiet lokali peress li jinħassu l-ewwel nett fost il-popolazzjonijiet lokali

Q.  billi jeħtieġ li jinħolqu aktar impjiegi ġodda u dinjitużi sabiex jiġi indirizzat it-tkabbir demografiku fuq skala globali; billi s-settur privat jikkostitwixxi ġeneratur importanti ta' impjiegi, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, u b'hekk jista' jkun sieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar;

R.  billi l-għajnuna għadha tiżvolġi rwol fundamentali fit-tnaqqis tal-faqar u tirrappreżenta fattur ta' tibdil fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi trid tiġi mmirata aħjar biex tissodisfa l-esiġenzi tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; billi l-għajnuna waħedha mhijiex biżżejjed u għalhekk jeħtieġ li jintużaw finanzjamenti innovativi;

S.  billi l-mobilizzazzjoni ta' finanzi internazzjonali, pubbliċi u privati se tkun kruċjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli lokali;

T.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, inkwantu l-akbar donaturi uffiċjali ta' għajnuna għall-iżvilupp, iżda wkoll l-entitajiet ewlenin li jiddefinixxu l-politiki u l-atturi fil-qasam tal-kooperazzjoni deċentralizzata, għandhom għalhekk jibqgħu l-forza li tixpruna matul il-fażi li jmiss tan-negozjati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

U.  billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp;

I.L-awtoritajiet lokali bħala atturi tal-iżvilupp u r-rwol tal-Unjoni Ewropea

1.  Ifakkar li s-Sħubija ta' Busan toffri forum f'espansjoni għall-atturi l-ġodda fil-qasam tal-iżvilupp bħall-atturi lokali u reġjonali;

2.  Jenfasizza li l-linji gwida l-ġodda tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtoritajiet lokali u r-rikonoxximent tar-rwol tagħhom bħala partijiet statali interessati jirrappreżentaw pass 'il quddiem importanti fl-aġenda ta' żvilupp il-ġdida tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jevidenzja n-neċessità li dawn il-linji gwida l-ġodda jissarrfu b'mod konkret fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea kemm f'termini tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FES) kif ukoll tal-Istrument tal-tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

4.  Jenfasizza li l-ippjanar strateġiku fil-livell nazzjonali u lokali huwa assolutament fundamentali għall-promozzjoni u għall-integrazzjoni tat-tliet dimensjonijiet ewlenin tal-iżvilupp: id-dimensjoni soċjali, dik ekonomika u dik ambjentali;

5.  Jilqa' pożittivament is-sostenn mogħti lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali permezz tal-linja tematika tal-awtoritajiet lokali u partikolarment is-sostenn lit-tisħiħ tal-istrutturi tal-koordinament tal-awtoritajiet lokali f'livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali u t-twaqqif ta' sħubija f'livell tal-UE;

6.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' ftehimiet ta' sħubija bejn l-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'oqsma bħat-taħriġ u l-kapaċità umana biex jinħolqu aktar benefiċċji u ppjanar ambjentali aħjar;

7.  Iqis li dawn l-istrutturi ta' koordinament jiżvolġu rwol essenzjali f'termini ta' sostenn tekniku u metodoloġiku għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet lokali billi jkun faċilitat l-iskambju ta' kompetenzi bil-għan li jiġi aġevolat il-proċess ta' deċentralizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi bażiċi; jirrappreżentaw ukoll l-interfaċċja adegwata għad-djalogu politiku u biex isemma' leħen l-awtoritajiet lokali fil-livelli kollha tal-governanza;

8.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tippromwovi l-kooperazzjoni deċentralizzata bħala mezz biex timplimenta l-qafas ta' żvilupp ta' wara l-2015; jitlob, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tibddel lid-deċentralizzazzjoni f'settur ta' konċentrazzjoni finanzjarja tal-istrumenti finanzjarji tagħha ta' għajnuna esterna, l-ewwel nett dwar fl-ambitu tal-istrument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-FEŻ, u ssaħħaħ l-interventi tagħha intiżi li jinkludu lill-awtoritajiet lokali bħala atturi sħaħ fl-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ fil-livell tal-pajjiżi sħab, tar-reġjuni jew tal-għajnuna settorjali u baġitarja; jistieden lill-Istati Membri jħallu fil-programmi ta' żvilupp tagħhom spazju xieraq lill-awtoritajiet lokali, billi jikkoordinaw azzjonijiethom ma' dawk tal-Kummissjoni u ta' Stati Membri oħrajn;

II.Djalogu politiku, mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u rendikont

9.  Jissottolinja l-bżonn li jkun żgurat trasferiment aktar ġust ta' riżorsi finanzjarji f'livell nazzjonali lejn dak subreġjonali, tal-bliet u muniċipali;

10.  Jissottolinja l-bżonn, fil-kuntest tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni ta' bħalissa, li l-Istati nazzjonali jiġu inkoraġġiti jittrasferixxu parti mir-riżorsi tal-baġit nazzjonali lejn livelli tal-gvernijiet reġjonali u lokali; iqis, għal dan il-għan, li għandu jingħata sostenn akbar fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet finanzjarji u tal-baġit tal-awtoritajiet lokali, partikolarment permezz tal-għaqdiet tagħhom;

11.  iqis bħala essenzjali li parti mis-sostenn tal-baġit Ewropew tkun allokata għall-finanzjament tal-awtoritajiet lokali;

12.  Jinsisti fuq il-varar ta' djalogu politiku effettiv mal-awtoritajiet lokali fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea, b'tali mod li titħalla l-valutazzjoni tal-progress attwali, tad-diffikultajiet u tal-prospettivi ta' tisħiħ tal-effikaċja tal-għajnuna f'livell lokali;

13.  Jitlob li dan id-djalogu jkun istituzzjonalizzat billi jsir riferiment għall-istrutturi ta' koordinament eżistenti fid-diversi oqfsa ta' kooperazzjoni;

III.Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-MDGs: lezzjonijiet meħudin

14.  Jissottolinja li l-MDGs urew ir-rwol fundamentali li jiżvolġu l-awtoritajiet lokali fil-ġlieda kontra l-faqar u fl-għoti tas-servizzi tal-komunità, bħall-ilma u s-sanità, l-assistenza sanitarja primarja u l-edukazzjoni;

15.  Jilqa' favorevolment it-tixrid tal-inizjattivi deċentralizzati ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u għall-użu tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn il-bliet;

16.  Jissottolinja l-bżonn li jiġu allokati riżorsi addizzjonali lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet deċentralizzati bil-għan li jkunu jistgħu joffru servizzi pubbliċi ta' kwalità, jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u jibnu l-koeżjoni soċjali;

17.  Jiddispjaċih li l-MDGs ma tawx biżżejjed kas tal-importanza tad-dimensjoni lokali tal-iżvilupp, kif ukoll li l-programmi ta' żvilupp ma jħaddnux biżżejjed id-dimensjoni kulturali, li tirrappreżenta komponent indispensabbli għall-fehim tal-kuntest lokali; jitlob li jittieħed kont tad-dimensjoni kulturali fl-istrateġiji lokali, nazzjonali u internazzjonali mmirati lejn it-tnaqqis tal-faqar;

18.  Jiddispjaċih li l-MDGs attwali huma nieqsa minn ċarezza f'dak li għandu x'jaqsam mal-adegwament tal-objettivi globali għad-dinamika nazzjonali u lokali;

IV.Id-definizzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015: sfidi u opportunitajiet

19.  Iqis li l-proċedura għal wara l-2015 għandha toffri viżjoni ċara għal implimentazzjoni tal-eżiti ta' Rio+20 li tirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali;

20.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu definiti objettivi u indikaturi affidabbli għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li jkunu jaqblu mal-kuntesti, mal-esiġenzi u mat-tħassib tal-popolazzjonijiet lokali; jistieden lill-UE ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u tieħu f'kunsiderazzjoni l-kompetenzi tagħhom f'SDGs oħrajn;

21.  Jistieden lill-UE tkompli tagħti attenzjoni partilolari lill-awtoritajiet lokali fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fil-flussi finanzjarji tal-iżvilupp; jenfasizza li dan ikun jesiġi proċess ta' parteċipazzjoni reali, imwettaq fil-fażijiet inizjali tal-iżvilupp u għalhekk jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta u msaħħa l-għajnuna pubblika deċentralizzata; jissottolinja l-bżonn li l-parteċipazzjoni aktar intensiva tiġi żgurata fid-definizzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp;

22.  Jitlob lill-Unjoni tiżgura li l-awtoritajiet lokali jkunu rappreżentati aħjar fin-negozjati internazzjonali għall-adozzjoni tal-aġenda ta' wara l-2015, fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp u fil-konferenza internazzjonali dwar il-klima COP21;

23.  Jistieden lill-UE tkompli tappoġġa objettiv awtonomu għall-bliet u għall-insedjamenti umani;

V.Il-bżonn ta' sħubija globali effikaċi mġedda (mal-OSĊ, mas-settur privat, eċċ.)

24.  Jistieden lill-UE tagħti l-kontribut tagħha biex issaħħaħ is-sħubijiet b'diversi partijiet interessati u tillokalizza l-implimentazzjoni tal-aġenda għal wara l-2015;

25.  Jagħmel appell għal definizzjoni u qsim ċari tar-responsabbiltajiet fost is-sħab;

VI.Sħubijiet mas-settur privat

26.  Ifakkar li s-settur pubbliku se jkun attur fundamentali biex jagħmel possibbli u biex jimplimenta l-aġenda ta' żvilupp il-ġdida u jissottolinja li l-mobilizzazzjoni tad-dħul pubbliku u t-tisħiħ tas-sistema fiskali bbażata fuq il-kapaċità kontributtiva f'termini ta' taxxi miċ-ċittadini u fuq rimunerazzjoni ġusta ta' ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali se jkunu elementi essenzjali għall-finijiet tal-effikaċja;

27.  Itenni l-bżonn li jiġi appoġġat it-tinbit ta' klassi medja permezz tal-promozzjoni tal-imprenditorija privata, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa;

28.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu responsabbilizzati l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju lokali fil-ħolqien tal-impjiegi u jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, partikolarment bis-saħħa ta' politiki pubbliċi-privati;

29.  Itenni l-bżonn li jiġu implimentati mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi u definiti salvagwardji soċjali u ambjentali obbligatorji;

VII.Sħubija mas-soċjetà ċivili

30.  Iqis li l-aġenda għall-iżvilupp għall wara l-2015 għandha bżonn tbiddel ir-rwol u l-impatt tal-OSĊ; jemmen li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-OSĊ billi jistitwixxu mekkaniżmi ta' djalogu regolari, bil-għan li jkunu biżżejjed effikaċi ħalli jirċievu rispons pożittiv mingħand is-soċjetà ċivili;

VIII. Sostenn għar-responsabbiltà nazzjonali u għall-konsolidament tal-kapaċitajiet

31.  Jenfasizza li l-gvernijiet għandhom ikunu responsabbli kemm quddiem il-partijiet interessati nazzjonali kif ukoll quddiem il-komunità internazzjonali;

32.  Jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u tal-promozzjoni tad-djalogi bejn diversi partijiet interessati bil-għan li jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-kulturi lokali, tal-popli indiġeni, tal-migranti u tal-minoranzi;

33.  Iqis li jeħtieġ isir sforz qawwi biex tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jagħtu servizzi pubbliċi;

34.  Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-governanza tajba f'livell lokali permezz tal-promozzjoni tal-prinċipji ta' responsabbilizzazzjoni, ġestjoni tajba, trasparenza, parteċipazzjoni, reattività u preminenza tal-liġi;

35.  Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' pjattaformi ta' konsultazzjoni lokali fil-qafas tal-ippjanar tal-baġit;

36.  Jisħaq fuq il-bżonn urġenti ta' riforma tas-servizzi uffiċjali inkarigati mill-ġbir tad-data;

IX.Popli indiġeni u ppjanar tal-iżvilupp

37.  Jissottolinja li l-popolazzjonijiet indiġeni għandhom ikunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-pjani ta' żvilupp u ta' investiment lokali u territorjali;

38.  Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u lill-awtoritajiet lokali: (a) isaħħu l-leġiżlazzjoni lokali bil-għan li jistabbilixxu r-rikonoxximent tal-arranġamenti tradizzjonali fil-qasam tal-pussess tal-art; (b) jikkooperaw mal-awtoritajiet tradizzjonali fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali; (c) jaffrontaw il-kwistjonijiet ta' ġeneru u interġenerazzjonali li jeżistu fost il-popli indiġeni; (d) jipproteġu l-konoxxenzi indiġeni; (e) isaħħu l-kapaċità tal-popli indiġeni biex jipparteċipaw fl-ippjanar tal-iżvilupp;

X.Trasferiment tat-teknoloġija

39.  Jenfasizza li l-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali għandhom joħolqu ambjenti favorevoli għat-trasferiment tat-teknoloġiji;

40.  Iqis li tali kooperazzjoni għandha wkoll tinkludi investimenti fuq terminu itwal;

XI.Bliet u insedjamenti umani

41.  Jilqa' favorevolment il-mobilizzazzjoni u l-impenn tal-bliet Afrikani fil-qafas tat-tħejjjia tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Alloġġ u l-Iżvilupp Sostenibbli Habitat III; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssostni dawn il-proċessi ta' mobilizzazzjoni u tipprevedi fil-pjani ta' sħubija tagħha sostenn għall-ġestjoni ta' proċessi ta' urbanizzazzjoni sostenibbli;

42.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-OWG biex jinkludi għan indipendenti rigward l-iżvilupp urban sostenibbli;

43.  Jissottolinja l-importanza li jkun adottat approċċ territorjali biex jiġu affrontati kwistjonijiet bħall-immaniġġjar tal-iskart u l-faqar urban, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-azzjoni awtonoma taċ-ċittadini, il-governanza inklużiva u parteċipattiva, id-disinn ta' infrastrutturi innovattivi, il-forniment ta' servizzi, il-ġestjoni tal-art, il-kontribut tal-bliet lit-tibdil ambjentali globali, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri naturali u l-impatt tal-bliet stess fuq l-ekosistemi, l-użu tal-enerġija, eċċ.;

44.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati, anki permezz ta' assistenza finanzjarja u teknika;

XII.Governanza tajba u ġlieda kontra l-korruzzjoni

45.  Jenfasizza li biex jiġu garantiti kundizzjonijiet uniformi fit-tassazzjoni tal-kumpaniji lokali u internazzjonali għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu mvinċija l-flussi finanzjarji illeċiti;

46.  Jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni tal-poter hija strument effikaċi biex tkun miġġielda l-korruzzjoni, li toriġina mill-kumpaniji multinazzjonali, u biex tgħin fil-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u twieġeb għall-esiġenzi tan-nies permezz tar-riformi ekonomiċi u soċjali;

XIII. Tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi

47.  Jenfasizza li jeħtieġ jiġu eżaminati mekkaniżmi ta' finanzjament kreattivi u ekwi;

48.  Jisħaq fuq l-importanza kapitali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali f'livell lokali għas-suċċess tal-aġenda ta' wara l-2015, bħala element essenzjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji u tal-politiki ta' żvilupp f'livell kemm lokali kif ukoll nazzjonali; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-bżonn urġenti li jiġu kkonsolidati l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab fil-qasam tat-tassazzjoni muniċipali u tal-ippjanar tal-baġit; japprezza l-introduzzjoni progressiva ta' osservatorji tal-finanzi lokali li jistħoqqilhom aktar sostenn min-naħa tal-Unjoni Ewropea;

49.  Iqis li jirriżulta aktar effikaċi li dak li jkun jopera fuq livell lokali bil-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-popolazzjonijiet, speċjalment fiż-żoni rurali, u waħda mill-isfidi importanti għall-awtoritajiet lokali u nazzjonali tikkonsisti mit-tħeġġiġ tar-reintegrazzjoni progressiva tas-settur informali mingħajr ma tkun skoraġġita l-innovazzjoni;

50.  Jistieden lill-Bank Dinji u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jaġġornaw il-politiki ta' salvagwardja ambjentali u soċjali;

51.  Ifakkar li l-gvernijiet lokali jinsabu fuq quddiem nett biex isibu tarf in-numru dejjem ogħla ta' kriżijiet, iżda fil-maġġoranza tad-drabi tonqsilhom il-kapaċità, kif ukoll il-mezzi, biex jiżviluppaw risposta effikaċi;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-mobilizzazzjoni ta' għejun innovattivi ta' finanzjament għall-kooperazzjoni deċentralizzata, anki permezz ta' strumenti ta' finanzjament imħallat self-għoti, li għadhom mhumiex adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-awtoritajiet lokali;

53.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea ssaħħaħ għalhekk il-baġits tal-finanzjament deċentralizzat indispensabbli għall-iżvilupp lokali;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(2) It-Taskforce Globali tal-Gvernijiet Lokali u Reġjonaligħall-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 lejn HABITAT III.
(3) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(4) Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15.5.2007.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0432.
(6) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(7) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0269.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0283.

Avviż legali - Politika tal-privatezza