– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar il-ħidma tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE(1)
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR) tad-19 ta' Ġunju 2013, id-19 ta' Marzu 2014 u s-17 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, partikolarment dik tat-13 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-vjolenza fir-Repubblika Ċentru-Afrikana tat-28 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar fir-Repubblika Ċentru-Afrikana tad-9 ta' Frar 2015 u tal-20 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra l-kummenti magħmula minn Marie-Therese Keita Bocoum, l-espert indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fl-1 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra s-sejħa mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon u tal-Kunsill ta' Sigurtà tat-28 ta' Settembru 2015, għal tmiem immedjat tal-vjolenza li faqqgħet għall-għarrieda fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru. 2217(2015) tan-NU tat-28 ta' April 2015, li ġġedded il-mandat tal-MINUSCA sat-30 ta' April 2016, fuq l-istess livelli ta' truppi awtorizzati attwalwent, u li ġiet adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tul is-7434 laqgħa tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru. 2196(2015) tan-NU li ġġedded ir-reġim tas-sanzjonijiet kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana sad-29 ta' Jannar 2016 u l-mandat tal-Bord ta' Esperti li qiegħed jassisti il-Kumitat tas-Sanzjonijiet 2127 Repubblika Ċentru-Afrikana sad-29 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Evalwazzjoni tan-NU dwar l-Infurzar u l-Isforzi ta' Għajnuna għal Rimedju għal Sfruttament u Abbuż Sesswali tal-15 ta' Mejju 2015 tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Relatat f'Operazzjonijiet ta' Żamma ta' Paċi,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Indipendenti ta' Livell Għoli dwar Operazzjonijiet ta' Paċi, tal-11 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra ir-Rapport Finali tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tad-19 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali ta' Livell Għoli dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, intitolata "From humanitarian aid to resilience" (Minn għajnuna umanitarja għal reżiljenza) li saret fi Brussell fis-26 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Diżarm, Demobilizzazzjoni, Ripatrijazzjoni u Reintegrazzjoni (DDRR) iffirmat fl-10 ta' Mejju 2015 minn numru kbir ta' gruppi armati tul il-Forum ta' Bangui,
– wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,
– wara li kkunsidrat il-Ftehim ta’ Libreville (il-Gabon) tal-11 ta’ Jannar 2013 dwar ir-riżoluzzjoni tal-kriżi politika-militari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iffirmat taħt l-awspiċi tal-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tmiem tal-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidrat is-summits straordinarji tal-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), li saru fi N’Djamena (iċ-Ċhad) fil-21 ta' Diċembru 2012, fit-3 ta’ April 2013 u fit-18 ta’ April 2013, u d-deċiżjonijiet tagħhom li jistabbilixxu Kunsill Nazzjonali Tranżizzjonali (CNT) b’poteri leġiżlattivi u kostituttivi u li jadottaw pjan direzzjonali għall-proċess tat-tranżizzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Grupp ta’ Kuntatt Internazzjonali tat-3 ta’ Mejju 2013 fi Brazzaville (ir-Repubblika tal-Kongo), li vvalidat il-pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni u stabbilixxiet Fond Speċjali ta' assistenza għar-Repubblika Ċentru-Afrikana,
– wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ġlied iffirmat f'Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-seba' laqgħa tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, li saret fi Brazzaville fis-16 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-komunikati maħruġa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fis-17 ta’ Settembru 2014 u s-26 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana li ġiet adottata mill-Kunsill Transizzjonali fl-aħħar ta' Awwissu 2015,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tal-1998, ratifikat mir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2001,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f’kunflitti armati, li tiegħu r-Repubblika Ċentru-Afrikana hi firmatarja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fi tmiem Settembru 2015, faqqaw kunflitti ġodda li ħallew 42 persuna mejta u li wasslu biex madwar 37 000 persuna ħarbu minn djarhom;
B. billi fl-aħħar ta' Settembru 2015, 'il fuq minn 500 priġunier ħarbu mill-ħabs ta' Ngaragba f'Bangui u minn Bouar, inkluż awturi magħrufa ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi din toħloq theddida serja għall-persuni ċivili u għall-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda; billi l-ħarba mill-ħabs tirrappreżenta intopp għaż-żamma tal-liġi u tal-ordni, u għall-ġlieda kontra l-impunità fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
C. billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji l-kondizzjonijiet tal-aġenziji tal-għajnuna f'Bangui qed imorru għall-agħar; billi bosta uffiċċji u residenzi ta' organizzazzjonijiet ta' sokkors ġew sakkeġġati u l-libertà ta' moviment tal-ħaddiema ġiet imxekkla, speċjalment il-ħaddiema tas-saħħa fl-isptarijiet;
D. billi l-għajnuna umanitarja qed issir diffiċli minħabba l-ġlied u l-bosta barrikati ta' kontroll (roadblocks) li qed ifixklu l-kapaċità tal-awtoritajiet li jiksbu aċċess għall-eluf ta' persuni spustati internament u jivverifikaw il-bżonnijiet tagħhom; billi t-tħassib dwar l-aċċess sikur għal viċinati ta' Bangui kien ikkonfermat mill-Médecins sans Frontières (MSF), li qalu li f'ħafna każijiet il-persuni midruba kienu qegħdin jaslu bil-mixi u l-ambulanzi tal-gruppi kellhom problemi biex jiċċirkolaw peress li kapitali saret perikoluża wisq;
E. billi n-NU ddeċidiet li testendi l-mandat tal-MINUSCA sat-30 ta' April 2016, b'limitu massimu awtorizzat ta' truppi ta' 10 750 persunal militari, inkluż 480 osservatur militari u uffiċjali ta' persunal militari u 2 080 persunal tal-pulizija, inkluż 400 uffiċjal tal-pulizija u 40 uffiċjal korrettiv;
F. billi skont l-missjoni għaż-żamma ta' paċi tan-NU fil-pajjiż (MINUSCA), għalkemm is-sitwazzjoni tas-sigurtà kkalmat dan l-aħħar, għad hemm tensjonijiet f'Bangui, li kienet teatru ta' attakki kontra l-persuni ċivili, vjolenza bejn il-komunitajiet u attakki kontra l-persunal umanitarju;
G. billi l-Kap Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, appella lil dawk involuti fil-ġlied sabiex "jieqfu u jibqgħu lura mill-użu tal-vjolenza b'mod immedjat", u żied ukoll li kwalunkwe delitt ta' gwerra kien ser jiġi kkastigat; billi fl-24 ta' Settembru 2014, infetħet it-tieni investigazzjoni fil-kunflitt fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
H. billi l-ġlied reċenti qed jipperikola proċess ta' paċi li għadu fil-bidu tiegħu uu li jista' jixħet il-pajjiż lura għall-perjodu ikraħ fi tmiem l-2013 u fl-2014 meta nqatlu eluf u għexieren ta' eluf kellhom jaħarbu minn djarhom; billi l-kriminalità tibqa’ theddida ewlenija; billi s-sitwazzjoni tan-nisa fir-Repubblika Ċentru-Afrikana hi gravi ħafna, u billi l-istupru ħafna drabi jintuża bħala arma ta’ gwerra mill-partijiet kollha involuti;
I. billi l-kolp ta' stat tal-2013 u t-tkeċċija mill-poter tal-Kap ta' Stat Tranżizzjonali, Michel Djotodia u tal-Prim Ministru Tranżizzjonali, Nicolas Tiangaye, kien akkumpanjat minn ksur massiċċ u qawwi tad-drittijiet tal-bniedem b'riskju ċar ta' ġenoċidju, inkluż qtil extraġudizzjarju, tortura, serq, atti ta' stupru u abbuż sesswali fuq skala kbira, il-ħtif ta' nisa u tfal u r-reklutaġġ furzat ta' suldati tfal;
J. billi fl-4 ta' Ottubru 2015, iċ-Ċentru-Afrikani kellhom jiddeċiedu permezz ta' referendum dwar l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida u biex fl-istess ħin jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom tul l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li oriġinarjament kienu skedati għat-18 ta' Ottubru 2015 (l-ewwel ċiklu) u t-22 ta' Novembru 2015 (it-tieni ċiklu); billi l-awtoritajiet ta' tranżizzjoni ilhom għal ftit ġimgħat jaħdmu biex jipposponu l-votazzjonijiet, iżda l-Aġenzija Nazzjonali għall-Elezzjonijiet (NSA) kienet għadha ma ħabbritx skeda ġdida, il-listi tal-votazzjonijiet ma kinux stabbiliti u l-iskedi elettorali kienu għadhom ma tqassmux;
K. billi l-pajjiż qed iħabbat wiċċu mal-agħar kriżi umanitarja mindu kiseb l-indipendenza fl-1960, li qed tolqot il-popolazzjoni sħiħa ta’ 4.6 miljun ruħ, li nofshom huma tfal; billi 2.7 miljun ruħ jeħtieġu l-assistenza, inkluża l-għajnuna għall-ikel, il-protezzjoni, u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ilma tajjeb għax-xorb, il-miżuri sanitarji u l-akkomodazzjoni; billi, skont l-istimi, aktar minn 100 000 tifel u tifla ħabbtu wiċċhom ma’ abbuż sesswali u ġew reklutati fi gruppi armati fil-pajjiż, u billi l-istmi juru wkoll li l-kriżi ħalliet miljun tifel u tifla mingħajr skola;
L. billi, fil-5 ta’ Mejju 2015, xi gruppi armati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana laħqu ftehim biex jeħilsu bejn 6 000 u 10 000 suldati tfal;
M. billi l-operazzjoni għaż-żamma tal-paċi ttebbgħet minħabba allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fuq tfal u bniet minn suldati tan-NU u ħaddiema għaż-żamma tal-paċi Franċiżi;
N. billi, kemm il-grupp armat tas-Seleka kif ukoll dak anti-Balaka jagħmlu qligħ mill-kummerċ tal-injam u d-djamanti billi jikkontrollaw is-siti u “jimponu t-taxxi” jew permezz tal-estorsjoni ta’ flus minn dawk li jaħdmu fil-minjieri u l-kummerċjanti biex jingħataw “protezzjoni”, u billi l-kummerċjanti tar-Repubblika Ċentru-Afrikana xtraw djamanti li jiswew diversi miljuni ta’ dollari mingħajr ma investigaw adegwatament jekk kinux qed jiffinanzjaw lill-gruppi armati;
O. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżenta element essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu;
P. billi l-ġustizzja u l-prosekuzzjoni ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem huma fost l-aktar kompiti kritiċi meħtieġa biex jintemmu l-abbużi u tinbena mill-ġdid r-Repubblika Ċentru-Afrikana;
Q. billi l-impunità tibqa’ karatteristika tal-vjolenza, minkejja l-fatt li l-Kunsill Tranżizzjonali u l-President interim kienu protagonisti fl-adozzjoni u l-introduzzjoni fil-liġi ta’ Qorti Kriminali Speċjali magħmula kemm minn imħallfin u prosekuturi nazzjonali kif ukoll internazzjonali, li se jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil min wettaq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana mill-2003 ’l hawn;
R. billi, f’Settembru 2014, l-UE nediet l-ewwel tliet proġetti għall-iżvilupp mill-fond fiduċjarju multidonatur tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-oqsma tas-saħħa, il-ħolqien tal-impjieg, ir-riabilitazzjoni tal-infrastruttura li ġġarfet f’Bangui, u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa kif ukoll l-inklużjoni ekonomika tagħhom;
S. billi, f’Marzu 2015, il-Kunsill Ewropew skjera l-missjoni konsultattiva militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUMAM RCA) intiża biex tappoġġa l-awtoritajiet Ċentru-Afrikani fit-tħejjija ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà fir-rigward tal-forzi armati;
T. billi minn Mejju 2015 ’l hawn l-UE żiedet l-għajnuna tagħha għar-Repubblika Ċentru-Afrikana b’total ta’ EUR 72 miljun, inklużi riżorsi għall-għajnuna umanitarja (b’EUR 10 miljuni f’finanzjament ġdid), appoġġ baġitarju (b’EUR 40 miljun addizzjonali) u kontribuzzjoni ġdida lill-Fond Fiduċjarju tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUR 22 miljun);
U. billi, fil-15 ta’ Lulju 2014, l-UE nediet l-ewwel fond fiduċjarju multidonatur tagħha b’sostenn għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, intiż biex jippermetti t-tranżizzjoni minn reazzjoni għal emerġenza għal għajnuna għall-iżvilupp fit-tul;
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, li tista’ twassal lill-pajjiż f’xifer gwerra ċivili jekk ma tiġix ikkontrollata l-aktar vjolenza reċenti; jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet u jesprimi s-simpatija tiegħu lill-familji tal-vittmi u lill-popolazzjoni sħiħa tar-Repubblika Ċentru-Afrikana;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra l-organizzazzjonijiet umanitarji u r-residenzi waqt l-aħħar episodji ta’ vjolenza; jappella biex ikun possibbli l-moviment liberu tal-ħaddiema umanitarji biex ikunu jistgħu jilħqu persuni ċivili fil-bżonn, speċjalment il-popolazzjoni spostata; ifakkar li kważi nofs miljun ruħ spostati internament jeħtieġu ikel, kura tas-saħħa, ilma, miżuri sanitarji u iġjene, kenn u oġġetti domestiċi bażiċi b’urġenza;
3. Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana sabiex jiffokaw fuq il-ġlieda kontra l-impunità u fuq l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt, anki billi jżommu responsabbli quddiem il-ġustizzja lil min hemm wara din il-vjolenza; jilqa’ l-ħolqien ta’ Qorti Kriminali Speċjali biex tinvestiga u tressaq quddiem il-liġi lil min wettaq ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż mill-2003 ’l hawn, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti biex din tibda ħidmietha; jisħaq li l-appoġġ finanzjarju u tekniku huma essenzjali għall-funzjonament tagħha; jitlob li ssir laqgħa tad-donaturi internazzjonali mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana sabiex jadottaw proċedura ta’ reklutaġġ trasparenti u effiċjenti għall-persunal tal-Qorti;
4. Ifaħħar lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali għar-rwol kruċjali tagħha fl-istabbiliment tal-proċess ta’ tranżizzjoni u għall-pożizzjoni soda li ħadet waqt il-konsultazzjonijiet f'Addis Ababa fil-31 ta’ Jannar 2015 fir-rigward ta’ kull inizjattiva parallela li tista’ tikkomprometti l-isforzi attwali tal-komunità internazzjonali biex jerġa' jkun hemm il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
5. Jilqa’ l-isforzi li saru s’issa mill-Gvern tranżizzjonali, iżda jitlob lill-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u lill-komunità internazzjonali biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin li wasslu għall-kriżi, bħal pereżempju l-faqar mifrux, id-disparitajiet u l-inugwaljanzi ekonomiċi, il-qgħad li dejjem jiżdied, u n-nuqqas ta’ ridistribuzzjoni tal-ġid mir-riżorsi naturali tal-pajjiż permezz tal-baġit tal-istat; jitlob li jsir approċċ komprensiv li jiffoka fuq is-sigurtà, l-għajnuna umanitarja, l-istabbilizzazzjoni u l-irkupru ekonomiku;
6. Jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġa l-proċess politiku fir-Repubblika Ċentru-Afrikana f’dan iż-żmien kritiku u ttejjeb l-isforzi komuni sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu politiku, tinbena l-fiduċja u tiġi żgurata koeżistenza paċifika bejn il-komunitajiet reliġjużi fil-pajjiż; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex iqis bħala prijorità r-rikostruzzjoni tas-sistema edukattiva, bil-għan li jiffaċilita koeżistenza paċifika fit-tul;
7. Jiddeplora l-fatt li minkejja li n-NU ddikjarat embargo fuq l-armi, it-tisħiħ tal-milizzji għadu għaddej; jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw il-ftehim dwar id-diżarm kif iffirmat fl-10 ta’ Mejju 2015; jisħaq li d-diżarm tal-gruppi armati jrid ikun prijorità assoluta, speċjalment qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u ġenerali li għandhom isiru fir-Repubblika Ċentru-Afrikana qabel tmiem din is-sena;
8. Iħeġġeġ lill-Unjoni Afrikana u lill-Unjoni Ewropea biex jużaw il-miżuri u l-għodod xierqa kollha biex jgħinu lill-Gvern tranżizzjonali jegħleb l-implożjoni ta’ stat li diġà huwa fraġli, l-eskalazzjoni interetnika u l-qawwa kontinwa tal-milizzji rivali, u jagħmel it-tranżizzjoni lejn stat li jiffunzjona u li hu wkoll inklużiv u demokratiku, b’mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront;
9. Jilqa’ t-twaqqif tal-Forum ta’ Bangui għar-rikonċiljazzjoni u l-paċi, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni mingħajr kundizzjonijiet tal-mexxejja politiċi, militari u reliġjużi kollha kif ukoll tal-komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili; jinsisti li l-elezzjonijiet demokratiċi jridu jseħħu;
10. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-atturi internazzjonali oħra biex jagħmlu ħilithom biex jappoġġaw l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet kif previst fil-pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni, b’mod partikolari billi jikkontribwixxu għall-programm ta’ assistenza elettorali immexxi mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), b’tali mod li l-elezzjonijiet ikunu jistgħu jsiru qabel tmiem din is-sena, u b’hekk jissodisfaw element ewlieni tal-pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni;
11. Ittenni l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tar-Repubblika Ċentru-Afrikana; ifakkar fl-importanza tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni mingħajr indħil minn barra;
12. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lin-NU, lill-forza għaż-żamma tal-paċi ‘MINUSCA’, u lill-kontinġent militari Franċiż ‘Sangaris’ qabel l-elezzjonijiet li għandhom isiru qabel tmiem din is-sena; jikkundanna bil-qawwa kull tentattiv li jiskoraġġixxi l-isforzi li għaddejjin lejn l-istabbiltà;
13. Ifakkar li l-perijodu ta’ tranżizzjoni ser jintemm fit-30 ta’ Diċembru 2015; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, bl-appoġġ tal-MINUSCA u l-forzi Sangaris, biex jerġgħu jġibu l-kalma fil-pajjiż, u b’mod aktar partikolari f’Bangui, bil-għan li jiġi rrispettat bl-aħjar mod possibbli l-kalendarju elettorali;
14. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-missjoni konsultattiva militari tal-UE (EUMAM RCA), u t-tnedija ta’ proġetti li jimmiraw li jistabbilixxu mill-ġdid il-kapaċitajiet tal-pulizija u l-ġendarmerija għas-sorveljanza tal-komunità u l-kontroll tal-irvellijiet, jistabbilixxu mill-ġdid iċ-ċentru tal-kmand operattiv konġunt, isaħħu l-ġudikatura, u jirriabilitaw il-faċilitajiet tal-ħabs;
15. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kollha kontra t-tfal u n-nisa, u jħeġġeġ lill-milizzji u l-gruppi armati mhux statali biex iċedu l-armi tagħhom, iwaqqfu kull forma ta’ vjolenza u jeħilsu minnufih lit-tfal minn taħt idejhom; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jimpenjaw ruħhom biex iħarsu d-drittijiet tat-tfal u jipprevjenu ksur u abbużi ulterjuri fuq it-tfal; iħeġġeġ li l-bniet u n-nisa li huma vittmi ta’ stupru fil-kuntest ta’ kunflitt armat għandhom jiġu offruti firxa sħiħa ta’ servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;
16. Iħeġġeġ lill-kummerċjanti tad-djamanti tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex juru diliġenza, u lill-kumpaniji internazzjonali tad-djamanti biex jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-Proċess ta' Kimberley fil-katina tal-provvista tad-djamanti mir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-kumpaniji barranin biex jgħinu fit-tisħiħ tal-governanza fis-settur tal-estrazzjoni billi jirrispettaw l-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi;
17. Jistieden lill-kumpaniji tad-djamanti internazzjonali jħarsu mill-qrib lejn l-oriġini tad-djamanti sabiex jevitaw milli jkebbsu l-kunflitt billi jixtru djamanti mir-Repubblika Ċentru-Afrikana li jkunu ġew estratti u nbiegħu b’mod illeċitu; iħeġġeġ lill-kumpaniji Ewropej li jkunu qed jinnegozjaw ma’ kumpaniji li jaqtgħu s-siġar tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex jirrispettaw ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam, u jistieden lill-UE tinforza b’mod qawwi r-Regolament tagħha dwar l-Injam fir-rigward tal-importaturi tal-injam mir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
18. Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jiżviluppaw strateġija b’responsbilità nazzjonali bil-għan li jindirizzaw l-isfruttament u n-netwerks illegali tat-traffikar ta’ riżorsi naturali;
19. Iħeġġeġ lill-pajjiżi li s-suldati tagħhom huma responsabbli għall-abbuż sesswali waqt li kienu fuq missjonijiet għaż-żamma tal-paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana biex iżommuhom responsabbli u jressquhom quddiem il-ġustizzja, peress li l-impunità ma tistax tiġi ttollerata; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti għal riforma tal-istrutturi għaż-żamma tal-paċi billi jiġi stabbilit mekkaniżmu trasparenti u li jiffunzjona għas-sorveljanza u l-obbligu ta' rendikont; huwa konvint li delitti gravi bħal dawn jistgħu jitnaqqsu u jiġu evitati wkoll permezz tat-taħriġ u l-edukazzjoni;
20. Iħeġġeġ lir-Repubblika Ċentru-Afrikana, l-istati ġirien tagħha u stati membri oħra tal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR) biex jikkooperaw fil-livell reġjonali sabiex jinvestigaw u jiġġieldu kontra n-netwerks kriminali u l-gruppi armati reġjonali involuti fil-kuntrabandu u l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali, inkluż id-deheb u d-djamanti kif ukoll il-kaċċa illegali u t-traffikar tal-annimali u l-pjanti slavaġ;
21. Jistieden lill-UE tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha biex tipprovdi assistenza kkoordinata aħjar u aktar effikaċi lin-nies tar-Repubblika Ċentru-Afrikana; jilqa’, fl-istess ħin, iż-żieda fl-impenn umanitarju tal-UE u tal-Istati Membri mar-Repubblika Ċentru-Afrikana fid-dawl tal-ħtiġijiet li dejjem qed jevolvu; jisħaq li l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tingħata lil dawk fil-bżonn fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll lir-rifuġjati fil-pajjiżi ġirien;
22. Jiddeplora l-qerda tal-arkivji u r-reġistri pubbliċi min-naħa tal-milizzji; iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġa l-istabbiliment mill-ġdid tar-reġistru pubbliku tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll tipprevjeni kwalunkwe irregolarità elettorali;
23. Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lil donaturi oħra, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-fond fiduċjarju għal Bêkou, li l-għan tiegħu hu li jippromwovi l-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, b’kont meħud tal-ħtieġa li l-programmi ta’ rikostruzzjoni/żvilupp ikunu kkollegati aħjar mar-rispons umanitarju;
24. Jistieden lill-UE, l-Unjoni Afrikana u l-komunità internazzjonali biex jagħtu sostenn lil dawk li sabu rifuġju fil-pajjiżi ġirien mir-Repubblika Ċentru-Afrikana;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-awtoritajiet tal-Gvern tranżizzjonali tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS), lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tajlandja, b'mod partikulari dawk tal-20 ta' Mejju 2010(1), tas-6 ta' Frar 2014(2) u tal-21 ta' Mejju 2015(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-2 ta' April 2015 dwar l-iżviluppi fit-Tajlandja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mid-Delegazzjoni tal-UE fit-Tajlandja, bi qbil mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE fit-Tajlandja, fl-14 ta' Novembru 2014, fit-30 ta' Ġunju 2015 u fl-24 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tajlandja tat-23 ta' Ġunju 2014,
– wara li kkunsidrat t-tweġiba tal-15 ta' Mejju 2013 minn dik li kienet Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, f'isem il-Kummissjoni, dwar ir-reazzjoni ta' Andy Hall,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-istampa maħruġa fl-1 ta' April 2015 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni,
– wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tat-Tajlandja li tressaq quddiem il-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, tal-5 ta' Ottubru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li t-Tajlandja hi parti firmatarja tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-20 ta' Mejju 2014, il-militar tal-istat waqqa' l-Gvern tat-Tajlandja u impona liġi marzjali madwar in-nazzjon, u bhekk sforza l-isfaxxar tas-Centre for Administration of Peace and Order (Ċentru għall-Aministrazzjoni tal-Paċi u l-Ordni);
B. billi l-forzi militari ħolqu l-Kunsill Nazzjonali għall-Paċi u l-Ordni (NCPO - National Council for Peace and Order), li l-mexxej tiegħu, il-Ġeneral Prayuth Chan-ocha, se jeżerċita s-setgħat kollha u awtorità illimitata biex jinħarġu ordnijiet u tiġi istitwita riforma kostituzzjonali;
C. billi l-korpi kostituzzjonali ewlenin imwaqqfa mill-NCPO huma kkontrollati mill-persunal militari, u billi l-membri tal-NCPO igawdu minn immunità sħiħa għal kwalunkwe azzjoni mhux korretta, responsabilità jew affidabilità meta jkunu impjegati abbażi tat-Taqsimiet 44 u 47 tal-kostituzzjoni interim;
D. billi fid-29 ta' Awwissu 2015 il-Kumitat tal-Kostitwenti kkumpletaw l-abbozz tal-kostituzzjoni l-ġdida, li ġie rrifjutat mill-Kunsill Nazzjonali għar-Riforma fis-6 ta' Settembru 2015; billi l-kumitat ġdid tal-kostitwenti għandu jerġa' jfassal il-kostituzzjoni fi żmien 180 jum, u billi l-aħħar rifjut jista' jtawwal l-iggvernar militari fil-pajjiż;
E. billi l-websajts ewlenin dwar is-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tajlandja ġew inkarigati mill-NCPO jheddu s-sigurtà nazzjonali skont it-Taqsima 44 tal-kostituzzjoni interim, u billi hemm ċensura severa ta' kanali tat-televixin u l-istazzjonijiet tar-radju komunitarji assoċjati mal-fazzjonijiet politiċi nazzjonali kollha;
F. billi l-Att dwar Assemblej Pubbliċi adottat reċentement, li daħal fis-seħħ fl-14 ta' Awwissu 2015, jirrestrinġi serjament id-dritt tal-assemblea u jimponi sentenzi iebsa ta' massimu ta' 10 snin ħabs għal delitti bħall-ostakolar tas-servizzi pubbliċi, pereżempju;
G. billi l-persunal militari ġew maħtura bħala 'uffiċjali għall-paċi u ż-żamma tal-ordni' sabiex iżommu persuni b'mod arbitrarju, iwettqu inkjesti u jeżegwixxu tiftix mingħajr mandat;
H. billi l-parteċipanti fi protesti paċifiċi ripetutament ġew akkużati b'sedizzjoni u ksur tal-liġi, u billi ġew arrestati 14-il attivista mill-NDM (Neo-Democracy Movement - Moviment Neo-Demokratiku);
I. billi l-piena tal-mewt għadha qed tiġi applikata fit-Tajlandja, u billi leġiżlazzjoni ġdida wessgħet iċ-ċirkostanzi li fihom din tista' tiġi imposta;
J. billi kien hemm żieda fl-arresti skont il-liġi ta' lèse-majesté minn meta twettaq il-kolp ta' stat;
K. billi l-NHRC (National Human Rights Commission - Kunsill Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem) iċċaħħadlu l-aċċess għal individwi torturati jew trattati ħażin miżmuma f'arrest permanenti mingħajr akkuża jew proċess, taħt l-awtorità tal-qrati militari;
L. billi kien hemm peġġorament fis-sigurtà tal-attivisti lokali komunitarji u tad-drittijiet tal-proprjetà sa mill-kolp;
M. billi t-Tajlandja mhijiex parti firmatarja għall-Konvenzjoni tar-Refuġjati 1951 u l-Protokoll tagħha tal-1967, u m'għandhiex qafas nazzjonali formali dwar l-asil; billi l-awtoritajiet Tajlandiżi għadhom qed jirritornaw ir-rifuġjati u lil min ifittex l-asil lejn pajjiżi fejn dawn jistgħu jiffaċċjaw persekuzzjoni;
N. billi t-Tajlandja hija obbligata taħt it-trattati internazzjonali li hija firmatarja għalihom li tinvestiga u tagħmel prosekuzzjoni adegwata ta' tortura, imwiet fil-ħabsijiet u ksur ieħor serju allegat tad-drittijiet tal-bniedem;
O. billi l-każ ta' diffamazzjoni kriminali kontra d-difensur tad-drittijiet tal-ħaddiema Andy Hall, ċittadin tal-UE, ġie skartat, iżda billi huwa għadu jiffaċċja akkużi ta' kriminalità tal-kompjuter u każijiet ta' diffamazzjoni u żewġ każijiet ta' diffamazzjoni ċivili, li jistgħu jirriżultaw f'sentenza ta' ħabs ta' seba' snin u miżati ta' bosta miljuni ta' dollari, wara li kkontribwixxa f'rapport ta' Finnwatch li jallega abbużi tax-xogħol minn bejjiegħ bl-ingrossa tal-pineapple Tajlandiż, minkejja l-fatt li ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema mill-kumpanija ġie kkonfermat mill-Ministeru Tajlandiż tax-Xogħol u minn impjegat tal-kumpanija matul seduti preċedenti fil-qrati; billi l-kż tiegħu se jinstema' fid-19 ta' Ottubru 2015;
P. billi, minkejja t-Tajlandja rratifikat il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Organizzazzjoni tax-Xogħol Nru 29, il-ħaddiema migranti igawdu minn ftit li xejn protezzjoni; billi t-traffikar tal-ħaddiema jikkostitwixxi problema kbira; billi s-sitwazzjoni fis-settur tas-sajd hija partikolarment inkwetanti;
Q. billi l-UE iffriżat negozjati li kienu qed isiru mat-Tajlandja għal Ftehim Kummerċjali Liberu (FTA) bilaterali, li bdew fl-2013, u billi hija tirrifjuta li tiffirma l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), finalizzat f'Novembru 2013 sakemm ikun hemm stabbilit gvern demokratiku; billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tat-Tajlandja;
1. Jilqa' l-impenn qawwi tal-UE lejn il-poplu Tajlandiż, li miegħu l-UE għandha rabtiet b'saħħithom u dejjiema politiċi, ekonomiċi u kulturali; jenfasizza li l-UE, bħala ħabiba u sieħba tat-Tajlandja, ripetutament talbet biex jiġi stabbilit mill-ġdid il-proċess demokratiku;
2. Jinsab imħasseb ħafna madankollu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tajlandja wara l-kolp illegali ta' Mejju 2014;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jissospendu r-restrizzjonijiet ripressivi fuq id-dritt għal-libertà u l-eżerċizzju paċifiku ta' drittijiet tal-bniedem oħra, b'mod partikolari dwak b'rabta mal-involviment paċifiku fl-attivitajiet politiċi;
4. Jitlob lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jirrevokaw kundanni u sentenzi, jirtiraw akkużi u jilliberaw individwi u operaturi tal-midja li ġew sentenzjati jew akkużati talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom għal libertà tal-espressjoni jew assemblea; jitlob lill-gvern biex jirrevoka immedjatament it-Taqsima 44 tal-kostituzzjoni interim u dispożizzjonijiet relatati li jservu bħala bażi biex l-awtoritajiet Tajlandiżi jirreprimu libertajiet fundamentali u jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'impunità;
5. Jitlob lill-awtoritajiet Tajlandiżi jgħinu biex jiġi pprevenut theddid għas-sigurtà li jaffettwa lill-popolazzjoni b'mod ġenerali, u jindirizzaw aħjar it-tħassib ta' membri tal-komunità u ta' attivisti tad-drittijiet tal-proprjetà;
6. Jitlob lill-awtoritajiet Tajlandiżi jibdew mill-iktar fis it-trasferiment politiku tas-setgħat mill-awtoritajiet militari għal dawk ċivili; jieħu nota tal-pjan ċar għal elezzjonijiet liberi u ġusti u jitlob biex l-iskeda taż-żmien tiġi rispettata;
7. Iġeġġeġ it-trasferiment ta' kull ġurisdizzjoni ġudizzjarja fuq iċ-ċivili mill-qrati militari għal dawk ċivili, u biex jintemm l-arrest arbitrarju taħt il-liġi marzjali, u miżuri li jirrestrinġu minflok isaħħu s-setgħat tal-armata li jarrestaw ċivili;
8. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iqisu mill-ġdid il-liġi tal-lèse-majesté sabiex tiġi pprevenuta penalizzazzjoni tal-eżerċizzju paċifiku tal-espressjoni politika, u jissospendu l-użu estensiv ta' din il-liġi fir-rigward ta' kwistjonijiet mhux konnessi;
9. Jitlob li d-dritt għas-sigurtà, inkluż dak tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, jiġi rispettat u protett, u li kull ksur tad-drittijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiġi investigat malajr, b'mod effettiv u indipendenti;
10. Jieħu nota tal-ħatra mill-Gvern Tajlandiż tal-Kumitat għall-Abbozzar tal-Kostituzzjoni il-ġdid biex titfassal kostituzzjoni ġdida mill-iktar fis; jitlob li jkun hemm kostituzzjoni ibbażata fuq prinċipji demokratiċi bħall-ugwaljanza, il-libertà, ir-rappreżentanza ġusta, it-trasparenza, ir-responsabilità, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-aċċess pubbliku għar-riżorsi;
11. Jitlob lill-Gvern Tajlandiż jissokta bl-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tiegħu fir-rigward tal-indipendenza tas-settur ġudizzjarju, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-assemblea paċifika, u l-pluraliżmu politiku, speċjalment fid-dawl tas-severità dejjem ikbar tal-liġijiet tiegħy kontra d-diffamazzjoni;
12. Jieħu nota mill-miżuri meħuda mill-Gvern Tajlandiż biex ikun konformi mal-istandards minimi għall-qirda tat-traffikar u biex tintemm l-iskjavitù endemika taż-żminijiet moderni fil-katina tal-provvista tas-settur tiegħu tas-sajd; iħeġġeġ lill-gvern biex jimplimenta dawn il-miżuri bħala kwistjoni ta' urġenza, u biex iżid l-isforzi tiegħu;
13. Jitlob lit-Tajlandja tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni tar-Refuġjati tal-1951 jew il-Protokoll tagħha tal-1967;
14. Iħeġġeġ lit-Tajlandja tieħu passi konkreti lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;
15. Jilqa' bis-saħħa l-approvazzjoni tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tat-Tajlandja, li jagħti sinjali ta' ġejjieni iktar inklużiv għat-trattament, min-naħa tal-pajjiż skont il-liġi, tal-persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru (LGBT);
16. Jilqa' d-deċiżjoni li jiġi rrifjutat il-każ ta' diffamazzjoni kriminali kontra Andy Hall, u dwar ir-rilaxx sussegwenti tiegħu; jitlob biex il-każijiet ta' kriminalità tal-kompjuter u ta' diffamazzjoni kriminali mibdija kontrih fil-Qorti Kriminali tan-Nofsinhar ta' Bangkok jitwaqqgħu wkoll, billi l-azzjonijiet tiegħu bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem kienu immirati biex jesponu każijiet ta' traffikar tal-bnedmin u biex tittejjeb is-sitwazzjoni legali tal-ħaddiema migranti fit-Tajlandja, li jikkonferma d-dritt tiegħu li jwettaq riċerka u appoġġ mingħajr biża' ta' tpattija; jesprimi t-tħassib tiegħu, fir-rigward tal-każijiet ta' diffamazzjoni ċivili, li l-proċess tiegħu jista' ma jkunx kompletament imparzjali, billi kien hemm rapporti dwar konnessjonijiet ta' sjieda bejn il-kumpanija li qed tħarrek u politiċi Tajlandiżi ta' livell għoli; jitlob lid-Delegazzjoni tal-UE biex tibqa' ssegwi s-sitwazzjoni legali tiegħu mill-qrib u tattendi l-proċess tiegħu;
17. Jilqa' l-liberazzjoni fl-1 ta' Settembru 2015 mill-Qorti Provinċjali ta' Phuket tal-ġurnalisti Chutima ‘Oi’ Sidasathian u Alan Morison;
18. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, u lill-UE b'mod partikolari, biex jivestu l-isforzi tagħhom kollha fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-ħidma taħt skjavitù u l-migrazzjoni furzata permezz ta' appoġġ tal-kollaborazzjoni internazzjonali dwar il-monitoraġġ u l-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta ma' kwistjonijiet ta' xogħol;
19. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Gvern Tajlandiż jagħtu bidu għal djalogu kostruttiv dwar kwistjonijiet relatati mal-proċessi ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u demokratizzazzjoni fit-Tajlandja u fir-reġjun; itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' demokratizzazzjoni fit-Tajlandja;
20. Jappoġġa lill-Kummissjoni u lis-SEAE fiż-żamma ta' pressjoni ekonomika u politika sabiex jiġi żgurat ir-ritorn tat-Tajlandja lejn governanza demokratika; ifakkar lill-Gvern Tajlandiż, b'rabta ma' dan, li ma jista' jsir ebda progress dwar l-FTA u l-FSK bejn l-UE u t-Tajlandja sakemm il-ġunta militari tibqa' fil-poter;
21. Jilqa' r-rwol ġdid tat-Tajlandja bħala koordinatur tal-pajjiżi għar-relazzjonijiet ASEAN-UE għall-2015-2018; jirrimarka dwar il-benefiċċji reċiproċi li kemm l-ASEA kif ukoll l-UE igawdu minnhom permezz tal-kooperazzjoni ta' bejniethom;
22. Jitlob lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE, kif ukoll lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, biex jagħmlu użu mill-istrumenti kollha disponibbli biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fit-Tajlandja, b'mod partikolari billi jibqgħu josservaw investigazzjonijiet u seduti ta' smigħ fi proċessi ta' mexxejja tal-oppożizzjoni;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tajlandja, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.
L-ispostar tal-massa tat-tfal fin-Niġerja bħala riżultat tal-attakki tal-Boko Haram
361k
93k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-ispostar tal-massa tat-tfal fin-Niġerja bħala riżultat tal-attakki tal-Boko Haram (2015/2876(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, b’mod partikolari dawk tas-17 ta’ Lulju 2014(1) u t-30 ta’ April 2015(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, tad-19 ta' Jannar, tal-31 ta' Marzu, tal-14 u l-15 ta' April, u tat-3 ta’ Lulju 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-28 ta’ Lulju 2015,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-President Muhammadu Buhari lill-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-28 ta’ Settembru 2015, u lis-summit tan-NU għall-ġlieda kontra t-terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, adottata fil-31 ta’ Ottubru 2000,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana (OAU) dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal tal-1990,
– wara li kkunsidra l-Att dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2003, iffirmat bħala liġi mill-Gvern Federali tan-Niġerja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll Addizzjonali, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju tal-UE ta’ Emerġenza għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-ksur u l-abbużi mwettqa mill-Boko Haram u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi milquta, tad-29 ta’ Settembru 2015; wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b’delitti tal-gwerra,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-Niġerja, li għandha l-akbar popolazzjoni u l-ikbar ekonomija fl-Afrika, hija kkaratterizzata minn diversità etnika u diviżjonijiet reġjonali u reliġjużi u maqsuma bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar b’inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali gravi, mill-2009 saret il-kamp tal-battalja tal-grupp terroristiku Iżlamiku Boko Haram leali lejn id-Da’esh; billi l-grupp terroristiku sar theddida dejjem akbar għall-istabbiltà tan-Niġerja u r-reġjun tal-Punent tal-Afrika; billi l-forzi tas-sigurtà Niġerjani sikwit użaw forza eċċessiva u wettqu abbużi waqt l-operazzjonijiet militari ta’ kontra s-sedizzjoni;
B. billi mill-inqas 1 600 ċivil inqatlu mill-Boko Haram f’dawn l-aħħar erba’ xhur, biex b’hekk l-għadd ta’ mwiet ta’ ċivili fl-2015 biss s’issa tela’ għal mill-inqas 3 500;
C. billi minn mindu bdiet is-sedizzjoni tal-Boko Haram, l-azzjonijiet immirati ta’ dan il-grupp kontra t-tfal tal-iskola fiż-żona ħallew lit-tfal mingħajr aċċess għall-edukazzjoni: 10,5 miljun tifel u tifla tal-età tal-iskola primarja fin-Niġerja ma jmorrux l-iskola; skont il-UNESCO, din hi l-ogħla ċifra ta’ tfal barra mill-iskola fid-dinja; bħall-Al Shabaab fis-Somalja, AQIM, MUJAO u Ansar Dine fit-Tramuntana tal-Mali u t-Taliban fl-Afganistan u l-Pakistan, il-Boko Haram jattakka lit-tfal u n-nisa li qegħdin jedukaw ruħhom;
D. billi minkejja avvanzi mill-forzi armati Niġerjani u reġjonali, l-attakki u l-attakki bil-bombi suwiċida, li qegħdin jiżdiedu u li jestendu lil hinn mill-fruntiera tal-pajjiż f'pajjiżi ġirien, qegħdin jheddu l-istabbiltà u l-għajxien ta' miljuni ta' nies fir-reġjun kollu; billi t-tfal jinsabu f’periklu kritiku minħabba s-sitwazzjoni umanitarja li qiegħda teħżien, b’insigurtà tal-ikel li qiegħda tiggrava u aċċess fqir għall-edukazzjoni, ilma tajjeb għax-xorb u servizzi tas-saħħa;
E. billi skont in-NU, il-vjolenza fl-istati ta’ Borno, Yobe u Adamawa dan l-aħħar wasslet biex l-għadd ta’ persuni spostati internament żdied drammatikament għal 2,1 miljuni, li 58 % minnhom huma tfal, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni; billi aktar minn 3 miljun ruħ intlaqtu mis-sedizzjoni, u 5,5 miljuni għandhom bżonn ta’ assistenza umanitarja fil-Baċin tal-Lag taċ-Chad;
F. billi n-Niġerja rnexxielha torganizza elezzjonijiet presidenzjali u governattivi li fil-parti l-kbira kienu paċifiċi, minkejja li l-Boko Haram hedded li se jostakola l-votazzjoni; billi n-Niġerja u l-pajjiżi ġirien tagħha ħolqu Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) fil-11 ta' Ġunju 2015 f’Abuja, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda f'Niamey f’Jannar 2015 dwar il-ġlieda kontra Boko Haram;
G. billi mill-2009 ’l hawn il-Boko Haram ħataf aktar minn 2 000 mara u tifla fin-Niġerja, fosthom 276 tifla tal-iskola minn Chibok fil-Grigal tal-pajjiż fl-14 ta’ April 2014, att li kexkex lid-dinja kollha u wassal għal kampanja internazzjonali ("Bring Back Our Girls") biex jiġu salvati; billi aktar minn sena u nofs wara, ’il fuq minn 200 minnhom għadhom ma nstabux;
H. billi minn dakinhar ’l hawn ħafna aktar tfal ġew irrappurtati nieqsa, jew inkella nħatfu jew ġew reklutati biex iservu bħala ġellieda jew ħaddiema domestiċi, waqt li l-bniet ikunu soġġetti għall-istupru u ż-żwieġ furzat jew imġiegħla jsiru Musulmani; billi minn April tal-2015, xi 300 tifla oħra li ġew salvati mill-forzi tas-sigurtà Niġerjani minn fortizzi tat-terroristi u madwar 60 oħra li rnexxielhom jaħarbu lil min kien qiegħed iżommhom iddeskrivew il-ħajja tagħhom lill-organizzazzjoni Human Rights Watch bħala esperjenza ta’ vjolenza u terrur ta’ kuljum, apparti l-abbużi fiżiċi u psikoloġiċi; billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitt Armat, il-kunflitt armat fil-Grigal tan-Niġerja tul is-sena li għaddiet kien wieħed mill-aktar qattiela fid-dinja fir-rigward tat-tfal, b’każijiet ta’ qtil, għadd jiżdied ta’ każijiet ta’ reklutaġġ u użu tat-tfal, u ħafna każijiet ta’ ħtif u vjolenza sesswali kontra l-bniet; billi l-UNICEF tgħid li aktar minn 23 000 tifel u tifla kellhom iħallu lill-ġenituri tagħhom u djarhom minħabba l-vjolenza, u jaħarbu biex isalvaw ħajjithom, jew lejn partijiet oħra tan-Niġerja stess jew inkella lejn il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer;
I. billi l-parti l-kbira tat-tfal li jgħixu fil-kampijiet għal persuni spostati internament u f’kampijiet tar-rifuġjati tilfu lil ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma (maqtula jew mitlufa), kif ukoll lil ħuthom jew qraba oħra; billi minkejja li għadd ta’ organizzazzjonijiet umanitarji nazzjonali u internazzjonali qegħdin joperaw fil-kampijiet, l-aċċess għad-drittijiet bażiċi għal ħafna minn dawn it-tfal – bħan-nutrizzjoni, il-kenn (iffollat iżżejjed u kundizzjonijiet sanitarji ħżiena), is-saħħa u l-edukazzjoni – għadu verament fqir;
J. billi fis-subreġjun (in-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer), hemm mill-inqas 208 000 tifel u tifla mingħajr aċċess għall-edukazzjoni, waqt li 83 000 m’għandhomx aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, u 23 000 tifel u tifla fil-Grigal tan-Niġerja spiċċaw mifruda minn qrabathom;
K. billi żdiedu l-attakki mill-Boko Haram fin-Niġerja, kif ukoll fil-pajjiżi ġirien tal-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer; billi l-Boko Haram għadu qiegħed jaħtaf it-tfal u n-nisa biex iġorru tagħmir splussiv, u jużawhom, mingħajr ma jgħarrfuhom, biex iwettqu attakki suwiċida bil-bombi; billi xi wħud minn dawk li fittxew rifuġju man-naħa Chadjana tal-Lag taċ-Chad kienu għal darb’ oħra fil-mira tal-istess terroristi fiċ-Ċad;
L. billi f’Ġunju 2015 l-UE pprovdiet EUR 21 miljun f’għajnuna umanitarja għall-persuni spostati fin-Niġerja u f’pajjiżi ġirien milquta mill-vjolenza ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi;
M. billi l-UNICEF, flimkien mal-gvernijiet u s-sħab fin-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer, qiegħda żżid l-operazzjonijiet tagħha biex tassisti eluf ta' tfal u l-familji tagħhom fir-reġjun billi tipprovdi aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, edukazzjoni, servizzi ta' konsulenza’ u appoġġ psikoloġiku kif ukoll tilqim u trattament għall-malnutrizzjoni akuta gravi; billi l-UNICEF din is-sena irċeviet 32 % biss tal-USD 50,3 miljun meħtieġa għar-rispons umanitarju tagħha fir-reġjun tal-Lag Chad;
N. billi numru ta' nisa u tfal maħtufa li ħarbu jew ġew salvati jew meħlusa rritornaw id-dar tqal jew fi bżonn urġenti ta' kura tas-saħħa riproduttiva u materna, u oħrajn għandhom nuqqas ta' aċċess għal skrinjar tas-saħħa ta' wara l-istupru, kura post-trawmatika, appoġġ soċjali u konsulenza relatat mal-istupru, skont il-Human Rights Watch; billi l-Kummissjoni ddikjarat li meta t-tqala tikkawża tbatija insopportabbli lin-nisa huma għandhom ikollhom aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva bbażati fuq il-kundizzjoni medika tagħhom, u b'hekk affermat li d-dritt internazzjonali umanitarju għandu jipprevali fi kwalunkwe każ;
1. Jikkundanna bil-qawwa d-delitti ta' Boko Haram, inklużi attakki terroristiċi u attakki bil-bombi suwiċida fiċ-Chad, fil-Kamerun u fin-Niġer; jappoġġa lill-vittmi u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji kollha li tilfu l-għeżież tagħhom; jiddenunzja l-vjolenza bla waqfien li għaddejja fl-istati Niġerjani ta’ Borno, Yobe u Adamawa u fi bliet oħra fil-pajjiż;
2. Jikkundanna l-atti li wasslu għall-ispostament tal-massa ta' tfal innoċenti u jappella għal azzjoni internazzjonali koordinata immedjata biex tassisti l-ħidma tal-aġenziji tan-NU u tal-NGOs biex tipprevjeni li tfal u żgħażagħ spostati jkunu soġġetti għal skjavitù sesswali, forom oħra ta' vjolenza sesswali u ħtif u milli jkunu sfurzati f'kunflitt armat kontra miri ċivili, governattivi u militari fin-Niġerja mis-setta terroristika Boko Haram; jenfasizza l-ħtieġa fundamentali li jiġu protetti kif xieraq id-drittijiet tat-tfal fin-Niġerja, pajjiż li 40 % tat-total tal-popolazzjoni hija ta' taħt l-14-il sena;
3. Jemmen li fil-każijiet ta' tfal li preċedentement kienu assoċjati mal-Boko Haram jew gruppi armati oħra, għandhom jitqiesu miżuri mhux ġudizzjarji bħala alternattivi għall-prosekuzzjoni u d-detenzjoni;
4. Jilqa' t-tħabbira reċenti mill-Kummissjoni ta’ fondi addizzjoni sabiex jagħtu spinta lill-għajnuna umanitarja urġenti lir-reġjun; jesprimi, madankollu, tħassib serju dwar id-disparità bejn l-impenji u l-pagamenti mill-komunità internazzjoni b'mod ġenerali għall-operazzjonijiet tal-UNICEF fir-reġjun; jistieden lid-donaturi jonoraw l-impenji tagħhom mingħajr dewmien sabiex jindirizzaw il-bżonn kroniku għall-aċċess għall-fornimenti bażiċi bħall-ilma għax-xorb, il-kura tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni;
5. Jistieden lill-President tan-Niġerja u lill-Gvern Federali tiegħu, li ġie maħtur reċentement, jadottaw miżuri sodi sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili, jpoġġu enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, u jpoġġu d-drittijiet tan-nisa u t-tfal bħala prijorità fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, jipprovdu għajnuna lill-vittmi u jipproċedu kontra dawk li jiksrul-liġi, u jiżguraw il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
6. Jistieden lill-Gvern Niġerjan iniedi, kif imwiegħed mill-President Buhari, investigazzjoni urġenti, indipendenti u b’reqqa tad-delitti skont id-dritt internazzjonali u ta' ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem mill-parijiet kollha fil-kunflitt;
7. Jilqa' l-bidla fit-tmexxija tal-militar u jitlob li l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tad-delitti mwettqa kemm mit-terroristi u mill-forzi tas-sigurtà Niġerjani jkunu investigati sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' responsabbiltà osservata taħt il-presidenza preċedenti; jilqa' l-wegħda tal-President Buhari li jinvestiga evidenza li l-forzi militari Niġerjani wettqu ksur sejru tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra u atti li jistgħu jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità;
8. Iħeġġeġ lill-President tar-Repubblika Federali jindirizza l-isfidi involuti biex jirrispetta l-wegħdiet tal-kampanja kollha u d-dikjarazzjonijiet reċenti, l-aktar importanti fosthom hija dik li jegħleb it-theddida terroristika, li jagħmel ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju pilastru ċentrali tal-operazzjonijiet militari, li jġib lura l-bniet ta’ Chibok u n-nisa u t-tfal l-oħra kollha maħtufa ħajjin u mhux imweġġgħin, jindirizza l-problema li dejjem qiegħda tiżdied ta' malnutrizzjoni, u jiġġieled il-korruzzjoni u l-impunità sabiex jiskoraġġixxi abbużi fil-ġejjieni u jaħdem għall-ġustizzja għal kull vittma;
9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-komunità internazzjonali taħdem flimkien mill-qrib u żżid l-isforsi sabiex treġġa' lura x-xejra kontinwa lejn aktar spostament ta' persuni; jilqa' d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta' Niamey fl-20 u l-21 ta' Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipanti, b'mod partikolari l-impenn taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun u n-Niġer, fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram; jistieden lit-Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) tosserva d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali bir-reqqa fl-operazzjonijiet tagħha kontra l-Boko Haram; itenni li approċċ militari waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġġieled s-sedizzjoni mill-Boko Haram;
10. Ifakkar li l-oriġini tal-Boko Haram għandhom l-għeruq tagħhom f'ilmenti dwar governanza fqira, korruzzjoni estensiva u inugwaljanza qawwija fis-soċjetà Niġerjana; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jeliminaw il-korruzzjoni, il-ġestjoni ħażina u l-ineffiċjenzi fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fl-armata, u jippromwovu tassazzjoni ġusta; jappella għall-adozzjoni ta' miżuri li jaqtgħu s-sorsi tal-introjtu illegali tal-Boko Haram, permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;
11. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tgħin lin-Niġerja u l-pajjiżi ġirien li jospitaw ir-refuġjati (il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer) biex jipprovdu l-assistenza kollha medika u psikoloġika meħtieġa lil dawk fil-bżonn; jappella lill-awtoritajiet fis-subreġjun jiżguraw li jiffaċilitaw l-aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva lin-nisa u lill-bniet li ġew stuprati, skont l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; jenfasizza l-bżonn li jiġi implimentat standard universali għat-trattament ta' vittmi ta' stupru waqt gwerra u żgurata is-supremazija tad-dritt umanitarju f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jesprimi s-simpatija kollha tiegħu man-nisa u t-tfal li ssopravivew it-terroriżmu għami mwettaq mill-Boko Haram; jappella għall-istabbiliment ta' programmi edukattivi speċjalizzati mmirati għan-nisa u tfal li huma vittmi ta' gwerra u għas-soċjetà b'mod globali, sabiex jgħinuhom jegħlbu t-terrur li esperjenzaw, jagħtuhom informazzjoni xierqa u komprensiva, li jiġġieldu kontra l-istigmi u l-esklużjoni soċjali u li jgħinhuom isiru membri denji tas-soċjetà;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-assistenza għat-tfal u żgħażagħ spostati fin-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer, b'attenzjoni partikolari għall-protezzjoni minn kull forma ta' vjolenza ħarxa u relatata mal-ġeneru u dwar l-aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għall-ilma tajjeb għax-xorb fi ħdan il-qafas tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u persuni spostati fl-Afrika;
13. Jistieden lill-Gvern Niġerjan jieħu l-miżuri biex jiffaċilita r-ritorn ta' persuni spostani, speċjalment tfal, jiġġarantixxi s-sigurtà tagħhom, u jassisti lill-NGOs fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet fil-kampijiet għall-persuni spostati mill-kunflitt, fost oħrajn, billi jipprovdi iġene u sanità biex jipprevjeni l-possibbiltà ta' tixrid ta' mard;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri,l lil-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, u lir-rappreżentanti tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Unjoni Afrikana.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċendenti tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-każ tas-Sur Raif Badawi, mill-Arabja Sawdija(1) u tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq(2);
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottati f'Ġunju 1998, u l-verżjoni riveduta u aġġornata ta' April 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari dik tat-18 ta’ Diċembru 2014 dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt fid-dinja (A/RES/69/186),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-22 ta' Settembru 2015 mill-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-każ ta' Ali Mohammed al-Nimr,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jiddikkjara d-dritt ta' kulħadd għal-libertà tal-espressjoni, u l-Artikolu 4 li jipprojbixxi t-tortura,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem adottati f'Ġunju 2004 u riveduti f'Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha l-Arabja Sawdija hija parti,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħha l-Arabja Sawdija hi parti, b'mod partikolari l-Artikolu 32(1) tagħha, li tiggarantixxi d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà ta' opinjoni u tal-espressjoni u l-Artikolu 8 tagħha, li jipprojbixxi tortura fiżika jew psikoloġika u trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor,
– wara li kkunsidra l-każ addizzjonali reċenti ta' kundanna għall-qtugħ ir-ras tat-tieni minorenni, Dawoud al-Marhoon, li, fl-età ta' 17-il sena, allegatament kien ittorturat u mġiegħel jiffirma konfessjoni li l-uffiċjali użaw biex jikkundannawh wara li kien arrestat matul protesti fil-Provinċja tal-Lvant tal-Arabja Sawdija f'Mejju 2012;
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Ali Mohammed al-Nimr, ta' 21 sena u neputi ta' dissident prominenti tal-gvern, kien ikkundannat għall-piena kapitali f'Mejju 2015, skont kif rappurtat għal qtugħ ir-ras segwit minn kruċifissjoni mill-Qorti Suprema tal-Arabja Sawdija fuq akkużi kriminali inklużi sedizzjoni, irvell, protesti, serq u li jagħmel parti minn ċellula terroristika f'Mejju 2015; billi Ali al-Nimr kien għad ma kellux 18-il sena - u għalhekk minorenni - meta kien arrestat waqt li kien qed jipprotesta għad-demokrazija u d-drittijiet ugwali fl-Arabja Sawdija; billi hu kien ikkundannat għall-mewt waqt protesti fil-Provinċja prinċipalment Xiita tal-Lvant tal-Arabja Sawdija; billi kien allegat minn sorsi affidabbli li Ali al-Nimr kien ittorturat u mġiegħel jiffirma l-konfessjoni tiegħu; billi hu ġie mċaħħad minn kull garanzija ta' proċess sikur u proċess legali xieraq f'konformità mad-dritt internazzjonali;
B. billi l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq xi ħadd li kien għadu minorenni meta saret l-offiża u dan wara allegazzjonijiet ta' tortura hi inkompatibbli mal-obbligi internazzjonali tal-Arabja Sawdija;
C. billi l-projbizzjoni ta' tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti hi inkluża fl-istrumenti internazzjonali u reġjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, u tikkostitwixxi regola tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, li hi għalhekk vinkolanti fuq l-istati kollha, indipendentement minn jekk ikunux irratifikaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti;
D. billi ż-żieda fl-għadd ta' sentenzi tal-mewt hi marbuta sew mas-sentenzi tal-Qorti Kriminali Speċjalizzat tal-Arabja Sawdija fi proċessi bħala rispons għal offiżi relatati mat-terroriżmu; billi skont l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-inqas 175 eżekuzzjoni twettqu bejn Awwissu 2014 u Ġunju 2015 fl-Arabja Sawdija;
E. billi dan il-każ hu wieħed minn ħafna li fih sentenzi kiefra kif ukoll fastidju intużaw kontra attivisti Saudi li ġew ippersegwitati għaliex esprimew il-fehmiet tagħhom, diversi minnhom ġew ikkundannati, skont proċeduri li huma 'l bogħod minn standards internazzjonali dwar proċessi ġusti, kif ġie kkonfermat mill-Kummissarji Għoli preċedenti tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Lulju 2014;
F. billi l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikkjara li kull bniedem għandu dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni kemm online kif ukoll offline; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà għall-opinjoni mingħajr xkiel u li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta’ kwalunkwe midja u irrispettivament mill-fruntieri;
G. billi l-Ambaxxatur tal-Arabja Sawdija għan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra, l-E.T. Faisal bin Hassan Trad, kien maħtur President ta' panel ta' esperti indipendenti fuq il-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
H. billi l-ftuħ tad-djalogu bejn ir-Renju tal-Arabja Sawdija (KSA) u l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem jista' jkun pass kostruttiv biex jissaħħaħ il-fehim reċiproku u jiġu promossi riformi fil-pajjiż inkluża r-riforma tal-ġudikatura;
I. billi l-Arabja Sawdija hi attur politiku u ekonomiku influenti u importanti fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Afrika ta' Fuq;
1. Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza ta' Ali Mohammed al-Nimr għall-piena tal-mewt; itenni l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġa bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fir-rigward tal-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija u b'mod partikolari l-Majestà Tiegħu r-Re tal-Arabja Sawdija Salman bin Abdulaziz Al Saud biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta' Ali Mohammed al-Nimr u jagħti maħfra jew ibiddel is-sentenza; jistieden lis-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jużaw l-għodda diplomatika kollha tagħhom u l-isforzi tagħhom biex immedjatament iwaqqfu din l-eżekuzzjoni;
3. Ifakkar lir-Renju tal-Arabja Sawdija li hi parti statali għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal reati li jsiru minn persuna taħt it-18-il sena;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jabolixxu l-Qorti Kriminali Speċjalizzata, li ġiet stabbilita fl-2008 biex tipproċessa l-każijiet tat-terroriżmu iżda kulma jmur aktar bdiet tħarrek lil dissidenti paċifiċi fuq akkużi li apparentement kienu politikament motivati u fi proċedimenti li jiksru d-dritt fundamentali għal proċess ġust;
5. Jistieden lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jiżgura investigazzjoni immedjata u imparzjali fl-allegati atti ta' tortura u biex jiżgura li Ali Mohammed al-Nimr jingħata attenzjoni medika li jeħtieġ, kif ukoll aċċess regolari għall-familja tiegħu u għal avukat;
6. Ifakkar lill-Arabja Sawdija fl-impenji tagħha bħala membru tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li l-Arabja Sawdija reċentement inħatret president fuq panel ta' esperti indipendenti fil-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tas-Sawdi jiżguraw li l-istandards tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż tagħhom ikunu konsistenti mar-rwol internazzjonali tagħhom;
7. Jitlob għal mekkaniżmu msaħħaħ għal djalogu bejn l-UE u l-Arabja Sawdija dwar kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u skambju ta' għarfien espert dwar kwistjonijiet ta' ġustizzja u dawk legali sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet individwali fir-Renju bi qbil mal-proċess ta' riforma ġudizzjarja li ħa r-Renju tal-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet tal-KSA isegwu r-riformi meħtieġa dwar id-drittijiet tal-bniedem u partikolarment dawk li jirrigwardaw il-limitazzjoni fuq il-piena tal-mewt u l-piena kapitali;
8. Jinkoraġġixxi lill-Arabja Sawdija tiffirma u tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li daħal fis-seħħ fl-1976, li l-Artikolu 6 tiegħu jiddikjara li 'kull bniedem għandu dritt inerenti għall-ħajja';
9. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda rappurtata fl-għadd ta' sentenzi ta' mewt fir-Renju tal-Arabja Sawdija fl-2014 u r-rata allarmanti li biha s-sentenzi tal-qorti qed jordnaw il-piena tal-mewt fl-2015;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlament u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Majestà Tiegħu ir-Re Salman bin Abdulaziz Al Saud, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, lill-Kummissarju Għġoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2013/36/UE u 2009/110/KE u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (COM(2013)0547 – C7-0230/2013 – 2013/0264(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0547),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0230/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Frar 2014(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013(2),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-4 ta' Ġunju 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 u l-Artikolu 61(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunisdra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0169/2014),
– wara li kkunsidra l-emendi li adotta fis-seduta tiegħu tat-3 ta' April 2014(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-konferenza tal-Presidenti tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ħidma mhux mitmuma mis-seba' leġiżlatura,
– wara li kkunisdra r-rapport supplimentari tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0266/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta' Ottubru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern u li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE
Il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja
270k
83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (abbażi tal-petizzjonijiet li waslu) (2015/2740(RSP))
– wara li kkunsidra l-Petizzjoni 626/2011 u 15-il petizzjoni oħra dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja fi Spanja (179/2012, 644/2012, 783/2012, 1669/2012, 0996/2013, 1345/2013, 1249/2013, 1436/2013, 1705/2013, 1736/2013, 2120/2013, 2159/2013, 2440/2013, 2563/2013 u 2610/2013),
– wara li kkunsidra l-Petizzjoni 513/2012 u 21petizzjoni oħra dwar strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (548/2012, 676/2012, 677/2012, 785/2012, 788/2012, 949/2012, 1044/2012, 1247/2012, 1343/2012, 1498/2012, 1662/2012, 1761/2012, 1851/2012, 1864/2012, 169/2013, 171/2013, 2206/2013, 2215/2013, 2228/2013, 2243/2013 u 2274/2013),
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mal-petizzjonanti kkonċernati, l-aktar reċenti fis-16 ta’ April 2015,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni - fid-dibattitu konġunt tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-proċedimenti ta' insolvenza - dwar ir-reviżjoni u l-estensjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2014 fir-rigward ta' approċċ ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji, fir-rigward tal-insolvenza tal-familji u ta' opportunitajiet ġodda għal individwi u unitajiet domestiċi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija tiegħu lill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (abbażi tal-petizzjonijiet li waslu) (O-000088/2015 – B8‑0755/2015),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għadd kbir ta’ petizzjonijiet li waslu xeħtu dawl fuq eluf ta’ każijiet personali traġiċi fejn iċ-ċittadini esperjenzaw telf parzjali jew komplet tal-flus li faddlu f'ħajjithom u billi dawn il-petizzjonijiet jenfasizzaw l-ostakli li l-konsumaturi jiffaċċjaw meta jippruvaw jiksbu informazzjoni preċiża u essenzjali dwar l-istrumenti finanzjarji;
B. billi fi Spanja organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin ikomplu jipprotestaw kontra mijiet ta’ eluf ta’ żgumbramenti, termini abbużivi f’kuntratti ipotekarji u n-nuqqas ta’ protezzjoni għal dawk li jissellfu; billi, skont waħda minn dawk l-organizzazzjonijiet, il-Pjattaforma għall-Vittmi tas-Self Ipotekarju (Plataforma de Afectados por la Hipoteca – PAH), kien hemm 19,261 żgumbrament fi Spanja matul l-ewwel kwart tal-2015 (6 % aktar meta mqabbel mal-istess kwart tal-2014); billi l-organizzazzjoni PAH tikkalkula li mill-2008 ‘l hawn kien hemm aktar minn 397,954 żgumbrament fi Spanja; billi aktar minn 100,000 unità domestika tilfu djarhom;
C. billi l-impatt tal-kriżi aggrava s-sitwazzjoni tal-familji żgumbrati, li xorta jridu jħallsu d-dejn ipotekarju tagħhom u l-interessi li dejjem jiżdiedu fuqu; billi l-Gvern Spanjol introduċa l-possibbiltà ta' "datio in solutum" bħala miżura eċċezzjonali skont il-Liġi 6/2012; ifakkar li skont id-dejta uffiċjali mit-tieni kwart tal-2014, "datio in solutum" ġie approvat biss għal 1,467 każ minn 11,407 applikazzjoni, jew 12.86 % tat-total;
D. billi ġew identifikati għadd ta’ klawsoli u prattiki abbużivi fis-settur ipotekarju fi Spanja minn qrati nazzjonali u Ewropej (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja C-243/08, Pannon-GSM; C-618/10, Banco Español de Crédito; u C-415/11 Catalunyacaixa) u dawn kellhom ikunu prevenuti mid-Direttivi 93/13/KEE, 2004/39/KE u 2005/29/KE li kieku dawk id-direttivi kienu kollha trasposti u implimentati għalkollox fi Spanja;
E. billi d-Direttiva 2014/17/UE dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali (id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju) se tkun applikabbli għal kuntratti ta' kreditu ipotekarju magħmulawara l-21 ta’ Marzu 2016, u se tesiġi li l-kredituri jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt ta' kreditu;
F. billi bħala konsegwenza tas-sentenza Aziz (Kawża C-415/11), l-awtoritajiet Spanjoli adottaw, skont proċedura aċċellerata, il-Liġi 1/2013 tal-14 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni għad-debituri ta’ ipoteki, ir-ristrutturar tad-dejn u l-kera soċjali (Ley 1/2013de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de la deuda y alquiler social);
G. billi, bħala riżultat tas-sentenza tal-Kawża C-169/14, l-awtoritajiet Spanjoli emendaw is-sistema tal-appell tas-self ipotekarju nazzjonali permezz ta’ dispożizzjoni finali fil-Liġi 9/2015 tal-25 ta’ Mejju 2015, dwar miżuri urġenti fi kwistjonijiet ta’ falliment (Ley 9/2015 de medidas urgentes en material concursal) biex tinġieb konformi mad-Direttiva 93/13/KEE;
H. billi l-Parlament Spanjol adotta “Kodiċi ta’ prattika tajba għal ristrutturazzjoni viabbli ta' djun li għandhom x’jaqsmu ma’ ipoteki fuq ir-residenzi abitwali” li b’mod ġenerali ġie injorat mill-korpi finanzjarji minħabba l-istatus volontarju tiegħu u li kellu riżultati limitati ħafna biex ikunu evitati l-iżgumbramenti jew li jippromovi “datio in solutum”, minħabba li r-rekwiżiti ta' eliġibbiltà jiskwalifikaw aktar minn 80 % ta' dawk affettwati;
I. billi f'ħafna każijiet il-konsumaturi ma kinux infurmati sew mill-banek dwar il-firxa tar-riskji assoċjati mal-investimenti proposti, u billi f'tali każijiet il-banek naqsu wkoll milli jwettqu testijiet ta' adegwatezza biex jistabbilixxu jekk il-klijenti kellhomx tagħrif biżżejjed biex jagħrfu r-riskji finanzjarji li kienu qegħdin jesponu lilhom infushom għalihom; billi bosta miċ-ċittadini milquta huma persuni anzjani li investew it-tfaddil li għamlu f'ħajjithom f'investimenti li ntqalilhom li huma mingħajr ebda riskju;
J. billi matul dawn l-aħħar ftit snin, huwa stmat li 700,000 ċittadin Spanjol sfaw vittmi ta’ frodi finanzjarja għaliex il-banek tagħhom bigħulhom b'mod qarrieq strumenti finanzjarji riskjużi mingħajr ma infurmawhom b'mod xieraq dwar il-livell tar-riskji u l-implikazzjonijiet reali tal-fatt li ma kienx se jkollhom aċċess għat-tfaddil tagħhom;
K. billi l-mekkaniżmu ta' arbitraġġ implimentat mill-awtoritajiet Spanjoli ġie rrifjutat minn bosta mill-vittmi tal-frodi finanzjarja;
L. billi d-Direttiva dwar is-Swieq fi Strumenti Finanzjarji (MiFID) (id-Direttiva 2004/39/KE) tirregola l-forniment ta’ servizzi ta’ investiment minn ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji, inklużi ishma preferenzjali ('preferentes') billi l-Artikolu 19 tal-MiFID ifassal obbligi kummerċjali għal dawk li jipprovdu servizzi ta’ investiment lill-klijenti;
1. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tas-sentenza fil-Kawża C-415 (Aziz) u tad-Direttiva 93/13/KEE dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja fl-Istati Membri kollha sabiex tiżgura konformità sħiħa mill-awtoritajiet nazzjonali;
2. Jistieden lill-entitatjiet finanzjarji madwar l-Unjoni biex jieqfu jġibu ruħhom b'mod abbużiv mal-klijenti fil-qasam tal-ipoteki, ta' prodotti finanzjarji sofistikati u tal-karti ta' kreditu, inkluża l-impożizzjoni ta' rati ta' interess eċċessivi u l-kanċellazzjoni arbitrarja tas-servizz;
3. Jitlob lill-entitajiet finanzjarji madwar l-Unjoni jevitaw li jirrikorru għall-iżgumbrament ta' familji li jgħixu fir-residenza unika tagħhom, u minflok jinvolvu ruħhom f'ristrutturar tad-dejn;
4. Jistieden lill-Gvern Spanjol jagħmel użu mill-għodda li għandu sabiex isib soluzzjoni komprensiva biex inaqqas drastikament l-għadd insopportabbli ta' sgrumbramenti;
5. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib it-traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva 2014/17/UE dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali (Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju);
6. Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi l-aqwa prattika dwar l-applikazzjoni f'ċerti Stati Membri ta' "datio in solutum" u tivvaluta l-impatt tiegħu fuq il-konsumaturi u n-negozju;
7. Iwissi lill-Kummissjoni dwar id-dubji espressi mill-Avukat Ġenerali tal-UE dwar il-legalità tal-miżuri adottati mill-Gvern Spanjol sabiex jirriżolvi l-ksur iddenunzjat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Marzu 2013 u biex jimpedixxi prattiki abbużivi fis-settur tal-ipoteki;
8. Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ġodda adottati mill-Gvern Spanjol sabiex isolvi l-problemi eżistenti u biex jimpedixxi l-prattiki bankarji u tan-negozju abbużivi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji ta' informazzjoni dwar prodotti finanzjarji u ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju permezz tal-edukazzjoni, sabiex tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikunu informati aħjar dwar ir-riskji involuti meta jissottoskrivu fi prodotti finanzjarji;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi l-aqwa prattiki li jtejbu l-protezzjoni taċ-ċittadini f'diffikultà finanzjarja; jemmen li edukazzjoni finanzjarja bażika għandha titqies bħala benefiċċju komplimentari biex jiġu evitati l-konsegwenzi tal-insolvenza;
11. Jistieden lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jistabbilixxu kampanja tal-aqwa prattika sabiex jinkoraġġixxu lill-banek u lill-persunal tagħhom jipprovdu informazzjoni ċara, li tiftiehem u korretta; jenfasizza li l-konsumaturi jeħtieġ jieħdu deċiżjoni informata ibbażata fuq fehim sħiħ tar-riskji li qed jieħdu, u li n-negozjanti u l-banek m'għandhomx jiżgwidaw lill-konsumaturi;
12. Jistieden lill-EBA u lill-BĊE, sabiex tiġi ppreservata s-saħħa tas-settur finanzjarju tal-UE, jieħdu passi ulterjuri li jesiġu lill-banek jisseparaw in-negozju potenzjalment riskjuż min-negozju ta' teħid ta’ depożiti tagħhom fejn l-eżerċizzju ta' tali attivitajiet jikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE jevalwaw il-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ Spanjol implimentat għal ċittadini li huma vittmi ta’ frodi finanzjarja;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja t- traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE min-naħa ta’ Spanja fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji, inklużi ishma preferenzjali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-ilmenti li rċeviet u twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa;
16. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-insolvenza tal-familji ;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern Spanjol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2014 minn Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u Thorbjørn Jagland, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-Jum Ewropew u Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra r-reġim ta' kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE rigward prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena tal-mewt, li bħalissa qiegħed jiġi aġġornat,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u t-Tieni Protokoll Fakoltattiv tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,
– wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-impatt tal-problema dinjija tad-droga fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, maħruġ mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (A/RES/69/186),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mill-5 Kungress Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt li sar f'Madrid mit-12 sal-15 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-Jum Dinji u l-Jum Ewropew Kontra l-Piena tal-Mewt, li jokkorri fl-10 ta' Ottubru kull sena,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;
B. billi l-Jum Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2015 għandu l-għan li "jqajjem kuxjenza dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga";
C. billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, aktar minn 160 stat membru tan-NU, li għandhom varjetà ta' sistemi ġuridiċi, tradizzjonijiet, kulturi u reliġjonijiet, jew abolixxew il-piena tal-mewt jew inkella ma japplikawhiex;
D. billi l-aħħar ċifri juru li huwa magħruf li tal-anqas 2 466 persuna f'55 pajjiż ġew ikkundannati għall-mewt fl-2014 – żieda ta' kważi 23 % fuq iċ-ċifra għall-2013; billi twettqu mill-anqas 607 eżekuzzjonijiet madwar id-dinja fl-2014; billi dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-għadd ta' persuni li huwa mifhum li ġew iġġustizzjati fiċ-Ċina, pajjiż li baqa' jwettaq aktar eżekuzzjonijiet mill-bqija tad-dinja kollha kemm hi, filwaqt li baqa' jgħaddi eluf ta' kundanni ta' mewt; billi l-kundanni ta' mewt u l-eżekuzzjonijiet qed ikomplu b'rata allarmanti fl-2015; billi ż-żieda fil-kundanni ta' mewt għandha rabta mill-qrib ma' deċiżjonijiet tal-qrati fi proċessi tal-massa b'reazzjoni għal reati marbuta mat-terroriżmu f'pajjiżi bħall-Eġittu u n-Niġerja; billi ċ-Chad u t-Tuneżija qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jerġgħu jintroduċu l-piena tal-mewt; billi l-kundanni ta' mewt għadhom jingħataw u jiġu eżegwiti f'uħud mill-Istati Uniti tal-Amerika;
E. billi huwa rrappurtat li xi persuni ġew ikkundannati għall-mewt bit-tħaġġir fil-Pakistan, in-Niġerja, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq, is-Sudan, is-Somalja u l-Arabja Sawdija, u billi f'dawn l-aħħar snin mijiet ta' nisa sfaw imħaġġra għall-mewt minħabba l-adulterju; billi t-tħaġġir bħala metodu tat-twettiq tal-piena tal-mewt jitqies bħala forma ta' tortura;
F. billi tmien Stati għandhom il-piena tal-mewt għall-omosesswalità fil-leġiżlazzjoni tagħhom (il-Mauritania, is-Sudan, l-Iran, l-Arabja Sawdija, il-Jemen, il-Pakistan, l-Afganistan u l-Qatar) u billi provinċji fin-Niġerja u fis-Somalja uffiċjalment jimplimentaw il-piena tal-mewt għal atti sesswali bejn persuni tal-istess sess;
G. billi l-piena tal-mewt ħafna drabi tintuża kontra persuni żvantaġġati u nies b'mard mentali, u b'mod partikolari kontra membri ta' minoranzi nazzjonali u kulturali;
H. billi 33 stat japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi, bir-riżultat li kull sena jitwettqu madwar 1 000 eżekuzzjoni; billi huwa magħruf li fl-2015 twettqu eżekuzzjonijiet għal reati ta' dan it-tip fiċ-Ċina, l-Iran, l-Indoneżja u l-Arabja Sawdija; billi fl-2015 baqgħu jiġu imposti kundanni ta' mewt għal reati relatati mad-droga fiċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Iran, il-Kuwajt, il-Malasja, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam; billi dawn ir-reati jistgħu jinkludu diversi akkużi relatati mat-traffikar jew il-pussess tad-droga;
I. billi fl-aħħar 12-il xahar kien hemm mewġa globali tal-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi, b'tali mod li għadd ta' stati ġġustizzjaw individwi għal reati relatati mad-droga b'rata kunsiderevolment ogħla, filwaqt li oħrajn fittxew li jintroduċu l-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, jew inkella temmew moratorji fuq il-piena tal-mewt li kienu ilhom fis-seħħ żmien twil;
J. billi, skont kif ġie rrappurtat, l-Iran iġġustizzja 394 persuna ħatja ta' reati relatati mad-droga fl-ewwel sitt xhur tal-2015, meta mqabbel ma' 367 persuna tul l-2014 kollha kemm hi; billi nofs l-eżekuzzjonijiet kollha li twettqu fl-Arabja Sawdija din is-sena kienu jirrigwardaw reati marbuta mad-droga, meta mqabbel mal-4% biss tal-għadd totali fl-2010; billi tal-anqas 112-il persuna ħatja ta' reati marbuta mad-droga qegħdin jistennew li jiġu ġġustizzjati fil-Pakistan;
K. billi għadd ta' ċittadini ta' Stati Membri tal-UE jew sfaw iġġustizzjati jew inkella qed jistennew li jiġu ġġustizzjati f'pajjiżi terzi għal reati relatati mad-droga;
L. billi l-Artikolu 6(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistipula li l-piena tal-mewt tista' tiġi applikata biss għad-"delitti l-aktar gravi"; billi l-Kumitat tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji u dwar it-Tortura ddikjaraw li l-piena tal-mewt ma għandhiex tiġi imposta għal reati relatati mad-droga; billi l-piena tal-mewt obbligatorja u l-użu tagħha għal reati relatati mad-droga huma kontra d-dritt u l-istandards internazzjonali;
M. billi l-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi ħeġġeġ lil dawk l-istati li jimponu l-piena tal-mewt biex jabolixxuha kompletament għal reati relatati mad-droga;
N. billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri taw tal-anqas EUR 60 miljun lill-programmi għall-ġlieda kontra n-narkotiċi tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), li jikkonċentraw fuq l-infurzar kontra d-droga f'pajjiżi li japplikaw b'mod attiv il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi rapporti reċenti minn NGOs esprimew tħassib dwar il-fatt li programmi ffinanzjati mill-Ewropa għall-ġlieda kontra n-narkotiċi fi stati li għad għandhom il-piena tal-mewt jista' jkun li qed jinkoraġġixxu l-kundanni ta' mewt u l-eżekuzzjonijiet, u billi jeħtieġ li dawn ir-rapporti jiġu vvalutati;
O. billi, fil-qafas tal-Istrument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-predeċessur tiegħu, l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), il-Kummissjoni tat bidu għal żewġ miżuri ta' skala kbira kontra n-narkotiċi fuq livell reġjonali – il-programmi tar-rotot tal-kokaina u tal-eroina, li l-ambitu tagħhom jinkludi pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tuża linji gwida operazzjonali għall-konformità mad-dritt umanitarju u ma' dak tad-drittijiet tal-bniedem rigward miżuri kontra l-kriminalità organizzata;
1. Itenni l-kundanna tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità umana, u li l-għan aħħari tal-UE huwa l-abolizzjoni universali;
2. Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq il-minorenni u fuq il-persuni b'diżabilità mentali jew intellettwali, u jitlob li prattiki bħal dawn, li jiksru standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinqatgħu b'mod immedjat u definittiv; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar proċessi tal-massa reċenti li wasslu għal għadd enormi ta' kundanni ta' mewt;
3. Jesprimi il-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-prattika tat-tħaġġir, li għadha tintuża f'bosta pajjiżi, u lill-gvernijiet tal-pajjiżi konċernati jħeġġiġhom jadottaw minnufih leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tħaġġir;
4. Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jissuktaw jikkumbattu l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġjaw bil-qawwa l-moratorju bħala pass lejn l-abolizzjoni, ikomplu jagħmlu pressjoni għall-abolizzjoni mad-dinja kollha, iħeġġu bil-qawwa lill-pajjiżi li għadhom iwettqu l-piena tal-mewt biex jikkonformaw mal-istandards minimi internazzjonali, inaqqsu l-kamp ta' applikazzjoni u l-użu tal-piena tal-mewt, u jippubblikaw ċifri ċari u preċiżi dwar l-għadd ta' kundanni ta' mewt u ta' eżekuzzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE jibqa' viġilanti rigward żviluppi fil-pajjiżi kollha, b'mod partikolari fil-Belarussja bħala l-uniku pajjiż Ewropew li għad għandu l-piena tal-mewt, u jħeġġu juża kull mezz ta' influwenza li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt f'uħud mill-Istati Uniti tal-Amerika, u jħeġġeġ lill-UE tissokta d-djalogu tagħha mal-Istati Uniti tal-Amerika bil-għan li sseħħ abolizzjoni totali, ħalli nkunu nistgħu naħdmu flimkien biex nindirizzaw il-piena kapitali madwar id-dinja;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, f'dak li jirrigwarda l-għajnuna u l-appoġġ politiku, lil pajjiżi li jimxu 'l quddiem lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt jew li jinkoraġġixxu moratorju universali fuq il-piena kapitali; jinkoraġġixxi inizjattivi bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri, l-UE, in-NU, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra dwar kwistjonijiet relatati mal-piena tal-mewt;
7. Ifakkar li l-piena tal-mewt mhijiex kompatibbli ma' valuri bħar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li fuqhom tissejjes l-Unjoni, u li għalhekk kwalunkwe Stat Membru li jerġa' jintroduċi l-piena tal-mewt ikun qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
8. Huwa mħasseb b'mod partikolari dwar il-fatt li l-piena tal-mewt qed tintuża aktar fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'għadd ta' pajjiżi, u dwar il-possibbiltà li l-piena tal-mewt terġa' tiġi introdotta f'pajjiżi oħra;
9. Jikkundanna b'mod partikolari l-użu tal-kundanna ta' mewt bħala għodda għas-soppressjoni tal-oppożizzjoni, jew inkella fuq il-bażi tat-twemmin reliġjuż, tal-omosesswalità jew tal-adulterju, jew fuq akkużi oħra li jitqiesu trivjali jew inkella li saħansitra lanqas biss jitqiesu li huma reati; jappella lil dawk l-istati li jikkriminalizzaw l-omosesswalità, għaldaqstant, biex ma japplikawx il-piena tal-mewt għaliha;
10. Jibqa' konvint għalkollox li l-kundanni ta' mewt ma jiskoraġġixxux it-traffikar tad-droga, u lanqas ma jżommu lill-individwi milli jisfaw vittmi tal-abbuż tad-droga; jappella lill-pajjiżi li jridu jżommu l-piena tal-mewt biex, fil-każ ta' reati relatati mad-droga, jintroduċu alternattivi li jikkonċentraw, b'mod partikolari, fuq programmi għall-prevenzjoni tad-droga u għat-tnaqqis tad-danni;
11. Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga għandha ssir prekundizzjoni għall-assistenza politika, l-assistenza teknika, il-bini ta' kapaċitajiet u appoġġ ieħor għall-politika tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju kategoriku li l-għajnuna u l-assistenza mill-Ewropa, inkluża dik lil programmi tal-UNODOC kontra n-narkotiċi, ma jistgħux jiffaċilitaw operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġijiet li jwasslu għal kundanni ta' mewt u għall-eżekuzzjoni ta' dawk arrestati;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena tal-mewt;
14. Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' trasparenza rigward l-għajnuna u l-assistenza kontra n-narkotiċi mogħtija mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għal operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga f'pajjiżi li japplikaw attivament il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; jitlob li l-Kummissjoni tippubblika rendikont annwali dwar il-finanzjament tagħha għal programmi kontra n-narkotiċi f'pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, li fih tiddeskrivi liema salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem tkun ħaddmet biex tiżgura li dak il-finanzjament ma jkunx ta lok għal kundanni ta' mewt;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, bla aktar dewmien, il-linji gwida operazzjonali stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP u tapplikahom strettament għall-programmi dwar ir-rotot tal-kokaina u l-eroina;
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonforma mar-rakkomandazzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016) li għandha tiġi żviluppata u implimentata "għodda ta' gwida u valutazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem" biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem "ikunu integrati b'mod effikaċi fl-Azzjoni Esterna tal-UE dwar id-Drogi";
17. Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu gwida għal politika Ewropea komprensiva u effikaċi dwar il-piena tal-mewt fir-rigward ta' tużżani ta' ċittadini Ewropej li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, li għandha tinkludi mekkaniżmi sodi u msaħħa f'dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni, l-għoti ta' assistenza legali u r-rappreżentanza diplomatika;
18. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li s-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Problema Dinjija tad-Droga, f'April 2016, tindirizza l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u tikkundanna l-applikazzjoni tagħha;
19. Jappoġġja lill-aġenziji tan-NU, lill-korpi reġjonali intergovernattivi u lill-NGOs kollha fl-isforzi ma jaqtgħu xejn tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-istati jabolixxu l-piena tal-mewt; jitlob li l-Kummissjoni tibqa' tiffinanzja proġetti f'dan il-qasam permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;
20. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifiki reċenti tat-Tieni Protokoll Fakoltattiv għall-ICCPR li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt, li żiedu l-għadd ta' stati partijiet għal 81; jistieden lill-istati kollha li mhumiex partijiet ta' dan il-Protokoll biex jirratifikawh minnufih;
21. Jistieden lill-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa li għadhom ma rratifikawx il-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex ifittxu jirratifikawhom, b'tali mod li jkun żgurat li l-piena tal-mewt tkun abolita effettivament fir-reġjun kollu tal-Kunsill tal-Ewropa;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.
It-tagħlimiet meħuda mid-diżastru tat-tajn aħmar, ħames snin wara l-inċident fl-Ungerija
281k
92k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tagħlimiet meħuda mid-diżastru tat-tajn aħmar, ħames snin wara l-inċident fl-Ungerija (2015/2801(RSP))
– wara li kkunsidra l-prinċipji tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbiliti fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-prinċipji li għandha tittieħed azzjoni preventiva u li min iniġġes għandu jħallas,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta' Barċellona) u l-protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 fuq skart perikoluż(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta' skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE fuq skart perikoluż(2) (Lista Ewropea tal-Iskart),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat-18 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE dwar il-lista ta' skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni Motivata mibgħuta mill-Kummissjoni f'Ġunju 2015 lill-Ungerija fejn talbitha ttejjeb l-istandards ambjentali f'sit ieħor ta' tailings tat-tajn aħmar(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE(5) (id-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 li tipprevedi kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprevedi kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri(7),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(8) (is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali(9) (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/335/KE tal-20 ta' April 2009 dwar il-linji gwida tekniċi għall-istabbiliment tal-garanzija finanzjarja skont id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni(10),
– wara li kkunsidra l-istudju ta' fattibbiltà tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kunċett ta' faċilità għall-kondiviżjoni tar-riskji ta' diżastri industrijali fl-UE kollha(11),
– wara li kkunsidra r-rapport intitolat "L-isfidi u l-ostakoli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali" (rapport finali mħejji għall-Kummissjoni - DĠ Ambjent, 2013),
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-tagħlimiet meħuda mid-diżastru tat-tajn aħmar, ħames snin wara l-inċident fl-Ungerija (O-000096/2015 – B8-0757/2015 u O-000097/2015 – B8-0758/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fl-4 ta' Ottubru 2010, il-kollass ta' ġibjun tal-iskart fl-Ungerija rrilaxxa madwar miljun metru kubu ta' tajn aħmar b'livell għoli ta' alkalina, għarraq diversi rħula, ħalla għaxar persuni mejta u kważi 150 midruba, u niġġes żoni kbar ta' art, inklużi erba' siti ta' Natura 2000;
B. billi t-tajn aħmar f'dan il-ġibjun tal-iskart kien skart perikoluż skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE;
C. billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tindika b'mod ċar li t-tajn aħmar għandu jiġu kklassifikat bħala skart perikoluż fin-nuqqas ta' prova għal kuntrarju; billi din id-Deċiżjoni ilha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2015;
D. billi hemm riskju li, fil-passat, it-tajn aħmar seta' ġie kklassifikat b'mod żbaljat bħala skart mhux perikoluż anke fi Stati Membri oħra, u b'hekk ta lok għal permessi difettużi;
E. billi t-tajn aħmar huwa skart tal-estrazzjoni skont id-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri, li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-sikurezza dwar l-immaniġġar tal-iskart tal-estrazzjoni, inter alia fuq il-bażi tal-aħjar tekniki disponibbli;
F. billi hemm ukoll problemi serji ta' tniġġis ambjentali minħabba attivitajiet ta' estrazzjoni oħrajn (pereżempju l-użu taċ-ċjanur fit-tħaffir għad-deheb) jew skart perikoluż trattat b'mod mhux xieraq f'diversi Stati Membri;
G. billi r-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE hija mmirata li ssaħħaħ il-konformità u tikkontribwixxi għal implimentazzjoni u infurzar aktar konsistenti tal-liġi ambjentali tal-UE;
H. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008, il-Parlament iddeskriva l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali fl-Istati Membri bħala mhux kompluta u inkonsistenti, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali qabel l-aħħar tal-2009;
I. billi s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jiddikjara li l-UE se testendi r-rekwiżiti dwar l-ispezzjonijiet u s-sorveljanza għall-ġabra usa' ta' liġi ambjentali, u tiżviluppa ulterjorment il-kapaċità ta' appoġġ għall-ispezzjoni fil-livell tal-UE;
J. billi d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (DRA) hija mmirata li tistabbilixxi qafas ta' responsabbiltà ambjentali bbażat fuq il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", u tesiġi li l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' strumenti u swieq ta' sigurtà finanzjarja mill-operaturi ekonomiċi u finanzjarji xierqa; billi l-Artikolu 18(2) obbliga lill-Kummissjoni tissottometti rapport lill-Parlament u lill-Kunsill qabel it-30 ta' April 2014, li sa issa għadu ma ġiex sottomess;
K. billi r-rapport tal-2013 imħejji mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali kkonkluda li "it-traspożizzjoni tad-DRA fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri ma rriżultatx f'kundizzjonijiet ekwi" iżda "f'mużajk ta' sistemi ta' responsabbiltà biex tiġi evitata u rimedjata l-ħsara ambjentali madwar l-UE";
L. billi fl-2010, b'reazzjoni għad-diżastru tat-tajn aħmar, il-Kummissjoni ddikkjarat li se terġa' tikkunsidra l-introduzzjoni ta' sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata anki qabel ir-rieżami tad-DRA li għandu jsir sal-2014;
1. Jinnota li d-diżastru tat-tajn aħmar tal-2010 kien l-agħar katastrofi industrijali tal-Ungerija, u jfakkar il-vittimi fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju minn dan l-avveniment traġiku;
2. Jirrikonoxxi l-interventi rapidi u effikaċi tal-awtoritajiet nazzjonali fil-fażi tar-rispons għall-kriżi u l-isforzi kbar magħmula mis-soċjetà ċivili waqt id-diżastru bla preċedent;
3. Ifakkar li l-Ungerija skattat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili u ospitat tim Ewropew ta' esperti inkarigati biex joħorġu b'rakkomandazzjonijiet, inter alia dwar kif għandhom jitfasslu l-aqwa soluzzjonijiet sabiex jiġu evitati u jittaffew id-danni;
4. Jinnota li d-diżastru tat-tajn aħmar jista' jiġi marbut mal-implimentazzjoni fqira tal-liġijiet tal-UE, in-nuqqasijiet fl-ispezzjonijiet, id-disparitajiet fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u l-prestazzjoni tal-operatur tas-sit;
5. Huwa mħasseb dwar il-fatt li jidher li kważi ma tgħallimna ebda lezzjoni fl-aħħar ħames snin, peress li implimentazzjoni fqira tal-liġijiet tal-UE rilevanti u tal-konvenzjonijiet internazzjonali kif ukoll nuqqasijiet fl-ispezzjoni jibqgħu jippersistu u kważi ebda lakuna ma ngħalqet fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;
6. Jidentifika d-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri u l-Lista Ewropea tal-Iskart bħala oqsma ta' tħassib partikolari;
7. Huwa mħasseb li jeżistu siti simili f'bosta Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jitwettqu l-ispezzjonijiet xierqa;
8. Jistieden lill-Istati Membri kollha li għandhom għadajjar tat-tajn aħmar jagħmlu analiżi dwar jekk it-tajn aħmar ġiex korrettament ikklassifikat bħala perikoluż u jirrevedu kwalunkwe permess ibbażat fuq klassifikazzjonijiet żbaljati mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jieħdu azzjoni u jirrappurtaw lill-Kummissjoni kif xieraq, u jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri sal-aħħar tal-2016;
9. Iqis li huwa essenzjali li titqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni tad-diżastri, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li seħħew ukoll xi inċidenti ambjentali simili fi Stati Membri oħra;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-UE u tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha fir-rigward mhux biss tal-produzzjoni tal-aluminju u tal-immaniġġar ambjentalment korrett tat-tajn aħmar, iżda wkoll għall-immaniġġar ambjentalment korrett ta' skart perikoluż b'mod ġenerali;
11. Jenfasizza li l-aħjar tekniki disponibbli fil-ġestjoni tal-iskart tal-estrazzjoni għandhom jiġu applikati b'mod strett, u jitlob li jkun hemm bidla sħiħa għall-użu tat-teknoloġiji tar-rimi niexef sal-aħħar tal-2016, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal tniġġis fl-arja jew fl-ilma;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar enfasi fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fil-prevenzjoni u t-trattament tal-iskart perikoluż;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq linji gwida għat-twettiq ta' testijiet tal-istress fuq minjieri eżistenti b'għadajjar ta' tailings kbar;
14. Jemmen li prevenzjoni tat-tniġġis effikaċi teħtieġ regoli stretti għall-ispezzjonijiet ambjentali u azzjoni xierqa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tagħhom;
15. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-korpi ta' spezzjoni ambjentali nazzjonali tagħhom biex ikunu jistgħu jwettqu kontrolli trasparenti, regolari u sistematiċi tas-siti industrijali, inter alia billi jiżguraw indipendenza, jipprovdu riżorsi xierqa u jiddefinixxu responsabbiltajiet ċari, u billi jippromwovu kooperazzjoni msaħħa u azzjonijiet koordinati;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu s-sorveljanza, jibnu fuq strumenti eżistenti vinkolanti u mhux vinkolanti, filwaqt li jevitaw piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;
17. Itenni mill-ġdid it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali li ma tpoġġix piż finanzjarju addizzjonali fuq l-industrija;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi l-kriterji vinkolanti għall-ispezzjonijiet tal-Istati Membri biex ikopru ġabra usa' tal-acquis ambjentali tal-UE, u biex jiżviluppaw kapaċità ta' appoġġ ta' spezzjoni ambjentali fil-livell tal-UE;
19. Huwa mħasseb li differenzi sinifikanti bejn is-sistemi ta' responsabbiltà jistgħu jfixklu l-istandards komuni tal-UE u jesponu lil xi Stati Membri u reġjuni għal riskju akbar ta' diżastri ambjentali u l-konsegwenzi finanzjarji tagħhom;
20. Iqis li hu ta' dispjaċir li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx ir-rapport tagħha skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan qabel tmiem l-2015;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, waqt ir-rieżami kontinwu tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, li l-proposta għal reviżjoni timplimenta bis-sħiħ il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga kif id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/335/KE ġiet implimentata fl-Istati Membri u jekk il-limiti għall-istrumenti ta' sigurtà finanzjarja stabbiliti humiex suffiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi sigurtà finanzjarja obbligatorja armonizzata;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza fl-aspetti finanzjarji tar-rimedju tad-diżastru ambjentali, inkluż il-kumpens finanzjarju lill-vittmi;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan qabel tmiem l-2016;
25. Jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart perikoluż, u fl-ippjanar ta' miżuri tal-ġestjoni tar-riskju;
26. Jistieden lill-awtoritajiet responsabbli biex b'mod regolari jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-istat ta' tniġġis u l-impatti possibbli fuq il-fawna u l-flora, kif ukoll fuq is-saħħa tal-popolazzjonijiet lokali;
27. Jistieden lill-Kummissjoni telabora aktar il-kunċett ta' faċilità għall-kondiviżjoni tar-riskji ta' diżastri industrijali madwar l-UE kollha, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, sabiex ikopri l-ispejjeż possibbli lil hinn minn livell għoli ta' garanziji finanzjarji obbligatorji;
28. Iqis li tali faċilità speċjalizzata għall-kondiviżjoni tar-riskji ta' diżastri industrijali bbażata fl-UE għandha tkopri wkoll ir-rimedju ta' piżijiet ambjentali antiki li għadhom jikkostitwixxu perikli għas-soċjetà u li għalihom, minħabba l-qafas ġuridiku eżistenti, ma hemm ebda waħda oġġettivament responsabbli li tista' tkopri l-ispejjeż tar-riabilitazzjoni;
29. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u tas-solidarjetà fil-livell tal-UE f'każ ta' diżastri ambjentali u industrijali;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda Informattiva: Il-pakkett ta' proċeduri ta' ksur għax-xahar ta' Ġunju: id-deċiżjonijiet ewlenin; http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5162_mt.htm
Study to explore the feasibility of creating a fund to cover environmental liability and losses occurring from industrial accidents. Rapport finali. Kummissjoni Ewropea, DĠ ENV, 17 ta' April 2013; http://ec.europa.eu/environment/archives/liability/eld/eldfund/pdf/Final%20report%20ELD%20Fund%20BIO%20for%20web2.pdf
It-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp
371k
108k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp (2015/2754(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jistabbilixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom tissejjes l-UE;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki li aktarx jaffettwaw pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li ħarġu mis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, +10, +15 u +20 dwar azzjonijiet u inizjattivi ulterjuri għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000, fil-11 ta' Marzu 2005, fit-2 ta' Marzu 2010 u fid-9 ta' Marzu 2015 rispettivament;
– wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr fl-1994, fejn il-komunità dinjija rrikonoxxiet u tenniet li s-saħħa sesswali u riproduttiva kif ukoll id-drittijiet riproduttivi huma fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli;
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 (COM(2010)0491);
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp (2010-2015), ir-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-2013 (SWD(2013)0509), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwaru u r-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-2014 (SWD(2015)0011);
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Iżvilupp u dwar Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u għall-Iżvilupp Sostenibbli;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(1),
– wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni tal-Appoġġ tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Pajjiżi Sħab(2);
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1325 (2000) u 1820 (2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tan-Nisa fl-Iżvilupp (O-000109/2015 – B8‑0762/2015 u O-000110/2015 – B8‑0763/2015),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea (UE) hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-azzjonijiet kollha tagħha; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa hija prekundizzjoni għall-ilħiq tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli wara l-2015 kif ukoll kwistjoni awtonoma tad-drittijiet tal-bniedem li għandha tkun segwita irrispettivament mill-benefiċċji tagħha għall-iżvilupp u t-tkabbir; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u ma għandha qatt tiġi ġġustifikata b'raġunijiet ta' reliġjon, kultura jew tradizzjoni;
B. billi r-rieżami ta' 20 sena tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing sab li l-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa (GEWE) kien mexa b'pass kajman u b'mod mhux uniformi, u li l-ebda pajjiż fid-dinja ma kien għeleb għalkollox id-disparità bejn is-sessi; billi r-rieżami sab li dan in-nuqqas ta' progress kien ġie aggravat min-nuqqas persistenti u kroniku ta' investiment fil-GEWE;
C. billi tnejn mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) li espliċitament jindirizzaw id-drittijiet tan-nisa, jiġifieri l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa (MDG 3) kif ukoll it-titjib tas-saħħa tal-ommijiet (MDG 5), fil-parti l-kbira baqgħu ma ntlaħqux; billi stimi juru li ta' kuljum imutu 800 mara fid-dinja minħabba kumplikazzjonijiet waqt it-tqala jew il-ħlas; billi madwar 222 miljun mara fil-partijiet tad-dinja li qed jiżviluppaw m'għandhomx aċċess għal metodi sikuri u moderni tal-ippjanar tal-familja, filwaqt li l-proporzjon ta' għajnuna għall-iżvilupp intiż għall-ippjanar tal-familji qed jonqos meta mqabbel mal-għajnuna globali għall-iżvilupp b'rabta mas-saħħa;
D. billi l-maġġoranza tal-foqra fid-dinja huma nisa u unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa; billi l-vulnerabbiltà ta' nisa marġinalizzati qed tiżdied; billi 62 miljun tifla fid-dinja ma jmorrux l-iskola;
E. billi mara minn kull tlieta fid-dinja aktarx tesperjenza vjolenza fiżika u sesswali f'xi mument matul ħajjitha; billi kull sena 14-il miljun tifla jiġu mġiegħla jiżżewġu; billi l-UE hija impenjata favur id-dritt ta' kull individwu li jkollu kontroll sħiħ fuq kwistjonijiet marbutin mas-sesswalità u s-saħħa sesswali u riproduttiva tiegħu, u li jiddeċiedi b'mod liberu dwar dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li jkun ħieles mid-diskriminazzjoni, il-koerċizzjoni u l-vjolenza;
F. billi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) rrappurtat(3) li l-investimenti huma "insuffiċjenti ferm biex tintlaħaq l-ugwaljanza bejn is-sessi" minkejja li l-għajnuna mmirata għal dak l-iskop mill-membri tagħha ttriplikat b'tali mod li laħqet is-somma ta' USD 28 biljun fl-2012; billi l-finanzjament abbażi tal-ġeneru huwa kkonċentrat l-aktar f'setturi soċjali, b'tali mod li s-setturi ekonomiċi u produttivi jitħallew f'qagħda ta' sottinvestiment, filwaqt li l-analiżi tal-OECD turi li, minn kull tip ta' investiment għall-iżvilupp, l-investimenti fl-ugwaljanza bejn is-sessi jagħtu l-ogħla redditi;
G. billi 2,5 biljun ruħ, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u żgħażagħ, għadhom esklużi mis-settur finanzjarju formali;
Intensifikazzjoni tal-isforzi fil-GAP2
1. Jemmen li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-GAP1 juru l-bżonn ċar għal intensifikazzjoni tal-isforzi fl-azzjoni tal-UE dwar il-GEWE u li għandna bżonn impenn politiku mġedded mis-SEAE u mill-Kummissjoni biex il-prestazzjonijiet jittejbu; jenfasizza l-importanza li r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni jiġu implimentati fis-suċċessur għall-GAP tal-lum, ibda minn rispons komplut ta' ġestjoni;
2. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal bidla trasformattiva bil-GAP il-ġdid, u għalhekk jemmen li l-GAP2 għandu jieħu s-sura ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jiddispjaċih li l-GAP 2 ġie prodott bħala Dokument Konġunt ta' Ħidma tal-Persunal mhux Komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jibdew l-implimentazzjoni tal-pjan il-ġdid mill-aktar fis possibbli sabiex ir-riżultati konkreti jistgħu jintlaħqu, bħala parti mill-impenn aktar wiesa' tal-UE għal GEWE fl-SDGs, u biex jinvolvu lill-Parlament f'konsultazzjoni matul dan il-proċess;
3. Jemmen li l-GAP2 għandu jiffoka fuq l-aspetti kollha tal-politika esterna tal-UE – il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem u l-affarijiet barranin, il-migrazzjoni u l-asil – bi qbil mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, u għandu japplika bl-istess mod għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għal dawk tal-viċinat u għal dawk tat-tkabbir;
4. Jemmen li l-GEWE għandu jkun fil-qofol tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE, b'responsabbiltajiet ta' ġestjoni ċari kemm fl-amministrazzjoni ċentrali kif ukoll fid-Delegazzjonijiet tal-UE; jissottolinja li jeħtieġ li l-Kapijiet ta' delegazzjoni, il-kapijiet ta' unità u l-maniġment superjuri jkunu responsabbli għar-rappurtar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki dwar il-GEWE, li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tiġi inkorporata fid-deskrizzjonijiet tax-xogħol fil-karigi differenti u li jingħata taħriġ lill-persunal kollu;
5. Jemmen li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) għandha tiżgura li l-Kummissarji kollha responsabbli għall-azzjoni esterna juru l-kapaċità ta' tmexxija meħtieġa biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-GAP2 tirnexxi; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2015, li jissottolinjaw l-impenn tal-Istati Membri favur aġenda trasformattiva dwar id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet; jenfasizza l-ħtieġa ta' komplementarjetà bejn l-azzjonijiet tal-Kummissjoni/SEAE u dawk tal-Istati Membri;
6. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru mhumiex indirizzati fir-Rapport Annwali 2014 tad-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO) u jitlob li, fil-futur, kwistjonijiet tal-GEWE jiġu inklużi fir-rapporti annwali tad-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni involuti fl-azzjoni esterna u tas-SEAE; jistieden lid-delegazzjonijiet kollha tal-UE biex jippreżentaw rapport annwali dwar il-GAP kif ukoll sommarju tal-prestazzjoni fir-rigward tal-GEWE fir-rapporti annwali, ir-rieżamijiet ta' nofs it-termini u l-evalwazzjonijiet fil-livell tal-pajjiżi tagħhom; jemmen li r-riżultati għandhom jiġu integrati f'monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR);
7. Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-2017 tad-dokumenti ta' programmazzjoni tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) jippreżenta opportunità tajba biex jiġu vvalutati l-impatti ta' programmi ffinanzjati mid-DCI dwar in-nisa u l-bniet, jiġi identifikat b'mod ċar is-sehem ta' programmi li huma ta' benefiċċju għan-nisa u l-bniet, u jsiru riallokazzjonijiet jekk ikunu meħtieġa;
8. Ifakkar il-prinċipju tal-UE ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza tal-politika bejn il-GAP il-ġdid u l-pjan ta' azzjoni li jmiss dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jissottolinja li l-ġeneru jeħtieġ li jkun parti sistematika u integrali mid-djalogi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u pajjiżi terzi; jistieden lis-SEAE biex jistabbilixxi djalogi dwar il-ġeneru flimkien ma' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi;
9. Itenni li koordinazzjoni sħiħa bejn id-dipartimenti ċentrali, id-delegazzjonijiet u l-ambaxxati tal-Istati Membri hija essenzjali għal implimentazzjoni b'suċċess tal-GAP2, bl-użu tal-profili tal-pajjiżi fir-rigward tal-ġeneri u għodod oħra; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rieżami tal-programmazzjoni tal-pajjiżi tal-programm tal-FEŻ jipprovdi opportunità biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni sħiħa tal-GAP2 tkun miexja fid-direzzjoni t-tajba u biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa;
Ġbir ta' data u miri
10. Jitlob li jitfasslu strateġiji ta' implimentazzjoni aktar effikaċi u jinsisti fuq l-użu ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi sensittivi għall-perspettiva tal-ġeneri, u fuq il-ġbir sistematiku u f'waqtu ta' data diżaggregata skont il-ġeneru fir-rigward tal-benefiċjarji u l-parteċipanti fl-azzjonijiet kollha, bħala parti mill-proċess ta' monitoraġġ u evalwazzjoni; jinsisti li d-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà finanzjarja u t-trasparenza; jemmen li r-rappurtar għandu jkun allinjat u integrat f'sistemi stabbiliti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni bħall-Qafas tar-Riżultati tad-DEVCO fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fi statistiki nazzjonali u jistieden lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu sistemi ta' monitoraġġ sensittivi għall-perspettiva tal-ġeneri;
11. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri biex jipprijoritizzaw u jinvestu f'analiżi tal-ġeneru b'livell għoli ta' kwalità bħala l-bażi għall-istrateġija u l-programmazzjoni fil-livell tal-pajjiżi; iqis li l-UE għandha tirrevedi l-pjanijiet indikattivi nazzjonali mill-perspettiva tal-GAP il-ġdid;
12. Jagħraf li l-bniet u n-nisa żgħażagħ huma partikolarment żvantaġġati u f'sitwazzjoni ta' riskju, u li jinħtieġ fokus speċifiku biex jiġi żgurat li l-bniet ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u jitħallew jgħixu ħajja ħielsa mill-vjolenza, li jitneħħew il-leġiżlazzjoni u l-prattiki diskriminatorji u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bniet u n-nisa żgħażagħ globalment;
13. Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' miri u indikaturi ċari, imkejla u diżaggregati skont is-sess, l-età, id-diżabilità u fatturi oħra kif ukoll titjib tas-segwitu tal-allokazzjonijiet baġitarji; jissottolinja li l-miri u l-metodoloġija ta' monitoraġġ għandhom jiġu allinjati mal-qafas tal-iżvilupp globali ta' wara l-2015 u ma' oqfsa internazzjonali relevanti oħra;
14. Jisħaq li l-UE jeħtiġilha tindika u tiżgura riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti biex twettaq l-impenji tagħha favur il-GEWE; jissottolinja l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-finanzi pubbliċi permezz ta' bbaġitjar li jkun sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri u jindirizza l-inugwaljanzi;
Aspetti ewlenin għall-GAP il-ġdid
15. Jemmen li l-GAP jeħtieġ li jindirizza l-ostakli għall-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet (VAWG) u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza; jitlob strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa b'iktar sforzi u riżorsi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-prattiki kollha li jiddiskriminaw kontra n-nisa kif ukoll biex jiġu miġġielda u pproċessati fil-qrati l-forom kollha ta' traffikar tal-bnedmin, mutilazzjoni ġenitali femminili, sterilizzazzjoni furzata, tqala furzata, ġeneriċidju, vjolenza domestika u stupru konjugali, żwieġ tat-tfal, żwieġ bikri u żwieġ furzat u vjolenza abbażi tal-ġeneru f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt; jitlob li jiġu żviluppati azzjonijiet speċifiċi tal-UE biex isaħħu d-drittijiet ta' gruppi differenti ta' nisa, b'attenzjoni speċjali fuq iż-żgħażagħ, il-migranti, in-nisa bl-HIV, persuni LGBTI u persuni b'diżabilitajiet;
16. Jenfasizza l-importanza li jittejjeb l-aċċess tal-bniet għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u li jitneħħew l-ostakoli relatati mal-ġeneru fil-qasam tat-tagħlim;
17. Jenfasizza l-fatt li l-użu tal-istupru bħala arma tal-gwerra u l-oppressjoni jeħtieġ jiġi eliminat, u li l-UE jeħtieġ li tagħmel pressjoni fuq il-gvernijiet ta' pajjiżi terzi u l-partijiet konċernati kollha involuti f'reġjuni fejn isseħħ din il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, sabiex il-prattika tintemm, l-awturi tagħha jitressqu quddiem il-ġustizzja u ssir ħidma mas-superstiti, man-nisa u mal-komunitajiet milquta biex tgħinhom ifiqu u jirkupraw;
18. Jissottolinja l-vulnerabbiltà tan-nisa migranti, rifuġjati u li qed ifittxu asil, u l-ħtieġa ta' ħarsien speċifiku għalihom; jitlob miżuri speċifiċi li jsaħħu u jiggarantixxu bis-sħiħ id-drittijiet tan-nisa li jfittxu asil; jitlob li tittieħed azzjoni kuraġġuża fil-livell Ewropew biex tindirizza l-kriżi tal-migranti u r-rifuġjati li għaddejja bħalissa, inkluż approċċ għall-migrazzjoni u l-asil li jkun olistiku u sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri kif ukoll konsistenti fl-Istati Membri kollha;
19. Jirrikonoxxi s-saħħa bħala dritt tal-bniedem; jenfasizza l-importanza ta' aċċess universali għall-kura u l-kopertura tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi kif miftiehem skont il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsiru aktar sforzi biex jiżdied l-aċċess tan-nisa għas-saħħa u għall-edukazzjoni dwar is-saħħa, għall-ippjanar tal-familja, għall-kura ta' qabel it-twelid u s-saħħa sesswali u riproduttiva, partikolarment biex jiġi indirizzat l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju 5 dwar is-saħħa materna, inkluża l-mortalità infantili u tat-tfal, li fil-parti l-kbira ma ntlaħaqx; jirrimarka li l-aċċess jikkontribwixxi għall-ilħiq tal-għanijiet ta' żvilupp kollha li huma relatati mas-saħħa; jilqa' b'mod partikolari, f'dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju 2015;
20. Jissottolinja l-ħtieġa li jinħoloq ambjent favorevoli, b'mod partikolari billi jitneħħew l-ostakoli soċjali u legali għall-aċċess tan-nisa għall-beni tal-produzzjoni, inklużi l-art u r-riżorsi naturali u ekonomiċi, il-promozzjoni tal-inklużjoni finanzjarja, standards tax-xogħol diċenti, ħarsien soċjali sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri u paga ugwali għal xogħol ugwali;
21. Jemmen li n-negozji għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u tad-drittijiet ekonomiċi tan-nisa, bħall-iżgurar li n-nisa jkollhom xogħol deċenti, pagi ndaqs, aċċess għall-finanzi u s-servizzi bankarji u opportunitajiet biex jipparteċipaw fit-tmexxija u t-teħid tad-deċiżjonijiet, u li jħarsuhom kontra d-diskriminazzjoni u l-abbuż fuq il-post tax-xogħol, u permezz ta' responsabbiltà soċjali korporattiva sensittiva għall-perspettiva tal-ġeneri; f'dan il-kuntest jappella għal aktar appoġġ għall-SMEs lokali, speċjalment għall-imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw mit-tkabbir immexxi mis-settur privat; jenfasizza r-rwol pożittiv li l-mikrofinanzjament, l-intraprenditorija soċjali u l-mudelli tan-negozju alternattivi – bħall-impriżi mutwi u l-kooperattivi, qed ikomplu jkollhom fil-qasam tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u tal-inklużjoni tagħhom fl-ekonomija;
22. Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa għal raġunijiet ta' żwieġ jew maternità, u li jkun żgurat id-dritt effettiv tagħhom li jaħdmu;
23. Jinnota li t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u s-sigurtà tal-ikel isostnu lil xulxin; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-pożizzjoni tan-nisa rurali tissaħħaħ billi tkun indirizzata d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-art, l-ilma, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-swieq u s-servizzi finanzjarji; jitlob li l-investiment pubbliku fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jiżdied b'mod sostanzjali b'enfasi fuq proprjetarji żgħar, kooperattivi agrikoli u netwerks tal-bdiewa;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li n-nisa jkunu inklużi u rrappreżentati f'oqsma ekonomiċi emerġenti li huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi s-setturi tal-ekonomija ekoloġika u ċirkolari, l-enerġija li tiġġedded u l-ICT;
25. Itenni r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni formali u informali fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet fl-isfera soċjali, ekonomika, kulturali u politika; jenfasizza l-ħtieġa li strateġija tal-UE dwar l-edukazzjoni fl-iżvilupp tinkludi perspettiva qawwija tas-sessi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni għas-sostenibilità, ir-rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitti, l-edukazzjoni matul il-ħajja u t-taħriġ vokazzjonali, il-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u r-rwol tal-arti fl-iskambji interkulturali;
26. Jissottolinja kemm hu importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' wara l-2015; jitlob aktar appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, miżuri tal-politika u tal-bini tal-kapaċità mmirati biex jinvolvu u jżidu l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet f'livell lokali tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, fil-konsultazzjonijiet tal-partijiet konċernati f'kull waqt u fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;
27. Jinnota li l-GAP irid jindirizza l-qagħda ta' persuni LGBTI fi stati terzi, u jrid jinkludi l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni LGBTI;
28. Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tad-drittijiet legali tan-nisa u tal-aċċess tagħhom għall-ġustizzja permezz ta' riforma tal-liġijiet li tkun sensittiva għall-perspettiva tal-ġeneri; jemmen li finanzjament immirat għall-ugwaljanza tal-ġeneri fl-għajnuna ġuridika jgħin it-tisħiħ tal-istat tad-dritt;
29. Jistieden lill-UE biex tippromwovi parteċipazzjoni ikbar tan-nisa fiż-żamma tal-paċi, fil-proċessi tal-bini tal-paċi u fil-missjoniiet militari u tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili tal-UE; itenni, f'dan il-kuntest, l-istedina tiegħu lill-UE biex tippromwovi r-Riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u jitlob li l-perspettivi tal-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa jiġu inkorporati fl-inizjattivi kollha għall-paċi u s-sigurtà;
30. Jistieden lill-UE tippromwovi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem tan-nisa u l-bniet kif iggarantiti permezz tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; f'dan il-kuntest jinsisti fuq il-ħtieġa li tkun żgurata l-protezzjoni tad-dritt tal-ħajja u d-dinjità tan-nisa u l-bniet kollha permezz tat-taqbida attiva kontra prattiki dannużi bħall-ġeneriċidju;
31. Jissottolinja l-importanza ta' miżuri li jsaħħu t-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fl-isferi pubbliċi kif ukoll f'dawk privati; jitlob li jsiru aktar sforzi biex il-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-ħajja politika tiżdied, notevolment permezz tal-integrazzjoni ta' dan it-tip ta' sforzi fil-programmi kollha ta' appoġġ għad-demokrazija, inkluż l-approċċ komprensiv ta' appoġġ għad-demokrazija (CDSA) tal-Parlament;
32. Jenfasizza l-ħtieġa tal-involviment tal-irġiel u s-subien u l-promozzjoni tal-impenn attiv u r-responsabilità tagħhom fl-indirizzar ta' normi soċjali diskriminatorji u l-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-UN WOMEN.
Opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol
419k
161k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (2014/2160(INI))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol(1) (tfassil mill-ġdid),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ trasparenza (C(2014) 1405),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2013 bit-titolu “Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)” (COM(2013)0861),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f’Isem il-Mara” (COM(2010)0078),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011;
– wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), ibbażata fuq l-Artikolu 157 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-'Gender Equality Index Report' tal-'European Institute for Gender Equality',
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 dwar Xogħol Part Time tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li jeżiġu li l-pajjiżi jinkorporaw fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi tagħhom klawżola dwar ix-xogħol li tinkludi l-kwistjoni ta’ pagi indaqs,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 tal-ILO dwar Remunerazzjoni Ugwali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 34/180 tat-18 ta’ Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Diċembru 2014 bit-titolu ‘Being Trans in the European Union’,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali(3),
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni dwar l-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2006/54/KE prodotta mid-Direttorat-Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0213/2015),
A. billi t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-Dritt tal-UE;
B. billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali hija pprojbita mid-Dritt tal-UE;
C. billi l-indipendenza ekonomika hija prerekwiżit biex iċ-ċittadini Ewropej, irġiel u nisa, jeżerċitaw kontroll u jagħmlu għażliet ġenwini f’ħajjithom;
D. billi d-Direttiva 2006/54/KE tirreferi għall-każistika tal-QtĠ-UE, li tipprevedi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi ristrett għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-fatt li persuna tkun ta’ sess wieħed jew l-ieħor, iżda li tapplika wkoll għad-diskriminazzjoni li tirriżulta minħabba bidla fis-sess ta' persuna;
E. billi l-prinċipju ta’ paga ugwali ilu mniżżel fit-Trattati sa mill-bidu nett fl-1957; billi l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali issa huwa rikonoxxut skont l-Artikolu 157 tat-TFUE u inkorporat fid-Direttiva 2006/54/KE mfassla mill-ġdid (minn hawn 'il quddiem id-“Direttiva mfassla mill-ġdid”);
F. billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” kienet maħsuba biex tagħmel il-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam aktar koerenti u ġġibha f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE u sabiex ikun hemm simplifikazzjoni u modernizzazzjoni tal-liġijiet rilevanti dwar l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali, u b’hekk jingħata kontribut biex is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol titjieb; billi l-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla karigi ta’ maniġment f’kumpaniji li joperaw fl-UE kien għadu taħt it-18 % fl-2014;
G. billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” introduċiet punti ġodda, bħall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta, il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni li ġejja minħabba bidla fis-sess ta' persuna, u għamlet referenza espliċita għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja; billi l-isfida ewlenija għall-Istati Membri kollha hija l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tar-regoli dwar paga ugwali, kif stabbilit bid-Direttiva 2006/54/KE, u billi l-impatt ta’ dawn il-punti ġodda fl-Istati Membri għadu limitat; billi, minkejja l-korp ta’ leġiżlazzjoni sinifikanti li ilu fis-seħħ għal kważi 40 sena u l-azzjonijiet meħuda u r-riżorsi li ntefqu, il-progress f’dan il-qasam huwa estremament lent u d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha teżisti, b’medja ta’ 16.4 % madwar l-UE, iżda b’differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri;
H. billi, fost fatturi oħra, is-salarji qegħdin dejjem iżjed jiġu nnegozjati fuq bażi individwali, u dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta’ informazzjoni u trasparenza tal-istruttura tal-pagi tal-impjegati, filwaqt li jinħoloq ambjent fejn il-preġudizzju fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u diskriminazzjoni fl-istrutturi tal-pagi jibqgħu moħbija mill-impjegati u/jew ir-rappreżentanti tagħhom u għalhekk huma estremament diffiċli li jiġu ppruvati, u dan ixekkel l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga indaqs għal xogħol indaqs, li hija ostakolata wkoll minn nuqqas ta’ ċertezza legali dwar il-kunċett ta’ xogħol ta’ valur ugwali, u minn ostakli proċedurali;
I. billi ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà b’mod ġenerali, u l-fatt li jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi jgħin biex jitnaqqsu l-livelli tal-faqar u biex jiżdied il-qligħ tul il-ħajja tan-nisa u billi dan huwa vitali għat-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività u l-irkupru ekonomiku; billi d-differenza fil-pagi tidher aktar qawwija fost in-nisa bi żvantaġġi multipli, bħal nisa b’diżabilità, nisa minn minoranzi u nisa bla kwalifiki; billi l-familji b’ġenitur wieħed jinsabu dejjem aktar fost l-ifqar persuni li jaħdmu, u l-proporzjon ta’ familji b’ġenitur wieħed huwa ogħla għan-nisa milli għall-irġiel; billi d-differenza fil-pagi bejn is-sessi għalhekk għandha impatt serju fuq il-kondizzjonijiet tal-għixien u fuq l-opportunitajiet tal-ħajja ta’ ħafna familji Ewropej;
J. billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa meta mqabbla mal-irġiel: billi fl-2013, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 69.4 % fl-UE-28, imqabbla mat-58.8 % għan-nisa(4),
K. billi sar progress limitat fir-rigward tar-rati ta’ mpjieg tan-nisa u billi l-livell ta’ segregazzjoni settorjali u tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel f’tipi differenti ta’ impjiegi jibqa’ relattivament għoli, b’xi kategoriji vokazzjonali jkunu prinċipalment okkupati minn nisa kif ukoll dawk is-setturi u l-professjonijiet li għandhom tendenza li jiġu mħallsa inqas jew huma ta' valur inqas, minkejja l-qafas legali eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; billi din is-sitwazzjoni għandha impatt ukoll fuq id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa matul il-ħajja kollha; billi s-segregazzjoni vertikali, li permezz tagħha n-nisa jidhru b’mod predominanti f'impjiegi l-inqas imħallsa jew li huma fil-pożizzjonijiet tal-livell l-aktar baxx fil-ġerarkija, tikkontribwixxi wkoll għad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; billi s-segregazzjoni orizzontali u vertikali huma ostaklu għall-iżvilupp professjonali tan-nisa u jirriżultaw f’livelli aktar baxxi ta’ viżibbiltà u ta' rappreżentanza tan-nisa fl-ambjent soċjali u dak pubbliku, u bħala tali jikkontribwixxu b’mod aktar wiesa’ għal inugwaljanzi akbar, u billi li dawn jingħelbu u li jkun hemm aktar nisa f’pożizzjonijiet għolja fil-ġerarkija tal-organizzazzjonijiet jipprovdi mudelli pożittivi għaż-żgħażagħ nisa u bniet;
L. billi r-rati ta’ impjieg huma iktar baxxi fiż-żoni rurali, u barra minn hekk, kwantità kbira ta’ nisa ma jidhrux b’mod uffiċjali fis-suq tax-xogħol, u għaldaqstant mhumiex irreġistrati la bħala qegħda u lanqas ma huma inklużi fl-istatistiċi dwar il-qgħad, u dan joħloq problemi finanzjarji u legali speċifiċi f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-maternità u l-liv tal-mard, il-kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll problemi fil-każ ta’ divorzju; billi ż-żoni rurali huma żvantaġġati minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għolja;
M. billi l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni, speċjalment fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, kif ukoll li n-nisa jkunu inkoraġġiti jipparteċipaw fit-taħriġ vokazzjonali u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja fost id-diversi setturi, huma elementi importanti li jippromwovu t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs fl-impjieg; billi l-ħiliet u l-kompetenzi tan-nisa ħafna drabi huma sottovalutati, bħalma huma sottovalutati l-professjonijiet u x-xogħlijiet li fihom jippredominaw in-nisa, minkejja li dan mhux neċessarjament ġustifikat permezz ta’ xi kriterju oġġettiv;
N. billi d-Direttiva 2006/54/KE tistipula li l-Istati Membri jistgħu, bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, iżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat li jfittex attività professjonali jew li dan jimpedixxi jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali(5);
O. billi l-maternità u l-kura tat-tfal, l-anzjani, il-morda jew membri tal-familja b’diżabilità u dipendenti oħra jirrappreżentaw xogħol addizzjonali jew xi kultant xogħol full-time li kważi esklussivament jitwettaq min-nisa; billi dan ix-xogħol rarament jitħallas u mhuwiex stmat kif xieraq mis-soċjetà, anki jekk għandu importanza soċjali enormi u jikkontribwixxi għall-benessri soċjali u jista’ jitkejjel bl-indikaturi ekonomiċi bħall-PDG; billi dan jirriżulta fit-twessigħ tad-differenzi fl-introjtu li jeżistu bejn in-nisa u l-irġiel u għandu impatt detrimentali fuq il-karriera tan-nisa minħabba l-“kost” ta’ snin li wieħed iqatta’ barra mis-suq tax-xogħol jew ta’ sigħat imnaqqsa minħabba arranġamenti ta’ xogħol part-time, u konsegwentement iżid ukoll id-differenza fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; billi l-impatt ta’ dawn l-elementi fuq id-dħul tul il-ħajja jvarja madwar l-Istati Membri skont il-livell ta’ appoġġ offrut lill-ġenituri, inkluż il-provvediment ta' kura tat-tfal, jew permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew ftehimiet kollettivi;
P. billi d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel tikber wara l-irtirar, u konsegwentement id-differenza fil-pensjoni tkun kunsiderevolment ogħla mid-differenzi fil-pagi; billi n-nisa jirċievu pensjoni medja ta’ 39 % inqas mill-irġiel; billi din is-sitwazzjoni hija kkawżata minn fatturi soċjali u ekonomiċi bħal swieq tax-xogħol segregati ħafna, filwaqt li x-xogħol tan-nisa hu sottovalutat, l-ogħla proporzjon ta’ nisa jaħdmu part-time, b'pagi fis-siegħa aktar baxxi, u anqas snin fl-impjieg; billi dan iżid ir-riskju ta’ faqar għan-nisa rtirati; billi aktar minn terz tan-nisa ta' età akbar fl-UE ma għandhom ebda pensjoni;
Q. billi ċerti kategoriji ta’ nisa jinsabu f’riskju ta’ diskriminazzjoni multipla fl-impjieg u fix-xogħol, fosthom in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, nisa leżbjani, bisesswali, nisa transġeneru, nisa waħidhom, nisa b’diżabilitajiet u nisa anzjani;
R. billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” tindika b’mod ċar li kwalunkwe forma ta’ trattament inqas favorevoli fir-rigward tat-tqala jew il-liv tal-maternità tikkostitwixxi diskriminazzjoni; billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” tipprovdi wkoll b’mod ċar garanzija tar-ritorn għax-xogħol wara l-liv tal-maternità għall-istess impjieg jew għal impjieg ekwivalenti u protezzjoni mit-tkeċċija għall-irġiel u n-nisa meta dawn jeżerċitaw id-dritt għal-liv parentali u/jew għall-adozzjoni;
S. billi l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti ħafna biex ikun inkoraġġit it-trattament ugwali u jiġi promoss il-kunċett ta’ xogħol ibbażat fuq paga ugwali;
T. billi l-korpi tal-ugwaljanza huma preżenti fl-Istati Membri kollha, iżda l-ħidma tagħhom u l-impatt ivarja ħafna skont il-livell ta’ indipendenza tagħhom u l-kompetenzi u r-riżorsi tagħhom; billi dawn il-korpi għandhom jiġu appoġġjati u msaħħa b’mod adegwat fil-qadi ta’ dmirijiethom fir-rigward tal-promozzjoni, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta’ trattament ugwali b’mod indipendenti u effettiv;
U. billi l-Parlament ripetutament talab lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa; billi l-għeluq ta’ dan id-distakk jirrappreżenta mezz li permezz tiegħu jiżdiedu r-rati tal-impjieg fost in-nisa, titjieb is-sitwazzjoni ta’ ħafna familji Ewropej u jitnaqqas ir-riskju ta’ faqar għan-nisa, speċjalment fl-età tal-pensjoni;
V. billi l-għeluq tad-differenza bejn il-ġeneru tirrappreżenta mezz li bih jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 f’termini ta’ impjiegi u tnaqqis tal-faqar kif ukoll l-iżgurar tal-moviment ħieles tal-ħaddiema bħala libertà fundamentali Ewropea; billi skont il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew(6) , tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed fid-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa se jżid it-tkabbir ekonomiku b’0.1 %;
W. billi r-rwoli tradizzjonali tas-sessi u l-istereotipi għadhom jeżerċitaw influwenza kbira ħafna fuq id-diviżjoni tax-xogħol fid-dar, fl-edukazzjoni, fil-karrieri, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali;
Valutazzjoni ġenerali
1. Jinnota li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri ġabu l-liġijiet nazzjonali tagħhom f’konformità mad-Dritt tal-UE(7); jirrimarka li sempliċiment it-traspożizzjoni b’mod korrett tad-dispożizzjonijiet tad-'Direttiva mfassla mill-ġdid' fil-liġi nazzjonali ma kenitx biżżejjed biex jintlaħqu l-applikazzjoni sħiħa u l-infurzar effettiv tagħhom, u li d-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jeżistu;
2. Jiddispjaċih li għalkemm l-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu biss dawk 'it-tibdiliet sostantivi' li ġabet id-'direttiva mfassla mill-ġdid', it-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet ta’ natura suffiċjentement ċara u korretta f’żewġ Stati Membri biss, bi kwistjonijiet pendenti fis-26 Stat Membru l-oħra; jirrimarka, madankollu, li dawn il-bidliet ma kinux ġew identifikati b’mod ċar; jenfasizza l-fatt li l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni kienu limitati fl-impatt tagħhom fejn jirrigwarda l-fatt li jkun żgurat approċċ koerenti kif ukoll gwida meħtieġa sabiex tista' ssir implimentazzjoni effettiva fil-livell nazzjonali;
3. Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri ma ħatfux l-opportunità biex jissimplifikaw u jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol; jirrimarka li l-Istati Membri mhux biss huma mistennija li jittrasponu d-Direttiva iżda wkoll li jiżguraw sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali u l-infurzar tar-rimedji kollha disponibbli għal diskriminazzjoni fil-pagi;
4. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma adottatx l-inizjattiva leġiżlattiva li hija kienet impenjat ruħha li tippreżenta s-sena l-oħra sabiex tippromwovi u tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali fil-prattika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tidentifika l-punti dgħajfa tad-'Direttiva mfassla mill-ġdid' u li tħejji, bħala kwistjoni ta’ urġenza, proposta leġiżlattiva li tista’ tibdilha, u f’din il-proposta tipprovdi għal aktar mezzi effettivi li jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva fl-Istati Membri;
5. Jirrimarka, barra minn hekk, li l-biża' li persuna titlef l-impjieg tagħha wasslet biex ħafna nisa jabbandunaw il-possibbiltà ta' rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja permezz tal-użu ta’ jum iqsar ta’ xogħol jew ta' formoli simili, b’hekk dan għamel il-bilanċ ħajja tal-familja diffiċli, u wassal biex tkompli tonqos ir-rata ta’ twelid f'uħud mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta din it-tendenza u miżuri li ħadu gvernijiet differenti biex jiġi miġġieled il-fenomenu, u biex tressaq miżuri ħalli jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi fuq it-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;
Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ paga ugwali
6. Jenfasizza li, filwaqt li d-differenzi bejn ir-rati ta' impjieg u l-livelli tal-paga tal-irġiel u n-nisa setgħu tnaqqsu kemmxejn f'dawn l-aħħar snin, dan mhuwiex ir-riżultat ta' titjib fil-pożizzjoni tan-nisa, iżda konsegwenza tat-tnaqqis fir-rati ta' impjieg u fil-livelli ta' pagi tal-irġiel minħabba l-kriżi ekonomika;
7. Jenfasizza l-fatt li skont il-każistika tal-QtĠ-UE, għandu jiġi osservat il-prinċipju ta’ paga ugwali fir-rigward ta’ kull wieħed mill-elementi tar-remunerazzjoni mogħtija lill-irġiel u n-nisa;
8. Itenni l-ħtieġa li jkun hemm definizzjonijiet armonizzati, għat-tqabbil fil-livell tal-UE, ta’ termini bħal id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, id-differenza fil-pensjoni tal-anzjani nisa u rġiel, ir-remunerazzjoni, id-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi, u, speċjalment, xogħol trattat bħala ‘ugwali’ u xogħol tal-istess valur; iqis li, f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE, il-valur tax-xogħol għandu jkun ivvalutat u mqabbel skont kriterji oġġettivi, bħal rekwiżiti edukattivi, professjonali u dawk ta’ taħriġ, ħiliet, sforz u responsabbiltà, ix-xogħol li wieħed ikun għamel u n-natura tal-kompiti involuti; jirrimarka li minħabba d-diversi tipi ta’ kuntratti tax-xogħol li jeżistu, kemm statutorji kif ukoll kuntrattwali, il-kalkolu attwali tad-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa jista’ jwassal għal fehim mhux preċiż tal-problema ta’ paga ugwali; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza dawn id-distorsjonijiet possibbli u biex tipproponi soluzzjonijiet adegwati, inkluża l-introduzzjoni ta’ verifiki tal-ħlas obbligatorji għal kumpaniji elenkati fil-boroż tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippjanaw l-applikazzjoni tas-sistemi eżistenti ta’ evalwazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi li jvarjaw b’mod konsiderevoli; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida għal sistemi newtrali ta’ evalwazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi, inklużi miżuri speċifiċi, bħar-rappreżentanza proporzjonali tan-nisa u l-irġiel fil-kumitati ta’ evalwazzjoni, l-iżvilupp ta’ deskrizzjonijiet tax-xogħol newtrali u tal-grids tal-ippeżar, u d-definizzjoni ta’ kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-valur tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu u jużaw sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol ċari u newtrali fir-rigward tal-ġeneru, abbażi tal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni, b’tali mod li jkunu jistgħu jindunaw b'diskriminazzjoni indiretta fil-pagi relatata mas-sottovalutazzjoni ta’ impjiegi tipikament magħmula min-nisa;
10. Hu tal-fehma li sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol għandhom preferibbilment ikunu bbażati fuq in-negozjar kollettiv;
11. Jirrimarka li sistema ċara u armonizzata ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi u t-trasparenza fil-pagi se jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja; jinnota li diversi Stati Membri diġà ħadu miżuri speċifiċi ta’ trasparenza fil-pagi; jenfasizza d-differenza li teżisti bejn dawn il-miżuri, u jieħu nota tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-pagi, għalkemm jiddispjaċih dwar in-natura mhux vinkolanti tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod attiv dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta' leġiżlazzjoni li twassal għal azzjoni trasparenti u pożittiva kontinwa, peress li ntwera li dan kien ta’ suċċess, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi rakkomandati u mfassla apposta; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt reali ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż ir-rekwiżit għall-kumpaniji li jirrapportaw regolarment dwar ir-remunerazzjoni medja skont il-kategorija ta’ impjegat jew il-pożizzjoni, imqassma skont il-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-proposta leġiżlattiva l-ġdida tagħha l-miżuri msemmija fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2014 dwar it-trasparenza fil-pagi, id-differenza fil-pagi tal-irġiel u tan-nisa, u l-korpi tal-ugwaljanza; jistieden lill-Istati Membri biex jeżerċitaw pressjoni dwar prattiki ta' paga inugwali u biex jippromwovu t-trasparenza tal-pagi kif mitlub mit-trade unions u l-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fost partijiet interessati oħra;
Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar trattament ugwali
12. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni indiretta fl-iskemi tal-pensjonijiet, mhux biss fl-iskemi tax-xogħol iżda wkoll fil-prattiki tal-iskemi tal-pensjonijiet statutorji; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi ta' pensjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu meqjusa bħala paga u li b'hekk, il-prinċipju tat-trattament ugwali japplika għal dawn l-iskemi ukoll, minkejja l-fatt li d-distinzjoni bejn l-iskemi tal-pensjonijiet statutorji u dawk tax-xogħol hija problematika f'ċerti Stati Membri u li l-kunċett tal-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol mhuwiex magħruf f'xi Stati Membri, u dan jista' jwassal għal diskriminazzjoni indiretta fis-suq tax-xogħol; jirrikonoxxi li l-aċċess tan-nisa għal skemi ta’ pensjoni tax-xogħol hija aktar ristretta, minħabba ħinijiet tax-xogħol iqsar, inqas anzjanità u segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, u li skemi bbażati fuq il-kontribuzzjoni rarament jikkunsidraw waqfiet relatati mal-kura u xogħol part-time involontarju; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-impatt tal-bidla minn pensjonijiet tal-Istat statutorji lejn skemi tax-xogħol u skemi privati fuq id-differenza fil-pensjoni tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, peress li t-traspożizzjoni ma tantx dehret li kienet ċara f’xi Stati Membri;
13. Jitlob lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-maternità tagħhom u jieħdu miżuri biex jimpedixxu t-tkeċċija inġusta tal-impjegati matul it-tqala u meta dawn jirritoraw lura wara l-liv tal-maternità; jistieden lill-Kunsill biex finalment jadotta pożizzjoni komuni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-promozzjoni tat-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal, ħaddiema li welldu reċentament, u nisa li qed ireddgħu (id-‘Direttiva dwar il-liv tal-Maternità’); jistieden lill-Kunsill biex jadotta malajr kemm jista’ jkun pożizzjoni komuni dwar il-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-borża u miżuri relatati;
14. Jinnota li fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-liv tal-maternità u tal-paternità u/jew il-liv għall-adozzjoni, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod koerenti fil-livell nazzjonali l-isfidi partikolari li jeżistu, inklużi d-differenzi settorjali (pubbliku-privat) u ta’ natura organizzattiva (dawn tal-aħħar kemm bejn l-intrapriżi u kemm bejn l-intrapriżi kbar, żgħar u dawk ta’ daqs medju), is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ kuntratti part-time u atipiċi, u l-prattiki ta’ kuntratti għal żmien determinat li jtemmu l-perjodu ta’ protezzjoni u jwasslu għal riżenji volontarji mix-xogħol;
15. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni multipla, biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjieg, inkluż diskriminazzjoni kontra minoranzi etniċi u persuni b'diżabilità u diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u b'mod partikolari biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni soċjali ħalli jiżguraw li l-pagi tan-nisa u l-benefiċċji soċjali, inklużi l-pensjonijiet, ikunu ugwal għal tal-irġiel bl-istess esperjenza jew esperjenza simili li jagħmlu l-istess xogħol, jew xogħol ta' valur ugwali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, billi joħolqu sistemi ta’ monitoraġġ effettivi, sabiex jieħdu miżuri superviżorji u ta' kontroll biex itejbu l-ġbir tad-data dwar każijiet ta’ fastidju u diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, inkluż fir-rigward ta’ diskriminazzjoni relatata mat-tqala u l-maternità u forom oħrajn ta’ liv; jemmen li f’dawn il-każijiet għandha ssir ukoll dispożizzjoni għal sistema ta’ pieni, iżda li fuq kollox għandhom isiru sforzi f’termini ta’ prevenzjoni, sabiex is-servizzi jsiru aċċessibbli għal nisa tqal jew nisa li għadhom kif saru ommijiet li jistgħu jgħinuhom jiksbu bilanċ bejn tqala jew maternità u l-professjoni tagħhom, mingħajr ma jiġu obbligati li jagħżlu bejn ix-xogħol u l-familja, kif għadu ta’ sikwit jiġri; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 26 (dwar il-fastidju sesswali) fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ċari biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol b'mod aktar effiċjenti; jiddispjaċih mill-fatt li minkejja d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tal-individwi mid-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, 30 % tal-persuni transġeneru li jfittxu impjieg esperjenzaw diskriminazzjoni huma u jfittxu xogħol u n-nisa transġeneru x'aktarx kienu dawk li l-aktar ħassewhom iddiskriminati fis-sena ta' qabel l-istħarriġ dwar l-LGBT tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li dan huwa ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-entitajiet nazzjonali responsabbli u l-proċeduri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-bidla fis-sess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'għarfin espert dwar kif għandhom jipproċedu biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg għal raġunijiet ta' "karatteristiċi tas-sess"; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-persuni transġeneru u intersesswali fit-taħriġ dwar id-diversità, u biex jaħdmu ma' min iħaddem fuq miżuri li għandhom jittieħdu fuq il-post tax-xogħol, pereżempju l-proċeduri għal reklutaġġ anonimu; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jindirizzaw b’mod attiv id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneru f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE;
18. Iqis li huwa spjaċevoli li bosta Stati Membri ma rnexxielhomx jintroduċu protezzjoni speċifika kontra d-diskriminazzjoni b'rabta mal-assenzjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru meta kienu qed jittrasponu d-Direttiva, u jitlob lill-Kummissjoni biex tirresponsabbilizza lill-Istati Membri; itenni l-importanza li l-Istati Membri jinkludu b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-bidla fis-sess; jemmen li l-protezzjoni legali attwali mogħtija bid-direttiva lil dawk li biħsiebhom jagħmlu, qed jagħmlu jew għamlu assenzjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru għandha tiġi estiża għall-persuni transġeneru kollha; jitlob b'rabta ma' dan għal inklużjoni espliċita fi kwalunkwe riformulazzjoni futura ta' projbizzjoni ta' diskriminazzjoni abbażi tal-identità sesswali;
19. Jiġbed l-attenzjoni li l-aċċess għall-ġustizzja f’dan il-qasam huwa limitat minħabba għadd ta’ raġunijiet, bħalma huma t-tul u l-ispejjeż tal-proċeduri, l-isfidi ffaċċjati mill-korpi għall-ugwaljanza f’ċerti Stati Membri, in-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi, in-nuqqas ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas, il-biża’ tal-istigmatizzazzjoni jew it-tbatija tat-tpattija jekk il-vittmi jitkellmu dwar id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-fatt li l-applikazzjoni tar-regola tal-obbligu tal-provi toħloq ukoll problemi f’bosta Stati Membri, u b’hekk tagħmel il-ħarsien tal-ħaddiema nisa diffiċli peress li dawn ta’ spiss ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni rilevanti jew ikollhom biss aċċess limitat u, barra minn hekk, jibżgħu li jitilfu x-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu rwol attiv billi jipprovdu assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, direttament jew permezz ta’ appoġġ għal korpi ta’ ugwaljanza, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet komunitarji u NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam; jirrimarka li soluzzjoni rilevanti biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’dan il-qasam tista' tkun l-għoti tas-setgħa lill-korpi għall-ugwaljanza indipendenti biex jipprovdu assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, inkluża għajnuna legali bla ħlas, kif ukoll id-dritt li jirrappreżentaw l-individwi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi; jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, li jiġu introdotti sistemi ta’ rappurtar kunfidenzjali fl-Istati Membri li jippermettu lin-nisa jirrappurtaw każijiet possibbli ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament fuq il-post tax-xogħol;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti u tiddisemina r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni fir-rigward tal-miżuri effettivi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex iħeġġu lil min iħaddem u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ vokazzjonali jimpedixxu l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, b’mod partikolari fir-rigward tal-fastidju u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, billi jtejbu l-aċċess għall-impjiegi, billi joffru aktar taħriġ vokazzjonali u jippromwovu l-aħjar prattiki;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess tan-nisa għal tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ vokazzjonali, u n-netwerks ta’ mentoring madwar l-Ewropa, speċjalment f’setturi ddominati mill-irġiel, u biex jiddisseminaw l-aħjar prattika;
Promozzjoni ta’ trattament ugwali u ta' djalogu soċjali
22. Itenni li l-korpi ta’ ugwaljanza għandu jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi adegwati u l-persunal biex jimmonitorjaw u jirrappurtaw b’mod effettiv u indipendenti dwar il-leġiżlazzjoni li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza li l-indipendenza tal-korpi ta’ ugwaljanza trid tiġi żgurata fl-Istati Membri kollha, u li l-forma istituzzjonali preċiża ta’ dawn il-korpi hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkorraġixxu l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem), is-soċjetà ċivili u l-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi biex jippromwovu l-monitoraġġ ta’ prattiki ta’ ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, inklużi arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata u jkun hemm aktar skrutinju ta’ ftehimiet kollettivi u skali tal-pagi applikabbli u skemi ta’ klasssifikazzjoni tax-xogħol sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa; jenfasizza wkoll l-importanza ta’ strumenti oħra bħal kodiċi ta’ kondotta, ir-riċerka, u l-iskambji ta’ esperjenza u prattika tajba fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni aħjar kontra d-diskriminazzjoni;
24. Huwa tal-fehma li l-protezzjoni tad-data ma tistax tiġi invokata bħala skuża biex ma jiġux ippubblikati r-rapporti annwali tal-pagi fil-livell tal-post tax-xogħol;
25. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-obbligi għall-intrapriżi kbar u ta’ daqs medju biex jiżguraw il-promozzjoni sistematika ta’ trattament ugwali u biex jipprovdu l-informazzjoni xierqa fuq bażi regolari lill-impjegati tagħhom, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ paga ugwali; itenni li l-introduzzjoni ta’ penali finanzjarji għal dawk li jħaddmu li ma jirrispettawx l-ugwaljanza salarjali x’aktarx tkun mezz rilevanti biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, pereżempju, billi jiżguraw li, sa fejn ikun ikkonċernat il-prinċipju tal-pagi ugwali, l-aġenziji tal-ispezzjoni u l-infurzar ikollhom ir-riżorsi tekniċi, umani u finanzjarji meħtieġa, u biex tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali jkejlu d-dimensjoni tal-ugwaljanza ta’ ftehimiet kollettivi;
27. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-arranġamenti ta’ spezzjoni tax-xogħol pubbliċi u biex jiġu adottati metodi li jkejlu l-valur tax-xogħol u, pereżempju jiġu identifikati impjiegi fejn is-salarji huma baxxi u l-impjegati huma prinċipalment femminili u li b'hekk timplika forma ta’ diskriminazzjoni indiretta tal-paga;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b’mod sinifikanti l-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati, inklużi l-korpi tal-ugwaljanza, l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem) u l-NGOs, sabiex jiġu miġġielda l-isterjotipi dwar ix-xogħol tan-nisa u l-irġiel u kif dawn iħallu impatt fuq il-valur tax-xogħol u l-paga baxxa, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, u li l-kumpaniji jagħżlu l-aktar kandidati kwalifikati fuq il-bażi ta’ analiżi komparattiva tal-kwalifiki billi jiġu applikati kriterji stabbiliti minn qabel, ċari, ifformulati b’mod newtrali, mhux diskriminatorji u mhux ambigwi;
29. Jindika li waħda min-novitajiet introdotti mid-“Direttiva mfassla mill-ġdid” hija r-referenza għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem), biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi li jiżguraw drittijiet aktar b’saħħithom għall-irġiel u n-nisa f’dan il-qasam; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ faċilitajiet pubbliċi għall-indukrar tat-tfal skont l-objettivi ta’ Barċellona huwa partikolarment meħtieġ f’dan ir-rigward;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jifirxu u jżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika li tirrigwarda l-pagi ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet, u dwar diskriminazzjoni diretta u indiretta tan-nisa fuq il-post tax-xogħol fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
31. Josserva b’interess li ħafna nisa jagħżlu li jaħdmu għal rashom minħabba li dan huwa l-uniku mod ta’ ħidma tagħhom li jippermettilhom li jikkombinaw il-ħajja tal-familja u tax-xogħol; jinnota, madankollu, li f’bosta Stati Membri l-benefiċċji ta’ protezzjoni tal-benesseri u l-benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk ta’ ħaddiema impjegati;
Rakkomandazzjonijiet
32. Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jinfurzaw id-Direttiva mfassla mill-ġdid 2006/54/KE b’mod konsistenti, u jinkoraġġixxu lill-imsieħba soċjali biex jieħdu rwol aktar attiv biex jitħeġġeġ trattament ugwali, inkluż permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw kwalunkwe inugwaljanzi fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, b’azzjonijiet konkreti u monitoraġġ tal-eżitu, fil-livell tal-kumpanija, dak settorjali, nazzjonali u tal-UE;
33. Jistieden lill-Kummissjoni, wara r-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-“Direttiva mfassla mill-ġdid” u din ir-riżoluzzjoni, biex tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE mfassla mill-ġdid, kif diġà ġie mitlub mill-Parlament, b’mod partikulari fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 li fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi u ċari;
34. Jenfasizza l-fatt li l-klassifikazzjoni u l-evalwazzjoni newtrali mil-lat tal-ġeneru tal-impjiegi, kif ukoll it-trasparenza fil-pagi, huma miżuri indispensabbli sabiex jiġi mħeġġeġ trattament ugwali; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, sabiex tinkludi dawn il-miżuri fil-proposta tagħha għal Direttiva ġdida li tissostitwixxi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid”; jirrimarka li approċċ armonizzat biss huwa kompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema bħala libertà bażika Ewropea;
35. Jindika l-ħtieġa li jinstab metodu ta’ evalwazzjoni tax-xogħol ħieles mill-preġudizzju bejn is-sessi, li jippermetti li l-impjiegi jitqabblu fuq il-bażi tal-iskala u l-kumplessità tagħhom sabiex tiġi determinata l-pożizzjoni ta’ impjieg wieħed meta mqabbel ma’ impjieg ieħor fi ħdan settur partikolari jew organizzazzjoni, jekk l-impjiegi inkwistjoni ikun fihom nisa jew irġiel;
36. Isejjaħ għal rappreżentanza bilanċjata tas-sessi fil-bordijiet tat-tmexxija tagħhom;
37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi fid-Direttiva l-ġdida l-awditjar tal-pagi b'mod obbligatorju għal kumpaniji elenkati fil-boroż tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex tiġi enfasizzata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, u jiġu introdotti sanzjonijiet fil-livell tal-UE li jeskludu kumpaniji li jonqsu milli jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi mill-akkwist pubbliku ta’ oġġetti u servizzi ffinanzjati mill-baġit tal-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess ma’ kumpaniji ffinanzjati b’sussidji pubbliċi;
38. Jitlob lill-Istati Membri jkunu huma stess ta' eżempju fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pagi għan-nisa f’karigi governattivi, istituzzjonijiet u kumpaniji pubbliċi b’mod ġenerali;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards u kontrolli komuni li jiżguraw l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza;
40. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi ta’ trattament inugwali u ta' diskriminazzjoni, partikolarment dawk li jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni multipla, ikunu intitolati għal kumpens proporzjonat skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ;
41. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jinvertu l-oneru tal-prova, billi jiġi żgurat li jkun dejjem min iħaddem li għandu jipprova li dawn id-differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġew ikkonstatati ma rriżultawx f'xi diskriminazzjoni;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tiġi miġġielda l-persistenza ta’ sterjotipi, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-livelli kollha tas-soċjetà, b'involviment akbar tal-midja, bi strateġiji li jħeġġu lin-nisa biex jagħżlu karrieri u professjonijiet fejn huma anqas rappreżentati, u bl-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
43. Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali biss twassal għal titjib reali tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u li din teħtieġ rieda politika vera u kooperazzjoni strateġika bejn l-atturi differenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, settorjali u organizzativ; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija attiva, flimkien ma’ punti ta’ referenza, għanijiet u miri bi skadenza, biex titnaqqas l-inugwaljanza fil-qasam tal-impjiegi u l-qgħad, kif sar b’suċċess f’oqsma oħra bħal, pereżempju, it-tnaqqas tal-għadd ta’ aċċidenti stradali fl-UE;
44. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod attiv ibbaġitjar tal-ġeneru sabiex jippromwovu t-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tippromovi l-iskambju ta’ eżempji tal-aħjar prattiki rigward l-ibbaġitjar tal-ġeneru;
45. Jenfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri pożittivi li jippromwovu l-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi; jirrimarka li kwoti vinkolanti wrew li huma fost l-aħjar modi biex jinkiseb dan l-objettiv;
46. Jindika li miżuri pożittivi huma wkoll meħtieġa biex jiġi inċentivat il-ġeneru l-inqas rappreżentat biex jidħol f’ċerti professjonijiet fejn ikun hemm is-segregazzjoni orizzontali ċara tal-ġeneru;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tħares lejn il-fatturi li jwasslu għal differenzi fil-pensjonijiet u biex tivvaluta l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi li jnaqqsu din id-differenza fil-livell tal-UE u nazzjonali, inkluż permezz ta’ miżuri leġiżlattivi u/jew mhux leġiżlattivi;
48. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jieħdu l-miżuri adegwati biex titnaqqas id-differenza fil-pensjonijiet bejn is-sessi li hija konsegwenza diretta tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi u jevalwaw l-impatt tas-sistemi ġodda tal-pensjoni fuq diversi kategoriji ta’ nisa, b’attenzjoni partikolari fuq il-kuntratti part-time u l-kuntratti mhux standard,
49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jopponu l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki tal-Unjoni u l-programmi nazzjonali relevanti kollha, b'mod partikulari dawk maħsuba għall-ġlieda kontra l-faqar;
50. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju li jista' jqabbel is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ ommijiet li jaħdmu, l-ommijiet li jagħżlu li jibqgħu d-dar, u nisa bla tfal, sabiex jitfa' aktar dawl fuq il-pożizzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-gruppi ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, waqt li speċifikament iħares lejn il-livelli ta’ impjieg, il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, u l-iżvilupp tal-karriera;
51. Jenfasizza r-rilevanza ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi affidabbli, komparabbli u disponibbli, kif ukoll statistika msejsa fuq is-sessi, biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tad-Direttiva u segwitu għaliha, u jfakkar f’dan ir-rigward fl-irwol tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat bi statistika annwali ta’ kwalità għolja dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati żviluppi madwar l-UE kollha;
52. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar kif il-proċeduri relatati ma’ rikonoxximent uffiċjali ta’ bidla fis-sess ta’ persuna, jew fin-nuqqas ta’ tali proċeduri, jaffettwaw il-pożizzjoni tal-persuni transġeneru fis-suq tax-xogħol, partikolarment l-aċċess tagħhom għall-impjiegi, il-livell ta' remunerazzjoni, l-iżvilupp tal-karriera u l-pensjonijiet;
53. Jirrimarka li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew għandhom jinkludi miri biex titnaqqas id-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi, id-diskriminazzjoni u r-riskju tal-faqar fost in-nisa anzjani, u biex jiġu implimentati b’mod effikaċi l-prinċipji ta’ trattament ugwali;
54. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja bir-reqqa l-qagħda tal-impjiegi tan-nisa fit-tielet settur, l-ekonomija soċjali u l-ekonomija kollaborattiva, u biex tipproponi, malajr kemm jista’ jkun, strateġija li tippromwovi u tipproteġi l-impjiegi u l-qagħda tan-nisa f’dawn is-setturi;
55. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda l-prattika ta' impjiegi mhux iddikjarati u prekarji; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa li jolqot b'mod negattiv l-introjtu, is-sigurtà soċjali, il-kopertura u l-protezzjoni tan-nisa, u li għandu effett ħażin fuq il-livelli tal-PDG tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod partikolari x-xogħol domestiku, li jsir l-aktar min-nisa, bħala sfida speċjali, peress li dan ix-xogħol jaqa' fis-settur informali, huwa singularizzat u fin-natura tiegħu inviżibbli, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri strutturati sabiex jiġi indirizzat b'mod effiċjenti; jiddeplora, barra minn hekk, l-abbuż ta' forom ta' kuntratt atipiċi, inklużi l-kuntratti ta' żero sigħat, sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta' konformità mal-obbligi b'rabta mal-impjiegi u mal-protezzjoni soċjali; jiddispjaċih mill-fatt li kien hemm żieda fin-numru ta' nisa maqbuda fil-faqar fost dawk li jaħdmu;
56. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjonijiet biex: (a) titnaqqas id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa; (b) tiżdied l-indipendenza ekonomika tan-nisa; (ċ) jitjiebu l-aċċessibilità u l-progress fil-karriera fis-suq tax-xogħol għan-nisa; (d) tiżdied b'mod fundamentali l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; u (e) jitneħħew strutturi u prattiki diskriminatorji relatati mas-sessi;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisagħal xogħol ugwali ta’ valur ugwali”, prodotta mill-Parlament fl-2013