Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 26 ta' Novembru 2015 - StrasburguVerżjoni finali
L-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul
 Il-Kambodja
 Il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh
 Is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO
 Adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali UE-Kolombja u Perù
 Strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020
 L-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla
 Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020

L-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul
PDF 271kWORD 82k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul (2015/2968(RSP))
P8_TA(2015)0412RC-B8-1258/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan(1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp(2),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Lokali tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Afganistan fl-2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza dwar l-Implimentazzjoni u s-Sostenn tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (UNSCR 1325) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà fl-20 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' nofs is-sena tal-UNAMA OHCHR ta' Awwissu 2015 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Afganistan għall-2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-26 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Novembru 2015 mill-missjoni tan-NU li tikkundanna "l-qtil bla sens" ta' seba' ostaġġi ċivili f'Zabul,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi qed jikber it-tħassib dwar il-persekuzzjoni etnika u settarja fl-Afganistan, minħabba li l-inċidenti ta' ħtif u attakki li ilhom iseħħu għal xhur sħaħ huma mmirati fuq il-Hazara, grupp etniku li jitqies bħala t-tielet l-akbar fil-pajjiż, u l-uniku wieħed li huwa kompost b'mod predominanti minn Xiiti;

B.  billi seba' persuni ċivili nħatfu f'Ottubru 2015 u ġew ġustizzjati bejn is-6 u t-8 ta' Novembru 2015 fid-distrett ta' Arghandab, u billi ġie rrappurtat li hemmhekk seħħew skontri armati bejn żewġ gruppi rivali ta' persuni li huma kontra l-gvern;

C.  billi x-Xiiti tal-komunità Hazara huma fost il-minoranzi etniċi rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni l-ġdida tal-Afganistan;

D.  billi, fil-21 ta' Novembru 2015, sa 30 persuna Hazara ġew attakkati bl-armi tan-nar waqt li kienu qed jivvjaġġaw fi grupp f'awtostrada fin-Nofsinhar; billi tal-anqas ħames persuni Hazara oħra li kienu rekbin fuq karozz tal-linja sejra lejn Kabul ġew salvati minn vjaġġaturi oħra li għenuhom jaħbu min kienu wara li militanti waqqfu l-kowċ fi triqtha;

E.  billi l-każijiet ta' qtil f'Zabul jissottolinjaw il-perikli partikolari li l-Hazara qed jiffaċċjaw; billi passiġġieri Hazara rekbin fuq karozzi tal-linja sfaw separati mill-passiġġieri l-oħra, maħtufa, u f'xi każijiet, maqtula f'għadd ta' inċidenti tul dawn l-aħħar sentejn;

F.  billi l-każijiet ta' qtil jenfasizzaw it-theddida terroristika kontinwa li t-Taliban u l-gruppi sussidjarji tagħhom, li wħud minnhom, skont rapporti, wegħdu l-lealtà tagħhom lid-Da'esh/ISIL;

G.  billi l-Unjoni Ewropea ilha sa mill-2002 tappoġġja r-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-Afganistan u hija impenjata favur Afganistan paċifiku, stabbli u sigur;

H.  billi l-missjoni EUPOL, imnedija fl-2007 biex tappoġġja t-taħriġ tal-forzi tal-pulizija Afgani, tgħin biex tiġi stabbilita sistema penali / ġudizzjarja taħt amministrazzjoni Afgana; billi l-Kunsill f'Diċembru 2014 iddeċieda li jestendi l-missjoni sal-31 ta' Diċembru 2016;

I.  billi l-missjoni tal-Forza Internazzjonali ta' Assistenza tas-Sigurtà (ISAF) ġiet ikkompletata fi tmiem l-2014; billi l-missjoni l-ġdida "Resolute Support Mission" (Missjoni ta' Appoġġ Deċiż) tnediet f'Jannar 2015 bil-għan li tagħti aktar taħriġ, pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani;

J.  billi l-qtil ta' persuni ċivili, kif ukoll il-ħtif ta' ostaġġi ċivili, huma vjolazzjonijet tad-dritt umanitarju internazzjonali, li l-partijiet kollha fil-kunflitti armati – inklużi l-elementi kollha kontra l-gvern – għandhom l-obbligu li jirrispettawh;

K.  billi s-sigurtà fl-Afganistan kollu kemm hu għadha tikkawża tħassib serju minħabba l-attivitajiet terroristiċi tat-Taliban;

L.  billi għadhom iseħħu danni kollaterali li jwasslu għal għadd drammatiku ta' mwiet u ferimenti ta' persuni ċivili innoċenti, ta' membri tal-persunal umanitarju u saħansitra ta' suldati li jkunu qed iwettqu missjonijiet taż-żamma tal-paċi;

M.  billi s-sejħa li għamel dan l-aħħar il-mexxej ta' al-Qaeda, al- Zawahiri, biex il-ġellieda tal-ISIL jagħmlu gwerra kontra l-koalizzjoni internazzjonali hija theddida oħra kontra l-forzi tan-NATO li jinsabu fl-Afganistan, u kontra s-sigurtà tal-pajjiż;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil u d-dekapitazzjoni barbara ta' seba' persuni Hazara (żewġ nisa, erba' rġiel u tifla żgħira) fil-provinċja ta' Zabul, li tinsab fix-Xlokk tal-Afganistan fuq il-fruntiera mal-Pakistan;

2.  Jikkundanna l-attakki mit-Taliban, minn al-Qaeda, mill-ISIL u minn gruppi terroristiċi oħra fuq persuni ċivili Afgani, fuq il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà, fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi u fuq is-soċjetà ċivili, attakki li qed jikkawżaw għadd rekord ta' mwiet u ferimenti; jenfasizza li l-protezzjoni tal-komunità Hazara, bħala grupp partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza terroristika tat-Taliban u ta' Da'esh / ISIL, għandha tkun prijorità għall-Gvern Afgan;

3.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji milquta, partikolarment lil dawk tal-vittmi reċenti tal-każijijet terribbli ta' qtil fil-komunità Hazara;

4.  Jitlob li l-awtoritajiet Afgani jingħataw appoġġ ħalli jkunu jistgħu jieħdu azzjoni rapida u xierqa bil-għan li jiżguraw li l-qattiela ta' persuni ċivili innoċenti jinġiebu quddiem il-ġustizzja, u jerġgħu jaffermaw l-istat tad-dritt fil-pajjiż;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jiżguraw li l-membri tal-forzi tas-sigurtà li jkunu implikati f'każijiiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li għandhom responsabbiltà ta' kmand fuq forzi li jwettqu abbużi, jiġu investigati b'mod kredibbli u imparzjali, u jiġu dixxiplinati jew jittellgħu quddiem il-qrati, skont ma jkun f'loku;

6.  Jemmen li l-każijiet ta' qtil ta' ostaġġi ċivili, inklużi n-nisa u t-tfal, iridu jiġu ttrattati bħala delitti tal-gwerra; jenfasizza li l-qtil ta' persuni ċivili innoċenti huwa projbit mid-Dritt Umanitarju Internazzjonali; itenni li dan id-Dritt irid jiġi rrispettat mill-partijiet kollha fil-kunflitt, inklużi l-gruppi sekondarji;

7.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward is-sitwazzjoni gravi tas-sigurtà, iż-żieda kostanti tal-vjolenza, l-atti terroristiċi li qed iwasslu għal qabża fl-għadd ta' vittmi u t-theddidet kostanti kontra popolazzjoni li qed tinġiegħel tgħix fi klima ta' tkattir tal-biża' u tal-intimidazzjoni;

8.  Iqis li s-sigurtà nazzjonali hija bażi essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku, għall-istabbiltà politika u għall-ġejjieni tal-Afganistan;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan jintensifika l-kooperazzjoni mal-Gvern tal-Pakistan; jenfasizza li kollaborazzjoni aktar stretta fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u governanza tkun ta' vantaġġ reċiproku, u tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà fir-reġjun;

10.  Jitlob li l-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jibqgħu involuti bis-sħiħ, u jappoġġjaw lill-Gvern Afgan fil-ġlieda kontra r-ribelli;

11.  Iġedded l-impenn tiegħu favur kull sforz intiż biex jeħles lill-Afganistan mit-terroriżmu u mill-estremiżmu, u jemmen li dawn l-isforzi huma ta' importanza vitali għas-sigurtà reġjonali u dinjija, biex jinbena pajjiż inklussiv, stabbli, demokratiku u aktar ta' risq;

12.  Jibqa' kommess li jappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex iwettaq riformi ewlenin, itejjeb aktar il-governanza u l-istat tad-dritt, jippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-drittijiet tan-nisa, jikkumbatti l-korruzzjoni, irażżan in-narkotiċi, itejjeb is-sostenibbiltà fiskali u jrawwem tkabbir ekonomiku inklussiv; jieħu nota tal-intenzjoni tal-President Ashraf Ghani li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jagħmilha waħda mill-prijoritajiet tiegħu;

13.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-gvern Afgan u għall-poplu tiegħu f'din il-fażi kritika; jiġbed l-attenzjoni lejn l-għadd ta' vittmi fost il-Forzi Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà mindu spiċċat il-missjoni tal-ISAF fi tmiem fl-2014; jinkoraġġixxi lill-Gvern ikompli l-isforzi biex ikattar l-effiċjenza u l-effikaċja operazzjonali tal-forzi ta' difiża u ta' sigurtà, bil-għan li l-popolazzjoni ġenerali tgawdi s-sigurtà u l-istabbiltà;

14.  Għad għandu tħassib profond quddiem id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fl-Afganistan, u b'mod partikolari l-implikazzjonijiet li dan jista' jkollu għad-drittijiet tan-nisa, għall-minoranzi reliġjużi u etniċi, għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ġurnalisti;

15.  Ifakkar li l-Liġi tal-2009 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Fuq in-Nisa kienet pass importanti ferm, u jitlob li l-awtoritajiet jikkonċentraw aktar attenzjoni u fondi fuq il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jiġu mhedda jew attakkati;

16.  Jitlob li l-Gvern tal-Afganistan jadotta pjan ta' implimentazzjoni għall-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali 1325, li jinkludi rekwiżit li n-nisa jkunu parteċipanti sħaħ f'kull stadju tan-negozjati tal-paċi;

17.  Ifakkar fl-impenn li l-Gvern Afgan għamel lill-komunità internazzjonali f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-minoranzi etniċi, lingwistiċ, reliġjużi jew ta' tip ieħor, u l-protezzjoni ta' dawn il-minoranzi;

18.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti tat-Taliban f'Kunduz, u l-imwiet u l-ferimenti li kkawżaw fost il-popolazzjoni ċivili u fost il-Forzi Nazzjonali Afgani ta' Difiża u ta' Sigurtà; jappoġġja investigazzjoni indipendenti dwar l-attakk fuq l-isptar tal-Médecins Sans Frontières f'Kunduz, u jitlob li n-newtralità tal-isptarijiet u tal-faċilitajiet mediċi tiġi rrispettata;

19.  Itenni li hija ħaġa mill-aktar urġenti li l-Gvern tal-Afganistan u s-sħab kollha fir-reġjun jinvolvu ruħhom b'mod kredibbli biex itemmu l-kunflitt u jiżguraw ambjent stabbli; itenni li proċess tal-paċi mmexxi mill-Afgani u ta' sjieda tagħhom għadu prerekwiżit għal kwalunkwe soluzzjoni sostenibbli u dejjiema;

20.  Jilqa' d-deċiżjoni li fl-2016 titlaqqa' fi Brussell Konferenza Ministerjali komprensiva dwar l-Afganistan bħala turija tal-impenn kontinwu tal-komunità internazzjonali favur l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż; jistenna li l-Konferenza tistabbilixxi l-qafas għall-Gvern tal-Afganistan u għad-donaturi sal-2020, mirfud minn impenji konkreti sew mill-Gvern tal-Afganistan kif ukoll mill-komunità internazzjonali;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.

(1) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 119.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0282.


Il-Kambodja
PDF 268kWORD 81k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja (2015/2969(RSP))
P8_TA(2015)0413RC-B8-1263/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Kambodja',

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwibbli għall-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Kambodja, tas-17 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa fit-30 ta' Ottubru 2015 mill-kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ravina Shamdasani',

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, il-Professur Rhona Smith, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, tat-23 ta' Novembru 2015 u tal-24 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, tal-20 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Kambodja, tat-2 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fil-15 ta' Lulju 2015 mill-kelliem tas-SEAE dwar il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs fil-Kambodja',

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fit-22 ta' Ġunju 2015 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tas-27 ta' April 2015 mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tieni rapport perjodiku tal-Kambodja',

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' parteċipazzjoni attiva fil-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali tan-nazzjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċeura tiegħu,

A.  billi, fit-13 ta' Novembru 2015, l-awtoritajiet tal-Kambodja ħarġu mandat għall-arrest ta' Sam Rainsy, il-mexxej tal-grupp ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP), li attwalment jinsab barra mill-pajjiż, u billi fis-16 ta' Novembru 2015 l-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja rtirat is-sħubija tiegħu, neħħietlu l-immunità parlamentari bil-possibbiltà li jiġi arrestat meta jirritorna lejn il-pajjiż, b'konnessjoni ma' każ ta' malafama li ilu għaddej seba' snin;

B.  billi, fl-20 ta' Novembru 2015, Sam Rainsy ġie mħarrek minn qorti biex ikun interrogat fl-4 ta' Diċembru 2015 fir-rigward ta' entrata ppubblikata fuq il-Facebook pubbliku tiegħu minn Senatur tal-oppożizzjoni, Hong Sok Hour, li ilu taħt arrest sa minn Awwissu 2015 fuq akkużi ta' falsifikazzjoni u inċitament wara li inserixxa fuq il-Facebook ta' Sam Rainsy filmat li fih dokument allegatament falz relatat mat-trattat tal-fruntiera mal-Vjetnam tal-1979;

C.  billi, fis-26 ta' Ottubru 2015, grupp ta' dimostranti favur il-gvern fi Phnom Penh attakkaw brutalment żewġ MP tal-oppożizzjoni (CNRP), Nhay Chyamrouen u Kong Sakphea, u heddew is-sigurtà tar-residenza privata tal-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali; billi rapporti ssuġġerew li l-pulizija u forzi tas-sigurtà oħra ma intervenewx waqt li kienu qed iseħħu l-attakki;

D.  billi, fit-30 ta' Ottubru 2015, id-deputat mexxej tal-partit tal-oppożizzjoni Kem Sokha tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu bħala l-ewwel Viċi President tal-Assemblea Nazzjonali mill-Partit tal-Poplu tal-Kambodja (CPP) li jinsab fil-gvern matul sessjoni bbojkottjata mis-CNRP; billi l-għoti tal-kariga ta' Viċi President lis-CNRP kienet waħda mill-konċessjonijiet ewlenin li l-partit CPP fil-gvern ta lis-CNRP f'Lulju 2014 biex jintemm il-bojkott ta' sena tal-Parlament wara l-elezzjonijiet tal-2013;

E.  billi l-Prim Ministru Hun Sen ilu fil-poter għal aktar minn 30 sena filwaqt li l-forzi tas-sigurtà tiegħu qed igawdu minn impunità għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi 11-il attivist tal-oppożizzjoni kienu qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs ta' bejn seba' snin u 20 sena għal parteċipazzjoni f'"rewwixta" jew fit-tmexxija tagħha;

G.  billi ż-żewġ partiti politiċi, is-CPP u s-CNRP, kienu laħqu ftehim politiku fl-2014 li kien qajjem it-tama għall-bidu ta' fażi ġdida li fiha d-differenzi politiċi jissolvew b'mod kostruttiv; billi, minkejja l-ftehim, l-ambjent politiku fil-Kambodja għadu wieħed ta' tensjoni;

H.  billi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa minqux fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja, u d-dritt ta' parteċipazzjoni politika fl-Artikolu 35 tagħha;

I.  billi, minkejja kritika mifruxa mis-soċjetà ċivili u l-komunità internazzjonali, il-promulgazzjoni riċenti tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-NGOs (LANGO) tat setgħat arbitrarji lill-awtoritajiet tal-Istat biex jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u diġà bdew jiskoraġġixxu l-ħidma tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja u jostakolaw is-soċjetà ċivili;

J.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni ddikkjara li s-soċjetà ċivili fil-Kambodja ġiet eskluża mill-proċess ta' tfassil tal-LANGO;

K.  billi l-Gvern tal-Kambodja approva l-abbozz ta' Liġi dwar it-Trade Unions fit-13 ta' Novembru 2015;

L.  billi l-UE hija l-ikbar sieħba tal-Kambodja f'termini ta' assistenza għall-iżvilupp, b'allokazzjoni ġdida għall-perjodu 2014-2020 ta' EUR 410 miljun; billi l-UE tappoġġa firxa wiesgħa ta' inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) tal-Kambodja u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; billi l-Kambodja hija ferm dipendenti fuq l-għajnuna għall-iżvilupp;

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-klima li qed teħżien dejjem aktar għall-politiċi u l-attivisti tal-oppożizzjoni u għall-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, għall-attivisti soċjali u għal dawk ambjentali fil-Kambodja u jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza u l-akkużi politikament motivati, il-kundanni u s-sentenzi kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni, u kontra l-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja jirrevokaw il-mandat ta' arrest u jwaqqgħu l-akkużi kollha maħruġa kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u l-membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat, inkluż is-Senatur Hong Sok Hour u l-attivisti u l-organizzaturi tas-CNRP, iħallu lil dawn jaħdmu b'mod ħieles mingħajr biża' ta' arrest jew persekuzzjoni, u jtemmu l-użu politiku tal-qrati biex jipproċessaw persuni fuq akkużi motivati politkament u akkużi foloz;

3.  Jistieden lill-Assemblea Nazzjonali biex immedjatament terġa' tagħti lura d-drittijiet lil Sam Rainsy u biex tagħtih lura l-immunità parlamentari;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi l-irwol leġittimu u utli li għandhom is-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-oppożizzjoni politika biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u politiku globali tal-Kambodja;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż li jikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni;

6.  Ifakkar li ambjent ta' djalogu demokratiku ħieles mit-theddid huwa essenzjali għall-istabbiltà politika, għad-demokrazija u għal soċjetà paċifika fil-pajjiż, u jħeġġeġ lill-gvern jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura s-sigurtà tar-rappreżentanti kollha eletti demokratikament fil-Kambodja, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika tagħhom;

7.  Jinnota li "l-kultura ta' djalogu" bejn il-mexxejja tas-CPP u s-CNRP ġabet tama li d-demokrazija fil-Kambodja kienet qabdet rotta pożittiva; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja u l-oppożizzjoni jimpenjaw ruħhom fi djalogu serju u sinifikattiv;

8.  Jistieden lill-gvern jiżgura investigazzjoni sħiħa u imparzjali bil-parteċipazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li twassal għall-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli għall-aħħar attakk brutali reċenti fuq iż-żewġ membri tas-CNRP tal-Assemblea Nazzjonali minn membri tal-forzi armati u għall-użu ta' forza eċċessiva militari u tal-pulizija biex irażżnu dimostrazzjonijiet, strajks, u inkwiet soċjali;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern jirrevoka l-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, il-promulgazzjoni reċenti li tat lill-awtoritajiet tal-istat setgħat arbitrarji li jagħlqu u jibblokkaw il-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u li diġà bdew jiskoraġġixxu l-ħidma tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament jiżguraw konsultazzjoni ġenwina u serja ma' dawk kollha affettwati mill-abbozz ta' leġiżlazzjoni bħal Liġijiet dwar it-Trade Union, iċ-Ċiberkriminalità, u t-Telekomunikazzjonijiet u jiżguraw li t-testi jkunu konformi mal-obbligi u l-impenji tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kambodja skont id-dritt nazzjonali u dak internazzjonali;

11.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja itemm l-arresti arbitrarji u l-atti suspettużi ta' għajbien u jħalli li organizzazzjonijiet volontarji u tad-drittijiet tal-bniedem joperaw liberament; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jinvestiga bis-serjetà l-għajbien ta' Khem Sapath;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet governattivi relevanti jwaqqgħu l-prosekuzzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem skont liġijiet oħrajn fis-seħħ li qed jintużaw biex dawn jiġu ppersegwitati minħabba l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem, u jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma l-ħabs fuq akkużi politikament motivati u akkużi foloz;

13.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mal-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex iqajmu immedjatament mal-awtoritajiet tal-Kambodja l-preokkupazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarjat tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja.


Il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh
PDF 283kWORD 94k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-libertà ta’ espressjoni fil-Bangladesh (2015/2970(RSP))
P8_TA(2015)0414RC-B8-1257/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Bangladesh: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss(1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh(2) u tas-16 ta' Jannar 2014 dwar l-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladesh(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp tal-2001,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-1 ta' April 2015 u tad-9 ta' Awwissu 2015 magħmula mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-qtil ta' bloggers fil-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tas-7 ta' Awwissu 2015 magħmula minn esperti tan-NU li jikkundannaw il-qtil tal-blogger Niloy Neel,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-5 ta' Novembru 2015 magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, li jappella li l-istat joffri protezzjoni aħjar lill-kittieba, lill-pubblikaturi u lil persuni oħra li huma mhedda mill-estremisti fil-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-11 ta' Frar 2015 magħmula mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-9 ta' April 2015 magħmula mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-eżekuzzjoni imminenti tas-Sur Muhammad Kamaruzzaman fil-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tad-29 ta' Ottubru 2014 magħmula mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh dwar il-piena kapitali fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra r-riżultati preliminari tad-9 ta' Settembru 2015 taż-żjara lill-pajjiż li saret fil-Bangladesh mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Bangladesh huwa parti, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tal-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta’ espressjoni – inkluża l-libertà tal-istampa u tal-midja – hija pilastru indispensabbli ta' soċjetà demokratika, pluralistika u miftuħa;

B.  billi l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin jikkostitwixxu waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, inkluża l-approvazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u ta' protezzjoni ugwali għall-persuni li jħaddnu twemmin nonteista jew ateista;

C.  billi l-Bangladesh għamel progress sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; billi mal-Bangladesh l-UE għandha relazzjonijiet tajba u li jmorru lura ħafna fiż-żmien, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp;

D.  billi fil-Kostituzzjoni tal-Bangladesh, adottata fl-2014, hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta’ espressjoni;

E.  billi l-ksur tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem – inklużi l-vjolenza, it-tixwix, id-diskors ta' mibegħda, il-fastidju, l-intimidazzjoni u ċ-ċensura kontra l-ġurnalisti u l-bloggers – għadhom qed ikunu mifruxa ħafna fil-Bangladesh; billi l-Bangladesh huwa kklassifikat il-146 pajjiż fost 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa;

F.  billi t-tensjonijiet bejn il-forzi sekulari u dawk reliġjużi żdiedu u żdiedet il-vjolenza kontra dawk li ma jaqblux; billi għal snin sħaħ gruppi estremisti Iżlamisti domestiċi fundamentalisti – b'mod partikolari l-Ansarullah Bangla Team – ippubblikaw "hit list" ta' persuni mitqiesa kritiċi tal-Iżlam, inkluża r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Taslima Nasreen, u talbu għall-eżekuzzjoni tal-bloggers u tal-kittieba sekulari, filwaqt li wettqu qtil brutali b'impunità relattiva;

G.  billi fil-31 ta' Ottubru 2015 Faisal Arefin Dipan, pubblikatur fid-dar editriċi Jagriti Prokashoni, inqatel brutalment b'maxetti ġewwa l-uffiċċju tiegħu f'Dhaka; billi fl-istess jum pubblikatur ieħor u żewġ kittieba ġew attakkati u midruba, u billi oħrajn għadhom qed jiffaċċjaw theddid;

H.  billi tal-inqas ħames bloggers u ġurnalisti sekulari nqatlu fil-pajjiż din is-sena (Niladri Chatterjee, alias Niloy Neel, Faisal Arefin Dipan, Ananta Bijoy Das, Washiqur Rahman Babu and Abhijit Roy) talli utilizzaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà tal-kelma dwar kwistjonijiet politiċi, soċjali u reliġjużi; billi l-gruppi estremisti Iżlamisti ddikjaraw ir-responsabbiltà għal għadd ta' każi ta' qtil;

I.  billi l-blogger prominenti Ahmed Rajib Haider inqatel fl-2013, u l-għalliem tal-università A.K.M. Shafiul Islam inqatel fl-2014; billi ħafna bloggers oħra rċevew theddid ta' mewt fuq il-midja soċjali – ġew ippubblikati "hit lists" fuq Facebook li kienu mmirati għal kittieba sekulari – jew irnexxielhom jeħilsuha minn attentati ta' assassinju, u għadd minnhom waqfu jiktbu jew ħarbu mill-pajjiż;

J.  billi l-Prim Ministru Sheikh Hasina kkundannat il-qtil u esprimiet l-impenn tal-gvern tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; billi hija ħabbret "politika ta' tolleranza żero" fil-konfront ta' kwalunkwe vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-aġenziji tal-infurzar u billi adottat Att ta' Riforma tal-Pulizija li jiddisponi għal kodiċi ta' kondotta; billi, minkejja dan, hija appoġġat ukoll l-arrest mill-gvern tagħha ta' bloggers sekulari u l-istabbiliment ta' bord ta' intelliġence biex jiskenja l-midja soċjali għal kontenut potenzjalment blasfemiku;

K.  billi f'Awwissu 2014 il-Gvern tal-Bangladesh introduċa politika tal-midja ġdida li tkompli tqajjem tħassib dwar il-libertà ta' espressjoni; billi partijiet minn din il-politika jimponu limiti fuq il-libertà tal-midja, pereżempju fil-każ tal-projbizzjoni ta' kliem li huma "antistatali", "jirridikolaw l-ideoloġija nazzjonali" jew "huma inkonsistenti mal-kultura tal-Bangladesh" u l-każ tar-restrizzjoni tar-rappurtar ta' "anarkija, ribelljoni jew vjolenza"; billi l-Gvern tal-Bangladesh intensifika t-trażżin fuq il-midja soċjali bl-għeluq temporanju jew sħiħ tal-internet kollu, Facebook, WhatsApp, Viber u Messenger;

L.  billi f'dawn l-aħħar xhur diversi ġurnalisti ġew arrestati u akkużati li kisru l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (l-Att dwar l-ICT), li jikkriminalizza pubblikazzjonijiet diffamatorji u "antistatali";

M.  billi l-fastidju żdied b'mod allarmanti mill-introduzzjoni mhux iġġustifikata tal-liġijiet fl-2014; billi 13-il persuna li jadħmu fis-settur tal-midja ffaċċjaw proċedimenti ta' disprezz, li kkontribwixxa għal ambjent ġenerali ta' biża' u ta' intimidazzjoni u li wassal għall-awtoċensura;

N.  billi fis-16 ta' Awwissu 2015, Probir Sikdar, ġurnalist u sid il-gazzetta elettronika Uttaradhikar Ekattor News, ġie arrestat talli allegatament wettaq diffammazzjoni fir-rigward ta' Ministru tal-Gvern fuq Facebook; billi fit-18 ta' Awwissu 2015, Shaukat Mahmud, President tal-Unjoni Federali tal-Ġurnalisti tal-Bangladesh, ġie arrestat talli allegatament wettaq attakk bi ħruq volontarju fuq karozza tal-linja fit-23 ta' Jannar 2015 u akkużat fi tliet każijiet b'konnessjoni mal-allegat attakk;

O.  billi xi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni għebu taħt ċirkostanzi mhux ċari matul l-aħħar snin;

P.  billi l-UE hija kontra l-użu tal-piena kapitali fil-każijiet kollha u taħt iċ-ċirkostanzi kollha, u b'mod konsistenti appellat għall-abolizzjoni universali tagħha;

Q.  billi fil-21 ta' Novembru 2015, żewġ mexxejja anzjani Bangladeshi tal-oppożizzjoni ġew iġġustizzjati għal delitti tal-gwerra mwettqa matul il-gwerra tal-indipendenza tal-1971 mal-Pakistan wara li t-talbiet finali tagħhom għall-klemenza ġew miċħuda;

R.  billi fit-18 ta' Novembru 2015, Piero Arolari, qassis Taljan u tabib mediku, sparaw għalih, filwaqt li fit-28 ta' Settembru 2015, Cesare Tavella, ħaddiem umanitarju Taljan u fit-3 ta' Ottubru 2015, Hoshi Kunio, assistent soċjali Ġappuniż, ġew maqtula u l-militanti tal-Istat Iżlamiku ħadu r-responsabbiltà ta' dawn l-atti, l-istess kif għamlu għall-attakki bil-bombi waqt il-purċissjoni tal-Ashura fis-santwarju Musulman ewlieni tax-Xiiti f'Dhaka fl-24 ta' Ottubru 2015, fejn inqatel tifel adoloxxenti u sfaw midruba diversi oħrajn;

S.  billi l-gvern ippropona l-abbozz ta' Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji), imfassal biex jirregola l-operazzjonijiet u l-iffinanzjar għal kwalunkwe grupp li jirċievi għotjiet barranin;

1.  Jikkundanna l-attakki li qed dejjem jiżdiedu ta' estremisti Iżlamisti kontra l-kittieba u l-bloggers sekularisti, il-minoranzi reliġjużi u l-ħaddiema umanitarji barranin; jiddeplora t-telf tal-ħajja u joffri l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-vittmi u lill-familji tagħhom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jikkundannaw ulterjorment l-atti orribbli li għaddejjin kontra l-libertà ta' espressjoni u jieħdu azzjoni biex jiżguraw il-waqfien immedjat tal-atti kollha ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra l-ġurnalisti, il-bloggers u s-soċjetà ċivili;

3.  Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar il-klima li qed tmur għall-agħar, rigward id-dritt għal-libertà ta' espressjoni li akkumpanjat iż-żieda tal-fundamentaliżmu reliġjuż, l-intolleranza u l-vjolenza estremista fil-Bangladesh; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh isaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-protezzjoni pprovduta lill-attivisti u lill-ġurnalisti mill-awtoritajiet; jistieden lill-partiti politiċi kollha u lill-mexxejja tagħhom biex b'mod inekwivoku u mingħajr riserva jikkundannaw il-vjolenza estremista u jappoġġaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni;

4.  Ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Bangladesh fl-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, inkluża r-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi jew reliġjużi tagħhom, u biex jiggarantixxu li l-libertajiet ta' espressjoni u tal-istampa jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjonijiet arbitrarji u ċensura fil-pajjiż;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw it-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti u li jingħataw spjegazzjonijiet dwar l-għajbien ta' membri tal-partiti tal-oppożizzjoni matul dawn l-aħħar ftit snin, b'mod partikolari fix-xhur ta' qabel u ta' wara l-elezzjonijiet ta' Jannar 2014;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jipprevjenu l-impunità u jagħmlu dak kollu possibbli biex jidentifikaw l-aggressuri kollha u jressquhom quddiem il-ġustizzja, billi jagħtu bidu għal investigazzjonijiet indipendenti, kredibbli u trasparenti u jiżguraw proċessi ġusti, bla rikors għall-piena tal-mewt;

7.  Jinnota l-isforzi li qegħdin isiru biex jitwettqu l-arresti marbuta mal-qtil ta' Abhijit Roy, Washiqur Rahman Babu u Niladri Chatterjee; jilqa' l-progress li qed isir fl-investigazzjonijiet kriminali dwar il-mewt taċ-ċittadin Taljan, Cesare Tavella u taċ-ċittadin Ġappuniżi, Konio Hoshi;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangaldesh jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjeni aktar qtil billi jieħu miżuri effikaċi ħalli jipproteġi l-kittieba, il-pubblikaturi u persuni oħra li rċevew theddid, mhux biss billi jipprovdi protezzjoni fiżika speċjali lil dawk li huma miri potenzjali tal-vjolenza, iżda wkoll billi jagħti bidu għal dibattiti pubbliċi li jisfidaw il-fehmiet estremisti ta' kwalunkwe tip;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh ireġġgħu lura l-indipendenza sħiħa tal-midja, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-pubblikaturi u l-ġurnalisti li ppubblikaw kontenut li jikkritika lill-gvern, jippermettu l-ftuħ mill-ġdid immedjat tal-kumpaniji tal-midja li ġew magħluqa, u jreġġgħu lura b'mod immedjat l-aċċess sħiħ u bla xkiel għall-forom kollha ta' pubblikazzjonijiet, inklużi dawk elettroniċi;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex b'mod urġenti jaqdu l-obbligi tagħhom u jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Ħruġ ta' Impunità li ġie approvat fl-2013;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tas-sistema tal-qorti u jemendaw l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà tal-2015 sabiex jallinjawhom mal-istandards internazzjonali tal-liberta ta' espressjoni, filwaqt li jwaqqgħu l-kriminalizzazzjoni tal-pubblikazzjonijiet "antistatali";

12.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-każijiet rikorrenti ta' vjolenza etnika u reliġjuża motivata, speċifikament il-vjolenza sessista kontra n-nisa u l-persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh u l-organizzazzjonijiet reliġjużi u l-mexxejja tagħhom jagħtu bidu għal proċess ta' rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladesh jaħdem lejn li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk li jkunu wettqu dan it-tip ta' vjolenza; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Gvern tal-Bangladesh joffri biżżejjed protezzjoni u garanziji lill-minoranzi bħalma huma l-Musulmani Xiiti, l-Ahmadiyya, il-Ħindu, il-Buddisti u l-Insara, iżda wkoll il-Biharis;

13.  Jinnota li l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji) tal-2014 wassal, f'xi każijiet, biex organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili leġittimi ġew soġġetti għal kontroll arbitrarju mill-gvern; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jeżaminaw din il-leġiżlazzjoni biex dan jiġi pprevenut;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh biex b'mod urġenti jaqdu l-obbligi tagħhom u jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tan-NU dwar is-Sikurezza tal-Ġurnalisti u l-Ħruġ ta' Impunità li ġie approvat fl-2013;

15.  Jitlob lill-Gvern tal-Bangladesh jippermetti NGOs internazzjonali fil-pajjiż biex iwettqu l-missjonijiet tagħhom u jiżgura li l-gruppi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu fi klima mingħajr biża' u rippressjoni;

16.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, id-Delegazzjoni tal-UE għall-Bangladesh u d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u politika fil-Bangladesh u jużaw l-għodda kollha disponibbli, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

17.  Jistieden lill-UE, f'konformità mal-Qafas Strateġiku tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex b'mod immedjat tqajjem it-tħassib u r-rakkomandazzjonijiet t'hawn fuq mal-awtoritajiet tal-Bangladesh;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0516.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0024.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0045.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0274.


Is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO
PDF 310kWORD 95k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp qabel l-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO (2015/2632(RSP))
P8_TA(2015)0415B8-1230/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong tad-WTO tat-18 ta' Diċembru 2005(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Hong Kong(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bl-isem "Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA), u partikolarment dawk tad-9 ta' Ottubru 2008(5), tas-16 ta' Diċembru 2009(6), tal-14 ta' Settembru 2011(7) u tal-21 ta' Novembru 2013(8),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tad-Disa' Konferenza Ministerjali ta' Bali f'Diċembru 2013 u partikolarment il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ(9),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Eżitu adottat b'kunsens fis-17 ta' Frar 2015 waqt is-Sessjoni Annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO f'Ġinevra(10),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru fil-laqgħa tal-kapijiet ta' delegazzjoni tad-WTO fis-17 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti(11),

–  wara li kkunsidra l-Ħames Eżami Globali tal-Għajnuna għall-Kummerċ li sar f'Ġinevra mit-30 ta' Ġunju sat-2 ta' Lulju 2015(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ċ-Ċiklu ta' Doha tnieda fl-2001 bl-objettivi li jinħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda, jissaħħu r-regoli kummerċjali multilaterali u jiġu indirizzati l-iżbilanċi attwali fis-sistema kummerċjali billi l-esiġenzi u l-interessi tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u speċjalment tal-pajjiżi l-anqas żviluppati jitqiegħdu fil-qalba tan-negozjati; billi tali objettivi jirriżultaw mill-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli aktar ġusti u ekwi tista' tikkontribwixxi għal kummerċ ġust u ħieles għas-servizz tal-iżvilupp ekonomiku tal-kontinenti kollha kif ukoll għat-taffija tal-faqar;

B.  billi l-UE kienet konsistentement favur approċċ multilaterali b'saħħtu bbażat fuq ir-regoli fir-rigward tal-kummerċ, filwaqt li tirrikonoxxi li l-approċċi komplementari bħall-ftehimiet bilaterali, reġjonali u plurilaterali jistgħu wkoll irawmu l-ftuħ tal-kummerċ u l-iżvilupp ekonomiku, speċjalment billi jiżblokkaw il-liberalizzazzjoni u jaġġornaw regoli u dixxiplini f'oqsma politiċi ttrattati b'inqas reqqa fid-WTO, u jistgħu jsostnu s-sistema multilaterali, bil-patt li tali ftehimiet jirrispettaw ir-regoli tad-WTO, huma bbażati fuq regoli kondiviżi u joħolqu l-kundizzjonijiet għall-possibbiltà ta’ multilateralizzazzjoni futura;

C.  billi minkejja li d-WTO u r-regoli minquxa fil-ftehimiet koperti mid-WTO kienu essenzjali biex jevitaw protezzjoniżmu żviluppat kompletament u mifrux bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika l-aktar serja sa mit-tletinijiet, rapport tad-WTO ta’ Novembru 2014 jiddikjara li mill-1 244 miżura restrittiva rreġistrati minn mindu bdiet il-kriżi fl-2008, tneħħew 282 biss, fatt li jżid il-ħtieġa għal aktar azzjoni kontra tali miżuri; billi n-nuqqas li jiġu aġġornati r-regoli jista’ jwassal għal metodi ġodda u innovattivi biex jipproteġu s-swieq u l-produtturi domestiċi;

D.  billi l-kummerċ multilaterali miftuħ u ġust qiegħed aktar jixxekkel mill-ostakli nontariffarji (ONT) milli mit-tariffi kummerċjali, li qegħdin sostanzjalment jitneħħew hekk kif tavvanza l-globalizzazzjoni;

E.  billi huwa madankollu importanti li titqies is-sensittività ta’ ċerti setturi, u tas-settur agrikolu b’mod partikolari, rigward il-ftuħ tas-suq;

F.  billi r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-aspettattivi taċ-Ċiklu ta’ Doha;

G.  billi r-riżultati tad-Disa' Konferenza Ministerjali tal-2013 huma ta' importanza sistemika għall-organizzazzjoni, u partikolarment il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li fuqu ntlaħaq qbil f'dik l-okkażjoni u li, minn mindu twaqqfet id-WTO fl-1995, kien l-ewwel darba li ntlaħaq ftehim multilaterali; billi l-Unjoni Ewropea rratifikat il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ fil-5 ta’ Ottubru 2015;

H.  billi d-diskussjonijiet reċenti dwar kif jista’ jinkiseb progress dwar id-DDA urew b’mod ċar li huwa meħtieġ rieżami tal-livell ta’ ambizzjoni biex ikunu jistgħu jinkisbu eżiti b’mod realistiku fil-pilastri kollha tan-negozjati, u li dan ir-rieżami jeħtieġ li jqis bis-sħiħ ir-realtà fl-ambjent kummerċjali tal-lum;

I.  billi l-Għaxar Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC10) li se ssir fil-Kenja mill-15 sat-18 ta’ Diċembru 2015 se tkun l-ewwel darba li se tiġi organizzata Konferenza Ministerjali tad-WTO f’pajjiż Afrikan; billi l-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ fir-rigward tad-DDA u tirrikonoxxi li l-fatt li jintlaħaq ftehim politiku dwar il-progess tad-DDA se jkun ta’ importanza biex jiżgura li l-funzjoni negozjattiva tad-WTO tibqa’ ċentrali għal aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq skala globali;

1.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur il-valur dejjiemi tal-multilateraliżmu u jappella għal aġenda kummerċjali bbażata fuq kummerċ ħieles u ġust għall-ġid ta' kulħadd, li jmissu jqiegħed lill-iżvilupp fil-qalba tal-proċess;

2.  Jenfasizza l-importanza li fin-negozjati jitqiesu bis-sħiħ l-esiġenzi u l-interessi speċjali tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b'introjtu baxx u tal-pajjiżi l-anqas żviluppati; iqis li tinħtieġ definizzjoni ċara ta’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b’introjtu baxx u ta’ ekonomiji emerġenti; itenni l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-prinċipju ta' trattament speċjali u differenzjali jikkostitwixxi parti integrali min-negozjati, li jirrifletti d-diversi livelli ta' żvilupp ekonomiku tal-membri tad-WTO kif definit fil-paragrafu 44 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha; iqis li dispożizzjonijiet ta’ trattament speċjali u differenzjali sinifikanti jeħtieġ isiru aktar preċiżi, ikunu suġġetti għal rieżamijiet perjodiċi u mmirati biex jirrispondu għall-bżonn ta’ dawk il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma l-aktar fil-bżonn; ifaħħar l-eżempju tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ fl-operazzjonalizzazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament speċjali u differenzjali għal fażijiet ta’ implimentazzjoni li jista’ jservi ta’ eżempju utli fir-rieżami u l-immirar tad-dispożizzjonijiet ta’ trattament speċjali u differenzjali;

3.  Jappoġġja riforma strutturali tad-WTO, sabiex tiġi żgurata aħjar sistema kummerċjali miftuħa, ġusta u mhux diskriminatorja bbażata fuq regoli kondiviżi u applikati, li tqis aktar ir-rwol u l-interessi ta’ varjetà ta’ operaturi ekonomiċi, bħal SMEs, mikrointrapriżi u negozji innovattivi li jkunu għadhom kemm jiftħu;

4.  Jenfasizza l-importanza li jingħata segwitu lid-deċiżjonijiet li ntlaħaq qbil dwarhom waqt id-Disa' Konferenza Ministerjali bil-għan li jsir progress sostanzjali fl-Għaxar Konferenza Ministerjali ta' Nairobi f'Diċembru 2015 sabiex tkun possibbli konklużjoni ta’ malajr taċ-Ċiklu ta' Doha;

5.  Jemmen li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ hija strument importanti biex jiggarantixxi tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli, iżda għandha bżonn tkun akkumpanjata minn politiki xierqa paralleli li jħaddnu interventi makro- u mikroekonomiċi, inklużi t-trasparenza fil-baġit, il-politiki fiskali u t-tassazzjoni ġusta, is-simplifikazzjoni amministrattiva, l-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riformi istituzzjonali u l-politiki soċjali, bil-għan li jiġu massimizzati u mqassma aħjar il-vantaġġi tar-riformi kummerċjali u li kwalunkwe effett negattiv jiġi kontrobilanċjat b'mod effikaċi;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għall-Ħames Konferenza għal Eżami tal-Għajnuna għall-Kummerċ li saret f'Lulju 2015 f'Ġinevra bit-titolu "Tnaqqis tal-kostijiet tal-kummerċ għal tkabbir sostenibbli u inklużiv" li kkonċentrat partikolarment fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

7.  Jappella lill-membri kollha tad-WTO jimplimentaw u jirratifikaw malajr, il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ ħalli jkun jista' jidħol fis-seħħ qabel l-Għaxar Konferenza Ministerjali; iqis li dan il-ftehim se jsarraf f'vantaġġi konsiderevoli għall-membri kollha tad-WTO, u partikolarment għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi rilevanti, billi jżid it-trasparenza u ċ-ċertezza ġuridika u jnaqqas il-kostijiet amministrattivi kif ukoll it-tul tal-proċeduri doganali, li, min-naħa tagħhom, ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-prevalenza dejjem ikbar tal-katina tal-provvista reġjonali u globali u l-SMEs ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ minn swieq aktar miftuħa; jirrimarka li għandhom ikomplu jkunu disponibbli l-bini ta' kapaċità u l-assistenza teknika għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u dawk l-anqas żviluppati u jkun hemm enfasi fuq il-punti uniċi ta’ servizz u s-simplifikazzjoni tad-dokumentazzjoni elettronika biex jitħallew iżidu l-kapaċitajiet produttivi tagħhom bil-għan li jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sehem akbar tal-valur miżjud fil-katini tal-valur globali;

8.  Iħeġġeġ lill-membri tad-WTO jappoġġjaw b'mod proattiv l-isforzi tad-WTO intiżi li jistabbilixxu rabtiet ta' xogħol effikaċi u effiċjenti u kooperazzjoni aktar intensa ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn li l-attivitajiet tagħhom għandhom impatt fuq in-negozjati kummerċjali dinjin, partikolarment l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u n-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji u l-korpi tagħha bħall-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, il-Programm tan-NU għall-Ambjent, il-Programm tan-NU ta' Żvilupp u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-Bank Dinji u l-OECD, bil-għan li jiġi żgurat is-sostenn reċiproku u s-sinerġiji bejn il-kwistjonijiet ta' natura kummerċjali u mhux kummerċjali; isostni l-isforzi mmirati għall-adozzjoni ta' standards internazzjonali u għall-kooperazzjoni f'ambitu ta' regolamentazzjoni;

9.  Jitlob li tiġi eżaminata bir-reqqa l-problema ta' kif jiġi ttrattat aħjar it-tħassib mhux kummerċjali fl-ambitu tar-regoli tad-WTO, bl-iskop li l-membri tagħha jitħallew isegwu l-objettivi politiċi leġittimi, filwaqt li ma jostakolawx l-aċċess għas-suq; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-isforzi sabiex jiġu adottati standards internazzjonali għandu jkollhom appoġġ b'saħħtu u li għandha tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex ikun possibbli li dawn jilħqu dawn l-istandards;

10.  Jinsab konvint li l-assenza ta' kunsiderazzjoni suffiċjenti tad-diversità kbira fil-livelli ta' żvilupp ekonomiku u tal-esiġenzi speċifiċi bejn il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, tista' tkun ostaklu għall-adozzjoni ta' miżuri effikaċi favur dawn il-pajjiżi, skont l-objettiv iddikjarat taċ-Ċiklu ta' Doha u hija a skapitu tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li huma l-aktar fil-bżonn; iħeġġeġ lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp l-aktar avvanzati jġorru s-sehem ta' responsabbiltà tagħhom sa miċ-ċiklu ta' negozjati attwali u jiżguraw li l-kontribut tagħhom ikun proporzjonat għal-livell ta' żvilupp tagħhom u għall-kompetittività settorjali tagħhom; jenfasizza, madankollu, li huwa importanti li jintużaw kriterji effettivi biex isir id-differenzjar billi mhux biss jitqies it-tkabbir tal-Prodott Gross Nazzjonali (GNP), iżda jiġu kkunsidrati wkoll indikaturi bħall-indiċi tal-vulnerabbiltà ekonomika u l-indiċi tal-kummerċ u l-iżvilupp;

11.  Jemmen li huwa essenzjali li jiġi konkluż iċ-Ċiklu ta' Doha, li ilu għaddej żmien twil, u li l-mandat tiegħu għall-iżvilupp ikun realizzat; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-membri kollha tad-WTO jeżaminaw, fid-dawl ta' tali objettiv aħħari, l-għażliet kollha possibbli bil-għan li jintlaħaq riżultat ambizzjuż, globali, bilanċjat u realistiku;

12.  Japprezza l-progress li sar sal-lum fir-rigward tal-inizjattivi plurilaterali bħall-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali u l-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni kif ukoll tal-inizjattivi bħall-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi; jemmen li l-ftehimiet plurilaterali jistgħu jikkumplementaw l-approċċ multilaterali u jippromwovuh bl-objettiv finali jkun dak li jħaddnu numru kritiku ta' membri u li jadottaw natura multilaterali;

13.  Jinsisti li l-UE għandha tkompli tiżvolġi rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni tal-progress konkret fi ħdan in-negozjati tad-WTO li għaddejjin, bl-iskop li tinkiseb konklużjoni sħiħa taċ-Ċiklu ta' Doha fil-futur qrib, u taġevola l-parteċipazzjoni totali tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fil-kummerċ globali, billi sservi ta’ mezz li jgħaqqad id-diversi pożizzjonijiet tal-membri tad-WTO;

14.  Jisħaq fuq l-importanza kruċjali tad-WTO fir-rigward tal-kummerċ dinji bbażat fuq ir-regolamenti u rigward l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-impenji vinkolanti u tar-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali kif ukoll il-kontribut uniku tagħha fil-promozzjoni ta' aktar trasparenza u reviżjoni bejn il-pari, partikolarment permezz tal-Mekkaniżmu ta' Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali (TPRM);

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikompli jkun involut mill-qrib fit-tħejjija tal-Għaxar Konferenza Ministerjali, jinżamm aġġornat fil-pront u, jekk ikun neċessarju, jiġi kkonsultat matul il-Konferenza Ministerjali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssostni quddiem il-membri l-oħra tad-WTO l-bżonn li tiżdied l-importanza tad-dimensjoni parlamentari tad-WTO;

16.  Jistieden lill-membri tad-WTO jiżguraw il-leġittimità demokratika u t-trasparenza billi tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tad-WTO; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-parlamentari jkollhom aċċess aħjar għan-negozjati kummerċjali u jkunu involuti fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-WTO u li l-politiki kummerċjali jkunu eżaminati adegwatament fl-interessi taċ-ċittadini;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.

(1) Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tad-WTO, 2001: Dikjarazzjoni ministerjali WT/MIN(01)/DEC/1 tal-20 ta' Novembru 2001https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/min01_e/mindecl_e.htm
(2) Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong WT/MIN (05)/DEC, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/min05_e/final_text_e.htm
(3) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
(4) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.
(5) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 31.
(6) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 1.
(7) ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 84.
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0511.
(9) Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Bali (WT/MIN (13)/DEC), adottata fis-7 ta' Diċembru 2013https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc9_e/balideclaration_e.htm
(10) http://www.ipu.org/splz-e/trade15/outcome.pdf
(11) http://www.un.org/millenniumgoals/
(12) https://www.wto.org/english/tratop_e/devel_e/a4t_e/global_review15prog_e/global_review15prog_e.htm


Adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali UE-Kolombja u Perù
PDF 290kWORD 103k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Kolombja u l-Perù (2015/2656(RSP))
P8_TA(2015)0416B8-1241/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Ekwador dwar l-adeżjoni ta' dan il-pajjiż mal-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Kolombja/Perù fis-17 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-inizjalar, fit-12 ta' Diċembru 2014, tal-protokoll li se jippermetti lill-Ekwador jingħaqad mal-ġirien tiegħu, il-Kolombja u l-Perù, f'relazzjoni kummerċjali preferenzjali mal-UE,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina mill-Ekwador(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa minnhom, u l-Kolombja u l-Perù min-naħa l-oħra(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina(5) u tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù hi pass deċiżiv ieħor fl-alleanza ma' pajjiżi u reġjuni importanti li jikkondividu l-istess fehmiet u li qed jikbru b'rata mgħaġġla, f'reġjun li qed idur aktar u aktar lejn l-Asja u l-Paċifiku;

B.  billi t-test tal-Protokoll ta' Adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù jaqbel mal-ambizzjonijiet kemm tal-UE kif ukoll tal-Ekwador, billi jqis ir-relazzjoni asimmetrika fl-offerti ta' aċċess għas-swieq favur l-Ekwador, billi jallinjah mal-kontenut tal-Ftehim, iżda jinkludi għalkollox l-adattamenti speċifiċi kif mitluba mill-Ekwador;

C.  billi l-Gvern tal-Ekwador investa USD 40,8 biljun fis-settur soċjali – l-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali — matul dawn l-aħħar tmien snin, bi programmi speċifiċi favur l-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà, bħat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tan-negozjati mal-Ekwador dwar il-protokoll għall-adeżjoni tiegħu mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù, filwaqt li jirrikonoxxi l-benefiċċji importanti li dan se jġib miegħu għall-esportazzjonijiet tal-Ekwador lejn l-UE, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-Ekwador m'għadux jibbenefika mill-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi unilaterali tal-UE; iħeġġeġ id-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni rapidi u kompluti ta' dan il-ftehim, li se jiżgura l-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ambjent fl-ogħla livell; iqis li dan il-ftehim ser jagħti spinta u jiddiversifika l-kummerċ u l-investiment għaż-żewġ naħat, jagħmilha ta' mutur importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar u għat-tnaqqis tal-inugwaljanza;

2.  Ifakkar li qabel ma ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim Kummerċjali fil-11 ta' Diċembru 2012, il-Parlament talab lill-pajjiżi Andini, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 imsemmija iktar 'il fuq, jiżguraw li jiġi stabbilit pjan direzzjonali trasparenti u vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u tax-xogħol, u li l-Gvernijiet tal-Kolombja u tal-Perù iressqu pjanijiet ta' azzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli qabel ma l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu; iħeġġeġ lis-sħab kollha jaħdmu għall-implimentazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta' azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u tax-xogħol li ressqu;

3.  Jenfasizza kemm hu importanti li l-Ekwador jiżgura li l-politiki tiegħu jkunu konsistenti mal-impenji tiegħu fl-ambitu tad-WTO u tal-ftehimiet kummerċjali, u li jipprevedi trasparenza sħiħa u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati qabel l-adozzjoni tagħhom; jistieden għaldaqstant lill-Ekwador biex mingħajr aktar dewmien jindirizza l-ostakoli identifikati li baqa' għall-aċċess għas-suq;

4.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar ir-rwol li jeħtieġ jiżvolġu biex jiżguraw l-applikazzjoni effikaċi tal-pjanijiet ta' azzjoni; ifakkar lill-Kummissjoni li għandha tinforma lill-Parlament b'mod xieraq dwar l-applikazzjoni ta' dawk il-pjanijiet ta' azzjoni u l-miżuri li ħadu biex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE lill-Parlament iressqu rapport komprensiv li jiffoka fuq il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni, b'mod partikulari b'rabta mal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kooperazzjoni fir-regolamentazzjoni u l-ħolqien ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi għall-iktar gruppi żvantaġġati tas-soċjetà u mat-trawwim tal-progress fir-rigward tad-demokrazija, id-difiża tad-drittijiet umani u tal-ħaddiema u tal-protezzjoni ambjentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

6.  Iħeġġeġ lill-gvern tal-Ekwador jieħu nota tal-pjanijiet ta' azzjoni mressqa mill-Kolombja u mill-Perù u jieħu azzjonijiet simili għax din tirrappreżenta opportunità biex itejjeb il-kundizzjoni ġenerali ta' ħajjet iċ-ċittadini, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u l-ambjent;

7.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma elementi essenzjali tar-relazzjoni ġenerali bejn l-UE u l-pajjiżi Andini; jistieden għaldaqstant lis-sħab kollha biex jippromwovu d-drittijiet u l-libertajiet kollha stabbiliti fid-dritt internazzjonali u jiżguraw li dawn ikunu garantiti għalkollox u b'mod universali;

8.  Jenfasizza li l-ekonomija tal-Ekwador esperjenzat tkabbir ekonomiku sod f'dawn l-aħħar snin u jirrikonoxxi li t-tkabbir ekonomiku kien inklużiv. jindika li dan it-tkabbir wassal għal tnaqqis dirett tal-faqar, b'mod partikolari l-faqar estrem, u tal-livelli ta' inugwaljanza, filwaqt li kabbar il-klassi medja. jilqa' l-fatt li, skont l-aktar ċifri reċenti tal-Bank Dinji, il-faqar fl-Ekwador naqas minn 37,6 % għal 22,5 % bejn l-2006 u l-2004, waqt li l-faqar estrem naqas minn 16,9 % għal 7,7 %;

9.  Ifaħħar lill-Gvern tal-Ekwador talli investa aktar minn USD 40 biljun fis-settur soċjali matul dawn l-aħħar tmien snin; iħeġġeġ lill-Ekwador ikompli bil-politiki tiegħu ta' żvilupp soċjali u sostenibbli progressivi li rnexxew;

10.  Jinnota l-investimenti kbar magħmula mill-Ekwador matul dawn l-aħħar snin; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-azzjoni leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva kollha meħuda mill-gvern u l-awtoritajiet lokali fl-Ekwador biex jiġu miġġielda l-faqar, l-inugwaljanza, il-forom kollha ta' vjolenza, l-impunità, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari t-traffikar tad-droga, u għall-azzjoni tagħhom li tiżgura li d-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-persuni u tal-gruppi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, in-nisa, il-minoranzi u l-popli indiġeni, huma protetti kif jixraq, bil-għan li jinkiseb żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-Ekwador, b'rabta mad-drittijiet tat-tfal, biex ikompli u jintensifika l-isforzi tiegħu biex jipprovdi aċċess għall-edukazzjoni u biex jiġi miġġieled it-tħaddim tat-tfal;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-problemi ta' kompatibbiltà li jirriżultaw minħabba dispożizzjonijiet diverġenti rigward ir-regoli ta' oriġini, u dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS) fir-rigward tal-kummerċ bejn ir-reġjun Andin u l-UE, u l-kummerċ bejn ir-reġjun Andin u l-MERCOSUR; jistieden lill-Kummissjoni toffri, jekk ikun meħtieġ, assistenza teknika li tindirizza r-rekwiżiti diverġenti biex jiġi evitat li jkun hemm interruzzjonijiet mhux mixtieqa fil-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali fl-Amerika t'Isfel;

12.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-objettiv tal-UE li tinkludi kapitolu vinkolanti dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli f'kull ftehim kummerċjali konkluż ma' sħab industrijalizzati u mhux industrijalizzati; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni fil-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Ekwador ta' kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli li jirrifletti l-impenn komuni tas-sħab għall-promozzjoni tar-rispett, tal-osservanza u tal-eżekuzzjoni sħiħa u xierqa tal-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-ftehimiet ambjentali multilaterali ewlenin bħal pereżempju l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);

13.  Jilqa' l-ittra reċenti mingħand il-Ministeru għall-Kummerċ Barrani tal-Ekwador li tivvaluta s-sitwazzjoni tas-sessi fl-Ekwador; jitlob li ssir valutazzjoni speċifika tal-effetti tal-politiki ta' kummerċ ħieles fuq in-nisa, speċjalment fiż-żoni aktar foqra; jitlob rispett aktar komprensiv tad-drittijiet tan-nisa, speċjalment meta dawn ikunu influwenzati mill-politiki kummerċjali u l-effetti tagħhom, jew relatati magħhom;

14.  Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni tal-kapitolu dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-ftehim kummerċjali ma jinkludix id-dispożizzjonijiet previsti fl-ambitu tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli;

15.  Jilqa' l-fatt li l-Ekwador irratifika t-tmien konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-ILO; jisħaq fuq l-importanza ta' ratifika b'ħeffa u implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet kollha tal-ILO mill-Ekwador u l-Istati Membri kollha tal-UE; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Ekwador għadu ma rratifikax il-Konvenzjoni 129 tal-ILO, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Ekwador għal progress fl-applikazzjoni effikaċi tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Ekwador isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Esperti tal-ILO għall-applikazzjoni effikaċi tal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO u jenfasizza l-importanza tal-possibbiltà li l-ħaddiema jkunu jistgħu jibdlu jew jistabbilixxu għaqdiet trejdunjonistiċi ġodda, għal raġunijiet ta' indipendenza, effikaċja, u affinità ideoloġika, u jfakkar b'mod partikolari li l-ILO talbet li l-Gvern Ekwadorjan jieħu l-azzjoni leġiżlattiva meħtieġa biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni;

16.  Jilqa' l-fatt li l-partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jikkonservaw u jużaw b'mod sostenibbli d-diversità bijoloġika skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), li hi ġuridikament vinkolanti, u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti l-oħra li l-partijiet huma firmatarji tagħhom;

17.  Jinnota li l-Ekwador hu wieħed mis-17-il pajjiż b'megadiversità fid-dinja, u għandu l-akbar konċentrazzjoni ta' speċijiet (bejn 5 % u 10 % tal-bijodiversità tad-dinja);

18.  Ifakkar li l-kostituzzjoni tal-Ekwador tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-iżvilupp tal-kummerċ ġust bħala objettiv ewlieni tal-politika kummerċjali tal-pajjiż jistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa mal-Gvern tal-Ekwador għall-promozzjoni ta' proġetti komuni fil-qasam tal-kummerċ ġust;

19.  Jirrikonoxxi l-isforzi kbar magħmula mill-Ekwador dwar kwistjonijiet ambjentali, li ġew rikonoxxuti wkoll min-NU; jinsab imħasseb dwar il-fatt li minkejja l-isforzi li għamel il-pajjiż fir-rigward tal-kwistjonijiet ambjentali, l-Ekwador u l-pajjiżi ġirien tiegħu qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' deforestazzjoni intensiva, telf sinifikanti tal-bijodiversità, tniġġis u erożjoni tal-ħamrija u tal-ilma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġa strateġiji u programmi internazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti u trawwem is-sinerġiji meħtieġa u l-involviment responsabbli tal-partijiet pubbliċi u privati konċernati kollha;

20.  Jitlob li jkun hemm ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-Ekwador u l-UE b'appoġġ għall-programmi ambjentali speċifiċi u jilqa' b'sodisfazzjon l-interess li esprima l-gvern Ekwadorjan fi ftehim ta' kooperazzjoni mal-UE b'appoġġ għall-programmi li jirrigwardaw id-deforestazzjoni; jappoġġa l-fehma li d-deforestazzjoni hija kwistjoni li tinvolvi r-responsabbiltà tal-komunità internazzjonali kollha kemm hi;

21.  Ifakkar li l-Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà Kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi Andini tal-2009 bassret li d-deforestazzjoni u t-tnaqqis fil-bijodiversità se jkunu r-riżultat tal-espansjoni projettata fis-setturi tal-agrikoltura u tal-injam, kif ukoll il-kunflitt soċjali minħabba l-espansjoni fl-estrazzjoni mill-minjieri, l-estrazzjoni tal-idrokarburi u l-attivitajiet ta' qtugħ tal-injum f'żoni rurali;

22.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni Ewropea jiffokaw fuq is-sostenibbiltà ambjentali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha ta' kooperazzjoni ffinanzjati mill-UE u jitlob lill-partijiet kollha jippromwovu l-aħjar prattiki kummerċjali relatati mar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) skont il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida tal-OECD dwar is-CSR u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681);

23.  Iħeġġeġ lill-muniċipalitajiet tal-Ekwador jużaw l-opportunitajiet offruti permezz tal-qafas kummerċjali l-ġdid biex jikkooperaw direttament mal-muniċipalitajiet fl-UE sabiex jippromwovu l-kummerċ ġust u jistabbilixxu netwerks ġodda tal-kummerċ ġust;

24.  Jilqa' u jappoġġa d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ħalli jistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem, kif propost mill-Ekwador u l-Afrika t'Isfel u appoġġat minn bosta pajjiżi oħra; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha b'mod pożittiv u kostruttiv fin-negozjati li għaddejjin f'Ġinevra;

25.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni Ewropea jappoġġaw lill-gvern tal-Ekwador fl-isforzi tiegħu biex jiżviluppa u jsostni ġestjoni ambjentali effikaċi, kemm b'mod ġenerali kif ukoll f'żoni sensittivi bħall-Amażonja u l-Gżejjer Galápagos għax is-salvagwardja tal-ġejjieni tal-pjaneta tagħna hija responsabbiltà komuni;

26.  Ifakkar li f'Yasuni, li jagħmel parti mill-Amażonja, jgħixu bosta tribujiet indiġeni, mijiet ta' speċijiet ta' siġar indiġeni u għexieren ta' speċijiet fawnistiċi fil-periklu; ifakkar is-sinifikat tiegħu għall-umanità u għall-wirt naturali dinji, inkluż għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena;

27.  Jiddispjaċih li l-kunċett ta' appoġġ għall-ħarsien ambjentali permezz ta' kumpens għat-telf ta' dħul potenzjali mill-kummerċ u għall-kofinanzjament tal-ħolqien tal-Fond Fiduċjarju Yasuni Ishpingo Tambococha Tiputini (ITT) taħt l-awspiċji tal-Programm tal-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) kif propost mill-gvern Ekwadorjan, li kellu l-ħsieb li jikkumpensa lill-poplu Ekwadorjan għall-waqfien mill-estrazzjoni taż-żejt miż-żoni li jinsabu fil-Park Nazzjonali Yasuni, falla minħabba riżultati ekonomiċi insodisfaċenti;

28.  Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Ekwador sabiex jipprovdi protezzjoni aħjar lill-komunitajiet indiġeni u jħeġġeġ tal-Gvern tal-Ekwador jiżgura li l-politiki tiegħu, b'mod partikolari l-istrateġija tal-estrazzjoni mill-minjieri — ma jkollhomx impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-komunitajiet indiġeni;

29.  Jenfasizza l-importanza li jiġu preservati u miżmuma l-komunitajiet indiġeni u lokali li jinkorporaw stili ta' ħajja tradizzjonali, u jenfasizza r-rilevanza tagħhom għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika fil-pajjiżi Andini;

30.  Jilqa' l-fatt li l-Ekwador irratifika l-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar il-Popli Indiġeni u Tribali, iżda jinnota li l-ftehim kummerċjali ma jagħmel l-ebda referenza għall-konvenzjoni;

31.  Jistieden tal-Gvern tal-Ekwador ikompli jtejjeb il-mekkaniżmi nazzjonali eżistenti u d-djalogu mas-soċjetà ċivili fil-qafas ta' monitoraġġ tal-Mekkaniżmu tas-Soċjetà Ċivili, inkluża kampanja sostanzjali ta' informazzjoni u promozzjoni biex tiġi massimizzata l-parteċipazzjoni tal-gruppi involuti fil-Mekkaniżmu tas-Soċjetà Ċivili; ifakkar li l-ftehim kummerċjali jirrikjedi li l-Ekwador jistabbilixxi tali mekkaniżmi sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim;

32.  Jistieden lill-partijiet involuti jieħdu miżuri sabiex tittejjeb il-ħidma tal-gruppi konsultattivi nazzjonali; huwa tal-fehma li l-gruppi konsultattivi nazzjonali kollha jeħtieġ ikunu kompletament indipendenti;

33.  Jitlob lill-grupp konsultattiv nazzjonali tal-UE jipproduċi rapport regolari li għandu jiġi ppreżentat u vvalutat mill-Parlament Ewropew;

34.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm biżżejjed parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-sessjoni annwali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif previst fil-ftehim, u mal-pubbliku ġenerali kif previst fil-ftehim;

35.  Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Gvern Ekwadorjan bħall-Kunsill Ekwadorjan tal-Parteċipazzjoni Ċivili u r-Responsabilità Soċjali (Consejo de Participacion Ciudadana u Control Social - CPCCS) bħala mezz ta' integrazzjoni, bl-għan li jsaħħaħ u jinċentiva l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, jippromwovi t-trasparenza u jeqred il-prattiki ta' korruzzjoni ifakkar l-importanza tal-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' djalogu effikaċi fejn dawn ma jeżistux, sabiex jiġi garantit id-dritt taċ-ċittadini u tal-aġenti soċjali li jeżerċitaw, fuq bażi individwali jew kollettiva, id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni;

36.  Jenfasizza l-importanza tas-Sottokumitat dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli konġunt għax dan hu l-uniku mekkaniżmu previst fil-ftehim kummerċjali biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-iżvilupp sostenibbli kemm għall-istati partijiet kif ukoll għall-kumpaniji;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq quddiem il-Parlament l-aġendi u l-minuti kollha tal-laqgħat tas-sottokumitati;

38.  Jinnota l-introduzzjoni tas-Salvagwardja tal-Bilanċ tal-Pagamenti mill-Ekwador; jistieden lill-Ekwador jindirizza fil-pront it-tħassib identifikat waqt il-konsultazzjonijiet mill-Membri l-oħra tad-WTO fil-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti f'Ġinevra;

39.  Jinnota li, flimkien mal-Kolombja u l-Perù, l-Ekwador hu wieħed mill-ikbar prodotturi tal-banana fid-dinja; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li l-volumi ta' importazzjoni ta' attivazzjoni kif stabbilit fil-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni tal-banana huma rispettati; jitlob lill-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew mingħajr dewmien, u f'kull każ meta l-andament fl-importazzjonijiet tal-banana jkun tali li jaf jikkawża l-ilħuq tal-volumi ta' importazzjoni ta' attivazzjoni, u li tipprovdi dettalji dwar l-impatt dirett u indirett tal-importazzjonijiet tal-banana minn dawk il-pajjiżi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mid-dazju fuq il-banana importata minn dawk il-pajjiżi jekk l-importazzjonijiet jiżdiedu b'mod sproporzjonat, li jikkaġuna jew jhedded li jikkaġuna, ħsara serja lill-ekonomiji tar-reġjuni ta' produzzjoni tal-UE, bħal pereżempju t-telf tal-impjiegi;

40.  Jappella lill-partijiet kollha jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim jiġu implimentati b'mod effikaċi mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim;

41.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-klawsoli ta' salvagwardja għandhom jiġu stabbiliti fl-istess waqt miż-żewġ naħat sabiex il-produzzjoni nazzjonali titħares kontra żidiet f'daqqa fl-importazzjonijiet li jaf jikkawżaw dannu serju;

42.  Jistieden lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ u l-Gvern Ekwadorjan jagħtu tweġibiet konvinċenti lill-mistoqsijiet u lit-tħassib imqajjem, qabel ma l-Parlament jivvota fuq l-adeżjoni tal-Ekwador fil-ftehim kummerċjali;

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Ekwador, il-Kolombja u l-Perù.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0087.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0481.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0480.
(4) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 52.
(5) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 54.
(6) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 79.


Strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020
PDF 254kWORD 72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali għall-2016-2020 (2015/2957(RSP))
P8_TA(2015)0417RC-B8-1278/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-TFUE dwar il-funzjonament tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (COM(2012)0006),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-benessri tal-annimali tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fi ħdan l-Unjoni u b'hekk għal suq intern li jiffunzjona tajjeb;

B.  billi ċ-ċittadini Ewropej għandhom interess kbir fil-benessri tal-annimali u jixtiequ jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati bħala konsumaturi;

C.  billi r-regoli nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali m'għandhomx imorru kontra l-prinċipji tas-suq uniku tal-UE;

D.  billi l-benessri tal-annimali huwa marbut mill-qrib mas-saħħa tal-annimali u mas-saħħa pubblika;

E.  billi, minħabba l-kumplessità u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, ir-regoli tal-UE u dawk nazzjonali dwar il-benessri tal-annimali joħolqu inċertezza ġuridika u jistgħu jqiegħdu lill-produtturi f'ċertu Stati Membri fi żvantaġġ kompetittiv serju;

F.  billi l-livell tal-benessri tal-annimali fl-Unjoni huwa fost l-ogħla fid-dinja;

G.  billi l-benessri tal-annimali għandu jitjib aktar abbażi ta' sejbiet xjentifiċi prevalenti u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-effiċjenza u l-kompetittività tat-trobbija agrikola tal-annimali; billi standards koerenti tal-benessri tal-annimali madwar l-UE jistgħu jibbenefikaw minn definizzjoni ta' trobbija tal-annimali tajba;

H.  billi livell għoli tal-benessri tal-annimali huwa importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà, għad li dan ifisser investimenti u spejjeż operattivi addizzjonali li mhumiex distribwiti b'mod proporzjonat tul il-katina alimentari;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, mingħajr dewmien, il-punti pendenti tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-istrateġija eżistenti u tfassal strateġija ġdida u ambizzjuża għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali għall-perjodu 2016-2020 sabiex tibni fuq il-ħidma tal-istrateġija preċedenti u tiżgura l-kontinwazzjoni ta' qafas biex tiggarantixxi standards għolja tal-benessri tal-annimali fost l-Istati Membri;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura qafas leġiżlattiv aġġornat, komprensiv u ċar li jimplimenta bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE; itenni, madankollu, li taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom jitbaxxew il-livelli tal-benessri tal-annimali minħabba s-simplifikazzjoni amministrattiva; jenfasizza li dawn l-objettivi ma jeskludux lil xulxin;

4.  Jenfasizza li l-Artikolu 13 tat-TFUE huwa ta' applikazzjoni ġenerali, orizzontali, u għaldaqstant huwa importanti daqs id-dispożizzjonijiet dwar l-agrikoltura, l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur;

5.  Ifakkar li l-Parlament huwa parti fin-negozjati li għaddejjin, u adotta atti leġiżlattivi li jindirizzaw kwistjonijiet dwar il-benessri tal-annimali, bħas-saħħa tal-annimali, kundizzjonijiet żootekniċi, produzzjoni organika u kontrolli uffiċjali;

6.  Jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru mill-bdiewa dwar il-benessri tal-annimali fid-diversi Stati Membri;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fejn ikun hemm evidenza xjentifika ċara li turi problemi marbuta mal-benessri tal-annimal, tadatta jew tintroduċi strumenti ta' politika ġodda biex issolvi dawn il-problemi; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-benessri tal-annimali fl-Istati Membri;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-implimentazzjoni effikaċi u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE relatata mal-benessri tal-annimali, minħabba l-kumplessità u l-għadd kbir ta' atti leġiżlattivi relevanti; jenfasizza li t-titjib fl-infurzar u l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti għandu jkun l-għan ewlieni tar-regoli kollha dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fl-istess ħin, tkun aktar ambizzjuża fir-rigward tal-inklużjoni u l-prijoritizzazzjoni tar-reċiproċità tal-istandards tal-benessri tal-annimali, bħala element mhux kummerċjali fil-politika tal-kummerċ tagħha u meta tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali, u tippromwovi l-benessri tal-annimali f'pajjiżi terzi billi tesiġi standards ta' benessri ekwivalenti għall-annimali u l-prodotti importati flimkien ma' kontrolli stretti;

10.  Jenfasizza l-importanza ta' finanzjament xieraq għall-politika agrikola komuni li jkun kompatibbli mal-livell tal-ambizzjonijiet tagħna, sabiex tiġi evitata rilokazzjoni tal-produzzjoni u tal-kummerċ lejn pajjiżi u kontinenti bi standards aktar baxxi dwar il-benessri tal-annimali;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, tikkondividi u xxerred l-aħjar prattiki bbażati fuq ix-xjenza u tappoġġa innovazzjoni u riċerka dwar l-iżvilupp ta' tekniki u teknoloġiji ġodda dwar il-benessri tal-annimali;

12.  Ifakkar li hemm żbilanċi fil-katina alimentari li jqiegħdu lill-produttur primarju fi żvantaġġ, u li din is-sitwazzjoni tillimita l-iskop għal investimenti fil-qasam tal-benessri tal-annimali fil-livell tal-irziezet;

13.  Ifakkar li l-produtturi huma mgħobbija wisq b'obbligi amministrattivi u li, fit-tfittxija permanenti għas-simplifikazzjoni amministrattiva, din l-istrateġija Ewropea m'għandhiex tkompli żżid il-piż li diġà jeżisti; jenfasizza l-ħtieġa għal stabbiltà u prevvedibbiltà ta' investimenti fis-settur, filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni internazzjonali ġusta;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 62.


L-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla
PDF 326kWORD 113k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (2015/2977(RSP))
P8_TA(2015)0418B8-1240/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, tal-1951,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989 u l-Protokolli Fakultattivi ta' magħha dwar l-involviment tat-tfal fil-konflitti armati ta' Mejju 2000, dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal ta' Jannar 2002 u dwar proċedura tal-komunikazzjonijiet ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida dwar it-Tfal assoċjati ma' Forzi Armati jew Gruppi Armati (il-Prinċipji ta' Pariġi), tan-NU, ta' Frar 2007,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tan-NU bit-titolu "Dinja xierqa għat-tfal",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona li jistabbilixxi l-prinċipju ta' Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiġu meqjusa fil-politiki li x'aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea: "Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja", tat-30 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati (aġġornati fl-2008),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (tfassil mill-ġdid),

–  wara li kkunsidra l-Premju Nobel għall-Paċi li l-Unjoni Ewropea irċeviet fl-10 ta' Diċembru 2012 u l-premju ta' flus li sussegwentement irċeviet u li ġie impenjat għall-inizjattiva tal-UE "It-Tfal tal-Paċi",

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 dwar id-dritt għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u l-linji gwida rilevanti inklużi dawk tal-UNICEF u tal-UNESCO,

–  wara li kkunsidra "Il-Qafas ta’ Azzjoni ta’ Dakar" adottat mill-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni mis-26 sat-28 ta' April 2000 u d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni Incheon: Edukazzjoni 2030" adottata mill-Forum Dinji dwar l-Edukazzjoni tad-19 sat-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra d-"Dikjarazzjoni ta’ Oslo" adottata matul is-Summit ta' Oslo dwar l-Edukazzjoni għall-Iżvilupp tas-6 u s-7 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (O-000147/2015 – B8‑1108/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont l-istimi tan-NU hemm biljun tifel u tifla li qed jgħixu f’żoni milquta minn konflitti, li minnhom 250 miljun huma taħt l-età ta' 5 snin u qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal edukazzjoni; billi madwar 65 miljun tifel u tifla ta' bejn it-3 u l-15-il sena huma l-aktar milquta mis-sitwazzjonijiet ta' emerġenzi u kriżijiet li qed itulu, bir-riskju li l-edukazzjoni tagħhom tiġi interrotta, u madwar 37 miljun tifel u tifla fl-età tal-iskola primarja u tal-ewwel snin tas-sekondarja mhumiex qed jattendu skola fil-pajjiżi milquta minn kriżijiet; billi madwar nofs it-tfal li ma jmorrux skola fid-dinja jgħixu f'żoni milquta minn kunflitti; billi 87 % tat-tfal li ma jmorrux skola fl-Istati Għarab huma milquta minn konflitti, u huwa stmat li 175 miljun tifel u tifla x'aktarx li jintlaqtu minn diżastri naturali kull sena; billi ċerti gruppi, bħalma huma t-tfal foqra, il-bniet u t-tfal b'diżabilità, jaraw il-prospetti diġà baxxi tagħhom ikomplu jonqsu aktar fiż-żoni milquta mill-konflitti jew f'kuntesti fraġli;

B.  billi kważi 10 miljun tifel u tifla huma refuġjati u huwa stmat li hemm 19-il miljun tifel u tifla madwar id-dinja li ġew spostati f'pajjiżhom b'riżultat tal-konflitt;

C.  billi kull tifel u tifla huma l-ewwel u qabel kollox tfal li drittijiethom għandhom jiġu rrispettati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini etnika, in-nazzjonalità jew l-istatus soċjali, ta' migrazzjoni jew ta' residenza tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;

D.  billi l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u d-dritt ta' kull tifel u tifla; billi l-edukazzjoni hija vitali bil-għan li dak li jkun ikun jista' jgawdi bis-sħiħ id-drittijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi l-oħra kollha;

E.  billi l-edukazzjoni tifforma l-bażi taċ-ċittadinanza responsabbli, tista' tittrasforma soċjetà u tikkontribwixxi għall-ugwaljanza soċjali, ekonomika, politika u bejn is-sessi u hija vitali għall-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa soċjalment, kulturalment u professjonalment u għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

F.  billi l-edukazzjoni hija essenzjali għall-integrazzjoni u t-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal b'diżabilità u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali;

G.  billi l-edukazzjoni primarja b'xejn għat-tfal kollha hi dritt fundamentali li l-gvernijiet taw pleġġ li jirrispettaw skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU tal-1989; billi l-objettiv għas-sena 2015 huwa li jiġi żgurat li s-subien u l-bniet kollha jlestu kors sħiħ ta' edukazzjoni primarja; billi minkejja l-ftit progress li sar fid-dinja li għadha fil-fażi tal-iżvilupp, għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħaq dan il-għan;

H.  billi l-Qafas ta' Dakar u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) immobilizzaw lill-komunità internazzjonali favur l-aċċess universali għall-edukazzjoni primarja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u edukazzjoni ta' kwalità, iżda l-ebda wieħed minn dawn l-għanijiet mhu se jintlaħaq sad-data fil-mira, jiġifieri l-2015;

I.  billi f'mill-inqas 30 pajjiż fid-dinja hemm attakki fuq l-edukazzjoni mill-forzi tas-sigurtà tal-istat u minn gruppi armati li mhumiex tal-istat; billi l-ħarsien tal-iskejjel mill-attakki u mill-użu militari minn gruppi armati kemm tal-istat u kemm mhumiex huwa konformi mad-Dikjarazzjoni tal-Iskejjel Sikuri u l-Linji Gwida għall-Ħarsien tal-Iskejjel u l-Universitajiet mill-Użu Militari waqt Konflitt Armat;

J.  billi t-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ jiffaċċjaw theddid li kulma jmur qed jiżdied u huma milquta b'mod sproporzjonat, speċjalment fl-istati fraġli; billi t-tfal u l-adoloxxenti li ma jmorrux l-iskola jiffaċċjaw riskju ogħla ta' żwieġ bikri u tqala bikrija, reklutaġġ għal ma' forzi jew gruppi armati, li jiġu ttraffikati jew sfruttati għax-xogħol; billi fiż-żoni ta' gwerra l-għajnuna umanitarja hija spiss l-uniku mod kif it-tfal ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom u jtejbu l-prospetti futuri tagħhom, u dan imbagħad jgħinhom jitħarsu mill-abbuż u l-isfruttament;

K.  billi l-provvediment ta' edukazzjoni ta' kwalità f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza ma jiffurmax parti minn kull rispons umanitarju, huwa ffukat b'mod predominanti fuq l-edukazzjoni primarja u għadu meqjus bħala sekondarju għall-provvediment tal-ikel, ix-xorb, l-għajnuna medika u l-kenn, u billi, bħala riżultat, it-tfal milquta minn konflitt jew diżastri naturali jitilfu milli jirċievu edukazzjoni;

L.  billi l-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni hija waħda baxxa, u l-għajnuna aktar ġeneruża għall-iżvilupp tasal tard jew ma tasal xejn; billi s-sistemi tat-twassil huma kkoordinati ħażin, bi spejjeż għolja tat-tranżazzjonijiet, u hemm nuqqas ta' sħab b'kapaċitajiet ta' rispons adegwati;

M.  billi l-kwalità fl-ipprogrammar tal-edukazzjoni għar-refuġjati għandha t-tendenza li tkun waħda baxxa, bi proporzjon ta' alljievi għal kull għalliem/a ta' medja ta' 70:1 u proporzjon għoli ta' għalliema mhux ikkwalifikati;

N.  billi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (GħŻS) u l-miri assoċjati jistabbilixxu aġenda ġdida, olistika u ambizzjuża għall-edukazzjoni, li għandha titwettaq sal-2030;

O.  billi l-aċċess universali għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja, mhux biss edukazzjoni bażika iżda wkoll – u b'importanza indaqs – edukazzjoni sekondarja u għolja, huwa essenzjali biex jiġu megħluba l-inugwaljanzi u jintlaħqu l-GħŻS;

P.  billi l-UE se tinvesti EUR 4.7 biljun fl-edukazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2014-2020, li hija żieda fuq il-EUR 4.4 biljun investiti fl-2007-2013;

Q.  billi d-Dikjarazzjoni Incheon tinnota bi tħassib li l-kunflitti, id-diżastri naturali u kriżijiet oħra qed ikomplu jxekklu l-edukazzjoni u l-iżvilupp, u tieħu impenn favur l-iżvilupp ta' "sistemi edukattivi aktar inklużivi, risponsivi u reżiljenti" u tenfasizza li l-edukazzjoni jeħtieġ "tiġi pprovduta f'ambjenti ta' tagħlim li joffru sikurezza, appoġġ u sigurtà li jkunu ħielsa mill-vjolenza";

R.  billi l-inizjattiva "It-Tfal tal-Paċi tal-UE" tipprovdi aċċess għall-iskejjel għal madwar 1.5 miljun tifel u tifla fiż-żoni ta' konflitt u f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza f'26 pajjiż, fejn huma jkunu jistgħu jitgħallmu f'ambjent sikur u jirċievu appoġġ psikoloġiku;

S.  billi ġew żviluppati approċċi innovattivi, inklużivi u olistiċi għall-edukazzjoni fl-emerġenzi minn għadd ta' sħab tal-UE bħalma hija l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal refuġjati milquta mill-konflitti li jkunu għaddejjin; billi dan l-approċċ jgħaqqad flimkien il-ħtiġijiet umanitarji tal-futur qrib tat-tfal u l-ħtiġijiet ta' żvilupp tagħhom tal-futur 'il bogħod u jinkludi l-iżvilupp ta' materjali ta' awtotagħlim interattivi, appoġġ psikosoċjali, spazji ta' tagħlim sikuri u rikreattivi, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sikurezza u s-sigurtà u attivitajiet ta' bini tal-kapaċità;

T.  billi huwa stmat li huma meħtieġa madwar USD 8 biljun kull sena sabiex jiġi pprovdut appoġġ edukattiv lit-tfal milquta minn sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u billi l-kontribuzzjonijiet domestiċi tal-gvernijiet milquta jħallu diskrepanza finanzjarja globali ta' USD 4.8 biljun għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

U.  billi biex din id-diskrepanza ma tibqax teżisti jeħtieġ li jiżdied il-finanzjament għall-iżvilupp u l-finanzjament umanitarju, kif ukoll l-infiq pubbliku fl-edukazzjoni min-naħa ta' stati fraġli; billi l-edukazzjoni bħala proporzjon tan-nefqa tal-gvernijiet fi stati fraġli naqset f'dawn l-aħħar snin, u għadha 'l bogħod mill-punt ta' riferiment rakkomandat internazzjonalment ta' 20 %;

V.  billi d-Dikjarazzjoni ta' Oslo tinnota kemm hu importanti li tiġi studjata l-arkitettura globali tal-għajnuna fit-tfittxija biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-risponsi umanitarji u l-interventi għall-iżvilupp għall-ġejjieni aktar 'il bogħod fil-qasam tal-edukazzjoni, u tipproponi li titwaqqaf pjattaforma ġdida għal dan il-għan, kif ukoll li jinħoloq fond apposta jew modalità ġdida għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kmieni biżżejjed qabel is-Summit Umanitarju Dinji fl-2016.

1.  Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja universali bħala katalista għall-iżvilupp, li ttejjeb il-prospetti ta' interventi oħra fl-oqsma tas-saħħa, is-sanità, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar, u l-iżvilupp ekonomiku; jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni bħala għodda b'saħħitha li hija meħtieġa bil-għan li jingħata sens ta' normalità, titqajjem il-kuxjenza dwar id-drittijiet u t-tfal, l-adoloxxenti, u ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jegħilbu t-trawma, jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-soċjetà f'dak li jkunu ħallew warajhom il-konflitti, u jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa biex jerġgħu jibnu s-soċjetajiet tagħhom u jippromwovu l-bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni;

2.  Jenfasizza li, fuq tul ta’ żmien, l-edukazzjoni ta’ kwalità tista’ tkun ingredjent kritiku fir-rikostruzzjoni tas-soċjetajiet ta' wara l-konflitti, peress li tista' żżid il-potenzjal ta' qligħ tat-tfal, tippermettilhom iżommu l-familja tagħhom aktar b'saħħitha u ttejjeb l-abilità tagħhom li jeħilsu miċ-ċiklu tal-faqar;

3.  Jisħaq li l-bniet u tfal żvantaġġjati oħra, inklużi t-tfal b'diżabilità, ma għandha qatt issir diskriminazzjoni kontrihom f'dak li hu aċċess għal edukazzjoni tajba f'sitwazzjoni ta' emerġenza;

4.  Jenfasizza r-rwol pożittiv li taqdi l-edukazzjoni fl-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat tagħlim tul il-ħajja mingħajr interruzzjonijiet għall-adoloxxenti żgħar; jemmen li dan se jillimita wkoll il-possibilitajiet li huma jiġu involuti ma' gruppi armati jew jiġu ingaġġati fl-estremiżmu;

5.  Jirrikonoxxi l-progress li sar minn mindu ġew adottati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, iżda jiddeplora l-fatt li l-miri stabbiliti mhumiex se jintlaħqu fl-2015; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu dawn l-għanijiet l-ogħla prijorità fil-politiki interni tagħhom u fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li dawn l-għanijiet – speċjalment il-qerda tal-faqar, l-aċċess universali għall-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi – jistgħu jintlaħqu biss permezz tal-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi li jkunu aċċessibbli għal kulħadd; jilqa' b'sodisfazzjon l-aġenda tal-edukazzjoni l-ġdida stabbilita fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u jkompli jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess ekwu għal edukazzjoni ta' kwalità għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli;

6.  Jinnota bi tħassib li l-progress fl-edukazzjoni kien miexi l-aktar bil-mod jew ma kien jeżisti xejn fil-pajjiżi milquta mill-konflitti u fl-istati fraġli u milquta mill-konflitti, u jenfasizza kemm hu importanti li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi edukattivi f'dawn il-pajjiżi u li jiġi żgurat tagħlim mingħajr interruzzjonijiet meta jfaqqgħu l-kriżijiet; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' impenn akbar min-naħa tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha involuti f’diversi livelli, bil-għan li jipprovdu strumenti biex jiġu żgurati l-iżvilupp u l-edukazzjoni mifruxa ma' kullimkien f'dawn il-pajjiżi milquta mill-kriżijiet;

7.  Jenfasizza l-fatt li miljuni ta' tfal ġew imġiegħla jsiru refuġjati, u jenfasizza li l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal refuġjati huwa importantissmu; jistieden lill-pajjiżi akkoljenti jiżguraw li t-tfal refuġjati jingħataw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni, u jippromwovu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali; jistieden ukoll lill-komunitajiet umanitarji u tal-iżvilupp jagħtu aktar attenzjoni lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema kemm dawk mill-komunitajiet spustjati u kemm dawk mill-komunitajiet ospitanti, u jistieden ukoll lid-donaturi internazzjonali jagħtu prijorità lill-edukazzjoni meta jkunu qed jirrispondu għall-kriżijiet tar-refuġjati, permezz ta' programmi mmirati li jinvolvu u psikoloġikament jappoġġjaw lit-tfal migranti, kif ukoll li jippromwovu t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti bil-għan li jiġi żgurat livell ogħla u aktar xieraq ta' integrazzjoni tat-tfal refuġjati;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq l-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fuq l-edukazzjoni primarja bażika; jenfasizza l-fatt li ż-żgħażagħ tal-età ta' bejn it-12 u l-20 sena għandhom opportunitajiet limitati ħafna fi ħdan il-komunitajiet tar-refuġjati, filwaqt li fl-istess ħin qed ikunu fil-mira primarjament għas-servizz militari u suriet oħra ta' ingaġġ fil-konflitt armat; jirreferi għall-eżempju tal-Afganistan, fejn, skont il-Bank Dinji, minkejja l-popolazzjoni enormi tiegħu fl-età tax-xogħol, huma biss 30 % tal-persuni ta' 15-il sena u akbar li jafu jaqraw u jiktbu u fejn deċennji ta’ snin ta' gwerra rriżultaw fi skarsezza kritika ta’ ħaddiema tas-sengħa;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw skemi ta' akkoljenza speċifiċi għat-tfal mhux akkumpanjati u għall-ommijiet waħedhom bit-tfal;

10.  Ifakkar lill-Istati Membri li l-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni tal-abbuż u t-traffikar huma aċċidentali għall-inklużjoni tagħhom fl-iskejjel u fil-programmi edukattivi, u li għandha ssir dispożizzjoni għal standards iddefiniti sewwa għall-akkoljenza, l-inklużjoni u l-appoġġ lingwistiku, kif stabbilit fid-Direttiva 2013/33/UE;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-istudenti refuġjati fi tranżitu, ukoll billi jikkooperaw ma' għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu "kurituri tal-edukazzjoni" biex jiġi żgurat li studenti minn pajjiżi li jinsabu għaddejja minn konflitt, b'mod partikolari s-Sirja, l-Iraq u l-Eritrea, jiġu aċċettati fl-universitajiet;

13.  Jitlob li l-UE u l-aġenziji umanitarji tagħha b'mod sistematiku jinkludu l-edukazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal fiċ-ċiklu tar-rispons għall-emerġenzi kollu kemm hu u jiżguraw fondi pluriennali flessibbli għall-kriżijiet imtawla;

14.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju ta' Bekou, il-Fond Fiduċjarju ta' Madad u l-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika bħala għodod effettivi biex tiġi indirizzata l-firda bejn il-finanzjament umanitarju u l-finanzjament tal-iżvilupp f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza kumplessi u mtawla fejn il-kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji huma interkonnessi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni għat-tfal bħala prijorità fl-allokazzjoni tar-riżorsi mill-Fondi Fiduċjarji tal-UE;

15.  Jirrikonoxxi l-lakuni preokkupanti li jinsabu fir-rispons ta' edukazzjoni għas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza, partikolarment minħabba li impenn bikri joffri benefiċċji mhux biss għat-tfal milquta iżda jista' wkoll itejjeb l-effikaċja tar-rispons umanitarju usa’; itenni l-appoġġ tiegħu biex l-iskejjel jinżammu bħala spazji sikuri għat-tfal, u jenfasizza f'dan il-kuntest kemm hu importanti li l-edukazzjoni tiġi protetta mill-attakki; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu l-impenn tagħhom li jappoġġjaw il-prinċipji tal-Qafas Komprensiv tal-Iskejjel Sikuri u li jipproteġu l-edukazzjoni mill-attakki u mill-użu militari skont id-Dikjarazzjoni tal-Iskejjel Sikuri u u l-Linji Gwida għall-Ħarsien tal-Iskejjel u l-Universitajiet mill-Użu Militari waqt Konflitt Armat;

16.  Jitlob li l-UE taħdem ma' pajjiżi sħab, donaturi oħra, is-settur privat u s-soċjetà ċivili biex ittejjeb l-opportunitajiet edukattivi għaż-żgħażagħ f’sitwazzjonijiet ta' konflitt u emerġenzi oħra, minħabba r-rwol kruċjali li ż-żgħażagħ jistgħu jaqdu fl-istabbilità ta' wara l-konflitt permezz tal-ħiliet potenzjalment akkwiżiti tagħhom biex jerġgħu jinbnew l-infrastruttura, is-servizzi bażiċi, il-faċilitajiet tas-saħħa u s-sistemi edukattivi, u fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta' popolazzjoni żagħżugħa mingħajr xogħol li tikkawża taqlib soċjali jew li terġa’ taqa’ lura f’ċirku vizzjuż ta’ vjolenza;

17.  Ifaħħar l-inizjattiva It-Tfal tal-Paċi tal-UE, li għandha l-għan li tiffinanzja proġetti edukattivi umanitarji f'sitwazzjoni ta' emerġenza, u jistieden lill-Kummissjoni tkabbar din l-inizjattiva; jilqa' l-inizjattiva No Lost Generation (L-Ebda Ġenerazzjoni Mitlufa), varata minn għadd ta' donaturi u entitajiet umanitarji u tal-iżvilupp, inkluża l-UE, bil-ħsieb li jingħata aċċess għall-edukazzjoni għal miljuni ta' tfal fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien;

18.  Jiddeplora l-fatt li minkejja r-rwol importanti tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, dan il-qasam ta' politika rċieva inqas minn 2 % tal-fondi umanitarji kollha fl-2014; jittama għalhekk li, taħt il-programm il-ġdid għar-ristrutturar tad-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE, il-finanzjament għall-programmi tal-edukazzjoni tat-tfal, inkluż f'pajjiżi terzi milquta minn gwerer jew emerġenzi ġenerali, ikun jista' jiġi supplimentat u miżjud;

19.  Jistieden lill-atturi umanitarji kollha, minħabba n-natura mtawla tal-kriżijiet kontemporanji, jinkludu l-edukazzjoni bħala parti integrali tar-rispons umanitarju tagħhom u jżidu l-impenn tagħhom għall-edukazzjoni billi jimmobilizzaw ir-raggruppament tal-edukazzjoni fl-istadji bikrija ta' sitwazzjoni ta' emerġenza u billi jiżguraw li jiġu ddedikati għalih fondi suffiċjenti; jistedinhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli bħalma huma l-bniet, il-persuni b'diżabilità u l-fqar, iqisu lit-tfal u ż-żgħażagħ spustati li jkunu ngħataw refuġju minn komunitajiet ospitanti, u jagħtu konsiderazzjoni xierqa lill-edukazzjoni sekondarja bil-għan li ma jeskludux lill-adoloxxenti mill-edukazzjoni;

20.  Jilqa' l-attenzjoni internazzjonali - li kulma jmur qed tiżdied - mogħtija lis-suġġett tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u b'mod partikolari t-tħabbira min-naħa tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-UE tal-objettiv tiegħu li sal-2019 jiddedika 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE għall-edukazzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

21.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-objettiv tal-Kummissjoni li żżid is-sehem tal-fondi umanitarji ddedikati għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għal 4 % tal-baġit għall-għajnuna umanitarja tal-UE bħala investiment minimu biex jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla; jistedinhom ukoll iżidu l-attenzjoni u l-finanzjament mogħtija lill-edukazzjoni fl-azzjonijiet umanitarji tagħhom stess, filwaqt li jisħaq li dan ma għandux isir spejjeż ta' ħtiġijiet primarji oħra; jitlob li l-UE tippromwovi fost il-pajjiżi rilevanti l-aħjar prattiki f'dawk li huma stat ta' tħejjija u strateġiji ta' rispons biex tiġi sostnuta l-edukazzjoni fil-każ ta' kriżijiet u tgħin fil-bini tal-kapaċità relatat, eż. permezz ta' programmi ta' appoġġ mill-baġit;

22.  Jenfasizza li t-teknoloġiji ġodda ta' informazzjoni u komunikazzjoni (ICT) ħadu rwol li kulma jmur qed isiru aktar importanti fis-settur tal-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u jistgħu jtejbu l-ħidma tal-operaturi f'sitwazzjonijiet bħal dawn, inkluż permezz tal-pjattaformi tat-tagħlim elettroniku għall-istudenti u tat-tagħlim elettroniku għall-għalliema;

23.  Jenfasizza li, filwaqt li hemm il-ħtieġa ta' żieda fil-finanzjament umanitarju, din mhix se tkun biżżejjed biex tindirizza l-lakuna tal-finanzjament; jitlob lill-UE u lid-donaturi l-oħra biex jgħollu l-profil tal-edukazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-istati fraġli sabiex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistemi edukattivi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lil atturi umanitarji oħra, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-edukazzjoni pubblika universali, inkluża l-edukazzjoni sekondarja u l-edukazzjoni għolja, bħala mod kif jiġi kkoordinat l-ipprogrammar tar-risponsi għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza mal-ipprogrammar fit-tul għall-iżvilupp sostenibbli;

24.  Jitlob lill-UE tappoġġja l-impenji tal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi biex jiżviluppaw l-oqfsa ġuridiċi nazzjonali għar-reżiljenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri u r-riskji abbażi tal-Programm Internazzjonali ta' Liġijiet, Regoli u Prinċipji applikabbli għall-Azzjonijiet Internazzjonali f'Każ ta' Diżastru u biex jiżguraw li l-kapaċità fl-immaniġġjar tar-riskji teżisti b'mod orizzontali fid-dipartiment tal-gvern kollha, fis-setturi industrijali kollha u fis-soċjetà ċivili bil-għan li jiġi żgurat li t-tfal jerġgħu lura l-iskola;

25.  Jenfasizza l-importanza tas-settur privat bħala għajn potenzjali ta’ finanzjament innovattiv għall-edukazzjoni, bil-għan li jitneħħa d-distakk potenzjali ta' bejn is-servizzi edukattivi u t-taħriġ vokazzjonali mogħtija u d-domandi prospettivi tas-suq tax-xogħol; jitlob li jkun hemm alleanzi ġodda u modi ġodda ta' kif isiru s-sħubijiet mas-settur privat fil-proċessi tal-edukazzjoni, li jistgħu jikkostitwixxu għejun vijabbli ta’ innovazzjoni u ta' flessibilità teknoloġika u jistgħu jieħdu għadd kbir ta' forom, mill-provvediment ta' faċilitajiet ta' bini u apparati elettroniċi sa programmi ta' tagħlim elettroniku għall-istudenti u trasport u akkomodazzjoni għall-għalliema;

26.  Jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u f'kuntesti fraġli hija qasam konkret li fih l-atturi umanitarji u tal-iżvilupp jeħtieġ li jaħdmu flimkien għall-kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD); jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi biex tirrispondi b'mod effettiv għal dan fl-attivitajiet tagħha stess u f’dawk tas-sħab tagħha, u tinvolvi ruħha fil-pjattaforma internazzjonali li se toħloq strumenti apposta għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza għas-Summit Umanitarju Dinji fl-2016; jappoġġja l-koordinazzjoni tal-fondi eżistenti u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' finanzjament dinji għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

27.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu l-kwistjoni tal-edukazzjoni għat-tfal li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta' emerġenza u fi kriżijiet imtawla fis-Samit Umanitarju Dinji, billi jiżguraw li din it-tema jkollha post adegwat fid-dokument ta' eżitu; jitlob ukoll li huma jippromwovu standards komuni għal qafas ta' tagħlim u t-tixrid tal-aħjar prattiki dwar modalitajiet alternattivi ta' tagħlim (għal min jitgħallem), bħalma huma l-materjali ta' awtotagħlim u ta' tagħlim mill-bogħod; jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi, għodod u kapaċitajiet bil-għan li l-pjanijiet tal-edukazzjoni u l-baġits tal-edukazzjoni jiġu allinjati b’mod orizzontali fir-risponsi umanitarji, fl-irkupru/it-tranżizzjoni u fl-iżvilupp kollha kemm huma;

28.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta' kriżijiet umanitarji u tal-ikbar għadd ta' nies spostati mindu seħħet it-Tieni Gwerra Dinjija, il-komunità internazzjonali għandha tikkunsidra l-edukazzjoni bħala element ċentrali tar-rispons umanitarju tagħha, peress li l-edukazzjoni hija katalist li jista’ jagħmel ir-rispons ġenerali aktar effettiv u anke jikkontribwixxi għall-iżvilupp, kemm fil-futur qrib u kemm fil-futur 'il bogħod, tal-popolazzjonijiet milquta.

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020
PDF 260kWORD 73k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Novembru 2015 dwar "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020" (2015/2772(RSP))
P8_TA(2015)0419B8-1231/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (CPR),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar "Lejn semplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020" (O-000127/2015 – B8-1103/2015),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament jirrikonoxxi l-importanza tal-passi sinifikanti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tas-semplifikazzjoni, bħall-aġenda ta' semplifikazzjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, il-ħatra ta' Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għal regolamentazzjoni aħjar, il-ħolqien ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar il-Monitoraġġ tas-Semplifikazzjoni għall-Benefiċarji tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) fi ħdan il-Kummissjoni, ir-Regolament Finanzjarju rivedut u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR);

B.  billi, minkejja l-politika ta’ koeżjoni riformata għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, fejn huma indirizzati l-metodi ta’ semplifikazzjoni, l-applikazzjoni, il-ġestjoni, ir-rappurtar u l-kontroll fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew (FSIE) xorta għadhom onerużi kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni, partikolarment dawk b’anqas ħiliet amministrattivi u finanzjarji;

C.  billi r-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) attwali, inkluż fil-proċess tat-traspożizzjoni ta' regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, toħloq dewmien u twassal għal perjodu itwal barra mis-suq kif ukoll spejjeż indiretti għal benefiċjarji potenzjali li qed ifittxu finanzjament mill-UE, biex b'hekk jitnaqqas l-impatt tal-finanzjament tal-UE fuq l-investiment u jinħolqu ostakoli għall-benefiċjarji, iċ-ċittadini u l-kumpaniji fl-UE, partikolarment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

D.  billi l-proċeduri kkumplikati jistgħu jixħtu piż sinifikanti fuq il-benefiċjarji, partikolarment fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-NGOs u l-muniċipalitajiet, li jeħtieġu l-finanzjament tal-UE u billi, b’mod ġenerali, dawn l-entitajiet ma għandhomx ir-riżorsi finanzjarji u umani, u lanqas il-kompetenza esperta, biex japplikaw b’suċċess għal-għotjiet tal-UE u biex jiġġestixxuhom; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-istrument ta' kejl ta' riskju ARACHNE operattiv u aktar faċli biex jintuża mill-awtoritajiet ta' ġestjoni u s-sistemi ta' kontroll ta' programmi operattivi, li għandhom jiżguraw bilanċ xieraq bejn is-semplifikazzjoni fuq naħa, u d-detezzjoni u l-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, fuq in-naħa l-oħra;

E.  billi l-irduppjar tal-awditjar u d-differenzi fl-approċċi u fil-metodoloġiji ta’ awditjar jitolbu l-implimentazzjoni tal-“prinċipju ta’ awditu uniku” kif ukoll enfasi aktar qawwija fuq l-awditjar tal-prestazzjoni, li jistgħu jevalwaw aħjar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-operazzjonijiet u jwasslu għal proposti għal semplifikazzjoni;

1.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tintroduċi linji gwida dettaljati dwar is-semplifikazzjoni sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom jsiru konxji tal-kompitu tagħhom li jeliminaw, jew tal-anqas inaqqsu b'mod sinifikanti, il-piż amministrattiv u r-regolamentazzjoni żejda li jirriżultaw fil-livelli nazzjonali u lokali fil-proċessi ta’ akkwist, l-għażla tal-proposti ta' proġetti u l-attivitajiet ta' monitoraġġ u ta'; kontroll, inkluż li jiġu evitati bidliet frekwenti fir-regoli, is-semplifikazzjoni tal-lingwaġġ u tal-proċeduri ta' standardizzazzjoni, kif ukoll l-iffukar tal-baġit tal-UE fuq riżultati tanġibbli; barra minn hekk, jiddikjara li, pakkett ta’ finanzjament reġjonali tal-UE integrat, permezz ta’ interfaċċa unika jew ta' punt uniku ta' kuntatt jista’ jkun possibilità jiġi previst, biex b’hekk issir bidla lejn proċessi u proċeduri komuni, kull meta jkun possibbli;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom bi pjan direzzjonali biex tallinja u tissemplifika l-attivitajiet ta’ kontroll, monitoraġġ u rappurtar, inkluż għall-benefiċjarji, sabiex telimina l-ostakli attwali;

3.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu nota tad-data mira tal-31 ta' Diċembru 2015, kif stipulat fl-Artikolu 122(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), biex issir il-konverżjoni għal koeżjoni elettronika bħala prekundizzjoni għal -tnaqqis sinifikanti taż-żmien mill-applikazzjoni sa meta tingħata l-għotja;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi u timplimenta, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri u bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, approċċ ħafif għal rekwiżiti ta' data u ta’ informazzjoni għal benefiċjarji matul il-proċess ta’ applikazzjoni u fir-rigward ta’ rappurtar relatati mal-finanzjament tal-UE taħt ġestjoni kondiviża, u tħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki tajbin;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu s-semplifikazzjoni tar-regoli li jiggvernaw l-istrumenti finanzjarji fi ħdan il-Fondi SIE bil-għan li jiġu allinjati aktar mill-qrib għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, bil-għan aħħari li jkun hemm titjib fl-użu tagħhom;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-użu ta’ approċċ ibbażat fuq bosta fondi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi djalogu strutturat u permanenti mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra dwar l-aspetti kollha ta’ dan il-proċess ta’ semplifikazzjoni;

8.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.

Avviż legali - Politika tal-privatezza