Arranġament mal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil ***
249k
61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Arranġament mal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (18079/2013 – C8-0027/2014 – 2013/0422(NLE))
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill (18079/2013),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u mal-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (18078/2013),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 74 u78(1) u (2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0027/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, u l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0345/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Arranġament;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Svizzera.
Ftehim UE-Dominica dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
249k
61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth ta’ Dominica dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07189/2015 – C8-0143/2015 – 2015/0050(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07189/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth ta’ Dominica dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07111/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0143/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0322/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Commonwealth ta’ Dominica.
Ftehim UE-Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
250k
60k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07192/2015 – C8-0149/2015 – 2015/0052(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07192/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07119/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0149/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0329/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika ta’ Vanuatu.
Ftehim UE-Trinidad u Tobago dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
248k
60k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07196/2015 – C8-0151/2015 – 2015/0054(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07196/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07129/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0151/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0323/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago.
Ftehim UE-Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
250k
60k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta’ Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07195/2015 – C8-0146/2015 – 2015/0056(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07195/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Indipendenti ta’ Samoa dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07127/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0146/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0320/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa.
Ftehim UE-Grenada dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
249k
60k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Grenada dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07190/2015 – C8-0144/2015 – 2015/0057(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07190/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Grenada dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07113/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0144/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0326/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u ta’ Grenada.
Ftehim UE-Timor Leste dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
249k
60k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07194/2015 – C8-0147/2015 – 2015/0058(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07194/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07125/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0147/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0327/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Demokratika ta’ Timor Leste.
Ftehim UE-Saint Lucia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
249k
60k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Lucia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (07187/2015 – C8-0145/2015 – 2015/0060(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07187/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Lucia dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07107/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0145/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0321/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u ta’ Saint Lucia.
Ftehim UE-Saint Vincent u l-Grenadini dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
251k
61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Vincent u l-Grenadini dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07191/2015 – C8-0148/2015 – 2015/0061(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07191/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Saint Vincent u l-Grenadini dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07115/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0148/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0325/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u ta’ Saint Vincent u l-Grenadini.
Ftehim UE-Emirati Għarab Magħquda dwar l-eżenzjoni mill-viża għal perjodu qasir ***
249k
60k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Emirati Għarab Magħquda dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07185/2015 – C8-0124/2015 – 2015/0062(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07185/2015),
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Emirati Għarab Magħquda dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07103/2015),
– wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a), u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0124/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0324/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Emirati Għarab Magħquda.
Memorandum ta' Qbil bejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u l-Eurojust *
252k
63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-Memorandum ta' Qbil bejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u l-Eurojust (11595/2015 – C8-0303/2015 – 2015/0811(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (11595/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0303/2015),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) tagħha,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ April 2015(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0353/2015),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015 fil-Kawżi Magħquda C-317/13 u C-679/13, Parlament vs Kunsill, ECLI:EU:C:2015:223, u fil-Kawża C-540/13, Parlament vs Kunsill, ECLI:EU:C:2015:224.
Il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u l-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti *
271k
77k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (COM(2015)0447 – C8-0277/2015 – 2015/0204(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0447),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0277/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0357/2015),
A. billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom(1) mistennija tidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2016;
B. billi d-Deċiżjoni hija akkumpanjata mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014(2), li se jidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-Deċiżjoni;
C. billi l-leġiżlazzjoni korrispondenti attwalment fis-seħħ marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom(3) kellha tiġi riveduta lejn l-aħħar tal-2014 minħabba ammonti eċċezzjonalment kbar ta' aġġustamenti bbażati fuq il-VAT u l-ING għal ċerti Stati Membri;
D. billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 ukoll jeħtieġ li jiġi rivedut fid-dawl tal-esperjenzi tal-aġġustamenti tal-2014;
E. billi l-għoti u l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni m'għandhomx ikunu soġġetti għal negozjar politiku iżda għandhom jieħdu l-forma ta' proċess tekniku biex jintlaħqu l-ħtiġijiet fi flus kontanti;
F. billi, bħala regola ġenerali, l-Istati Membri sa issa kienu qed iħallsu l-ammonti sħaħ tal-kontribuzzjonijiet tagħhom ibbażati fuq il-VAT u l-ING lill-baġit tal-Unjoni mingħajr dewmien sinifikanti, anke fi żminijiet ta' kriżi u pressjoni fiskali qawwija;
G. billi, għal finijiet ta' trasparenza, għandu jiġi ppreżentat kull sena rapport dwar il-kalkoli u d-data sottostanti għall-aġġustamenti tal-bilanċ tal-VAT u l-ING lill-Parlament, kif ukoll id-dati u l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet trasferiti mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni;
H. billi l-proposta tal-Kummissjoni barra minn hekk fiha modifiki fir-rigward tar-regoli dwar l-interessi, u għadd ta' kwistjonijiet ta' natura aktar teknika u kjarifiki;
I. billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan;
1. Jenfasizza l-ħtieġa għal regoli effiċjenti dwar kif l-Istati Membri jagħmlu l-kontribuzzjonijiet tagħhom f'waqthom lill-baġit tal-Unjoni disponibbli, biex b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tamministra t-teżor tagħha b'mod effikaċi;
2. Jappoġġja l-għażla mogħtija lill-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri jħallsu t-tielet pagament minn parti minn tnax tar-riżors tal-VAT u tal-ING fl-ewwel semestru, biex b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tnaqqas parti aktar importanti mill-arretrati tal-pagamenti tas-sena ta' qabel fil-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (u fil-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment), u biex jitnaqqas l-imgħax ta' inadempjenza;
3. Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa għall-għoti f'waqtu tal-pagamenti lill-benefiċjarji tal-baġit tal-Unjoni; jilqa' f'dan il-kuntest l-emenda proposta għall-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014, li għandha l-għan mhux biss li żżid l-inċentiv li jkun hemm ħlas fil-ħin billi tagħmel kwalunkwe ħlas tard aktar oneruż, iżda wkoll li tiżgura l-proporzjonalità, billi tistabbilixxi limitu massimu ta' żieda fir-rata tal-imgħax ta' 20 punt perċentwali;
4. Jenfasizza li l-modifiki proposti għall-metodi applikabbli għal aġġustamenti ta' kontribuzzjonijiet għandhom l-għan li jevitaw li jerġa' jseħħ inċident simili għal dak tal-2014;
5. Jenfasizza li dawk l-aġġustamenti tal-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu ttrattati b'mod l-aktar awtomatiku possibbli biex jiġi evitat indħil politiku fil-modi miftiehma ta' finanzjament tal-baġit tal-Unjoni u biex id-diskrezzjoni f'idejn l-Istati Membri fir-rigward ta' meta jagħmlu l-kontribuzzjonijiet addizzjonali tagħhom li jirriżultaw mill-aġġustamenti tal-ING għall-baġit tal-Unjoni tiġi limitata għall-minimu;
6. Jaqbel għalhekk mal-proposta tal-Kummissjoni li tbiddel it-termini taż-żmien għall-komunikazzjoni u speċjalment id-data ta' skadenza għad-disponibilità tal-aġġustamenti għall-bidu tas-sena minflok għall-1 ta' Diċembru, biex b'hekk tkun aktar faċli għat-teżori nazzjonali li jamministraw il-finanzjament ta' aġġustamenti possibbli;
7. Jappoġġja barra minn hekk il-proposta tal-Kummissjoni li, sabiex jiġi evitat telf għall-baġit tal-Unjoni, kull Stat Membru jiżgura li l-ammonti li jkun ikkredita fil-kont tar-riżorsi proprji ma jitnaqqsux minn ebda mgħax negattiv jew tariffa oħra għaż-żmien li jkun se jibqa' fil-kont;
8. Jinnota l-livell għoli ta' diversità f'dak li jirrigwarda l-mod li bih l-Istati Membri jittrattaw il-kontabilità nazzjonali tagħhom ta' kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni u jistieden lill-Kummissjoni tistudja rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward sabiex tippermetti tqabbil aktar faċli bejn l-Istati Membri;
9. Jenfasizza l-fatt li s-sistema tar-riżorsi proprji għadha kumplessa wisq u jeħtieġ li tiġi riformata radikalment mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; jenfasizza f'dan il-kuntest ir-rwol kruċjali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji li jippreżenta proposti li jegħlbu n-nuqqasijiet tas-sistema preżenti;
10. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
11. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika;
12. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
13. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta' Frar tas-sena ta' wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl- Artikolu 9 fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tal-istess sena.
Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew dwar l-ammonti li jirriżultaw minn dan il-kalkolu qabel l-1 ta' Frar tas-sena ta' wara s-sena tal-forniment tad-dejta għall-aġġustamenti. Kull Stat Membru jdaħħal l-ammont nett fil-kont imsemmi fl- Artikolu 9 fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ġunju tal-istess sena.
Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).
Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).
It-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos
255k
68k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos (2015/2238(IMM))
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos, mibgħuta fil-21 ta' Lulju 2015 mill-Uffiċju tal-Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja b'rabta ma' lment mill-Ispettorat tax-xogħol tal-Attika tal-Lvant minħabba nuqqas ta' ħlas tal-pagi(1) u mħabbra waqt il-plenarja tad-9 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-fatt li Georgios Kyrtsos irrinunzja għad-dritt tiegħu għal seduta ta' smigħ f'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew permezz tas-suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0358/2015),
A. billi l-Uffiċju tal-Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta mal-possibilità li tittieħed azzjoni legali rigward allegat reat;
B. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;
C. billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika jiddisponi li, tul il-mandat tagħhom, il-membri tal-parlament ma jistgħux jitressqu quddiem il-qorti, jiġu arrestati, impriġunati jew detenuti b'xi mod ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-parlament;
D. billi Georgios Kyrtsos huwa akkużat b'nuqqas ta' ħlas ta' parti mill-paga ta' dawk li kienu impjegati tiegħu;
E. billi l-akkuża tikkonċerna parti mill-paga tal-2013 ta' ex impjegat ta' żewġ kumpaniji li jippubblikaw il-gazzetti, li dak iż-żmien kienu mmexxija minn Georgios Kyrtsos, u hija diretta lil Georgios Kyrtsos bħala ex direttur ta' dawk il-kumpaniji;
F. billi huwa evidenti li l-allegat reat m'għandu x'jaqsam xejn mal-mandat ta' Georgios Kyrtsos bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda pjuttost huwa marbut ma' dik li kienet il-pożizzjoni tiegħu bħala direttur taż-żewġ kumpaniji li joħorġu l-gazzetti;
G. billi l-prosekuzzjoni ma tikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mogħtija fil-qadi tad-dmirijiet tal-Membru tal-Parlament Ewropew ikkonċernat għall-iskopijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
H. billi m'hemm ebda raġuni biex wieħed jissuspetta li l-intenzjoni wara l-proċedimenti kriminali hija li jagħmlu ħsara lill-attività politika (fumus persecutionis) tal-Membru, minħabba l-fatt li l-prosekuzzjoni nbdiet numru ta' snin qabel il-Membru ħa l-kariga tiegħu;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Georgios Kyrtsos;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C‑200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Stelios Kouloglou
255k
70k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Stelios Kouloglou (2015/2239(IMM))
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Stelios Kouloglou, imressqa fis-7 ta' Awwissu 2015 mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Greċja b'rabta ma' akkużi ta' libell u diffamazzjoni(1) u li tħabbret fis-seduta plenarja tad-9 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra l-fatt li Stelios Kouloglou irrinunzja għad-dritt tiegħu ta' smigħ bi qbil mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru. 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri b´suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u tal-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0356/2015),
A. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Stelios Kouloglou, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta mal-possibilità ta' azzjoni legali rigward allegazzjoni ta' reat;
B. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru. 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;
C. billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika jistipula li, matul il-mandat parlamentari tagħhom, il-membri tal-parlament ma jistgħux jiġu akkużati, arrestati, mixħuta l-ħabs jew ristretti bi kwalunkwe mod ieħor mingħajr permess minn qabel mogħti mill-parlament;
D. billi Stelios Kouloglou jinsab akkużat b'libell u diffamazzjoni tal-persunal tal-ħabs f'Patras;
E. billi l-akkuża titratta dikjarazzjonijiet fejn Stelios Kouloglou qed jingħad li għamel lill-istampa fl-2010 dwar l-integrità ta' ċerti membri tal-persunal tal-ħabs f'Patras, fi żmien meta hu kien ġurnalist li fil-parti l-kbira kien jipproduċi rappurtar għat-televiżjoni;
F. billi jidher assolutament ċar li r-reat allegat ma għandu xejn x'jaqsam mal-kariga ta' Stelios Kouloglou bħala Membru tal-Parlament Ewropew iżda minflok hi marbuta aktar mal-kariga preċedenti tiegħu bħala ġurnalist televiżiv;
G. billi l-prosekuzzjoni ma titrattax l-opinjonijiet espressi jew il-voti mitfugħa fit-twettiq tad-doveri tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew in kwistjoni skont il-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru. 7 li jikkonċerna l-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
H. billi ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jaħseb li l-għan aħħari tal-proċedimenti kriminali hu li ssir ħsara lill-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), speċjalment meta l-prosekuzzjoni tnediet numru ta' snin qabel il-Membru ħa l-kariga;
I. billi l-awtoritajiet Griegi talbu reazzjoni mill-Parlament Ewropew sa mhux aktar tard mis-7 ta' Ottubru 2015, għaliex inkella l-akkuża tal-prosekuzzjoni taqa' taħt preskrizzjoni, iżda r-rekwiżiti tal-Parlament Ewropew ma jippermettux li tittieħed deċiżjoni f'limitu ta' żmien daqstant qasir;
J. billi, madankollu, fil-fehma kkunsidrata tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li, fid-dawl tas-Sentenza Nru. 1126/1994 tal-Qorti Suprema tal-Greċja, il-limitu ta' żmien, fi kwalunkwe każ hu sospiż għal massimu ta' tliet snin sakemm Stelios Kouloglou jibqa' Membru tal-Parlament Ewropew;
1. Iddeċieda li jneħħi l-immunità ta' Stelios Kouloglou;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C‑200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - EGF/2015/005 FI/Computer Programming
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/005 - FI/Computer Programming, ippreżentata mill-Finlandja) (COM(2015)0553 – C8-0332/2015 – 2015/2298(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0553 – C8-0332/2015),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0362/2015),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;
D. billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/005 FI/Computer Programming għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 603 sensji f'69 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Reviżjoni 2 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati)(4) f'bosta reġjuni tal-livell NUTS 2 li jkopru l-Finlandja kollha, u billi huwa mistenni li se jipparteċipaw mal-1 200 ħaddiem f'dawn il-miżuri;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 623 200 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-kost totali ta' EUR 4 372 000 għall-1 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja;
2. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-12 ta' Ġunju 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fis-6 ta' Novembru 2015 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess; jilqa' l-evalwazzjoni rapida li ħadet perjodu ta' anqas minn ħames xhur;
3. Jinnota li f'dawn l-aħħar snin, id-distribuzzjoni ta' impjiegi fis-settur tal-ICT bejn l-Unjoni u ekonomiji oħra żviluppat b'detriment għall-Unjoni u jissottolinja li filwaqt li fl-2008 l-industrija tat-teknoloġija kienet timpjega total ta' 326 000 persuna fil-Finlandja, in-numru ta' persuni impjegati minn dawn il-kumpaniji fl-2014 kien ta' 276 000, li jfisser li l-għadd ta' ħaddiema naqas b'madwar 3 % (10 000 impjegat) fis-sena; jirrimarka li l-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma l-iżviluppi li affettwaw lill-kumpanija Nokia f'dawn l-aħħar snin, li kellhom impatt kbir fuq is-settur tal-ICT fil-Finlandja; billi l-iżvilupp u t-tfassil ta' sistemi operattivi għat-telefons ċellulari Nokia kienu jimpjegaw eluf ta' Finlandiżi, filwaqt li issa dawn il-funzjonijiet ġew trasferiti lejn pajjiżi barra mill-Ewropa; jirrimarka li dawn is-sensji se jaggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad fis-settur tal-ICT fir-reġjuni milquta minn rata għolja ta' qgħad;
4. Jinnota li s-sensji fis-settur tal-ICT qegħdin jaffettwaw b'mod partikolari lir-reġjun ta' Oulu fl-Ostrobothnia tat-Tramuntana fejn is-settur tal-ICT kien is-sinsla tal-ekonomija għal bosta snin; jiddispjaċih li fir-rebbiegħa tal-2015, kien hemm madwar 1 500 persuna qiegħda li qed ifittxu impjieg fis-settur tal-ICT fl-Ostrobothnia tat-Tramuntana u li f'ħafna każijiet il-perjodu tal-qgħad qiegħed jitwal, fejn terz tal-persuni qiegħda li għandhom lawrja ta' edukazzjoni għolja ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn sena;
5. Jinnota li, sal-lum, NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 (''Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati'') kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra tal-FEG, li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali(5); jinnota li filwaqt li l-volum ta' dan il-qasam kien qed jiżdied fil-livell dinji, dan naqas fl-Ewropa hekk kif in-negozji u s-servizzi ttieħdu lejn iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajwan u postijiet oħra barra l-Ewropa.
6. Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Awwissu 2014, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost, u li, għalhekk, dawn is-servizzi li diġà bdew jingħataw għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ mill-FEG;
7. Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana seba' tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' kowċing u miżuri oħra ta' tħejjija, (ii) servizzi tal-impjieg u tan-negozju, (iii) taħriġ, (iv) sussidju tal-paga, (v) għotja għal negozji ġodda, (vi) direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda, u (vii) provvedimenti għall-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr;
8. Jilqa' l-miżuri li jappoġġaw l-intraprenditorjat, fil-forma ta' għotjiet għal negozji ġodda u miżuri ta' direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda; iqis li dawn il-miżuri jkunu aktar utli jekk jingħataw f'forma kombinata lill-parteċipanti;
9. Jilqa' b'mod partikolari l-miżuri proposti li għandhom l-għan li joħolqu negozji ġodda u li se jrawmu l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda;
10. Jirrimarka li s-sussidju tal-pagi preferibbilment għandu jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biss meta l-impjiegi offruti lill-parteċipanti jikkonformaw ma' rekwiżiti ta' kwalità xierqa f'termini ta' livell ta' ħiliet u t-tul taż-żmien tal-kuntratt; jappella li għandu jkun hemm enfasi fuq it-tqabbil bejn il-ħiliet tal-persuna li qed tfittex impjieg u l-kariga sussidjata, meta ssir id-deċiżjoni dwar l-għoti tas-sussidju tal-pagi u jiġi determinat il-perċentwal tal-ispejjeż tal-pagi li għandhom jiġu koperti;
11. Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi pproponew varjetà kbira ta' miżuri lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;
12. Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali;
13. Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġati mill-FEG għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;
14. Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;
15. Ifakkar li l-għan tal-miżuri ffinanzjati għandu jkun li jitjiebu l-opportunitajiet għal min qed ifittex impjieg sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu impjegati fis-suq tax-xogħol;
16. Jinnota li skont l-istimi tal-awtoritajiet 18,31 % tal-kostijiet se jintużaw għal benefiċċji u inċentivi, li huwa ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-kostijiet kollha;
17. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tispeċifika fi proposti futuri, f'liema setturi huwa probabbli li l-ħaddiema jsibu impjieg u jekk it-taħriġ offrut huwiex allinjat mal-prospetti ekonomiċi futuri u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fir-reġjuni milqutin mis-sensji;
18. Jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa l-użu tal-flus mogħtija u li tuża din l-informazzjoni f’applikazzjonijiet futuri biex tkompli torjenta l-użu tal-FEG b'mod li jkun allinjat mal-prinċipji ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;
19. Jieħu nota tal-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;
20. Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jieħu nota tal-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;
21. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;
22. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji) (10373/1/2015 – C8-0351/2015 – 2013/0088(COD))
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10373/1/2015 – C8-0351/2015),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0161),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0354/2015),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat f'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks ***II
324k
62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) 10374/1/2015 – C8-0352/2015 – 2013/0089(COD))
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10374/1/2015 – C8-0352/2015),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2013(1),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0162),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0355/2015),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (COM(2015)0121 – C8-0076/2015 – 2015/0063(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0121),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0076/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' Mejju 2015(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0294/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1236/2010 li jistabbilixxi skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni dwar is-sajd fl-Atlantiku tal-Grigal
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 2016/96.)
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina (COM(2014)0386 – C8-0039/2014 – 2014/0197(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0386),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0039/2014),
— wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-9 ta' Diċembru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0060/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi ċerti miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 2015/2423.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI TAL-KUNSILL
Il-Kunsill b'mod eċċezzjonali jaqbel li jiddelega s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att delegat dwar is-sospensjoni ta' assistenza għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt (1) tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, sabiex tiġi żgurata adozzjoni f’waqtha tal-miżuri fir-rigward tal-Balkani tal-Punent. Tali ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal proposti leġislattivi futuri fil-qasam tal-kummerċ, kif ukoll fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni kollha.
DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn li ħadet fil-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi lill-Parlament Ewropew informazzjoni u dokumentazzjoni sħaħ dwar il-laqgħat tagħha ma' esperti nazzjonali fil-qafas ta' ħidmietha fil-preparazzjoni ta' atti delegati.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-30 ta' April 2015 (Testi adottati, P8_TA(2015)0177).
Kooperazzjoni strateġika fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu bejn l-Emirati Għarab Magħquda u l-Europol *
254k
63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) tal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Strateġika fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu bejn l-Emirati Għarab Magħquda u l-Europol (10510/2015 – C8-0275/2015 – 2015/0809(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (10510/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, skont liema Artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0275/2015),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni kklassifikata(2), u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0351/2015),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid dwar il-Europol (2013/0091(COD)), id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim ta' kooperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultat ta' din il-valutazzjoni u, jekk xieraq, tressaq rakkomandazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tinfetaħ rinegozjazzjoni internazzjonali tal-ftehim;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Europol.
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 191, 192 u 194 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080) u l-annessi tagħha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija" u d-dokumenti ta' ħidma li jakkompanjawha (COM(2014)0330),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ir-reżiljenza tas-sistema Ewropea tal-gass f'terminu qasir. Inlestu ruħna għal interruzzjoni possibbli fil-provvisti mil-Lvant matul il-ħarifa u x-xitwa tal-2014/2015" (COM(2014)0654),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali, bit-titolu "Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna" (COM(2011)0539),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta' Novembru 2011" (COM(2013)0638),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titolu "It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija: Pjan ta' azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija" (COM(2008)0781),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti' (COM(2012)0663) u d-dokumenti ta' ħidma li jakkompanjawha, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' Settembru 2013 dwar "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti"(1),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Progress lejn it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija" (COM(2014)0634),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat" (COM(2010)0677),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa" (COM(2014)0021),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 bit-titolu "L-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012" (COM(2012)0652),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija" (COM(2014)0520),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", COM(2011)0112),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b'enerġija(3),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta' impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku" (SWD(2012)0092),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa" (COM(2013)0180),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030" (COM(2014)0015),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009, u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Pjan tal-infrastruttura għall-Ewropa u lil hinn minnha fuq terminu ta' żmien twil" (COM(2013)0711), li tistabbilixxi l-ewwel lista komprensiva tal-Unjoni dwar proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija ta' interess komuni (PCIs),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE,
– wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna: Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 2012 dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-istrateġija Ewropa 2020(6),
– wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bit-titolu "L-Immappjar tal-Kost tan-Non-Ewropa, 2014-19",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020(8),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 20 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0341/2015),
A. billi skont l-Artikolu 194 TFUE, il-politika Ewropea dwar l-enerġija għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u tippromwovi l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija; billi d-definizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri tibqa' kompetenza nazzjonali, u għalhekk taħlitiet tal-enerġija jibqgħu diversifikati ħafna;
B. billi l-ħolqien ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem għandu jkun ibbażat fuq tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli, li tħares 'il quddiem b'effiċjenza fl-enerġija, enerġija rinnovabbli, l-aħjar użu tar-riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa u infrastruttura intelliġenti bħala pilastri ewlenin; billi qafas regolatorju stabbli fit-tul huwa meħtieġ biex jinħoloq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u jiġi żgurat ir-rwol mexxej tal-UE f'dawn l-oqsma;
C. billi l-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija trid tinkludi azzjonijiet kosteffiċjenti biex tiġi mmoderata d-domanda tal-enerġija u azzjonijiet ugwalment effettivi biex jingħeleb tfixkil ewlieni u imminenti, kif ukoll mekkaniżmi ta' solidarjetà u koordinazzjoni biex jipproteġu u jsaħħu l-ġenerazzjoni tal-enerġija, trażmissjoni intelliġenti u infrastruttura ta' distribuzzjoni u interkonnetturi; billi din l-infrastruttura trid tkun kapaċi tittratta sorsi rinnovabbli varjabbli, u tkun mibnija fuq suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew u integrat bis-sħiħ bħala parti essenzjali tal-Unjoni tal-Enerġija bi provvisti u rotot diversifikati esterni;
D. billi l-Parlament talab darbtejn għal miri vinkolanti rigward il-klima u l-enerġija tal-2030 bi tnaqqis ta' mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet tas-CO2, mill-anqas 30 % għas-sorsi rinnovabbli u 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija, biex jiġu implimentati permezz ta' miri nazzjonali individwali; billi l-miri vinkolanti nazzjonali u tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi rinnovabbli joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi u jgħinu biex tiġi żgurata t-tmexxija teknoloġika tal-UE f'dawn l-oqsma;
E. billi miżuri għall-iżvilupp tal-Unjoni tal-Enerġija u għall-ilħuq tal-objettivi klimatiċi u tal-enerġija tagħha jridu jieħdu kont sħiħ tal-impatti fuq il-prezzijiet tal-enerġija u jiffukaw fuq sinerġiji u iżjed integrazzjoni tas-suq li għandhom jgħinu biex inaqqsu l-ispejjeż globali u jtejbu l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE sabiex jinkiseb l-appoġġ meħtieġ mingħand iċ-ċittadini u l-industrija; billi, f'dan il-kuntest, il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha meħtieġa jridu jqisu bis-sħiħ l-ispejjeż moħbija u mitlufa attwali u futuri li ġejjin minn negozju bħala politika tal-enerġija mistennija;
F. billi l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkun mudell tal-enerġija ġdid għall-Ewropa, ibbażat fuq raġunijiet leġiżlattivi orizzontali u objettivi b'saħħithom; billi l-governanza tal-Unjoni Ewropea trid tkun trasparenti; filwaqt li tiggarantixxi qafas stabbli u tinkludi lill-Parlament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet filwaqt li tippromwovi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u taċ-ċittadini;
G. billi huwa fundamentali li l-UE u l-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza tal-inklużjoni ta' inizjattivi bbażati fuq il-konsumatur bħal kooperattivi, proġetti komunitarji ta' effiċjenza fl-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli, u jisħaq fuq it-tneħħija ta' ostakli amminsitrattivi, regolatorji u ekonomiċi biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fis-sistema tal-enerġija;
H. billi t-tibdil fil-klima, il-prezzijiet tal-enerġija mhux kompetittivi u dipendenza għolja ħafna fuq fornituri minn pajjiżi terzi mhux affidabbli qed jheddu s-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa;
I. billi l-għan ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar il-klima ambizzjuża fil-qalba tagħha huwa li tiżgura t-tranżizzjoni għal mudell tal-enerġija ġdid li jagħti s-setgħa lill-familji u n-negozji biex jipproduċu u jikkonsmaw enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u għall-but ta' kulħadd;
J. billi l-kwistjoni tal-faqar enerġetiku jeħtieġ li tiġi indirizzata fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija billi tingħata s-setgħa lill-konsumaturi vulnerabbli, titjieb l-effiċjenza fl-enerġija għal dawk l-iżjed vulnerabbli u jiġu żviluppati miżuri kurattivi li jagħmlu l-enerġija għall-but ta' kulħadd għal dawk fil-bżonn;
K. billi l-faqar enerġetiku jista' jiġi definit bħala l-inabbiltà li familja ssostni livell adegwat ta' provvista tal-enerġija, sabiex tiggarantixxi livelli bażiċi ta' kumdità u saħħa, minħabba taħlita ta' dħul baxx, prezzijiet tal-enerġija għolja u djar ta' kwalità baxxa;
L. billi l-viżjoni futura tal-Unjoni tal-Enerġija trid tkun waħda li fiha l-Istati Membri jirrikonoxxu li jiddependu fuq xulxin biex jipprovdu enerġija sikura, sostenibbli u għall-but ta' kulħadd liċ-ċittadini tagħhom, ibbażata fuq solidarjetà u fiduċja veri, u li fiha l-Unjoni Ewropea titkellem b'leħen wieħed fi kwistjonijiet globali; billi kull Stat Membru għalhekk għandu l-obbligu li jagħti prijorità lill-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija sabiex jissalvagwardja s-sigurtà tal-enerġija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha b'mod globali;
M. billi l-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima jridu jikkomplementaw lil xulxin, u l-objettivi tagħhom iridu jsaħħu lil xulxin; billi, għalhekk, l-Unjoni tal-Enerġija għandha tikkomplementa objettivi Ewropej ta' riindustrijalizzazzjoni u tkabbir, tagħti spinta lit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli bbażata fil-parti l-kbira tagħha fuq l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, li għandha ssaħħaħ il-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea, filwaqt li tevita b'mod effikaċi rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;
N. billi l-UE timporta aktar minn nofs l-enerġija kollha li tikkonsma, id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni hija partikolarment għolja għal żejt mhux raffinat (aktar minn 90 %), gass naturali (66 %) u antraċit (72 %), u l-kont tal-importazzjoni totali kien aktar minn EUR 400 biljun fl-2013; billi l-istokk tal-bini tal-UE huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE u għall-konsum ta' madwar 60 % tal-importazzjonijiet tal-gass fl-UE, biex b'hekk jagħmel il-moderazzjoni tad-domanda tiegħu għall-enerġija fattur importanti għall-kisba tal-indipendenza fl-enerġija;
O. billi l-prezz globali taż-żejt tbaxxa b'mod sinifikanti, l-UE setgħet tieħu passi importanti fit-trasformazzjoni tax-xenarju tal-enerġija tagħna billi tinvesti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, tisfrutta l-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini u l-industrija u tiżviluppa infrastruttura intelliġenti; billi l-flus li ntefqu fuq l-importazzjoni ta' fjuwils fossili ma jikkontribwux ħafna għall-investiment, l-impjiegi jew it-tkabbir fl-Unjoni, u billi li kieku kellhom jintużaw għal investimenti interni jistimulaw it-tkabbir u joħolqu impjiegi lokali ta' kwalità għolja u li jitolbu kapaċitajiet avvanzati;
P. billi ħafna pajjiżi huma dipendenti ħafna fuq fornitur wieħed, li jista' jħallihom vulnerabbli għal interruzzjonijiet fil-provvista;
Q. billi l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja, li ż-żmien wera li mhix sieħeb affidabbli u li tuża l-provvisti tal-enerġija tagħha bħala arma politika;
R. billi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija rigward ir-riżorsi strateġiċi saru parti importanti mill-politika barranija Russa, b'mod partikolari ż-żejt u l-gass naturali, sabiex pajjiżi oħra jitqiegħdu taħt pressjoni politika; jinnota li dan kien il-każ għal għadd ta' pajjiżi ġirien tagħha u għal diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea;
S. billi l-użu taż-żejt u l-gass naturali għal raġunijiet ta’ politika barranija u għad-destabbilizzazzjoni ta’ pajjiżi oħra jagħmel ħsara lit-tkabbir ekonomiku u, agħar minn hekk, jagħmel ħsara lill-istabbiltà demokratika fl-Ewropa u l-indipendenza tal-istati sovrani;
T. billi s-sigurtà tal-enerġija Ewropea trid tiġi żviluppata b'tali mod li tiddefendi kemm is-sigurtà Ewropea kif ukoll is-sovranità tal-pajjiżi Ewropej, inklużi l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;
U. billi politika għas-sigurtà tal-enerġija trid tindirizza l-bżonn ta’ provvista stabbli minn sorsi differenti tal-enerġija, billi tipprovdi lill-ekonomija Ewropea bl-enerġija meħtieġa għat-trasport, l-industrija u d-djar b’mod li tappoġġa l-kompetittività u l-politika dwar it-tibdil fil-klima, fl-istess ħin li għandha timminimizza d-dipendenza fuq dawk li deliberatament jixtiequ jużaw ir-riżorsi tal-enerġija għall-iskopijiet politiċi tagħhom sabiex jinfluwenzaw żviluppi politiċi f’pajjiżi oħra,
V. billi l-ebda Stat Membru m'għandu jkun soġġett għal kundizzjonijiet kuntrattwali inkompatibbli mad-dritt tal-UE li jisfruttaw il-pożizzjoni dgħajfa tiegħu fis-suq tal-enerġija bbażata sempliċement fuq determinanti ġeografiċi u storiċi;
W. billi t-tilwim dwar il-gass tal-2006 u l-2009 bejn ir-Russja u l-Ukraina, li hija pajjiż ta' tranżitu, ħalla lil ħafna pajjiżi tal-UE b'nuqqasijiet serji ta' provvista; billi l-interruzzjonijiet juru li l-miżuri li ttieħdu sa issa kienu insuffiċjenti biex jeliminaw id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-gass tar-Russja;
X. billi l-valutazzjoni u l-verifika ex post tal-ftehimiet kollha relatati mal-enerġija fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-UE diġà huma possibbli permezz, inter alia, ta' regolamenti dwar il-kompetizzjoni u l-enerġija; billi kontrolli tal-konformità ex ante insuffiċjenti fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE jwasslu għal distorsjonijiet serji fis-suq; billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet dawn in-nuqqasijiet u impenjat ruħha li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-valutazzjoni ex ante dwar il-kuntratti kummerċjali tal-provvista tal-gass;
Y. billi jeħtieġ li jiġu investiti aktar minn EUR 1 triljun fis-settur tal-enerġija tal-UE sal-2020 biss, u billi għal kull euro mhux investit fl-infrastruttura tal-enerġija qabel l-2020, wara l-2020 ikunu meħtieġa 4,3 euro biex jintlaħqu l-istess objettivi, u dan iqiegħed piż żejjed fuq ġenerazzjonijiet futuri;
Z. billi l-UE trid tippermetti l-finanzjament tal-investimenti tagħha fl-immobilizzar tal-mezzi kollha eżistenti, pubbliċi (il-fondi strutturali u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)) u privati, billi tinkoraġġixxi l-orjentazzjoni tal-iffrankar tal-unitajiet domestiċi u l-kapaċitajiet tal-investituri fuq perjodu twil (fondi ta' pensjoni, assigurazzjonijiet) u billi toħloq kapaċità finanzjarja ġdida għall-UE;
AA. billi l-prezzijiet tal-elettriku industrijali tal-UE, qabel ma jitqiesu l-eżenzjonijiet tat-taxxi jew tal-imposti għal industriji intensivi fl-enerġija, huma aktar minn darbtejn ogħla minn dawk fl-Istati Uniti tal-Amerika u r-Russja, 20 % ogħla minn dawk taċ-Ċina, iżda 20 % orħos minn dawk fil-Ġappun;
AB. billi l-industrija Ewropea għadha ssofri minn żvantaġġ kompetittiv sinifikanti rigward il-prezzijiet tal-gass, l-aktar minħabba li l-indiċi tal-prezzijiet taż-żejt ġie inkluż f'kuntratti għal żmien twil mar-Russja;
AC. billi d-differenza fil-prezzijiet ma' ekonomiji oħra jista' jkollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-industrija tagħna, b'mod partikolari l-industriji tagħna li jużaw ħafna enerġija;
AD. billi l-prezzijiet tal-enerġija kompetittivi huma kruċjali għall-kisba tal-miri ta' riindusrijalizzazzjoni ta' 20 % tal-UE sal-2020;
AE. billi l-kumpaniji tal-UE fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, li ħafna minnhom huma SMEs, jimpjegaw 1,2 miljun ruħ fl-Ewropa u għandhom sehem ta' 40 % tal-privattivi tad-dinja kollha għal teknoloġiji rinnovabbli, u dan jagħmel lill-UE mexxej globali; billi din it-tmexxija għandha tinżamm fil-futur permezz ta' strateġija solida tal-UE għall-enerġija rinnovabbli;
AF. billi, minkejja d-dominanza globali tagħha fl-investiment fl-enerġija rinnovabbli, il-World Energy Outlook 2014 tbassar li d-domanda globali għall-enerġija se tikber b'37 % u d-domanda globali għall-faħam se tikber bi 15 % sal-2040; billi fl-UE huwa ppjanat li ż-żieda tkun ħafna anqas minħabba titjib fl-effiċjenza fl-enerġija li rnexxa ħafna;
AG. billi t-telf ta' welfare minħabba ineffiċjenza tas-suq tal-gass tal-UE jaqbeż EUR 11-il biljun kull sena minħabba, inter alia, nuqqas ta' infrastruttura u livell baxx ta' likwidità u trasparenza tas-suq;
AH. billi suq uniku fl-enerġija aktar integrat mil-lat ekonomiku u fiżiku jista' jirriżulta fi gwadanji sinifikanti fl-effiċjenza;
AI. billi s-suq tal-konsumaturi tal-enerġija tal-UE ma jiffunzjonax kif xieraq, peress li f'ħafna Stati Membri l-konsumaturi għandhom għażla żgħira wisq bejn il-fornituri; billi l-kwistjonijiet tal-konċentrazzjoni tas-suq għandhom jiġu indirizzati mill-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu l-fornituri u b'hekk iżidu l-kompetizzjoni u jbaxxu l-prezzijiet; billi għandha tingħata attenzjoni għar-riskju li ċittadini inqas infurmati, li huma anqas probabbli li jqabblu u jibdlu l-fornituri, jispiċċaw b'tariffi skaduti u mhux kompetittivi;
AJ. billi l-implimentazzjoni sħiħa ta' suq tal-enerġija Ewropew integrat għall-gas u għall-elettriku hija ta' importanza fundamentali għas-sigurtà tal-enerġija u biex jittieħdu l-passi lejn Unjoni tal-Enerġija; billi l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw u jirrispettaw il-partijiet kollha tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija, bil-għan ta' suq integrat għall-elettriku u l-gass;
AK. billi jekk tintlaħaq il-mira ta' interkonnessjoni ta' 10 %, u jekk tiġi żgurata kapaċità aħjar tat-trażmissjoni transfruntiera għall-elettriku u l-gass kif ukoll rinforzi addizzjonali tal-grid eżistenti, tiżdied is-sigurtà tal-enerġija, tkun tista' ssir integrazzjoni aħjar tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jinstab bilanċ bejn il-provvista u d-domanda bejn l-Istati Membri filwaqt li titħeġġeġ il-konverġenza tal-prezzijiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi;
AL. billi l-konverġenza u l-ottimizzazzjoni tal-kostijiet huma mistennija wkoll minn kooperazzjoni reġjonali approfondita bejn l-Istati Membri;
AM. billi l-Komunità tal-Enerġija hija strument biex is-suq tal-enerġija intern tal-UE jitwessa' għall-pajjiżi ġirien tal-UE, u b'hekk jgħin biex jinħoloq spazju tal-enerġija pan-Ewropew ibbażat fuq prinċipji komuni u l-istat tad-dritt;
AN. billi l-Unjoni tal-Enerġija tirrifletti diversi talbiet mill-Parlament għat-twaqqif ta' Komunità tal-Enerġija pan-Ewropea vera, ibbażata fuq suq tal-enerġija komuni, koordinazzjoni ta' xiri tal-enerġija barra mill-UE u finanzjament Ewropew komuni tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli;
AO. billi d-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE teħtieġ aktar koerenza u għadha ma użatx il-potenzjal sħiħ tagħha biex tikkontribwixxi f'termini tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività tal-Unjoni;
AP. billi t-33 proġett infrastrutturali identifikati fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija għandhom ikunu kkomplementati b'enfasi aktar b'saħħitha dwar il-modernizzazzjoni tan-netwerks ta' distribuzzjoni tal-elettriku u dwar il-bidla mill-faħam u l-gass għall-bijomassa bl-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista;
AQ. billi huwa rikonoxxut li l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) jista' jkun ta' kontribut deċiżiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, b'mod speċifiku, jista' jgħin biex jitnaqqas il-kost tat-tranżizzjoni għal suq tal-enerġija dekarbonizzat u ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;
AR. billi d-diversifikazzjoni tal-provvisti, it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija, titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp ulterjuri ta' riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa, inkluża l-enerġija rinnovabbli, u attivitajiet ta' R&Ż huma l-muturi ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija;
AS. billi l-isfruttament ta' riżorsi konvenzjonali indiġeni taż-żejt u tal-gass b'konformità sħiħa mal-acquis tal-UE, kemm f'żoni ta' produzzjoni tradizzjonali (e.ż. fil-Baħar tat-Tramuntana) kif ukoll f'żoni li ġew skoperti reċentement (e.ż. il-Lvant tal-Mediterran, il-Baħar l-Iswed), għandu jiġi promoss u appoġġat;
AT. billi s-sorsi indiġeni tal-enerġija dejjem iridu jkunu sostenibbli u sikuri;
AU. billi l-aspirazzjoni tal-UE hija li żżid il-kontribut tal-industrija għall-PDG tagħha sa 20 % sal-2020, u l-enerġija f'livelli ta' prezzijiet kompetittivi kif ukoll iżjed produttività tal-enerġija jkunu indispensabbli biex tinkiseb din l-ambizzjoni;
Dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem"; jieħu nota tal-ħames pilastri tal-Unjoni tal-enerġija deskritti mill-Kummissjoni; jinsisti li l-politiki segwiti taħt dawn il-pilastri għandhom dejjem jikkontribwixxu għall-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni, is-sostenibbiltà fit-tul tal-ekonomija u l-offerta ta’ prezzijiet affordabbli u kompetittivi tal-enerġija;
2. Itenni li l-enerġija hija beni soċjali pubbliku u li l-UE għandha għaldaqstant tiffoka mill-qrib fuq il-kwistjoni tal-faqar enerġetiku u tippromwovi miżuri konkreti biex tindirizza din il-problema; jinsisti, għaldaqstant, li l-Unjoni tal-Enerġija tiżgura aċċess ugwali għall-enerġija għal kulħadd, tikkontribwixxi għal prezzijiet tal-enerġija li jkunu għall-but ta' kulħadd b'mod li jibbenefikaw il-konsumaturi kollha, tippromwovi konnessjonijiet u infrastruttura tal-enerġija li jkollhom rwol strateġiku għall-benefiċċju tan-nies, u ssaħħaħ r-regolamentazzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proposti leġiżlattivi kollha li jiffurmaw parti mill-Unjoni tal-Enerġija jsegwu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex b'hekk jiġi involut bis-sħiħ il-Parlament u tiġi żgurata sorveljanza demokratika effikaċi; jistenna li l-qafas ta' governanza ta’ wara l-2020 għall-Unjoni tal-Enerġija jkun ambizzjuż, affidabbli, trasparenti, demokratiku u jinkludi b'mod sħiħ lill-Parlament, u li jiżgura li jinkisbu l-miri għall-klima u l-enerġija għall-2030, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni sħiħa, l-infurzar u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-klima u l-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' rappurtar oħra, tippreżenta fuq bażi annwali rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija, inklużi dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u l-progress li sar lejn il-kisba tal-miri għall-2020 u l-2030, biex tiżviluppa u taġġorna sett ta' indikaturi ewlenin li għandhom jiġu inklużi fir-rapport, u biex tippermetti l-valutazzjoni tal-progress bl-Unjoni tal-Enerġija; dawn l-indikaturi jistgħu jinkludu, imma ma jkunux limitati għal, il-kapaċità tal-interkonnessjoni, l-integrazzjoni tas-suq, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-enerġija, il-livelli ta' diversifikazzjoni, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni komunitarja u b'responsabbiltà lokali, u l-livelli tal-faqar enerġetiku u l-vulnerabbiltà; jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sistema ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien lill-Parlament u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva li tqis il-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-fehmiet tal-Parlament kif espressi f'dan ir-rapport; jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill li Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima li jkopru l-perjodu mill-2021 sal-2030 m'għandhomx ikollhom biss l-għan li jilħqu l-miri għall-2030, iżda għandhom jirriflettu wkoll perspettiva fuq terminu itwal, b'mod speċjali l-objettivi maqbula tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bi 80-95 % sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990;
4. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għall-enerġija fit-tul fid-dawl tal-mira fit-tul li sal-2050 jinkiseb tnaqqis ta’ 80-95 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra, li għandhom ikunu fuq l-istess linja ta' sforzi simili meħuda mill-pajjiżi li l-aktar iniġġsu fid-dinja;
5. Jirrikonoxxi l-inaljenabbiltà tad-deċiżjonijiet meħuda permezz ta' referendums nazzjonali dwar kwistjonijiet ta' enerġija;
6. Jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tadotta approċċ komprensiv li jiffoka fuq dimensjonijiet bħall-kisba ta' suq intern tal-enerġija integrat kompletament, is-sigurtà tal-provvista, l-aħjar użu tar-riżorsi tal-enerġija tal-UE, il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija, it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra essenzjalment ibbażat fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli u suq tal-karbonju għall-UE kollha kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp li jimmiraw għat-tmexxija fit-teknoloġija tal-enerġija; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija u jiġu pprovduti b'enerġija sigura, sostenibbli u għall-but ta' kulħadd;
7. Jirrikonoxxi l-miri dgħajfa għall-2030 għall-klima u l-enerġija proposti mill-Kunsill Ewropew, jiġifieri, li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu b’40 %, li s-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija Ewropea jiżdied għal 27 % u li l-effiċjenza fl-enerġija tiżdied b'27 %; ifakkar li l-Parlament talab ripetutament għal miri vinkolanti rigward il-klima u l-enerġija għall-2030 bi tnaqqis nazzjonali ta' mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, mill-anqas 30 % għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija, biex jiġu implimentati permezz ta' miri nazzjonali individwali;
Sigurtà, solidarjetà u fiduċja fil-qasam tal-enerġija
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jaslu għal prezzijiet u spejjeż iżjed sostenibbli u kompetittivi tal-enerġija importata għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista (sorsi tal-enerġija, fornituri u rotot); għal dan l-għan, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-bini tal-kurituri ta' prijorità rilevanti fl-infrastruttura tal-enerġija, kif speċifikat fl-Anness I tar-Regolament dwar in-Netwerks tal-Enerġija Trans-Ewropej (TEN-E) u fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), b’enfasi speċjali fuq l-Istati Membri b'dipendenza għolja; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-kapaċitajiet interni eżistenti inklużi r-riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa;
9. Jirrikonoxxi li l-proġetti li huma attwalment inklużi fil-lista ta’ proġetti ta' interess komuni (PCI) mhumiex biżżejjed biex jilħqu l-mira Ewropea tal-interkonnessjoni bejn il-Peniżola Iberika u l-Ewropa kontinentali; iħeġġeġ lill-Grupp Reġjonali TEN-E u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw proġetti addizzjonali biex jiġu inklużi fil-lista li ġejja ta’ PCI tal-2015 sabiex tiżdied b’mod sinifikanti l-kapaċità bejn Spanja u Franza;
10. Jissottolinja li infrastruttura żviluppata sew u integrata kompletament li tippermetti diversifikazzjoni mtejba ta’ provvisti u flussi transfruntieri hija importanti ħafna għall-iżgurar ta’ sigurtà tal-provvista f’kundizzjonijiet normali u ta’ emerġenza u għat-twassil ta’ enerġija minn sorsi kompetittivi għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea u l-Komunità tal-Enerġija;
11. Jenfasizza li riżervi sinifikanti ta’ gass fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u dawk skoperti riċentement fil-Lvant tal-Mediterran jipprovdu r-reġjun tal-Mediterran b’opportunità li jsir ċentru vitali għal netwerk ta’ pipelines għat-trasport tal-gass lejn l-Ewropa; jappella għal Hub tal-Gass tal-Mediterran b'kapaċitajiet mkabbra għall-LNG; jenfasizza li l-UE għandha tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet li jinħolqu minn dawn ir-riżervi tal-gass sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħha;
12. Jenfasizza li l-proġetti infrastrutturali kollha tal-UE bl-għan tad-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot tal-enerġija jridu jkunu konformi b'mod sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u mal-objettivi u l-prijoritajiet fit-tul, inkluża s-sigurtà tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżguraw utilizzazzjoni għolja u effiċjenti tal-infrastruttura tal-enerġija u r-rotot tal-enerġija lejn l-UE li diġà jeżistu; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-investimenti li jimmoderaw id-domanda għall-enerġija, eż. fl-istokk tal-bini, bħala proġetti eliġibbli;
13. Jissottolinja li l-fornituri tal-enerġija li ġejjin minn pajjiżi terzi jridu jkunu soġġetti għall-acquis tal-UE, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, waqt li joperaw fis-suq komuni, u jistieden lill-Kummissjoni tinforza d-dritt tal-UE bil-mezzi kollha disponibbli sabiex l-enerġija tkun tista' tiġi trażmessa liberament fl-UE u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern;
14. Jenfasizza li huwa ta' importanza fundamentali li l-UE ttemm l-iżolament ta' Stati Membri u reġjuni mis-suq intern tal-enerġija, kif muri mit-testijiet tal-istress għall-gass imwettqa mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, twettaq tali testijiet b'mod regolari; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tgħin lil dawk il-pajjiżi l-iżjed vulnerabbli biex jiddiversifikaw is-sorsi tagħhom u r-rotot tal-provvista, bħala kwistjoni ta' prijorità; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex jimplimentaw mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjonijiet tat-testijiet tal-istress tas-sistema tal-gass; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra t-twettiq ta’ "testijiet tal-istress għall-elettriku" sabiex tibni ħarsa ġenerali lejn ir-reżiljenza tas-sitwazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija; jenfasizza li dawn it-testijiet tal-istress għandhom jidentifikaw, b'mod partikolari, l-istatus, il-kapaċità u d-durabbiltà tan-netwerk tat-trażmissjoni nazzjonali kollha, kif ukoll il-livell ta' interkonnessjoni u l-kapaċità transfruntiera, u li rakkomandazzjonijiet sussegwenti, ibbażati fuq dawn it-testijiet tal-istress, għandhom jinkludu valutazzjonijiet sħaħ tal-impatt kemm tal-pjanijiet nazzjonali kif ukoll tal-objettivi tal-Unjoni biex jindirizzaw kwalunkwe punt ta' azzjoni li jirriżulta minnhom;
15. Jinnota li, fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija futura, is-sigurtà kwantitattiva u kwalitattiva tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività huma fost l-iktar kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu li l-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE mal-ġirien tagħhom meta jiżviluppaw il-politiki tagħhom dwar l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina kif l-arkitettura attwali ta' miżuri nazzjonali ta' prevenzjoni u ta' rispons għall-emerġenzi tista' tiġi mtejba kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak tal-UE;
16. Jemmen li mekkaniżmi ta’ kapaċità nazzjonali għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju, ladarba l-għażliet l-oħra kollha jkunu ġew ikkunsidrati, inkluża interkonnettività akbar ma’ pajjiżi ġirien, miżuri ta’ reazzjoni min-naħa tad-domanda u forom oħra ta’ integrazzjoni tas-suq reġjonali;
17. Iqis li l-Unjoni tal-Enerġija timplika negozjar b'leħen wieħed mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-adegwatezza u l-istruttura potenzjali ta' mekkaniżmu ta' xiri kollettiv volontarju u l-impatt tiegħu fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-gass, l-impriżi affettwati u l-kontribut tiegħu biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass; jinnota li billi hemm diversi mudelli ta' mekkaniżmi ta' xiri kollettiv, jeħtieġ li jsir iżjed xogħol biex jiġi ddeterminat l-aħjar mudell ibbażat fuq is-suq applikabbli għar-reġjuni u l-fornituri kkonċernati tal-UE u għall-kundizzjonijiet li taħthom jista' jitnieda l-mekkaniżmu ta' xiri kollettiv volontarju; iqis li l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet u x-xiri kollettiv tal-gass għandhom jibdew fil-livell reġjonali; jirrakkomanda, sadanittant, li l-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jappoġġaw lil dawk l-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija rispettivament, li jixtiequ jinnegozjaw kuntratti tal-enerġija fuq bażi volontarja, f'konformità mal-acquis tas-suq intern tal-UE u mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u jipprovdu għall-protezzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva; jissottolinja li l-kuntratti tal-enerġija għandhom ikunu bbażati fuq il-prezzijiet tas-suq u l-kompetizzjoni;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) iwaqqfu qafas komprensiv għad-dimensjoni esterna tal-Unjoni tal-Enerġija, b'enfasi speċifika fuq il-promozzjoni ta' sħubijiet strateġiċi ma' pajjiżi terzi ta' tranżitu u li jipproduċu l-enerġija, b'mod partikolari fi ħdan il-viċinat Ewropew u fir-rigward tal-politiki ta' tkabbir, abbażi ta' valuri komuni kondiviżi u filwaqt li jitqies l-istat attwali tal-kooperazzjoni reġjonali; sħubiji strateġiċi preċedenti u ġodda għandhom jiġu kkunsidrati u esplorati sabiex jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar iż-żejt u l-gass naturali, l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi rinnovabbli, il-kummerċ u l-interkonnessjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija mal-infrastruttura esterna tal-enerġija;
19. Jenfasizza li Politika Esterna Komuni ġenwina dwar l-Enerġija tal-UE għandha timxi id f'id mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tagħha; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, koordinazzjoni aħjar bejn il-VP/RGħ u l-Kummissarji rilevanti bil-għan li titjieb il-koerenza ta' politiki dwar is-sigurtà tal-enerġija esterna tal-UE; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni toħloq raggruppament aktar b'saħħtu taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ mal-pożizzjoni ta' persuna maħtura responsabbli għall-koordinazzjoni ta' dawn il-politiki;
20. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq grupp ta' riflessjoni ta' livell għoli dwar is-sigurtà tal-enerġija, il-politika barranija u l-Unjoni tal-Enerġija b'rappreżentanza u involviment qawwija tal-Parlament u tal-partijiet soċjetali ikkonċernati, sabiex tiżviluppa xenarji kredibbli fuq perjodu twil ta' żmien tad-domanda, tal-offerta u ta' kooperazzjoni mas-sħab esterni, speċjalment fil-qasam tal-bini tal-kapaċità u l-iskambju tat-teknoloġija dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija u r-relazzjoni bejn l-enerġija u d-drittijiet tal-bniedem;
21. Jesprimi tħassib dwar l-irduppjar propost fil-kapaċità tal-pipeline Nord Stream u l-effetti li dan jista' jkollu fuq is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista u l-prinċipju ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri; jenfasizza, fil-kuntest tat-taħditiet trilaterali li għaddejjin bħalissa bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja, il-ħtieġa li jiġu żgurati l-provvisti tal-enerġija fit-tul lejn u minn ġo l-Ukraina;
22. Jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fl-UE jnaqqas ir-riskju ta' dipendenza u għalhekk jisaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE fi kwistjonijiet relatati mal-enerġija;
23. Jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza akbar fi ftehimiet relatati mal-enerġija, li tista' tinkiseb billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni f'negozjati relatati mal-enerġija li jinvolvu Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiżi terzi, b'mod partikolari billi jsir rekwiżit li l-Kummissjoni tipparteċipa fin-negozjati kollha bħala osservatur sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni ta' Stati Membri individwali fil-konfront ta' fornitur ta' pajjiż terz involut fin-negozjati sabiex u b'hekk jiġu mmitigati r-riskji ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti minn fornitur wieħed; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet ex ante u ex post, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u tfassal kemm lista pożittiva kif ukoll lista negattiva ta' klawżoli ta' ftehim, bħal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni, klawżoli ta' destinazzjoni u take-or-pay, l-indiċizzar taż-żejt għall-prezzijiet tal-gass jew klawżoli li jipprojbixxu li parti terza tagħmel provvisti tal-enerġija suġġett għall-kundizzjoni li jingħata aċċess preferenzjali għall-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija fl-UE; jirrimarka li, skont l-Artikolu 13(6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010, meta jkunu qed jiġu konklużi ftehimiet intergovernattivi ġodda ma' pajjiżi terzi li għandhom impatt fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-gass u l-provvisti tal-gass, l-Istati Membri huma meħtieġa jinformaw lill-Kummissjoni, sabiex din tkun tista' tivvaluta s-sitwazzjoni rigward is-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet b'saħħithom dwar il-valutazzjoni ex ante fil-kuntratti kummerċjali rigward il-provvista tal-gass fir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass;
24. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiġi infurmata dwar il-ftehimiet intergovernattivi futuri kollha dwar l-enerġija ma' partijiet li mhumiex fl-UE f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija qabel l-iffirmar sabiex ikun żgurat li dawn jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, u ma jheddux is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE; jenfasizza li tali diskussjoni u konsultazzjoni għandhom iservu bħala għodda għat-tisħiħ tas-saħħa tan-negozjar tal-Istati Membri u l-kumpaniji tal-UE, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva; iqis li tali diskussjoni u konsultazzjoni m'għandhom bl-ebda mod jippreġudikaw is-sustanza u l-kontenut tal-ftehimiet, imma jiżguraw li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni rilevanti kollu u fl-aħjar interessi tal-kumpaniji u l-Istati Membri kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE sabiex issaħħaħ il-mekkaniżmu tal-informazzjoni kif xieraq u tingħata spinta lir-rwol tal-Kummissjoni;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji abbozzi ta' mudelli u linji gwida ta' kuntratti li jinkludu lista indikattiva ta' klawżoli abbużivi sabiex toħloq referenza għall-awtoritajiet kompetenti u l-kumpaniji fl-attivitajiet kuntrattwali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-mekkaniżmu tal-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi (IGAs) ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi sfruttata s-saħħa tan-negozjar tagħhom fil-konfront ta' pajjiżi terzi, biex b'hekk tiġi assigurata enerġija iżjed affordabbli għall-konsumaturi Ewropej; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippubblika valutazzjonijiet trimestrali tal-kundizzjonijiet kuntrattwali bħall-prezzijiet medji tal-importazzjoni;
26. Jenfasizza li sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjar tal-kumpaniji tal-UE fil-konfront ta' fornituri esterni, il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratti għandhom ikunu iżjed trasparenti u aggregati u, fuq bażi regolari, jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tinġabar l-informazzjoni neċessarja kollha li kemm l-awtoritajiet kompetenti nfushom kif ukoll il-kumpaniji jkunu jistgħu jutilizzaw fin-negozjati futuri tagħhom, filwaqt li tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva; jemmen li dan għandu jgħin biex jiżgura kompetizzjoni ġenwina fil-kuntratti tal-enerġija, biex jiġi evitat l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti minn pajjiżi terzi u biex tkun żgurata l-konformità mad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet konkreti biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni ta' enerġija, tissorvelja l-livell ta' diversifikazzjoni fl-importazzjoni u tippubblika rapporti regolari dwar il-progress f'dan ir-rigward;
28. Jenfasizza li huwa essenzjali li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-industrija u t-teknoloġija Ewropea fil-katina kollha tal-produzzjoni tal-enerġija, li tinkludi mhux biss il-materja prima iżda wkoll il-ġenerazzjoni, ir-raffinar, il-ħżin, it-trasport u d-distribuzzjoni, peress li dawn huma elementi kruċjali għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;
29. Jemmen li d-diversità fit-taħlitiet tal-enerġija tal-Istati Membri, abbażi tal-potenzjal, l-ambjent, il-lokazzjoni ġeografika, l-esperjenza, l-għarfien u l-ispejjeż u l-ħtiġijiet ekonomiċi rispettivi tagħhom, filwaqt li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-istrateġija u l-politiki dwar l-enerġija u l-klima, hija ta' vantaġġ għall-UE bħala entità waħda, billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għal interruzzjonijiet fil-provvista, tippermettilha tagħmel għażliet kostottimali fl-enerġija u tippermetti l-iżvilupp u l-kompetizzjoni ta' teknoloġiji differenti fis-suq, biex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija; jinsisti, madankollu, li d-diversità nazzjonali m'għandhiex tirrappreżenta ostakolu għas-suq uniku, u l-Istati Membri għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jagħmlu investimenti xierqa fl-infrastrutturi tat-trażmissjoni domestiċi tagħhom u jiżguraw livelli għolja ta' interkonnettività u reżiljenza fis-sistemi tal-enerġija nazzjonali tagħhom sabiex jinkisbu l-objettivi dwar is-sigurtà u s-suq tal-enerġija tal-Unjoni;
30. Jemmen li l-Unjoni tista' żżid is-sigurtà tal-enerġija tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq fornituri u fjuwils partikolari billi żżid l-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll tagħmel l-aħjar użu mis-sorsi ta' enerġija tal-Ewropa, f'konformità mal-għanijiet tal-UE dwar is-sigurtà tal-enerġija, tal-ambjent u l-klima kif ukoll mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà, billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-taħlitiet tal-enerġija tagħhom u jiġu evitati l-piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità; jenfasizza li bħala prinċipju m'għandu jkun hemm diskriminazzjoni kontra l-ebda fjuwil jew teknoloġija li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija u l-objettivi dwar il-klima;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-użu effettiv tal-iskemi eżistenti kollha ta' finanzjament tal-UE, inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, sabiex tattira l-investiment għal proġetti ta' infrastruttura tal-enerġija ewlenin, tar-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija, sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet interni tal-Ewropa bil-għan li jinkisbu l-objettivi tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija, abbażi ta' approċċ kostijiet-benefiċċji li jkun teknoloġikament newtrali u li jipprijoritizza l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni;
32. Jitlob il-mobilizzazjoni rapida tar-riżorsi għall-finanzjament tal-PCIs sabiex tinbena l-infrastruttura neċessarja u tiġi prevista provvista tal-enerġija affidabbli u mingħajr intoppi li ma tkun soġġetta għall-ebda forma ta' pressjoni politika minn barra l-UE;
33. Jenfasizza li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu jiffunzjona bħala mekkaniżmu biex idawwar l-investiment infrastrutturali fi klassi tal-assi kompletament likwida b’bonds li jistgħu jiġu miġbura flimkien u nnegozjati fis-swieq Ewropej u f'dawk globali; barra minn hekk, jinnota li investituri istituzzjonali bħal assiguraturi jew fondi ta’ pensjoni, li huma mrawma b’mod naturali li jagħmlu investimenti fuq terminu twil f’assi reali, ikunu attirati biss minn prodotti standardizzati ta’ investiment u proġetti solidi ta’ investiment li jistgħu jiggarantixxu kazijiet kummerċjali sodi;
34. Jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikolari lil DĠ Kummerċ, biex iżżomm l-objettiv li tiddedika kapitolu separat għall-enerġija fis-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), bl-għan li jitneħħew l-ostakli tariffarji u non-tarriffarji għall-kummerċ tal-Istati Uniti li jikkonċernaw kemm il-gass naturali likwifikat (LNG) kif ukoll iż-żejt mhux raffinat u li jiġu eliminati miżuri protezzjonisti mhux ġustifikati li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' ambjent iżjed kompetittiv għan-negozju Ewropew billi titnaqqas id-diskrepanza fl-ispejjeż tal-enerġija fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżgura li kwalunkwe kapitolu għall-enerġija bħal dan ikun jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jżidu l-kooperazzjoni bejn programmi ta' riċerka dwar l-enerġija ffinanzjati mill-UE u mill-gvern tal-Istati Uniti, b'mod partikolari l-programm ARPA-E tal-Istati Uniti;
35. Jirrimarka li l-politika kummerċjali tal-UE għandu jkollha l-għan li żżid is-sigurtà tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 194 TFUE, tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija Ewropea u tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni minn fornitur estern wieħed jew punt ta’ provvista wieħed, filwaqt li tiġi rispettata d-diviżjoni tal-kompetenzi rilevanti stabbilita fit-Trattat;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ aktar strett ta’ mġiba li tmur kontra l-kompetizzjoni u ta’ miżuri anti-dumping sabiex l-industriji tal-enerġija Ewropej jiġu protetti minn importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi;
37. Jiddeplora l-fatt li d-diskussjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ qed jiġu mblukkati fil-Kunsill, minkejja l-fatt li l-Parlament esprima appoġġ qawwi favur miżuri aktar stretti kontra importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi;
38. Jistieden lill-Kunsill jimxi ’l quddiem fil-modernizzazzjoni tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali biex jiġi żgurat li l-industriji Ewropej tal-manifattura li b’mod partikolari jipproduċu turbini, pannelli solari, materjal tal-kostruzzjoni u azzar ta’ kwalità għolja, ikunu jistgħu jisiltu vantaġġ sħiħ mit-tranżizzjoni tal-enerġija;
39. Jenfasizza l-importanza li fil-ftehimiet kummerċjali jkun hemm dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni teknoloġika u s-servizzi fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u l-produzzjoni deċentralizzata ta’ enerġiji rinnovabbli, inklużi l-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-softwer; jirrimarka li d-dekarbonizzazzjoni hija għan komuni tal-UE u ta' bosta pajjiżi, reġjuni u bliet sħab;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddiversifikaw il-produzzjoni tal-enerġija tagħhom permezz ta’ strumenti kummerċjali internazzjonali, u tippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija solari b’mod partikolari fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE;
41. Jilqa’ b’sodisfazzjon in-negozjati dwar Inizjattiva ta’ Prodotti Ekoloġiċi bejn l-UE u 13-il membru ieħor tad-WTO li tkun tkopri prodotti, servizzi u teknoloġiji li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekoloġiku, il-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika u l-iżvilupp sostenibbli; jappella sabiex sa tmiem l-2015 jintemmu t-taħditiet fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Nairobi;
42. Jenfasizza li n-negozjati b’rabta mal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali għandhom ikunu bbażati fuq definizzjoni tal-prodotti ambjentali li tkun konsistenti mal-politiki tal-UE u m’għandhomx jikkontradixxu miżuri li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ġew adottati fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC);
43. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel pressjoni biex tistabbilixxi sistema għall-iskambju tal-enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, fid-dawl tal-iżviluppi attwali u futuri fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-liċenzjar ta' sistemi ta' linji elettriċi, bħal konnessjoni ta' elettriku ta' voltaġġ għoli, bl-għan li jiġi żviluppat netwerk globali ta' skambju ta' enerġija rinnovabbli;
44. Jenfasizza li Komunità tal-Enerġija msaħħa għandha tkun il-qofol tal-politika tal-UE dwar l-enerġija esterna u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti bbażati fuq ir-rapport tal-Grupp ta’ Riflessjoni ta’ Livell Għoli għar-riforma tal-Komunità tal-Enerġija;
45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija, b’mod partikolari fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija għal aktar sigurtà tal-provvista, permezz, inter alia, ta’ implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-liġi tal-UE, bħalma huma l-miri tal-2020 u l-2030, u b’mod partikolari permezz ta’ governanza aħjar, simplifikazzjoni tal-proċeduri u użu aħjar ta’ għodod tal-IT bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv, jittejbu l-istituzzjonijiet tagħha, inkluż it-twaqqif ta’ Assemblea Parlamentari tal-Komunità tal-Enerġija, u li jiġu implimentati proġetti ewlenin ta’ infrastruttura, bħal interkonnetturi bidirezzjonali transfruntieri, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aħjar mas-suq tal-enerġija tal-UE u l-mekkaniżmi tas-sigurtà tal-provvista mingħajr ma jsir rikors għall-istabbiliment ta’ swieq tal-kapaċità nazzjonali li jdgħajfu l-effikaċja tas-suq intern tal-enerġija;
46. Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja rigward il-gass, l-elettriku, l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jitlob lill-Kummissjoni tħaffef l-istabbiliment tal-Pjattaforma tal-Gass Euro-Med;
Suq Ewropew tal-enerġija integrat bis-sħiħ
47. Jemmen li l-Unjoni tal-Enerġija futura trid tistabbilixxi fluss liberu ta' enerġija fil-pajjiżi kollha tal-UE u tal-Komunità tal-Enerġija;
48. Jenfasizza li s-sinsla tal-Unjoni tal-Enerġija futura trid tkun suq intern tal-enerġija interkonness li jiffunzjona bis-sħiħ li jagħti enerġija sikura, assigurata, imqassma b'mod ġust, responsabbli soċjalment u ambjentalment, effiċjenti, kompetittiva, għall-but ta' kulħadd u sostenibbli fuq grids li jiffunzjonaw bis-sħiħ, sikuri u reżiljenti kif ukoll tnaqqis fid-domanda għall-enerġija, sabiex tippermetti lill-kumpaniji u lill-konsumaturi tal-UE jkollhom aċċess għall-gass, l-elettriku, u t-tisħin u t-tkessiħ bl-aktar mod sostenibbli, effiċjenti, demokratiku u kosteffettiv possibbli; iqis, għalhekk, li għandna nippruvaw niksbu l-espansjoni ulterjuri taż-żoni tas-suq eżistenti; iqis li huwa fundamentali li tiġi favorita l-integrazzjoni tal-prosumaturi fis-suq u n-netwerk tal-UE; jenfasizza n-nuqqasijiet sostanzjali esperjenzati fil-komunitajiet rurali fl-UE b'riżultat ta' konnettività tal-enerġija batuta;
49. Jirrikonoxxi li attwalment ma hemmx suq uniku tal-enerġija fl-Ewropa, u li l-frammentazzjoni li tirriżulta fi ħdan is-swieq tal-enerġija tal-UE hija ta’ ħsara kbira għall-kompetittività u sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa;
50. Ifakkar li s-swieq tal-enerġija jiddistingwu lilhom infushom mis-swieq finanzjarji mill-assi fiżiċi sottostanti, li bihom ir-riskju sistemiku fis-settur tal-enerġija huwa eliminat; jikkunsidra li huwa meħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġi implimentat regolament finanzjarju li jkopri wkoll is-settur tal-enerġija b’tali mod li ma jfixkilx l-iżvilupp ta’ suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb;
51. Jenfasizza li, sabiex jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-kosteffettività reali, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż diretti u esterni tas-sorsi tal-enerġija differenti, kif ukoll l-impatt ta’ kull forma ta’ intervent pubbliku fuq il-pożizzjoni kompetittiva relattiva;
52. Jemmen li mekkaniżmi bbażati fuq is-suq iridu jiġu komplementati b'mekkaniżmi ta' sigurtà tal-provvista u solidarjetà tanġibbli u ambizzjużi, bħal ġestjoni ta' kriżi aktar effiċjenti fil-livell reġjonali u tal-UE, l-adozzjoni ta' miżuri ambizzjużi ta' ffrankar ta' enerġija u l-użu ottimizzat ta' infrastruttura ta' ħżin ta' LNG u ta' gass, primarjament għas-sigurtà tal-provvista fuq skala reġjonali, biex jiġu riflessi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, u li għandhom jiġu rieżaminati mill-aktar fis possibbli;
53. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-enerġija, l-ambjent u l-klima; jitlob b'mod partikolari għal valutazzjoni tal-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u tal-benefiċċji ġġenerati għall-konsumaturi; jitlob għat-tneħħija ta' derogi mit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u għal adozzjoni u implimentazzjoni rapidi ta' linji gwida u kodiċijiet tan-netwerks Ewropej;
54. Jistieden lill-Kummissjoni talloka iżjed riżorsi finanzjarji lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), u jissottolinja l-fatt li għandha tkun awtorizzata tirrekluta persunal addizzjonali sabiex tkun tista' timplimenta b'mod sħiħ u effikaċi l-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija – biex tiżgura l-integrità u t-trasparenza fil-kummerċ tal-enerġija u l-konformità mar-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija (REMIT) – bħala prekundizzjoni għall-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-enerġija tal-UE; jinnota li l-kompetenzi tal-ACER għandhom jissaħħu vis-à-vis n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENSTO-G) u korpi oħra tal-UE b'funzjonijiet essenzjali, biex jiġi żgurat li tkun tista' tissodisfa l-kompiti tagħha speċifikati fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u jemmen li l-Aġenzija għandha tinvolvi ruħha ma' assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni (DSOs), l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u gruppi oħra tas-soċjetà ċivili;
55. Itenni l-importanza tas-separazzjoni tas-sjieda kif ippreżentata mit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta sa liema punt l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) qed jinfurzaw il-kundizzjonijiet deskritti fl-opinjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs);
56. Jiddispjaċih li l-ENTSO-E u l-ENTSO-G huma wisq dipendenti fuq l-allokazzjoni tal-baġit minn TSOs nazzjonali, u dan jhedded l-abbiltà tagħhom li jaġixxu bħala atturi Ewropej;
57. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza ta’ skambji tal-enerġija u ta' attivitajiet tas-suq ta’ ċentri tal-gass;
58. Jenfasizza li sabiex tissaħħaħ is-solidarjetà u r-reżistenza tal-enerġija ta’ emerġenza tagħna u r-reżistenza għal interruzzjonijiet fil-provvista, kemm l-enerġija tal-gass kif ukoll tal-elettriku għandhom ikunu esportabbli f’kull ħin; jinnota, f’dan ir-rigward, li sistemi attwali ta’ trażmissjoni transfruntiera huma ta’ spiss imfixkla minn deċiżjonijiet ta’ operaturi ta’ trażmissjoni nazzjonali; għaldaqstant, jistieden lill-ACER tagħmel aktar enfasi fuq din il-kwistjoni fir-rapport annwali tagħha dwar is-sorveljanza tas-suq;
59. Jirrimarka li suq tal-enerġija intern li jiffunzjona bis-sħiħ mhux se jkun kompletat sakemm hemm Stati Membri b’sistemi tal-elettriku dipendenti fuq operatur minn pajjiż terz u jisħaq fuq l-importanza u l-ħtieġa li sal-2025 tkun żgurata operazzjoni sinkronizzata tal-Istati Baltiċi fi ħdan in-Netwerks Kontinentali Ewropej;
60. Jenfasizza li huwa meħtieġ b'mod urġenti mudell futur tas-suq tal-elettriku fl-UE mfassal sew li jrid ikollu l-għan li jippromwovi l-investiment neċessarju biex jiggarantixxi l-provvista fuq terminu twil u – mill-perspettiva tas-sigurtà tan-netwerk – jintegra s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija b’mod aktar ibbażat fuq is-suq u ottimizzat filwaqt li jqis in-natura dejjem tinbidel tal-provvista u d-domanda tal-enerġija, inklużi ż-żieda fl-użu tal-mikroġenerazzjoni, it-teknoloġija tar-rispons għad-domanda u s-sehem dejjem jikber tal-enerġija rinnovabbli; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' standards komuni għall-grids intelliġenti bħala element ewlieni biex tiġi żgurata provvista stabbli u fluss liberu tal-enerġija bejn il-fruntieri, biex b'hekk jingħata kontribut għas-sigurtà tal-enerġija; barra minn hekk jenfasizza r-rwol li l-iżvilupp ta' grids tal-enerġija iżjed intelliġenti u faċilitajiet ġodda tal-ħżin tal-enerġija jista' jkollu biex il-livell tar-riżorsi rinnovvabbli tal-enerġija (RES) jiżdied fuq skala Ewropea u jiġi żgurat li tali infrastruttura tiġi żviluppata flimkien maċ-ċentri reġjonali tar-RES;
61. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq l-avvanz ta' proġetti ta' interess komuni (PCIs) u fuq proġetti ta' interess tal-Komunità tal-Enerġija (PECIs), bl-għan li jiksbu grid tal-elettriku u netwerk tal-gass pan-Ewropew bil-kapaċità li jittrażmettu l-enerġija u l-gass madwar il-pajjiżi tal-UE minn sorsi multipli; jemmen li l-grid tal-elettriku għandu jkun kapaċi jiddevja l-enerġija minn żoni li għandhom iżżejjed għal dawk b'defiċit, biex b'hekk is-suq ikun jista' jirreaġixxi minnufih għal nuqqasijiet tal-provvista kull fejn iseħħu, jikkumpensa għal ċikli ċirkadjani u staġjonali, jintegra s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jħeġġeġ is-suq Ewropew tal-enerġija; jemmen li għandu jkun previst li jitħaffef il-proċess tal-approvazzjoni u l-permess ta' proġetti u li jitħeġġeġ it-titjib ta' linji eżistenti; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn l-isforzi għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq is-soluzzjoni tal-problemi li jirriżultaw mill-gżejjer tal-enerġija;
62. Jilqa' r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020,
63. Itenni l-impenn tiegħu li jikseb il-mira għall-interkonnettività ta' 10 % sabiex jitlesta s-Suq Intern tal-Eenerġija fl-UE, u jilqa’ l-proposta tal-Kunsill Ewropew għal livell minimu ta’ 15 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Istati Membri sal-2030; jirrikonoxxi l-importanza li tinkiseb ukoll mira kwantitattiva ta’ interkonnettività billi tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ infrastruttura nazzjonali u transfruntiera eżistenti biex jiġi żgurat l-użu effettiv tas-sorsi ta’ enerġija Ewropej u tiżied is-sigurtà tal-provvista;
64. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat qafas regolatorju sod, stabbli u prevedibbli, li għandu jippermetti impenji fit-tul u li jkun neċessarju biex jitwettqu investimenti ġodda fl-infrastruttura tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tqassar iż-żmien tal-proċess li jippermetti proġetti jikkwalifikaw bħala PCIs; jenfasizza li l-użu ta' grids tad-distribuzzjoni intelliġenti jeħtieġ li jiġi ffaċilitat permezz ta' proċeduri ta' proċeduri ta' permess aċċellerati kif ukoll permezz ta' appoġġ politiku u oqfsa regolatorji adattati għall-operaturi tan-netwerk li jirrikonoxxu l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu għall-investimenti u jinċentivaw l-investimenti fl-ICT u fl-awtomazzjoni fuq l-istess livell mal-estensjoni tal-grid tradizzjonali;
65. Jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tikkontribwixxi wkoll għall-"Unjoni tal-Investiment fl-Enerġija", biex tiżgura li l-investiment ta' iżjed minn EUR 1 triljun meħtieġ fis-snin li ġejjin sabiex tingħata l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija tal-Ewropa jkun ġej minn investituri privati u pubbliċi; jinnota li tali "Unjoni tal-Investiment fl-Enerġija" għandha tipprovdi opportunitajiet għal investituri kbar kif ukoll għal konsumaturi individwali u ċittadini privati; jinnota li ċ-ċertezza għall-investituri hija kriterju ewlieni sabiex jinħoloq ambjent li jiffaċilita u jagħmel l-aħjar użu mill-finanzjament privat; jinsisti li qafas stabbli jista' jinkiseb biss permezz ta' sistema ta' governanza b'saħħitha li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi u kundizzjonijiet regolatorji stabbli u li trawwem il-fiduċja fis-settur privat;
66. Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali strateġiċi għandha tikkontribwixxi għall-aspetti fuq terminu medju u twil tas-sigurtà tal-enerġija u tkun konformi bis-sħiħ mal-impenji fit-tul tal-UE dwar id-dekarbonizzazzjoni u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent u ta' leġiżlazzjoni oħra rilevanti;
67. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-investiment f’interkonnetturi tal-gass u l-elettriku fuq skala iżgħar li jgħaqqdu reġjuni ġirien b’mod serju daqs l-investiment f'PCIs akbar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu mill-qrib flimkien ma’ awtoritajiet reġjonali meta jiżviluppaw dawn l-interkonnetturi;
68. Jinnota l-importanza li jiġu integrati l-ippjanar tad-domanda u tal-provvista tal-enerġija fil-livell tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, bi prijorità mogħtija għat-tnaqqis fid-domanda u għas-soluzzjonijiet deċentralizzati, sabiex tinkiseb sigurtà tal-provvista kostottimali u jiġu evitati investimenti ta’ infrastruttura bla bżonn jew dimensjonati żżejjed u spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati;
69. Jemmen li, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ investimenti kbar ħafna għall-grids tad-distribuzzjoni li ilhom li nbnew u li mhumiex adegwati u tal-fatt li l-parti l-kbira tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija huma konnessi fil-livell tal-grid tad-distribuzzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jieħdu inizjattivi speċifiċi biex iħeġġu investimenti mid-DSOs, inklużi strumenti finanzjarji; jirrakkomanda bil-qawwa li investimenti bħal dawn jiġu prijoritizzati mill-Istati Membri;
70. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiċċara kif beħsiebha tuża l-Pjan ta’ Investiment ta’ EUR 315-il biljun, imħallat mal-fondi eżistenti l-oħra, sabiex timmassimizza l-potenzjal ta’ lieva tal-FEIS u sabiex tiffinanzja infrastrutturi u proġetti meħtieġa biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija;
71. Jikkunsidra li kooperazzjoni reġjonali u koordinazzjoni tal-politiki msaħħa huma pass importanti għal integrazzjoni usa’ tas-suq tal-enerġija fl-UE; jappoġġa, għalhekk, approċċi reġjonali, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll ma’ Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz ta’ aktar żvilupp ta’ ċentri reġjonali biex tittejjeb il-likwidità tas-suq, primarjament fir-reġjun CEE (l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant); jenfasizza li mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħal dawn jistgħu jissimplifikaw il-koperazzjoni politika u tas-suq tal-enerġija u jiffaċilitaw deċiżjonijiet konġunti dwar investiment f’infrastruttura tal-gass essenzjali fir-reġjuni; jemmen li l-għarfien u l-informazzjoni jistgħu jiġu żviluppati b’mod konġunt fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal faċilitajiet ta’ ħażna tal-enerġija, u proċessi ta’ sejħiet għall-offerti għall-gass naturali likwifikat (LNG) u l-interkonnetturi; jirrikonoxxi, primarjament fir-reġjun CEE, ir-rwol importanti tal-iskambji ta’ enerġija fit-tħeġġiġ ta’ kummerċ tal-enerġija likwidu, trasparenti u sigur; jenfasizza l-potenzjal inerenti fi proġetti transfruntieri bħala lieva għal soluzzjonijiet fl-UE kollha;
72. Jappoġġa l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tal-pajjiżi kandidati u dawk potenzjalment kandidati permezz ta' approċċ reġjonali fl-Unjoni tal-Enerġija Ewropea futura;
73. Jenfasizza li żieda fil-kooperazzjoni reġjonali tista’ tikkontribwixxi għal titjib fis-sigurtà tal-enerġija, titjib fl-ippjanar tal-infrastruttura, fl-iżgurar ta’ ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tal-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli kif ukoll fit-tnaqqis tal-ispejjeż għall-konsumaturi;
74. Jilqa’ l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lil kooperazzjoni reġjonali msaħħa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina u tistabbilixxi x’inhi l-iskala ottimali ta’ koperazzjoni ta’ netwerk (jew suq) tal-elettriku u tal-gass fl-UE; jirrimarka li, f’xi każijiet, l-Istati Membri stess huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw x’inhu meħtieġ fit-territorji tagħhom, filwaqt li f’oħrajn hemm valur miżjud ċar fil-kooperazzjoni diretta mal-UE; jirrimarka li f’ċerti każijiet, madankollu, instab li, permezz ta’ kooperazzjoni estensiva fil-livell reġjonali rigward sfidi konġunti, gruppi ta’ Stati Membri kisbu riżultati aktar malajr, bħal fil-Forum tal-Enerġija Pentalaterali; jaqbel mal-Kummissjoni li ftehimiet reġjonali eżistenti jistgħu jkunu mudell għall-UE kollha;
75. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq struttura ta' governanza tal-kooperazzjoni fis-suq makroreġjonali li fiha jkollhom ukoll rwol il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jinnota li din il-governanza reġjonali għandha tinbena fuq entitajiet ġeografiċi u tas-suq reġjonali eżistenti biex l-ispejjeż iħallu l-akbar effett benefiku possibbli, b’mod partikolari: i) il-Pjan ta' Interkonnessjoni tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP); ii) inizjattivi ta' koordinazzjoni tal-Ewropa tax-Xlokk; iii) il-Forum imkabbar Pentalaterali; iv) l-inizjattiva ta' Grid lil hinn mill-Kosta tal-Pajjżi tal-Baħar tat-Tramuntana; jenfassizza li r-rwol tal-ACER għandu jiġi msaħħaħ f'dan il-kuntest;
76. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji dwar l-ottimizzazzjoni tal-kost li jivvalutaw u jikkalkulaw il-benefiċċji ta' kooperazzjoni reġjonali fir-reġjuni msemmija qabel; jemmen li abbażi ta' tali studji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri involuti għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw flimkien pjanijiet ta' azzjoni għall-istabbiliment ta' dawn il-makroreġjuni;
77. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u ssostni l-proġetti ta' kooperazzjoni reġjonali bejn l-operaturi tan-netwerks ta' distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass li huma kruċjali għal enerġija sikura, kompetittiva u sostenibbli, billi tippermetti l-għajnuna għall-produzzjoni lokali ta' enerġija, b'mod partikolari l-enerġija rinnovabbli, il-mutazzjonijiet teknoloġiċi (in-netwerks intelliġenti, miters intelliġenti, eċċ.) u l-metodi ta' produzzjoni u ta' konsum ġodda (p.e. vetturi elettriċi);
78. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambji ta' fehmiet dwar proġetti li jirrigwardaw l-enerġija implimentati bejn entitajiet territorjali tal-Ewropa (reġjuni, awtoritajiet lokali, bliet, eċċ.) biex b'hekk ikunu infurmati u miġjuba flimkien ir-rappreżentanti eletti u ċ-ċittadini;
79. Jitlob l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku u l-gass reġjonali integrati tajjeb u kompetittivi li jiżguraw l-adegwatezza u l-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija li tkopri l-partijiet kollha tal-Unjoni; jitlob li l-Kummissjoni taġixxi b’mod deċiż u trasparenti kontra l-każijiet kollha ta’ protezzjoniżmu, imġiba antikompetittiva u ostakli għad-dħul fis-suq u l-ħruġ mis-suq; jenfasizza l-importanza li jkunu żgurati oqfsa regolatorji nazzjonali stabbli, jiġu indirizzati ostakli amministrattivi u jiġu ssimplifikati proċeduri amministrattivi nazzjonali, anke biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għal proġetti bbażati fuq iċ-ċittadini;
80. Jirrimarka li sabiex is-suq intern jiġi bbilanċjat b'suċċess, jinħtieġ investiment mhux biss f'interkonnetturi iżda anke, inter alia, fi grids nazzjonali, impjanti tal-enerġija bi fjuwils fossili mgħammra b'teknoloġija għall-qbid ta' karbonju u impjanti nukleari ġodda (f'dawk l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan) bħala sors kritiku ta' enerġija b'karga bażika b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, fil-kapaċità tal-ħżin (bħal terminali tal-LNG) u grids intelliġenti u ġenerazzjoni flessibbli, sabiex inlaħħqu ma' ġenerazzjoni rinnovabbli u distribwita mtejba;
81. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq qafas leġiżlattiv li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi u jagħmilhom parteċipanti attivi fis-suq bħala investituri, produtturi u partijiet ikkonċernati billi jiġu żviluppati prezzijiet dinamiċi u jinfetħu s-swieq għas-sorsi tal-provvista u tad-domanda; jinnota li l-involviment taċ-ċittadini jista’ jissaħħaħ permezz ta’, inter alia: il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-konsumatur; il-kooperattivi tal-enerġija u l-mikroġenerazzjoni u l-ħażna; il-konsum proprju; id-deċentralizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija; l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ grid ta' enerġija intelliġenti, inklużi miters intelliġenti; kompetizzjoni msaħħa fis-swieq bl-imnut; trasparenza sħiħa; u flessibilità tal-prezzijiet u fl-għażliet tal-konsumaturi;
82. Jenfasizza li l-prosumaturi li jipprovdu kapaċitajiet ta' ħżin għall-grid għandhom ikunu ppremjati u li l-prosumaturi għandhom jitħeġġu jikkonsmaw il-produzzjoni tal-elettriku ekoloġiku tagħhom stess mingħajr ma jiġu penalizzati; jirrimarka li tali inizjattivi jistgħu jikkontribwixxu għal suq intern tal-enerġija iżjed kompetittiv u li jiffunzjona b'mod tajjeb, li, min-naħa tiegħu, jista' jgħin ir-reżiljenza tal-komunitajiet lokali, joħloq impjiegi lokali u prosperità u jnaqqas il-kontijiet globali tal-enerġija għall-konsumaturi u jgħin biex jiġu indirizzati problemi soċjali serji bħall-faqar enerġetiku u konsumaturi vulnerabbli; jitlob lill-Kummissjoni tiġbor il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-aħjar prattiki ta' miżuri meħuda fil-livell nazzjonali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u tiżgura li l-aħjar prattiki jiġu ċentralizzati u promossi minn korp Ewropew iddedikat; jenfasizza li għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex tkun garantita l-protezzjoni tad-data għall-konsumaturi li qed jipparteċipaw direttament fis-suq;
83. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lokali u reġjonali u ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni lokali u reġjonali u netwerks ta’ tisħin distrettwali permezz ta’ politiki li jindirizzaw ostakli eżistenti u jgħinu jġibu bidla fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida dwar l-awtokonsum tal-enerġija sabiex tippromwovi l-użu tiegħu u tipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi;
84. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-awtokonsum u l-mikroġenerazzjoni permezz ta' skemi tal-enerġija rinnovabbli mmirati lejn l-aktar konsumaturi vulnerabbli;
85. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintegra l-atturi lokali fil-politika tal-enerġija tal-UE, u tippreżenta proposta biex tistabbilixxi konsulenza deċentralizzata u ċentri ta’ bini ta’ kapaċità li jattrezzaw u jappoġġaw l-awtoritajiet lokali jittrattaw mal-fornituri tal-enerġija fuq l-istess livell, u sabiex tappoġġa l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija lokali permezz ta’ kooperattivi, kumpaniji stabbiliti lokalment u awtoritajiet muniċipali;
86. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu identifikati l-aħjar prattiki lokali u jiġi promoss it-tixrid tagħhom madwar l-Unjoni, biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-miżuri lokali u l-politiki Ewropej, u biex issir ħidma fuq kwistjonijiet li jaffettwaw l-aċċettazzjoni lokali tal-proġetti tal-enerġija; jipproponi li jitwaqqaf "Forum Ewropew tat-Territorji";
87. Jemmen li l-konsumaturi tal-UE kollha għandhom jibbenefikaw bl-istess mod minn suq uniku tal-gass u l-elettriku; jenfasizza, f’dan is-sens, li d-differenzi fil-prezzijiet attwali bejn is-swieq nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ integrazzjoni u interkonnessjonijiet tas-suq ma jistgħux jibqgħu jiġu tollerati aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi malajr miżuri sabiex tinkiseb konverġenza tal-prezzijiet u integrazzjoni tas-suq akbar fl-Unjoni kollha;
88. Jenfasizza l-impatt pożittiv li l-integrazzjoni tas-suq kellha fuq il-prezzijiet bl-ingrossa, u eventwalment il-prezzijiet għall-konsumatur, fis-settur tal-elettriku; jikkunsidra li r-reviżjoni tad-disinn tas-suq tal-elettriku teħtieġ li toħloq rabtiet aħjar bejn is-swieq tal-ingrossa u tal-konsumatur, kif ukoll tikkontribwixxi għat-tneħħija tal-ostakli fis-swieq tal-operaturi u għall-provvista ta’ għażliet fost il-fornituri tal-enerġija għall-konsumaturi;
89. Jikkunsidra li bħala parti minn kwalunkwe reviżjoni tas-swieq tal-enerġija għall-konsumatur, għandha tingħata kunsiderazzjoni serja għal miżuri oħra li jipproteġu l-konsumaturi, bħall-inkoraġġiment u l-promozzjoni ta’ skemi ta’ bdil kollettivi, ir-rekwiżit li l-kontijiet tal-enerġija jinkludu tqabbil ma’ kompetituri abbażi ta’ mudelli ta’ konsum storiċi, ir-rekwiżit li l-fornituri jpoġġu awtomatikament lill-klijenti tagħhom fuq l-aktar tariffa vantaġġjuża disponibbli, u l-iżgurar ta’ firxa ta’ tariffi standardizzati, limitati u faċilment komparabbli;
90. Jistieden lill-Kummissjoni, meta tistabbilixxi l-pjan direzzjonali tagħha għat-tneħħija gradwali tal-prezzijiet regolati, sabiex iżżomm miftuħa l-possibbiltà ta' regolamentazzjoni tal-prezz u l-istandardizzazzjoni ta’ strutturi tat-tariffi jekk dawn ikunu maħsuba biex jillimitaw il-kirjiet minn monopolju jew minn profitti mhux mistennija li jfixklu s-suq, bl-għan li jiġu protetti l-konsumaturi vulnerabbli jew jiġi ffaċilitat it-tqabbil ta’ tariffi ta’ fornituri li qed jikkompetu;
91. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija finali fl-Ewropa, inklużi taxxi, imposti, sussidji u kwalunkwe spejjeż moħbija oħra, bil-ħsieb li jiġu identifikati azzjonijiet li jistgħu jwasslu biex jonqsu dawn il-prezzijiet;
Effiċjenza fl-enerġija li tikkontribwixxi lejn il-moderazzjoni tad-domanda
92. Ifakkar ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-5 ta' Frar 2014, tas-26 ta' Novembru 2014 u tal-14 ta' Ottubru 2015 li jsejħu għal tliet miri vinkolanti dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, b'mod partikolari l-mira ta' 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija; jenfasizza li l-mira għall-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għal wara l-2020 għandha tkun vinkolanti u implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa diversi xenarji għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2030, inkluż il-livell stabbilit mill-Parlament ta' 40 %; iħeġġeġ lill-Kunsill li talab għal mira fi ħdan l-UE ta' mill-inqas 27 %, biex jirrevedi 'l fuq l-objettiv tiegħu f'konformità mal-mira adottata mill-Parlament;
93. Jinnota li titjib ambizzjuż u li jista' jinkiseb fl-effiċjenza fl-enerġija, fl-interessi tal-koeżjoni, is-solidarjetà u l-kosteffettività, jista' jagħti spinta lis-sigurtà tal-enerġija, il-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir, jgħin biex iżomm l-infiq tal-konsumaturi baxx u jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u jissodisfa l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija;
94. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju "l-effiċjenza fl-enerġija l-ewwel''; jinnota li, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija hija "l-ewwel fjuwil" u tirrappreżenta l-aħjar redditu fuq l-investiment ta' kwalunkwe riżorsa tal-enerġija; jenfasizza li l-gwadanji fl-effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari t-tnaqqis fit-telf tal-enerġija fil-bini, għandhom l-effett kruċjali li jnaqqsu l-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE minn pajjiżi terzi, meta jitqies li 61 % tal-gass importat fl-Unjoni Ewropea jintuża fil-bini, primarjament għall-finijiet tat-tisħin; jitlob, f'dan ir-rigward, biex l-effiċjenza fl-enerġija u l-proġetti tal-infrastruttura jiġu ttrattati bħala investimenti ewlenin li huma ta' importanza simili bħal investimenti f'kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida;
95. Jenfasizza li l-gwadanji fl-effiċjenza fl-enerġija jnaqqsu kemm il-kontijiet tal-enerġija għad-djar u l-industriji kif ukoll id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi b'mod sinifikanti; jissottolinja li hemm il-potenzjal biex jinħolqu żewġ miljun impjieg b'riżultat tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija sal-2020, b'mod partikolari fis-settur tal-bini, li jammonta għal 40 % tad-domanda kollha għall-enerġija tal-UE; jenfasizza li gwadanji fl-effiċjenza fl-enerġija huma komplementari għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija;
96. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakoli li jibqa' għall-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, u tiżviluppa suq ġenwin fl-effiċjenza fl-enerġija sabiex tħeġġeġ it-trasferiment tal-aħjar prattiki u tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti u tas-soluzzjonijiet fl-UE kollha bl-għan li jinbena suq uniku veru tal-prodotti u s-servizzi tal-effiċjenza fl-enerġija;
97. Jenfasizza li huwa meħtieġ li jiżdiedu kemm l-intensità kif ukoll ir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini u l-użu ta’ sorsi tal-enerġija sostenibbli fit-tisħin u t-tkessiħ, permezz tal-inċentivi xierqa sabiex titnaqqas id-domanda għall-enerġija; jirrakkomanda li jkomplu jiżdiedu l-istandards tal-effiċjenza fl-enerġija għall-bini, filwaqt li jkun hemm kunsiderazzjoni – u inkoraġġiment – għal innovazzjoni teknika, użu akbar tal-'building information modelling' (immudellar tal-informazzjoni tal-bini) u ta’ simulazzjonijiet tal-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti tal-bini fl-akkwist pubbliku; jirrakkomanda wkoll appoġġ kontinwu għall-kostruzzjoni ta’ bini mingħajr konsum ta’ enerġija bħala pass kruċjali addizzjonali fl-iżgurar ta’ indipendenza mill-enerġija u sistema tal-enerġija sostenibbli u sikura;
98. Jenfasizza li l-investimenti f’titjib tal-effiċjenza fl-enerġija magħmula attwalmaent mill-industrija għandhom jiġu rikonoxxuti u kkunsidrati kif xieraq meta tiġi diskussa l-effiċjenza fl-enerġija fl-UE,
99. Jemmen li l-industrija teħtieġ sinjali ċari mingħand dawk li jfasslu l-politika sabiex isiru l-investimenti meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-UE dwar l-enerġija; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal miri ambizzjużi u għal qafas regolatorju li jippromwovi l-innovazzjoni mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv mhux meħtieġ sabiex tiġi promossa bl-aħjar mod l-effiċjenza fl-enerġija f'kuntest nazzjonali;
100. Jemmen li l-mira tal-effiċjenza fl-enerġija trid timxi id f'id mal-għanijiet dwar l-enerġija u l-klima u għandha ssaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE vis-à-vis s-sħab kummerċjali ewlenin tagħha;
101. Jenfasizza li reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza fl-enerġija, inkluża d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, hija meħtieġa flimkien ma' implimentazzjoni xierqa ta' din il-leġiżlazzjoni mill-Istati Membri, sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-miri nazzjonali u jiġu kkomplementati dawk il-politiki diġà fis-seħħ li joperaw fi ħdan il-qafas dwar il-klima u l-enerġija 2020; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija kif stabbilit fl-Anness għall-Istrateġija Qafas dwar l-Unjoni tal-Enerġija;
102. Jenfasizza r-rwol tat-tikketta tal-enerġija tal-UE sabiex il-konsumaturi jingħataw ir-responsabbiltà u l-informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar l-effiċjenza fl-enerġija ta' prodotti relatati mal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa ta' reviżjoni tat-tikketta tal-enerġija sabiex jiġu ffaċilitati aktar l-għażliet tal-konsumatur fir-rigward tal-enerġija effiċjenti u jingħata inċentiv lill-manifattura ta' prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija;
103. Jenfasizza s-suċċess u l-potenzjal ulterjuri tal-ekodisinn fir-rigward tat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-konsum tal-enerġija tal-prodotti, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u l-konsum tal-enerġija tal-unità domestika u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri ta' implimentazzjoni ulterjuri, filwaqt li tikkunsidra aġenda tal-effiċjenza tar-riżorsi usa', kif ukoll tirrevedi miżuri eżistenti biex tiżgura l-adegwatezza tagħhom;
104. Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali, il-kumpaniji u ċ-ċittadini biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-enerġija billi tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija permezz ta’: l-ippjanar urban aħjar; l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-internet u tal-ICT relatati mal-enerġija; il-varar ta’ grids intelliġenti, il-ġestjoni tal-enerġija min-naħa tad-domanda, il-koġenerazzjoni, l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u l-applikazzjonijiet tal-pompi tat-tisħin; l-awtokonsum; u l-istabbiliment, il-modernizzazzjoni u l-espansjoni tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-inizjattivi bbażati fuq iċ-ċittadini, bħal kooperattivi jew proġetti komunitarji tal-enerġija rinnovabbli, biex tissaħħaħ ir-rabta bejn iċ-ċittadini u l-ESCOs, biex jiġi inkoraġġit l-użu ta' mudelli ta' vvjaġġar aktar attivi u sostenibbli, biex jiġu żviluppati u implimentati s-soluzzjonijiet ta' Bliet Intelliġenti, biex tintuża infrastruttura għad-distribuzzjoni li tilqa' għall-ġejjieni u li tappoġġa l-ekomobbiltà urbana u tippromwovi r-rinnovazzjoni kif ukoll l-iżolament tal-bini, inkluż iżolament omoġenju; jipproponi li s-sħab f'livelli multipli ta' governanza jinġiebu kollha flimkien f'interfaċċja operattiva u li tinvolvi b'mod attiv il-Patt tas-Sindki;
105. Iqis li hija prijorità assoluta li jiġu żviluppati strumenti ta' finanzjament, għodda, u mudelli innovattivi li jimmobilizzaw il-fondi pubbliċi u jisfruttaw il-finanzjament privat fuq livell lokali, nazzjonali, reġjonali u Ewropew biex jiġu appoġġati l-investimenti f'setturi ewlenin tal-effiċjenza fl-enerġija bħar-rinnovazzjoni tal-bini, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ispeċifiċitajiet tal-investimenti fit-tul; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) (imħaddem mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)) u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-banek promozzjonali nazzjonali jiġu involuti bis-sħiħ; jirrikonoxxi li dawn l-istrumenti jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b'assistenza teknika mmirata; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kosteffettività tal-iskemi tal-effiċjenza fl-enerġija f'bini pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis dawn l-elementi kollha meta tiżviluppa l-inizjattiva "Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti";
106. Iqis li l-firxa differenti ta’ fondi Ewropej li jiffinanzjaw it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija għandhom ikunu orjentati aħjar u prijoritizzati mill-ġdid lejn it-titjib li jgawdu minnu konsumaturi vulnerabbli, bi dħul baxx u tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ inċentivi maqsumin bejn is-sid u l-kerrej ta’ bini jew bejn is-sidien;
107. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika, b'konsultazzjoni mas-setturi industrijali xierqa u mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali, l-aħjar prattiki għall-finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija fl-UE kollha u lil hinn minnha u sussegwentement tinkorpora fondi u mekkaniżmi ta' finanzjament innovattiv f'fondi tal-BERŻ, tal-BEI u f'fondi oħra tal-UE;
108. Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ kultura tal-enerġija ġdida huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri sabiex iqajmu kuxjenza fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz ta’ moduli tal-edukazzjoni adattati fl-iskola sabiex tinbena mġiba ġdida ta’ konsumatur fir-rigward tal-enerġija;
Lejn ekonomija sostenibbli
109. Ifakkar li l-ftehim li ntlaħaq mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2014 dwar "Qafas 2030 għall-politiki tal-klima u l-enerġija" jinkludi l-impenn lejn tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra domestiċi tal-anqas b'40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, li huma l-bażi għall-iżvilupp ta' dimensjoni ta' dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija; jinnota li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi wkoll il-kontribut l-aktar ambizzjuż fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima sabiex jintlaħaq ftehim vinkolanti dwar il-klima fil-Konferenza tal-2015 (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li ser issir f’Pariġi f’Diċembru 2015;
110. Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq ftehim komprensiv, ambizzjuż u vinkolanti fil-laqgħa COP21 li jinkludi garanziji sodi biex iż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt iż-2 °C, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, flimkien ma' sistema ta' responsabbiltà u trasparenza globali, robusta u komuni li tinkludi l-monitoraġġ, l-obbligi ta' rappurtar u sistema ta' konformità effettiva u effiċjenti; jemmen li r-reġim tal-klima internazzjonali ta' wara l-2020 għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu ambizzjoni akbar, appoġġ għall-isforzi kosteffettivi ta' mitigazzjoni, kif ukoll jipprovdi opportunitajiet għall-ħarsien tal-integrità ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa għal impenn qawwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dawk li l-aktar iniġġsu; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandha tiżvolġi d-diplomazija tal-UE fir-rigward tal-klima u l-enerġija;
111. Ifakkar li l-limitazzjoni taż-żieda tat-temperatura globali għal medja ta' 2°C ma tiggarantixxix li jiġu evitati impatti klimatiċi negattivi sinifikanti; jenfasizza li l-eliminazzjoni gradwali, sal-2050 jew sa ftit żmien wara, tal-emissjonijiet globali tal-karbonju, hija meħtieġa sabiex id-dinja tinżamm fuq perkors kosteffettiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kompatibbli mal-objettiv ta' "anqas minn 2°C";
112. Jemmen li l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli huwa essenzjali għall-Unjoni tal-Enerġija, meta jitqiesu l-ispejjeż tal-enerġija; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fl-UE fl-ilħuq tas-sigurtà tal-enerġija u l-indipendenza politika u ekonomika billi titnaqqas il-ħtieġa għall-importazzjonijiet tal-enerġija; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-titjib tal-kwalità tal-arja u l-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir; jemmen li s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jwasslu enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u għall-but ta' kulħadd u għandhom rwol importanti fil-kisba tat-tmexxija tal-Ewropa fl-ekonomija ekoloġika u fl-iżvilupp ta' industriji u teknoloġiji ġodda; jissottolinja li, f'dan ir-rigward, id-disinn tas-suq attwali tal-enerġija għandu jkun iżjed dinamiku u flessibbli sabiex is-sorsi ta' enerġija varjabbli jiġu integrati fis-suq; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ispejjeż tal-produzzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli waqgħu b'mod konsiderevoli fis-snin riċenti; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' infrastruttura transfruntiera u tat-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' grids tal-enerġija iżjed intelliġenti u ta' soluzzjonijiet ġodda għall-ħżin tal-enerġija kif ukoll ta' teknoloġiji tal-ġenerazzjoni flessibbli biex jiġu integrati sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
113. Jilqa' l-impenn mill-Kummissjoni li tagħmel l-Unjoni Ewropea "n-numru wieħed fid-dinja għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli"; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija operattiva u li taħdem għal dan il-għan; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu t-trasparenza, il-konsistenza, l-istabbiltà u l-kontinwità tal-oqfsa regolatorji tal-enerġija rinnovabbli u jevitaw tibdil retroattiv fil-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-investimenti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri u jingħata kontribut għall-użu kosteffiċjenti tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjuni kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-iskemi ta' appoġġ f'konformità mal-Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-disinn tal-iskemi ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli sabiex jiġi evitat it-tfixkil potenzjali tas-suq u jiġi ssalvagwardjat l-appoġġ effikaċi għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-kundizzjonijiet tajba tas-suq għall-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija, fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u fl-infrastrutturi intelliġenti huma kruċjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jissottolinja li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti bbażati fuq is-suq għall-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija tal-Ewropa bħala mezz li jiżgura li t-tranżizzjoni tal-enerġija sseħħ bl-iżjed mod kosteffettiv u favur l-ambjent;
114. Jenfasizza li l-UE trid tiżgura kundizzjonijiet ekwi interni fir-rigward tar-reġimi tas-sussidju nazzjonali u tal-għajnuna mill-Istat, li ma jsaħħux b'mod inġust id-dominanza tas-suq ta' ċerti teknoloġiji u operaturi; jilqa' f'dan ir-rigward, fid-dawl tat-trasformazzjoni tas-sistemi ta' enerġija tagħna, ir-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2014 dwar is-sussidji u l-ispejjeż tal-enerġija tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena taġġorna dan ir-rapport, sabiex tidentifika aħjar liema setturi u żoni jeħtieġu fondi addizzjonali, u liema setturi jesperjenzaw tfixkil tas-suq b'riżultat tas-sussidji;
115. Jenfasizza l-bżonn li jintemmu s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent li għandhom jiġu identifikati u eliminati b'mod urġenti, peress li dawn is-sussidji jaħlu l-ammont skars ta' fondi pubbliċi li jintużaw l-ewwel sabiex jappoġġaw prattiki li jniġġsu u wara biex isir it-tindif;
116. Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju toffri opportunitajiet sinifikanti f'termini ta' impjiegi ġodda, innovazzjoni, tkabbir, u kontijiet tal-enerġija kummerċjali u domestiċi iżjed baxxi; jirrikonoxxi, madankollu, li dawn l-opportunitajiet jistgħu jitwettqu biss permezz ta' kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iċ-ċittadini u l-industrija, u dan iwassal għall-iżjed inċentivi u oqfsa regolatorji effikaċi; jinnota li d-dekarbonizzazzjoni mħaddma tajjeb m'għandhiex tirriżulta f'żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, faqar enerġetiku, deindustrijalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea jew żidiet fil-qgħad; jinsisti, għalhekk, dwar l-involviment attiv tas-sħab soċjali fl-indirizzar tal-impatt soċjali tat-tranżizzjoni lejn Unjoni tal-Enerġija sostenibbli; jenfasizza li l-UE teħtieġ politiki għall-UE kollha u fl-istess ħin politiki bbażati fuq is-suq u politiki teknoloġikament newtrali, li jqisu l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha u l-miri rilevanti tal-UE u jwettquhom bl-inqas spejjeż għas-soċjetà;
117. Ifakkar li l-industrija fotovoltajka għandha tkun fil-qalba tal-politika industrijali Ewropea sabiex tilqa' d-domanda ta' suq globali li qed jikber f'kuntest fejn il-maġġoranza taċ-ċelloli u l-moduli fotovoltajċi llum il-ġurnata huma manifatturati barra mill-UE, l-aktar fiċ-Ċina; jenfasizza l-bżonn li l-UE tkun parti sħiħa ta' dan iċ-ċiklu ta' investiment ġdid sabiex iżomm it-tmexxija tagħha fir-R&Ż, fil-makkinarju, f'ċerti taqsimitet oħra bħall-invertituri u l-bilanċ tas-sistemi, u sabiex tistabbilixxi mill-ġdid it-tmexxija fil-produzzjoni tat-tagħmir (ċelloli u moduli); jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi l-mira li tkun f'pożizzjoni li tissodisfa mill-inqas 20 % tas-suq tagħha stess b'ċelloli u moduli manifatturati domestikament sal-2020;
118. Jirrikonoxxi l-benefiċċji ta’ żieda fl-enerġija rinnovabbli fis-suq tat-tisħin, b’mod partikolari fil-bini; jenfasizza ż-żieda fil-flessibbiltà ta’ infrastruttura u tal-ħażna termali fl-iffaċilitar tal-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti billi tinħażen l-enerġija fil-forma ta’ sħana; itenni li s-sigurtà tal-enerġija tista’ tiżdied bl-iżvilupp ta’ netwerks ta’ tisħin/tkessiħ distrettwali li huma mezz ideali ta’ integrazzjoni ta’ tisħin sostenibbli fi bliet fuq skala kbira għaliex jistgħu simultanjament iwasslu t-tisħin miksub minn firxa ta’ sorsi u mhumiex intrinsikament dipendenti fuq sors wieħed partikolari;
119. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jitolbu livelli minimi ta' produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq bini ġdid u rinnovat u li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jibbenefikaw minn proċeduri amministrattivi u ta' konnessjoni tal-grid rapidi, partikolarment billi jiġu infurzati l-Artikoli 13.4 u 13.1.f; tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikolu 7.3 tad-Direttiva 2009/72/KE; jistieden lill-Kummissjon , meta tirrevedi leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti, iżżid in-numru ta' bini mgħammar b'sistemi ta' enerġija rinnovabbli, biex titlob proċeduri amministrattivi b'punt uniku ta' kuntatt għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u proċeduri sempliċi ta' notifika għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli li l-produzzjoni tagħha tkun totalment ibbażata fuq l-awtokonsum, u biex toħloq qafas għal arranġamenti ta' konnessjoni tal-grid innovattivi u għall-kummerċ tas-servizzi tal-grid fil-livell tan-netwerk ta' distribuzzjoni;
120. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija tal-UE għat-tisħin u t-tkessiħ li tidentifika l-azzjonijiet u s-sinerġiji kollha meħtieġa fis-setturi residenzjali, kummerċjali u industrijali biex titnaqqas din id-dipendenza filwaqt li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, tikseb iffrankar enerġetiku, issaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, tistimola t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi u tippromwovi innovazzjoni tas-sistema; jenfasizza li din l-istrateġija għat-tisħin u t-tkessiħ għandha tindirizza l-ħames dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija;
121. Jenfasizza li l-idroenerġija hija sors tal-enerġija importanti, indiġenu, rinnovabbli u sikur, li s-sehem tiegħu jikkontribwixxi għal 11 % tal-produzzjoni totali tal-elettriku fl-Ewropa; jenfasizza li l-idroenerġija għaldaqstant se jibqa’ jkollha rwol importanti fil-ġenerazzjoni u l-ħażna tal-elettriku, u se tagħti kontribut importanti għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq sorsi esterni tal-enerġija;
122. Jitlob attenzjoni speċifika fuq is-sorsi rinnovabbli marittimi, f'konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ekonomija Blu, bħala industrija b'potenzjal kbir iżda li hija inqas stabbilita minn setturi rinnovabbli oħra;
123. Jinnota li l-integrazzjoni ta' sehem akbar ta' bijogass prodott domestikament tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv lejn is-sigurtà tal-enerġija; jissottolinja f'dan il-kuntest il-bżonn li tinżamm infrastruttura tal-gass eżistenti għal dak l-iskop;
124. Jinnota li l-bijomassa mill-forestrija sostenibbli tista' tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet fil-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030;
125. Jinnota li l-politika attwali tal-UE dwar il-bijofjuwils ġiet ikkritikata sew talli ma tikkunsidrax l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra assoċjati mat-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) li jista' jiġi attivat meta produzzjoni agrikola eżistenti tiġi ttrasferita lejn art mhux ikkultivata, kemm ġewwa l-UE kif ukoll barra mill-UE;
126. Jikkunsidra li approċċ sostenibbli biex jintlaħqu l-miri tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE ma għandux ikompli jżid l-użu ta' bijofjuwils imkabbra fuq l-art u li t-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi, it-tnaqqis tad-domanda fit-trasport, it-tnaqqis fit-trobbija intensiva tal-bhejjem, iż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils minn skart u residwi li ma jikkawżawx tibdil addizzjonali fl-użu tal-art huma għażliet aħjar;
127. Jistenna bil-ħerqa u jinsisti fuq l-appoġġ għal proġetti u investimenti li jikkapitalizzaw il-karbonju tal-iskart bħala prodott bażiku għal sustanzi kimiċi b'livell baxx ta' karbonju u l-bijofjuwils avvanzati pereżempju billi jintużaw mikrobi li jiġu mkabbra fuq gassijiet tal-iskart b'livell għoli ta' karbonju u jiġu trasformati fi fjuwils u sustanzi kimiċi li jieħdu post dawk magħmula minn riżorsi fossili (jew bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni), b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet u s-sustanzi niġġiesa minn proċessi industrijali bħall-manifattura tal-azzar;
128. Jenfasizza l-fatt li f'ekonomija ċirkulari vera, l-iskart irid jiġi alimentat lura fl-ekonomija bħala materja prima sabiex jinżamm il-valur miżjud fil-prodott sal-itwal żmien possibbli u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom prijorità ħafna ogħla mill-inċinerazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna Stati Membri diġà għandhom kapaċità żejda fl-impjanti inċeneraturi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ppjanar aħjar u ta' qsim ta' informazzjoni u l-ħtieġa li jiġi evitat effett ta' intrappolament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rabta bejn l-Unjoni tal-Enerġija u l-ekonomija ċirkulari;
129. Ifakkar li l-industrija Ewropea u l-SMEs huma vitali għall-ekonomija Ewropea u jirrikonoxxi li l-kompetittività industrijali tal-Ewropa u l-SMEs jibbenefikaw b'mod sinifikanti minn spejjeż tal-enerġija iżjed baxxi;
130. Jissottolinja li l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni għal proċessi industrijali iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija tal-UE; jinnota l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tat-tisħin rinnovabbli li tista' tnaqqas l-importazzjonijiet, tnaqqas l-ispejjeż u ssaħħaħ il-prestazzjoni tas-sistema, fil-kuntest li fih tindirizza d-domanda għat-tisħin b'temperatura għolja fis-setturi industrijali; jenfasizza li l-isfida sinifikanti tar-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-Ewropa toħloq suq għal materjali, apparat u tagħmir tal-bini ta' prestazzjoni għolja u għalhekk tiġi provduta opportunità sinifikanti għall-manifatturi u l-installaturi Ewropej fis-settur tal-bini biex ikunu innovattivi u joħolqu impjiegi li ma jistgħux jiġu rilokati;
131. Jinnota li l-mezz li bih jinkisbu l-miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 għandu jiġi integrat fil-politika industrijali tal-Istati Membri billi titqies il-ħtieġa għar-riindustrijalizzazzjoni; huwa tal-fehma li l-qafas regolatorju tal-UE u l-objettivi tal-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għandhom ikunu konsistenti u jwasslu għal approċċ iżjed flessibbli u orjentat lejn is-suq fid-dawl tal-fatt li tiġi żgurata Unjoni tal-Enerġija reżiljenti, li jiġu inkorporati l-miri politiċi dwar il-klima għall-2030 u l-objettivi tar-riindustrijalizzazzjoni sabiex jikkomplementaw il-politika industrijali tal-Istati Membri;
132. Jenfasizza li l-użu effettiv ta’ riċerka u innovazzjonijiet teknoloġiċi jħeġġeġ it-tmexxija tal-industrija Ewropea u jsaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv u l-vijabbiltà kummerċjali tan-negozju u l-industrija Ewropeja, joħloq l-impjiegi filwaqt li jsir kontribut ewlieni għall-għanijiet tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE, inklużi: it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija; is-sigurtà tal-provvista; il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni tal-enerġija, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-konsum; il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku; il-miri tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, ir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija; u li jsir l-aħjar użu tas-sorsi tal-enerġija tal-Ewropa;
133. Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-kompetittività tal-industriji intensivi fl-enerġija u tiżgura l-ippjanar fit-tul tas-sigurtà għal investimenti industrijali li għandhom jirriflettu l-aspirazzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-kontribuzzjoni tal-industrija għall-PDG sa 20 % sal-2020;
134. Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) bħala għodda kosteffettiva u bbażata fuq is-suq biex is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa tiġi dekarbonizzata u biex jinkiseb l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030 u lil hinn; jenfasizza li minbarra li r-Riżerva ta' Stabbiltà tas-Suq (MSR), għandha tiġi implimentata riforma strutturali tal-ETS wara l-2020, sabiex jittieħed kont tal-mira ta' tnaqqis ta' CO2 għall-2030 kif ukoll, sakemm ma jsirux sforzi komparabbli f'ekonomiji kbar oħra, għandhom inkunu inklużi miżuri tanġibbli u aktar armonizzati fil-livell tal-UE dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;
135. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina l-kwistjoni tal-ispejjeż indiretti ta' karbonju u l-impatt tagħhom fuq (u s-sehem tagħhom fi) prezzijiet tal-elettriku fl-Istati Membri;
136. Jenfasizza li l-introjtu tal-ETS għandu jiġi utilizzat b'mod partikolari biex jappoġġa l-innovazzjoni b'livell baxx ta' karbonju, l-effiċjenza fl-enerġija u miżuri oħrajn ta' tnaqqis ta' CO2;
137. Jirrikonoxxi li l-enerġija tal-Ewropa u t-teknoloġiji effiċjenti bħall-koġenerazzjoni jagħtu kontribut fundamentali għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u l-kisba tal-miri dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni tal-Enerġija trid tirrifletti d-dritt li l-Istati Membri jużaw kwalunkwe sors tal-enerġija sikur u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju għad-dispożizzjoni tagħhom;
138. Filwaqt li jirrikonoxxi li t-taħlita tal-enerġija hija primarjament il-kompetenza ta' Stat Membru, jirrikonoxxi t-tħassib pubbliku dwar il-fratturazzjoni idrawlika u l-konsegwenzi li din it-teknoloġija tista' tħalli fuq il-klima, l-ambjent u s-saħħa pubblika u l-kisba tal-għan fit-tul tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni; barra minn hekk, jirrikonoxxi li l-potenzjal limitat tal-fjuwils mhux konvenzjonali li jgħinu sabiex tiġi ssodisfata d-domanda futura għall-enerġija tal-UE, flimkien ma' spejjeż għolja tal-investiment u l-isfruttament u l-prezzijiet globali taż-żejt attwalment baxxi, ifisser li hemm dubju jekk il-fratturazzjoni idrawlika tistax tkun teknoloġija vijabbli fl-Unjoni Ewropea; jemmen li t-tħassib pubbliku għandu jiġi indirizzat kif xieraq u kwalunkwe attività tal-fratturazzjoni idrawlika għandha tikkonforma mal-ogħla standards tal-klima, l-ambjent u s-saħħa pubblika; jitlob lil dawk l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jwettqu l-fratturazzjoni idrawlika biex jirrispettaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar il-prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta' fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli;
139. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isegwu b’mod attiv id-dekummissjonar ta’ impjanti tal-enerġija li m’għadhomx jintużaw, li jniġġsu l-aktar jew li mhumiex sikuri, kif ukoll jimmiraw li jnaqqsu l-kapaċità żejda attwali tas-suq;
140. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-varar tas-CCS; jemmen li s-CCS għandha tgħin t-tranżizzjoni lejn suq tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju, u li s-CCS jista' jkollha rwol importanti fir-rikonċiljazzjoni tal-miri diverġenti tal-Unjoni tal-Enerġija għal provvista tal-enerġija diversifikata u sikura li fl-istess ħin tikseb it-tnaqqis neċessarju fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sabiex jintlqaħqu l-miri tal-UE għall-Pjan Direzzjonali għall-2050;
141. Jemmen li se jkun meħtieġ li t-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni bħall-Qbid u l-Ħżin ta' Karbonju (CCS) kif ukoll il-Qbid u l-Użu ta' Karbonju (CCU) jiġu żviluppati u jittejbu ulterjorment permezz ta' sforzi konsiderevoli ta' riċerka u innovazzjoni, biex jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji jkunu disponibbli biex inaqqsu, jew saħansitra jeliminaw, l-impronta ambjentali tal-fjuwils fossili li fil-preżent għadhom jikkostitwixxu aktar minn 40 % tal-produzzjoni ta' enerġija tal-UE u li aktarx se jkunu sors ta' enerġija importanti fil-futur;
142. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-Fond ta' Innovazzjoni NER400, li għandu jappoġġa proġetti ta' dimostrazzjoni ta' livell baxx ta' karbonju, filwaqt li tibni fuq il-programm NER300 għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu ta' karbonju u s-sorsi rinnovabbli iżda testendi l-ambitu tiegħu għall-innovazzjoni ta' livelli baxxi ta' karbonju fis-setturi industrijali;
143. Jinnota li l-enerġija nukleari provdiet 27 % tat-taħlita tal-elettriku tal-UE u aktar minn nofs l-enerġija tal-UE għal livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju fl-2014, li 130 minn 132 impjant nukleari tal-UE huma mistennija li jiġu magħluqa sal-2050, u li dan iħalli lakuna kbira fil-qawwa ta’ tagħbija b'karga bażika b'emissjonijiet baxxi fit-taħlita tal-elettriku tal-UE; jirrikonoxxi li filwaqt li xi Stati Membri għażlu li ma jużawx l-enerġija nukleari, oħrajn qed jistennew li jiġu żviluppati proġetti ġodda tal-enerġija nukleari nazzjonali tagħhom sabiex jilħqu l-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-UE tipprovdi qafas li jippermetti lil dawk l-Istati Membri li jixtiequ jwettqu proġetti ġodda tal-enerġija nukleari biex jagħmlu dan fi ħdan ir-regoli tal-UE fil-qasam tas-suq intern u tal-kompetizzjoni;
144. Jinnota li l-enerġija nukleari hija wieħed mill-akbar kontributi importanti tas-sistema tal-enerġija Ewropea, li tipprovdi emissjonijiet aktar baxxi ta' CO2 filwaqt li fl-istess ħin tillimita d-dipendenza fuq l-importazzjoni, tiżgura produzzjoni stabbli tal-elettriku li tista' taqdi s-suq intern u tipprovdi bażi stabbli għal sistema tal-enerġija fejn is-sorsi rinnovabbli jistgħu jiġu introdotti bil-mod;
145. Jistieden lill-Istati Membri li qed jeliminaw b'mod gradwali l-enerġija nukleari biex jiżguraw li tiġi sostitwita bi produzzjoni tal-enerġija li tista' tikkontribwixxi b'mod xieraq għall-provvista tal-enerġija u biex tistabbilizza s-sistema komuni għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni;
146. Jemmen li filwaqt li huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom u filwaqt li hija deċiżjoni sovrana ta' kull Stat Membru dwar kif jiddekarbonizza l-ekonomija tiegħu, il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE ta' politiki u żvilupp teknoloġiku hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa u tal-Istati Membri dwar il-klima u l-enerġija; jirrikonoxxi li, f'xi oqsma, il-politiki fil-livell tal-UE huma l-aktar effikaċi, u li f'oqsma oħrajn il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri huma kruċjali; jirrikonoxxi li huwa meħtieġ proċess ta' governanza b'saħħtu u affidabbli biex jiggarantixxi din il-koordinazzjoni;
147. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-istabbiliment ta' Fond ta' Modernizzazzjoni, li għandu jkollu kriterji stretti u gwida biex ikun żgurat li l-finanzjament ikun immirat lejn proġetti ġenwini ta' modernizzazzjoni tal-enerġija, li jintgħażlu abbażi ta' approċċ teknoloġikament newtrali u abbażi ta' jekk jistax jintwera li huma konsistenti mal-ilħuq tal-objettivi tal-UE għall-2030 dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;
148. Jenfasizza li l-BEI għandu jkun involut fl-istabbiliment tal-kriterji u l-gwida għall-Fond ta' Modernizzazzjoni msemmija qabel;
149. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-iżvilupp tal-Unjoni tal-Enerġija jiżgura l-ħarsien ambjentali u tal-klima, it-titjib fil-kwalità tal-arja, it-tnaqqis fuq id-dipendenza esterna tal-enerġija, il-bijodiversità, l-impjieg u l-kompetittività tal-industrija Ewropea abbażi tal-innovazzjoni u t-tmexxija fit-teknoloġija;
150. Jenfasizza li l-enerġija għandha ssir affordabbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; iqis li jekk jiġi evitat il-konsum żejjed billi jitwettaq titjib fl-effiċjenza, f'interkonnessjonijiet aktar b'saħħithom, f'aktar integrazzjoni tas-suq u investiment fl-enerġija sostenibbli, b'mod partikolari fil-bini, ħafna djar se jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal kundizzjonijiet ekwi tas-suq tal-enerġija individwali, sostenibbli, kompetittiv u sikur u jevitaw il-faqar enerġetiku li fl-2012 affettwa ċittadin tal-UE minn kull erbgħa; jistieden lill-Kummissjoni tressaq komunikazzjoni dwar il-faqar enerġetiku fl-Ewropa, flimkien ma' pjan ta' azzjoni għall-ġlieda tiegħu, li jkun fiha definizzjoni u indikaturi tal-faqar enerġetiku;
Mixja lejn settur tat-trasport effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat
151. Jistma li t-trasport jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa u li 94 % tat-trasport jiddependi fuq il-prodotti taż-żejt; jikkunsidra, għalhekk, li sistema ta' enerġija aktar nadifa b'konnessjoni ċara mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport għandha tkun fil-qalba ta' strateġija qafas għal unjoni tal-enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem; jenfasizza li l-ġabra flimkien ta' miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli kif ukoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija innovattivi hija ta' importanza kruċjali għall-isforzi sabiex tinkiseb taħlita ta' enerġija ambjentalment sostenibbli għas-sistemi ta' trasport Ewropej; jikkunsidra li għandu jiġi mħeġġeġ l-użu ta' sorsi ta' enerġija sostenibbli varjati, inkluż il-gass naturali likwifikat għall-vetturi tqal tat-tagħbija u fis-settur marittimu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti għall-eliminazzjoni, fejn xieraq, tas-sussidji tat-taxxa li jagħmlu ħsara lill-ambjent; jinkoraġġixxi l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni mmirati lejn is-sejba ta' soluzzjonijiet ta' mobilità teknoloġika aħjar u wkoll fil-qasam tal-appoġġ ta' teknoloġiji u politiki;
152. Jinnota li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport timplika l-integrazzjoni ta' miżuri fost l-oqsma tal-politika fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, il-kummerċ, u r-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' approċċi koerenti bejn il-fruntieri għall-prevenzjoni tal-frammentazzjoni nazzjonali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards u rekwiżiti ta' interoperabbiltà li jippermettu lin-negozji Ewropej jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq;
153. Jinnota li standards imtejba tal-prestazzjoni tal-vetturi u l-effiċjenza tal-fjuwil huma kruċjali kemm għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt kif ukoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, u għalhekk jistieden lill-industrija, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu u jħaffu l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam, billi jiżguraw li, fid-dawl tal-iskandli reċenti, l-ittestjar tal-emissjonijiet mhux biss għandu jkun preċiż, iżda wkoll jirrifletti kundizzjonijiet reali tas-sewqan jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istandards ta' emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet għall-perjodu wara l-2020; jinnota, madankollu, li s-soluzzjoni fit-tul biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport u jiġi żgurat it-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tinsab fil-fjuwils alternattivi u fl-elettrifikazzjoni permezz tal-elettriku rinnovabbli u fil-promozzjoni ta' modi ta' trasport aktar sostenibbli;
154. Jappoġġa pakkett komprensiv dwar it-trasport bit-triq li jippromwovi prezzijiet aktar effiċjenti tal-infrastruttura u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ trasport intelliġenti interoperabbli; jenfasizza li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tista’ tittejjeb permezz ta’ appoġġ għad-diġitalizzazzjoni u l-użu ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport u billi jiġu żviluppati servizzi tat-trasport innovattivi; jitlob riċerka u strateġija tal-innovazzjoni għas-settur tat-trasport li jħarsu 'l quddiem ; jappoġġa l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' mobilità urbani u rurali sostenibbli biex jitnaqqsu t-tniġġis tat-traffiku, il-konġestjoni, l-istorbju u l-inċidenti fit-toroq; jemmen li pjanijiet bħal dawn għandhom jimmiraw li jeqirdu l-inugwaljanzi f'termini ta' utenti b'diżabilità u spejjeż;
155. Jilqa' t-trasferiment lejn modi ta' trasport u rotot ta' trasport l-aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħall-ferrovija, it-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu billi jagħmluhom aktar kompetittivi u effiċjenti f'termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-intermodalità;
156. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija komprensiva dwar it-trasport bit-triq, bħala parti mid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, u sabiex tappoġġa ż-żieda fl-isforzi lejn l-iżvilupp u l-varar tal-elettromobbiltà għat-trasport bit-triq;
157. Jirrimarka li l-varar tal-vetturi elettriċi se jimponi piż tqil f'termini ta' ġenerazzjoni tal-elettriku, u jitlob li jsiru valutazzjonijiet sabiex jiġi determinat kemm se tkun tista' twassal il-kapaċità ta' ġenerazzjoni eżistenti;
158. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-iskema tat-tikkettar dwar il-konsum tal-fjuwil u CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jiġu pprovduti b'informazzjoni aktar preċiża, rilevanti u komparabbli dwar l-emissjonijiet ta' CO2, u l-konsum tal-fjuwil sabiex l-għażla tal-konsumatur tiġi ggwidata lejn l-aktar karozzi effiċjenti fl-enerġija, u dan jinċentiva lill-manifatturi biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija tal-vetturi tagħhom u jżidu s-sigurtà tal-enerġija;
159. Jinsisti mal-Kummissjoni biex tħaffef l-introduzzjoni ta' ċiklu ta' ttestjar rivedut, biex jiġi żgurat li l-emissjonijiet ta' CO2 u emissjonijiet niġġiesa oħrajn minn vetturi jirriflettu l-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet veri ta' sewqan;
160. Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati fil-ferrovija innovattiva billi tressaq l-inizjattiva Shift2Rail li jista' jkollha rwol ewlieni fit-trasport pubbliku nadif;
161. Ifakkar li t-trasport marittimu internazzjonali għadu qed jitħalla barra minn impenji vinkolanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra u li madankollu, f'termini ta' traffiku, għaddej minn rata għolja ta' tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar miri għat-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra għat-tbaħħir internazzjonali, sakemm ma jkunx hemm qbil dwar miżuri vinkolanti fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) sal-aħħar tal-2016;
162. Jenfasizza l-bżonn ta' aktar koordinazzjoni tal-istrateġiji ta' dekarbonizzazzjoni tat-trasport, tat-tisħin u tat-tkessiħ; jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjanijiet olistiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport u mis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ billi jiġu kkunsidrati, fost oħrajn, li, meta tkun disponibbli b'mod abbundanti, l-enerġija nadifa u rħisa prodotta minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli varjabbli tista' tintuża sabiex jiġu ċċarġjati vetturi elettriċi u jitħaddmu elettrodomestiċi tat-tisħin u t-tkessiħ;
163. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi prijoritizzat l-appoġġ tal-FEIS għall-proġetti ta' trasport li jippermettu t-tranżizzjoni teknoloġika lejn sistema ta' trasport nadifa u sostenibbli; jenfasizza li strumenti oħra ta' appoġġ finanzjarju disponibbli fil-livell tal-UE għandhom jipprijoritizzaw l-investiment fl-infrastruttura għall-intermodalità, il-ferrovija, it-tbaħħir marittimu u l-passaġġi fuq l-ilma interni;
164. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi fix-xogħol tagħha dwar l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta' ċertifikazzjoni għal turiżmu sostenibbli, kriterju relatat mal-użu tal-enerġija rinnovabbli u ieħor relatat mat-tnaqqis tal-emissjonjiet tas-CO2, skont il-miri tal-UE;
Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività
165. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ta' riċerka tagħha rigward l-użu aħjar tar-riżorsi tal-Ewropa, u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tagħhom bil-ħsieb li tiżgura tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività industrijali u b'mod partikolari l-miri fit-tul tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;
166. Jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-għażliet ta' finanzjament kollha tal-UE biex jagħtu spinta lit-teknoloġiji tal-enerġija sikuri u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, l-effiċjenza fl-enerġija, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-grids intelliġenti, il-produzzjoni deċentralizzata, il-ġenerazzjoni flessibbli, il-ħżin tal-elettriku u l-elettrifikazzjoni tas-sistema tat-trasport għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ta' riċerka tagħha u l-firxa ta' dawn it-teknoloġiji biex tilħaq l-objettivi tagħha għall-2020, l-2030 u iżjed fit-tul u ttejjeb is-sigurtà tal-enerġija tagħha u tiffaċilita l-irkupru ekonomiku; jistenna li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programm ta' riċerka ta' Orizzont 2020 jirrifletti dawn il-prijoritajiet; ifakkar li l-Isfida tal-Enerġija ta' Orizzont 2020 hija ddisinjata biex tappoġġa t-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija affidabbli, sostenibbli u kompetittiva li għandha l-prijoritajiet prinċipali tagħha elenkati taħt l-intestaturi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, Teknoloġiji b'Emissjonijiet Baxxi ta' Karbonju u Bliet u Komunitajiet Intelliġenti; ifakkar li mill-inqas 85 % tal-isfida tal-enerġija fil-baġit ta' Orizzont 2020 għandu jintefaq f'oqsma tal-fjuwils mhux fossili, li minnhom 15 % tal-baġit globali għall-isfida tal-enerġija għandu jintefaq fuq attivitajiet ta' adozzjoni fis-suq ta' teknoloġiji rinnovabbli u ta' effiċjenza fl-enerġija;
167. Jemmen li sforzi akbar fl-iżvilupp ta' tali teknoloġiji jistgħu jġibu benefiċċji sinifikanti għal żmien twil f'termini ta' dekarbonizzazzjoni kosteffettiva, ta' tnaqqis fl-ispejjeż tal-ġenerazzjoni u ta' tnaqqis tad-domanda għall-enerġija biex b'hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija;
168. Jinnota t-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija fis-setturi ewlenin bħat-turbini eoliċi, il-kejbils tal-elettriku, l-iżvilupp u s-servizzi tal-grid, is-sistemi ta' trasport urban; jiddispjaċih li din it-tmexxija tinsab taħt pressjoni u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti sabiex iżżomm din it-tmexxija;
169. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattiva dwar it-tmexxija tat-teknoloġija u l-innovazzjoni globali tal-UE fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u b'livelli baxxi ta' karbonju, inklużi l-enerġija mill-mewġ, teknoloġiji solari galleġġanti u bijofjuwils prodotti mill-alka, u biex tingħata spinta lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni pubbliċi u privati f'dawn l-oqsma;
170. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfittxu interazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-programmi ta' riċerka nazzjonali u Ewropej, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport, tal-ICT u l-kostruzzjoni, sabiex jiżguraw li tingħata prijorità għall-isfidi komuni bħaż-żieda tal-effiċjenza fl-enerġija billi ma jsirx iffukar biss fuq is-settur tat-tisħin, iżda wkoll fuq dak tat-tkessiħ, billi jiġu promossi enerġiji rinnovabbli fuq skala żgħira, jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll tiżdied is-sigurtà tal-enerġija, jiġu żviluppati sorsi ġodda ta' enerġija rinnovabbli, u jiġi mmassimizzat l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda mis-suq;
171. Jenfasizza l-valur miżjud tal-integrazzjoni tal-ICT fis-sistema enerġetika, u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards komuni għall-grids intelliġenti fil-livell tas-sistemi ta' trażmissjoni li jiżguraw provvista stabbli u fluss ħieles tal-enerġija bejn il-fruntieri u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija, u, fil-livell tas-sistemi ta' distribuzzjoni, biex jiżguraw sigurtà tal-provvista għall-komunitajiet lokali, il-bliet u r-reġjuni; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol li l-iżvilupp ta' grids tal-enerġija aktar intelliġenti u faċilitajiet ta' ħżin tal-enerġija ġodda jista’ jkollu fiż-żieda tal-livell tar-riżorsi rinnovabbli tal-enerġija;
172. Jagħraf li l-miters intelliġenti jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti lis-servizzi tal-grids tad-distribuzzjoni; jenfasizza li l-konsumaturi għandhom jibqgħu s-sidien finali tad-data tagħhom u li d-data trażmessa lil DSOs u operaturi oħra tas-suq għandha tkun anonima sabiex jiġi rispettat kompletament id-dritt għall-privatezza;
173. Jemmen li żvilupp ulterjuri ta' suq intern tal-enerġija huwa konness b'mod intrinsiku mas-Suq Uniku Diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-konnessjoni bejn l-Unjoni tal-Enerġija u s-Suq Uniku Diġitali billi timmassimizza l-aċċess tal-konsumatur għas-servizzi tal-enerġija permezz ta' pjattaformi diġitali u permezz tal-iżvilupp ta' suq intern tal-enerġija li huwa aktar kompetittiv, trasparenti u integrat fl-ekonomija diġitali;
174. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sigurtà tal-IT u l-ħarsien tal-infrastrutturi tal-enerġija kritiċi li jipprovdu servizzi kruċjali għall-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi fil-produzzjoni industrijali u tar-rwol li dejjem qiegħed jikber tal-ICT fis-settur tal-enerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni fil-ħin tad-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà sabiex jinżammu livelli għolja ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informatika tal-infrastrutturi kritiċi;
175. Jissottolinja li għandha tkun prijorità għall-Istati Membri li, fil-qafas ta' Orizzont 2020, inaqqsu l-ispejjeż ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli, sikuri u anqas maturi, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu għat-tnaqqis globali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-kisba tal-miri tal-UE għall-2030; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jipprovdu qafas legali u strateġiku ċar kif ukoll opportunitajiet ta' finanzjament għall-inizjattivi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-proġetti ta' implimentazzjoni li jgħinu lill-Unjoni Ewropea tikseb l-għanijiet tagħha għall-klima, l-enerġija u l-ambjent, u biex tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika; jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' Pjan-SET rivedut; jenfasizza li l-R&Ż u l-innovazzjoni għandhom jiffukaw fuq integrazzjoni tas-sistema tas-soluzzjonijiet differenti disponibbli jew li qed jiġu żviluppati aktar milli fuq setturi u teknoloġiji individwali separati minn xulxin;
176. Jirrikonoxxi li l-progress f'innovazzjonijiet favur l-ambjent u kosteffettivi u fir-R&Ż huwa kruċjali wkoll għall-kompetittività futura tal-UE, inkluża l-industrija tal-Ewropa;
177. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi mmappjar espliċitu tal-istrumenti differenti ta' finanzjament, bħall-programm InvestEU, Nikkollegaw l-Ewropa, (PCIs), fondi ta' R&Ż, fondi strutturali u ta' investiment, strumenti ta' finanzjament ta' grids intelliġenti (ERA-Net Plus), il-programm Orizzont 2020 (H2020), il-BEI, il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Enerġija (CEF-E), NER 300, il-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (RFCS) u Eurogia+, u tiċċara r-regoli ta' eliġibbiltà għal kull wieħed minn dawn il-programmi;
It-twettiq tal-Unjoni tal-Enerġija: iċ-ċittadini u l-bliet
178. Ifakkar l-impenn minn 6 000 belt Ewropea li jkunu mexxejja fit-tranżizzjoni tal-enerġija partikolarment permezz tal-Patt tas-Sindki; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmobilizza bis-sħiħ dan in-netwerk kif ukoll inizjattivi oħra bħal 'Smart Cities and Communities', u 'Energy Cities' u tagħtihom ir-riżorsi finanzjari u umani sabiex jiżviluppaw aktar; iqis li l-partijiet tal-Patt tas-Sindki għandhom jingħataw aċċess ta' prijorità għall-fondi Ewropej;
179. Jenfasizza li l-istrateġiji attivi ta' edukazzjoni/taħriġ u ħiliet huma fundamentali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-programmi mmirati ta' taħriġ u edukazzjoni taċ-ċittadini u sabiex iħeġġu l-edukazzjoni lokali mmexxija mill-komunità sabiex tnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiġi prodotta enerġija rinnovabbli; jenfasizza li s-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija jeħtieġ, min-naħa l-waħda, aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali kif ukoll edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja, bħala mezz essenzjali ta' reazzjoni għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u l-ambizzjonijiet taċ-ċittadini, u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; ifakkar li l-programmi ta' taħriġ u titjib tal-ħiliet li jippermettu lill-ħaddiema jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol sostenibbli u lokali tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli huma indispensabbli;
o o o
180. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020 (2015/2108(INI))
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020" (COM(2015)0082),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Marzu 2002,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta' Marzu 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ottubru 2014,
– wara li kkunsidra l-"Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk għal Għaxar Snin 2014" tal-ENTSO-E,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Madrid tas-Summit fuq l-Interkonnessjonijiet tal-Enerġija bejn Spanja, Franza, il-Portugall, il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI tal-4 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) (ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0330/2015),
Il-benefiċċji tal-interkonnessjoni
1. Jilqa' l-komunikazzjoni u l-istrateġija tal-Kummissjoni bħala pass pożittiv biex tintlaħaq il-mira ta' 10 % ta' interkonnessjoni tal-elettriku u jitjieb il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku fl-UE;
2. Jirrikonoxxi li l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u taħlita sostenibbli ta' enerġija li jwasslu għall-iffrankar tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li jippermetti fluss liberu tal-enerġija huma mezz importanti għal sistema tal-enerġija stabbli, sigura, indipendenti, inklussiva, trasparenti u kompetittiva għall-UE, li jiġġenera impjiegi ta' kwalità u ġid fi ħdan ekonomija sostenibbli orjentata lejn il-futur; jissottolinja l-fatt li grad ogħla ta' interkonnettività tal-elettriku, grilji intelliġenti u disinn ġdid għas-suq huma meħtieġa għall-iżvilupp ta' sistema bħal din; jemmen li l-ħolqien ta' sistema bħal din u t-tmiem tal-gżejjer tal-enerġija għandhom ikunu prijorità politika ewlenija għall-Unjoni tal-Enerġija;
3. Jirrikonoxxi li interkonnessjoni tal-elettriku hija waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin għat-tlestija tas-suq intern tal-elettriku integrat, li, jekk tkun iddisinjata tajjeb, se tgħin biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tagħna, inkluż l-għan tal-UE li tkun il-mexxej fl-enerġija rinnovabbli, u ttejjeb il-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE permezz ta' aktar sigurtà u indipendenza tal-enerġija, kif ukoll tnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija u l-possibbiltà ta' perturbazzjonijiet fis-sistema tal-enerġija; jenfasizza li l-interkonnetturi tal-elettriku jeħtieġ li jiġu wkoll indirizzati, ippjanati u mibnija permezz ta' kooperazzjoni reġjonali koordinata u b'saħħitha li tirrispetta l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali biex tiġi ddeterminata t-taħlita tal-enerġija filwaqt li jiġu rrispettati l-għanijiet fit-tul tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;
4. Jissottolinja l-fatt li l-benefiċċji ta' żieda sostanzjali fl-interkonnettività tan-netwerk Ewropew jmorru lil hinn mid-dimensjonijiet ekonomiċi u ġeopolitiċi; dan huwa prinċipju strateġiku li għandu jwassal għal netwerk aktar reżiljenti u robust, imħejji aħjar biex jindirizza kull tip ta' alterazzjoni u interruzzjoni; u jippermetti s-sehem dejjem jikber tal-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli biex jitħallat b'mod effiċjenti man-netwerk Ewropew;
5. Ifakkar li peress li l-ICT għandhom rwol li dejjem qiegħed jikber fin-netwerks tal-elettriku, is-sigurtà tas-sistema tal-elettriku hija aktar vulnerabbli fir-rigward tat-theddid ċibernetiku; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa r-riskji tas-sigurtà tas-sistema tal-elettriku u, jekk meħtieġ, tifformula pjan biex dawn jiġu miġġielda;
6. Jenfasizza li suq intern tal-elettriku kompletament integrat jiffaċilita l-kummerċ tal-elettriku u s-servizzi ta' bbilanċjar, u jżid is-sigurtà u jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-elettriku għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-kompetittività tal-industrija u tal-kummerċ tal-Ewropa f'ekonomija globali, peress li huwa stmat li EUR 12-40 biljun jistgħu jiġu ffrankati kull sena sal-2030 minn konsumaturi Ewropej;
7. Jinnota li, skont in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), investimenti fil-proġetti meħtieġa ta' interkonnessjoni ta' sinifikat pan-Ewropew jistgħu jistgħu jilħqu sa EUR 150 biljun sal-2030, u jinnota b'interess li, permezz ta' investiment bħal dan fl-interkonnettività, il-prezzijiet tal-elettriku jistgħu jitnaqqsu b'minimu ta' EUR 2 /MWh, u li dawn l-investimenti jippermettu lill-Ewropa tkopri sehem kbir tal-karga elettrika tagħha minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; ifakkar li s-suq intern tal-elettriku għandu jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi kollha tal-UE; jitlob li l-istituzzjonijiet rilevanti jimmonitorjaw li l-unitajiet domestiċi, l-SMEs u konsumaturi bl-imnut oħra jiksbu benefiċċju reali, li m'għandux jibqa' limitat għal prezzijiet bl-ingrossa biss;
8. Jenfasizza li t-tneħħija gradwali tal-prezzijiet tal-enerġija regolati għall-konsumaturi għandha tikkunsidra l-livell reali tal-kompetizzjoni fis-suq; jinnota, barra minn hekk, li l-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija għandha tassigura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prezzijiet tal-enerġija affordabbli, siguri u sostenibbli;
Il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika
9. Jirrikonoxxi l-mira ta' 10 % — li trid tintlaħaq sal-2020 — bħala mira ta' valur u pass importanti fid-direzzjoni t-tajba; jiddispjaċih li tnax-il Stat Membru, prinċipalment fil-periferija tal-UE, għadhom taħt il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku u għalhekk jinsabu fil-biċċa l-kbira tagħhom iżolati mis-suq intern tal-elettriku; jenfasizza, għalhekk, li għandu jsir iżjed biex jiġu mgħejjuna dawk l-Istati Membri li l-livell baxx ta' konnettività tagħhom ifixkel it-tlestija tas-suq intern tal-elettriku, biex tintlaħaq il-mira; jikkunsidra, madankollu, li, waħedha, il-mira ta' 10 % mhux dejjem tirrifletti s-sitwazzjoni tas-suq u ma ġietx stabbilita fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika; ifakkar li l-mira ta' 10 % ġiet stabbilita l-ewwel fl-2002 fuq il-bażi ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku installata li kienet teżisti dak iż-żmien; jirrikonoxxi li, għalkemm il-mira ta' 10 % hija importanti, la tiddeskrivi l-kwantità tal-elettriku li għaddej bejn il-pajjiżi u lanqas il-kwalità, bħal dak li għandu x'jaqsam mad-disponibbiltà tal-interkonnessjoni eżistenti tal-infrastruttura jew tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti bejn l-interkonnetturi; jemmen, għalhekk, li mira unika għall-interkonnessjoni bbażata fuq il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku installata, fiha nnifisha, mhix xierqa għall-Istati Membri kollha; huwa għalhekk konvint li hemm il-ħtieġa fuq terminu medju, u ċertament fl-orizzont 2030, li jkun hemm qbil dwar miri għall-interkonnessjoni komplementari, ambizzjużi u bbażati fuq l-evidenza, maqbula bejn ir-reġjuni; iqis li miri bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' varjetà ta' parametri; jitlob lill-Kummissjoni tniedi, mill-aktar fis possibbli, id-diskussjoni teknika dwar it-tali parametri; jenfasizza li, flimkien mal-mira kwantitattiva, aċċess miftuħ u d-disponibbiltà tal-interkonnetturi huma wkoll imperattivi biex jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-funzjonament tas-suq Ewropew tal-elettriku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u lir-regolaturi nazzjonali biex jiżguraw it-trasparenza u l-monitoraġġ mill-qrib tal-aċċessibbiltà tal-interkonnetturi b'tali mod li jiġu evitati l-punti ta' konġestjoni li jfixklu l-funzjonament tas-suq tal-elettriku biex tiġi żgurata operazzjoni sigura tas-sistemi tal-elettriku;
10. Josserva li l-kapaċità limitata tat-trażmissjoni, pereżempju, fiż-żona tal-operazzjoni tan-Nord Pool Spot tagħti lok għal differenzi fil-prezzijiet reġjonali, minkejja l-fatt li l-mira tal-interkonnessjoni bejn il-pajjiżi tinqabeż b'marġni sinifikanti;
Approċċ olistiku
11. Jinnota li l-konġestjoni frekwenti tan-netwerks ta' trażmissjoni jistgħu jkunu marbuta ma' linji transfruntiera, iżda jista' jkunu r-riżultat ta' grilji interni dgħajfa, skaduti u disponibbiltà limitata fin-netwerks nazzjonali; jenfasizza li t-tisħiħ tal-grilji nazzjonali huwa essenzjali jekk l-interkonnessjonijiet se jintużaw f'kapaċità sħiħa; jinsisti li għandu jittieħed approċċ olistiku meta tiġi vvalutata l-ħtieġa għal tisħiħ jew estensjoni tal-konnessjonijiet transfruntiera u nazzjonali, bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli ta' linji ta' interkonnessjoni eżistenti u l-kapaċità ta' infrastruttura nazzjonali eżistenti;
12. Jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni taħt it-tielet pakkett dwar l-enerġija bħala gwardjan ta' suq tal-elettriku disassoċjat u aċċessibbli u faċilitatur ta' sistema tal-enerġija deċentralizzata, li fih l-Istati Membri għandhom jippermettu lil fornituri iżgħar, b'mod partikolari prosumaturi li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli biex ikollhom aċċess għall-grilja skont ir-regoli ġusti tas-suq u skont l-aħjar prattika għall-awtokonsum;
13. Jinnota li x-xenarju tal-enerġija tagħna qed isir iżjed deċentralizzat minħabba l-importanza dejjem tikber tal-prosumaturi tal-enerġija; jinnota, għalhekk, l-importanza ta' grilja intelliġenti ddisinjata tajjeb għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni; jenfasizza r-rwol dejjem jikber u kruċjali tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (DSOs) bħala faċilitaturi tas-suq, peress li l-maġġoranza kbira ta' installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli huma konnessi man-netwerks tad-distribuzzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li, meta nippruvaw insolvu l-punt ta' konġestjoni fil-grilja, hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi ddefinit liema kombinazzjoni ta' azzjonijiet - inkluż il-bini ta' linji ġodda tat-trażmissjoni, l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti lokali, u l-integrazzjoni tal-effiċjenza u l-flessibbiltà fis-sistema - hija l-iżjed ottimali, meta titqies is-sitwazzjoni speċifika;
14. Jenfasizza li l-benefiċċji ta' żieda fil-livell ta' interkonnessjoni ma jistgħux jitwettqu mingħajr livell għoli ta' akkoppjament tas-suq u trażmissjoni tal-operaturi tas-sistema (TSOs); jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-isforzi kollha biex tevita li jiġi stabbilit akkoppjament fil-livell ta' gruppi tal-Istati Membri u biex tippromwovi l-akkoppjament fil-livell tal-UE li jinkludi l-Istati Membri kollha u l-ġirien, b'mod partikolari l-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);
15. Ifakkar li l-proġetti ta' interess komuni (PCIs) huma evalwati mill-Gruppi Reġjonali, stabbiliti mill-Kummissjoni u jikkonsistu minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ANR), l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku u l-promoturi tal-proġetti, l-ENTSO-E, l-ACER, il-Kummissjoni u partijiet interessati ewlenin oħra;
16. Jenfasizza l-fatt li l-lista tal-PCIs trid tiġi żviluppata b'mod aktar trasparenti u responsabbli; jinnota li l-ENTSO-E, it-TSOs u l-promoturi tal-proġetti għandhom ir-rwol predominanti fl-iżvilupp ta' metodoloġija ta' analiżi kostijiet-benefiċċji armonizzata, fil-preparazzjoni tal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għal għaxar snin u l-kodiċijiet tan-netwerk, u fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kull proġett; ifakkar il-ħtieġa li jiġu pprovduti valutazzjonijiet sħaħ, inklużi impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jitlob, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-valutazzjonijiet jitwettqu minn esperti kkwalifikati li huma kompletament indipendenti mill-promoturi tal-proġetti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ottimizzat il-proċess globali billi jiġi promoss iżjed involviment tal-Parlament u partijiet interessati oħra, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni, lill-ACER u lir-regolaturi nazzjonali biex jaqdu rwol aktar proattiv ħalli jiġi żgurat proċess konsultattiv aktar newtrali, trasparenti, traċċabbli u inklussiv; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjonijiet li fihom l-użu tal-aħjar teknoloġija disponibbli (BAT) jista' jiġi stabbilit bħala parametru sinifikanti għall-għoti ta' fondi tal-UE għal proġetti;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tispjega aħjar il-proċess ta' klassifikazzjoni għall-PCIs; ifakkar li sabiex jiġu kkunsidrati, il-PCIs għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet tal-iżvilupp tan-netwerk fuq għaxar snin tal-ENTSO-E iżda li d-deċiżjoni finali għall-finanzjament hija tal-Kummissjoni abbażi tal-kriterji ta' valutazzjoni tagħha stess għall-għażla tal-proġetti; jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod espliċitu tikkunsidra dawn il-kriterji;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-PCIs u dwar il-progress biex tintlaħaq il-mira ta' 10 %, bħala parti mir-rendikont komprensiv ta' kull sena previst fil-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija;
Il-proċess tal-għoti tal-permessi
19. Jenfasizza li l-proċedura twila tal-għoti tal-permessi hija sfida ewlenija għal linji ġodda b'vultaġġ għoli fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw proċessi aktar imħaffa filwaqt li jżommu livell adegwat ta' garanziji għall-interess pubbliku, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi effikaċi;
20. Ifakkar li l-proġetti dwar il-lista tal-PCIs jibbenefikaw minn trattament regolatorju preferenzjali, ippjanar rapidu, limitu ta' żmien vinkolanti ta' tliet snin u nofs għall-għoti ta' permess u proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali aktar imħaffa, u jistgħu wkoll ikunu eliġibbli għal finanzjament addizzjonali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dwar kif dan l-ippjanar rapidu jiġi implimentat u jkun hemm konformità miegħu fl-Istati Membri kollha;
21. Jirrikonoxxi li l-għarfien pubbliku u l-appoġġ huma essenzjali biex jiżguraw implimentazzjoni rapida ta' proġetti ta' interkonnetturi; jirrikonoxxi li l-proċessi trasparenti u inklużivi, u l-ogħla standards ambjentali, ma għandhomx jiddgħajfu waqt il-bini ta' linji ġodda tal-enerġija; jistieden lill-promoturi tal-proġetti biex jużaw il-BAT għal interkonnetturi ġodda bil-għan li titjieb il-koerenza bejn l-investimenti tal-proġett fil-grilji, is-sostenibbiltà ambjentali u l-aċċettazzjoni lokali;
22. Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' approċċ ta' "punt uniku ta' servizz" ("one-stop shop") tikkontribwixxi biex jitqassru l-proċeduri tal-għoti tal-permessi; ifakkar li r-Regolament TEN-E jeħtieġ li kull Stat Membru jaħtar Awtorità Nazzjonali Kompetenti responsabbli għall-iffaċilitar, it-tqassir u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-permess fil-livell nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-approċċ ta' "punt uniku ta' servizz" mill-Kummissjoni li għandha titwettaq fl-2017, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'dan il-qafas, tivvaluta l-potenzjal ta' "punt uniku ta' servizz" uniku fil-livell tal-UE;
Ir-rwol tal-ACER
23. Jinnota n-nuqqas ta' persunal u n-nuqqas ta' riżorsi tal-ACER; jitlob lill-awtoritajiet baġitarji tal-UE biex jipprovdu lill-aġenzija bir-riżorsi meħtieġa, b'mod partikolari b'persunal tagħha suffiċjenti, sabiex l-aġenzija tkun tista' twettaq il-kompiti mogħtija lilha permezz tal-leġiżlazzjoni b'mod adegwat u f'waqtu; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-ACER, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam l-ENTSO-E u fir-rigward tat-titjib fil-koordinazzjoni u l-arbitraġġ fost l-ARN kif ukoll il-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet regolatorji transfruntiera;
24. Jenfasizza l-importanza ta' persunal ikkwalifikat ta' regolaturi nazzjonali tal-enerġija, bil-kompetenza esperta meħtieġa u speċjalizzazzjoni u indipendenza; jistieden lill-Kummissjoni twettaq verifika indipendenti sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016 dwar ir-riżorsi disponibbli għar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u l-grad ta' indipendenza miksuba minnhom, inkluża l-identifikazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni;
25. Jinnota li għad hemm nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċitajiet transfruntiera disponibbli fis-suq u l-frekwenza, il-kobor u r-raġunijiet ta' tnaqqis fuq l-interkonnetturi; jiddubita, f'dan il-kuntest, li l-biċċa l-kbira tat-tnaqqis sinifikanti jiġi indirizzat bis-sħiħ; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-ACER bil-kompetenzi adegwati u s-setgħat biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar kull kapaċità individwali ta' trażmissjoni transfruntiera sabiex jiġi permess lill-ACER tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha ta' monitoraġġ b'mod effikaċi; jitlob biex informazzjoni bħal din tkun fornuta lill-ACER, flimkien mal-informazzjoni kuntestwali neċessarja dwar id-disinn u l-funzjonament tan-netwerk nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-konklużjoni mħaffa tal-kodiċijiet tan-netwerk għall-elettriku; jinnota l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tespandi l-mandat, l-ambitu u l-poteri tal-ACER, u r-riflessjonijiet tagħha dwar x'jista' dan jinvolvi, kif ippreżentat mill-komunikazzjoni riċenti tagħha "Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija"; jistieden lill-Kummissjoni tressaq 'il quddiem suġġerimenti konkreti f'dan ir-rigward, biex issostni t-twettiq ta' suq intern tal-enerġija reali; jinnota li kwalunkwe responsabbiltà ġdida assenjata lill-ACER għandha tkun appoġġjata b'riżorsi adegwati;
L-istrumenti finanzjarji
26. Jinnota l-istima tal-Kummissjoni li hemm bżonn finanzjament ta' EUR 35 biljun biex tintlaħaq il-mira ta' 10 % sal-2020 fl-Istati Membri kollha; ifakkar li, skont ir-Regolament tas-CEF ((UE) Nru 1316/2013), il-parti l-kbira tal-għajnuna finanzjarja fil-pakkett tal-enerġija tas-CEF għandha tkun disponibbli għal proġetti tal-elettriku u jinsisti li l-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni xierqa lil dak il-fatt; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li s-CEF għandu jkun ikkonċentrat fuq ftit proġetti ewlenin; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal proġetti li jindirizzaw l-iżjed lakuni sinifikanti fis-suq integrat tal-elettriku tal-UE u n-nuqqas ta' interkonnettività suffiċjenti; iqis li għandu jitkompla jkun disponibbli finanzjament adegwat mill-UE anke wara l-2020 biex tiġi appoġġata l-kostruzzjoni ta' proġetti ta' konnessjoni tal-elettriku mhux kummerċjalment vijabbli meħtieġa biex jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-operazzjoni tas-sistemi tal-elettriku; jenfasizza l-importanza tal-BEI fl-appoġġ lill-investituri fi proġetti ta' infrastruttura tal-elettriku kummerċjalment vijabbli; jinnota t-twaqqif tal-FEIS, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li l-fond jiġbed l-investimenti fl-interkonnessjoni tal-elettriku b'mod effikaċi;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex: 1) tħeġġeġ investimenti bl-aħjar teknoloġija disponibbli, li tista' tkun aktar għalja imma toffri ħafna vantaġġi finanzjarji fiċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll iffrankar ta' ħin u vantaġġi tat-tmexxija teknoloġika fuq terminu twil; 2) twettaq reviżjoni tar-regoli ta' finanzjament bil-għan li jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi eżistenti; u 3) issaħħaħ inċentivi għal aktar investimenti fil-grilja billi, inter alia, tinkoraġġixxi profitti magħmula mill-kera tal-konġestjoni tat-trażmissjoni biex jiġu investiti mill-ġdid f'infrastrutturi u teknoloġiji li jsaħħu n-netwerks, inklużi interkonnetturi addizzjonali;
Kooperazzjoni reġjonali
Ir-reġjun Baltiku
28. Jinnota li l-interkonnetturi ppjanati huma mistennija jippermettu lill-Istati Baltiċi jilħqu l-għan ta' 10 % sal-aħħar tal-2015; huwa mħasseb li n-netwerks tal-Istati Baltiċi għadhom sinkronizzati ma', u dipendenti fuq, is-sistema tal-elettriku Russa, li huwa ostaklu għal suq tal-elettriku Ewropew verament integrat u li jiffunzjona tajjeb; jitlob li jkun hemm sinkronizzazzjoni rapida tan-netwerks tal-elettriku tal-Istati Baltiċi man-Netwerk Kontinentali Ewropew sabiex tiġi żgurata integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-elettriku, aktar sigurtà fil-provvista tal-elettriku u l-operazzjoni sigura tas-sistema; jitlob lill-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-passi meħtieġa biex jibdew, u lill-ENTSO-E biex iniedi, proċedura formali għall-estensjoni tan-Netwerk Kontinentali Ewropew sinkroniku lejn l-Istati Baltiċi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett; jenfasizza s-suq tal-elettriku komuni Nordiku bħala l-aħjar prattika għal kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jinħoloq u jiġi żviluppat is-suq intern tal-elettriku; jirrikonoxxi l-importanza ta' interkonnettività ogħla bejn il-Polonja u s-suq tal-elettriku Nordiku bil-għan li l-Polonja tilħaq il-mira tagħha ta' 10 %; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil dwar Pjan imsaħħaħ ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP); jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-BEMIP għandha tkompli u li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-PCIs hija msaħħa aktar;
Ir-Reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana
29. Jirrikonoxxi li r-riħ lil hinn mill-kosta fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana għandu l-potenzjal li jiġġenera madwar 8 % tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa sal-2030; jinnota wkoll li l-koordinazzjoni tal-ippjanar u l-bini ta' infrastruttura tal-grilja lil hinn mill-kosta reġjonali, l-aċċess għas-suq u l-kondiviżjoni tar-riservi fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana jistgħu jwasslu għal iffrankar fl-ispejjeż ta' EUR 5-13-il biljun kull sena sal-2030 permezz ta' suq reġjonali integrat aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri rilevanti biex japprovaw dawn il-potenzjali meta jiżviluppaw l-istruttura ta' governanza għall-2030 u l-ippjanar sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ politiku qawwi u japprovaw il-Grilja Lil Hinn mill-Kosta fil-Baħar tat-Tramuntana bħala pass ewlieni fil-bini ta' Unjoni tal-Enerġija effikaċi; iħeġġeġ lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE li ġejjin biex iħejju u jaqblu dwar qafas legali matul il-Presidenza Olandiża 2016 f'forma ta' Ftehim Intergovernattiv bejn l-Istati Membri rilevanti li jiddefinixxi strateġija komuni tal-elettriku fl-Ibħra tat-Tramuntana;
L-Ewropa tal-Punent Ċentrali
30. Jenfasizza li s-suq tal-elettriku kondiviż bejn l-Awstrija u l-Ġermanja qed ikompli l- implimentazzjoni ta' suq Ewropew tal-enerġija integrat; jirrikonoxxi li ż-żona tal-offerti komuni - li ġiet introdotta fl-2002 - tfisser li l-istess prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa f'dawn iż-żewġ pajjiżi huma l-istess, u tiżgura l-kummerċ tal-elettriku illimitat u s-sigurtà tal-provvista ta' kważi 100 %; jinnota li ż-żona tal-offerti Awstrijaka-Ġermaniża hija l-unika żona relattivament kbira fl-Ewropa kondiviża bejn żewġ pajjiżi; jinnota li żoni tal-offerti akbar għandhom il-karatteristiċi meħtieġa ta' suq tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb u likwidu, li jkunu kkwalifikati biex inaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ, jipprovdu sinjali tal-prezzijiet reżiljenti għal deċiżjonijiet ta' investiment u jrawmu aktar kompetizzjoni; jitlob li jkun hemm żvilupp rapidu ta' grilji biex tiġi permessa l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq tal-elettriku, u tiġi ggarantita l-istabbiltà tal-grilja, b'mod speċjali fin-Nofsinhar tal-Ġermanja; jitlob għaż-żamma ta' dan il-mudell ta' suċċess u t-tkabbir ulterjuri taż-żona tal-offerti.
L-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk
31. Jenfasizza li l-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CSEE) hija mogħnija b'potenzjal kbir - u l-biċċa kbira minnu mhux sfruttat - f'termini ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jinnota li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar l-ippjanar fit-tul u l-bini ta' infrastruttura tal-grilja reġjonali fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk għandhom imorru lil hinn mill-UE biex jinkludu pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li mhumiex fl-UE u lit-Turkija; jitlob għat-twaqqif ta' pjattaforma ġdida fejn il-partijiet interessati ewlenin kollha fir-reġjun jistgħu jiddiskutu u jipprovdu appoġġ politiku lill-proġetti konġunti mfassla sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-elettriku tar-reġjun; jirrikonoxxi li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE, stabbilit fi Frar 2015, jista' jsir pjattaforma ta' dan it-tip, sakemm il-mandat tiegħu jiġi estiż biex jinkludi l-qasam tal-elettriku u l-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE tas-CSEE; jirrikonoxxi li l-pjattaforma tippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi tmexxija u appoġġ politiku;
32. Jinnota li d-dipendenza għolja tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija tfisser li huwa vitali li tiżdied il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku transfruntiera, li għandha tgħin biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tar-reġjun u, fuq terminu twil, tgħin biex jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl tan-nies;
33. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-prospetti ta' interkonnessjonijiet tal-elettriku ġodda fir-reġjun tal-Mediterran u bejn is-swieq tal-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Afrika ta' Fuq fid-dawl ta' żieda fis-sigurtà tal-provvista u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli fiż-żewġ reġjuni;
Il-Peniżola Iberika
34. Jenfasizza l-importanza ta' żieda sinifikanti fl-interkonnessjonijiet bejn Spanja u Franza biex jiġu appoġġati l-enerġiji rinnovabbli fir-reġjun u biex il-Peniżola Iberika tkun tista' tipparteċipa bis-sħiħ fis-suq intern tal-elettriku; iqis id-Dikjarazzjoni ta' Madrid, iffirmata fl-4 ta' Marzu 2015, u l-istabbiliment ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Interkonnessjonijiet għall-Ewropa tal-Lbiċ, bħala passi importanti biex tiżdied l-interkonnettività tar-reġjun; jirrikonoxxi li l-kapaċità tal-interkonnessjoni attwali bejn il-Peniżola Iberika u l-Ewropa kontinentali hija baxxa wisq, u li l-proġetti inklużi l-ewwel lista tal-PCIs ma kinux biżżejjed biex tinkiseb il-mira tal-interkonnessjoni fl-2020; jistieden lill-pajjiżi tar-reġjun biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-potenzjal konsiderevoli ta' enerġija rinnovabbli tagħhom u biex jiffaċilitaw l-aċċess tas-settur għas-suq Ewropew integrat;
35. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twettaq studju tal-benefiċċji tal-interkonnessjoni tal-Peniżola Iberika ma' Franza, ir-Renju Unit, l-Italja u l-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran;
Lil hinn mill-2020
36. Jinnota li s-sistema tal-enerġija tal-Ewropa evolviet mill-2002, meta kienet stabbilita oriġinarjament il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku - b'mod partikolari, sorsi ta' enerġija rinnovabbli ġew żviluppati madwar il-kontinent; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li l-mira ta' 15 % ibbażata fuq il-kapaċità installata għall-2030, ma għandhiex tibqa waħedha, u li għandha tiġi vvalutata bir-reqqa u fid-dettall biex ikun żgurat li hija adatta għall-iskop tagħha u li hija pertinenti u fattibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tivvaluta l-iffissar ta' miri reġjonali, komplementari u ssib punti ta' riferiment kwantitattivi u kwalitattivi aħjar, bħal flussi kummerċjali, l-ogħla flussi u l-punti ta' konġestjoni, li jenfasizzaw kemm l-interkonnessjoni hija meħtieġa;
37. Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb mira futura ta' interkonnessjoni tal-elettriku abbażi tal-għanijiet dwar il-klima fuq terminu twil tal-UE, u tas-sistema tal-enerġija sostenibbli li l-UE qed tfittex; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-grad ta' interkonnessjoni meħtieġ se jiddependi fuq diversi parametri, li jinkludu: a) l-applikazzjoni tal-politika nazzjonali u tal-UE tal-prinċipju ta' "l-ewwel l-effiċjenza fl-enerġija" u aktar miżuri ta' rispons fuq in-naħa tad-domanda; b) l-iżvilupp ta' elettriku deċentralizzat ibbażat fuq enerġija rinnovabbli u l-grilji intelliġenti korrelatati; c) deċiżjonijiet nazzjonali dwar it-taħlita tal-enerġija, b'kont meħud tal-miri dwar il-klima fuq terminu twil u tal-enerġija tal-UE; d) l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-ħażna tal-enerġija — inkluż fuq livell muniċipali u tad-dar; e) l-użu tal-aħjar teknoloġiji disponibbli fejn xieraq; f) ir-rikonoxximent ta' persuni bħala "prosumaturi" fis-sistema tal-enerġija; u g) il-ħolqien ta' inċentivi ċari għal investimenti fil-grilji;
o o o
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress
380k
119k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress (2015/2042(INI))
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ‘l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea Mikrofinanzjament Progress – 2013’ (COM(2014)0639),
– wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress tal-5 ta' Mejju 2015(1),
– wara li kkunsidra ir-rapport bl-isem "Study on imperfections in the area of microfinance and options how to address them through an EU financial instrument" (Studju dwar l-imperfezzjonijiet fil-qasam tal-mikrofinanzjament u opzjonijiet kif għandhom jiġu indirizzati permezz ta' strument finanzjarju tal-UE)(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali(3) (ir-Regolament EaSI),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali(4) ("il-Faċilità") (id-"Deċiżjoni"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta' mikrokreditu bħala appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi(5),
– wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 intitolat "European Progress Microfinance Facility – Interim evaluation" (il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – evalwazzjoni ta' nofs it-terminu)(6),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 8/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-appoġġ finanzjarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet ta' mikroimprendituri b'mod adegwat?",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0331/2015),
A. billi l-mikrofinanzjament jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi l-mikrofinanzjament jista' jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar u l-qgħad, jagħtihom dinjità u jsaħħaħ il-koeżjoni fil-komunitajiet billi jtejjeb l-inklużjoni soċjali u jnaqqas id-diverġenzi soċjali;
B. billi l-għan ta' din il-Faċilità huwa li jiżdied l-aċċess għall-mikrofinanzjament, kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu għall-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom jew li qegħdin fir-riskju li jitilfuh jew li għandhom diffikultajiet biex jidħlu jew jidħlu lura fis-suq tax-xogħol, kif ukoll persuni li qed iħabbtu wiċċhom mat-theddida tal-esklużjoni soċjali jew persuni vulnerabbli li jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-kreditu konvenzjonali u li jixtiequ jibdew jew ikomplu jiżviluppaw il-mikrointrapriżi tagħhom, inkluż l-impjieg indipendenti; billi l-għan ta' din il-Faċilità huwa wkoll li jiżied l-aċċess għall-mikrofinanzjament u d-disponibbiltà tiegħu għall-mikrointrapriżi u l-ekonomiija soċjali;
C. billi l-għan tal-Faċilità hu li ttejjeb il-kapaċità tal-intermedjarji sabiex jiżdied in-numru ta' operazzjonijiet potenzjali, sabiex jiġu ġġenerati l-impjiegi bil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, kif ukoll it-tkabbir u l-inklużjoni soċjali f'komunitajiet lokali;
D. billi s-sitwazzjoni finanzjarja tan-nisa li jisselfu tidher li hija agħar minn dik tal-irġiel b'sehem ogħla tan-nisa li huma qiegħda jew fir-riskju ta' faqar(7); billi l-proporzjon bejn l-imprendituri nisa u rġiel li jibbenefikaw mill-Faċilità huwa biss 36:64 u dan għadu insuffiċjenti f'termini ta' bilanċ ugwali bejn is-sessi;
E. billi l-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla li jsofru ċerti gruppi ta' nisa qed jiggravaw aktar l-iżvantaġġ ekonomiku u d-diffikultà tagħhom li jaċċedu għal finanzjament; billi l-inklużjoni tan-nisa li jsofru minn esklużjoni għandha tkun prijorità;
F. billi għadd dejjem jiżdied ta' nisa li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol qed ikun ukoll is-sors primarju ta' għajxien għall-familji tagħhom; billi r-rata ta' ġenituri waħedhom hija ogħla għan-nisa milli għall-irġiel; billi l-mikrofinanzjament għandu jkun ta' benefiċċju għal numru dejjem ikbar ta' nisa;
G. billi l-ekonomija soċjali tinkludi l-kooperattivi, l-impriżi mutwi, l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi soċjali li jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impjiegi fl-Unjoni, il-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp reġjonali u rurali, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-iżvilupp agrikolu u tal-pajjiżi terzi, u l-politiki ta' sigurtà soċjali;
H. billi, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, żdiedu kemm il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali;
I. billi l-Faċilità ttejjeb il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom min jissellef jista' jikseb self u tagħmel il-finanzjament disponibbli għal individwi li kieku ma jkunux eliġibbli; billi l-intermedjarji tal-mikrofinanzjament (MFIs) ibbenefikaw mill-Faċilità fi 22 Stat Membru; billi l-għan ġenerali tal-Faċilità huwa li toħroġ 46 000 mikroself sal-2020, li jirrappreżentaw ammont ta' madwar EUR 500 miljun;
J. billi hu stmat li r-rata ta' ħlas lura minn min jissellef hija ta' 95 %; billi l-Faċilità għenet lil individwi jidħlu jew jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, jew jiftħu n-negozji tagħhom stess u għenet lil persuni li jaħdmu għal rashom jippreservaw jew jespandu l-mikrointrapriżi tagħhom f'termini ta' impjiegi miżmuma, impjiegi ġodda u l-fatturat iġġenerat; billi l-Faċilità laħqet żoni Ewropej remoti u ġġenerat l-attività ekonomika;
K. billi għadu diffiċli jiġi evalwat kemm qed jintlaħqu l-minoranzi peress li l-biċċa l-kbira tal-MFIs mhumiex involuti speċifikament f'attività biex jintlaħqu aktar il-minoranzi; billi dawk li jirċievu mikrokreditu mhux neċessarjament iqisu lilhom infushom bħala grupp emarġinat jew jibżgħu li jiġu ddiskriminati jekk l-isfond etniku tagħhom jiġi żvelat;
L. billi 60 % tal-individwi li għalihom hija disponibbli d-data kienu qiegħda jew mhux attivi meta ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom għal mikrokreditu; billi 84 % tar-riċevituri kienu fil-grupp ta' età ta' 25 - 54 sena u billi 36 % tal-imprendituri rreġistrati megħjuna mis-self kienu nisa;
M. billi din il-Faċilità għandha tiġi vvalutata fuq bażi kwalitattiva u mhux biss fuq bażi kwantitattiva; billi, għalkemm huwa aktar faċli li tivvaluta din il-Faċilità f'termini ta' effiċjenza ekonomika, l-effikaċja tagħha bħala mezz biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali għandha tiġi wkoll ivvalutata, kif għandhom jiġu vvalutati l-kwalità u l-effett indirett tal-impjiegi maħluqa;
N. billi l-proporzjon fil-mira ta' 40:60 bejn l-imprendituri nisa u rġiel kważi ntlaħaq, u billi huwa b'mod sinifikattiv ogħla mill-medja tal-Unjoni;
O. billi s-servizzi ta' żvilupp tan-negozju bħat-taħriġ u l-mentoring huma kruċjali għas-suċċess u l-vijabbiltà ta' mikrointrapriża;
P. billi l-assenza ta' finanzjament ta' intrapriżi fl-ekonomija soċjali ġie identifikat bħala nuqqas tal-Faċilità;
Q. billi hemm indikazzjonijiet li l-mikrofinanzjament jista' jkun wieħed mill-elementi ta' appoġġ lin-negozji biex minn ekonomija moħbija jiksbu status ta' attività ekonomika ddikjarata;
R. billi livell ogħla ta' żvelar pubbliku ta' data marbuta mal-għoti ta' mikrokreditu mill-MFIs huwa l-aħjar mod biex jiġi promoss użu aħjar tal-finanzjament pubbliku; billi livell ogħla ta' żvelar pubbliku ta' data jiffaċilita t-tqabbil tar-rendiment tal-MFIs;
S. billi hemm il-potenzjal għal sinerġiji bejn il-Faċilità u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u fondi oħra tal-UE, u b'hekk jiġu evitati sovrapożizzjonijiet mhux mixtieqa;
T. billi l-Artikolu 6 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi li l-"baġit għandu jkun stabbilit u implimentat f'konformità mal-prinċipji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba li titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti, u t-trasparenza";
U. billi l-Faċilità tibbenefika mill-finanzjamenti tal-UE u mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Bank Ewropew tal-Investiment, it-tnejn li huma ġestiti mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI); billi tipprevedi wkoll finanzjamenti supplimentari minn investituri privati;
V. billi tali strument għadu mhux magħruf wisq mill-benefiċjarji potenzjali;
Inżidu l-aċċess għall-mikrofinanzjament
1. Jenfasizza l-importanza ta' strument finanzjarju bħall-Faċilità fi żminijiet ta' kriżi finanzjarja biex jinħolqu impriżi ġodda, jiġu promossi impjiegi ġodda u jiġi assigurat li persuni diżokkupati, persuni żvantaġġati u l-mikrointrapriżi jkollhom aċċess għall-finanzjament, filwaqt li jittaffa r-riskju għal MFIs;
2. Josserva li l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi kien inqas minn dak inizjalment mistenni, minkejja l-fatt li bosta benefiċjarji kienu jkunu kompletament esklużi mis-suq tal-kreditu li kieku ma kienx għall-mikrokreditu; jemmen li dan l-impatt inqas minn dak mistenni fuq il-ħolqien tal-impjiegi jista' jiġi parzjalment spjegat mill-fatt li l-Faċilità ġiet implimentata fl-istess ħin hekk kif l-ekonomija kienet għaddejja minn kriżi ekonomika kbira li laqtet kemm is-suq tal-kreditu, kif ukoll iċ-ċifri tal-impjiegi; jinnota, madankollu, li l-Faċilità kkontribwiet b'mod sostanzjali għaż-żamma tal-impjiegi; iqis li dan se jiġi indirizzat mill-istrument EaSI l-ġdid li ser ikun aktar flessibbli;
3. Jiddispjaċih bin-numru għoli ta' applikazzjonijiet rifjutati għal mikrofinanzjament (kważi 2 000 applikazzjoni ġew irrifjutati, parzjalment abbażi ta' insolvenza tal-persuni u tal-impriżi) u d-distakk li għadu sinifikanti fis-suq tal-mikrofinanzjament, minkejja ż-żieda fin-numru tal-benefiċjarji tal-mikrokreditu; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju aktar dettaljat dwar ir-raġunijiet wara dawn ir-rifjuti u li jinstabu modi biex dawn jiġu solvuti;
4. Jissottolinja l-importanza tal-Faċilità, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, fir-rwol tagħha li tippermetti lill-persuni qiegħda jew żvantaġġati jkollhom aċċess għall-finanzjament; jenfasizza li fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tal-asil b'mod partikolari, il-mikrofinanzjament jista' jservi ta' appoġġ fundamentali għar-rifuġjati u għall-migranti li qegħdin jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE;
5. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta' kuntatt ħalli jippromwovu l-għarfien dwar il-Faċilità fost il-benefiċjarji potenzjali u ċ-ċittadini b'mod ġenerali;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkapitalizzaw fuq l-esperjenza miksuba sa issa, iżidu l-għarfien b'mod partikolari fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fi ħdan il-komunitajiet, b'mod speċjali f'dawk bi sfond ta' minoranza jew fi ħdan organizzazzjonijiet għall-persuni b'diżabbiltajiet dwar l-eżistenza tal-Faċilità, il-benefiċċji tagħha u l-modi li permezz tagħhom jista' jkun hemm aċċess għaliha;
7. Jinnota li fl-2013, l-azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità kienu jinkludu self prijoritarju u garanziji; jinnota li, barra minn hekk, uħud mill-MFIs jirċievu kemm garanzija kif ukoll self, iżda dawn iż-żewġ strumenti dejjem ikopru portafolji differenti;
8. Jitlob li l-Faċilità tqis il-valur miżjud tal-proġetti f'reġjuni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħalma huma r-reġjuni b'densità ta' popolazzjoni skarsa u f'reġjuni li jkunu għaddejjin minn proċess ta' depopolazzjoni, peress li dan mhux biss ser jistimola l-ħolqien tal-impjiegi, iżda jgħin ukoll biex jinżammu l-livelli tal-popolazzjoni;
9. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni u l-FEI għamlu operattiv l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali (MF/SE) tal-EaSI sabiex jiġi żgurat aċċess għall-flus għall-benefiċjarji; jistenna li l-EaSI se jindirizza b'suċċess in-nuqqasijiet tal-Faċilità;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-adegwatezza tad-definizzjoni attwali ta' mikrokreditu bil-ħsieb li tiżgura li l-istrumenti finanzjarji futuri jissodisfaw il-bżonnijiet tas-suq u ta' benefiċjarji u l-miri definiti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru u jivvalutaw data dwar il-karatteristiċi ta' mikrointrapriżi, il-ħtiġijiet tagħhom u r-rati ta' sopravivenza tagħhom, u biex jipproponu aġġustamenti għar-Regolament EaSI, jekk meħtieġ, matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu; jilqa' l-fatt li l-bilanċ u l-flussi ġodda disponibbli fi tmiem il-Faċilità se jiddaħħlu fil-baġit tal-assi MF/SE tal-EaSI, u b'hekk jiżdied l-għadd ta' garanziji u strumenti ffinanzjati li se jiġu offruti lil min jissellef mikrokrediti;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-seba' strumenti finanzjarji kollha tal-Faċilità li ġew eżaminati s'issa attiraw finanzjament privat addizzjonali; jesprimi tħassib, madankollu, li skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, fejn jidħlu l-garanziji, il-valuri fil-mira għall-koeffiċjenti ta' lieva nkisbu f'każ wieħed biss minn sebgħa, u f'żewġ każijiet ma ntlaħqux;
13. Jilqa' ż-żieda fil-flessibilità tal-programm il-ġdid fl-ambtu tal-EaSI b'reazzjoni għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-fondi bejn l-assi tal-Programm; jistieden lill-Kummissjoni tevita l-finanzjament doppju permezz tal-iżvilupp ta' sinerġiji ċari u trasparenti bejn l-EaSI u l-programmi u l-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aktar reklamar u informazzjoni dwar il-Faċilità u l-modalitajiet ta' aċċess għaliha;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-Faċilità, sabiex tilħaq kull Stat Membru; jenfasizza l-ħtieġa li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni settorjali tal-Faċilità, lil hinn mis-setturi agrikoli u kummerċjali;
Nilħqu l-gruppi fil-mira u r-rappurtar tal-impatt soċjali
16. Jiddeplora l-fatt li, minħabba n-nuqqas ta' rappurtar soċjali definit sew, l-impatt soċjali tal-Faċilità ma ġiex imkejjel b'mod aktar preċiż f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi, ta' sostenibbiltà tan-negozji u tal-ilħuq ta' gruppi ta' minoranza; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex taderixxi mal-istandards tal-kejl soċjali tal-prestazzjoni b'mod empiriku sabiex jiġi żgurat l-ogħla impatt soċjali, ukoll fir-rigward tal-miri ta' Ewropa 2020 u biex jiġi vvalutat jekk id-definizzjoni ta' gruppi fil-mira, inklużi persuni b'diżabilità, ikunx meħtieġ li tiġi ċċarata aktar;
17. Jinnota li l-Faċilità bdiet topera bħala proġett pilota; jinnota li, barra minn hekk, ġew identifikati dgħufijiet f'termini ta' kapaċità ta' involviment ta' gruppi vulnerabbli bħall-migranti u l-persuni b'diżabilità; jemmen madankollu li t-tagħlimiet li ttieħdu ġew ikkunsidrati u li xi wħud min-nuqqasijiet diġà ġew indirizzati fl-Istrument EaSI; jilqa' l-fatt li l-valutazzjoni strateġika tal-għanijiet kienet żviluppata f'konformità mal-objettivi ta' Ewropa 2020;
18. Jistieden lill-FEI jikkoopera ma' MFIs, u jesiġi li dawn japplikaw il-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta' Mikrokreditu u jistieden lill-FEI jipprijoritizza dawk l-MFIs li wrew l-abbiltà u r-rieda tagħhom li jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet li jipprovdu aktar appoġġ lil benefiċjarji finali; jistieden ukoll lill-FEI jinforza d-dispożizzjonijiet fi ftehimiet mal-MFIs li jitolbu kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw gruppi vulnerabbli sabiex jintlaħqu l-gruppi fil-mira b'mod aktar effettiv;
19. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-metodi li bihom tevalwa l-vijabbiltà tan-negozji u l-impatt fi ħdan il-komunità tagħhom wara l-ħlas lura tal-mikrokreditu;
20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jtejbu r-rappurtar dwar il-benefiċjarji u l-MFIs, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ sabiex ma jkunx hemm piż żejjed fuq l-MFIs; jenfasizza li l-informazzjoni li tkun meħtieġa għal rapport xieraq biex ikunu jistgħu jiksbu self għandhom jipprovduha kemm l-MFIs kif ukoll min jissellef mikrokrediti;
21. Iqis deplorevoli l-fatt li l-informazzjoni dwar l-użu ta' self u garanziji relatati mal-Faċilità hija frammentarja u inkompleta u ma fihiex informazzjoni dettaljata dwar l-istatus tal-impjieg għall-benefiċjarji finali, minkejja li l-Qorti tal-Awdituri waslet għall-konklużjoni li r-rappurtar kien konformi mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni;
22. Jistieden lill-FEI jiżgura li l-MFIs jagħmlu pubblika d-data dwar l-għadd u l-ammont ta' mikrokrediti pprovduti u dwar it-tipi ta' benefiċjarji finali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' aċċess għall-mikrofinanzjament, u biex fil-futur tipprevedi l-istess proporzjon immirat bejn l-imprendituri nisa u rġiel; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu lill-MFIs jimplimentaw strateġiji speċifiċi li jkollhom lin-nisa fil-mira tagħhom u jappoġġaw l-intraprenditorija tan-nisa, inkluż permezz ta' kooperazzjoni ma' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet rilevanti fil-qasam;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu aktar il-viżibbiltà u l-informazzjoni rigward il-possibiltajiet ta' finanzjament skont din il-Faċilità, inkluż permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, skambju tal-aħjar prattiki fost l-imprendituri nisa, workshops u taħriġ li jimmiraw b'mod speċifiku lin-nisa bil-għan li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn is-sessi fl-aċċess għall-mikrofinanzjament;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-benefiċċji tal-mikrofinanzjament għan-nisa, inkluż il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambji ta' opinjonijiet u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba bejn l-imprendituri nisa;
26. Jirrikonoxxi l-importanza tal-proporzjon immirat bejn l-imprendituri nisa u rġiel; jemmen, madankollu, li s-suċċess tal-Faċilità m'għandux jitkejjel biss minn miri ġenerali iżda mill-ħila tal-Faċilità li tippermetti lill-imprendituri mikro u lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju jibdew il-proġetti tagħhom u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-aċċess għall-mikrofinanzjament għall-klijenti potenzjalment esklużi, bħall-migranti, ir-refuġjati, in-nies qiegħda għal perjodi twal, iż-żgħażagħ, il-persuni bi dħul baxx, il-ħaddiema b'ħiliet baxxi u l-persuni b'diżabbiltajiet, li attwalment mhumiex qed jibbenefikaw biżżejjed mill-Faċilità;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tqis lir-refuġjati u lill-persuni li qed ifittxu l-asil bħala grupp fil-mira;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tkattar l-inizjattivi u l-finanzjament disponibbli għall-għoti ta' mikrokreditu lill-istart-ups immexxija minn żgħażagħ, sabiex tiġi appoġġata l-imprenditorija taż-żgħażagħ u l-innovazzjoni teknoloġika, xjentifika u soċjali għolja fi żmien ta' kriżi ekonomika u fi żmien ta' diffikultajiet biex jinkiseb aċċess għall-kreditu; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-burokrazija żejda imposta fuq l-imprendituri sabiex jiksbu aċċess għall-fondi disponibbli għalihom mill-Unjoni;
Nappoġġaw l-ekonomija soċjali
30. Jiddispjaċih li l-Faċilità ma ffinanzjatx numru sinifikanti ta' intrapriżi soċjali; jilqa' l-fatt għaldaqstant li persentaġġ speċifiku tal-baġit tal-EaSI huwa ddedikat għall-finanzjament ta' intrapriżi soċjali;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dan l-element ġdid u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiskambjaw data, għarfien u l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, waqt li jiġi żgurat rappurtar adatt mill-MFIs, u li dawn jiġu motivati biex isostnu proġetti b'impatt soċjali għoli fost il-klijenti potenzjali tagħhom;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, u jekk hemm bżonn teżamina mill-ġdid, il-limitu stipulat għas-self lil intrapriżi soċjali taħt l-EaSI, sabiex dawn jingħatawlhom il-mezzi neċessarji u adegwati li jippermettu l-iżvilupp ta' benefiċċju għalihom u jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tas-suq;
33. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fi programmi ta' finanzjament; jemmen li l-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi u l-ibbaġitjar tal-perspettiva tal-ġeneri huma utli fl-evalwazzjoni u t-titjib tal-impatt fuq in-nisa tal-prijoritajiet ta' finanzjament, tal-allokament ta' riżorsi finanzjarji u tal-ispeċifikazzjonijiet għal programmi ta' finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi analizzata b'mod ġenerali data diżaggregata mill-perspettiva tal-ġeneri;
Servizzi ta' mentoring u taħriġ u komplementarjetà ma' strumenti oħrajn
34. Jilqa' l-possibbiltà taħt l-EaSI li jiġi ffinanzjat il-bini tal-kapaċità ta' MFIs u ta' għajnuna teknika għall-MFIs bil-ħsieb li jitjiebu l-professjonalizzazzjoni tagħhom, il-forniment ta' servizz, u l-ġbir u l-ipproċessar tad-data sabiex jingħata spunt aħjar dwar il-Faċilità; ;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni torbot il-Faċilità mat-taħriġ bażiku ta' intraprenditorija sabiex b'hekk jiġu żgurati l-vijabbiltà ekonomika tan-negozji u l-għan tas-self;
36. Jiddeplora l-fatt li servizzi ta' żvilupp kummerċjali, inklużi l-mentoring u t-taħriġ, ma jistgħux jiġu direttament iffinanzjati taħt l-EaSI, u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga modi ta' finanzjament futuri bi strumenti adegwati ġodda bi sħubija ma' fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;
37. Jinnota li l-FSE għandu jipprovdi finanzjament ewlieni għall-ħolqien ta' impriżi, ta' mikrofinanza sostenibbli u ta' imprenditorija soċjali, flimkien ma' programmi ta' mentoring u taħriġ; jiddispjaċih li dawn l-għodod mhumiex iffinanzjati direttament mill-EaSI;
38. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw il-kooperazzjoni strateġika tagħhom mal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali rigward l-EaSI, l-FSE u programmi nazzjonali oħra possibbli, filwaqt li jippromwovu l-kooperazzjoni tagħhom mal-MFIs u r-riċevituri finali, sabiex titjieb l-għajnuna mogħtija lil min jissellef mikrokrediti f'termini ta' taħriġ, mentoring u appoġġ ġenerali għal aktar vijabilità tan-negozju;
39. Jilqa' l-possibbiltà li jintużaw il-fondi mill-FSE għall-assi MF/SE tal-EaSI, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jinfurmaw aħjar lill-MFIs dwar din il-possibbiltà skont l-Artikolu 38 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni(8);
40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-FEIS ikun disponibbli biex jiffinanzja l-mikrointrapriżi;
L-intermedjarji tal-mikrofinanzjament
41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina l-appoġġ tal-FSE u l-EaSi sabiex tittejjeb il-komplementarjetà bejn iż-żewġ programmi, fir-rigward tal-Faċilitajiet ta' Mikrofinanzjament, b'iffukar fost affarijiet oħra fuq il-kooperazzjoni bejn l-MFIs u ċ-ċentri ta' appoġġ tan-negozji kkofinanzjati mill-FSE;
42. Jilqa' l-proċess ta' għażla tal-intermedjarji tal-mikrokreditu li hu f'konformità mar-regoli u mal-proċeduri tal-FEI, u jtenni t-talba tal-Parlament li tali intermedjarji għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-għoti responsabbli ta' self u tal-evitar ta' insolvenza ta' persuni u impriżi;
43. Jirrakkomanda li l-ftehimiet bejn l-MFIs u l-FEI jkollhom proċedura ta' aċċess għall-istrument iktar sempliċi u jkunu iktar flessibbli u iktar faċli biex jinftiehmu, biex b'hekk l-MFIs iżgħar ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-istrumenti ta' finanzjament u tal-faċilitajiet tal-FEI malajr;
44. Jiddeplora l-fatt li numru sinifikanti ta' applikazzjonijiet għall-Faċilità ma kinux tlestew u ma setgħux jiġu approvati mill-FEI; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal dan ir-riżultat negattiv (eż. nuqqas ta' informazzjoni jew aċċessibilità jew piż burokratiku li jeħtieġ semplifikazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex issolvi l-problema;
45. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata aktar pubbliċità u informazzjoni dwar il-Faċilità u dwar il-mod ta' aċċess għaliha, minbarra li tissemplifika l-proċedura u tagħmel aktar flessibbli u eħfef biex jinftiehmu l-ftehimiet bejn l-intermedjarji tal-mikrofinanzjament u l-FEI, li jwassal biex l-intermedjarji iżgħar jiksbu aċċess aktar rapidu għas-suq;
46. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jivvalutaw kif ixerrdu aħjar il-benefiċċji tal-Faċilità lil pubbliku inġenerali, lil hinn mir-rekwiżiti eżistenti imposti fuq l-MFIs;
47. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-MFIs u l-organizzazzjonijiet involuti fir-rappreżentanza tal-interessi tal-benefiċjarji, lil hinn mir-reklamar ta' prodotti jew l-iskoperta ta' klijenti ġodda;
48. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw is-settur ta' mikrofinanzjament sabiex dan ikun jista' jespandi, għaliex dan hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020 u jistedinhom jagħmlu użu mill-Faċilità, billi jinvestigaw il-possibbiltajiet li għandhom l-intermedjarji mhux bankarji biex jidħlu fis-suq tal-mikrokreditu mingħajr ma jkunu jiddependu fuq bank imsieħeb;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-atturi ta' mikrofinanzjament (MFIs, banek u istituzzjonijiet mhux bankarji, netwerks bħan-Netwerk Ewropew tal-Mikrofinanzi) kif ukoll mal-partijiet interessati li attwalment mhumiex inklużi fir-rigward tal-aċċessibilità, l-użu u t-tfassil tal-prodotti li jridu jiġu offruti fil-qafas ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni;
50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-MFIs minn Stati Membri differenti;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jiżguraw li l-assi tal-MF/SE tal-EaSI jippromwovu iktar it-tixrid u l-integrazzjoni tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta' Mikrokreditu f'kuntratti ma' MFIs;
52. Iqis li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – 2013 huwa ġeneriku ħafna u fih nuqqas ta' dettalji fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu;
53. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Faċilità u l-istrument tal-EaSI jkomplu jikkontribwixxu għall-valur miżjud tal-UE u l-viżibbiltà tagħha;
o o o
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
PKS ġdida: struttura għall-miżuri tekniċi u l-pjanijiet pluriennali
295k
112k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar PKS ġdida: struttura tal-miżuri tekniċi u l-pjanijiet multiannwali (2015/2092(INI))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar il-politika komuni tas-sajd, u, b'mod partikolari, l-Artikoli 7(2), 9 u 10 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0328/2015),
A. billi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut hija kundizzjoni sine qua non għall-ġejjieni tal-industrija tas-sajd;
B. billi mill-2009 bilkemm sar progress fil-proposti leġiżlattivi kemm dwar il-miżuri tekniċi kif ukoll dwar il-pjanijiet multiannwali minħabba li, minn naħa waħda, il-proposti tal-Kummissjoni dwar dawn il-pjanijiet kienu joħolqu frizzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej rigward is-setgħat rispettivi tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet minħabba l-Artikolu 43 tat-TFUE, u li, min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet kienu dovuti għall-allinjament ta' leġiżlazzjoni dwar miżuri tekniċi mat-Trattat ta' Lisbona;
C. billi l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (Regolament (UE) Nru 1380/2013) tinkludi fost l-objettivi tagħha li jiġu ripristinati u jinżammu popolazzjonijiet ta’ speċijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY), bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq is-selettività u l-ekosistemi; billi l-miżuri tekniċi u l-pjanijiet multiannwali huma għodda prinċipali biex jinkisbu dawn l-objettivi;
D. billi fost il-modifiki prinċipali introdotti mar-riforma tal-PKS tal-2013 hemm ukoll l-obbligu tal-ħatt u r-reġjonalizzazzjoni;
E. billi l-kumplessità u d-diversità ta’ miżuri tekniċi kif ukoll il-fatt li dawn huma mifruxin f’bosta regolamenti differenti, ikkontribwixxew biex jagħmlu l-implimentazzjoni diffiċli għas-sajjieda, bir-riskju li s-sajjieda jitilfu l-fiduċja;
F. billi l-prinċipju ta’ reġjonalizzazzjoni jinkludi konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi bil-għan li l-partijiet interessati jinġiebu aktar qrib il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u li jkun hemm evalwazzjoni aħjar tal-impatti soċjoekonomiċi possibbli tad-deċiżjonijiet;
G. billi l-kumplessità tal-miżuri tekniċi u d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll in-nuqqas ta' riżultati pożittivi tanġibbli tal-PKS u n-nuqqas ta' inċentivi kkontribwew għall-ħolqien ta' nuqqas ta' fiduċja fost is-sajjieda;
H. billi r-reviżjoni ta’ miżuri tekniċi, bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, għandhom ifittxu li jtejbu s-sostenibbiltà ambjentali tas-sajd u r-riżorsi tal-baħar b’mod li jkun konsistenti mal-vijabbiltà soċjoekonomika tas-settur;
I. billi l-ilħiq tal-għanijiet tal-PKS il-ġdida jirrikjedi, fost l-oħrajn, l-użu ta’ tagħmir u prattiki tas-sajd iktar selettivi;
J. billi innovazzjonijiet attwali li jtejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd ta’ sikwit huma mxekkla minn leġiżlazzjoni;
K. billi l-obbligu ta’ ħatt l-art jinvolvi bidla sostanzjali ta’ approċċ għall-ġestjoni tas-sajd, u b’mod partikolari s-sajd demersali, u għalhekk għal miżuri tekniċi f’oqsma ewlenin bħalma huma l-kompożizzjoni tal-qabdiet u d-daqs tal-malji;
L. billi jeħtieġ li titqiegħed enfasi partikolari fuq l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira għas-sostenibbiltà tal-komunitajiet kostali, u b’mod partikolari r-rwol tan-nisa u t-tfal; billi l-PKS għamlet riferiment għal skema differenzjata għas-sajd fuq skala żgħira fl-Ewropa;
M. billi hemm bżonn ta’ definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ sajd fuq skala żgħira, fid-dawl tar-rwol li dan għandu fir-rijabilitazzjoni tal-ibħra tagħna u fil-preservazzjoni u l-prattiki tradizzjonali u ambjentalment sostenibbli;
N. billi d-definizzjoni ta’ prinċipji bażiċi komuni għall-baċini tal-baħar kollha permezz ta’ regolament qafas adottat bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont it-Trattat ta’ Lisbona hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PKS fl-UE, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi u sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri tekniċi;
O. billi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mhijiex dejjem meħtieġa fil-każ ta’ miżuri li jittieħdu fil-livell reġjonali jew soġġetti għal tibdil frekwenti, jew li huma bbażati fuq standards u objettivi deċiżi mill-koleġiżlaturi, iżda għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ regoli li huma komuni fil-baċini tal-baħar kollha kif ukoll għal miżuri li jinsabu f’regolamenti speċifiċi jew mhux probabbli li jiġu emendati fil-futur qarib;
P. billi r-reġjonalizzazzjoni għandha tiżgura li miżuri tekniċi jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u ta' kull baċir, billi jagħtu flessibbiltà u jagħmlu possibbli reazzjoni mgħaġġla f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; billi r-reġjonalizzazzjoni għandha tagħmel il-miżuri tekniċi aktar sempliċi u eħfef biex jinftiehmu, ikunu implimentati u infurzati; billi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi fuq bażi reġjonali għandha ssegwi l-mudell miftiehem mill-koleġiżlaturi kif maqbul skont il-PKS riformata;
Q. billi r-reġjonalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-fehim tal-istandards, li għaldaqstant jintlaqgħu tajjeb mis-settur tas-sajd u partijiet oħra interessati, speċjalment jekk jiġu assoċjati mal-proċess ta' adozzjoni tagħhom stess;
R. billi r-reġjonalizzazzjoni m'għandhiex twassal għal nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid, peress li dan mhuwiex kompatibbli mal-PKS, bħala politika komuni fejn l-UE għandha l-kompetenza esklużiva minħabba n-natura kondiviża tar-riżorsi;
S. billi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi fuq bażi reġjonali għandha ssegwi l-mudell miftiehem mill-koleġiżlaturi skont il-PKS il-ġdida, jiġifieri li l-Kummissjoni tadotta atti delegati abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri kkonċernati li jissodisfaw l-istandards u l-għanijiet deċiżi mill-koleġiżlaturi, jew, jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jippreżentaw ebda rakkomandazzjoni konġunta fi żmien l-iskadenza, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni stess; billi, madankollu, il-Parlament iżomm id-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe att delegat skont it-Trattat ta’ Lisbona;
T. billi r-reviżjoni tal-qafas ta’ miżuri tekniċi għandha tipprovdi opportunità biex tkompli ssir riflessjoni dwar ir-reġjonalizzazzjoni u jiġu kkunsidrati alternattivi għal atti ddelegati;
U. billi ċerti proposti ta' regolamenti speċifiċi li fihom miżuri tekniċi (għażel tat-tisqif, qabdiet aċċidentali ta' ċetaċji, sajd f'ibħra fondi) ħolqu kontroversji; billi xi proposti - bħal dik tas-sajd ta' stokkijiet ta' ħut ta' ibħra fondi fl-Atlantiku tal-Grigal - ġew imblukkati għal aktar minn tliet snin; billi deliberazzjonijiet dwar is-sajd bix-xbieki bl-għeżula tat-tisqif huma wkoll wieqfa; billi għadd ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri tekniċi ġew rifjutati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);
V. billi l-miżuri tekniċi għandhom jieħdu kont tal-fenomenu tas-sajd illegali li ta’ spiss ikunu akkumpanjati mill-użu illegali ta’ apparat tas-sajd, u għandhom jipproponu soluzzjoni effettiva għall-problema maħluqa mis-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU);
W. billi l-miżuri tekniċi applikabbli f’kull baċir tal-ħut tal-UE mhux dejjem ikunu adattati għall-ħtiġijiet ta’ attivitajiet innovattivi u sajd lokali differenti; billi, fid-dawl ta’ dan, is-sajjieda jeħtieġu sett ta’ miżuri tekniċi bbażati fuq approċċ reġjonali, li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet diversi ta’ kull baċin; billi l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut b’mod sostenibbli hija vitali u f’dak ir-rigward is-simplifikazzjoni u l-adattabbiltà tal-leġiżlazzjoni għar-realtajiet fuq il-post hija importanti; billi jinħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-baċini tas-sajd huma kondiviżi minn pajjiżi terzi, b’regoli ta’ preservazzjoni differenti ħafna minn dawk tal-Ewropa;
X. billi fl-ilmijiet Ewropej, u b’mod partikolari fil-Mediterran, huwa kruċjali li l-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa u jikkooperaw biex jidentifikaw dawk iċ-ċittadini li jwettqu sajd IUU, u b’hekk jiġi żgurat li s-sanzjonijiet applikabbli huma imposti u li jsiru kontrolli aktar stretti fil-fruntieri u fuq l-art;
Y. billi l-pjanijiet multiannwali adottati bejn l-2002 u l-2009 ma kinux kollha ugwalment effettivi; billi l-pjanijiet multiannwali ġodda ser jiġu adottati skont ir-regoli l-ġodda tal-PKS;
Z. billi n-negozjati ma’ pajjiżi terzi għandhom ikunu parti mill-isforzi biex tinkiseb is-sostenibbiltà;
AA. billi r-riforma tal-PKS introduċiet ir-rekwiżiti tal-ħatt l-art u pprovdiet flessibbiltà, eċċezzjonijiet u appoġġ finanzjarju taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);
AB. billi x’aktarx ikun hemm diffikultajiet biex tiġi implimentata l-projbizzjoni ta' ħut skartat f’sajd imħallat, għal speċi bi kwota limitanti;
AC. billi, wara t-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu setgħat leġiżlattivi konġunti fir-rigward tas-sajd, minbarra qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti;
AD. billi mill-2009 ma ġie adottat l-ebda pjan multiannwali bħala konsegwenza tal-imblokk tal-proposti fil-Kunsill;
AE. billi fi ħdan it-task force interistituzzjonali dwar il-pjanijiet multiannwali, il-koleġiżlaturi rrikonoxxew l-importanza li jaħdmu flimkien sabiex isibu mod prammatiku biex jimxu 'l quddiem fil-pjanijiet multiannwali filwaqt li jqisu l-opinjonijiet differenti fl-interpretazzjoni tal-qafas legali;
AF. billi l-pjanijiet multiannwali għandhom jipprovdu qafas ta’ ġestjoni tas-sajd b’saħħtu u dejjiem, abbażi tal-aħjar u l-aħħar sejbiet xjentifiċi u soċjoekonomiċi, u għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jiġu adattati skont l-evoluzzjoni tal-ħażniet u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet annwali dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd;
AG. billi ġew identifikati limitu ta’ rendiment massimu sostenibbli u skadenza għall-kisba ta’ dan il-limitu, mekkaniżmu ta’ azzjonar ta’ salvagwardja bħala prekawzjoni, mira minima tal-bijomassa, mekkaniżmu biex jadattaw għal bidliet imprevedibbli fl-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli u klawżola ta’ reviżjoni bħala l-elementi komuni għal pjanijiet multiannwali futuri;
AH. billi l-pjanijiet multiannwali għandu jkollhom għan ġenerali li jista' jinkiseb f'termini amministrattivi u xjentifiċi; billi dawn għandhom jinkludu rendiment stabbli fit-tul, f’konformità mal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, xi ħaġa li għandha tiġi riflessa f’deċiżjonijiet annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd; billi dawn id-deċiżjonijiet annwali għandhom ikunu strettament limitati għall-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd;
AI. billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Kawżi C-103/12 Parlament v Kunsill u C-165/12 Kummissjoni v Kunsill, dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Guyana Franċiża, tistabbilixxi preċedent billi tiċċara l-kontenut u l-limiti taż-żewġ bażijiet legali differenti li jinsabu fl-Artikolu 43 tat-TFUE; billi l-Artikolu 43(3) jista’ jintuża biss bħala bażi legali għall-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd taħt ir-regolamenti dwar it-TAC u l-kwoti;
AJ. billi l-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet is-sentenza tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2015 dwar il-kawżi konġunti C-124/13 u C-125/13 Parlament u Kummissjoni u Kunsill dwar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2012, li jemenda l-pjan fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz, fejn il-Qorti kkonfermat, hekk kif il-Parlament sostna, li minħabba l-objettiv u l-kontenut tiegħu, ir-Regolament kellu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, billi tintuża l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mal-Parlament bħala koleġiżlatur, għax ir-regolament fih għażliet politiċi li għandhom impatt fuq il-pjan multiannwali, u li konsegwentement huma neċesarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS;
AK. billi, fin-nuqqas ta’ pjani multiannwali, daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni jistgħu jiġu modifikati skont pjani għar-rimi adottati mill-Kummissjoni f’atti ddelegati dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati, jew, jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jippreżentaw ebda rakkomandazzjoni konġunta fi żmien l-iskadenza, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess; jenfasizza l-importanza kemm tal-protezzjoni ta’ minorenni kif ukoll ta’ segwitu għal parir xjentifiku meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni;
AL. billi l-pjanijiet għall-ħut skartat għandu jkollhom rwol essenzjali, minħabba li emenda fid-daqsijiet minimi ta' konservazzjoni tista' twassal għal tibdil fit-tekniki tas-sajd u, għaldaqstant, jinbidlu wkoll il-mortalità tas-sajd u l-bijomassa ta' individwi li jrabbu, iż-żewġ għanijiet kwantifikabbli tal-pjanijiet multiannwali; billi l-emenda tad-daqsijiet minimi permezz ta' atti delegati se twassal għal tibdil fil-parametri prinċipali tal-pjanijiet multiannwali minn barra;
AM. billi x-xewqa tal-koleġiżlaturi kienet li dawn l-atti delegati jkollhom natura tranżitorja, għal perjodu li fl-ebda każ m'għandu jaqbeż it-tliet snin;
AN. billi għall-istess speċi, id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni jistgħu jvarjaw minn żona għal oħra biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ispeċi u s-sajd; u li, fejn huwa possibbli, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti deċiżjonijiet orizzontali għaż-żoni kollha sabiex jiġu ffaċilitati l-kompiti ta' kontroll;
1. Iqis li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PKS, miżuri tekniċi futuri għandhom jiġu simplifikati sabiex titneħħa kwalunkwe kontradizzjoni u/jew duplikazzjoni f’qafas legali strutturat b’mod ċar u għandhom ikunu bbażati fuq data xjentifika soda analizzata mill-pari;
2. Iqis li huwa meħtieġ li titfassal lista eżawrjenti li jiġbor fil-qosor il-miżuri tekniċi kollha attwalment fis-seħħ, sabiex tagħti ħarsa ġenerali aħjar lil simplifikazzjonijiet u tħassir possibbli fir-rigward tal-miżuri tekniċi futuri;
3. Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu implimentati l-objettivi tal-PKS, tittejjeb is-selettività, jitnaqqas ir-rimi tal-ħut u l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, jiġu simplifikati r-regoli kurrenti, u tiżdied il-bażi xjentifika;
4. Iqis li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u kull reġjun, u b'hekk jiżguraw livell ogħla ta' konformità mis-settur ikkonċernat;
5. Isostni li s-semplifikazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni tal-miżuri tekniċi għandhom dejjem ikunu konsistenti ma’ dak li huwa verament l-għan tar-regolament dwar miżuri tekniċi, jiġifieri l-minimizzazzjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa u l-impatti fuq l-ambjent marittimu;
6. Iqis li, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS u biex ir-regoli tal-PKS isiru aktar aċċettabbli fis-settur tas-sajd u għal partijiet interessati oħra u biex tiġi żgurata konformità magħhom, is-sajjieda għandhom ikunu aktar involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari fi ħdan il-Kunsilli Konsultattivi u jingħataw inċentivi bħal appoġġ permezz tal-FEMS u strumenti oħra għall-innovazzjoni, taħriġ, tagħmir u l-użu ta’ tagħmir tas-sajd aktar selettiv;
7. Iqis li l-qafas leġiżlattiv ġdid se jiffaċilita aktar l-użu ta’ rkaptu tas-sajd li jkun ġie ppruvat xjentifikament li jżid is-selettività u li jkollu impatt imnaqqas fuq l-ambjent;
8. Iqis li l-innovazzjoni u r-riċerka ser jeħtieġ li jiġu promossi biex ikun żgurat li l-PKS tiġi implimentata kif suppost, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards ta’ rimi, sabiex tiżdied is-selettività u jiġu modernizzati tekniki ta' sajd u ta' monitoraġġ;
9. Jemmen li l-użu sostenibbli ta’ tagħmir tas-sajd innovattiv li wera li huwa aktar selettiv minn riċerka xjentifika indipendenti għandu jkun permess mingħajr restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet kwantitattivi bla bżonn, irregolat mil-leġiżlazzjoni u — sa fejn hija kkonċernata r-riċerka ulterjuri — jingħata appoġġ finanzjarju;
10. Iqis li huwa neċessarju li tinżamm il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ regoli komuni fil-baċini kollha tal-baħar, inkluż l-istabbiliment ta’ standards u għanijiet għal miżuri tekniċi, inklużi miżuri tekniċi li jinsabu f’regolamenti speċifiċi, jew għal miżuri tekniċi li mhux probabbli li jiġu emendati fil-futur qarib u jqis li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mhux dejjem tinħtieġ għal miżuri adottati fil-livell reġjonali jew li huma possibbilment soġġetti għal bidliet frekwenti; Huwa tal-opinjoni li dawn il-miżuri għandhom jiġu evalwati fuq bażi regolari sabiex ikun żgurat li jibqgħu rilevanti; Iqis li l-użu xieraq ta’ atti delegati jista’ jissodisfa din il-ħtieġa għal flessibbiltà u rispons; ifakkar, madankollu, li l-Parlament iżomm id-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe att delegat skont it-Trattat;
11. Jirrakkomanda li qafas Ewropew ġenerali ċari għal miżuri tekniċi għandu jiġi definit, li jistabbilixxi għadd limitat ta’ prinċipji trażversali ewlenin; Jemmen li r-regoli kollha mhux applikabbli għall-parti l-kbira tal-ilmijiet Ewropej m’għandhomx ikunu inklużi f’dan il-qafas ġenerali, iżda għandhom minflok jaqgħu taħt ir-reġjonalizzazzjoni;
12. Iqis li kull miżura adottata f’livell reġjonali għandha tkun konformi mar-regolament qafas dwar miżuri tekniċi u tkun konsistenti mal-objettivi tal-PKS u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) 2008/56/KE;
13. Iqis li r-regoli dwar il-miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti permezz tal-użu xieraq tal-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni u jkunu bbażati fuq prinċipji u definizzjonijiet ċentralizzati komuni, inkluż objettivi komuni u standards li għandhom jiġu applikati madwar l-UE, inkluż lista ta’ speċi u rkaptu tas-sajd ipprojbiti, sett ta’ regoli speċifiċi tal-baċiri l-kbar tal-baħar u għadd ta’ regolamenti tekniċi speċifiċi, li kollha se jiġu adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jinnota li r-reġjonalizzazzjoni tista’ tapplika għar-regoli applikabbli fil-livell reġjonali jew soġġetti għal tibdil frekwenti, u għandha tiġi evalwata fuq bażi regolari;
14. Jenfasizza l-ħtieġa għal regolament qafas ta’ miżuri tekniċi ġodda li għandu jiġi fformulat b’mod ċar, li se jeħtieġ sforz ta' kjarifika sinifikanti; konsegwentement jitlob li r-regolamenti eżistenti dwar il-miżuri tekniċi, b’mod partikolari r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1967/2006 jitħassru minn qabel sabiex tintemm il-proliferazzjoni ta’ regolamenti;
15. Ifakkar li fir-rigward tal-atti delegati, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri jistgħu, fi ħdan il-limitu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament dwar il-miżuri tekniċi, iressqu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, u li din tal-aħħar ma tkun tista’ tadotta ebda att qabel l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien;
16. Iqis li jinħtieġ li jiġu vvalutati l-adegwatezza, l-effikaċja u l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi għall-flotot tal-UE u l-komunitajiet lokali ta’ regolamenti speċifiċi bbażati fuq miżuri tekniċi filwaqt li jiġu rispettati l-objettivi tal-PKS u tal-MSFD;
17. Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ ċertu rkaptu tas-sajd sabiex jiġu protetti ħabitats u speċi marittimi;
18. Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jiżguraw li l-irkaptu tas-sajd distruttiv u mhux selettiv mhux użati, u li l-użu ġenerali ta’ sustanzi splussivi u velenużi għandhom ikunu pprojbiti;
19. Jemmen li hemm bżonn urġenti li jiġi stabbilit sett koerenti ta’ miżuri tekniċi għal kull wieħed mill-baċini, b’kont meħud tan-natura speċifika ta’ kull wieħed, fejn deċiżjonijiet tal-Unjoni jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut u l-ħarsien tal-ekosistemi u l-ġestjoni sostenibbli ta’ stokkijiet ta’ ħut kondiviżi;
20. Isostni li, minkejja l-obbligu tal-ħatt, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015 u li għandu jiġi applikat b’mod progressiv għall-istokkijiet tal-ħut sal-2019, id-dispożizzjonijiet rigward il-miżuri tekniċi għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jadattaw għal progress f’ħin reali tas-sajd u biex jipprovdu aktar opportunitajiet għas-settur tas-sajd li jdaħħlu innovazzjonijiet rigward metodi ta’ sajd selettiv fil-prattika;
21. Jemmen li l-obbligu tal-ħatt jikkostitwixxi bidla fundamentali għas-sajd, u li għalhekk il-miżuri tekniċi jeħtieġ li jiġu adattati sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw u jiffaċilitaw sajd aktar selettiv; jirrakkomanda dawn it-tliet miżuri sabiex jinkiseb dan:
–
jiġu modifikati sostanzjalment, jew saħansitra revokati, ir-regoli li jirregolaw il-kompożizzjoni tal-qabdiet,
–
tingħata aktar flessibbiltà fir-rigward tad-daqsijiet tal-malji,
–
isir possibbli li wieħed ikollu diversi tipi ta’ rkaptu abbord;
22. Jieħu nota tad-diffikultajiet li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ dawk l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 u d-daqsijiet minimi ta’ qabda; jitlob li dawn jiġu armonizzati permezz tar-regolament qafas ġdid dwar miżuri tekniċi;
23. Iqis li rieżami tal-miżuri tekniċi għandu jieħu kont tal-impatt tagħhom f’termini ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi, l-ambjent marittimu, l-ispejjeż operattivi tas-sajd, u l-qligħ f’termini soċjali u okkupazzjonali;
24. Jemmen li l-objettiv ta' konservazzjoni tar-Regolament qafas dwar miżuri tekniċi jista' jintlaħaq b’mod aktar effikaċi permezz ta’ azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-provvista u ġestjoni tad-domanda bl-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi;
25. Iqis li sajd artiġjanali inċidentali fl-ilmijiet interni tal-Istati Membri u r-reġjuni għandu jitħalla barra t-TACs;
26. Jemmen li l-pjanijiet multiannwali għandhom rwol vitali fil-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt il-PKS, peress li huma l-aktar vettura adatta għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi speċifiċi għal tipi differenti ta’ sajd;
27. Jemmen li l-koleġiżlaturi għandhom ikomplu jfittxu ftehim dwar pjanijiet multiannwali fir-rigward tal-kompetenzi istituzzjonali skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fuq il-bażi tal-każistika rilevanti;
28. Jemmen li l-pjanijiet multiannwali għandu jkollhom qafas solidu u dejjiemi għall-ġestjoni taż-żoni tas-sajd u għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar u l-aktar pariri xjentifiċi u soċjoekenomiċi riċenti disponibbli, u jiġu adattati għall-evoluzzjoni tal-istokkijiet, kif ukoll jipprovdu flessibbiltà għal deċiżjonijiet annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd; jinnota li dawn id-deċiżjonijiet annwali m'għandhomx jaqbżu l-ambitu strett tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, u għandhom jevitaw, kemm jista' jkun, varjazzjonijiet kbar fihom;
29. Isostni li għandu jsir progress dwar pjanijiet multiannwali futuri għar-restawr u ż-żamma ta’ stokkijiet f’livelli ogħla minn dawk li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, inkluża tabella taż-żmien bil-quddiem, attivazzjoni ta’ konservazzjoni ta’ salvagwardja, mekkaniżmu għall-adattament għal bidliet f’konsiderazzjonijiet xjentifiċi u klawsola ta’ reviżjoni;
30. Iqis li, sabiex jiġu evitati problemi li jirriżultaw mill-obbligu ta’ ħatt l-art għal sajd imħallat, jinħtieġ titjib tas-selettività u minimizzar tal-qabdiet mhux mixtieqa; iqis li huwa xieraq li jiġu identifikati modi kif tintuża l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ flessibbiltà u jintużaw il-meded ta’ mortalità mis-sajd stabbiliti xjentifikament biex jiġu stabbiliti t-TACs;
31. Itenni li huwa meħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni mill-partijiet interessati fit-tfassil u l-iżvilupp tal-pjanijiet multiannwali permezz tal-Kunsilli Konsultattivi u fid-deċiżjonijiet kollha relatati mar-reġjonalizzazzjoni;
32. Jemmen li l-Parlament għandu jwettaq b’mod partikolari skrutinju mill-qrib lil atti delegati dwar pjani għar-rimi u jirriżerva d-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe pjan jekk iqis li dan ikun meħtieġ;
33. Iqis li l-validità tranżitorja tal-atti delegati relatati mal-pjanijiet għall-ħut skartat, inkluż l-emendi tad-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, fl-ebda każ m'għandha taqbeż il-limitu ta' tliet snin, u dawn għandhom jiġu sostitwiti, fejn ikun xieraq, bi pjanijiet multiannwali, u li, għal dan l-għan, il-pjanijiet multiannwali għandhom jiġu adottati malajr kemm jista' jkun;
34. Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni, deċiżjonijiet dwar daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni għal kull speċi għandhom ikunu bbażati fuq parir xjentifiku; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ irregolaritajiet jew frodi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern;
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.