Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/3033(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0041/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2016 - 7.8
CRE 20/01/2016 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0016

Testi adottati
PDF 269kWORD 83k
L-Erbgħa, 20 ta' Jannar 2016 - Strasburgu
Il-proċess ta' paċi fil-Kolombja
P8_TA(2016)0016RC-B8-0041/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2016 b'appoġġ għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja (2015/3033(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu favur il-paċi u d-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-konnessjonijiet speċjali li jorbtu lill-UE mal-Kolombja, u partikolarment il-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta’ Lulju 2012, kif ukoll il-ftehim ta' eżenzjoni mill-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja, iffirmat fit-2 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-punt 44 tal-Messaġġ tad-Delegazzjoni tal-PE għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat) lit-Tieni Summit CELAC-UE ta' Brussell dwar it-tmiem tal-kunflitt intern bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC, u d-Dikjarazzjoni ta' Brussell adottata fi tmiem it-Tieni Summit UE-CELAC, fil-11 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Federica Mogherini, dwar il-Ftehim ta' Ġustizzja Tranżizzjonali fil-Kolombja, tal-24 ta' Settembru 2015, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tagħha tal-1 ta' Ottubru 2015, dwar il-ħatra tas-Sur Eamon Gilmore bħala Mibgħut Speċjali tal-Unjoni għall-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE u l-Kolombja għandhom qafas ta’ kooperazzjoni politika, ekonomika u kummerċjali stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Novembru 2009 u fil-Ftehim Kummerċjali Plurilaterali bejn il-Kolombja u l-Perù, u l-UE u l-Istati Membri tagħha, li l-ambizzjoni aħħarija tiegħu hi mhux biss li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-partijiet, iżda wkoll li jsaħħaħ il-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u l-benessri taċ-ċittadini;

B.  billi din ir-relazzjoni mill-qrib testendi għal oqsma ta’ kollaborazzjoni internazzjonali Plurilaterali dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku bħall-ġlieda favur il-paċi u kontra t-terroriżmu u t-traffikar tad-drogi;

C.  billi l-kunflitt armat intern fil-Kolombja ilu għaddej aktar minn ħamsin sena, u kkawża tbatija kbira lill-popolazzjoni, kemm minħabba atti terroristiċi kif ukoll atti min-naħa tal-gruppi paramilitari, u wassal fost l-oħrajn għal qtil, għajbien furzat, ħtif, vjolenza sesswali, abbuż kontra t-tfal, spustar intern u estern tal-popolazzjoni, u splużjonijiet ta' mini kontra l-persunal;

D.  billi l-Mejda ta' Konverżazzjonijiet bejn il-Gvern tal-Kolombja u l-Forzi Armati Revoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC) ġiet stabbilita f'Havana (Kuba) fid-19 ta' Novembru 2012, wara l-iffirmar tad-dokument "Ftehim Ġenerali biex jintemm il-kunflitt u tinbena paċi stabbli u dejjiema" tas-26 ta' Awwissu 2012, li jwettaq ix-xewqa tal-poplu tal-Kolombja li jgħix fil-paċi, u jirrikonoxxi li l-Istat għandu d-dmir li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu tiegħu u li l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ekwu hu garanzija tal-paċi u kundizzjoni neċessarja għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli tal-pajjiż;

E.  billi f'fażijiet differenti n-negozjaturi f'Havana laħqu ftehimiet dwar kampanja ġdida għall-Kolombja u riforma rurali integrali, parteċipazzjoni politika u ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, u soluzzjoni għall-problema tad-drogi illegali;

F.  billi fit-23 ta’ Settembru 2015 il-Gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi skont id-Dritt Internazzjonali li għandha tissodisfa d-drittijiet tal-vittmi u tgħin biex tinħoloq paċi stabbli u dejjiema, u għal dan l-għan il-partijiet qablu li jniedu Sistema Integrali ta' Verità, Ġustizzja, Riparazzjoni u Nonripetizzjoni, li tkun tinkludi l-ħolqien ta' Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonripetizzjoni, kif ukoll ftehimiet dwar riparazzjoni lill-vittmi;

G.  billi fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-gvern tal-Kolombja u l-FARC ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-vittmi tal-kunflitt u l-ħolqien tal-istituzzjonijiet previsti fil-ftehim tat-23 ta’ Settembru 2015;

H.  billi l-Gvern tal-Kolombja, il-Kamra Leġiżlattiva tiegħu u l-poplu Kolombjan huma sovrani biex jistabbilixxu l-parametri ta' din il-Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, li l-funzjoni essenzjali tagħha se tkun li ttemm l-impunità, toħroġ il-verità, tiġġudika u tikkastiga lil dawk li wettqu delitti matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk li huma l-aktar gravi u rappreżentattivi, filwaqt li tiżgura nonrepetizzjoni u tikkontribwixxi għar-riparazzjoni tal-vittmi;

I.  billi t-tmiem ta' dan il-kunflitt intern, li tul 50 sena kkawża miljuni ta' vittmi, u t-twettiq ta' paċi stabbli u dejjiema fil-Kolombja hi prijorità ewlenija għal dan il-pajjiż, iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea u l-komunità internazzjonali, kif juru d-diversi dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għall-proċess ta' paċi min-naħa ta' ħafna pajjiżi u entitajiet reġjonali u internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea nfisha;

1.  Jilqa’ b'sodisfazzjon, u jappoġġa, il-ftehimiet milħuqa s’issa bejn il-gvern tal-Kolombja u l-FARC għall-kisba tal-paċi fil-Kolombja, u jsemmi l-ftehimiet dwar riforma rurali integrali, parteċipazzjoni politika u ftuħ demokratiku għall-bini tal-paċi, is-soluzzjoni tal-problema ta’ drogi illegali u l-ħolqien ta’ Ġurisdizzjoni Speċjali għall-Paċi, inkluż l-istabbiliment ta’ Kummissjoni għat-Tfittxija tal-Verità, il-Konvivenza u n-Nonrepetizzjoni, kif ukoll l-Unità Speċjali għat-Tfittxija ta' Persuni li Għebu fil-kuntest tal-kunflitt u minħabba fih, u l-Unità ta' Investigazzjoni u ż-Żarmar ta’ Organizzazzjonijiet Kriminali;

2.  Jirrikonoxxi l-isforz politiku, ta' realiżmu u perseveranza li wrew il-Gvern tal-Kolombja kif ukoll il-FARC biex iqarrbu l-pożizzjonijiet opposti tagħhom, filwaqt li ħolqu progressivament spazju ta' kompromess li ta lok ta' progress fit-tfittxija għal paċi stabbli u dejjiema u l-promozzjoni ta' ftehim uniku fl-istorja, ftehim li jpoġġi lill-vittmi fil-qalba tiegħu u jistabbilixxi bħala prijorità l-verità, il-ġustizzja mingħajr l-impunità, ir-riparazzjoni ġenwina għad-dannu subit u n-nonripetizzjoni; jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti tal-assoċjazzjonijiet tal-vittmi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili fit-twettiq ta’ dawn il-ftehimiet;

3.  Jappella lill-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali (ELN) sabiex, mingħajr aktar dewmien, timpenja ruħha b'mod sod u deċiżiv favur il-paċi fil-Kolombja, u tfittex li tibda, mal-Gvern Kolombjan, proċess ta' negozjati parallel li jkun jista' jwassal għal termini simili;

4.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li n-negozjati jilħqu l-qofol tagħhom mill-aktar fis possibbli biex jimmarkaw it-tmiem definittiv tal-kunflitt u avveniment verament importanti fl-istorja moderna tal-Kolombja, u għal dak l-għan iħeġġeġ lill-partijiet, lill-forzi politiċi kollha tal-Kolombja u lis-soċjetà Kolombjana kollha kemm hi biex jikkontribwixxu pożittivament biex tintemm il-vjolenza;

5.  Jiddikjara għal darba oħra li l-vjolenza mhijiex metodu leġittimu tal-ġlieda politika, u jitlob lil min kellu din il-konvinzjoni biex iħaddan id-demokrazija bil-konsegwenzi u l-eżiġenzi kollha tagħha, li l-ewlenija fosthom hi li jċedu l-armi b'mod definittiv u li jiddefendu l-ideat u l-ambizzjonijiet tagħhom permezz ta' regoli demokratiċi u l-Istat tad-Dritt;

6.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti li żvolġew s'issa Kuba u n-Norveġja bħala pajjiżi garanti u ċ-Ċilì u l-Venezwela bħala pajjiżi akkumpanjaturi tal-proċess ta' paċi, u japprezza wkoll il-kollaborazzjoni tal-Papa Franġisku f'dan il-kompitu;

7.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015 min-naħa tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, li taħtar lis-Sur Eamon Gilmore, ex-Deputat Prim Ministru u ex-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tar-Repubblika tal-Irlanda, bħala Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Proċess ta’ Paċi fil-Kolombja, u jilqa' wkoll ir-rwol ta’ monitoraġġ tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fix-xenarju ta’ wara l-ftehimiet ta’ paċi li hu mitlub jiżvolġi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-Kolombja;

8.  Itenni d-disponibilità tiegħu li joffri l-assistenza kollha possibbli b'appoġġ għall-implimenzzajoni tal-ftehim definittiv tal-paċi, u jġedded it-talba tiegħu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex joħolqu fond fiduċjarju biex jakkumpanja l-fażi ta' wara l-kunflitt li fih jistgħu jipparteċipaw il-komunitakjeit u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jqis il-prijoritajiet espressi mill-vittmi fiir-rigward tal-verità, il-ġustizzja, ir-riparazzjoni u l-garanziji ta' nonripetizzjoni;

9.  Jissottolinja l-importanza li l-konsolidazzjoni tal-paċi twassal għal sforz determinat fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar, li tinkludi soluzzjonijiet ekwi għall-persuni u għall-komunitajiet spustati mill-artijiet tagħhom, aċċess għal xogħol deċenti u rikonoxximent ta’ drittijiet tax-xogħol u soċjali fil-Kolombja kollha kemm hi, u jikkunsidra li għandu jingħata appoġġ speċjali lil gruppi speċifiċi li ntlaqtu b’mod sproporzjonat mill-kunflitt, bħall-Afrokolombjani u l-persuni indiġeni;

10.  Iqis li t-twaqqif ta’ Sottokumitat tal-Ġeneru li jiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fin-negozjati u l-parteċipazzjoni tal-vittmi ta’ vjolenza sesswali u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fid-djalogi għall-paċi mingħajr preċedent u għandhom inebbħu proċessi ta' paċi oħra madwar id-dinja;

11.  Jinnota b'sodisfazzjon l-esklużjoni ta' kwalunkwe amnistija jew maħfra f'każ ta' delitti kontra l-umanità, ġenoċidju, delitti gravi tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dritt Internazzjonali Kriminali u Umanitarju u l-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Iqis li hu indispensabbli li l-pieni imposti fuq dawk li wettqu d-delitti jikkontribwixxu għall-għan ta’ riparazzjoni lill-vittmi u r-rikonċiljazzjoni politika u soċjali;

13.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-istituzzjonijiet Kolombjani favur garanzija sħiħa u permanenti tad-drittijiet tal-bniedem, u jistedinhom jintensifikaw dawn l-isforzi bil-għan li jeqirdu għalkollox is-subkultura ta' vjolenza f'pajjiż fejn 50 snin ta' kunflitt xi drabi ġġeneraw risponsi extralegali u mġiba kuntrarja għall-Istat tad-Dritt u d-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' ċerti istituzzjonijiet; f'dan is-sens, ifakkar lill-Istat Kolombjan dwar ir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti tal-għaqdiet tal-ħaddiema, u jitlob lil dawn l-organizzazzjonijiet ċiviċi biex jikkollaboraw għar-ristawr ta' konvivenza rikonċiljata fil-Kolombja;

14.  Jilqa' pożittivament it-tħabbira min-naħa tal-forzi armati Kolombjani li se tiġi riveduta d-duttrina militari tal-Kolombja bil-għan li l-forzi armati jħejju rwieħhom biex jilqgħu b'mod effettiv u b'ħeffa l-isfidi l-ġodda tal-fażi ta' wara l-kunflitt, filwaqt li jservu ta' garanti tal-ftehimiet ta' paċi; jemmen ukoll li t-tħabbira riċenti mill-FARC li se tissospendi t-taħriġ militari tagħha biex timpenja ruħha f’taħriġ politiku u kulturali bħala parti mill-proċess biex jintemm il-konflitt armat huwa pass fiduċjuż fid-direzzjoni t-tajba;

15.  Jitlob lid-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Komunità Andina tiegħu u lid-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana tiegħu biex iwettqu s-segwitu u possibilment l-akkumpanjament tal-ftehimiet ta’ paċi;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza attwali tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lill-Gvern u l-Kungress tar-Repubblika tal-Kolombja.

Avviż legali - Politika tal-privatezza