Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (2015/3032(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (AA/DCFTAs) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll ir-riżoluzzjoni reċenti tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(1),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni mill-Georgia u mill-Ukrajna tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża tat-18 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-integrazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika u fil-proċessi ta' riforma,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna lkoll irratifikaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs), li jħaddnu Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), biex b'hekk għażlu t-triq ta' integrazzjoni politika u ekonomika eqreb mal-Unjoni Ewropea kif ukoll dik tat-twettiq ta' riformi ambizzjużi f'bosta oqsma, inklużi d-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijijet tal-bniedem;
B. billi l-UE tirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tat-tliet pajjiżi u tenfasizza l-valur miżjud tal-AAs fil-proċessi ta' riforma tagħhom;
C. billi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu fil-qalba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u jirrappreżentaw impenn fundamentali, b'mod partikolari min-naħa tat-tliet pajjiżi li ffirmaw AAs mal-UE;
D. billi r-Russja għadha involuta, direttament jew indirettament, f'kunflitti u qasmiet interni li jmissu lil kull wieħed minn dawn it-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni – it-territorji okkupati tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar / ir-Reġjun ta' Tskhinvali fil-Georgia, il-kwistjoni tat-Transnistrija fil-Moldova, u l-annessjoni Russa tal-Krimea u l-involviment Russu fil-kunflitt fil-partijiet tal-Lvant tal-Ukrajna;
E. billi l-ivvjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u l-Moldova ġie introdott f'April 2014, u billi l-aħħar rapporti tal-Kummissjoni f'Diċembru 2015 jindikaw li l-Georgia u l-Ukrajna issa jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża;
F. billi l-impenn tal-UE mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant sab reżistenza qawwija u reazzjonijiet aggressivi mill-Federazzjoni Russa, bħal miżuri ta' ritaljazzjoni kontra l-pajjiżi tal-assoċjazzjoni; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha adottaw sensiela ta' sanzjonijiet u miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa u kontra uffiċjali Russi;
1. Jenfasizza l-importanza tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (AAs), bil-komponenti tagħhom ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA); jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar sal-lum, u jinsisti li l-implimentazzjoni ta' dawn l-AAs/DCFTAs u tal-Aġendi ta' Assoċjazzjoni relatati trid tkun prijorità ewlenija għall-UE u għat-tliet sħab; jenfasizza li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea iffirma l-AAs unanimament;
2. Jilqa' l-isforzi li għamlu l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun qrib tal-istandards tal-UE abbażi tal-impenji tal-AA/DCFTA; jirrimarka li s-suċċess f'dan jiddependi fuq ħafna fatturi, fosthom ambjent politiku stabbli, ħsieb strateġiku, pjanijiet konkreti għal riformi, u l-użu tajjeb ta' appoġġ finanzjarju u tekniku internazzjonali;
3. Jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-assistenza finanzjarja u teknika, impenjata u b'ħafna lati, mogħtija mill-UE u minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra lill-Ukrajna u lill-Georgia, iżda jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju tal-UE lis-sħab kollha tagħha huwa kkondizzjonat minn passi konkreti ta' riforma; jenfasizza r-rwol kruċjali l-Kummissjoni għandu jkollha fil-faċilitazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-AAs/DCFTAs u fil-monitoraġġ tal-awtoritajiet rilevanti u fl-assistenza li jingħataw, kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament;
4. Ifakkar li l-fondi li jsiru disponibbli jridu jintefqu sewwa, u li, waħedhom, mhumiex biżżejjed biex jistabbilizzaw l-ekonomija, u lanqas ma jista' jitwettaq kwalunkwe suċċess sostenibbli bla impenn kontinwu mis-sħab biex iġibu 'l quddiem u jimplimentaw riformi strutturali, jiżguraw żieda fid-domanda domestika, u jiksbu l-koeżjoni soċjali;
5. Jemmen li l-iskrutinju parlamentari huwa kundizzjoni fundamentali għall-appoġġ demokratiku għall-politiki tal-UE; jitlob li l-Kummissjoni, għaldaqstant, tiffaċilita l-monitoraġġ regolari u dettaljat tal-implimentazzjoni tal-AAs/DCFTAs mill-Parlament Ewropew b'mod li jkun f'waqtu; jitlob li l-Assemblea Parlamentari Euronest tingħata spinta ġdida, u li l-attività tagħha tiġi intensifikata, b'tali mod li tkun tista' tiffaċċja sfidi ġodda b'mod effikaċi; jitlob skambju tal-aqwa prattiki u l-konklużjoni ta' memorandum ta' qbil, imfassal fuq dak iffirmat mal-Verkhovna Rada, li jista' jservi bħala eżempju għall-kooperazzjoni parlamentari;
6. Jenfasizza l-importanza li d-dimensjoni soċjali tas-sħubija tiġi żviluppata, fi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Aġendi ta' Assoċjazzjoni u tal-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazjzoni Dinjija tax-Xogħol; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw l-impenji tagħhom dwar standards ċentrali tax-xogħol u tal-ambjent;
7. Jissottolinja l-appoġġ sod tiegħu għall-integrità territorjali tat-tliet pajjiżi kollha; jistieden lill-Federazzjoni Russa ttemm l-okkupazzjoni tagħha tal-Krimea, u ttemm minnufih kwalunkwe involviment dirett jew indirett fil-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna, kif ukoll fil-kunflitti ffriżati fil-Georgia u fil-Moldova; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 2015 li jestendi s-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Federazzjoni Russa, wara li l-Ftehimiet ta' Minsk ma twettqux;
8. Jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi tal-assoċjazzjoni għażlu b'mod ħieles li jistabbilixxu relazzjoni iktar profonda mal-UE, u li għażlithom trid tiġi rrispettata bis-sħiħ u tkun ħielsa minn pressjoni minn kwalunkwe parti terza; jikkundanna, f'dan ir-rigward, l-azzjonijiet meħuda mir-Russja biex iddgħajjef jew tfixkel it-triq pro-Ewropea li mexjin fiha t-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni, u jitlob li jiġu intensifikati l-isforzi kontra d-diżinformazzjoni u li tittejjeb il-komunikazzjoni strateġika tal-politiki u l-attivitajiet tal-UE fil-Viċinat tal-Lvant, flimkien mal-attivitajiet imwettqa mit-Task Force East StratCom tal-UE;
9. Jilqa' bil-qawwa l-aħħar rapporti ta' progress, ippubblikati mill-Kummissjoni fit-18 ta' Diċembru 2015, dwar l-implimentazzjoni mill-Ġeorġja u l-Ukrajna tal-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża rispettivi tagħhom; jistenna li l-Kunsill u l-Istati Membri jipproċedu biex jagħtu liż-żewġ pajjiżi reġim ta' vjaġġar mingħajr viża, u dan bla dewmien; ifaħħar lill-Moldova għall-implimentazzjoni tajba tar-reġim mingħajr viża li ilu implimentat minn April 2014, li jirrappreżenta eżempju tajjeb għar-reġjun kollu;
10. Jissottolinja l-fatt li l-għanijiet prinċipali tad-DCFTAs huma, fuq skala mikro, li jwettqu titjib tanġibbli u sostenibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini ordinarji, billi jiżguraw l-istabbiltà, joħolqu opportunitajiet għall-SMEs u jiġġeneraw l-impjiegi; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tad-DCFTA, flimkien mas-sitwazzjoni ekonomika pessma, jista' jkollha impatt fuq l-ekonomija u fuq is-suq tax-xogħol tal-Ukrajna, b'konsegwenzi soċjali li jeħtieġ li ma jiġux ittraskurati; jenfasizza li t-twaqqif ta' DCFTAs bilaterali mal-Ukrajna, mal-Georgia u mal-Moldova huwa strument kruċjali għal kummerċ modern, trasparenti u prevedibbli, għall-approssimazzjoni regolatorja u għall-integrazzjoni ekonomika gradwali tas-sħab fis-suq intern tal-UE, kif ukoll għal investimenti diretti barranin li jwasslu għall-ħolqien tal-impjiegi u għal tkabbir fit-tul, u dan bil-għan aħħari li tinħoloq żona ekonomika usa' bbażata fuq ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fuq ir-rispett tal-għażliet sovrani;
11. Jissottolinja l-ħtieġa li l-aġenda tar-riforma titwettaq b'mod vigoruż, speċjalment fl-oqsma tal-ġudikatura, tal-istat tad-dritt u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, bħala prerekweżit importanti għall-iżvilupp soċjoekonomiku tat-tliet pajjiżi ta' assoċjazzjoni;
12. Itenni l-importanza tal-integrazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u fil-proċessi ta' riforma; jenfasizza r-rwol li jista' jkolhom f'dan il-proċess il-Pjattaformi tas-Soċjetà Ċivili previsti fl-AAs rigward, b'mod partikolari, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jirrimarka li huwa importanti li l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-AAs/DCFTAs jiġu spjegati lill-popolazzjonijiet tal-pajjiżi ta' assoċjazzjoni, u li kull mit jinkixef u jitwaqqa';
13. Jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-AAs/DCFTAs dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija għas-sigurtà tal-provvista u għall-iżvilupp ta' swieq tal-enerġija kompetittivi, trasparenti u nondiskriminatorji bi qbil mar-regoli u mal-istandards tal-UE, kif ukoll għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika; jappoġġja l-intenzjoni tal-UE li ssaħħaħ l-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija mal-Moldova, mal-Ukrajna u mal-Georgia permezz tal-Komunità tal-Enerġija;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, minkejja x-xejriet ekonomiċi negattivi fir-reġjun, l-esportazzjonijiet mill-Georgia u mill-Moldova lejn l-UE kibru fl-ewwel 12-il xahar tal-implimentazzjoni tad-DCFTA, b'tali mod li l-importazzjonijiet fl-UE mill-Georgia żdiedu bi 15 % u s-sehem totali tagħha fl-esportazzjonijiet tal-Moldova żdied bi 62 %, u jistenna li fl-Ukrajna jkun hemm l-istess xejriet pożittivi; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena, fid-dettall, dwar l-implimentazzjoni tad-DCFTAs mal-Georgia, mal-Moldova u mal-Ukrajna, b'mod partikolari dwar il-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni għall-Georgia u dwar il-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni u l-klawżola ta' salvagwardja fil-każ tal-Moldova;
15. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-UE, dment li jaderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, jirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u tal-minoranzi, u jiżgura l-istat tad-dritt;
16. Huwa sodisfatt bil-parteċipazzjoni, jew l-assoċjazzjoni, tat-tliet pajjiżi fi programmi tal-UE, bħall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), Orizzont 2020, Erasmus +, Marie Sklodowska Curie, u Ewropa Kreattiva; jinnota li din il-kooperazzjoni, filwaqt li hija ta' benefiċċju reċiproku, lill-pajjiżi sħab tagħtihom l-opportunità li jsiru midħla tal-metodi ta' ħidma u tal-politiki tal-UE;
17. Jilqa' b'sodisafzzjon il-fokus il-ġdid tal-PEV riveduta, kif ukoll l-intenzjoni tal-UE li tintensifika l-kooperazzjoni ma' sħabna fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tal-antiradikalizzazzjoni, u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà; iqis li din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tkun sostanzjali u mmirata lejn l-indirizzar ta' theddidiet komuni għas-sigurtà u lejn l-iżvilupp ta' sforzi konġunti għas-soluzzjoni vijabbli tal-kunflitti, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni msaħħa f'missjonijiet u f'attivitajiet ta' taħriġ tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) kif ukoll f'azzjonijiet intiżi biex jiżguraw in-nonproliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW); itenni l-appoġġ tiegħu għall-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM), għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE għal Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine), u għall-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Georgia (EUMM), kif ukoll għall-isforzi favur ir-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflitti li jaffettwaw lit-tliet pajjiżi;
Il-Georgia
18. Jilqa' l-progress li l-Georgia għamlet matul dawn l-aħħar tliet snin fl-oqsma kollha koperti mill-erba' moduli tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża, u jfaħħar l-impenn li ntewra f'dan ir-rigward mill-awtoritajiet Georgjani;
19. Jenfasizza li l-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-pluralità tal-informazzjoni huma l-valuri fundamentali ta' soċjetà demokratika; jinsab imħasseb dwar l-effetti negattivi fuq il-pluralità tal-midja li jħallu każijiet bħal dak tal-kumpanija tax-xandir Rustavi 2; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Georgjani jiggarantixxu l-pluraliżmu tal-midja, l-indipendenza editorjali u sjieda trasparenti tal-midja, b'mod speċjali lejlet l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016; japprova l-idea mressqa mill-awtoritajiet Georgjani li jibagħtu missjoni esperta ta' konsulenti ta' livell għoli, li tinkludi imħallfin irtirati tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jissorveljaw il-każ li għaddej dwar Rustavi 2;
20. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-proċedimenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasparenti, imparzjali u ħielsa mill-motivazzjoni politika; jistieden lill-Georgia tkompli r-riforma tal-ġudikatura u timplimentaha bis-sħiħ, inkluż billi ssaħħaħ l-indipendenza tagħha u tiddepolitiċizza l-Uffiċċju tal-Prosekutur; jibqa' mħasseb dwar in-nuqqas ta' obbligu ta' rendikont tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-kriterji vagi li jirregolaw il-ħatra tal-prosekuturi u l-investigaturi; jappella biex ikomplu jsiru sforzi favur l-indipendenza sħiħa, l-effiċjenza, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu fil-ġudikatura, fl-Uffiċċju tal-Prosekutur, fil-Ministeru tal-Intern, kif ukoll fis-Servizz tas-Sigurtà li għadu kif ġie stabbilit, inkluż permezz ta' skrutinju parlamentari tal-attivitajiet tal-aħħar tnejn imsemmija; jinsab imħasseb dwar l-użu estensiv tad-detenzjoni ta' qabel il-proċess, b'mod speċjali tal-figuri politiċi u tal-attivisti, meta din għandha tkun miżura eċċezzjonali li tiġi applikata biss f'ċirkustanzi urġenti u ċari;
21. Ifakkar fid-dikjarazzjoni tat-22 ta' Settembru 2015 tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa dwar pressjoni barra minn lokha eżerċitata fuq l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Georgia, u jistieden lill-gvern tal-Georgia jieħu l-azzjoni xierqa, inklużi miżuri adegwati li jipproteġu l-membri tal-qorti u l-familji tagħhom, jinvestiga bis-sħiħ l-atti kollha ta' intimidazzjoni u jagħmel mod li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
22. Jissottolinja l-fatt li l-eżistenza ta' oppożizzjoni politika hija kruċjali għal sistema politika bilanċjata u matura, u jenfasizza li kwalunkwe att ta' vjolenza kontra membri ta' kwalunkwe partit politiku għandu jiġi investigat fil-pront u bir-reqqa; jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Georgia jtejbu l-klima politika billi jevitaw il-konfrontazzjoni u l-polarizzazzjoni u jiżguraw djalogu bejn il-partiti fl-interess tat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;
23. Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet imniżżla fir-rapport fundamentali "Georgia in Transition" (Il-Georgia fi Tranżizzjoni) ippreżentat minn Thomas Hammarberg, il-Konsulent Speċjali tal-UE dwar riformi kostituzzjonali u legali u d-drittijiet tal-bniedem;
24. Jifraħ lill-Georgia għas-sistema innovattiva tagħha ta' akkwist pubbliku elettroniku, li żiedet b'mod sostanzjali t-trasparenza, l-effiċjenza u l-obbligu ta' rendikont – li huma fatturi ewlenin għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
Il-Moldova
25. Jesprimi tħassib serju dwar l-instabbiltà politika sistemika de facto li effettivament kompliet għaddejja mill-aħħar elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Novembru 2014 'l hawn, u jqis li l-imblokk politiku attwali fil-Moldova laħaq punt kritiku tant li hemm riskju li dan jiddestabbilizza l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u jagħmel ħsara lill-ekonomija, b'impatt qawwi fuq l-influss tal-investiment dirett barrani (IDB);
26. Jilqa l-ħolqien ta' gvern ġdid wara wara perjodu twil ta' staġnar u tentattivi bla suċċess biex jifforma gvern fl-4 u fit-13 ta' Jannar 2016; iħeġġeġ lill-forzi politiċi fil-Moldova jħaffu mingħajr aktar dewmien il-proċess ta' riforma għall-ġid tal-Moldovani kollha, inkluż sabiex il-Moldova tkun konformi mat-talbiet tal-Bank Dinji u tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI); iħeġġeġ li jiġu evitati l-konsegwenzi ġeopolitiċi terribbli ta' kriżi politika oħra u jfakkar lill-partiti Moldovani dwar il-bżonn li tittejjeb l-istabilità politika sabiex jġu garantiti suċċess sostenibbli tar-riformi u jittama li l-gvern il-ġdid se jkun jista' jagħti riżultati sostanzjali;
27. Jissottolinja li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-ħolqien ta' ġudikatura indipendenti u depolitiċizzata, fit-tneħħija tal-manipulazzjoni tal-istat għal interessi privati u fl-istabbilizzazzjoni tal-ekonomija tal-Moldova; jiddispjaċih dwar il-fatt li, minħabba l-instabbiltà politika tal-istituzzjonijet tal-Moldova u l-inabbiltà tagħhom li jwettqu dak li hu mistenni minnhom, il-pagamenti ta' appoġġ baġitarju tal-UE ġew sospiżi fl-2015;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jestendu l-kompetenza teknika kollha meħtieġa u l-appoġġ finanzjarju lill-Gvern futur tal-Moldova, fuq l-eżempju tal-Grupp ta' Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna, inkluż billi jissekondaw uffiċjali u esperti minn Brussell u mill-bliet kapitali ta' Stati Membri biex jiġu inkorporati fl-amministrazzjoni Moldovana sabiex ikunu jistgħu jgħinu u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' riformi fil-post u fuq bażi ta' kuljum;
29. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw bis-sħiħ u bir-reqqa l-iskandlu ta' korruzzjoni u s-serq ta' EUR 1 biljun mis-sistema bankarja, iressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja u jiżguraw li l-fondi misruqa jintraddu; iqis li l-kriżi bankarja li għaddejja bħalissa turi l-ħtieġa serja ta' titjib sistematiku fil-qafas legali sabiex jissaħħu l-kontroll u t-trasparenza tal-attivitajiet tas-settur bankarju; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-investigazzjonijiet ġudizzjarji li għaddejjin u tipprovdi lill-awtoritajiet Moldovani l-għarfien espert u l-assistenza meħtieġa biex iwettqu u jtemmu l-inkjesta jekk ikun hemm bżonn;
30. Jappella għal riforma komprensiva tas-settur tal-midja u għal trasparenza sħiħa tas-sjieda tal-midja; jesprimi t-tħassib, f'dan ir-rigward, dwar in-nuqqas ta' kompetizzjoni ġenwina u jappella għall-adozzjoni ta' liġi rigoruża dwar il-kunflitti ta' interess;
L-Ukrajna
31. Jilqa' d-dħul fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2016 tad-DCFTA bejn l-UE u l-Ukrajna; jikkundanna, madankollu, il-fatt li l-Federazzjoni Russa b'mod unilaterali ssospendiet il-ftehim ta' kummerċ ħieles tagħha mal-Ukrajna, introduċiet restrizzjonijiet kummerċjali ħarxa fuq l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn ir-Russja u qiegħda xxekkel it-trasport tal-merkanzija lejn pajjiżi terzi, fi ksur ta' ftehimiet tad-WTO u ftehimiet bilaterali oħra ta' kummerċ; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa lill-Ukrajna f'tilwim attwali u futuri mar-Russja fil-qafas tad-WTO;
32. Jenfasizza l-ftuħ bla preċedent u l-isforzi tal-Kummissjoni ta' iktar minn sena u nofs biex tindirizza kull dubju fuq in-naħa Russa dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tad-DCFTA u biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi; jiddispjaċih li n-naħa Russa ma setgħetx tagħti eżempji konkreti dwar kif is-suq u l-kummerċ tagħha kienu se jiġu affettwati bid-dħul fis-seħħ tad-DCFTA; itenni l-benefiċċji potenzjali għar-Russja li għandhom jirrizultaw mill-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA, permezz ta' żieda fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi u viċinat iktar stabbli; jappella, f'dan ir-rigward, li jiġu esplorati possibbiltajiet ulterjuri għal djalogu ta' livell għoli;
33. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-missjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) bil-persunal kollu meħtieġ biex tiffunzjona u jżommuha kompletament operattiva; jinnota l-appelli min-naħa tal-Gvern Ukren għal forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi estiża tul il-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja u fid-distretti ta' Luhansk u Donetsk; jaqbel li, meta s-sitwazzjoni tkun tippermetti u bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Minsk, għandha tiġi offruta missjoni tal-PSDK immexxija mill-UE biex tintbagħat lill-partijiet fil-kunflitt, biex tgħin f'kompiti bħat-tneħħija tal-mini, tgħin fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet lokali u tiżgura l-aċċess liberu għall-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja;
34. Jesprimi tħassib serju dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Minsk sal-iskadenza inizjalment maqbula tal-31 ta' Diċembru 2015; ifakkar li l-awtoritajiet Russi għandhom responsabbiltà partikolari f'dan ir-rigward; itenni li każijijet ta' ksur tal-waqfien mill-ġlied ilhom jiżdiedu minn nofs Ottubru, li persunal ta' sorveljanza tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ (SMM) tal-OSCE għadhom iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment tagħhom, li l-Ukrajna għadha ma reġgħetx ħadet lura l-kontroll fuq il-fruntiera kollha tagħha mar-Russja, li ma ntlaħaq ebda qbil dwar il-modalitajiet tal-elezzjonijiet lokali fit-territorji temporanjament okkupati ta' Luhansk u Donetsk, u li għadhom ma nħelsux il-priġunieri kollha u persuni oħra miżmuma b'mod illegali, bħal Nadiya Savchenko u Oleg Sentsov;
35. Jilqa' l-ħruġ tar-rapport mill-Bord tas-Sikurezza Netherlandiż dwar it-twaqqigħ tat-Titjira 17 tal-Malaysia Airlines (MH 17), fejn inqatlu 298 persuna ċivili innoċenti; jappoġġja l-istabbiliment ta' Tribunal Kriminali Internazzjonali, u jistieden lill-Federazzjoni Russa tikkoopera bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali biex titwettaq investigazzjoni kriminali komprensiva u imparzjali, u biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li timblokka r-riżoluzzjoni fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-ħolqien ta' qorti internazzjonali għall-investigazzjoni ta' dan id-delitt;
36. Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja mwiegħra f'Donbas u li organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji li huma ta' sfida għal aktar minn 1,5 miljun persuna spustata internament; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod speċjali s-sitwazzjoni mwiegħra tat-Tatari tal-Krimea, u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar assistenza finanzjarja lill-Ukrajna;
37. Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet Ukreni biex jissodisfaw il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża, u jifirħilhom għar-rapport finali ta' progress pożittiv dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan; jesprimi sodisfazzjon dwar l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' politiki ġodda li saħħew il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni; jistenna li t-tmexxija Ukrena tissodisfa l-impenji tagħha kontra l-korruzzjoni fl-ewwel tliet xhur tal-2016;
38. Jenfasizza li l-korruzzjoni endemika hija l-akbar sfida unika għall-isforzi ta' riforma; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda s'issa, bħal-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet (l-Uffiċċju Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, u l-prosekutur speċjali kontra l-korruzzjoni) u mekkaniżmi, u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Irkupru ta' Rikavati mill-Korruzzjoni; jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016, u tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku;
39. Jesprimi l-fehma tiegħu li s-sitwazzjoni ta' gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna hija impediment serju għal dan l-isforz ta' riforma; jagħmilha ċara, madankollu, li s-suċċess u r-reżiljenza tal-Ukrajna fil-konfront ta' kwalunkwe għadu estern jiddependu strettament fuq is-saħħa tal-ekonomija u tal-qafas legali tagħha, fuq demokrazija ħajja u prosperità dejjem akbar;
40. Jilqa' l-proċess ta' riforma kostituzzjonali li għaddej bħalissa fl-oqsma ta' deċentralizzazzjoni u tal-ġudikatura; ifakkar li l-Kummissjoni ta' Venezja ħarġet rakkomandazzjonijiet pożittivi dwar iż-żewġ settijiet ta' emendi kostituzzjonali; jissottolinja l-ħtieġa li jsir aktar progress f'dawk l-oqsma kif ukoll f'oħrajn, b'mod speċjali fl-ekonomija, fejn ir-regolamentazzjoni aħjar u d-demonopolizzazzjoni għandhom jibqgħu ta' prijorità, flimkien mar-riformi fiskali, biex tissaħħaħ it-trasparenza u tinħoloq klima favorevoli għall-investiment; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda tal-ekonomija Ukrena u s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-pajjiż; jieħu nota tal-progress moderat irrappurtat dwar l-istabbilizzazzjoni tal-prestazzjoni ekonomika; ifaħħar il-ftehim storiku ta' tnaqqis tad-dejn li l-Ukrajna laħqet mal-kredituri tagħha f'Settembru 2015; ifakkar li l-komunità internazzjonali, b'mod partikulari l-UE, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bbażati fl-Ewropa, l-FMI u pajjiżi donaturi individwali, wiegħdu ammont bla preċedent ta' madwar EUR 20 biljun;
41. Jilqa' l-appoġġ attiv u s-solidarjetà tal-UE fil-qasam tal-enerġija, li ppermettew li terġa' tibda l-kunsinna tal-gass Russu lejn l-Ukrajna għax-xitwa 2015-2016; jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' tranżitu tal-Ukrajna u jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija kemm lill-UE kif ukoll lill-Ukrajna, u jiġi evitat il-bini ta' pipelines ġodda li jevitaw lill-Ukrajna, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-proġett Nord Stream II għall-kunsinna tal-gass Russu lejn l-Ewropa, li jista' jkun ta' detriment għall-istrateġija tal-UE għad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u għad-dritt tal-UE; jappoġġja l-intenzjoni tal-UE li ssaħħaħ l-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija mal-Ukrajna permezz tal-Komunità tal-Enerġija u li tnaqqas id-dipendenza fl-enerġija, bla ma timponi piż żejjed fuq djar privati; jistieden lill-UE u lill-Gvern Ukren ifasslu miżuri biex jilqgħu kontra l-għawġ soċjali;
42. Japprezza l-ħidma effikaċi u dinamika tal-Kumitat Parlamentari ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna li qiegħed jissorvelja s-sitwazzjoni politika, ta' sigurtà u ekonomika fl-Ukrajna, kif ukoll l-impenn u l-appoġġ tiegħu biex jittejbu l-proċessi ġenerali ta' riforma orjentati lejn l-UE li qegħdin iwettqu l-awtoritajiet Ukreni; ifakkar fil-Memorandum ta' Fehim iffirmat mill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u mill-Parlament Ewropew fl-2015, li jistabbilixxi qafas konġunt ta' appoġġ parlamentari u ta' bini ta’ kapaċitajiet bejn iż-żewġ parlamenti;
43. Jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili Ukrena tissaħħaħ sabiex tkun tista' tipprovdi konsulenza u appoġġ lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-riformi mwiegħda u taġixxi bħala għassies u whistleblower effikaċi; jilqa' l-kooperazzjoni effikaċi bejn il-komunità esperta u l-Verkhovna Rada fil-proċess ta' riforma u fl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA; ifaħħar il-fatt li l-prijoritajiet tal-Verkhovna Rada huma kkaratterizzati minn djalogu komprensiv mas-soċjetà ċivili;
44. Jinnota r-referendum konsultattiv Netherlandiż li ġej dwar l-AA/DCFTA bejn l-UE u l-Ukrajna; jittama li d-deċiżjoni tal-poplu Netherlandiż se tittieħed fuq il-bażi tal-merti tal-ftehim, fir-rikonoxximent tal-effetti tanġibbli fuq l-UE u fuq in-Netherlands b'mod partikolari;
o o o
45. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblea Parlamentari Euronest, u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.