Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/3034(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0043/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0019

Testi adottati
PDF 281kWORD 89k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2016 - Strasburgu
Klawsola ta' difiża reċiproka (Art. 42(7) tat-TUE)
P8_TA(2016)0019RC-B8-0043/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-klawsola ta' difiża reċiproka (l-Artikolu 42(7) tat-TUE) (2015/3034(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 42(7) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2(4) u 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawsoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII u l-Artikolu 51 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tar-Repubblika Franċiża waqt il-Kungress Franċiż fis-16 ta' Novembru 2015 li Franza kienet fi stat ta' gwerra,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar id-difiża u s-sigurtà adottati mill-Kunsill Ewropew fid-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 u l-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin (tal-ministri tad-difiża) tas-17 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta' Novembru 2015 seħħew bosta attakki terroristiċi f'Pariġi, li qatlu mill-inqas 130 persuna minn aktar minn 26 nazzjon, u billi l-Istati Membri tal-UE sofrew diversi attakki terroristiċi mill-2004, fejn inqatlu mijiet u diversi eluf sfaw midruba;

B.  billi l-Gvern Franċiż uffiċjalment invoka l-klawsola ta' difiża reċiproka skont l-Artikolu 42(7) tat-TUE wara l-attakki terroristiċi f'Pariġi fit-13 ta' Novembru 2015;

C.  billi s-solidarjetà, l-għajnuna u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri, inkluż permezz ta' rikors għall-mezzi tal-Unjoni, huma fost il-valuri fundamentali tal-UE;

D.  billi, wara l-invokazzjoni min-naħa ta' Franza tal-klawsola ta' difiża reċiproka, l-Istati Membri tal-UE għandhom obbligu li jagħtu lill-Franza l-għajnuna u l-assistenza bil-mezzi kollha fis-setgħa tagħhom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; jenfasizza li l-prevenzjoni ta' kunflitti u attakki hija preferibbli mill-immaniġġjar tal-konsegwenzi tagħhom;

E.  billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali hija meqjusa bħala prijorità għall-UE, u billi biex ikun segwit il-prinċipju tas-solidarjetà hemm bżonn ta' azzjoni interna kif ukoll esterna; billi d-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà tal-UE huma neċessarjament relatati u marbuta mill-qrib; billi hija meħtieġa strateġija konġunta tal-UE;

F.  billi l-arkitettura tas-sigurtà u tad-difiża previsti mit-Trattati għadha ma ġietx implimentata b'mod sħiħ; billi l-Istati Membri huma responsabbli biex jiksbu progress fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni;

G.  billi l-UE teħtieġ li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) sabiex tagħmel il-politiki ta' sigurtà u ta' difiża stabbiliti fi ħdan dawn iż-żewġ oqfsa dejjem aktar kompatibbli, b'mod partikolari meta Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, li tinkludi attakki terroristiċi;

H.  billi jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu aktar attivi fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża, u jippromwovu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża minquxa fit-Trattati, inklużi dawk dwar ir-rwol partikolari tan-NATO fis-sigurtà u d-difiża Ewropea u transatlantika; billi l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jappoġġaw lill-Istati Membri kollha fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet b'mod sħiħ;

I.  billi l-Artikolu 42(6) tat-TUE dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti għandu jiġi attivat fost dawk l-Istati Membri li jixtiequ jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin;

J.  billi l-UE adottat strateġija kontra t-terroriżmu li tiddependi kemm fuq l-istrumenti Komunitarji u kif ukoll fuq assi intergovernattivi fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK); billi din l-istrateġija tipproponi li l-azzjonijiet tal-UE jkunu organizzati madwar erba' objettivi, jiġifieri l-prevenzjoni, il-protezzjoni, l-insegwiment u r-rispons;

K.  billi r-rispons tal-UE għat-terroriżmu jinkludi l-promozzjoni tad-demokrazija, tad-djalogu u tal-governanza tajba sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-estremiżmu vjolenti;

1.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-attakki terroristiċi tal-biża' mwettqa minn Daesh; jesprimi simpatija profonda, solidarjetà u l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi kollha tal-attakki terroristiċi u lill-familji tagħhom;

2.  Jirrikonoxxi u jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ unanimu mogħti lill-Franza mill-Istati Membri kollha tal-UE; jilqa' r-rieda tal-Istati Membri kollha li jipprovdu l-għajnuna u l-assistenza sħiħa meħtieġa;

3.  Ifakkar li l-klawsola ta' difiża reċiproka ġiet invokata għall-ewwel darba; iqis li l-każ preżenti għandu jservi bħala katalist għal diskussjonijiet politiċi aktar fil-fond dwar in-natura multidimensjonali tas-sigurtà u tad-difiża Ewropej;

4.  Jinnota b'sodisfazzjon il-kontribuzzjonijiet addizzjonali tal-kapaċitajiet imqiegħda għad-dispożizzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri kollha biex iżommu l-appoġġ dejjiemi u mingħajr kondizzjonijiet tagħhom u biex isostnu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sakemm ikun meħtieġ; jinnota r-rwol ta' Franza bħala katalist f'dan l-isforz komuni u jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE biex jipprovdu u jsostnu l-appoġġ tagħhom kif meħtieġ;

5.  Iqis li l-invokazzjoni tal-klawsoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà skont it-Trattati hija l-ewwel u qabel kollox kwistjoni politika; jenfasizza l-fatt li, meta dawn il-klawsoli huma invokati, kemm il-Kunsill Ewropew u kif ukoll il-Parlament Ewropew huma l-post fejn isir id-dibattitu politiku;

6.  Jesprimi tħassib li l-immaniġġjar tal-għajnuna u tal-assistenza skont il-klawsola ta' difiża reċiproka fuq bażi bilaterali - bħalma hu dan il-każ - mhux se jkun possibbli għall-Istati Membri kollha; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill Ewropew biex iżid l-impetu għal aktar żvilupp tal-klawsola ta' difiża reċiproka u biex issaħħaħ ir-rwol tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE bħala faċilitaturi;

7.  Ifakkar fl-istedina tiegħu, f'riżoluzzjonijiet preċedenti, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jipproponi arranġamenti u linji gwida prattiċi biex jiġi żgurat rispons effikaċi f'każ li Stat Membru jinvoka l-klawsola ta' difiża reċiproka, kif ukoll analiżi tar-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE jekk il-klawsola tiġi invokata; iqis li huwa ta' dispjaċir, madankollu, li ebda analiżi u ebda linji gwida ma kienu disponibbli meta l-klawsola ta' difiża reċiproka ġiet attivata għall-ewwel darba, u dan wassal għas-sitwazzjoni attwali li teħtieġ miżuri ad hoc, immaniġġjar ad hoc u kooperazzjoni ad hoc;

8.  Iqis li l-istabbiliment ta' arranġamenti prattiċi u ta' linji gwida għall-attivazzjoni futura tal-klawsola ta' difiża reċiproka jibqa' prijorità urġenti; jenfasizza li t-tfassil ta' dawn il-linji gwida għandu jieħu kont tat-tagħlimiet meħuda mill-ewwel attivazzjoni tal-Artikolu 42(7);

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex b'mod urġenti jiżviluppaw u jadottaw qafas ta' politika li jkun ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-TUE u li jkun fih skadenza, klawsola ta' reviżjoni u mekkaniżmi ta' monitoraġġ; jinsab ferm konvint li l-azzjonijiet nazzjonali, bilaterali jew multilaterali kollha wara l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) għandhom jiġu notifikati lill-Kunsill u jiġu ppubblikati fl-istess ħin;

10.  Jinnota li l-klawsola ta' solidarjetà fl-Artikolu 222 tat-TFUE tagħmilha possibbli li l-mezzi rilevanti kollha tal-UE jkunu għad-dispożizzjoni ta' Franza u Stati Membri oħra direttament involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; ifakkar li l-Artikolu 222 tat-TFUE huwa mfassal speċifikament biex jittratta l-konsegwenzi ta' attakki terroristiċi fl-Ewropa u jindirizza l-livelli baxxi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi fl-Ewropa;

11.  Huwa konvint li, abbażi tal-kapaċitajiet eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, l-UE teħtieġ kwartieri ġenerali ċivili-militari permanenti fil-livelli strateġiċi u operazzjonali, u li din l-istruttura għandha tingħata l-kompitu tal-ippjanar ta' kontinġenza strateġika u operazzjonali, inkluż fir-rigward tad-difiża kollettiva kif previst mill-Artikoli 42(7) u 42(2) tat-TUE u l-applikazzjoni futura tagħhom b'kooperazzjoni mill-qrib mal-istrutturi rilevanti tan-NATO;

12.  Hu tal-fehma li l-attivazzjoni attwali tal-Artikolu 42(7) tat-TUE għandha tkun il-katalist biex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat relatati mas-sigurtà u d-difiża li għandhom ukoll jiġu applikati; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi applikat b'mod sħiħ u korrett il-Pakkett ta' Difiża, li jinkludi d-Direttivi 2009/81/KE dwar l-akkwist għad-difiża u 2009/43/KE dwar it-trasferimenti intrakomunitarji;

13.  Jistieden lill-pajjiżi Ewropej kollha biex ikomplu joffru kull appoġġ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u biex jieħdu approċċ rigoruż f'pajjiżhom u barra minn pajjiżhom;

14.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li dawk li kienu l-moħħ wara l-attakki f'Pariġi jidhru li kienu ċittadini ta' pajjiżi tal-UE u twieldu u għexu fl-UE, u jitlob, għalhekk, għal miżuri aktar xierqa biex jiġi kkontrollat il-moviment tal-armi, l-isplussivi u ta' dawk suspettati terroristi;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu skambju ta' informazzjoni strutturat u kooperazzjoni operazzjonali bejn il-ġestjoni tal-fruntieri, il-pulizija u aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll skambju tal-intelligence permezz tal-interkonnessjoni tal-bażijiet ta' data nazzjonali u l-isfruttament sħiħ ta' oqfsa eżistenti, bħalma hija l-pjattaforma ta' netwerk sigur għall-iskambju ta' informazzjoni u intelligence tal-Europol (SIENA) u billi jiġi mmassimizzat l-użu ta' pjattaformi u servizzi oħrajn tal-Europol;

16.  Jinsisti dwar approċċ komprensiv lejn d-deradikalizzazzjoni, inklużi l-isforzi fil-livell nazzjonali mmirati lejn iż-żgħażagħ, il-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, il-prevenzjoni tal-kriminalità, u attivitajiet immirati tal-pulizija u ta' sigurtà bbażati fuq suspett individwali jew theddid konkret determinat minn persuni, mhux magni; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li r-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta' armi, ir-regoli tal-esportazzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' armi jkunu aktar stretti,

17.  Jappella għal politika estera komuni tal-UE dwar il-futur tas-Sirja u tal-Lvant Nofsani usa' b'koordinazzjoni mal-atturi rilevanti kollha; iqis li din il-politika għandha tkun parti integrali mill-Istrateġija Globali futura tal-UE;

18.  Iqis l-attivazzjoni tal-klawsola ta' assistenza reċiproka bħala opportunità unika biex tiġi stabbilita bażi b'saħħitha u sostenibbli għal Unjoni Ewropea ta' Difiża; huwa tal-opinjoni li b'kapaċità awtonoma ta' sigurtà u ta' difiża biss li l-UE tkun mgħammra u lesta biex tiffaċċja t-theddid u l-isfidi kbar għas-sigurtà interna u esterna;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti u lis-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti.

(1) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 138.

Avviż legali - Politika tal-privatezza