Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2520(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0082/2016

Dibattiti :

PV 21/01/2016 - 12.2
CRE 21/01/2016 - 12.2

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 14.2

Testi adottati :

P8_TA(2016)0023

Testi adottati
PDF 283kWORD 97k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2016 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fl-Etjopja
P8_TA(2016)0023RC-B8-0082/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja (2016/2520(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja u l-aktar dibattitu reċenti fil-plenarja, tal-20 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-SEAE dwar il-ġlied riċenti fl-Etjopja, tat-23 ta’ Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta minn Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u Tedros Adhanom, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali tal-Etjopja, tal-20 ta’ Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa dwar il-laqgħa tat-13 ta’ Jannar 2016 bejn ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali tal-Etjopja, Tedros Adhanom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta’ Mejju 2015 mill-kelliem tas-SEAE dwar l-elezzjonijiet fl-Etjopja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ Lulju 2015 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-Libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, David Kaye, dwar il-ħelsien ta’ ġurnalisti Etjopjani,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Rieżami Perjodiku Universali dwar l-Etjopja quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Etjopja, adottata fit-8 ta’ Diċembru 1994, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, ratifikata mill-Etjopja fl-1994,

–  wara li kkunsidrat il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aktar elezzjonijiet ġenerali reċenti saru fl-24 ta’ Mejju 2015, li fihom il-Front Rivoluzzjonarju Demokratiku tal-Poplu Etjopjan (EPRDF) baqa' l-partit fil-gvern u rebaħ is-siġġijiet kollha fil-parlament nazzjonali, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ spazju għal vuċijiet li jikkritikaw jew jopponu fil-proċess elettorali; billi l-elezzjonijiet federali ta' Mejju saru f’atmosfera ġenerali ta’ intimidazzjoni, u fost tħassib dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-Bord Elettorali Nazzjonali; billi l-EPRDF ilu fil-poter għal 24 sena, minn mindu waqa’ l-gvern militari fl-1991;

B.  billi tul dawn l-aħħar xahrejn Oromia, li hi l-akbar reġjun tal-Etjopja, fejn jgħixu l-akbar grupp Etniku tal-pajjiż, intlaqtet minn mewġa ta' protesti tal-massa dwar l-espansjoni tal-konfini muniċipali tal-kapitali, Addis Ababa, li ħolqot riskji li l-bdiewa jiġu mkeċċija minn artijiethom;

C.  billi skont organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-forzi tas-sigurtà rrispondew għall-protesti li b'mod b’mod ġenerali kienu paċifiċi billi qatlu mill-inqas 140 persuna li pprotestaw u darbu ħafna oħrajn, f’dak li jaf li hi l-akbar kriżi li laqtet lill-Etjopja sa mill-vjolenza elettorali tal-2005; billi għall-kuntrarju, il-Gvern ammetta biss il-mewt ta’ xi għexieren ta’ persuni, kif ukoll ta' 12-il membru tal-forzi tas-sigurtà;

D.  billi fl-14 ta’ Jannar 2016 il-Gvern iddeċieda li jikkanċella l-pjan ikkontestat ta’ żvilupp urban fuq skala kbira; billi jekk jiġi implimentat, il-pjan se jespandi l-konfini tal-belt b'20 darbiet tad-daqs attwali; billi t-tkabbir ta' Addis Ababa diġà sposta lil miljuni ta’ bdiewa Oromo u ħallihom f'qagħda ta' faqar;

E.  billi l-Etjopja hi pajjiż b'diversità kbira mil-lat ta' twemmin reliġjuż u kulturi; billi wħud mill-akbar komunitajiet etniċi, b’mod partikolari l-Oromo u s-Somali (Ogaden), ġew marġinalizzati favur l-Amhara u t-Tigray, bi ftit li xejn parteċipazzjoni fir-rappreżentanza politika;

F.  billi l-awtoritajiet Etjopjani arrestaw arbitrarjament lil għadd ta’ dimostranti paċifiċi, ġurnalisti u mexxejja tal-partit tal-oppożizzjoni f'ripressjoni brutali fuq il-protesti fir-reġjun tal-Oromia; billi dawk li ġew arrestati jinsabu f’riskju ta’ tortura u trattament ħażin ieħor;

G.  billi l-gvern ittimbra lid-demostranti, li fil-biċċa l-kbira huma paċifiċi, bħala "terroristi", filwaqt li applika l-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu (Liġi Nru 652/2009) u għamel użu tal-forzi militari kontrihom;

H.  billi fit-23 ta' Diċembru 2015, l-awtoritajiet arrestaw lil Bekele Gerba, Viċi President tal-Kungress Federalista Oromo (OFC), l-akbar partit politiku legalment reġistrat tal-Oromia; billi s-Sur Gerba ttieħed il-ħabs u allegatament iddaħħal l-isptar ftit wara; billi mhux magħruf fejn jinsab bħalissa;

I.  billi mexxejja anzjani oħra tal-OFC ġew arrestati b'mod arbitrarju f’dawn l-aħħar ġimgħat, jew qed jintqal li jinsabu prattikament taħt arrest domiċiljarju;

J.  billi din mhijiex l-ewwel darba li l-forzi tas-sigurtà Etjopjani ġew implikati fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem b’rispons għal protesti paċifiċi, u billi hu magħruf li l-Gvern Etjopjan qed joħnoq joħnoq sistematikament il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, u jipprojbixxi lill-individwi milli jesprimu nuqqas ta’ qbil jew oppożizzjoni fil-konfront tal-politiki tal-gvern, u b'hekk jillimita l-ispazju ċivili u politiku, anke billi jwettqu prosekuzzjonijiet b'motivi politiċi taħt il-liġi iebsa ta' kontra t-terroriżmu, li qed teqred il-midja indipendenti, iżżarma l-attiviżmu sostanzjali tas-soċjetà ċivili u tgħattan lill-partiti politiċi tal-oppożizzjoni;

K.  billi f'Diċembru 2015, attivisti ewlenin bħal Getachew Shiferaw (Kap Editur ta' Negere Ethiopia), Yonathan Teressa (attivista tal-internet) u Fikadu Mirkana (Oromia Radio and TV) ġew arrestati arbitrarjament, minkejja li għadhom ma ġewx mixlija mill-awtoritajiet Etjopjani;

L.  billi l-Gvern Etjopjan impona restrizzjonijiet pervażivi fuq is-soċjetà ċivili indipendenti u l-midja; billi skont iċ-ċensiment tal-ħabsijiet tal-2014 tal-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti (CPJ), l-Etjopja tikklassifka r-raba' fid-dinja fir-rigward tal-ħabsijiet: mill-inqas 17-il ġurnalist qed jinżammu l-ħabs filwaqt li 57 professjonist tal-mezzi tax-xandir ħarbu mill-Etjopja f'dawn l-aħħae ħames snin waqt li għadd ta' pubblikazzjonijiet indipendenti għalqu minħabba pressjoni uffiċjali; billi l-Etjopja tinsab ukoll fir-raba’ pożizzjoni tal-lista tas-CPJ tal-2015 tal-aktar 10 pajjiżi iċċensurati;

M.  billi bosta priġunieri ta’ kuxjenza miżmuma fi snin preċedenti purament minħabba l-eżerċizzju leġittimu tal-libertà tal-espressjoni u l-opinjoni tagħhom, inklużi ġurnalisti u membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, baqgħu detenuti; billi wħud minnhom instabu ħatja fi proċessi li ma kinux ġusti, uħud qed jiffaċċaw proċess li għadhom għaddejjin waqt li oħrajn għadhom qed jinżammu mingħajr ma ġew mixlija, fosthom Eskinder Nega, Temesghen Desalegn, Solomon Kebede, Yesuf Getachew, Woubshet Taye, Saleh Edris u Tesfalidet Kidane;

N.  billi Andargachew Tsege, ċittadin Etjopjan-Britanniku u kap ta’ partit tal-oppożizzjoni li jgħix f’eżilju, ġie arrestat f’Ġunju 2014; billi s-Sur Tsege kien ikkundannat għall-mewt ftit xi snin ilu fin-nuqqas tiegħu, u ilu jistenna l-eżekuzzjoni tas-sentenza u prattikament f’iżolament minn meta ġie arrestat;

O.  billi liġi tal-Proklamazzjoni dwar il-Karitajiet u s-Soċjetajiet tal-Etjopja l-liġi teħtieġ li l-organizzazzjonijiet involuti fil-promozzjoni jiġġeneraw 90 % tal-finanzjament għall-attivitajiet tagħhom minn sorsi lokali, u dan wassal għal tnaqqis fl-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għall-għajbien ta’ ħafna minnhom; billi l-Etjopja rrifjutat rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati l-Proklamazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet ċivili u karitattivi u l-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu, rakkomandazzjonijiet li saru minn diversi pajjiżi matul l-analiżi tar-rekord tad-drittijiet tal-Etjopja taħt il-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Mejju 2014;

P.  billi l-Gvern Etjopjan de facto impona imblokk mifrux tar-reġjun Ogaden fl-Etjopja, li huwa għani mil-lat ta' riżervi taż-żejt u tal-gass; billi t-tentattivi tal-mezzi tax-xandir u tal-ħaddiema umanitarji internazzjonali biex jaħdmu u jirrapportaw mir-reġjun huma meqjusa bħala atti kriminali punibbli taħt il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu; billi hemm rapporti ta’ delitti tal-gwerra u ksur qawwi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-armata u mill-forzi paramilitari tal-gvern kontra l-popolazzjoni ta' Ogaden;

Q.  billi l-Etjopja, it-tieni pajjiż bl-ikbar popolazzjoni fl-Afrika, hi rappurtata li hi waħda mill-aktar ekonomiji li qed jikbru malajr fl-Afrika, b’rata ta’ tkabbir medja ta’ 10 % f’dawn l-aħħar għaxar snin; billi, madankollu, għadha waħda mill-ifqar, b’ING per capita ta’ USD 632; billi ġiet ikklassifikata fil-173 post minn 187 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp Uman għall-2014;

R.  billi l-Etjopja għandha rwol ewlieni fir-reġjun u tgawdi appoġġ politiku minn donaturi tal-Punent u mill-parti l-kbira tal-ġirien reġjonali tagħha, l-aktar minħabba r-rwol tagħha bħala ospitanta tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-kontribut tagħha għaż-żamma tal-paċi tan-NU, u sħubijiet għas-sigurtà u l-għajnuna ma’ pajjiżi tal-Punent;

S.  billi filwaqt li t-tkabbir ekonomiku qed ikompli b’ritmu tajjeb, (flimkien ma’ investimenti barranin sinifikanti, fosthom fis-setturi tal-agrikoltura, il-kostruzzjoni u l-manifattura, proġetti ta’ żvilupp fuq skala kbira bħall-bini ta’ digi idroelettriċi u pjantaġġuni, u twellija mifruxa ta' artijiet lil kumpaniji barranin), ħafna nies, inklużi bdiewa kif ukoll rgħajja ġew imkeċċija minn djarhom;

T.  billi Artikolu 40(5) tal-kostituzzjoni tal-Etjopja tiggarantixxi lir-rgħajja Etjopjani d-dritt għal art bla ħlas għar-ragħa u l-kultivazzjoni, kif ukoll id-dritt li ma jiġux spustati minn artijiethom;

U.  billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehim ta’ Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-koperazzjoni AKP-UE,

V.  billi l-Etjopja qed tesperjenza l-agħar nixfa f’dawn l-aħħar deċennji, li qed twassal għal nuqqas ta' sigurtà tal-ikel li qed tiżdied, stat ta' għelubija severa u mwiet mhux tas-soltu tal-bhejjem; billi kważi 560 000 persuna jinsabu spustati internament minħabba għargħar u ġlied vjolenti dwar riżorsi skarsi u nixfa; billi l-Gvern Etjopjan jistma li 10.1 miljun persuna, li nofshom huma tfal, jeħtieġa għajnuna ta' emerġenza f'ikel minħabba n-nixfa;

W.  billi l-Etjopja qed tħabbat wiċċha ma' influssi permanenti ta’ migranti u hi pajjiż ospitanti għal madwar 700 000 rifuġjat, l-iktar mis-Sudan t’Isfel, l-Eritrea u s-Somalja; billi fil-11 ta’ Novembru 2015, l-UE u l-Etjopja ffirmaw Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM) biex issaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tal-migrazzjoni;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu reċenti forza eċċessiva mill-forzi tas-sigurtà f’Oromia u fir-reġjuni kollha tal-Etjopja, u l-għadd dejjem jikber ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jħeġġeġ il-ħelsien immedjat ta’ dawk kollha li ġew arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' għaqda paċifika u l-libertà tal-espressjoni;

2.  Ifakkar lill-Gvern Etjopjan fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta’ Kotonù u speċifikament l-Art. 8 u 96 tiegħu;

3.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti, trasparenti u kredibbli dwar il-qtil ta’ dimostranti u dwar l-allegat ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-moviment ta’ protesta, u jistieden lill-gvern biex iressaq b’mod ġust lill-persuni responsabbli quddiem lill-ġurisdizzjonijiet kompetenti;

4.  Jitlob lill-gvern tal-Etjopja jirrispetta d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Afrikana, inkluż id-dritt ta’ għaqda paċifika, il-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern biex minnufih jistiednu lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta’ għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u esperti oħra tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU biex iżuru l-Etjopja biex jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni;

5.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-gvern li jwaqqaf għalkollox il-pjan ewlieni ta' żona speċjali għal Addis Ababa u Oromia; jitlob li jsir djalogu politiku immedjat, inklużiv u trasparenti li jinkludi l-Gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-popolazzjoni lokali, għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe vjolenza jew radikalizzazzjoni ulterjuri tal-popolazzjoni;

6.  Jenfasizza li l-mezzi tax-xandir ħielsa u indipendenti huma essenzjali sabiex jiżguraw li l-popolazzjoni tkun informata, attiva u involuta, u jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani biex jieqfu joħonqu l-fluss liberu tal-informazzjoni, fosthom billi jwaqqfu x-xandiriet tal-midja u jiffastidjaw lill-midja, biex jiggarantixxu d-drittijiet tas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir lokali u biex jiffaċilitaw aċċess madwar l-Etjopja għall-ġurnalisti indipendenti u għal dawk li jissorveljaw id-drittijiet tal-bniedem; jirrikonoxxi l-ħelsien riċenti tal-bloggers “Zone 9” u ta' 6 ġurnalisti;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Etjopja biex ma jkomplux jużaw il-leġislazzjoni kontra t-terroriżmu (il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu Nru 652/2009) biex joħonqu lill-avversarji politiċi, id-dissidenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-atturi oħra tas-soċjetà ċivili u lill-ġurnalisti indipendenti; jistieden ukoll lill-Gvern Etjopjan biex jirrevedi l-liġi kontra t-terroriżmu biex tinġieb f’konformità mal-liġi u mal-prinċipji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet eċċessivi fuq il-ħidma favur id-drittijiet tal-bniedem permezz tal-Proklamazzjoni dwar il-Karitajiet u s-Soċjetajiet, li tiċħad lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mill-aċċess għal finanzjament essenzjali, tagħti lill-Aġenzija tal-Karitajiet u s-Soċjetajiet setgħat ta' ndħil eċċessivi f’organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tkompli tipperikola l-vittmi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem billi tikser il-prinċipji tal-kunfidenzjalità;

9.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Etjopja sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni etnika jew reliġjuża u biex jinkoraġġixxu u jaġixxu favur djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-komunitajiet kollha;

10.  Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem 2013 tal-Etjopja u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tiegħu;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw, b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-Detenzjoni Arbitrarja u biex jeħilsu minnufih lill-attivista politiku ta' nazzjonalità Brittannika Andargachew Tsege;

12.  Jiddikjara li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma kruċjali għall-politiki tal-UE għall-promozzjoni tal-iżvilupp fl-Etjopja u fil-Qarn tal-Afrika kollu; jitlob l-attenzjoni tal-UA għall-qagħda politika, ekonomika u soċjali tal-pajjiż ospitanti tagħha, l-Etjopja;

13.  Jistieden lill-UE, bħala l-akbar donatur, biex tissorvelja il-programmi u l-politiki b’mod effettiv biex tiżguraw li l-għajnuna għall-iżvilupp li tagħti l-UE ma tkunx qed tikkontribwixxi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja, partikolarment permezz ta' programmi marbuta mal-ispostament ta’ bdiewa u raħħala, u biex tiżviluppa strateġiji li jnaqqsu kwalunkwe impatt negattiv ta’ spustament fi ħdan proġetti ta’ żvilupp iffinanzjati mill-UE; jenfasizza li l-UE għandha tkejjel l-appoġġ finanzjarju tagħha mar-rekord tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż u mal-livell safejn il-gvern Etjopjan jippromwovi r-riformi lejn id-demokratizzazzjoni;

14.  Jistieden lill-Gvern biex jinkludu l-komunitajiet lokali fi djalogu dwar l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe proġett ta’ żvilupp fuq skala kbira; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-programm ta' risistemazzjoni furzata tal-gvern;

15.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-kundizzjonijiet klimatiċi devastanti attwali fl-Etjopja, li komplew iħażżnu l-qagħda umanitarja fil-pajjiż; jistieden lill-UE biex flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha żżid l-appoġġ tagħha lill-Gvern u lill-poplu tal-Etjopja; jilqa' l-kontribuzzjoni mħabbra riċentement mill-UE, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li dan il-finanzjament addizzjonali jingħata bħala kwistjoni ta' urġenza;

16.  Ifakkar li l-Etjopja hi pajjiż importanti ta’ destinazzjoni, tranżitu u oriġini għall-migranti u għal dawk li jfittxu l-asil, u li tospita l-akbar popolazzjoni ta’ rifuġjati fl-Afrika; jieħu nota, għaldaqstant, tal-adozzjoni ta’ Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità bejn l-UE u l-Etjopja li tkopri l-kwistjonijiet tar-rifuġjati, il-kontroll tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib il-proġetti kollha li nbdew reċentement fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika;

17.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni tal-pajjiż – b'mod partikolari n-nisa u l-minoranzi, u r-rifuġjati u l-persuni spustati, li l-għadd tagħhom qed ikompli jikber – fid-dawl tal-kriżi u tal-instabilità tar-reġjun; itenni l-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fil-post u fil-pajjiżi ospitanti ġirien; jappoġġa t-talbiet tal-komunità internazzjonali u l-organizzazzjonijiet umanitarji li jżidu l-assistenzalir-rifuġjati u l-persuni spustati;

18.  Jisħaq li jinħtieġu pjanijiet ta' investiment pubbliku maġġuri, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa, biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs); jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jagħmlu impenn effettiv għall-ilħuq ta' dawn l-għanijiet;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u l-Parlament tal-Etjopja, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, il-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Parlament Pan-Afrikan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza