Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Korea ta’ Fuq (2016/2521(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Korea ta' Fuq,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, Federica Mogherini, tas-6 ta' Jannar 2016 dwar l-allegata prova nukleari fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK);
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-6 ta’ Jannar 2016 dwar il-Prova Nukleari mħabbra mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1718(2006), 1874(2009), 2087(2013) u 2094(2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li espliċitament jipprojbixxu l-provi nukleari min-naħa tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-NU bit-titolu 'Democratic People’s Republic of Korea 2015: Needs and Priorities’ (Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea 2015: Ħtiġijiet u Prijoritajiet") ta' April 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta’ Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea tas-7 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, li fihom kollha r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea hija parti,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ikkundannaw dak li r-RDPK allegat li kienet "prova ta' bomba tal-idroġenu li rnexxiet" li saret fis-6 ta' Jannar 2016, li b'mod ċar tikser l-obbligi internazzjonali tagħha skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
B. billi l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-vetturi tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK rtirat mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2003, ilha tmexxi provi nukleari mill-2006 u uffiċjalment iddikjarat fl-2009 li kienet żviluppat arma nukleari, li jfisser li t-theddida tal-avvanz tal-kapaċitajiet nukleari tagħha ċarament amplifikat; billi l-iżvilupp ta' programmi illegali nukleari u ta' missili balistiċi jikkostitwixxi sfida għar-reġim internazzjonali ta' nonproliferazzjoni nukleari u joħloq ir-riskju li t-tensjonijiet reġjonali jaggravaw;
C. billi r-RDPK, bl-ekonomija tagħha kkonċentrata fuq il-militar, għadha 'l bogħod milli tilħaq l-objettiv mistqarr tagħha li ssir nazzjon b'saħħtu u għani u minflok kompliet tiżola u tfaqqar dejjem aktar lill-poplu tagħha permezz tal-kisba ta' armi ta' qerda massiva u l-vetturi tagħhom;
D. billi l-UE tappoġġja bil-qawwa l-idea ta' Peniżola Koreana ħielsa min-nuklearizzazzjoni, u tqis li l-issuktar tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet hu essenzjali għall-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun;
E. billi l-konċentrazzjoni tar-RDPK fuq l-investimenti militari jistgħu jitqiesu bħala negliġenza kriminali tal-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċittadini tagħha minħabba l-fatt li madwar 70 fil-mija tal-popolazzjoni tal-pajjiż ta' 24.6 miljun ruħ qed ibatu nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u minħabba li kważi 30 fil-mija tat-tfal ta' taħt l-età ta' ħames snin jinsabu neqsin serjament mill-ikel sustanzjuż;
F. billi r-RDPK ilha għaddejja b'sitwazzjoni estremament problematika tad-drittijiet tal-bniedem għal ħafna snin; billi r-reġim tar-RDPK bil-kemm ikkoopera man-NU u rrifjuta r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta' Fuq; billi naqas milli jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u rrifjuta kull għajnuna mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem taħt il-proċeduri speċjali;
G. billi saret laqgħa wara r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta' Marzu 2015 bejn diplomatiċi tal-Korea ta' Fuq u Marzuki Darusman, ir-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-drittijiet tal-bniedem firl-Korea ta' Fuq;
H. billi l-UE hi difensur u promotur tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja; billi d-djalogu UE-RDPK dwar id-drittijiet tal-bniedem ilu li ġie sospiż mir-RDPK mill-2013; billi l-UE u r-RDPK kellhom rawnd ta' djalogu politiku f'Ġunju 2015;
I. billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU (KtI) investigat "il-vjolazzjonijiet sistematiċi, mifruxa u gravi tad-drittijiet tal-bniedem" fil-Korea ta' Fuq u ħarġet rapport fis-7 ta' Frar 2014; billi l-KtI kkonkludiet fir-rapport tagħha li l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' Pyongyang huma "mingħajr parallel fid-dinja kontemporanja" u sabet "dik li hija kważi ċaħda totali tad-dritt tal-ħsieb, tal-kuxjenza, u tar-reliġjoni, kif ukoll tad-drittijiet tal-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-informazzjoni, u ta' assoċjazzjoni"; billi l-KtI sabet bosta każi fejn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK marret għall-agħar mill-2014 'il hawn;
J. billi l-Gvern tar-RDPK ma jippermetti l-ebda oppożizzjoni politika, l-anqas ma jippermetti elezzjonijiet liberi u ġusti, midja ħielsa, libertà reliġjuża, libertà ta' assoċjazzjoni, negozjar kollettiv jew moviment liberu;
K. billi r-RDPK għandha sistema tas-sigurtà estensiva u strutturata tajjeb li tissorvelja mill-qrib il-ħajja ta' kważi kull ċittadin u ma tippermetti l-ebda tip ta' libertà bażika fil-pajjiż;
L. billi l-awtoritajiet statali tar-RDPK sistematikament iwettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, detenzjonijiet arbitrarji u għejbien ta' persuni, fosthom anke fil-forma ta' ħtif ta' ċittadini barranin, filwaqt li internaw aktar minn 100 000 persuna f'ħabsijiet u f'kampijiet ta' 'riedukazzjoni';
M. billi l-poplu tar-RDPK ilu espost għal deċennji ta' sottożvilupp, b'sevizz ta' kura tas-saħħa batut u livelli għolja ta' malnutrizzjoni materna u infantili, f'kuntest ta' iżolament politiku u ekonomiku, diżastri naturali rikorrenti u żidiet internazzjonali fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel u tal-karburanti; billi r-RDPK qed tikser id-dritt tal-ikel tan-nies tagħha;
1. Jikkundanna bil-qawwa r-raba' prova nukleari tas-6 ta' Jannar 2016 bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-Peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jappoġġja sanzjonijiet li fihom sinifikat u li huma effettivi wara l-prova nukleari li saret dan l-aħħar liema sanzjonijiet għandhom jiġu deċiżi mill-komunità internazzjonali;
2. Iħeġġeġ lir-RDPK żżomm lura minn azzjonijiet provokattivi ulterjuri billi tabbanduna l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi tagħha b'mod komplet, verifikabbli u irreversibbli, twaqqaf l-attivitajiet relatati kollha u tikkonforma immedjatament mal-obbligi internazzjonali tagħha kollha, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA kif ukoll normi oħra internazzjonali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari mingħajr dewmien u tirrispetta l-impenji tagħha skont id-Dikjarazzjonijiet Konġunti tat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet fid-19 ta' Settembru 2005;
3. Jafferma x-xewqa tiegħu għal soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; itenni l-appoġġ tiegħu għat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet u jitlob li dawn jissuktaw; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom; jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, sabiex taħdem favur paċi u siġurtà dejjiema f'peniżola Koreana ħielsa min-nukleari u bħala l-aħjar mezz kif jiġi żgurat ġejjieni aktar għani u stabbli għar-RDPK;
4. Jinsab konvint li wasal iż-żmien biex il-komunità internazzjonali tieħu azzjoni konkreta biex ittemm l-impunità ta' dawk li jwettqu d-delitti; jitlob b'insistenza li dawk l-iktar responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jiġu mixlija quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati;
5. Jenfasizza l-fatt li l-vjolazzjonijiet deskritti fir-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta, li ħafna minnhom jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità, ilhom iseħħu wisq żmien taħt l-għajnejn osservanti tal-komunità internazzjonali;
6. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Inkjesta mingħajr dewmien;
7. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jeżerċita l-influwenza u s-saħħa politika u ekonomika akbar tiegħu fuq ir-RDPK biex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni ma tkomplix teskala aktar; jistieden lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tieħu l-passi kollha meħtieġa, b'kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali, bil-għan li jerġa' jkun hemm il-paċi u l-istabilità fuq il-Peniżola Koreana; jinnota l-appoġġ tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għar-riżoluzzjoni 2094(2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinnota l-kunsens fost il-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-reazzjoni tagħhom għall-prova nukleari reċenti tar-RDPK;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex, bi qbil mal-obbligi tiegħu bħala stat firmatarju tal-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tan-NU, la jiċħad id-dritt lir-rifuġjati mill-Korea ta' Fuq li jaqsmu l-fruntiera għal ġoċ-Ċina biex ifittxu ażil u lanqas ma jġegħilhom jirritornaw lejn il-Korea ta' Fuq, imma jħares id-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħhom; jistieden lill-UE teżerċita pressjoni diplomatika għal dak il-għan; itenni l-istedina tiegħu lill-pajjiżi kollha li jaslu għandhom rifuġjati mir-RDPK biex jirrispettaw il-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 billi ma jreġġgħu l-ebda rifuġjat mill-Korea ta' Fuq lura r-RDPK;
9. Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta’ Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, li ġiet appoġġjata mill-Istati Membri kollha tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jindirizzaw is-sitwazzjoni gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK;
10. Jistieden lir-RGħ/VP Federica Mogherini tuża l-kapaċità esperta tar-Repubblika tal-Koera fl-ifformular tal-istrateġija tal-UE lejn ir-RDPK; jistieden lir-RGħ/VP timmonitorja żviluppi ulterjuri fir-RDPK u tirrapporta lura lill-Parlament ħalli l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK tibqa' prijorità fl-aġenda politika tal-UE; jemmen li l-UE għandha rwol kostruttiv xi twettaq permezz tal-impenn kritiku tagħha mal-Gvern tar-RDPK;
11. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorazzjoni persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti fihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK jkollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa;
12. Jistieden lill-Gvern tar-RDPK jieqaf immedjatament milli juża t-trażżin sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem bħala għodda politika biex jikkontrolla u jissorvelja lill-popolazzjoni tiegħu stess;
13. Jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku u fuq skala kbira tal-piena kapitali fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qrib; jistieden lir-RDPK ttemm il-qtil extraġudizzjarju u l-għejbien imġiegħel, teħles lill-priġunieri politiċi u tippermetti liċ-ċittadini tagħha jivvjaġġaw liberament, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha;
14. Iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDPK jwaqqaf milli jkompli bil-programm tax-xogħol sfurzat sponsojat mill-Istat li taħtu pajjiżi barranin ħaddmu għaxriet ta' eluf ta' ħaddiema mill-Korea ta' Fuq taħt kundizzjonijiet illegali, prinċipalment fil-minjieri, fil-qtugħ tas-siġar għall-injam, fit-tessuti u fi proġetti tal-bini, li ġġenera flus kontanti biex ikun jista' jiġi sostnut ir-reġim; jirrimarka li f'dan il-każ ir-responsabilità għall-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol testendi għall-istati ospitanti li għandhom jiżguraw il-ħarsien tal-istandards tax-xogħol u tad-drittijiet tal-bniedem;
15. Jikkundanna r-restrizzjonijiet ħarxa fuq il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew it-twemmin, tal-opinjoni u tal-espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, kif ukoll id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sistema songbun li tikklassifika lin-nies abbażi ta' klassi soċjali u twelid assenjati mill-Istat, u tinkludi wkoll konsiderazzjoni tal-opinjonijiet politiċi u tar-reliġjon;
16. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-ikel li l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu magħha u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-popolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-programmi ta' għajnuna umanitarja eżistenti u bil-linji ta' komunikazzjoni eżistenti mar-RDPK, u tiżgura li jaslu b'mod sikur għand il-partijiet tal-popolazzjoni li huma mmirati lilhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-RDPK jiżguraw l-aċċess liċ-ċittadini kollha għall-ikel u l-għajnuna umanitarja abbażi tal-ħtieġa, skont il-prinċipji umanitarji;
17. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDPK jirriżolvu b'mod urġenti l-kwistjoni tal-ħtif sistematiku ta' persuni, jgħaddu l-informazzjoni kollha dwar iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, inklużi dawk tal-Ġappun u tar-Repubblika tal-Korea, issuspettati li nħatfu minn aġenti tal-istat tal-Korea ta' Fuq matul dawn l-aħħar deċennji, u lil dawk maħtufa li għadhom qed jinżammu jirritornawhom lejn pajjiżhom immedjatament;
18. Jistieden lir-RDPK tkompli timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-interlokuturi internazzjonali bil-ħsieb li jiġu promossi titjibiet konkreti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-prattika, inkluż permezz ta' djalogi, żjarat uffiċjali lejn il-pajjiż u aktar kuntatt bejn il-persuni;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Korea, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Istati Uniti, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġappun, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.