Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Florian Philippot (2015/2267(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Florian Philippot, imressqa fit-2 ta' Settembru 2015 mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża, fil-kuntest ta' proċedimenti ta' malafama quddiem il-Qorti Superjuri ta' Nanterre (Nru ta’ Ref. JIJI215000010), u mħabbra fis-seduta plenarja tas-16 ta' Settembru 2015,
– wara li sema' lil Florian Philippot skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0014/2016),
A. billi l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi talbu t-tneħħija tal-immunità ta' Florian Philippot, b'rabta ma' proċedimenti kriminali mressqa minn stat terz;
B. billi l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;
C. billi, barra dan, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;
D. billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża jistipula li "l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi suġġett għal proċeduri kontrih, imfittex, arrestat, detenut jew iġġudikat minħabba opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa fil-qadi ta' dmirijietu", u li "l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi soġġett, f'materji kriminali, għal arrest jew detenzjoni jew kwalunkwe forma ta' ċaħda tal-libertà" mingħajr awtorizzazzjoni parlamentari;
E. billi Florian Philippot ġie akkużat minn gvern ta' stat terz, b'mod speċifiku, il-Qatar, li hu mmalafama lil dan l-istat matul xandira tar-radju tad-9 ta' Jannar 2015 u matul xandira tat-televiżjoni tad-19 ta' Jannar 2015, fejn insinwa li l-Istat imsemmi kien qed jiffinanzja it-terroriżmu;
F. billi, kemm l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprojbixxu kwalunkwe proċedura ċivili jew kriminali kontra deputat parlamentari fir-rigward ta' opinjonijiet espressi fil-qadi ta' dmirijietu;
G. billi "d-dispożizzjonijiet fis-sistema Franċiża li jipproteġu r-rappreżentanti tal-poplu fil-qadi ta' dmirijiethom imorru lura għall-1789, u jirriżultaw mir-rispett għall-espressjoni tar-rieda tal-poplu u l-ħtieġa fi stat demokratiku għar-rappreżentanti eletti biex jeżerċitaw il-mandat tagħhom b’mod ħieles mingħajr il-biża' ta' azzjoni legali jew interferenza minn waħda eżekuttiva jew ġudizzjarja"(2);
H. billi, bħala Membru tal-Parlament Ewropew, din l-immunità tkopri mhux biss l-opinjonijiet espressi mill-Membru waqt il-laqgħat uffiċjali tal-Parlament iżda wkoll il-fehmiet espressi fi bnadi oħra, pereżempju fil-midja, fejn ikun hemm "rabta bejn l-opinjoni espressa u [...] id-dmirijiet parlamentari"(3);
I. billi l-espressjoni ta' opinjonijiet fl-isfera pubblika dwar il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u ta' stati terzi taqa' fi ħdan il-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew;
J. billi, għalhekk, ma hemmx ġustifikazzjoni għat-tneħħija tal-immunità ta' Florian Philippot;
K. billi, f'każ li l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jitqies quod non li ma jkunx applikabbli f'dan il-każ, it-talba tal-awtoritajiet Franċiżi għandha tiġi eżaminata bħala talba abbażi tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 26(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, u għaldaqstant għandha titqies bħala talba għal awtorizzazzjoni biex Florian Philippot jiġi sottopost għal "arrest jew detenzjoni, f'materja kriminali, jew kwalunkwe forma oħra ta' ċaħda tal-libertà";
L. billi, f'termini ġenerali, il-funzjoni tal-immunità parlamentari għandha l-għan li tippermetti lill-awtorità leġiżlattiva li teżerċita r-responsabbiltajiet kostituzzjonali tagħha mingħajr indħil estern mhux mixtieq, speċjalment min-naħa tal-poter eżekuttiv(4); billi jidher ċar li dan il-prinċipju japplika wkoll meta jitnedew proċedimenti kriminali għal malafama minn Stat terz kontra deputat parlamentari;
M. billi, għaldaqstant, mhux meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta' fumus persecutionis, jiġifieri jekk l-għan tal-proċedimenti kriminali huwiex li tiddgħajjef l-attività politika tal-Membru;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Florian Philippot;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u għal Florian Philippot.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
Parliamentary Immunity. A Comprehensive Study of the Systems of Parliamentary Immunity of the United Kingdom, France, and the Netherlands in a European Context, Sascha Hardt, Intersentia, Ius Commune Europaeum Series, No. 119, ISBN 978-1-78068-191-7, Maastricht, Lulju 2013.