Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2137(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0003/2016

Testi mressqa :

A8-0003/2016

Dibattiti :

PV 01/02/2016 - 15
CRE 01/02/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2016 - 6.10
CRE 02/02/2016 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0034

Testi adottati
PDF 433kWORD 168k
It-Tlieta, 2 ta' Frar 2016 - Strasburgu
Rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità
P8_TA(2016)0034A8-0003/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2016 tadwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità (2015/2137(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Ir-rieżami ta' nofs il-mandat dwar l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM(2015)0478),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Il-qagħda tan-natura fl-Unjoni Ewropea: Rapport dwar l-istatus u x-xejriet għat-tipi ta' ħabitats u għall-ispeċijiet li jkopru d-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva tal-Ħabitats għall-perjodu 2007-2012 bħalma jeżiġi l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Ħabitats u bħalma jeżiġi l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Għasafar" (COM(2015)0219),

–  wara li kkunsidra r-"Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika miftuħa tal-'Kontroll tal-idoneità' fuq id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats"(1),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat f'Ottubru 2015 dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini Ewropej lejn il-bijodiversità ("Ewrobarometru speċjali 436"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu "L-Ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2015" ("SOER 2015"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2014 dwar l-Approċċ tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Salvaġġi (COM(2014)0064),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-grupp ta' esperti tal-Orizzont 2020, dwar Soluzzjonijiet Ibbażati fuq in-Natura u Bliet li Jirritornaw għal Ambjent Naturali bit-titolu "Towards an EU Research and Innovation Policy Agenda for Nature-Based Solutions and Re-Naturing Cities", ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Faċilità ta' Finanzjament Kapitali Naturali (NCFF), li tifforma parti mill-istrument finanzjarju LIFE għall-miżuri ambjentali u relatati mal-klima,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva futura tal-UE taħt il-motto "l-ebda telf nett tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi",

–  wara li kkunsidra r-riżultati tat-12-il Konferenza tal-Partijiet (COP 12) għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB), b'mod partikolari: ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, inkluża r-raba' edizzjoni ta' Prospettiva tad-Diversità Globali, bil-ħsieb li jintlaħqu l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi; u miżuri biex tittejjeb l-implimentazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni X/34 tal-COP 10 dwar il-bijodiversità, li tenfasizza l-importanza tal-bijodiversità agrikola għas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni speċjalment fid-dawl tat-tibdil fil-klima u ta' riżorsi naturali limitati kif rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tas-Summit Dinji tal-2009 dwar is-Sigurtà tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ambjentali, tat-12 ta' Ġunju 2014, b'mod partikolari l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex iżidu r-riżorsi bil-għan li jintlaħqu l-impenji ta' Hyderabad billi, sal-2015, jirduppjaw il-flussi totali ta' riżorsi finanzjarji relatati mal-bijodiversità;

–  wara li kkunsidra r-rapport lis-Segretarjat tal-KDB u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bit-titolu "Nikkollegaw prijoritajiet globali: Il-Bijodiversità u s-Saħħa tal-Bniedem – Stat ta' Għarfien", ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa fid-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU għall-approvazzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 bit-titolu "It-trasformazzjoni tad-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli",

–  wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-Ekonomiji tal-Ekosistemi u tal-Bijodiversità (TEEB), inizjattiva dinjija "mmirata biex tagħmel il-valuri tan-natura viżibbli",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċi ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u l-Konvenzjoni dwar l-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS),

–  wara li kkunsidra l-Lista l-Ħamra ta' speċi ta' annimali fil-periklu tal-estizjoni tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN),

–  Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti,

–  wara li kkunsidra l-Politika Agrikola Komuni ta' wara l-2013, u b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni(3) u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(5),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar l-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-Infrastruttura Ekoloġika – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar "Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti"(8),

–  wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizzi ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' April 2015 bit-titolu "Is-salvagwardja tad-diversità bijoloġika – il-politika tal-UE u ftehimiet internazzjonali",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Forest Europe dwar l-"Istat tal-Foresti tal-Ewropa 2015"(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali (id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali) tiegħu tal-2009 dwar il-liġijiet u l-prassi nazzjonali fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, b'mod partikolari l-Artikolu 6,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni adottata fil-115-il sessjoni plenarja tat-3 u tal-4 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Kontribut għal Kontroll tal-Idoneità fuq id-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0003/2016),

A.  billi jfakkar li l-bijodiversità tkopri l-varjetà unika tal-ekosistemi, ħabitats, speċi u ġeni fid-dinja, li fuqhom il-bniedem huwa dipendenti ħafna;

B.  billi l-bijodiversità għandha valur intrinsiku kbir li għandu jiġi mħares għall-benefiċċju ta' ġenerazzjonijiet futuri; billi l-bijodiversità tipprovdi wkoll benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u tikkontribwixxi valur soċjali u ekonomiku enormi, u billi l-kost tal-għażla soċjo-ekonomiku tan-nuqqas tal-kisba tal-mira ewlenija tal-bijodiversità huwa stmat li hu EUR 50 biljun fis-sena;

C.  billi l-agrikoltura għandha rwol ewlieni fl-ilħuq tal-miri tal-bijodiversità; billi l-ħtieġa għal produzzjoni effiċjenti tal-ikel – biex tiġi mitmugħa popolazzjoni dinjija li qed tiżdied b'rata mgħaġġla – u l-miri tal-politika tal-enerġija li jeħtieġu użu akbar tal-bijomassa bħala sors tal-enerġija qed jagħmlu domanda sinifikanti fuq l-industrija agrikola;

D.  billi s-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

E.  billi d-diversità tal-ispeċi u l-varjetajiet ta' pjanti kkultivati tradizzjonalment minn farms ta' daqs żgħir u medju u farms tal-familji hija ta' importanza enormi kemm f'termini ta' reazzjoni għad-diversi ħtiġijiet u użi fil-komunitajiet rurali, kif ukoll tat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-għelejjel għall-maltemp, il-pesti u l-mard;

F.  billi l-kultivazzjoni tal-art u t-trobbija sostenibbli u responsabbli tal-bhejjem jagħtu kontribut essenzjali għall-preservazzjoni tal-bijodiversità;

G.  billi l-bijodiversità hija taħt pressjoni qawwija madwar id-dinja, li qiegħda tikkawża tibdil irriversibbli li huwa ta' ħsara enormi għan-natura, is-soċjetà u l-ekonomija;

H.  billi l-Mira 11 ta' Aichi titlob il-ħarsien ta' mill-anqas 17 % taż-żoni terrestri u l-ilmijiet interni permezz ta' sistemi ġestiti b'mod effikaċi ta' żoni protetti; billi l-proporzjon ta' ekoreġjuni Ewropej li għandhom 17 % tat-territorju tagħhom fi ħdan żoni protetti jonqos ferm meta jiġu esklużi żoni protetti unikament minn Natura 2000;

I.  billi r-restawr tal-ekosistemi jista' jkollu impatt pożittiv fuq kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament għall-bidla fil-klima;

J.  billi mill-inqas 8 minn kull 10 ċittadini tal-UE jikkunsidraw l-impatt tat-telf tal-bijodiversità bħala serju u billi 552 470 ċittadin ipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura, l-akbar rispons li qatt kien hemm għal xi konsultazzjoni tal-Kummissjoni; billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru, iċ-ċittadini jixtiequ jirċievu aktar tagħrif dwar it-telf tal-bijodiversità u l-biċċa l-kbira tan-nies ma humiex konxji dwar in-Natura 2000.

K.  billi numri konsiderevoli ta' ċittadini impenjati, li jaġixxu jew fuq inizjattiva proprja jew bħala membri ta' gruppi ta' azzjoni lokali jew reġjonali, qed jieħdu miżuri lokali u reġjonali biex jippromwovu l-bijodiversità u b'hekk qed jiksbu riżultati pożittivi fi żmien relattivament qasir;

L.  billi 65 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu sa 5 km bogħod minn sit Natura 2000, u 98 % jgħixu sa 20 km bogħod, u dan juri li dawn is-siti għandhom il-potenzjal li jgħinu fiż-żieda tas-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità u li jipprovdu servizzi tal-ekosistema li jikkontribwixxu għall-benessri ta' proporzjon kbir tal-popolazzjoni tal-UE;

M.  billi l-politiki tal-bijodiversità għandhom ikunu f'konformità sħiħa mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, sabiex id-differenzi reġjonali fil-pajżaġġi u l-ħabitats ikunu rispettati bis-sħiħ;

N.  wara li kkunsidra l-importanza tal-bijodiversità fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, li jirrappreżentaw ir-riżervi uniċi ta' speċi ta' flora u fawna endemiċi; billi, madankollu, id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats mhumiex applikati f'uħud minn dawn ir-reġjuni;

Rimarki ġenerali

1.  Jilqa' r-rieżami ta' nofs it-terminu dwar l-istrateġija għall-bijodiversità, u tar-rapporti dwar "Il-Qagħda tan-Natura" u l-"SOER 2015"; jenfasizza l-importanza strateġika ta' dawn ir-rapporti għall-kisba tal-miri tal-bijodiversità tal-UE;

2.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar it-telf kontinwu ta' bijodiversità; jinnota li l-miri tal-2020 mhumiex se jintlaħqu mingħajr sforzi addizzjonali, sostanzjali u kontinwi; josserva fl-istess ħin, li l-evidenza xjentifika wriet li n-natura tal-Ewropa tkun fi stat ħafna agħar mingħajr l-impatt pożittiv tad-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats, u li sforzi mmirati u ffinanzjati kif jixraq ġenwinament jagħtu riżultati pożittivi; jenfasizza, madankollu, li għad hemm potenzjal kbir għal titjib;

3.  Jenfasizza li l-qerda tal-ħabitats hija l-akbar fattur li qed iwassal għal telf tal-bijodiversità u tirrappreżenta prijorità partikolari sabiex jiġi indirizzat dan it-telf, i.e. permezz tat-tnaqqis tad-degradament u l-frammentazzjoni;

4.  Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità ma jirreferix biss għall-ispeċi u l-ħabitats iżda anke għad-diversità ġenetika; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika;

5.  Jenfasizza r-rwol kritiku tal-bijodiversità fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari l-Għanijiet 14 ("il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar"), u 15 ("il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta' ekosistemi terrestri, foresti ġestiti b'mod sostenibbli, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, u li titwaqqaf u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-art u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità"); ifakkar li l-UE għandha bijodiversità inkredibbli, b'mod partikolari bis-saħħa tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, iżda wkoll permezz tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej assoċjati magħha; għalhekk jistieden lill-UE tibqa' impenjata bis-sħiħ għat-tisħiħ ulterjuri tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u tiżgura li din tiġi implimentata b'mod effettiv;

6.  Jinnota li l-frammentazzjoni, id-degradazzjoni u l-qerda tal-ħabitats bħala konsegwenza tat-tibdil fl-użu tal-art, it-tibdil fil-klima, ix-xejriet tal-konsum mhux sostenibbli u l-użu tal-ibħra huma wħud mill-pressjonijiet u l-ixprunaturi ewlenin li jikkawżaw it-telf tal-bijodiversità fl-UE u lil hinn mill-fruntieri tagħha; jenfasizza, għalhekk il-ħtieġa li jiġu identifikati u jiġu stabbiliti indikaturi li b'mod ċar u xjentifikament ikejlu l-istat tal-bijodiversità f'inħawi jew reġjun partikolari u li jiġi appoġġjat l-użu razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fuq livell globali, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u, b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-UE biex tankra aħjar l-impenji internazzjonali tagħha dwar il-bijodiversità mal-istrateġiji tagħha dwar it-tibdil fil-klima u l-Ewropa 2020; jenfasizza li ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi u tnaqqis fil-konsum żejjed jistgħu jippermettu lill-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-riżorsi naturali, b'mod partikulari minn barra l-Ewropa; ifakkar ukoll li approċċi bbażati fuq l-ekosistemi fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih jistgħu joffru alternattivi kosteffiċjenti għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi, filwaqt li l-progress f'bosta xjenzi applikati jiddependi fuq id-disponibbiltà u d-diversità tal-assi naturali;

7.  Jenfasizza l-importanza kruċjali ta' aktar rieda politika fl-ogħla livell għall-ħarsien tal-bijodiversità u biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità; iqis essenzjali l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, l-infurzar u aktar integrazzjoni tal-protezzjoni tal-bijodiversità f'oqsma oħra ta' politika; jistieden, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni u jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità;

8.  Jiddeplora l-fatt li, fl-Ewropa, madwar kwart tal-ispeċi selvaġġi huma f'riskju ta' estinzjoni u bosta ekosistemi huma degradati, u dan jikkaġuna dannu ekonomiku u soċjali kbir ħafna għall-UE;

9.  Jenfasizza li n-natura u l-iżvilupp ekonomiku mhumiex reċiprokament esklużivi; huwa konvint mill-bżonn li n-natura tiġi integrata b'mod aktar sħiħ fis-soċjetà, inkluża l-ekonomija u l-intrapriżi privati, sabiex jiġi ġġenerat tkabbir ekonomiku sostenibbli u jittieħdu miżuri proattivi biex l-ambjent ikun imħares, restawrat u mmaniġġjat aħjar; jikkunsidra b'mod partikolari, li l-impenn favur it-tnaqqis tal-isfruttament tar-riżorsi jrid ikun ċentrali fil-konverġenza tal-miri ambjentali u dawk ekonomiċi;

10.  Jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità għandu kostijiet ekonomiċi devastanti għas-soċjetà li s'issa ma ġewx integrati b'mod suffiċjenti fil-politiki ekonomiċi u f'politiki oħrajn; iqis li huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut li l-investiment fil-bijodiversità huwa essenzjali mil-lat soċjoekonomiku; jinnota li wieħed minn kull sitt impjiegi fl-UE jiddependi sa ċertu punt fuq in-natura u l-bijodiversità; jenfasizza li l-bijodiversità għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq ħiliet, impjiegi u opportunitajiet kummerċjali ġodda; jilqa' metodi għall-kejl tal-valur ekonomiku tal-bijodiversità; iqis li dawn l-istrumenti jistgħu jżidu s-sensibilizzazzjoni, itejbu l-użu tar-riżorsi disponibbli u jwasslu għal teħid aħjar tad-deċiżjonijiet;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-bijodiversità u l-ekosistemi f'affarijiet ekonomiċi, bil-ħsieb li nimxu lejn ekonomija ekoloġika, iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri meħuda favur l-ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew; jenfasizza li l-bijodiversità hija responsabilità soċjali globali li ma tistax tkun ibbażata biss fuq in-nefqa pubblika;

12.  Huwa tal-fehma li l-valur ekonomiku tal-bijodiversità għandu jkun rifless f'indikaturi li jiggwidaw it-teħid tad-deċiżjonijiet (mingħajr ma jwasslu biex il-bijodiversità ssir komodità) u li jmorru lil hinn mill-PDG; jinsab konvint li dan huwa ta' benefiċċju għall-kisba tal-SDGs; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-integrazzjoni sistematika tal-valuri ta' bijodiversità fis-sistemi tal-kontabilità nazzjonali bħala parti mill-proċess ta' monitoraġġ tal-SDG;

13.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha naqsu milli jilħqu l-miri tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2010; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta' progress biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità għall-2020, biex tipprovdi lill-Parlament b'żewġ rapporti annwali li fihom il-Kunsill u l-Kummissjoni jelaboraw dwar is-sitwazzjoni attwali, ir-raġunijiet għal nuqqas ta' kisba u l-istrateġija biex tkun żgurata l-konformità fil-futur;

Rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-Bijodiversità

Mira ewlenija

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex jagħtu prijorità ogħla lill-kisba tal-miri tal-2020; jitlob għal approċċ li jinvolvi diversi partijiet interessati u jenfasizza r-rwol vitali tal-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-finanzjament u kuxjenza pubblika u l-fehim akbtar ta', u l-appoġġ għall-ħarsien tal-bijodiversità huma wkoll essenzjali; iqis li politika ta' informazzjoni tajba u l-involviment bikri tal-atturi kollha kkonċernati, inklużi l-atturi soċjoekonomiċi, huma għalhekk essenzjali biex jintlaħqu dawn il-miri;

15.  Jistieden lill-UE tnaqqas l-impronta tal-bijodiversità tagħha mad-dinja kollha, f'konformità mal-prinċipju tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, u biex tinġieb fil-limiti ekoloġiċi tal-ekosistemi billi tagħmel progress fil-kisba tal-miri ewlenin tal-bijodiversità u biex tissodisfa l-impenji dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità; jistieden ukoll lill-UE tassisti l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex iħarsu l-bijodiversità u jiżguraw l-użu sostenibbli tagħha;

Mira 1

16.  Jiddeplora l-fatt li l-progress fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE qed isir bil-mod mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar informazzjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri;

17.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar, u finanzjament adegwat, tad-Direttivi dwar in-Natura huma prerekwiżit essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija b'mod ġenerali u biex tintlaħaq il-mira ewlenija tagħha; jitlob, minħabba ż-żmien qasir disponibbli, lill-partijiet kollha kkonċernati biex jagħmlu ħilithom kollha biex jinkiseb dan u biex jiġi ġġenerat appoġġ wiesa';

18.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE jisimgħu lin-nofs miljun ċittadin li talbu li l-liġijiet b'saħħithom tagħna dwar il-ħarsien tan-natura jiġu rrispettati u jiġu implimentati aħjar;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-linji gwida, li għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-infurzar sħiħ tad-direttivi, skont il-ġurisprudenza eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar prijorità lid-djalogu mal-Istati Membri u l-atturi rilevanti kollha inklużi dawk soċjoekonomiċi, sabiex tinkoraġġixxi skambji tal-aħjar prattiki;

20.  Jirrikonoxxi li wieħed mill-benefiċċji ewlenin tad-Direttivi dwar in-Natura huwa l-punt sa fejn dawn jgħinu jiżguraw kundizzjonijiet indaqs fl-UE billi jipprovdu standard bażiku ta' protezzjoni ambjentali, li l-Istati Membri kollha għandhom jissodisfaw skont il-ħtiġiet għal standards komuni u l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fis-suq uniku;

21.  Jinnota li fl-2012, 58 % biss tas-siti Natura 2000 kellhom pjanijiet ta' ġestjoni; jinsab imħasseb bil-livelli diverġenti ta' implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkompletaw l-għażla tas-siti tal-art u tal-baħar tan-Natura 2000 u jfasslu pjanijiet ta' ġestjoni, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha;

22.  Jenfasizza li filwaqt li l-ġestjoni tas-siti Natura 2000 fi ħdan l-UE tiswa minimu ta' EUR 5,8 biljun, dawn iġibu benefiċċji ambjentali u soċjoekonomiċi tal-valur ta' bejn EUR 200 biljun u EUR 300 biljun fis-sena; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-siti ta' Natura 2000 ikunu ġestiti b'mod trasparenti;

23.  Jirrikonoxxi l-kontribut vitali li ż-Żoni Protetti tal-Baħar stabbiliti taħt in-netwerk Natura 2000 se jkollhom fil-kisba ta' Status Ambjentali Tajjeb skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, u fil-kisba tal-mira globali li sal-2020 jiġu protetti 10 % taż-żoni kostali u tal-baħar, kif stabbilit fl-Objettiv 11 dwar il-Bijodiversità ta' Aichi; jiddispjaċih li din il-mira għada 'l bogħod milli tintlaħaq;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-ġbir tad-data u l-monitoraġġ tal-ħabitats u tal-ispeċi, b'mod partikolari fejn hemm lakuni ewlenin, sabiex jevalwaw il-progress li sar fil-kisba ta' dawn il-miri;

25.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li għad m'hemmx għarfien dettaljat dwar il-finanzjament attwali tal-konservazzjoni tan-natura minn kull Stat Membru; iqis dan bħala lakuna sinifikanti fl-għarfien tagħna; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw u jikkumpilaw il-linji baġitarji nazzjonali rilevanti, mingħajr dewmien;

26.  Itenni l-appelli preċedenti tiegħu għall-kofinanzjament tal-UE għall-ġestjoni tas-siti tan-Natura 2000, li jikkumplimentaw il-fondi għall-iżvilupp rurali u strutturali u għas-sajd, u għall-fondi disponibbli mill-Istati Membri;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jinfurzaw id-Direttivi dwar in-Natura b'mod kuxjenzjuż; jenfasizza li l-konformità ma', u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tittejjeb permezz ta', pereżempju, l-użu ta' penali proporzjonali, effettivi u dissważivi;

28.  Jitlob, f'dak il-kuntest, għal sforzi addizzjonali biex jitwaqqaf il-qtil, l-insib u l-kummerċ kollu illegali tal-għasafar u biex jiġu solvuti l-kunflitti lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod ġodda biex jiġu identifikati attivitajiet illegali fis-siti tan-Natura 2000;

Mira 2

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika mingħajr dewmien proposta speċifika għall-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew għal infrastruttura ekoloġika (TEN-G) sal-2017; jinkoraġġixxi l-iżvilupp konġunt flimkien mal-Istati Membri, ta' strateġija għal kurituri Ewropej għall-annimali selvaġġi għall-ispeċi fil-mira;

30.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma żviluppawx u ma implimentawx oqfsa ta' prijoritizzazzjoni tar-restawr tal-ekosistemi, biex jagħmlu dan minnufih;

31.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw il-mira ta' restawr ta' 15 % tal-ekosistemi degradati sal-2020 u biex jużaw l-approprjazzjonijiet disponibbli għal dan il-għan fi ħdan il-QFP; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta linji gwida dwar kif għandhom jintużaw dawn l-approprjazzjonijiet għar-restawr tal-ekosistemi degradati u għall-protezzjoni tal-bijodiversità b'mod ġenerali;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-agrikoltura u l-forestrija għall-kisba ta' din il-mira u għall-ħtieġa għal soluzzjonijiet sostenibbli għall-agrikoltura u l-forestrija;

33.  Jirrikonoxxi l-impatt negattiv tat-tniġġis tal-arja fuq il-bijodiversità u fuq is-servizzi ekosistemiċi, fejn it-tagħbijiet kritiċi tan-nitroġenu nutrittiv u aċidità jintużaw bħala indikatur tal-pressjoni fuq l-ekosistemi naturali u d-diversità tal-ispeċi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fil-bijodiversità sabiex jappoġġaw il-kapaċità tal-kumpaniji li jinnovaw, b'mod partikolari fil-qasam tal-inġinerija ekoloġika;

Mira 3

35.  Jinnota li l-inkorporazzjoni tal-konservazzjoni tan-natura f'oqsma oħra ta' politika tibqa' ta' importanza kbira, u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-agrikoltura u tal-forestrija f'dan ir-rigward;

36.  Jenfasizza li l-konservazzjoni tal-bijodiversità hija essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf, u għalhekk hija fl-interess tal-bdiewa; jenfasizza l-importanza ta' approċċ li jkopri wkoll il-varji partijiet interessati li tinvolvi wkoll b'mod attiv u tinkoraġġixxi lill-bdiewa u lill-operaturi tal-forestrija sabiex jindirizzaw dawn l-isfidi b'mod konġunt;

37.  Ifakkar li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) diġà għandha strumenti għar-restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità, bħalma huma l-Erjas b'Fokus Ekoloġiku (EFE); jirrimarka li r-restawr, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, inkluż fiż-żoni tan-Natura 2000 huwa enfasizzat bħala wieħed mis-sitt prijoritajiet ewlenin għall-iżvilupp rurali fl-UE;

38.  Jinnota b'dispjaċir li ma sarx titjib li jista' jitkejjel fl-istatus tal-bijodiversità fl-agrikoltura, iżda jirrikonoxxi li għadu kmieni wisq biex titkejjel l-effettività reali tal-PAK riformata; jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-PAK, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw, jevalwaw u, jekk ikun il-każ, itejbu l-effettività ta' miżuri ekoloġiċi – inkluża l-valutazzjoni tal-flessibilità tal-Istat Membru – u miżuri ta' żvilupp rurali rilevanti fil-kuntest tal-PAK; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sejbiet tagħha fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-PAK;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-istrumenti eżistenti tal-PAK u tal-Politika ta' Koeżjoni biex jgħinu lill-bdiewa u l-operaturi tal-forestrija fil-kisba tal-miri tal-bijodiversità; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-użu sostenibbli ta' riżorsi ġenetiċi ta' pjanti u varjetajiet agrikoli tradizzjonali, flimkien ma' soluzzjonijiet sostenibbli għall-agrikoltura u l-forestrija;

40.  Jenfasizza li l-EFE fil-prinċipju għandhom ikunu żoni għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-proċessi agroekoloġiċi bħall-pollinazzjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika data dwar kemm l-Istati Membri kienu qed jippermettu l-użu ta' pestiċidi u fertilizzanti f'dawn l-EFE minn mindu r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 daħal fis-seħħ;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni, fl-interess tat-trasparenza, tippubblika l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri għall-għażla tagħhom ta' miżuri ħodor;

42.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji skont il-PAK minflok ma jissussidjaw attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, jiġu diretti sabiex jiffinanzjaw prattiki agrikoli sostenibbli u ż-żamma tal-bijodiversità konnessa;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħares il-bijodiversità agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tinkiseb is-sigurtà tal-ikel; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tinvesti fl-agroekoloġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tad-dinja billi tiżgura proċessi ekoloġiċi u l-bijodiversità tal-foresti u l-produttività billi tirrispetta d-drittijiet tal-popli indiġeni li jsostnu r-riżorsi tal-foresti. barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tipprojbixxi l-qerda tal-foresti naturali, sabiex tissalvagwardja l-ispeċi fil-periklu, u biex tipprojbixxi l-pestiċidi tossiċi u t-tħawwil ta' siġar ġenetikament modifikati;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar, bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tappoġġja l-bijodiversità, il-foresti tropikali, minħabba l-konċentrazzjoni tagħhom ta' ekosistemi, ħabitats u l-ispeċi vulnerabbli partikolarment fil-periklu, ir-rwol fundamentali tagħhom għall-bilanċ ambjentali u l-klima, u l-funzjoni soċjali u kulturali tagħhom għall-popolazzjonijiet indiġeni;

46.  Jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti bil-għan li jtejbu l-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi tal-foresti, u biex itejbu d-disponibilità tal-informazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji u standards għall-ġbir ta' informazzjoni dwar il-bijodiversità tal-foresti biex tiżgura li jkun hemm konsistenza u komparabilità;

47.  Jiġbed l-attenzjoni għat-theddida potenzjali għall-bijodiversità maħluqa mid-domanda dejjem tikber għal fjuwils agrikoli u l-pressjoni dejjem aktar intensa fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipproduċuhom, permezz tal-konverżjoni u d-degradazzjoni tal-ħabitats u ekosistemi bħall-artijiet mistagħdra u l-foresti;

48.  Iħeġġeġ biex il-kriterji ta' sostenibbiltà soċjali u ambjentali għall-produzzjoni tal-bijomassa jiffurmaw parti koerenti tal-qafas stabbilit fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED); iqis li huwa fundamentali li jiġu żviluppati standards ta' sostenibilità għas-setturi kollha fejn il-bijomassa tista' tintuża, flimkien ma' kriterji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti biex jiġi żgurat li l-bijoenerġija ma tikkontribwixxix għat-tibdil fil-klima jew isir xprunatur addizzjonali tal-ħtif tal-art u tal-insigurtà tal-ikel;

49.  Jinnota bi tħassib li 90 % taż-żejt tal-palm ikkunsmat fid-dinja jiġi prodott fl-Indoneżja u l-Malasja għad-detriment tal-foresti tal-pit, li jinħarqu biex jagħmlu spazju għal pjantazzjonijiet kbar tal-akaċja u tal-palma li tipproduċi ż-żejt; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont studju mwettaq mill-Bank Dinji, l-Indoneżja saret it-tielet l-akbar emittent ta' gassijiet b'effett ta' serra, preċiżament minħabba n-nirien tal-foresti;

Mira 4

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Politika Komuni tas-Sajd riformata b'mod korrett u fil-pront, billi japplikaw ġestjoni tas-sajd ibbażata fuq l-ekosistemi sabiex tintlaħaq il-mira tar-rendiment massimu sostenibbli billi, inter alia, jiġu promossi metodi ta' qbid sostenibbli u innovattivi; jenfasizza l-importanza li jitnaqqas it-tniġġis sabiex titħares, inter alia, il-bijodiversità tal-baħar u l-istokkijiet, u biex tappoġġja t-tkabbir ekonomiku permezz tal-ekonomija blu;

51.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar bħala pedament għall-iżvilupp sostenibbli għall-pajjiżi kostali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-impenji preċedenti u biex jaħdmu mal-gvernijiet fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali biex jagħtu spinta sinifikanti tal-ambizzjoni u l-azzjoni biex jinkiseb sajd ekwitabbli u ekonomikament u ekoloġikament sostenibbli;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-UE tieħu sehem ewlieni biex jintlaħaq ftehim taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-istati;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi sabiex titjieb l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 dwar sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità ambjentali tal-ibħra tal-UE billi jwettqu proġetti bil-għan li jnaqqsu t-tniġġis kimiku, fiżiku u mikrobijoloġiku billi jottimizzaw is-sostenibbiltà tat-traffiku marittimu u l-ħarsien tal-bijodiversità, li hija inevitabbilment fil-periklu; jinnota f'dan ir-rigward li 12,7 miljun tunnellata ta' plastik (5 % tal-produzzjoni totali) jispiċċaw fl-oċeani kull sena mis-sistemi ta' dranaġġ, kanali u miżbliet tul il-kosti, li jfixklu l-ambjent u l-bijodiversità tal-pjaneta kollha;

Mira 5

55.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi, mingħajr dewmien u f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, il-lista preċiża u komprensiva ta' speċijiet aljeni invażivi li huma ta' tħassib għall-Unjoni, bil-komprensjoni li tali lista m'għandhiex tkun limitata għal numru fiss ta' speċi u għandha tinkludi azzjonijiet ta' implimentazzjoni sħiħa u koerenti – appoġġjati minn riżorsi xierqa – immirati biex jiksbu l-miri; jisħaq fuq l-importanza ta' aġġornament regolari ta' din il-lista u li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskji addizzjonali għall-ispeċi, biex il-leġiżlazzjoni dwar l-ispeċi aljeni invażivi tista' twettaq ir-rwol ta' lieva b'saħħitha;

56.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar l-ilma tas-Saborra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex jiġi pprevenut it-tixrid ta' speċi aljeni mit-trasport marittimu u fuq passaġġi tal-ilma interni u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u l-kisba tal-mira;

57.  Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw l-importazzjonijiet ta' speċi eżotiċi fit-territorju tagħhom u biex jirrapurtaw regolarment dwarhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra; jitlob restrizzjonijiet ikbar fuq l-importazzjonijiet u l-pusses privat ta' speċi mhedda, inklużi l-primati, ir-rettili u l-amfibi;

Mira 6

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ineħħu gradwalment sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent sal-2020 li jiżguraw li jiġu kompletati evalwazzjonijiet ta' tali sussidji sal-2016 u li r-rekwiżiti għal rappurtar ikunu inkorporati f'oqsma ta' politika settorjali rilevanti tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari;

59.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad fadal biex jirratifikaw il-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom qabel il-COP-MOP 2 f'Diċembru 2016;

60.  Ifakkar li, fuq livell globali, l-UE tagħmel kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità u li, mal-Istati Membri tagħha, hi l-akbar donatur ta' fondi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-akbar kontributur ta' assistenza uffiċjali għall-iżvilupp għall-bijodiversità;

61.  Jilqa' l-proġetti ewlenin tal-Kummissjoni B4Life għall-2014-2020, iżda jemmen li l-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha biex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji, u jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jwettqu l-impenji tagħhom ta' Hyderabad biex jiġu rduppjati l-flussi ta' finanzjament relatati mal-bijodiversità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw sal-2015 u biex dan il-livell jinżamm tal-anqas sal-2020;

62.  Jenfasizza li l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u mat-telf ta' ħabitats huma ta' theddida diretta u prevalenti għall-bijodiversità dinjija; jirrikonoxxi li t-tħallija barra tat-traffikar ta' organiżmi salvaġġi u n-nuqqas ta' azzjoni relatat mal-involviment tal-UE fis-CITES huma lakuna serja fl-istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa urġenti għal azzjoni kkoordinata biex jiġi miġġieled in-negozju illegali ta' organiżmi salvaġġi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż għall-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' annimali u pjanti selvaġġi, u prodotti derivati minnhom, u jitlob li jittieħdu miżuri simili biex jiġu megħluba d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

Kontroll tal-idoneità tad-Direttivi dwar in-Natura

63.  Jenfasizza li d-Direttivi dwar in-Natura huma passi importanti għall-politika tan-natura, mhux biss fi ħdan l-UE iżda wkoll internazzjonalment; iqis li, bis-saħħa tal-forma konċiża koerenti u konsistenti, dawn d-Direttivi dwar in-Natura jistgħu, biex ngħidu hekk, jitqiesu bħala regolamentazzjoni intelliġenti avant la lettre;

64.  Jisħaq li n-Natura 2000 għadha netwerk relattivament ġdida, li l-potenzjal sħiħ tagħha għadu 'l bogħod milli jintlaħaq; iqis li d-Direttivi dwar in-Natura jibqgħu rilevanti u li l-aħjar prattiċi ta' implimentazzjoni juru l-effettività tagħhom; jisħaq li hemm biżżejjed flessibbiltà fid-Direttivi tan-Natura, inkluża l-għażla għall-adattament skont il-progress tekniku u xjentifiku; jinnota li l-implimentazzjoni intelliġenti u l-kooperazzjoni internazzjonali huma essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità;

65.  Jopponi rieżami possibbli tad-Direttivi dwar in-Natura għaliex din tipperikola l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Bijodiversità, twassal għal perijodu twil ta' inċertezza legali bir-riskju li tirriżulta fi protezzjoni leġiżlattiva u finanzjament imdgħajfa, u tkun ta' dannu għan-natura, għall-persuni u għall-kummerċ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kontroll tal-programm REFIT li għaddej bħalissa tad-Direttivi dwar in-Natura għandu jiffoka fuq it-titjib tal-implimentazzjoni;

66.  Huwa konvint li kwalunkwe diffikultà biex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttivi dwar in-Natura u tal-Istrateġija tal-Bijodiversità inġenerali ma jinstabux fil-leġiżlazzjoni iżda primarjament fl-implimentazzjoni inkompleta u inadegwata f'oqsma oħra ta' politika;

67.  Jenfasizza li hemm biżżejjed flessibilità fi ħdan id-Direttivi tan-Natura biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom b'kont meħud tal-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, kif imsemmi fid-Direttiva dwar il-Ħabitats; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, madankollu, biex tiċċara l-interpretazzjoni tagħhom u l-linji gwida ta' implimentazzjoni sabiex jiġu evitati u solvuti punti kontenzjużi;

68.  Jitlob eżami dettaljat tar-rwol ta' predaturi kbar u l-introduzzjoni possibbli ta' miżuri ta' aġġustament biex jiġi żgurat li l-bijodiversità, il-pajżaġġ agrikolu u l-prattika ta' mijiet ta' snin fejn annimali jitħallew jirgħu f'reġjuni muntanjużi jinżammu;

69.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura għall-ħarsien tal-ekosistemi, tal-ħabitats u tal-ispeċi fiż-żoni protetti; jiddeplora, madankollu, il-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi, li jikkostitwixxu riżervi uniċi ta' speċi u ta' ekosistemi u jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti tal-bijodiversità globali u Ewropea, huma esklużi minn dan il-qafas leġiżlattiv u minn kull qafas leġiżlattiv ieħor adattat għall-ispeċifiċitajiet tagħhom; jissottolinja, għalhekk, is-suċċess tal-proġetti kollha ffinanzjati mill-programm LIFE+ f'dawn ir-reġjuni u tal-inizjattiva Ewropea BEST biex jissaħħu l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-adattament għall-bidliet klimatiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni, in segwitu tal-azzjoni preparatorja BEST, tintroduċi mekkaniżmu sostenibbli ta' finanzjament għall-protezzjoni tal-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-pajjiżi u territorji extra-Ewropej;

It-triq 'il quddiem: miżuri addizzjonali

71.  Jikkunsidra t-telf tal-bijodiversità barra żoni tan-natura protetti bħala lakuna fl-istrateġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru informazzjoni dwar dawn il-ħabitats u l-ispeċi u biex jiġu żviluppati oqfsa xierqa biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-ħabitat u telf nett tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema permezz ta' ħidma mal-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili;

72.  Jikkunsidra li tali qafas irid jinkludi ġabra ta' miżuri kumplimentari li jindirizzaw il-kawżi bażiċi tat-telf tal-biodiversità u jtejjeb l-integrazzjoni tal-bijodiversità f'politiki settorjali inklużi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija u t-trasport;

73.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw, permezz ta' inizjattivi dwar l-ippjanar urban, l-użu meqjus ta' spazju, u protezzjoni adegwata tan-netwerk Natura 2000, għall-preżervazzjoni tal-ispazji miftuħa – b'mod partikolari billi jaddottaw approċċ pastoralist minflok jabbandunaw l-art, li jżid ir-riskji naturali bħal valangi tas-silġ u tat-tajn, movimenti fl-art – u biex jistabbilixxu netwerk koerenti ta' infrastruttura Marittima-Ekoloġika f'żoni rurali u urbani, filwaqt li fl-istess ħin joħolqu ċ-ċertezza legali meħtieġa għal attivitajiet ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi sommarju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

74.  Iqis essenzjali li, sabiex jintużaw ir-riżorsi disponnibbli b'mod aktar effiċjenti u b'mod aktar immirat, li l-Kummissjoni tfassal kriterji speċifiċi għal "Faċilità ta' Finanzjament għall-Kapitali Naturali", li jridu jiggarantixxu li l-proġetti jwasslu għal riżultati xierqa, pożittivi u xjentifikament tanġibbli għall-bijodiversità; iqis li l-proġetti LIFE għandhom ikunu marbuta ma' finanzjament minn flussi ta' programmi oħra bħal Fondi Strutturali sabiex jiżdiedu u jiġu replikati proġetti ta' suċċess permezz tal-UE u jikkreaw effett multiplikatur akbar;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-approċċ li jinvolvi ħafna fondi għall-finanzjament tal-bijodiversità, u jitlob għall-konnessjoni aħjar bejn l-għodda finanzjarji varji;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koerenza f'setturi settorjali rilevanti biex jinkorporaw miri tal-bijodiversità filwaqt li jiżguraw li l-QFP li jmiss jiggarantixxi l-ebda telf globali nett ta' bijodiversità u ta' servizzi tal-ekosistema.

77.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' livell għoli dwar il-Kapital Naturali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet billi tagħtihom prominenza u prijorità politika akbar;

78.  Jiddispjaċih li d-dritt tal-ambjent tal-UE mhuwiex suġġett għal spezzjonijiet ambjentali koerenti u effettivi, u għal sorveljanza biex jinstabu u jiġu pprevenuti ksur għad-dritt tal-ambjent tul setturi differenti, inkluż għal siti tal-konservazzjoni tan-natura protetti; jilqa' x-xogħol preparatorju li sar għall-kisba ta' qafas tal-UE għal spezzjonijiet ambjentali u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva mingħajr dewmien ulterjuri;

79.  Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi dwar in-Natura, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffukaw b'mod partikolari fuq ir-rabtiet bejn il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u l-benesseri ekonomiku, u biex jikkoordinaw il-miżuri għall-ġbir tad-data; jenfasizza li għad hemm lakuni kbar fl-għarfien dwar l-istat tal-ekosistemi tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-data dwar l-impatt tas-sajd u l-akkwakultura fuq l-ambjent usa' tinġabar u tkun disponibbli għall-pubbliku;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu inizjattiva Ewropea dwar pollinaturi mingħajr dewmien – b'attenzjoni partikolari fil-pjanti tar-reżistenza tal-pesti li jaffettwaw in-naħal u insetti oħra li jdakkru – u fuq il-bażi ta' politiki li diġà saru fl-Istati Membri, u biex isiru proposti dwar id-Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija, u dwar direttiva dwar aċċess għall-ġustizzja u fuq il-qafas legali rivedut tal-UE għal spezzjonijiet ambjentali mingħajr aktar dewmien;

81.  Jenfasiżża bi tħassib il-ġabra ta' evidenza xjentifika li dejjem qed tikber li turi l-effett negattiv li l-pestiċidi neonikotinojdi jista' jkollhom fuq servizzi essenzjali bħall-pollinazzjoni u l-kontroll naturali tal-organiżmi ta' ħsara; għalħekk jitlob lill-Kummissjoni żżomm il-projbizzjoni tagħha fuq l-użu tan-neonikotinojdi;

82.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex japplikaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' prekawzjoni meta jawtorizzaw l-użu u r-rilaxx fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ħajjin, sabiex jiġi prevenut kull impatt negattiv fuq il-bijodiversità;

83.  Jenfasizza l-importanza tal-Programm LIFE għall-ambjent, u b'mod partikolari is-subprogramm tan-Natura u tal-Bijodiversità, sabiex titħares u tittejjeb il-Bijodiversità Ewropea;

84.  Jemmen bis-sħiħ li l-ambjent u l-innovazzjoni huma kumplimentari għal xulxin, u jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari lejn soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jipprovdu soluzzjonijiet intelliġenti kemm ekonomikament kif ukoll ambjentalment biex jindirizzaw sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-materja prima, it-tniġġis u r-reżistenza għall-antimikrobiċi; jistieden lill-partijiet interessati rilevanti biex jilqgħu dawn is-"sejħiet" taħt l-Orizzont 2020; jistieden lill-Istati Membri biex ikunu aktar effettivi biex iħallu spazju regolatorju biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet intelliġenti li jagħtu riżultati pożittivi għall-bijodiversità;

85.  Jenfasizza li l-kwistjonijiet marbuta mal-bijodiversità, mat-tibdil fil-klima u mal-iskarsezza tal-materja prima huma marbuta b'mod inseparabbli; ifakkar li, biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità, huwa essenzjali li t-tibdil fil-klima jinżamm sew taħt iż-2 gradi Celsius meta mqabbel mal-livelli preindustrijali; ifakkar, fl-istess ħin, li firxa ta' ekosistemi jaġixxu bħala lqugħ kontra l-perikli naturali, u b'hekk jikkontribwixxu għall-strateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu kont ta' dan billi jiżguraw li l-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għall-2020 tkun totalment integrata mal-pożizzjoni tal-UE fid-diskussjonijiet dwar ftehim internazzjonali ġdid dwar it-tibdil fil-klima, b'mod partikolari meta skont il-proġett "ROBIN" iffinanzjat mill-UE, il-protezzjoni tal-bijodiversità hija parti mis-soluzzjoni għat-tibdil fil-klima, mitigazzjoni u adattament, b'mod partikolari peress li l-foresti tropikali joffru potenzjali ta' mitigazzjoni ta' 25 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra;

87.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi kwistjonijiet relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima fil-ftehimiet internazzjonali li tikkonkludi u biex twettaq analiżi ambjentali ffukata fuq il-possibbiltajiet għall-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza li, b'mod sistematiku, jiġu identifikati u valutati l-impatti potenzjali fuq il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tagħti segwitu għas-sejbiet li jirriżultaw minn studju bit-titolu "l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi tad-domanda tal-UE għal ċerti prodotti bażiċi fuq il-bijodiversità f'pajjiżi terzi" billi tipproponi modi possibbli ta' kif tista' tikkontribwixxi biex tevita jew timminimizza t-telf tal-bijodiversità globali kkawżata minn ċerti xejriet ta' produzzjoni u ta' konsum fl-UE;

88.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri – fuq il-bażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, u b'kunsiderazzjoni tar-riskji u l-klima negattiva, l-impatti ambjentali u fuq il-bijodiversità involuti fil-fratturazzjoni idrawlika għall-isfruttament tal-fratturazzjoni mhux konvenzjonali u l-lakuni identifikati fis-sistema regolatorja tal-UE għall-attivitajiet tal-gass tax-shale – biex ma jawtorizzawx operazzjonijiet ġodda tal-fratturazzjoni idrawlika mhux konvenzjonali fl-UE;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjan direzzjonali ta' Guadeloupe, adottat f'Ottubru 2014, jiġi implimentat u jiġu introdotti l-għodda neċessarji għall-protezzjoni tal-bijodiversità fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej;

90.  Jisħaq dwar ir-rwol globali tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-provvedimenti dwar il-bijodiversità fin-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa u tintegra l-għanijiet tal-bijodiversità fil-politiki kummerċjali tal-UE;

o
o   o

91.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/fitness_check/docs/consultation/public%20consultation_FINAL.pdf
(2) ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(5) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(6) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 99.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0600.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0109.
(9) http://www.foresteurope.org/fullsoef2015

Avviż legali - Politika tal-privatezza