Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2542(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0168/2016

Testi mressqa :

B8-0168/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/02/2016 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0037

Testi adottati
PDF 254kWORD 64k
L-Erbgħa, 3 ta' Frar 2016 - Strasburgu
Ratifika tat-Trattat ta' Marrakexx, ibbażata fuq petizzjonijiet riċevuti, b'mod partikolari l-Petizzjoni Nru. 924/2011
P8_TA(2016)0037B8-0168/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakexx, ibbażata fuq petizzjonijiet riċevuti, b'mod partikolari l-Petizzjoni Nru. 924/2011 (2016/2542(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-petizzjonijiet minn ċittadini tal-UE li jbatu minn diffikultà biex jaqraw materjal stampat, u b'mod partikolari l-Petizzjoni Nru. 924/2011, imressqa minn Dan Pescod, ta' ċittadinanza Brittanika, f'isem il-"European Blind Union" (EBU - l-Unjoni tal-Għomja Ewropea)/ir-"Royal National Institute of Blind People" (RNIB - l-Istitut Nazzjonali Rjali għall-Għomja), dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li għandhom Diffikultà Jaqraw Materjal Stampat (it-Trattat ta' Marrakexx),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (UN CRPD),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-2010, stmat li fl-Ewropa hemm 2 550 000 persuna għamja u 23 800 000 persuna b'vista parzjali, b'total ta' 26 350 000 individwu b'vista batuta;

B.  billi 5 % biss tal-kotba kollha ppubblikati fil-pajjiżi żviluppati u inqas minn 1 % fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma prodotti f'formati aċċessibbli;

C.  billi l-UE u l-Istati Membri huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

D.  billi l-UE u l-Istati Membri ffirmaw it-Trattat ta' Marrakexx f'April 2014 u, għaldaqstant, daħlu f'impenn politiku biex jirratifikawh;

E.  billi l-Kumitat tal-UNCRPD ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tirratifika u timplimenta t-Trattat ta' Marrakexx malajr kemm jista' jkun fl-osservazzjonijiet konklużivi dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni;

F.  billi l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx (COM(2014)0638);

1.  Ifakkar li l-Artikoli 24 u 30 tal-UN CRPD jenfasizzaw id-dritt tal-persuni b'diżabilità għall-edukazzjoni, mingħajr diskriminazzjoni u fuq bażi ta' opportunitajiet indaqs, filwaqt li jiġi żgurat li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux ostaklu diskriminatorju jew mhux raġonevoli għall-aċċess ta' persuni b'diżabilità għall-materjali kulturali;

2.  Jinnota b'rabja profonda li seba' Stati Membri tal-UE iffurmaw minoranza li timblokka li qed tfixkel il-proċess ta' ratifika tat-Trattat; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċess ta' ratifika, mingħajr ma jagħmlu r-ratifika kondizzjonali fuq ir-reviżjoni tal-qafas legali tal-UE jew id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kumitat tal-UN CRPD.

Avviż legali - Politika tal-privatezza