Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea (2016/2556(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sħubija tal-Lvant, l-Ukrajna, u l-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra r-Rapporti tal-Missjoni dwar il-Valutazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Krimea mwettqa mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) u l-Kummissarju Għoli tal-OSKE għall-Minoranzi Nazzjonali (HCNM),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta' Marzu, tas-27 ta' Ġunju u tas-16 ta' Lulju 2014 li permezz tagħhom ġew imposti sanzjonijiet fuq il-Federazzjoni Russa b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna b'referenza għall-perjodu bejn is-16 ta' Awwissu u l-15 ta' Novembru 2015;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Freedom House "Freedom in the World 2016", li jivvaluta s-sitwazzjoni tal-libertajiet politiċi u ċiviċi fil-Krimea annessa illegalment bħala "mhux libera",
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Federazzjoni Russa żiedet illegalment lill-Krimea u lil Sevastopol mat-territorju tagħha, u b'hekk kisret id-dritt internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn il-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna tal-1997;
B. billi meta kienet għaddejja l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tal-Federazzjoni Russa f'Marzu 2014, l-Ukreni, inklużi t-Tartari tal-Krimea, kif ukoll l-armata Ukrena wrew kuraġġ u lealtà kbira lejn l-Ukrajna u opponew b'mod paċifiku l-att belliġerenti tal-annessjoni; billi diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u gruppi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw il-fatt li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea naqset ħafna mindu l-peniżola ġiet okkupata u annessa illegalment min-naħa tal-Federazzjoni Russa kmieni fl-2014;
C. billi ġew rappurtati abbużi mmirati fil-konfront tal-membri tal-komunità Tartara, li l-maġġoranza tagħhom opponew il-mod kif ir-Russja ħadet il-poter u bbojkottjaw l-hekk imsejjaħ referendum tas-16 ta' Marzu 2014, partikolarment bl-infurzar tal-leġiżlazzjoni vaga u "antiestremista" ġenerika żżejjed tar-Russja li għandha l-għan li tintimida jew issikket lil min jikkritika r-reġim; billi dawn l-abbużi jinkludu ħtif, għajbien furzat, vjolenza, tortura u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji li l-awtoritajiet de facto naqsu milli jinvestigaw u jipproċedu kontrihom;
D. billi diversi mexxejja tat-Tartari tal-Krimea, bħal Mustafa Dzhemiliev, membru tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, u Refat Chubarov, il-President tal-Mejlis, twaqqfu milli jidħlu fil-Krimea; billi issa jistgħu jidħlu, iżda huma mhedda bl-arrest; billi issa qorti Russa ħarġet mandat ta' arrest fil-konfront ta' Mustafa Dzhemiliev, li aktar qabel kien qatta' 15-il sena fil-ħabsijiet Sovjetiċi għall-isforzi tiegħu biex niesu jirritornaw f'art twelidhom fil-Krimea;
E. billi l-komunitajiet reliġjużi kollha, inklużi l-knejjes Insara li huma indipendenti minn Moska, sofrew restrizzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom; billi dawn id-diffikultajiet ġejjin minn restrizzjonijiet serji fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni, esproprjazzjonijiet, dokumenti li ma jitħallewx jiġġeddu, kif ukoll tfittxijiet regolari mwettqa fil-postijiet li dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi għad baqgħalhom minn fejn joperaw;
F. billi individwi li rrifjutaw li jieħdu ċ-ċittadinanza Russa wara l-annessjoni qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni u diffikultajiet serji fl-oqsma kollha tal-ħajja politika, soċjali u ekonomika;
G. billi r-Russja qed timpedixxi l-aċċess għall-Krimea mhux biss lill-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti indipendenti, iżda anke lill-OSKE, in-NU u l-Kunsill tal-Ewropa; billi n-nuqqas ta' aċċess irendi l-monitoraġġ u r-rappurtar fil-Krimea diffiċli ħafna;
H. billi l-popolazzjoni kollha tat-Tartari tal-Krimea, poplu indiġenu ta' dan it-territorju, fl-1944 sfat deportata bil-forza lejn partijiet oħra ta' dik li kienet l-Unjoni Sovjetika, mingħajr il-possibbiltà li tirritorna sal-1989; billi fit-12 ta' Novembru 2015 il-Verkhovna Rada tal-Ukrajna adotta riżoluzzjoni li fiha rrikonoxxa d-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea fl-1944 bħala ġenoċidju u stabbilixxa t-18 ta' Mejju bħala Jum ta' Tifkira;
1. Itenni l-impenn qawwi tiegħu favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u favur l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; ifakkar fil-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea min-naħa tar-Russja u fl-impenn tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-komunità internazzjonali li jimplimentaw bis-sħiħ il-politika ta' nonrikonoxximent tal-annessjoni illegali tal-Krimea; jenfasizza wkoll li r-ritorn għall-kontroll Ukren fil-peniżola huwa wieħed mir-rekwiżiti preliminari biex jerġgħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta' kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa, li jinkludu s-sospensjoni tas-sanzjonijiet relattivi;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-livelli bla preċedent ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-konfront tar-residenti tal-Krimea, b'mod partikolari t-Tartari tal-Krimea, li ma josservawx ir-regoli li l-hekk imsejħa awtoritajiet lokali jimponu bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-estremiżmu u t-terroriżmu;
3. Jikkundanna r-restrizzjonijiet serji fuq il-libertajiet ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, inkluż f'avvenimenti kommemorattivi tradizzjonali fosthom l-anniversarju tad-deportazzjoni tat-Tartari tal-Krimea min-naħa tar-reġim totalitarju Sovjetiku ta' Stalin u l-avvenimenti kulturali tat-Tartari tal-Krimea; jenfasizza li, f'konformità mad-dritt internazzjonali, it-Tartari, bħala poplu indiġenu tal-Krimea, għandhom id-dritt iżommu u jsaħħu l-istituzzjonijiet politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali distinti tagħhom; jitlob rispett fil-konfront tal-Mejlis, bħala l-korp rappreżentattiv leġittimu tal-komunità tat-Tartari tal-Krimea, u jappella biex jieqfu l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni sistematika tal-membri tiegħu; jesprimi tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet u l-libertajiet tagħhom fir-rigward tal-proprjetà, l-intimidazzjoni, il-priġunerija, kif ukoll id-diżrispett tad-drittijiet ċiviċi, politiċi u kulturali tagħhom; jinnota bi tħassib ukoll ir-rekwiżiti restrittivi ta' reġistrazzjoni mill-ġdid imposti fuq il-midja, kif ukoll fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi u lill-awtoritajiet lokali de facto jinvestigaw b'mod effikaċi, imparzjali u trasparenti l-każijiet kollha ta' għajbien, tortura u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pulizija u l-forzi paramilitari attivi fil-peniżola tal-Krimea minn Frar 2014 'l hawn;
5. Ifakkar li l-Federazzjoni Russa, bħala potenza okkupanti, għandha r-responsabbiltà li tiżgura s-sikurezza tal-popolazzjoni kollha u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet kulturali u reliġjużi tat-Tartari indiġeni u tal-minoranzi l-oħra kollha tal-Krimea kif ukoll il-preservazzjoni tal-istat tad-dritt fil-Krimea;
6. Ifakkar li l-istituzzjonijiet u l-esperti indipendenti tal-OSKE, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa ma ngħatawx aċċess għall-peniżola tal-Krimea, jew inkella ngħataw aċċess parzjali, u għalhekk dawn ma tħallewx jissorveljaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem minkejja l-mandati li kellhom biex iwettqu dawn l-attivitajiet fil-Krimea;
7. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u lill-awtoritajiet de facto tal-Krimea, li huma marbutin bid-dritt umanitarju internazzjonali u bid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jagħtu aċċess bla xkiel għall-Krimea lill-istituzzjonijiet u l-esperti indipendenti tal-OSKE, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lil kwalunkwe NGO tad-drittijiet tal-bniedem jew kamra tal-aħbarijiet li tkun tixtieq iżżur, tivvaluta u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni fil-Krimea; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja f'dan ir-rigward; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa li jibgħat lir-Rappreżentant Speċjali tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Krimea, li ż-żjara tiegħu – l-ewwel waħda mill-annessjoni Russa 'l hawn – mistennija tipprovdi valutazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni fil-post; jistenna b'interess il-konklużjonijiet tiegħu; jenfasizza li kwalunkwe preżenza internazzjonali fil-post għandha tkun ikkoordinata mal-Ukrajna;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Ukrajna li, bil-għan li terġa' tiġi stabbilita s-sovranità Ukrena fil-Krimea, tistabbilixxi mekkaniżmu ta' negozjati internazzjonali fil-format "Ġinevra +", li għandu jinkludi l-involviment dirett tal-UE; jistieden lir-Russja tibda negozjati dwar id-deokkupazzjoni tal-Krimea mal-Ukrajna u mal-partijiet l-oħra, sabiex jitneħħew l-embargos fuq il-kummerċ u l-enerġija u jiġi revokat l-istat ta' emerġenza fil-Krimea;
9. Jiddeplora l-fatt li l-mexxejja Tartari mhux qed jitħallew imorru lura fil-Krimea, il-proċedimenti fil-konfront tagħhom, kif ukoll il-pressjoni inaċċettabli li qed tiżdied fuq il-Membri l-oħra tal-Mejlis; jiddeplora wkoll l-għeluq inġust tal-istazzjon televiżiv ATR li kellu segwitu sinifikanti fi ħdan il-komunità tat-Tartari tal-Krimea; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti l-assistenza finanzjarja meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ta' dan l-istazzjon u ta' mezzi tax-xandir oħra eżiljati fl-Ukrajna; iqis li l-għeluq tal-iskejjel u l-klassijiet tat-Tartari tal-Krimea u r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-lingwa, flimkien mal-fatt li l-lingwa Ukrajna tneħħiet mill-isfera pubblika, jikkostitwixxu limitazzjonijiet serji fuq id-drittijiet bażiċi tal-membri tal-komunità;
10. Jappella għall-preservazzjoni tal-ambjent multikulturali tal-Krimea u għar-rispett sħiħ tal-Ukren, it-Tartar u ta' minoranzi lingwistiċi u kulturali oħra;
11. Jiddeplora l-azzjonijiet tal-amministrazzjoni de facto biex tfixkel il-funzjonament tal-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea, l-ogħla korp eżekuttiv u rappreżentattiv tat-Tartari tal-Krimea, permezz tal-għeluq tal-kwartieri ġenerali tiegħu, is-sekwestru ta' wħud mill-beni immobbli tiegħu u atti ta' intimidazzjoni oħrajn;
12. Jikkundanna t-trażżin regolari fil-konfront tal-midja indipendenti, il-ġurnalisti u l-attivisti tas-soċjetà ċivili fil-Krimea; jiddeplora l-impożizzjoni furzata ta' passaporti Russi fuq ċittadini Ukreni fil-Krimea min-naħa tal-Federazzjoni Russa; jikkundanna wkoll il-prattika tal-awtoritajiet de facto li jimponu ċ-ċittadinanza Russa fuq ir-residenti tal-Krimea;
13. Itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-UE li twaqqaf l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea sakemm ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat tal-oriġini mill-awtoritajiet Ukreni, kif ukoll għall-miżuri restrittivi b'rabta mal-esportazzjoni ta' ċerti prodotti u teknoloġiji, l-investiment, il-kummerċ u s-servizzi fil-Krimea; jistieden lill-Kunsill ikompli b'dawn is-sanzjonijiet sa ma titlesta l-integrazzjoni sħiħa tal-Krimea fl-ordinament ġuridiku tal-Ukrajna;
14. Jistieden lill-Federazzjoni Russa tinvestiga l-każijiet kollha ta' tortura ta' priġunieri arrestati illegalment fil-Krimea, teħles lil priġunieri bħal Oleg Sentsov u Oleksandr Kolchenko, kif ukoll Ahtem Chiigoz, il-Viċi President tal-Mejlis, Mustafa Degermendzhi u Ali Asanov, li ġew arrestati fil-Krimea talli pprotestaw paċifikament kontra l-okkupazzjoni, u tiggarantixxi r-ritorn sikur tagħhom lejn l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa ttemm il-persekuzzjoni politika tad-dissidenti u l-attivisti ċiviċi; jikkundanna t-trasferiment sussegwenti tagħhom lejn ir-Russja u l-attribuzzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa;
15. Jikkundanna l-militarizzazzjoni tal-peniżola tal-Krimea, li għandha impatt negattiv sinifikanti fuq il-ħajja ekonomika u soċjali, kif ukoll it-theddida min-naħa tar-Russja li tiskjera armi nukleari fil-Krimea, li jikkostitwixxi riskju sinifikanti għas-sigurtà reġjonali, Ewropea u mondjali; itenni l-appell tiegħu favur l-irtirar tal-forzi Russi kollha mill-Krimea u mil-Lvant tal-Ukrajna;
16. Jenfasizza li l-kooperazzjoni ekonomika, kif ukoll il-provvista ta' prodotti u servizzi bejn l-Ukrajna u l-peniżola tal-Krimea temporanjament okkupata, għandhom isiru f'konformità mal-qafas ġuridiku tal-Ukrajna u għandhom ikunu rispettati min-naħat kollha, biex b'hekk tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza negattiva għall-popolazzjoni li tgħix fil-Krimea; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw u jwaqqfu kwalunkwe każ ta' ksur f'dan is-sens;
17. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fil-Krimea, li ħżienet ħafna wara l-annessjoni Russa, u dwar l-azzjoni repressiva u t-theddid min-naħa tal-awtoritajiet de facto u l-gruppi paramilitari;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-Mejlis tal-Poplu Tartar tal-Krimea.