Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta’ Mohammed Ramadan (2016/2557(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, b’mod partikolari dik tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b’mod partikolari l-każ ta’ Nabeel Rajab(1),
– wara li kkunsidra l-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI) stabbilita permezz ta' Digriet Irjali biex tinvestiga u tirrapporta dwar l-avvenimenti li seħħew fil-Bahrain fi Frar 2011, u li ppubblikat ir-rapport tagħha f'Novembru 2011,
– wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tat-Tieni Rapport Annwali 2014 mill-President tal-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bnedmin (NIHR), Dr. Abdulaziz Abul, lill-Ministru tal-Intern, Lt.Gen.Shaikh Rashid bin Abdullah Al-Khalifa, fis-27 ta' Jannar 2016,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Bahrain minn 33 Stat, mogħtija waqt it-30 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bnedmin tan-NU fl-14 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Bahrain tas-16 ta’ Lulju 2015 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-Relatur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ opinjoni u espressjoni u r-Relatur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta’ għaqda paċifika u ta’ assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ Novembru 2011 mill-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI),
– wara li kkunsidra l-appell għar-rilaxx immedjat tal-priġunier tal-kuxjenza, Dr. Abduljalil al-Singace, li qed jagħmel strajk tal-ġuħ,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Lega Għarbija, li ltaqa' fil-Kajr fl-1 ta' Settembru 2013, biex titwaqqaf qorti pan-Għarbija għad-drittijiet tal-bniedem fil-kapitali tal-Bahrain, Manama,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1988 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt tat-12 ta' April 2013,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom il-Bahrain huwa firmatarju,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 68/178 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u r-Riżoluzzjoni 25/7 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Bahrain huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Golf Persiku, inkluż fl-oqsma tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, l-enerġija, u s-sigurtà; billi huwa fl-interess reċiproku tagħna li napprofondixxu aktar is-sħubija tagħna sabiex inwieġbu aħjar għal sfidi futuri;
B. billi sa mill-bidu tal-irvellijiet tal-2011, l-awtoritajiet tal-Bahrain ilhom iżidu l-użu ta’ miżuri ripressivi abbażi ta' allegazzjonijiet ta’ terroriżmu kontra dimostranti paċifiċi, inkluż l-użu tal-piena tal-mewt; billi l-qrati tal-Bahrain għaddew seba’ pieni ġodda tal-mewt fl-2015;
C. billi fit-18 ta’ Frar 2014 Mohammed Ramadan, gwardja tas-sigurtà tal-ajruport ta’ 32 sena, ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Bahrain talli allegatament ħa parti — flimkien ma’ Husain Ali Moosa, li kien ġie arrestat preċedentement — f’ibbumbardjar f’Al Dair fl-14 ta’ Frar 2014 li qatel uffiċjal tas-sigurtà u fejn indarbu diversi oħra;
D. billi s-Sur Ramadan allegatament kien arrestat mingħajr mandat, u billi ż-żewġ irġiel jirrappurtaw li huma kienu msawta u ttorturati b’mod vjolenti sakemm qablu li jammettu, iżda mbagħad irtiraw il-konfessjonijiet tagħhom quddiem il-prosekutur pubbliku; billi l-konfessjonijiet allegatament miksuba b'tortura kienu l-provi ewlenin fil-proċessi kontra s-Sur Ramadan u s-Sur Moosa;
E. billi fid-29 ta’ Diċembru 2014, qorti kriminali tal-Bahrain ikkundannat lis-Sur Ramadan u lis-Sur Moosa għall-mewt; billi dawn ġew ikkundannati flimkien ma' 10 imputat ieħor, li 9 minnhom irċevew sentenzi ta’ ħabs ta’ sitt snin u l-ieħor sentenza ta’ għomor il-ħabs; billi l-liġi kontra t-terroriżmu tal-Bahrain intużat biex tiġġustifika l-piena tal-mewt;
F. billi s-sentenzi tal-piena tal-mewt mogħtija lis-Sur Ramadan u s-Sur Moosa ġew milqugħa mill-Qorti ta’ Kassazzjoni, l-ogħla qorti ta' appell tal-Bahrain, fis-16 ta’ Novembru 2015, minkejja li l-irġiel irtiraw il-konfessjonijiet tagħhom u filwaqt li tennew li huma kienu ammettew taħt tortura; billi l-qrati tal-Bahrain naqsu milli jeżaminaw it-talbiet tagħhom jew saħansitra jiftħu investigazzjoni;
G. billi s-Sur Ramadan huwa biss wieħed minn 10 persuni b'kundanna għall-mewt fil-Bahrain, u l-ewwel wieħed li ġie kkundannat għall-mewt mill-2011; billi s-Sur Ramadan huwa wieħed minn tal-ewwel li jkunu eżawrixxu t-toroq ġuridiċi kollha ta’ appell, u jinsab fir-riskju ta’ eżekuzzjoni imminenti; billi mhux maruf li seħħet l-ebda investigazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ tortura fil-każ tas-Sur Ramadan;
H. billi fl-14 ta’ Awwissu 2014 ħames l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU esprimew it-tħassib tagħhom lill-Gvern tal-Bahrain dwar allegazzjonijiet dwar l-arrest arbitrarju, id-detenzjoni u t-tortura ta’ disa’ ċittadini tal-Bahrain, inkluż is-Sur Ramadan, u l-kundanna sussegwenti tagħhom wara proċessi li ma laħqux l-istandards internazzjonali ta’ proċess ġust;
I. billi diversi NGOs tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw proċessi inġusti u l-użu tat-tortura u pieni tal-mewt min-naħa tal-Bahrain, li huma bi ksur ta’ diversi konvenzjonijiet internazzjonali, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Bahrain ssieħeb fih fl-2006;
J. billi l-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Bahrain (BICI), stabbilita fid-29 ta' Ġunju 2011 fir-Renju tal-Bahrain permezz tad-Digriet Irjali Nru 28 biex tinvestiga u tirrapporta dwar l-avvenimenti li seħħew fil-Bahrain fi Frar 2011, għamlet sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-riformi politiċi;
K. billi s-26 rakkomandazzjoni tal-BICI inkludew it-tibdil tas-sentenzi ta’ mewt kollha imposti għal atti li rriżultaw mill-avvenimenti ta’ Frar u Marzu 2011; billi din kienet waħda miż-żewġ rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati b’mod sħiħ, li rrappreżenta pass pożittiv lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;
L. billi dawn ir-rakkomandazzjonijiet wasslu lill-Gvern tal-Bahrain biex jistabbilixxi tliet korpi mill-2012 — l-Uffiċċju tal-Ombudsman fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, Unità ta’ Investigazzjonijiet Speċjali (SIU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, u Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Priġunieri u d-Detenuti (PDRC) — b’mandat kollettiv biex itemmu l-użu tat-tortura f’faċilitajiet ta’ detenzjoni u ta’ interrogazzjoni;
M. billi ħafna azzjonijiet riċenti mill-awtoritajiet tal-Bahrain ikomplu jiksru u jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ sezzjonijiet tal-poplu tal-Bahrain, b’mod partikolari d-dritt tal-individwi għall-protesta paċifika, għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali; billi l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw attakki sistematiċi, fastidju u detenzjoni;
N. billi, skont rapporti, il-Bahrain għad għandu numru konsiderevoli ta’ priġunieri tal-kuxjenza;
O. billi l-forzi tas-sigurtà tal-Bahrain allegatament għadhom jittorturaw lid-detenuti;
1. Jesprimi t-tħassib u d-diżappunt tiegħu dwar il-fatt li l-Bahrain mar lura għall-prattika tal-piena kapitali; jitlob l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jistieden lill-Gvern tal-Bahrain, u b’mod partikolari lill-Maestà Tiegħu Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa, jagħti lil Mohammed Ramadan maħfra rjali jew jibdillu s-sentenza;
2. Jikkundanna b’mod qawwi l-użu kontinwu tat-tortura u ta’ trattament jew pieni krudili jew degradanti mill-forzi tas-sigurtà kontra l-priġunieri; huwa estremament imħasseb dwar l-integrità fiżika u mentali tal-priġunieri;
3. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu ta’ liġijiet ta’ kontra t-terroriżmu fil-Bahrain biex jikkastigaw twemmin u konvinzjonijiet politiċi u biex jipprevjenu liċ-ċittadini milli jeżerċitaw attivitajiet politiċi;
4. Jenfasizza l-obbligu li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu assigurati l-protezzjoni u jitħallew ikomplu l-ħidma tagħhom mingħajr tfixkil, intimidazzjoni jew fastidju;
5. Jinnota l-isforzi li għaddejjin bħalissa tal-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri ġuridiċi, u jħeġġeġ biex dan il-proċess jitkompla; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jirrispetta l-istandards internazzjonali dwar id-dritt għal proċess ġust u biex jikkonforma ma’ standards minimi internazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 9 u 14 tal-ICCPR;
6. Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu investigazzjoni imparzjali mingħajr dewmien dwar l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura, itellgħu il-qorti lil persuni suspettati li wettqu r-reat tat-tortura u jeliminaw kull kundanna li tkun saret abbażi ta’ konfessjonijiet miksuba taħt kondizzjonijiet ta’ tortura;
7. Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l- Artikolu 15 tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta’ kull dikjarazzjoni magħmula bħala riżultat ta’ tortura; jitlob ir-ratifika immedjata tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-ICCPR bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt;
8. Jistieden lill-Gvern tal-Bahrain joħroġ stedina immedjata u miftuħa lir-Relatur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura biex jagħmel żjara fil-pajjiż, u jippermetti l-aċċess bla xkiel għad-detenuti u għall-postijiet kollha ta’ detenzjoni;
9. Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman, il-PDRC u l-NIHR, b’mod partikolari dwar id-drittijiet tad-detenuti u l-kondizzjonijiet fil-ħabsijiet, inkluż fir-rigward ta’ maltrattament u tortura allegati; madankollu, jitlob lill-Gvern tal-Bahrain biex jiżgura l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u tal-PDRC, u jiggarantixxi l-indipendenza tal-Unità ta’ Investigazzjonijiet Speċjali fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku;
10. Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ mogħti lill-Bahrain, b’mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi bis-sħiħ il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma għad-drittijiet tal-bniedem EU-Bahrain ;
11. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain ineħħu l-projbizzjoni arbitrarja tal-ivvjaġġar ta' Nabeel Rajab u jwaqqgħu l-akkużi kollha pendenti miġjuba kontriha b'rabta mal-libertà tal-espressjoni;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.