Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar ir-Rapport tal-2015 dwar is-Serbja (2015/2892(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospett tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni A/RES/64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet id-disponibilità tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet mir-raba' laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Serbja tas-7 u t-8 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent tat-8 ta' Ottubru 2015 fil-Lussemburgu,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni dwar miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u l-migrazzjoni tad-9 ta' Novembru 2015 u tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni ta' 17-il punt li ġie maqbul waqt il-laqgħa dwar ir-rotta tal-migrazzjoni tal-Balkani tal-Punent li saret fil-25 ta' Ottubru 2015 bejn il-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE u Stati Membri mhux tal-UE li huma kkonċernati bl-influss ta' refuġjati u migranti,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissjoni dwar is-Serbja tal-10 ta' Novembru 2015 (SWD(2015)0211),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-rapport ta' progress tal-2014 dwar is-Serbja(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar l-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Roma – anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent min-naħa tal-UE tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija(3),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,
– wara li kkunsidra l-ħidma ta' David McAllister bħala rapporteur permanenti għas-Serbja fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 iddeċieda li jibda n-negozjati mas-Serbja dwar l-adeżjoni; billi l-ewwel konferenza intergovernattiva (KIG) saret fil-21 ta' Jannar 2014; billi l-proċess ta' eżami analitiku tlesta f'Marzu 2015; billi f'Settembru 2015 is-Serbja stabbiliet kompletament it-tim tan-negozjati tagħha;
B. billi fir-Rapport tal-2015 dwar is-Serbja, il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress li s-Serbja għamlet lejn l-integrazzjoni Ewropea, filwaqt li vvalutat l-isforzi tagħha biex tkun konformi mal-kriterji ta' Copenhagen u l-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; billi l-Kummissjoni applikat approċċ ġdid għar-rapportar li jagħti gwida aktar ċara lill-pajjiżi inkwistjoni dwar fuq xiex għandhom jiffukaw;
C. billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jaderixxi mal-UE, għandha tiġi ġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha li tissodisfa, timplimenta l-istess sett ta' kriterji u tkun konformi magħhom, u billi d-dedikazzjoni tal-pajjiżi għar-riformi meħtieġa u għall-kwalità tagħhom jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;
D. billi s-Serbja ħadet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet tad-19 ta' April 2013; billi fil-25 ta' Awwissu 2015 intlaħqu erba' ftehimiet importanti; billi l-progress fin-negozjati għall-adeżjoni tas-Serbja jeħtieġ li jsir b'mod parallel mal-progress fil-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo f'konformità mal-qafas ta' negozjar; billi sforzi ulterjuri jibqgħu essenzjali sabiex dawn ir-relazzjonijiet jiġu kkalmati b'mod permanenti; billi huwa importanti ferm li l-ftehimiet kollha jiġu implimentati bis-sħiħ miż-żewġ partijiet;
E. billi f'Lulju 2015 is-Serbja saret it-33 Stat parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;
F. billi l-UE enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-governanza ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;
G. billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;
H. billi f'Jannar 2015, is-Serbja ħadet f'idejha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE);
1. Jilqa' l-ftuħ tan-negozjati u l-ftuħ tal-Kapitoli 32 (Kontroll finanzjarju) u 35 (Kwistjonijiet oħra – Punt I: Proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo) fil-Konferenza Intergovernattiva fi Brussell fl-14 ta' Diċembru 2015; jilqa' l-impenn kontinwu tas-Serbja għall-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; jistieden lis-Serbja tippromwovi b'mod attiv din id-deċiżjoni strateġika fost il-pubbliku Serb; jinnota b'sodisfazzjon li s-Serbja bdiet taħdem fuq aġenda ambizzjuża ta' riforma; jistieden lis-Serbja tindirizza b'mod deċiżiv u dirett ir-riformi sistemiċi u soċjoekonomiċi; iħeġġeġ lis-Serbja tiddedika attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ tagħha meta timplimenta r-riformi tagħha;
2. Jilqa' t-tħejjijiet tas-Serbja biex tibda n-negozjati ta' adeżjoni b'mod effikaċi bil-konklużjoni tal-proċess ta' eżami analitiku, u t-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni komprensivi għall-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, libertà u sigurtà); jesprimi t-tama li dawn il-kapitoli jistgħu jinfetħu kmieni fl-2016; jenfasizza li negozjati bir-reqqa għall-Kapitoli 23 u 24 huma essenzjali biex jiġu indirizzati r-riformi li għandhom jitwettqu u jiġu implimentati fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà; ifakkar li se jkun jeħtieġ li l-progress f'dawn l-oqsma jsir b'mod parallel mal-progress fin-negozjati globali; jenfasizza li n-negozjar tal-Kapitolu 35 huwa ta' importanza kruċjali għall-progress tas-Serbja fit-triq tagħha lejn l-integrazzjoni fl-UE; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li n-normalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo hija kundizzjoni importanti għall-adeżjoni tas-Serbja mal-UE;
3. Jissottolinja li implimentazzjoni bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tibqa' indikatur ewlieni tas-suċċess tal-proċess ta' integrazzjoni; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi tas-Serbja biex ikomplu bir-riformi meħtieġa għal allinjament mal-istandards tal-UE; jistieden lis-Serbja ttejjeb l-ippjanar, il-koordinament u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda;
4. Jilqa' l-progress tas-Serbja fl-ambjent kummerċjali, fit-tnaqqis tad-defiċit tal-baġit u fis-suq tax-xogħol, inklużi l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u l-politika tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jtejbu aktar il-klima tal-investiment madwar is-Serbja u jnaqqsu d-differenzi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni tagħha, biex tiġi żgurata l-protezzjoni ta' investimenti barranin u biex jiġu solvuti tilwimiet ta' investiment fit-tul, u, filwaqt li jirrikonoxxi l-progress fir-ristrutturar ta' kumpaniji pubbliċi, jinnota l-importanza ta' aktar progress relevanti u trasparenza fil-proċess ta’ privatizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li s-Serbja tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat mal-acquis;
5. Jilqa' l-progress fir-riformi ekonomiċi, li tejjeb is-sitwazzjoni baġitarja tas-Serbja, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja lill-gvern fil-pjanijiet tagħha biex twettaq aktar riformi, speċjalment biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fiskali u r-riformi ta' setturi ewlenin tal-ekonomija;
6. Ifaħħar l-approċċ kostruttiv tas-Serbja fil-mod kif tittratta l-kriżi tal-migrazzjoni; jinnota, madankollu, li għandu jitrawwem approċċ kostruttiv ma' pajjiżi ġirien; jinnota li s-Serbja hija sieħeb essenzjali u ta' għajnuna tal-UE fil-Balkani, u li huwa għaldaqstant indispensabbli li l-UE tipprovdi riżorsi u għajnuna finanzjarja adegwata; jieħu nota pożittiva tal-isforz sostanzjali li s-Serbja għamlet biex tiżgura li ċittadini ta' pajjiżi terzi jingħataw kenn u provvisti umanitarji b'appoġġ tal-UE u b'appoġġ internazzjonali; jistieden lis-Serbja żżid il-kapaċitajiet ta' akkoljenza tagħha rapidament; jinnota li jinħtieġu riformi komprensivi biex tiġi razzjonalizzata s-sistema sħiħa tal-asil sabiex tkun konformi mal-acquis tal-UE u mal-istandards internazzjonali; jinnota li s-Serbja ħadet miżuri ulterjuri biex tindirizza applikazzjonijiet għall-asil infondati mressqa minn ċittadini Serbi fi Stati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ta' Schengen; jistieden lis-Serbja tikkontribwixxi għal tnaqqis ulterjuri fl-applikazzjonijiet infondati; jenfasizza li l-kapaċità u r-riżorsi li jippermettu lill-persuni ripatrijati jintegraw ruħhom mill-ġdid għadhom limitati;
7. Jistieden lis-Serbja tagħmel sforzi akbar u progressivament tallinja l-politika barranija u ta' sigurtà tagħha ma' dik tal-UE, inkluża l-politika tagħha dwar ir-Russja; iqis deplorevoli, f'dan il-kuntest, it-twettiq ta' eżerċizzji militari konġunti bejn is-Serbja u r-Russja; jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tas-Serbja fl-operazzjonijiet internazzjonali ta' żamma tal-paċi;
Stat tad-Dritt
8. Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt; jenfasizza l-importanza essenzjali ta' ġudikatura indipendenti; jinnota li, filwaqt li sar xi progress fil-qasam tal-ġudikatura, jiġifieri fl-adozzjoni ta' regoli għall-valutazzjoni ta' mħallfin u prosekuturi, l-indħil politiku għadu għoli; jinnota li l-korpi ġudizzjarji professjonali qed jeżiġu li jingħataw riżorsi adegwati; jistieden lill-awtoritajiet jimplimentaw l-istrateġija nazzjonali għar-riforma ġudizzjarja kif stabbilita fil-pjan ta' azzjoni għall-Kapitolu 23 u jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura u li l-ħidma tal-imħallfin u l-prosekuturi tkun ħielsa minn influwenza politika; jistieden lill-gvern jadotta liġi ġdida dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas u jintroduċi bidliet legali sabiex jiġu indirizzati l-kwalità u l-konsistenza tal-prattika ġudizzjarja u l-edukazzjoni ġudizzjarja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni kontinwa ta' każijiet pendenti quddiem il-qorti, minkejja l-programm ta' tnaqqis tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni f'dan ir-rigward, u jħeġġeġ lis-Serbja tieħu passi ulterjuri sabiex iżżid il-fiduċja fil-ġudikatura;
9. Ifakkar lill-Gvern Serb sabiex jimplimenta l-Liġi dwar ir-Riabilitazzjoni b'mod sħiħ u nondiskriminatorju; jissuġġerixxi wkoll lill-Gvern Serb jagħmel emendi ulterjuri għal-Liġi dwar ir-Restituzzjoni sabiex jitneħħa kull ostaklu proċedurali u kull impediment ġuridiku fir-rigward tar-restituzzjoni in natura;
10. Jinnota li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tas-Serbja; jinnota li sar ċertu progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li madankollu għadu element ta' tħassib fis-Serbja, permezz ta' implimentazzjoni kontinwa tal-leġiżlazzjoni u l-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-whistle-blowers; jenfasizza l-ħtieġa li jinbena rekord ta' investigazzjonijiet u atti ta' akkuża fir-rigward tal-korruzjoni, inkluża l-korruzzjoni ta' livell għoli u l-ħtieġa li l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija kontra l-korruzzjoni tiġi kkoordinata u mmonitorjata fl-istituzzjonijiet ewlenin kollha kif stabbilit fil-pjan ta' azzjoni għall-Kapitolu 23; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u l-Kunsill Kontra l-Korruzzjoni jkunu kapaċi jwettqu l-mandat tagħhom b'mod sħiħ u effikaċi, u li l-istituzzjonijiet tal-istat isegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu trattati b'mod aktar effikaċi; jitlob lill-istituzzjonijiet akkademiċi, flimkien mal-awtoritajiet tal-istat u l-uffiċjali pubbliċi, jadottaw regoli f'dan il-qasam sabiex jinvestigaw każijiet ta' plaġjariżmu u jipprevjenu wkoll każijiet futuri;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jemendaw u jimplimentaw it-taqsima tal-Kodiċi Kriminali dwar ir-reati ekonomiċi u ta' korruzzjoni sabiex jipprovdu qafas kredibbli u prevedibbli tal-liġi kriminali; itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 234 tal-Kodiċi Kriminali dwar l-abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli; jitlob, għal darb'oħra, rieżami indipendenti u bir-reqqa ta' każijiet riklassifikati relatati ma' abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli, sabiex prosekuzzjonijiet inġusti li ilhom għaddejjin ikunu jistgħu jitwaqqfu minnufih;
12. Jinnota li jeħtieġ li jsir sforz akbar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u li għandu jinbena rekord ta' kundanni definittivi kif stabbilit fil-pjan ta' azzjoni għall-Kapitolu 24; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ espert sabiex jiġu stabbiliti qafas istituzzjonali u kompetenza sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata b'mod effikaċi; jitlob, f'dan ir-rigward, kooperazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tas-Serbja u l-Kosovo u l-uffiċċji ta' kollegament f'Belgrad u Pristina;
Demokrazija
13. Jieħu nota tal-isforzi biex jittejjeb il-proċess ta' konsultazzjoni fil-parlament u biex ikompli jiżdied l-involviment tal-parlament fil-proċess ta' negozjati ta' adeżjoni mal-UE; jibqa' mħasseb dwar l-użu estensiv ta' proċeduri urġenti fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, inkluża l-leġiżlazzjoni marbuta mal-proċess ta' adeżjoni mal-UE, billi dawn il-proċeduri mhux dejjem jippermettu biżżejjed konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku ġenerali; jenfasizza li jeħtieġ li tissaħħaħ aktar is-sorveljanza tal-parlament fuq l-eżekuttiv; jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva u kostruttiva tal-oppożizzjoni fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-istituzzjonijiet demokratiċi; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi għandu jkun trasparenti u f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali;
14. Jenfasizza l-importanza tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'soċjetà demokratika; jinnota li l-kooperazzjoni bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tjiebet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jieħdu miżuri addizzjonali biex jiżguraw djalogu trasparenti bejn is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-istat u biex iżidu l-involviment effikaċi tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-minoranzi nazzjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu sostenn finanzjarju adegwat għall-funzjonament effiċjenti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jitlob li ssir komunikazzjoni f'waqtha u trasparenti liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet u lill-pubbliku ġenerali dwar l-iżviluppi fil-proċess tan-negozjati ta' adeżjoni u li tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni wiesgħa tagħhom f'dan il-proċess;
15. Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Serb biex jindirizza bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet OSKE/ODIHR, b'mod partikolari dawk li jiżguraw li l-finanzjament tal-kampanji u l-proċessi elettorali jkunu trasparenti; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw kif xieraq il-każijiet li seħħew matul l-elezzjonijiet muniċipali u avvenimenti oħra tal-kampanja li ġew immarkati bi vjolenza u allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni u irregolaritajiet;
16. Itenni l-importanza ta' entitajiet regolatorji indipendenti, inkluż l-Ombudsman, biex jiġu żgurati s-sorveljanza u r-responsabilità tal-eżekuttiv; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu lill-Ombudsman appoġġ politiku u amministrattiv sħiħ għal xogħlu u biex iżommu lura milli jesponuh għal kritika mhux ġustifikata;
17. Jilqa' l-adozzjoni ta' pjan komprensiv ta' azzjoni għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, liġi dwar is-sorveljanza tal-ispezzjoni, strateġija nazzjonali ta' taħriġ għall-gvern lokali u l-liġi dwar l-ammont massimu ta' impjegati tas-settur pubbliku, u jitlob l-implimentazzjoni immedjata tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li l-amministrazzjoni pubblika tiġi depolitiċizzata u magħmula aktar professjonali u li l-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' tkeċċija jsiru aktar trasparenti sabiex jiġu ggarantiti l-professjonaliżmu, in-newtralità u l-kontinwità tal-amministrazzjoni pubblika;
Drittijiet tal-bniedem
18. Jilqa' l-fatt li s-Serbja għandha qafas legali u istituzzjonali adegwat għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jinnota, madankollu, in-nuqqasijiet li għad hemm fl-implimentazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabilità, persuni bl-HIV/AIDS u l-persuni LGBTI; jilqa' s-suċċess tal-Pride March fl-20 ta' Settembru 2015; jissottolinja, madankollu, li d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTI għadha kwistjoni ta' tħassib serju; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-Gvern jindirizza r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri; jesprimi tħassib dwar l-għadd ta' attakki fuq membri ta' gruppi vulnerabbli li għadhom ma ġewx investigati bis-sħiħ; barra minn hekk, jesprimi tħassib dwar il-problema kontinwa tal-vjolenza domestika; jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu b'mod attiv ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd;
19. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ma sar ebda progress biex titjieb is-sitwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni u tal-midja; jinnota bi tħassib il-pressjoni politika kontinwa li timmina l-indipendenza tal-midja, u li tirriżulta f'żieda fl-awtoċensura tal-mezzi tax-xandir; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-ġurnalisti jħabbtu wiċċhom ma' pressjoni politika, intimidazzjoni, vjolenza u theddid meta jeżerċitaw il-professjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw il-każijiet kollha ta' attakki kontra l-ġurnalisti u mezzi tax-xandir, li taw bidu għal protesti qawwija min-naħa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti; itenni li l-liġijiet il-ġodda dwar il-midja jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ; jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-midja u l-finanzjament tal-midja, kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni fir-rigward tar-reklamar tal-istat;
20. Jinsab imħasseb serjament dwar il-każijiet ripetuti ta' kxif irregolari lill-midja dwar investigazzjonijiet kriminali li għadhom għaddejjin, bi ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw bis-serjetà għadd ta' kawżi ta' profil għoli fejn evidenza ta' mġiba ħażina allegata ġiet ippreżentata mill-midja;
Rispett u ħarsien tal-minoranzi
21. Jissottolinja l-importanza tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali fir-rwol tagħhom ta' promozzjoni tad-drittijiet ta' minoranzi nazzjonali u n-natura demokratika tagħhom u jħeġġeġ ukoll il-finanzjament xieraq u verifikabbli tagħhom; jilqa' l-impenn tas-Serbja fl-abbozzar ta' Pjan ta' Azzjoni ddedikat għall-Minoranzi Nazzjonali, li se jipprovdi titjib ulterjuri fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' prattiki u l-qafas legali dwar il-minoranzi nazzjonali; itenni t-talba tiegħu lis-Serbja biex tiżgura li l-livell tad-drittijiet u l-kompetenzi miksuba jinżamm fil-proċess tal-allinjament legali tagħhom mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-Serbja u jħeġġeġ l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali mill-aktar fis possibbli għall-kjarifika tal-istatus legali tagħhom u ċ-ċertezza tal-ġuriżdizzjoni tagħhom; jesprimi tħassib serju dwar l-interruzzjoni tax-xandir ta' programmi fil-lingwi tal-minoranzi wara t-tħabbira tal-privatizzazzjoni tal-midja; jistieden lis-Serbja żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva u konsistenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minoranzi u t-trattament nondiskriminatorju ta' minoranzi nazzjonali madwar is-Serbja kollha, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-finanzjament f'waqtu u t-traduzzjoni ta' kotba tal-iskola bil-lingwi tal-minoranzi, ir-rappreżentanza fl-amministrazzjoni pubblika u entitajiet rappreżentattivi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u l-aċċess għall-midja u s-servizzi reliġjużi fil-lingwi minoritarji; jistieden lill-Gvern Serb jimplimenta t-trattati internazzjonali u l-ftehimiet bilaterali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tal-minoranzi;
22. Jinnota li d-diversità kulturali ta' Vojvodina tikkontribwixxi wkoll għall-identità tas-Serbja; jenfasizza li l-awtonomija ta' Vojvodina m'għandhiex tiddgħajjef u li l-liġi dwar ir-riżorsi ta' Vojvodina għandha tiġi adottata mingħajr aktar dewmien, kif previst mill-Kostituzzjoni;
23. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jimplimentaw miżuri konkreti biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Rom, b'mod partikolari fir-rigward tal-forniment ta' dokumenti personali, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u l-impjiegi; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Serbi jiżguraw rappreżentanza ugwali tar-Rom fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-ħajja pubblika, fosthom billi jagħtu attenzjoni speċjali lill-inklużjoni tan-nisa Rom; jenfasizza li l-politika ta' integrazzjoni tar-Rom jeħtieġ li tissaħħaħ ulterjorment u, filwaqt li tqis il-vjolenza li ġarrbu rappreżentanti ta' NGOs tal-minoranzi, jenfasizza li d-diskriminazzjoni jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod effettiv; jistenna bil-ħerqa, għalhekk, li jara t-twettiq ta' miżuri tal-Istrateġija u Pjan ta' Azzjoni li jmiss dwar l-inklużjoni tar-Rom; jilqa' f'dan il-kuntest "id-Dikjarazzjoni ta' Pristina" li titlob lill-gvernijiet, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi u tas-soċjetà ċivili japplikaw bir-reqqa l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ugwaljanza meta jaħdmu u jieħdu azzjoni fil-qafas tal-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tar-Rom;
Kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet ta' bon viċinat
24. Japprezza l-approċċ kostruttiv tal-Gvern Serb rigward ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, peress li dan ippermetta li jsir progress sostanzjali kemm fil-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll f'relazzjonijiet eqreb mal-UE, u jħeġġeġ lis-Serbja tkompli tibni fuq ir-relazzjonijiet ta' bon viċinat tagħha; jistieden lis-Serbja tippromwovi relazzjonijiet ta' bon viċinat u soluzzjoni paċifika tat-tilwim, li jinkludu l-promozzjoni ta' klima ta' tolleranza u l-kundanna ta' kull forma ta' diskors ta' mibegħda jew retorika ta' żmien il-gwerra u żżomm lura minn ċerti azzjonijiet, bħal pereżempju meta tilqa' pubblikament ir-ritorn ta' individwi kkundannati għal delitti tal-gwerra; jinnota li tilwimiet u kwistjonijiet pendenti, b'mod partikolari kwistjonijiet dwar id-demarkazzjoni tal-fruntieri, is-suċċessjoni, ir-ritorn ta' beni kulturali u l-iżvelar tal-arkivji Jugoslavi, għandhom jiġu solvuti f'konformità ma' prinċipji stabbiliti u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, fosthom permezz tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet legalment vinkolanti, inter alia l-ftehim dwar kwistjonijiet ta' suċċessjoni, u li tilwimiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati fl-istadji bikrija tal-proċess ta' adeżjoni f'konformità mad-dritt internazzjonali; jenfasizza r-rwol kostruttiv tas-Serbja fil-qafas tal-"proċess ta' Berlin" u l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-aġenda ta' konnettività tagħha; jilqa' inizjattivi oħra ffokati fuq il-futur tal-Balkani tal-Punent, b'mod partikolari l-Proċess Brdo li jirriżulta li huwa qafas importanti għall-kooperazzjoni kemm fil-qasam politiku kif ukoll dak tekniku, u huwa tal-fehma li kooperazzjoni konkreta fl-oqsma ta' interess reċiproku tista' tikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni tal-Balkani tal-Punent; jilqa', f'dan ir-rigward, l-ewwel laqgħa ministerjali konġunta bejn is-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina li saret fl-4 ta' Novembru 2015 f'Sarajevo; jistieden lis-Serbja tkompli tippromwovi l-istabbilizzazzjoni u t-tisħiħ istituzzjonali tal-Bożnja-Ħerzegovina permezz tal-kuntatti eżistenti tagħha u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat mal-pajjiż; itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Serbi biex jintroduċu miżuri ulterjuri għall-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri tal-UE fil-viċinat, inklużi l-Programmi ta' Kooperazzjoni Transfruntiera u Transnazzjonali 2014-2020 u l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju; jilqa' l-idea li jingħata bidu għal negozjati għall-iffirmar ta' trattat ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat mal-ġirien tagħha, u jittama li dan iwassal għal żvilupp aktar pożittiv fil-kuntest reġjonali; jilqa' l-laqgħa ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport bejn il-Prim Ministri tal-Bulgarija, ir-Rumanija u s-Serbja;
25. Iħeġġeġ lis-Serbja tikkoopera ulterjorment mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY), fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet ta' bon viċinat; jissottolinja l-importanza ta' strateġija nazzjonali komprensiva għall-ġestjoni domestika ta' delitti tal-gwerra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jaħdmu fuq il-kwistjoni tad-destin ta' persuni nieqsa, kif ukoll dwar it-tħejjija ta' skema ta' riparazzjoni għall-vittmi u l-familji tagħhom bħala prekondizzjoni importanti għar-rikonċiljazzjoni, biex b'hekk jiġi żgurat id-dritt tal-familji tal-vittmi li jsiru jafu x'sar minn qrabathom; jinnota li għandha tiġi adottata liġi dwar il-vittmi ċivili mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jitqies il-fatt li l-leġiżlazzjoni eżistenti ma tirrikonoxxix bosta gruppi ta' vittmi ta' delitti tal-gwerra; jinnota li għad hemm kontroversji, b'mod partikolari fil-kuntest ta' interpretazzjonijiet differenti tal-istorja reċenti; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva RECOM, il-kummissjoni reġjonali għall-istabbilment tal-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem f'dik li kienet il-Jugoslavja;
26. Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' abbozz ta' strateġija nazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra, li jistabbilixxi pjanijiet biex tiġi indirizzata l-prosekuzzjoni ta' delitti mwettqa tul id-disgħinijiet f'dik li kienet il-Jugoslavja; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu u jiġu depolitiċizzati l-istituzzjonijiet Serbi li jittrattaw id-delitti tal-gwerra; jitlob lis-Serbja tistabbilixxi sistema effettiva għall-protezzjoni tax-xhieda u tal-vittmi, u tipprovdi lill-vittmi u lill-familji tagħhom bid-dritt ta' riparazzjoni; jitlob li tittejjeb il-kooperazzjoni reġjonali f'kawżi ta' delitti tal-gwerra; itenni t-talba tiegħu lis-Serbja biex teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-proċedimenti dwar id-delitti tal-gwerra, fi spirtu ta' rikonċiljazzjoni u ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat flimkien mal-Kummissjoni u mal-pajjiżi ġirien tagħha;
27. Jilqa' l-impenn kontinwu tas-Serbja fil-proċess ta' normalizzazzjoni mal-Kosovo, u l-finalizzazzjoni ta' ftehimiet ewlenin fil-25 ta' Awwissu 2015, jiġifieri dwar it-twaqqif ta' Assoċjazzjoni/Komunità ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba fil-Kosovo, dwar l-enerġija, dwar it-telekomunikazzjoni u dwar il-Pont ta' Mitrovica; iħeġġeġ lis-Serbja biex timplimenta malajr in-naħa tagħha ta' dawn il-ftehimiet u biex timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-Kosovo fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet futuri; jinnota li sar progress f'oqsma bħall-pulizija u l-protezzjoni ċivili, l-assigurazzjoni tal-vetturi, id-dwana, l-arranġamenti ta' koordinazzjoni u r-rekords katastali; itenni li l-progress fid-Djalogu għandu jitkejjel skont l-implimentazzjoni tiegħu fil-post; jistieden lis-Serbja u lill-Kosovo jastjenu minn retorika negattiva u biex jimxu 'l quddiem bl-implimentazzjoni sħiħa, b'rieda tajba u fi żmien xieraq, tal-ftehimiet kollha li diġà ntlaħqu, u biex b'determinazzjoni jkomplu l-proċess ta' normalizzazzjoni; jitlob sforzi kontinwi kemm miż-żewġ gvernijiet kif ukoll mill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkomunikaw u jispjegaw id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet li ntlaħqu, sabiex iqarrbu il-komunitajiet etniċi Albaniżi u Serbi lejn xulxin fil-Kosovo; ifaħħar l-isforzi tal-komunità tan-negozju, immexxija mill-Kmamar tal-Kummerċ biex tikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, billi tinvolvi ruħha fi djalogu bejn il-Kmamar tal-Kummerċ tas-Serbja u l-Kosovo, tindirizza l-ostakli għan-negozju bejn iż-żewġ naħat, u tiffaċilita l-kuntatt u l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja ż-żamma u l-iżvilupp ta' dawn l-attivitajiet fil-ġejjieni; iħeġġeġ lis-Serbja u lill-Kosovo jidentifikaw oqsma ġodda ta' diskussjoni għad-djalogu bl-għan li jitjiebu l-ħajjiet u b'mod komprensiv jiġu normalizzati r-relazzjonijiet; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni taż-żewġ naħat biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom; iħeġġeġ lis-Serbja taġixxi fi spirtu ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat u jesprimi t-tama li l-kwistjoni dwar il-fatt li l-Kosovo ma rnexxilux jikseb sħubija fil-UNESCO ma jxekkilx id-djalogu u l-integrazzjoni ulterjuri tal-Kosovo f'organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, u li l-kooperazzjoni u l-isforzi jkomplu għaddejjin għall-protezzjoni tal-wirt kulturali; iħeġġeġ lil Belgrad u lil Pristina jżommu relazzjonijiet ta' bon viċinat; jilqa' t-tkomplija tat-taħdidiet bejn il-Prim Ministru Serb Vučić u l-Prim Ministru tal-Kosovo Mustafa fis-27 ta' Jannar 2016; jinnota li s-suġġetti diskussi inkludew ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-università u d-diplomi professjonali u t-titjib tal-konnessjonijiet ferrovjarji u tat-toroq; jissottolinja li l-progress fuq il-post se jkun ta' benefiċċju għar-reġjun sħiħ;
28. Jappoġġja, fil-kuntest tal-Proċess ta' Berlin, il-ħolqien tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent, li jagħti opportunità lil rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tar-reġjun biex jiskambjaw ideat, ileħħnu t-tħassib tagħhom u jfasslu rakkomandazzjonijiet konkreti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jitlob it-tkomplija ta' dan il-proċess fis-summit li jmiss isir f'Pariġi fl-2016, u għall-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun;
Enerġija, ambjent u trasport
29. Jenfasizza li s-Serbja, bħala parti kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, għandha tibqa' attiva fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija u tkompli timplimenta l-acquis sabiex tibni sistemi ta' enerġija sostenibbli u sikuri; jistieden lill-awtoritajiet jibdew l-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti fl-istrateġija għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija, peress li m'hemmx investiment sinifikanti fis-settur tal-enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ lis-Serbja tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tieħu miżuri biex ittejjeb l-allinjament mal-acquis fl-oqsma tal-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija, u jitlob lis-Serbja tiffoka aktar fuq l-enerġija ekoloġika; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Gvern Serb fl-isforzi tiegħu biex inaqqas id-dipendenza tal-pajjiż fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u biex jiddiversifika l-provvista tal-gass tas-Serbja; jinnota li l-pakkett IPA II 2015, li ġie adottat dan l-aħħar, b'mod partikolari jinkludi programm ta' EUR 155 miljun biex jgħin fil-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura reġjonali ewlenin fis-setturi tal-enerġija u tat-trasport fil-Balkani tal-Punent; iħeġġeġ lis-Serbja tallinja ruħha mal-impenji medji tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-ftehim li ntlaħaq f'Pariġi fil-COP 21;
30. Jistieden lill-Gvern Serb, meta titqies l-importanza tar-Raggruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali għal aktar żvilupp tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ġirien tagħhom, biex jipprovdi l-isfond legali neċessarju li jippermetti l-parteċipazzjoni tas-Serbja fir-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali;
31. Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, u jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex iżidu l-isforzi biex jagħlqu u jnaddfu miżblat illegali, u biex jiżviluppaw politika kredibbli ta' tnaqqis tal-iskart f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart;
32. Jilqa' l-pjan biex jerġgħu jinbnew, jiġu mtejba u mmodernizzati partijiet tan-netwerk ferrovjarju, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jkomplu jtejbu t-trasport pubbliku b'kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien;
o o o
33. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.