Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2537(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0146/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0048

Testi adottati
PDF 283kWORD 96k
Il-Ħamis, 4 ta' Frar 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Libja
P8_TA(2016)0048RC-B8-0146/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja (2016/2537(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Settembru 2011(1), tat-22 ta' Novembru 2012(2), tat-18 ta' Settembru 2014(3) u tal-15 ta' Jannar 2015(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 li permezz tagħha nħolqot il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni biex tiġi varata l-operazzjoni EU NAVFOR MED Sophia fit-18 ta' Mejju 2015 bil-ħsieb li jiġu identifikati, maqbuda u mormija bastimenti u li jiġu identifikati assi użati jew li huwa ssuspettat li qed jintużaw minn kuntrabandisti jew traffikanti ta' migranti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Libja, b'mod partikolari dawk tat-30 ta' April, tas-26 u s-27 ta' Mejju, tat-30 ta' Ġunju, tat-12 ta' Lulju, tas-17 ta' Awwissu, tat-13 u t-22 ta' Settembru, tad-9 ta' Ottubru, tad-19 u s-26 ta' Novembru, u tal-14 u s-17 ta' Diċembru 2015, u tas-7, il-11 u t-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja tat-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan li ġie ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 fi Skhirat, il-Marokk,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat Konġunt tal-Laqgħa Ministerjali ta' Ruma għal-Libja tat-13 ta' Diċembru 2015, approvat mill-Alġerija, iċ-Ċina, l-Eġittu, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġordan, il-Marokk, ir-Russja, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, Spanja, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Emirati Għarab Magħquda, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, in-Nazzjonijiet Uniti, il-Lega tal-Istati Għarab u l-Unjoni Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Libja adottata unanimament fit-23 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(5),

–  wara li kkunsidra l-konferenza nazzjonali tat-tribujiet Libjani li saret fi Tripli f'Lulju 2011, li appellat għal liġi ta' amnestija ġenerali sabiex tintemm il-gwerra ċivili,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta' mexxejja u attivisti politiċi fl-Alġier fil-11 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' appoġġ għal Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GKN) fil-Libja maħruġa mill-Gvernijiet tal-Alġerija, ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Marokk, ta' Spanja, tat-Tuneżija, tal-Emirati Għarab Magħquda, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, taħt id-dittatorjat ta' Gaddafi, il-Libja kellha l-ikbar ħażna ta' armamenti fil-kosta tan-Nofsinhar tal-Baħar Mediterran, u mill-waqgħa tad-dittatur saret sors kbir ta' kummerċ u traffiku illeċitu ta' armi, u żona ta' forniment għat-terroristi u l-estremisti kollha fiż-żona tas-Saħel (il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja) u għall-movimenti kollha tal-oppożizzjoni fis-Sudan, fiċ-Chad u fis-Sirja;

B.  billi fi Frar 2011, il-Libjani niżlu fit-toroq bħala parti mir-Rebbiegħa Għarbija, għal disa' xhur ta' kunflitt ċivili; billi n-NATO appoġġat lir-ribelli li ħabbtu wiċċhom ma' repressjoni indiskriminata mill-istat, u dan l-appoġġ kien deċiżiv fit-tneħħija tar-reġim ta' Gaddafi;

C.  billi s-soċjetà Libjana dejjem – qabel u b'mod partikolari wara l-kolp ta' stat – kienet organizzata abbażi ta' sistema tribali; billi l-alleanzi tribali fost l-identitajiet etniċi (il-maġġoranza Għarbija u l-minoranzi Amazigh, Toubou u Tuareg) għad għandhom rwol sinifikanti fit-taqlib li għaddejja minnu l-lum il-ġurnata l-Libja;

D.  billi ħafna mill-milizzji li ġġieldu kontra Gaddafi kienu infiltrati minn Iżlamisti, li gradwalment ħadu l-kontroll f'idejhom, u li wħud minnhom kellhom rwol ewlieni fil-kunflitt; billi r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kklassifikaw lil Daesh, Ansar al-Sharia u al-Qaeda, li kollha huma preżenti fil-Libja, bħala organizzazzjonijiet terroristiċi;

E.  billi f'Awwissu 2012 il-KTN għadda s-setgħa lill-Kungress Nazzjonali Ġenerali (KNĠ), parlament elett li mbagħad ħatar kap ta' stat temporanju; billi l-votanti għażlu parlament ġdid biex jieħu post il-KNĠ f'Ġunju 2014, jiġifieri l-Kamra tad-Deputati (KtD), li ttrasferiet is-sede tagħha f'Tobruk; billi l-KNĠ preċedenti, li kien iddominat mill-Fratellanza Musulmana, iltaqa' mill-ġdid ftit wara u għażel il-Prim Ministru tiegħu stess, u b'hekk sfida l-awtorità tal-KtD fi żmien ta' ġlied li matulu anke t-tmexxija tal-kapitali Tripli nbidlet; billi ż-żewġ partijiet fi gwerra allegatament qed jirċievu appoġġ minn barra, b'mod partikolari mill-Eġittu, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda fuq in-naħa tal-KtR (Tobruk), u mit-Turkija u l-Qatar fuq in-naħa tal-KNĠ il-ġdid (Tripli);

F.  billi sa minn Awwissu 2014 dawn iż-żewġ korpi politiċi (il-KtD f'Tobruk, li huwa rikonoxxut mill-komunità internazzjonali, u l-KNĠ il-ġdid li ġie stabbilit fi Tripli) jiddikjaraw li qegħdin imexxu l-pajjiż, u t-tnejn huma appoġġati minn diversi milizzji armati sa snienhom affiljati ma' reġjuni, bliet u tribujiet minn diversi sfondi;

G.  billi l-vojt politiku u n-nuqqas ta' gvern stabbli ġew sfruttati mid-Daesh, li jħaddan fostu barranin u terroristi Libjani li reġgħu lura pajjiżhom wara li ġġieldu fl-Iraq u s-Sirja; billi dawn il-persuni li reġgħu lura, flimkien ma' Ġiħadisti minn pajjiżi oħra, ħatfu l-belt ta' Derna li tinsab fil-Lvant ta' Benghazi f'Novembru 2014 u għamlu wegħda ta' lealtà lejn id-Daesh; billi dawn il-forzi jew l-alleati tagħhom saru attivi kważi tul il-kosta kollha minn Derna sa Tripli, inklużi Bayda, Benghazi, Ajdabiya, Abugrein u Misrata, b'kontroll sħiħ ta' aktar minn 200 km madwar Sirte, u għandhom ukoll bażi ta' taħriġ fil-Punent ta' Tripli qrib il-fruntiera Tuneżina; billi d-Daesh vara kampanja lokali ta' biża' – bi qtugħ ta' rjus, sparar u attakki bil-bombi – filwaqt li kabbar it-territorju tiegħu, ħa kontrol tat-triq u jista' jfixkel il-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent;

H.  billi l-Libja saret tospita l-akbar forzi tad-Daesh barra l-Lvant Nofsani u saret pożizzjoni strateġika għad-Daesh mal-kosta tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u b'hekk hija l-aktar theddida perikoluża għall-pajjiżi tal-viċinat fis-Saħel u s-Saħara, kif ukoll għall-Ewropa permezz ta' azzjonijiet terroristiċi;

I.  billi mill-4 ta' Jannar 2016 id-Daesh beda jwettaq attakki kbar fuq il-faċilitajiet ewlenin taż-żejt fil-Libja, bl-għan li jespandi r-riżorsi għall-gwerra tiegħu u li jikkontrolla l-faċilitajiet taż-żejt enormi fil-Lvant f'al-Sidra, Ras Lanuf u Marsa al-Brega, u b'hekk għamel ħsara lill-infrastrutturi prinċipali li jsejsu r-riżorsi ekonomiċi tal-Libja u kkomprometta dħul essenzjali għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż;

J.  billi mindu waqgħet f'anarkija l-Libja saret dejjem aktar post ta' transitu għat-traffikar tal-bnedmin fil-fruntieri tan-Nofsinhar tal-Ewropa; billi l-Libja għadha tospita mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil ta' nazzjonalitajiet differenti, li ħafna minnhom qed jgħixu f'kundizzjonijiet traġiċi u għaldaqstant jikkostitwixxu bersall għall-kuntrabandisti;

K.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qed tkompli tiddeterjora fil-pajjiż kollu, fejn id-detenzjoni arbitrarja, is-sekwestru ta' persuni, il-qtil illegali, it-tortura u l-vjolenza kontra ċivili, ġurnalisti, uffiċjali, figuri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha huma realtà traġika; billi fis-26 ta' Frar 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrefera s-sitwazzjoni fil-Libja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi l-QKI tibqa' kompetenti biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-pajjiż u li tfittex lil dawk responsabbli; billi fis-27 ta' Ġunju 2011 il-QKI ħarġet mandati ta' arrest għal Muammar Gaddafi u Saif al-Islam Gaddafi, u billi l-kumplament tal-persuni suspettati mhumiex fil-kustodja tal-Qorti; billi l-awtoritajiet Libjani insistew biex dawn jiġu pproċessati fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern tal-Libja;

L.  billi l-perkors politiku tad-djalogu Libjan involva membri ewlenin tal-proċess ta' demokratizzazzjoni tal-Libja, b'mod partikolari membri tal-Kamra tad-Deputati, tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali u tal-Kunsill Transizzjonali Nazzjonali, billi partijiet ikkonċernati indipendenti oħra bħall-kunsilli muniċipali, il-partiti politiċi, il-mexxejja tribali u l-organizzazzjonijiet tan-nisa kkontribwew għall-promozzjoni ta' rikonċiljazzjoni ġenwina;

M.  billi l-Ftehim Politiku Libjan għandu l-għan li jiżgura d-drittijiet demokratiċi tal-poplu Libjan, li jistabbilixxi gvern kunsenswali msejjes fuq il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, u li jagħti s-setgħa lil istituzzjonijiet tal-istat bħall-GKN; billi, fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Libja, ma hemmx lok għal ħela ta' ħin fl-istabbiliment tal-GKN, li għandu jaħdem għall-benefiċċju tal-Libjani kollha u jwitti t-triq għall-paċi, l-istabbiltà, ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż;

N.  billi fil-25 ta' Jannar 2016 il-KtD tal-Libja (Tobruk) irrifjutat il-gvern ta' unità appoġġat min-NU, waqt li fl-istess ħin approvat il-Ftehim Politiku Libjan, li jipprovdi bażi għal transizzjoni politika fil-pajjiż;

O.  billi Libja sikura u politikament stabbli hija meħtieġa assolutament mhux biss għaċ-ċittadini Libjani, iżda anke għas-sigurtà tar-reġjun sħiħ u tal-Unjoni Ewropea;

1.  Jilqa' l-Ftehim Politiku Libjan appoġġat min-NU, li ġie ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015, jappoġġa bis-sħiħ lill-Kunsill Presidenzjali u jifraħ lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, is-Sur Martin Kobler, għall-ħidma kbira tiegħu;

2.  Jiddispjaċih li l-ewwel proposta għal gvern unifikat ġiet irrifjutata mill-KtD f'Tobruk; jistieden liż-żewġ korpi Libjani ewlenin japprovaw dan il-ftehim, li huwa pass fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan u li jissodisfa l-aspirazzjoni li tinqabad it-triq tal-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u li jiġu difiżi ċ-ċittadini Libjani kollha; iħeġġeġ lill-KtD f'Tobruk u lill-Presidenza tagħha juru spirtu ta' kompromess u jkomplu jiddiskutu l-lista tal-Kabinett bl-għan li jiġi approvat il-GKN kif previst fil-Ftehim Politiku Libjan;

3.  Se jirrikonoxxi u jappoġġa l-GKN li jkun iffurmat b'kunsens bejn il-partijiet Libjani bħala l-uniku gvern leġittimu tal-Libja; jissottolinja s-sjieda Libjana tal-proċess politiku u l-importanza li dan ikun inklużiv kontinwament, anke permezz tal-involviment kostruttiv tal-kunsilli tribali, il-parteċipazzjoni pożittiva tan-nisa u tas-soċjetà ċivili, u l-kontributi ta' benefiċċju tal-atturi politiċi u lokali favur l-emenda u l-adozzjoni f'waqthom ta' kostituzzjoni li tirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili;

4.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, lin-NU, lill-UE, lill-UA u lill-Istati Membri tal-Lega Għarbija jkunu lesti li jappoġġaw lil-Libjani fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-ftehim b'suċċess; jistenna li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet internazzjonali jkollhom kuntatti uffiċjali biss mal-partijiet li jaderixxu għall-Ftehim Politiku Libjan; jitlob lill-UE timponi sanzjonijiet immirati bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra individwi u organizzazzjonijiet li jibbojkottjaw il-Ftehim Politiku Libjan;

5.  Jiddispjaċih rigward il-gwerra li għaddejja bejn partijiet Sunni barranin; jistieden lill-atturi reġjonali ma jiħdux azzjonijiet li jistgħu jaggravaw diviżjonijiet u jimminaw it-transizzjoni lejn Libja stabbli, inklużiva u demokratika, u li jistgħu jiddestabilizzaw il-pajjiżi tal-viċinat; jonora l-impenn qawwi tiegħu favur is-sovranità, l-integrità territorjali, l-unità nazzjonali u transizzjoni demokratika tal-Libja;

6.  Jikkundanna l-attakki terroristiċi destabbilizzanti mid-Daesh kontra l-poplu Libjan, inklużi l-minoranzi, kif ukoll l-infrastrutturi taż-żejt f'al-Sidra u Ras Lanuf, u kwalunkwe tentattiv li jfixkel il-proċess ta' stabbilizzazzjoni fil-pajjiż; jappella għal koalizzjoni internazzjonali biex tindirizza l-preżenza li qed tikber tad-Daesh fil-Libja, li qed tiddestabilizza l-pajjiż u qed thedded mhux biss lill-pajjiżi tal-viċinat tas-Saħel u s-Saħara, iżda anke lill-UE;

7.  Jenfasizza li l-porożità tal-fruntieri Libjani u n-nuqqas ta' kontroll politiku ċentrali ffaċilitaw ħafna l-proliferazzjoni u t-traffikar tal-armi, kif ukoll il-moviment liberu ta' gruppi armati Libjani u barranin; huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi li l-kunflitt Libjan jista' jkollu, f'termini ta' sigurtà, għall-ġirien immedjati tagħha, b'mod partikolari l-Eġittu u t-Tuneżija, iżda anke l-Alġerija; jemmen li l-UE għandha tuża l-għodod tad-diplomazija u tal-politika barranija tagħha, fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u politiki oħra bħal dawk dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni, biex tinkoraġġixxi lil dawk il-pajjiżi fir-reġun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jinvolvu ruħhom b'mod pożittiv fil-proċess ta' transizzjoni fil-Libja;

8.  Jemmen li l-irkupru ekonomiku huwa pass importanti lejn it-transizzjoni demokratika tal-Libja; jappoġġa bis-sħiħ lill-awtoritajiet Libjani l-ġodda fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroristi biex jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa tal-poplu Libjan u tal-infrastrutturi ekonomiċi kritiċi;

9.  Ifakkar fir-rwol ċentrali tad-dimensjoni parlamentari fir-rigward ta' soluzzjoni politika għall-kriżi; jenfasizza li l-korpi tal-Parlament Ewropew u l-membri tiegħu jistgħu jaqsmu l-esperjenza istituzzjonali tagħhom ma' atturi Libjani sabiex jappoġġawhom fil-ħidma tagħhom favur djalogu politiku inklużiv;

10.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-destin tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati fil-Libja, li s-sitwazzjoni diġà insapportabbli tagħhom qed tkompli tiddeterjora; jappella għal involviment akbar tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR) fil-koordinazzjoni tal-isforzi tan-NU; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaffrontaw b'mod effikaċi l-flussi li qed jiżdiedu progressivament ta' migranti u rifuġjati mill-Afrika ta' Fuq, partikolarment mil-Libja; jistieden lill-awtoritajiet u l-milizzji Libjani jiżguraw aċċess estern għall-faċilitajiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari dawk għall-migranti;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li qed jikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri fil-Libja, biex jiffukaw l-appoġġ tagħhom fuq il-bini tal-istat u l-bini tal-istituzzjonijiet u, flimkien mal-Istati Membri, in-NU, in-NATO u s-sħab reġjonali, jgħinu fir-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-ħolqien, taħt il-kontroll tal-GKN, ta' armata nazzjonali u forzi tal-pulizija effikaċi li kapaċi jikkontrollaw it-territorju kollu tal-Libja u l-ilmijiet tagħha, u jiggarantixxu s-sigurtà tal-fruntieri tagħha; jenfasizza li l-UE għandha tagħti prijorità wkoll lill-għajnuna għar-rifoma tal-ordinament ġuridiku Libjan, kif ukoll lil oqsma oħra kruċjali għall-governanza demokratika;

12.  Jappoġġa l-operazzjoni EUNAVFOR MED Sophia fl-isforzi tagħha biex tittratta l-kriżi tal-migrazzjoni u l-kuntrabandisti li jisfruttaw il-migranti; ifakkar li s-suċċess ta' din l-operazzjoni huwa marbut b'mod dirett mas-sostenibbiltà tad-djalogu politiku fil-Libja u l-ħtieġa li jerġa' jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż; japella għal ftehim mal-GKN biex il-missjoni tal-UE tkun tista' twettaq operazzjonijiet meħtieġa fl-ilmijiet territorjali Libjani;

13.  Japprezza l-fatt li l-UE diġà għamlet pakkett ta' EUR 100 miljun disponibbli u lesta toffri appoġġ immedjat f'żoni li se jingħataw prijorità flimkien mal-GKN il-ġdid tal-Libja ladarba jiġi ffurmat; jistieden lill-UE u lin-NU jippjanaw għajnuna għall-bini tal-istat, għas-sigurtà u għaż-żamma ta' paċi, kif ukoll għat-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-kapaċitajiet ta' rispons għall-emerġenzi u d-diżastri, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

14.  Jistieden lill-Istati Membri ma jaġixxux individwalment iżda jappoġġaw lill-VP/RGħ fil-formulazzjoni ta' strateġija komprensiva, b'koordinazzjoni mal-UNSMIL u l-awtoritajiet Libjani, biex jappoġġaw it-transizzjoni u l-Gvern Libjan il-ġdid; jemmen li riforma tas-settur tas-sigurtà u programmi ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni huma prijorità għall-pajjiż, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jkunu lesti biex jipprovdu l-assistenza meħtieġa f'dawn l-oqsma jekk tintalab mill-gvern il-ġdid;

15.  Jenfasizza l-importanza li l-komunità internazzjonali żżid il-fondi umanitarji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-persuni li ntlaqtu serjament mill-kunflitt fil-Libja; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet umanitarji jivvalutaw aħjar is-sitwazzjoni u jtejbu r-rispons tagħhom għall-ħtiġijiet fil-post; jistieden lill-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom favur il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Unjoni għall-Mediterran, lil-Lega tal-Istati Għarab, lill-Kunsill tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

(1) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 114.
(2) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 192.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0028.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0010.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0272.

Avviż legali - Politika tal-privatezza