Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2016 dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) (2015/3013(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikol1 174 sa 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni" (CPR)),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tad-9 ta' Lulju 2015 – L-eżitu tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2015 dwar Ninvestu f’impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (COM(2015)0639),
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza f’diversi livelli,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) (O-000012/2016 – B8-0105/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika ta’ koeżjoni tal-UE fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni ta’ investiment li jkopri r-reġjuni kollha tal-UE, u hija opportunità biex jinħoloq proċess minn isfel għal fuq ta’ tkabbir sostenibbli, li jappoġġa l-ħolqien tal-impjiegi, l-intraprenditorjat u l-innovazzjoni fil-livell tal-ekonomiji lokali u reġjonali, ittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet iċ-ċittadini u joħloq solidarjetà u żvilupp akbar fir-reġjuni tal-UE;
B. billi l-politika ta’ koeżjoni, kif definit fit-TFUE, hija wkoll maħsuba biex tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni tagħhom, permezz ta’ strateġija inklużiva;
C. billi għall-ewwel darba (għall-perjodu 2014-2020), inħoloq qafas koerenti, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), li jistabbilixxi regoli komuni għall-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-Fondi ESI): il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimu u s-Sajd (FEMS);
D. billi l-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) introdott permezz tas-CPR qed jikkontribwixxi biex jiġu mmassimizzati l-impatt u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku u qed jippermetti li jseħħu sinerġiji, billi jgħaqqad il-fondi ESI ma’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE;
E. billi l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jiddikjara li minimu ta’ 5 % tar-riżorsi tal-FEŻR għandhom jiġu allokati biex jappoġġaw azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli fejn l-ibliet, il-korpi subreġjonali u lokali responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji urbani sostenibbli għandhom ikunu responsabbli għall-kompiti relatati tal-inqas mal-għażla ta’ operazzjonijiet;
F. billi fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2014-2020, l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u l-gruppi ta’ azzjoni lokali huma wkoll eliġibbli għal finanzjament permezz tal-FEŻR u l-FSE;
G. billi l-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli, kif imniżżla fl-Artikolu 5 tas-CPR, huma fost il-prinċipji ewlenin tal-Fondi SIE;
1. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-UE, filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati minn Stati Membri għal gruppi komunitarji; jemmen, barra minn hekk, li huwa ta’ vantaġġ għall-UE l-fatt li dawn l-awtoritajiet ikunu qrib taċ-ċittadini kif ukoll il-fatt li teżisti diversità ta' governanza fil-livell lokali u reġjonali;
2. Huwa favur sinerġiji u komplimentarjetà bejn il-Fondi SIE u programmi oħra tal-UE, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe programmar mill-ġdid tal-Fondi ESI għandu jsir bi qbil mar-regoli CPR u li inizjattivi ġodda m’għandhomx idgħajfu l-qofol tal-Fondi SIE;
3. Jieħu nota tal-prinċipju ta’ sħubija msaħħa u l-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija, li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jipprovdu għal rekwiżiti minimi għall-involviment tagħhom fil-fażijiet kollha tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ programmi operattivi; jirrikonoxxi li, għalkemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali ġew ikkonsultati fil-maġġoranza tal-każijiet matul in-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi, l-involviment tagħhom ma laħaqx il-livell ta’ sħubija sħiħa; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri biex jikkonformaw bis-sħiħ ma’ dawn ir-rekwiżiti u jżidu l-isforzi biex jindirizzaw in-nuqqasijiet;
4. Jenfasizza li t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u l-indirizzar tad-dgħufijiet strutturali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali kemm għall-fażijiet ta’ programmar kif ukoll dawk tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi u biex tinkiseb rata ogħla ta’ assorbiment tal-Fondi SIE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li jiġi pprovdut sostenn għall-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-amministrazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tagħhom, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jwettqu rwol sinifikanti fil-politika ta’ koeżjoni, speċjalment fil-każ ta’ sottodelega tal-kompiti tal-implimentazzjoni lil livelli aktar baxxi ta’ amministrazzjoni, b’mod partikolari l-awtoritajiet urbani;
5. Jinnota li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija eżempju ta' gvernanza tajba f’diversi livelli b’approċċ minn isfel għal fuq, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, – li għandhom x’jaqsmu ma’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – joħolqu bilanċ bejn l-għan tal-Unjoni ta’ aktar koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-impatt territorjali tal-politiki tal-UE;
6. Jenfasizza l-importanza ta’ inizjattiva ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità, fejn l-awtoritajiet lokali huma sħab; jenfasizza li dan għandu jibqa’ approċċ minn isfel għal fuq, filwaqt li jistabbilixxi l-objettivi għal interventi relatati għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali;
7. Iqis li l-inizjattivi ta' investimenti territorjali integrati (ITI) u ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) jirrappreżentaw bidliet gradwali fil-kapaċità ta’ partijiet interessati lokali biex jiġu kkombinati flussi ta’ fondi u jiġu ppjanati inizjattivi lokali mmirati tajjeb;
8. Jemmen li l-governanza f’diversi livelli tappoġġa l-objettivi politiċi fundamentali tal-UE, bħalma huma t-tkabbir ekonomiku, il-progress soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, u li dan isaħħaħ id-dimensjoni demokratika tal-UE u jżid l-effiċjenza tal-azzjoni politika tagħha;
9. Jiġbed l-attenzjoni għal sfidi li qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħalma huma l-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija, il-flussi migratorji u żieda fl-urbanizzazzjoni, filwaqt li jitqies li kull reġjun għandu l-bżonnijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu;
10. Jinsab konvint li ż-żoni urbani għandhom rwol dejjem akbar fid-dinja tal-lum, u li l-politiki tal-UE għandhom rwol importanti biex jiġi stabbilit qafas tajjeb li fi ħdanu ż-żoni urbani Ewropej jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament FEŻR;
12. Jemmen li l-aġenda urbana tal-UE tista' ttejjeb l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u programmi, u b’hekk tiżgura li jkun hemm impatt aktar koerenti fuq il-bliet, kif ukoll appoġġ għalihom, filwaqt li tikkontribwixxi lejn il-kisba ta’ għanijiet komuni Ewropej u nazzjonali, fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jenfasizza l-importanza tal-Patt ta’ Amsterdam u tal-progress lejn l-objettivi li dan jipprova jilħaq; jinnota, madankollu, li l-isforzi biex jitneħħew l-ostakoli u l-inkonsistenzi għandhom ikunu applikati għal politiki tal-UE li jħallu impatt fuq żoni urbani u rurali;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tibni fuq inizjattivi preċedenti u li għadhom għaddejjin, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi, sabiex tidentifika miżuri biex issaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operattivi;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.