Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2256(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0017/2016

Testi mressqa :

A8-0017/2016

Dibattiti :

PV 24/02/2016 - 14
CRE 24/02/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 25/02/2016 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0060

Testi adottati
PDF 384kWORD 120k
Il-Ħamis, 25 ta' Frar 2016 - Brussell
Il-governanza tas-Suq Uniku fl-ambitu tas-Semestru Ewropew 2016
P8_TA(2016)0060A8-0017/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fl-ambitu tas-Semestru Ewropew 2016 (2015/2256(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014(3), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-28 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku(5), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-8 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro (COM(2015)0601),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 – Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza (COM(2015)0690),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-isfidi li għandhom quddiemhom l-Istati Membri fir-rigward tal-investiment (SWD(2015)0400),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika ta' Bruegel ta' Novembru 2015 bit-titolu "The Limitations of Policy Coordination in the Euro Area under the European Semester" (Il-limitazzjonijiet tal-koordinazzjoni tal-politika fiż-żona tal-euro fil-qafas tas-Semestru Ewropew),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' kull tliet xhur dwar iż-żona tal-euro (QREA), Vol 14, Nru 2,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Settembru 2014 bit-titolu "The Cost of Non-Europe in the Single Market" (il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550) u r-rapport bit-titolu "Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States" (L-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192);

–  wara li kkunsidra l-edizzjoni tal-2015 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern online,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi (COM(2012)0261), kif aġġornata f'Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0017/2016),

A.  billi l-UE qed tiffaċċja diversi sfidi kemm fuq livell globali u kemm fuq livell domestiku, bħalma huma tkabbir batut, livelli għoljin ta' qgħad u, b'mod partikolari, kompetizzjoni internazzjonali qawwija;

B.  billi s-Semestru Ewropew għandu l-għan li jżid il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali fost l-UE 28 sabiex tiżdied l-istabbiltà, jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi u tissaħħaħ il-kompetittività;

C.  billi huwa kruċjali li jiġu sfruttati s-soluzzjonijiet kollha possibbli biex tingħata spinta lill-ekonomija u l-kompetittività tal-UE;

D.  billi s-Suq Uniku huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE u hu fost l-akbar kisbiet tagħha; billi s-Semestru Ewropew, biex tassew irawwem it-tkabbir ekonomiku u jistabbilizza l-ekonomiji, jeħtieġ jinkludi wkoll is-Suq Uniku u l-politiki mmirati għall-kompletar tiegħu;

E.  billi Suq Uniku inklużiv, b'governanza msaħħa li tiffavorixxi regolamentazzjoni u kompetizzjoni aħjar, huwa strument kruċjali biex tingħata spinta lill-investiment, l-impjiegi u l-kompetittività u tiġi ppreservata l-fiduċja tas-settur kummerċjali u tal-konsumaturi;

F.  billi l-bidliet teknoloġiċi, komportamentali u dawk marbuta mas-soċjetà għandhom impatt sinifikanti fuq in-negozju u fuq l-imġiba tal-konsumaturi, u dan joħloq ħafna opportunitajiet u sfidi ekonomiċi li l-qafas tas-Suq Uniku jeħtieġ jindirizza;

G.  billi, qabelxejn, hija l-konformità mar-regoli eżistenti fi ħdan is-Semestru Ewropew u s-Suq Uniku li se tkun tista' tipprovdi viżjoni konkreta dwar l-adegwatezza jew in-nuqqasijiet tar-regoli attwali;

Is-Suq Uniku bħala għodda importanti biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE u jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir

1.  Itenni li s-Suq Uniku huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE; jenfasizza li s-Semestru Ewropew, biex tassew irawwem it-tkabbir ekonomiku u jistabbilizza l-ekonomiji tal-Istati Membri, jeħtieġ jinkludi wkoll is-Suq Uniku u l-politiki mmirati għall-kompletar tiegħu;

2.  Jenfasizza li s-Suq Uniku huwa s-sinsla tal-ekonomiji tal-Istati Membri u tal-proġett ta' integrazzjoni Ewropea kollu kemm hu; jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi tas-Suq Uniku, bħalma huma l-istandardizzazzjoni tal-prodotti u l-integrazzjoni tas-suq, l-ekonomiji ta' skala, kompetizzjoni aktar b'saħħitha u kundizzjonijiet ekwi għal 500 miljun konsumatur fit-28 Stat Membru, vantaġġi li b'mod partikolari jippermettu lill-konsumaturi jibbenefikaw minn għażla akbar ta' prodotti u servizzi, kwalità aħjar u prezzijiet aktar baxxi;

3.  Jenfasizza l-importanza li jsir progress fis-Suq Uniku sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku strutturali u sostenibbli sabiex nattiraw u nrawmu l-investiment, fil-kuntest ta' regoli dwar it-trasparenza u l-effiċjenza, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-benessri fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ sistematiku tal-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs), b'mod partikolari f'dawk il-każijiet fejn dawn ir-regoli jagħtu kontribut sinifikanti għar-riformi strutturali;

4.  Jemmen li jeħtieġ jiġi ffaċilitat ambjent adegwat għall-inizjattiva ekonomika u għall-iżvilupp tan-negozji li jħeġġeġ il-kompetittività u l-kooperazzjoni fost l-SMEs, u b'hekk jiġi sfruttat il-potenzjal industrijali tal-innovazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija;

5.  Jinnota l-ħidma li saret dan l-aħħar mis-servizzi tal-Kummissjoni b'rabta mal-identifikazzjoni u l-immappjar tal-isfidi għall-investiment u t-tfassil ta' profili ta' investiment speċifiċi għall-pajjiżi;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew għall-2011-2014 kien aktar baxx minn kemm kien mistenni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi mekkaniżmu li jħeġġeġ lill-pajjiżi jimplimentaw is-CSRs;

7.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ssimplifikat il-proċess il-ġdid tas-Semestru Ewropew u jifhem li l-għadd ta' CSRs naqas sabiex jiġu proposti rakkomandazzjonijiet aktar iffukati fuq il-prijoritajiet tal-pajjiżi; jinnota li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jagħti aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet marbuta mas-Suq Uniku milli lis-CSRs;

8.  Itenni l-appell tiegħu biex fis-Semestru Ewropew jiddaħħal il-pilastru tas-Suq Uniku, b'sistema ta' monitoraġġ regolari, identifikazzjoni tal-ostakli speċifiċi għall-pajjiżi fir-rigward tas-Suq Uniku u evalwazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku kif ukoll tal-kompetittività ffukata fuq sett ta' oqsma prijoritarji fejn l-azzjoni tiġġenera l-akbar impatt f'termini ta' tkabbir u impjiegi, inkluż l-iżvilupp sostenibbli tan-negozji – li jinkludi wkoll lill-SMEs; iqis li s-sistema għandha tinkludi database ta' informazzjoni robusta, sett ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi mmirati biex ikejlu fost l-oħrajn l-effetti ekonomiċi tal-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku, valutazzjoni komparattiva, evalwazzjoni bejn il-pari u skambju tal-aħjar prattiki;

9.  Jilqa' r-rapport tal-2015 dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jinnota li dan ir-rapport, li jieħu post kemm ir-Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku li qabel kien jiġi anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u kemm ir-rapport dwar il-qagħda tal-industrija Ewropea, ġie ppubblikat bħala dokument li jakkumpanja l-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku, minflok ma ġie anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kif kien isir qabel; jitlob li r-rapport jiġi żviluppat ulterjorment u li jsir parti mill-pilastru tal-governanza tas-Suq Uniku u l-bażi għal evalwazzjoni annwali tal-progress fis-Suq Uniku; iqis li r-rapport għandu jiddaħħal fit-taqsima speċifika dwar is-Suq Uniku fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, fis-CSRs u fid-djalogu strutturat regolari dwar il-konformità magħmul mal-Istati Membri fir-rigward tas-Suq Uniku;

10.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tanalizza ulterjorment l-isfidi speċifiċi għall-pajjiżi fir-rigward tal-investiment, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-Rapporti tal-Pajjiżi u permezz ta' diskussjonijiet tematiċi fil-Kunsill;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-isfidi identifikati fir-rigward tal-investiment huma relatati mal-funzjonament tas-Suq Uniku u mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda s-Suq Uniku; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod rigoruż il-mod kif l-Istati Membri komplew jaħdmu fuq l-isfidi u l-ostakli identifikati fir-rigward tal-investiment, tipparteċipa fi djalogu strutturat regolari dwar il-konformità mal-Istati Membri u tuża s-setgħat tagħha u tieħu azzjoni fejn xieraq sabiex tneħħi ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati għas-Suq Uniku;

12.  Jenfasizza li kwalunkwe proċess ta' rieżami tas-Semestru Ewropew jeħtieġ jippermetti l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, mhux biss biex jiżdied is-sens ta' appartenenza fil-konfront tas-Semestru Ewropew iżda wkoll biex jiżdied il-livell ta' implimentazzjoni tas-CSRs;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ inklużiv u trasparenti li jiġġenera riformi rilevanti u meħtieġa permezz tas-Semestru Ewropew;

Il-potenzjal mhux sfruttat tas-Suq Uniku

14.  Ifakkar fil-bżonn li jitwettqu riformi ekonomiċi u soċjali adatti u ġusti, kif ukoll li jiġu indirizzati l-burokrazija żejda u l-protezzjoniżmu, sabiex jitjiebu l-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

15.  Jenfasizza li għalkemm fis-Suq Uniku m'hemmx ostakli tariffarji diretti, jeżistu għadd kbir ta' ostakli nontariffarji varji; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jagħtu bidu għal dibattitu kostruttiv dwar din il-kwistjoni sabiex jingħelbu l-ostakli nontariffarji fl-UE;

16.  Jiddeplora l-fatt li f'diversi Stati Membri hemm nuqqasijiet sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tkopri attivitajiet li jirrappreżentaw aktar minn 45 % tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE, fost l-oħrajn minħabba għadd sostanzjali ta' regoli u regolamenti nazzjonali li mhux dejjem ikunu fl-interess pubbliku; jiddispjaċih ukoll li l-proċedura ta' notifika mhux dejjem tiġi rispettata;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, li tipproponi sistema aħjar ta' rikonoxximent tal-kwalifiki li tiffavorixxi l-mobilità tal-ħaddiema; jinnota li r-regolamentazzjoni ta' professjonijiet regolati, kif ukoll ir-riżervi li jillimitaw l-eżerċizzju ta' ċerti attivitajiet, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor;

18.  Jilqa' favorevolment l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra inizjattiva għal passaport tas-servizzi u formola ta' notifika armonizzata, bil-kundizzjoni li din l-inizjattiva twassal għal trasparenza akbar fir-rigward tas-setgħat tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali u għal tnaqqis fil-burokrazija u l-piżijiet amministrattivi; jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva bħal din m'għandhiex twassal għall-introduzzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini; josserva, madankollu, li jkun xieraq li jingħata aktar dettall dwar il-punti prinċipali ta' din il-proposta; iqis il-passaport tas-servizzi bħala soluzzjoni temporanja maħsuba biex tintuża matul it-tranżizzjoni lejn Suq Uniku integrat għalkollox;

19.  Jenfasizza li s-suq tal-akkwist pubbliku jirrappreżenta porzjon sostanzjali tas-Suq Uniku kollu kemm hu u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir tal-Istati Membri u tan-negozji, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja t-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist fis-settur pubbliku, il-kompetizzjoni transkonfinali u t-titjib fl-użu tar-riżorsi pubbliċi, anke permezz ta' standards soċjali u ambjentali;

20.  Ifakkar li, fl-2014, l-UE adottat riforma kbira tal-qafas tal-akkwist tal-UE, li permezz tagħha ssimplifikat il-proċeduri, għamlet ir-regoli aktar flessibbli u adattathom biex tintegrahom aħjar ma' politiki oħrajn tas-settur pubbliku;

21.  Jirrimarka li fl-Istati Membri għad hemm ineffiċjenzi sinifikanti fl-akkwist pubbliku li jillimitaw l-espansjoni u t-tkabbir transkonfinali fis-swieq domestiċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni xierqa u f'waqthom tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet min-naħa tal-Istati Membri; jemmen li l-implimentazzjoni korretta tal-proċedura tar-rimedji tal-2007 tiżgura li l-akkwist pubbliku jkun aktar effiċjenti, effikaċi u trasparenti.

22.  Jilqa' t-tieni programm dwar is-Soluzzjonijiet ta' Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA²), li beda fl-1 ta' Jannar 2016 u li se jappoġġja l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali interoperabbli, disponibbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini interessati kollha fl-Ewropa, mingħajr ħlas;

23.  Jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu mifrux tal-amministrazzjoni elettronika fl-Istati Membri se jservu bħala għodda fundamentali li tagħmilha aktar faċli għall-imprendituri biex joperaw fis-Suq Uniku u għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta ma' dan ta' hawn fuq, timpenja ruħha għall-iżvilupp tal-amministrazzjoni elettronika bħala prijorità ewlenija u urġenti;

24.  Jenfasizza li s-settur privat huwa mutur kruċjali għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jirrimarka li r-regolamenti u l-prattiki nazzjonali individwali, flimkien ma' implimentazzjoni inadegwata tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, jistgħu jirriżultaw f'ostakli u piżijiet bla bżonn u dannużi għall-imprendituri u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni xierqa u infurzar aħjar tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u strumenti kosteffiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu identifikati s-setturi u s-swieq fejn l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku hija insuffiċjenti jew problematika;

26.  Huwa tal-parir li t-tisħiħ tar-rwol tal-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott eżistenti bħala punti ta' aċċess uniku għall-operaturi ekonomiċi dwar kwistjonijiet relatati mas-Suq Uniku jgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-komprensjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli;

27.  Jenfasizza li kundizzjonijiet aħjar għat-trawwim ta' negozji ġodda u SMEs jistgħu jirriżultaw f'innovazzjoni aktar attiva u ħolqien ta' impjiegi, minbarra li jiġġeneraw tkabbir sostenibbli; ifakkar li għad hemm ħafna ostakli, xi wħud minnhom burokratiċi, li jfixklu l-iżvilupp tal-SMEs internament u internazzjonalment; jappella biex jiġu identifikati u eliminati l-ostakli li jimpedixxu t-tkabbir domestiku u internazzjonali;

28.  Jenfasizza li, wara l-kriżi finanzjarja, l-intensità tal-akkumulazzjoni kapitali tanġibbli u intanġibbli kienet aktar baxxa fl-UE milli fit-territorju tal-kompetituri tagħha, fatt li huwa ta' detriment għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jenfasizza li l-investiment, inkluż fil-qasam tal-ICT, huwa ta' importanza kbira sabiex jerġa' jkun hemm produttività u tkabbir fit-tul fl-UE; huwa tal-fehma li sabiex tinqaleb din ix-xejra negattiva, jeħtieġ jissaħħaħ is-Suq Uniku u jitnaqqsu l-ostakli għall-investiment; jesiġi li l-investiment ikun immirat lejn il-finanzjament tal-ekonomija reali u li jkomplu jittieħdu miżuri kontinwi sabiex jintlaħaq dak il-għan;

29.  Jappella biex jitneħħew minnufih ir-restrizzjonijiet territorjali mhux ġustifikati – l-hekk imsejjaħ "imblukkar ġeografiku" (geo-blocking), b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, u b'hekk tintemm id-diskriminazzjoni mhux ġustifikata fl-aċċess għal prodotti u servizzi kif ukoll id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet ibbażata fuq il-post ġeografiku jew iċ-ċittadinanza;

30.  Jappella biex is-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni tissaħħaħ ħalli l-ħidma tinbeda malajr kemm jista' jkun sabiex jiżdied l-appoġġ favur il-politiki tal-UE fl-innovazzjoni diġitali, tiżdied iċ-ċibersigurtà u titjieb l-interoperabbiltà;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw ir-regoli tas-Suq Uniku b'mod xieraq u f'waqtu; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tas-CSRs – inklużi r-riformi fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi nazzjonali – sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tkabbir tal-Istati Membri;

32.  Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, billi jipprovdu aktar servizzi diġitali li jkunu aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji, u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transkonfinali u l-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

Is-Suq Uniku fis-seklu 21

33.  Jenfasizza li l-kunċett tal-ekonomija moderna qed jinbidel b'pass mgħaġġel minħabba l-avvanzi diġitali u teknoloġiċi, kompetizzjoni internazzjonali aktar intensa u t-tibdil fix-xejriet komportamentali tal-atturi ekonomiċi u tal-konsumaturi;

34.  Jirrimarka l-fatt li l-linja bejn il-prodotti u s-servizzi qed issir dejjem aktar imċajpra; jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servizzi relatati man-negozju u s-sistemi bi prodotti u servizzi integrati; jemmen li l-oqfsa regolatorji tas-Suq Uniku jeħtieġ iħaddnu dawn l-iżviluppi evoluttivi;

35.  Jilqa' l-mudelli kummerċjali ġodda tal-ekonomija kollaborattiva u jirrikonoxxi l-potenzjal innovattiv enormi li għandhom u li għandu jiġi sfruttat f'konformità mal-istandards eżistenti mil-lat ġuridiku u tal-ħarsien tal-konsumaturi kif ukoll ma' kundizzjonijiet kompetittivi ekwi; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sabiex l-ekonomija kollaborattiva tiżviluppa u tirnexxi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ strateġiku li jippermetti li n-negozji tal-ekonomija kollaborattiva jikkompetu ma' negozji tradizzjonali f'ambjent ġust;

36.  Jirrimarka li x-xejriet tal-investiment min-naħa tan-negozji raw bidla sinifikanti, b'żieda fid-daqs u l-importanza tal-infiq f'assi intanġibbli meta mqabbla mal-investiment f'assi tanġibbli; jenfasizza li, b'rabta ma' assi intanġibbli, 17 % biss tal-investiment tad-ditti jmur favur ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam xjentifiku; jistieden lil dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika jaħdmu favur it-tneħħija tal-ostakli regolatorji li jimpedixxu t-twettiq tal-potenzjal sħiħ ta' din il-lieva ta' innovazzjoni ġdida;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija tas-Suq Uniku, li tiddeskrivi kif diversi azzjonijiet tal-Kummissjoni (l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, eċċ.) huma ffukati fuq għan prinċipali – l-isfruttament tal-potenzjal tas-Suq Uniku tal-UE; jenfasizza li l-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku tgħid li s-Suq Uniku għandu jitqies iżjed fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

38.  Jilqa' l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bħala l-approċċ it-tajjeb biex l-UE tadatta ruħha għall-era diġitali; jappella biex din l-istrateġija tiġi introdotta u implimentata malajr biex ikun żgurat li l-UE tirkupra ż-żmien li tilfet preċedentement meta l-adozzjoni u l-użu tat-teknoloġiji diġitali kienu batuti; iqis li dan jeħtieġ allokazzjoni ta' fondi nazzjonali u tal-UE sabiex tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali; jinnota wkoll l-importanza tal-appoġġ favur l-innovazzjoni diġitali u t-titjib fl-interoperabbiltà, u li kwistjonijiet ta' sigurtà ċibernetika għandhom jingħataw attenzjoni partikolari;

39.  Jenfasizza li servizzi ta' twassil tal-pakketti aċċessibbli, effiċjenti, ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli jikkostitwixxu rekwiżit preliminari essenzjali għal kummerċ elettroniku transkonfinali li jirnexxi, għall-benefiċċju – b'mod partikolari – tal-SMEs u l-konsumaturi;

40.  Ifakkar li l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fil-prodotti u s-servizzi hija kważi dejjem ibbażata fuq id-data, u li l-interoperabbiltà hija l-"kolla" li ttejjeb il-konnessjoni tul il-katina tal-provvista u tiżgura komunikazzjoni effikaċi bejn il-komponenti diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tibda l-aġġornament tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà malajr kemm jista' jkun, flimkien ma' pjan ta' standardizzazzjoni integrat li jidentifika u jiddefinixxi l-prijoritajiet ewlenin;

41.  Jenfasizza li l-investimenti privati u pubbliċi f'netwerks ta' komunikazzjoni veloċi u ultraveloċi huma rekwiżit għal kwalunkwe progress diġitali, u jridu jiġu inċentivati permezz ta' qafas regolatorju stabbli tal-UE sabiex l-atturi kollha jkunu jistgħu jagħmlu investimenti anke f'żoni rurali u remoti;

42.  Jenfasizza l-importanza li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiġi implimentat b'suċċess sabiex l-investimenti jiġu massimizzati u l-kumpaniji innovattivi jingħataw appoġġ fl-istadji differenti tal-finanzjament tal-iżvilupp tagħhom; jenfasizza l-importanza li, f'każ ta' falliment tas-suq, jiġu sfruttati bis-sħiħ il-fondi pubbliċi li diġà huma disponibbli għal investimenti diġitali, u li jingħata lok għal sinerġiji bejn programmi tal-UE bħalma huma Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u fondi strutturali rilevanti u strumenti oħrajn;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-istrateġija tal-broadband attwali għal netwerks mobbli u fissi, kif ukoll il-miri tagħha, humiex adegwati għall-esiġenzi tal-futur u jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal konnettività għolja għal kulħadd – sabiex tiġi evitata l-qasma diġitali – u għall-ħtiġijiet tal-ekonomija bbażata fuq id-data kif ukoll it-tixrid rapidu tal-5G;

44.  Jenfasizza li l-UE għandha tibni l-vantaġġ kompetittiv tagħha billi toħloq art fertili perfetta għat-twelid ta' kumpaniji innovattivi, li jeħtieġ politika industrijali moderna u infrastruttura aktar integrata li tqiegħed fuq quddiem l-adozzjoni tat-teknoloġija u ambjent regolatorju li jiffavorixxi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija; jappella biex kwalunkwe qafas diġitali propost fil-futur ikun inklużiv, aċċessibbli u jiżgura livell għoli ta' ħarsien għall-konsumaturi;

Il-governanza tas-Suq Uniku

45.  Jenfasizza li, sabiex ikun hemm governanza u sens ta' appartenenza aktar b'saħħithom fil-livelli kollha fejn jidħol is-Suq Uniku, hemm bżonn kjarifika fit-tqassim tal-kompiti bejn dawk il-livelli u oqfsa li jagħtu inċentivi aħjar u responsabbiltà ċara għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tas-Suq Uniku biex jingħata impetu ġdid lis-Suq Uniku;

46.  Jinnota li s-sens ta' appartenenza fuq ħafna livelli fir-rigward tal-governanza effikaċi tas-Suq Uniku jista' jintlaħaq b'suċċess permezz ta' regolamentazzjoni aħjar, minn naħa, u kultura ta' infurzar regolatorju usa', min-naħa l-oħra; jappella biex jiġi żviluppat il-kapital uman, fost l-oħrajn abbażi ta' informazzjoni aktar aċċessibbli u taħriġ xieraq biex jogħlew il-livelli ta' għarfien u ta' sensibilizzazzjoni;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli tas-Suq Uniku jiġu infurzati b'mod konsistenti min-naħa tal-Istati Membri, billi tuża l-informazzjoni disponibbli, id-data u l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, u timponi l-konsegwenzi previsti mit-Trattati f'każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jirrispettaw il-politiki u l-liġijiet tal-UE;

48.  Jirrimarka l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir tad-data u l-ħtieġa ta' sistema robusta u integrata; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, f'ħafna każijiet, l-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi tkun disponibbli f'lingwa waħda biss u dan ma jippermettix lill-partijiet interessati kollha jikkummentaw dwar kwistjonijiet u proposti importanti; iqis li d-data u l-evidenza għandhom jiġu kkunsidrati fit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi fundamentali għall-kompletar tas-Suq Uniku, għat-tnaqqis tad-distakk bejn l-Istati Membri u għat-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku, bħal fil-prijoritizzazzjoni għall-azzjoni u l-infurzar, fl-evalwazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività, u anke fi ħdan id-djalogu strutturat dwar il-konformità magħmul mal-Istati Membri;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rapport annwali dwar l-ostakli għas-Suq Uniku f'diversi Stati Membri u fl-UE kollha kemm hi u biex, fis-CSRs, toħroġ rakkomandazzjonijiet iffukati fuq it-tneħħija tagħhom; jenfasizza li s-Suq Uniku għandu jkollu rwol aktar importanti fis-CSRs;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-miżuri kollha disponibbli, inklużi l-proċeduri ta' ksur, meta jkun meħtieġ, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li tieħu l-proċedura ta' ksur meta jkun qed jiġi eżaminat u rimedjat ksur tar-regoli tas-Suq Uniku, u dwar l-għadd kbir ta' każijiet pendenti;

51.  Jinnota l-benefiċċji tas-SOLVIT; jitlob li s-SOLVIT jissaħħaħ, li jkun konness aħjar mas-servizzi tal-Kummissjoni, u li jkun integrat sew ma' proġetti u databases eżistenti bħaċ-CHAP u l-EU Pilot sabiex jinħolqu sinerġiji fl-informazzjoni u jkun hemm kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jitlob li l-Kummissjoni tibqa' ssegwi b'mod konsistenti l-każijiet mhux solvuti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-SOLVIT jingħata l-appoġġ u l-għarfien espert meħtieġ sabiex ikun jista' jindirizza b'mod effiċjenti l-każijiet li jaslulu;

52.  Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet inkarigati mis-sorveljanza tas-suq fi ħdan is-Suq Uniku jeħtieġ jissaħħu, ikunu konnessi aħjar u jkunu mgħammra bil-persunal xieraq sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kompetizzjoni minn madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-sorveljanza tas-suq jikkooperaw aktar mill-qrib u jikkondividu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-forom differenti ta' kompetizzjoni inġusta fis-Suq Uniku, fosthom l-għadd kbir ta' prodotti illegali u mhux konformi li jiġġeneraw spejjeż għoljin għan-negozji li jirrispettaw ir-regoli kif ukoll riskji kbar għall-konsumaturi, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li qed jieħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jadotta l-Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq, li qed jipperikola s-sikurezza tal-prodotti fl-UE; jistieden lill-Kunsill jadottah minnufih;

53.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Portal Diġitali Uniku bħala portal ċentrali aċċessibbli li jirrazzjonalizza u jissimplifika l-aċċess għall-informazzjoni u jippromwovi l-pjattaformi eżistenti ddedikati għall-utenti; jenfasizza r-rwol tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali fil-promozzjoni ta' dawn il-pjattaformi, billi jagħmluhom aċċessibbli u jedukaw lill-utenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ u tissimplifika l-għodod online tas-Suq Uniku;

54.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u tal-inizjattiva REFIT, kif ukoll il-ħtieġa ta' sigurtà u prevedibbiltà mil-lat regolatorju, fit-tfassal ta' inizjattivi leġiżlattivi ġodda; jenfasizza li l-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar m'għandux jippreġudika d-dritt tal-UE u tal-Istati Membri li jilleġiżlaw f'oqsma kritiċi għall-interess pubbliku bħas-saħħa u l-ambjent;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0067.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0069.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0130.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0038.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0054.

Avviż legali - Politika tal-privatezza