Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2568(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0318/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.8

Testi adottati :

P8_TA(2016)0090

Testi adottati
PDF 299kWORD 114k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2016 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fl-Eritrea
P8_TA(2016)0090RC-B8-0318/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea (2016/2568(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eritrea, b'mod partikulari dawk tas-7 ta' Frar 2002(1), tat-18 ta' Novembru 2004(2) u tal-15 ta' Settembru 2011(3) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inkluż il-każ ta' Dawit Isaak,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 751 (1992), Nru 1882 (2009), Nru 1907 (2009), Nru 2023 (2011) u Nru 2244 (2015), li estendew l-embargo tal-armi impost fuq l-Eritrea sal-15 ta' Novembru 2016, u r-rapport tad-19 ta' Ottubru 2015 tal-Grupp ta' Monitoraġġ dwar is-Somalja u l-Eritrea,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Ġunju 2015 mir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, Sheila B. Keetharuth,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (il-Ftehim ta' Cotonou), kif rivedut fl-2005 u fl-2010, li l-Eritrea hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/127/PESK tal-1 ta' Marzu 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Eritrea(4), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/414/PESK tas-26 ta' Lulju 2010(5) u emendata ulterjorment bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/632/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Skrutinju A tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Settembru 2014 mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-priġunieri politiċi fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-SEAE dwar is-Sħubija bejn l-Eritrea u l-Unjoni Ewropea tal-2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Pajjiż ta' Ġunju 2014 tal-UN Women , li jirrigwarda l-Gvern tal-Istat tal-Eritrea,

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Eritrea taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp tat-3 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija lill-midja li saret mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea fit-8 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Novembru 2011 u tal-25 ta' Ġunju 2013 tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tas-27 ta' Mejju 2015 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE lill-Eritrea, fid-dawl ta' abbużi dokumentati tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eritrea adottata fl-1997, li tiggarantixxi l-libertajiet ċivili inkluża l-libertà ta' reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol Nru 29 dwar ix-xogħol furzat, Nru 105 dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat u Nru 87 dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt ta' organizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE ilha tappoġġja lill-Eritrea mindu ħadet l-indipendenza mill-Etjopja fl-1993; billi l-wegħda inizjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt wara l-indipendenza tal-pajjiż inżammet lura mill-Gvern tal-Eritrea, bl-iskuża tad-difiża nazzjonali u s-servizz nazzjonali; billi l-elezzjonijiet presidenzjali ppjanati għall-1997 ma seħħew qatt, u billi l-kostituzzjoni rratifikata fl-istess sena qatt ma ġiet implimentata; billi l-elezzjonijiet reġjonali tal-2009 għad iridu jsiru; billi anke qabel ma xoljiet l-Assemblea Nazzjonali fl-2002, il-liġijiet kienu jgħaddu b'digriet tal-gvern;

B.  billi l-indipendenza tal-Eritrea mill-Etjopja fl-1993 ħolqot aspettattivi fi ħdan il-komunità internazzjonali, kif ukoll fost il-poplu tal-Eritrea, li din kienet se tgħin lil dan tal-aħħar jibni pajjiż li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u ħieles mir-repressjoni; billi dan ma seħħx, iżda minflok kien hemm saħansitra aktar repressjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU nnota li l-Eritrea għandha wieħed mill-agħar rekords tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, bi ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem li jseħħ kuljum, u li ma ġie rreġistrat l-ebda titjib f'dawn l-aħħar snin; billi bosta żgħażagħ ħarbu mill-pajjiż biex jeħilsu mill-gvern repressiv u mil-lieva militari obbligatorja, li spiss tibda minn età żgħira ħafna, u billi l-istatut ta' perjodu ta' 18-il xahar servizz spiss jinkiser, b'tali mod li l-biċċa l-kbira tal-Eritreani jservu b'mod indefinit, u billi din il-lieva militari obbligatorja estiża timpedixxi t-tkabbir ekonomoku potenzjali tal-pajjiż; billi kwalunkwe żieda fis-salarji tas-servizz nazzjonali ma tfisser xejn peress li l-iżvalutazzjoni reċenti tan-nakfa u r-restrizzjonijiet bankarji wasslu għan-nuqqasijiet attwali fil-pajjiż; billi ħafna suldati tal-lieva jintużaw fix-xogħol furzat jew jingħataw dmirijiet ċivili; billi l-parti l-kbira ta' dawk fis-servizz nazzjonali jibqgħu f'sitwazzjoni ta' skjavitù, fejn kull xogħol, applikazzjoni għal xogħol kif ukoll il-possibbiltà li wieħed ikollu ħajja tal-familja huma kkontrollati; billi l-libertà ta' qima reliġjuża u ta' kuxjenza, il-libertà tal-midja u l-libertà ta' espressjoni mhumiex garantiti;

D.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea sabet li l-ksur fl-oqsma tal-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, it-tortura (inkluża t-tortura u l-iskjavitù sesswali), is-servizz nazzjonali bħala forma ta' skjavitù, ix-xogħol furzat u l-politika ta' "spara biex toqtol" fil-fruntiera jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

E.  billi Human Rights Watch tenfasizza li ma hemm l-ebda libertà ta' reliġjon fl-Eritrea; billi l-gvern jippersegwita strettament lil dawk iċ-ċittadini li jipprattikaw reliġjonijiet oħra barra l-erbgħa li jirrikonoxxi; billi anke fil-każ ta' reliġjonijiet rikonoxxuti, il-gvern xorta waħda jindaħal fil-prattika reliġjuża tan-nies;

F.  billi l-attivitajiet omosesswali huma illegali fl-Eritrea, u l-gvern jirrifjuta li jimplimenta leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li tipproteġi lil persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI);

G.  billi d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa huma preżenti fl-oqsma kollha tas-soċjetà tal-Eritrea; billi n-nisa mhux biss huma f'riskju estrem ta' vjolenza sesswali fi ħdan l-armata u f'kampijiet ta' taħriġ militari, iżda anke fis-soċjetà ġenerali, fejn il-vjolenza kontra n-nisa titwettaq f'ambjent ta' impunità; billi huwa stmat li 89 % tal-bniet fl-Eritrea saritilhom Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (MĠF); billi f'Marzu 2007 il-gvern ħareġ proklama li fiha ddikjara li l-MĠF hija delitt, ipprojbixxa l-prattika tagħha u sponsorja programmi edukattivi li jiskoraġġixxu l-prattika matul dik is-sena; billi n-nisa jistgħu jitilfu l-intitolament tagħhom għal kupuni tal-ikel u aċċess għall-art;

H.  billi għadd kbir ta' persuni Eritreani jiġu arrestati għal diversi raġunijiet mhux ġustifikabbli, bħal pereżempju talli esprimew fehmiet indipendenti, jew mingħajr ebda ġustifikazzjoni espliċita, u għaldaqstant għal perjodi ta' żmien mhux speċifikati; billi d-detenuti, inklużi t-tfal, jinżammu f'kundizzjonijiet estramament ħorox li f'xi każijiet jammontaw għal tortura u ċaħda ta' kura medika; billi d-detenuti nisa spiss jiġu mgħassa minn uffiċjali rġiel, u b'hekk dan iżid ir-riskju ta' vjolenza sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; billi skont l-Indiċi tal-Freedom House (ir-rapport tal-2015), l-Eritrea għadha kklassifikata fost l-iżjed ambjenti repressivi tal-midja u rċeviet l-aktar punteġġ baxx possibbli li kklassifikaha bħala ''l-agħar fost l-agħar'', u għandha l-inqas rati ta' aċċess għall-internet – 1 % biss – fid-dinja;

I.  billi d-dikjarazzjoni maħruġa fi Brussell fit-18 ta' Settembru 2014 mill-kelliem għas-SEAE esprimiet tħassib dwar id-detenzjoni ta' grupp ta' 11-il membru tal-parlament u membri eminenti tal-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja (FPDĠ) mit-18 ta' Settembru 2001, mingħajr akkuża, sentenza jew il-possibbiltà li jaraw avukat, u dwar id-detenzjoni illegali ta' 10 ġurnalisti indipendenti mit-23 ta' Settembru 2001, fosthom Dawit Isaak, ċittadin tal-Iżvezja u l-uniku priġunier ta' kuxjenza Ewropew; billi l-Patrijarka Abune Antonios għadu f'iżolament u taħt detenzjoni domiċiljari minn Jannar 2006;

J.  billi m'hemmx libertà tal-istampa, minħabba li l-midja indipendenti hija pprojbita fl-Eritrea, filwaqt li l-Indiċi Dinjija tal-Libertà tal-Istampa tal-Organizzazzjoni Reporters Without Borders ikklassifika lill-Eritrea fl-aħħar post fost il-170-180 pajjiż evalwat, u dan għal tmien snin konsekuttivi;

K.  billi skont ir-Rapport tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU tal-2015, l-Eritrea hija kklassifikata fil-182 post minn 188 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem għall-2015;

L.  billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea hemm tliet oqsma ewlenin ta' tħassib, li huma: it-tgawdija tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, inkluż id-dritt għal akkomodazzjoni adegwata; il-kuntrabandu u t-traffikar; u ż-żieda fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati li jagħmlu parti minn aktar minn 5 000 persuna li qed jaħarbu mill-pajjiż kull xahar;

M.  billi fis-26 ta' Ġunju 2015 mijiet ta' rifuġjati Eritreani pprotestaw quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Unjoni Afrikana, fejn talbu li l-organizzazzjoni reġjonali tagħmel pressjoni favur riformi demokratiċi f'pajjiżhom; billi dimostranti akkużaw lil Isaias Afewerki - li ilu żmien twil jokkupa l-kariga ta' President tal-Eritrea - li huwa dittatur, u ħeġġew lill-Unjoni Afrikana tieħu azzjoni;

N.  billi f'Novembru 2015 in-NU wissiet dwar nixfa serja fil-Qarn tal-Afrika, b'riżultat tal-evoluzzjoni attwali tal-El Niño; billi n-NU f'Diċembru 2015 iddikjarat li din in-nixfa hija l-akbar li qatt ġiet rreġistrata fir-reġjun, bl-għelejjel jonqsu b'bejn 50 % u 90 %; billi b'riżultat ta' dan, l-Eritrea hija wieħed mill-pajjiżi li se jiffaċċja l-isfida konsiderevoli li jiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel għall-popolazzjoni tiegħu;

O.  billi, f'kontradizzjoni totali mar-realtà tan-nixfa, il-President tal-Eritrea ċaħad il-biżgħat ta' kriżi tal-ikel, filwaqt li qal li l-pajjiż mhuwiex se jħabbat wiċċu ma' kriżi, minkejja produzzjoni agrikola mnaqqsa;

P.  billi l-UE hija donatur importanti lill-Eritrea f'termini ta' għajnuna għall-iżvilupp u assistenza;

Q.  billi l-Gvern Eritrean issospenda unilateralment l-għajnuna fl-2011 u ma jirrikonoxxix pubblikament il-kollaborazzjoni u s-sħubija tiegħu mal-UE; billi l-Eritrea ma tiffaċilitax il-possibilità li l-MPE jżuru l-Eritrea liberament u mingħajr kontrolli;

R.  billi t-telf tal-għajxien tagħhom iħeġġeġ lin-nisa u lit-tfal jaħarbu mill-pajjiż; billi fl-2015 l-Eritreani li ħarbu minn pajjiżhom kienu jikkostitwixxu r-raba' l-akbar numru ta' nies li ssugraw il-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa (wara s-Sirjani, l-Iraqini u l-Afgani), li jgħaddu minn taħt idejn traffikanti bla ħniena biex jagħmlu l-qsim perikoluż tal-Mediterran; billi għaldaqstant is-sitwazzjoni fl-Eritrea taffettwa direttament lill-Ewropa, billi kieku d-drittijiet tal-bniedem kellhom jiġu rispettati u miżmuma fil-pajjiż, u n-nies ikunu jistgħu jgħixu hemmhekk mingħajr biża', l-Eritreani kienu jkunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom;

S.  billi skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati ħarbu aktar minn 400 000 Eritrean, jew 9 % tal-popolazzjoni totali; billi l-UNHCR jikkalkula li madwar 5 000 Eritrean jitilqu mill-pajjiż kull xahar, u li fil-maġġorparti dan huwa minħabba l-persistenza ta' każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi fl-2015 f'69 % tal-każijiet ta' asil li jikkonċernaw l-Eritreani, ingħata l-istatus ta' rifuġjat fl-UE, filwaqt li 27 % oħra tal-applikanti rċevew protezzjoni sussidjarja, ċifri li juru l-gravità tal-persekuzzjoni fl-Eritrea;

T.  billi t-traffikar tal-bnedmin għar-riskatt akkumpanjat minn prattiki ta' tortura ħarxa fis-Sinaj huwa l-kaġun ta' bosta każijiet ta' qtil u ta' għajbien ta' rifuġjati Eritreani li ġew maħtufa, filwaqt li dawk li baqgħu ħajjin u li kienu severament ittrawmatizzati ma rċevew l-ebda kura jew appoġġ; billi teżisti impunità totali, filwaqt li dawk responsabbli għadhom ma tressqux quddiem il-ġustizzja; billi għandha tingħata attenzjoni partikulari lit-tfal mhux akkumpanjati li jisfaw vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, peress li dawn jeħtieġu assistenza u appoġġ speċifiċi minħabba s-sitwazzjoni tagħhom ta' vulnerabbiltà partikulari;

U.  billi fit-22 ta' Frar 2016 l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-ambitu tal-Programm tas-Settur tas-Sigurtà (SSP) nediet uffiċjalment f'Addis Ababa (l-Etjopja) rapport ta' studju intitolat "Human Smuggling and Trafficking on the Horn of Africa-Central Mediterranean Route" (Il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin tul ir-rotta mill-Qarn tal-Afrika għall-Mediterran Ċentrali);

V.  billi l-Eritrea hija favur il-Proċess ta' Khartoum (inizjattiva tal-UE u l-Unjoni Afrikana mnedija fit-28 ta' Novembru 2014 bl-għan li tindirizza l-kwistjoni tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin), li jinkludi l-implimentazzjoni ta' proġetti konkreti, inkluż il-bini tal-kapaċità għall-ġudikatura u s-sensibilizzazzjoni;

W.  billi l-UE inizjalment imponiet sanzjonijiet fuq l-Eritrea f'Marzu 2010 biex timplimenta r-Riżoluzzjoni Nru 1907 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u billi din kienet tinkludi embargo tal-armi, restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi relatati ma' persuni li jikkostitwixxu theddida għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

X.  billi l-UE għandha interess qawwi li tara lill-Eritrea stabbilizzata, peress li s-sitwazzjoni attwali qiegħda tisforza parti mdaqqsa mill-popolazzjoni biex taħrab, u eluf ta' persuni qed jitilfu ħajjithom b'riżultat ta' attivitajiet kriminali, inkluż id-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin;

Y.  billi r-reġim jestendi l-ħakma totalitarja tiegħu fuq id-dijaspora Eritreana, billi jikseb b'mod vjolenti fondi mill-membri tiegħu permezz ta' taxxa ta' 2 % fuq id-dħul barrani, jispjuna fuqhom u jimmira fuq membri tal-familja li baqgħu fl-Eritrea fuq il-bażi ta' perċezzjoni ta' għemil ħażin; billi fit-28 ta' Jannar 2016 il-Ministru tal-Iżvilupp Nazzjonali tal-Eritrea kif ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE ffirmaw il-Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN) taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) f'Asmara, b'valur ta' EUR 200 miljun għall-ħames snin li ġejjin; billi l-azzjonijiet għandhom jiffukaw fuq l-enerġija rinnovabbli, il-governanza u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b'mod partikulari fis-settur tal-enerġija;

Z.  billi fit-13 ta' Novembru 2015 il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament talab lill-Kummissjoni u lis-SEAE jqisu l-konklużjonijiet mibgħuta lill-Kumitat tal-FEŻ dwar l-abbozz tal-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-Eritrea, li rrefera għall-iskala u s-serjetà tal-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mir-reġim tal-Eritrea, in-nuqqas ta' affidabbiltà ta' dan ir-reġim bħala sieħeb fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-korruzzjoni mifruxa u n-nuqqas kważi totali ta' trasparenza fil-ġestjoni finanzjarja pubblika fil-pajjiż, u r-riskju tal-użu ħażin tal-fondi tal-FEŻ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni; billi l-Kumitat għall-Iżvilupp talab lill-Kumitat tal-FEŻ ma jadottax il-PIN sakemm isiru aktar diskussjonijiet; billi l-pożizzjoni tal-Parlament ġiet injorata;

AA.  billi l-FPDĠ stabbilixxa kontroll u sorveljanza fuq il-komunitajiet ta' rifuġjati u ta' diaspora permezz tal-ambaxxati, li huma involuti fl-estorsjoni fir-rigward ta' taxxi tad-dijaspora u kontribuzzjonijiet "volontarji" bi skambju għal servizzi, bħal karti tal-identità, passaporti, ċertifikati tat-twelid u dokumenti essenzjali li r-rifuġjati jaf ikunu jiddependu fuqhom; billi dawn il-prattiki jikkostitwixxu ksur tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi; billi l-mexxejja tal-organizzazzjoni taż-żgħażagħ tal-FPDĠ fin-Netherlands bdew kampanji legali kontra akkademiċi, midja u istituzzjonijiet governattivi Netherlandiżi, bl-appoġġ tal-mexxejja politiċi f'Asmara, preżumibbilment biex isikktu lil dawk li jikkritikaw ir-reġim; billi anke r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea kienet suġġetta għal theddid;

1.  Jinnota bi tħassib kbir li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għadha deplorabbli u li l-istat tad-dritt u l-libertà tal-midja fl-Eritrea ma jeżistux;

2.  Jenfasizza li l-indirizzar tad-defiċit ta' ġustizzja, governanza demokratika u r-ristawr tal-istat tad-dritt jeħtieġ jiġu pprijoritizzati billi tintemm it-tmexxija awtoritarja bil-biża' ta' detenzjoni arbitrarja u incommunicado, tortura u forom oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li wħud minnhom jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Eritrea jtemm is-sistema ta' servizz nazzjonali indefinit billi jiddemobilizza s-suldati tal-lieva li jkunu lestew it-18-il xahar ta' servizz obbligatorji u jtemm il-prattika li jinvolvi lis-suldati tal-lieva f'xogħol furzat wara dak il-perjodu, jipprevedi oġġezzjoni kuxjenzjuża, u jtemm il-prattika obbligatorja li l-istudenti kollha tal-iskola jqattgħu l-aħħar sena ta' skola tagħhom f'kamp ta' taħriġ militari; jitlob lill-gvern Eritrean jiżgura li ħadd ma jwettaq taħriġ militari qabel ma jagħlaq 18-il sena u li persuni ta' età ikbar mill-età normali tal-lieva ma jinqabdux biha; jinnota li l-awtoritajiet Eritreani fakkru, fi Frar 2016, li l-ftehim mal-UE ma kienx se jwassal għal xi riforma tal-politika dwar is-servizz militari tal-Eritrea;

4.  Jemmen li l-Kumitat tal-FEŻ missu qies ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp li l-PIN ma jiġix adottat u li jsiru diskussjonijiet ulterjuri; iqis li d-deċiżjoni li jiġi adottat il-PIN għall-Eritrea minkejja l-oppożizzjoni tal-Parlament turi defiċit demokratiku u ddgħajjef gravament ir-rwol tal-Parlament fl-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-għanijiet tal-iżvilupp tal-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Parlament jingħata setgħat ta' skrutinju fuq il-FEŻ permezz ta' ftehim interistituzzjonali vinkolanti taħt l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-konklużjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp dwar abbozzi ta' dokumenti ta' programmar għandhom jintbagħtu awtomatikament mill-Kummissjoni lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri;

5.  Jieħu nota tal-allokazzjoni ta' EUR 200 miljun tul il-ħames snin li ġejjin għall-PIN taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, sabiex ikun promoss tnaqqis fil-faqar u l-iżvilupp soċjoekonomiku, jiġu indirizzati l-kawżi ekonomiċi u politiċi fundametnali tal-migrazzjoni, u jiġu ffinanzjati proġetti relatati mal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u l-governanza ekonomika; ifakkar li dan il-pakkett jikkomplementa oqsma oħra ta' kooperazzjoni bħall-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-fondi allokati ma jitgawdewx mill-Gvern tal-Eritrea iżda jkunu assenjati strettament biex jinqdew il-ħtiġijiet tal-poplu tal-Eritrea għall-iżvilupp, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u s-sigurtà, u l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-għaqda; iħeġġeġ lill-UE tiżgura l-kundizzjonalità tal-għajnuna li ntlaħaq qbil dwarha reċentement, u wkoll tiżgura li l-PIN jappoġġa lill-Eritrea biex tagħmel bidla importanti fil-politika tagħha tal-enerġija sabiex din tkun aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment fiż-żoni rurali, li bħalissa għadhom mingħajr elettriku; jemmen, barra minn hekk, li l-komponent tal-PIN li jirrigwarda l-governanza għandu jiffoka ħafna fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali dwar id-drittijiet tal-bniedem immexxi min-NU;

7.  Ifakkar li l-minorenni mhux akkumpanjati huma l-ewwel u qabel kollox tfal li potenzjalment jinsabu fil-periklu, u li l-prinċipju fundamentali għall-Istati Membri u l-UE fir-rigward tal-minorenni mhux akkumpanjati għandu jkun il-protezzjoni tat-tfal aktar milli l-politiki tal-immigrazzjoni, biex b'hekk jiġi rispettat il-prinċipju ewlieni tal-aħjar interessi tat-tfal; ifakkar li, mingħajr eċċezzjoni, kull persuna taħt l-età ta' 18-il sena għandha titqies bħala tifel jew tifla u għaldaqstant bħala minorenni; jindika li l-minorenni mhux akkumpanjati, b'mod partikulari l-bniet, huma doppjament suxxettibbli għall-problemi u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom minorenni oħra;

8.  Jappella lill-komunità internazzjonali u lis-sħab għall-iżvilupp tal-Eritrea jintervjenu f'din is-sitwazzjoni u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern Eritrean biex jippermetti l-għajnuna barranija għall-appoġġ ta' komunitajiet vulnerabbli qabel ma l-kriżi tmur għall-agħar; iħeġġeġ lill-UE tieħu miżuri urġenti u effettivi sabiex tgħin lill-poplu Eritrean isaħħaħ ir-reżiljenza tiegħu għall-fenomenu klimatiku magħruf bħala El Niño sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għall-ilma u s-sanità;

9.  Jibqa' mħasseb sew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tal-Eritrea biex jeħilsu immedjatament u bla ebda kundizzjonjiet lill-membri parlamentari, ġurnalisti (inkluż iċ-ċittadin Żvediż Dawit Isaak, li ilha ma tinstema' aħbaru mill-2005), il-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex garanziji ċari min-naħa tal-Gvern tal-Eritrea li se jimplimenta riformi demokratiċi u jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mit-18-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Eżami Perjodiku Universali, li l-gvern Eritrean aċċetta fis-7 ta' Frar 2014; jitlob lill-gvern jippermetti aċċess għall-pajjiż lill-esperti indipendenti tan-NU u tal-Unjoni Afrikana, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU, u jippermetti lill-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Eritrea teżerċita l-mandat tagħha bis-sħiħ u jikkoopera magħha, anke rigward kwistjonijiet ta' finanzi pubbliċi;

11.  Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' vjolenza jew diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon;

12.  Jilqa' l-miżuri li ħa l-Gvern Eritrean fil-ġlieda kontra l-MĠF; jistieden lill-gvern isaħħaħ b'mod ġenerali l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, fost l-oħrajn billi jieħu miżuri ulterjuri biex jiġġieled prattiki dannużi bħaż-żwieġ tat-tfal, bikri u furzat, u jtemm l-impunità f'każijiet ta' vjolenza sesswali; jitlob lill-Gvern tal-Eritrea biex jirrispetta lill-unitajiet domestiċi mmexxija minn nisa weħidhom u jiżgura li dawn ikunu appoġġati u protetti;

13.  Jikkundanna l-użu mill-Gvern tal-Eritrea "tat-taxxa tad-dijaspora", li tinġabar permezz ta' estorsjoni u mezzi illegali oħra mingħand l-Eritreani li jinsabu barra minn pajjiżhom u tintuża, bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tan-NU, biex tiffinanzja gruppi armati f'pajjiżi ġirien u b'hekk tiddestabbilizza r-reġjun; Iħeġġeġ lill-gvern biex itemm il-politiki ta' "ħtija b'assoċjazzjoni" li jolqtu lill-qraba ta' dawk li jevadu s-servizz nazzjonali, ifittxu li jaħarbu mill-Eritrea jew jonqsu milli jħallsu t-taxxa fuq id-dħul ta' 2 % imposta mill-gvern fuq l-espatrijati tal-Eritrea;

14.  Jitlob li l-Eritrea tiffirma u timplimenta minnufih il-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li t-tnejn li huma jipprojbixxu t-tortura; jinnota bi tħassib li l-atturi pubbliċi u privati, inklużi l-kumpaniji, huma ristretti ħafna minħabba l-kontroll min-naħa tal-gvern; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' kwalunkwe ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inkluż in-nuqqas ta' baġit nazzjonali, jagħmel impossibbli l-kontroll baġitarju, u li l-funġibilità tar-riżorsi finanzjarji minħabba l-kontrolli tal-bank ċentrali min-naħa tal-gvern tista' tinkoraġġixxi x-xiri militari u b'hekk tikkontribwixxi għat-terroriżmu u d-destabbilizzazzjoni fir-reġjun;

15.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji internazzjonali kollha li jinvestu fl-Eritrea biex jaġixxu b'rispett tat-twettiq sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u biex ma jagħmlu l-ebda ħsara;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex jinvestigaw ir-rwol tal-FPDĠ u l-fergħat varji tiegħu, inkluża l-fergħa taż-żgħażagħ, u jipprojbixxu l-forom kollha ta' assoċjazzjoni u attività li b'mod dirett jappoġġaw eżerċizzji ta' kontroll u sorveljanza fl-Ewropa, jimminaw il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u joħolqu forom ta' intimidazzjoni u estorsjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu ħalli jtemmu t-taxxa tad-dijaspora u biex jinvestigaw it-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati ma' kwalunkwe "kontribuzzjoni" magħmula minn assoċjazzjonijiet barranin marbutin mal-gvern Eritrean, u biex jipproteġu għalkollox id-drittijiet ta' asil tar-rifuġjati Eritreani kollha fl-Ewropa;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kunsill tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-awtoritajiet tal-Eritrea.

(1) ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 359.
(2) ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 123.
(3) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 146.
(4) ĠU L 51, 2.3.2010, p. 19.
(5) ĠU L 195, 27.7.2010, p. 74.
(6) ĠU L 282, 16.10.2012, p. 46.

Avviż legali - Politika tal-privatezza