Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2257(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0049/2016

Testi mressqa :

A8-0049/2016

Dibattiti :

PV 11/04/2016 - 21
CRE 11/04/2016 - 21

Votazzjonijiet :

PV 12/04/2016 - 5.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0107

Testi adottati
PDF 419kWORD 159k
It-Tlieta, 12 ta' April 2016 - Strasburgu
Erasmus+ u għodod oħra biex titħeġġeġ il-mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
P8_TA(2016)0107A8-0049/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV — approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja (2015/2257(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen tat-30 ta' Novembru 2002 dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' qafas Ewropew ta' referenza ta' assigurazzjoni tal-kwalità għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport(4),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass)(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 bit-titolu ‘Żgħażagħ f'Moviment' – il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim taż-żgħażagħ(7),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim ta' matul il-ħajja(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat(9),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (EQF-LLL)(10),

–  wara li kkunsidra l-istrumenti differenti għar-rikonoxximent tal-kompetenzi, bħalma huma l-Qafas Ewropew taċ-Ċertifikazzjonijiet (CEC), is-Sistema Ewropea tat-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) u l-Qafas Ewropew ta' Ħiliet/Kompetenzi, Kwalifiki u Okkupazzjonijiet (ESCO),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” (COM(2012)0669),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Jannar 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew ta' Referenza ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (COM(2014)0030),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar sett ġdid ta' riżultati fuq perjodu medju ta' żmien fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015-2020,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u tal-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottata fil-laqgħa informali tal-ministri tal-edukazzjoni tal-Unjoni fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi (8496/15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0049/2016),

A.  billi l-mobilità tat-tagħlim u l-mobilità fit-taħriġ huma importanti għall-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, id-djalogu interkulturali, it-tolleranza, l-abilità li jaħdmu f'ambjent multikulturali, u ċ-ċittadinanza attiva, u intwera biċ-ċar il-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal edukazzjoni ta' kwalità għolja u għall-impjegabilità;

B.  billi l-mobilità tat-tagħlim u l-mobilità fit-taħriġ għandhom jissaħħu ulterjorment fil-kuntest ta' programmi tal-UE attwali kif ukoll suċċessivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi u l-politika ta' koeżjoni;

C.  billi fl-2002 il-Ministri tal-UE responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) varaw il-“Proċess ta' Kopenħagen” bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea f'dan il-qasam biex jiġu mtejba l-prestazzjoni, il-kwalità u l-attraenza tal-ETV fl-Ewropa;

D.  billi l-proċess ta' Kopenħagen hu msejjes fuq prijoritajiet miftehima b'mod reċiproku li jiġu rieżaminati perjodikament, u jfittex fost il-miri tiegħu li jiffaċilita l-mobilità u jippromwovi l-użu ta' opportunitajiet differenti ta' taħriġ vokazzjonali fi ħdan il-kuntest ta' tagħlim tul il-ħajja;

E.  billi, skont l-Eurostat, il-qgħad fl-UE laħaq l-10.2 % fl-2014 minkejja li hemm irkupru bil-mod; billi madwar l-UE, il-qgħad fost iż-żgħażagħ attwalment huwa ta' 22.1 %, filwaqt li 51 % biss tal-grupp ta' età ta' bejn il-55 u l-64 sena għandhom xogħol, u d-disparità bejn is-sessi fir-rata tal-impjieg ta' ħaddiema kbar fl-età hija ta' 13.6 punti perċentwali;

F.  billi t-tagħlim mhux formali u informali u t-taħriġ vokazzjonali għandhom kontribut importanti x'jagħtu fl-indirizzar ta' sfidi attwali fit-tagħlim tul il-ħajja, bħalma huma l-ħruġ bikri mill-iskola, numru inaċċettabbli ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) u n-nuqqas ta' ħiliet u d-diskrepanzi fit-tlaqqigħ tagħhom;

G.  billi l-persistenza tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol tintwera mir-rata għolja ta' postijiet tax-xogħol battala reġistrata fil-Previżjonijiet Ekonomiċi għall-Ħarifa 2015 tal-Kummissjoni Ewropea;

H.  billi l-ħiliet lingwistiċi huma aktar baxxi fl-ETV u jeħtieġu spinta speċifika;

I.  billi hemm il-bżonn li jiġi mtenni l-impenn politiku ta' appoġġ għall-azzjoni tal-UE fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja u l-ETV, partikolarment permezz ta' attivitajiet ta' mobilità li jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' kompetenzi trasversali bħall-adattabilità, il-kurżità u tagħlim dwar kif titgħallem, u l-ħiliet interpersonali u ċiviċi;

J.  billi l-aħħar żviluppi soċjoekonomiċi enfasizzaw il-ħtieġa li t-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u l-ETV mhux biss ikunu aktar effiċjenti, iżda wkoll aktar aċċessibbli u inklużivi fir-rigward ta' gruppi żvantaġġati u persuni bi bżonnijiet speċjali; billi aċċessibilità usa' għall-edukazzjoni ma għandhiex tiġi implimentata bi ħsara għall-kwalità tal-edukazzjoni;

K.  billi l-appoġġ finanzjarju kontinwu għall-miżuri u attivitajiet ta' mobilità relatati mat-tagħlim tul il-ħajja u l-għarfien tal-EVT huma kruċjali, speċjalment fil-perjodu attwali ta' kriżi ekonomika;

L.  billi l-livell reġjonali u lokali huwa kruċjali biex jiġu appoġġati inizjattivi li jesploraw modi ġodda ta' mobilità sabiex jiżguraw l-effikaċja, it-trasparenza u l-kwalità ta' fondi u programmi ddedikati għall-ETV; billi l-mobilità fl-ETV taż-żgħażagħ u l-apprendistati promossa fil-livell reġjonali u lokali għandha tkun ikkoordinata fi proċess wiesa' ta' governanza demokratika u parteċipatorja immirata biex tindirizza l-iktar kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi u ambjentali rilevanti, bil-parteċipazzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, il-komunitajiet lokali u s-sħab soċjali;

M.  billi l-intraprendituri, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-korpi professjonali ekwivalenti għall-artiġjanat u l-bdiewa, kif ukoll it-trejdjunjins u sħab soċjali oħra rilevanti, għandhom ikunu involuti b'mod attiv fit-tfassil, l-organizzazzjoni, it-twassil u l-finanzjament tal-ETV, inkluża l-mobilità; billi fir-rigward tad-disinn tal-ETV, dimensjoni soċjali għandha tiġi indirizzata biex tinkludi oqsma bħalma huma l-kummerċ ġust, l-intraprenditorija soċjali u l-mudelli tan-negozju alternattivi bħall-kooperattivi, u għandha tkun organizzata mal-imsieħba rilevanti f'dawn l-oqsma;

N.  billi l-mobilità taż-żgħażagħ għandha tiġi mħeġġa biex tissaħaħ l-impjegabilità tagħhom, m'għandhiex tkun l-unika soluzzjoni prevista għall-impjieg taż-żgħażagħ;

Evalwazzjoni tar-riżultati u identifikazzjoni tal-isfidi ewlenin

1.  Jemmen li l-edukazzjoni hi dritt fundamentali tal-bniedem u tirrappreżenta ġid pubbliku li għandu jkun aċċessibbli b'mod indaqs għal kulħadd; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-limiti soċjoekonomiċi kollha li ma jippermettux aċċess ugwali għall-opportunitajiet kollha tal-ETV, inkluża l-mobilità; jagħraf li r-rwol u r-riżultati ta' programmi u inizjattivi eżistenti għall-mobilità fil-ETV għandhom jittejbu f'termini ta' aċċessibilità, trasparenza u inklużività, sabiex jiġi promoss approċċ personalizzat għall-edukazzjoni, jonqos it-tluq kmieni mill-iskola, u jiggarantixxu aċċess ugwali għall-azzjonijiet ta' mobilità Erasmus+ għall-gruppi żvantaġġati u dawk bi bżonnijiet speċjali; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' firxa diversifikata, flessibbli u mfassla apposta ta' għażliet ta' mobilità għat-taħriġ, kif ukoll iż-żamma ta' perspettiva tal-ġeneri, għall-persuni li jkunu ġejjin minn sfond ta' immigrazzjoni jew familji ekonomikament żvantaġġati , studenti li ġejjin minn reġjuni remoti, persuni b'diżabilità u dawk bi ħtiġijiet speċifiċi oħra;

2.  Jafferma l-ħtieġa, fit-trattament tal-kwistjoni tal-mobilità u l-edukazzjoni, li tinżamm perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabilità, persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTI u persuni li jiġu minn komunitajiet emarġinati; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, aktar miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għal persuni minn gruppi żvantaġġati jew bi bżonnijiet speċjali għal azzjonijiet ta' mobilità tal-Erasmus+;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin biex iżidu l-viżibilità tal-programmi tal-ETV sabiex jitneħħew l-ostakoli kulturali u jiġu indirizzati l-problemi ta' nuqqas ta' motivazzjoni, in-nuqqas ta' predispożizzjoni proattiva u n-nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi, partikolarment f'dawk l-oqsma li huma l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ; jemmen li għandu jiġi żgurat li dawn il-programmi jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha mingħajr diskriminazzjoni; jitlob li jitqiegħdu fil-mira l-gruppi li jinsabu f'riskju ta' qgħad, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; jitlob li l-aċċess għall-ETV u l-kwalifiki jiġi ffaċilitat permezz tal-promozzjoni tal-adattabilità fil-mogħdijiet tal-apprendistat u l-aġġustabilità tal-arranġamenti, kif ukoll permezz ta' opportunitajiet ta' taħriġ għall-gruppi b'nuqqas ta' ħiliet bażiċi u għall-impjegati bi kwalifiki ta' livell intermedju jew baxx; ifakkar li l-bilanċ bejn is-sessi fl-aċċess għal tali esperjenzi għandu jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-promozzjoni effiċjenti tal-programmi ta' mobilità tal-ETV fost in-nisa; iqis, f'dan ir-rigward, li għandhom jiġu stabbiliti miri ambizzjużi u li l-progress għandu jiġi mmonitorjat;

4.  Jenfasizza d-disparità ta' bejn is-sessi fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fl-impjiegi fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) madwar l-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ lejn il-programm Erasmus+ u biex jużaw dan il-mekkaniżmu bħala opportunità ewlenija għall-iżvilupp tal-ħiliet fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika bil-għan li tissaħħaħ l-abilità tan-nisa li jibdew karriera fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u b'hekk titnaqqas id-disparità fil-ħiliet f'dan il-qasam;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' spazju komuni Ewropew għall-edukazzjoni bbażat fuq komponent qawwi ta' mobilità – li jinkludi mhux biss l-edukazzjoni għolja iżda anki l-ETV – li se jikkontribwixxi għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' identità Ewropea u ċittadinanza aktar b'saħħithom;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropea għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020; jemmen li l-mobilità għandha tieħu kont tal-aspett tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (ETVK), billi dan huwa fundamentali għat-titjib u l-aġġornament tal-ħiliet u l-ispeċjalizzazzjonijiet; jenfasizza li t-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma ta' importanza ewlenija għall-kisba ta' prospetti tax-xogħol aħjar għall-dawk qiegħda fit-tul;

7.  Jemmen li l-kooperazzjoni msemmija hawn fuq għandha tirriżulta f'rieżami tar-rekwiżiti bil-għan li tiġi żgurata r-rilevanza tagħhom fir-rigward tat-tul ta' żmien, il-kontenut, il-kompetenzi u l-eżiti tat-tagħlim, filwaqt li tiġi kkombinata l-mobilità kemm għaċ-ċentri tat-taħriġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol u anke billi tingħata prijorità lill-perjodi ta' esperjenza itwal (pereżempju ta' sitt xhur) fuq l-ekwivalenti tagħhom b'iqsar tul ta' żmien;

8.  Jinnota li r-riżorsi Ewropej allokati lill-programmi Erasmus+ u ETV mhumiex proporzjonati mal-għadd jew il-ħtiġijiet ta' dawk li potenzjalment jistgħu jibbenifikaw mill-mobilità offruta b'dawn l-iskemi, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jippromwovu ftehimiet bilaterali biex jissupplementaw l-attivitajiet tal-Erasmus+ u tal-programmi Ewropej tal-ETV, biex b'hekk tiżdied il-mobilità taż-żgħażagħ Ewropej;

9.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti u r-riżultati ta' programmi u inizjattivi eżistenti għall-mobilità, bħalma huma l-Azzjoni Ewlenija 1 fl-Erasmus +, l-Europass, is-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF); jistieden lill-Kummissjoni toħloq 'E-card tal-istudenti Ewropej' li tagħti l-istatus ta' student f'kuntest ta' mobilità u li toffri aċċess għal servizzi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-aġenziji tal-UE bħaċ-CEDEFOP, jieħdu azzjoni biex itejbu l-programmi ta' mobilità ETV sabiex dawn jagħtu valur miżjud lill-parteċipanti kollha f'termini ta' kwalifiki, rikonoxximent u kontenut, u biex jiġi żgurat li jiġu introdotti standards ta' kwalità għall-apprendistati;

11.  Jindika li l-inizjattivi tal-mobilità jikkontribwixxu għat-titjib mhux biss tal-valuri ċiviċi tal-istudenti u s-sens ta' appartenenza tagħhom għall-Ewropa, iżda wkoll il-ħiliet akkademiċi tagħhom u l-prospetti ta' impjiegi, u b'mod aktar speċifiku dawk il-ħiliet marbuta mal-kapaċità ta' soluzzjoni ta' problemi, l-ippjanar u l-istrutturar, il-kapaċità li jaġixxu u jadattaw ruħhom fid-dawl ta' sitwazzjonijiet ġodda, l-intraprenditorija, it-tmexxija u t-teħid ta' deċiżjonijiet, ħiliet ta' responsabilità soċjali, l-għarfien ta' lingwi barranin, il-ħiliet ta' komunikazzjoni u ta' ħidma f'tim, kif ukoll dawk relatati ma' ħiliet personali li għandhom impatt fuq l-impjegabilità, bħall-fiduċja, il-motivazzjoni, il-kurżità, il-ħsieb kritiku u kreattiv, l-inizjattiva u l-assertività;

12.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mobilità f'Erasmus+, billi tittieħed azzjoni biex tiżdied ir-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet, jiġi semplifikat it-tfassil u l-użu ta' għodod elettroniċi għall-ġestjoni tal-mobilità, filwaqt li titqajjem kuxjenza tal-valur ta' programmi ta' mobilità fl-istabbilimenti kollha tal-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali tal-Unjoni, u billi jiġu provduti informazzjoni u taħriġ iktar immirati għall-benefiċjarji u l-intermedjarji tal-programmi u tal-azzjonijiet, inkluż il-personal tal-iskejjel u tal-kulleġġi; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, tal-kontribuzzjoni magħmula minn EuropeanSchoolNet; jitlob lill-Kummissjoni tnaqqas il-piżijiet amministrattivi attwali eċċessivi u kumplessi żżejjed, kemm għall-applikanti kif ukoll għall-kumpaniji li jibagħtu u jospitaw u l-istituzzjonijiet involuti fil-proġetti Erasmus+, billi tiffaċilita u tissemplifika l-proċessi għall-applikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar, u l-proġetti nnifishom; jindika, barra minn hekk, li l-burokrazija żejda fl-iskejjel u l-kulleġġi kkonċernati taġixxi bħala ostakolu għall-implimentazzjoni sempliċi tal-programm;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi skemi mmirati biex tnaqqas l-ostakli lingwistiċi u kulturali għall-organizzazzjoni ta' programmi ta' mobilità; iqis li dawn l-iskemi għandhom ikunu kapaċi li jevalwaw il-progress tal-implimentazzjoni; jenfasizza li skemi ta' azzjoni għandhom, b'mod partikolari, jappoġġaw it-tagħlim ta' elementi bażiċi tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jeżaminaw il-bżonnijiet speċifiċi ta' tagħlim tal-għalliema u ta' min iħarreġ fis-settur tal-ETV, biex jiġi mħeġġeġ u jingħata appoġġ lill-qsim tal-aħjar prattika, u biex jingħatawlhom aktar opportunitajiet ta' żvilupp professjonali; jenfasizza l-importanza ta' tfassil ta' mudell ta' taħriġ bażiku li jista' jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tan-negozju u l-kultura tax-xogħol tal-pajjiż ta' destinazzjoni, kif ukoll tal-promozzjoni u l-provvista ta' programmi speċifiċi għat-taħriġ ta' persunal tat-tagħlim fil-kuntest tal-ġestjoni tal-mobilità miċ-ċentri ta' taħriġ;

14.  Jirrimarka li l-impjiegi marbuta mal-ETV għandhom il-flessibilità meħtieġa biex jitwettqu kullimkien, u li, għalhekk, il-mobilità fil-kuntest tal-ETV hija għodda importanti fil-ġlieda kontra l-qgħad, li ssaħħaħ l-impjegabilità, tgħin biex titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u tiffaċilita t-tlaqqigħ tal-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, filwaqt li tipprovdi ħiliet u esperjenza unika tat-tip meħtieġ għall-kompetittività fis-swieq tax-xogħol tal-lum fl-UE; iqis li Erasmus+ jgħin fl-iżvilupp ta' ħiliet professjonali speċifiċi u kompetenzi trasversali u trasferibbli bħall-intraprenditorija, kif ukoll għat-twessigħ tal-opportunitajiet għall-involviment tas-settur tal-produzzjoni, u b'hekk jikkostitwixxi għodda effikaċi għas-suq tax-xogħol;

15.  Jenfasizza s-sinifikat u l-importanza tar-rikonoxxibilità ta' marki u logos marbutin mal-Erasmus+ u s-sottoprogrammi tiegħu; iqis li dawn il-marki għandhom jintużaw b'mod partikolari għal publikazzjonijiet u fuljetti informattivi tal-Erasmus+;

16.  Jesprimi tħassib li Erasmus+ huwa perċepit miż-żgħażagħ prinċipalment bħala programm għall-istudenti fl-edukazzjoni għolja; jirrakkomanda, għaldaqstant, li tingħata iktar viżibilità fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali tal-oqsma differenti u tas-sottoprogrammi relatati ma' kull qasam, fosthom l-edukazzjoni fil-livell tal-iskola (Comenius), l-edukazzjoni għolja (Erasmus), l-edukazzjoni internazzjonali għolja (Erasmus Mundus), l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-edukazzjoni tal-adulti (Grundtvig), kif ukoll iż-żgħażagħ (Youth in Action) u l-isport;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi pubbliċi tal-impjieg jippubbliċizzaw u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-programm Erasmus+ u għodod oħra mmirati lejn il-promozzjoni tal-mobilità fil-qasam tal-ETV, b'mod partikolari fost l-SMEs; jemmen li l-massimizzazzjoni tal-effikaċità ta' dawn l-għodod se tippermetti li aktar persuni jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet, b'tali mod li l-għan ta' mobilità jkun jista' jinkiseb;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-industrija u s-servizzi fis-setturi kemm pubbliċi kif ukoll privati, inkluż is-settur tal-produzzjoni (b'mod partikulari l-SMEs u l-mikrointrapriżi), jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-ippjanar, fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-appoġġ għall-programmi ta' mobilità tal-ETV ta' kwalità; iqis li l-għażla tal-programm għandha tieħu kont tal-opportunitajiet ta' xogħol man-negozji u l-organizzazzjonijiet ospitanti; jemmen li sħubija flessibbli u kostruttiva bbażata fuq id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-aħjar prattika li tinvovi l-partijiet ikkonċernati kollha se tiżgura s-suċċess u l-valur miżjud tal-ETV; huwa tal-fehma li huwa meħtieġ ukoll l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki bejn l-intrapriżi u ċ-ċentri ta' taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni żżomm kont tad-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-UE, kif ukoll tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali, sabiex ikun hemm tlaqqigħ mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; iqis li dan inaqqas id-distakk bejn, fuq naħa waħda, it-taħriġ offrut u dak li fil-fatt ikun qed jistenna liż-żgħażagħ fl-ambjent tan-negozju, u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tas-suq fis-setturi ta' valur miżjud (eż. l-ekonomiji ekoloġiċi u diġitali, l-enerġija, id-difiża, is-settur tal-kura u r-riabilitazzjoni tal-akkomodazzjonijiet);

19.  Jenfasizza l-aspetti prinċipali li għandhom jitqiesu fit-tfassil ta' azzjonijiet ta' mobilità u fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom, jiġifieri: il-kapaċità ekonomika tal-istudenti li jieħdu sehem fil-mobilità; ir-rikonoxximent tal-istudji, kompetenzi u kwalifiki, u l-kontenut tat-taħriġ bejn il-pajjiżi, kemm permezz ta' krediti kif ukoll ċertifikati; il-livell ta' għarfien tal-lingwi; l-organizzazzjoni tal-kurrikuli jew studji; il-valur prattiku ta' krediti u eżaminijiet tal-istudenti darba li dawn ikunu rritornaw lejn l-università tal-oriġini tagħhom; aspetti legali; informazzjoni jew motivazzjoni biex jitlestew l-istudji; l-attivitajiet ta' gwida u ta' pariri matul il-perjodu ta' mobilità; u s-sitwazzjoni personali tal-istudenti; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni ttejjeb l-indikaturi u l-kriterji ta' valutazzjoni sabiex tkun tista' tiġi monitorjata l-effikaċja tal-programmi tal-UE fuq bażi aktar regolari u jku possibbli t-titjib neċessarju;

20.  Jindika, li attwalment, 1 % biss taż-żgħażagħ fi skemi ta' taħriġ relatati max-xogħol, inkluż l-apprendisti, huma nvoluti fi skemi ta' mobiltà matul it-taħriġ tagħhom; jindika l-bżonn essenzjali biex jinħolqu l-kondizzjonijiet għal mobilità akbar tal-apprendistat fi ħdan l-UE, sabiex l-apprendisti jingħataw l-istess opportunitajiet bħal studenti ta' edukazzjoni għolja; jinkoraġġixxi għalhekk definizzjoni mill-UE ta' statut tal-"Apprendist Ewropew"; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li apprendistati u skemi ta' taħriġ formattiv jibqgħu opportunitajiet ta' taħriġ li ma jintużawx bħala għajn ta' impjieg prekarju, ma jissostitwixxux pożizzjonijiet professjonali full-time, u jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' xogħol dinjitużi u d-drittijiet tal-istudenti, inkluż l-appoġġ finanzjarju u d-drittijiet relatati mar-remunerazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tanalizza l-implikazzjonijiet tal-istatut imsemmi hawn fuq, timmonitorja l-implimentazzjoni ta' miżuri relatati, twassal lill-partijiet interessati relatati kollha, inklużi dawk tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha bil-ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet, il-kwalità u d-disponibilità ta' apprendistati fl-UE, u biex tqis din il-kwistjoni bħala prijorità strateġika;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, u lill-Istati Membri biex japprovaw, proposta għal skema ta' apprendistat tal-UE li tiggarantixxi sett ta' drittijiet għall-apprendisti u għall-istudenti tal-ETV; jenfasizza r-rwol pożittiv li l-"anzjani" jistgħu jaqdu fl-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ bl-għan li jiġi massimizzat l-iskambju interġenerazzjonali permezz ta' traineeships u mentoring, kif ukoll sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim ibbażat fuq l-esperjenza f'timijiet transġenerazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-apprentistati u t-traineeships taħt l-Erasmus+ ma jintużawx ħażin billi jiġu ttrasformati fi strument biex jitnaqqas il-kost lavorattiv;

22.  Iqis b'mod pożittiv it-tnedija tal-proġetti pilota, kif ukoll "il-qafas Ewropew għall-mobilità tal-apprendisti" approvat reċentement bħala bażi għat-titjib fil-programm Erasmus+ bl-għan li jkun hemm mobilità ikbar u aħjar tal-ETV b'perjodu ta' żmien twil; iħeġġeġ il-ħolqien ta' qafas għal inizjattivi fit-tul minflok azzjonijiet iffukati esklużivament fuq il-proġetti, bl-għan li tiġi stabbilita sistema permanenti u sostenibbli u għalkollox operattiva li tkun prevedibbli u li tħeġġeġ il-moviment liberu tal-ħiliet madwar l-Ewropa kollha;

23.  Jinnota li t-tluq bikri mill-iskola huwa wieħed mill-aktar problemi speċifiċi li jiffaċċjaw gruppi ta' mobilità mmirati, u li għażliet vokazzjonali mtejba jwasslu għal inqas persuni li jitilqu qabel iż-żmien mill-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza għalhekk l-importanza li r-riżultati tas-sistemi edukattivi jista' jkollhom fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u biex l-istudenti jingħataw ħiliet trasversali bi eventwalment jgħinuhom biex jiksbu kwalifiki kompatibbli mat-talbiet tas-suq tax-xogħol;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata għajnuna liż-żgħażagħ biex jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom fit-taħriġ vokazzjonali permezz ta' ċerti miżuri komplimentari u ta' akkumpanjament, bħat-tisħiħ tan-natura tal-grupp tal-iskemi tal-mobilità, mentoring u akkumpanjament aħjar mill-istituzzjonijiet ta' oriġini u dawk ospitanti, qabel u waqt il-mobilità tagħhom, it-titjib tal-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità għolja dwar opportunitajiet ETV, filwaqt li tiġi offruta gwida speċjalizzata u attivitajiet u għodod ta' għoti ta' pariri, u l-finanzjament tal-appoġġ lingwistiku għall-parteċipanti kollha mingħajr restrizzjonijiet ta' lingwi;

25.  Jirrimarka li hemm numru ta' fatturi li jkollhom impatt fuq l-aspettattivi taż-żgħażagħ li jiġu mħarrġa fis-sistemi tal-ETV li jistgħu jiġu identifikati, b'mod partikolari fatturi soċjoekonomiċi, it-tipoloġija tal-familja u nuqqas ta' għodda ta' gwida (u tuturi) ladarba jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja jew matul korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali;

26.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-mobilità tat-tagħlim u t-taħriġ fl-indirizzar tal-isfidi soċjali u kulturali, bl-għan li jiġu massimizzati l-opportunitajiet taż-żgħażagħ biex tiġi żviluppata skema ta' azzjoni tagħhom fis-soċjetà; ifakkar li l-UE ffokat l-isforzi tagħha, partikolarment permezz tal-istrateġija Ewropa 2020, fuq iż-żieda tal-kompetittività tal-ekonomija tagħha, il-ġenerazzjoni ta' impjiegi u li fl-aħħar mill-aħħar it-tisħiħ tal-kapaċità tagħha li tikkompeti globalment fit-tielet deċennju ta' dan is-seklu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol iportanti tar-riċerka, l-innovazzjoni, is-soċjetà diġitali u s-sostenibilità tal-enerġija, bħala strumenti li jipprovdu valur addizzjonali akbar;

27.  Jenfasizza r-rwol tal-UE u l-Istati Membri fl-iżvilupp u t-tħeġġiġ ta' sistema tal-ETV ta' kwalità għolja u organizzata tajjeb permezz tal-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku li jibbilanċja l-edukazzjoni teoretika ffukata fuq il-professjoni kkonċernata, taħriġ prattiku u ġenerali, l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali; jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu approċċ ta' 'edukazzjoni doppja' fis-sistemi tal-iskola sekondarja għolja tagħhom, jew biex isaħħu s-sistemi eżistenti permezz ta' apprendistati u esperjenzi prattiċi ta' xogħol, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni sostenibbli tal-istudenti tal-ETV fis-suq tax-xogħol u tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi transnazzjonali ta' mobilità; ifakkar li, b'mod ġenerali, it-titjib tal-kwalità tal-ETV b'kooperazzjoni ma' msieħba soċjali u servizzi pubbliċi tal-impjiegi, huwa mezz biex tiġi indirizzata l-inklużjoni soċjali, biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, tiġi promossa u faċilitata l-integrazzjoni ta' suċċess tal-istudenti fis-suq tax-xogħol, li għandu jħaffef il-mobilità fil-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja;

28.  Jitlob li l-kwistjonijiet marbuta mas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE), fir-rigward tal-assigurazzjoni għall-parteċipanti, l-approvazzjoni, il-ġestjoni tal-bażi tad-data u l-appoġġ għall-voluntiera, jiġu indirizzati b'manjiera mmirata, bl-għan li ma jkunx hemm tnaqqis fil-parteċipazzjoni;

29.  Jiddeplora l-fatt li t-tagħlim mhux formali tilef il-viżibiltà u s-sehem tal-baġit fil-programm Erasmus+ attwali; jenfasizza l-importanza tat-tagħlim mhux formali fil-livell Ewropew, speċjalment permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-volontarjat mill-anzjani; jitlob li t-tagħlim mhux formali u informali jingħataw post ċar u viżibbli fil-programm Erasmus+; jemmen, barra minn hekk, li għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet fir-rigward ta' proġetti fuq skala kbira ta' edukazzjoni għall-adulti li jkunu rregolati mill-istess prinċipji bħal dawk tal-alleanzi tal-ħiliet settorjali jew tal-alleanzi tal-għarfien;

30.  Jappoġġa l-iżvilupp ta' teknoloġiji moderni u infrastrutturi fit-tisħiħ u l-immodernizzae tas-sistemi edukattivi vokazzjonali biex jitjieb l-aċċess għall-, u l-kwalità tal-, mobilità; iqis li, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, għandha ssir enfasi akbar fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' ħiliet professjonali u akkademiċi, it-tagħlim u l-pjattaformi tat-tagħlim diġitali u t-teknoloġiji tal-ħajja, it-teknoloġiji innovattivi għat-titjib tal-wirt kulturali, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; jemmen bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri għandhom joffru strateġija effikaċi mmirata biex jitqabblu l-opportunitajiet ta' impjieg tal-ekonomija ċirkolari u s-sitemi tal-ETV attwali u futuri;

31.  Jinnota li bħalissa għaddejjin minn tranżizzjoni lejn ekonomija aktar diġitalizzata u qed isseħħ ridefinizzjoni tal-impjiegi u l-ħiliet; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu id f'id mas-settur privat sabiex joħolqu strateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet u programmi tal-ETV għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema;

Aċċess: titjib fl-għażliet tal-mobilità għal żgħażagħ f'taħriġ vokazzjonali

32.  Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' qafas, fuq il-linji tal-programm Leonardo da Vinci preċedenti, li għandu jissejjaħ fit-talbiet dedikati għall-Erasmus+, li jidentifika b'mod ċar u preċiż kemm jista' jkun l-għażliet ta' ta' mobilità għaż-żgħażagħ fl-ETV, prinċipalment permezz ta' kampanji fuq bosta pjattaformi mill-awtoritajiet pubbliċi, b'parteċipazzjoni koordinata tal-partijiet interessati kollha li jkollhom rwol attiv fi, u jinfluwenzaw l-ETV;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jappoġġaw il-programmi ta' mobilità, filwaqt li jitqiesu l-ostakli finanzjarji potenzjali; jagħti parir li tiġi studjata l-kwistjoni tal-viżibilità usa' dwar kif il-kumpaniji jikkumplimentaw l-allowance allokata jew il-possibilità li jiġu provduti tipi oħra ta' għajnuna; iqis li l-komplementarjetà bejn il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Erasmus+ għandha tiġi żgurata u mmonitorjata bl-għan li jinkisbu eżiti ta' suċċess;

34.  Jitlob li jkun hemm sinerġiji aħjar bejn il-politiki u l-istrumenti tal-UE li għandhom impatt fuq il-mobilità u l-edukazzjoni, u partikolarment għall-miżuri komplementari bejn il-FSE u Erasmus+, u għal koordinazzjoni akbar imtejba tal-azzjonijiet kollha fil-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali fl-ippjanar);

35.  Itenni l-bżonn ta' miżuri li jiżguraw il-koordinament, il-kumplimentarjetà u l-konsistenza bejn il-Fondi Strutturali inkluż l-FSE u programmi bħall-Erasmus+ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkumpensati l-ostakoli li jirriżultaw minn status soċjoekonomiku aktar baxx ta' studenti fl-ETV permezz ta' miżuri bħal żieda possibbli fl-ammonti ta' għotjiet individwali mill-Kummissjoni, jew żieda fil-kontribuzzjonijiet li saru mill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, istituzzjonijiet jew NGOs intermedji, finanzjati mill-baġits tagħhom stess jew permezz ta' skemi ta' sħubija li jinvolvu negozji, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet li jikkollaboraw f'sistema ta' kwalifika u taħriġ vokazzjonali fir-reġjun jew territorju tagħhom;

Mill-mobilità għall-impjegabilità: il-validazzjoni u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim, ħiliet u kompetenzi

37.  Jenfasizza li l-kisba ta' ideat differenti u kreattivi ġodda barra mill-pajjiż tista' tagħti motivazzjoni u spinta lill-intraprenditorija u l-kreattività; jenfasizza li l-opportunitajiet offruti mill-mobilità tat-tagħlim u t-taħriġ, bħall-bini ta' netwerks internazzjonali, jista' jkollhom ukoll effetti pożittivi fuq l-impjegabilità, il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-kompetittività tal-Ewropa;

38.  Iqis li l-miżuri attwali u futuri biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet għandhom jiffaċilitaw l-involviment ta' min iħaddem, in-negozji u l-komunitajiet lokali, u jkunu konnessi aħjar mat-tbassir dwar l-iżviluppi tas-suq tax-xogħol u tal-ħtiġijiet tal-ħiliet fil-ġejjieni;

39.  Jenfasizza li hemm rabta pożittiva bejn il-mobilità tat-tagħlim u l-mobilità futura u l-qligħ peress li l-UE u l-programmi ta' mobilità internazzjonali jsaħħu l-impjegabilità tal-parteċipanti barra l-pajjiż, kif skopra ċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni fl-2013; jenfasizza li l-apprendistati u t-traineeships barra mill-pajjiż itejbu l-ħiliet lingwistiċi tal-parteċipanti (f'79 % tal-każijiet, skont l-Ewrobarometru fl-2013(11);

40.  Jissottolinja l-importanza ta' programmi ta' mobilità għat-taħriġ mill-ġdid għall-persuni qiegħda ta' kull età jew għall-persuni mhedda minn miżuri ta' ristrutturar;

41.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diversità u l-iżvilupp mhux uniformi ta' sistemi ta' validazzjoni u għarfien bejn l-Istati Membri, minkejja konverġenza dejjem akbar f'dawn l-aħħar għaxar snin; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kompatibilità bejn is-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ biex tiġi ffaċilitata l-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' ħiliet u kompetenzi li jinkisbu f'kumpaniji jew ċentri ta' taħriġ fi Stati Membri differenti, kif ukoll li tiżdied l-attraenza tal-programm Erasmus+; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tal-QEK(12) u jneħħu l-ostakli; iħeġġeġ id-definizzjoni ta' standard Ewropew li jkun aċċettabbli u jkun jista' jiġi implimentat fil-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali);

42.  Jinkoraġġixxi aktar miżuri biex jiġu promossi r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' riżultati ta' tagħlim, inklużi dawk żviluppati permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, partikolarment permezz ta' użu aħjar tal-għodod eżistenti bħall-Europass u l-ECVET;

43.  Ifakkar li kien hemm titjib importanti grazzi għall-QEK, fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diplomi, il-kredits, iċ-ċertifikati ta' ħiliet, l-akkreditazzjonijiet tal-kompetenza u l-ksib ta' speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-ETV; jitlob li jiġu stabbiliti miri speċifiċi, fosthom l-implimentazzjoni ta' sistema operazzjonali sħiħa ta' trasferimenti u r-rikonoxximent ta' kredits, li għandu jkun ibbażat fuq l-ECVET; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kwalifiki tal-ETV konġunti li jistgħu jiżguraw ir-rikonoxximent internazzjonali tal-kwalifiki;

44.  Huwa favur it-tfassil ta' Green Paper dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobilità vokazzjonali u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi fl-Ewropa, li tiġi abbozzata b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha; ifakkar li r-rakkomandazzjonijiet attwali li jikkonċernaw l-ETV jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ; jinnota li n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kompetenzi għandu impatt negattiv fuq il-mira ta' rati ta' impjieg tal-Ewropa 2020, u jxekkel il-moviment liberu kif minqux fit-Trattati;

45.  Jappoġġa mobilità ikbar fl-impjiegi, l-edukazzjoni, l-apprendistati u t-traineeships fil-kuntest tal-Iskema Ewropea tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, sabiex jittejbu l-ħiliet taż-żgħażagħ u titnaqqas id-diskrepanza ġeografika fit-tlaqqigħ tal-ħiliet fl-UE;

46.  Jenfasizza l-importanza tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-appoġġ għall-apprendistati, it-traineeships, l-ETV, il-kollokamenti tax-xogħol u l-edukazzjoni ulterjuri li twassal għal kwalifika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jiġi allokat finanzjament adegwat għal dawn il-programmi għall-perjodu sħiħ ta' programmazzjoni 2014-2020;

47.  Iħeġġeġ li s-sit elettroniku EU Skills Panorama jiġi tradott għall-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex din issir sors ta' informazzjoni aċċessibbli għal kulħadd għall-ħiliet kollha meħtieġa madwar l-Ewropa;

48.  Jinnota l-progress li sar lejn l-iżgurar ta' ETV ta' kwalità għolja f'diversi Stati Membri, b'appoġġ tal-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET); u jinkoraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li attwalment qegħdin fil-proċess li jiżviluppaw approċċ nazzjonali lejn assigurazzjoni tal-kwalità f'konformità mal-EQAVET; jenfasizzu li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità jqisu aktar l-eżiti tat-tagħlim u jistgħu jittrattaw t-tagħlim mhux formali u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol kemm f'kuntesti formali kif ukoll dawk mhux formali, kif adatt għall-kuntest nazzjonali;

49.  Jenfasizza li l-programmi ta' apprendistat għandhom jitwettqu taħt il-gwida ta' superviżur kompetenti;

Lejn programmi ta' mobilità aktar effiċjenti, aċċessibbli u inklużivi

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, anke f'kollaborazzjoni mas-CEDEFOP, jiċċaraw u jsaħħu r-rwol tal-istituzzjonijiet intermedjarji, kemm territorjali u settorjali, involuti fil-preparazzjoni, il-ġestjoni u s-segwitu ta' mobilità, filwaqt li jitlob li jipprattikaw l-ogħla standards ta' trasparenza, u jgħinu fil-ħolqien ta' istituzzjonijiet bħal dawn fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li tali istituzzjonijiet intermedjarji jkollhom riżorsi baġitarji u umani adegwati li jippermettu l-organizzazzjoni tal-mobilità u strutturi ta' ġestjoni biex jiggarantixxu l-involviment tan-netwerk ta' skejjel ta' taħriġ vokazzjonali, u jkollhom is-setgħa u l-kapaċità li jistabbilixxu alleanzi operattivi u ftehimiet ma' sħab potenzjali, kemm lokalment kif ukoll fl-Istati Membri parteċipanti fil-programmi ta' mobilità;

52.  Jenfasizza l-bżonn ta' protezzjoni ġuridika tal-minuri barra mill-pajjiż;

53.  Jenfasizza li l-azzjonijiet ta' mobilità u/jew is-servizzi adattati għall-bżonnijiet ta' min iħarreġ, it-tuturi u tal-intraprendituri għandhom jitħeġġu u jiġu enfasizzati fi ħdan l-ERASMUS+;

54.  Jinnota li skemi ta' kofinanzjament koerenti, komplimentari u koordinati tajjeb fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali huma meħtieġa sabiex jippermetti liċ-ċentri ta' taħriġ ikopru l-firxa sħiħa ta' spejjez u biex jippjanaw u jimplimentaw azzjonijiet permanenti;

55.  Jilqa' l-fatt li l-Erasmus+ kabbar b'mod sinifikanti n-numru ta' benefiċjarji tal-programmi ETV fost dawk iż-żgħażagħ li ma jmorrux l-Università jew il-kulleġġ;

56.  Jappoġġa l-miżuri kollha ta' akkumpanjament neċessarji l-ewwel nett biex jassistu u jinkoraġġixxu lill-apprendisti li jixtiequ jipparteċipaw fi programmi ta' mobilità u aktar tard biex jgħinuhom jikkomunikaw aħjar il-ħiliet miksuba permezz tal-mobilità, u jiżviluppaw l-awtoassertività tagħhom sabiex irendu l-għarfien u r-rikkezza talesperjenza tagħhom viżibbli u utli;

57.  Iqis li l-eżiti tat-tagħlim ta' apprendistat għandhom jiġu mfassla u diskussi mal-apprendist skont il-prinċipji ECVET qabel ma dan jibda t-taħriġ ta' apprendist, u li r-riżultati għandhom jitniżżlu fis-Suppliment taċ-Ċertifikat wara t-tlestija tat-taħriġ;

58.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ tal-għalliema ta' kwalità u tal-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità f'dan il-qasam, kif ukoll il-ħtieġa li jitħeġġu l-inklużività u t-tolleranza fil-programmi ta' mobilità;

59.  Jisħaq dwar il-ħtieġa ta' kollokazzjonijiet ta' kwalità li jistgħu jippermettu lill-istudenti jiksbu l-ħiliet professjonali mixtieqa, flimkien mal-enfasizzar tal-ħtieġa, fil-livelli kollha, għal komunikazzjoni tajba fil-konfront tal-intraprendituri li jinġiebu abbord bil-għan ta' aktar rikonoxximent tal-esperjenza miksuba minn żgħażagħ li jieħdu vantaġġ mill-iskemi ta' mobilità;

60.  Jappoġġa l-miżuri kollha bi qbil mal-objettivi Erasmus+ meħuda minn imprendituri, NGOS jew is-soċjetà ċivili biex jiżviluppaw skemi ta' mobilità għaż-żgħażagħ jew apprendisti jew minn fergħa ta' attività jew f'interazzjoni ma' korpi li jirrappreżentaw lill-industriji, bħal pereżempju, kmamar tal-kummerċ u tal-industrija. minbarra netwerks Ewropej bħall-Eurochambres u t-trejdjunjins rilevanti; jitlob ir-rikonoxximent tar-rwol tal-Kmamar tas-Snajja b'Ħiliet u ċ-ċentri ta' taħriġ tagħhom b'appoġġ għall-mobilità u għal kumpaniji żgħar ħafna; jemmen li l-miżuri kollha meħuda biex ittejbu l-iskemi ETV għandhom jiffokaw ukoll fuq oqsma li jippromwovu l-enerġija mingħajr karbonju u l-mobilità sostenibbli;

61.  Jirrakkomanda li l-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu fuq strateġiji konġunti mmirati lejn it-titjib jew tar-ritorn jew tal-mobilità tal-apprendisti u dawk li jkunu qed jitħarrġu fl-edukazzjoni vokazzjonali lejn partijiet oħra tal-Ewropa, filwaqt li jirrispettaw il-preferenzi tagħhom, bil-għan li l-għarfien u l-esperjenza miksuba "barra l-pajjiż" jiġu ddirezzjonati lejn it-tnaqqis tal-iżbilanċi u t-tisħiħ tal-koeżjoni fiż-żoni tal-oriġini tagħhom stess li jkunu neqsin mill-ħiliet jew xi mkien ieħor fl-Ewropa;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw b'mod effettiv netwerk Ewropew ta' workshops u inkubaturi, billi huma kruċjali għall-promozzjoni tal-alleanzi tal-għarfien fost l-iskejjel, l-universitajiet u l-intrapriżi, u l-promozzjoni tal-aċċess għat-taħriġ, l-esperjenza, il-korsijiet ta' aġġornament għall-għalliema u l-letturi, apprendistati u t-tnedija ta' kumpaniji;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jsaħħu n-Netwerk Ewropew ta' Ċentri tax-Xjenza (ECSITE), li jgħaqqad flimkien iċ-ċentri tax-xjenza bħala postijiet li jipprovdu aċċess għall-kultura xjentifika;

64.  Jitlob li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' punt uniku għall-ġbir ta' data u l-għodod ta' komunikazzjoni sabiex tiġi pprovduta soluzzjoni konvenjenti u servizz effiċjenti għal dawk li qegħdin ifittxu informazzjoni u appoġġ fir-rigward tad-diversi programmi eżistenti ta' mobilità fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u dak lokali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi statistika aġġornata u twettaq valutazzjonijiet u/jew studji rigward l-Erasmus+ u programmi oħra ta' mobilità tal-ETV, fejn ikun fattibbli, sabiex jitkejjel l-impatt tagħhom fit-tlaqqigħ tal-esperjenza tax-xogħol mal-impjiegi fir-rigward tar-rata ta' reklutaġġ, u anki biex jiġi eżaminat għalfejn xi Stati Membri qed jiġġeneraw aktar applikazzjonijiet għal xogħol tal-ETV u esperjenzi ta' tagħlim barra mill-pajjiż u jitfassal pjan għall-involviment ikbar tagħhom; jemmen li l-istatistika u l-valutazzjonijiet li jirriżultaw għandhom jiġu inklużi u kkunsidrati fir-rieżami ta' nofs it-term tal-Erasmus+;

66.  Jilqa' l-konklużjonijiet miftiehma mill-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f'Riga fit-22 ta' Ġunju 2015, fejn ipproponew ġabra ġdida ta' riżultati fuq perjodu medju fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015-2020, u jitlob għall-implimentazzjoni f'waqtha u bir-reqqa tagħhom;

67.  Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi l-gwandanji derivati mill-mobilità f'termini ta' impjegabilità u ħiliet miksuba, sabiex tintwera l-utilità reali tagħhom u biex titnaqqas il-perċezzjoni li ż-żmien huwa mitluf fuq it-taħriġ li jiddependi a priori purament fuq il-kompetenzi nazzjonali;

68.  Iħeġġeġ it-titjib tal-promozzjoni u tal-viżibilità għaż-żgħażagħ u l-intrapriżi ta' pjattaformi bħalma hi d-Drop'pin@EURES, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-mobilità taż-żgħażagħ f'termini ta' apprendistati, internati, programmi ta' taħriġ u korsijiet tal-lingwa permezz tat-tagħlim elettroniku;

69.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-firxa sħiħa ta' opportunitajiet ippreżentati mill-programm Erasmus+ il-ġdid, li jipprovdi liż-żgħażagħ mhux biss opportunitajiet biex jistudjaw barra minn pajjiżhom, iżda wkoll opportunitajiet għall-apprendistati u l-kollokamenti tax-xogħol;

70.  Iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' livell minimu ta' kwoti, aġġustati skont il-varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet ta' għajxien, il-prezzijiet u l-ispejjeż fost l-Istati Membri; jappoġġa l-idea li l-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri li jippermettu l-appoġġ meħtieġ u ta' benefiċċju fejn ikun rilevanti, pereżempju għall-akkomodazzjoni u t-trasport, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-minorenni, kif ukoll għat-tħejjija tal-istudenti qabel l-esperjenza internazzjonali tagħhom, pereżempju permezz ta' gwida tal-karrieri, it-tagħlim tal-lingwi u l-komunikazzjoni bejn il-kulturi;

71.  Jitlob rieżami/reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), abbażi ta' kriterji, fosthom il-valutazzjoni minn qabel tal-effikaċja tal-miżuri kontra l-qgħad, b'inqas finanzjament għad-dispożizzjonijiet inqas effikaċi; iqis li tali approċċ huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta' kriżi, bħal fil-preżent, ikkaratterizzati minn żbilanċi inaċċettabbli;

o
o   o

72.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 155, 8.7.2009, p. 1.
(2) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(3) ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
(5) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(6) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.
(7) ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
(8) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(9) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(10) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(11) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_378_en.pdf
(12) Ara: Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja,

Avviż legali - Politika tal-privatezza