Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija (2015/2898(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija (SWD(2015)0216),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkabbir u l-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni u tal-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill tal-Kunsill Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar l-Istrateġija tal-UE dwar it-Tkabbir (COM(2015)0611)),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija ("is-Sħubija għall-Adeżjoni"), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-Summit UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015 u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(1),
– wara li kkunsidra l-konferenza intergovernattiva tal-14 ta' Diċembru 2015 li matulha nfetaħ uffiċjalment il-kapitolu 17 dwar il-politika ekonomika u monetarja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, partikolarment dawk tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-rapport ta' progress 2009(2) tat-Turkija, tad-9 ta' Marzu 2011 dwar ir-rapport ta' progress 2010(3) dwar it-Turkija u tar-rapport ta' progress tad-29 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress 2011(4) dwar it-Turkija, tat-18 ta' April 2013 dwar ir-rapport ta' progress 2012(5) dwar it-Turkija, tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija(6), tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rapport ta' progress 2013(7) dwar it-Turkija, tat-13 ta' Novembru 2014 dwar l-azzjonijiet Torok li ħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru(8), u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija(9) u tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rapport ta' progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija(10),
– wara li kkunsidra t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rapport ta' progress 2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija, li terġa' tivvaluta l-mod li bih in-negozjati tmexxew s'issa u kif ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni UE-Turkija jistgħu jitjiebu u jiġu intensifikati,
– wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tal-21 ta' Settembru 2005, inklużi d-dispożizzjoni skont liema r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent meħtieġ tal-proċess ta' negozjati, u l-ħtieġa li t-Turkija timplimenta b'mod sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Ankara billi jitneħħew l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija mingħajr preġudizzju u diskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-fatt li l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE tiddependi fuq konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE, skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti minnu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-kriżi fis-Sirja, l-isforzi biex ikun hemm waqfien mill-ġlied u tinstab soluzzjoni paċifika, u l-obbligi tat-Turkija li ssaħħaħ l-istabbiltà u tippromwovi relazzjonijiet tajbin ta' viċinat permezz ta' sforzi intensivi biex jissolvew kwistjonijiet bilaterali pendenti, tilwim u kunflitti mal-pajjiżi ġirien tagħha dwar il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru, skont il-Karta tan-NU u l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE,
– wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett għall-istat tad-dritt, inklużi b'mod partikolari s-separazzjoni tal-poteri, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà tar-reliġjon, huma fil-qalba tal-proċess tan-negozjati.
– wara li kkunsidra l-approvazzjoni ta' EUR 3 biljun għall-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fit-Turkija, b'EUR 1 biljun li ġejjin mill-baġit tal-UE u l-bqija mill-Istati Membri,
– wara li kkunsidra x-xogħol ta' Kati Piri bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għat-Turkija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 u billi l-ftuħ ta' tali negozjati huwa l-punt tat-tluq ta' proċess dejjiemi u miftuħ ibbażat fuq kundizzjonalità ġusta u rigoruża u impenn favur ir-riformi;
B. billi l-UE għandha tibqa' l-ankra għar-riformi fit-Turkija, b'kunsiderazzjoni tas-setgħa trasformattiva tan-negozjati għall-adeżjoni u l-proċess ta' tkabbir;
C. billi, skont il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, għandu jkun hemm konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE; billi t-Turkija impenjat ruħha li tissodisfa l-kriterji ta' Copenhagen, twettaq riformi adegwati u effikaċi u allinjament progressiv mal-acquis tal-UE; billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tagħha u tissokta l-proċess tagħha ta' demokratizzazzjoni u modernizzazzjoni;
D. billi r-rispett għall-istat tad-dritt huwa fil-qalba tal-proċess ta' negozjati, b'mod partikolari is-separazzjoni tal-poteri, il-libertà tal-espressjoni u l-midja, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, relazzjonijiet tajbin mal-viċinat, il-libertà ta' reliġjon, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' protesta paċifika, id-drittijiet tal-minoranzi, id-drittijiet tan-nisa, u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni kontra gruppi vulnerabbli bħalma huma r-Rom, il-persuni b'diżabbiltajiet, u l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI);
E. billi, rigward il-kriterji politiċi, ir-ritmu tar-riformi naqas u kien hemm rigress sinifikanti fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda;
F. billi t-Turkija għandha fost l-ogħla numru ta' ġurnalisti l-ħabs fid-dinja;
G. billi, skont il-klassifikazzjoni magħmula minn Freedom House dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja, it-Turkija għadha qed tiġi kklassifikata bħala pajjiż li m'għandux libertà tal-istampa u fejn il-libertà tal-internet hi biss parzjalment ħielsa;
H. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tiddeterjora rapidament fit-Turkija, kemm internament kif ukoll esternament;
I. billi t-Turkija ffaċċjat bosta attakki terroristiċi, minħabba l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (ISIL)/Daesh, f'Diyarbakir, Suruc, Ankara u f'Istanbul, fejn total ta' 150 persuna innoċenti tilfu ħajjithom;
J. filwaqt li l-bombardament ta' Aleppo u ta' partijiet oħrajn tas-Sirja mir-Russja qed iwasslu għal numru kbir ta' rifuġjati addizzjonali li qed ifittxu protezzjoni fit-Turkija;
K. billi l-UE u t-Turkija qablu li jagħtu spinta ġdida 'l quddiem lill-proċess ta' negozjati u biex jikkooperaw b'mod intensiv dwar il-migrazzjoni;
L. billi l-popolazzjoni Torka kienet ammirevoli fil-mod kif laqgħet l-għadd kbir ta' rifuġjati li qed jgħixu fosthom; billi t-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja, b'madwar 2,7 miljun rifuġjat irreġistrat mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan, skont il-UNHCR;
M. billi l-awtoritajiet Torok ma qablux li jerġgħu jiftħu s-Seminarju Ortodoss fuq il-gżira ta' Heybeliada;
1. Jinsab mħasseb ħafna, fid-dawl tar-rigress fir-rispett tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt ġewwa t-Turkija, li r-ritmu ġenerali tar-riformi fit-Turkija naqas b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, u li f'ċerti oqsma ewlenin bħall-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà ta' għaqda, il-libertà tal-espressjoni, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kien hemm rigressjoni u mixja kostanti lil hinn milli jiġu ssodisfati l-kriterji ta' Copenhagen li l-pajjiżi kandidati għandhom jirrispettaw;
2. Jissottolinja li t-Turkija hija sieħba strateġika għall-UE u li negozjati ta' adeżjoni attivi u kredibbli jipprovdu qafas xieraq biex il-potenzjal tar-relazzjonijiet UE-Turkija jiġi sfruttat bis-sħiħ; jieħu nota li l-proċess ta' negozjati ngħata spinta 'l quddiem mill-UE u jittama li l-ftuħ ta' kapitoli ser iwassal għal progress konkret; jappella, f'dan ir-rigward, għal progress konkret u impenn ġenwin min-naħa tat-Turkija; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex terġa' tivvaluta l-mod li bih in-negozjati tmexxew s'issa u kif ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn UE-Turkija jistgħu jitjiebu u jiġu intensifikati; jappoġġa bil-qawwa djalogu politiku strutturat ta' livell għoli, iktar frekwenti u miftuħ dwar kwistjonijiet tematiċi ewlenin ta' interess komuni bħalma huma l-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-enerġija, l-ekonomija u l-kummerċ;
3. Jemmen li l-posponiment tar-rapport ta' progress tal-2015 tal-Kummissjoni għal wara l-elezzjonijiet ta' Novembru 2015 fit-Turkija kienet deċiżjoni żbaljata, peress li tat l-impressjoni li l-UE hija lesta li tibqa' siekta dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali min-naħa tal-gvern Tork biex tpatti għall-kooperazzjoni tiegħu fir-rigward tar-rifuġjati; jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tippubblika rapporti ta' progress annwali skont skeda ta' żmien speċifika u fissa; jappella kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kunsill ma jinjorawx l-iżviluppi interni li saru fit-Turkija u li, bla riservi, jiddefendu r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fit-Turkija, kif stipulat fil-kriterji ta' Copenhagen, u dan irrispettivament minn interessi oħrajn;
4. Jieħu nota tar-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-1 ta' Novembru 2015 u l-iffurmar ta' gvern ġdid; itenni tl-appell tiegħu li l-limitu elettorali minimu ta' 10 % jitbaxxa, u jitlob għal trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali; ifaħħar il-parteċipazzjoni attiva tal-voluntiera tas-soċjetà ċivili matul l-elezzjonijiet u r-rata għolja ta' votanti li ħarġu jivvutaw; madankollu jikkundanna l-intimidazzjoni u l-fastidju tal-midja u d-diskriminazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni f'termini ta' kopertura fil-midja ta' qabel l-elezzjoni, il-klima ta' vjolenza u intimidazzjoni, eżemplifikati b'mod partikolari mill-attakki fuq kandidati individwali u fuq l-uffiċċji tal-partiti tal-oppożizzjoni, partikolarment tal-Partit tad-Demokrazija Popolari (HDP), u l-polarizzazzjoni politika intensa; jilqa' l-fatt li l-Gran Assemblea Nazzjonali Torka saret aktar inklużiva għal gruppi ta' minoranza fit-Turkija bħala riżultat ta' dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet u dan minkejja l-limitu ta' 10 %;
5. Jitlob li l-Unjoni Doganali tittejjeb u li l-ambitu tagħha titwessa' biex tkopri setturi ġodda, inklużi l-prodotti agrikoli, is-servizzi u l-akkwist pubbliku; jinnota li n-negozjati dwar dan huma skedati li jibdew fit-tieni semestru tal-2016; ifakkar li l-Unjoni Doganali tista' tilħaq il-potenzjal tagħha biss meta t-Turkija timplimenta għalkollox il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istati Membri kollha; huwa tal-fehma li l-interessi tat-Turkija għandhom jiġu kkunsidrati fi ftehimiet futuri ta' Kummerċ Ħieles iffirmati mill-UE ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari fil-każ UE-l-Istati Uniti dwar in-negozjati għall-Isħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP); jappella li l-moviment liberu tal-persuni jittejjeb u jsiru aktar skambji interkulturali;
6. Jieħu nota pożittiva tad-djalogu politiku intensifikat bejn l-UE u t-Turkija fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà u l-allinjament ulterjuri tat-Turkija mad-dikjarazzjonijiet tal-UE u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fl-2015; jiddispjaċih li t-Turkija ma allinjatx ruħha mad-deċiżjoni tal-Kunsill wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa u l-avvenimenti fil-Lvant tal-Ukrajna, inklużi l-miżuri restrittivi;
7. Itenni li t-Turkija għandha tkompli tallinja l-politika barranija tagħha ma' dik tal-UE b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Qafas ta' Negozjar; jikkunsidra li huwa essenzjali li jiżdied l-iskambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u jistieden lill-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin biex jattendi laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin kull meta jkun rilevanti; ifakkar fl-importanza strateġika tat-Turkija għas-sigurtà enerġetika tal-UE bħala pajjiż ta' tranżitu ewlieni; iqis li l-iżvilupp rapidu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u t-twessigħ tal-kuritur tat-trasport tal-enerġija mit-Turkija għall-Unjoni Ewropea huma essenzjali;
8. Itenni l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet tajbin tal-viċinat, li jikkostitwixxu element fundamentali tal-Qafas ta' Negozjar u huma element essenzjali fil-proċess ta' tkabbir; ; jappella, f'dan ir-rigward, lit-Turkija tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi obbligi ġuridiċi pendenti u tilwim li għadu mhux solvut mal-ġirien immedjati tagħha dwar il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; jappella lill-gvern Tork sabiex jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); iħeġġeġ lill-gvern Tork itemm il-ksur ripetut tal-ispazju tal-ajru u tal-ilmijiet territorjali Griegi kif ukoll il-prattika li inġenji tal-ajru militari Torok jittajru fuq il-gżejjer Griegi; jesprimi id-dispjaċir tiegħu li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata; iħeġġeġ lit-Turkija u lill-Armenja jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom billi jistabbilixxu relazzjonijiet diplomatiċi mingħajr prekundizzjonijiet, u jitlob li tinfetaħ il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja, li jista' jwassal għal titjib fir-relazzjonijiet, b'mod partikolari fil-kooperazzjoni transkonfinali u fl-integrazzjoni ekonomika;
II.Ir-rispett tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali
9. Huwa tal-fehma li, f'konformità mal-impenn tal-UE favur l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali, ir-riformi fl-oqsma tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà huma meħtieġa b'mod urġenti fit-Turkija; jappella, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-UE biex jipproponi, ladarba l-parametri tal-ftuħ uffiċjali jiġu ssodisfati, il-ftuħ tal-Kapitoli 23 (Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali) u 24 (Ġustizzja, Libertà u Sigurtà) u biex jiġi żgurat li l-proċess ta' riforma fit-Turkija jissawwar abbażi ta' valuri u standards Ewropej; jappella lit-Turkija timpenja ruħha b'mod sħiħ mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja;
10. Jiddeplora r-rigressi serji li saru, matul dawn l-aħħar sentejn, fil-libertà tal-kelma, tal-espressjoni u tal-opinjoni kemm online kif ukoll offline fit-Turkija, li ġiet ikklassifikata l-149 pajjiż minn 180 fl-aħħar Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ta' Reporters Without Borders; ifakkar li, skont iċ-ċifri tal-awtoritajiet Torok, it-Turkija huwa l-pajjiż li għandu r-rekord għall-akbar numru ta' ġurnalisti li jinsabu l-ħabs; itenni li l-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni u tal-kelma, li jinkludu l-midja indipendenti, huma valuri Ewropej fundamentali; jilqa' s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li d-drittijiet ta' Can Dündar u Erdem Gül kienu ġew miksura; ifakkar li dawn għadhom qed jiġu proċessati, u li l-prosekuturi qed jitolbu għadd ta' sentenzi ta' għomor il-ħabs, jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni li teskludi lill-pubbliku għat-tul kollu tal-proċess, u jitlob għal investigazzjoni bir-reqqa u oġġettiva fl-allegazzjonijiet tal-ġurnalista rigward it-trasport ta' armi lejn is-Sirja; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-President tat-Turkija kontra l-Qorti Kostituzzjonali; jitlob ir-rilaxx immedjat tal-ġurnalisti arrestati kollha u jħeġġeġ lid-diplomatiċi Ewropej biex ikomplu jissorveljaw mill-qrib il-kwistjonijiet kriminali kollha kontra l-ġurnalisti; jiddeplora l-attakki personali minn uffiċjali tal-gvern prominenti kontra ġurnalisti u oppożituri, u t-tendenzi dejjem aktar awtoritarji tal-mexxejja Torok; iħeġġeġ lit-Turkija taġixxi kontra l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti f'kull għamla tagħha, b'mod partikolari billi jiġu investigati l-attakki fiżiċi kollha u t-theddid kollu kontra l-ġurnalisti u timpedixxi attivament li jiġu attakkati l-mezzi tax-xandir, iżda wkoll billi tikkalma l-klima ta' tensjoni politika li toħloq ambjent li jrażżan il-libertà tal-espressjoni fil-midja u fuq l-internet;
11. Josserva l-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2015, maħruġ minn Transparency International fis-27 ta' Jannar 2016, li jindika żieda fil-korruzzjoni fit-Turkija fis-sena li għaddiet, u li issa t-Turkija tinsab fis-66 post; jissottolinja l-ħtieġa li l-gvern Tork jibgħat sinjali ċari u konsistenti li juru li għandu tassew l-intenzjoni li jiġġieled kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha ta' poter;
12. Ifakkar li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tkun fil-qalba tal-prijoritajiet tat-Turkija; jappella għalhekk lit-Turkija taġġorna l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni, li jiġi stabbilit korp indipendenti responsabbli mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li jinbena rekord kredibbli ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni, inklużi f'każijiet ta' livell għoli;
13. Jappella sabiex terġa' tiddaħħal l-indipendenza fil-midja ta' Koza İpek Holding u fil-gruppi tal-midjaFeza u li r-rappreżentanti kollha tal-gvern jitneħħew minn fuq il-bordijiet tad-diretturi, biex jerġgħu jinħatru mill-ġdid l-għadd kbir ta' impjegati li tkeċċew wara li esprimew id-diżappunt tagħhom dwar il-ħakma tal-gvern, u biex l-akkużi ta' terroriżmu jiġu rtirati;
14. Jikkundanna t-trattament vjolenti u l-ħakma illegali ta' diversi gazzetti Torok, l-aktar reċentement iz-Zaman, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni ta' Digiturk, allegatament ibbażata, inter alia, fuq raġunijiet politiċi, li jieqfu jittrażmettu stazzjonijiet tat-televiżjoni; jistieden lill-gvern Tork biex itemm il-pressjoni politika u ekonomika fuq il-midja indipendenti; jikkundanna bil-qawwa attakki verbali u fiżiċi u l-użu dejjem jiżdied ta' malafama u l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu fuq il-ġurnalisti; jinnota l-projbizzjonijiet fuq il-kontenut għal rappurtar online u offline, kif ukoll il-prattika ta' imblukkar ta' siti web, b'mod partikolari n-netwerks soċjali, li wasslu għal awtoċensura fost il-ġurnalisti u l-biża' ta' aktar rappreżalji għal min jikkritika l-gvern; jinsab imħasseb ħafna dwar l-ibblukkar ta' għeriexen ta' eluf ta'siti web, l-emendi adottati f'Marzu 2015 għal-"Liġi dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Internet", u l-awtorità tad-Direttorat tat-Telekomunikazzjonijiet (TIB) li tista' timblokka siti web fi żmien erba' sigħat għal għadd ta' raġunijiet vagi; jinsab imħasseb dwar il-fatt li nhar il-Ġimgħa 26 ta' Frar 2016 il-fornitur satellitari Tork Turksat waqqaf ix-xandiriet minn IMC TV fuq talba ta' prosekutur ta' Ankara li qed jinvestiga jekk l-istazzjon jappoġġax grupp "terroristiku"; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar multi fiskali esaġerati fuq l-organizzazzjonijiet tal-midja; jappella li ssir reviżjoni tal-liġi dwar l-internet biex jiġi appoġġat ambjent li jwassal għal-libertà tal-espressjoni fuq l-internet u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-drittijiet tal-individwi; jikkundanna t-tentattivi ta' uffiċjali tal-gvern Tork biex jintimidaw u, f'xi każijiet, jiddeportaw diversi ġurnalisti internazzjonali; jappella li ssir investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil fit-Turkija tal-ġurnalisti Naji Jerf u Ibrahim Abdel Qader u Fares Hammadi tal-blog dwar is-Sirja "Raqqa is Being Slaughtered Silently"; jiddeplora, barra minn hekk, l-investigazzjonijiet, l-arresti, is-sentenzi ta' ħabs u l-multi punittivi talli allegatament ġie insultat il-Kap tal-Istat, abbażi tal-Artikolu 299 tal-Kodiċi Penali; jappella lill-gvern Tork biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet b'mod urġenti u prijoritarju bl-għan li jiġi ssalvagwardjat il-pluraliżmu f'konformità mal-istandards internazzjonali; iqis li d-dibattitu pubbliku hu element ewlieni ta' kull demokrazija b'saħħitha;
15. Jappella lill-gvern Tork biex jadotta liġi b'saħħitha għall-protezzjoni tad-data u biex tiġi stabbilita awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, f'konformità mal-istandards Ewropej, li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-użu effiċjenti u effikaċi tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija u tal-ġudikatura u l-iskambju ta' informazzjoni, u, fl-istess ħin, jilħaq il-kriterji għal-liberalizzazzjoni tal-viżi; jappella lill-awtoritajiet Torok biex jiddefinixxu b'mod ċar l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi, b'mod partikolari dwar l-ipproċessar ta' data relatata mas-saħħa, u jistabbilixxu proċedura ta' selezzjoni li tiggarantixxi l-indipendenza tal-membri tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data;
16. Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-liġi kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari d-definizzjoni wiesgħa u eċċessivament vaga ta' terroriżmu, kriminalità organizzata u propaganda, li jagħmilha deċiżament impossibbli li tkun stabbilita n-natura preċiża ta' tali reati; jinsisti li l-leġiżlazzjoni kriminali u kontra t-terroriżmu għandhom jikkonformaw mal-ġurisprudenza tal-QEDB, li għandha tkun rispettata u implimentata bis-sħiħ mit-Turkija; jappella lit-Turkija toħloq ambjent politiku u legali li jħalli lill-ġudikatura twettaq id-doveri tagħha b'mod indipendenti u imparzjali, anke fil-prattika, sabiex ma sservix ta' strument għar-ripressjoni ta' dissent intern; jappella lit-Turkija timplimenta s-sentenzi kollha tal-Qrati Ewropej; jesprimi tħassib dwar l-għadd kbir ta' riassenjazzjonijiet, trasferimenti mhux mixtieqa u tkeċċijiet ta' mħallfin u prosekuturi, li jdgħajfu l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura, kif ukoll fuq ir-rispett għall-prinċipju tal-proċess dovut tal-liġi u s-separazzjoni tal-poteri; jappella għar-restituzzjoni urġenti tas-separazzjoni tal-poteri u li jittieħdu passi sinifikanti li jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura; jiddeplora l-perverżjonijiet tal-kors tal-ġustizzja għall-benefiċċju ta' ċerti politiċi li saru normali fit-Turkija wara l-iskandlu tal-korruzzjoni tal-2013; jissottolinja li r-rwol u l-influwenza tal-poter eżekuttiv fi ħdan il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi għandhom jiġu limitati, u hemm bżonn ta' garanziji suffiċjenti kontra t-trasferiment tal-imħallfin kontra r-rieda tagħhom;
17. Ifakkar li t-tkabbir ekonomiku straordinarju tat-Turkija fl-aħħar deċennju wassal għal splużjoni bla preċedent fil-bini ta' djar u fl-infrastruttura, spiss askaptu tat-tħassib ambjentali u tal-konservazzjoni; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu dwar il-megaproġetti varji fil-pajjiż, u jappella b'urġenza lill-gvern biex juża valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjali, u biex jinvolvi b'mod xieraq lill-popolazzjoni lokali fit-tfassil tal-proġetti sabiex kemm jista' jkun jiġu evitati l-effetti negattivi fit-tul tal-urbanizzazzjoni, il-konsum tal-ispazju u ta' degradazzjoni ambjentali;
18. Hu tal-fehma li l-proċess ta' riforma kostituzzjonali għandu jwassal għal soċjetà sekolari, pluralistika, inklużiva u tolleranti; jissottolinja li l-Kostituzzjoni l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq kunsens wiesa' madwar l-ispettru politiku kollu u fis-soċjetà kollha kemm hi, bir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi, irrispettivament mill-isfond kulturali jew reliġjuż tagħhom, biex b'hekk tissawwar bażi b'saħħitha għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lit-Turkija tirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-libertà tal-minoranzi reliġjużi u etniċi; jenfasizza l-bżonn li tiġi tippromulga leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, li tinkludi l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni u diskors ta' mibegħda abbażi ta' etniċità, reliġjon, orjentazzjoni sesswali, ġeneru jew identità tal-ġeneru, u biex tinkludi l-projbizzjoni ta' tali diskriminazzjoni f'Kostituzzjoni ġdida; jissottolinja li dan ma għandux jipprevjeni lit-Turkija milli tagħti drittijiet speċifiċi lil ċittadini abbażi tal-oriġini etnika, reliġjon jew lingwa, sabiex ikunu jistgħu jippreservaw l-identità tagħhom; jinnota, f'dan ir-rigward, li hemm bżonn ta' azzjoni ulterjuri biex jiġu trattati l-problemi ffaċċjati mill-membri tal-minoranza Griega, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet għall-edukazzjoni u ta' proprjetà; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Turkija jieħdu miżuri ġudizzjarji kontra persuni u korpi responsabbli għat-twettiq ta' kwalunkwe tip ta' reat ta' mibegħda, inkluż l-anti-Semitiżmu, kif dikjarat mill-gvern fl-2013 fil-"Pakkett ta' Demokratizzazzjoni"; jikkundanna l-attitudni passiva tal-gvern Tork fir-rigward tat-theddid serju kontra l-Insara u l-pastors tagħhom fil-midja soċjali; jistenna li l-gvern Tork jitratta kull ċittadin Tork mingħajr preġudizzju fir-rigward tat-twemmin reliġjuż tiegħu jew tagħha; jappella lill-awtoritajiet Torok, fid-dawl tal-fatt li t-Turkija għandha l-ogħla popolazzjoni tal-minoranza Rom fid-dinja, jimplimentaw miżuri konkreti u effikaċi li jiksbu de facto drittijiet ugwali għar-Roma fis-soċjetà Torka u biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Roma, b'attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni tat-tfal Roma u l-inklużjoni tan-nisa Roma;
19. Jappella lit-Turkija tkompli taħdem mill-qrib mal-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida li qed titħejja, u dwar l-implimentazzjoni ta' liġijiet eżistenti, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-acquis tal-UE;
20. jissottolinja l-ħtieġa li jiġi rrispettat bis-sħiħ, f'konformità mal-valuri Ewropej, id-dritt għal stili ta' ħajja differenti, kemm dawk sekulari kif ukoll dawk ibbażati fuq il-fidi, u li tinżamm is-separazzjoni tal-istat u r-reliġjon;
21. jisħaq l-importanza li jitkompla l-proċess ta' riforma fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon billi jingħata lok lill-komunitajiet reliġjużi li jiksbu personalità ġuridika, billi jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-kleru, billi jkun hemm konformità mas-sentenzi rilevanti tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u billi jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni jew ta' ostakoli bbażati fuq ir-reliġjon; jappella lit-Turkija tirrispetta n-natura distinta u l-importanza tal-Patrijarkat Ekumeniku, u tirrikonoxxi l-personalità legali tiegħu; itenni l-bżonn li jitħalla l-ftuħ mill-ġdid tas-Seminarju ta' Halki, u biex jitneħħew l-ostakoli kollha għall-funzjonament xieraq tiegħu, u wkoll biex jiġi permess l-użu fil-pubbliku tat-titolu ekkleżjastiku ta' Patrijarka Ekumeniku;
22. Jappella lill-gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Akkuyu; jindika li s-sit previst jinsab f'reġjun suxxettibbli għal terremoti qawwija, u għalhekk jippreżenta theddida serja mhux biss għat-Turkija iżda għar-reġjun tal-Mediterran kollu kemm hu; jitlob għaldaqstant lill-gvern Tork jingħaqad mal-Konvenzjoni Espoo, li qed timpenja l-partijiet jinnotifikaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar proġetti ewlenin taħt kunsiderazzjoni li x'aktarx ikollhom impatt ambjentali negattiv sinifikanti bejn il-fruntieri; jitlob lill-gvern Tork jinvolvi lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, li jkunu involuti jew għall-inqas ikkonsultati matul kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;
23. Jesprimi tħassib dwar il-livelli għolja ta' vjolenza fuq in-nisa u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-liġi domestika għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-protezzjoni tagħhom; jinsisti, barra minn hekk, li l-awtoritajiet jinfurzaw b'mod effikaċi l-liġijiet eżistenti rigward il-vjolenza kontra n-nisa u l-abbuż domestiku, li huma problema mifruxa kemm f'żoni rurali, kif ukoll f'dawk urbani, li jindirizzaw in-nuqqas ta' rappurtar tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, jipprovdu servizzi ta' appoġġ u joffru kenn għall-vittmi ta' tali vjolenza u jimponu sanzjonijiet dwar min iwettaq ir-reati, u biex ikabbru s-sensibilizzazzjoni soċjali, u biex tiġi trattata l-aċċettazzjoni tas-soċjetà tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jirrakkomanda bil-qawwa li l-gvern jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor;
24. Jappella lit-Turkija twettaq sforzi serji biex tipproteġi d-drittijiet tal-komunità LGBTI; jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' protezzjoni mogħtija lill-persuni LGBTI kontra atti ta' vjolenza; jenfasizza f'dan ir-rigward, id-dispjaċir tiegħu għan-nuqqas ta' inklużjoni tal-protezzjoni kontra r-reati ta' mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-Liġi kontra r-Reati ta' Mibegħda; jiddispjaċih li r-reati ta' mibegħda kontra persuni LGBTI spiss jibqgħu mhux ikkastigati jew li s-sentenzi tat-trasgressuri jkunu mnaqqsa minħabba allegazzjonijiet ta' "provokazzjoni inġusta" min-naħa tal-vittma;
III.Il-proċess ta' paċi Kurd u s-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija
25. Jesprimi tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni li qiegħda tmur għall-agħar fix-Xlokk tat-Turkija; ifakkar li l-Gvern Tork għandu responsabilità li jipproteġi lill-persuni kollha li jgħixu fit-territorju tiegħu, irrispettivament mill-oriġini kulturali jew reliġjużi tagħhom; jirrikonoxxi d-dritt leġittimu tat-Turkija li tiġġieled kontra t-terroriżmu, skont id-dritt internazzjonali; jisħaq, madankollu, li l-miżuri ta' sigurtà għandhom jitwettqu b'rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-operazzjonijiet kollha tal-forzi tas-sigurtà għandhom ikunu proporzjonali u ma jkunux forma ta' kastig kollettiv; jikkundanna l-imġiba ħażina tal-forzi speċjali tas-sigurtà u jitlob li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob li d-dritt umanitarju jiġi infurzat b'mod li l-vittmi jkunu jistgħu jirċievu l-kura li huma intitolati għaliha;
26. Jikkundanna u ma jikkunsidrax ġustifikat ir-ritorn tal-vjolenza min-naħa tal-PKK, li huwa fuq il-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi; jisħaq li ma hemm l-ebda soluzzjoni vjolenti għall-kwistjoni tal-Kurdi u jħeġġeġ lill-gvern tat-Turkija biex jerfa' r-responsabbiltà tiegħu li jerġa' jibda negozjati bil-għan li jikseb soluzzjoni komprensiva u sostenibbli għall-kwistjoni tal-Kurdi; jappella lill-PKK iċedi l-armi, jabbanduna t-tattiċi terroristiċi u jużaw mezzi paċifiċi u legali biex jagħtu vuċi lill-aspettativi tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra l-forzi tas-sigurtà u l-persuni ċivili; jesprimi tħassib serju, f'dan ir-rigward, dwar il-bini ta' barrikati u t-tħaffir ta' trinek mill-militanti YDG-H; jinsisti, madankollu, li l-protesti paċifiċi għandhom jitħallew isiru;
27. Jappella lill-awtoritajiet Torok biex minnufih ineħħu l-kerfjus li ġew implimentati bi ksur tal-Kostituzzjoni tat-Turkija; jesprimi preokkupazzjoni partikolarment serja dwar is-sitwazzjoni f'Cizre u f'Sur/Diyarbakır, u jikkundanna l-fatt li persuni ċivili qed jiġu maqtula, feruti u jitħallew mingħajr ilma, ikel u attenzjoni medika; jappella lit-Turkija tippermetti lis-Salib l-Aħmar Internazzjonali ttaffi l-kriżi umanitarja li qed tiżviluppa f'Cizre u f'Sur/Diyarbakır; iħeġġeġ lill-gvern iħalli lill-feruti jittieħdu l-isptar, b'konformità mal-miżuri interim tal-QEDB, u jiżgura passaġġ sigur lill-persuni ċivili fi bliet li jinsabu taħt kerfju; jinsab imħasseb bil-kbir dwar l-għadd li qiegħed jiżdied ta' mwiet u feruti ċivili, li għandhom jiġu investigati bir-reqqa, u dwar il-fatt li madwar 400 000 persuna spiċċaw spustati internament; jissottolinja li, bħala att ta' dinjità umana l-familji jeħtiġilhom jitħallew jirkupraw l-iġsma mit-toroq u jidfnuhom; jissottolinja r-responsabbiltà tal-gvern Tork li jiżgura d-drittijiet tal-bniedem u jipprovdi sigurtà u aċċess għal prodotti u servizzi għall-popolazzjoni ċivili kollha fil-partijiet tat-Turkija bi predominanza Kurda li huma milquta mill-ġlied; jitlob lill-gvern tat-Turkija jdaħħal fis-seħħ mekkaniżmu formali għall-għajnuna u kumpens urġenti għal dawk li kellhom jaħarbu minn djarhom, spiċċaw qiegħda, u tilfu l-għajxien tagħhom; jiddispjaċih għall-qerda tal-wirt storiku;
28. Jinnota bi tħassib il-proġetti ta' trasformazzjoni urbana u ta' rilokazzjoni f'żoni milquta mill-kunflitt li tħabbru dan l-aħħar mill-gvern Tork u jiddeplora d-deċiżjoni li titwettaq esproprjazzjoni estensiva fid-distrett Sur ta' Diyarbakir, fosthom ta' proprjetajiet li jappartjenu lill-muniċipalità kif ukoll proprjetajiet tal-knisja, li tkun ksur tad-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi; jappella lill-gvern Tork jirrispetta l-karattru kulturali distintiv tar-reġjun u jastjeni milli jsaħħaħ ulterjorment l-istruttura ċentralizzata tal-gvern lokali fir-reġjun; jitlob reviżjoni tad-deċiżjoni ta' esproprjazzjoni u tal-pjanijiet ta' rikostruzzjoni permezz ta' dħul fi djalogu u kooperazzjoni mal-muniċipalitajiet distrettwali u metropolitani u permezz tar-rispett lejn id-drittijiet tar-residenti u tas-sidien tal-proprjetà;
29. Jinsab diżappuntat bl-azzjonijiet tal-operazzjonijiet speċjali tal-forzi tal-pulizija magħrufa bħala "timijiet Esedullah", li jidher li huma responsabbli għal ksur gravi ta' drittijiet tal-bniedem, inkluż il-qtil deliberat ta' ċivili fix-Xlokk tat-Turkija; jitlob investigazzjoni dettaljata mill-awtoritajiet tat-Turkija fl-azzjonijiet tat-"timijiet Esedullah", u li dawk ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jerfgħu responsabbiltà sħiħa u jieħdu l-kastig tagħhom;
30. Jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat u t-tkomplija tal-proċess ta' paċi sabiex tinkiseb soluzzjoni negozjata għall-kwistjoni tal-Kurdi; jissottolinja l-prijorità li jsir progress lejn id-demokratizzazzjoni u r-rikonċiljazzjoni; jappella, f'dan il-kuntest, għall-istabbiliment ta' kumitat speċjali fil-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni Kurda, sabiex jikkontribwixxi għal paċi dejjiema billi jitrawwem sens ta' ġustizzja u fejqan tat-trawmi li huma vulnerabbli għal abbuż politiku; iħeġġeġ lill-UE biex mingħajr dewmien twettaq rwol attiv fil-proċess ta' paċi; jissottolinja l-importanza li tingħata prijorità lit-tisħiħ tad-drittijiet soċjali, kulturali u politiċi kif ukoll tat-trattament indaqs tal-persuni ta' oriġini Kurda; itenni t-talba tiegħu li t-Turkija, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tneħħi r-riżervi tagħha għall-Karta Ewropea ta' Awtonomija Lokali bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha fl-aspetti kollha tagħha;
31. Jiddeplora bil-qawwa l-intimidazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' aktar minn 1 000 akkademiku li ffirmaw petizzjoni li tappella għall-paċi; jikkundanna l-fatt li madwar 50 minnhom tkeċċew jew ġew sospiżi, filwaqt li erbgħa firmatarji oħra spiċċaw il-ħabs;; jissottolinja li dawk l-individwi li huma responsabbli għall-qtil tal-avukat Tahir Elçi - li ddedika ħajtu għall-paċi u għad-drittijiet tal-bniedem - għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; jesprimi tħassib serju dwar l-investigazzjonijiet ġudizzjarji li prinċipalment għandhom fil-mira l-membri tal-HDP, kif ukoll dwar il-priġunerija u t-tkeċċija ta' sindki lokali, inkluż 25 ko-sindku, u t-theddid kontra ħafna politiċi Kurdi;
32. Jikkundanna bis-saħħa l-attakki terroristiċi mill-ISIL/Daesh f'Diyarbakir, Suruc, Ankara, u Istanbul; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u l-familji tagħhom u maċ-ċittadini tat-Turkija li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-estremiżmu; jikkundanna bl-istess qawwa l-isplużjonijiet ta' bombi f'Ankara fis-17 ta' Frar 2016, li għalihom il-grupp militanti TAK (Falkuni tal-Libertà tal-Kurdistan) ħa r-responsabbiltà, kif ukoll l-attakk f'Ankara fit-13 ta' Marzu 2016, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u ta' dawk li mietu; jisħaq dwar l-importanza li jitwettqu investigazzjonijiet dettaljati f'dawn l-attakki bil-għan li l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja; jemmen li l-kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Europol u l-aġenziji Torok tal-infurzar tal-liġi hi essenzjali biex it-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effikaċi;
33. Jilqa' l-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIL u l-ftuħ tal-bażijiet tagħha għall-forzi tal-Istati Uniti u tal-koalizzjoni; iħeġġeġ lit-Turkija taġixxi bir-riżerva xierqa u b'kooperazzjoni sħiħa mal-allejati tal-Punent;
34. Iħeġġeġ lit-Turkija tkompli tkabbar l-isforzi tagħha biex tipprevjeni lill-ġellieda barranin, flus u tagħmir milli jilħqu lill-ISIL/Daesh u lil gruppi estremisti oħrajn mit-territorju tagħha; jinsab imħasseb li l-awtoritajiet Torok setgħu ma ħadux il-miżuri kollha possibbli biex iwaqqfu u jipprevjenu l-attivitajiet tal-ISIL/Daesh, b'mod partikolari l-ġlieda kontra t-traffikar taż-żejt mill-fruntieri tagħha; jitlob lill-UE ssaħħaħ il-kapaċità tagħha ta' skambju ta' informazzjoni u tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet Torok dwar din il-kwistjoni sabiex jingħata aktar appoġġ fil-ġlieda kontra n-networks ta' kuntrabandu; jinnota n-nuqqasijiet fl-arrest ta' ġellieda barranin u l-kontroll tal-fruntieri fl-Iraq u s-Sirja;
35. Jilqa' l-appoġġ u l-kontribut tat-Turkija fil-ftehim milħuq bejn is-setgħat ewlenin biex jintemm il-ġlied fis-Sirja u l-għajnuna umanitarja tiġi pprovduta lill-persuni fil-bżonn; ifaħħarha bħala pass importanti lejn is-soluzzjoni tal-kriżi tas-Sirja; jinnota t-tmiem tal-ġlied għandu japplika għall-partijiet kollha fil-kunflitt ħlief gruppi rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet terroristiċi mill-UNSC; jappella lill-partijiet kollha jimplimentaw malajr dawn l-impenji bis-sħiħ; ifakkar fit-twemmin tiegħu li ma hemmx soluzzjoni militari għall-kunflitt fis-Sirja u jinsisti dwar il-bżonn li tinstab soluzzjoni politika; jikkundanna l-intervent militari tat-Turkija kontra l-forzi Kurdi fis-Sirja tat-Tramuntana, li jdgħajjef il-ġlieda kontra l-ISIL/Daesh u jipperikola l-isforzi ta' paċi u sigurtà;
IV.Kooperazzjoni UE-Turkija dwar ir-rifuġjati / kriżi ta' migrazzjoni
36. Jappoġġa parteċipazzjoni politika mġedda bejn l-UE u t-Turkija dwar l-isfidi ġeopolitiċi, b'mod partikolari dwar il-kriżi tar-rifuġjati u ta' migrazzjoni; jirrikonoxxi l-kontribut umanitarju qawwi tat-Turkija li tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja; iħeġġeġ lill-UE u t-Turkija jingħaqdu flimkien biex itejbu u jiżguraw kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti u kapaċitajiet bażiċi tal-kampijiet ta' rifuġjati u biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), sabiex jevitaw l-eżodu qawwi ta' migranti; iħeġġeġ lill-UE tkompli taħdem mal-uffiċċjali tal-gvern Tork biex tiżgura d-dokumentazzjoni korretta tal-migranti; ifakkar li t-Turkija hi waħda mill-pajjiżi ta' tranżitu ewlenin għall-migranti u r-rifuġjati li jivvjaġġaw lejn l-UE, mhux biss mis-Sirja iżda minn bosta pajjiżi oħrajn; jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni mat-Turkija fil-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati u biex jiġi evitat it-telf ta' ħajja fuq il-baħar; jilqa' b'sodisfazzjon il-missjoni ta' monitoraġġ tan-NATO fil-Baħar Eġew;
37. Jilqa' l-attivazzjoni, mid-29 ta' Novembru 2015, tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Turkija dwar ir-rifuġjati u l-ġestjoni tal-migranti, bħala parti mill-aġenda ta' kooperazzjoni komprensiva bbażata fuq responsabbiltà komuni, impenji reċiproċi u l-konsenja, u jinsisti fuq il-bżonn li dan jiġi implimentat minnufih; jenfasizza li l-kooperazzjoni UE-Turkija dwar il-migrazzjoni ma għandhiex tkun marbuta mal-kalendarju, kontenut u kundizjonalità tal-proċess ta' negozjati; jemmen li l-esternalizzazzjoni tal-kriżi ta' rifuġjati lit-Turkija mhijiex soluzzjoni kredibbli tal-problema fuq il-perjodu twil ta' żmien; jappella għas-solidarjetà tal-Istati Membri tal-UE biex iżidu n-numru ta' pajjiżi li se jaċċettaw ir-rifuġjati għal risistemazzjoni fi spirtu ta' kondiviżjoni tal-piżijiet u ta' responsabbiltà;
38. Jenfasizza li t-EUR 3 biljun, u l-finanzjament addizzjonali, tal-Faċilità tar-Rifuġjati fit-Turkija għandhom jintużaw b'mod xieraq sabiex ikun benefiċċju malajr u dirett għar-rifuġjati u l-komunitajiet ospitanti tagħhom permezz tal-implimentazzjoni ta' proġetti li jissodisfaw il-ħtiġijiiet l-iktar urġenti ta' ikel, kura tas-saħħa, sanitazzjoni u edukazzjoni; jitlob l-involviment sħiħ tal-Parlament fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet bħala koleġiżlatur u awtorità baġitarja; iħeġġeġ l-iżborż aktar mgħaġġel tal-fondi mwiegħda; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, b'kooperazzjoni mat-Turkija, li jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu li jivverifika li l-fondi qed jintużaw tajjeb għal dan il-għan, li l-mekkaniżmu jiġi mmonitorjat mill-qrib u li l-Parlament Ewropew jiġi informat b'mod regolari mill-Kummissjoni dwar l-użu tal-fondi; jissottolinja l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal, partikolarment l-orfni, u l-minoranzi reliġjużi bħall-Insara u l-Yazidi; jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-abbuż kontra n-nisa u t-tfajliet fir-rotot ta' migrazzjoni li jgħaddu mit-Turkija;
39. Ifaħħar id-deċiżjoni reċenti tal-gvern Tork li jiftaħ is-suq tax-xogħol għar-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ azzjoni aktar urġenti sabiex jiġi żgurat li s-700 000 tifel u tifla Sirjani kollha jirċievu edukazzjoni; ifaħħar lill-gvern Tork talli pprovda servizzi tas-saħħa u edukazzjoni b'xejn lir-rifuġjati Sirjani; jiddeplora l-fatt li l-appell tal-UNHCR għaż-żieda ta' fondi ġie injorat, u li l-Programm Dinji tal-Ikel kellu jnaqqas il-proporzjon ta' nutrizzjoni tiegħu għal 80 % minħabba tnaqqis fil-fondi; ifaħħar lit-Turkija talli b'mod unilaterali għamlet tajjeb għal din id-diskrepanza finanzjarja, u jappella lill-Istati Membri u lill-UE jżidu l-fondi tagħhom lill-aġenziji tan-NU u lill-NGOs imsieħba tagħhom fit-Turkija;
40. Japprezza li t-Turkija, sa dan l-aħħar baqgħet iżżomm politika ta' fruntiera miftuħa għar-rifuġjati Sirjani; ifaħħar id-dħul fis-seħħ ta' regoli ġodda fir-reġim tal-viża Tork, li diġà witta t-triq għal tnaqqis drastiku fi qsim irregolari tal-fruntiera; jisħaq, madankollu, li b'konformità mal-politika tal-UE dwar il-viża, għandha tkun applikata linja ta' politika aktar stretta fil-konfront ta' pajjiżi li jirrappreżentaw sors ewlieni ta' migrazzjoni irregolari, sabiex jiitrażżan l-influss ta' migranti fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali mit-Turkija għall-Ewropa; jissottolinja li t-Turkija għandha bżonn ta' kull tip ta' għajnuna biex ittejjeb aktar is-sigurtà tal-fruntieri tagħha u żżid il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin; jappella lit-Turkija turi tolleranza żero u ddaħħal fis-seħħ miżuri effikaċi biex jitwaqqfu t-traffikanti tal-bnedmin u wkoll il-fluss ta' rifuġjati lejn il-gżejjer Griegi li jwasslu għal kwistjonijiet umanitarji, politiċi, soċjali u ta' sigurtà gravi fi ħdan l-UE; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn it-Turkija, il-Bulgarija u l-Greċja fil-qasam ta' operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fil-Baħar Eġew, u jappella lill-Frontex toffri l-appoġġ tagħha lill-gwardja kostali Torka, u ssaħħaħ l-iskambju bilaterali ta' informazzjoni; jirrikonoxxi li l-miżuri kontra l-kuntrabandu kriminali jistgħu jkunu effikaċi biss jekk jiddaħħlu fis-seħħ flimkien mal-introduzzjoni ta' rotot sikuri u legali biex ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil jidħlu fl-Unjoni Ewropea;
41. Jissottolinja li t-tnaqqis tal-migrazzjoni lejn l-UE m'għandux iwassal għal respinġimenti ("pushbacks") tar-rifuġjati jew detenzjoni illegali; jistieden lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Turkija, tinvestiga l-allegazzjonijiet li saru minn Amnesty International fir-Rapport tagħhom tal-1 ta' April 2016 li t-Turkija qed iġġiegħel lir-rifuġjati Sirjani jmorru lura lejn pajjiżhom; jinsisti li l-proċeduri kollha ta' ritorn furzat applikati mill-Greċja għat-Turkija għandhom ikunu f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali u d-dritt tal-UE fir-rigward tal-aċċess għall-asil u l-protezzjoni internazzjonali u l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib il-mod li bih l-awtoritajiet Torok jimplimentaw il-ftehim u jekk il-prinċipju ta' non-refoulement huwiex qed jiġi rispettat fil-każ ta' persuni mibgħuta lura lejn it-Turkija; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tat-Turkija biex tneħħi r-riżerva ġeografika għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951; jinsisti li huwa kruċjali li jiddaħħlu fis-seħħ rotot sikuri u legali għar-rifuġjati u jħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu b'mod sostanzjali l-isforzi tagħhom ta' risistemazzjoni; huwa tal-opinjoni li huwa imperattiv li tinsab soluzzjoni politika għall-kriżi Sirjana; iħeġġeġ lit-Turkija żżid sostanzjalment l-isforzi tagħha biex tinstab soluzzjoni politika, jiġifieri li jingħelbu r-riżervi tagħha kontra l-parteċipazzjoni tal-Kurdi fit-taħditiet ta' paċi f'Ġinevra;
42. Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet tat-Turkija u l-UNHCR fit-Turkija qed jarmonizzaw il-bażi ta' data tagħhom ta' reġistrazzjoni tar-rifuġjati f'sistema ta' reġistrazzjoni unika; iqisha bħala urġenti li jinstabu mezzi tekniċi li jagħmlu dik il-bażi ta' data interoperabbli u kumpatibbli mal-bażi ta' data Ewropeja għar-reġistrazzjoni ta' dawk li qed ifittxu l-asil, Eurodac; jenfasizza li hu wkoll importanti li ladarba r-rifuġjati jitilqu mit-Turkija biex imorru lejn l-Ewropa, dawn għandhom jiġu dereġistrati mill-bażi ta' data tat-Turkija;
43. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' riammissjoni fir-rigward tal-Istati Membri kollha hija kruċjali għall-UE peress li dan jipprovdi opportunità għal politika ta' ritorn aktar effikaċi għal migranti li m'għandhomx bżonn ta' protezzjoni internazzjonali; jilqa' l-ftehim politiku li ntlaħaq miż-żewġ partijiet fis-Summit bejn UE-Turkija li sar fid-29 ta' Novembru 2015 dwar il-ftehim ta' riammissjoni tal-UE-Turkija, sabiex il-Ftehim jibda japplika b'mod sħiħ minn Ġunju 2016, jappella lill-partijiet kollha jimplimentaw bis-sħiħ u b'effikaċja l-ftehimiet bilaterali attwali u jiżguraw li jkun hemm ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali ta' migranti li jirritornaw;
44. Iħeġġeġ lill-gvern sabiex jissodisfa l-kriterji identifikati fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża b'mod sħiħ u nondiskriminatorju, fil-konfront tal-Istati Membri kollha; ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-viża hija proċess ibbażat fuq il-mertu u huwa biss meta jiġu ssodisfati l-istandards li l-ivjaġġar mingħajr viża jkun possibbli għaċ-ċittadini Torok; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar assistenza teknika sabiex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża;
V.Progress tat-taħdidiet dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru
45. Ifaħħar il-progress konsiderevoli li nkiseb fit-taħdidiet dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru, taħt l-awspiċi tan-NU; jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Frar 2014 magħmula miż-żewġ mexxejja bħala l-bażi tal-ftehim; jappoġġa l-evoluzzjoni tar-Repubblika ta' Ċipru, f'federazzjoni bikomunali u biżonali b'sovranità unika, b'personalità internazzjonali unika u b'ċittadinanza unika b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet u b'opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha tagħha, mingħajr preġudizzju għall-ftehim finali, u bi qbil mar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU u mad-dritt internazzjonali; ifaħħar l-approċċ kostruttiv tal-mexxejja tal-komunità Griega Ċiprijotta kif ukoll dik Torka Ċiprijotta tal-gżira, u d-determinazzjoni u l-isforzi bla waqfien tagħhom biex tinkiseb soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli malajr kemm jista' jkun; jissottolinja l-importanza tas-soluzzjoni tal-problema Ċiprijotta, li ilha għaddejja għal għexieren ta' snin, kemm għar-reġjun kollu kif ukoll għall-Ewropa/l-Unjoni Ewropea; jilqa' għalhekk il-possibbiltà ta' referendum ġdid dwar ir-riunifikazzjoni u jappella lill-partijiet kollha jikkontribwixxu għal riżultat pożittiv;
46. Jenfasizza li n-nuqqas ta' soluzzjoni tal-kwistjoni ta' Ċipru għad qed ikollu effett fuq ir-relazzjonijiet UE-Turkija u għaldaqstant jistieden lin-naħat ikkonċernati kollha jistinkaw biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni;
47. Jappella lit-Turkija tissodisfa l-obbligu tagħha li timplimenta bis-sħiħ u b'mod nondiskriminatorju l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija fir-rigward tal-Istati Membri kollha, inkluż ir-Repubblika ta' Ċipru, li jekk jiġi ssodisfat jista' jagħti spinta sinifikanti lill-proċess ta' negozjati;
48. Jiddeplora l-politika ta' insedjament illegali tat-Turkija u jappella lit-Turkija żżomm lura minn aktar insedjamenti ta' ċittadini tat-Turkija fiż-żoni okkupati ta' Ċipru, li tmur kontra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija ttemm l-azzjonijiet kollha li jbiddlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira u li b'hekk jimpedixxu soluzzjoni futura;
49. Jappella lit-Turkija żżomm lura minn kwalunkwe azzjoni fiż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) ta' Ċipru, li tista' twassal għal frizzjoni u kriżi f'reġjun sensittiv ħafna u jista' jkollu effetti negattivi fuq in-negozjati għal soluzzjoni demokratika li ttemm l-istatus quo dikotomu u mhux aċċettabbli attwali; jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jiffirmaw ftehimiet bilaterali u oħrajn fil-kuntest tad-drittijiet sovrani tagħhom sabiex jisfruttaw ir-riżorsi nazzjonali tagħhom fi ħdan iż-ŻEE tagħhom;
50. Jilqa' l-ftehim taż-żewġ mexxejja dwar serje ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, inkluż dwar il-ftuħ ta' żewġ punti ta' qsim tal-fruntiera ġodda, dwar l-interkonnessjoni tal-grilji tal-elettriku; jinnota, madankollu, li kien hemm ftit jew l-ebda progress dwar l-interoperabbiltà tat-telefonija ċellulari; iħeġġeġ għalhekk liż-żewġ naħat jimplimentaw il-miżuri kollha maqbula mingħajr l-ebda dewmien; jappella lill-UE tappoġġa bis-sħiħ il-ftehim, kemm b'mod politiku kif ukoll b'mod finanzjarju; jappella lit-Turkija, tappoġġa b'mod attiv il-proċess ta' negozjati u l-eżitu tiegħu; jappella lit-Turkija tibda tirtira l-forzi tagħha minn Ċipru u tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU f'konformità mar-Riżoluzzjoni 550 (1984) tal-UNSC; ifaħħar il-fatt li ngħata aċċess lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa (li jitratta kemm il-persuni nieqsa Ċiprijotti Torok u Ċiprijotti Griegi) għaż-żoni kollha rilevanti, inklużi ż-żoni militari; iħeġġeġ lit-Turkija, madankollu, tagħti aċċess għall-arkivji rilevanti li għandu jimmassimizza l-effikaċja tal-kumitat;
51. Jilqa' l-inizjattiva tal-President tar-Repubblika ta' Ċipru, is-Sur Nicos Anastasiades, biex it-Tork isir lingwa uffiċjali tal-UE u jħeġġeġ lill-partijiet iħaffu dan il-proċess; jinnota l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fl-istat kostitwenti Tork Ċiprijott futur mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' soluzzjoni għandha diġà tkun ġiet ippreparata tajjeb; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' kumitat bikomunali ad hoc dwar il-preparazzjoni għall-UE; iħeġġeġ kemm lill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jipparteċipaw maċ-Ċiprijotti Torok bi tħejjija għall-integrazzjoni sħiħa fl-UE; iħeġġeġ lill-President tal-Parlament Ewropea jieħu l-passi meħtieġa fl-eventwalità ta' soluzzjoni;
o o o
52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni , lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.