Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar l-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji (2015/2223(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1 u 34(3) tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi(6),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE(7), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija(8),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid)(9),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2015, bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 - Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess" (COM(2015)0610),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2014)0130),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758) u l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011(10) dwar l-istess suġġett,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020) kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010, dwar "The human right to water and sanitation" (Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità)(12),
– wara li kkunsidra l-proġett pilota tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta' metodoloġija komuni dwar baġits ta' referenza fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru ta' Riċerka Innocenti tal-UNICEF (2012) "Measuring Child Poverty: New league tables of child poverty in the world’s rich countries" (Il-kejl tal-faqar fost it-tfal: tabelli ġodda ta' klassifikazzjoni tal-faqar fost it-tfal fil-pajjiżi sinjuri)(13),
– wara li kkunsidra r-rapport taċ-Ċentru ta' Riċerka Innocenti tal-UNICEF (2014) "Children of the Recession: The impact of the economic crisis on child well-being in rich countries" (Tfal tar-riċessjoni: l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq il-benesseri tat-tfal fil-pajjiżi sinjuri)(14),
– wara li kkunsidra l-Quarterly Review tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi, ta' Settembru 2015(15),
– wara li kkunsidra l-Pakkett ta' Investimenti Soċjali tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2011 dwar "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali"(16),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD 'In It Together: Why Less Inequality Benefits All" (Fis-sitwazzjoni Flimkien: Għaliex Inqas Inugwaljanza Tibbenefika Lil Kulħadd) tal-21 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Settembru 2013 dwar it-tema: "Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija"(17),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar "Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar"(18),
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Marzu 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali(19),
– wara li kkunsidra l-opinjoni konġunta tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) u l-Kumitat għall-Impjiegi (EMCO) tat-3 ta' Ottubru 2014 intitolata Rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020"(20),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-SPC tal-10 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (2014)(21),
– wara li kkunsidra l-istudji bit-titolu "The State of Lending: The Cumulative Costs of Predatory Practices" (Is-Sitwazzjoni tas-Self: L-Ispejjeż Kumulattivi ta' Prattiki Predatorji)(22), ta' Ġunju 2015 u "Le panier de la ménagère ... pauvre" (Il-basket tax-xirja ... fqir)(23), ta' Awwissu 2008,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali Inizjattiva Ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020(24),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej "Right2Water"(25),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(26),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi għall-2015(27), u l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi(28),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(29),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(30),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Aċċess għas-Servizzi Bankarji Bażiċi(31),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa(32),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0040/2016),
A. billi bejn l-2008 u l-2013, in-numru ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE żdied minn 117-il miljun għal 122,6 miljuni; billi fl-2013, 16,7 % tal-popolazzjoni tal-UE kienu f'riskju ta' faqar wara t-trasferimenti soċjali, 9,6 % kienu f'sitwazzjoni ta' privazzjoni materjali serja u 10,7 % tal-unitajiet domestiċi kienu kkunsidrati bħala li għandhom intensità baxxa ta' xogħol; billi dan l-iżvilupp imur kontra l-għan strateġiku tal-UE li hu definit fl-Istrateġija Ewropa 2020 tagħha u li għandu l-għan li jnaqqas l-għadd ta' persuni li qed jgħixu fil-faqar jew li jinsabu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali b'tal-inqas 20 miljun sal-2020;
B. billi skont il-metodoloġija tal-Eurostat il-limitu tar-riskju ta' faqar huwa stabbilit għal 60 % tad-dħul disponibbli ekwivalizzat medju nazzjonali;
C. billi l-iffrankar tal-enerġija u t-titjib fl-effiċjenza, partikolarment fir-rigward tal-kwalità tad-djar, jista' jippermetti ħafna unitajiet domestiċi jaħarbu l-faqar enerġetiku; billi 10 % taċ-ċittadini tal-UE kellhom arretrati fuq il-kontijiet tal-utilitajiet fl-2015 (37 % fl-Istat Membru l-aktar milqut); 12 % taċ-ċittadini tal-UE ma rnexxilhomx iżommu darhom msaħħna kemm meħtieġ fl-2014 (60 % fl-Istat Membru l-aktar milqut); 16 % tal-popolazzjoni tal-UE kienu qed jgħixu fi djar b'soqfa jqattru u b'ħitan umda fl-2014 (33 % fl-Istat Membru l-aktar milqut) skont l-istatistika ta' SILC;
D. billi n-numru ta' persuni qiegħda għal żmien twil jaqbeż it-12-il miljun persuna, li minnhom 62 % ilhom aktar minn sentejn konsekuttivi mingħajr xogħol; billi hemm possibbiltá akbar li l-persuni qiegħda għal żmien twil ikunu affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali;
E. filwaqt li jqis l-importanza tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u tas-sostenibbiltà tiegħu fi żmien meta l-kriżi soċjali qed taffettwa għadd dejjem aktar ta' Ewropej;
F. filwaqt li jqis l-Artikolu 34(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jipprevedi li sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti;
G. billi l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi essenzjali, f'ċerta żminijiet u f'uħud mill-pajjiżi, żdiedu b'mod relattivament mgħaġġel u, għaldaqstant, żdiedet wkoll in-nefqa tal-familji;
H. billi l-"foqra kroniċi", li ta' spiss ikunu persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, għalkemm xi drabi jkunu impjegati b'salarju baxx jew persuni li jgħixu waħedhom bi tfal li m'għandhomx impjieg jew li bħala medja jaħdmu inqas sigħat mill-persuna bil-paga primarja, huma identifikati b'mod konsistenti bħala fost l-aktar gruppi vulnerabbli;
I. billi sal-lum għad m'hemmx indikaturi stabbiliti dwar il-faqar assolut;
J. billi l-akkomodazzjoni fqira jew inadegwata tnaqqas ħafna l-possibbiltà li persuna tgħix ħajja normali; billi l-kwalità tal-akkomodazzjoni (inkluż l-iżolament xieraq, eċċ) pprovduta lill-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli naqset matul il-kriżi, minħabba fl-inkapaċità li tiġi ffinanzjata l-manutenzjoni; billi l-għajxien għal perjodi estiżi ta' żmien f'akkomodazzjoni ta' kwalità baxxa jista' jaffettwa s-saħħa fiżika;
K. billi ż-żieda fin-nefqa tal-familji marbuta mal-ispiża tal-akkomodazzjoni, l-ikel, l-utilitajiet (l-elettriku, il-gass u l-ilma), it-trasport, l-ispiża medika jew l-ispejjeż marbuta mal-edukazzjoni, tagħmilha diffiċli li jintlaħaq l-objettiv stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020 li jitnaqqas il-faqar;
L. billi l-ispiża għal oġġetti u servizzi bażiċi u essenzjali f’ħafna pajjiżi tal-UE żdiedet b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin, u dan wassal għal żieda fl-infiq ġenerali tal-unitajiet domestiċi;
M. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja u t-tnaqqis fid-dħul tal-unitajiet domestiċi huma elementi li flimkien wasslu għal żieda fil-qgħad u l-esklużjoni soċjali fl-UE, speċjalment fost il-gruppi ta' persuni l-aktar vulnerabbli, u b'hekk żdied il-piż fuq is-servizzi soċjali;
N. billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li diġà huwa ogħla minn dak fost il-gruppi ta' etajiet oħrajn, sploda fl-Unjoni Ewropea mindu bdiet il-kriżi u attwalment qabeż l-20 %, li joħloq ir-riskju li żgħażagħ jaqgħu fil-faqar minn età bikrija ħafna; billi jqis l-Osservazzjonijiet Finali tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-aktar rapporti perjodiċi riċenti ta' xi pajjiżi Ewropej fir-rigward taż-żieda fil-faqar u/jew tal-livell tar-riskju ta' faqar fost it-tfal b'konsegwenza tal-kriżi ekonomika; billi din iż-żieda taffettwa d-drittijiet għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali;
O. billi l-faqar, li fl-Istati Membri ilu f'livell għoli għal ħafna snin, għandu impatt ferm aktar sinifikanti fuq l-ekonomija, huwa ta' detriment għat-tkabbir ekonomiku, iżid id-defiċits tal-baġit pubbliku u jnaqqas il-kompetittività Ewropea;
P. billi n-nuqqas ta' akkomodazzjoni u tisħin adegwati għandu impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali u tal-impjieg, b'mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli; billi l-persuni qed ibatu minħabba l-fatt li ma jkunux jistgħu jsaħħnu djarhom kemm fl-Istati Membri tat-Tramuntana kif ukoll tan-Nofsinhar; billi ċ-ċifri tal-UE-SILC juru li l-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjonni (skont l-istatus tal-livell tal-għajxien) huwa ogħla għall-kerrejja li jgħixu fis-settur privat tal-kera f'xi Stati Membri, li jista' jiġi spjegat mill-kwalità baxxa tal-akkomodazzjoni u mill-prezzijiet għaljin; billi ħafna familji qed isibu diffikultà biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-prodotti u s-servizzi essenzjali, anke dan bħala konsegwenza tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew;
Q. billi l-faqar enerġetiku huwa marbut mal-faqar ġenerali u huwa r-riżultat ta' għadd ta' kundizzjonijiet sottostanti inklużi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-saħħa u d-diżabilità, nuqqas ta' aċċess għall-offerti speċjalizzati jew servizzi online, dħul baxx, it-tip ta' sistema tat-tisħin użata fl-akkomodazzjoni u l-kwalità u r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tal-istokk tal-akkomodazzjoni;
R. billi dawk qiegħda, il-familji b’ġenitur wieħed, il-familji bi dħul baxx, ir-romol, il-persuni b'mard permanenti, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità u l-minoranzi huma sikwit fost l-aktar vulnerabbli li jispiċċaw fir-riskju tal-faqar u jbatu b'mod partikolari minħabba l-ispejjeż għaljin tal-għajxien;
S. billi d-differenza kbira bejn l-Istati Membri fil-provvista tas-servizzi soċjali u fl-introjtu minimu tfisser li f'xi Stati Membri is-servizzi soċjali jnaqqsu r-riskju tal-faqar b'60 % u f'każijiet oħrajn bi 15 % biss; billi l-impatt medju tal-provvista tas-servizzi soċjali fuq it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fl-UE huwa ta' 35 %;
T. billi r-rapport li jmiss tal-Eurofund intitolat "Housing in Europe" (Akkomodazzjoni fl-Ewropa) se jinkludi mudell li jikkalkola li, minħabba livelli eżistenti ta' insuffiċjenzi fl-akkomodazzjoni (abitazzjonijiet) (skont id-data tal-2011), l-ispiża totali tan-nefqa medika hija aktar minn EUR 170 biljun fis-sena għall-ekonomiji tal-UE28; billi jekk jitwettaq ix-xogħol kollu ta' tiswija, jista' jkun hemm iffrankar ta' spejjeż mediċi ta' madwar EUR 8 biljun fl-ewwel sena, li jkompli jakkumula l-benefiċċji fil-futur;
U. billi n-NU affermat li d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità jintitola lil kulħadd għall-ilma għal użi personali u domestiċi li jkun ta' kwalità tajba, bla periklu, fiżikament aċċessibbli, bi prezz raġonevoli, suffiċjenti u aċċettabbli; billi rakkomandazzjoni oħra tan-NU ddikjarat li 3 % tad-dħul tal-unità domestika għandu jitqies bħala l-massimu għall-ħlasijiet tal-ilma fejn japplikaw il-pagamenti; billi l-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-ilma għandha impatt negattiv fuq l-unitajiet domestiċi li jgħixu, jew li jinsabu, f'riskju tal-faqar;
V. billi l-faqar enerġetiku qed isir problema li qed tinfirex fl-Ewropa u s-sitwazzjoni aktarx li teħżien fis-snin li ġejjin bħala riżultat taż-żidiet fil-prezzijiet previsti tal-enerġija, taż-żieda korrispondenti fl-inugwaljanza fid-dħul u l-faqar b'mod ġenerali, tan-nuqqas ta' sistemi ta' tisħin adegwati, kif ukoll tal-kwalità kumplessivament ħażina tas-sistemi ta' iżolament tad-djar, b'mod speċjali fil-pajjiżi Mediterranji;
W. billi fl-UE hemm 12-il miljun aktar nisa milli rġiel li jgħixu fil-faqar; billi l-fatturi li jikkontribwixxu għal din l-inugwaljanza jinkludu d-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa, il-proporzjon kbir ta' nisa f'xogħol prekarju, u l-fatt li n-nisa huma ħafna drabi sfurzati li jkunu ekonomikament inattivi minħabba l-ispiża għalja wisq tal-kura tat-tfal;
X. billi d-disparità bejn is-sessi fil-pagi, fil-ħinijiet tax-xogħol u t-tul tal-ħajja tax-xogħol li n-nisa jiffaċċjaw matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom għandhom effett dirett fuq ħajjithom bħala pensjonanti; billi n-nisa ta' 'l fuq minn 65 sena jinsabu f'riskju sostanzjalment ogħla ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali mill-kontropartijiet tagħhom irġiel, peress li l-medja ta’ dħul ta’ pensjoni ta’ mara bħalissa hi inqas, u ta’ sikwit anke b’mod sostanzjali, minn dik ta’ raġel;
Y. billi l-Unjoni tal-Enerġija trid tipprovdi tweġibiet effettivi għall-faqar enerġetiku, li jaffettwa aktar minn 100 miljun ċittadin Ewropew, billi ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-konsumaturi l-aktar vulnerabbli, ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija għal dawk l-aktar vulnerabbli u tiżviluppa miżuri korrettivi li jipprovdu aċċess għal enerġija affordabbli għal dawk li l-aktar għandhom bżonn;
Z. billi d-Direttiva 2012/27/UE tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi biex iqajmu kuxjenza, jinfurmaw u jagħtu pariri lill-individwi u lill-unitajiet domestiċi dwar l-effiċjenza enerġetika;
AA. billi, minħabba s-sitwazzjoni tal-faqar ta' familja bħala indiviżibbli, jeħtieġ li jiġi enfasizzat l-effett li jkollu l-aspett enerġetiku fuq il-faqar;
AB. billi rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini nazzjonali fit-tfittxija għat-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija se jkollha impatt dirett fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija, b'mod partikolari għall-familji inqas sinjuri, u se tħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi;
AC. billi 22 348 834 unità domestika (madwar 11 % tal-popolazzjoni tal-UE) jonfqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli fuq l-akkomodazzjoni; billi s-Semestru Ewropew identifika l-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjoni bħala "tendenza soċjali li teħtieġ attenzjoni"; billi 21 942 491 unità domestika (madwar 10,8 % tal-popolazzjoni tal-UE) jesperjenzaw diffikultà biex iżommu temperatura adegwata tad-dar; billi l-UE u l-Istati Membri għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jidentifikaw, jimplimentaw u jżommu miżuri ta' politika li jippermettu lill-unitajiet domestiċi jlaħħqu mal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, inklużi allowances għall-akkomodazzjoni;
AD. billi qed isseħħ konverġenza tal-prezzijiet tas-suq tal-enerġija fl-Ewropa filwaqt li s-setgħa ta' akkwist mhux qed tikkonverġi bl-istess rata;
AE. billi l-aċċess għall-akkomodazzjoni huwa dritt fundamentali li jista' jitqies bħala prerekwiżit għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali l-oħra, għall-aċċess għalihom u għall-aċċess għal ħajja dinjituża; billi l-garanzija tal-aċċess għal assistenza għal akkomodazzjoni diċenti u adegwata hi obbligu internazzjonali tal-Istati Membri li l-Unjoni trid tikkunsidra, peress li d-dritt għal aċċess u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni huwa rikonoxxut fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta adottata mill-Kunsill tal-Ewropa, u l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll f'ħafna kostituzzjonijiet tal-Istati Membri;
AF. billi l-akkomodazzjoni tirrappreżenta l-iktar nefqa sinifikanti tal-familji Ewropej; billi ż-żieda fil-prezzijiet relatati mal-akkomodazzjoni (l-art, il-proprjetà, il-kiri, il-konsum tal-enerġija) hija sors ta' instabbiltà u ansjetà u għandha titqies bħala tħassib ewlieni;
AG. billi d-deprivazzjoni minn akkomodazzjoni u l-faqar enerġetiku huma ogħla fil-pajjiżi li għandhom sehem aktar baxx ta' akkomodazzjoni soċjali bil-kera (jiġifieri l-pajjiżi tal-Lvant u tal-Mediterran);
AH. billi l-istokk tal-kiri soċjali bħala perċentwali tal-istokk totali ta' akkomodazzjoni jindika li l-pajjiżi tal-Punent u tat-Tramuntana għandhom sehem akbar ta' akkomodazzjoni soċjali pubblika meta mqabbla mal-medja tal-UE, filwaqt li l-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Lvant iżommu stokk minimu ta' akkomodazzjoni soċjali (madwar 5 %) jew is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali tagħhom huwa nieqes għal kollox;
AI. billi r-riċerka tal-Eurofound targumenta li għal ħafna nies bi dħul baxx, l-arretrati tal-utilitajiet huma tip prinċipali ta' dejn li xi drabi jiġi injorat;
AJ. billi l-akkomodazzjoni soċjali għandha rwol essenzjali fil-kisba tal-objettiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 tat-tnaqqis tal-faqar għaliex tgħin biex tiżgura livelli għolja ta' impjiegi u inklużjoni u koeżjoni soċjali, tippromwovi l-mobilità professjonali u tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar;
AK. billi r-rapport tal-Eurofound intitolat "Access to benefits: reducing non-take-up" (Aċċess għall-benefiċċji: jitnaqqas l-użu tas-sussidji" jenfasizza b'mod ċar il-problema li l-benefiċċji soċjali u l-iskemi tal-introjtu minimu mhux dejjem jilħqu lil dawk li huma intitolati għalihom; billi mhuwiex biżżejjed li jiġu stabbiliti sistemi bħal dawn, u billi l-użu tagħhom għandu jkun żgurat għal dawk li huma intitolati; billi l-iffrankar imwettaq fuq terminu twil b'riżultat ta' benefiċċji li jilħqu l-popolazzjonijiet fil-mira tagħhom fil-pront, b'mod effettiv u effiċjenti, għandu jiġi kkunsidrat ukoll;
AL. billi l-kriżi kellha impatt fuq il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-akkomodazzjoni għall-unitajiet domestiċi kif ukoll fuq l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni, billi n-nefqa pubblika fuq l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali kienet ġeneralment affettwata u din titlob li l-Istati Membri u l-Unjoni jaġixxu bħala kwistjoni ta' urġenza biex jiżguraw id-dritt għall-aċċess għal akkomodazzjoni diċenti bi prezz raġonevoli;
AM. billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali għadhom fattur determinanti soċjali ewlieni tal-istatus tas-saħħa u l-kundizzjonijiet tal-ħajja, inkluża l-istennija tal-għomor, partikolarment minħabba l-impatt tal-faqar tat-tfal fuq is-saħħa u l-benesseri tat-tfal, u billi d-distakk fis-saħħa bejn is-sinjuri u l-fqar għadu sinifikanti f'termini ta' aċċess affordabbli għas-servizzi tas-saħħa u tad-dħul u l-ġid, u qed ikompli jikber f'xi oqsma;
AN. billi l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl-opinjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010, esprima tħassib fuq il-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali jista' jkollha impatt negattiv fuq l-aċċess taċ-ċittadini għall-kura tas-saħħa u fuq il-baġits tas-saħħa tal-Istati Membri;
AO. billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali jista' jkollha impatt kbir fuq is-settur tal-kura tas-saħħa f’ħafna Stati Membri, kemm fuq l-offerta kif ukoll fuq id-domanda;
AP. billi r-restrizzjonijiet ikkawżati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali jistgħu jimminaw serjament is-sostenibbiltà finanzjarja u organizzattiva fit-tul tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri u b'hekk jistgħu jfixklu l-aċċess ugwali għall-kura fit-territorju tagħhom;
AQ. billi l-faqar flimkien ma' forom oħra ta' vulnerabilitajiet, bħat-tfulija jew ix-xjuħija, id-diżabilità jew il-fatt li wieħed jagħmel parti minn minoranza, ikomplu jżidu r-riskji ta' inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa u billi, għall-kuntrarju, saħħa batuta tista' twassal għall-faqar u/jew l-esklużjoni soċjali;
AR. billi, skont l-aħħar ċifri mill-Eurostat, 21 % tal-familji fl-UE28 ma għandhomx aċċess għall-internet u 20 % tal-persuni ta' bejn is-16 u l-74 sena jgħidu li qatt ma użaw l-internet; billi huwa fin-Netherlands hemm l-ikbar proporzjon ta' familji b'aċċess għall-internet (95 %) filwaqt li, b'54 % biss tal-familji b'aċċess għall-internet, il-Bulgarija tinsab fl-aħħar post;
AS. billi s-Suq Uniku Diġitali huwa waħda mill-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida u li, fil-futur, 90 % tal-impjiegi se jeħtieġu xi ħiliet informatiċi; billi 59 % taċ-ċittadini Ewropej għandhom aċċess għan-netwerk 4G, fiż-żoni rurali dan il-perċentwali ma jaqbiżx il-limitu ta' 15 %;
AT. billi xogħol deċenti jibqa' l-aħjar mod biex wieħed jitbiegħed mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u billi l-ħakma u l-aċċessibilità għat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni huma vantaġġi inkontestabbli fit-tfittxija tal-impjiegi;
AU. billi r-riżoluzzjoni 64/292 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010 dwar "Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità" tirrikonoxxi d-dritt għall-ilma tajjeb għax-xorb, bla periklu u nadif bħala dritt fundamentali, essenzjali għall-eżerċizzju sħiħ tad-dritt għall-ħajja u tad-drittijiet kollha tal-bniedem;
AV. billi l-intersezzjonalità tal-aspetti tal-ġeneru tal-faqar titlob approċċ olistiku għat-trattament ta' diskriminazzjoni multipla, kif ukoll kwistjonijiet bħall-akkomodazzjoni, spejjeż tal-enerġija, servizzi pubbliċi, is-sigurtà tal-impjieg, l-impjieg prekarju u l-politiki ta' tassazzjoni;
AW. billi l-miri kontra l-faqar ma jistgħux jintlaħqu sakemm ma jiġix indirizzat il-faqar tan-nisa, peress li l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ ekonomiku u l-emanċipazzjoni tan-nisa huma neċessarji għal konverġenza 'l fuq tat-tnaqqis tal-faqar;
AX. billi l-ġbir ta’ data u t-tfassil tal-politika dwar il-faqar, l-ispejjeż tal-għajxien u l-introjtu fuq il-bażi ta’ unitajiet domestiċi bħala unitajiet kostitwenti jassumu l-uniformità u d-distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi bejn il-membri tal-unità domestika; billi, fil-prattika, l-unitajiet domestiċi jvarjaw, u d-distribuzzjoni tista' ma tkunx ugwali u mqassma skont il-ġeneru, u dan jirrikjedi approċċ għat-tfassil tal-politika bbażat fuq l-ispejjeż u l-introjtu individwali;
AY. billi 17 % tal-familji b’ġenitur wieħed, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma mmexxija minn nisa, mhumiex f'qagħda li jżommu d-djar tagħhom sħan, meta mqabbla ma’ 10 % biss tal-popolazzjoni ġenerali; billi l-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa naqsu, filwaqt li kien hemm żieda fil-prezzijiet bl-imnut, li wasslet biex jiżdiedu l-ispejjeż; billi sfortunatament ma hemmx definizzjoni ta’ faqar enerġetiku għall-Ewropa kollha,filwaqt li dan il-fenomenu jaffettwa lin-nisa b’mod sproporzjonat;
AZ. billi r-rati ta' qgħad fost in-nisa żgħażagħ huma ogħla minn gruppi ta’ etajiet oħrajn, li jkabbar ir-riskju li n-nisa żgħażagħ jispiċċaw fil-faqar minn età bikrija;
BA. billi, filwaqt li ż-żieda fl-ispejjeż domestiċi u l-piż eċċessiv tal-kost tal-akkomodazzjoni huma wħud mir-raġunijiet għalfejn in-nisa qed jispiċċaw mingħajr dar, hemm bżonn ta’ aktar riċerka dwar ir-rati u l-kawżi tan-nisa li jitilfu jew li jħallu djarhom; billi d-dejn domestiku u individwali hu relatat direttament mal-ispejjeż domestiċi, u hu kaġun ewlieni tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali;
Rakkomandazzjonijiet prinċipali
Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet żviluppati f'din ir-riżoluzzjoni:
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu bis-sħiħ fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex jadottaw strateġija integrata li tiġġieled kontra d-diversi forom tagħha permezz ta' approċċ olistiku li jorbot flimkien il-politiki ekonomiċi, tal-edukazzjoni, tal-impjieg, tal-enerġija, tat-trasport tal-enerġija u dawk soċjali fuq il-bażi tal-aħjar prattiki;
2. Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw moratorju fuq l-iskonnessjoni mit-tisħin fix-xitwa sabiex jiżguraw li matul perjodu definit tax-xitwa l-ebda unità domestika ma tkun maqtugħa mill-enerġija jew li dawk li jkunu maqtugħa jerġa' jkollhom konnessjoni filwaqt li jenfasizza li l-ispejjeż relatati huma fin-natura tagħhom responsabbiltà pubblika, minħabba li l-politiki soċjali huma primarjament ir-responsabbiltà tal-gvernijiet; jitlob lill-Istati Membri jevalwaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal temperatura adegwata ta' akkomodazzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-iskemi ta' dħul minimu fl-UE u biex tqis passi ulterjuri li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru kif ukoll tivvaluta jekk l-iskemi jippermettux lill-unitajiet domestiċi jilħqu l-ħtiġijiet personali; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa fuq din il-bażi l-mod u l-mezzi li bihom, fil-livell tal-Istat Membru, jiġi provdut dħul minimu adegwat bi qbil mal-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li jkunu rispettati l-karatteristiċi ta' kull wieħed minnhom, sabiex tkun appoġġata l-konverġenza soċjali fl-Unjoni kollha;
4. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm użu iktar effiċjenti, immirat u sorveljat tajjeb tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jiġi miġġieled il-faqar tal-enerġija, iż-żieda fl-ispejjeż tal-għajxien, l-esklużjoni soċjali, id-deprivazzjoni minn akkomodazzjoni u l-kwalità insuffiċjenti tal-istokk tal-akkomodazzjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha tippermetti flessibbiltà akbar f'dan il-qasam;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddedikaw summit għat-tnaqqis tal-faqar, tal-faqar estrem u tal-esklużjoni soċjali u aċċess għal ħajja diċenti;
Politiki tal-UE biex tintlaħaq il-mira kontra l-faqar
6. Jiddeplora ż-żieda fl-għadd ta' persuni fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, anki jekk l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas l-għadd ta' persuni f'din il-kategorija b'mill-inqas 20 miljun; jiddispjaċih ukoll li l-indiċi tal-faqar wera titjib biss f'xi Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jġeddu l-impenn tagħhom lejn il-mira ta' tnaqqis tal-faqar li qed issir dejjem aktar diffiċli li tintlaħaq;
7. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lil kulħadd appoġġ aċċessibbli adegwat, inkluż dħul minimu għal kemm tul ikun hemm bżonn, u biex jipprovdu tipi differeni ta' kumpens essenzjali biex jindirizzaw sitwazzjoni ta' faqar fejn l-ispejjeż ma jistgħux jitnaqqsu fuq terminu qasir; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti kriterji ta' eliġibbiltà sabiex wieħed jibbenefika minn skema ta' dħul minimu adegwat;
8. Jistieden lill-Istati Membri jqisu mill-ġdid u jadattaw kwalunkwe politika li tista' twassal biex jiżdied il-faqar;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li testendi l-Fond Ewropew ta' Għajnuna għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn lil hinn mill-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, kif ukoll koordinazzjoni akbar ma' fondi Ewropej oħra, b'mod speċjali l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-politiki attivi ta' impjieg, biex jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol ta' dawk l-aktar fil-bżonn u biex tevalwa safejn dawk l-aktar fil-bżonn u l-gruppi vulnerabbli, bħan-nisa żgħażagħ, familji b'ġenitur wieħed, in-nisa diżabbli u xjuħ, ibbenefikaw mill-programm;
10. Jitlob lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess ta' strutturi assoċjattivi tal-ġlieda kontra l-faqar għall-finanzjament Ewropew tal-FEAD mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv għal dawk l-assoċjazzjonijiet li ta' sikwit ikollhom nuqqas ta' persunal;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi biex jirrikonoxxu l-ħiliet akkwistati b'mod informali aktar milli formalment;
12. Jenfasizza li inizjattivi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu implimentati b'fehim komprensiv tal-istruutura tax-xogħol tar-reġjuni li fihom ikunu se jiġu implimentati; dan jeħtieġ l-aġġornament tar-rwol taċ-ċentri tal-impjiegi, jiġifieri l-assisstenza lill-utenti, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet kollha tal-utenti nfushom, l-aġġornament tal-ħiliet u l-attenzjoni mmirata għas-setturi tal-iżvilupp permezz ta' kuntatt dirett mal-intraprendituri biex dawn jippreżentaw il-kompetenzi li huma jeħtieġu f'impjegati potenzjali;
13. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi l-ħolqien ta' pilastru Ewropew ta' drittijiet soċjali; ifakkar li tali pilastru għandu jwettaq l-Artikolu 9 tat-TFUE;
14. Jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura punteġġ AAA soċjali għall-Unjoni billi tippreżenta miżuri ġodda, sabiex ittejjeb l-effikaċja tal-politiki soċjali u tal-impjieg, b'inklużjoni ta' strateġija ċara biex tiġġieled l-aspetti tal-ġeneru fl-esklużjoni soċjali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw, jadottaw u jimplimentaw qafas tal-UE biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, li jikkonsisti f'miżuri u azzjonijiet konkreti, inkluż il-faqar enerġetiku;
16. Ifakkar l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata "Lejn azzjoni Ewropea kkoordinata għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-faqar fil-qasam tal-enerġija" u jinnota r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar "li jinħoloq Osservatorju Ewropew tal-Faqar li jiffoka l-iktar fuq il-faqar fil-qasam tal-enerġija, li jiġbor fih il-partijiet interessati kollha u li jagħti kontribut sabiex jiġu identifikati l-indikaturi Ewropej tal-faqar fil-qasam tal-enerġija (b'koordinazzjoni mal-Eurostat), issir deskrizzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-aqwa prattiki, jitfasslu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prevenzjoni u indirizzar tal-problema u biex tiġi stabbilità solidarjetà Ewropea f'dan il-qasam"; jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati indikaturi u li tinġabar data dwar il-konsum u l-ispejjeż tal-unitajiet domestiċi fir-rigward tal-faqar enerġetiku sabiex tiġi provduta informazzjoni affidabbli u jkun hemm politika bbażata fuq l-evidenza u monitoraġġ effettiv;
17. Iqis li l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom komponent interġenerazzjonali u għaldaqstant, jenfasizza l-ħtieġa li t-tfal li jgħixu fi djar li jaqgħu taħt is-soll tal-faqar jiġu pprovduti b'aċċess għall-edukazzjoni u jappoġġa politiki maħsuba biex jimpedixxu t-tluq bikri mill-iskola;
18. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fil-kuntest ta' faqar li qed jiżdied, biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom ħalli jgħinu lin-nies f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali, billi jinkludu perspettiva tal-ġeneru qawwija, pereżempju fil-forma ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' tnaqqis tal-faqar imniżżel fl-Istrateġija Ewropa 2020;
19. Itenni l-importanza tal-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni formali u mhux formali, kif ukoll ir-rwol tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u biex tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni tal-faqar u biex jiżdied id-dħul permezz tal-inklużjoni tan-nisa f’setturi fejn huma kienu sottorappreżentati, bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-intraprenditorija, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora miri ta’ taħriġ vokazzjonali għan-nisa fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;
20. Jitlob li kull Stat Membru jipprovdi projezzjoni dettaljata tal-pjan għat-tnaqqis tal-faqar tiegħu, u kif l-istrateġija tiegħu tindirizza l-aspetti tal-faqar u l-esklużjoni soċjali speċifiċi għas-sessi;
Ir-riżorsi u l-introjtu ta' unitajiet domestiċi foqra
21. Jenfasizza li dħul deċenti huwa element fundamentali biex wieħed ikun jista' jgħix ħajja b'dinjità; jenfasizza li għalkemm l-impjieg jista' jkun kruċjali bħala mod li bih toħroġ mill-faqar, hu importanti li jkun hemm introjtu minimu suffiċjenti li jgħin lill-persuni jilħqu l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; ifakkar li 16,7 % tal-popolazzjoni fl-UE28 fl-2013 kienet fir-riskju ta' faqar wara trasferimenti soċjali, li jfisser li d-dħul disponibbli tagħhom kien taħt il-limitu nazzjonali tar-riskju ta' faqar tagħhom, li l-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar assolut jibqgħu ferm inaċċettabbli;
22. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-politiki li għandhom jiġu implimentati u r-riformi li għandhom jitwettqu għall-ġlieda effettiva kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, fid-dawl tal-promozzjoni tal-konvergenza soċjali, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull Stat Membru;
23. Ifakkar l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar"; jinnota li l-opinjoni tappoġġa qafas Ewropew dwar dħul minimu adegwat li għandu jistabbilixxi standards u indikaturi komuni, jipprovdi metodi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu u jtejjeb id-djalogu bejn il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; iqis li qafas bħal dan ikun jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-evidenza u d-drittijiet u jikkunsidra l-kuntest soċjali u ekonomiku ta' kull Stat Membru u għandu jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;
24. Jenfasizza li l-iskemi ta' dħul minimu għandhom jimpedixxu li familji jkunu materjalment ferm imċaħħda u joħorġuhom minn din is-sitwazzjoni, u jippermettu dħul ogħla mis-soll tal-faqar; ifakkar li skemi ta' dħul minimu fil-livell nazzjonali jistgħu jkunu strumenti ewlenin biex jitwettaq l-Artikolu 9 TFUE, tiġi garantita protezzjoni soċjali adegwata, titnaqqas l-esklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u opportunitajiet indaqs; jikkondividi l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li l-iskemi ta' dħul minimu għandhom ikunu akkumpanjati minn tagħlim tul il-ħajja, l-involviment tal-partijiet interessati u politiki attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li jassistu persuni qiegħda jirritornaw lejn is-suq tax-xogħol u jsibu impjiegi deċenti;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni, konsulenza u jgħinu lin-nies f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali biex jagħmlu għażliet mgħarrfa dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom u jappoġġaw atturi mhux governattivi, awtoritajiet lokali li jipprovdu konsulenza dwar enerġija mmirata u konsulenti tat-taħriġ dwar l-enerġija, kif ukoll biex jobbligaw lill-fornituri tal-enerġija jinkludu informazzjoni fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom lill-unitajiet domestiċi dwar miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika;
26. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn xieraq, ifasslu politika proattiva fir-rigward ta' akkomodazzjoni adegwata sabiex jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità; jistieden lill-Istati Membri japplikaw politika dwar ir-renta raġjonevoli fejn ikunu meħtieġa miżuri soċjali urġenti u jenfasizza li din għandha tkun akkumpanjata minn programmi ta' akkomodazzjoni u komunitarji fit-tul biex jiżdied l-istokk ta' akkomodazzjoni għall-gruppi fil-mira soċjalment żvantaġġati; jenfasizza li għad hemm il-ħtieġa fl-UE kollha ta' miżuri effettivi biex jimpedixxu aktar ħolqien ta' bżieżaq tal-housing bħal regolamentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur effettiva fis-suq tas-self ipotekarju; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, politiki li għandhom l-għan li jgħinu l-unitajiet domestiċi f'diffikultà finanzjarja biex jibqgħu fir-residenza primarja tagħhom;
27. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw id-dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej għal assistenza għal housing bħala prekundizzjoni għad-dinjità umana; jitlob ir-rikonoxximent tal-importanza ta' akkomodazzjoni mikrija affordabbli bħala mezz li jiffaċilita l-aċċess għall-akkomodazzjoni għal persuni b'paga baxxa, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw numru suffiċjenti ta' djar affordabbli;
28. Jenfasizza li l-faqar fost il-persuni anzjani huwa problema kbira f'ħafna Stati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet sabiex jiggarantixxu livell adegwat ta' dħul mill-pensjoni kif ukoll is-sostenibbiltà u s-sigurtà tas-sistemi tal-pensjonijiet;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-problema tal-persuni bla dar bħala forma estrema ta' faqar, u b'mod partikolari l-imwiet fix-xitwa fost in-nies li jinsabu mingħajr dar u dawk li jgħixu fi djar kesħin; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid il-progress tagħhom biex itemmu dawn il-forom estremi ta' faqar;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw, jimplimentaw u jżommu b'mod urġenti miżuri ta' politika li jippermettu lill-familji jlaħħqu mal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, inkluża l-provvista ta' allowances għall-akkomodazzjoni, peress li 22 348 834 unità domestika (madwar 11 % tal-popolazzjoni tal-UE) jonfqu aktar minn 40 % tad-dħul disponibbli tagħhom fuq l-akkomodazzjoni u 21 942 491 unità domestika (madwar 10,8 % tal-popolazzjoni tal-UE) jesperjenzaw diffikultà biex iżommu temperatura adegwata fid-dar;
31. Ifakkar li l-familji bi dħul baxx u dawk foqra jew f'riskju ta' faqar huma aktar dipendenti fuq il-provvista ta' servizzi pubbliċi affordabbli u ta' kwalità għolja; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-infiq pubbliku meħtieġ li jipprovdi servizzi ta' kwalità għolja u affordabbli lill-unitajiet domestiċi bi dħul baxx;
In-nefqa tal-unità domestika ta' unitajiet domestiċi fqar
32. Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar baġit ta' referenza, li hu pass fid-direzzjoni t-tajba meta jitqies li l-indirizzar tad-dħul u l-infiq ta' unitajiet domestiċi fqar b'mod aktar bilanċjat b'approċċ ibbażat fuq id-data għadu jippreżenta sfida; jirrimarka li l-baġits ta' referenza li jirriflettu n-nefqa domestika jistgħu jintużaw biex jitfassal l-appoġġ li għandu jingħata u biex tiġi ttestjata l-adegwatezza tiegħu; iqis li dan l-istrument huwa ta' valur kruċjali biex terġa' titqajjem il-koeżjoni soċjali tal-Unjoni, jitnaqqsu l-inugwaljanzi u tintlaħaq il-mira tal-faqar u l-esklużjoni soċjali ta' Ewropa 2020; jenfasizza li t-tnaqqis fin-nefqa tal-unità domestika għal unitajiet domestiċi fqar se jkollu impatt pożittiv fuq l-unitajiet domestiċi kkonċernati kif ukoll fuq l-ekonomija, b'mod partikolari l-ekonomija lokali, u fuq il-koeżjoni soċjali;
33. Ifakkar li l-unitajiet domestiċi fqar jonfqu l-akbar parti tad-dħul tagħhom fuq l-ikel, l-akkomodazzjoni u l-utilitajiet, jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tgħaqqad aħjar il-politiki tagħha biex tkun tista' tiġġieled il-faqar, ittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattika u tiffaċilita djalogu regolari ma' dawk li qed jesperjenzaw il-faqar, tiżgura li huma jkunu jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu evalwati l-politiki li jaffettwawhom;
34. Jenfasizza li s'issa għad m'hemm l-ebda definizzjoni ta' faqar enerġetiku fil-livell tal-Unjoni u għalhekk huwa diffiċli ħafna li jiġu vvalutati sew il-gravità, il-kawżi u l-konsegwenzi ta' dan l-aspett tal-faqar fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mal-partijiet interessati definizzjoni komuni tal-faqar enerġetiku, u tiddefinixxi l-fatturi li jikkontribwixxu għall-vulnerabbiltà tal-unitajiet domestiċi;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjonijiet tal-impatt u informazzjoni dwar l-aħjar prattiki biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku fl-Istati Membri f'dan il-kuntest; jenfasizza li l-enerġija trid tkun affordabbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni;
36. Jenfasizza li hu ferm importanti li ma jitħalliex li aktar żgħażagħ jaqgħu vittma tal-faqar enerġetiku fil-futur;
37. Jinnota li kien ippruvat li l-edukazzjoni ekonomika u finanzjarja f’età żgħira ttejjeb it-teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi aktar tard fil-ħajja, inkluż fil-ġestjoni tal-ispejjeż u tad-dħul; jirrakkomanda l-iskambju tal-aħjar prattika u l-promozzjoni ta’ programmi edukattivi mmirati lejn in-nisa u l-bniet fi gruppi vulnerabbli u komunitajiet emarġinati li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali;
38. Jenfasizza li parti sinifikanti tal-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku tinsab f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, u bħala konsegwenza din il-parti ma jista' qatt ikollha l-investiment inizjali meħtieġ għall-apparati effiċjenti fl-enerġija bħall-iżolament jew ir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli; jirrimarka li dan joħloq ċirku vizzjuż li fih b'mod kontinwu jintuża sehem akbar tad-dħul tal-unitajiet domestiċi milli huwa meħtieġ fuq il-kont tal-utilitajiet, filwaqt li l-effiċjenza jew in-nuqqas ta' enerġija, fost kwistjonijiet oħra, ma jiġux indirizzati;
39. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), u lill-Istati Membri jwettqu riċerka dwar il-problema tan-nisa mingħajr dar u l-kawżi tagħha u r-raġunijiet għaliha, peress li dan il-fenomenu mhuwiex espress kif xieraq fid-data attwali; jinnota li l-elementi speċifiċi għall-ġeneru li għandhom jiġu kkunsidrati jinkludu d-dipendenza ekonomika bbażata fuq is-sessi, l-akkomodazzjoni temporanja, jew l-evitar ta’ servizzi soċjali;
40. Jappoġġa l-inizjattiva sabiex jitfassal baġit ta' referenza bħala linja gwida, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru meta tfasslu, inkluż l-inugwaljanzi bejn il-ġeneru ffaċċjati mill-unitajiet domestiċi;
41. Iqis li għandu jittieħed kont ukoll tal-aspettattivi ta’ ħajja itwal għan-nisa, bħala fattur li potenzjalment jaffettwa l-vulnerabbiltà u l-esklużjoni;
Finanzi u politiki mmirati biex jindirizzaw il-faqar u l-faqar enerġetiku
42. Jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu mikrokrediti jew self mingħajr imgħax jew b'rati baxxi (permezz pereżempju tal-BEI) lill-familji bi dħul baxx, biex jappoġġawhom fl-investiment bil-quddiem ta' enerġiji rinnovabbli jew effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħall-iżolament, l-enerġija solari u apparat effiċjenti fl-enerġija;
43. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-investimenti li jitwettqu, kemm fi djar ġodda kif ukoll fir-riformi tad-djar eżistenti, ikunu bbażati fuq l-effiċjenza enerġetika;
44. Ifakkar li ċerti politiki u l-finanzjament tal-Unjoni bil-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi fqar billi jinvestu f'sorsi rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika jista' jkollhom bosta effetti pożittivi fuq it-terminu medju: titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tas-saħħa tal-persuni kkonċernati, tnaqqis fl-ispejjeż tal-unitajiet domestiċi li jipprovdi serħan baġitarju għall-familji fqar, żieda fl-investimenti lokali, ħolqien ta' impjiegi lokali u kontribut lejn l-objettivi tal-Istrateġija 2020 tal-UE;
45. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi sorveljat l-użu tal-fondi u tiġi simplifikata l-informazzjoni u l-aċċess għal riżorsi bħal dawn;
46. Jenfasizza l-importanza li tiġi indirizzata l-ġlieda kontra l-faqar minn perspettiva mhux biss soċjali jew politika, iżda wkoll ekonomika f'terminu medju; jinsisti li l-Kummissjoni, fost il-prijoritajiet tagħha għandha tinkorpora l-ħtieġa li tindirizza d-dinamika tal-inugwaljanza li attwalment teżisti u li tillimita b'mod notevoli t-tkabbir u għandha impatt ferm negattiv fuq il-koeżjoni u l-faqar;
47. Jenfasizza r-rwol tal-UE u tal-Istati Membri fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi, l-UE billi tiżgura s-sigurtà tal-provvista biex tevita bidliet qawwija tal-prezz u l-ispekulazzjoni fis-suq tal-enerġija, filwaqt li toħloq interkonnessjonijiet aktar b'saħħithom u integrazzjoni akbar tas-suq kif ukoll investiment sostenibbli fl-enerġija, u billi żżid l-investiment fir-riċerka tal-enerġija rinnovabbli, u l-Istati Membri billi jsaħħu l-politiki tagħhom ta' appoġġ għall-effiċjenza fl-enerġija tal-unitajiet domestiċi, b'attenzjoni speċjali fuq unitajiet domestiċi li mhumiex fil-grilja u li jinsabu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali; jikkunsidra li l-ħarsien tal-konsumatur għandu jkun fost il-prijoritajiet tal-Unjoni;
48. Jikkundanna l-ispekulazzjoni finanzjarja fuq ir-riżorsi naturali u s-sorsi ta' enerġija, speċjalment dawk li ma jistgħux jiġu rilokati, bħall-enerġija idroelettrika, pereżempju, u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex inaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji foqra billi, pereżempju, jużaw id-dħul minn tassazzjoni xierqa;
49. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli huma eliġibbli għall-Fondi SIE 2014-2020, minħabba l-importanza li jistgħu jirrappreżentaw fit-tnaqqis tal-ispejjeż enerġetiċi tal-unitajiet domestiċi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-fondi Ewropej fir-rigward tal-indirizzar tal-faqar enerġetiku; jenfasizza li l-ostakli biex naslu għall-effiċjenza, bħall-aċċessibbiltà tal-Fondi ta' Koeżjoni għal organizzazzjonijiet aktar żgħar jew in-nuqqas ta' informazzjoni, partikolarment dwar ir-rekwiziti tal-applikazzjoni, għandhom ikunu indirizzati;
50. Ifakkar li t-tqegħid fil-mira ta' benefiċjarji li jaħdmu ma' familji fqar jew li huma parti minnhom, jeħtieġ ċerti prekondizzjonijiet, li jiġu ssodisfati aħjar permezz tal-Fondi SIE iżda inqas permezz ta' fondi kbar bħall-FEŻR;
51. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw l-użu ta' mekkaniżmi ta' finanzjament transversali bejn l-FSE u l-FEŻR, fir-rigward ta' proġetti ta' sorsi rinnovabbli jew ta' effiċjenza enerġetika għal unitajiet domestiċi fqar fl-enerġija; jenfasizza l-benefiċċji multipli ta' programmi ffinanzjati minn fondi differenti li jindirizzaw kwistjonijiet trasversali bħal dawk dwar il-faqar enerġetiku;
52. Jenfasizza li l-kwalità ta' akkomodazzjoni ta' unitajiet domestiċi bi dħul baxx f'reġjuni rurali għandha t-tendenza li tkun baxxa ħafna, kemm għall-kerrejja kif ukoll għas-sidien; ifakkar li dan iżid l-hekk imsejjaħ effett lock-in ta' spejjeż tal-utilità għolja li ma jagħti l-ebda lok għall-investiment fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-għan tal-LEADER u l-FAEŻR biex dawn jindirizzaw il-faqar enerġetiku fiż-żoni rurali, billi jidderieġu l-programmi operazzjonali u l-finanzjament lejn il-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli diversifikata partikolarment fi ħdan netwerks lokali li jinkludu miżuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-bini riservat għal unitajiet domestiċi f'faqar enerġetiku;
53. Ifakkar li l-kerrejja għandhom aċċess limitat għall-iffinanzjar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija peress li mhumiex is-sidien tal-proprjetà; ifakkar li l-kerrejja jista' jkollhom inċentiv aktar baxx għall-investiment peress li jirrilokaw b'mod aktar faċli u frekwenti mis-sidien tad-djar; jilqa' l-proġett pilota tal-Kummissjoni dwar "Faqar tal-Fjuwil/Enerġetiku – valutazzjoni tal-impatt tal-kriżi u r-reviżjoni ta' miżuri ġodda eżistenti u possibbli fl-Istati Membri" li huwa maħsub li jindirizza din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni, abbażi tar-riżultati tal-proġett pilota, tiżviluppa dispożizzjonijiet li jippermettu l-finanzjament tal-UE għall-miżuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija meħuda mill-kerrejja;
54. Ifakkar lill-Istati Membri li mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f'kull Stat Membru għandhom jiġu allokati għall-objettiv tal-"promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni" u li l-Fond Ewropew għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn jista' jintuża wkoll għal miżuri ta' inklużjoni soċjali;
55. Jenfasizza l-għajnuna immedjata u kundizzjonijiet ta' għajxien imtejba għall-familji l-aktar fil-bżonn meta dawk il-familji jiġu pprovduti b'riżorsi irħas fuq skala żgħira ta' enerġija rinnovabbli, bħal panelli solari għal djar li mhumiex konnessi mal-grilja enerġetika;
Ir-rabta bejn l-għanijiet soċjali u l-politika dwar l-enerġija
56. Jilqa' l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-politika dwar l-enerġija Ewropea tirrikonoxxi għanijiet soċjali f'linji ta' politika dwar l-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari fid-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu ta' enerġija; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma jużawx il-potenzjal sħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/27/UE biex ikollhom fil-mira l-unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar fl-enerġija u l-akkomodazzjoni soċjali (l-Artikolu 7(7)); jistieden lill-Kummissjoni, fir-reviżjoni u fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha tal-pakkett dwar l-effiċjenza enerġetika, biex tevalwa l-implimentazzjoni u l-użu tal-Artikoli 7(7) u 5(7); jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex, fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni, tikkunsidra li ssaħħaħ l-Artikolu (7), b'mod partikolari l-paragrafu 7 tiegħu, sabiex l-Istati Membri jkunu mħeġġa jinkludu għanijiet soċjali fl-iskemi tal-obbligu tal-effiċjenza fl-enerġija;
57. Ifakkar li l-awtoritajiet lokali wkoll għandhom rwol importanti fil-promozzjoni ta' strumenti alternattivi ta' finanzjament, inklużi mudelli kooperattivi u fil-promozzjoni ta' ftehimiet ta' akkwist kollettivi sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkombinaw id-domandi għall-enerġija tagħhom u għalhekk iwasslu għal prezzijiet tal-enerġija orħos; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-rwol tal-awtoritajiet lokali biex itaffu l-faqar enerġetiku;
58. Jistieden lill-Istati Membri jilħqu l-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal temperatura adegwata ta' akkomodazzjoni; jiġu appoġġati l-aktar gruppi vulnerabbli, speċjalment it-tfal żgħar, ix-xjuħ u l-morda b'mod permanenti u l-persuni b'diżabilità, sabiex tiġi protetta s-saħħa u l-benesseri tagħhom;
59. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata biex jindirizzaw ix-xogħol prekarju li jimpedixxi li l-individwi jkollhom dħul regolari u sigur, u b'hekk joħloq ostaklu għall-ibbaġitjar effettiv u l-ħlas tal-kontijiet tal-unità domestika;
60. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu aċċess għal enerġija affordabbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd, bi qbil mal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-NU;
L-akkomodazzjoni u l-faqar
61. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu miżuri deċiżivi dwar l-akkomodazzjoni soċjali u jsaħħu l-investiment fl-effiċjenza enerġetika fil-kera tal-akkomodazzjoni soċjali permezz tal-fondi Ewropej; jirrakkomanda lill-Istati Membri jiżviluppaw il-provvista ta' akkomodazzjoni soċjali ta' kwalità sabiex jiggarantixxu l-aċċess għal kulħadd, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn, għal akkomodazzjoni adegwata; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu użu mill-opportunitajiet biex jipprovdu akkomodazzjoni soċjali b'kostruzzjonijiet legali alternattivi; jirrakkomanda lill-Istati Membri jappoġġaw allejanzi tal-konsumaturi;
62. Jenfasizza l-importanza ta' servizz għall-indukrar tat-tfal ta' kwalità li jippermetti r-ritorn tal-ġenituri lejn ix-xogħol u żieda fid-dħul tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' dan b'mod partikolari għall-ġenituri waħedhom u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jtejbu d-dispożizzjonijiet tal-indukrar tat-tfal b'mod immedjat;
63. Jinnota li ż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjoni u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma essenzjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku; jesprimi tħassib li l-politiki ta’ rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni spiss jonqsu milli jiffokaw fuq l-iktar persuni vulnerabbli; jinsisti li l-politiki ta’ rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni għandhom, l-ewwel u qabel kollox, jiffokaw fuq unitajiet domestiċi foqra, ekonomikament esklużi u vulnerabbli, b’enfasi fuq dawk li jiffaċċjaw inugwaljanzi bejn is-sessi u diskriminazzjoni multipla;
64. Jindika r-rwol importanti tal-intraprenditorija u ta' mudelli ta' negozju alternattivi, bħal kooperattivi u mutwalitajiet, biex jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, b’mod partikolari f’komunitajiet emarġinati, u l-indipendenza ekonomika dejjem akbar tagħhom;
65. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu impenn min-naħa tal-partijiet interessati u proċessi li jippromwovu u jiffaċilitaw l-involviment dirett ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’mod partikolari n-nisa u l-bniet, fit-tfassil tal-politiki dwar l-inklużjoni soċjali fil-livelli kollha;
66. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri biex itemmu d-differenza eċċessiva bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa fl-UE li bħalissa hija ta' 16 %, u titla' sa 39 % għall-pensjonijiet, u jenfasizza l-importanza ewlenija ta' din il-miżura għall-ġenituri nisa waħedhom, li l-ispejjeż tal-unità domestika tagħhom jistgħu jkunu tassew ta' piż;
67. Jinnota li l-ġenituri waħedhom, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa, jinsabu f'riskju ogħla mill-medja ta' faqar (34 %); jinnota li fattur ewlieni li jikkontribwixxi għal dan ir-riskju akbar huwa l-fatt li minħabba l-ispejjeż tal-kura tat-tfal, ġenituri waħedhom jew jiffaċċjaw l-esklużjoni mill-impjieg jew qegħdin f'impjieg prekarju bi ħlas baxx; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu biex jilleġiżlaw dwar paga għall-għajxien li tiggarantixxi li l-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu ssodisfati;
68. Jinnota li d-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi huma kontributuri ewlenin għall-faqar fost in-nisa; jinnota l-impatti fit-tul fuq il-faqar tan-nisa tal-esklużjoni tan-nisa minn setturi tal-ekonomija li huma tradizzjonalment iddominati mill-irġiel, bħat-teknoloġija, ix-xjenza, karigi importanti ta' management u teħid ta’ deċiżjonijiet, u r-rappreżentanza żejda tan-nisa f’setturi b’pagi baxxi b’mod komparattiv, bħal xogħol ta’ kura tal-persuni, is-servizzi pubbliċi, xogħol part-time u xogħol prekarju b'paga baxxa; jesprimi tħassib li l-femminizzazzjoni tal-faqar hija parzjalment immexxija minn normi li ilhom stabbilti ta' inugwaljanza bejn is-sessi, li jwasslu għal prijoritizzazzjoni ta’ setturi dominati mill-irġiel, bħas-settur finanzjarju, fil-politika industrijali u fil-ftehimiet dwar l-iffissar tal-pagi;
69. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-faqar fost in-nisa u l-esklużjoni soċjali permezz ta’ inizjattivi li jiggarantixxu impjiegi ta’ kwalità għolja b’paga li tiggarantixxi l-għajxien f’setturi dominati min-nisa; jenfasizza r-rwol li t-trejdjunjins jista’ jkollhom fir-rappreżentanza u fl-emanċipazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u fil-ġlieda kontra l-esklużjoni; jistieden lill-Istati Membri jipproponu u jwettqu stħarriġ speċifiku għal min jimpjega u stħarriġ dwar is-salarji speċifiku għas-settur, sabiex juru l-iskemi ta’ salarji inugwali li jolqtu lin-nisa u lill-irġiel fl-istess post tax-xogħol bħala mezz biex jitħaffef il-progress lejn paga ugwali;
70. Jenfasizza li, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ politiki mirati biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ gruppi vulnerabbli u komunitajiet emarġinati li qed jiffaċċjaw forom speċifiċi ta’ inugwaljanza bejn is-sessi u diskriminazzjoni multipla; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw politiki li jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali ffaċċjati minn nisa b’diżabilità, nisa anzjani, nisa rifuġjati u migranti, nisa Roma u nisa minn minoranzi etniċi, nisa f’żoni rurali u fi kwartieri foqra, ommijiet waħedhom, kif ukoll nisa studenti f'edukazzjoni terzjarja;
Il-faqar u l-aċċess għall-kura tas-saħħa
71. Ifakkar li l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa universali u ta' kwalità għolja hu rikonoxxut internazzjonalment, speċjalment fl-UE, bħala dritt fundamentali;
72. Ifakkar li l-aċċess għall-kura tas-saħħa spiss ikun limitat minħabba restrizzjonijiet finanzjarji jew reġjonali (pereżempju, f'żoni ftit li xejn popolati) u dan, speċjalment għal kura ta' rutina (bħall-kura dentali jew ottika) u miżuri ta' prevenzjoni relatati;
73. Jenfasizza li l-faqar flimkien ma' forom oħra ta' vulnerabilitajiet, bħat-tfulija jew ix-xjuħija, id-diżabilità jew il-fatt li wieħed jagħmel parti minn minoranza, ikomplu jżidu r-riskji ta' inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa u li s-saħħa batuta tista' twassal għall-faqar;
74. Jenfasizza l-importanza tas-servizzi tas-saħħa u l-kura biex jimlew il-lakuni dwar il-kapaċitajiet, jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tal-persuni u jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali;
75. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' azzjoni dwar is-saħħa elettronika 2012-2020: Kura tas-saħħa innovattiva għas-seklu 21", li tistabbilixxi azzjonijiet addizzjonali, b'mod partikolari biex jitjieb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, jitnaqqsu l-ispejjeż tas-saħħa u tiġi żgurata aktar ugwaljanza bejn iċ-ċittadini tal-UE;
76. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi, li jippermettu eventwalment li jitnaqqsu xi wħud mill-inugwaljanzi fil-kura tas-saħħa; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi tal-valuri universali tad-dinjità umana, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, biex jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-bżonnijiet ta' gruppi vulnerabbli bħall-persuni li jgħixu fil-faqar;
77. Jistieden lill-Istati Membri jsolvu l-problemi tal-inugwaljanza fl-aċċess għall-kura tas-saħħa li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tal-persuni, pereżempju fl-oqsma tad-dentistrija u l-oftalmoloġija;
78. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri joffru rimborżi lill-pazjenti u biex jagħmlu dak kollu li hu neċessarju biex inaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-mediċini għat-trattament ta' dawk il-kundizzjonijiet jew mard bħall-osteoporożi ta' wara l-menopawsa u l-Marda ta' Alzheimer, li mhumiex rimborżabbli f'ċerti Stati Membri, u biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;
Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-faqar
79. Jiddeplora l-fatt li l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa ppubblikata mill-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-ħtieġa li jkun żgurat aċċess sħiħ, ugwali u mhux ristrett għat-teknoloġiji, is-swieq u t-telekomunikazzjonijiet diġitali l-ġodda, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali;
80. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw strateġiji biex inaqqsu d-distakk diġitali u jippromwovu aċċess ugwali għat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari għal dawk f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali;
L-ilma u l-faqar
81. Ifakkar li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tirrikonoxxi d-dritt għall-ilma tax-xorb ta' kwalità għolja u nadif u għall-installazzjonijiet sanitarji bħala dritt tal-bniedem; jinnota, madankollu, li f'xi reġjuni, speċjalment żoni rurali u ultraperiferiċi, l-aċċess għall-ilma tax-xorb mhuwiex żgurat u għadd dejjem akbar ta' persuni jiffaċċjaw diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet tal-ilma tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom kollha ħalli jiżguraw, mingħajr dewmien, li kullħadd ikollu aċċess għall-ilma tax-xorb; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw provvista minima ta' ilma u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem ta' unitajiet domestiċi vulnerabbli;
82. Iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz possibbli biex jiżguraw li l-persuni kollha jkollhom aċċess għall-ilma tax-xorb mill-aktar fis possibbli;
o o o
83. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Center for responsible lending, Durham, http://www.responsiblelending.org/state-of-lending/cumulative/ , http://www.uvcw.be/no_index/cpas/panier-etude-qualitative.pdf