Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (tfassil mill-ġdid) (10580/1/2015 – C8-0417/2015 – 2013/0016(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10580/1/2015 – C8-0417/2015),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan, is-Senat Rumen u l-Parlament Żvediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013(2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0031),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0056/2016),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tagħhom tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, li l-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali "għandha tkun ċara u preċiża" sabiex tiffaċilita l-kisba tal-inkarigu tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. F'dan il-każ partikolari, id-dokumenti ta' spjegazzjoni setgħu kienu utli għal dan il-għan. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li t-test finali ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar dan.