Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2206(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0127/2016

Testi mressqa :

A8-0127/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0148

Testi adottati
PDF 674kWORD 319k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-Kwittanza 2014 tal-Kummissjoni
P8_TA(2016)0148A8-0127/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2206(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri mfassla skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0267/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni(5) u r-riżoluzzjoni tiegħu bil-kummenti, li hija parti integrali minn din id-deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05583/2016 – C8-0042/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0127/2016),

A.  billi, skont it-termini tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit u tiġġestixxi l-programmi permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

B.  billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jinkludu informazzjoni dwar aspetti importanti relatati mal-implimentazzjoni tal-fondi u, għaldaqstant, huma utli għall-Parlament fl-eżerċitar tar-rwol tiegħu ta' awtorità ta' kwittanza;

C.  billi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tal-Parlament tat-28 ta' April 2016 imsemmija hawn fuq dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III - Il-Kummissjoni,

Parti I – Rapport Speċjali Nru 18/2014 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn irriżultati, talEuropeAid"

1.  Jilqa' r-rapport speċjali ddedikat għall-evalwazzjoni tas-sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati tal-EuropeAid, u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

Kummenti ġenerali

2.  Jinsab serjament imħasseb dwar l-affidabbiltà insuffiċjenti tas-sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati tal-EuropeAid, dwar il-livell inadegwat ta' superviżjoni u ta' monitoraġġ tal-evalwazzjoni tal-programmi, u anke dwar il-fatt li l-EuropeAid ma jistax jiżgura li r-riżorsi umani u finanzjarji jkunu xierqa u allokati b'mod effiċjenti lid-diversi attivitajiet ta' evalwazzjoni;

3.  Jindika li hu indispensabbli li l-Parlament, bħala l-awtorità għall-kontroll baġitarju, jingħata stampa ċara tal-livell reali sa fejn ikunu nkisbu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni;

4.  Jemmen li seduti ta' smigħ, mhux biss ma' uffiċjali tal-Kummissjoni u tas-SEAE, iżda wkoll ma' benefiċjarji u esperti indipendenti se jipprovdu valutazzjoni aktar komprensiva tal-kontribut tal-EuropeAid għall-għanijiet tal-Unjoni;

5.  Ifakkar li għandhom jiġu pprovduti spunti esterni, oġġettivi u imparzjali dwar ir-rendiment tal-proġetti u l-programmi ta' għajnuna tal-Kummissjoni bħala parti mill-impenn tal-Kummission favur assigurazzjoni tal-kwalità;

6.  Jikkunsidra li l-eżiti tal-evalwazzjonijiet huma elementi fundamentali li għandhom jiġu integrati fil-proċess ta' politika u r-rieżami politiku sabiex jiġu aġġustati l-objettivi politiċi strateġiċi u tissaħħaħ il-koerenza kumplessiva mal-politiki l-oħra tal-Unjoni; jemmen f'dan ir-rigward li huwa kruċjali li l-evalwazzjonijiet ikunu indipendenti, trasparenti u disponibbli għall-pubbliku;

7.  Jemmen li l-investiment fl-analiżi u l-aggregazzjoni tar-riżultati minn tipi differenti ta' evalwazzjoni mhux biss jibni stampa kumplessiva tat-tendenzi, iżda jippermetti li jinsiltu tagħlimiet li jsaħħu l-effikaċja aħħarija tal-proċess ta' evalwazzjoni, filwaqt li jiġġeneraw ukoll bażi evidenzjali aħjar għat-teħid tad-deċiżjonijiet, it-tfassil tal-politiki u t-tkomplija tal-proġetti eżistenti fir-rigward tal-istrumenti speċifiċi ta' għajnuna;

8.  Jikkunsidra li l-kondiviżjoni tal-għarfien permezz tal-mezzi u tal-għodda kollha hi kruċjali mhux biss għall-iżvilupp ta' kultura ta' evalwazzjoni iżda fuq kollox għat-trawwim ta' kultura ta' rendiment effikaċi;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Qorti teżamina l-mekkaniżmi ta' finanzjament kollha tal-EuropeAid sabiex tiżgura li jkun hemm valur għall-flus u li l-finanzjament tal-UE jkun effiċjenti biex javvanza l-għanijiet u l-valuri tal-Unjoni; jemmen li l-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni għandhom ikunu allinjati mal-għanijiet ta' politika tal-Unjoni fil-pajjiżi ġirien, filwaqt li titqies ir-responsabbiltà tal-benefiċjarji, u li l-flejjes tal-UE huma funġibbli;

10.  Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rigward tas-sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir‑riżultati, tal‑EuropeAid;

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti

11.  Jieħu nota tal-fatt li l-Qorti tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati, il-prijoritizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-evalwazzjonijiet, l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' kontroll tal-kwalità, il-wiri tar-riżultati miksuba, is-segwitu li jingħata għas-sejbiet tal-evalwazzjonijiet u tal-MOR, u t-tixrid tagħhom;

12.  Jikkunsidra li l-EuropeAid għandu jżomm prattiki adegwati għall-ġestjoni tal-informazzjoni u jivvaluta ħtiġijietu fuq bażi regolari sabiex jiżgura allokazzjoni informata tar-riżorsi finanzjarji u umani b'segwitu għall-evalwazzjonijiet tal-programmi u l-eżerċizzji ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati;

13.  Jikkunsidra li l-EuropeAid għandu, sabiex jiżgura li l-evalwazzjonijiet imwettqa jirriflettu l-prijoritajiet tal-organizzazzjoni:

   jiddefinixxi kriterji ta' għażla ċari għall-prijoritizzazzjoni tal-evalwazzjonijiet tal-programmi u jiddokumenta kif dawn ġew applikati fl-istabbiliment tal-pjanijiet ta' evalwazzjoni, filwaqt li titqies il-komplementarjetà mal-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati;
   itejjeb b'mod sinifikanti s-sistema tiegħu ta' monitoraġġ u rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' evalwazzjoni, anke billi jipprovdi analiżi tar-raġunijiet għad-dewmien u deskrizzjoni tal-miżuri adottati biex jiġu indirizzati;
   isaħħaħ is-superviżjoni kumplessiva tal-attivitajiet ta' evalwazzjonijiet tal-programmi mill-EuropeAid;

14.  Jikkunsidra li l-EuropeAid għandu, sabiex jiżgura l-kwalità tal-evalwazzjonijiet tal-programmi u tal-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati:

   jinsisti li l-unitajiet operazzjonali u d-delegazzjonijiet japplikaw ir-rekwiżiti ta' kontroll tal-kwalità, inkluż, għall-evalwazzjonijiet tal-programmi, l-użu ta' grupp ta' referenza u d-dokumentazzjoni tal-kontrolli tal-kwalità mwettqa;
   jiċċekkja, fuq bażi regolari, l-applikazzjoni ta' dawn il-kontrolli.

15.  Jikkunsidra li l-EuropeAid għandu, sabiex isaħħaħ il-kapaċità tas-sistema ta' evalwazzjoni li tipprovdi informazzjoni adegwata dwar ir-riżultati miksuba:

   japplika b'mod aktar rigoruż id-dispożizzjonijiet regolatorji li jirrikjedu l-użu ta' objettivi SMART (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin) u ta' indikaturi verifikabbli;
   jimmodifika s-sistema ta' monitoraġġ sabiex tkompli tipprovdi data dwar programmi sa mill-anqas tliet snin wara l-ikkompletar tagħhom; kif ukoll
   iżid b'mod sinifikanti l-proporzjon ta' evalwazzjonijiet ex post tal-programmi.

Parti II - Rapport Speċjali Nru 22/2014 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ilksib ta' ekonomija: inżommu l-ispejjeż tal-għotjiet għal proġetti tal-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-UE taħt kontroll"

16.  Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Qorti bit-titolu "Il‑ksib ta' ekonomija: inżommu l-ispejjeż tal-għotjiet għal proġetti tal-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-UE taħt kontroll" u japprova l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

17.  Jinnota li l-politika tal-UE għall-iżvilupp rurali hija kruċjali għat-trawwim tal-kompetittività tal-agrikoltura, għall-iżgurar ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, u għall-promozzjoni tal-azzjoni klimatika; jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp territorjali tal-ekonomiji u l-komunitajiet rurali, inkluż il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi;

18.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni la offriet gwida u lanqas ma xerrdet prattika tajba fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007–2013, u ma żguratx li s-sistemi ta' kontroll tal-Istati Membri kienu effikaċi qabel bdew japprovaw l-għotjiet; jissottolinja li mill-2012 'l hawn, il-Kummissjoni adottat approċċ aktar attiv u koordinat;

19.  Jinnota li nstabu ħafna dgħufijiet fir-rigward tal-kontroll mill-Istati Membri tal-ispejjeż tal-għotjiet għall-iżvilupp rurali; jinnota li l-Kummissjoni taqbel li jista' jsir iffrankar billi jkun hemm kontroll aħjar tal-ispejjeż fl-għotjiet għal proġetti tal-iżvilupp rurali filwaqt li xorta jinkisbu l-istess eżiti u riżultati u jintlaħqu l-istess objettivi; jilqa' l-fatt li ġew identifikati approċċi vijabbli u kosteffikaċi li jistgħu jiġu applikati b'mod aktar estensiv, li l-Kummissjoni taċċetta s-sejbiet tal-Qorti u li esprimiet l-intenzjoni tagħha li taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb il-kontroll tal-ispejjeż għall-iżvilupp rurali fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020;

20.  Jikkondividi l-fehma tal-Qorti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jivverifikaw minn kmieni fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid li s-sistemi ta' kontroll joperaw b'mod effiċjenti u li huma effettivi fid-dawl tar-riskji;

21.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw il-lista ta' kontroll u l-kriterji żviluppati mill-Qorti u li jinsabu fl-Anness I(7);

22.  Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-approċċi segwiti għall-programmi kollha fil-qasam tal-iżvilupp rurali jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-Qorti biex jiġi vvalutat jekk is-sistemi ta' kontroll jindirizzawx ir-riskji ta' speċifikazzjoni eċċessiva, prezzijiet mhux kompetittivi u bidliet fil-proġett, u jekk humiex immirati lejn l-oqsma bl-akbar riskju; jikkunsidra li valutazzjoni ex ante tas-sistemi ta' kontroll mis-servizzi ta' awditjar intern tal-awtoritajiet tal-Istati Membri (jew minn korpi oħra ta' spezzjoni jew awditjar) għandha tkun parti minn dan il-proċess;

23.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom: japplikaw b'mod aktar estensiv l-approċċi kosteffikaċi li diġà ġew identifikati; jivvalutaw l-ispejjeż fil-konfront tal-eżiti jew ir-riżultati mistennija; jivverifikaw jekk kostijiet standard jirriżultawx f'pagamenti żejda; jużaw il-prezzijiet reali fuq is-suq bħala prezzijiet ta' referenza għal tagħmir u makkinarju eċċ. u mhux il-prezzijiet elenkati mill-fornituri; jivverifikaw li l-ispejjeż ikunu raġonevoli anki meta jkunu ġew segwiti proċeduri ta' akkwist pubbliku; jimplimentaw rekwiżiti u/jew verifiki aktar stretti għall-miżuri b'rati għolja ta' għajnuna eċċ.;

24.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi gwida dwar il-kontrolli u l-penali fil-kuntest tal-iżvilupp rurali, inkluża taqsima speċifika dwar kemm huma raġonevoli l-ispejjeż u lista ta' kontroll għall-awtoritajiet maniġerjali annessa mar-rapport speċjali; jinnota li t-taħriġ u l-kondiviżjoni ta' esperjenzi se jkunu parti mill-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fil-perjodu 2014–2020;

Parti III – Rapport Speċjali Nru 23/2014 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Żbalji fin-nefqa għall-iżvilupp rurali: x'jikkawżahom, u kif qed jiġu indirizzati?"

25.  Jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ta' żbalji misjuba mill-Qorti fil-politika ta' żvilupp rurali; jinnota, madankollu, it-tnaqqis żgħir li kien hemm f'dawn l-aħħar tliet snin;

26.  Jirrikonoxxi l-isforz li sar mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni bil-għan li jitnaqqsu l-iżbalji fl-infiq għall-iżvilupp rurali, b'mod speċjali f'dan iż-żmien ta' diffikultajiet ekonomiċi u awsterità fiskali;

27.  Jinnota li, abbażi tas-sejbiet tal-awditi mwettqa mill-Istati Membri u minnha stess, il-Kummissjoni implimentat jew tinsab fil-proċess li timplimenta miżuri korrettivi f'ħafna mill-oqsma identifikati fir-rapport speċjali tal-Qorti;

28.  Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat fir-rapporti annwali tagħha li f'bosta każijiet l-awtoritajiet nazzjonali kellhom biżżejjed informazzjoni biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jiddikjaraw l-infiq lill-Kummissjoni, li kien inaqqas ir-rata ta' żbalji b'mod sinifikanti;

29.  Josserva li aktar ma jkunu faċli biex jiġu implimentati r-regoli, anqas iseħħu żbalji; jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rata ta' żbalji tista' terġa' tiżdied fis-snin li ġejjin minħabba l-kumplessità tar-regoli l-ġodda tal-PAK riformata; jitlob għalhekk semplifikazzjoni reali tal-PAK, flimkien ma' linji gwida iktar ċari għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-bdiewa;

30.  Jikkunsidra li l-ispejjeż ta' ġestjoni u ta' kontroll (EUR 4 biljuni) għall-PAK kollha kemm hi huma sustanzjali u li l-enfasi għandha tkun fuq it-titjib tal-effiċjenza tal-kontrolli u mhux fuq iż-żieda fin-numru tagħhom; jappella f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq il-kawżi ewlenin tal-iżbalji fin-nefqa fil-qasam tal-iżvilupp rurali; jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjonijiet preventivi u korrettivi li ġejjin, fejn ikun rilevanti:

   (a) Akkwist pubbliku

Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-kundizzjonalità ex ante, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jipprovdu gwida dettaljata lill-benefiċjarji dwar kif għandhom japplikaw ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku;

L-awtoritajiet nazzjonali li jispeċjalizzaw fil-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku għandhom jiġu involuti f'dan il-proċess; l-attenzjoni għandha tkun fuq it-tliet vjolazzjonijiet ewlenin tar-regoli: għotjiet diretti mhux ġustifikati mingħajr proċedura kompetittiva xierqa; każijiet ta' applikazzjoni ħażina tal-kriterji għall-għażla u għall-għoti u nuqqas ta' trattament indaqs tal-offerenti;

   (b) Tidwir intenzjonat tar-regoli

Abbażi tal-kriterji speċifiċi għall-eliġibbiltà u għall-għażla mill-programmi tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp rurali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu linji gwida biex jgħinu lill-ispetturi tagħhom jidentifikaw indikaturi ta' azzjonijiet potenzjalment frodulenti;

   (c) Pagamenti agroambjentali

L-Istati Membri għandhom jestendu l-ambitu tal-kontrolli amministrattivi tagħhom biex jinkludu verifiki tal-impenji abbażi ta' evidenza dokumentarja, li bħalissa jsiru biss fil-5 % tal-każijiet fejn isiru l-verifiki fuq il-post; barra minn hekk, is-sistema ta' tnaqqis u ta' sanzjonijiet għandha titfassal b'mod li jkollha effett dissważiv sinifikanti fuq min potenzjalment se jikser ir-regoli;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-programmi fil-qasam tal-iżvilupp rurali, u tqis l-awditi tagħha dwar il-konformità tar-regoli applikabbli, inklużi dawk adottati fil-livell nazzjonali fejn ikun rilevanti, b'mod li tnaqqas ir-riskju li jiġu ripetuti d-dgħufijiet u l-iżbalji misjuba matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013;

32.  Jemmen li għad fadal ħafna inkonsistenzi fil-metodoloġiji għall-kalkolu tar-rata ta' żbalji, mhux biss bejn dawk li jużaw il-Kummissjoni u l-Istati Membri, iżda anke bejn dawk li jintużaw fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni, u li dan jagħmel l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa fl-Istati Membri saħansitra aktar diffiċli; jappella lill-Kummissjoni biex tapplika metodoloġija uniformi għall-kalkolu tar-rata ta' żbalji li tista' tiġi kompletament riflessa fil-metodoloġiji tal-Istati Membri;

33.  Jappoġġa użu aktar intensiv tal-metodi ta' spejjeż issemplifikati fejn ikun rilevanti u konformi mar-regoli leġiżlattivi, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw sa liema punt il-karatteristiċi ta' ambitu aktar iffukat, kriterji ta' eliġibbiltà limitati u l-użu ta' alternattivi ta' spejjeż issemplifikati jistgħu jiġu rreplikati fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' għadd akbar ta' miżuri ta' appoġġ, mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi kumplessivi ta' dawk il-miżuri;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri janalizzaw kif jistgħu jtejbu l-iskema għall-appoġġ tal-investimenti fl-ipproċessar tal-prodotti agrikoli, u janalizzaw ukoll il-miżura dwar il-pagamenti agroambjentali sabiex, sa fejn ikun possibbli, l-impenji jkunu jistgħu jiġu kkontrollati permezz ta' verifiki amministrattivi mill-Istati Membri;

35.  Jappella lill-Kummissjoni twettaq analiżi dettaljata tal-kawżi tal-korrelazzjonijiet negattivi bejn ir-rata ta' eżekuzzjoni finanzjarja u r-rata ta' żbalji;

Parti IV – Rapport Speċjali Nru 24/2014 bit-titolu "L-appoġġ mill-UE għall-prevenzjoni u r-restawr ta' ħsara għall-foresti kkawżata minn nirien u diżastri naturali huwa mmaniġġjat tajjeb?"

36.  Jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji komuni sabiex tidentifika l-iskala tar-riskju ta' nar fil-foresti Ewropej, sabiex ittemm id-definizzjoni arbitrarja u inkonsistenti ta' żoni b'riskju għoli ta' nar u magħha l-evalwazzjoni defiċjenti u l-proċess ta' għażla mill-Istati Membri;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħżlu l-azzjonijiet preventivi tagħhom skont il-ħtiġijiet realita' riskju ta' nar u bi qbil mar-rekwiżiti tal-miżura 226 minflok objettivi ambjentali jew ekonomiċi oħra; jinsisti f'dan ir-rigward fuq il-ħtieġa li l-benefiċjarji jagħtu prova inkondizzjonata u jiddokumentaw b'mod preċiż ħtiġijiethom għal appoġġ taħt din il-miżura; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li tingħata prijorità lill-azzjonijiet fl-aktar foresti ambjentalment prezzjużi bħaż-żoni forestali tan-netwerk Natura 2000;

38.  Jeżiġi, fid-dawl tas-sejbiet allarmanti tal-Qorti rigward l-ispejjeż medji għal azzjonijiet simili f'reġjuni differenti, limitu massimu raġonevoli u verifikabbli għall-appoġġ u ġustifikazzjoni motivata b'mod komprensiv f'każ ta' kwalunkwe tibdil fih;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw u jistrutturaw aħjar il-politiki tagħhom dwar in-nirien forestali; jappoġġa l-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea għall-benefiċjarji biex jikkondividu u jippromwovu l-aħjar prattiki;

40.  Jiddeplora b'mod speċjali l-fatt li l-Qorti sabet li għad fadal nuqqasijiet serji fil-perjodu 2014-2020 minħabba qafas ta' monitoraġġ konsistentement inadegwat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata sabiex ittejjeb is-sistema ta' monitoraġġ u kontroll tagħha;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-twassil ta' data armonizzata dwar ir-rwol multifunzjonali tal-foresti u tar-riżorsi tal-foresti, billi tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' sistema ta' informazzjoni Ewropea dwar il-foresti bbażata fuq data nazzjonali u l-integrazzjoni tagħha fi pjattaforma tad-data Ewropea;

42.  Jinsisti barra minn hekk li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' kontroll soda li tinkludi ż-żamma tad-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti; jappella f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tiżgura li l-appoġġ jingħata biss f'dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri jkunu stabbilixxew tali sistema ta' kontroll xierqa u rieżaminabbli;

43.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrappurtaw regolarment dwar l-effetti tal-azzjonijiet imwettqa u t-tnaqqis fl-għadd ta' nirien jew diżastri naturali u ż-żoni li ssirilhom ħsara;

Parti V – Rapport Speċjali Nru 1/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Trasport minn Passaġġi fuq lIlma Interni flEwropa: Lebda titjib sinifikanti fissehem modali u filkundizzjonijiet ta' navigabbiltà mill-2001 'il hawn"

44.  Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Qorti bit-titolu "Trasport minn Passaġġi fuq l‑Ilma Interni fl‑Ewropa: L-ebda titjib sinifikanti fis-sehem modali u fil-kundizzjonijiet ta' navigabbiltà mill-2001 'il hawn'' u jappoġġa s-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

45.  Jinnota li s-settur tat-trasport tal-UE huwa kruċjali għall-ikkompletar tas-suq uniku, il-kompetittività tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u t-tkabbir ekonomiku kumplessiv fl-Ewropa;

46.  Jikkonkludi li l-iżvilupp tal-mod ta' trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni baqa' lura meta mqabbel mar-ritmu tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija minkejja deċennju ta' investiment; iħeġġeġ biex ikun hemm żieda sustanzjali fl-isforzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw pjanijiet direzzjonali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għas-settur tal-ilmijiet navigabbli interni bħalma jagħmlu f'setturi oħrajn u biex f'dan l-isforz jinkludu l-infrastruttura u t-tagħmir tal-portijiet, sabiex jiġi żgurat li l-iżviluppi tekniċi jkunu kompatibbli ma' rekwiżiti ta' modi tat-trasport oħra, u b'hekk jiġi żgurat trasport multimodali;

48.  Jikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti fil-white paper tal-2001, ir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-2006, kif ukoll il-programmi NAIA­DES (Programm ta' Azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni) tal-2006 u l-2013 kienet ineffikaċi parzjalment minħabba nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Istati Membri;

49.  Jinnota li l-interess tal-Istati Membri biex jinvestu f'politika ta' trasport komunitarja naqas, li huma jagħtu preferenza lill-finanzjament ta' proġetti nazzjonali, reġjonali u lokali u li l-proċessi ta' għażla għall-proġetti huma deċentralizzati u dan jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tipprijoritizza proġetti eliġibbli;

50.  Jissottolinja l-fatt li l-Istati Membri impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu finanzjament nazzjonali għall-implimentazzjoni tan-netwerk ewlieni sabiex il-passaġġi fuq l-ilma ta' importanza strateġika fl-Ewropa jiġu ttrasformati f'kurituri ta' trasport b'kapaċità għolja;

51.  Josserva li r-rwol ta' koordinament strateġiku tal-Kummissjoni ddgħajef, u dan wassal għal asimmetrija bejn il-proġetti implimentati u l-prijoritajiet fil-livell tal-Unjoni;

52.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li permezz tar-riċerka bbażata fuq ir-rapporti speċjali tal-Qorti(8), wieħed jista' jasal għal konklużjonijiet simili għal dawk li jikkonċernaw l-passaġġi fuq l-ilma interni jfir-rigward tal-oqsma ta' trasport oħrajn iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni; jinnota li f'tali żoni ta' trasport pubbliku urban u infrastrutturi ta' ajruporti, il-proġetti spiss ibatu minn:

   (a) valur miżjud baxx wara l-implimentazzjoni;
   (b) kejl insuffiċjenti tal-eżiti;
   (c) enfasi insuffiċjenti fuq il-kosteffiċjenza;
   (d) nuqqas ta' valutazzjoni tal-impatt;
   (e) pjanijiet reġjonali, nazzjonali u supranazzjonali inkoerenti;
   (f) sottoutilizzazzjoni tal-infrastruttura b'mod li jitnaqqas l-effett kumplessiv;
   (g) nuqqas ta' sostenibbiltà:
   (h) dgħufijiet fit-tfassil tal-proġetti u l-politika dwar il-mobbiltà;
   (i) nuqqas ta' politika soda dwar il-mobbiltà;
   (j) kooperazzjoni diffiċli bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri;

53.  Jikkunsidra li l-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, flimkien mal-osservazzjonijiet dwar it-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni, jindikaw kwistjonijiet orizzontali komuni madwar l-Unjoni; jikkunsidra li l-eżiti tal-finanzjament tal-Unjoni għat-trasport b'mod ġenerali jiddgħajfu mis-sitwazzjoni xejn sodisfaċenti tal-ippjanar strateġiku u min-nuqqas ta' koerenza, eżiti sostenibbli, effiċjenza u effikaċja;

54.  Jemmen li huwa possibbli li jinkisbu eżiti politiċi sostenibbli permezz ta' kooperazzjoni intensiva bejn l-Istati Membri fuq naħa, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq in-naħa l-oħra, sabiex jitħares l-iżvilupp tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni;

55.  Jirrakkomanda li kemm il-Kummissjoni u kemm l-Istati Membri jqisu l-impenji komuni bl-akbar attenzjoni peress li s-settur tat-trasport tal-Unjoni jopera f'ambjent kumpless ta' elementi ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi, fejn l-istabbiliment ta' netwerks multimodali qed jiffaċċja ostakli u xkiel relatati ma' prijoritajiet diverġenti u involviment inkonsistenti;

56.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiffukaw fuq proġetti rigward passaġġi fuq l-ilma interni li jkunu relatati direttament mal-kurituri tan-netwerk ewlieni b'mod li jipprovdu l-akbar impatt u l-aktar benefiċċji immed­jati għat-titjib tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni;

57.  Jirrakkomanda li, meta l-Istati Membri jinvestu fit-trasport minn passaġġi fuq l-ilma, għandu jiġi applikat il-prinċipju "inqas għal iktar": ir-riżorsi limitati tal-Unjoni għandhom jiġu ffukati fuq il-proġetti bl-ogħla prijorità b'mod li jitneħħew b'mod effikaċi l-punti ta' konġestjoni u tiġi stabbilita sistema integrata fil-livell tal-Unjoni tan-netwerk tal-passaġġi tal-ilma;

58.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) (ir-Regolament TEN-T) u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) (ir-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa) bħala għodda essenzjali għar-razzjonalizzazzjoni tal-proġetti sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni sa mill-2001;

59.  Jirrakomanda li l-istrument TEN-T u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jintużaw intensivament bħala opportunità għal investiment b'enfasi fuq il-kurituri ta' importanza strateġika għall-Unjoni (netwerk ewlieni u komprensiv), b'rekwiżiti infrastrutturali standardizzati u speċifiċi għat-tul kollu tan-netwerk, bi skadenzi legalment vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti;

60.  Jirrakkomanda li jintużaw approċċi u ppjanar strateġiċi u komprensivi għas-sinkronizzazzjoni tal-finanzjament mill-FSIE, TEN-T u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa sabiex jinkisbu b'mod effikaċi u effiċjenti l-objettivi tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni;

61.  Jirrakkomanda li l-istabbiliment ta' ċentri ta' trasport intermodali tul in-Netwerk Ewlieni jiġi kkunsidrat bħala fattur kruċjali li jippermetti l-bidla mit-trasport tal-prodotti u l-merkanzija mit-toroq għal fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni;

62.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta' koordinament tal-Kummissjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' proġetti strateġiċi fit-tul bħall-kurituri tan-netwerk ewlieni;

63.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tidentifika u tanalizza l-kwistjonijiet orizzontali kollha, waqt li tiffoka estensivament fuq l-ippjanar strateġiku, il-kooperazzjoni mal-Istati Membri u bejniethom u l-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti, b'mod li tippermetti li l-konklużjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali;

64.  Jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha bżonn tipprovdi assistenza teknika intensiva u gwida lill-Istati Membri, qabel jippreżentaw proposti għal proġetti u matul il-fażi ta' implimentazzjoni kollha sabiex telimina l-ostakli li identifikat għat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma;

65.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffoka l-finanzjamenti tagħha fuq dawk il-proġetti li jkunu l-aktar rilevanti għat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni u toffri pjanijiet komprensivi sabiex telimina l-punti ta' konġestjoni;

66.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti prijorità lill-finanzjament tal-proġetti u l-inizjattivi fl-Istati Membri li jkollhom l-għan li jtejbu t-trasport minn passaġġi fuq l-ilma permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi bħal teknoloġija avvanzata ta' navigazzjoni, fjuwils alternattivi u bastimenti effiċjenti; iqis li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ ukoll l-għarfien Ewropew multilaterali u programmi ta' skambju ta' għarfien bejn portijiet differenti tal-Unjoni;

67.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni ttejjeb l-għarfien fost l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom rigward l-istrumenti ta' finanzjament disponibbli għall-appoġġ tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni bil-ħsieb li jiġu eliminati l-punti ta' konġestjoni eżistenti tul il-kurituri ewlenin;

68.  Jikkunsidra li l-koordinament fost l-Istati Membri għall-iżvilupp tat-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni għandu jittejjeb b'mod sinifikanti permezz tal-faċilitazzjoni u ta' impenji u kundizzjonijiet aktar vinkolanti, li jservu ta' qafas għall-ħidma fuq il-kurituri multimodali tan-netwerk ewlieni stabbiliti mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u r-Regolament TEN-T;

69.  Jikkunsidra li azzjonijiet speċifiċi u li jistgħu jintlaħqu biex jeliminaw il-punti ta' konġestjoni għandhom jiġu nnegozjati mill-Kummissjoni u jintlaħaq qbil dwarhom mill-Istati Membri fil-forma ta' skeda ta' implimentazzjoni;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-għanijiet u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi tagħha għall-passaġġi fuq l-ilma interni u tipproponi strateġija u pjan ta' azzjoni għall-passaġġi fuq l-ilma interni għall-2020'il quddiem;

71.  Jirrakkomanda li l-evalwazzjoni ex ante tal-operazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni dwar it-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni tivvaluta l-eżiti fil-kuntest tal-objettivi kumplessivi stabbiliti mill-2001 'l hawn u r-realizzazzjoni tan-Netwerk Ewlieni;

Parti VI – Rapport Speċjali Nru 2/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Finanzjament millUE ta' impjanti tatTrattament talIlma Urban Mormi filbaċin taxXmara Danubju: aktar sforzi huma meħtieġa biex l-Istati Membri jingħataw għajnuna sabiex jilħqu l-objettivi tal-UE għall-politika tal-ilma mormi"

72.  Jemmen li r-rappurtar dwar l-adegwatezza tat-trattament tal-ilma mormi għandu jkun rikjest għall-agglomerazzjonijiet b'ekwivalenza ta' popolazzjoni (e.p.) ta' inqas minn 2 000 li jkollhom fis-seħħ sistemi ta' ġbir dovuti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE(11) (id-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, il-UWWTD); jinnota li, għall-agglomerazzjonijiet fejn is-sistemi ta' ġbir ma jeżistux, ir-rappurtar għandu jinkludi informazzjoni dwar jekk ġewx inklużi miżuri adegwati fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar;

73.  Jaqbel mal-Qorti li l-Kummissjoni għandha tawditja r-rappurtar mill-Istati Membri dwar l-għadd ta' agglomerazzjonijiet b'e.p. ogħla u anqas minn 2 000 fejn kien hemm bidliet sinifikanti, b'mod partikolari minn kategorija għall-oħra;

74.  Jevidenzja l-ħtieġa li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jistabbilixxu obbligi ġuridiċi ċari biex l-unitajiet domestiċi jiġu konnessi man-netwerks tad-drenaġġ eżistenti, fil-każ fejn tali obbligi jkunu għadhom ma jeżistux jew ikunu marbuta ma' dati ta' skadenza vagi;

75.  Jinnota li ż-żmien meħtieġ għall-valutazzjoni tal-konformità mal-UWWTD għandu jitqassar billi l-Istati Membri jiġu rikjesti jirrappurtaw id-data fi żmien sitt xhur mid-data ta' referenza tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli biex tidentifika kwistjonijiet relatati ma' perjodi ta' rappurtar twal taħt direttivi oħra relatati mal-ambjent;

76.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jitħaffef l-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni għall-investimenti fil-qasam tal-ilma mormi mill-Istati Membri, peress li ġie nnutat dewmien għall-Istati Membri koperti minn dan ir-rapport u l-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni sar bil-mod; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna teknika, ġuridika u amministrattiva lill-benefiċjarji sabiex tiżgura l-ikkompletar tal-proġetti li għaddejjin bħalissa fiż-żmien dovut;

77.  Jinnota li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-rata ta' assorbiment fi tmiem l-2013 fl-Istati Membri kollha kkonċernati kienet pjuttost baxxa, u għalhekk jeżisti r-riskju ta' diżimpenn fil-livell tal-programmi (l-Artikolu 93 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(12)); jisħaq fuq il-fatt, madankollu, li jeżistu raġunijiet oġġettivi għal dan, bħal bżonn li tissaħħaħ il-kapaċita teknika, ġuridika u amministrattiva fl-Istati Membri kkonċernati; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tindika li l-pagamenti għall-biċċa l-kbira tal-proġetti normalment isiru matul l-aħħar snin ta' implimentazzjoni (jiġifieri fl-2014 u fl-2015 għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013);

78.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jintalbu jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar l-ammonti ta' fondi addizzjonali li se jkollhom bżonn sabiex jiżguraw li d-dati ta' skadenza għall-implimentazzjoni stabbiliti fil-UWWTD jistgħu jintlaħqu, kemm għall-agglomerazzjonijiet b'e.p. ogħla minn 2 000 kif ukoll għal dawk b'e.p. anqas minn 2 000, li jkollhom fis-seħħ sistemi ta' ġbir; jilqa' l-introduzzjoni tal-għodda ta' rapportar dwar il-Qafas Strutturat ta' Implimentazzjoni u ta' Informazzjoni li għandha ttejjeb il-proċess ta' rappurtar fil-livell nazzjonali;

79.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwettqu l-proġetti neċessarji fl-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konformità tal-agglomerazzjonijiet li ma jikkonformawx mal-UWWTD;

80.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-servizzi tal-ilma ffinanzjati mill-Unjoni u li l-Kummissjoni tagħmel sforzi akbar biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata u tinforza d-dati ta' skadenza biex jintlaħqu l-objettivi tal-UWWTD; jikkunsidra li għandha tiġi żgurata protezzjoni ambjentali ekwivalenti fl-Unjoni kollha;

81.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jesploraw u jxerrdu informazzjoni dwar il-possibilitajiet li jkun hemm iffrankar fl-ispejjeż, bħal pereżempju billi jintuża l-potenzjal ta' produzzjoni tal-enerġija tal-ħama tad-drenaġġ jew billi l-ħama tad-drenaġġ jintuża bħala materja prima prezzjuża għall-irkupru tal-fosforu;

82.  Jinnota li l-pagamenti finali għal "proġetti kbar" approvati taħt programm operattiv għandhom ikunu suġġetti għall-eżistenza ta' soluzzjoni xierqa għall-użu mill-ġdid tal-ħama tad-drenaġġ; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsegwu l-istess approċċ għall-proġetti approvati fil-livell nazzjonali;

83.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimplimentaw politika tariffarja responsabbli rigward l-ilma mormi, u jadattaw, fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet ġuridiċi fil-qasam tal-ipprezzar tal-ilma biex jevitaw tariffi li jkunu aktar baxxi mill-koeffiċjent ta' affordabbiltà ta' 4 % li hu aċċettat b'mod komuni;

84.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw li s-sidien pubbliċi ta' impjanti għat-trattament tal-ilma mormi, bħall-muniċipalitajiet, jagħmlu disponibbli finanzjament suffiċjenti fuq żmien twil għall-manutenzjoni u t-tiġdid meħtieġa tal-infrastruttura tal-ilma mormi;

Parti VII - Rapport Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "IlGaranzija għażŻgħażagħ talUE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni"

85.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni" u jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

86.  Jinnota li l-Qorti qed tivvaluta l-inizjattiva f'nofs l-implimentazzjoni tagħha u jilqa' l-ambizzjoni tal-Qorti li tibda tevalwa l-użu tal-fondi tal-Unjoni fi stadju aktar bikri;

87.  Jenfasizza l-fatt li l-"Garanzija għaż-Żgħażagħ" hija aspett kruċjali tar-rispons għall-qgħad fost iż-żgħażagħ; jilqa' l-fatt li l-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Unjoni ddeċidew li jallokaw EUR 6,4 biljun f'fondi tal-Unjoni (EUR 3,2 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew u EUR 3,2 biljun minn linja baġitarja ġdida) lill-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jindika li dan huwa punt ta' tluq tajjeb, iżda mhux biżżejjed biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tirnexxi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li jistgħu jinstabu fondi ulterjuri bħala sostenn għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ matul il-perjodu ta' seba' snin;

88.  Jinnota li finanzjament għall-impjieg taż-żgħażagħ jinkludi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) kif ukoll strumenti bħal Erasmus+, Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u programmi oħra; jissottolinja li jeħtieġ li tinkiseb sinerġija aħjar bejn is-sorsi kollha disponibbli;

89.  Iqis li l-finanzjament tal-iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ hu kumpless ħafna minħabba d-diversi għażliet ta' finanzjament disponibbli permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-awtoritajiet tal-Istati Membri filwaqt li tikkunsidra li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi differenti meta jimplimentaw l-iskema u għalhekk jirrikjedu linji gwida speċifiċi;

90.  Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni ddedikat ħafna riżorsi biex tiżgura li din il-miżura tkun effettiva fl-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jiddispjaċih, madankollu, li ġiet iddedikata ħafna inqas enerġija fl-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri;

91.  Jindika li, apparti d-disponibbiltà tal-finanzjament, l-assorbiment b'suċċess tal-fondi wkoll huwa kundizzjoni meħtieġa għal implimentazzjoni effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jiddispjaċih għalhekk li f'diversi reġjuni madwar l-Ewropa, il-kapaċità ta' assorbiment tal-fondi mill-FSE hija baxxa ħafna; jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu r-riżorsi amministrattivi u umani meħtieġa biex jużaw il-fondi pprovduti biex il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tiġi rrealizzata b'mod xieraq;

92.  Hu tal-opinjoni li, minkejja l-ħtieġa li jtejbu l-kapaċità ta' assorbiment, l-Istati Membri għandhom ukoll jiffukaw fuq l-eżiti meta jkunu qed jimplimentaw l-iskema, bħalma għandha tagħmel il-Kummissjoni fir-rwol ta' monitoraġġ tagħha, sabiex jiġu żgurati l-effetti fuq żmien twil mill-fondi investiti;

93.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' monitoraġġ komprensiva li tinkludi sett ta' standards għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tevalwa s-suċċess tagħhom fl-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra l-inklużjoni ta' miri obbligatorji għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew;

94.  Jikkunsidra li hu fundamentali li l-implimentazzjoni effikaċi tal-fondi disponibbli mill-Istati Membri tingħaqad ma' assistenza estensiva mill-Kummissjoni biex jiġu eliminati d-distakki fl-implimentazzjoni;

95.  Jinnota li l-Unjoni m'għandha l-ebda kompetenza biex timponi regoli vinkolanti fil-qasam tal-politiki attivi rigward is-suq tax-xogħol, iżda jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'eżempji tal-aħjar prattiki dwar kif għandhom jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'mod partikolari dawk il-prattiki identifikati min-Netwerk Ewropew tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

96.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-finanzjament tal-Unjoni u jimpenjaw irwieħhom favur riformi bil-għan li jiġu megħluba d-distakki fl-edukazzjoni, fit-taħriġ dwar ħiliet, fl-istabbiliment ta' sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat u fit-tisħiħ tas-servizzi għall-impjiegi u l-aċċessibbiltà tagħhom;

97.  Jitlob lill-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata u impatt pożittiv fuq żmien twil, jagħtu bidu għal tibdil istituzzjonali fejn ikun meħtieġ u jrawmu l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet lokali, l-awtoritajiet tal-edukazzjoni, l-uffiċċji pubbliċi għall-impjiegi, l-industrija u n-negozju lokali, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet għaż-żgħażagħ; jemmen li dan hu kruċjali biex jinkiseb ippjanar aħjar tal-kapaċità u użu strateġiku orjentat lejn ir-riżultati tad-diversi sorsi ta' finanzjament disponibbli;

98.  Ifakkar lill-Istati Membri li għandhom jimpenjaw irwieħhom biex jestendu l-finanzjament nazzjonali bħala element komplementari għall-approprjazzjonijiet tal-FSE u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ sabiex jiżguraw l-ispinta meħtieġa favur l-impjieg taż-żgħażagħ;

99.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13) dwar il-Fond Soċjali Ewropew, b'mod li jiżdied l-ammont ta' prefinanzjament inizjali imħallas għall-programmi operattivi appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, biex b'hekk il-prefinanzjament inizjali fl-2015 jiżdied minn madwar 1 % għal 30 % għall-allokazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jindika li l-Kummissjoni nnifisha għandha timpenja ruħha li tħallas l-ammont ta' prefinanzjament lill-Istati Membri immedjatament wara li jidħol fis-seħħ ir-Regolament emendatorju, sabiex issir possibbli l-implimentazzjoni fil-pront tal-programmi operattivi appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ;

100.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża skema ta' monitoraġġ komprensiv li tinkludi l-Qafas Indikatur għall-Monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, flimkien mal-indikaturi tar-riżultati ppjanati, filwaqt li tiffoka l-attenzjoni fuq ir-riżultati u tivvaluta s-sitwazzjoni ta' impjieg tal-individwi li jibbenefikaw mill-miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ;

101.  Hu tal-opinjoni li hemm bżonn li l-politiki dwar is-suq tax-xogħol min-naħa tal-provvista jiġu kkunsidrati flimkien mal-politiki dwar l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u s-servizz soċjali, kif ukoll fil-kuntest makroekonomiku usa';

102.  Jinnota li r-rapport ta' implimentazzjoni annwali tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u r-rapporti speċjali li ġejjin tal-Qorti rigward l-impjieg taż-żgħażagħ huma opportunitajiet kbar biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet eżistenti, kemm fil-livell tal-Kummissjoni u kemm fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

Parti VIII - Rapport Speċjali Nru 4/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Lassistenza teknika: x'kontribut tat għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali?"

103.  Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-ambitu u l-applikazzjoni tal-assistenza teknika lill-Istati Membri fil-qasam tal-iżvilupp rurali; iqis b'mod partikolari, li l-Kummissjoni għandha tiċċara d-distinzjoni bejn in-nefqa operattiva/in-nefqa għall-"bini tal-kapaċità" u l-ispejjeż amministrattivi/l-ispejjeż ta' "appoġġ baġitarju" eliġibbli, b'mod partikolari fil-każ tal-pagi;

104.  Jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-assistenza teknika min-naħa tal-Istati Membri;

105.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li n-nefqa amministrattiva ġenerali, bħall-manutenzjoni regolari tal-informatika, ma tiġix iddebitata fuq il-linji baġitarji tal-assistenza teknika;

106.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrikjedi fil-ġejjieni li l-Istati Membri jirrappurtaw l-ispejjeż amministrattivi/l-ispejjeż ta' "appoġġ baġitarju" għall-iżvilupp rurali b'mod separat, b'mod li jsir aktar trasparenti l-fatt li parti mill-finanzjament ta' assistenza teknika qed tintnefaq fuq appoġġ ta' dan it-tip;

107.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi, flimkien mal-Istati Membri, qafas ta' prestazzjoni xieraq għall-finanzjament ta' assistenza teknika; jikkunsidra, b'mod partikolari, li l-ħtiġijiet ta' assistenza teknika tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għandhom jiġu vvalutati b'mod xieraq u li għandu jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu biex jiġu ssettjati l-objettivi u jitkejjel il-progress lejhom;

Parti IX – Rapport Speċjali Nru 5/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-istrumenti finanzjarji huma għodda ta' suċċess u promettenti fil-qasam tal-iżvilupp rurali?"

108.  Jitlob li l-Kummissjoni tidentifika l-isfidi, il-karatteristiċi speċifiċi u l-ostakli ffaċċjati fl-iżvilupp rurali sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu u jivvalutaw aħjar id-domanda baġitarja għall-istrumenti finanzjarji u jevitaw kapitalizzazzjoni eċċessiva, li tinvolvi l-impenn ta' fondi mingħajr ma jagħtu kontribut għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE; jitlob ukoll li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-benefiċjarji aħħarin b'mod li ssir possibbli implimentazzjoni aktar attiva tal-istrumenti finanzjarji fil-livell reġjonali, b'mod partikolari apparagun mal-għotjiet;

109.  Jitlob li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni kwantifikabbli affidabbli b'mod li jippermettu li jiġi ddeterminat it-tip xieraq ta' fondi u li jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji bi qbil ma' dan; jitlob ukoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw sistemi ta' monitoraġġ li jippermettu li tiġi evalwata l-effikaċja tal-istrumenti finanzjarji;

110.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi gwida u tippromwovi b'mod attiv valutazzjonijiet ex ante obbligatorji ta' kwalità ogħla għall-istrumenti finanzjarji, bħal dawk introdotti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, b'mod li jiġu identifikati d-dgħufijiet speċifiċi u tiġi evitata kapitalizzazzjoni eċċessiva; jitlob, barra minn hekk, li l-Istati Membri jistabbilixxu koeffiċjent ta' esponiment għar-riskju permezz ta' analiżi teknika xierqa;

111.  Jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-istandards u l-objettivi xierqa għall-effetti ta' ingranaġġ u ta' rotazzjoni sabiex tiżdied l-effikaċja tal-istrumenti finanzjarji għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jitlob ukoll li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jwettqu valutazzjoni bir-reqqa qabel l-użu u l-iżvilupp fil-ġejjieni ta' strumenti finanzjarji fil-qasam tal-iżvilupp rurali abbażi tal-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u l-effikaċja għall-benefiċjarji;

112.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiddeċiedu dwar regoli tranżitorji ċari bejn il-perjodi ta' programmazzjoni sabiex jippromwovu l-effetti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-istrumenti finanzjarji;

113.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu strument finanzjarju uniku li jkun kapaċi jipprovdi kemm self u kemm garanziji, biex b'hekk jiżdiedu l-attività u l-massa kritika tiegħu;

114.  Jitlob li l-Istati Membri jsibu modi kif jegħlbu d-dgħufijiet fl-għażla fir-rigward tal-ġestjoni tal-għotjiet għall-miżuri ta' investiment, li jistgħu jirriżultaw f'piż kbir jew effetti ta' spostament; jitlob għal din ir-raġuni, li l-Istati Membri japplikaw indikaturi xierqa u definiti b'mod ċar, bħar-redditu fuq l-investiment u rapporti dwar il-flussi ta' flus previsti b'mod li jiżguraw il-vijabbiltà tal-proġetti;

115.  Jitlob li l-Istati Membri jeżaminaw kif l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji jistgħu jingħaqdu fil-programm operattiv sabiex jipprovdu l-aħjar valur għall-flus, billi jottimizzaw l-effetti ta' ingranaġġ u ta' rotazzjoni;

116.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi regoli ta' implimentazzjoni operattivi definiti b'mod ċar, inkluż il-politika dwar il-ħruġ, fiż-żmien dovut u qabel l-għeluq tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013;

Parti X — Rapport Speċjali Nru 6/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-integrità u l-implimentazzjoni tal-EU ETS"

117.  Jinsab diżappuntat li ma kienx possibbli tinkiseb analiżi sħiħa tal-effiċjenza tad-diversi sistemi ta' allokazzjoni implimentati mill-Istati Membri matul it-tieni fażi tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) (2008-2012), li kienet tkun tal-akbar importanza sabiex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet politiċi abbażi tar-riżultati tal-awditjar tal-Qorti;

118.  Jinnota li l-valutazzjoni tal-Qorti ffukat fuq l-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-EU ETS (2008-2012), filwaqt li għat-tielet fażi tal-ETS tal-UE (2013-2020) ġew deċiżi u implimentati riformi sinifikanti, inklużi miżuri ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni;

119.  Jilqa' l-fatt li ġie implimentat titjib sinifikanti fil-qafas għall-protezzjoni tal-integrità tal-ETS, inkluż il-biċċa l-kbira mis-suq spot għal kwoti fid-Direttiva dwar l-Istrumenti Finanzjarji(14) u d-direttiva draw l-abbuż tas-suq(15) u r-regolamentazzjoni(16); jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri komplementari f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, inklużi miżuri li jkopru l-konformità negozjanti;

120.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw trasparenza u sorveljanza effikaċi fil-livell tal-UE tas-suq tal-emissjonijiet, u proċeduri għall-kooperazzjoni li jinvolvu regolaturi nazzjonali u l-Kummissjoni;

121.  Iqis li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għandha tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u tagħti assistenza aktar komprensiva tul il-proċess; jemmen li hemm bżonn ta' bilanċ tajjeb bejn monitoraġġ robust, rappurtar u verifika u l-piż amministrattiv; iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet ġuridiċi u ċ-ċertezza ġuridika, u b'hekk tqis il-gwida tal-Kunsill Ewropew;

122.  Jinnota li l-Qorti vvalutat l-integrità u l-implimentazzjoni tal-EU ETS, iżda anke li hemm bżonn ta' analiżi tal-effiċjenza tas-sistema ETS u ta' kisbietha, inkluża evalwazzjoni tal-interazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni Ewropea u dik nazzjonali bħal fl-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u l-miżuri ta' effiċjenza enerġetika, li jkollhom bl-istess mod effett profond fuq l-emissjonijiet ta' CO2 u b'hekk fuq is-suq tal-karbonju;

123.  Jitlob li l-Qorti tinkludi fl-analiżi tagħha s-setturi industrijali milquta, speċjalment fir-rigward taċ-ċertezza ġuridika u l-prevedibbiltà, u sa liema punt huwa żgurat qafas ġuridiku affidabbli u kif l-aġġustamenti reċenti tal-qafas tal-ETS possibilment affettwaw l-effikaċja tas-sistema;

124.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, waqt l-awditu, ir-riskju ta' frodi tal-VAT fl-ETS kien għadu mhuwiex indirizzat bis-sħiħ, billi terz tal-Istati Membri kien għadhom ma implimentawx leġiżlazzjoni dwar il-mekkaniżmu tar-reverse charge; jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien;

125.  Jemmen li hu kruċjali li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi evitat il-ħruġ tal-karbonju u tiġi żgurata kompetittività internazzjonali ġusta tal-miżuri eżistenti għal allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet; jitlob valutazzjoni mill-Kummissjoni tas-setturi u l-kumpaniji industrijali li huma vulnerabbli għall-ħruġ tal-karbonju, biex tidentifika b'mod ċar l-oqsma fejn kien hemm telf ta' negozju għall-industrija Ewropea fil-konfront ta' pajjiżi mingħajr leġiżlazzjoni stretta dwar il-klima;

Parti XI — Rapport Speċjali Nru 7/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-missjoni tal-pulizija tal-UE fl-Afganistan: riżultati mħallta"

126.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) japplikaw dak li tgħallmu mhux biss mill-missjoni EUPOL fl-Afganistan iżda anke minn missjonijiet oħra tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) bil-għan li jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien u l-effetti ta' sinerġija bejn il-missjonijiet differenti; jappella għal gwida orizzontali aktar ċara mis-SEAE għall-missjonijiet PSDK fejn ikun xieraq; jindika li l-koordinament fost l-atturi involuti kollha min-naħa tal-Unjoni, inklużi l-Istati Membri, kif ukoll mal-atturi internazzjonali l-oħra hu fundamentali għas-suċċess tal-missjonijiet preżenti u futuri;

127.  Jitlob li s-SEAE jagħti rendikont aħjar dwar l-użu tal-istrument finanzjarju prinċipali tiegħu fl-Afganistan, il-Fond Fiduċjarju għall-Ordni Pubbliku fl-Afganistan (LOTFA) immexxi mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), li qed jiġi kkritikat minħabba ġestjoni ħażina u nuqqas ta' trasparenza; itenni, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-kanali xierqa kollha ta' finanzjament għall-missjonijiet PSDK fil-ġejjieni, inklużi l-Fondi Fiduċjarji tal-UE, jintużaw b'mod effiċjenti sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi politiċi tal-missjoni u ġestjoni finanzjarja tajba;

128.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE joħolqu sinerġiji u riferimenti trasversali fost l-attivitajiet proġettwali, kif ukoll kollegamenti b'saħħithom u effiċjenti bejn l-objettivi tal-missjonijiet u l-istadji intermedji stabbiliti fil-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Missjoni;

129.  Iqis li hemm bżonn li suġġetti bħalma huma l-ġeneru, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-edukazzjoni jiżvolġu rwol importanti fil-kurrikuli ta' taħriġ tal-EUPOL u ta' missjonijiet PSDK oħra; jinnota f'dan il-kuntest li l-EUPOL fil-biċċa l-kbira kellha suċċess fl-attivitajiet relatati mat-taħriġ, iżda mhux daqshekk fl-attivitajiet ta' mentoring u konsulenza;

130.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jikkoordinaw il-missjonijiet PSDK b'aktar reqqa minn qabel ma' missjonijiet bilaterali oħra tal-Unjoni u ma' sforzi internazzjonali oħra b'objettivi simili; jappella, f'dan ir-rigward, għal aktar kooperazzjoni u koordinament bejn l-Unjoni u l-Istati Membri għall-promozzjoni tas-sinerġiji taħt qafas Ewropew; jitlob li l-mandat għall-missjonijiet PSDK attwali u futuri jiddetermina b'mod ċar ir-responsabilitajiet għall-koordinament mal-atturi l-oħra tal-Unjoni, inklużi l-Istati Membri;

131.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jagħtu attenzjoni partikolari lill-proċeduri ta' akkwist biex jiżguraw li jwieġbu għall-bżonnijiet operattivi tal-PSDK; jindika li l-implimentazzjoni tal-proġetti sofriet minn proċeduri ta' akkwist ineffiċjenti li wasslu għal nuqqas ta' prestazzjoni u li l-użu ta' proċeduri ssemplifikati jew flessibbli wassal għal żieda fil-proċeduri li jaslu fil-fażi ta' finalizzazzjoni tal-kuntratti;

132.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jżidu ulterjorment l-effikaċja tal-missjonijiet PSDK tagħhom billi jtejbu s-sostenibbiltà fit-tul tal-eżiti miksuba; jirrikonoxxi, madankollu, li l-appoġġ mill-Unjoni u mill-komunità internazzjonali hu fattur deċisiv għall-kisba ta' dawn l-għanijiet fit-tul;

133.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE josservaw il-kisbiet tal-Unjoni b'segwitu għat-tneħħija gradwali tal-EUPOL sa tmiem l-2016, inkluża l-possibbiltà ta' impenn ulterjuri war l-2016;

134.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jiżviluppaw linji gwida dettaljati minn ferm qabel fir-rigward tat-tnaqqis fid-daqs tal-missjonijiet u l-għeluq tagħhom, kif ukoll fir-rigward tal-likwidazzjoni tal-assi tal-missjonijiet;

Parti XII – Rapport Speċjali Nru 8/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-appoġġ finanzjarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet ta' mikroimprendituri b'mod adegwat?"

135.  Jilqa' r-Rapport Speċjali tal-Qorti bit-titolu "L-appoġġ finanzjarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet ta' mikroimprendituri b'mod adegwat?", u, fil-prinċipju, jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet inklużi fih;

136.  Josserva li l-mikrokreditu, allavolja għadu meqjus immatur, qiegħed jikber b'rata konsistenti fl-Unjoni u għandu impatt fuq il-ħolqien ta' aktar minn 250 000 impjieg (ċifra tal-2013);

137.  Hu tal-opinjoni li jeżistu differenzi sustanzjali bejn l-istrumenti finanzjarji tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress, li għandhom tendenza li jservu finijiet differenti; iqis li mekkaniżmi differenti ta' appoġġ jistgħu jkunu xierqa għal kundizzjonijiet differenti tas-suq;

138.  Jinnota li l-Qorti f'dan l-awditu tqabbel żewġ strumenti finanzjarji li mhumiex simili u li għandhom approċċi u objettivi differenti; jisħaq fuq il-fatt li l-FSE u l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress ivarjaw f'bosta aspetti, speċifikament fl-istruttura, fir-regoli u fil-gruppi destinatarji, bil-Faċilità esklużivament iddedikata għall-mikrofinanzjament waqt li l-Fond ikopri firxa ta' aspetti ferm aktar estensiva;

139.  Jevidenzja l-fatt li dawn iż-żewġ faċilitajiet finanzjarji huma komplementari u jġibu magħhom benefiċċji kbar lil min jissellef mikrokrediti permezz tat-tliet strumenti finanzjarji li huma l-għotjiet, is-self u l-garanziji; jikkunsidra li l-għotjiet - li jiġu pprovduti biss permezz tal-FSE - huma fundamentali għall-mikrokreditu daqs kemm huma ż-żewġ strumenti l-oħra u l-prestazzjoni tagħhom għandha tiġi vvalutata fid-dawl tar-rwol komplementari tagħhom;

140.  Jisħaq fuq l-importanza tal-objettivi tal-mikrofinanzjament fit-titjib tal-inklużjoni soċjali, fil-ġlieda kontra l-qgħad u fl-estensjoni tal-aċċess għall-finanzjament għall-persuni qiegħda, persuni żvantaġġati oħra u l-mikroimpriżi; jikkunsidra, f'dan ir-rigward, li l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji jrid ikollhom ir-responsabbiltà primarja li jgħinu lin-nies u lill-mikromprendituri jegħlbu d-diffikultajiet biex jilħqu dawk l-objettivi;

141.  Hu tal-opinjoni li l-għotjiet huma fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi ta' tkabbir, inklużjoni u impjiegi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd – Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-aġenda tax-xogħol deċenti għal kulħadd" (COM(2006)0249) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Impenn Komuni għall-Impjiegi" (COM(2009)0257) u fir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17) dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI);

142.  Jissottolinja l-ħtieġa għal sistema msaħħa ta' mikrofinanzjament li tkun strument għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jsostni l-ħtiġijiet ta' dawk verament fil-bżonn;

143.  Iqis li l-attenzjoni relattivament baxxa li qed tingħata lill-istrumenti finanzjarji biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-gruppi vulnerabbli hemm bżonn tinbidel fl-EaSI għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;

144.  Hu tal-fehma li ma kienx hemm biżżejjed komplementarjetà bejn il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress u l-FSE biex jiġi rrispettat ir-rekwiżit li kull min jipprovdi mikrokreditu jrid jaħdem mal-entitajiet, partikolarment bl-appoġġ tal-FSE, li jipprovdu servizzi ta' taħriġ u mentoring;

145.  Jilqa' l-fatt li bosta mid-dgħufijiet li nstabu u r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Qorti diġà ġew indirizzati mill-Kummissjoni fil-qafas regolatorju l-ġdid (2014-2020);

Parti XIII – Rapport Speċjali Nru 9/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Appoġġ mill-UE għall-ġlieda kontra t-tortura u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt"

146.  Jilqa' r-rapport speċjali ddedikat għall-appoġġ tal-Unjoni għall-ġlieda kontra t-tortura u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

147.  Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma l-pedament tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u tar-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali tagħha; jemmen li, bħala prijorità kruċjali tal-UE, għandhom jirċievu attenzjoni kontinwa;

148.  Jenfasizza li l-Unjoni hija impenjata bis-sħiħ favur il-prevenzjoni u l-qerda ta' kull forma ta' tortura u trattament ħażin ieħor, u favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jinnota li l-istrument prinċipali użat għal dan l-għan huwa l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li jipprovdi għotjiet lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-implimentazzjoni ta' proġetti;

149.  Jinnota li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, EUR 100,9 miljun fi ħdan il-qafas tal-EIDHR ġew allokati għal proġetti relatati mal-ġlieda kontra t-tortura u l-piena tal-mewt; jindika, madankollu, li dan l-ammont ta' flus hu relattivament żgħir meta jitqiesu l-objettivi ambizzjużi tal-istrument u l-ambitu ġeografiku globali tiegħu;

150.  Jisħaq fuq il-fatt li finanzjament imqassam estensivament wisq - li jiġi applikat f'aktar minn 120 pajjiż madwar id-dinja - jiddilwixxi l-impatt tal-EIDHR; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza aħjar u tiffoka aktar l-attenzjoni tagħha biex ittejjeb ir-riżultati; jevidenzja l-fatt li r-riżorsi għandhom jiffukaw fuq il-pajjiżi bi ħtiġijiet u problemi sustanzjali li effettivament ikollhom il-potenzjal għal titjib; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni diġà bdiet taħdem biex il-fokus tas-sejħa tagħha għal proposti għall-2015 ikun aktar immirat;

151.  Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li l-proġetti ffinanzjati ħafna drabi ma jkunux ikkoordinati sew mal-azzjoni l-oħra tal-Unjoni, bħall-appoġġ għall-iżvilupp tradizzjonali u d-djalogu mal-pajjiżi sħab, ma kinux parti minn approċċ koerenti u strateġiku u ma kkomplementawx sew lil xulxin; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija globali sabiex tikkomplementa l-attivitajiet li jikkondividu l-istess objettivi u tevita finanzjament doppju;

152.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiffukaw l-attenzjoni u jqiegħdu l-impetu politiku fuq l-oqsma fejn l-aktar ikunu meħtieġa, filwaqt li jtejbu l-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fuq il-post, b'mod li jiġu approfonditi l-effikaċja, ir-riżultati u jkollhom impatt fuq il-kultura fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-politiki dwar id-demokrazija;

153.  Jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex itejbu u jintegraw l-effikaċja tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istrateġiji għal kull pajjiż u l-linji gwida speċifiċi billi jiżguraw li drittijiet tal-bniedem fundamentali bħall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ġlieda kontra t-tortura jitqajmu sistematikament fil-livelli kollha tat-tfassil ta' politiki ma' pajjiżi terzi;

154.  Jemmen li għandu jkun hemm aktar programmazzjoni u monitoraġġ konġunti bejn is-SEAE u l-Kummissjoni rigward kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem sabiex isiru aktar konformi mal-istrateġiji lokali politiċi u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

155.  Jitlob l-implimentazzjoni ta'approċċ aktar kwalitattiv u strateġiku fil-proċess ta' għażla kumplessiv fir-rigward tal-applikazzjonijiet li jaslu fil-kuntest ta' sejħiet għal proposti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika dan l-istrument b'mod konformi ma' viżjoni fit-tul ibbażata fuq objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu;

156.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni jagħtu attenzjoni regolari lill-iżviluppi jew il-kontratempi fil-pajjiżi kollha, u jużaw il-mezzi kollha ta' influwenza; jappoġġa r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-analiżi u t-tiswir tal-politiki, fir-rwol ta' koordinament u fil-funzjonijiet ta' rappurtar;

157.  Jevidenzja l-fatt li l-istrument hu eżerċizzju ta' inventarju tajjeb biex jiġu analizzati l-qagħda u l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; jindika li l-preżenza u l-interess kostanti tal-Unjoni jistgħu jwasslu għal bidla fejn għandhom x'jaqsmu t-tortura u l-piena tal-mewt; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li hemm bżonn li l-Kummissjoni tiżviluppa approċċ strateġiku għal din il-kwistjoni;

158.  Jinnota li l-Kummissjoni tikseb informazzjoni dettaljata dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi oħra permezz ta' diversi kanali u li tuża l-informazzjoni biex tiddefinixxi l-prijoritajiet; jinnota bi tħassib li, għalkemm il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha strateġiji speċifiċi għal kull pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jinkludu analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati u jipprovdu prijoritajiet kruċjali fil-qasam, dawn ma ġewx ikkunsidrati kif jixraq meta kienet qed talloka l-fondi u tikkoordina azzjonijiet oħra tal-Unjoni; jindika li l-valur miżjud tal-istrateġiji għal kull pajjiż huwa limitat minħabba n-natura strettament kunfidenzjali tagħhom; jappella lill-Kummissjoni biex tagħti aċċess għall-istrateġiji lill-assessuri tal-proġetti sabiex tiżgura l-ogħla valur miżjud possibbli;

159.  Jilqa' l-approċċ immexxi mid-domanda għall-finanzjament ta' proġetti u jikkunsidra li hu mod tajjeb ta' kif jiġu involuti organizzazzjonijiet ta' esperjenza u mmotivati li jipproponu proġetti ta' kwalità tajba; jinnota b'sodisfazzjon li dan l-approċċ minn isfel għal fuq jinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jfasslu l-proġetti tagħhom bi qbil mal-kapaċitajiet amministrattivi, operattivi u ġeografiċi tagħhom u mal-istrateġija tagħhom stess;

160.  Jiddispjaċih li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali ta' daqs iżgħar jistgħu jkunu żvantaġġati meta jitolbu għotjiet minħabba proċeduri ta' applikazzjoni li jkunu twal u kkumplikati, rekwiżiti lingwistiċi u/jew rekwiżiti ta' esperjenza; jappella lill-Kummissjoni biex tħaffef u tissemplifika l-proċess ta' applikazzjoni sabiex tinkoraġġixxi applikazzjonijiet għal proġetti ta' kwalità;

161.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni torganizza seminars u sessjonijiet ta' taħriġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, tippromwovi s-sħubijiet u tippermetti l-għotjiet f'kaskata (sub-granting), u ilha dawn l-aħħar erba' snin torganizza seminar għas-soċjetà ċivili qabel it-tnedija tas-sejħiet globali għal proposti biex tipprovdi l-opportunità li jiġi introdott l-EIDHR;

162.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li nuqqas ta' organizzazzjonijiet awtosostenibbli jipperikola l-kontinwità tal-attivitajiet tagħhom, bir-riskju li jintilef għarfien espert; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tipprova ttaffi d-dipendenza finanzjarja ta' tali organizzazzjonijiet billi tippermettilhom jimpjegaw uffiċjali responsabbli għall-ġbir ta' fondi fi ħdan il-qafas tal-EIDHR;

163.  Jindika li, skont il-valutazzjoni tal-Qorti, ġeneralment kien diffiċli li jitkejlu l-eżiti tal-proġetti peress li l-impatt mixtieq spiss ikun intanġibbli, ma jkun stabbilit l-ebda objettiv għall-indikaturi ta' prestazzjoni u r-rapporti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lill-Kummissjoni jikkonċentraw fuq l-attivitajiet;

164.  Jieħu kont tal-fatt li l-ġlieda kontra t-tortura u l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt huma proċessi li se jiżvolġu fuq żmien twil, li hu diffiċli li jiġu kkwantifikat l-impatt u r-riżultati, li l-EIDHR qed jindirizza kwistjonijiet sensittivi f'kuntesti politiċi diffiċli u li l-implimentazzjoni tiegħu tirrikjedi ġestjoni bir-reqqa u li tieħu l-ħin;

165.  Jindika f'dan ir-rigward li s-sistemi li jkejlu l-impatti huma wkoll pjuttost dgħajfa minħabba li l-oqfsa loġiċi għall-proġetti ma jkunux ċari u ma jkollhomx punti ta' riferiment u objettivi ddefiniti sew; jappella lill-Kummissjoni biex tiċċara r-rekwiżiti fl-oqfsa loġiċi għall-proġetti sabiex ittejeb ir-riżultati u l-valur miżjud;

166.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji valutazzjoni profonda tal-impatt tal-finanzjament taħt l-EIDHR u tislet konklużjonijiet minn din l-analiżi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tqis l-impatt u r-riżultati ta' forom ta' proġetti differenti matul il-proċedura tal-għażla; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni diġà qed taħdem fuq valutazzjoni mtejba tal-impatt tal-proġetti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi r-riżultati mal-awtorità tal-kwittanza;

167.  Jinnota li l-valutazzjonijiet tal-proġetti huma bbażati fuq sistema ta' għoti ta' punti u tabelli ta' evalwazzjoni standardizzati bi kriterji li jikkonċernaw it-tfassil, ir-rilevanza, il-kapaċità, il-fattibbiltà, l-effikaċja, is-sostenibbiltà, l-kosteffikaċja tal-proġett, u li l-għotjiet jingħataw lill-proġetti bl-ogħla punteġġ; jinnota li, skont il-Qorti, it-tabelli ta' evalwazzjoni standardizzati għandhom għadd ta' nuqqasijiet f'termini tal-gwida biex jingħataw il-punti skont dawn il-kriterji; jappella lill-Kummissjoni biex tiċċara l-gwida u jistedinha tikkunsidra li ttejjeb it-tabelli ta' evalwazzjoni standardizzati;

168.  Jitlob li l-Kummissjoni ttaffi n-nuqqasijiet fil-valutazzjoni tagħha evidenzjati mill-Qorti; jilqa' madankollu l-eżistenza ta' ċerta flessibbiltà fil-valutazzjoni tal-proġetti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, li ma tistax tiġi kkunsidrata purament bħala eżerċizzju burokratiku; jevidenzja l-fatt li hemm bżonn jintuża s-sens komun, kif diġà nnotat l-awtorità tal-kwittanza;

169.  Jinnota li, skont il-Qorti, l-objettivi tal-biċċa l-kbira tas-sejħiet għal proposti ġew deskritti b'mod ġenerali; jinnota l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-istrateġija ppreferuta tagħha hi li tuża approċċ olistiku għas-sejħiet għal proposti; jappella, madankollu, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fondi tal-EIDHR jintużaw b'mod effikaċi billi tiggarantixxi l-fattibbiltà, il-vijabbiltà u l-valur miżjud tal-proġetti, u dan jista' jsir billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għar-riżultati tal-proġett fis-sejħiet għal proposti;

170.  Jilqa' l-fatt li l-ewwel pass għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili interessati li jirċievu l-għotja hu li jissottomettu dokument kunċettwali li jiddeskrivi l-karatteristiċi ewlenin tal-proġett li jkunu qed jipproponu; jikkunsidra li d-dokument kunċettwali hu soluzzjoni effikaċi f'termini ta' spejjeż u ta' ħin għall-preselezzjoni tal-proġetti;

171.  Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li l-għażla tal-proġetti kienet iddokumentata sew iżda kienet nieqsa mir-rigorożità u li d-dgħufijiet fil-proġetti ma ġewx irrimedjati wara li ġew identifikati; jinnota b'sodisfazzjon li l-konklużjonijiet kumplessivi tal-bordijiet ta' evalwazzjoni ġew irrapportati b'biżżejjed dettall; jilqa' l-fatt li l-attivitajiet tal-proġetti ġeneralment twettqu kif ippjanat u kienu kosteffikaċi; jappella lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-konsistenza tal-evalwazzjonijiet tal-proġetti;

172.  Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom interpretazzjonijiet differenti ta' x'inhu kopert mill-ammont li jingħata b'rata fissa biex ikopri l-ispejjeż indiretti, u dan jista' jirriżulta li tiġi sottovalutata l-ħidma tal-organizzazzjoni jew li jiġu koperti spejjeż ineliġibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar l-ammont li jingħata b'rata fissa;

173.  Jilqa' l-pjan ta' azzjoni ġdid tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għall-perjodu 2015-2019 bħala impenn politiku mġedded biex jiġu żviluppati aktar koerenza u konsistenza fi ħdan il-firxa sħiħa ta' politiki esterni u strumenti finanzjarji tal-Unjoni;

174.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni diġà bdiet timplimenta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u dan se tkompli tagħmlu billi tassimilah fil-proċeduri u l-mudelli, billi tfassal pjanijiet direzzjonali u billi torganizza sessjonijiet ta' taħriġ;

Parti XIV – Rapport Speċjali Nru 10/2015 bit-titolu "L-isforzi biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-akkwist pubbliku fin-nefqa tal-UE għall-Koeżjoni għandhom jiġu intensifikati"

175.  Jilqa' s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti bit-titolu "L-isforzi biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-akkwist pubbliku fin-nefqa tal-UE għall-Koeżjoni għandhom jiġu intensifikati";

176.  Jinnota li, b'total ta' EUR 349 biljun f'allokazzjonijiet bejn l-2007 u l-2013, il-politika ta' koeżjoni hija l-politika kruċjali għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni fl-Ewropa; jevidenzja għalhekk l-importanza ta' proċessi xierqa fl-ambitu tal-akkwist pubbliku meta hu l-proċess ta' akkwist li ġie identifikat mill-Qorti bħala sors ewlieni tal-iżbalji fin-nefqa tal-UE għall-koeżjoni;

177.  Jenfasizza li 40 % tal-proġetti implimentati bejn l-2007 u l-2013 kien fihom żbalji fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku u li l-iżbalji ewlenin kienu għotjiet diretti inġustifikati, applikazzjoni ħażina tal-kriterji tal-għażla u parzjalità fl-għażla;

178.  Jinnota li s-sorsi prinċipali tal-iżbalji kienu nuqqas ta' kapaċità amministrattiva, traspożizzjoni inkorretta ta' Direttivi tal-Unjoni min-naħa tal-Istati Membri, interpretazzjoni inkonsistenti tal-leġiżlazzjoni u ppjanar insuffiċjenti;

179.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kumplessità tal-qafas ġuridiku u amministrattiv għall-akkwist pubbliku hi meqjusa bħala waħda mill-kawżi tal-iżbalji; jinnota li 90 % minn 69 awtorità tal-awditjar sostnew li l-livell attwali ta' kumplessità hu ogħla milli jeħtieġ li jkun; jinnota li kważi 50 % indikaw li l-qasam prinċipali fejn jistgħu jittejbu l-prattiki ta' akkwist pubbliku jista' jkun is-semplifikazzjoni tal-proċeduri;

180.  Jappella għalhekk lill-Istati Membri biex jevitaw regoli li jmorru lil hinn mid-Direttivi tal-UE; jemmen li dan kieku anke jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku;

181.  Jinnota li l-konklużjoni prinċipali tal-Qorti kienet li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma kinux qed jagħmlu biżżejjed sforz biex iwettqu analiżi regolari u sistematika tal-akkwist pubbliku u li, minħabba n-nuqqas ta' data koerenti u dettaljata, l-analiżi, l-indirizzar u l-prevenzjoni ta' dawn l-iżbali saru impossibbli;

182.  Jikkondividi l-fehma tal-Qorti li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa bażi ta' data biex tanalizza l-frekwenza, il-gravità u l-kawżi tal-iżbalji fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tiżgura li tikseb informazzjoni konsistenti u affidabbli dwar l-irregolaritajiet mingħand l-Istati Membri;

183.  Jilqa' l-approċċ proattiv li ħadet il-Kummissjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, li għandu l-għan li jappoġġa l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li għandhom jiġu implimentati sal-2016 permezz ta' gwida, monitoraġġ u assistenza teknika; jirrikonoxxi li, permezz ta' dan l-approċċ proattiv, il-Kummissjoni biħsiebha tnaqqas ir-riskju tal-possibbiltà ta' sospensjoni tal-pagamenti għall-programmi operattivi wara l-2016;

184.  Jistenna li l-Kummissjoni tissospendi l-pagamenti u timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq dawk l-Istati Membri li jkunu naqsu milli jilħqu dawn l-objettivi biss meta ma jkun għad fadal l-ebda alternattiva oħra, wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi l-oħrajn kollha ta' prevenzjoni, korrezzjoni u assistenza;

185.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ilha li indirizzat il-problemi tal-iżbalji relatati mal-akkwist pubbliku li kienu evidenti fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, iżda li issa dan qed tagħmlu b'mod aktar koordinat taħt il-kappa tal-pjan ta' azzjoni dwar l-akkwist pubbliku; jappella f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni biex tmexxi 'l quddiem l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan u tirraporta dwar il-progress tiegħu kull sena;

186.  Jistenna li l-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' livell għoli biex jipprovdi tmexxija fl-affrontar tal-problemi fil-qasam tal-akkwist pubbliku u tippromwovi s-semplifikazzjoni tiegħu;

187.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttaw l-opportunitajiet li joffri l-akkwist elettroniku, li għandu potenzjal kbir biex itejjeb it-trasparenza u jwessa' l-aċċess għall-offerti anki għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, u biex jipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi;

188.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom fil-qasam tal-iskambju ta' esperjenza u tal-aħjar prattika;

189.  Jilqa' l-għodda informatika ta' twissija kontra l-frodi ARACHNE u jappella lill-Istati Membri kollha biex jikkodifikaw data komprensiva u ta' kwalità li tgħin dan il-programm jaħdem kif suppost;

Parti XV – Rapport Speċjali Nru 11/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "IlFtehimiet ta' Sħubija dwar isSajd huma mmaniġġjati tajjeb millKummissjoni?"

190.  Jilqa' l-qafas ġuridiku aktar stabbli li joffru l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd meta mqabbla mal-ftehimiet privati; jinnota li sidien il-bastimenti Ewropej esprimew preferenza għall-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd u talbu lill-Kummissjoni testendi n-netwerk ta' ftehimiet;

191.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta aħjar il-klawsola ta' esklużività; jinnota li, għalkemm uħud mill-fatturi ma jiddependux fuq il-Kummissjoni, għandha tibda l-proċess għan-negozjar ta' protokoll ġdid ferm qabel jiskadi dak attwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqassar iż-żmien tan-negozjati kull fejn ikun possibbli;

192.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-konsistenza bejn il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd u inizjattivi oħra tal-UE u sorsi ta' finanzjament fis-settur tas-sajd fi ħdan l-istess reġjun, kif ukoll tiddefinixxi strateġiji reġjonali għall-iżvilupp tal-governanza fil-qasam tas-sajd u tiżgura li l-protokolli nnegozjati fi ħdan l-istess reġjun ikunu konsistenti mal-istrateġija reġjonali rilevanti u ma' finanzjament ieħor tal-Unjoni;

193.  Jitlob li l-Kummissjoni tiffoka aktar fuq il-kundizzjonijiet tekniċi restrittivi, bħad-definizzjoni stretta taż-żoni tas-sajd; jevidenzja l-fatt li dan jista' jaffettwa l-profitabbiltà tal-flotta esterna tal-Unjoni;

194.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-użu tal-protokolli preċedenti u tagħmel ħilitha biex tikkollega b'mod aħjar il-pagamenti għad-drittijiet ta' aċċess mal-qabdiet effettivi, filwaqt li tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd ma jintlaqtux ħażin;

195.  Jinnota bi tħassib li l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd innegozjati mill-Kummissjoni ġew jiswew relattivament aktar meta mqabbla mar-rati fl-imgħoddi; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja meta tkun qed tħejji n-negozjati għall-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sabiex tiggarantixxi kwalità fil-konfront tal-ispejjeż li jsiru u konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

196.  Jinnota li l-evalwazzjonijiet ex post għandhom jiġu ffokati sabiex tinkiseb analiżi konsistenti u paragunabbli tar-redditu fuq il-flus pubbliċi li ntefqu taħt il-protokolli, kif ukoll analiżi komprensiva u kritika tal-effikaċja tagħhom għall-Unjoni u għall-pajjiż sieħeb ikkonċernat;

197.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-setgħa ta' negozjar tagħha; jissottolinja l-importanza tal-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-Unjoni lill-pajjiżi sħab;

198.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-aktar data riċenti għar-rapport ex post tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fi żmien debitu;

199.  Jappella lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-aċċettazzjoni ta' liċenzji elettroniċi jew ta' lista ta' bastimenti awtorizzati fil-pajjiżi sħab għall-perjodu sħiħ għal kemm idumu validi l-liċenzji; jevidenzja l-ħtieġa li jitnaqqas id-dewmien fil-proċess ta' applikazzjoni għal liċenzja; jappella lill-Kummissjoni biex tidentifika u tnaqqas l-punti ta' konġestjoni proċedurali;

200.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-bażi ta' data l-ġdida dwar il-qabdiet tintuża kompletament mill-Istati Membri tal-bandiera u tipprovdi data affidabbli dwar il-qabdiet li tkun tista' tiġi kkonsolidata, issorveljata u miżmuma aġġornata;

201.  Jinnota li l-Kummissjoni implimentat bażi ta' data għall-ġestjoni tad-data dwar il-qabdiet; jinnota, barra minn hekk, li din id-bażi ta' data għandha tinkludi data dwar il-qabdiet ta' kull ġimgħa mill-Istati Membri mqassma skont iż-żoni tas-sajd; jinnota bi tħassib li din id-bażi ta' data kienet għadha mhix operattiva fi żmien l-awditu tal-Qorti u li l-Istati Membri kienu għadhom ma kkonformawx mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrimedja din il-kwistjoni bi sħab mal-Istati Membri u tinkludi data ċara u konsistenti rigward il-qabdiet finali effettivi, b'mod li jiġu evitati l-konsegwenzi finanzjarji negattivi possibbli meta l-qabda finali tkun akbar mit-tunnellaġġ ta' riferiment;

202.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja aktar mill-qrib l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali biex tiżgura l-effikaċja u l-kosteffikaċja tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura koordinament effikaċi tal-azzjonijiet implimentati mill-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-protokolli kundizzjonijiet formali ta' eliġibbiltà għall-azzjonijiet iffinanzjati;

203.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-iżborżjar tal-appoġġ settorjali jkun konsistenti ma' pagamenti oħra ta' appoġġ baġitarju u abbażi tar-riżultati miksuba mill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-matriċi tal-azzjonijiet li jkun intlaħaq qbil komuni dwarhom;

204.  Jinnota bi tħassib li, għalkemm il-pagamenti għall-appoġġ settorjali għandhom jitħallsu ladarba l-pajjiżi sħab ikunu jistgħu juru r-riżultati miksuba, il-protokolli fis-seħħ bħalissa għadhom ma jiddisponux għall-possibbiltà ta' pagamenti parzjali meta r-riżultati jinkisbu biss parzjalment; jirrikonoxxi l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li, meta ma jinkisbux riżultati jew meta r-riżultati miksuba jkunu limitati, il-pagament tal-appoġġ settorjali għas-sena ta' wara jiġi sospiż sakemm jintlaħqu l-objettivi; jappella, madankollu, lill-Kummissjoni biex, fejn ikun possibbli, tinkludi fil-protokolli l-ġodda l-possibbiltà ta' pagamenti parzjali għall-appoġġ settorjali;

Parti XVI – Rapport Speċjali Nru 12/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ilprijorità talUE li tippromwovi ekonomija rurali bbażata fuq lgħarfien ġiet affettwata minn ġestjoni ħażina ta' miżuri ta' trasferiment talgħarfien u ta' konsulenza"

205.  Jitlob li l-Istati Membri jdaħħlu proċeduri fis-seħħ biex janalizzaw il-ħtiġijiet fir-rigward ta' għarfien u ħiliet li jkollhom l-operaturi rurali u li jmorru lil hinn mid-definizzjoni ta' temi ġenerali, b'mod partikolari għall-perjodi ta' sejħiet għal proposti jew offerti, u li l-Kummissjoni tipprovdi gwida addizzjonali dwar kif l-Istati Membri għandhom iwettqu t-tali analiżijiet rikorrenti, billi jiġu fformulati f'termini speċifiċi aktar milli ġenerali;

206.  Jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-appoġġ għall-istabbiliment ta' servizzi ta' konsulenza ġodda jingħata biss fejn ikun intwera li hemm defiċit fis-servizzi rilevanti fil-qasam ikkonċernat u fejn teżisti l-ħtieġa ta' finanzjament għal persunal, faċilitajiet u/jew tagħmir ġodda;

207.  Jappella lill-Istati Membri biex jagħżlu l-fornituri ta' servizzi li jirċievu fondi pubbliċi permezz ta' kompetizzjoni ġusta u trasparenti, irrispettivament minn jekk jużawx sejħiet għal proposti jew proċeduri formali ta' akkwist pubbliku;

208.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex iqisu l-gwida għall-prattikanti għall-akkwist pubbliku dwar l-evitar tal-iżjed żbalji komuni fi proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

209.  Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi gwida speċifika addizzjonali dwar il-forniment intern, is-sottokuntrattar u l-valutazzjoni tal-forniment ta' servizz minn konsorzji u tissorvelja b'mod adegwat il-proċeduri tal-Istati Membri biex tiżgura li l-għażla tal-attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien u ta' konsulenza tkun kompetittiva, ġusta u trasparenti;

210.  Jappella lill-Istati Membri biex jivvalutaw il-ħtieġa li jappoġġaw l-attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien u ta' konsulenza li jkunu disponibbli faċilment fis-suq bi prezz raġonevoli u, jekk din il-ħtieġa tkun iġġustifikata, biex jiżguraw li l-ispejjeż tal-attivitajiet appoġġati ma jaqbżux l-ispejjeż ta' attivitajiet simili offruti mis-suq;

211.  Jitlob li l-Kummissjoni tibni fuq l-ewwel passi li ttieħdu sabiex tiżgura l-komplementarjetà bejn il-fondi tal-UE biex jittaffa r-riskju ta' finanzjament doppju u duplikazzjoni ta' xogħol amministrattiv;

212.  Jappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi ta' spunti li jużaw l-informazzjoni mill-monitoraġġ u l-evalwazzjoni biex itejbu s-sejħiet għal proposti jew il-proċeduri tal-akkwist fil-ġejjieni u jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jeżegwixxu tali proċeduri ta' spunti u li tissorvelja jekk l-Istati Membri jkunux implimentawhom;

213.  Jitlob li l-Kummissjoni żżid, mingħajr dewmien, il-profil tar-riskju tal-miżuri ta' trasferiment tal-għarfien u ta' konsultazzjoni u ssaħħaħ is-superviżjoni u l-ġestjoni tagħha b'mod korrispondenti;

214.  Jappella lill-Istati Membri biex jikkondividu l-aħjar prattiki tagħhom u jkomplu fl-evalwazzjoni tagħhom tal-proġetti sabiex ikollhom bażi tajba għall-perjodu ta' implimentazzjoni 2014-2020;

215.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika valutazzjoni komprensiva ta' servizzi ta' konsulenza b'enfasi fuq ir-riżultati u l-effetti netti sabiex tevita approċċ purament kwantitattiv għall-evalwazzjoni ta' investiment;

216.  Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba rigward l-approċċi metodoloġiċi permezz ta' attivitajiet ta' netwerking;

Parti XVII – Rapport Speċjali Nru 13/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-appoġġ tal-UE lil pajjiżi li jipproduċu l-injam taħt il-Pjan ta' Azzjoni FLEGT"

217.  Jilqa' r-rapport speċjali ddedikat għall-appoġġ tal-Unjoni lil pajjiżi li jipproduċu l-injam taħt il-Pjan ta' Azzjoni tal-Infurzar tal-Liġi tal-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT) u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

218.  Jikkunsidra li l-inizjattiva FLEGT hi essenzjali biex tittejjeb il-governanza tal-foresti, biex il-foresti jiġu ppreżervati u biex jiġi żgurat l-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari billi jintużaw il-mezzi kollha possibbli, inter alia, il-ftehimiet ta' sħubija volontarja jew id-diliġenza finanzjarja dovuta, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni globali tal-qtugħ illegali ta' siġar u tiġi żgurata l-esportazzjoni tal-injam lejn l-UE;

219.  Jiddeplora, madankollu, in-nuqqasijiet kumulattivi li ġew identifikati fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni u l-proġetti FLEGT, li issa jirrikjedu evalwazzjoni rapida u komprensiva;

220.  Jemmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien, wara li ġew allokati EUR 300 miljun matul l-2003-2013 għall-appoġġ relatat mal-FLEGT, li ssir analiżi serja tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji tal-proċess FLEGT għat-tnaqqis tal-qtugħ illegali ta' siġar u l-kummerċ relatat, iżda anke li jiġi ssemplifikat id-disinn tal-mekkaniżmi eżistenti sabiex isiru aktar effikaċi f'termini ta' eżiti u impatti;

221.  Jiddeplora d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' zzjoni FLEGT, l-adozzjoni tardiva tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(18) (ir-Regolament tal-Unjoni dwar l-Injam) u d-dewmien tal-Kummissjoni biex tislet tagħlimiet mill-finanzjament kumplessiv għall-FLEGT;

222.  Jappella lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-isforzi ta' għajnuna tagħha permezz ta' objettivi u kriterji ċari; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni ma tibqax issawwar il-finanzjament tal-Unjoni minn baġits differenti u tikkunsidra li tuża baġit wieħed li jkun definit b'mod ċar;

223.  Jappella lill-Kummissjoni biex issaħħaħ malajr l-oqsfa ta' trasparenza u responsabbiltà permezz ta' monitoraġġ u rappurtar regolari, inkluża valutazzjoni xierqa tal-progress; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tissorvelja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Unjoni dwar l-injam fl-Istati Membri u tieħu l-azzjonijiet ġuridiċi meħtieġa sabiex tiżgura l-applikazzjoni tiegħu;

224.  Jappella lill-Kummissjoni tissemplifika u tikkoordina aħjar l-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali ta' siġar fil-politiki differenti tal-Unjoni u s-servizzi involuti;

225.  Ifakkar li t-traċċabbiltà tal-prodotti tal-injam permezz ta' sistema ta' liċenzjar operattiva u stabbilita legalment bejn l-Unjoni u l-pajjiżi li jesportaw l-injam għandha titqies bħala objettiv ewlieni rikorrenti, b'mod partikolari fid-dawl tal-fatturi identifikati mill-Qorti, bħall-korruzzjoni mifruxa, infurzar dgħajjef tal-liġi u valutazzjoni insuffiċjenti tar-riskji u r-restrizzjonijiet fil-proġetti;

226.  Jappella lill-Kummissjoni biex tinnegozja standards għall-importazzjoni tal-injam fil-ftehimiet relatati mal-kummerċ fuq livell bilaterali jew multilaterali fil-ġejjieni, b'mod li ma jiddgħajfux is-suċċessi li nkisbu permezz tal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT flimkien mal-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

227.  Jikkunsidra li dawn il-lakuni fil-governanza fis-sistema FLEGT għandhom jiġu indirizzati jew f'evalwazzjoni esterna tal-azzjoni FLEGT jew fuq bażi ad hoc mill-Kummissjoni.

Parti VII - Rapport Speċjali Nru 14/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "IlFaċilità ta' Investiment talAKP: tipprovdi valur miżjud?"

228.  Jilqa' r-rapport speċjali ddedikat għall-valur miżjud tal-Faċilità ta' Investiment tal-Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) bħala eżempju konkret u pożittiv ta' segwitu mill-Qorti għall-proċedura ta' kwittanza tal-2012 u 2013, fejn il-Parlament talab li jitħejja rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-Unjoni dwar l-iżvilupp u l-objettivi tal-attivitajiet ta' self lejn l-estern mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI u qabel ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-faċilità ta' investiment;

229.  Jikkunsidra li l-inklużjoni fil-pjan ta' ħidma tal-Qorti tat-tali awditu rigward il-Faċilità ta' Investiment għall-AKP hi prattika tajba f'termini tal-kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Qorti u l-ħidma tagħhom ta' skrutinju kollaborattiv;

230.  Jemmen li dan ir-rapport ta' awditjar huwa stadju importanti f'dan il-proċess, peress li huwa l-ewwel awditu li wettqet il-Qorti f'dan il-qasam speċifiku; jiddeplora l-fatt li l-Faċilità ta' Investiment għall-AKP ma taqax fl-ambitu tal-awditu tad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni annwali tal-Qorti;

231.  Jinnota l-konklużjonijiet pożittivi rigward il-koerenza tal-Faċilità ta' Investiment għall-AKP mal-objettivi tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni u l-effett katalitiku tagħha; jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn il-BEI u l-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-għażla tal-proġetti;

232.  Jiddispjaċih madankollu li l-Qorti ma setgħetx tidentifika b'mod aktar preċiż il-valur miżjud li ġie ġġenerat permezz tal-Faċilità ta' Investiment għall-AKP; jistieden għalhekk lill-Qorti biex, fir-rapporti speċjali fil-ġejjieni, tagħti eżempji aktar konkreti u tispeċifika wħud mill-proġetti sabiex tispjega b'mod aħjar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jistieden lill-Qorti tibbenefika minn din l-ewwel esperjenza biex tkompli tirfina l-mezzi biex tivvaluta l-effett ta' ingranaġġ u dak katalitiku u l-valur miżjud ta' tali faċilitajiet; jistieden ukoll lill-Qorti tikkunsidra l-valur miżjud mhux biss mil-lenti tat-Trittiku klassiku (Ekonomija, Effiċjenza u Effikaċja) iżda anke f'sens aktar estensiv, inkluż Trittiku ieħor (Ekoloġija, Ugwaljanza u Etika);

233.  Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex tieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fil-proposti leġiżlattivi u n-negozjati tagħha fil-ġejjieni, bħal pereżempju fir-reviżjoni tal-mandat estern tal-BEI jew il-ftehim li jsegwi dak ta' Cotonou;

234.  Jirrakkomanda li l-Faċilità ta' Investiment u l-politika tal-BEI jiġu adattati rapidament skont l-eżitu tal-COP 21 u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju possibbli wara l-2015 bħala kwistjoni ta' konsistenza politika min-naħa tal-Unjoni; jemmen li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u l-konsegwenzi diretti u indiretti kollha tagħha, b'mod speċjali fl-ifqar pajjiżi tad-dinja, għandhom jingħataw prijorità akbar;

235.  Jemmen li huwa kruċjali li l-BEI jinvesti ħin kontinwament fid-diliġenza dovuta flimkien ma' għodda għall-valutazzjoni tar-riżultati b'mod li jikseb għarfien aħjar tal-profil tal-intermedjarji finanzjari u l-benefiċjarji u anke biex jevalwa aħjar l-impatt tal-proġetti fuq il-benefiċjarji aħħarin; jappella lill-BEI jieħu kont tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti bis-serjetà u jtejjeb il-prattiki attwali b'mod li jsaħħaħ il-valur miżjud tal-Faċilità ta' Investiment għall-AKP;

236.  Jemmen li m'għandux ikun hemm flus mill-kontribwenti tal-Unjoni li ma jkunux soġġetti għall-kwittanza tal-Parlament; għaldaqstant, itenni u jemmen bis-sħiħ li l-Faċilità ta' Investiment għall-AKP ġestita mill-BEI f'isem l-Unjoni għandha tkun soġġetta għall-proċedura ta' kwittanza tal-Parlament, peress li l-faċilità ta' investiment hi ffinanzjata bi flus il-kontribwenti tal-Unjoni jew tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

237.  Jinnota li l-Ftehim Tripartitiku msemmi fl-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-modalitajiet għall-kontrolli eżerċitati mill-Qorti fuq l-attività tal-BEI fil-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni u l-fondi tal-Istati Membri wasal biex jiġġedded fl-2015; itenni l-pożizzjoni tal-Parlament li l-qasam ta' responsabbiltà tal-Qorti f'dan il-kuntest għandu jiġi aġġornat billi jiġi inkluż kwalunkwe strument finanzjarju ġdid tal-BEI li jinvolvi fondi pubbliċi mill-Unjoni jew mill-FEŻ;

Parti XIX — Rapport Speċjali Nru 15/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Lappoġġ taħt ilFaċilità għallEnerġija AKP–UE għal enerġija rinnovabbli flAfrika talLvant"

238.  Jilqa' r-rapport speċjali ddedikat għall-appoġġ taħt il‑Faċilità għall‑Enerġija AKP-UE għal enerġija rinnovabbli fl‑Afrika tal‑Lvant u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

239.  Jilqa' l-fatt li, mit-tieni sejħa għal proposti taħt il-Faċilità għall-Enerġija, l-inklużjoni ta' analiżi preliminari tal-fattibbiltà saret obbligatorja; jenfasizza li t-tali analiżijiet tal-fattibbiltà għandhom ikunu bbażati fuq xenarji eżatti u realistiċi; jenfasizza wkoll li x-xenarji għandhom diġà jinkludu stimi dwar kif il-komunitajiet lokali jistgħu jiġu inklużi fl-implimentazzjoni tal-proġett sabiex jittejbu s-sjieda lokali u l-promozzjoni tal-proġett;

240.  Hu tal-fehma li r-rabta bejn il-fattibbiltà tal-proġett u s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tiegħu għandha tiġi stabbilita aħjar sabiex tiġi żgurata mhux biss l-effiċjenza, il-koerenza u l-viżibbiltà tal-proġetti ta' investiment tal-Faċilità għall-Enerġija, iżda anke l-effikaċja u r-riżultati f'livell aktar estensiv tagħhom fir-reġjuni kkonċernati;

241.  Jikkunsidra li l-monitoraġġ tal-proġetti u r-riskji assoċjati għandu jitwettaq regolarment u jiġi akkumpanjat b'miżuri ta' mitigazzjoni rapida bil-ħsieb li, jekk ikun hemm bżonn, jiġu aġġustati l-istrateġija ta' akkwist u l-proċessi ta' għażla u ta' implimentazzjoni; jikkunsidra li s-sejbiet fir-rapporti ta' monitoraġġ għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tas-sejħiet għal proposti sussegwenti;

242.  Jappella lill-Faċilità għall-Enerġija biex tiżgura li l-partijiet interessati lokali, bħall-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew il-komunitajiet lokali jiġu involuti tul il-ħajja sħiħa tal-proġetti, mit-tnedija sal-fażi wara t-tlestija, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta' proġetti speċifiċi; jappella biex jitkompla l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità fil-livell lokali, permezz ta' offerta ta' taħriġ xieraq tul il-ħajja ta' proġett, bl-għan prinċipali li tittejjeb ulterjorment is-sjieda lokali u li jiġi promoss il-koordinament b'mod li l-proġett ikun vijabbli u sostenibbli wara li jiskadi l-perjodu ta' finanzjament;

243.  Jappella lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) biex jiżgura li s-sħab implimentattivi jwieġbu għat-talbiet kollha għal informazzjoni addizzjonali rigward l-implimentazzjoni tal-proġett(i); jappella lid-DĠ DEVCO biex jiffoka b'mod speċjali fuq l-attivitajiet li potenzjalment jinvolvu korruzzjoni u/jew frodi mis-sħab implimentattivi, filwaqt li jevita piżijiet amministrattivi addizzjonali bla bżonn; u, fil-każ ta' korruzzjoni u/jew frodi, jappella lid-DĠ DEVCO biex itemm kif dovut il-kuntratti u jfittex sħab ġodda fir-reġjun;

244.  Jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura koerenza politika u kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi l-oħra fil-qasam, speċjalment il-korpi tan-NU u l-inizjattiva SE4ALL (Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd), iżda mhux biss fil-qasam tal-enerġija, bil-ħsieb li tikseb l-aħjar riżultati possibbli għal min jgħix fir-reġjun u għall-ambjent; jikkunsidra li s-sinerġiji ma' proġetti oħra fuq il-post, inklużi l-proġetti fil-fażi ta' ppjanar kull meta jkun possibbli, għandhom kemm jista' jkun jiġu sfruttati mill-proġetti kollha;

Parti XX – Rapport Speċjali Nru 16/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tas-suq intern tal-enerġija: jinħtieġu sforzi akbar"

245.  Sabiex jinkiseb funzjonament korrett u kontinwu tas-suq intern tal-enerġija, jappella lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-investimenti tagħhom fl-infrastruttura tal-enerġija u l-mod kif jirregolaw is-swieq tal-enerġija tagħhom, sabiex jiżguraw il-kwalità ottimali fil-konfront tal-ispejjeż li jsiru mill-UE;

246.  Jikkunsidra li r-riformi tas-suq tal-enerġija jibdew fil-livell tal-Istati Membri; jikkunsidra li l-implimentazzjoni tal-pakketti li jkun intlaħaq qbil konġunt dwarhom fil-qasam tal-enerġija, b'mod speċjali it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, kieku toħloq il-kundizzjonijiet għar-realizzazzjoni tas-suq intern tal-enerġija;

247.  Jikkunsidra l-approċċ reġjonali futur lejn is-sigurtà tal-enerġija, jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri individwali jkunu jistgħu jiżguraw l-infrastruttura meħtieġa għall-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-enerġija iżda wkoll biex jaġixxu bħala pajjiż ta' tranżitu għall-gass u l-elettriku;

248.  Jenfasizza li l-proġetti tal-enerġija futuri kollha tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u ma' prinċipji tal-Unjoni tal-Enerġija: id-diversifikazzjoni, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà;

249.  Jikkunsidra li t-tisħiħ u t-titjib tal-interkonnessjonijiet ma' Stati Membri ġirien għandhom jitqiesu bħala prijorità; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kapaċità bidirezzjonali (flussi bidirezzjonali) f'kull interkonnessjoni transkonfinali bl-involviment tal-Istati Membri li minnhom jgħaddu l-kurituri;

250.  Jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta' proġetti infrastrutturali strateġiċi tikkontribwixxi għal aspetti fuq żmien medju u fuq żmien twil tas-sigurtà tal-enerġija;

251.  Jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex talloka aktar riżorsi finanzjarji u setgħat meħtieġa lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija u jikkunsidra li l-Aġenzija għandha titħalla timpjega persunal addizzjonali sabiex tippermetti implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija;

Parti XXI – Rapport Speċjali Nru 17/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Appoġġ mill-Kummissjoni għat-timijiet ta´ azzjoni għaż-żgħażagħ: ir-riorjentament tal-finanzjament mill-FSE nkiseb, iżda ma kienx hemm fokus suffiċjenti fuq ir-riżultati"

252.  Jilqa' r-rapport tal-Qorti, jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jinsab kuntent li l-Kummissjoni taċċettahom u se tqishom fil-ġejjieni; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni implimentat dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-qafas ġuridiku tagħha għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għall-perjodu 2014-2020, biex b'hekk tiżgura kwalità aħjar fil-konfront tal-ispejjeż li jsiru, jiġifieri permezz ta' qafas u riżerva ta' prestazzjoni, kundizzjonijiet ex ante, u indikaturi komuni tar-rendiment u tar-riżultati;

253.  Jinnota li l-qgħad fost iż-żgħażagħ hu problema serja madwar l-Unjoni u li għandhom jiġu ddedikati r-riżorsi xierqa fil-livell tal-Unjoni biex dan jiġi indirizzat; jinkoraġġixxi bis-sħiħ lill-Istati Membri biex jużaw l-appoġġ disponibbli tal-Unjoni;

254.  Jinnota li t-timijiet ta' azzjoni għaż-żgħażagħ kienu prinċipalment eżerċizzju politiku u hekk tħabbru mill-bidu, intenzjonati biex jikkonvinċu lill-gvernijiet nazzjonali jorjentaw mill-ġdid il-fondi li ma jkunux intużaw sabiex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, filwaqt li fl-istess ħin la jimponu proċeduri amministrattivi jew/u proċeduri ġuridiċi addizzjonali u lanqas ma jallokaw fondi ġodda;

255.  Jinnota n-natura politikament diffiċli ta' dan il-kompitu u jirrikonoxxi l-ħidma tajba mwettqa mit-timijiet ta' azzjoni għaż-żgħażagħ biex iżidu l-kuxjenza fl-ogħla livell politiku, iqarrbu lil diversi awtoritajiet politiċi u amministrattivi u jikkonvinċuhom jagħtu prijorità lill-impjiegi għaż-żgħażagħ fuq inizjattivi oħra;

256.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn li l-attenzjoni tiġi ffokata fuq il-prestazzjoni u r-riżultati u jinsab kuntent li l-qafas regolatorju l-ġdid għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 jinkludi dispożizzjonijiet għar-rappurtar dwar ir-riżultati mill-Istati Membri;

257.  Jinnota li, ħafna drabi, l-Istati Membri li l-aktar li jeħtieġu l-fondi huma wkoll l-aktar li qed ibatu minn kapaċità amministrattiva dgħajfa li twassal għal enfasi fuq il-ġestjoni tal-proġett, minflok il-ġestjoni tal-miri tal-investiment;

258.  Jinnota li l-effetti tal-investiment, fil-parti l-kbira, għadhom qed jiġu mmonitorjati permezz ta' indikaturi kwantitattivi, li ma jirriflettux l-aspetti kollha ta' valutazzjoni prattika tajba; jinnota li l-produzzjoni u r-riżultat mhumiex indaqs;

259.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta' twissija bikrija kontra approprjazzjonijiet mhux utilizzati tal-FSIE sabiex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed ħin biex jerġgħu jallokaw il-fondi għal miżuri favur l-impjieg taż-żgħażagħ;

260.  Jistenna bil-ħerqa r-rapport tal-Qorti dwar "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE - L-Implimentazzjoni fl-Istati Membri", li għandu jitlesta fil-bidu tal-2017 u jissuġġerixxi li l-eżitu għandu jitqies għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju plurennali;

Parti XXII – Rapport Speċjali Nru 20/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-kosteffettività tal-appoġġ taħt l-Iżvilupp Rurali tal-UE għal investimenti mhux produttivi fl-agrikoltura"

261.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-investimenti mhux produttivi (NPIs) b'aktar sinerġija ma' miżuri oħra ta' żvilupp rurali u/jew skemi ambjentali u li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istati Membri rilevanti permezz tar-rapporti annwali ta' implimentazzjoni tagħhom mill-2017;

262.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar il-kriterji tal-għażla tal-NPIs għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u tivverifika li japplikaw proċeduri xierqa għall-għażla tal-proġetti; jirrakkomanda wkoll, f'dan il-kuntest, li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri tal-għażla tal-NPIs ikunu trasparenti, pubbliċi u implimentati b'mod effikaċi, u li jivverifikaw b'mod effikaċi l-konformità ma' dawn il-kriterji;

263.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tiżgura li l-kontribuzzjoni tal-NPIs għall-kisba tal-objettivi agroambjentali tal-UE tiġi mmonitorjata, jew għall-inqas evalwata b'mod speċifiku, waqt l-evalwazzjonijiet tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020;

264.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tħeġġeġ u tassisti lil dawk l-Istati Membri fejn l-appoġġ għall-NPIs huwa sinifikanti biex jiddefinixxu indikaturi tar-riżultat speċifiċi għall-NPIs li l-aktar spiss jiġu ffinanzjati ħalli jiġi żgurat titjib fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-NPIs għall-kisba tal-objettivi agroambjentali tal-UE; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri jirrappurtaw dwar dawn l-indikaturi fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni tagħhom minn Ġunju 2016 u jinkludi l-valutazzjoni tar-riżultati tal-NPIs fil-pjanijiet ta' evalwazzjoni tagħhom;

265.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi aktar gwida dwar id-definizzjoni ta' kriterji li jiddeterminaw il-karatteristiċi remunerattivi tal-NPIs li jibbenefikaw mill-ogħla rati ta' għajnuna u li l-Istati Membri jistabbilixxu tali kriterji mingħajr dewmien u jużawhom biex jimmodulaw l-intensità tal-appoġġ;

266.  Jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw, mingħajr dewmien, proċeduri biex jiżguraw li l-ispejjeż relatati mal-appoġġ tal-NPIs ma jaqbżux l-ispejjeż ta' tipi simili ta' prodotti, servizzi jew xogħlijiet offruti mis-suq; jikkunsidra li f'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu valuri u/jew spejjeż ta' referenza xierqa li l-ispejjeż tal-NPIs jiġu vverifikati magħhom b'mod sistematiku bħala parti mill-kontrolli amministrattivi tagħhom;

267.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-kontrollabbiltà u l-verifikabbiltà tal-miżuri għall-approvazzjoni tal-PŻR tagħhom għall-2014-2020 biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jiddefinixxu u jimplimentaw proċeduri adegwati dwar ir-raġonevolezza tal-ispejjeż, u biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni effikaċi, min-naħa tal-Istati Membri, tal-kontrolli previsti f'dan ir-rigward; jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-istabbiliment ta' proċeduri għal verifiki tar-raġonevolezza tal-ispejjeż;

268.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiddefinixxu, qabel ma jitwettqu l-ewwel kontrolli fuq il-post għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, metodu ta' konsolidazzjoni u analiżi f'waqthom tal-kawża tal-iżbalji li jinstabu matul dawn il-kontrolli, u jieħdu l-miżuri neċessarji għat-titjib tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-iskemi tal-NPIs;

269.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tikkunsidra d-dgħufijiet identifikati mill-Qorti fil-qasam tal-infiq tal-NPIs u tieħu l-miżuri rilevanti flimkien mal-Istati Membri biex tiżgura ġestjoni finanzjarja xierqa għal investimenti ta' dan it-tip.

Parti XXIII — Rapport Speċjali Nru 22/2015 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Is-superviżjoni tal-Aġenziji ta' Klassifikazzjoni tal-Kreditu mill-UE — stabbilita tajjeb iżda għadha mhix kompletament effettiva"

270.  Jenfasizza li l-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19) (CRAR) huwa li jintroduċi "(...) approċċ regolatorju komuni sabiex itejjeb l-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-governanza tajba u l-indipendenza ta' attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu, jikkontribwixxi għall-kwalità tal-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fl-Unjoni u għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern filwaqt li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur u għall-investitur" (Artikolu 1 tal-CRAR);

271.  Jirrikonoxxi li l-Qorti u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) qablu dwar ħafna mill-aspetti tal-verifika u r-rakkomandazzjonijiet;

272.  Jilqa' l-fatt li l-ESMA stabbilixxiet sisien tajba għal sorveljanza effettiva tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fl-Unjoni f'perjodu qasir ta' żmien; jinnota, madankollu, li l-Qorti tqis li l-proċedura hi ineffiċjenti, minħabba d-diviżjoni bejn il-fażi ta' kompletezza u l-fażi ta' konformità, kif mitlub minn dan ir-regolament;

273.  Jikkondividi l-opinjoni tal-Qorti li tul il-proċess ta' reġistrazzjoni, l-ESMA għandha tiddokumenta b'mod adegwat l-evalwazzjoni tagħha tal-ħtiġiet regolatorji kollha fir-rigward tal-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, u l-provi tal-proċess ta' approvazzjoni għandha tinħażen mhux biss f'korrispondenza interna iżda wkoll ġo fajls apposta tal-każijiet;

274.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti u l-ESMA jaqblu dwar approċċ ibbażat fuq ir-riskju tal-ESMA; iqis li l-identifikazzjoni tar-riskju għandha tkun proċess trasparenti, komprensibbli u traċċabbli;

275.  Huwa tal-fehma li l-investigazzjonijiet kollha għandhom jiġu dokumentati b'mod xieraq biex jintwera u jiġi żgurat li l-konklużjonijiet kollha huma appoġġati minn analiżi adegwata tal-evidenza; jinnota li, għal dan il-għan, il-Qorti tirrakkomanda li tiddaħħal għodda ta' sorveljanza ddedikata tal-IT; jinnota l-argument tal-ESMA li l-għodod ta' monitoraġġ attwali tagħha kienu effettivi; jibqa' konvint, madankollu, li għodda ddedikata tal-IT tkun l-aħjar mod biex tiġi ġestita l-informazzjoni b'mod trasparenti, komprensibbli u traċċabbli b'kont meħud tar-rati normali ta' tibdil fil-persunal; jitlob għalhekk lill-ESMA tipprevedi l-introduzzjoni ta' tali għodda tal-IT fl-ippjanar baġitarju tagħha;

276.  Ifakkar li wieħed mill-għanijiet u r-responsabbiltajiet tal-CRAR huwa li tiġi żgurata l-indipendenza u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess (ara l-Anness 1 tal-CRAR); jemmen, għalhekk, li s-CRAs għandhom jivverifikaw ukoll l-attivitajiet kummerċjali tal-analisti tal-klassifikazzjoni; iqis, madankollu, li l-ESMA għandha tissorvelja, b'mod strutturat, is-sistemi stabbiliti mis-CRAs biex jiġu trattati każijiet ta' kunflitti ta' interessi;

277.  Jindika l-Artikolu 23 tal-CRAR, li jiddisponi: "Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-ESMA, il-Kummissjoni jew kwalunkwe awtorità pubblika ta' Stat Membru ma għandhomx jinterferixxu mal-kontenut ta' gradazzjonijiet tal-kreditu jew ta' metodoloġiji."; iqis, għaldaqstant, li l-implimentazzjoni tal-metodoloġiji tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu tista' tiġi mmonitorjata biss ladarba r-reġistrazzjoni tkun lesta, permezz tal-proċeduri superviżorji attwali f'dak iż-żmien;

278.  Jaqbel li l-ESMA għandha teżamina l-aspetti importanti kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-metodoloġiji tas-CRAs li għadhom ma ġewx koperti; jinsab imħasseb li dan il-kompitu ma jistax jitwettaq minħabba nuqqas ta' riżorsi;

279.  Jiddispjaċih li s-sistema attwali ma tiggarantixxix protezzjoni effettiva tas-swieq f'każ li toħroġ xi informazzjoni u jitlob lill-ESMA biex ittejjeb is-sistema ta' kontroll tagħha sabiex jiġu evitati u miġġielda azzjonijiet li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet fis-swieq;

280.  Jiddispjaċih li r-regoli attwali li jirregolaw l-euro ma jiżgurawx li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati mal-ESMA huma kollha fuq l-istess livell; jitlob lill-Bank Ċentrali Ewropew u lil-leġiżlatur Ewropew jirrimedjaw din is-sitwazzjoni kemm jista' jkun malajr;

281.  Jifhem li r-repożitorju ċentrali se jiġi integrat fil-pjattaforma Ewropea tal-klassifikazzjoni (Artikolu 11a tal-CRAR) maħluqa fl-2013 u li bħalissa qed isir xogħol fuqha; jitlob lill-ESMA tiżgura l-korrettezza tad-data rrapportata mis-CRAs;

282.  Jistieden lill-ESMA ittejjeb u tarmonizza ulterjorment il-prattiki ta' divulgazzjoni tas-CRAs kollha;

283.  Jilqa' l-intenzjoni tal-ESMA biex tkompli ttejjeb is-sit web tagħha u, b'mod partikolari, tippubblika l-leġiżlazzjoni applikabbli u d-dokumenti rilevanti kollha u tkun aktar faċli biex tintuża mill-utenti;

284.  Jinnota li xi terminoloġija użata fir-regolament tal-CRAR (jiġifieri l-metodoloġija) tista' tagħti lok għal interpretazzjoni u għalhekk jista' jkollha effett negattiv fuq l-implimentazzjoni tar-regolament; jistieden, għalhekk, lill-ESMA u lill-QEA biex jittrasmettu lill-Kummissjoni u lil-leġiżlatur lista ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistgħu jibbenefikaw minn kjarifiki ulterjuri;

Parti XXIV — Rapport Speċjali Nru 2/2016 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Rapport 2014 dwar is-segwitu tar-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri"

285.  Jilqa' l-fatt li 23 minn 44 rakkomandazzjoni ġew implimentati b'mod sħiħ;

286.  Jilqa' wkoll il-fatt li l-Kummissjoni, b'mod ġenerali, aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet addizzjonali tal-Qorti fir-rapport speċjali attwali;

287.  Jinnota, madankollu, li l-Qorti ikkunsidrat li 18 minn 44 rakkomandazzjoni ġew implimentati parzjalment, ma ġewx implimentati għalkollox jew ma setgħux jiġu vverifikati:

   (a) fil-qasam tal-politika agrikola (10 rakkomandazzjonijiet) is-sewgitu tar-rakkomandazzjonijiet ta' spiss kien jikkonċerna lill-Kummissjoni u l-Istati Membri u tal-ewwel kienet tal-opinjoni li ssodisfat ir-responsabbiltà tagħha;
   (b) fil-qasam tal-politika soċjali (2 rakkomandazzjonijiet), li jaqa' taħt il-ġestjoni kondiviża, il-Qorti kkunsidrat li l-prestazzjoni u l-effikaċja ma tkejlux b'mod suffiċjenti;
   (c) fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni (3 rakkomandazzjonijiet) il-Kummissjoni għandha tivvaluta direttament ir-raġonevolezza tal-ispejjeż tal-proġetti u tiddependi inqas fuq l-għarfien tas-suq ta' organizzazzjonijiet internazzjonali; u li l-Kummissjoni missha tejbet il-kwalità u s-sigurtà tas-Sistema Komuni ta' Informazzjoni Relex (CRIS); kif ukoll
   (d) fil-qasam tal-kompetizzjoni (3 rakkomandazzjonijiet) il-Qorti hija tal-opinjoni li l-investigazzjonijiet preliminari għandhom ikunu ġestiti aħjar, li l-għadd ta' ilmenti bla bażi għandhom jitnaqqsu u li għandha titjieb l-Interfaċċa ta' Rappurtar tal-Għajnuna mill-Istat (SARI).

288.  Jisħaq fuq il-fatt li, mill-perspettiva tal-Parlament, mhuwiex sodisfaċenti meta proċeduri akkużatorji jintemmu b'konklużjonijiet differenti mill-Kummissjoni u l-Qorti; jistieden għalhekk liż-żewġ istituzzjonijiet biex jevitaw tali sitwazzjonijiet;

289.  Jistieden lill-Qorti biex fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tindika b'mod ċar liema tip ta' azzjoni hija mistennija mill-Kummissjoni u liema tip ta' azzjoni hija mistennija mill-Istati Membri;

290.  Jappella lill-Qorti biex, flimkien mal-awtoritajiet ta' awditjar nazzjonali, tiżviluppa sistema li tippermetti li l-Qorti tevalwa s-segwitu li l-Istati Membri jkunu taw għar-rakkomandazzjonijiet tagħha;

291.  Jenfasizza li qatt ma rċieva spjegazzjoni sodisfaċenti għaliex matul is-snin il-Kummissjoni qieset bħala importanti ħafna li d-direttorati ġenerali jiddisponu mill-kapaċitajiet ta' awditjar intern tagħhom stess, biex imbagħad jerġgħu jingħaqdu flimkien mill-ġdid il-kapaċitajiet ta' awditjar intern taħt is-Servizz tal-Awditjar Intern minn April 2015.

o
o   o

292.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje  L).

(1) ĠU L 51, 20.2.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0147.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(7) Fl-Anness I tar-Rapport Speċjali tista' tara l-lista ta' kontroll żviluppata mill-Qorti għall-valutazzjoni tat-tfassil tas-sistemi ta' kontroll fid-dawl tar-riskji assoċjati mal-ispejjeż għall-iżvilupp rurali.
(8) Rapport speċjali Nru 1/2014 bit-titolu "L-effettività tal-proġetti għat-trasport urban pubbliku appoġġati mill-UE" u r-rapport speċjali Nru 21/2014 bit-titolu "Infrastrutturi tal-ajruporti ffinanzjati mill-UE: valur baxx għall-flus".
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
(10) Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).
(11) Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).
(12) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
(13) Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).
(14) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).
(15) Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179).
(16) Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).
(17) Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).
(18) Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).
(19) Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza