1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja (2015/2157(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0202/2015)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0123/2016),
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja (2015/2157(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0123/2016),
1. Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha tal-2014, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-"Qorti tal-Ġustizzja");
2. Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;
3. Jinnota li fl-2014, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha approprjazzjonijiet li jammontaw għal EUR 355 367 500 (EUR 354 880 000 fl-2013), u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 99 %; jilqa' ż-żieda fir-rata ta' użu fl-2014 meta mqabbla mas-96,3 % fl-2013;
4. Jieħu nota li l-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa wieħed purament amministrattiv, b'aktar minn 75 % minnu jintuża għan-nefqa tal-persunal li jaħdem mal-istituzzjoni u l-bqija jintuża għall-bini, għamara, tagħmir u spejjeż oħra;
5. Jilqa' l-produttività tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti fl-2014, b'1691 kawża mressqa quddiem it-tliet qrati u b'1685 kawża magħluqa f'dik is-sena;
6. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għalqet 719-il kawża fl-2014 (701 kawża magħluqa fl-2013), u tressqu quddiemha 622 kawża ġdida (699 fl-2013); japprova r-riżultati statistiċi pożittivi u jemmen li l-prestazzjoni tista' titjieb fil-futur;
7. Jieħu nota tal-fatt li fl-2014, il-Qorti Ġenerali rċeviet 912-il kawża ġdida, ittrattat 814-il kawża u kellha 1423 kawża pendenti, li jirrappreżenta żieda ġenerali fl-għadd ta' proċedimenti meta mqabbla mal-2012 u l-2013;
8. Jirrimarka li l-ħolqien ta' disa' karigi ta' segretarju fuq bażi temporanja fil-Qorti Ġenerali fl-2014 saħħaħ it-tim ġudizzjarju, żgura l-effiċjenza tagħha u żied ir-rata ta' prestazzjoni;
9. Jinnota li fl-2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq 152 kawża, meta mqabbel mal-184 kawża fl-2013, u kellu 216 -il kawża pendenti; jinnota li fl-2014 it-Tribunal kien inqas effiċjenti fl-attività ġudizzjarja ġenerali tiegħu;
10. Jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tkompli ttejjeb l-użu tar-riżorsi eżistenti; huwa tal-fehma li r-riformi interni implimentati fl-2014, jiġifieri r-riforma tar-Regoli ta' Proċedura li jirregolaw il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tal-IT sabiex it-trattament tal-kawżi u l-komunikazzjoni jsiru aħjar, ikkontribwew għall-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi;
11. Jilqa' l-pjan tal-Qorti tal-Awdituri li twettaq rieżami tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha, wara t-talba li għamel il-Parlament fil-kuntest tal-kwittanza għall-2013;
12. Jinnota l-informazzjoni, li ngħatat f'Jannar 2016, dwar il-lista tal-attivitajiet esterni li għamlu l-imħallfin wara li saret talba għaliha matul l-iskambju ta' fehmiet li sar fil-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit dwar l-eżerċizzju tal-kwittanza tal-2014; jiddispjaċih li mhuwiex imsemmi l-għadd ta' mħallfin li pparteċipaw fl-avvenimenti differenti; jitlob biex issir ħarsa ġenerali tal-attivitajiet esterni kollha li saru minn kull imħallef, inklużi lectures, taħdidiet, avveniment oħra u tħejjija għalihom matul is-siegħat ta' ħidma, u mhux biss ta' attivitajiet approvati uffiċjalment; jitlob li jkunu żvelati r-riżorsi kollha użati relatati mal-attivitajiet esterni tal-imħallfin, pereżempju servizzi tat-traduzzjoni, skrivani u xufiera tal-qorti;
13. Huwa tal-fehma li l-informazzjoni kollha dwar l-attivitajiet esterni ta' kull imħallef għandha tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali; jitlob li dik l-informazzjoni tkun ippubblikata fuq is-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja u inkluża fir-rapporti annwali tal-attività tagħha (AARs);
14. Jitlob għal dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-imħallfin biex tkun imdaħħla fis-sit web tal-Qorti tal-Ġustizzja;
15. Jistenna li r-riforma li għaddejja tal-Qorti Ġenerali ssirilha valutazzjoni tal-impatt sabiex jiġi stabbilit li din kienet xierqa u ssimplifikat is-sistema ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja;
16. Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib li sar fl-applikazzjoni e-Curia u ż-żieda fl-għadd ta' Stati Membri li bdew jużawha fl-2014; jiddispjaċih, madankollu, li għad baqa' tliet Stati Membri li mhumiex inklużi fil-lista tal-utenti;
17. Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta aktar teknoloġiji ġodda sabiex tnaqqis akbar fin-numru ta' kopji stampati kif ukoll fin-numru ta' laqgħat li jeħtieġu traduzzjoni u interpretazzjoni jkun possibbli mingħajr ma jiġi ppreġudikati r-responsabbiltajiet tal-Qorti;
18. Jieħu nota li l-attivitajiet tad-direttorat tat-traduzzjoni ġew meqjusa bħala sodisfaċenti; jemmen li xorta waħda jista jsir iffrankar f'dak li għandu x'jaqsam ma' atti mhux ġudizzjarji, billi jiġi applikat reġim ristrett ta' traduzzjoni;
19. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu sehem fil-Grupp ta' Ħidma dwar l-Attività Interistituzzjonali u Indikaturi ta' Prestazzjoni Ewlenin (KIAPI) li janaliżżaw fost affarijiet oħra kwistjonijiet dwar l-ispejjeż tat-traduzzjonijiet; jiddispjaċih li l-Qorti għadha mhix tipprovdi data skont il-metodoloġija armonizzata maqbula fi ħdan il-KIAPI;
20. Itenni t-talba tiegħu biex l-aġenda tal-laqgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi annessa fl-AARs tagħha;
21. Jinnota li għad hemm nuqqas ta' nisa f'karigi ta' responsabbiltà fil-Qorti tal-Ġustizzja u jappella sabiex dan l-iżbilanċ jiġi rettifikat malajr kemm jista' jkun;
22. Iqis ir-risposta li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-mistoqsija Nru 26 (Pensjonijiet) tal-Parlament bħala insoddisfaċenti; jitlob mill-Qorti risposta ċara u dettaljata, kif taw istituzzjonijiet oħra; iqis li l-Qorti għandha tagħti risposta għall-mistoqsijiet kollha mibgħuta mill-Parlament u jistieden lill-Qorti tkun kompletament trasparenti fir-rigward tal-pensjonijiet;
23. Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha 75 vettura uffiċjali fil-flotta tagħha bi spiża ta' EUR 1 168 251; jinnota li s-salarji tax-xufiera ammontaw għal EUR 2 434 599 fl-2014; iqis dan bħala spiża eċċessiva, li tmur kontra x-xejra ġenerali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tillimita l-użu tal-vetturi uffiċjali; itenni l-appell tiegħu lill-Qorti biex tnaqqas l-għadd ta' karozzi uffiċjali għad-dispożizzjoni tal-Membri u tal-persunal tagħha; jenfasizza li l-ispejjeż tas-servizzi privati estensivi pprovduti mis-sewwieqa qegħdin jitħallsu mit-taxxi taċ-ċittadini tal-Unjoni; jirrakkomanda li l-Qorti teżamina dawn il-kwistjonijiet f'kuntest interistituzzjonali u jħeġġiġha biex b'mod attiv tippromovi l-mobbiltà ekoloġika;
24. Jilqa' l-miżuri li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja biex tissodisfa l-prinċipju ta' akkwist pubbliku ekoloġiku u jappoġġa t-tisħiħ ta' din l-istrateġija;
25. Jinnota b'sodisfazzjon li l-politika tal-Qorti tal-Ġustizza dwar il-bini hija annessa mar-rapport ta' attività annwali;