1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (2015/2158(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0203/2015)(2),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0107/2016),
1. Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (2015/2158(DEC))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0107/2016),
1. Jinnota li l-eżerċizzju tal-awditjar tal-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") isir minn awditur estern indipendenti – PricewaterhouseCoopers SARL – bl-għan li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont li tapplika hi stess fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jieħu nota tal-opinjoni tal-awditur li r-"rapporti finanzjarji jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti";
2. Jenfasizza li fl-2014, il-Qorti tal-Awdituri kellha approprjazzjonijiet finali li jammontaw għal total ta' EUR 133 498 000 (EUR 142 761 000 fl-2013) u li r-rata ta' implimentazzjoni globali għall-baġit kienet ta' 98,8 %, apparagun ta' 92 % fl-2013; jilqa' t-titjib fir-rata ta' eżekuzzjonijiet b'baġit imnaqqas;
3. Jenfasizza li l-baġit tal-Qorti huwa purament amministrattiv, b'ammont kbir li qed jintuża għall-ispiża relatata ma' persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni;
4. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Qorti biex jiġi żgurat infiq aħjar u aktar intelliġenti tal-fondi tal-Unjoni; ifakkar li l-Qorti hija f'pożizzjoni preeminenti biex tipprovdi lil-leġiżlatur u l-awtorità tal-baġit b'opinjonijiet siewja dwar ir-riżultati u l-eżiti miksuba mill-politiki tal-Unjoni, bil-għan li jitjiebu l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tal-attivitajiet iffinanzjati mill-Unjoni;
5. Jilqa' l-proġett ta' riforma tal-Qorti li beda fl-aħħar tal-2014 li għandu l-għan li jissimplifika l-proċess tal-awditjar, jittrasforma l-Qorti f'organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti u jwessa' l-ambitu tal-ħidma tagħha; jistieden lill-Qorti tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-objettivi milħuqa u dwar l-impatt identifikat b'segwitu għal dik ir-riforma;
6. Ifakkar lill-Qorti li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fil-punt 54 tal-approċċ komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati mill-2012 li l-aspetti kollha ta' awditjar estern esternalizzat "jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-QEA, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta' akkwist u tiffinanzjahom, kif ukoll kwalunkwe spiża oħra assoċjata mal-awditjar estern esternalizzat, mill-baġit proprju tagħha"; jiddispjaċih ħafna li l-approċċ il-ġdid ta' awditjar li jinvolvi awdituri tas-settur privat wassal għal żieda fil-piż amministrattiv għall-aġenziji deċentralizzati; jinnota bi tħassib li dan wassal biex il-piż amministrattiv żdied b'85%, għal aktar minn 13 000 siegħa apparagun tal-awditjar preċedenti ġestit mill-Qorti, u li dan jikkorrispondi għal medja ta' 3,5 ekwivalenti full time; jiddispjaċih li ż-żmien użat fuq l-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar ħoloq aktar minn 1 400 siegħa ta' xogħol addizzjonali għall-aġenziji deċentralizzati, u li t-total tan-nefqa addizzjonali tal-awditjar estern tas-settur privat fl-2014 kien jammonta għal EUR 550 000; itenni t-talba tiegħu lill-Qorti biex issegwi l-approċċ komuni u tikkuntratta u tħallas għall-awdituri esterni tal-aġenziji u biex tipprovdi gwida aħjar lill-awdituri privati sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv;
7. Jinnota b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti qed tippjana li twettaq rieżami tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tagħha, wara t-talba li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tad-29 ta' April 2015 għas-sena finanzjarja 2013(1);
8. Abbażi ta' din il-kooperazzjoni tajba, jitlob lill-Qorti tipprepara rapport speċjali dwar jekk il-Kummissjoni għamlitx użu sew mis-setgħat tagħha ta' appoġġ għall-Istati Membri u ta' kontroll fuqhom meta jkunu qed jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni;
9. Jappoġġa lill-Qorti fl-isforzi tagħha biex tiddedika aktar riżorsi għall-awditjar tal-prestazzjoni; jistenna li l-organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti tal-persunal tal-awditjar tippermetti li l-Qorti tkun tista' talloka r-riżorsi b'mod aktar flessibbli mingħajr ma ddgħajjef il-missjoni tagħha; hu tal-opinjoni li, skont l-Artikolu 287(3) tat-TFUE, għandha tiġi segwita kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Qorti u l-istituzzjonijiet ta' awditjar supremi nazzjonali, partikolarment b'rabta mat-twettiq tar-rapporti ta' awditjar tal-prestazzjoni (valur għall-flus) ta' politiki u programmi differenti tal-Unjoni u l-awditjar ta' arranġamenti ta' ġestjoni kondiviża; jistenna riżultati konkreti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kondiviżjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-Qorti;
10. Jinnota l-inizjattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriforma s-sistema tagħha tal-awli; jixtieq li jkun jaf iktar dwarha;
11. Jieħu nota li, skont il-Qorti, is-sena 2014 tikkorrispondi għal rekord fl-output tal-istituzzjoni; jilqa' karatteristiċi ġodda bħalma hija l-analiżi panoramika;
12. Jinnota li ż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni tar-rapporti speċjali tnaqqas mill-2008, għalkemm għadha ma ntlaħqetx il-mira ta' 18-il xahar; jenfasizza li l-mira għandha tkun realistika, sabiex ma tikkompromettix il-kwalità tar-rapporti;
13. Iħeġġeġ lill-Qorti teżamina r-relazzjoni bejn l-għadd u tempesitività tar-rapporti speċjali;
14. Jisħaq li r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti speċjali ta' spiss ma jkunux ċari u huwa tal-opinjoni li għandhom jiżvelaw b'mod konsistenti l-aspett tal-imġiba pożittiva u negattiva tal-pajjiżi kkonċernati;
15. Jinnota b'sodisfazzjon li l-obbligu ta' tnaqqis tal-persunal b'5 % qed jiġi implimentat mingħajr impatt negattiv fuq il-politika tal-Qorti għat-tisħiħ tas-servizzi ta' awditjar tagħha; jitlob lill-Qorti tiżgura li t-tnaqqis ulterjuri mhux se jaffettwa l-kwalità tar-rapporti tagħha;
16. Jistieden lill-Qorti biex tiżgura l-bilanċ ġeografiku tal-persunal tagħha, b'mod partikolari f'karigi maniġerjali u direttorjali, flimkien mal-mertu u l-kompetenza;
17. Japprezza l-isforzi magħmula mill-Qorti biex ittejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fost il-persunal tagħha; jissottolinja u jilqa' kemm iż-żieda fl-għadd ta' awdituri nisa, li bla ebda dubju għandha riperkussjonijiet f'termini tal-preżenza tagħhom f'karigi ta' responsabilità f'dak is-settur, kif ukoll il-ħolqien ta' netwerk ta' awdituri nisa; jenfasizza l-ħtieġa li l-ħidma f'din id-direzzjoni titkompla;
18. Japprezza l-isforzi mwettqa mill-Qorti b'rabta mat-taħriġ professjonali għall-awdituri tagħha, bil-għan li l-ġestjoni u l-aġġornament tal-għarfien isiru iktar effikaċi; jifraħ lill-Qorti għall-kollaborazzjoni tagħha mal-Università ta' Metz/Nancy fil-ħolqien ta' korsijiet speċjalizzati fl-awditjar Ewropew, u jħeġġeġ lill-Qorti tistabbilixxi kuntatti ma' universitajiet Ewropej oħra bl-istess skop;
19. Jieħu nota li l-bilanċ tal-fondi disponibbli fil-kuntratt maħluq għall-ħlas tal-bini K3 se jintuża biex jiġi ffinanzjat l-ammeljorament tal-bini K2; huwa jixtieq li jkun jaf iktar dwar il-firxa ta' dawk ix-xogħlijiet;
20. Itenni t-talba tiegħu biex il-politika dwar il-bini tal-Qorti tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tagħha;
21. Jirrikonoxxi li l-Qorti qed tagħmel sforzi biex tnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjoni; jemmen li l-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni għat-traduzzjoni - bħal dawk li għandhom il-kumitati konsultattivi mal-Parlament - jista' jitqies bħala parti mill-istrateġija 2013-2017 tal-Qorti biex ittejjeb l-effiċjenza u tnaqqas l-ispejjeż; jistieden lill-Qorti tikkunsidra l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni bħala mod ieħor kif tiffranka l-ispejjeż;
22. Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba mill-kumitat interistituzzjonali għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fil-ftehim dwar metodoloġija armonizzata li tippermetti t-tqabbil dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-Qorti qed tipprovdi data skont din il-metodoloġija;
23. Jistieden lill-Qorti biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;
24. Jinnota li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-servizz ta' awditjar intern għar-rieżami tar-regoli inklużi fil-gwida għall-missjonijiet ġiet posposta minħabba raġunijiet tekniċi;
25. Jinnota l-ewwel passi tal-Qorti lejn ambjent mingħajr karti; jappoġġa l-inizjattiva tal-Qorti iżda jistenna li l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit ikompli jirċievi xi kopji stampati tar-rapporti tal-Qorti; japprova l-istrateġija ambjentali implimentata s'issa mill-Qorti, inkluża l-attenzjoni tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, l-użu iktar mifrux tal-vidjokonferenzi, l-istallazzjoni ta' sistema għall-irkupru tal-ilma tax-xita u l-promozzjoni ta' mobilità sostenibbli;
26. Jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fiċ-ċarezza tal-messaġġi tal-Qorti permezz tal-midja; jistenna li dan it-titjib jitkompla;
27. Japprezza l-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit u jilqa' l-feedback regolari tal-Qorti b'reazzjoni għat-talbiet tiegħu.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 123).