Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2160(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0132/2016

Testi mressqa :

A8-0132/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0155

Testi adottati
PDF 444kWORD 103k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: Il-baġit ġenerali tal-UE - Il-Kumitat tar-Reġjuni
P8_TA(2016)0155A8-0132/2016
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2015/2160(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0205/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0132/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 20.2.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2015/2160(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0132/2016),

1.  Jinnota li fir-Rapport Annwali 2014 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni (il-"Kumitat");

2.  Jinnota li l-Qorti, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn kwalunkwe żball materjali;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.  Jinnota li fl-2014, il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 87 600 000 (EUR 87 373 000 fl-2013), li minnhom EUR 86 300 000 kienu approprjazzjonijiet ta' impenn, b'rata ta' użu ta' 98,5 %; jilqa' ż-żieda fir-rata ta' użu fl-2014;

4.  Jinnota li l-Objettiv 4 tad-Direttorat għall-Amministrazzjoni u l-Finanzi ­ "li jiżgura ambjent ta' kontroll intern effikaċi u jwettaq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti Finanzjarji" ­ ma ntlaħaqx għal tnejn mit-tliet indikaturi tal-impatt: ir-rata ta' redditu għall-korrezzjoni ta' impenji jew pagamenti legali jew baġitarji taqa' taħt il-mira ta' 4 %, filwaqt li n-numru ta' eċċezzjonijiet finanzjarji żdied b' 6 % fl-2014, minflok naqas bi 3 %;

5.  Jinsab imħasseb biż-żieda fin-numru ta' rapporti ta' eċċezzjoni: 87 eċċezzjoni finanzjarja u tliet eċċezzjonijiet amministrattivi; jenfasizza li dawk it-tliet eċċezzjonijiet amministrattivi kienu relatati man-nuqqas ta' konformità ma' proċeduri interni; jinnota li l-erba' derogi li saru fl-2014 (meta mqabblin ma' waħda fl-2013) dwar regoli ta' akkwist / jew ġestjoni tal-kuntratt u li l-parti l-kbira tar-rapporti ta' deroga (58 minn 81) huma relatati ma' nuqqas jew insuffiċjenza ta' impenji legali; jitlob informazzjoni dettaljata dwar kif seħħew dawk id-derogi u dwar l-ammonti involuti; jeħtieġ rapport sħiħ dwar il-miżuri korrettivi meħudin sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili fl-aħħar ta' Ġunju 2016;

6.  Jinnota t-13-il trasferiment minn linja baġitarja għal oħra matul is-sena finanzjarja 2014; huwa tal-fehma li t-trasferimenti fir-rigward tal-baġit għall-komunikazzjoni tal-gruppi politiċi u tal-istampar f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea setgħu ġew previsti fil-baġit li ġie inizjalment approvat;

Iffrankar u nefqa amministrattiva

7.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Kumitat huwa wieħed purament amministrattiv u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

8.  Jinnota, madankollu, li total ta' EUR 8 277 556 fl-2014 intefaq biss fuq l-allowances għall-ivvjaġġar u l-laqgħat tal-membri u tal-membri supplenti tal-Kumitat flimkien ma' EUR 409 100 f'missjonijiet u spejjeż tal-vjaġġar tal-persunal; iqis li n-numru ta' missjonijiet huwa wieħed estremament għoli (787), hekk kif inhi n-nefqa ġġenerata mill-membri għal allowances għall-ivvjaġġar u l-laqgħat; iqis li l-missjonijiet li jitwettqu mill-Membri għandhom jiġu deskritti b'mod ċar fir-rapport ta' attività (AAR), bi spejjeż dettaljati u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji; jenfasizza li r-referenza għall-missjonijiet tal-membri hija vaga, impreċiża u ma tipprovdix ċifri ċari; iħeġġeġ lill-Kumitat biex dejjem jinkludi data dwar il-missjonijiet tal-membri fl-AAR tiegħu;

9.  Iqis l-ammont totali ta' EUR 9 594 089 li tħallas mill-Kumitat għal spejjeż ta' kiri (lokaturi esterni) fl-2014 huwa għoli wisq; ifakkar li anke wara li titneħħa l-kontribuzzjoni ta' EUR 1 181 382 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ("il-KESE"), l-ammont nett imħallas mill-Kumitat baqa' ogħla mil-limitu tas-sehem tal-kontabbiltà ta' dawk il-pagamenti tal-kiri, filwaqt li d-differenza ġiet irreġistrata bħala spejjeż tal-bini (EUR 852 464); jenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-obbligi tal-Kumitat jirriżultaw minn tranżazzjonijiet iġġenerati minn binjiet mikrija (95,6 % fl-2014), u li, fi tmiem l-2014, il-pretensjoni tal-kera finanzjarja kienet tammonta għal EUR 65 051 695; jistieden lill-Kumitat jidentifika soluzzjonijiet b'mod konġunt mal-Parlament u l-Kummissjoni, bħall-użu konġunt estensiv ta' bini u kmamar tal-laqgħat u tal-konferenzi, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż;

10.  Jitlob li l-politika immobiljari tal-Kumitat tinhemeż mal-AAR tiegħu, speċjalment billi hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li ma jkunux eċċessivi;

11.  Jinnota l-iffrankar magħmul fis-servizzi ta' interpretazzjoni; jiddispjaċih li informazzjoni dettaljata dwar r-rata ta' użu u ta' kanċellazzjoni tas-servizzi ta' interpretazzjoni ma ġietx ipprovduta fl-AAR tal-Kumitat; jitlob li dik id-data tiġi inkluża fl-AAR tal-Kumitat għall-2015;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kumitat inkluda informazzjoni dwar is-servizzi ta' interpretazzjoni mhux użati fl-AAR għall-2013; iqis b'mod pożittiv li r-rata ta' servizzi ta' interpretazzjoni mhux użati naqset minn 3,23 % fl-2012 għal 2,51 % fl-2013 u jemmen li dik ir-rata tista' tiġi mtejba ulterjorment; jistieden lill-Kumitat jippjana l-laqgħat tiegħu aħjar;

13.  Jinnota ż-żieda fl-użu tal-vidjokonferenzi mill-Kumitat; jiddispjaċih, madankollu, għad-dewmien fl-introduzzjoni ta' faċilitajiet ta' vidjokonferenza portabbli u jitlob li jiġi informat dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward fl-AAR tal-Kumitat għall-2015; jieħu nota li, skont il-Kumitat, l-għodda għall-vidjokonferenzi intużat f'dawk il-laqgħat fejn m'hemm l-ebda bżonn ta' interpretazzjoni; iħeġġeġ lill-Kumitat juża t-taħriġ tal-lingwa b'mod effikaċi sabiex jiżgura li jkun hemm bżonn anqas interpretazzjoni u b'hekk il-ħidma tal-Kumitat tkun aktar effikaċi u effiċenti; jistieden lill-Kumitat jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza b'aġġornament f'dan ir-rigward sa tmiem Ġunju 2016;

14.  Iħeġġeġ użu estensiv ta' vidjokonferenzi u l-għodod relatati kollha sabiex l-ispejjeż jitnaqqsu b'mod sinifikanti; ma jistax jifhem kif numru daqshekk għoli ta' missjonijiet lejn il-Greċja u l-Italja (77 u 125, rispettivament) jissarraf f'valur miżjud għaċ-ċittadini ta' dawk il-pajjiżi jew għal ċittadini oħra tal-Unjoni;

Kooperazzjoni u ftehimiet

15.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Karta għall-Governanza f'Diversi Livelli fl-Ewropa fl-2014, imnedija b'impenn li jiġu żviluppati forom ġodda ta' djalogu u sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi kollha fi ħdan l-Unjoni, sabiex jiġu ottimizzati l-politiki pubbliċi u l-infiq pubbliku u tiżdied l-implimentazzjoni tal-politika; jitlob li jiġi infurmat dwar l-istrateġija tal-proġett f'dak ir-rigward u r-riżultati tagħha;

16.  Jinnota li ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kumitat u l-KESE ġie ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bil-għan li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni politika; jinnota li ntlaħaq ftehim ukoll fuq Anness dwar il-kooperazzjoni amministrattiva;

17.  Iqis li għad hemm lok ta' titjib fir-rigward tal-kollaborazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat abbażi tal-ftehim ta' kooperazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-aspetti politiċi; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jeżaminaw jekk jistgħux jinstabu aktar sinerġiji li jtejbu l-produttività fl-oqsma koperti mill-ftehim ta' kooperazzjoni u jitlob li jiġi infurmat dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward; jistieden għall-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet speċifiċi u dettaljati dwar il-funzjonament tas-servizzi kondiviżi mill-Parlament, il-Kumitat u l-KESE;

18.  Jitlob li l-membri tal-Kumitat jiġu mistħarrġa dwar is-sodisfazzjon tagħhom fir-rigward tas-servizzi pprovduti lilhom mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew; jitlob li jkompli jiġi infurmat dwar l-iżviluppi fir-rigward tal-ftehim ta' koperazzjoni;

19.  Jitlob li fir-rieżami ta' nofs it-terminu tiġi inkluża analiżi dettaljata għal kull istituzzjoni tal-iffrankar baġitarju u taż-żidiet fl-ispejjez baġitarji li jirriżultaw mill-ftehim ta' kooperazzjoni;

20.  Jinnota li fl-2014 il-Kumitat u l-KESE kellhom pożizzjoni baġitarja pożittiva fil-qafas tal-ftehim ta' kooperazzjoni; jinnota bi tħassib li 24 uffiċjal mill-Kumitat u 36 uffiċjal mill-KESE, kollha kemm huma mis-servizzi ta' traduzzjoni u li fil-parti l-kbira tagħhom kienu viċin ħafna tal-età tal-irtirar, ġew trasferiti skont dan il-ftehim, bir-riżultat li ż-żewġ istituzzjonijiet se jwettqu ffrankar sinifikanti fil-kapitoli tal-baġit għall-persunal (salarji u pernsjonijiet) filwaqt li l-ispejjeż tal-Parlament se jiżdiedu b'mod konsiderevoli kemm fi żmien qasir (salarji) u kemm fit-tul (pensjonijiet);

21.  Jieħu nota tal-fatt li l-ftehim bilaterali ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-KESE ġie ffirmat fl-2015; jitlob li jinżamm informat dwar dik il-kooperazzjoni bilaterali fil-kuntest tal-valutazzjoni ta' nofs it-terminu;

22.  Jinnota tal-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

23.  Jiddispjaċih li l-Objettiv 2 tad-Direttorat għat-Traduzzjoni - "it-titjib tal-metodi ta' ħidma u l-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji" - ma ntlaħaqx; jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa ta' eżekuzzjoni għal-linja baġitarja 1420 (l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni u l-għodod tat-traduzzjoni); jinnota, b'mod partikolari, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-baġit għal diversi linji ta' traduzzjoni kienet taħt il-medja sew meta mqabbla mas-snin preċedenti;

24.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba permezz tal-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni fl-istabbiliment ta' metodoloġija armonizzata li tippermetti tqabbil dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-Kumitat ipprovda data skont din il-metodoloġija;

25.  Jinnota n-nuqqas rikorrenti ta' nisa f'karigi għoljin fil-Kumitat; jitlob li jiġi stabbilit pjan favur l-opportunitajiet indaqs, b'mod partikolari fir-rigward ta' karigi maniġerjali, bil-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

26.  Jiddispjaċih li anqas minn 35 % tal-maniġers huma nisa filwaqt li aktar minn 60 % tal-persunal hu kompost min-nisa; jenfasizza, għalhekk, li 28 % biss tal-pożizzjonijiet maniġerjali superjuri huma okkupati min-nisa; jistieden lill-Kumitat jirrimedja din is-sitwazzjoni ta' żbilanċ fir-rigward tan-nisa;

Ġestjoni tal-akkwist u tal-kuntratti

27.  Jenfasizza li l-kumitat tal-awditjar analizza l-prattiki ta' akkwist attwali tal-Kumitat u għamel rakkomandazzjonijiet relatati mat-titjib taċ-ċirkwiti finanzjarji, flimkien ma' 15-il miżura biex jissaħħu s-sistemi ta' kontroll; jitlob informazzjoni dettaljata dwar il-grupp tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-akkwist u l-effikaċja tagħha kif ukoll deskrizzjoni u segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-awditjar f'dan ir-rigward sa tmiem Ġunju 2016;

28.  Jiddispjaċih li l-għadd ta' derogi fir-rigward tar-regoli tal-akkwist jew il-ġestjoni tal-kuntratti żdied minn waħda fl-2013 għal 4 fl-2014; jinnota li deroga waħda partikolari ħarġet minn żball proċedurali fi proċedura konġunta bejn il-Kumitat u l-Parlament dwar il-kontinwità tas-servizzi tal-IT; jistieden lill-Kumitat jieħu l-miżuri meħtieġa biex sitwazzjoni bħal din ma tirrepetix ruħha; jitlob lill-Kumitat jindirizza mingħajr dewmien il-kwistjoni kontinwa tar-rapporti kollha ta' eċċezzjoni dovuti għan-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju jew mar-regoli ta' proċedura interni; jinnota, madankollu li n-numru ta' eċċezzjonijiet jirrappreżenta 0,4 % tal-operazzjonijiet konċernati;

Awditu intern

29.  Jinnota li l-kumitat tal-awditjar, li nħoloq fl-2013, iltaqa' darbtejn fl-2014; jinsab imħasseb dwar ir-riżultati tas-segwitu tal-awditu dwar il-prestazzjoni ta' proġetti tal-IT; iqis li l-prestazzjoni ta' proġetti u applikazzjonijiet tal-IT jippreżentaw dgħufija identifikata b'mod ċar, li ftit li xejn ittieħdu miżuri għaliha; jiddispjaċih ħafna li waħda biss mill-15-il rakkomandazzjoni tal-awtorità tal-awditjar ġiet magħluqa; jitlob analiżi tal-impatt ta' dawk il-proġetti tal-IT u l-valur miżjud tagħhom għaċ-ċittadini tal-Unjoni sa tmiem Ġunju 2016;

30.  Jinnota b'sodisfazzjon li 16 mit-18-il rakkomandazzjoni magħmula mill-awdituri dwar il-prestazzjoni tal-komunikazzjoni esterna bil-miktub issa ngħalqu u, li skont it-tieni rapport ta' segwitu, ir-riskji ta' nuqqas ta' effiċjenza u effikaċja minħabba r-rakkomandazzjonijiet pendenti li fadal huma kkunsidrati baxxi;

31.  Jinnota l-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali fl-2015 tal-awditu dwar l-adegwatezza tas-sistema ta' definizzjoni tad-drittijiet statutorji u jitlob tagħrif supplimentari dwar id-19-il rakkomandazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-proċeduri ta' sottodelega, it-titjib ta' proċeduri ta' analiżi tar-riskju b'rabta mar-riżultati ta' verifika, id-definizzjoni jew ir-reviżjoni ta' proċeduri u listi ta' kontroll, l-applikazzjoni tal-politika ta' taħriġ u l-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ħatriet, trasferimenti u status; iħeġġeġ lill-Kumitat iressaq, sal-aħħar ta' Ġunju 2016, pjan ta' azzjoni mfassal mis-servizz awditjat, li għandu jinkludi dati ta' skadenza dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi meħtieġa;

Regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta, kunflitti ta' interess u sitwazzjonijiet ta' "revolving doors"

32.  Jilqa' l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kumitat li tistabbilixxi regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta(1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016; iqis, madankollu, li ħa wisq żmien biex jistabbilixxi dawk ir-regoli; jistieden lill-Kumitat biex jippubblikhom u biex jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-ARR tiegħu; jilqa', madankollu, il-kollaborazzjoni stretta bejn il-Kumitat tar-Reġjuni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fit-tfassil tar-regoli interni tagħhom dwar l-iżvelar, minħabba li jikkondividu xi servizzi u persunal; jilqa' wkoll il-fatt li dawk ir-regoli qed jiġu infurzati retroattivament;

33.  Iqis li hu inaċċettabbli li l-Kumitat ilu jittratta l-istess każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta sa mill-2003 u li, minkejja s-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-2013(2) u tal-2014(3), u r-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament tad-29 ta' April 2015(4), għadu ma kkonformax ma dawk is-sentenzi, ma rrikonoxxiex l-azzjoni tar-rikorrent bħala leġittima u ma spiċċax biex jagħlaq il-każ; iħeġġeġ lill-Kumitat jieħu l-passi kollha meħtieġa biex isolvi din is-sitwazzjoni mingħajr aktar dewmien u pubblikament jammetti li s-sejbiet tal-informatur kienu korretti, kif indikat mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u korpi oħra tal-Unjoni; jistieden lill-Kumitat jaġġorna lill-Parlament dwar il-progress fir-rigward tal-każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta sa tmiem Ġunju 2016;

34.  Jirrikonoxxi li, skont il-Kumitat, ma seħħet l-ebda sitwazzjoni ta' kunflitti ta' interess matul is-sena finanzjarja 2014; iħeġġeġ lill-Kumitat biex jippubblika CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-Membri kollha u tal-persunal maniġerjali superjuri u biex jadotta politika interna u regoli ċari dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u sitwazzjonijiet ta' "revolving doors", f'konformità mal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni; jistenna li l-Kumitat jipprovdi dawn is-CVs, dikjarazzjonijiet ta' interess u regoli lill-Parlament sa tmiem Ġunju 2016;

Prestazzjoni globali, ippjanar u ġestjoni strateġika

35.  Jinnota tal-isforzi u l-kisbiet tal-Kumitat fl-intensifikazzjoni tal-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu; jinkoraġġixxi lill-Kumitat biex jagħti spinta lill-kooperazzjoni interistituzzjonali bil-għan li jtejjeb il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà, kif ukoll li jsaħħaħ il-preżenza ta' Membri tal-istituzzjonjiet fil-livell nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, kwalunkwe sforz ulterjuri min-naħa tal-Kumitat sabiex itejjeb il-fluss ta' informazzjoni u, b'hekk, it-trasparenza;

36.  Jenfasizza li r-riskji identifikati fl-awditi u fl-analiżijiet tar-riskji li saru, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja u kwistjonijiet operattivi jew organizzattivi, jeħtieġ li jiġu indirizzati mingħajr dewmien; jitlob preżentazzjoni dettaljata tal-miżuri ta' mitigazzjoni li qed jipproponi l-Kumitat, u kalendarju ċar għall-implimentazzjoni tagħhom, sa tmiem Ġunju 2016;

37.  Jistieden lill-Kumitat jinforma lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda biex "iħeġġeġ l-involviment" taċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal sitwazzjonijiet fejn saru skambji reċiproċi maċ-ċittadini u l-involviment tagħhom seħħ u fejn riżultati diretti - li jistgħu jitkejlu, iffokati u b'impatt viżibbli - ġew miksuba permezz ta' tali parteċipazzjoni;

(1) Id-Deċiżjoni Nru 508/2015 tal-Kumitat tar-Reġjuni, tas-17 ta' Diċembru 2015, li tistabbilixxi regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta.
(2) Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-7 ta' Mejju 2013, Robert McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea (Każ F-86/11; ECLI:EU:F:2013:56).
(3)Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tat-18 ta' Novembru 2014, Robert McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea (Każ F-156/12; ECLI:EU:F:2014:247).
(4) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 132).

Avviż legali - Politika tal-privatezza