Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2163(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0136/2016

Testi mressqa :

A8-0136/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0156

Testi adottati
PDF 374kWORD 108k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: Il-baġit ġenerali tal-UE - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
P8_TA(2016)0156A8-0136/2016
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2015/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0208/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99 u 164 sa 167 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0136/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 20.02.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 5.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2015/2163(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0136/2016),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kompla jimplimenta l-baġit tiegħu mingħajr ma jiġi affettwat minn żbalji kbar u li l-livell ġenerali ta' żbalji fil-baġit amministrattiv ġie stmat mill-Qorti tal-Awdituri li huwa 0,5 %;

2.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fis-sistemi magħżula u fir-rapport ta' attività annwali;

3.  Jistieden lis-SEAE jtejjeb is-sistemi ta' monitoraġġ tiegħu għall-aġġornament f'waqtu tas-sitwazzjoni personali tal-membri tal-persunal, li jista' jkollha impatt fuq il-kalkolu tal-allowances tal-familja; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-allowances għall-persunal diġà kienu punt ta' tħassib u kienu soġġetti għal żbalji fis-snin preċedenti; jitlob li jsiru kontrolli aktar stretti rigward din il-kwistjoni f'isem is-SEAE mill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali;

4.  Jistieden lis-SEAE jkompli bl-isforzi tiegħu biex jappoġġja u jissorvelja l-implimentazzjoni ta' regoli tal-akkwist u proċeduri fid-delegazzjonijiet permezz ta' aċċess għal pariri, taħriġ u gwida mill-kwartieri ġenerali, speċjalment għall-akkwist ta' servizzi ta' sigurtà;

5.  Jirrikonoxxi l-isforzi biex jiġu strutturati aħjar il-kontrolli ex-ante u ex-post ta' operazzjonijiet fi ħdan is-SEAE; jistieden lis-SEAE, f'dan il-kuntest, inaqqas ir-rata ta' żball li nstabet fuq l-impenji u l-pagamenti taħt verifika, li bħalissa hija stmata li hi ta' 18 %;

6.  Jinnota li l-baġit finali għas-sena 2014 għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE kien ta' EUR 518,6 miljun, li jirrappreżenta żieda ta' 1,9 % meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta' qabel, u l-baġit kien maqsum kif ġej: EUR 212,9 miljun għall-kwartieri ġenerali tas-SEAE u EUR 305,7 miljun għad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni; jinnota li, minbarra l-baġit proprju tas-SEAE, il-Kummissjoni kkontribwixxiet EUR 271 miljun f'kumpens għall-ġestjoni tal-persunal tal-Kummissjoni fin-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-UE;

7.  Jieħu nota tal-fatt li, fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE, 65 % tal-baġit hu maħsub għall-ħlas tas-salarji u d-drittijiet l-oħra tal-persunal statutorju u ta' dak estern (jiġifieri EUR 138,2 miljun) u 14 % (jew EUR 29,9 miljun) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati u s-sistemi tal-kompjuter (inklużi s-sistemi u t-tagħmir tal-informazzjoni klassifikata li jammonta għal 12,7 % (jiġifieri EUR 27,1 miljun));

8.  Jinnota li, fir-rigward tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, EUR 305,7 miljun inqasmu bejn EUR 103,4 miljun (33,7 %) relatati mar-remunerazzjoni u l-intitolamenti ta' persunal statutorju, EUR 59,8 miljun (19,6 %) huma għall-persunal estern u servizzi minn barra, EUR 19-il miljun (6,2 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal, EUR 103,1 miljun (33,8 %) għall-bini u EUR 20,4 miljun (6,7 %) għal infiq amministrattiv ieħor;

9.  Jinnota li s-SEAE issa huwa kompletament responsabbli għall-ispejjeż amministrattivi kollha marbuta mal-funzjonament tad-delegazzjonijiet ħlief għad-delegazzjonijiet f'pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP); ifakkar li proċess baġitarju adegwat u b'mod partikolari simplifikazzjoni tal-istruttura baġitarja jibqgħu sfida ewlenija fuq medda qasira ta' żmien sabiex jiġu ssimplifikati ċ-ċirkwiti finanzjarji u tiġi megħjuna l-konsolidazzjoni tal-funzjonament tas-SEAE;

10.  Jistieden lis-SEAE jissimplifika l-arranġamenti tal-baġit attwali u jagħmilhom inqas riġidi, sabiex jippermetti użu flessibbli iżda effikaċi tal-persunal tad-delegazzjonijiet fl-interessi tal-Unjoni;

11.  Jieħu nota tal-organigramma l-ġdida u r-razzjonalizzazzjoni korrispondenti ta' struttura ta' ġestjoni li kellha ammont sproporzjonat ta' karigi tal-ogħla livell favur anqas livelli ġerarkiċi; madankollu jinnota b'dispjaċir li l-qafas finanzjarju u amministrattiv intern tas-SEAE għadu kumpless wisq u riġidu; josserva li l-istruttura attwali ma tippermettix lis-SEAE jirreaġixxi għal kriżijiet b'mod f'waqtu u li, bl-istess mod, il-perjodu ta' żmien biex jaċċessa informazzjoni kruċjali huwa twil; jistieden lis-SEAE jħejji, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-Istati Membri, riforma oħra sabiex jissimplifika l-proċessi interni tiegħu u l-istruttura tiegħu;

12.  Jibqa' mħasseb dwar l-iżbilanċi kontinwi fil-profil tal-persunal tas-SEAE rigward is-sess u n-nazzjonalità; jilqa' l-progress reċenti, iżda jinnota li l-iżbilanċi bejn is-sessi, partikolarment fi gradi ogħla u fil-maniġment, jibqgħu konsiderevoli; jiddispjaċih dwar il-perċentwal baxx ta' waħda miż-żewġ sessi f'pożizzjonijiet maniġerjali għoljin fil-kwartieri ġenerali tas-SEAE (16 %) u f'karigi ta' kapijiet tad-delegazzjonijiet (23 %) u jistenna li jara titjib fil-bilanċ bejn is-sessi f'rapporti annwali futuri; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-għadd sproporzjonat ta' karigi ta' grad għoli fis-SEAE;

13.  Iħeġġeġ lis-SEAE jirrevedi l-formula tal-persunal billi jistabbilixxi l-bilanċ bejn persunal mill-Istati Membri u dak mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jinsisti fuq il-fatt li din il-formula għandha tapplika għal kull livell tal-ġerarkija, partikolarment għall-kapijiet tad-delegazzjonijiet fejn id-diplomatiċi tal-Istati Membri huma rrappreżentati żżejjed wisq, b'59 minn 128 kap ta' delegazzjoni ġejjin minn Stati Membri (jiġifieri 46 %) li minnhom 20 biss minn Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004, fl-2007 u fl-2013; iqis din ir-rappreżentanza żejda bħala sinjal ħażin mibgħut lill-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni mill-2004 lil hawn; huwa tal-fehma li huwa meħtieġ bilanċ aħjar bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u saħansitra fost l-Istati Membri, sabiex tkun rappreżentata u riflessa d-diversità fi ħdan l-Unjoni;

14.  Jenfasizza li bilanċ ġeografiku, jiġifieri r-relazzjoni bejn in-nazzjonalità tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, xorta għandu jibqa' element importanti tal-ġestjoni tar-riżorsi, partikolarment fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni mill-2004 lil hawn, li issa jirrappreżentaw 18 % tal-persunal fil-livell ta' "amministratur" (AD) fil-kwartieri ġenerali u d-delegazzjonijiet, meta mqabbla mas-sehem tagħhom fil-popolazzjoni tal-Unjoni ta' 21 %, li għalihom għadu ma kienx hemm progress;

15.  Jinnota li fl-2014, is-SEAE naqqas l-għadd ta' persunal fil-kwartieri ġenerali tiegħu bi 17-il kariga bħala riżultat tal-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal ta' 5 %;

16.  Jinnota li l-objettiv statutorju li mill-inqas terz tal-persunal fil-livell ta' AD fi ħdan is-SEAE għandu jiġi minn fost id-diplomatiċi mill-Istati Membri ntlaħaq fl-2013 u nqabeż bi ftit fl-2013, bi 33,8 %;

17.  Jinnota, madankollu, l-għadd relattivament għoli ta' esperti nazzjonali sekondati mill-Istati Membri (407 fl-2014 bi 350 fil-kwartieri ġenerali u 57 fid-delegazzjonijiet) u jitlob aktar kjarifiki dwar l-intitolamenti tagħhom, l-ispejjeż finanzjarji għall-baġit tas-SEAE u l-kwistjoni potenzjali tal-kunflitti ta' interess; jemmen li għandha tiġi żviluppata aktar politika ċara relatata mal-esperti nazzjonali sekondati;

18.  Iħeġġeġ lis-SEAE jkompli bil-proċess ta' riflessjoni li qed isir fih dwar il-futur tar-rappreżentanti speċjali tal-UE u r-relazzjoni tagħhom mal-mibgħuta speċjali u s-SEAE;

19.  Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi biex ir-rappreżentanti speċjali tal-UE jiġu integrati aħjar u aktar mill-qrib fl-istruttura amministrattiva u l-ġestjoni superjuri tas-SEAE ħalli jiżdiedu l-interazzjoni u l-koordinazzjoni, jiġu sfruttati s-sinerġiji u tiġi żgurata l-kosteffikaċja; jilqa' l-isforzi li saru biex tiġi indirizzata l-ħtieġa li jiġu integrati b'mod aħjar ir-rappreżentanti speċjali tal-UE u l-informazzjoni li s-SEAE qed jinnegozja mal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni; jitlob li jinżamm infurmat dwar aktar żviluppi dwar dik il-kwistjoni;

20.  Jenfasizza li t-trasparenza u r-responsabbiltà huma rekwiżiti essenzjali mhux biss għal skrutinju demokratiku iżda anke għall-funzjonament xieraq, u l-kredibbiltà tal-missjonijiet imwettqa taħt il-bandiera tal-Unjoni; itenni l-importanza mogħtija mill-Parlament li jkun hemm sorveljanza fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet differenti tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK);

21.  Jinnota l-ħolqien ta' ċentri ta' servizzi kondiviżi bħala mezz biex jitjieb kemm l-appoġġ ċentralizzat amministrattiv u dak fil-qasam tal-loġistika u tal-akkwist għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK u għar-rappreżentanti speċjali tal-UE kif ukoll ir-rapidità tar-realizzazzjoni ta' dawk il-missjonijiet u l-kosteffiċjenza tagħhom; jirrimarka wkoll li bħalissa qed tiġi stabbilita pjattaforma ta' sostenn għall-missjonijiet u li madankollu ma toħloqx duplikazzjoni tal-funzjonijiet;

22.  Jilqa' l-fatt li proġetti ta' kolokazzjoni ta' delegazzjonijiet tal-Unjoni mal-Istati Membri komplew jiġu żviluppati fl-2014 bl-iffirmar ta' 17-il memoranda ta' fehim għal kolokazzjoni, li jġib l-għadd totali ta' arranġamenti ta' kolokazzjoni għal 50; jitlob lis-SEAE jkompli b'din ix-xejra u jirrapporta regolarment lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar din il-kwistjoni;

23.  Jenfasizza li l-kapijiet tad-delegazzjoni tal-Unjoni qed ikomplu jiġu mgħobbija żżejjed b'kompiti amministrattivi minħabba l-inflessibbiltà tar-regolament finanzjarju; jistqarr li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet għandhom jingħataw l-għodod adegwati biex jiġġestixxu u jissorveljaw b'mod effikaċi lid-delegazzjonijiet mingħajr ma jiġġeneraw piż amministrattiv eċċessiv; jilqa' f'dan il-kuntest, id-diskussjoni dwar l-identifikazzjoni tal-kompiti li jistgħu jsiru b'mod remot u l-possibbiltà li jiġu stabbiliti ċentri reġjonali ta' appoġġ amministrattiv li se jtaffu xi wħud minn dawk il-piżijiet u jistgħu jagħmlu parti minn soluzzjoni futura usa'; itenni t-talba tiegħu lis-SEAE u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw is-soluzzjonijiet kollha għal din il-kwistjoni minħabba l-ekonomiji ta' skala;

24.  Iħeġġeġ lis-SEAE jsaħħaħ il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-Kooperazzjoni Konsulari Lokali fost l-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri tal-Unjoni u jkompli jikkunsidra l-possibbiltà li jipprovdi servizzi konsulari permezz tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lis-SEAE sabiex iħejji analiżi dettaljata dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji u l-iffrankar tal-ispejjeż li jkunu saru;

25.  Iħeġġeġ lis-SEAE jistabbilixxi kooperazzjoni, koordinazzjoni u sinerġiji aktar mill-qrib ta' attivitajiet bejn id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-ambaxxati tal-Istati Membri barra mill-pajjiż;

26.  Jinsab imħasseb dwar l-effiċjenza u l-isforzi tal-ħidma tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni barra mill-pajjiż; iħeġġeġ lis-SEAE biex regolarment isegwi l-programm ta' evalwazzjoni tiegħu għad-delegazzjonijiet u sabiex fir-rapport ta' attività annwali tiegħu jipprovdi sinteżi tad-dgħufijiet u d-diffikultajiet prinċipali li wieħed jiltaqa' magħhom waqt il-funzjonament tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni abbażi tal-pjan ta' azzjoni stabbilit għal kull delegazzjoni bħala riżultat tal-missjoni ta' valutazzjoni;

27.  Huwa tal-fehma li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu mfakkra b'mod regolari dwar dmirijiethom matul il-proċess ta' reklutaġġ u ta' qabel il-ħatra dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom ta' ġestjoni u sorveljanza fl-assigurazzjoni ġestjonali relatata mal-portafoll ta' operazzjonijiet tad-delegazzjoni tagħhom (il-proċessi ġestjonali fundamentali, il-ġestjoni tal-kontrolli, fehim u valutazzjoni adegwati tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni) u li m'għandhomx jipprevalu jew jikkonċentraw biss fuq il-komponent politiku ta' dmirijiethom;

28.  Jinnota li tmien delegazzjonijiet ħarġu dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni b'riżerva minħabba kwistjonijiet ta' akkwist, nuqqas ta' riżorsi umani u/jew restrizzjonijiet ta' sigurtà lokali estremi;

29.  Jemmen li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jingħataw gwida ċara fir-rigward tal-linji gwida ġenerali operattivi dwar id-definizzjoni tar-riżervi u l-komponenti tagħhom, l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati biex tinħareġ riżerva, bħal-livell tar-riskji finanzjarji u r-riskji għar-reputazzjoni involuti, id-dgħufijiet operattivi, il-limitazzjonijiet interni u esterni identifikati u l-impatt relatat fuq il-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' pagament; ifakkar li l-ħruġ potenzjali ta' riżerva għandha tidentifika b'mod ċar il-proċess li qed jiltaqa' ma' dgħufijiet rikorrenti jew temporanji filwaqt li jiġi korrelatat mal-funzjonament, l-adegwatezza u l-prestazzjoni tas-sett ta' standards ta' kontroll intern;

30.  Jilqa' l-implimentazzjoni effikaċi tal-istandards ta' kontroll intern bħala l-konklużjoni tal-istħarriġ intern imwettaq fl-2014 fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tas-SEAE, bl-eċċezzjoni tal-kwistjoni tal-kontinwità tan-negozju li għad teħtieġ titjib rapidu fil-proċeduri tal-ġestjoni; iqis utli li jittieħed approċċ dinamiku u olistiku għat-trattament tal-informazzjoni tal-ġestjoni, tal-indikaturi ta' prestazzjoni u tal-istandards ta' kontroll intern peress li kull tip ta' informazzjoni, ibbażata fuq prattika tajba internazzjonali biex jinkisbu għanijiet ta' politika u operattivi definiti b'mod ċar, tikkontribwixxi għall-kwalità globali u l-eżawrjenza tal-proċessi tal-ġestjoni u l-effiċenzja u l-effikaċja fil-ġestjoni tal-politiki tal-Unjoni;

31.  Jistieden lis-SEAE u lill-EuropeAid isaħħu s-superviżjoni tal-kapijiet tad-delegazzjoni fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti mis-sottodelegazzjoni għall-Kummissjoni bl-għan li tiżdied ir-responsabbiltà tagħhom fi ħdan l-assigurazzjoni tal-katina globali billi jipprovdu rappurtar kwalitattiv u eżawrjenti (bl-hekk imsejjaħ Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna) fil-kuntest tar-rapporti ta' attività annwali tas-SEAE u tal-EuropeAid rispettivi;

32.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-EuropeAid jiżguraw li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jindirizzaw b'mod attiv in-nuqqasijiet identifikati fil-programmi u l-proġetti ta' assistenza esterna diġà matul il-fażi ta' implimentazzjoni, sabiex programmi u proġetti li għaddejjin jilħqu l-għanijiet tagħhom u jevitaw id-dewmien;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi u tnaqqas l-impenji pendenti (jitnaqqsu l-impenji pendenti (reste à liquider - RAL), ir-RAC (reste à contracter) u r-RAP (reste à payer) u jitnaqqas il-perjodu medju tal-implimentazzjoni tal-proġetti;

34.  Jilqa' l-fatt li l-linji gwida mtejba u aktar komprensivi li jsaħħu s-superviżjoni tal-kapijiet tad-delegazzjoni, li jkopru r-rekwiżiti kemm tar-responsabbiltà kif ukoll tar-rappurtaġġ, inħarġu fil-qafas tal-eżerċizzju tar-Rapport dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna (RĠAE) li jkopri s-sena 2015;

35.  Jirrikonoxxi li l-valutazzjonijiet li ġejjin mill-RĠAE jipprovdu biss idea tas-sitwazzjoni ta' kull proġett fl-aħħar tas-sena u li l-impatt reali tad-diffikultajiet identifikati jista' jiġi vvalutat biss sa tmiem il-proġett;

36.  Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim amministrattiv bejn l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u s-SEAE skont ir-regolament il-ġdid tal-OLAF li daħal fis-seħħ;

37.  Jiddeplora l-fatt li r-regoli u l-linji gwida operattivi applikabbli għall-istatus ta' informatur għadhom ma ġewx finalizzati taħt il-politika estera u ta' sigurtà komuni; iħeġġeġ lis-SEAE jiffinalizza u jadotta dawk ir-regoli sa tmiem l-2016;

38.  Iqis li s-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jiżviluppaw funzjonijiet ta' appoġġ sabiex jgħinu fir-realizzazzjoni rapida, effiċjenti u konsistenti tal-missjonijiet tal-PSDK, li jipprovdu taħriġ għall-persunal kollu qabel titneda l-missjoni dwar proċeduri u politiki tal-Unjoni, linji gwida komprensivi dwar kompiti operattivi, filwaqt li jagħmlu użu massimu mit-tagħlimiet misluta minn missjonijiet preċedenti tal-PSDK ħalli jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-għarfien u l-effetti ta' sinerġija fost missjonijiet differenti;

39.  Jistieden lis-SEAE jagħti rendikont dwar l-istrument finanzjarju prinċipali tiegħu fl-Afganistan, il-Fond Fiduċjarju għall-Ordni Pubbliku fl-Afganistan immexxi mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (u fondi fiduċjarji multidonatur f'pajjiżi terzi oħra), li qed jiġi kkritikat minħabba ġestjoni ħażina u nuqqas ta' trasparenza; itenni, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-kanali xierqa kollha ta' finanzjament għall-missjonijiet PSDK fil-ġejjieni, inklużi l-fondi fiduċjarji tal-Unjoni, jintużaw b'mod effiċjenti sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi politiċi tal-missjoni u ġestjoni finanzjarja tajba;

40.  Jenfasizza li xi missjonijiet tal-PSDK jinvolvu spejjeż estensivi relatati mas-sigurtà; jenfasizza, fl-istess ħin, li ambjent tax-xogħol sikur huwa essenzjali sabiex jiġu implimentati proġetti b'mod effikaċi u jiġi reklutat persunal kwalifikat; jistieden lis-SEAE jqis l-ispejjeż relatati mas-sigurtà fil-baġit għall-missjonijiet sabiex jipprovdi mezzi finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-mandat reali tal-missjoni;

41.  Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-proċeduri ta' akkwist u tar-riżorsi umani biex jiżguraw li huma jwieġbu għall-bżonnijiet operattivi tal-PSDK; jirrimarka li l-implimentazzjoni ta' proġetti sofriet minn proċeduri ta' akkwist onerużi li wasslu għal prestazzjoni baxxa;

42.  Iħeġġeġ lis-SEAE jtejjeb is-sostenibbiltà tal-eżiti tal-missjonijiet tal-PSDK, sabiex jiżgura li l-aspetti ta' sostenibbiltà jiġu kkunsidrati fl-ippjanar operattiv tal-attivitajiet kollha tal-missjoni tagħha billi jivvaluta sistematikament il-ħtiġijiet u l-kapaċità lokali għas-sostenn tal-eżiti;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jikkoordinaw il-missjonijiet PSDK b'aktar reqqa minn qabel ma' sforzi tal-Unjoni, missjonijiet bilaterali u sforzi internazzjonali oħra b'objettivi simili; jappella, f'dan ir-rigward, għal aktar kooperazzjoni u koordinament bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha permezz tal-promozzjoni ta' sinerġiji;

44.  Itenni l-ħtieġa li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-politika estera u ta' sigurtà tagħhom sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż; jenfasizza li dan huwa ta' importanza kruċjali għall-Istati Membri biex ikunu jistgħu jirreaġixxu b'mod deċiż għall-isfidi ta' sigurtà komuni fi żmien meta dawn l-isfidi qed jiżdiedu b'mod sinifikanti;

45.  Josserva b'dispjaċir li s-SEAE għadu nieqes minn strateġija globali u viżjoni għall-istituzzjoni li tagħmilha diffiċli biex jirreaġixxi malajr għal avvenimenti mhux mistennija fid-dinja li qed tiżviluppa b'mod rapidu; jistieden lis-SEAE jiċċara l-viżjoni tiegħu għall-ġejjieni sabiex jagħti direzzjoni lill-missjoni tiegħu, li l-implimentazzjoni tagħha inkella se tkun dgħajfa, u jipprovdi appoġġ ta' kwalità għolja lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri fit-twettiq tal-politika barranija; f'dan ir-rigward jistieden lis-SEAE jiżviluppa l-kompetenza dwar kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija;

46.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimplimentaw it-tagħlimiet meħuda mill-każ ta' Eulex f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Parlament, filwaqt li b'mod konġunt jesploraw modi biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport Jacqué kkummissjonat mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni pendenti;

47.  Jappella lill-Qorti tal-Awdituri biex, fir-rapport annwali li jmiss tagħha, tinkludi rieżami tas-segwitu mogħti mis-SEAE għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament magħmula f'din ir-riżoluzzjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza