Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2161(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0121/2016

Testi mressqa :

A8-0121/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0157

Testi adottati
PDF 413kWORD 85k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Kwittanza 2014: Il-baġit ġenerali tal-UE - L-Ombudsman Ewropew
P8_TA(2016)0157A8-0121/2016
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew (2015/2161(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0206/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0121/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Ombudsman Ewropew għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 20.02.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 5.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew (2015/2161(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0121/2016),

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali 2014 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tal-elementi awditjati b'relazzjoni mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew (l-"Ombudsman");

2.  Jenfasizza l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 marbuta man-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn kwalunkwe żball materjali;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u li fl-2014 kien jammonta għal EUR 9 857 002 (EUR 9 731 371 fl-2013), b'EUR 7 977 702 allokati għat-Titolu I (nefqa relatata mal-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni), EUR 1 346 800 attribwiti għat-Titolu 2 (bini, tagħmir u nefqa mixxellanja tal-operat) u EUR 532 500 għat-Titolu 3 (nefqa li tirriżulta minn funzjonijiet speċjali li jsiru mill-istituzzjoni);

4.  Jieħu nota tal-fatt li, mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 97,87 % (98,20 % fl-2013) u ġew imħallsa 93,96 % (91,82 % fl-2013) b'rata ta' użu ta' 97,87 % (98,20 % fl-2013), li tirrapreżenta tnaqqis fir-rata ta' użu;

5.  Jinnota żieda partikolari fl-impenji fl-2014 relatati mal-Membri tal-istituzzjoni; jitlob lill-Ombudsman tagħti deskrizzjoni komprensiva ta' dawk l-ammonti fir-rapport ta' segwitu tagħha għall-kwittanza tal-2014;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li f'konformità mal-Istrateġija lejn l-2019 ġdida tiegħu, l-Ombudsman segwiet inkjesti fuq inizjattiva proprja, billi ħadet approċċ aktar sistemiku ta' kwistjonijiet kumplessi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha; iqis li dan huwa għodda effikaċi u jitlob lill-Ombudsman tinforma regolarment lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-impatt ta' dawk l-inkjesti u tidentifika b'mod ċar il-kompiti tal-koordinatur; jirrimarka, madankollu, li l-prijorità tal-Ombudsman għandha tkun li tindirizza l-ilmenti taċ-ċittadini fi żmien raġonevoli u li l-inkjesti fuq inizjattiva proprja fl-ebda ċirkostanza m'għandhom imorru kontra dan l-objettiv;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' kariga ġdida magħrufa bħala "koordinatur ta' inkjesta fuq inizjattiva proprja"; iqis li dan huwa pass lejn xogħol aktar effiċjenti u jistieden lill-Ombudsman tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-prestazzjoni, l-impatt u l-effiċjenza ta' din il-kariga;

8.  Jistieden lill-Uffiċċju tal-Ombudsman biex josserva il-prinċipju ta' trasparenza, b'mod partikolari rigward l-identifikazzjoni u l-assenjazzjoni ta' linji ċari ta' responsabbiltà, u jiżgura li s-sit web tal-Ombudsman ikun aġġornat regolarment u li jirrifletti b'mod preċiż l-organigramma tal-istituzzjoni;

9.  Jinnota li l-Istrateġija lejn l-2019 introduċiet indikaturi ġodda ewlenin ta' prestazzjoni, b'miri speċifiċi ħafna; u li dak, skont it-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, uħud minn dawk il-miri ma ntlaħqux; jirrimarka f'dan ir-rigward li l-Ombudsman ġabet punteġġ iktar baxx f'termini tal-proporzjon ta' inkjesti magħluqa fi żmien 12 u 18-il xahar u aktar minn hekk fil-proporzjon ta' każijiet li fihom id-deċiżjoni dwar l-ammissibilità tittieħed fi żmien xahar; jistieden lill-Ombudsman tiżviluppa strateġija li tindirizza l-mitigazzjoni ta' kwalunkwe nuqqas potenzjali f'dan ir-rigward u żżommlill-awtorità ta' kwittanza informata dwar kwalunque żvilupp;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-proporzjon ta' inkjesti magħluqa għal dawk li għadhom għaddejjin fi tmiem l-eżerċizzju preċedenti (2013), laħaq l-ogħla livell li qatt kien hemm b'punteġġ ta' 1,4 inkjesti magħluqa għal kull waħda li għada għaddejja, kontra l-mira ta' 1,1; jisħaq li fl-2014, il-proporzjon ta' inkjesti magħluqa fi żmien 12 u 18-il xahar naqas; jirrikonoxxi li, skont l-Ombudsman li l-Istrateġija lejn l-2019 l-ġdida, inkluż it-twettiq ta' inkjesti fuq inizjattiva proprja, kellha impatt fuq l-għadd ta' każijiet magħluqa; jitlob lill-Ombudsman tagħti spjegazzjoni aktar ċara dwar dan l-impatt lill-awtorità ta' kwittanza fir-rapport ta' segwitu li jmiss dwar il-kwittanza;

11.  Jisħaq li l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman għadu għoli ħafna, speċjalment minn ċittadini ta' xi Stati Membri bħal Spanja u l-Polonja, li bla dubju joħloq ħafna frustrazzjoni fost iċ-ċittadini fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni b'mod ġenerali u tal-Ombudsman b'mod partikolari; għaldaqstant, jistieden lill-Ombudsman ittejjeb il-politika tagħha fir-rigward tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u toħloq rabtiet aktar b'saħħithom għal kooperazzjoni regolari u mingħajr xkiel man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen u mal-ombudsmen nazzjonali u reġjonali sabiex tirrimedja din il-problema;

12.  Jinnota li, skont it-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, l-livell ta' sodisfazzjon fost il-persunal tal-Ombudsman kien iktar baxx minn dak immirat; jirrikonoxxi li din is-sitwazzjoni kienet prinċipalment relatata ma' bidliet kruċjali fl-istruttura tal-Ombudsman u minn dakinhar ġiet solvuta permezz ta' ċertu għadd ta' miżuri; jistieden lill-Ombudsman tkompli tiżgura livell għoli ta' sodisfazzjon tal-persunal;

13.  Jilqa' r-rapport annwali tal-attività li huwa strutturat tajjeb, ċar u faċli biex jinqara, ippreżentat mill-Ombudsman; jilqa' l-istrateġija intensifikata tal-komunikazzjoni esterna u l-preżenza aktar qawwija tagħha fuq il-midja soċjali;

14.  Jistenna li l-Ombudsman tkompli tistinka għall-konsistenza fir-rapport annwali tal-attività u li dan ir-rapport tagħmlu kompletament komprensiv, peress li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tagħha;

15.  Jinnota l-għadd kbir ta' missjonijiet tal-persunal tal-Ombudsman bejn Brussell u Strasburgu (212 b'kollox, li jammontaw għal EUR 126 000 flimkien ma' madwar EUR 60 000 f'ħin tax-xogħol mitluf waqt l-ivvjaġġar); jistieden lill-Ombudsman tnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' missjonijiet tal-persunal tagħha u tagħmel użu massimu ta' vidjokonferenzi u mezzi tekniċi oħra relatati, kif diġà qed jagħmlu istituzzjonijiet oħra, sabiex jiġi evitat l-ivvjaġġar u jitnaqqsu l-ispejjeż b'mod sinifikanti; ifakkar lill-Ombudsman, barra minn hekk, dwar l-impatt ambjentali tal-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati minn dan l-ivvjaġġar u li għalhekk huwa importanti li tassumi r-responsabbiltajiet tagħha f'dan ir-rigward u tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress li tkun għamlet;

16.  Jinsab imħasseb dwar il-politika ta' reklutaġġ tal-Ombudsman, li involviet l-użu dirett ta' proċeduri ta' emerġenza biex jiġu impjegati dawk li kienu apprendisti b' kuntratti qosra; jiddeplora l-fatt li tliet membri tal-persunal temporanju ġew reklutati fl-2014 mingħajr ma għaddew mill-proċedura ta' għażla; jistieden lill-Ombudsman iġġib f'konformità, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-kriterji tal-għażla tal-persunal tagħha mal-istandards ta' kwalità ta' trasparenza, ta' oġġettività u ta' opportunitajiet indaqs tas-servizz ċivili Ewropew;

17.  Jilqa' l-progress li sar mill-Ombudsman fl-2015 dwar il-bilanċ bejn is-sessi; jenfasizza, madankollu, li d-data disponibbli għall-2014 għadha turi disparitajiet kbar, b'mod partikolari fil-karigi AST (21/9) u l-pożizzjonijiet maniġerjali (9/2), u jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti objettivi fuq medda ta' żmien medju li jiksbu l-bilanċ meħtieġ, u li tkompli l-ħidma b'mod attiv fuq din id-direzzjoni;

18.  Jitlob lill-Ombudsman, bil-ħsieb li tiġi żgurata trasparenza akbar, biex tinkludi tabella tar-riżorsi umani kollha mqassmin skont in-nazzjonalità, is-sess u l-grad fir-rapport annwali tal-attività tagħha; jistieden lill-Ombudsman twieġeb id-domandi mqajma mill-Parlament u mill-istituzzjonijiet l-oħra dwar il-pensjonijiet;

19.  Iġedded is-sejħa tiegħu li saret is-sena l-oħra, għall-Ombudsman biex tiddikjara, fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2015, ir-rata tas-servizzi ta' interpretazzjoni mitluba iżda mhux użati għall-2014;

20.  Jilqa' l-iffrankar fuq il-linji baġitarji għat-traduzzjoni u l-pubblikazzjonijiet;

21.  Itenni t-talbiet tiegħu, fir-rapporti annwali tal-attività tagħha, fuq l-Ombudsman tinkludi, f'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-Ombudsman jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett ta' investigazzjoni;

22.  Jieħu nota tal-kalkoli tal-Ombudsman fir-rigward ta' ffrankar potenzjali ta' EUR 195 000 jekk ikollha biss sede waħda; iqis li s-sede tal-Ombudsman hija marbuta mas-sede tal-Parlament u għalhekk iqis li jeħtieġ li l-Ombudsman tiġi inkluża fi kwalunkwe dibattitu dwar iċ-ċentralizzazzjoni tas-sede tal-Parlament; jisħaq li din iċ-ċentralizzazzjoni għandha tkun promossa b'mod attiv.

Avviż legali - Politika tal-privatezza